ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.113.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 113

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
25 ta' April 2013


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2013 għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 378/2013 tal-24 ta’ April 2013 li japprova s-sustanza attiva tar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

5

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 379/2013 tal-24 ta’ April 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

9

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/191/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

11

 

 

2013/192/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lir-Repubbika Franċiża tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

13

 

 

2013/193/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża li tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

15

 

 

2013/194/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 li taħtar membru Spanjol u membru supplenti Spanjol fil-Kumitat tar-Reġjuni

17

 

 

2013/195/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2013 li tiddefinixxi arranġamenti prattiċi, formati uniformi u metodoloġija fir-rigward tal-ispettru tar-radju stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (notifikata bid-dokument C(2013) 2235)  ( 1 )

18

 

 

2013/196/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/715/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi b’qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni ( 1 )

22

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE ( ĠU L 315, 14.11.2012 )

24

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/1


DEĊIŻJONI Nru 377/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ April 2013

għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-settur tal-avjazzjoni huwa prevalentement ta’ natura internazzjonali. Għalhekk approċċ globali għall-indirizzar tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali li qed jiżdiedu malajr għandu jkun il-mod preferut u l-aktar effikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni.

(2)

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-klima (UNFCCC) tirrikjedi lill-partijiet kollha li jfasslu u jimplimentaw programmi nazzjonali u, meta jkun xieraq, reġjonali li jkun fihom miżuri ta’ mitigazzjoni tal-bidla fil-klima.

(3)

L-Unjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ CO2, inklużi l-emissjonijiet mill-avjazzjoni. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu biex jinkiseb dak it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

(4)

In-negozjati tal-ftehimiet kollha tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni ma’ pajjiżi terzi għandu jkollhom l-għan li jissalvagwardjaw il-flessibbiltà tal-Unjoni li tieħu azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, inkluż fir-rigward ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tal-impatt tal-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima.

(5)

Sar progress fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) lejn l-adozzjoni, fit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO li għandha ssir mit-24 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru 2013, ta’ qafas globali għall-politika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, u dwar l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (“MBM”). Tali qafas jista’ jagħti kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali ta’ CO2.

(6)

Sabiex jiġi ffaċilitat dan il-progress u jingħata iktar momentum, ta’ min jipposponi l-infurzar tar-rekwiżiti li jinħolqu qabel it-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO u marbutin mat-titjiriet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), dipendenzi u territorji tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni. Għalhekk m’għandhiex tittieħed azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għar-rappurtar tal-emissjonijiet ivverifikati għas-snin kalendarji 2010, 2011 u 2012 u għar-restituzzjoni korrispondenti tal-kwoti għall-2012 dwar ir-rappurtar tal-emissjonijiet verifikati u għar-restituzzjoni korrispondenti ta’ kwoti għall-2012 minn titjiriet lejn u minn tali ajruporti. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu jixtiequ jkomplu jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan.

(7)

Sabiex tiġi evitata id-distorzjoni tal-kompetizzjoni, id-deroga prevista minn din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jew ma jkunux irċevew jew ikunu rritornaw il-kwoti kollha mingħajr ħlas li jkunu nħarġu fir-rigward ta’ tali attivitajiet li jkunu seħħew fl-2012. Għall-istess raġuni, dawk il-kwoti m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-drittijiet għall-użu tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Il-kwoti tal-avjazzjoni 2012 li ma jkunux ingħataw lit-tali operaturi tal-inġenji tal-ajru jew li jkunu ngħataw lura għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni billi jiġu kkanċellati. In-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni rkantati għandu jiġi aġġustat b’riżultat tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikolu 3d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(9)

Id-deroga prevista minn din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-integrità ambjentali u l-għan ġenerali tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-bidla fil-klima, u lanqas m’għandha tirriżulta f’distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk, u sabiex jitħares l-għan ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE, li tifforma parti mill-qafas legali biex l-Unjoni tonora l-impenn indipendenti tagħha li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tagħha sa 20 % taħt il-livelli tal-1990, dik id-Direttiva għandha tibqa’ tapplika għal titjiriet li jitilqu minn ajruporti jew li jaslu f’ajruporti fit-territorju ta’ Stat Membru, lejn jew minn ajruporti f’ċerti żoni jew pajjiżi barra l-Unjoni li huma konnessi mill-qrib jew assoċjati.

(10)

Id-deroga prevista minn din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-emissjonijiet tal-avjazzjoni tal-2012. Il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-ICAO dwar l-Avjazzjoni Internazzjonali u l-Bidla fil-Klima (HGCC) ġie stabbilit biex jipprovdi gwida dwar l-iżvilupp ta’ qafas għall-MBMs, biex jevalwa l-fattibbiltà ta’ opzjonijiet għal MBM globali u biex jidentifika sett ta’ miżuri teknoloġiċi u operattivi. Din id-deroga hija pprovduta mill-Unjoni biex tiffaċilita ftehim fit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO dwar skeda ta’ żmien realistika għall-iżvilupp ta’ MBM globali lil hinn mit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO u dwar qafas għall-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni komprensiva ta’ MBMs nazzjonali u reġjonali għall-avjazzjoni internazzjonali, sakemm jiġi applikat l-MBM globali. Fuq din il-bażi, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-interazzjoni ottimali bejn kwalunkwe eżitu tali u l-iskema għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, jistgħu jitqiesu aktar passi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, meta tivvaluta l-ħtieġa għal aktar azzjoni, għandha tqis ukoll l-impatt possibbli fuq it-traffiku tal-ajru intra-Ewropew bl-għan li tiġi evitata kull distorzjoni tal-kompetizzjoni.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO u tipproponi malajr miżuri skont ir-riżultati, kif xieraq.

(12)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet nazzjonali minħabba l-iskadenza ta’ restituzzjoni tat-30 ta’ April 2013 kif imsemmi fid-Direttiva 2003/87/KE. Konsegwentement, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri m’għandhom jieħdu l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 12(2a) u fl-Artikolu 14(3) ta’ dik id-Direttiva għas-snin kalendarji 2010, 2011 u 2012 għal attivitajiet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni u li mhumiex membri tal-EFTA, li mhumiex dipendenzi u territorji tal-Istati fiż-ŻEE jew li mhumiex pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, f’każ li t-tali operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunu ngħataw l-ebda kwota b’xejn għat-tali attivitajiet fl-2012 jew, f’każ li t-tali operaturi, jekk ikunu ngħataw it-tali kwoti, ikunu rritornaw, sat-tletin jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, lill-Istati Membri għal kanċellazzjoni, numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni 2012 li jikkorrispondu għas-sehem ta’ tunnellati-kilometru verifikati ta’ tali attività fis-sena ta’ referenza 2010.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jikkanċellaw il-kwoti kollha tal-avjazzjoni tal-2012 li jew ikunu għadhom ma nħarġux jew, jekk ikunu nħarġu, ikunu ngħatawlhom lura għat-titjiriet minn u lejn l-ajruporti msemmija fl-Artikolu 1

2.   Fir-rigward tal-kanċellazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirkantaw numru imnaqqas ta’ kwoti tal-avjazzjoni tal-2012. Dak it-tnaqqis għandu jkun proporzjonat għall-inqas numru ta’ kwoti totali tal-avjazzjoni fiċ-ċirkolazzjoni. Sakemm in-numru mnaqqas ta’ dawk il-kwoti ma jkunx ġie rkantat qabel l-1 ta’ Mejju 2013, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw kif xieraq n-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni li għandhom jiġu rkantati fl-2013.

Artikolu 3

Il-kwoti tal-avjazzjoni kkanċellati skont l-Artikolu 2 m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-intitolamenti għall-użu tal-krediti internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha toħroġ il-gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tan-negozjati tal-ICAO u għandha tipprovdilhom rapport sħiħ dwar ir-riżultati miksuba fit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-24 ta’ April 2013.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  Opinjoni tat-13 ta’ Frar 2013 (għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2013 (għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013.

(3)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE, l-introjtu ġġenerat mill-irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni għandu jintuża sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi, fost l-oħrajn, biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-adattament mal-impatti tat-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi, speċjalment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-finanzjament tar-riċerka u tal-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż partikolarment fl-oqsma tal-aeronawtika u t-trasport bl-ajru, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi u biex ikopru l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-iskema Komunitarja. Id-dħul mill-bejgħ bl-irkant għandu jintuża wkoll sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-deforestazzjoni.

Il-Kummissjoni tinnota li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda dwar l-użu tal-introjtu ġġenerat mill-irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni. Dispożizzjonijiet speċifiċi fuq il-kontenut ta’ dan ir-rappurtar huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru …/2013 (1) dwar mekkaniżmu għal monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rappurtar ta’ informazzjoni oħra fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti għat-tibdil fil-klima u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE. Aktar dettalji se jiġu stabbiliti mill-att tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri se jagħmlu r-rapporti pubbliki, u l-Kummissjoni se tippubblika l-informazzjoni tal-Unjoni aggregat fuq dawn b’mod faċli u aċċessibli.

Il-Kummissjoni tenfasizza li mekkaniżmu bbażat fis-suq globali li jagħti prezz internazzjonali lill-emissjonijiet tal-karbonju mill-avjazzjoni tat-trasport internazzjonali jista’, barra milli jikseb l-għan primarju tiegħu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jgħin biex jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġa l-mitigazzjoni internazzjonali tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta’ adattament.


(1)  Għandu jiġi ppublikat dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 378/2013

tal-24 ta’ April 2013

li japprova s-sustanza attiva tar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2009, għandha tapplika d-Direttiva 91/414/KEE (2), fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, għas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva qabel l-14 ta’ Ġunju 2011. Għar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/565/KE (3).

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE fl-4 ta’ Frar 2004, il-Belġju rċieva applikazzjoni minn FuturEco S.L. għall-inklużjoni tas-sustanza attiva tar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2008/565/KE ikkonfermat li d-dossier kien “komplut” fis-sens li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

(3)

Għal dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. Ir-relatur maħtur mill-Istat Membru ressaq abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni fid-29 ta’ Marzu 2007.

(4)

L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”). L-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus  (4) fl-20 ta’ Awwissu 2012. L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew irriveduti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie ffinalizzat fil-15 ta’ Marzu 2013 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus.

(5)

Minn bosta eżamiijiet li saru, deher li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu r-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus huma mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi tagħhom li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li r-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus tiġi approvata.

(6)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel l-approvazzjoni sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-approvazzjoni.

(7)

Madankollu, bla preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala konsegwenza tal-approvazzjoni, u meta titqies is-sitwazzjoni speċifika li nħolqot bit-tranżizzjoni mid-Direttiva 91/414/KEE għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu japplika dan li ġej. L-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-approvazzjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus. L-Istati Membri għandhom, kif xieraq, ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet. B’deroga minn dik l-iskadenza, għandu jingħata perjodu itwal għas-sottomissjoni u għall-valutazzjoni tal-aġġornament tad-dossier komplut tal-Anness III, kif stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skont il-prinċipji uniformi.

(8)

L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (5), uriet li jistgħu jinħolqu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-obbligi tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, speċjalment l-obbligu li jkun ivverifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I ta’ dik id-Direttiva jew ir-Regolamenti li japprovaw is-sustanzi attivi.

(9)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (6), għandu jiġi emendat kif jixraq.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta’ sustanza attiva

Is-sustanza attiva tar-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Valutazzjoni mill-ġdid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

1.   F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Marzu 2014.

Sa dik id-data huma għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ħlief dawk identifikati fil-kolonna dwar dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak l-Anness, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu dossier jew għandu aċċess għalih, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) sa (4) ta’ dik id-Direttiva u l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus bħala l-unika sustanza attiva unika jew bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, li kollha huma elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-Istati Membri, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2013, għandhom jerġgħu jevalwaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi, kif huwa msemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, abbażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE u billi jqisu l-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Wara li dan jiġi stabbilit, l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2015; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Marzu 2015 jew sad-data ffissata għal emenda jew irtirar bħal dan fl-att jew fl-atti rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi attivi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jew approvaw dik is-sustanza jew dawk is-sustanzi, skont liema minnhom tkun l-iktar riċenti.

Artikolu 3

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 181, 10.7.2008, p. 49.

(4)  The EFSA Journal 2012; 10(9):2869. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu

(5)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.

(6)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.


ANNESS I

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus

Numru tal-ġbir: USDA-ARS collection of Entomopathogenic Fungal Cultures U.S. Plant Soil and Nutrition laboratory. New York. Numru ta’ reġistrazzjoni ARSEF 4490

Mhux applikabbli

Minimu ta’ 1,0 × 109 CFU/g

Massimu ta’ 3,0 × 109 CFU/g

fl-1 ta’ Ottubru 2013

fit-30 ta’ Settembru 2023

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tal-15 ta’ Marzu 2013.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema, u jqisu li r-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus għandha titqies bħala sensitizzatur potenzjali.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.


ANNESS II

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, qed tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“39

Ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus

Numru tal-ġbir: USDA-ARS collection of Entomopathogenic Fungal Cultures U.S. Plant Soil and Nutrition laboratory. New York. Numru ta’ reġistrazzjoni ARSEF 4490

Mhux applikabbli

Minimu ta’ 1,0 × 109 CFU/g

Massimu ta’ 3,0 × 109 CFU/g

fl-1 ta’ Ottubru 2013

fit-30 ta’ Settembru 2023

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar ir-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tal-15 ta’ Marzu 2013.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema, u jqisu li r-razza FE 9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus għandha titqies bħala sensitizzatur potenzjali.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.”


(*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ analiżi.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 379/2013

tal-24 ta’ April 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

63,5

TN

82,2

TR

120,8

ZZ

88,8

0707 00 05

MA

99,6

TR

130,8

ZZ

115,2

0709 93 10

TR

107,6

ZZ

107,6

0805 10 20

EG

55,6

IL

72,2

MA

51,8

TN

69,6

TR

59,9

ZZ

61,8

0805 50 10

TR

109,2

ZA

105,2

ZZ

107,2

0808 10 80

AR

102,1

BR

91,2

CL

119,2

CN

76,7

MK

28,7

NZ

139,9

US

198,9

ZA

111,0

ZZ

108,5

0808 30 90

AR

100,5

CL

124,0

NZ

199,4

ZA

120,1

ZZ

136,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ April 2013

li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/191/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2011 u s-27 ta’ Awwissu 2012, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tat-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri fir-rigward tal-vetturi tal-passiġġieri.

(2)

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mil-Latvja. B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex teżamina t-talba.

(3)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi rċevuti minnha u użati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tal-istess Direttiva tirrikjedi li l-persuni taxxabbli jieħdu kont tal-VAT meta assi kummerċjali jintuża b’mod privat.

(4)

Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali, u anke meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq piż kbir. Skont il-miżuri mitluba, l-ammont ta’ VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward ta’ vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx esklussivament għal finijiet kummerċjali għandu jkun stabbilit f’rata perċentwali fissa, b’xi eċċezzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mil-Latvja, rata ta’ 80 % tkun ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tal-passiġġieri għandu jkun sospiż meta dawk il-vetturi tal-passiġġieri jkunu soġġetti għal limitazzjoni awtorizzata b’din id-Deċiżjoni. Dik il-miżura ta’ simplifikazzjoni tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tax-xogħol u timpedixxi l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ kontabilizzar ħażin.

(5)

Il-limitazzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis taħt l-awtorizzazzjoni għandha tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri speċifikati u fuq l-infiq relatat, inkluż ix-xiri ta’ fjuwil.

(6)

L-awtorizzazzjoni għandha tapplika biss għal vetturi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq. Kwalunkwe użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tal-passiġġieri li teċċedi 3 500 kilogramma jew li jkollhom aktar minn tmien postijiet minbarra tal-post tas-sewwieq huwa negliġibbli minħabba l-karatteristiċi ta’ dawk il-vetturi jew it-tip ta’ negozju li huma użati għalih. Lista dettaljata ta’ kategoriji ta’ vetturi tal-passiġġieri esklużi mill-awtorizzazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll, abbażi tal-finijiet partikolari li huma użati għalihom.

(7)

Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni tal-kategoriji tal-infiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet għad-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-mutur. Huwa għalhekk xieraq li jkun ristrett il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sa meta d-Direttiva proposta ssir applikabbli. Madankollu, huwa meħtieġ li tkun prevista data ta’ skadenza speċifika għall-awtorizzazzjoni, li tapplika fil-każ li d-Direttiva proposta ma tkunx għadha saret applikabbli sa dik id-data, ladarba jkun meħtieġ li ssir reviżjoni tal-awtorizzazzjoni ġenerali u l-perċentwali ta’ tqassim bejn użu kummerċjali u użu mhux kummerċjali.

(8)

Fil-każ li l-Latvja tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2015 hija neċessarja, hija għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2015, li jinkludi reviżjoni tal-perċentwali applikat flimkien mat-talba għal estensjoni.

(9)

Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja hija awtorizzata li tillimita għal 80 % d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq in-nefqa fuq vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali.

Artikolu 2

B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu mhux kummerċjali ta’ vettura tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ persuna taxxabbli ta’ negozju, fejn dik il-vettura kienet suġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkopri x-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġiera li mhumiex kompletament użati għal finijiet kummerċjali kif ukoll l-infiq relatat ma’ manutenzjoni, tiswija u fjuwil għal tali vetturi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal vetturi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq.

Artikolu 5

L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kategoriji ta’ vetturi tal-passiġġieri:

(a)

vetturi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għall-kiri fit-tul;

(b)

vetturi użati għat-trasport tal-passiġġieri għal miżata, inklużi servizzi ta’ taxi;

(c)

vetturi użati għall-provvista ta’ trasportazzjoni ta’ oġġetti;

(d)

vetturi użati għall-provvista ta’ lezzjonijiet tas-sewqan;

(e)

vetturi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ għassa;

(f)

vetturi użati bħala vettura ta’ emerġenza;

(g)

vetturi li jintużaw bħala dimostrazzjoni għal vetturi għall-bejgħ.

Artikolu 6

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha:

(a)

tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2015; u

(b)

tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tal-perċentwali stipulat fl-Artikolu 1.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data li fiha jsiru applikabbli regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-magna li ma tikkwalifikax għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/13


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ April 2013

li tawtorizza lir-Repubbika Franċiża tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2013/192/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE (2) awtorizzat lir-Repubblika Franza (minn issa “Franza”) biex tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

B’ittra datata 12 ta’ Marzu 2012, Franza talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa tal-enerġija għall-petrol bla ċomb użat bħala fjuwil tal-karozzi permezz ta’ estensjoni ta’ prattika segwita taħt id-Deċiżjoni 2007/880/KE. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 kull ettolitru. L-awtorizzazzjoni hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. F’Korsika il-kost ta’ forniment ta’ petrol bla ċomb lill-pompi huwa konsiderevolment ogħla minn dak fi Franza kontinentali, bil-prezzijiet finali jkunu EUR 0,10 għal kull litru ogħla minn dawk tal-kontinent.

(3)

Billi titnaqqas it-taxxa fuq il-petrol bla ċomb li jkollhom iġarrbu l-konsumaturi f’Korsika, il-konsumaturi kkonċernati se jitqiegħdu fuq livell iktar ugwali ma’ dawk li jgħixu fuq il-kontinent. Għalhekk il-miżura tirrispetta objettivi reġjonali u ta’ koeżjoni.

(4)

It-tnaqqis fit-taxxa ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jittieħed kont tal-kost addizzjonali ta’ trasport u distribuzzjoni mġarrab mill-konsumaturi f’Korsika.

(5)

Il-livell finali ta’ tassazzjoni huwa konformi mar-rati minimi stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE — attwalment EUR 359/1 000 litru (jew EUR 35,90/ettolitru). Dan jgħodd anki meta jittieħed kont ta’ awtorizzazzjoni mogħtija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża biex tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni fuq karburanti skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (3), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013, anke jekk l-effetti ta’ dik id-Deċiżjonijkunu kkombinati ma’ dawk ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Minħabba n-natura mbiegħda u insulari tad-dipartimenti li tapplika għalihom u l-fatt li t-tnaqqis fir-rata huwa moderat — li, barra min hekk, huwa għoli ferm meta mqabbel mal-livell minimu stipulat mid-Direttiva 2003/96/KE —, il-miżura mitluba mhux se twassal għall-ebda moviment speċifikament marbut mal-forniment ta’ karburant.

(7)

Konsegwentament, il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u mhux inkompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma ta’ saħħa, ambjent, enerġija u trasport.

(8)

Franza għandha għalhekk tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, li tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u kkunsmat f’Korsika, sal-31 ta’ Diċembru 2018.

(9)

Isegwi mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu jrid ikollha żmien strettament limitat.

(10)

Sabiex tipprovdi lid-dipartimenti kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta’ sitt snin. Madankollu, bil-għan li ma jiġux preġudikati l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stipulat li, kieku l-Kunsill kellu, meta jkun qed jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija li għalihom ma tiġix adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni tiskadi dakinhar li jidħlu fis-seħħ ir-regoli fuq dik is-sistema modifikata.

(11)

Irid jiġi żgurat li Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku li għalih tirrelata din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2013, b’segwitu mingħajr interruzzjoni tal-arranġamenti preċedenti taħt id-Deċiżjoni 2007/880/KE. L-awtorizzazzjoni rikjesta għandha għaldaqstant tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013.

(12)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-Għajnuna mill-istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b’dan awtorizzata li tapplika tnaqqis fir-rata ta’ tassazzjoni li ma jkunx ta’ aktar minn EUR 1 għal kull ettolitru għall-petrol bla ċomb użat bħala fjuwil tal-magni u kkunsmat fid-dipartimenti ta’ Korsika

It-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport, ħażna u distribuzzjoni mġarrba fid-dipartimenti ta’ Korsika meta mqabbel ma’ dak fil-parti kontinentali ta’ Franza.

Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mal-obbligi tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari r-rati minimi msemmija fl-Artikolu 7 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2018.

Madankollu, kieku l-Kunsill kellu, meta jkun qed jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva ma tkunx ġiet addottata, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-jum li jiġu applikabbli r-regoli ta’ dik is-sistema mmodifikata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  ĠU L 346, 29.12.2007, p. 15.

(3)  Ara l-paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ April 2013

li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża li tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2013/193/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/38/UE (2) tawtorizza lir-Repubblika Franċiża (minn issa “Franza”) biex tapplika, għal perjodu ta’ tliet snin, livelli differenzjati ta’ tassazzjoni fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb għall-għanijiet ta’ riforma amministrattiva li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni ta’ ċerti setgħat speċifiċi li preċedentement kienu eżerċitati mill-gvern ċentrali. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/38/UE skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2012.

(2)

B’ittra bid-data tal-10 ta’ Frar 2012, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rati differenzjati ta’ tassazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet għal perjodu ulterjuri ta’ sitt snin wara l-31 ta’ Diċembru 2012.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/38/UE ġiet adottata fuq il-bażi li l-miżura mitluba minn Franza kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. B’mod partikolari, ġie kkunsidrat li l-miżura ma kinitx se tfixkel it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Ġie kkunsidrat ukoll li kienet f’konformità mal-politiki relevanti tal-Unjoni.

(4)

Il-miżura nazzjonali hija parti minn politika maħsuba biex iżżid l-effiċjenza amministrattiva billi ttejjeb il-kwalità u tnaqqas l-ispiża tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll politika ta’ sussidjarità. Din toffri lir-reġjuni inċentiv addizzjonali biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b’mod trasparenti. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/38/UE teħtieġ li t-tnaqqis ikun marbut maċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat. Għaldaqstant, għadd ta’ reġjuni bi prodott domestiku gross inqas mill-medja jew b’qgħad ogħla mill-medja applikaw rati aktar baxxi. B’mod ġenerali, il-miżura nazzjonali hi bbażata fuq kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

(5)

Il-limiti stretti stabbiliti għat-differenzjazzjoni fir-rati fuq bażi reġjonali kif ukoll l-esklużjoni mill-miżura taż-żejt tal-gass użat għall-għanijiet kummerċjali jimplikaw li r-riskju ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern huwa baxx ħafna. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-miżura sa issa wriet tendenza qawwija min-naħa tar-reġjuni li jimponu r-rata massima permessa u li kompliet tnaqqas kull potenzjal għat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

(6)

L-ebda ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern ma kien irrappurtat, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-kapaċità tagħhom bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

(7)

Meta ġiet oriġinarjament mitluba, il-miżura nazzjonali kienet ġiet wara żieda fit-taxxa ugwali għall-marġini għat-tnaqqis reġjonali. F’dak il-kuntest u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni kif ukoll tal-esperjenza miġbura, ma jidhirx li l-miżura nazzjonali hija f’kunflitt mal-politiki tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima.

(8)

Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija taħtu jrid ikollha żmien strettament limitat. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE tipprovdi regola permanenti li tippermetti lil Franza, sa ċerti limiti, biex tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni fil-livell tar-reġjuni Franċiżi. Għalhekk huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għal tliet snin u li jiġi stipulat li, fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni tiskadi ladarba l-imsemmija regola permanenti ssir applikabbli. Barra minn dan, sabiex ma jiġux imminati l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa importanti wkoll li jiġi stipulat li, f’każ li l-Kunsill jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli dwar din is-sistema mmodifikata.

(9)

Għandu jkun żgurat li Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma’ din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2013 mingħajr ebda xkiel b’kontinwazzjoni tal-arranġamenti preċedenti, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/38/UE. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-Għajnuna mill-istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Franza hija b’dan awtorizzata li tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq iż-żejt tal-gass użati bħala fjuwil għall-karozzi. Iż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali fit-tifsira tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE ma għandu jkun eliġibbli għall-ebda tnaqqis bħal dan.

2.   Ir-reġjuni amministrattivi jistgħu ikunu permessi japplikaw tnaqqis differenzjat sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis ma jkunx aktar minn EUR 35,4 għal kull 1 000 litru ta’ petrol bla ċomb jew EUR 23,0 għal kull 1 000 litru ta’ żejt tal-gass;

(b)

it-tnaqqis ma jkunx aktar mid-differenza bejn il-livelli ta’ tassazzjoni għaż-żejt tal-gass għall-użu mhux kummerċjali u ż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali;

(c)

it-tnaqqis ikun marbut mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi oġġettivi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat;

(d)

l-applikazzjoni tat-tnaqqis reġjonali ma jkollhiex l-effett li tagħti xi vantaġġ kompetittiv lil xi reġjun fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni.

3.   Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2015.

Madankollu, din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data l-aktar kmieni meta ssir applikabbli waħda minn dawn il-modifiki għad-Direttiva 2003/96/KE:

is-sistema ġenerali għat-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija hija mmodifikata b’mod li għaliha din l-awtorizzazzjoni mhijiex adattata,

Franza hija awtorizzata li tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni fil-livell tar-reġjuni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 01 p. 405).

(2)  ĠU L 19, 22.1.2011, p. 13.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ April 2013

li taħtar membru Spanjol u membru supplenti Spanjol fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2013/194/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Spanjol,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009 u fit-18 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet 2009/1014/UE (1) u 2010/29/UE (2) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2010 sal-25 ta’ Jannar 2015.

(2)

Konsegwentement għat-tmiem tal-mandat tas-Sur Juan Ignacio DIEGO PALACIOS, sar vakanti siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni. Konsegwentement għat-tmiem tal-mandat tas-Sinjura Cristina MAZAS PÉREZ OLEAGA sar vakanti siġġu ta’ membru supplenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin membri fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2015:

(a)

bħala membru:

is-Sinjura Cristina MAZAS PÉREZ-OLEAGA, Consejera de Economía, Hacienda y Empleo

u

(b)

bħala membru supplenti:

is-Sinjura Inmaculada VALENCIA BAYÓN, Directora General de Economía y Asuntos Europeos.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 348, 29.12.2009, p. 22.

(2)  ĠU L 12, 19.1.2010, p. 11.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2013

li tiddefinixxi arranġamenti prattiċi, formati uniformi u metodoloġija fir-rigward tal-ispettru tar-radju stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju

(notifikata bid-dokument C(2013) 2235)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/195/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ġie stabbilit inventarju tal-użi eżistenti tal-ispettru, kemm għal finijiet kummerċjali kif ukoll pubbliċi, permezz tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE. Biex dan l-inventarju jiġi implimentat, għandu jiġi adottat att ta’ implimentazzjoni, minn naħa, biex jiżviluppa arranġamenti prattiċi u formati uniformi għall-ġbir u l-provvediment tad-dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-użi eżistenti tal-ispettru u min-naħa l-oħra biex jiżviluppa metodoloġija għall-analiżi tax-xejriet tat-teknoloġija, tal-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru fl-oqsma ta’ politika koperti mill-programm ta’ politika tal-ispettru tar-radju (RSPP), sabiex jiġu identifikati użi sinifikanti li qed jiżviluppaw u potenzjali tal-ispettru, b’mod partikolari fil-medda ta’ frekwenza bejn 400 MHz u 6 GHz (minn hawn ‘il quddiem “l-ispettru rilevanti”).

(2)

L-inventarju għandu jgħin sabiex jiġu identifikati l-meded tal-ispettru li fihom tista’ titjieb l-effikaċja tal-użi eżistenti tal-ispettru, b’mod partikolari l-meded li jistgħu jkunu xierqa għar-riallokazzjoni u għall-opportunitajiet tal-kondiviżjoni tal-ispettru, biex ikunu ta’ appoġġ għall-politiki tal-UE stipulati fl-RSPP, sabiex jikkumparaw tajjeb max-xejriet ta’ teknoloġija, u l-ħtiġijiet futuri għall-ispettru abbażi ta’, fost oħrajn, id-domanda min-naħa tal-konsumaturi u tal-operaturi fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni. Sabiex tkun tista’ ssir analiżi aħjar tat-tipi varji ta’ użu tal-ispettru minn utenti privati, jiġifieri fil-biċċa l-kbira utenti kummerċjali, u utenti pubbliċi, jiġifieri min-naħa tal-gvern, hemm il-ħtieġa li jitjieb il-livell tad-dettall, b’mod partikolari, id-dejta kwantitattiva disponibbli dwar il-provvista u d-domanda għal ċerti partijiet tal-ispettru jew l-użi, peress li d-dejta disponibbli bħalissa tvarja b’mod konsiderevoli, skont jekk l-ispettru hux qed jintuża għal finijiet privati, kummerċjali jew pubbliċi, u tvarja skont l-Istati Membri.

(3)

L-inventarju tal-ispettru għandu jinbena progressivament sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri filwaqt li hija meħtieġa xi tip ta’ prijoritizzazzjoni skont it-tip tal-użu, billi jkun hemm enfasi l-ewwel nett fuq il-meded identifikati fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE u fuq il-meded li jirrelataw mal-politiki tal-Unjoni identifikati fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Deċiżjoni. L-għan huwa li jiġi stabbilit inventarju li jitjieb kontinwament u li jkun jista’ jgħin biex tinkiseb ġestjoni effikaċi tal-ispettru fil-meded kollha rilevanti għall-politiki tal-Unjoni permezz tat-titjib gradwali tad-disponibilità u l-analiżi tad-dejta. Xi wħud mill-aktar kontribuzzjonijiet urġenti mill-inventarju għandhom ikunu li jiġu identifikati tal-inqas 1 200 MHz ta’ spettru adattat għas-servizzi broadband bla fili, kif previst mill-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE kif ukoll biex titjieb l-effiċjenza u l-flessibbiltà, fost oħrajn permezz tat-trawwim, fejn xieraq, tal-użu kollettiv u l-użu kondiviż tal-ispettru, kif mitlub mill-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni.

(4)

Id-dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri bl-aktar mod konsistenti possibbli, jew permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Frekwenza tal-Uffiċċju Ewropew tal-Komunikazzjonijiet (EFIS), jew direttament lill-Kummissjoni, f’każijiet pereżempju fejn ikun meħtieġ li d-dejta miġbura mill-utenti pubbliċi u l-awtoritajiet nazzjonali tiġi ttrattata fuq bażi kunfidenzjali jew ristretta. Il-formati uniformi speċifiċi għall-ġbir tad-dejta jistgħu jvarjaw konsiderevolment skont it-tip ta’ użu u l-medda ta’ frekwenza inkwistjoni u, f’ċerti każijiet, id-dejta tista’ ma tkunx disponibbli f’format uniformi speċifiku. Madankollu sabiex ikun żgurat li d-dejta disponibbli tingħata lill-Kummissjoni b’mod effettiv għall-analiżi, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-dejta f’format li jista’ jinqara minn magna sabiex ikun permess l-istess format tal-iskambju tad-dejta elettronika mal-Kummissjoni u l-EFIS.

(5)

L-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, għandhom mhux biss jipprovdu d-dejta rilevanti li tkun disponibbli iżda għandhom jaħdmu ġo proċess kollaborattiv biex itejbu l-kwalità u l-komparabilità tad-dejta, sabiex jiżviluppaw l-effikaċja tal-inventarju bħala strument adattat u rilevanti għall-medda speċifika inkwistjoni, u biex isibu format komparabbli għad-dejta, mingħajr ma jimponu piż amministrattiv ieħor.

(6)

Tista’ tinkiseb dejta addizzjonali wkoll minn konsultazzjonijiet u studji pubbliċi. Barra minn hekk, l-inventarju jista’ juża d-dejta pprovduta, fuq bażi volontarja, mill-Istati Membri u l-partijiet privati li jimmonitorjaw l-ispettru fuq bażi permanenti biex jimmaniġġjaw l-ispettru fil-livell lokali, biex titwettaq il-kontroverifika tal-validità tad-dejta dwar il-liċenzji, tiġi determinata d-densità tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni bħall-meded eżenti mil-liċenzja u jiġi evalwat l-użu tal-ispettru mal-Unjoni Ewropea kollha b’mod partikolari għall-meded b’domanda għolja.

(7)

Sabiex jitnaqqas il-piż u l-obbligi amministrattivi għall-Istati Membri, il-metodoloġija magħżula għall-inventarju għandha tqis sal-aktar punt possibbli d-dejta pprovduta mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/344/KE tas-16 ta’ Mejju 2007 dwar id-disponibbiltà armonizzata tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispektrum mal-Komunità (2). Sabiex il-volum tal-inventarju jiżdied aktar tista’ tintuża informazzjoni addizzjonali miġbura permezz ta’ mezzi volontarji bħal studji, inkluż mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni.

(8)

L-identifikazzjoni tal-meded ta’ frekwenza li jistgħu jintużaw b’mod aktar effikaċi u li jkunu adattati għar-riallokazzjoni jew il-kondiviżjoni tal-ispettru teħtieġ għarfien dettaljat tal-użu attwali tal-ispettru, preferibbilment evidenzjat minn dejta kwantitattiva. Tali identifikazzjoni għandha tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet li jakkomodaw ix-xejriet tat-teknoloġija, il-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru li jkunu ġew identifikati wara li titwettaq l-analiżi.

(9)

Il-proċess tal-inventarju għandu jwassal għal titjib kontinwu fl-użu effikaċi tal-ispettru sabiex tiġi ssodisfata d-domanda f’evoluzzjoni kostanti fir-rigward tal-politiki tal-Unjoni Ewropea u b’qies tal-evoluzzjoni teknoloġika. Fuq dik il-bażi, u biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Artikolu 9.1 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, il-Kummissjoni se toħroġ rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan isir fuq bażi regolari, skont iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-analiżi fl-inventarju kif ukoll skont il-pass tal-evoluzzjoni tal-użu tal-ispettru.

(10)

Filwaqt li t-trasparenza fl-użu tal-ispettru hija essenzjali għall-inventarju, din hija suġġetta għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza, il-kunfidenzjalità tan-negozju u s-sigrieti tal-Istat skont il-liġi tal-UE. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-Artikolu 346(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jippermetti lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jipprovdu tagħrif kuntrarju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom; l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (3); ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (4); kif ukoll l-Anness tar-Regoli dwar il-Proċedura tal-Kummissjoni li jirregolaw it-trattament tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, inkluża informazzjoni li toriġina minn ġol-UE jew tasal mingħand l-Istati Membri, Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali (5).

(11)

Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, l-effettività tal-inventarju għandha tiġi rriveduta minn żmien għal żmien sabiex ikun żgurat li l-għanijiet elenkati f’dik id-Deċiżjoni qed jiġu implimentati b’mod effettiv u jiġi determinat jekk hemmx bżonn li jiġu adattati. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni jqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Grupp għall-Politika tal-Ispettru tar-Radju u huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għan

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u l-formati uniformi għall-ġbir u l-provvista tad-dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-użi eżistenti tal-ispettru bejn 400 MHz u 6 GHz tal-ispettru tar-radju rilevanti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-ispettru rilevanti”), u l-metodoloġija għall-analiżi tax-xejriet tat-teknoloġija, il-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju.

Artikolu 2

Ġbir u Provvediment tad-dejta

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet skont l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jipprovdu dejta għall-iskambju elettroniku tad-dejta mal-Kummissjoni li tkun disponibbli għalihom dwar id-drittijiet għall-użu u l-użu proprju tal-ispettru rilevanti, skont l-arranġamenti li ġejjin:

(1)

l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti diġà miġbura skont id-Deċiżjoni 2007/344/KE tkun ipprovduta mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Ewropew lill-Kummissjoni, sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv;

(2)

flimkien mad-dejta skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, jekk tkun disponibbli, dejta fuq livell nazzjonali lill-Kummissjoni, f’format li jista’ jinqara minn magna magħżul fil-livell nazzjonali, inkluża dejta dwar l-użu pubbliku tal-ispettru, u li hija neċessarja sabiex il-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE;

(3)

l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex tiżdied id-dejta disponibbli dwar l-użu tal-ispettru għall-provvediment skont il-paragrafu 2, b’mod partikolari billi jipprovdu dejta kwantitattiva, sakemm ma jqisux li jkun impossibbli minħabba ċirkostanzi nazzjonali, bħall-għadd ta’ trażmettituri, it-tul ta’ ħin tal-użu u l-koordinati jew l-informazzjoni dwar il-post li juru l-firxa ġeografika tal-użu tal-ispettru, kif ukoll teknoloġiji fl-użu u l-kundizzjonijiet tal-kondivizjoni, u dan f’format komparabbli mal-Istati Membri kollha. Sabiex il-piż amministrattiv ikun limitat, id-dejta li tikkonċerna dawk il-meded rilevanti għall-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Grupp ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, għandha tinġabar u tiġi pprovduta l-ewwel nett skont dan l-Artikolu. Id-dejta dwar il-meded ta’ frekwenza kollha tal-ispettru rilevanti għandha tinġabar u tingħata mill-Istati Membri f’approċċ gradwali sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 3

Identifikazzjoni tad-domanda futura għall-ispettru

1.   Sabiex tkun tista’ tiġi identifikata aħjar id-domanda futura għall-ispettru kif ukoll il-meded speċifiċi tal-ispettru li jistgħu jakkomodaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru, filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Grupp ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, il-Kummissjoni għandha tanalizza d-dejta kollha miġbura skont l-Artikolu 2 jew permezz ta’ mezzi oħra, bħal konsultazzjonijiet u studji pubbliċi, filwaqt li tqis:

l-effikaċja teknika tal-użu eżistenti,

l-effikaċja ekonomika tal-użu eżistenti billi wieħed iqabbel il-possibbiltajiet u l-għażliet disponibbli għal meded individwali biex jakkomodaw il-ħtiġijiet futuri,

l-impatt soċjoekonomiku fuq l-utenti eżistenti tal-meded rilevanti jew il-meded li jmissu magħhom.

2.   L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-għan li tidentifika x-xejriet tat-teknoloġija, il-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjonijiet raggruppati skont il-karatteristiki u l-funzjonalità tekniċi simili fil-Parti I tal-Anness, u l-identifikazzjoni tal-użi li qed jiżviluppaw u dawk potenzjali tal-ispettru. Din l-analiżi, fejn meħtieġ u possibbli, għandu jkun fiha mill-anqas l-informazzjoni elenkata fil-Parti II tal-Anness. Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasparenza billi twettaq sessjonijiet ta’ ħidma jew konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 4

Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

1.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-analiżi mwettqa skont din id-Deċiżjoni u l-informazzjoni elenkata fil-Parti II tal-Anness f’rapporti regolari li għandhom jiġu sottomessi skont l-Artikolu 9(4) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE.

2.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE u meta titqies l-analiżi tax-xejriet tat-teknoloġija, tal-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru, flimkien ma’ analiżi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ f’dawn ir-rapporti tinkludi għażliet possibbli speċifiċi għall-akkomodazzjoni tal-ħtiġijiet identifikati u li jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru filwaqt li jqisu l-iżvantaġġi (inklużi l-ispejjeż għall-utenti, il-manifatturi u l-baġit finanzjarju tal-Unjoni minn naħa u tal-Istati Membri kkonċernati min-naħa l-oħra) u l-benefiċċji, inkluża analiżi tal-effetti ġenerali ta’ dawk l-għażliet.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità u informazzjoni kklassifikata

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni li hija meqjusa kunfidenzjali jew ikklassifikata minn Stat Membru, istituzzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni jew kwalunkwe parti terza, f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-UE, b’mod partikolari:

informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali,

informazzjoni rigward il-protezzjoni tal-privatezza u

informazzjoni b’rabta mas-sigurtà pubblika u d-difiża.

Dan għandu jsir mingħajr ħsara għad-dritt tal-awtoritajiet rilevanti li jikxfu l-informazzjoni meta dan ikun permess skont il-liġi nazzjonali u jekk dik l-informazzjoni tkun essenzjali għall-għanijiet tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Dak il-kxif ta’ informazzjoni għandu jkun proporzjonat u għandu jqis l-interess leġittimu tal-parti kkonċernata fil-protezzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni msemmija hawn fuq.

Artikolu 6

Reviżjoni

Sabiex jassistu lill-Kummissjoni fir-rappurtar dwar il-funzjonament tal-inventarju tal-ispettru tar-radju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7.

(2)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 67.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.


ANNESS

PARTI I

Raggruppamenti tal-applikazzjoni

Ir-raggruppamenti tal-applikazzjoni li ġejjin huma rilevanti għall-analiżi tax-xejriet, tal-ħtiġijiet u tad-domanda mill-Kummissjoni u ma għandhomx jirrestrinġu t-termini tal-applikazzjoni użati mill-Istati Membri meta jkunu qed jipprovdu d-dejta. Dawn ir-raggruppamenti huma maħsuba biex jipprovdu punt tat-tluq għal valutazzjoni strutturata tal-użu tal-ispettru b’karatteristiki u funzjonalità tekniċi simili u jistgħu jiġu żviluppati iktar, kif xieraq, għall-valutazzjoni tax-xejriet tat-teknoloġija, tal-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru.

(1)

Sistemi Ajrunawtiċi, Marittimi u tar-Radjulokazzjoni Ċivili u n-Navigazzjoni

(2)

Xandir (terrestri)

(3)

Ċellulari/BWA

(4)

Sistemi ta’ Difiża

(5)

Konnessjonijiet Fissi

(6)

Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI);

(7)

Meteoroloġija

(8)

PMR/PAMR

(9)

PMSE

(10)

PPDR

(11)

Astronomija tar-Radju

(12)

Sistemi tas-Satellita

(13)

Apparati b’Medda Qasira (SRDs)

(14)

WLAN/RLAN

PARTI II

Kontenut tar-rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4

Fejn possibbli skont il-livell tad-dejta miġbura, ir-rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(4) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE għandu jinkludi mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

l-istat tax-xejriet tat-teknoloġija għall-użu tal-ispettru rilevanti fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni koperti minn dan il-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju;

(2)

il-ħtiġijiet u d-domanda futuri għall-ispettru.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/22


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ April 2013

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/715/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi b’qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/196/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u partikolarment l-Artikolu 111b(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE pajjiż terz jista’ jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas regolatorju tiegħu applikabbli għas-sustanzi attivi esportati lejn l-Unjoni u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar jiżgurawx livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik tal-Unjoni sabiex ikun inkluż f’lista ta’ pajjiżi terzi li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(2)

L-Awstralja talbet, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2012, biex tkun inkluża fil-lista skont l-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mill-Kummissjoni kkonfermat li r-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu ġew issodisfati. Meta twettqet din il-valutazzjoni ta’ ekwivalenza, tqies il-ftehim dwar l-għarfien reċiproku (2) kif inhu msemmi fl-Artikolu 51(2) ta’ din id-Direttiva bejn l-Awstralja u l-Unjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE tat-22 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi b’qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni, skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi emendata kif jixraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/715/UE jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(2)  ĠU L 229, 17.8.1998, p. 3.

(3)  ĠU L 325, 23.11.2012, p. 15.


ANNESS

“ANNESS

Pajjiż terz

Rimarki

L-Awstralja

 

l-Isvizzera”

 


Rettifika

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/24


Rettifika għad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 315 tal-14 ta' Novembru 2012 )

F’paġna 22, Artikolu 15(5):

minflok:

“5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u b'kont meħud tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità fil-provvista tas-sħana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, suġġett għar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni meta jkunu responsabbli mir-rilaxx tal-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-enerġija fit-territorju tagħhom:

(a)

jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(b)

jipprovdu aċċess prijoritarju jew iggarantit għall-grilja tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(c)

meta jirrilaxxaw l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, jipprovdu rilaxx prijoritarju ta' elettriku minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja sakemm jippermetti t-tħaddim sigur tas-sistema nazzjonali tal-elettriku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli relatati mal-klassifikazzjoni tal-prijoritajiet differenti ta' aċċess u rilaxx mogħtija fis-sistemi tal-elettriku tagħhom jiġu spjegati fid-dettall u ppubblikati. Meta jipprovdu aċċess prijoritarju jew jirrilaxxaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-klassifikazzjonijiet bħala bejn l-enerġija rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jew fi ħdan tipi differenti tagħhom u fi kwalunkwe każ għandhom jiżguraw li l-aċċess jew ir-rilaxx prijoritarji għall-enerġija minn sorsi differenti ta' enerġija rinnovabbli ma jkunux imfixkla.”;

aqra:

“5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u b'kont meħud tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità fil-provvista tas-sħana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, suġġett għar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni meta jkunu responsabbli mid-dispaċċ tal-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-enerġija fit-territorju tagħhom:

(a)

jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(b)

jipprovdu aċċess prijoritarju jew iggarantit għall-grilja tal-elettriku minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(c)

meta jiddispaċċaw l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, jipprovdu dispaċċ prijoritarju ta' elettriku minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja sakemm jippermetti t-tħaddim sigur tas-sistema nazzjonali tal-elettriku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli relatati mal-klassifikazzjoni tal-prijoritajiet differenti ta' aċċess u dispaċċ mogħtija fis-sistemi tal-elettriku tagħhom jiġu spjegati fid-dettall u ppubblikati. Meta jipprovdu aċċess jew dispaċċ prijoritarju għal koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-klassifikazzjonijiet bħala bejn l-enerġija rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jew fi ħdan tipi differenti tagħhom u fi kwalunkwe każ għandhom jiżguraw li l-aċċess jew id-dispaċċ prijoritarji għall-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u varjabbli ma jkunux imfixkla.”.

F’paġna 46, Anness XI, il-punt 2(d):

minflok:

“(d)

il-konnessjoni u r-rilaxx ta' sorsi ta' ġenerazzjoni f'livelli iktar baxxi ta' vultaġġ;”;

aqra:

“(d)

il-konnessjoni u d-dispaċċ ta' sorsi ta' ġenerazzjoni f'livelli iktar baxxi ta' vultaġġ;”.