ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.047.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 47

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
20 ta' Frar 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 tas-7 ta’ Jannar 2013 li tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 140/2013 tat-18 ta’ Frar 2013 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Pa de Pagès Català (IĠP)]

18

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 141/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fir-rigward tal-istatistika bbażata fuq l-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti (EHIS) ( 1 )

20

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 fir-rigward tad-dejta marbuta mal-entità li toħroġ iċ-ċertifikati fi New Zealand għall-esportazzjoni tal-prodotti tal-ħalib

49

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ppreżentati għall-approvazzjoni tat-tip f’diversi stadji ( 1 )

51

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 144/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 606/2009 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet fuqhom, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 436/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-prattiki fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-ġarr tal-prodotti tal-vinji tal-inbid u f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-vinji tal-inbid

56

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 145/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

63

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 146/2013 tad-19 ta’ Frar 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

68

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/90/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2013 li tapprova l-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħanżir salvaġġ u t-tilqim ta’ emerġenza ta’ dawn il-ħnieżer f’ċerti żoni fil-Latvja (notifikata bid-dokument numru C(2013) 720)

70

 

 

2013/91/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Latvja (notifikata bid-dokument numru C(2013) 722)  ( 1 )

72

 

 

2013/92/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2013 dwar is-superviżjoni, il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti u l-miżuri li għandhom jittieħdu rigward il-materjal għall-ippakkjar tal-injam li bħalissa jintuża fit-trasport ta’ prodotti speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina (notifikata bid-dokument numru C(2013) 789)

74

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 139/2013

tas-7 ta’ Jannar 2013

li tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom

(kodifikazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u t-tieni subparagrafu tal-punt (b) tal-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità tal-annimali, is-semen, l-ova u l-embrijoni li m’humiex suġġetti għall-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali kif stabbiliti fir-regoli tal-Komunità msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2)(b) u l-Artikolu 17(3) u l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007 tat-23 ta’ Marzu 2007 li tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (3) ġie emendat kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Wara t-tifqigħa tal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna ta’ nisel Ażjatiku fix-Xlokk tal-Ażja fl-2004, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ Deċiżjonijiet li jipprojbixxu fost kommoditajiet oħrajn l-importazzjoni ta’ għasafar, minbarra t-tjur tal-irziezet, minn pajjiżi terzi affettwati.

(3)

Sabiex jitfassal inventarju tar-riskji li jirriżultaw mill-importazzjoni ta’ għasafar maqbuda, il-Kummissjoni fit-13 ta’ April 2005 talbet lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) biex tipprovdi opinjoni xjentifika dwar ir-riskji li jirriżultaw minn importazzjoni ta’ għasafar maqbuda fis-selvaġġ u għasafar imrobbija fil-magħluq minn pajjiżi terzi.

(4)

Wara dik it-talba, il-Bord tal-EFSA fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, matul il-laqgħa tiegħu fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2006, adotta Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji fuq is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali assoċjati mal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, minbarra tjur tal-irziezet, fl-Unjoni. Dik l-Opinjoni Xjentifika tidentifika għodod u għażliet possibbli li jistgħu jnaqqsu kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-annimali identifikat, relatat mal-importazzjoni tal-għasafar li ma humiex tjur tal-irziezet.

(5)

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA għandha x’taqsam mal-kontrolli mwettqa fil-pajjiżi terzi li jesportaw l-għasafar, minbarra t-tjur tal-irziezet, lejn l-Unjoni. It-titjib fil-waqt tal-esportazzjoni għandu jkollu l-aktar impatt fit-tnaqqis tal-probabbiltà li għasafar infettati jkunu ppreżentati biex jidħlu fl-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament b’tali mod li l-importazzjoni tkun permessa biss minn pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar bħal dawn.

(6)

Rakkomandazzjoni oħra tal-EFSA għandha x’taqsam mal-importazzjoni tal-għasafar maqbuda fis-selvaġġ. L-Opinjoni Xjentifika tidentifika r-riskju kkawżat minn dawk l-għasafar li jistgħu jkunu infettati minħabba tixrid laterali minn għasafar selvaġġi infettati oħrajn mill-ambjent kontaminat, kif ukoll minn propagazzjoni ta’ tjur infettati. Meta jitqies ir-rwol li kellhom l-għasafar migratorji selvaġġi fit-tixrid tal-influwenza tat-tjur mill-Ażja lejn l-Ewropa fl-2005 u fl-2006, huwa xieraq li tkun limitata l-importazzjoni ta’ għasafar, minbarra t-tjur tal-irziezet, għal għasafar imrobbija fil-magħluq biss.

(7)

Huwa rari li tkun tista’ tiddistingwi b’ċertezza bejn għasafar maqbuda fis-selvaġġ u għasafar mrobbija fil-magħluq. Metodi ta’ mmarkar jistgħu jkunu applikati għaż-żewġ tipi ta’għasafar mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni bejn it-tnejn. Għalhekk huwa xieraq li tkun limitata l-importazzjoni ta’ għasafar, minbarra t-tjur tal-irziezet, għal stabbilimenti ta’ tgħammir li huma approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tal-esportazzjoni, u li jkunu stabbiliti ċerti kondizzjonijiet minimi għal din l-approvazzjoni.

(8)

L-għasafar importati għandhom jiġu ttrasportati direttament lejn faċilità jew ċentru approvat tal-kwarantina fi Stat Membru, fejn għandhom jinżammu sakemm tiġi eliminata l-possibilità ta’ infezzjoni b’influwenza tat-tjur jew bil-marda ta’ Newcastle.

(9)

Jekk l-influwenza tat-tjur jew il-marda ta’ Newcastle tiġi suspettata f’faċilitajiet approvati ta’ kwarantina jew f’unita’ ta’ ċentru ta’ kwarantina approvat, jixraq li wieħed jistenna sakemm is-suspett jiġi kkonfermat u li tiġi eliminata kwalunkwe kawża oħra tas-sintomi tal-marda qabel ma jibdew jinqatlu u jinqerdu l-għasafar fl-istabbiliment affettwat.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar il-miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (5) ġiet adottata sabiex tqis l-esperjenza miksuba fil-kontroll tal-influwenza tat-tjur. Fuq il-bażi ta’ dik id-Direttiva, id-Deċiżjoni 2006/437/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tapprova Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur kif stipulat fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (6) (il-manwal dijanjostiku) ġiet adottata u tistabbilixxi fil-livell tal-Unjoni proċeduri dijanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tar-riżultati tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma ta’ tifqigħa tal-influwenza tat-tjur. Għandu jittieħed kont ta’ dik id-Deċiżjoni f’dak li jirrigwardja s-sistemi ta’ testijiet għall-influwenza tat-tjur f’faċilitajiet u f’ċentri ta’ kwarantina approvati.

(11)

Huwa xieraq li jkunu stabbiliti aktar proċeduri ta’ importazzjoni li għandhom x’jaqsmu mat-trasferiment mill-Istazzjon tal-Ispezzjonijiet fil-Fruntiera lejn il-faċilitajiet jew iċ-ċentri ta’ kwarantina approvati mad-dħul fl-Unjoni sabiex ikun żgurat li għasafar importati jaslu fil-faċilità jew fiċ-ċentru ta’ kwarantina approvati li jkunu magħżula f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

(12)

Faċilitajiet u ċentri tal-kwarantina approvati, il-lista ta’ liema ċentri għandha tiġi ppubblikata minn Stati Membri, għandhom jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet minimi.

(13)

Ċerti importazzjonijiet ta’ għasafar huma koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għalhekk, huma għandhom jiġu esklużi mill-iskop ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Ir-riskju għas-saħħa tal-annimali li jirriżulta minn ħamiem tat-tlielaq li jinġiebu fil-fl-Unjoni biex jinħelsu mill-ġdid sabiex ikunu jistgħu jtiru lura lejn l-oriġini tagħhom huwa tali li għandhom jiġu esklużi mill-iskop ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Barra minn dan, ċerti pajjiżi terzi għandhom kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, l-importazzjoni ta’ għasafar minn dawk il-pajjiżi għandha tiġi eskluża mill-iskop ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Ċerti derogi għandhom ukoll jitqiesu għal dawk l-għasafar li jinstabu li huma infettati b’influwenza tat-tjur b’livelli patoġeniċi baxxi u bil-marda ta’ Newcastle f’faċilità jew f’ċentru ta’ kwarantina approvati, f’dawk il-każijiet fejn l-okkorrenza tal-marda ma tirriżultax f’riskju għall-istat ta’ saħħa tal-annimali tal-Unjoni.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fl-Unjoni, mill-pajjiżi terzi u partijiet minnhom imsemmija fl-Anness I, u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina għal din l-importazzjoni.

Artikolu 2

Ambitu

Dan ir-Regolament ser japplika għal annimali tal-ispeċi tat-tjur.

Madankollu, ma għandux japplika għal:

(a)

tjur;

(b)

għasafar importati għal programmi ta’ konservazzjoni approvati mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c)

annimali domestiċi msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/65/KEE, li jakkumpanjaw lil sidhom;

(d)

għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, ċirki, parks ta’ divertiment jew esperimenti;

(e)

għasafar iddestinati għal korpi, istituti jew ċentri approvati skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65/KEE;

(f)

ħamiem tat-tlielaq li huma introdotti fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiż terz ġar fejn huma normalment residenti u wara jinħelsu immedjatament bl-istennija li huma jtiru lura lejn dak il-pajjiż terz;

(g)

għasafar importati minn Andorra, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera, u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 2005/94/KE għandhom japplikaw ħlief għad-definizzjoni ta’ tjur fil-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva. Għal finijiet ta’ dan ir-Regolament ‘tjur’ tfisser pollam, dundjani, fargħuni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċi u ratiti (Ratitae) mkabbra jew miżmuma mill-bniedem għat-tgħammir, għall-produzzjoni tal-laħam jew tal-bajd għall-konsum, jew għall-popolament mill-ġdid tal-provvista tat-tjur tal-kaċċa.

Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

“għasafar” tfisser annimali tal-ispeċi tat-tjur minbarra dawk imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2;

(b)

“stabbiliment tat-tgħammir approvat” ifisser:

(i)

stabbiliment użat esklussivament għat-tgħammir tal-għasafar; u

(ii)

li ġie spezzjonat u approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jesporta għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 u fl-Anness II;

(c)

“għasafar imrobbija fil-magħluq” tfisser għasafar li ma nqabdux fis-selvaġġ imma kienu mwielda u mrobbija fil-magħluq minn ġenituri li tgħammru jew kellhom gameti trasferiti mod ieħor fil-magħluq;

(d)

“ċurkett fis-sieq magħluq u kontinwu” tfisser ċurkett jew faxxa f’ċirku kontinwu, bla ebda qsim jew tgħaqqid, li ma kienx imbagħbas b’xi mod, ta’ qies li ma jistax jitneħħa mill-għasfur meta siequ tkun kibret għal kollox wara li jkun ġie applikat fl-ewwel ġranet tal-ħajja tal-għasfur u li kien manifatturat kummerċjalment għal dak il-għan;

(e)

“faċilità ta’ kwarantina approvata” tfisser post, li ma huwiex ċentru ta’ kwarantina:

(i)

fejn isseħħ il-kwarantina ta’ għasafar importati;

(ii)

li ġie spezzjonat u approvat mill-awtorità kompetenti għall-konformità mal-kondizzjonijiet minimi stipulati fl-Artikolu 6 u fl-Anness IV;

(f)

“ċentru ta’ kwarantina approvat” ifisser bini:

(i)

fejn isseħħ il-kwarantina ta’ għasafar importati;

(ii)

li jkun fih numru ta’ unitajiet, li huma separati operazzjonalment u fiżikament minn xulxin u fejn kull unità jkun fiha biss għasafar tal-istess kunsinna, bl-istess stat ta’ saħħa, u għalhekk tikkonsisti f’unità epidemjoloġika waħda;

(iii)

li ġie spezzjonat u approvat mill-awtorità kompetenti għall-konformità mal-kondizzjonijiet minimi stipulati fl-Artikolu 6 u fl-Anness IV;

(g)

“għasafar tas-sentinella” jfissru tjur li għandhom jintużaw bħala għajnuna dijanjostika waqt il-kwarantina;

(h)

“manwal dijanjostiku” jfisser il-Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur stipulat fl-Anness għad-Deċiżjoni 2006/437/KE.

Artikolu 4

Stabbilimenti tat-tgħammir approvati

L-istabbilimenti tat- tgħammir approvati għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tat-tgħammir għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II, u assenjat numru tal-approvazzjoni;

(b)

dak in-numru tal-approvazzjoni jrid ikun ġie kkomunikat lill-Kummissjoni minn dik l-awtorità;

(c)

l-isem u n-numru tal-approvazzjoni tal-istabbiliment tat-tgħammir iridu jidhru fuq lista ta’ stabbilimenti tat-tgħammir imfassla mill-Kummissjoni;

(d)

l-approvazzjoni tal-istabbiliment tat-tgħammir għandha tiġi rtirata jew sospiża minnufih mill-awtorità kompetenti meta hi ma tibqax konformi mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II u l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa b’dan minnufih.

Artikolu 5

Il-kondizzjonijiet għall-importazzjoni

L-importazzjonijiet tal-għasafar għandhom jiġu awtorizzati biss jekk l-għasafar jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għasafar huma għasafar mgħammra fil-magħluq;

(b)

l-għasafar għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom imsemmija fl-Anness I;

(c)

l-għasafar li ġejjin minn stabbilimenti tat-tgħammir approvati li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4;

(d)

l-għasafar kienu soġġetti għal test tal-laboratorju għall-individwazzjoni tal-mikrobu minn 7 sa 14-il jum qabel l-imbark b’riżultati negattivi għal kull virus tal-influwenza tat-tjur u tal-marda ta’ Newcastle;

(e)

l-għasafar ma ġewx imlaqqma kontra l-influwenza tat-tjur;

(f)

l-għasafar huma akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali skont il-mudell stipulat fl-Anness III (“iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali”);

(g)

l-għasafar jiġu identifikati b’numru ta’ identifikazzjoni individwali permezz ta’ ċurkett fis-sieq magħluq u kontinwu mmarkat unikament jew ċippa elettronika skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 (7);

(h)

in-numru tal-identifikazzjoni individwali taċ-ċrieket fis-sieq jew ċipep elettroniċi stabbiliti fil-punt (g) għandu jinkludi mill-inqas li ġej:

il-kodiċi ISO tal-pajjiż terz li jesporta li jagħmel l-identifikazzjoni;

numru tas-serje uniku;

(i)

in-numru tal-identifikazzjoni individwali stabbilit fil-punt (g) għandu jiġi rreġistrat fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali;

(j)

l-għasafar ikunu trasportati f’kontenituri ġodda li huma identifikati individwalment fuq barra b’numru ta’ identifikazzjoni li jrid jikkorrispondi man-numru ta’ identifikazzjoni indikat fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

Artikolu 6

Faċilitajiet u ċentri tal-kwarantina approvati

Il-faċilitajiet u ċ-ċentri tal-kwarantina approvati għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness IV.

Kull Stat Membru għandu jfassal u jżomm aġġornata lista taċ-ċentri u l-faċilitajiet tal-kwarantina approvati u n-numri tal-approvazzjoni tagħhom u jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri l-oħra u tal-pubbliku.

Artikolu 7

Trasport dirett ta’ għasafar lejn faċilitajiet jew ċentri ta’ kwarantina approvati

L-għasafar għandhom jiġu trasportati direttament mill-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera lejn faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati f’gaġeġ jew f’ċestuni.

Il-ħin totali tal-vjaġġ minn dak il-post għal dik il-faċilità jew dak iċ-ċentru ta’ kwarantina normalment ma jistax jaqbeż id-disa’ sigħat.

Meta jintużaw vetturi għal dan il-vjaġġ huma għandhom ikunu ssiġillati mill-awtoritajiet kompetenti b’siġill għal kontra t-tbagħbis.

Artikolu 8

Attestazzjoni

L-importaturi jew l-aġenti tagħhom għandhom jipprovdu attestazzjoni bil-miktub, fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tad-dħul, u ffirmata mill-persuna responsabbli għall-faċilità jew għaċ-ċentru ta’ kwarantina li tiċċertifika li l-għasafar ser ikunu aċċettati għall-kwarantina.

L-attestazzjoni għandha:

(a)

tindika b’mod ċar l-isem u l-indirizz u n-numru tal-approvazzjoni tal-faċilità jew taċ-ċentru ta’ kwarantina;

(b)

tasal fl-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera permezz ta’ e-mail jew fax qabel il-ħin tal-wasla tal-kunsinna f’dak l-istazzjon jew għandha tiġi ppreżentata mill-importatur jew l-aġent tiegħu qabel ma jinħelsu l-għasafar mill-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera.

Artikolu 9

Tranżitu ta’ għasafar fl-Unjoni

Meta l-għasafar jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhux dak tad-destinazzjoni, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex ikun żgurat li l-kunsinna tasal fl-Istat Membru tad-destinazzjoni mixtieq.

Artikolu 10

Monitoraġġ tat-trasport tal-għasafar

1.   Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistipula l-monitoraġġ tal-għasafar mill-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera sal-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati fil-post tad-destinazzjoni, l-iskambji ta’ informazzjoni li ġejjin se jkunu pprovduti:

(a)

il-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati fil-post tad-destinazzjoni bil-kunsinna, bil-post tal-oriġini u bil-post tad-destinazzjoni tal-għasafar permezz tan-netwerk ta’ TRACES;

(b)

il-persuna responsabbli għall-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina tad-destinazzjoni approvati għandhom jgħarrfu permezz ta’ e-mail jew fax, fi żmien jum tax-xogħol mid-data tal-wasla tal-kunsinna fil-faċilità jew fiċ-ċentru ta’ kwarantina, lill-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati fil-post tad-destinazzjoni bil-wasla tal-kunsinna fid-destinazzjoni tagħha;

(c)

il-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati fil-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna għandu jgħarraf permezz tan-netwerk ta’ TRACES, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mid-data tal-wasla tal-kunsinna fil-faċilità jew fiċ-ċentru ta’ kwarantina, lill-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera li għarrfu bl-imbark tal-kunsinna bil-wasla tal-kunsinna fid-destinazzjoni tagħha.

2.   Jekk tkun ipprovduta konferma lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-istazzjon tal-ispezzjonijiet fil-fruntiera, li l-għasafar iddikjarati li huma maħsuba għal faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ meta mistennija l-wasla tal-kunsinna fil-faċilità jew ċentru ta’ kwarantina, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-kunsinna.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet għall-kwarantina

1.   L-għasafar għandhom ikunu taħt kwarantina mill-inqas għal 30 ġurnata ġo faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati (“il-kwarantina”).

2.   Għall-inqas fil-bidu u fl-aħħar tal-kwarantina ta’ kull kunsinna, il-veterinarju uffiċjali għandu jispezzjona l-kondizzjonijiet tal-kwarantina, inkluż eżami tar-reġistri tal-mewt u spezzjoni klinika tal-għasafar fil-faċilità tal-kwarantina approvata jew f’kull unità taċ-ċentru tal-kwarantina approvat.

Madankollu, il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq spezzjonijiet b’mod aktar frekwenti jekk meħtieġa mis-sitwazzjoni tal-mard.

Artikolu 12

L-eżami, it-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar li għandhom jitwettqu b’rabta ma’ kunsinna waqt il-kwarantina

1.   Il-proċeduri ta’ eżami, teħid tal-kampjuni u ttestjar għall-influwenza tat-tjur u l-marda ta’ Newcastle, stabbiliti fl-Anness V, għandhom jitwettqu wara l-wasla tal-għasafar fil-kwarantina.

2.   Meta jiġu użati l-għasafar tas-sentinella għandu jkun użat minimu ta’ għaxar għasafar tas-sentinella fil-faċilità ta’ kwarantina approvata jew f’kull unità taċ-ċentru ta’ kwarantina approvat.

3.   L-għasafar tas-sentinella li jkunu użati għal proċeduri ta’ eżami, teħid tal-kampjuni u ttestjar għandu:

(a)

ikollhom mill-inqas tliet ġimgħat u jkunu użati darba biss għal dawk l-għanijiet;

(b)

ikollhom ċinga fis-sieq għal għanijiet ta’ identifikazzjoni jew ikunu identifikati b’identifikazzjoni oħra li ma tistax titneħħa;

(c)

ma jkunux imlaqqma u jkunu nstabu sero-negattivi għall-influwenza tat-tjur u għall-marda ta’ Newcastle fi żmien 14-il ġurnata qabel id-data tal-bidu tal-kwarantina;

(d)

jitqiegħdu fil-faċilità ta’ kwarantina approvata jew f’unità taċ-ċentru ta’ kwarantina approvat qabel il-wasla tal-għasafar fl-ispazju tal-ajru komuni u l-aktar qrib possibbli tal-għasafar b’tali mod li jkun żgurat il-kuntatt mill-qrib bejn l-għasafar tas-sentinella u l-ħmieġ tal-għasafar fil-kwarantina.

Artikolu 13

L-azzjoni fil-każ ta’ suspett ta’ mard f’faċilità jew ċentru tal-kwarantina approvati

1.   Jekk, waqt il-kwarantina f’faċilità approvata tal-kwarantina, ikun hemm suspett li għasfur wieħed jew aktar u/jew għasfur tas-sentinella wieħed jew aktar ikunu infettati bl-influwenza avjarja jew bil-marda ta’ Newcastle, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti għandha tqiegħed il-faċilità approvata tal-kwarantina taħt superviżjoni uffiċjali;

(b)

għandhom jittieħdu kampjuni għal eżami viroloġiku kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness V minn dawk l-għasafar u l-għasafar tas-sentinella u għandhom jiġu analizzati skont dan;

(c)

ebda għasfur ma għandu jidħol jew joħroġ mill-faċilità approvata tal-kwarantina sakemm jiġi eliminat is-suspett.

2.   Jekk is-suspett ta’ influwenza avjarja jew tal-marda ta’ Newcastle fil-faċilità approvata tal-kwarantina milquta, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jiġi kkonfermat, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-għasafar kollha u l-għasafar sentinella kollha fil-faċilità approvata tal-kwarantina għandhom jinqatlu u jinqerdu;

(b)

il-faċilità approvata tal-kwarantina għandha tiġi mnaddfa u ddiżinfettata;

(c)

l-ebda għasfur ma għandu jidħol fil-faċilità approvata tal-kwarantina sa 21 jum wara l-aħħar tindifa u diżinfettazzjoni.

3.   Jekk waqt il-kwarantina f’ċentru approvat tal-kwarantina, ikun hemm suspett li għasfur wieħed jew aktar u/jew għasfur tas-sentinella wieħed jew aktar f’unità taċ-ċentru tal-kwarantina jkunu infettati bl-influwenza avjarja jew bil-marda ta’ Newcastle, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti għandha tqiegħed iċ-ċentru approvat tal-kwarantina taħt superviżjoni uffiċjali;

(b)

għandhom jittieħdu kampjuni għal eżami viroloġiku kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness V minn dawk l-għasafar u l-għasafar tas-sentinella u għandhom jiġu analizzati skont dan;

(c)

ebda għasfur ma għandu jidħol jew joħroġ miċ-ċentru approvat tal-kwarantina sakemm jiġi eliminat is-suspett.

4.   Jekk is-suspett ta’ influwenza avjarja jew tal-marda ta’ Newcastle fl-unità affettwata taċ-ċentru approvat tal-kwarantina kif imsemmi fil-paragrafu 3 jiġi kkonfermat, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-għasafar kollha u l-għasafar sentinella kollha fl-unità affettwata taċ-ċentru approvat tal-kwarantina għandhom jinqatlu u jinqerdu;

(b)

l-unità kkonċernata għandha tiġi mnaddfa u ddiżinfettata;

(c)

għandhom jittieħdu l-kampjuni li ġejjin:

(i)

meta jintużaw għasafar tas-sentinella, mhux qabel 21 jum wara l-aħħar tindifa u diżinfettazzjoni tal-unità kkonċernata, għandhom jittieħdu l-kampjuni għal eżami viroloġiku, kif stabbilit fl-Anness V minn għasafar tas-sentinella fl-unitajiet tal-kwarantina l-oħrajn; jew

(ii)

meta ma jiġu użati l-ebda għasafar tas-sentinella, matul 7 sa 15-il jum wara l-aħħar tindifa u diżinfettazzjoni, għandhom jittieħdu kampjuni għal eżami viroloġiku, kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness V, minn għasafar fl-unitajiet tal-kwarantina l-oħrajn;

(d)

l-ebda għasfur ma jista’ joħroġ miċ-ċentru approvat tal-kwarantina sakemm irriżultati tat-teħid tal-kampjuni previsti fil-punt (c) jiġu kkonfermati negattivi.

5.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura meħuda skont dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Id-derogi li għandhom x’jaqsmu ma’ sejba pożittiva tal-influwenza tat-tjur b’livelli patoġeniċi baxxi u tal-marda ta’ Newcastle f’faċilità jew f’ċentru ta’ kwarantina approvati

1.   Meta waqt il-kwarantina għasfur wieħed jew aktar u/jew għasfur tas-sentinella wieħed jew aktar jinstabu li jkunu infettati bl-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa (LPAI) jew bil-marda ta’ Newcastle, l-awtorità kompetenti tista’, fuq il-bażi ta’ stima tar-riskju, tagħti derogi mill-miżuri previsti fl-Artikolu 13(2)(a) u (4)(a), sakemm dawn id-derogi ma jipperikolawx il-kontroll tal-mard (“id-deroga”).

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu immedjatament lill-Kummissjoni dwar xi derogi simili.

2.   Meta veterinarju uffiċjali jispezzjona faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati li jkunu ngħataw deroga, u wieħed jew aktar mill-għasafar u/jew għasafar tas-sentinella jinstabu li huma infettati bl-LPAI jew bil-marda ta’ Newcastle, il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 7 għandhom jiġu mħarsa.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu immedjatament lill-Kummissjoni dwar xi miżuri bħal dawn.

3.   Fil-każ ta’ sejba pożittiva ta’ LPAI, minflok il-kampjuni standard kif previsti fil-manwal dijanjostiku, il-kampjuni li ġejjin għandhom jittieħdu għal ittestjar fil-laboratorju, 21 ġurnata wara d-data tal-aħħar sejba pożittiva ta’ LPAI fil-faċilità ta’ kwarantina approvata jew minn kull unità fiċ-ċentru ta’ kwarantina approvat u f’intervalli ta’ 21 ġurnata:

(a)

kampjuni ta’ xi għasafar tas-sentinella mejta jew għasafar oħra li jkunu preżenti fil-waqt tat-teħid tal-kampjuni;

(b)

kampjuni trakeali/orofarinġali u mill-kloaka għall-inqas minn 60 għasfur jew mill-għasafar kollha meta hemm inqas minn 60 preżenti fil-faċilità ta’ kwarantina approvata jew fl-unità kkonċernata taċ-ċentru ta’ kwarantina approvat; jew jekk l-għasafar huma żgħar, eżotiċi u ma humiex imdorrija jinżammu fl-idejn jew jekk jinżammu fl-idejn jistgħu ikunu ta’ periklu għan-nies, għandhom jinġabru kampjuni ta’ feċi friski; it-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar fil-laboratorju ta’ dawn il-kampjuni għandhom ikomplu sakemm jinkisbu żewġ riżultati tal-laboratorju negattivi konsekuttivi li għandhom ikunu mill-inqas f’intervall ta’ 21 ġurnata.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti derogi mid-daqs tal-kampjun previst f’dan il-paragrafu, fuq il-bażi tar-riżultat ta’ stima tar-riskji.

4.   Fil-każ ta’ sejba pożittiva tal-marda ta’ Newcastle, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti deroga biss sakemm fit-30 ġurnata wara l-mewt jew il-fejqan kliniku tal-aħħar każ ta’ dik il-marda, it-teħid tal-kampjuni skont il-punti 1 u 2 tal-Anness V, filwaqt li ma titqiesx ir-referenza għall-perjodu ta’ żmien speċifikat, ikun twettaq b’riżultati negattivi.

5.   L-għasafar m’għandhomx jinħelsu mill-kwarantina sakemm mill-inqas il-perjodu tal-ittestjar fil-laboratorju previst fil-paragrafu 3 ikun skada.

6.   Il-faċilità ta’ kwarantina approvata jew l-unità kkonċernata taċ-ċentru ta’ kwarantina approvat għandha tiġi mnaddfa u ddiżinfettata wara li tkun ġiet imbattla. Kwalunkwe materjal jew skart li x’aktarx ġie kkontaminat għandu jitneħħa b’tali mod li jiżgura li l-patoġenu ma jinxteridx u jinqered b’tali mod li jiggarantixxi l-qerda tal-virus tal-LPAI u tal-marda ta’ Newcastle li jkunu preżenti. Ma’ dan, il-kampjuni kif ukoll l-iskart kollu li jkun akkumula matul il-perjodu tal-ittestjar fil-laboratorju previst fil-paragrafu 3 għandu wkoll jiġi meqrud ġaladarba jgħaddi dak il-perjodu..

7.   Il-popolazzjoni mill-ġdid tal-faċilità jew taċ-ċentru ta’ kwarantina approvati m’għandhiex issir għal perjodu ta’ 21 ġurnata wara d-data tat-tlestija tal-aħħar tindifa u diżinfettazzjoni kif previst fil-paragrafu 6.

Artikolu 15

Azzjoni fil-każ ta’ suspett ta’ Chlamydiosis

Jekk waqt il-kwarantina f’faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati, ikun hemm suspett jew konferma li psittaciformes ikunu infettati bil-Chlamydophyla psittaci l-għasafar kollha tal-kunsinna għandhom jiġu ttrattati b’metodu approvat mill-awtorità kompetenti u l-kwarantina għandha tiġi estiża għal mill-inqas xahrejn wara d-data tal-aħħar każ irreġistrat.

Artikolu 16

Rilaxx minn kwarantina

L-għasafar għandhom joħorġu biss mill-kwarantina f’faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati, fuq awtorizzazzjoni bil-miktub minn veterinarju uffiċjali.

Artikolu 17

Rekwiżiti ta’ notifika u rappurtaġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa kull każ ta’ influwenza tat-tjur jew ta’ marda ta’ Newcastle li jinstab f’faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja fuq bażi annwali:

(a)

in-numru ta’ għasafar importati permezz ta’ faċilitajiet u ċentri ta’ kwarantina approvati għal kull speċi u għal kull stabbiliment tat-tgħammir tal-oriġini approvat;

(b)

informazzjoni dwar ir-rata ta’ mortalità għal għasafar importati mill-proċedura ta’ ertifikazzjoni għas-saħħa tal-annimali fil-pajjiż tal-oriġini sat-tmiem tal-kwarantina;

(c)

in-numru ta’ każijiet ta’ sejbiet pożittivi ta’ influwenza tat-tjur, tal-marda ta’ ewcastle u ta’ Chlamydophila psittaci f’faċilitajiet jew ċentri ta’ kwarantina approvati.

Artikolu 18

Spejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-kwarantina

L-ispejjeż kollha tal-kwarantina li saru minħabba l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-importatur.

Artikolu 19

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 318/2007 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VII.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(3)  ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 165.

(4)  Ara l-Anness VI.

(5)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(6)  ĠU L 237, 31.8.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1.


ANNESS I

Lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom huma awtorizzati l-importazzjoniijiet ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq

1.

Il-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom elenkati fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (1), fejn il-kolonna 4 ta’ dik it-tabella tistipula mudell taċ-ċertifikat veterinarju għat-tjur tat-tgħammir jew għat-tjur produttivi li mhumiex ratiti (BPP);

2.

Arġentina;

3.

Il-Filippini: National Capital Region.


(1)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.


ANNESS II

Il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni tal-istabbilimenti tat-tgħammir fil-pajjiż terz tal-oriġini kif previst fl-artikolu 4

KAPITOLU 1

L-approvazzjoni tal-istabbilimenti tat-tgħammir

Sabiex jingħata l-approvazzjoni kif previst fl-Artikolu 4, l-istabbiliment tat-tgħammir għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

(1)

L-istabbiliment tat-tgħammir għandu jkun immarkat b’mod ċar u sseparat mill-ambjent tiegħu jew l-annimali jkunu magħluqa u mqiegħda b’mod li ma jkunux ta’ riskju sanitarju għall-azjendi tal-annimali li l-istat ta’ saħħa tagħhom jista’ jitqiegħed fil-periklu.

(2)

Għandu jkollu mezzi xierqa sabiex l-annimali jinqabdu, jingħalqu u jkunu iżolati u jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu faċilitajiet ta’ kwarantina xierqa u proċeduri approvati għal annimali li ġejjin minn stabbilimenti mhux approvati.

(3)

Il-persuna responsabbli għall-istabbiliment tat-tgħammir għandu jkollha esperjenza adegwata fit-tgħammir tal-għasafar.

(4)

L-istabbiliment tat-tgħammir għandu jkun ħieles mill-influwenza tat-tjur, mill-marda ta’ Newcastle u mill-Chlamydophila psittaci; sabiex jiġi ddikjarat ħieles minn dak il-mard, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel eżami tar-reġistri dwar l-istat ta’ saħħa tal-annimali miżmuma mill-inqas għat-tliet snin preċedenti qabel id-data tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni, u tar-riżultati tat-testijiet kliniċi u tal-laboratorji mwettqa fuq l-annimali hemm ġew. Madankollu, l-istabbilimenti tat-tgħammir ġodda għandhom jiġu approvati biss skont ir-riżultati tat-testijiet kliniċi u tal-laboratorji mwettqa fuq l-annimali li jinsabu f’dawn l-istabbilimenti.

(5)

Għandu jżomm reġistri aġġornati li jindikaw:

(a)

in-numru u l-identità (età, sess, speċi u numru tal-identifikazzjoni individwali fejn hu prattiku) tal-annimali ta’ kull speċi preżenti fl-istabbiliment tat-tgħammir;

(b)

in-numru u l-identità (età, sess, speċi u n-numru tal-identifikazzjoni individwali fejn hu prattiku) tal-annimali li jaslu fl-istabbiliment tat-tgħammir jew jitilqu minnu, flimkien mal-informazzjoni dwar l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom, it-trasport minn jew sal-istabbiliment tat-tgħammir u l-istat tas-saħħa tal-annimali;

(c)

ir-riżultati tat-testijiet tad-demm jew xi proċeduri dijanjostiċi oħra;

(d)

il-każijiet ta’ mard u, fejn xieraq, it-trattament mogħti;

(e)

ir-riżultati tal-eżamijiet post-mortem fuq annimali li mietu fl-istabbiliment tat-tgħammir, inklużi annimali li twieldu mejta;

(f)

l-osservazzjonijiet li saru waqt xi perjodu ta’ iżolament jew kwarantina.

(6)

L-istabbiliment tat-tgħammir għandu jkollu jew arranġament ma’ laboratorju kompetenti biex iwettaq eżamijiet post-mortem, jew ikollu post wieħed jew aktar xierqa fejn dawn l-eżamijiet jistgħu jitwettqu minn persuna kompetenti taħt l-awtorità tal-veterinarju approvat.

(7)

L-istabbilimenti tat-tgħammir irid ikollhom jew arranġamenti xierqa jew faċilitajiet fuq il-post għar-rimi xieraq tal-iġsma ta’ annimali li jmutu minn marda jew li jiġu ewtanizzati.

(8)

L-istabbiliment tat-tgħammir għandu jiżgura, permezz ta’ kuntratt jew strument legali, is-servizzi ta’ veterinarju approvat minn u taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jesporta, li:

(a)

għandu jiżgura li l-miżuri xierqa ta’ sorveljanza u kontroll tal-mard li għandhom x’jaqsmu mas-sitwazzjoni tal-mard fil-pajjiż jiġu approvati mill-awtorità kompetenti u applikati fl-istabbiliment tat-tgħammir. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:

(i)

pjan ta’ sorveljanza annwali tal-mard li jinkludi kontroll xieraq fuq l-annimali għaż-żoonożi,

(ii)

testijiet kliniċi, tal-laboratorju, u post-mortem ta’ annimali suspettati li jkunu infettati minn mard li jittieħed,

(iii)

tilqim ta’ annimali suxxettibbli kontra mard infettiv kif xieraq, b’konformità mal-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u t-Tilqim għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

għandu jiżgura li xi mwiet suspettużi jew il-preżenza ta’ xi sintomi oħrajn li jissuġġerixxu li l-annimali ħadu l-influwenza tat-tjur, il-marda ta’ Newcastle jew il-Chlamydophila psittaci jkunu mgħarrfa mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz;

(c)

għandu jiżgura li l-annimali li jidħlu fl-istabbiliment tat-tgħammir ikunu ġew iżolati kif meħtieġ, u skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-istruzzjonijiet, jekk hemm, mogħtija mill-awtorità kompetenti;

(d)

għandu jkun responsabbli għall-konformità ta’ kuljum mal-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali ta’ dan ir-Regolament u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport.

(9)

Jekk l-istabbilimenti tat-tgħammir irabbu annimali maħsuba għal laboratorji li jwettqu l-esperimenti, il-kura ġenerali u l-akkommodazzjoni ta’ dawn l-annimali għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

KAPITOLU 2

Iż-żamma tal-approvazzjoni tal-istabbilimenti tat-tgħammir

L-istabbilimenti tat-tgħammir għandhom jibqgħu approvati biss bħala tali jekk ikunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu:

(1)

Il-postijiet huma taħt il-kontroll ta’ veterinarju uffiċjali mill-awtorità kompetenti, li għandu:

(a)

jiżgura li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jintlaħqu;

(b)

iżur il-post tal-istabbiliment tat-tgħammir mill-inqas darba fis-sena;

(c)

jivverifika l-attività tal-veterinarju approvat u l-implimentazzjoni tal-pjan annwali ta’ sorveljanza tal-mard;

(d)

jivverifika li r-riżultati tat-testijiet kliniċi, post-mortem u tal-laboratorju fuq l-annimali ma jkunu żvelaw l-ebda okkorrenza ta’ influwenza tat-tjur, marda ta’ Newcastle jew Chlamydophila psittaci.

(2)

L-annimali li ġejjin biss minn stabbiliment ieħor tat-tgħammir approvat huma introdotti fl-istabbiliment tat-tgħammir, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(3)

L-istabbiliment tat-tgħammir għandu jżomm ir-reġistri msemmija fil-punt 5 tal-Kapitolu 1 wara d-data tal-approvazzjoni, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin.

KAPITOLU 3

Il-kwarantina tal-għasafar introdotti minn għejun oħra li ma humiex stabbilimenti tat-tgħammir approvati

Permezz ta’ deroga mill-punt 2 tal-Kapitolu 2, l-għasafar introdotti minn għejun oħra li ma humiex stabbilimenti tat-tgħammir approvati, jistgħu jiġu introdotti fi stabbiliment tat-tgħammir wara li tingħata l-approvazzjoni għal din l-introduzzjoni mill-awtorità kompetenti, sakemm dawn l-annimali jgħaddu minn kwarantina skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti qabel ma jkunu miżjuda mal-oħrajn. Il-perjodu ta’ kwarantina għandu jkun ta’ mill-inqas 30 ġurnata.

KAPITOLU 4

Is-sospensjoni, l-irtirar u l-għoti mill-ġdid tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tat-tgħammir

Il-proċeduri sabiex l-approvazzjoni tal-istabbilimenti tat-tgħammir tkun parzjalment jew kompletament sospiża, irtirata jew mogħtija mill-ġdid għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

(1)

Meta l-awtorità kompetenti ssib li stabbiliment tat-tgħammir ma għadux konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2, jew li kien hemm bidla fl-użu b’mod li ma għadux jintuża esklussivament għat-tgħammir tal-għasafar, hi għandha tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni ta’ dan l-istabbiliment.

(2)

Meta l-awtorità kompetenti tkun irċeviet notifika ta’ xi suspett ta’ influwenza tat-tjur, marda ta’ Newcastle jew Chlamydophila psittaci, hi għandha tissospendi l-approvazzjoni tal-istabbiliment tat-tgħammir, sakemm is-suspett jiġi eskluż b’mod uffiċjali. Hi għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi kkonfermat jew eskluż is-suspett u li jiġi evitat it-tixrid tal-mard, skont il-ħtiġiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-marda kkonċernata u dwar il-kummerċ tal-annimali.

(3)

Meta l-marda suspettata tiġi kkonfermata, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova biss l-istabbiliment tat-tgħammir mill-ġdid skont il-Kapitolu 1 wara:

(a)

il-qerda tal-marda u tal-għajn ta’ infezzjoni fl-istabbiliment tat-tgħammir;

(b)

it-tindif u d-diżinfettazzjoni xierqa tal-istabbiliment tat-tgħammir;

(c)

it-twettiq tal-kondizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 1, bl-eċċezzjoni tal-punt 4.

(4)

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf immedjatament lill-Kummissjoni dwar is-sospensjoni, l-irtirar jew l-għoti mill-ġdid tal-approvazzjoni ta’ kwalunkwe stabbiliment tat-tgħammir.


(1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33.


ANNESS III

Ċertifikat tas-saħħa tal-annimali kif imsemmi fil-punt (f) tal-artikolu 5 għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar minbarra t-tjur tal-irziezet maħsuba għad-dispaċċ lejn l-Unjoni

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni