ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.028.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 28

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
30ta' Jannar 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 81/2013 tad-29 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1051/2011 fir-rigward tal-fajls tal-mikrodejta għat-trażmissjoni tad-dejta ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 82/2013 tad-29 ta’ Jannar 2013 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni ta’ ċanga mnixxfa bla għadam li ġejja mill-Isvizzera

3

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2013 tad-29 ta’ Jannar 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

10

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/65/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali min-New Zealand (notifikata bid-dokument numru C(2012) 9557)  ( 1 )

12

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 81/2013

tad-29 ta’ Jannar 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1051/2011 fir-rigward tal-fajls tal-mikrodejta għat-trażmissjoni tad-dejta

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 9(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni aġġornata hija ċentrali għall-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tinżamm ir-rilevanza tal-istatistiċi Ewropej, billi jitqiesu l-iżviluppi u t-tibdil fil-qasam tal-edukazzjoni.

(2)

L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco) irrevediet il-verżjoni tal-Istandard Internazzjonali għall-Klassifikazzjoni tal-Edukazzjoni (ISCED) li ntużat sa issa (ISCED 1997) bl-iskop li jkun żgurat li hija konsistenti mal-iżviluppi fil-politiki u l-istrutturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(3)

Il-bżonn għall-komparabbiltà internazzjonali tal-istatistika tal-edukazzjoni jitlob li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jużaw klassifikazzjonijiet tal-edukazzjoni li huma kompatibbli mal-verżjoni riveduta tal-Istandard Internazzjonali għall-Klassifikazzjoni tal-Edukazzjoni ISCED 2011 (ISCED 2011), kif adottata mill-Istati Membri tal-Unesco fis-36 Konferenza Ġenerali f’Novembru 2011.

(4)

Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1051/2011 (2) għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1051/2011 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17.

(2)  ĠU L 276, 21.10.2011, p. 13.


ANNESS

Id-deskrizzjoni tal-kolonna 80 (Livell edukattiv) tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1051/2011 tinbidel b’dan li ġej:

Kolonna

Identifikatur

Deskrizzjoni

Filtru/kummenti

“80

 

Il-livell edukattiv milħuq

Varjant mhux obbligatorju, jekk mhux trażmess: kodiċi = Vojta”

 

1

Mhux aktar minn livell sekondarju baxx (ISCED 2011 livelli 0-2)

 

 

2

Skola sekondarja għolja u post-sekondarja (mhux terzjarja) (ISCED 2011 livelli 3 u 4)

 

 

3

Terzjarja (ISCED 2011 livelli 5-8

 


30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 82/2013

tad-29 ta’ Jannar 2013

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni ta’ ċanga mnixxfa bla għadam li ġejja mill-Isvizzera

(kodifikazzjoni)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 144(1) moqri mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2092/2004 tat-8 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni għal kwota tariffarja għall-importazzjoni ta’ ċanga mnixxfa bla għadam li ġejja mill-Isvizzera (2) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli (4) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) li ġie approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, l-Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5) taħseb għal importazzjonijiet bla dazju ta’ kwantità ta’ 1 200 tunnellata kull sena għal-laħam tal-annimali tal-ifrat, imnixxef, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 0210 20 90.

(3)

Regoli dettaljati għandhom, għaldaqstant, jiġu stabbiliti fuq bażi annwali għal kwota tarrifarja rilevanti tal-importazzjoni bla dazju.

(4)

Biex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju ta’ dik il-kwota tariffarja, il-prodotti kkonċernati għandhom joriġinaw fl-Isvizzera b’konformità mar-regoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4 tal-Ftehim. Definizzjoni preċiża tal-prodotti eliġibbli għandha tiġi pprovduta. Għal raġunijiet ta’ kontroll, importazzjonijiet taħt dik il-kwota għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-awtentiċità li jiċċertifika li l-laħam jikkorrispondi eżattament mad-definizzjoni eliġibbli. Hu meħtieġ li jiġi stabbilit mudell għal dawk iċ-ċertifikati u li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-użu tagħhom.

(5)

L-arranġamenti għandhom jitmexxew bl-użu ta’ liċenzji tal-importazzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tingħata dwar applikazzjonijiet u liċenzji, fejn meħtieġ permezz ta’ deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (6) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008 tal-21 ta’ April 2008 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (7).

(6)

Sabiex tiġi żgurata t- tmexxija tajba tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati, għandha issir dispożizzjoni biex jinħarġu liċenzji tal-importazzjoni soġġetti għall-verifika, b’mod partikolari ta’ informazzjoni mdaħħla f’ċertifikati tal-awtentiċità.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kwota tariffarja tal-Unjoni mingħajr dazju fuq l-importazzjoni għal-laħam imnixxef mingħajr għadam tal-annimali bovini li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 0210 20 90 u li joriġina fl-Iżvizzera qiegħda tinfetaħ kull sena għal volum annwali ta’ 1 200 tunnellata għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru (minn issa ‘l quddiem “il-kwota”).

In-numru għall-ordni tal-kwota għandu jkun 09.4202.

2.   Ir-regoli dwar l-oriġini applikabbli għall-prodotti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk stipulati fl-Artikolu 4 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera għall-kummerċ fil-prodotti agrikoli.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “laħam imnixxef bla għadam” għandu jfisser biċċiet tal-laħam mill-koxox ta’ annimali tal-ifrat li għandhom mill-anqas 18-il xahar, b’ebda xaħam viżibbli intramuskulari (3 sa 7 %) u pH tal-laħam frisk bejn 5,4 u 6,0; immellaħ, imħawwar, ippressat, imnixxef biss ġol-arja friska niexfa u li qed jiżviluppa tinwir nobbli (blanzun ta’ fungi mikroskopiċi). L-użin tal-prodott lest għandu jkun bejn 41 % u 53 % tal-materja prima qabel it-tmelliħ.

Artikolu 2

1.   Importazzjonijiet tal-kwantitajiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni, fuq ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, ta’ liċenzja tal-importazzjoni.

2.   L-oriġinal taċ-ċertifikat tal-awtentiċità mħejji b’konformità mal-Artikolu 3 flimkien ma’ kopja tiegħu għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti flimkien mal-applikazzjoni għall-ewwel liċenzja tal-importazzjoni relatata maċ-ċertifikat tal-awtentiċità.

3.   Ċertifikat tal-awtentiċità għandu jintuża għall-ħruġ ta’ aktar minn liċenzja tal-importazzjoni waħda għal kwantitajiet li ma jaqbżux dik murija fuq iċ-ċertifikat. Fejn tinħareġ aktar minn liċenzja waħda fuq ċertifikat, l-awtorità kompetenti għandha tapprova ċ-ċertifikat tal-awtentiċità biex turi l-kwantità attribwita.

4.   L-awtorita kompetenti jistgħu joħorġu liċenzji tal-importazzjoni biss wara li jkunu sodisfatti li l-informazzjoni fuq iċ-ċertifikat tal-awtentiċità tikkorrispondi għal dik riċevuta kull ġimgħa mill-Kummissjoni dwar is-suġġett. Il-liċenzji għandhom jinħarġu minnufih minn dakinhar ‘il quddiem.

Madankollu, l-awtorita kompetenti jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali u fuq applikazzjoni raġunata kif għandu jkun, joħorġu liċenzji tal-importazzjoni fuq il-bażi taċ-ċertifikati rilevanti tal-awtentiċità qabel ma tiġi riċevuta l-informazzjoni mill-Kummissjoni. F’tali każijiet, is-sigurtà għal-liċenzji tal-importazzjoni għandha tkun ekwivalenti għall-ammont li jikkorrispondi għad-dazju tad-dwana sħiħ taħt it-tariffa tad-dwana komuni. Wara li jirċievu l-informazzjoni relatata maċ-ċertifikat, l-Istati Membri għandhom ibiddlu din is-sigurtà b’dik li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(3)(a) ta-Regolament (KE) Nru 382/2008.

5.   It-Taqsima 20 tal-applikazzjonijiet għal liċenzja u tal-liċenzji stess għandhom juru wieħed mill-annotazzjonijiet elenkati fl-Anness I.

Artikolu 3

1.   Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 għandhom jinħarġu f’oriġinal wieħed u żewġ kopji, li għandhom jiġu stampati u mimlija b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b’konformità mal-mudell fl-Anness II. Jista’ jiġi wkoll stampat u mimli bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż esportatur.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tiġi sottomessal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni jistgħu jitolbu li tiġi pprovduta traduzzjoni taċ-ċertifikat.

2.   Il-formoli taċ-ċertifikat għandhom ikunu ta’ 210 ×297 mm. Il-karta użata għandha tiżen mhux anqas minn 40 g/m2. L-oriġinal għandu jkun abjad, l-ewwel kopja roża u t-tieni kopja safra.

3.   L-oriġinal taċ-ċertifikat u l-kopji tiegħu jistgħu jkunu ttajpjati jew miktuba bl-idejn. Fil-każ tal-aħħar, għandhom jimtlew bil-inka sewda u b’ittri kbar.

4.   Kull ċertifikat għandu jkollu n-numru individwali tas-serje tiegħu segwit mill-isem tal-pajjiż emittenti.

Il-kopji għandhom juru l-istess numru tas-serje u l-istess isem bħall-oriġinal.

5.   Id-definizzjoni ta’ laħam imnixxef bla għadam stipulata fl-Artikolu 1(3) għandha tiġi stabbilita biċ-ċar fiċ-ċertifikat.

6.   Iċ-ċertifikati jkunu validi biss jekk huma approvati kif suppost minn awtorità emittenti mniżżla fl-Anness III.

Iċ-ċertifikati għandhom jiġu kkunsidrati li ġew approvati kif suppost jekk jiddikjaraw id-data u l-post tal-ħruġ u jekk ikun fihom it-timbru tal-awtorità emittenti u l-firma tal-persuna jew il-persuni li għandhom l-awtorità li jiffirmawhom.

Artikolu 4

1.   L-awtoritajiet emittenti elenkati fl-Anness III għandhom:

(a)

ikunu rrikonoxxuti bħala tali mill-Isvizzera;

(b)

jimpenjaw ruħhom li jivverifikaw l-annotazzjonijiet mdaħħla fiċ-ċertifikati ta’ awtentiċità;

(c)

jimpenjaw ruħhom li jibagħtu lill-Kummissjoni mill-anqas darba fil-ġimgħa kull informazzjoni li tippermetti li l-annotazzjonijiet mdaħħla fiċ-ċertifikati tal-awtentiċità, b’mod partikolari n-numru taċ-ċertifikat, l-esportatur, ir-riċevitur, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-prodott, l-użin nett u d-data tal-firma, jiġu vverifikati.

2.   Il-lista fl-Anness III tista’ tiġi riveduta mill-Kummissjoni fejn il-kundizzjoni meħtieġa li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1(a) ma tkunx għadha tintlaħaq jew fejn l-awtorità emittenti ma tkunx tissodisfa kwalunkwe mill-obbligi li huma responsabbiltà tagħha.

Artikolu 5

Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità u l-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi għal tliet xhur mid-dati rispettivi tal-ħruġ tagħhom.

Artikolu 6

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, ir-Regolament (KE) Nru 382/2008 u l-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (8), ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7

L-awtoritajiet tal-Isvizzera għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kampjuni tat-timbri użati mill-awtoritajiet emittenti Svizzeri u l-ismijiet u l-firem tal-persuni li huma awtorizzati li jiffirmaw ċertifikati tal-awtentiċità. Kull tibdil sussegwenti ta’ timbri jew ismijiet għandu wkoll jiġi notifikat lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 8

1.   Bħala deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar wara t-tmiem ta’ kull perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni, il-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi l-prospetti żero, li għalihom inħarġu l-liċenzji ta’ importazzjoni fil-perjodu preċedenti tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni;

(b)

mhux aktar tard mit-30 ta’ April wara t-tmiem ta’ kull perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni, il-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi l-prospetti żero, koperti minn liċenzji ta’ importazzjoni li ma ntużawx jew li ntużaw parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq wara tal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-kwantitajiet li nħarġu għalihom.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-kwantitajiet tal-prodotti li tqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

3.   In-notifiki li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (9) u għandhom jintużaw il-kategoriji tal-prodotti kif ġie indikat fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 382/2008.

Artikolu 9

Ir-Regolament (KE) Nru 2092/2004 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 395.

(2)  ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 37.

(3)  Ara l-Anness IV.

(4)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(5)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.

(7)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 10.

(8)  ĠU L 330M, 9.12.2008, p. 387.

(9)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.


ANNESS I

Annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5)

:

Bulgaru

:

Сушено обезкостено говеждо или телешко месо — Регламент за изпълнение (ЕС) № 82/2013

:

Spanjol

:

Carne de vacuno seca deshuesada — Reglamento de Ejecución (UE) no 82/2013

:

Ċek

:

Vykostěné sušené hovězí maso — prováděcí nařízení (EU) č. 82/2013

:

Daniż

:

Tørret udbenet oksekød — gennemførelsesforordning (EU) nr. 82/2013

:

Ġermaniż

:

Εntbeintes, getrocknetes Rindfleisch — Durchführungsverordnung (EU) Nr. 82/2013

:

Estonjan

:

Kuivatatud kondita veiseliha – rakendusmäärus (EL) nr 82/2013

:

Grieg

:

Αποξηραμένο βόειο κρέας χωρίς κόκαλα — Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) αριθ. 82/2013

:

Ingliż

:

Dried boneless beef — Implementing Regulation (EU) No 82/2013

:

Franċiż

:

Viande bovine séchée désossée — règlement d’exécution (UE) no 82/2013

:

Taljan

:

Carni bovine disossate ed essiccate — regolamento di esecuzione (UE) n. 82/2013

:

Latvjan

:

Žāvēta atkaulota liellopu gaļa – Īstenošanas regula (ES) Nr. 82/2013

:

Litwan

:

Džiovinta jautiena be kaulų – Įgyvendinimo reglamentas (ES) Nr. 82/2013

:

Ungeriż

:

Szárított kicsontozott marhahús – 82/2013/EU végrehajtási rendelet

:

Malti

:

Ċanga mnixxfa mingħajr għadam — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2013

:

Olandiż

:

Gedroogd rundvlees zonder been — Uitvoeringsverordening (EU) nr. 82/2013

:

Pollakk

:

Suszone mięso wołowe bez kości — rozporządzenie wykonawcze (UE) nr 82/2013

:

Portugiż

:

Carne de bovino seca desossada — Regulamento de Execução (UE) n.o 82/2013

:

Rumen

:

Carne de vită dezosată uscată – Regulamentul de punere în aplicare (UE) nr. 82/2013

:

Slovakk

:

Sušené vykostené hovädzie mäso – vykonávacie nariadenie (EÚ) č. 82/2013

:

Sloven

:

Posušeno goveje meso brez kosti — Izvedbena uredba (EU) št. 82/2013

:

Finlandiż

:

Kuivattua luutonta naudanlihaa – täytäntöönpanoasetus (EU) N:o 82/2013

:

Svediż

:

Τοrkat benfritt nötkött – genomförandeförordning (EU) nr 82/2013


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Lista tal-awtoritajiet fl-Iżvizzera li jesportaw li huma awtorizzati joħorġu ċertifikat ta’ awtentiċità

Office fédéral de l’agriculture/Bundesamt für Landwirtschaft/Ufficio federale dell’agricoltura.


ANNESS IV

Regolament Imħassar bil-lista ta’ emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2092/2004

(ĠU L 362, 9.12.2004, p. 4)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1830/2006

(ĠU L 354, 14.12.2006, p. 3)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1965/2006

(ĠU L 408, 30.12.2006, p. 26)

Artikolu 7 u Anness VIII biss

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 749/2008

(ĠU L 202, 31.7.2008, p. 37)

Artikolu 2 u Anness II biss

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 381/2009

(ĠU L 116, 9.5.2009, p. 16)

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2012

(ĠU L 194, 21.7.2012, p. 3)

Artikolu 1 biss


ANNESS V

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 2092/2004

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 7

Artikoli 1 sa 7

Artikoli 7a

Artikolu 8

Artikoli 8

Artikolu 9

Artikoli 9

Artikolu 10

Annessi I, II u III

Annessi I, II u III

Anness IV

Anness V


30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 83/2013

tad-29 ta’ Jannar 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

57,7

PS

161,2

TN

96,0

TR

128,0

ZZ

110,7

0707 00 05

EG

206,0

MA

124,7

TR

172,0

ZZ

167,6

0709 91 00

EG

119,3

ZZ

119,3

0709 93 10

EG

194,1

MA

71,7

TR

155,9

ZZ

140,6

0805 10 20

EG

57,1

MA

55,4

TN

50,7

TR

77,1

ZZ

60,1

0805 20 10

MA

83,0

ZZ

83,0

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

153,7

IL

115,4

KR

136,1

MA

141,4

TR

77,6

ZZ

124,8

0805 50 10

EG

87,0

TR

70,3

ZZ

78,7

0808 10 80

BR

86,6

CN

91,9

MK

36,4

US

170,0

ZZ

96,2

0808 30 90

CN

68,0

TR

176,8

US

132,9

ZZ

125,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2012

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali min-New Zealand

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9557)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/65/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma mitluba jipprevedu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz jista’ jsir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tirrimarka li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dan il-każ, id-dejta personali tista’ tiġi ttrasferita mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi speċifiċi relevanti għat-trasferiment.

(4)

Minħabba d-diversi metodi li pajjiżi terzi jużaw fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, għandha titwettaq valutazzjoni tal-adegwatezza, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq id-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata b'tali mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u li ma sservix ta' ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali attwali tal-Unjoni.

(5)

In-New Zealand kienet kolonja Brittanika. Din saret Dominju indipendenti fl-1907, iżda sal-1947 kienet għadha ma qatgħetx formalment ir-rabtiet kostituzzjonali tagħha minn mal-Gran Brittanja. In-New Zealand hija stat unitarju u ma għandhiex kostituzzjoni bil-miktub fis-sens konvenzjonali ta’ dokument ikkodifikat vinkolanti. Il-pajjiż huwa monarkija kostituzzjonali u għandu demokrazija parlamentari fuq il-mudell ta’ Westminster, bir-Reġina ta’ New Zealand bħala l-Kap tal-Istat.

(6)

In-New Zealand topera fuq il-prinċipju ta’ sovranità Parlamentari. Madankollu, konvenzjonalment hemm għadd ta’ Statuti li huma ta' importanza kostituzzjonali partikolari u huma meqjusa bħala “liġi ogħla”. Dan ifisser li huma jifformaw parti mill-isfond jew mix-xenarju kostituzzjonali billi jinfluwenzaw il-prattika tal-gvern u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni oħra. Barra minn hekk, kunsens politiku minn kull naħa jkun mistenni fil-każ ta’ emendi jew jekk titħassar din il-leġiżlazzjoni. Bosta minn dawn l-Istatuti – l-Att tat-28 ta’ Awwissu 1990 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Att Pubbliku Nru 109 tal-1990), l-Att tal-10 ta’ Awwissu 1993 dwar id-Drittijiet Fundamentali (l-Att Pubbliku Nru 82 tal-1993), u l-Att tas-17 ta’ Mejju 1993 dwar il-Privatezza (l-Att Pubbliku Nru 28 tal-1993) - huma rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. L-importanza kostituzzjonali ta’ din il-leġiżlazzjoni hija riflessa mill-konvenzjoni li din għandha tiġi meqjusa meta tkun qed tiġi żviluppata jew inkella proposta leġiżlazzjoni ġdida.

(7)

L-istandards legali għall-protezzjoni tad-dejta personali fin-New Zealand huma primarjament stipulati fl-Att dwar il-Privatezza, kif emendat mill-Att Emendatorju (Informazzjoni Transkonfinali) tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar il-Privatezza (l-Att Pubbliku Nru 113 tal-2010). Huwa kien jeżisti qabel id-Direttiva 95/46/KE, u mhuwiex limitat għad-dejta pproċessata awtomatikament jew għad-dejta strutturata f'sistema ta' arkivjar, iżda jkopri l-informazzjoni personali kollha f'kull għamla jew forma. Ikopri lis-setturi pubbliċi u privati kollha, bi ftit eċċezzjonijiet speċifiċi ta’ interess pubbliku, li wieħed jistenna f'soċjetà demokratika.

(8)

Hemm għadd ta’ oqfsa regolatorji fin-New Zealand li jittrattaw kwistjonijiet dwar il-privatezza f’termini ta’ politika, regoli, jew ġurisdizzjonijiet għall-ilmenti. Xi wħud huma statutorji, filwaqt li oħrajn huma korpi industrijali awtoregolatorji, inklużi r-regolamentazzjoni tal-midja, il-kummerċjalizzazzjoni diretta, il-messaġġi elettroniċi mhux mitluba, ir-riċerka dwar is-suq, is-saħħa u d-diżabbiltà, il-banek u l-assigurazzjoni u t-tfaddil.

(9)

Barra mil-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament tan-New Zealand, teżisti ġabra konsiderevoli ta’ liġi komuni li l-għeruq tagħha ġejjin mil-liġi komuni Ingliża, li tinkorpora l-prinċipji u r-regoli tal-liġi komuni li huma relevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Fost il-prinċipji fundamentali tal-liġi komuni hemm il-prinċipju li d-dinjità tal-individwu hija ta’ importanza fundamentali għal-liġi. Dan il-prinċipju tal-liġi komuni huwa element ewlieni fil-kuntest sottostanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fin-New Zealand. Il-ġurisprudenza tan-New Zealand bbażata fuq il-liġi komuni fiha wkoll għadd ta’ aspetti oħrajn dwar il-privatezza li jinkludu, l-invażjoni ta’ privatezza, il-ksur ta’ fiduċja u l-protezzjoni inċidentali fil-kuntest ta’ malafama, l-inkonvenjenza, il-fastidju, il-falsità doluża, in-negliġenza u oħrajn.

(10)

L-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli fin-New Zealand ikopru l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji biex ikun hemm livell adegwat ta' protezzjoni għall-persuni fiżiċi, u jagħmlu wkoll xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet sabiex jipproteġu l-interessi pubbliċi importanti. Dawn l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-eċċezzjonijiet jirriflettu l-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.

(11)

L-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta hija ggarantita permezz ta’ rimedji amministrattivi u ġudizzjarji, u permezz ta’ sorveljanza indipendenti mwettqa mill-awtorità ta’ sorveljanza, il-Kummissarju għall-Privatezza, li huwa mogħni bit-tip ta’ setgħat stabbiliti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, u li jaġixxi indipendentement. Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata għandha d-dritt li titlob rimedju ġudizzjarju biex tiġi kkumpensata għal ħsarat imġarrba bħala riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħha li ma jkunx sar skont il-liġi.

(12)

Għalhekk in-New Zealand għandha titqies li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għal dejta personali kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE.

(13)

Din id-Deċiżjoni għandha tikkonċerna l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija fin-New Zealand, bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE. M’għandhiex taffettwa kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' dejta personali fl-Istati Membri.

(14)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(15)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, ta opinjoni favorevoli dwar il-livell ta’ adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali fin-New Zealand (2), li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(16)

Il-miżuri stipulati minn din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, in-New Zealand hija meqjusa li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti għall-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta fin-New Zealand hija msemmija fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Mingħajr ħsara għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħrajn barra l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lil riċevitur fin-New Zealand sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a)

fejn awtorità kompetenti fin-New Zealand tkun ikkonkludiet illi r-riċevitur ma jikkonformax mal-istandards applikabbli tal-protezzjoni; jew

(b)

fejn hemm il-probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, li hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jemmen illi l-awtorità kompetenti tan-New Zealand mhux qed tieħu, jew ma tridx tieħdu l-passi neċessarji u f'waqthom sabiex issolvi l-każ ikkonċernat; li t-tkomplija tat-trasferiment toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-dejta, u li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu dak kollu li hu xieraq fiċ-ċirkustanzi sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar fin-New Zealand u li tawha ċ-ċans li tirrispondi.

2.   Is-sospensjoni tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun innotifikata b’dan.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri msejsa fuq l-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandards ta' protezzjoni fin-New Zealand tonqos milli tiżgura din il-konformità.

3.   Meta l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 2(1) u skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda li xi korp responsabbli milli jiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni fin-New Zealand mhux qed jagħmel xogħlu b’mod effettiv, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità kompetenti tan-New Zealand u, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li titħassar, jew li tiġi sospiża din id-Deċiżjoni, jew li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni tissorvelja l-funzjonament ta' din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe sejba relevanti lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kwalunkwe evidenza li tista' taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni fin-New Zealand hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, u kwalunkwe evidenza li tindika li din id-Deċiżjoni tkun qed tiġi implimentata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 5

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni sal-20 ta' Marzu 2013.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  L-opinjoni 11/2011 bid-data tal-4 ta’ April 2011 dwar il-livell ta' protezzjoni tad-dejta personali fi New Zealand. Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2011/wp182_mt.pdf


ANNESS

L-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni:

Il-Kummissarju għall-Privatezza:

Te Mana Matapono Matatapu

Level 4

109-111 Featherston Street

Wellington 6143

New Zealand

Telefown: +64-4-474 7590

L-indirizz tal-posta elettronika: enquiries@privacy.org.nz

Websajt: http://privacy.org.nz/