ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.004.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 4

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
9ta' Jannar 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2013/4/Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2012 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

1

Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jsieħeb il-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013)

3

 

 

2013/5/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu

13

Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu

15

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 6/2013 tat-8 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE ( 1 )

34

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 7/2013 tat-8 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni ( 1 )

36

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 8/2013 tat-8 ta’ Jannar 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

38

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/6/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

40

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2012

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

(2013/4/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mad-Direttivi mill-Kunsill, innegozjat Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) (“il-Ftehim”).

(2)

Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim għandha tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) hija b’dan approvata.

Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, magħmula mir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġi konkluż il-Ftehim, li tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, hija b’dan approvata.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


ANNESS

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Ir-rappreżentanti tal-Konfederazzjoni Svizzera talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonferma li l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet mistennija mill-Konfederazzjoni Svizzera għas-sena 2012 fir-rigward tal-attivitajiet kollha ta’ riċerka tal-Euratom mhux se jeċċedi CHF 55 miljun.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li abbażi tad-dejta statistika rilevanti u wara li kkunsidrat il-fatturi ta’ proporzjonalità li jirregolaw il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mistennija mill-Konfederazzjoni Svizzera għas-sena 2012 fir-rigward tal-attivitajiet kollha ta’ riċerka tal-Euratom, inklużi dawk li saru qabel il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim, l-ammont totali pagabbli mill-Konfederazzjoni Svizzera għas-sena 2012 mhux se jeċċedi CHF 55 miljun.


FTEHIM

dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jsieħeb il-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013)

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA,

(minn hawn 'il quddiem imsejħa “Euratom”),

Irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Kummissjoni),

min-naħa waħda,

u

L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

(minn hawn 'il quddiem imsejħa “Svizzera”), irrappreżentata mill-Kunsill Federali Svizzeru,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

JIKKUNSIDRAW li r-relazzjoni mill-qrib bejn l-Isvizzera u l-Euratom hija ta' benefiċċju għall-Partijiet;

JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-riċerka xjentifika u teknoloġika għall-Partijiet u għall-interess reċiproku tagħhom li jikkooperaw f'din il-kwistjoni sabiex jagħmlu użu aħjar tar-riżorsi u biex jevitaw duplikazzjoni mhux neċessarja;

BILLI l-Partijiet bħalissa qed jimplimentaw programmi ta' riċerka f’oqsma ta' interess komuni;

BILLI l-Partijiet għandhom interess li jikkooperaw f'dawn il-programmi għall-benefiċju reċiproku tagħhom;

JIKKUNSIDRAW l-interess tal-Partijiet biex iħeġġu l-aċċess reċiproku tal-entitajiet tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' taħriġ;

BILLI l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Isvizzera kkonkludew Ftehim ta' Kooperazzjoni fl-1978 fil-qasam tal-fużjoni termonukleari kkontrollata u l-fiżika tal-plasmi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-’Ftehim dwar il-Fużjoni’);

BILLI fit-8 ta' Jannar 1986 l-Partijiet ikkonkludew Ftehim Qafas għall-kooperazzjoni xjentifika u teknika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Qafas”), li daħal fis-seħħ fis-17 ta' Lulju 1987;

JIKKUNSIDRAW li l-Artikolu 6 tal-Ftehim Qafas jiddikjara li l-kooperazzjoni maħsuba mill-Ftehim Qafas għandha titwettaq permezz ta' ftehimiet xierqa;

BILLI fil-25 ta' Ġunju 2007 l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera ffirmaw Ftehim ta' Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, li daħal fis-seħħ fit-28 ta' Frar 2008 u ġie applikat b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2007;

JIKKUNSIDRAW li l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim imsemmi hawn fuq jipprovdi għat-tiġdid jew għall-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim bil-ħsieb ta' parteċipazzjoni fi Programmi Qafas pluriennali ġodda għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, skont kundizzjonijiet mifthiema b'mod reċiproku;

BILLI l-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013), li jikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ġie adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/93/Euratom (1), ir-Regolament (Euratom) Nru 139/2012 (2) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/94/Euratom (3) u 2012/95/Euratom (4) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013”);

BILLI, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, dan il-Ftehim u kull attività konkluża skontu mhux se jaffettwaw is-setgħat mogħtija lill-Istati Membri li jwettqu attivitajiet bilaterali mal-Isvizzera fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp, u li jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet għal dak il-għan;

BILLI l-Euratom ikkonkludiet il-Ftehim dwar l-istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER dwar l-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-proġett ITER. Skont l-Artikolu 21 tagħha u l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ITER, il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għall-ITER u l-Ftehim dwar Approċċ Usa' għat-territorju tal-Isvizzera u dwar is-sħubija tal-Isvizzera fl-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni tat-22 ta' Novembru 2007, il-Ftehim japplika għall-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programm ta' fużjoni tal-Euratom bħala Stat terz imsieħeb bis-sħiħ;

BILLI l-Euratom hija membru tal-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Marzu 2007. Skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni u l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ITER, il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għall-ITER u l-Ftehim dwar Approċċ Usa' għat-territorju tal-Isvizzera u dwar is-sħubija tal-Isvizzera fl-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni tat-22 ta' Novembru 2007, l-Isvizzera saret membru tal-Intrapriża Konġunta bħala Stat terz billi sieħbet il-programm ta' riċerka tagħha mal-programm ta' fużjoni tal-Euratom;

BILLI l-Euratom ikkonkludiet il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Attivitajiet tal-Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni Skont l-Artikolu 26 tagħha, il-Ftehim japplika għall-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programm ta' fużjoni bħala Stat terz imsieħeb bis-sħiħ.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fl-implimentazzjoni tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandha tkun stabbilita f'dan il-Ftehim, mingħajr preġudizzju għat-termini tal-Ftehim dwar il-Fużjoni.

L-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera jistgħu jipparteċipaw fil-programmi speċifiċi kollha tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013.

2.   L-entitajiet legali Svizzeri jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea sakemm din il-parteċipazzjoni ma tkunx koperta mill-paragrafu 1.

3.   L-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, inkluż iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, jistgħu jipparteċipaw fi programmi u/jew proġetti ta' riċerka fl-Isvizzera f'setturi ekwivalenti għal dawk tal-programmi tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013.

4.   Għall-fini ta' dan il-Ftehim “entità legali” tfisser kull persuna fiżika jew legali li tinħoloq skont il-liġi nazzjonali fil-post fejn tkun ġiet stabbilita jew skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, li għandha personalità legali u li tkun intitolata biex ikollha drittijiet u obbligi ta' kull għamla f’isimha. Din għandha tinkludi, fost l-oħrajn, universitajiet, organizzazzjonijiet ta' riċerka, kumpaniji industrjali, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u individwi.

Artikolu 2

Forom u mezzi ta' kooperazzjoni

Il-kooperazzjoni għandha tieħu l-forom li ġejjin:

1.

Il-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera fil-programmi speċifiċi kollha adottati skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' intrapriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet fl-attivitajiet ta' riċerka u taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

2.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Isvizzera għall-baġit tal-programmi adottati għall-implimentazzjoni tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, kif definita fl-Anness B.

3.

Il-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea fi programmi u/jew proġetti ta' riċerka Svizzeri deċiżi mill-Kunsill Federali f'setturi ekwivalenti għal dawk tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti rilevanti Svizzeri u bil-ftehim tas-sħab fil-proġett speċifiku u l-ġestjoni tal-programm Svizzeru korrispondenti. Sakemm ir-regolamenti rilevanti Svizzeri ma jipprevedux mod ieħor, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u li jipparteċipaw fi programmi u/jew proġetti ta' riċerka Svizzeri għandhom ikopru l-ispejjeż tagħhom, inkluż is-sehem relattiv tagħhom fl-ispejjeż ġenerali ta' ġestjoni u ta' amministrazzjoni tal-proġett.

4.

Barra mill-għoti f'waqtu ta' informazzjoni u ta' dokumentazzjoni li jikkonċernaw l-implementazzjoni tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 u tal-programmi u/jew tal-proġetti Svizzeri, il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tista' tinkludi l-forom u l-mezzi li ġejjin:

(a)

skambji regolari ta' opinjonijiet dwar linji gwida ta' politika għar-riċerka u prijoritajiet u pjanijiet fl-Isvizzera u fil-Euratom;

(b)

skambji ta' opinjonijiet dwar il-prospetti u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni;

(c)

skambji f'waqthom ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti ta' riċerka fl-Isvizzera u fil-Euratom u dwar ir-riżultati tax-xogħol imwettaq permezz ta' dan il-Ftehim;

(d)

laqgħat konġunti;

(e)

żjarat u skambji ta' riċerkaturi, inġiniera u persuni tekniċi;

(f)

kuntatti regolari u segwitu bejn il-mexxejja tal-programmi jew tal-proġetti fl-Isvizzera u fil-Euratom;

(g)

parteċipazzjoni minn esperti f'seminars, simpożji u sessjonijiet ta' ħidma.

Artikolu 3

Adattament

Il-kooperazzjoni tista' tiġi adattata u żviluppata f'kull ħin bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 4

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u obbligi

1.   Suġġetti għall-Anness A u l-liġi applikabbli, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera li jipparteċipaw fil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, fir-rigward tas-sjieda, l-isfruttament u t-tixrid ta' informazzjoni u ta' proprjetà intellettwali li joħorġu minn din il-parteċipazzjoni, għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

2.   Suġġetti għall-Anness A u l-liġi applikabbli, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea li qed jieħdu sehem fi programmi u/jew proġetti ta' riċerka Svizzeri, kif stipulat fl-Artikolu 2(3), fir-rigward tas-sjieda, l-isfruttament u t-tixrid ta' informazzjoni u ta' proprjetà intellettwali li joħorġu minn din il-parteċipazzjoni, għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera u li qed jipparteċipaw fil-programmi u/jew fil-proġetti inkwistjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Isvizzera huma stabbiliti fl-Anness B.

Artikolu 6

Kumitat għar-Riċerka Svizzera/Komunitajiet

1.   Il-Kumitat għar-Riċerka Svizzera/Komunitajiet stabbilit bil-Ftehim Qafas għandu jeżamina, jevalwa u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim. Kwalunkwe kwistjoni li toħroġ mill-implimentazzjoni jew mill-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha titressaq quddiem dan il-Kumitat.

2.   Il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jemenda r-referenzi għall-atti tal-Unjoni Ewropea/Euratom fl-Anness C.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera li jipparteċipaw fil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi kuntrattwali bħal dawk tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

2.   Għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera, it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta' proposti u dawk għall-għoti u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għal ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti konklużi skont l-istess programmi ma' entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

3.   L-Isvizzera għandha tkun intitolata bħala Stat imsieħeb, li tipproponi evalwaturi skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' intrapriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjonijiet indiretti skont il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2012-2013).

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 4(2) u tar-regolamenti u r-regoli eżistenti ta' proċedura, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jipparteċipaw skont termini u kundizzjonijiet ekwivalenti għas-sieħba Svizzeri fi programmi u/jew fi proġetti tal-programmi ta' riċerka Svizzeri msemmija fl-Artikolu 2(3). L-awtoritajiet Svizzeri jistgħu jipparteċipaw fi proġett permezz ta' entità legali waħda jew aktar stabbilita fl-Unjoni Ewropea suġġetta għall-parteċipazzjoni konġunta ta' mill-inqas entità waħda Svizzera.

Artikolu 8

Mobilità

Kull Parti għandha timpenja ruħha, f'konformità mar-regolamenti u l-ftehimiet eżistenti fis-seħħ, li tiggarantixxi d-dħul u s-soġġorn - sakemm dan ikun indispensabbli għat-twettiq b'suċċess tal-attività kkonċernata – ta' għadd limitat tar-riċerkaturi parteċipanti tagħhom, fl-Isvizzera u fl-Unjoni Ewropea, fl-attivitajiet koperti b'dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Reviżjoni u kollaborazzjoni futura

1.   Jekk il-Euratom tirrevedi jew testendi l-programmi tar-riċerka tagħha, dan il-Ftehim jista' jiġi rivedut jew estiż skont kundizzjonijiet mifthiema b'mod reċiproku. Il-Partijiet għandhom jipproċedu għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' opinjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe tali reviżjoni jew estensjoni, kif ukoll dwar xi kwistjonijiet li jaffettwaw direttament jew indirettament il-kooperazzjoni Svizzera fl-oqsma koperti bil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013. L-Isvizzera għandha tiġi notifikata bil-kontenut eżatt tal-programmi riveduti jew estiżi fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom mill-Euratom. Fil-każ ta' tali reviżjoni jew estensjoni tal-programm ta' riċerka, l-Isvizzera tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti notifika sitt xhur qabel. Il-Partijiet għandhom jagħtu notifika ta' kwalunkwe intenzjoni li jtemmu jew li jestendu dan il-Ftehim fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Euratom.

2.   Jekk il-Euratom tadotta programm pluriennali ġdid għar-riċerka u t-taħriġ, il-Ftehim jista' jiġi mġedded jew rinegozjat skont kundizzjonijiet mifthiema b'mod reċiproku bejn il-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jipproċedu għall-iskambju ta' informazzjoni u opinjonijiet dwar it-tħejjija ta' dawn il-programmi jew ta' attivitajiet ta' riċerka oħra attwali u futuri permezz tal-Kumitat għar-Riċerka Svizzera/Komunitajiet imsemmi fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Rabta ma' ftehimiet internazzjonali oħrajn

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-vantaġġi previsti minn ftehimiet internazzjonali oħrajn li jorbtu waħda mill-Partijiet u huma riżervati biss għal entitajiet legali stabbiliti fit-territorju ta' dik il-Parti.

2.   Entità legali stabbilita fi Stat imsieħeb mal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 (Stat Imsieħeb) tgawdi mill-istess drittijiet u obbligi skont dan il-Ftehim bħall-entitajiet legali li huma stabbiliti fi Stat Membru kemm-il darba l-Istat Imsieħeb li fih l-entità hija stabbilita għamel ftehim biex jagħti l-istess drittijiet u obbligi lill-entitajiet legali mill-Isvizzera.

Artikolu 11

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Isvizzera.

Artikolu 12

Annessi

L-Annessi A, B u C għandhom ikunu parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew konkluż mill-Partijiet f'konformità mar-regoli rispettivi tagħhom. Għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika tat-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika mill-bidu tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 sal-31 ta' Diċembru 2013. Minkejja l-paragrafu 5 ta' hawn taħt, matul il-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2013 u t-30 ta' Ġunju 2013, kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim b'notifika bil-miktub. F'dan il-każ, il-Ftehim għandu jieqaf japplika fil-31 ta' Diċembru 2012.

3.   Jekk dan il-Ftehim jieqaf japplika fil-31 ta' Diċembru 2012 skont il-paragrafu 2, il-Euratom għandha twettaq l-impenji tagħha lejn il-benefiċjarji Svizzeri li applikaw għalih sakemm waħda mill-Partijiet tirċievi n-notifika skont il-paragrafu 2 mill-Parti l-oħra. F'każ li l-Isvizzera ttemm dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2, l-Isvizzera għandha tħallas kumpens lill-Euratom li jikkorrispondi għall-ammont tal-impenji tal-Euratom għas-sena 2013 lill-benefiċjarji Svizzeri sakemm il-Euratom tirċievi n-notifika Svizzera. Dan il-kumpens għandu jitħallas sa mhux aktar tard minn 45 ġurnata wara li tiġi riċevuta t-talba maħruġa mill-Kummissjoni. Il-paragrafu II.2 tal-Anness B għandu japplika skont dan. Il-Partijiet għandhom isolvu b'kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat biss bil-miktub b'kunsens komuni bejn il-Partijiet. Il-proċedura għad-dħul fis-seħħ tal-emendi għandha tkun l-istess bħall-proċedura applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

5.   Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim f’kull ħin, suġġetta għal notifika bil-miktub sitt xhur qabel.

6.   Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu fis-seħħ fil-waqt tat-terminazzjoni u/jew l-iskadenza ta' dan il-Ftehim għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ikunu lesti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom isolvu b'kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra dwar it-terminazzjoni.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, u kull wieħed minn dawk it-testi jkun ugwalment awtentiku.


(1)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 25.

(2)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 33.

(4)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 40.

ANNESS A

PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

I.   Kamp ta’ applikazzjoni

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira kif definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967.

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “għarfien” tfisser ir-riżultati, inkluż l-informazzjoni, sew jekk jistgħu jiġu protetti jew le, kif ukoll id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet marbuta ma' din l-informazzjoni, wara li jkunu saru applikazzjonijiet għal, jew għall-ħruġ ta', privattivi, diżinji, varjetajiet ta' pjanti, ċertifikati ta' protezzjoni supplementari jew forom simili ta' protezzjoni.

II.   Drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-entitajiet legali tal-Partijiet

1.

Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-entitajiet legali tal-Parti l-oħra li qed tipparteċipa fl-attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim u d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din il-parteċipazzjoni huma ttrattati b'mod li jkun kompatibbli mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti applikabbli għall-Partijiet, b'mod partikolari l-Ftehim TRIPS (Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ), il-Konvenzjoni ta' Berna (l-Att ta' Pariġi 1971) u l-Konvenzjoni ta' Pariġi (l-Att ta' Stokkolma 1967).

2.

L-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera li qed jipparteċipaw f'azzjonijiet indiretti skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandu jkollhom drittijiet ta' proprjetà intellettwali u obbligi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti, fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 tad-19 ta' Diċembru 2011 (1) u fil-ftehim ta' għotja u/jew f'kuntratt konkluż mal-Euratom, f'konformità mal-punt 1.

3.

Entitajiet legali stabbiliti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li qed jipparteċipa fi programmi u/jew proġetti ta' riċerka Svizzeri għandu jkollhom l-istess drittijiet ta' proprjetà intellettwali u obbligi bħal dawk tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Isvizzera li qed jipparteċipaw f'dawn il-programmi jew proġetti ta' riċerka, f'konformità mal-punt 1.

III.   Drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-Partijiet

1.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux bejniethom mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-għarfien li jinħoloq mill-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 2(4) ta' dan il-Ftehim:

(a)

il-Parti li toħloq l-għarfien għandu jkollha s-sjieda tiegħu. Meta s-sehem rispettiv tagħhom fix-xogħol ma jistax jiġi ddeterminat, il-Partijiet għandhom ikunu flimkien is-sidien tal-għarfien;

(b)

il-Parti li jkollha s-sjieda għandha tagħti lill-Parti l-oħra d-drittijiet ta' aċċess għall-għarfien fid-dawl tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) ta' dan il-Ftehim. Ma għandu jintalab l-ebda ħlas għall-għoti tad-drittijiet ta' aċċess għall-għarfien.

2.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux bejniethom mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għax-xogħlijiet letterarji ta' karattru xjentifiku tal-Partijiet:

(a)

meta Parti tippubblika dejta, informazzjoni u riżultati tekniċi jew xjentifiċi li joħorġu mill-attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim f'rivisti, artikli, rapporti u kotba, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi u softwer, għandha tingħata liċenzja dinjija, mhux esklużiva, irrevokabbli u mingħajr ħlas lill-Parti l-oħra għat-traduzzjoni, l-adattament, it-trażmissjoni u t-tixrid pubbliku tax-xogħlijiet imsemmija;

(b)

il-kopji kollha tad-dejta u l-informazzjoni bid-drittijiet tal-awtur li se jitqassmu lill-pubbliku u mħejjija skont din is-sezzjoni għandhom jindikaw l-ismijiet tal-awtur jew tal-awturi, sakemm awtur ma jirrifjutax espressament li jiġi msemmi. Il-kopji għandu wkoll ikollhom rikonoxximent viżibbli b'mod ċar tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet.

3.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux bejniethom mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni mhux żvelata tal-Partijiet:

(a)

fil-waqt tal-preżentazzjoni lill-Parti l-oħra tal-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika l-informazzjoni li hija tixtieq li tibqa' mhux żvelata;

(b)

għall-finijiet speċifiċi ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Parti li tirċievi tista', fuq responsabbiltà tagħha, tikkomunika l-informazzjoni mhux żvelata lil korpi jew lil persuni skont l-awtorità tagħha;

(c)

bil-kunsens bil-miktub bil-quddiem tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata, il-Parti li tirċievi tista' xxerred tali informazzjoni f'medda aktar wiesa' milli kif inhu permess mis-subparagrafu (b). Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta' proċeduri għat-talba jew għall-kisba ta' kunsens bil-miktub bil-quddiem għat-tixrid aktar wiesa', u kull Parti għandha tagħti tali approvazzjoni sal-limitu permess skont il-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi;

(d)

l-informazzjoni mhux żvelata mhux dokumentarja jew informazzjoni kunfidenzjali oħra pprovduta f'seminars, jew f'laqgħat oħra tar-rappreżentanti tal-Partijiet organizzati skont dan il-Ftehim, jew l-informazzjoni li tirriżulta mis-sekondar tal-persunal, l-użu ta' faċilitajiet jew ta' azzjonijiet indiretti jridu jibqgħu kunfidenzjali, meta min jirċievi tali informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni kunfidenzjali jew privileġġata oħra ikun sar konxju bil-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni qabel ma din kienet ġiet ikkomunikata, f'konformità mas-subparagrafu (a);

(e)

kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni mhux żvelata li hija takkwista f'konformità mas-subparagrafi (a) u (d) għandha tkun ikkontrollata kif stipulat f'dan il-Ftehim. Jekk waħda mill-Partijiet issir taf li mhux se tkun tista’, jew li tista' tkun mistennija li ma tkunx kapaċi tissodisfa d-dispożizzjonijiet kontra t-tixrid tas-subparagrafi (a) u (d), għandha minnufih tinforma lill-Parti l-oħra. Wara dan il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex ifasslu kif għandhom jaġixxu.


(1)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 1.

ANNESS B

REGOLI FINANZJARJI LI JIRREGOLAW IL-KONTRIBUZZJONI TAL-ISVIZZERA

I.   Deċizjoni dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja

1.

Il-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għall-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, apparti l-Programm ta' Fużjoni tal-Euratom, għandu jinkiseb billi jiġi stabbilit il-proporzjon bejn il-prodott domestiku gross tal-Isvizzera, skont il-prezzijiet tas-suq, u s-somma tal-prodotti domestiċi gross, skont il-prezzijiet tas-suq, tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni tal-Isvizzera għall-Programm ta' Fużjoni għandu jibqa' jiġi kkalkulat abbażi tal-Ftehim dwar il-Fużjoni. Dawn il-proporzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-aktar dejta statistika riċenti mill-Eurostat, li tkun disponibbli fil-waqt tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-istess sena.

2.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mill-aktar fis possibbli l-materjal ta' sfond rilevanti lill-Isvizzera:

(a)

l-ammonti tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn fid-dikjarazzjoni tan-nefqa tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondu għall-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 fis-sena 2013;

(b)

l-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet miksuba mill-abbozz tal-baġit, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni possibbli tal-Isvizzera fil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 fis-sena 2013.

3.

Malli l-baġit ġenerali għall-2013 ikun adottat definittivament, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Isvizzera l-ammonti msemmija hawn fuq fid-dikjarazzjoni tan-nefqa.

4.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Isvizzera miksuba mill-parteċipazzjoni fil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandha tiġi stabbilita flimkien mal-ammont disponibbli ta' kull sena fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-approprazzjonijiet ta' impenn sabiex jiġu sodisfati l-obbligi finanzjarji tal-Kummissjoni li jkunu ġejjin mix-xogħol li jrid jitwettaq fil-forom neċessarji għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-programmi u tal-attivitajiet koperti b'dan il-Ftehim.

II.   Proċeduri ta' ħlas

1.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012 sejħa għall-fondi lill-Isvizzera li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tagħha skont dan il-Ftehim għall-2012. Din is-sejħa għall-fondi għandha tipprovdi għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-Isvizzera sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata wara li tiġi riċevuta s-sejħa korrispondenti għall-fondi. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont fi frank Svizzeru għas-sena 2012, ir-rata tal-kambju bejn il-frank Svizzeru u l-euro li trid tintuża mill-Kummissjoni għandha tkun ir-rata tas-suq ikkwotata mill-Bank Ċentrali fil-jum ta' qabel tal-aħħar tax-xahar ta' qabel jew, skont id-disponibbiltà, ipprovduta mid-delegazzjonijiet jew minn sorsi oħra xierqa viċin ta' dik id-data.

Sakemm dan il-Ftehim ma jiqafx japplika fil-31 ta' Diċembru 2012 f'konformità mal-Artikolu 13(2), il-Kummissjoni għandha toħroġ wara l-1 ta' Lulju u sa mhux aktar tard minn Novembru 2013, sejħa għall-fondi lill-Isvizzera li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni skont dan il-Ftehim għall-2013 u stabbilita abbażi tal-Punt I.1 ta' dan l-Anness. Din is-sejħa għall-fondi għandha tipprovdi għall-ħlas tal-imsemmija kontribuzzjoni sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata wara li tiġi riċevuta s-sejħa.

2.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Isvizzera għas-sena 2012 għandhom jitħallsu fi franki Svizzeri u għas-sena 2013 għandhom jiġu espressi u mħallsa f'euro fil-kont bankarju indikat mill-Kummissjoni fis-sejħiet għall-ħlasijiet.

3.

L-Isvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha taħt dan il-Ftehim skont l-iskeda fil-paragrafu 1. Kull dewmien fil-ħlas iwassal għall-ħlas ta' imgħax bir-rata daqs ir-rata offerta interbankarja ta' xahar (EURIBOR) kif tidher fil-paġna EURIBOR01 ta' Reuters (Telerate paġna 248). Din ir-rata għandha tiżdied b'1.5 punti perċentwali għal kull xahar ta' dewmien. Ir-rata biż-żieda għandha tiġi applikata għall-perjodu kollu tad-dewmien. Madankollu, l-imgħax għandu jkun dovut biss jekk il-kontribuzzjoni titħallas wara d-dati fl-iskeda tal-ħlas imsemmija fil-paragrafu 1.

4.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar magħmula mir-rappreżentanti u l-esperti Svizzeri biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-kumitati ta' riċerka u ta' dawk involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandhom jiġu kumpensati mill-Kummissjoni fuq l-istess bażi ta', u f'konformità mal-proċeduri attwalment fis-seħħ għar-rappreżentanti u l-esperti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

III.   Kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Isvizzera għall-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 f'konformità ma' dan l-Anness għandha normalment tibqa' mhux mibdula għas-sena finanzjarja inkwistjoni.

2.

Il-Kummissjoni, fiż-żmien tal-għeluq tal-kontijiet marbuta ma' kull sena finanzjarja (n), fil-qafas tat-twaqqif tal-kont tad-dħul u l-infiq, għandha tissokta bir-regolarizzazzjoni tal-kontijiet fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera, filwaqt li tqis il-bidliet li saru, kemm minħabba trasferimenti, kanċellazzjonijiet, trasferimenti jew permezz ta' baġits supplementari jew ta' emenda matul is-sena finanzjarja. Din ir-regolarizzazzjoni għandha ssir fiż-żmien tal-ewwel ħlas għas-sena (n+1). Madankollu, l-aħħar regolarizzazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn Lulju tar-raba' sena wara t-tmiem tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013. Il-ħlas mill-Isvizzera għandu jiġi kkreditat lill-programmi tal-Euratom bħala dħul għall-baġit allokat għal-linja tal-baġit xierqa fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

IV.   Informazzjoni

1.

Fi żmien il-ħlas għas-sena 2013, id-dikjarazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, relatata mas-sena 2012, għandha titħejja u tintbagħat lill-Isvizzera bħala informazzjoni, skont il-format tal-kont tad-dħul u l-infiq tal-Kummissjoni.

Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2014, id-dikjarazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013, relatata mas-sena 2013, għandha titħejja u tintbagħat lill-Isvizzera bħala informazzjoni, skont il-format tal-kont tad-dħul u l-infiq tal-Kummissjoni.

2.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Isvizzera statistiċi u kull dejta finanzjarja ġenerali oħra marbuta mal-implimentazzjoni tal-Programm Qafas tal-Euratom li hija għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

ANNESS C

KONTROLL FINANZJARJU TAL-PARTEĊIPANTI SVIZZERI FIL-PROGRAMM QAFAS TAL-EURATOM 2012-2013

I.   Komunikazzjoni Diretta

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti tal-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 stabbilit fl-Isvizzera u mas-sottokuntratturi tagħhom. Huma għandhom jissottomettu direttament lill-Kummissjoni kull informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-istrumenti li jirreferi għalihom dan il-Ftehim u tal-ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti konklużi sabiex jiġu implimentati.

II.   Awditjar

1.

F'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE Euratom) Nru 478/2007 (4) u bir-regoli l-oħra msemmija f'dan il-Ftehim, il-ftehim ta' għotja u/jew kuntratti konklużi mal-parteċipanti fil-programm stabbilit fl-Isvizzera jistgħu jwasslu għal awditjar xjentifiku, finanzjarju, teknoloġiku jew awditjar ieħor li jistgħu jsiru f’kull ħin fil-bini tal-parteċipanti u tas-sottokuntratturi tagħhom minn aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħra b'mandat mill-Kummissjoni.

2.

Aġenti tal-Kummissjoni u persuni oħra b'mandat tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti u għal kull informazzjoni meħtieġa bil-għan li jsir dan l-awditjar, inkluż ukoll f'forma elettronika. Dan id-dritt ta' aċċess għandu jkun iddikjarat b'mod espliċitu fil-ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti konklużi biex jimplimentaw l-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim.

3.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni.

4.

L-awditjar jista' jsir wara li jiskadi l-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 jew dan il-Ftehim, skont it-termini stipulati fil-ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti inkwistjoni.

5.

L-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Svizzeru għandu jkun infurmat bil-quddiem bl-awditjar li jsir fit-territorju Svizzeru. Tali notifika ma għandhiex tkun prekondizzjoni legali għat-twettiq ta' tali awditjar.

III.   Verifiki fuq il-post

1.

Fi ħdan il-qafas ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni (OLAF) għandha tkun awtorizzata li twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju Svizzeru, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (5) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.

Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitmexxew mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Svizzeru jew mal-awtoritajiet oħra kompetenti Svizzeri nnominati mill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Svizzeru, li għandhom jiġu nnotifikati fi żmien xieraq dwar l-iskop, il-fini u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet Svizzeri kompetenti jistgħu jipparteċipaw fil-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

3.

Jekk l-awtoritajiet Svizzeri kkonċernati jixtiequ, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b'mod konġunt mill-Kummissjoni u minnhom.

4.

Jekk il-parteċipanti fil-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 jopponu għal verfika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Svizzeri, b'konformità mar-regoli nazzjonali, għandhom jagħtu l-assistenza meħtieġa lill-ispetturi tal-Kummissjoni biex jaqdu dmirijiethom billi jwettqu verifika jew spezzjoni fuq il-post.

5.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta, mill-aktar fis possibbli, lill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Svizzeru, dwar kull fatt jew suspett relatat ma' irregolarità li tkun saret taf bih waqt it-twettiq tal-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post. F'kull każ il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultat ta' dawn il-verifiki u spezzjonijiet.

IV.   Informazzjoni u konsultazzjoni

1.

Għall-finijiet ta' implimentazzjoni korretta ta' dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti Svizzeri u Komunitarji għandhom jipproċedu bl-iskambju tal-informazzjoni b'mod regolari u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, għandhom iwettqu konsultazzjonijiet.

2.

L-awtoritajiet kompetenti Svizzeri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kull fatt jew suspett li jsiru jafu bih marbut ma' xi irregolarità b'rabta mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' għotja u/jew kuntratti konklużi fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim.

V.   Kunfidenzjalità

L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba f’kull forma skont dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u mħarsa bl-istess mod bħalma tkun imħarsa informazzjoni simili mill-liġi Svizzera u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lill-persuni ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Komunità jew fl-Istati Membri jew fl-Isvizzera li r-rwol tagħhom jitlob li jkunu jafuha u lanqas ma għandha tintuża għal finijiet ħlief dawk biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

VI.   Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Svizzera, jistgħu jiġu imposti miżuri u sanzjonijiet amministrattivi mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 1605/2002, emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 (7) u (KE, Euratom) Nru 2342/2002 kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (8) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (9).

VII.   Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 fl-ambitu ta' dan il-Ftehim li jimponu obbligu ta' ħlas fuq persuni apparti mill-Istati, għandhom ikunu infurzati fl-Isvizzera. L-ordni ta' infurzar għandha tinħareġ, mingħajr aktar kontrolli apparti mill-verifika tal-awtentiċità tal-att, mill-awtoritajiet maħtura mill-gvern Svizzeru, li għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni. L-infurzar għandu jseħħ f'konformità mar-regoli ta' proċedura Svizzeri. Il-legalità tad-deċiżjoni ta' infurzar għandha tkun suġġetta għall-kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt skont il-Programm Qafas tal-Euratom 2012-2013 għandhom ikunu infurzati fuq l-istess termini.


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13.

(5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9.

(8)  ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13.

(9)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Diċembru 2012

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu

(2013/5/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis, li sussegwentement ġiet imsemmija mill-ġdid bħala l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”), ġiet konkluża f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (2) u l-emendi għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona ġew aċċettati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE (3).

(2)

Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jiġġieldu, u safejn tabilħaqq possibbli jeliminaw it-tniġġis taż-Żona tal-Baħar Mediterran ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu.

(3)

Wieħed mill-Protokolli għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona jittratta l-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu (“il-Protokoll Offshore”). Daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 2011. Sal-lum, irratifikawh l-Albanija, Ċipru, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja u t-Tuneżija. Minbarra Ċipru, xi Stati Membri oħra li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona ħabbru reċentement il-ħsieb tagħhom li jirratifikaw ukoll il-Protokoll.

(4)

Huwa stmat li hemm iktar minn 200 pjattaforma offshore attivi fil-Mediterran, u aktar istallazzjonijiet qegħdin jiġu kkunsidrati. Huwa mistenni li l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament tal-idrokarburi jiżdiedu wara li jiġu skoperti riżervi kbar ta’ fjuwils fossili fil-Mediterran. Minħabba l-idrodinamika speċjali tal-Mediterran, u l-fatt li huwa baħar sa ċertu punt magħluq, inċident bħal dak li sar fil-Golf tal-Messiku fl-2010 jkollu konsegwenzi immedjati, tal-waħx u li jisbqu l-fruntieri, fuq l-ekosistemi fraġli tal-baħar u tax-xtut tal-Mediterran, kif ukoll fuq l-ekonomija tar-reġjun. X’aktarx li, fiż-żmien medju, riżorsi minerali oħra li jinsabu fil-fond tal-baħar, f’qiegħ il-baħar u fis-sottoswol tiegħu, ikunu soġġetti għal attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament.

(5)

Jekk ma jiġux indirizzati b’mod effikaċi r-riskji inerenti għal tali attivitajiet, jistgħu jiġu kompromessi serjament l-isforzi tal-Istati membri kollha li għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu u jżommu qagħda ambjentali tajba fl-ilmijiet marittimi tagħhom fil-Mediterran, kif mitlub mid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (4). Barra minn hekk, it-teħid tal-azzjoni meħtieġa jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-impenji u r-rispett tal-obbligi li Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, is-Slovenja, Spanja u l-Unjoni nnifisha daħlu għalihom bħala Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

(6)

Il-Protokoll Offshore ikopri firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet li jkollhom jiġu implimentati minn livelli differenti ta’ amministrazzjoni. Filwaqt li huwa xieraq għall-Unjoni li taġixxi favur is-sikurezza tal-attiviajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament fil-baħar, b’kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, tal-probabbiltà għolja ħafna tal-effetti transkonfinali tal-problemi ambjentali li jitnisslu minn tali attivitajiet, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti korrispondenti tagħhom għandhom ikunu responsabbli għal ċerti miżuri ddettaljati stipulati fil-Protokoll Offshore.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Iffaċċjar tal-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar”, adottata fit-12 ta’ Ottubru 2010, tidentifika l-ħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali biex tippromwovi s-sikurezza u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni mad-dinja kollha, u waħda mill-azzjonijiet relatati hija l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-konvenzjonijiet reġjonali. Hija tirrakkomanda li terġa’ tingħata spinta, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, lill-proċess li jwassal għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Offshore.

(8)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ żejt u gass fil-baħar adottati fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill iddikjara li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaqdu rwol ċentrali fit-tiftix tal-ogħla standards possibbli ta’ sikurezza, fil-qafas ta’ inizjattivi u fora internazzjonali, kif ukoll tal-kooperazzjoni reġjonali bħal fil-Mediterran. Il-Kunsill talab ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-aqwa użu mill-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti.

(9)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-importanza li jiddaħħal fis-seħħ, u bis-sħiħ, il-Protokoll Offshore li għadu ma ġiex irratifikat, b’attenzjoni mmirata l-iktar għall-ħarsien mit-tniġġis li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-isfruttament.

(10)

Wieħed mill-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni huwa li jiġu promossi miżuri fuq il-livell internazzjonali sabiex jattakkaw problemi ambjentali reġjonali. F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Offshore, huwa partikularment importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-probabbiltà għolja ta’ effetti ambjentali transkonfinali fil-każ ta’ inċidenti f’baħar sa ċertu punt magħluq, bħalma hu l-Baħar Mediterran. Għaldaqstant, jaqbel li l-Unjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa favur is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament fil-baħar, kif ukoll favur il-ħarsien tal-ambjent marittimu fil-Baħar Mediterran.

(11)

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll Regolament dwar is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass fil-baħar (“ir-Regolament propost”).

(12)

Il-Protokoll Offshore jikkonċnerna qasam li l-liġi tal-Unjoni tkopri fil-wisa’. Dan jinkludi, pereżempju, elementi bħall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, u r-responsabbiltà ambjentali. Soġġett għad-deċiżjoni finali tal-leġiżlaturi dwar ir-Regolament propost, il-Protokoll Offshore huwa konsistenti wkoll mal-għanijiet tiegħu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, u l-ħiliet tekniċi u finanzjarji tal-operaturi.

(13)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kemm fil-proċess ta’ negozjar u ta’ konklużjoni kif ukoll fil-qadi tal-impenji li jkunu daħlu għalihom. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni ġej mill-ħtieġa ta unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni. Għalhekk, dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiffinalizzaw il-proċeduri għar-ratifikazzjoni tal-Protokoll Offshore jew l-adeżjoni fih, jekk għadhom ma għamlux dan.

(14)

L-Unjoni għandħa għalhekk taċċedi għall-Protokoll Offshore,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu, hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll Offshore jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jipproċedu, f’isem l-Unjoni, għad-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni mal-Gvern ta’ Spanja li jassumi r-rwol ta’ Depożitarju, skont l-Artikolu 32(2) tal-Protokoll Offshore, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Protokoll Offshore (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

S. ALETRARIS


(1)  Kunsens tal-20 ta’ Novembru 2012 (għad mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

(3)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(4)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Offshore għall-Unjoni ser tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


TRADUZZJONI

PROTOKOLL

dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI F’DAN IL-PROTOKOLL,

FILWAQT LI HUMA PARTIJIET fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis, li ġiet adottata f’Barċellona fis-16 ta’ Frar 1976,

FILWAQT LI JQISU l-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni,

FILWAQT LI JQISU ż-żieda fl-attivitajiet li jikkonċernaw l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar Mediterran u s-sottoswol tiegħu,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-tniġġis li jista’ jirriżulta minnhom jirrappreżenta periklu serju għall-ambjent u għall-bnedmin,

FILWAQT LI JIXTIEQU li l-baħar Mediterran jiġi protett u ppreżervat minn tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokolli relatati mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis u, b’mod partikolari, il-Protokoll rigward il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b’Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza, adottat f’Barċellona fis-16 ta’ Frar 1976, u l-Protokoll dwar iż-Żoni tal-Mediterran Protetti b’Mod Speċjali, adottat f’Ġenova fit-3 ta’ April 1982,

FILWAQT LI JQISU d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li saret f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li ġiet iffirmata minn ħafna Partijiet Kontraenti,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU d-differenzi fil-livelli ta’ żvilupp bejn l-Istati kostali u jikkunsidraw l-imperattivi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TASQIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

(a)

“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis, li ġiet adottata f’Barċellona fis-16 ta’ Frar 1976;

(b)

“Organizzazzjoni” tfisser il-korp imsemmi fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni;

(c)

“Riżorsi” tfisser ir-riżorsi minerali kollha, kemm solidi, kemm likwidi jew gassużi;

(d)

“Attivitajiet li jirrigwardaw l-esplorazzjoni u/jew l-isfruttament tar-riżorsi fiż-Żona tal-Protokoll” (minn hawn ‘il quddiem l-‘attivitajiet’) tfisser:

(i)

Attivitajiet ta’ riċerka xjentifika li jikkonċernaw ir-riżorsi ta’ qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu;

(ii)

Attivitajiet ta’ esplorazzjoni:

Attivitajiet sismoloġiċi; servejs ta’ qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu; teħid ta’ kampjuni;

Tħaffir għall-esplorazzjoni;

(iii)

Attivitajiet ta’ sfruttament:

L-istabbiliment ta’ stallazzjoni għall-fini ta’ rkupru ta’ riżorsi, u attivitajiet relatati;

Tħaffir għall-iżvilupp;

Irkupru, trattament u ħżin;

Ġarr sal-kosta bil-pajpijiet u t-tagħbien ta’ bastimenti;

Manutenzjoni, tiswija u operazzjonijiet anċillari oħrajn;

(e)

“Tniġġis” hija ddefinita fl-Artikolu 2, il-paragrafu (a), tal-Konvenzjoni;

(f)

“Stallazzjoni” tfisser kull struttura fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma, u kwalunkwe parti integrali minnha li tkun involuta f’attivitajiet, inkluż b’mod partikolari:

(i)

Unitajiet ta’ tħaffir offshore fissi jew mobbli;

(ii)

Unitajiet ta’ produzzjoni fissi jew li jżommu f’wiċċ l-ilma li jinkludu unitajiet li huma ppożizzjonati b’mod dinamiku;

(iii)

Faċilitajiet ta’ ħżin offshore li jinkludu bastimenti li jintużaw għal dan l-iskop;

(iv)

Terminals għat-tagħbien offshore u sistemi ta’ trasport għall-prodotti estratti, bħal pajpijiet ta’ taħt il-baħar;

(v)

Apparat imqabbad magħha u tagħmir għat-tagħbien mill-ġdid, l-ipproċessar, il-ħżin u r-rimi ta’ sustanzi li jitneħħew minn qiegħ il-baħar jew is-sottoswol tiegħu;

(g)

“Operatur” tfisser:

(i)

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li hi awtorizzata mill-Parti li teżerċita ġurisdizzjoni fuq iż-żona fejn jitwettqu l-attivitajiet (minn hawn ‘il quddiem il-‘Parti Kontraenti’) skont dan il-Protokoll biex jitwettqu attivitajiet u/jew min iwettaq tali attivitajiet; jew

(ii)

Kwalunkwe persuna li ma għandiex awtorizzazzjoni skont it-tifsira ta’ dan il-Protokoll iżda li għandha l-kontroll de facto ta’ tali attivitajiet;

(h)

“Żona ta’ sikurezza” tfisser żona stabbilita madwar l-istallazzjonijiet b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali ġenerali u rekwiżiti tekniċi, b’immarkar xieraq sabiex tiġi żgurata s-sikurezza kemm tan-navigazzjoni kemm tal-istallazzjonijiet;

(i)

“Skart” tfisser sustanzi u materjali ta’ kull tip, forma jew deskrizzjoni li jirriżultaw minn attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll, li jintremew, huma intenzjonati għar-rimi jew li hemm bżonn li jintremew;

(j)

“Sustanzi u materjali ta’ ħsara jew noċivi” tfisser sustanzi u materjali ta’ kull tip, forma jew deskrizzjoni, li jistgħu jikkawżaw tniġġis jekk jiġu introdotti fiż-Żona tal-Protokoll;

(k)

“Pjan għall-Użu ta’ Sustanzi Kimiċi” tfisser pjan imfassal mill-operatur ta’ kwalunkwe stallazzjoni offshore li juri:

(i)

Is-sustanzi kimiċi li l-operatur għandu l-ħsieb li juża fl-operazzjonijiet;

(ii)

L-għan jew l-għanijiet li għalihom l-operatur għandu l-ħsieb li juża s-sustanzi kimiċi;

(iii)

Il-konċentrazzjonijiet massimi tas-sustanzi kimiċi li l-operatur għandu l-ħsieb li juża fi kwalunkwe sustanza oħra, u l-ammonti massimi maħsuba biex jintużaw fi kwalunkwe perjodu speċifikat;

(iv)

Iż-żona li fiha s-sustanza kimika tista’ tispiċċa fl-ambjent tal-baħar;

(l)

“Żejt” tfisser petroleum fi kwalunkwe forma inkluż żejt mhux raffinat, żejt tal-fjuwil, ħama żejtnija, skart taż-żejt u prodotti raffinati u, mingħajr ma tiġi llimitata l-ġeneralità ta’ dak li ntqal qabel, inklużi s-sustanzi elenkati fl-Appendiċi għal dan il-Protokoll;

(m)

“Taħlita żejtnija” tfisser taħlita bi kwalunkwe kontenut ta’ żejt;

(n)

“Drenaġġ” tfisser:

(i)

Drenaġġ u skart ieħor minn kull forma ta’ tojlits, awrinarji u bwieqi tal-ilma (water-closet scuppers);

(ii)

Drenaġġ minn bini mediku (spiżerija, infermerija, eċċ.) permezz ta’ sinkijiet, banjijiet u bwieqi li jinsabu f’tali bini;

(iii)

Drenaġġ ieħor meta jitħallat mad-drenaġġi ddefiniti hawn fuq;

(o)

“Żibel” tfisser kull tip ta’ ikel, skart domestiku u operazzjonali ġġenerat waqt l-operat normali tal-istallazzjoni u li jista’ jintrema kontinwament jew perjodikament, ħlief għal dawk is-sustanzi li huma ddefiniti jew elenkati x’imkien ieħor f’dan il-Protokoll;

(p)

“Limitu ta’ ilma ħelu” tfisser il-post fil-korsiji tal-ilma fejn, f’marea baxxa u f’perjodu ta’ fluss baxx ta’ ilma ħelu, ikun hemm żieda notevoli fis-salinità minħabba l-preżenza ta’ ilma baħar.

Artikolu 2

Kopertura ġeografika

1.   Iż-żona li għaliha japplika dan il-Protokoll (f’dan il-Protokoll imsemmija “ż-Żona tal-Protokoll”) għandha tkun:

(a)

Iż-Żona tal-Baħar Mediterran kif iddefinita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, inkluża l-blata kontinentali u qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu;

(b)

L-ilmijiet, inkluż qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu, fuq in-naħa tal-art tal-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali u li testendi, fil-każ ta’ korsiji tal-ilma, sal-limitu tal-ilma ħelu.

2.   Kwalunkwe Parti Kontraenti għal dan il-Protokoll (f’dan il-Protokoll imsemmija “l-Partijiet”) jistgħu jinkludu wkoll fil-Protokoll artijiet mistagħdra jew żoni kostali tat-territorju tagħhom.

3.   Xejn f’dan il-Protokoll, u l-ebda att adottat fuq il-bażi ta’ dan il-Protokoll, ma jippreġudika d-drittijiet ta’ kwalunkwe Stat dwar id-delimitazzjoni tal-blata kontinentali.

Artikolu 3

Impenji ġenerali

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu, individwalment jew permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali, il-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jikkumbattu u jikkontrollaw it-tniġġis fiż-Żona tal-Protokoll li jirriżultaw minn attivitajiet, inter alia billi jiżguraw li l-aqwa tekniki disponibbli, li jkunu effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat ekonomiku, jintużaw għal dan l-iskop.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-attivitajiet ma jikkawżawx tniġġis.

TAQSIMA II

SISTEMA TA’ AWTORIZZAZZJONI

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   L-attivitajiet kollha fiż-Żona tal-Protokoll, inklużi l-bini fuq is-sit ta’ stallazzjonijiet, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel bil-miktub għall-esplorazzjoni jew l-isfruttament mill-awtorità kompetenti. Tali awtorità, qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni, għandha tkun sodisfatta li l-istallazzjoni tkun ġiet mibnija skont standards u prattika internazzjonali u li l-operatur għandu l-kompetenza teknika u l-kapaċità finanzjarja biex iwettaq l-attivitajiet. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata skont il-proċedura xierqa, kif iddefinita mill-awtorità kompetenti.

2.   Awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-attivitajiet proposti aktarx li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent li ma setgħux jiġu evitati b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni u msemmija fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3, ta’ dan il-Protokoll.

3.   Meta tikkunsidra l-approvazzjoni tas-sit ta’ stallazzjoni, il-Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-ebda effett detrimentali ma jiġi kkawżat lill-faċilitajiet eżistenti permezz ta’ tali lokalizzazzjoni, b’mod partikolari lill-pajpijiet u lill-kejbils ta’ taħt il-baħar.

Artikolu 5

Rekwiżiti għall-awtorizzazzjonijiet

1.   Il-Parti Kontraenti għandha tippreskrivi li kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni hija soġġetta għall-preżentazzjoni tal-proġett mill-operatur kandidat lill-awtorità kompetenti u li kwalunkwe applikazzjoni bħal din għandha tinkludi, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

Servej rigward l-effetti tal-attivitajiet proposti fuq l-ambjent; l-awtorità kompetenti tista’, fid-dawl tan-natura, l-iskop, it-tul ta’ żmien u l-metodi tekniċi użati fl-attivitajiet u tal-karatteristiċi taż-żona, tesiġi li titħejja valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Anness IV għal dan il-Protokoll;

(b)

Id-definizzjoni preċiża taż-żoni ġeografiċi fejn l-attività hija prevista, inklużi ż-żoni tas-sikurezza;

(c)

Dettalji tal-kwalifiki professjonali u tekniċi tal-operatur kandidat u l-persunal fuq l-istallazzjoni, kif ukoll tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ;

(d)

Il-miżuri tas-sikurezza kif speċifikat fl-Artikolu 15;

(e)

Il-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur kif speċifikat fl-Artikolu 16;

(f)

Il-proċeduri tal-monitoraġġ kif speċifikat fl-Artikolu 19;

(g)

Il-pjanijiet għat-tneħħija tal-istallazzonijiet kif speċifikat fl-Artikolu 20;

(h)

Prekawzjonijiet għal żoni protetti b’mod speċjali kif speċifikat fl-Artikolu 21;

(i)

L-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra li tkopri r-responsabbiltà kif preskritt fl-Artikolu 27, il-paragrafu 2 (b).

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi, għal attivitajiet ta’ riċerka xjentifika u ta’ esplorazzjoni, li tillimita l-ambitu tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-dawl tan-natura, l-ambitu, it-tul ta’ żmien u l-metodi tekniċi użati fl-attivitajiet u tal-karatteristiċi taż-żona.

Artikolu 6

Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet

1.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom jingħataw biss wara eżami mill-awtorità kompetenti tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 5 u l-Anness IV.

2.   Kull awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-attivitajiet u l-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni, tistabbilixxi l-limiti ġeografiċi taż-żona soġġetta għall-awtorizzazzjoni u tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi u l-istallazzjonijiet awtorizzati. Iż-żoni tas-sikurezza meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti fi stadju xieraq aktar tard.

3.   L-awtorizzazzjoni tista’ timponi kundizzjonijiet rigward il-miżuri, it-tekniki jew il-metodi ddisinjati biex inaqqsu sal-minimu r-riskji ta’ tniġġis u ħsara minħabba t-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet.

4.   Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni mill-aktar fis possibbli dwar l-awtorizzazzjoni mogħtija jew imġedda. L-Organizzazzjoni għandha żżomm reġistru tal-istallazzjonijiet awtorizzati fiż-Żona tal-Protokoll.

Artikolu 7

Sanzjonijiet

Kull parti għandha tippreskrivi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Protokoll, jew għan-nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet nazzjonali jew mar-regolamenti li jimplimentaw dan il-Protokoll, jew għan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi mehmużin mal-awtorizzazzjoni.

TAQSIMA III

SKART U SUSTANZI U MATERJALI TA’ ĦSARA JEW NOĊIVI

Artikolu 8

Obbligu ġenerali

Mingħajr preġudizzju għal standards jew obbligi oħra msemmija f’din it-Taqsima, il-Partijiet għandhom jimponu obbligu ġenerali fuq l-operaturi biex jużaw l-aqwa tekniki disponibbli li huma effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat ekonomiku u biex josservaw standards aċċettati internazzjonalment rigward skart, kif ukoll ta’ użu, ħżin u rimi ta’ sustanzi u materjali ta’ ħsara u noċivi, bil-għan li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tniġġis.

Artikolu 9

Sustanzi u materjali ta’ ħsara u noċivi

1.   L-użu u l-ħżin ta’ sustanzi kimiċi għall-attivitajiet għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti, abbażi tal-Pjan għall-Użu ta’ Sustanzi Kimiċi.

2.   Il-Parti Kontraenti għandha tirregola, tillimita jew tipprojbixxi l-użu ta’ sustanzi kimiċi għall-attivitajiet skont il-linji gwida li se jiġu adottati mill-Partijiet Kontraenti.

3.   Għall-finijiet tal-ħarsien tal-ambjent, il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull sustanza u materjal użati għall-attivitajiet jiġu akkumpanjati minn deskrizzjoni tal-komposti pprovduta mill-entità li tipproduċi tali sustanza jew materjal.

4.   Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’ sustanzi jew materjali ta’ ħsara jew noċivi li jirriżultaw mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u elenkati fl-Anness I għal dan il-Protokoll huwa pprojbit.

5.   Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’ sustanzi u materjali ta’ ħsara jew noċivi li jirriżultaw mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u elenkati fl-Anness II għal dan il-Protokoll jeħtieġ, f’kull każ, permess speċjali minn qabel mill-awtorità kompetenti.

6.   Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’ sustanzi u materjali ta’ ħsara jew noċivi li jirriżultaw mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u li jistgħu jikkawżaw tniġġis jeħtieġ permess ġenerali minn qabel mill-awtorità kompetenti.

7.   Il-permessi msemmija fil-paragrafi 5 u 6 hawn fuq għandhom jinħarġu biss wara kunsiderazzjoni b’attenzjoni tal-fatturi kollha stabbiliti fl-Anness III għal dan il-Protokoll.

Artikolu 10

Żejt u taħlitiet żejtnin u fluwidi u tirqim tat-tħaffir

1.   Il-Partijiet għandhom jifformulaw u jadottaw standards komuni għar-rimi ta’ żejt u taħlitiet żejtnin minn stallazzjonijiet fiż-Żona tal-Protokoll:

(a)

Standards komuni bħal dawn għandhom jiġu fformulati skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness V, A;

(b)

Standards komuni bħal dawn ma għandhomx ikunu anqas restrittivi minn dawn li ġejjin, b’mod partikolari:

(i)

Għad-drenaġġ mill-ispazji tal-makkinarju, kontenut massimu ta’ żejt ta’ 15 mg kull litru mhux dilwit;

(ii)

Għall-ilma tal-produzzjoni, kontenut massimu ta’ żejt ta’ 40 mg kull litru bħala medja fi kwalunkwe xahar kalendarju; il-kontenut ma għandu qatt jaqbeż 100 mg kull litru;

(c)

Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw permezz ta’ ftehim komuni l-metodu li għandu jintuża għall-analiżi tal-kontenut taż-żejt.

2.   Il-Partijiet għandhom jifformulaw u jadottaw standards komuni għall-użu u r-rimi tal-fluwidi tat-tħaffir u t-tirqim tat-tħaffir fiż-Żona tal-Protokoll. Standards komuni bħal dawn għandhom jiġu fformulati skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness V, B.

3.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tinforza l-istandards komuni skont dan l-Artikolu jew biex tinforza strandards aktar restrittivi li setgħet adottat.

Artikolu 11

Drenaġġ

1.   Il-Parti Kontraenti għandha tipprojbixxi r-rimi tad-drenaġġ minn stallazzjonijiet b’ekwipaġġ permanenti ta’ 10 persuni jew iżjed fiż-Żona tal-Protokoll għajr fil-każijiet fejn:

(a)

L-istallazzjoni qed tarmi drenaġġ wara trattament kif approvat mill-awtorità kompetenti f’distanza ta’ mill-anqas erba’ mili nawtiċi mill-eqreb art jew stallazzjoni tas-sajd fissa, li tħalli l-Parti Kontraenti tiddeċiedi każ b’każ; jew

(b)

Id-drenaġġ mhuwiex ittrattat, iżda r-rimi jitwettaq skont regoli u standards internazzjonali; jew

(c)

Id-drenaġġ għadda minn ġo impjant tat-trattament tad-drenaġġ approvat iċċertifikat mill-awtorità kompetenti.

2.   Il-Parti Kontraenti għandha timponi dispożizzjonijiet aktar stretti, kif xieraq, fejn meqjus neċessarju, fost l-oħrajn minħabba r-reġim tal-kurrenti fiż-żona jew il-prossimità għal kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 21.

3.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw jekk ir-rimi jipproduċi solidi viżibbli li jżommu f’wiċċ l-ilma jew jipproduċi tilwin, nuqqas ta’ tilwin jew opaċità fl-ilma tal-madwar.

4.   Jekk id-drenaġġ jitħallat ma’ skart u sustanzi u materjali ta’ ħsara jew noċivi li għandhom rekwiżiti tar-rimi differenti, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti l-iżjed stretti.

Artikolu 12

Żibel

1.   Il-Parti Kontraenti għandha tipprojbixxi r-rimi fiż-Żona tal-Protokoll tal-prodotti u l-materjali li ġejjin:

(a)

Il-plastiks kollha, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal ħbula sintetiċi, xbieki tas-sajd sintetiċi u boroż taż-żibel tal-plastik;

(b)

Kull żibel ieħor mhux bijodegradabbli, inklużi prodotti tal-karta, ċraret, ħġieġ, metall, fliexken, ċaqquf, bċejjeċ tal-injam, materjali tal-kisi u tal-ippakkjar.

2.   Rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’ skart tal-ikel għandu jsir ‘il bogħod kemm jista’ jkun mill-art, skont ir-regoli u l-istandards internazzjonali.

3.   Jekk iż-żibel jitħallat ma’ rimi ieħor li għandu rekwiżiti ta’ rimi differenti, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti l-aktar stretti.

Artikolu 13

Faċilitajiet ta’ ġbir, struzzjonijiet u sanzjonijiet

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li:

(a)

L-operaturi jarmu l-iskart u s-sustanzi u materjali ta’ ħsara jew noċivi kollha b’mod sodisfaċenti f’faċilitajiet ta’ ġbir onshore ddeżinjati, għajr jekk ikun awtorizzat mod ieħor mill-Protokoll;

(b)

Jingħataw struzzjonijiet lill-persunal kollu rigward mezzi ta’ rimi xierqa;

(c)

Jiġu imposti sanzjonijiet fir-rigward ta’ rimi illegali.

Artikolu 14

Eċċezzjonijiet

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’:

(a)

Forza maġġuri u b’mod partikolari għal rimi:

għas-salvataġġ tal-ħajja tal-bniedem,

biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-istallazzjonijiet,

fil-każ ta’ ħsara lill-istallazzjoni jew lit-tagħmir tagħha,

sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli wara li tiġi skoperta il-ħsara jew wara li jkun sar ir-rimi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi.

(b)

Ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi li fihom iż-żejt jew sustanzi jew materjali ta’ ħsara jew noċivi li, soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, qed jintużaw għall-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta’ tniġġis sabiex tiġi minimizzata il-ħsara minħabba t-tniġġis.

2.   Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ fejn l-operatur ikun aġixxa bl-intenzjoni li jikkawża ħsara jew b’mod imprudenti u bl-għarfien li probabbli se tirriżulta ħsara.

3.   Ir-rimi li jsir fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat minnufih lill-Organizzazzjoni u, jew permezz tal-Organizzazzjoni jew direttament, lil kwalunkwe Parti jew Partijiet li probabbli se jiġu affettwati, flimkien mad-dettalji kollha taċ-ċirkostanzi u tan-natura u l-kwantitajiet mormija tal-iskart jew tas-sustanzi jew tal-materjali ta’ ħsara jew noċivi.

TAQSIMA IV

SALVAGWARDJI

Artikolu 15

Miżuri ta’ sikurezza

1.   Il-Parti Kontraenti li fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha hemm previsti jew qed jitwettqu attivitajiet għandha tiżgura li jittieħdu miżuri ta’ sikurezza fir-rigward tad-disinn, il-bini, is-sit, it-tagħmir, l-immarkar, l-operat u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet.

2.   Il-Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-operatur, fuq l-istallazzjonijiet, dejjem ikollu t-tagħmir u l-apparat xierqa, miżmuma f’kundizzjoni tajba ta’ operat, għall-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tniġġis aċċidentali u għall-faċilitazzjoni ta’ reazzjoni immedjata għal emerġenzi, skont l-aqwa tekniki disponibbli li jkunu effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat ekonomiku u d-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur imsemmija fl-Artikolu 16.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tesiġi ċertifikat tas-sikurezza u l-adegwatezza għall-iskop (minn hawn ‘il quddiem iċ-“ċertifikat”) maħruġ minn korp rikonoxxut li għandu jiġi sottomess fir-rigward ta’ pjattaformi tal-produzzjoni, unitajiet tat-tħaffir offshore mobbli, faċilitajiet tal-ħżin offshore, sistemi tat-tagħbien offshore u sistemi ta’ pajpjiet u fir-rigward ta’ stallazzjonijiet oħra bħal dawn skont kif jista’ jiġi speċifikat mill-Parti Kontraenti.

4.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw permezz ta’ spezzjoni li l-attivitajiet jitwettqu mill-operaturi skont dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Ippjanar ta’ kontinġenza

1.   F’każijiet ta’ emerġenza l-Partijiet Kontraenti għandhom jimplimentaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jikkonċernaw il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b’Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza.

2.   Kull Parti għandha tesiġi li l-operaturi responsabbli għall-istallazzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jkollhom pjan ta’ kontinġenza sabiex jiġġieldu kontra tniġġis aċċidentali, ikkoordinat mal-pjan ta’ kontinġenza tal-Parti Kontraenti stabbilit skont il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b’Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza u approvat f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi l-koordinazzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza. Tali pjanijiet għandhom jiġu stabbiliti skont il-linji gwida adottati mill-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti. Dawn għandhom, b’mod partikolari, ikunu skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness VII għal dan il-Protokoll.

Artikolu 17

Notifika

Kull Parti għandha tesiġi li l-operaturi responsabbli għall-istallazzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jirrapportaw mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti:

(a)

Kwalunkwe avveniment fuq l-istallazzjonijiet tagħhom li jkun qed jikkawża jew li probabbilment se jikkawża tniġġis fiż-Żona tal-Protokoll;

(b)

Kwalunkwe avveniment fil-baħar osservat li qed jikkawża jew li probabbilment se jikkawża tniġġis fiż-Żona tal-Protokoll.

Artikolu 18

Assistenza reċiproka f’każijiet ta’ emerġenza

F’każijiet ta’ emerġenza, Parti li tkun teħtieġ assistenza sabiex tevita, tnaqqas jew tiġġieled kontra t-tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet tista’ titlob għajnuna mill-Partijiet l-oħra, jew direttament jew permezz taċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għal Intervent f’każ ta’ Emerġenza kontra t-Tniġġis Aċċidentali tal-Baħar (Regional Marine Pollution Emergency Response Centre for the Mediterranean Sea, REMPEC), li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jipprovdu l-assistenza mitluba.

Għal dan l-iskop, Parti li hija wkoll Parti fil-Protokoll rigward il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b’Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza għandha tapplika d-dispożizzjonijiet pertinenti tal-Protokoll imsemmi.

Artikolu 19

Monitoraġġ

1.   L-operatur għandu jkun meħtieġ li jkejjel, jew li jqabbad lil entità kkwalifikata li tkun esperta f’dan il-qasam biex tkejjel, l-effetti tal-attivitajiet fuq l-ambjent fid-dawl tan-natura, l-iskop, it-tul ta’ żmien u l-metodi tekniċi użati fl-attivitajiet u tal-karatteristiċi taż-żona u li jirrapporta dwarhom perjodikament jew fuq talba mill-awtorità kompetenti għall-fini ta’ evalwazzjoni mit-tali awtorità kompetenti skont proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti fis-sistema ta’ awtorizzazzjoni tagħha.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi, fejn xieraq, sistema ta’ monitoraġġ nazzjonali sabiex tkun f’pożizzjoni li timmonitorja regolarment l-istallazzjonijiet u l-impatt tal-attivitajiet fuq l-ambjent, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati.

Artikolu 20

Tneħħija tal-istallazzjonijiet

1.   L-operatur għandu jkun meħtieġ mill-awtorità kompetenti jneħħi kwalunkwe stallazzjoni li hija abbandunata jew li ma għadhiex tintuża, sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida u l-istandards adottati mill-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti. Tali tneħħija għandha tikkunsidra wkoll b’mod xieraq użi leġittimi oħra tal-baħar, b’mod partikolari s-sajd, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u d-drittijiet u l-obbligi ta’ Partijiet Kontraenti oħra. Qabel tali tneħħija, l-operatur, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevita t-tixrid jew it-tnixxija mis-sit tal-attivitajiet.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tesiġi li l-operatur ineħħi pajpijiet abbandunati jew li ma għadhomx jintużaw skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew li jnaddafhom minn ġewwa u jabbandunahom jew li jnaddafhom minn ġewwa u jidfinhom sabiex la jikkawżaw tniġġis, la jipperikolaw in-navigazzjoni, la jostakolaw is-sajd, la jheddu l-ambjent tal-baħar, u lanqas jinterferixxu ma’ użi leġittimi oħra tal-baħar jew mad-drittijiet u l-obbligi ta’ Partijiet Kontraenti oħra. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tingħata pubbliċità xierqa lill-fond, il-pożizzjoni u d-dimensjonijiet ta’ kwalunkwe pajp midfun u li t-tali informazzjoni tiġi indikata fuq ċarts u nnotifikata lill-Organizzazzjoni u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti u lill-Partijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll għal stallazzjonijiet li ma għadhomx jintużaw jew li ġew abbandunati minn kwalunkwe operatur li l-awtorizzazzjoni tiegħu setgħet ġiet irtirata jew sospiża f’konformità mal-Artikolu 7.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tindika modifiki eventwali li għandhom isiru fil-livell tal-attivitajiet u lill-miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar li fil-bidu kien sar provvediment għalih.

5.   L-awtorità kompetenti tista’ tirregola ċ-ċessjoni jew it-trasferiment ta’ attivitajiet awtorizzati lil persuni oħra.

6.   Meta l-operatur jonqos milli jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha twettaq, bl-ispejjeż għall-operatur, tali azzjonijiet jew azzjonijiet meqjusa meħtieġa sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tal-operatur li jaġixxi.

Artikolu 21

Żoni protetti b’mod speċjali

Għall-protezzjoni taż-żoni ddefiniti fil-Protokoll rigward Żoni Protetti b’mod Speċjali fil-Mediterran u kwalunkwe żona oħra stabbilita minn Parti u sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fih, il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri speċjali f’konformità mal-liġi internazzjonali, jew individwalment inkella permezz ta’ kooperazzjoni multilaterali jew bilaterali, għall-prevenzjoni, it-tnaqqis, il-ġlieda kontra u l-kontroll ta’ tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet f’dawn iż-żoni.

Minbarra l-miżuri msemmija fil-Protokoll rigward Żoni Protetti b’mod Speċjali fil-Mediterran għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, tali miżuri jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

(a)

Restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet speċjali meta jingħataw awtorizzazzjonijiet għal tali żoni:

(i)

It-tħejjija u l-evalwazzjoni ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

(ii)

L-elaborazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw il-monitoraġġ, it-tneħħija ta’ stallazzjonijiet u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe rimi.

(b)

Skambju intensifikat ta’ informazzjoni bejn l-operaturi, l-awtoritajiet kompetenti, il-Partijiet u l-Organizzazzjoni dwar kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw tali żoni.

TAQSIMA V

KOOPERAZZJONI

Artikolu 22

Studji u programmi ta’ riċerka

F’konformità mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom, fejn xieraq, jikkooperaw fil-promozzjoni ta’ studji u t-twettiq ta’ programmi ta’ riċerka xjentifika u teknoloġika għall-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’:

(a)

Twettiq ta’ attivitajiet b’mod li jimminimizza r-riskju ta’ tniġġis;

(b)

Prevenzjoni, tnaqqis, ġlieda kontra u kontroll ta’ tniġġis, b’mod speċjali fil-każijiet ta’ emerġenza.

Artikolu 23

Regoli, standards u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, jew direttament inkella permezz tal-Organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra, sabiex:

(a)

Jistabbilixxu kriterji xjentifiċi xierqa għat-tfassil u l-elaborazzjoni ta’ regoli, standards u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali għall-kisba tal-għanijiet ta’ dan il-Protokoll;

(b)

Ifasslu u jelaboraw tali regoli, standards u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali;

(c)

Ifasslu u jadottaw linji gwida skont prattiki u proċeduri internazzjonali sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI.

2.   Il-Partijiet għandhom, safejn possibbli, ifittxu li jarmonizzaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom mar-regoli, standards u prattiki u proeċeduri rakkomandati internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Partijiet għandhom ifittxu, safejn possibbli, li jiskambjaw informazzjoni rilevanti għall-politiki, il-liġijiet u r-regolamenti domestiċi tagħhom u l-armonizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Assistenza xjentifika u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw

1.   Il-Partijiet għandhom, direttament jew bl-assistenza ta’ organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, jikkooperaw bil-għan li jfasslu u, safejn possibbli, jimplimentaw programmi ta’ assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza, il-liġi, l-edukazzjoni u t-teknoloġija, sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jiġġieldu kontra u jikkontrollaw it-tniġġis minħabba attivitajiet fiż-Żona tal-Protokoll.

2.   L-assistenza teknika għandha tinkludi, b’mod partikolari, it-taħriġ ta’ persunal xjentifiku, legali u tekniku, kif ukoll l-akkwist, l-użu u l-produzzjoni minn dawk il-pajjiżi ta’ tagħmir xieraq b’termini vantaġġużi li jridu jiġu miftiehma bejn il-Partijiet konċernati.

Artikolu 25

Informazzjoni reċiproka

Il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin direttament jew permezz tal-Organizzazzjoni rigward miżuri meħuda, riżultati miksuba u, jekk ikun il-każ, rigward diffikultajiet li kellhom fl-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-proċeduri għall-ġbir u l-preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni għandhom jiġu ddeterminati fil-laqgħat tal-Partijiet.

Artikolu 26

Tniġġis transkonfinali

1.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jitwettqu b’mod li ma jikkawżawx tniġġis lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha.

2.   Parti li fil-ġurisdizzjoni tagħha hemm previsti jew qed jitwettqu attivitajiet għandha tikkunsidra kwalunkwe effett ambjentali negattiv, irrilevanti mill-fatt jekk tali effetti aktarx li jseħħu fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha jew lil hinn minn tali limiti.

3.   Jekk Parti ssir taf dwar każijiet fejn l-ambjent tal-baħar ikun f’periklu imminenti li ssirlu ħsara, jew saritlu ħsara, mit-tniġġis, għandha tinnotifika minnufih lill-Partijiet l-oħra li fl-opinjoni tagħha probabbli se jkunu affettwati minn tali ħsara, kif ukoll liċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għal Intervent f’każ ta’ Emerġenza kontra t-Tniġġis Aċċidentali tal-Baħar (REMPEC), u tipprovdilhom informazzjoni fil-ħin opportun sabiex tippermettilhom, fejn neċessarju, jieħdu l-miżuri xierqa. Ir-REMPEC għandu jiddistribwixxi l-informazzjoni minnufih lill-Partijiet kollha rilevanti.

4.   Il-Partijiet għandhom ifittxu, skont is-sistemi legali tagħhom u, fejn xieraq, abbażi ta’ ftehim, li jagħtu aċċess u trattament ugwali fi proċeduri amministrattivi lil persuni fi Stati oħra li jistgħu jiġu affettwati mit-tniġġis jew effetti oħra negattivi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet proposti jew eżistenti.

5.   Fejn it-tniġġis joriġina fit-territorju ta’ Stat li mhuwiex Parti Kontraenti f’dan il-Protokoll, kwalunkwe Parti Kontraenti affettwata għandha tfittex li tikkoopera mal-Istat imsemmi sabiex il-Protokoll ikun jista’ jiġi applikat.

Artikolu 27

Responsabbiltà u kumpens

1.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw mill-aktar fis possibbli fit-tfassil u l-adozzjoni ta’ regoli u proċeduri xierqa għad-determinazzjoni tar-responsabbilta u l-kumpens għal ħsara li tirriżulta mill-attivitajiet indirizzati f’dan il-Protokoll, f’konformità mal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni.

2.   Sakem jiġu żviluppati tali proċeduri, kull Parti:

(a)

Għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li r-responsabbiltà għal ħsara kkawżata mill-attivitajiet tiġi imposta fuq l-operaturi, u dawn għandhom ikunu meħtieġa jħallsu kumpens xieraq u fil-pront;

(b)

Għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-operaturi jkollhom u jżommu kopertura tal-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra tat-tip u taħt it-termini li għandha tispeċifika l-Parti Kontraenti biex tiżgura kumpens għal ħsara kkawżata mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll.

TAQSIMA VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

Kull Parti Kontraenti għandha taħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar sabiex:

(a)

Jagħtu, iġeddu u jirreġistraw l-awtorizzazzjonijiet stipulati fit-Taqsima II ta’ dan il-Protokoll;

(b)

Joħorġu u jirreġistraw il-permessi speċjali u ġenerali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll;

(c)

Joħorġu l-permessi msemmija fl-Anness V għal dan il-Protokoll;

(d)

Japprovaw is-sistema ta’ trattament u jiċċertifikaw l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ imsemmi fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll;

(e)

Jagħtu approvazzjoni minn qabel għal rimi eċċezzjonali msemmi fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 (b), ta’ dan il-Protokoll;

(f)

Iwettqu d-doveri fir-rigward tal-miżuri tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 15, il-paragrafi 3 u 4, ta’ dan il-Protokoll;

(g)

Iwettqu l-funzjonijiet relatati mal-ippjanar ta’ kontinġenza deskritt fl-Artikolu 16 u l-Anness VII għal dan il-Protokoll;

(h)

Jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ kif stipulat fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll;

(i)

Jissorveljaw l-operazzjonijiet ta’ tneħħija tal-istallazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 20 ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 29

Miżuri tranżizzjonali

Kull Parti għandha telabora l-proċeduri u r-regolamenti rigward l-attivitajiet, irrispettivament minn jekk humiex awtorizzati jew le, li jkunu nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, biex tiżgura l-konformità tagħhom, safejn prattikabbli, mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 30

Laqgħat

1.   Il-laqgħat ordinarji tal-Partijiet għandhom isiru flimkien mal-laqgħat ordinarji tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jsiru skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Il-Partijiet għandhom jagħmlu laqgħat straordinarji skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni.

2.   Il-funzjonijiet tal-laqgħat tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandhom, fost l-oħrajn:

(a)

Iżommu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll taħt analiżi u jikkunsidraw l-effikaċja tal-miżuri adottati u l-opportunità li tiġi implimentata kwalunkwe miżura oħra, b’mod partikolari fil-forma ta’ annessi u appendiċi;

(b)

Jirrevedu u jemendaw kwalunkwe anness jew appendiċi għal dan il-Protokoll;

(c)

Jikkunsidraw l-informazzjoni li tikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew imġedda skont it-Taqsima II ta’ dan il-Protokoll;

(d)

Jikkunsidraw l-informazzjoni li tikkonċerna l-permessi maħruġa u l-approvazzjonijiet mogħtija skont it-Taqsima III ta’ dan il-Protokoll;

(e)

Jadottaw il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2, u l-Artikolu 23, il-paragrafu 1 (c), ta’ dan il-Protokoll;

(f)

Jikkunsidraw ir-reġistri tal-pjanijiet ta’ kontinġenza u l-mezzi ta’ intervent f’emerġenzi adottati skont l-Artikolu 16 ta’ dan il-Protokoll;

(g)

Jistabbilixxu kriterji u jfasslu regoli, standards u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali skont l-Artikolu 23, il-paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll, fi kwalunkwe forma li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarha;

(h)

Jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politiki u l-kisba tal-għanijiet imsemmija fit-Taqsima V, b’mod partikolari l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 23, il-paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll;

(i)

Janalizzaw il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 ta’ dan il-Protokoll;

(j)

Iwettqu funzjonijiet oħra tali skont kif ikun xieraq għall-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 31

Relazzjonijiet mal-konvenzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ kwalunkwe Protokoll għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll.

2.   Ir-regoli ta’ proċedura u r-regoli finanzjarji adottati skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dan il-Protokoll, għajr jekk il-Partijiet f’dan il-Protokoll jiftiehmu xorta oħra.

Artikolu 32

Klawżola finali

1.   Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar f’Madrid mill-14 ta’ Ottubru 1994 sal-14 ta’ Ottubru 1995, minn kwalunkwe Stat Parti fil-Konvenzjoni mistieden għall-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati Kostali tar-Reġjun Mediterran dwar il-Protokoll għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis li jirriżulta minn Esplorazzjoni u Sfruttament ta’ Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol tiegħu, li saret f’Madrid fit-13 u l-14 ta’ Ottubru 1994. Dan għandu jkun miftuħ ukoll sal-istess dati għall-iffirmar mill-Komunità Ewropea u minn kwalunkwe grupp ekonomiku reġjonali ieħor simili li tal-inqas membru wieħed tiegħu huwa Stat kostali taż-Żona tal-Protokoll u li jeżerċita kompetenza fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni.

2.   Dan il-Protokoll għandu jkun soġġett għal ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Gvern ta’ Spanja, li għandu jassumi l-funzjonijiet ta’ Depożitarju.

3.   Mill-15 ta’ Ottubru 1995, dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Istati msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq, mill-Komunità Ewropea u minn kwalunkwe grupp imsemmi f’dak il-paragrafu.

4.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data tad-depożitu ta’ mill-anqas sitt strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’, jew adeżjoni ma’, il-Protokoll mill-Partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

B’XHIEDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Protokoll.

ANNESS I

Sustanzi u materjali ta’ ħsara u noċivi li r-rimi tagħhom fiż-żona tal-protokoll huwa pprojbit

A.

Is-sustanzi u l-materjali li ġejjin u l-komposti tagħhom huma elenkati għall-finijiet tal-Artikolu 9, il-paragrafu 4, tal-Protokoll. Dawn intgħażlu l-aktar abbażi tat-tossiċità, il-persistenza u l-bijoakkumulazzjoni tagħhom:

(1)

Merkurju u komposti tal-merkurju

(2)

Kadmju u komposti tal-kadmju

(3)

Komposti organotini u sustanzi li jistgħu jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar (1)

(4)

Komposti organofosforiċi u sustanzi li jistgħu jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar1 (1)

(5)

Komposti organoaloġenati u sustanzi li jistgħu jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar1 (1)

(6)

Żejt mhux raffinat, żejt tal-fjuwil, ħama żejtnija, żjut lubrikanti użati u prodotti raffinati

(7)

Materjali sintetiċi persistenti li jistgħu jżommu f’wiċċ l-ilma, jegħrqu jew jibqgħu sospiżi u li jistgħu jinterferixxu ma’ kwalunkwe użu leġittimu tal-baħar

(8)

Sustanzi li għandhom proprjetajiet karċinoġeniċi, teratoġeniċi jew mutaġeniċi ppruvati fl-ambjent tal-baħar jew permezz tiegħu

(9)

Sustanzi radjuattivi, inkluż l-iskart tagħhom, jekk ir-rimi tagħhom ma jikkonformax mal-prinċipji tal-protezzjoni mir-radjazzjoni kif iddefinit mill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, b’kunsiderazzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar

B.

Dan l-Anness ma japplikax għal rimi li jkun fih sustanzi elenkati fit-Taqsima A li huma taħt il-limiti ddefiniti b’mod konġunt mill-Partijiet u, fir-rigward taż-żejt, taħt il-limiti ddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Protokoll.


(1)  Bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ma jagħmlux ħsara bijoloġika jew li jikkonvertu rapidament f’sustanzi li ma jagħmlux ħsara bijoloġika.

ANNESS II

Sustanzi u materjali ta’ ħsara u noċivi li r-rimi tagħhom fiż-żona tal-protokoll huwa soġġett għal permess speċjali

A.

Is-sustanzi u l-materjali li ġejjin u l-komposti tagħhom intgħażlu għall-finijiet tal-Artikolu 9, il-paragrafu 5, tal-Protokoll.

1.

Arseniku

2.

Ċomb

3.

Ram

4.

Żingu

5.

Berillju

6.

Nikil

7.

Vanadju

8.

Kromu

9.

Bijoċidi u d-derivativi tagħhom mhux koperti fl-Anness I

10.

Selenju

11.

Antimonju

12.

Molibdenu

13.

Titanju

14.

Landa

15.

Barju (minbarra s-sulfat tal-barju)

16.

Boron

17.

Uranju

18.

Kobalt

19.

Tallju

20.

Tellurju

21.

Fidda

22.

Ċjanuri

B.

Il-kontroll u l-limitazzjoni stretta tar-rimi tas-sustanzi msemmija fit-Taqsima A għandhom jiġu implimentati skont l-Anness III.

ANNESS III

FATTURI LI GĦANDHOM JIĠU KKUNSIDRATI GĦALL-ĦRUĠ TAL-PERMESSI

Għall-finijiet tal-ħruġ ta’ permess meħtieġ skont l-Artikolu 9, il-paragrafu 7, tingħata kunsiderazzjoni partikolari, skont il-każ, tal-fatturi li ġejjin:

A.

Karatteristiċi u kompożizzjoni tal-iskart

1.

Tip u daqs tas-sors tal-iskart (eż. proċess industrijali);

2.

Tip ta’ skart (oriġini, kompożizzjoni medja);

3.

Forma ta’ skart (solidu, likwidu, ħama, tajn, gassuż);

4.

Ammont totali (volum mormi, eż. fis-sena);

5.

Modalità tar-rimi (kontinwa, intermittenti, varjabbli skont l-istaġun, eċċ.);

6.

Konċentrazzjonijiet fir-rigward tal-kostitwenti ewlenin, is-sustanzi elenkati fl-Anness I, is-sustanzi elenkati fl-Anness II, u sustanzi oħra kif xieraq;

7.

Proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u bijokimiċi tal-iskart.

B.

Karatteristiċi tal-kostitwenti tal-iskart fir-rigward ta’ kemm jagħmlu ħsara

1.

Persistenza (fiżika, kimika, bijoloġika) fl-ambjent tal-baħar;

2.

Tossiċità u effetti oħra ta’ ħsara;

3.

Akkumulazzjoni f’materjali jew sedimenti bijoloġiċi;

4.

Trasformazzjoni bijokimika li tipproduċi komposti ta’ ħsara;

5.

Effetti negattivi fuq il-kontenut u l-bilanċ tal-ossiġenu;

6.

Suxxettibilità għal bidliet fiżiċi, kimiċi u bijokimiċi u interazzjoni fl-ambjent akkwatiku ma’ kostitwenti oħra tal-ilma baħar li jistgħu jipproduċu effetti bijoloġiċi jew effetti oħra ta’ ħsara fuq kwalunkwe użu elenkat fit-Taqsima E hawn taħt.

C.

Karatteristiċi tas-sit tar-rimi u tal-ambjent tal-baħar riċevitur

1.

Karatteristiċi idrografiċi, meteoroloġiċi, ġeoloġiċi u topografiċi taż-żona;

2.

Post u tip ta’ rimi (fawwara, kanal, żbokk, eċċ.) u r-relazzjoni tiegħu ma’ żoni oħra (bħal żoni ta’ rikreazzjoni, żoni ta’ tifrigħ, ta’ trobbija u ta’ sajd, żoni ta’ farms tal-frott tal-baħar bil-qoxra) u rimi ieħor;

3.

Dilwizzjoni inizjali miksuba fil-punt tar-rimi fl-ambjent tal-baħar riċevitur;

4.

Karatteristiċi ta’ tixrid bħal effetti tal-kurrenti, tal-mareat u tar-riħ fuq it-trasport orizzontali u t-taħlit vertikali;

5.

Karatteristiċi tal-ilma riċevitur fir-rigward tal-kundizzjonijiet fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi u ekoloġiċi fiż-żona tar-rimi;

6.

Kapaċità tal-ambjent tal-baħar riċevitur li jirċievi rimi ta’ skart mingħajr effetti mhux mixtieqa.

D.

Disponibbiltà ta’ teknoloġiji tal-iskart

Il-metodi tat-tnaqqis u r-rimi tal-iskart għal effluwenti industrijali kif ukoll għad-drenaġġ domestiku għandhom jintgħażlu b’kunsiderazzjoni tad-disponibbiltà u l-fattibbiltà ta’:

(a)

Proċessi ta’ trattament alternattivi;

(b)

Metodi ta’ użu mill-ġdid jew ta’ eliminazzjoni;

(c)

Alternattivi ta’ rimi fuq l-art;

(d)

Teknoloġiji xierqa ta’ produzzjoni baxxa ta’ skart.

E.

Ħsara potenzjali tal-ekosistema tal-baħar u tal-użi tal-ilma baħar

1.

Effetti fuq il-ħajja tal-bniedem permezz tal-impatt tat-tniġġis fuq:

(a)

Organiżmi tal-baħar li jittieklu;

(b)

Ilmijiet tal-għawm;

(c)

Estetika.

2.

Effetti fuq l-ekosistemi tal-baħar, b’mod partikolari r-riżorsi ħajjin, l-ispeċijiet fil-periklu ta’ estinzjoni u l-ħabitats kritiċi.

3.

Effetti fuq użi oħra leġittimi tal-baħar f’konformità mal-liġi internazzjonali.

ANNESS IV

VALUTAZZJONI TAL-IMPATT AMBJENTALI

1.

Kull Parti għandha tesiġi li l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jkun fiha mill-anqas dan li ġej:

(a)

Deskrizzjoni tal-konfini ġeografiċi taż-żona li fiha jitwettqu l-attivitajiet, inklużi ż-żoni tas-sikurezza fejn applikabbli;

(b)

Deskrizzjoni tal-istat inizjali tal-ambjent taż-żona;

(c)

Indikazzjoni tan-natura, l-għanijiet, l-ambitu u t-tul ta’ żmien tal-attivitajiet proposti;

(d)

Deskrizzjoni tal-metodi, l-istallazzjonijiet u mezzi oħra li se jintużaw, l-alternattivi possibbli għat-tali metodi u mezzi;

(e)

Deskrizzjoni tal-effetti diretti jew indiretti previsti fuq żmien qasir u twil tal-attivitajiet proposti fuq l-ambjent, inkluż il-fawna, il-flora u l-bilanċ ekoloġiku;

(f)

Dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-miżuri proposti għat-tnaqqis sal-minimu tar-riskju ta’ ħsara lill-ambjent b’riżultat tat-twettiq tal-attivitajiet proposti, inklużi alternattivi possibbli għal tali miżuri;

(g)

Indikazzjoni tal-miżuri li se jittieħdu għall-protezzjoni tal-ambjent mit-tniġġis u effetti oħra negattivi matul u wara l-attivitajiet proposti;

(h)

Referenza għall-metodoloġija użata għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali;

(i)

Indikazzjoni dwar jekk l-ambjent ta’ kwalunkwe Stat ieħor jistax jiġi affetwat mill-attivitajiet proposti.

2.

Kull Parti għandha tippromulga standards b’kunsiderazzjoni tar-regoli, standards u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali, adottati skont l-Artikolu 23 tal-Protokoll, li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali.

ANNESS V

ŻEJT U TAĦLITIET ŻEJTNIN U FLUWIDI U TIRQIM TAT-TĦAFFIR

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu preskritti mill-Partijiet skont l-Artikolu 10:

A.

Żejt u Taħlitiet Żejtnin

1.

Tixrid ta’ kontenut għoli ta’ żejt minn drenaġġ tal-proċessi u mid-drenaġġ tal-pjattaformi għandu jkun ristrett, devjat u mbagħad trattat bħala parti mill-prodott, iżda dak li jifdal għandu jiġi trattat sa livell aċċettabbli qabel ir-rimi, skont il-prattika tajba f’meded fejn jinsab iż-żejt;

2.

Skart u ħama żejtnin mill-proċessi tas-separazzjoni għandhom jiġu ttrasportati għal fuq l-art;

3.

Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi minimizzat it-telf taż-żejt fil-baħar miż-żejt miġbur jew ivvampjat mill-ittestjar fil-bjar;

4.

Għandhom jittieħdu l-prewkazzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe gass li jirriżulta mill-attivitajiet taż-żejt jiġi vvampjat jew użat b’mod xieraq.

B.

Fluwidi tat-Tħaffir u tat-Tirqim tat-Tħaffir

1.

Fluwidi tat-tħaffir u tat-tirqim tat-tħaffir b’bażi milwiema huma soġġetti għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

L-użu u r-rimi ta’ tali fluwidi tat-tħaffir għandhom ikunu soġġetti għall-Pjan tal-Użu tas-Sustanzi Kimiċi u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll;

(b)

Ir-rimi tat-tirqim tat-tħaffir għandu jew isir fuq l-art jew inkella fil-baħar f’sit jew żona xierqa kif speċifikat mill-awtorità kompetenti.

2.

Fluwidi tat-tħaffir u tat-tirqim tat-tħaffir b’bażi ta’ żejt huma soġġetti għar-rekwiżiti li ġejjin:

(c)

Fluwidi bħal dawn għandhom jintużaw biss jekk ikunu ta’ tossiċità baxxa biżżejjed u biss wara li l-operatur ikun inħariġlu permess mill-awtorità kompetenti meta din tkun ivverifikat tali tossiċità baxxa;

(d)

Ir-rimi fil-baħar ta’ fluwidi tat-tħaffir bħal dawn huwa pprojbit;

(e)

Ir-rimi tat-tirqim tat-tħaffir fil-baħar huwa permess biss jekk tagħmir effiċjenti tal-kontroll tas-solidi jiġi stallat u mħaddem b’mod xieraq, il-punt tar-rimi jkun taħt il-wiċċ tal-ilma sew, u l-kontenut taż-żejt ikun anqas minn 100 gramma ta’ żejt għal kull kilogramma ta’ tirqim niexef;

(f)

Ir-rimi ta’ tali tirqim tat-tħaffir f’żoni protetti b’mod speċjali huwa pprojbit;

(g)

Fil-każ ta’ tħaffir tal-produzzjoni u tal-iżvilupp, għandu jitwettaq programm ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi ta’ qiegħ il-baħar relatat maż-żona tal-kontaminazzjoni.

3.

Fluwidi tat-tħaffir b’bażi ta’ diżil:

L-użu ta’ fluwidi tat-tħaffir b’bażi ta’ diżil huwa pprojbit. Iż-żejt tad-diżil jista’ f’każijiet eċċezzjonali jiġi miżjud mal-fluwidi tat-tħaffir f’ċirkostanzi speċifikati mill-Partijiet.

ANNESS VI

MIŻURI TA’ SIKUREZZA

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu preskritti mill-Partijiet skont l-Artikolu 15:

(a)

Li l-istallazzjoni trid tkun sikura u tajba għall-iskop li se tintuża għalih, b’mod partikolari, trid tkun iddisinjata u mibnija sabiex tirreżisti, flimkien mat-tagħbija massima tagħha, kwalunkwe kundizzjoni naturali, inkluż, b’mod aktar speċifiku, il-kundizzjonijiet massimi ta’ riħ u mewġ kif stabbiliti mill-mudelli storiċi tat-temp, il-possibilitajiet ta’ terremoti, il-kundizzjonijiet u l-istabbiltà ta’ qiegħ il-baħar, u l-fond tal-ilma;

(b)

Li l-fażijiet kollha tal-attivitajiet, inkluż il-ħżin u t-trasport tar-riżorsi rkuprati, jiġu ppreparati sew, li l-attività kollha tkun miftuħa għall-kontroll għal raġunijiet ta’ sikurezza u titwettaq bl-aktar mod sikur possibbli, u li l-operatur għandu japplika sistema ta’ monitoraġġ għall-attivitajiet kollha;

(c)

Li jintużaw s-sistemi tas-sikurezza l-aktar avvanzati u dawn jiġu ttestjati perjodikament sabiex jiġu minimizzati l-perikli ta’ nixxigħat, tixrid, rimi aċċidentali, nar, splużjonijiet, żbroffi jew kwalunkwe theddida oħra għas-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, li ekwipaġġ speċjalizzat imħarreġ għat-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ dawn is-sistemi jkun preżenti u li dan l-ekwipaġġ iwettaq eżerċizzji perjodiċi. Fil-każ ta’ stallazzjonijiet awtorizzati li mhumiex imħaddma minn ekwipaġġ b’mod permanenti, għandha tkun żgurata d-disponibbiltà permanenti ta’ ekwipaġġ speċjalizzat;

(d)

Li l-istallazzjoni u, fejn neċessarju, iż-żona tas-sikurezza stabbilita, għandhom ikunu mmarkati skont ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali sabiex tingħata twissija xierqa tal-preżenza tagħhom u dettalji suffiċjenti għall-identifikazzjoni tagħhom;

(e)

Li skont prattika marittima internazzjonali, l-istallazzjonijiet għandhom ikunu indikati fuq ċarts u notifikati lil dawk konċernati;

(f)

Li, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija, il-persuna u/jew persuni li għandha/għandhom ir-responsabbiltà għall-istallazzjoni u/jew l-attivitajiet, inkluża l-persuna responsabbli għat-tagħmir għall-prevenzjoni ta’ żbroffi, għandhom ikollhom il-kwalifiki meħtieġa mill-awtorità kompetenti, u li persunal kwalifikat suffiċjenti għandu jkun disponibbli b’mod permanenti. Tali kwalifiki għandhom jinkludu, b’mod partikolari, taħriġ, fuq bażi kontinwa, dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza u ambjentali.

ANNESS VII

PJAN TA’ KONTINĠENZA

A.   Il-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur

1.

L-operaturi huma obbligati jiżguraw:

(a)

Li s-sistema ta’ twissija u s-sistema ta’ komunikazzjoni l-aktar xierqa jkunu disponibbli fl-istallazzjoni u li dawn jaħdmu sew;

(b)

Li tingħata twissija minnufih malli tinqala’ xi emerġenza u li kwalunkwe emerġenza tiġi kkomunikata immedjatament lill-awtorità kompetenti;

(c)

Li, b’koordinazzjoni mal-awtorità kompetenti, it-trażmissjoni tat-twissija u l-assistenza u l-koordinazzjoni xierqa tal-assistenza jistgħu jiġu organizzati u ssorveljati mingħajr dewmien;

(d)

Li informazzjoni immedjata dwar in-natura u l-grad tal-emerġenza tingħata lill-ekwipaġġ fuq l-istallazzjoni u lill-awtorità kompetenti;

(e)

Li l-awtorità kompetenti tinżamm informata b’mod kostanti dwar il-progress tal-ġlieda kontra l-emerġenza;

(f)

Li f’kull ħin ikun hemm disponibbli materjali u tagħmir suffiċjenti u l-aktar adattati, inklużi dgħajjes u inġenji tal-ajru ta’ riżerva, biex iwettqu l-pjan ta’ emerġenza;

(g)

Li l-metodi u t-tekniki l-aktar xierqa jkunu magħrufa mill-ekwipaġġ speċjalizzat imsemmi fl-Anness VI, il-paragrafu (c), sabiex jiġġieldu kontra nixxigħat, tixrid, rimi aċċidentali, nar, splużjonijiet, żbroffi u kwalunkwe theddida għall-ħajja tal-bniedem jew l-ambjent;

(h)

Li l-metodi u t-tekniki l-aktar xierqa jkunu magħrufa mill-ekwipaġġ speċjalizzat responsabbli għat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ effetti negattivi fit-tul fuq l-ambjent;

(i)

Li l-ekwipaġġ ikun familjari sew mal-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur, li jsiru eżerċizzji ta’ emerġenza perjodiċi sabiex l-ekwipaġġ ikollu għarfien prattiku tajjeb tat-tagħmir u l-proċeduri u li kull individwu jkun jaf eżattament ir-rwol tiegħu fil-pjan.

2.

L-operatur għandu jikkoopera, fuq bażi istituzzjonali, ma’ operaturi oħra jew entitajiet li kapaċi jagħtu l-assistenza meħtieġa, sabiex jiġi żgurat li, fil-każijiet fejn il-kobor jew in-natura tal-emerġenza joħolqu riskju li għalih hija meħtieġa jew tista’ tkun meħtieġa assistenza, tali assistenza tista’ tingħata.

B.   Koordinazzjoni u tmexxija nazzjonali

L-awtorità kompetenti għall-emerġenzi ta’ Parti Kontraenti għandha tiżgura:

(a)

Il-koordinazzjoni tal-pjan u/jew il-proċeduri ta’ kontinġenza nazzjonali u l-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur u l-kontroll tat-tmexxija tal-azzjonijiet, speċjalment fil-każ ta’ effetti negattivi sinifikanti tal-emerġenza;

(b)

Li tmexxi lill-operatur sabiex jieħu kwalunkwe azzjoni li tista’ tispeċifika matul il-prevenzjoni, it-tnaqqis jew il-ġlieda kontra t-tniġġis jew fit-tħejjija ta’ azzjoni ulterjuri għal dak l-iskop, inkluż li tiġi ordnata pjattaforma tat-tħaffir ta’ salvataġġ, jew li tipprevjeni lill-operatur milli jieħu kwalunkwe azzjoni speċifikata;

(c)

Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet matul il-prevenzjoni, it-tnaqqis jew il-ġlieda kontra t-tniġġis jew fit-tħejjija għal azzjoni ulterjuri għal dak l-iskop fil-ġurisdizzjoni nazzjonali b’azzjonijiet bħal dawn meħudin fil-ġurisdizzjoni ta’ Stati oħra jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

Il-ġbir u d-disponibbiltà immedjata tal-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-attivitajiet eżistenti;

(e)

Il-provvediment ta’ lista aġġornata tal-persuni u l-entitajiet li jridu jiġu avżati u informati dwar l-emerġenza, l-iżvilupp tagħha u l-miżuri meħudin;

(f)

Il-ġbir tal-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-mezzi kontra l-kontinġenzi u l-firxa tagħhom, u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni lill-Partijiet interessati;

(g)

Il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-assistenza msemmija fil-Parti A hawn fuq, b’kooperazzjoni mal-operatur;

(h)

L-organizzazzjoni u jekk neċessarju, il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet speċifikati, inkluż l-intervent minn esperti tekniċi u persunal imħarreġ bit-tagħmir u l-materjali meħtieġa;

(i)

Komunikazzjoni immedjata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Partijiet oħra li jistgħu jiġu affettwati minn kontinġenza sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa fejn meħtieġ;

(j)

Il-provvediment ta’ assistenza teknika lil Partijiet oħra, jekk meħtieġ;

(k)

Komunikazzjoni immedjata lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti bil-għan li jiġi evitat il-periklu għan-navigazzjoni u interessi oħra.

Appendiċi

LISTA TA’ ŻJUT  (1)

 

Soluzzjonijiet tal-asfalt

 

Sustanzi għat-taħlit tal-gażolina (blending stock)

 

Roofers Flux

 

Residwu tal-Ewwel Distillazzjoni (Straight Run Residue)

 

Żjut

 

Imsaffija (clarified)

 

Żejt mhux raffinat

 

Taħlitiet li fihom iż-żejt mhux raffinat

 

Żejt tad-diżil

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 4

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 5

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 6

 

Żejt tal-fluwil reżidwu

 

Żejt tat-Triq

 

Żejt tat-Transformer

 

Żejt Aromatiku (minbarra żejt veġetali)

 

Żjut Lubrikanti u Sustanzi għat-Taħlit tal-Gażolina

 

Żejt Minerali

 

Żejt tal-Magni

 

Żejt Penetranti

 

Żejt tal-Fusijiet

 

Żejt tat-Turbini

 

Distillati

 

Tal-Ewwel Distillazzjoni

 

Flashed Feed Stocks

 

Żejt tal-Gass

Krekkjat

 

Fjuwils tal-Ġettijiet

 

JP1 (Pitrolju)

 

JP-3

 

JP-4

 

JP-5 (Pitrolju, Tqil)

 

Fjuwil Turbo

 

Pitrolju

 

Spirtu Minerali

 

Nafta

 

Solvent

 

Petroleum

 

Żejt Distillat Heartcut

 

Sustanzi għat-Taħlit tal-Gażolina

 

Alkilati - fjuwil

 

Riformati

 

Polimer - fjuwil

 

Gażolina

 

Casinghead (naturali)

 

Awtomotiva

 

Tal-Avjazzjoni

 

Tal-Ewwel Distillazzjoni

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 1 (Pitrolju)

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 1-D

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 2

 

Żejt tal-Fjuwil Nru 2-D


(1)  Il-lista taż-żjut ma għandhiex neċessarjament titqies bħala eżawrjenti.


REGOLAMENTI

9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/34


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 6/2013

tat-8 ta’ Jannar 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2009 (2), jeżiġi li l-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-protezzjoni ambjentali tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) kif applikabbli fl-20 ta’ Novembru 2008 għall-Volumi I u II, ħlief għall-Appendiċijiet tagħha.

(2)

L-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ġie emendat minn mindu ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 690/2009, u għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(3)

L-emendi għar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago introduċew rekwiżiti għall-interruzzjoni fil-produzzjoni tal-NOx u jippermettu lill-Istati Kontraenti jistipulaw miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tagħhom.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont l-Artikolu 17(2)(b) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 216/2008

Fl–Artikolu 6, tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijet tal-protezzjoni ambjentali li jinsabu fl-Emenda 10 tal-Volum I u fl-Emenda 7 tal-Volum II tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago kif applikabbli fis-17 ta’ Novembru 2011, ħlief għall-Appendiċijiet tal-Anness 16.”

Artikolu 2

Miżuri ta’ tranżizzjoni

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2016 l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet għar-rekwiżit tal-interruzzjoni fil-produzzjoni tal-emissjonijiet stabbiliti fil-punt (d) tal-Volum II, il-Parti III, il-Kapitlu 2, il-paragrafu 2.3.2 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawn l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b’konsultazzjoni mal-Aġenzija;

(b)

l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw biss meta l-impatt ekonomiku għall-organizzazzjoni responsabbli mill-manifattura tal-magni eżenti jkun akbar mill-interessi għall-ħarsien tal-ambjent;

(c)

fil-każ ta’ magni ġodda li se jiġu installati f’inġenji tal-ajru ġodda, mhux se jingħataw eżenzjonijiet għal aktar minn 75 magna minn kull tip ta’ magna;

(d)

meta l-Istat Membru jqis talba għal eżenzjoni, għandu jqis:

(i)

il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-organizzazzjoni responsabbli mill-manifattura tal-magni eżenti, inkluż iżda mhux limitata għall-konsiderazzjonijiet ta’ kwistjonijiet tekniċi, l-impatti ekonomiċi negattivi, l-effetti ambjentali, l-impatt ta’ ċirkostanzi mhux preveduti u l-kwistjonijiet ta’ ekwità;

(ii)

l-użu maħsub tal-magni affettwati, partikolarment jekk humiex magni ta’ riserva jew magni ġodda li se jiġu installati f’inġenji tal-ajru ġodda.

(iii)

l-għadd ta’ magni ġodda affettwati;

(iv)

l-għadd ta’ eżenzjonijiet mogħtija għal dik it-tip ta’ magna;

(e)

meta jagħti l-eżenzjoni, l-Istat Membru għandu tal-anqas jispeċifika:

(i)

in-numru taċ-ċertifikat tat-tip tal-magna;

(ii)

l-għadd massimu ta’ magni inklużi fl-eżenzjoni;

(iii)

l-użu maħsub tal-magni affettwati u l-limitu ta’ żmien għall-produzzjoni tagħhom;

2.   L-organizzazzjonijiet responsabbli mill-manifattura tal-magni skont eżenzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu għandhom:

(a)

jassiguraw li l-pjanċi ta’ identifikazzjoni fuq il-magni affettwati jkunu mmarkati “EXEMPT NEW” jew “EXEMPT SPARE”, skont il-każ;

(b)

jadottaw proċess għall-kontroll tal-kwalità biex jissorveljaw u jimmaniġġjaw il-produzzjoni tal-magni affettwati;

(c)

jipprovdu dettalji dwar il-magni eżentati li ġew prodotti, fuq bażi regolari, lill-Istat Membru li ta l-eżenzjoni u l-organizzazzjoni responsabbli mid-disinn, inkluż il-mudell, in-numru tas-serje, l-użu tal-magna, u t-tip ta’ inġenju tal-ajru li ġew installati l-magni ġodda fih:

(d)

L-Istati Membri li taw eżenzjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw id-dejta kollha msemmija fil-Paragrafu 1(d) u l-Paragrafu 2(c) lill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha toħloq u żżomm aġġornat reġistru li jkun fih tali dejta u tagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 199, 31.7.2009, p. 6.


9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/36


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 7/2013

tat-8 ta’ Jannar 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeżiġi li l-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-protezzjoni ambjentali tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) kif applikabbli fl-20 ta’ Novembru 2008 għall-Volumi I u II, ħlief għall-Appendiċijiet tagħha.

(2)

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Annessi tagħha ġew emendati minn mindu ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni maħruġa mill-Aġenzija skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I (Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Punt 21 A.4(a) tas-Subparti A tat-Taqsima A jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Il-koordinament sodisfaċenti tad-disinn u l-produzzjoni meħtieġa minn 21 A.122, 21 A.130(b)(3) u (4), 21 A.133 u 21 A.165(c)(2) u (3) kif xieraq, u”

(2)

Il-Punt 21 A.130(b) tas-Subparti F tat-Taqsima A jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

Dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tinkludi:

1.

Għal kull prodott, parti jew tagħmir dikjarazzjoni li l-prodott jew it-tagħmir ikun konformi mal-informazzjoni tad-disinn approvat, u li dak ikun f’kundizzjoni ta’ tħaddim mingħajr l-ebda periklu;

2.

Għal kull ajruplan, dikjarazzjoni li l-ajruplan ikun għadda mit-testijiet tal-art u tal-ajru f’konformità ma’ 21 A.127(a); u

3.

Għal kull magna, jew skrun b’angolu tal-qala’ varjabbli, dikjarazzjoni li l-manifattur tal-magna jew tal-iskrun wettaq test finali tat-tħaddim skont 21 A.128; u

4.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ magni, dikjarazzjoni li l-magna lesta hija konformi mar-rekwiżiti tal-emissjonijiet applikabbli fid-data tal-manifattura tal-magna.”

(3)

Il-Punt 21 A.165(c) tas-Subparti G tat-Taqsima A, il-punti 2 u 3 jinbidlu b’dan li ġej:

“2.

Jara li prodotti, partijiet jew tagħmir ieħor ikun komplut u konformi mad-dejta tad-disinn approvata u li dawn ikunu f’kondizzjoni li jaħdmu mingħajr l-ebda periklu qabel il-ħruġ tal-Formola 1 tal-EASA biex tkun ċertifikata l-konformità mad-dejta tad-disinn approvata u l-kondizzjoni għal operazzjoni sigura;

3.

barra minn hekk, fil-każ tal-magni, jara li l-magna lesta hija konformi mar-rekwiżiti tal-emissjonijiet applikabbli fid-data tal-manifattura tal-magna;

4.

jara li prodotti, partijiet jew tagħmir ieħor huma konformi mad-dejta applikabbli qabel il-ħruġ tal-Formola 1 tal-EASA bħala ċertifikat ta’ konformità.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1


9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/38


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 8/2013

tat-8 ta’ Jannar 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

51,1

MA

59,2

TN

81,0

TR

102,6

ZZ

73,5

0707 00 05

EG

191,6

TR

129,7

ZZ

160,7

0709 93 10

MA

84,0

TR

133,7

ZZ

108,9

0805 10 20

EG

68,6

MA

60,9

TR

68,9

ZA

50,5

ZZ

62,2

0805 20 10

MA

78,5

ZZ

78,5

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

79,1

MA

101,4

TR

83,8

ZZ

88,1

0805 50 10

TR

78,8

ZZ

78,8

0808 10 80

CA

164,3

CN

86,7

MK

31,3

US

200,2

ZZ

120,6

0808 30 90

CN

60,7

US

144,2

ZZ

102,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

9.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Diċembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

(2013/6/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2)

L-Artikolu 126 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern u għaldaqstant jistabbilixxi l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji politiċi tal-gvern għal ritorn immedjat lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi b’kont meħud tal-qagħda ekonomika.

(3)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li fil-Greċja kien hemm defiċit eċċessiv.

(4)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (1) indirizzata lill-Greċja taħt l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tat-TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali tal-Greċja u li tavżaha biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll miri annwali fir-rigward tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika.

(5)

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Billi kien meħtieġ li jsiru aktar emendi, din ġiet irriformulata, fl-interess taċ-ċarezza, fit-12 ta’ Lulju 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE (2). Din id-Deċiżjoni ġiet emendata għall-ewwel darba fit-8 ta’ Novembru 2011 (3).

(6)

Fit-13 ta’ Marzu 2012 (4), wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE reġgħet ġiet emendata f’għadd ta’ aspetti, inkluż il-perkors għall-aġġustament fiskali, filwaqt li l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ma nbidlitx. Dik id-Deċiżjoni kkonfermat ir-rakkomandazzjoni li l-Greċja jkollha tieħu miżuri biex tikkorreġi l-qagħda ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014, billi jiġi żgurat titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perijodu 2009-2014.

(7)

Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (5), jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE u wara l-adozzjoni ta’ dak l-avviż ikun hemm avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li jkollhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta avviż rivedut taħt l-Artikolu 126(9) TFUE.

(8)

L-attività ekonomika hija attwalment projettata li se tkun ferm iktar dgħajfa minn dak mistenni meta ġiet adottata l-aħħar emenda għad-Deċiżjoni 2011/734/UE f’Marzu 2012. Kemm il-PDG reali u dak nominali huma mistennija jkunu f’livelli ferm aktar baxxi fl-2012 u l-2013. Ir-reviżjoni riċenti tal-kontijiet nazzjonali Griegi f’Ottubru 2012 żvelat tnaqqis iktar qawwi tal-PDG reali, b’paragun maċ-ċifri sottostanti fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Skont il-Previżjoni tal-Ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-PDG reali huwa pprojettat li jonqos b’6,0 % fl-2012 u b’4,2 % ulterjuri fl-2013 (minflok tnaqqis b’4,7 % u staġnar f’0,0 % fid-Deċiżjoni 2011/734/UE għall-2012 u 2013 rispettivament) qabel jikber b’0,6 % fl-2014. Dan id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-linji politiċi.

(9)

Fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali huwa mistenni jilħaq 6,9 % tal-PDG, ferm taħt il-limitu massimu ta’ defiċit tal-amministrazzjoni pubblika (fuq il-bażi tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet tal-1995, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2223/96 (6)) ta’ 7,3 % tal-PDG għall-2012 stabbilit mid-Deċiżjoni 2011/734/UE. F’termini nominali, d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2012 huwa mistenni jilħaq EUR 13,4 biljuni meta mqabbla ma’ EUR 14,8 biljuni ta’ defiċit massimu preskritti fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Id-defiċit primarju madankollu huwa mistenni li jkun kemmxejn ogħla mill-mira ta’ 1,0 % tal-PDG, u dan l-iktar minħabba r-riċessjoni aktar qawwija milli mistenni. Huwa stmat li l-Greċja tejbet id-defiċit strutturali tagħha bi 13,4 punti perċentwali tal-PDG minn defiċit ta’ 14,7 % fl-2009 għal defiċit stmat ta’ 1,3 % fl-2012. Il-Greċja b’hekk żgurat titjib fil-bilanċ strutturali fil-perijodu 2009-2012 li diġà huwa akbar mill-minimu ta’ 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perijodu 2009-2014 rakkomandat mill-Kunsill. Fil-11 ta’ Novembru 2012, ġie adottat il-baġit tal-2013 mill-Parlament Grieg, b’iffrankar mistenni ta’ aktar minn EUR 9,2 biljun, aktar minn 5 % tal-PDG. Il-baġit tal-2013 jifforma parti mill-istrateġija fiskali fuq terminu ta’ żmien medju tal-2013-2016 (Medium-Term Fiscal Strategy, MTFS) li ġiet adottata mill-Parlament Grieg ftit jiem qabel fis-7 ta’ Novembru 2012. L-MTFS u l-leġiżlazzjoni rilevanti biex tiġi implimentata stipulaw konsolidazzjoni fiskali mdaqqsa ferm u kkonċentrata fil-bidu tal-perijodu li tammonta għal aktar minn 7 % tal-PDG sal-2016, b’sett komprensiv ta’ miżuri strutturali sottostanti għal konsolidazzjoni fiskali sostanzjali. Meta jitqiesu dawn l-iżviluppi, il-kondizzjonalità tal-politika fil-Memorandum ta’ Qbil dwar il-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja teħtieġ li tiġi aġġornata. L-impenn li ħadet il-Greċja jikkonċerna mhux biss il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll dawk il-miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ it-tkabbir u biex ikun minimizzat kwalunkwe impatt soċjali negattiv. Għaldaqstant, b’mod kumplessiv, il-Greċja ħadet azzjoni effettiva fl-2012 biex tnaqqas id-defiċit tagħha f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/734/UE.

(10)

Id-dejn ikkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali huwa mistenni li jonqos b’EUR 11,1 biljun fl-2012 meta mqabbel ma’ EUR 26,95 biljuni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Dan huwa minħabba dħul aktar baxx milli mistenni mill-privatizzazzjoni, konsolidazzjoni aktar baxxa milli mistennija tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika u aġġustamenti tal-kontabbiltà bbażata fuq ħlasijiet-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti u aġġustamenti oħrajn tal-imgħax agħar milli mistennija. Minħabba PDG nominali aktar baxx wara r-reviżjoni tad-dejta statistika u fid-dawl ta’ prospetti makroekonomiċi agħar, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG probabbilment se jikber għal 176,7 % qabel inizjattivi miftehmin mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u ċerti miżuri li jnaqqsu d-dejn ikkunsidrati mill-Greċja jiġu implimentati f’Diċembru 2012, li jnaqqsu d-dejn għal ammont ftit ogħla minn 160 % tal-PDG sal-aħħar tal-2012. Dawn il-miżuri għandhom itejbu s-sostenibbiltà tad-dejn, u ċerti miżuri li jnaqqsu d-dejn ikkunsidrati mill-Greċja għandhom itejbu s-sostenibbiltà tat-trajettorja tad-dejn, mingħajr ma jibdlu d-direzzjoni fiskali għas-surplus primarju. Meta wieħed jikkunsidra wkoll tnaqqis tad-defiċit tal-baġit u tkabbir tal-PDG nominali aktar qawwi li jirriżultaw mill-miżuri strutturali politiċi, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-ogħla livell fl-2013. Il-proporzjon bejn tad-dejn mal-PDG se jibda jonqos mill-2014 ‘il quddiem biex jinżel taħt 160 % tal-PDG fl-2016.

(11)

Minkejja l-azzjoni effettiva meħuda, id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-linji politiċi u jagħmilha diffiċli biex titlesta l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, kif mitlub mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Minħabba l-avvenimenti ekonomiċi negattivi, estensjoni tal-iskadenza għall-perijodu ta’ aġġustament hija ġġustifikata. B’mod partikolari, l-iskadenza li ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill teħtieġ tiġi estiża b’sentejn sa 2016. Skont il-perkors tal-Programm tal-Aġġustament Ekonomiku rivedut, il-miri tal-bilanċ primarju għandhom ikunu ta’ 0 %, 1,5 %, 3 % u 4,5 % tal-PDG rispettivament għall-perijodu 2013-2016. Il-perkors rivedut ifisser li d-defiċit baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali se jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2016. Il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn li għandhom jiġu implimentati f’Diċembru 2012 jistgħu jnaqqsu l-pagamenti fuq l-imgħax b’ammont sa 1 % tal-PDG, u b’hekk jagħmlu possibbli t-tnaqqis tad-defiċit baġitarju taħt 3 % tal-PDG diġà fl-2015. Dawn in-numri jistgħu jiġu stmati li jissarrfu f’titjib fil-bilanċ primarju aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG minn 4,1 % fl-2012 għal 6,2 % fl-2013 u mill-inqas 6,4 % tal-PDG fl-2014, 2015 u 2016 u f’defiċit tal-gvern aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG ta’ – 1,3 % fl-2012, 0,7 % fl-2013, 0,4 % fl-2014, 0,0 % fl-2015 u – 0,4 % fl-2016, li jirriflettu l-profil oriġinali tal-pagamenti tal-imgħax. Minkejja l-estensjoni tal-iskadenza għar-rimedjar tad-defiċit eċċessiv, madankollu, l-isforz fiskali meħtieġ biex tintlaħaq il-mira jibqa’ kbir ħafna fl-2013-2014, u kkonċentrat bil-kbir fil-bidu tal-perijodu. Din ir-reviżjoni tal-iskadenza għalhekk ser iżżomm il-kredibbiltà tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-konsolidazzjoni u l-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenza fil-kapaċità tal-Gvern Grieg li jindirizza l-isfida fiskali.

(12)

Kull miżura meħtieġa minn din id-Deċiżjoni hija strumentali fil-kisba tal-aġġustament baġitarju meħtieġ. Xi miżuri għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni baġitarja tal-Greċja, filwaqt li l-oħrajn huma miżuri strutturali li ser jirriżultaw f’titjib fil-governanza fiskali u sitwazzjoni baġitarja aktar soda fuq terminu ta’ żmien medju.

(13)

Id-deterjorazzjoni tassew severa tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex jiddeċiedu li jipprovdu sostenn ta’ stabbiltà lill-Greċja, bil-għan li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, flimkien ma’ assistenza multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minn Marzu 2012, l-appoġġ provdut mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jieħu l-forma kemm ta’ faċilità bilaterali ta’ self għall-Greċja kif ukoll ta’ self mill-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja. Is-selliefa ddeċidew li s-sostenn tagħhom għandu jkun kondizzjonali fuq il-konformità min-naħa tal-Greċja tad-Deċiżjoni 2011/734/UE kif emendata b’din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-Greċja hija mistennija twettaq il-miżuri speċifikati f’din id-Deċiżjoni b’mod konformi mal-kalendarju hawnhekk stabbilit,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/734/UE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv li għandha bħalissa malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2016.

2.   Il-perkors tal-aġġustament lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandu l-għan li jikseb defiċit primarju tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali (defiċit minbarra nefqa fuq l-imgħax) ta’ mhux aktar minn EUR 2 925 miljun (1,5 % tal-PDG) fl-2012, u surpluses primarji tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali ta’ mill-inqas EUR 0 miljun (0,0 % tal-PDG) fl-2013, EUR 2 775 miljun (1,5 % tal-PDG) fl-2014, EUR 5 700 miljun (3,0 % tal-PDG) fl-2015 u EUR 9 000 miljun (4,5 % tal-PDG) fl-2016. Dawn il-miri għad-defiċit/surplus primarju jimplikaw defiċit kumplessiv tal-gvern abbażi tal-ESA ta’ 6,9 % tal-PDG fl-2012, 5,4 % tal-PDG fl-2013, 4,5 % tal-PDG fl-2014, 3,4 % tal-PDG fl-2015 u 2,0 % tal-PDG fl-2016. Il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn li għandhom jiġu implimentati f’Diċembru 2012 jistgħu jnaqqsu l-pagamenti fuq l-imgħax b’ammont sa 1 % tal-PDG. Dawn in-numri jistgħu jiġu stmati li jissarrfu f’titjib fil-bilanċ primarju aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG minn 4,1 % fl-2012 għal 6,2 % fl-2013 u mill-inqas 6,4 % tal-PDG fl-2014, 2015 u 2016 u f’defiċit tal-gvern aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG ta’ – 1,3 % fl-2012, 0,7 % fl-2013, 0,4 % fl-2014, 0,0 % fl-2015 u – 0,4 % fl-2016, li jirriflettu l-profil oriġinali tal-pagamenti tal-imgħax. Ir-rikavat mill-privatizzazzjoni tal-assi finanzjarji u dawk mhux finanzjarji, kif ukoll it-tranżazzjonijiet relatati mar-rikapitalizzazzjoni bankarja, kif ukoll it-trasferimenti kollha relatati mad-deċiżjoni tal-Grupp tal-euro tal-21 ta’ Frar 2012 fir-rigward ta’ introjtu tal-banek ċentrali nazzjonal taż-żona tal-euro, inkluż il-Bank tal-Greċja, li jirriżultaw mill-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-portafolli ta’ investiment ta’ bonds tal-Gvern Grieg ma għandhomx inaqqsu l-isforz tal-konsolidazzjoni fiskali meħtieġ u ma għandhomx jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ dawn il-miri. L-istess japplika għal kwalunkwe pagament minn banek li jagħmlu telf, liema pagament ikun aktar dak li jista’ jakkumula mill-istruttura ELA ta’ garanzija tal-miżati eżistenti fit-30 ta’ Settembru 2012.

3.   Il-perkors tal-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2, b’kont meħud tal-impatt ta’ miżuri għat-tnaqqis tad-dejn li għandhom jiġu implimentati f’Diċembru 2012, ikun konsistenti ma’ proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali mal-PDG ta’ inqas minn 160 % fl-2016.”;

(2)

fl-Artikolu 2, għandu jiddaħħal il-paragrafu li gej:

“10a.   Il-Greċja għandha tkun adottat il-miżuri li ġejjin sal-4 ta’ Diċembru 2012:

(a)

il-baġit għall-2013 u l-MTFS sa matul l-2016, kif ukoll il-miżuri kif deskritti fl-Anness IA ta’ din id-Deċiżjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni rispettiva. L-MTFS għandha telabora dwar il-miżuri permanenti ta’ konsolidazzjoni fiskali li jiżguraw li l-limiti massimi tad-defiċit għall-perijodu 2012-2016, kif stabbilit minn din id-Deċiżjoni, ma jinqabżux u li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG jitqiegħed f’perkors sostenibbli ta’ tnaqqis;

(b)

il-preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Privatizzazzjoni aġġornat lill-Parlament Grieg u l-pubblikazzjoni ta’ aġġornament semiannwali tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi;

(c)

it-trasferiment għall-portafoll ta’ assi ta’ privatizzazzjoni tal-HRADF tad-dritt sħiħ u dirett ta’ proprjetà (ishma jew drittijiet ta’ konċessjoni) tal-Awtostrada Egnatia u l-portijiet reġjonali ta’ Elefsina, Lavrio, Igoumenitsa, Alexandroupolis, Volos, Kavala, Korfu, Patras, Heraklion, u Rafina;

(d)

l-iżgurar li l-ministeri u entitajiet rilevanti oħra jipprovdu lis-Segretarjat Ġenerali għall-Proprjetà Pubblika aċċess sħiħ għall-inventarju tal-assi immobiljari kollha li huma proprjetà tal-Istat;

(e)

l-emenda u/jew ir-revoka ta’ dispożizzjonijiet statutorji ta’ intrapriżi tal-istat (l-awtoritajiet tal-portijiet PPC, OLP u OLTH, il-HELPE, l-EYATH u l-EYDAP, portijiet, eċċ.) li jkunu differenti mid-dritt tal-kumpaniji privati rigward kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti privati;

(f)

il-leġiżlazzjoni li tiddefinixxi r-rwol u l-kwalifiki tas-Segretarju Ġenerali tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u għall-Ministru tal-Finanzi biex jiddelega setgħat deċiżjonali lis-Segretarju Ġenerali tal-Amministrazzjoni tat-Tassazzjoni;

(g)

l-impjegar ta’ awdituri tat-taxxa ta’ esperjenza f’attivitajiet li jservu l-imperattivi ta’ dħul immedjat, billi jissaħħu u jsiru kompletament operattivi oqsma ta’ infurzar ewlenin bħall-unità kbira tal-kontribwenti tat-taxxa, permezz tat-trasferiment ta’ 100 awditur minn funzjonijiet oħrajn, u billi tiġi stabbilita unità funzjonali waħda għal individwi bi dħul għoli u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li għandhom introjtu għoli u billi jiġu reklutati f’din l-unità 50 awditur tat-taxxa ta’ esperjenza li jkunu responsabbli direttament lejn is-Segretarju Ġenerali tal-Amministrazzjoni tat-Tassazzjoni;

(h)

Att tal-Kunsill tal-Ministri (li jissostitwixxi l-Att tal-Kunsill tal-Ministri adottat fid-29 ta’ Ottubru 2012), bil-għan li tissaħħaħ l-eżekuzzjoni tal-baġit u tissoda aktar l-amministrazzjoni fiskali tajba, u inklużi, barra d-dispożizzjonijiet tal-Att oriġinali tal-Kunsill tal-Ministri, dispożizzjonijiet addizzjonali: (i) li jistabbilixxu li l-Memoranda ta’ Kooperazzjoni jkunu ffirmati sal-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn il-Ministeru tal-Finanzi u Ministeri oħra jew bejn il-Ministeri u l-maniġers tal-entitajiet sorveljati (u b’hekk tkun koperta l-amministrazzjoni pubblika ġenerali kollha); (ii) li jsaħħu r-restrizzjonijiet attwali ta’ baġit bilanċjat għall-gvernijiet lokali sabiex dawn ikunu aktar effikaċi, inklużi mekkaniżmi korrettivi u ta’ sanzjoni; (iii) li jsaħħu s-sistema ta’ monitoraġġ attwali għall-intrapriżi tal-Istat (state-owned enterprises, SOEs) u bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar fil-każ ta’ devjazzjonijiet minn miri speċifiċi identifikati għal kull SOE; u (iv) li jistabbilixxu l-qafas biex jiġu ddefiniti miri speċifiċi għall-kopertura ta’ reġistri ta’ impenji operattivi għal gvernijiet lokali u SOEs li għandu jiġi stabbilit sa Diċembru ta’ kull sena. Dan l-Att tal-Kunsill tal-Ministri għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi għall-korrezzjoni ta’ trasferimenti mill-gvern ċentrali biex ikunu indirizzati devjazzjonijet mill-miri matul is-sena stess u possibilment fis-snin ta’ wara, filwaqt li jkun żgurat li mhumiex qedgħin jiżdiedu l-arretrati; għandu jafferma espliċitament li r-rikavat mill-privatizzazzjoni tal-assi tal-gvern huma mħallsa direttament f’kont segregat sabiex ikunu mmonitorjati l-flussi tal-flus, tkun evitata devjazzjoni tal-finanzjament uffiċjali u jkun żgurat servizz tad-dejn f’waqtu; u għandu jiffissa tnaqqis awtomatiku fl-infiq li għandu jkun applikat bħala regola meta ma jintlaħqux il-miri, filwaqt li jkun żgurat li ma jiżdiedux l-arretrati;

(i)

sett ta’ miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Provvista tal-Kura tas-Saħħa (EOPYY) u li jiżguraw li l-eżekuzzjoni baġitarja tkun eqreb lejn baġit ibbilanċjat fl-2012 u l-2013, inklużi: (i) razzjonalizzazzjoni tal-pakkett tal-benefiċċji; (ii) żieda tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa pprovduta minn fornituri privati; (iii) negozjar ta’ ftehimiet dwar il-prezzijiet marbuta mal-volum u reviżjoni tal-ftehimiet ta’ każijiet imħallta ma’ fornituri privati; (iv) reviżjoni tal-miżati għal servizzi ta’ dijanjożi u fiżjoterapija u l-għad tagħhom ikkuntrattati mill-EOPYY lill-fornituri privati bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati b’tal-anqas EUR 80 miljun fl-2013; (v) introduzzjoni ta’ sistema ta’ prezz ta’ referenza għar-rimborż ta’ apparat mediku; kif ukoll (vi) żieda progressiva tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tal-OGA għall-medja ta’ dawk imħallsa minn membri oħra tal-EOPYY;

(j)

il-miżuri li ġejjin relatati mar-rimborz tal-mediċini: (i) leġiżlazzjoni li tikkontrolla n-nefqa farmaċewtika li tattiva miżuri ta’ kontinġenza (inkluż eż. tnaqqis fil-prezzijiet f’kull kategorija), jekk, għal xi raġuni, il-mekkaniżmu awtomatiku eżistenti ta’ restituzzjoni ma jkunx suffiċjenti biex jilħaq il-mira; dawn il-miżuri għandhom jipproduċu ammont ekwivalenti ta’ ffrankar; (ii) digriet ministerjali, li jistabbilixxi l-limitu minimu ġdid ta’ restituzzjoni għall-2013 (EUR 2,44 biljun għall-outpatients); (iii) aġġornament tal-lista tal-prezzijiet u l-lista pożittiva tal-mediċini rimborżabbli b’mod partikolari billi jiġi stabbilit ir-rimborż tal-ispejjeż biss tal-pakketti kosteffettivi għall-mard kroniku, billi l-mediċini jiġu ttrasferiti mill-pożittiv għan-negattiv u għal-listi mingħajr preskrizzjoni u billi tiġi introdotta sistema ta’ prezz ta’ referenza żviluppata mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Mediċini (EOF). Dawn il-listi għandhom ikunu aġġornati mill-inqas darbtejn fis-sena f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE; u (iv) sostituzzjoni ta’ mediċini preskritti mill-irħas prodott tal-istess sustanza attiva fil-kategorija ta’ referenza mill-ispiżeriji (‘sostituzzjoni ġenerika’ obbligatorja).”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 11 huwa sostitwit bit-test li ġej:

“11.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Diċembru 2012:

(a)

riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali u t-taxxa fuq l-introjtu korporattiv li timmira li tissimplifika s-sistema tat-taxxa, twessa’ l-bażi tat-taxxa u telimina l-eżenzjonijiet u r-reġimi preferenzjali;

(b)

il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-Pjan tal-Privatizzazzjoni;

(c)

l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju għal kumpaniji tal-ilma;

(d)

miżuri għat-titjib tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li jintroduċu valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, titjib fl-użu tat-teknika tal-valutazzjoni tar-riskju, u l-istabbiliment u t-tisħiħ tal-unitajiet speċjalizzati tal-immaniġġar tad-dejn;

(e)

il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ pjan għall-ħlas ta’ arretrati dovuti lill-fornituri minn entitajiet pubbliċi u ta’ rimborżi tat-taxxa;

(f)

il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-funzjonament tal-fondi pubbliċi tal-pensjoni sekondarja/supplimentari; u l-unifikazzjoni tal-fondi eżistenti kollha fis-settur pubbliku;

(g)

leġiżlazzjoni li testendi l-applikazzjoni ta’ ribass ta’ 5 % għall-kumpaniji farmaċewtiċi (li teżisti għall-mediċini bi prezz tal-isptarijiet) għall-prodotti kollha mibjugħa fi spiżeriji EOPYY;

(h)

żieda tas-sehem tal-mediċini ġeneriċi biex jilħaq 35 % tal-volum kumplessiv ta’ mediċini mibjugħa minn spiżeriji;

(i)

l-assenjazzjoni ta’ kontrolluri interni lill-isptarijiet kollha u l-adozzjoni mill-isptarijiet kollha ta’ reġistri ta’ impenn.”;

(4)

għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin fl-Artikolu 2:

“12.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Marzu 2013:

(a)

toħroġ digriet ministerjali għall-aġġustament tal-prezzijiet għall-utent aħħari għal konsumaturi ta’ vultaġġ baxx;

(b)

taġġorna l-MTFS, anke bl-iffissar ta’ limiti massimi vinkolanti fuq in-nefqa għal 3 snin għas-sottosetturi tal-gvern;

(c)

tadotta pjanijiet tal-persunal għall-Ministeri;

(d)

tistabbilixxi amministrazzjoni tat-tassazzjoni sostanzjalment iktar awtonoma u tispeċifika l-livell tal-awtonomija, il-qafas ta’ governanza, ir-responsabbiltà, il-poteri legali tal-kap tal-amministrazzjoni tat-tassazzjoni u l-persunal inizjali tal-organizzazzjoni;

(e)

toħroġ u tippubblika pjan komprensiv ġdid kontra l-korruzzjoni fis-servizz ċivili, inklużi dispożizzjonijiet speċjali għall-amministrazzjoni tat-tassazzjoni u tad-dwana.

(f)

toħloq proċedura standard operattiva bis-sħiħ għar-reviżjoni tal-valuri legali tal-proprjetà immobbli sabiex jiġu allinjati aħjar mal-prezzijiet tas-suq taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tat-Tassazzjoni Kapitali;

(g)

trasferiment ta’ 40 ass immobiljari ġdid (identifikati bħala ‘assi immobiljari, lottijiet 2 u 3’ fil-Pjan tal-Privatizzazzjoni) lill-HRADF.

13.   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Ġunju 2013:

(a)

tintlaħaq il-mira li 2 000 awditur tat-taxxa jsiru operattivi bis-sħiħ;

(b)

tadotta Kodiċi tal-Proċeduri tat-Tassazzjoni ġdid;

(c)

tiżgura t-tlestija tal-pjattaforma tal-akkwist pubbliku elettroniku għall-użu mill-korpi ċentrali kollha tal-akkwist pubbliku.

14.   Il-Greċja għandha tadotta, sal-aħħar ta’ Settembru 2013, il-leġiżlazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li tintroduċi regola ta’ bilanċ baġitarju strutturali b’mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatiku.”;

(5)

it-test li jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala l-Anness IA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

S. ALETRARIS


(1)  ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

(2)  ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE (ĠU L 113, 25.4.2012, p. 8).

(5)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1).


ANNESS

“ANNESS IA

MIŻURI TA’ STRATEĠIJA FISKALI FUQ TERMINU TA’ ŻMIEN MEDJU 2013-16

Il-miżuri addizzjonali inklużi fl-istrateġija fiskali fuq terminu ta’ żmien medju (MTFS) sal-2016 huma dawn li ġejjin:

1.

Razzjonalizzazzjonijiet fin-nefqa fuq il-pagi b’mill-inqas EUR 1 110 miljun fl-2013 u b’EUR 259 miljun addizzjonali fl-2014.

2.

Iffrankar fil-pensjonijiet b’mill-inqas EUR 4 800 miljun fl-2013 u b’EUR 423 miljun addizzjonali fl-2014.

3.

Tnaqqis fl-infiq operazzjonali tal-Istat b’mill-inqas EUR 239 miljun fl-2013 u b’EUR 285 miljun addizzjonali fl-2014.

4.

Iffrankar permezz ta’ razzjonalizzazzjoni u titjib fl-effiċjenza fl-infiq marbut mal-edukazzjoni b’mill-inqas EUR 86 miljun fl-2013 u b’EUR 37 miljun addizzjonali fl-2014.

5.

Iffrankar fl-intrapriżi tal-istat b’mill-inqas EUR 249 miljun fl-2013 u EUR 123 miljun addizzjonali fl-2014.

6.

Tnaqqis fl-infiq operattiv relatat mad-difiża li jwassal għal iffrankar ta’ mill-inqas EUR 303 miljun fl-2013 u b’EUR 100 miljun addizzjonali fl-2014.

7.

Iffrankar fin-nefqa tal-kura tas-saħħa u farmaċewtika b’mill-inqas EUR 455 miljun fl-2013 u b’EUR 620 miljun addizzjonali mill-2014 ‘il quddiem.

8.

Iffrankar permezz ta’ razzjonalizzazzjoni tal-benefiċċji soċjali b’mill-inqas EUR 217 miljun fl-2013 u b’EUR 78 miljun addizzjonali fl-2014.

9.

Tnaqqis fit-trasferimenti mill-Istat lill-gvernijiet lokali b’mill-anqas EUR 50 miljun fl-2013 u b’EUR 160 miljun addizzjonali fl-2014.

10.

Tnaqqis fin-nefqa mill-baġit tal-investiment pubbliku (investiment pubbliku ffinanzjat domestikament) b’EUR 150 miljun fl-2013 u b’EUR 150 miljun addizzjonali fl-2014.

11.

Żieda fid-dħul b’mill-inqas EUR 1 689 miljun fl-2013 u b’EUR 1 799 miljun addizzjonali fl-2014.”.