ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.237.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 237

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
3 ta' Settembru 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/1


REGOLAMENT (UE) Nru 765/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għar-Riżoluzzjoni ta’ Disputi (“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) adotta r-Rapport tal-Korp tal-Appell u r-Rapport tal-Bord kif immodifikat mir-Rapport tal-Korp tal-Appell (“ir-Rapporti”) fid-disputa “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri Definittivi ta’ kontra d-dumping fuq Ċerti Qfieli tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina” (2).

(2)

Fir-Rapporti nstab, inter alia, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 (3) dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament Bażiku kontra d-Dumping”) kien inkonsistenti mal-Artikoli 6.10, 9.2 u 18.4 tal-Ftehim kontra d-Dumping tad-WTO u l-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim tad-WTO. L-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistipula li produtturi esportaturi individwali f'pajjiżi b'ekonomija mhux tas-suq li ma jirċevux trattament ta’ ekonomija tas-suq skont l-punt (c) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping se jkunu soġġetti għal rata ta’ dazju fil-pajjiż kollu sakemm dawn l-esportaturi ma jistgħux juru li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet għat-trattament individwali (“TI”) stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping.

(3)

Il-Korp tal-Appell sab li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping jistabbilixxi preżunzjoni li l-produtturi esportaturi qed joperaw f'pajjiżi b'ekonomija mhux tas-suq mhumiex intitolati għal TI u li, sabiex jikkwalifikaw għal TI, għandhom l-oneru fuqhom li juru li jissodisfaw il-kriterji tat-test għat-TI. Skont il-Korp tal-Appell, l-ebda bażi legali għal tali preżunzjoni ma hija prevista fil-ftehimiet rilevanti tad-WTO.

(4)

Madankollu, il-Korp tal-Appell ikkjarifika li, meta jiġi ddeterminat marġni ta’ dumping wieħed u dażju kontra d-dumping wieħed għal numru ta’ esportaturi, il-konsistenza ta’ dik id-determinazzjoni mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim kontra d-Dumping ser tiddipendi fuq l-eżistenza ta’ numru ta’ sitwazzjonijiet, li jindikaw li, żewg esportatuti jew aktar, għalkemm ġuridikament distinti, huma f'relazzjoni tali li għandhom jiġu ttrattati bħala entità waħda. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jinkludu: (i) l-eżistenza ta’ konnessjonijiet korporattivi u strutturali bejn l-esportaturi, bħalma huma kontroll, sjieda t'ishma u ġestjoni komuni; (ii) l-eżistenza ta’ konnessjonijiet korporattivi u strutturali bejn l-Istat u l-esportaturi, bħalma huma kontroll, sjieda t'ishma u ġestjoni komuni; u (iii) kontroll jew influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni. F'dan ir-rigward, it-termini fl-emendi proposti għall-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping li jirriflettu dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-kjarifiki tal-Korp tal-Appell mingħajr preġudizzju għat-termini bl-użu tal-istess formulazzjoni jew ta’ formulazzjoni simili f'dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping.

(5)

Fit-18 ta’ Awwissu 2011 l-Unjoni nnotifikat lid-DSB li biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f'din it-tilwima b'mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.

(6)

Għal dak l-iskop, huwa meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-Dumping,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa sostitwit b’ dan li ġej:

“5.   Għandu jiġi impost dazju anti-dumping f'ammonti xierqa f'kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skont it-termini ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament li jimponi miżuri kontra d-dumping għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, il-pajjiż fornitur ikkonċernat. Fornituri li huma ġuridikament distinti minn fornituri oħra jew li huma ġuridikament distinti mill-Istat jistgħu madankollu jkunu kkunsidrati bħala entità waħda għall-għan tal-ispeċifikar tad-dazju. Għall-applikazzjoni ta’ dan is-subparagrafu, jistgħu jitqiesu fatturi bħall-eżistenza ta’ konnessjonijiet strutturali jew korporattivi bejn il-fornituri u l-Istat jew bejn il-fornituri, il-kontroll jew l-influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni, jew l-istruttura ekonomika tal-pajjiż fornitur.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-investigazzjonijiet kollha mibdija skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 konsegwentement għad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-10 ta’ Mejju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2012.

(2)  WTO, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, AB-2011-2, WT/DS397/AB/R, il-15 ta’ Lulju 2011. WTO, ir-Rapport tal-Bord, WT/DS397/R, it-3 ta’ Diċembru 2010.

(3)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.