ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.153.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
14 ta' Ġunju 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2012/305/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2012 dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu

1

 

 

2012/306/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2012 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 501/2012 tat-13 ta’ Ġunju 2012 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (镇江香醋 (Zhenjiang Xiang Cu) (PGI))

4

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 502/2012 tat-13 ta’ Ġunju 2012 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

8

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2012 tat-13 ta’ Ġunju 2012 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew tal-Italja jew li huma rreġistrati fihom u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

12

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 504/2012 tat-13 ta’ Ġunju 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

14

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/307/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2011 dwar skemi ta’ għajnuna mill-Istat implimentati mill-Greċja fil-Prefetturi ta’ Kastoria, Evia, Florina, Kilkis, Rodopi, Evros, Xanthi u f’tad-Dodekaneżi, u fil-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios (ristrutturar tad-dejn) (Nri C23/04 (ex NN 153/03), C 20/05 (ex NN 70/04) u C 50/05 (ex NN 20/05)) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 7252)  ( 1 )

16

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ġunju 2012

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu

(2012/305/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 82(1), moqri flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Diċembru 2002 il-Kunsill awtorizza lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati mal-Islanda u man-Norveġju bl-iskop tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 għaliha (minn issa “il-Konvenzjoni”).

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni 2004/79/KE (1) il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni (minn issa “il-Ftehim”) ġie ffirmat fid-19 ta’ Diċembru 2003, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(3)

Il-Ftehim għadu ma ġiex konkluż. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-Unjoni sabiex tikkonkludi l-Ftehim huma regolati mill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-Żona tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tal-2001 miegħu (2) (minn issa “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiexjinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) biex tagħti, f’isem l-Unjoni, in-notifika stabbilita fl-Artikolu 6(1) tal-Ftehim, biex torbot lill-Unjoni (3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  ĠU L 26, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 26, 29.1.2004, p. 3.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 2012

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik

(2012/306/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Novembru 2007 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1446/2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik (1) (“il-Ftehim”). Ġie anness miegħu Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim (2). Dak il-Protokoll skada fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(2)

L-Unjoni nnegozjat mal-Możambik Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik (“il-Protokoll”) li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet li fihom il-Możambik għandu s-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-sajd.

(3)

B’riżultat ta’ dawk in-negozjati, fit-2 ta’ Ġunju 2011 ġie inizjalat il-Protokoll.

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/91/UE (3), dan il-Protokoll ġie ffirmat u qiegħed jiġi applikat b’mod provviżorju.

(5)

Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik (4) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew il-persuni li għandhom is-setgħa jipproċedu, f’isem l-Unjoni, bin-notifika prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll, sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Protokoll (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GJERSKOV


(1)  ĠU L 331, 17.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 17.12.2007, p. 39.

(3)  ĠU L 46, 17.2.2012, p. 3.

(4)  Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 46, 17.2.2012, p. 4, flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-firma.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


REGOLAMENTI

14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 501/2012

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Image (Zhenjiang Xiang Cu) (PGI))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni taċ-Ċina tas-16 ta’ Lulju 2007 għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjoni tqieset ammissibbli skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-istess Regolament.

(3)

B’ittra rreġistrata tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Partijiet ikkonċernati jilħqu ftehim bejniethom.

(4)

Billi ma ntlaħaq l-ebda qbil formali bejn il-Ġermanja u ċ-Ċina fiż-żmien u skont il-proċeduri previsti, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(5)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni allegat li r-reġistrazzjoni ta’

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) tkun qed tipperikola l-eżistenza ta’ denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti kif speċifikat fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, minħabba l-kontenut minimu ta’ aċidu li fih il-ħall (4,5 g) li huwa iktar baxx minn dak speċifikat fil-liġi tal-Ġermanja (5,0 g), kif ukoll fl-Istandard Ewropew EN 13188. Billi l-kontenut tal-aċidu aċetiku huwa kriterju deċiżiv ta’ kwalità għall-ħall, il-parti li toġġezzjona temmen li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali ħall fl-Unjoni Ewropea tkun qed tqarraq bil-konsumatur billi twassal għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

(6)

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni Ewropea, il-ħall b’aċidità iktar baxxa jista’ jiġi mmanifatturat u kkummerċjalizzat legalment fl-UE, u jista’ wkoll jiġi importat fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk,

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) huwa ħall tar-ross, bil-karatteristiċi distintivi tiegħu marbutin mal-gastronomija Ċiniża. Għaldaqstant, ma seta’ jiġi identifikat l-ebda riskju ta’ konfużjoni għall-konsumaturi, u lanqas ma seta’ jiġi identifikat xi tentattiv ta’ użu ġust u tradizzjonali, mill-kummerċjalizzjoni fl-UE ta’

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) b’kontenut totali minimu ta’ aċidu ta’ 4,5 g/100 ml.

(7)

Il-Kummissjoni tifhem li ċ-Ċina tkun taċċetta rata minima ta’ aċidità ta’

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) ta’ mhux inqas minn 5,0 g għal kull 100 ml, biex tissodisfa r-rekwiżit mill-awtoritajiet tal-Ġermanja u tal-Istandard Ewropew EN 13188 imsemmi iktar ‘il fuq. Il-Ġermanja kkonfermat li dan għandu jirrisolvi t-tħassib tagħha.

(8)

Bil-għan li jintlaħaq l-usa’ kunsens il-kontenut totali minimu tal-aċidu ta’

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) għandu jiġi stipulat għal 5,00 g kull 100 ml.

(9)

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-isem

Image

(Zhenjiang Xiang Cu) għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Il-verżjoni aġġornata tad-dokument uniku tidher fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 254, 22.9.2010, p. 10


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum uman elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Klassi 1.8:   prodotti oħra fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.)

IĊ-ĊINA

Image (Zhenjiang Xiang Cu) (IĠP)


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

Image(ZHENJIANG XIANG CU)

Nru tal-KE: CN-PGI-0005-0630-16.07.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

Image’ (Zhenjiang Xiang Cu)

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel

3.1.   It-tip tal-prodott

Klassi 1.8:

prodotti oħra tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.)

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Zhenjijang Xiang Cu huwa tip ta’ ħall tar-ross imsajjar magħmul minn; ross li jwaħħal bħala l-materja prima prinċipali. Għandu riħa distinta u togħma delikata. Il-kulur huwa kannella ħamrani qawwi, ileqq u skur. Għandu fwieħa qawwija ta’ ross moqli u ta’ prodotti tal-birrerija. It-togħma hija densa u mhux qawwija, qarsa imma mhux strinġenti, delizzjuża u kemxejn ħelwa. Skont l-ispeċifikazzjonijiet, l-aċidità totali (abbażi tal-aċidu aċetiku) tkun fil-medda ta’ bejn 5,00 gm — 6,00 gm għal kull 100 ml (mhux iktar minn 15,50 g), l-aċidu fiss (abbażi tal-aċidu lattiku) 1,20 gm — 1,60 gm kull 100 ml, aċidu amminiku nitroġenu (abbażi tan-nitroġenu) 0,12 gm u 0,18 gm kull 100 ml, u zokkor ta’ riduzzjoni (abbażi tad-destrożju) ’il fuq minn 2,20 gm kull 100 ml.

Skont it-tul taż-żmien ta’ ħżin, iz-Zhenjiang Xiang Cu huwa maqsum f’żewġ kategoriji, jiġifieri fi ‘Fragrant Vinegar’ (Ħall Ifuħ), li huwa l-forma regolari b’perjodu ta’ ħżin ta’ aktar minn 180 ġurnata, u ‘Mature Vinegar’ (Ħall Matur), li jirreferi għaz-‘Zhenjiang Fragrant Vinegar b’perjodu’ ta’ ħżin ta’ aktar minn 365 ġurnata.

3.3.   Il-materja prima

1.   Ross li jwaħħal: mir-reġjun ta’ Zhenjiang. Għandu kwalità tajba b’mod konsistenti bi glutinużità qawwija u proteina mhux maħduma xierqa. Il-kontenut ta’ amylopectin jista’ jkun għoli daqs 100°.

2.   Nuħħala tal-qamħ: minn qamħ lokali pproċessat tal-aqwa kwalità, rikk fl-elementi nutrittivi meħtieġa għall-fermentazzjoni tal-batterji tal-aċidu aċetiku.

3.   Ħliefa tar-ross: mill-ipproċessar tar-ross lokali; isservi bħala t-trasportatur u tifforma l-ambjent li fih il-gass u li huwa speċjali għat-tkabbir tal-batterji tal-acidu acetiku fil-fermentazzjoni.

4.   Daqu: trasportatur tat-tkabbir tal-partijiet fit-taħlita li jsiru zokkor permezz tal-fermentazzjoni bl-użu ta’ tekniki tradizzjonali minn materjali tal-aqwa kwalità lokali bħall-qamħ, ix-xgħir u l-piżelli ħodor.

5.   Ross tal-qali: pejst tar-ross li jwaħħal u huwa artab u mbaskat magħmul minn ross lokali tal-aqwa kwalità; dan huwa l-ingredjent ewlieni fil-fwieħa u l-kulur karatteristiċi taz-Zhenjiang Fragrant Vinegar.

6.   Ilma: ilma pur akkumulat fil-fattizzi naturali ta’ wiċċ l-art u fil-ġeoloġija li hija partikolari għar-reġjun taz-Zhenjiang, rikk f’diversi sustanzi minerali. Għandu togħma kemxejn ħelwa, għebusija u valur tal-pH xierqa, tajjeb għas-sajran tal-ħall.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata

Il-produzzjoni taz-Zhenjiang Xiang Cu, inkluża l-preparazzjoni tad-Daqu u tal-brodu tal-inbid tar-ross, il-fermentazzjoni tal-massa msajra, l-estrazzjoni tal-ħall, it-tifwir u l-ħżin/il-maturazzjoni tal-ħall mhux ipproċesat, ilkoll iridu jseħħu fiż-żona ġeografika definita.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Fliexken tal-ħġieġ skont ir-rekwiżiti tal-iġjene tal-ikel; l-imballaġġ ta’ fuq barra jista’ jkun magħmul minn kaxxi tal-kartun.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketta taz-Zhenjiang Xiang Cu hija stampata u mħawla b’mod permanenti fuq il-flixkun. Id-dettalji prinċipali fuq it-tikketta inkluż l-isem tal-prodott (Zhenjiang Xiang Cu), it-tekniki tal-produzzjoni (il-fermentazzjoni solida), il-kategorija tal-ħall (ħall misjur), l-ingredjenti prinċipali, il-piż nett, l-isem u l-indirizz tal-manifattur, id-data tal-produzzjoni u l-kodiċi standard tal-prodott.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Ir-reġjun ta’ Zhenjiang jinsab fix-Xlokk taċ-Ċina u fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-Xmara Yangtze. Jinsab bejn 31°37′-32°19′ north latitude (latitudni tat-Tramuntana) u 118°58′-119°58′ east longitude (lonġitudni tal-Lvant). Ir-reġjun jinkludi il-Belt ta’ Jurong, il-Belt ta’ Danyang, il-Belt ta’ Yangzhong, id-Distrett ta’ Dantu, id-Distrett ta’ Jingkou, id-Distrett ta’ Runzhou u ż-Żona ta’ Żvilupp ta’ Zhenjiang.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Zhenjiang jinsab fix-Xlokk taċ-Ċina, fejn jingħaqdu x-Xmara Yangtze u l-Grand Canal. Għandu klima tipikament umda tal-monsun bi tranżizzjoni minn żona moderatament sħuna għal żona subtropikali. Il-medja annwali ta’ xemx hija ta’ 2 050,7 sigħat, ir-rata ta’ dawl tax-xemx hija ta’ 46,8 %, it-temperatura medja annwali hija 15,4 °C, il-medja tal-umdità hija 77 % u l-inżul tax-xita medju annwali huwa ta’ aktar minn 1 000 mm. Ir-reġjun ta’ Zhenjiang huwa magħmul minn għoljiet baxxi mifruxin, art agrikola fertili, netwerk kumpless tax-xmara, u għadd kbir ta’ gżejjer u portijiet żgħar matul ix-xmara; iż-żona hija ħadra bi klima li tagħti pjaċir, imdawla u umda.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-kulur taz-Zhenjiang Xiang Cu huwa kannella ħamrani qawwi, ileqq u skur. Il-ħall għandu fwieħa qawwija ta’ ross moqli u ta’ prodotti tal-birrerija. It-togħma hija densa u mhux qawwija, għalkemm ftit qarsa li tinkludi l-aċidu aċetiku, l-aċidu lattiku, l-aċidu tat-tuffieħ, l-aċidu suċċiniku, l-aċidu ċitriku u l-aċidu glukoniku, li però mhux partikolarment strinġenti. Huwa fin u frisk, delizzjuż u kemxejn ħelu.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott

Iz-Zhenjiang jinsab fix-Xlokk taċ-Ċina u għandu klima tipikament umda tal-monsun bi tranżizzjoni minn żona moderatament sħuna għal żona subtropikali. Jinsab fejn jiltaqgħu ix-Xmara Yangtze u l-Grand Canal, f’kampanja b’għoljiet baxxi u ħodor, art agrikola fertili, netwerk kumpless tax-xmara, u għadd kbir ta’ gżejjer u portijiet żgħar matul ix-xmara. Hu mimli uċuħ tar-raba’ bħar-ross, il-qamħ, ix-xgħir u l-piżelli ħodor, bi prodotti sekondarji rikki bħan-nuħħala tal-qamħ u l-ħliefa tar-ross. Il-fatt li Zhenjiang huwa umdu u aħdar jista’ jwassal għar-rendiment u r-riproduzzjoni ta’ batterji tal-aċidu aċetiku. L-ilma mill-għoljiet u l-fawwarijiet jinġabar fix-xmajjar, fil-lagi u fl-artijiet mistgħadra wara li jgħaddi mill-ġebel u l-blat, u b’hekk ikollu kontenut rikk ta’ materjali minerali u jipproduċi togħma qawwija u kemxejn ħelma, li hija l-aktar adattata għall-ħall imsajjar.

Il-Belt ta’ Zhenjiang ilha ħafna magħrufa bħala ‘il-Belt fil-foresta tal-muntanja u d-Dar tal-Ħall’. In-nies fi Zhenjiang bdiet tagħmel il-ħall 1 400 sena ilu. L-użu ta’ Zhenjiang Xiang Cu ġie stabbilit fid-Dinastija Liang; kien meqjus bħala l-aqwa ħall tar-ross fil-Klassiċi tal-Mediċina taċ-Ċina bikrija u rebaħ premju internazzjonali tad-deheb fid-Dinastija Qing. Iz-Zhenjiang Xiang Cu sar l-aktar ħaġa li biha hija rikonoxxuta l-belt. Hemm kważi 100 impjant tal-manifattura li jipproduċu l-ħall fil-belt, fejn il-fwieħa tal-ħall qiegħdha fl-arja u l-abitudnijiet u l-kultura tal-ikel relatati mal-ħall jidrhu kullimkien.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)


14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 502/2012

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga fuq inizjattiva tagħha, il-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja, it-Taljanda u l-Filippini u kemm jekk le, suġġetti għar-reġistrazzjoni.-{}-

A.   Il-PRODOTT

(2)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70 (“il-prodott ikkonċernat”).

(3)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

B.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(4)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma l-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2/2012 (2) wara reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005 (3).

C.   IR-RAĠUNIJIET

(5)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta’ trasbord li jgħaddi mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini.

(6)

L-evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni hija kif ġejja:

(7)

Hemm bdil sinifikanti fil-mudell tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini lejn l-Unjoni li sar wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed b’saħħitha għal tali bidla, għajr l-impożizzjoni tad-dazju..

(8)

Din il-bidla fil-mudell tal-kummerċ tidher li toriġina mit-trasbord ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jgħaddu mill-Malażja, it-Taljandja u l-Filippini.

(9)

Barra minn hekk, l-evidenza tindika li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-antidumping fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu kompromessi f’termini ta’ kwantità u prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet ħafna anqas mill-prezz mhux ta’ dannu stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, aġġustati għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(10)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qegħdin ikunu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(11)

Jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li jgħaddu mill-Malażja, it-Tajlandja, u l-Filippini koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, ikunu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

D.   IL-PROĊEDURA

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Kwestjonarji

(13)

Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini. Jista’ wkoll jintalab tagħrif, kif xieraq, mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(14)

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, minħabba li l-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(15)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini se jkunu notifikati bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(b)   Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ

(16)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna hawn biex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(17)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix ċirkomvenzjoni.

(18)

Minħabba li l-possibilità li sseħħ ċirkomvenzjoni barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini ta’ qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li jistgħu juru li mhumiex relatati (4) mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri (5) u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jissottomettu talba sostnuta b’evidenza xierqa fi ħdan il-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

E.   IR-REĠISTRAZZJONI

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet ta’ ċirkomvenzjoni, ikunu jistgħu jiġu ntaxxati dazji tal-antidumping ta’ ammont xieraq b’lura mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini.

F.   IL-LIMITI TA’ ŻMIEN

(20)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu ddikjarati limiti ta’ żmien li matulhom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju tagħhom jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(21)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti ta’ żmien imsemmijin fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

G.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(22)

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu ta’ żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(23)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(24)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

H.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

I.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(26)

Ta’ min jinnota li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (6).

J.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(27)

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tal-fehmiet sottomessi bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qed jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfiel tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom fl-Unjoni, ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u sew jekk le, li bħalissa huma kklassifikati fil-Kodiċi NM ex 7318 12 10, ex 7318 14 10, ex 7318 15 30, ex 7318 15 51, ex 7318 15 61 u ex 7318 15 70 (kodiċi TARIC 7318121011, 7318121091, 7318141011, 7318141091, 7318153011, 7318153061, 7318153081, 7318155111, 7318155161, 7318155181, 7318156111, 7318156161, 7318156181, 7318157011, 7318157061 u 7318157081), qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012.

Artikolu 2

L-Awtoritajiet doganali b’dan huma mitluba, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, titlob lill-Awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati mill-produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom jiġu mitluba mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom iridu jitqiesu waqt l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw rwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjoni jew miżuri għandhom iressqu talba sostnuta bi provi fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

5.   Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f’għamla ta’ dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence. Kull preżentazzjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Ristretta (7) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 4/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Kuntatt:

Kaxxa postali tal-każijiet: TRADE-STEEL-FAST-13-A@ec.europa.eu

Faks: +32 2 29 84139

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 5, 7.1.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 1.

(4)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tkun proprjetarja, tikkontrolla jew tkun detentriċi ta’ 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji suġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-antidumping), tingħata xorta waħda eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew intużat biex ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri oriġinali.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 503/2012

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew tal-Italja jew li huma rreġistrati fihom u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastiment tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (2), jiffissal-ammont tat-tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (3), jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b’tul ta’ iktar minn 24 metru.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri jew ta’ tagħrif ieħor fil-pussess tagħha l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona rispettiva, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew tal-Italja jew li huma rreġistrati fihom qed jitqiesu li ntużaw għal kollox fis-7 ta’ Ġunju 2012.

(6)

Fit-8 ta’ Ġunju, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment tas-sajd bil-purse seine tagħha attiv fis-sajd għat-tonn fl-2012 mit-8 ta’ Ġunju 2012 fit-8:00.

(7)

Fit-3, fil-5 u fit-8 ta’ Ġunju 2012, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tat-12-il bastiment tas-sajd bil-purse seine tagħha attivi fis-sajd għat-tonn fl-2012, b’effett mit-3 ta’ Ġunju għal 4 bastimenti, b’effett mill-5 ta’ Ġunju għal 4 bastimenti u b’effett mit-8 ta’ Ġunju għall-4 bastimenti li kien baqa’ u b’hekk kien hemm projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mit-8 ta’ Ġunju 2012 fil-11:30.

(8)

Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li ttieħdu mill-Greċja u mill-Italja msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn mit-8 ta’ Ġunju 2012 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew tal-Italja jew li huma rreġistrati fihom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew li huma rreġistrati hemmhekk għandu jiġi pprojbit mit-8 ta’ Ġunju 2012 fit-8:00.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti tas-sajd jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera tal-Italja jew li huma rreġistrati hemmhekk għandu jiġi pprojbit mhux aktar tard mit-8 ta’ Ġunju 2012 fil-11:30.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti tas-sajd jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 25, 27.1.2012, p. 55.

(3)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 504/2012

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

55,3

MK

45,6

TR

57,2

ZZ

52,7

0707 00 05

MK

26,2

TR

119,6

ZZ

72,9

0709 93 10

TR

97,9

ZZ

97,9

0805 50 10

AR

72,8

BO

105,1

TR

107,0

ZA

101,4

ZZ

96,6

0808 10 80

AR

111,6

BR

83,7

CH

68,9

CL

100,9

CN

136,2

NZ

141,5

US

156,6

UY

61,9

ZA

111,6

ZZ

108,1

0809 10 00

TR

186,0

ZZ

186,0

0809 29 00

TR

444,0

ZZ

444,0

0809 40 05

ZA

300,5

ZZ

300,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Ottubru 2011

dwar skemi ta’ għajnuna mill-Istat implimentati mill-Greċja fil-Prefetturi ta’ Kastoria, Evia, Florina, Kilkis, Rodopi, Evros, Xanthi u f’tad-Dodekaneżi, u fil-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios (ristrutturar tad-dejn)

(Nri C23/04 (ex NN 153/03), C 20/05 (ex NN 70/04) u C 50/05 (ex NN 20/05))

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7252)

(It-test Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/307/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lil partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1) u wara li kkunsidrat dawk il-kummenti,

Billi:

I.   PROĊEDURA

Għajnuna li tikkonċerna lill-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia  (2) C23/04

(1)

Wara li rċeviet informazzjoni li turi li kienet ingħatat għajnuna fl-1993 u tul is-snin ta’ wara lil ditti fil-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia fil-kuntest ta’ negozjar mill-ġdid ta’ dejn, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi, b’ittra tas-27 ta’ Mejju 2003, jissottomettu fi żmien erba’ ġimgħat it-test tal-bażi legali għal din l-operazzjoni, flimkien ma’ kull informazzjoni oħra meħtieġa għal eżami skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE (3).

(2)

B’ittra tal-10 ta’ Lulju 2003, reġistrata li waslet fis-17 ta’ Lulju 2003, ir-Rappreżentanza Permanenti Griega għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni ittra mingħand l-awtoritajiet Griegi fejn talbet estensjoni ta’ xahar tal-perjodu msemmi fil-premessa 1.

(3)

B’ittra tal-4 ta’ Awwissu 2003, reġistrata li waslet fis-6 ta’ Awwissu 2003, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2003.

(4)

Wara eżami tal-informazzjoni, instab li l-għajnuna kienet ingħatat mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ dossier dwar għajnuna mhux notifikata, reġistrat bin-numru NN 153/03.

(5)

B’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004 (4), il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE (C23/04) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-ftuħ tal-ewwel proċedura”).

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(7)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand partijiet terzi interessati.

(8)

B’ittra tat-13 ta’ Lulju 2004, reġistrata li waslet fid-19 ta’ Lulju 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet estensjoni ta’ xahar tal-perjodu mogħti lill-awtoritajiet Griegi biex jibagħtu t-tweġiba tagħhom għall-ftuħ tal-ewwel proċedura.

(9)

B’feks tas-6 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(10)

B’ittra tad-9 ta’ Awwissu 2004, reġistrata li waslet fl-10 ta’ Awwissu 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-awtoritajiet Griegi għall-ftuħ tal-ewwel proċedura.

Għajnuna li tikkonċerna lill-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis  (6) C 20/05

(11)

Matul l-eżaminazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Awwissu 2003, instab li, minbarra l-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia, l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonċerna wkoll lill-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar dawn l-iskemi ta’ għajnuna mingħand l-awtoritajiet Griegi b’feks tat-22 ta’ April 2004.

(12)

B’ittra tas-26 ta’ Mejju 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet estensjoni ta’ xahar tal-perjodu mogħti lill-awtoritajiet Griegi biex jibagħtu l-informazzjoni addizzjonali msemmija hawn fuq.

(13)

B’feks tas-7 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(14)

B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2004, reġistrata bħala rċevuta fl-istess jum, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba fil-feks tagħha tat-22 ta’ April 2004.

(15)

Wara eżaminazzjoni tal-informazzjoni, instab li l-għajnuna kienet ingħatat mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ dossier dwar għajnuna mhux notifikata, reġistrat bin-numru NN 70/04.

(16)

B’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2005 (7), il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna mogħtija fil-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis (C 20/05) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-ftuħ tat-tieni proċedura”).

(17)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (8). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(18)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand partijiet terzi interessati.

(19)

B’ittra tal-24 ta’ Ġunju 2005, reġistrata li waslet fit-28 ta’ Ġunju 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet estensjoni ta’ xahrejn tal-perjodu mogħti lill-awtoritajiet Griegi biex jibagħtu t-tweġiba tagħhom għall-ftuħ tat-tieni proċedura.

(20)

B’feks tat-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(21)

B’ittra tat-18 ta’ Awwissu 2005, reġistrata li waslet fl-24 ta’ Awwissu 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-awtoritajiet Griegi għall-ftuħ tat-tieni proċedura.

Għajnuna li tikkonċerna lill-Prefetturi ta’ Rodopi, Evros, Xanthi u tad-Dodekaneżi, kif ukoll lill-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios  (9) C 50/05

(22)

Matul l-eżaminazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi b’ittra tal-1 ta’ Lulju 2004, instab li kienet ingħatat ukoll għajnuna fi Prefetturi minbarra dawk konċernati bil-ftuħ tal-ewwel żewġ proċeduri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar dawn il-miżuri ta’ għajnuna mingħand l-awtoritajiet Griegi b’feks tat-12 ta’ Novembru 2004.

(23)

B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2004, reġistrata li waslet fil-15 ta’ Diċembru 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet li l-Kummissjoni tagħti estensjoni ta’ xahar tal-perjodu mogħti lill-awtoritajiet biex jibagħtu l-informazzjoni addizzjonali msemmija hawn fuq.

(24)

B’feks tas-6 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(25)

B’ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, reġistrata li waslet fl-1 ta’ Frar 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Novembru 2004.

(26)

Wara eżaminazzjoni tal-informazzjoni, instab li l-għajnuna kienet ingħatat mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ dossier dwar għajnuna mhux notifikata, reġistrat bin-numru NN 20/05.

(27)

B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2005 (10), il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna mogħtija fil-Prefetturi ta’ Rodopi, Evia, Xanthi u f’tad-Dodekaneżi, u fil-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios (C 50/05) (minn hawn ’il quddiem imsejħa, “il-ftuħ tat-tielet proċedura”).

(28)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ il-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (11). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(29)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand partijiet terzi interessati.

(30)

B’ittra tat-23 ta’ Jannar 2006, reġistrata li waslet fil-25 ta’ Jannar 2006, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet estensjoni ta’ tliet xhur tal-perjodu mogħti lill-awtoritajiet Griegi biex jibagħtu t-tweġiba tagħhom għall-ftuħ tat-tielet proċedura.

(31)

B’feks tat-3 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(32)

B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2006, reġistrata li waslet fil-11 ta’ Mejju 2006, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-awtoritajiet Griegi għall-ftuħ tat-tielet proċedura.

(33)

Wara li reġgħet eżaminat il-bażijiet legali kollha mibgħuta, il-Kummissjoni talbet, b’feks tat-12 ta’ Jannar 2011, li l-awtoritajiet Griegi jipprovdu aktar kjarifiki dwar l-għajnuna inkwistjoni fi żmien xahar.

(34)

B’posta elettronika tas-7 ta’ Frar 2011, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea talbet lill-Kummissjoni testendi d-data ta’ skadenza msemmija hawn fuq b’40 jum ta’ xogħol oħra.

(35)

B’feks tas-17 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni tat estensjoni ta’ 20 jum ta’ xogħol.

(36)

B’posta elettronika tal-15 ta’ Marzu 2011 u tad-29 ta’ Marzu 2011, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea bagħtet il-kjarifiki msemmija hawn fuq lill-Kummissjoni.

II.   DESKRIZZJONI

Għajnuna li tikkonċerna lill-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia

(37)

Id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1461 tat-30 ta’ Settembru 1993 tipprovdi għall-konverżjoni tad-djun kollha, kemm jekk kienu dovuti jew le, fit-30 ta’ Ġunju 1993, li rriżultaw minn self ta’ kull tip (għal kapital li jdur u għal kapital fiss) fi drakmas jew f’muniti barranin mogħti lil ditti industrijali u tal-artiġjanat stabbiliti u li joperaw, irrispettivament mill-postijiet fejn kienu jinsabu l-kwartieri ġenerali reġistrati tagħhom, fil-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia, kif ukoll minn garanziji bankarji fi drakmas jew f’muniti barranin maħruġin f’isem l-istess ditti, f’self ġdid li jitħallas lura tul għaxar snin f’pagamenti totali ugwali kull sitt xhur (kapital flimkien ma’ mgħax) jew f’pagamenti ugwali ta’ kapitali kull sitt xhur (amortizzazzjoni sempliċi) b’imgħax ikkalkulat kull sitt xhur bir-rata applikata għar-ristrutturar f’dak iż-żmien (ir-rata applikabbli għas-self ġdid tkun ir-rata applikata għall-bonds tat-Teżor tal-aħħar 12-il xahar, maħruġin qabel il-bidu ta’ kull perjodu ta’ kalkulazzjoni ta’ mgħaxijiet fir-rigward tas-self, miżjuda bi tnejn fil-mija, bi tnaqqis ta’ għaxra fil-mija matul l-ewwel ħames snin iddebitat lill-kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75 (12)).

(38)

Alternattivament, id-ditti msemmija hawn fuq jistgħu jirċievu għal ħames snin tnaqqis f’imgħax ta’ għaxra fil-mija fir-rigward tad-djun pendenti tagħhom fi drakmas jew f’muniti barranin fit-30 ta’ Ġunju1993 u b’rabta ma’ investimenti f’kapital fiss jew li jdur.

(39)

Id-ditti għandhom ikunu vijabbli wara r-ristrutturar (li jimplika li l-qagħda tagħhom kienet sa ċertu punt diffiċli); dan il-kriterju kien ivverifikat mill-banek.

(40)

Id-Deċiżjonijiet Ministerjali Nru 2035824/5887 tal-1 ta’ Ġunju 1994, 2045909/7431/0025 tas-26 ta’ Awwissu 1994, 2071670/11297 tad-9 ta’ Novembru 1994 u 72742/B1723 tat-8 ta’ Diċembru 1994 jimmodulaw il-perjodi ta’ konċessjoni u tnaqqis f’imgħax b’rabta mas-self ġdid u jkopru lil dan tal-aħħar permezz ta’ garanzija mill-Istat.

Għajnuna għad-ditti fil-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis

(41)

Id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B1398 tal-14 ta’ Settembru 1993 tipprovdi għall-istess miżuri u kondizzjonijiet għal għajnuna kif deskritti fil-premessa 37. Tipprovdi wkoll għall-għoti ta’ garanzija mill-Istat fuq il-kapital u l-imgħax tad-dejn ristrutturat ta’ ditti industrijali u tal-artiġjanat fil-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis, kif ukoll għall-kopertura mill-Istat tal-imgħax tal-arretrati applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1992 fir-rigward ta’ self mogħti għall-kapital li jdur jew ta’ investiment ta’ dawk id-ditti, fil-limiti baġitarji skont il-Liġi Nru 128/75.

(42)

Id-Deċiżjoni Nru 66336/B1398 tal-14 ta’ Settembru 1993 kienet emendata bid-Deċiżjonijiet Nru 30755/B1199 tal-21 ta’ Lulju 1994, Nru 60029/B1541 tat-23 ta’ Settembru 1994, Nru 72742/B1723 tat-8 ta’ Diċembru 1994, Nru 236/B22 tal-4 ta’ Jannar 1995, Nru 8014/B285 tat-28 ta’ Frar 1995, Nru 44678/B1145 tat-3 ta’ Lulju 1995, Nru 44446/B1613 tal-24 ta’ Diċembru 1996, Nru 40410/B1678 tad-9 ta’ Diċembru 1997, Nru 10995/B546 tal-24 ta’ Marzu 1999, Nru 12169/B736 tat-22 ta’ Marzu 2000 u Nru 35913/B2043 tal-24 ta’ Ottubru 2000. Dawn id-diversi Deċiżjonijiet jemendaw it-tul ta’ żmien tas-self, il-perjodi ta’ konċessjoni u t-tnaqqis fir-rata ta’ mgħax b’rabta mas-self ġdid, u jestendu wkoll il-perjodu li warajh pagamenti akkont pendenti jsiru pagabbli.

(43)

Id-ditti għandhom ikunu vijabbli wara r-ristrutturar (li jimplika li l-qagħda tagħhom kienet sa ċertu punt diffiċli); dan il-kriterju kien ivverifikat mill-banek.

Għajnuna li tikkonċerna lill-Prefetturi ta’ Rodopi, Evros, Xanthi u lil tad-Dodekaneżi, u lill-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios

(44)

Id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B.22/13.1.1994 tipprovdi kif ġej:

(a)

għal self ġdid ta’ kapital li jdur mogħti mill-1 ta’ April 1993 ’il quddiem lil ditti industrijali, tal-artiġjanat u tal-minjieri, lil ditti industrijali tal-bhejjem, ditti ta’ lukandi u ditti ta’ tbaħħir, stabbiliti irrispettivament mill-postijiet fejn ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali reġistrati tagħhom, fil-Prefetturi ta’ Xanthi, Rodopi u Evros, tnaqqis fl-imgħax ta’ 10 (għaxra) fil-mija iddebitat lill-kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75, sa rata ta’ 20 % tal-fatturat tad-ditta għas-sena ta’ qabel jew 50 % ta’ ordnijiet għas-sena kurrenti, fir-rigward ta’ mgħax skedat mill-1 ta’ April 1993 sal-31 ta’ Marzu 1996, b’garanzija mill-Istat sa ammont totali ta’ GRD 100 000 000 (EUR 293 470);

(b)

id-djun kollha, kemm jekk kienu dovuti jew le, fil-31 ta’ Diċembru 1993, li jirriżultaw minn self għal kapital li jdur u għal kapital fiss mogħti lil ditti industrijali, tal-artiġjanat u tal-minjieri, lil ditti industrijali tal-bhejjem, ditti ta’ lukandi u ditti ta’ tbaħħir fir-Reġjun ta’ Traċja jkunu kkonvertiti f’self ġdid, li jitħallas lura tul għaxar snin f’pagamenti totali ugwali kull sitt xhur (kapital flimkien ma’ mgħax), mill-kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75, b’garanzija mill-Istat;

(c)

inklużjoni fid-dejn ristrutturat ta’ mgħax għal arretrati dovuti fil-31 ta’ Diċembru 1992 fir-rigward ta’ self għal kapital fiss jew li jdur.

(45)

Id-ditti għandhom ikunu vijabbli wara r-ristrutturar (li jimplika li l-qagħda tagħhom kienet sa ċertu punt diffiċli); dan il-kriterju kien ivverifikat mill-banek.

(46)

Kienu saru għadd ta’ emendi għad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B.22/13.1.1994 permezz tad-Deċiżjonijiet Ministerjali li ġejjin: Nri. 14237/B.664/6.4.1994, 235/B.21/4.1.1995, 44678/B.1145/3.7.1995, 14946/B.566/30.4.1996, 44446/B.1613/24.12.1996, 32576/B.1282/9.10.1997 (13), 11362/B.472/7.4.1997, 40412/B.1677/9.12.1997 (14), 42998/B.2026/15.12.1998, 19954/B.957/7.6.1999, 10123/B.507/17.3.1999, 6244/B.270/18.2.2000 u 35913/B.2043/24.10.2000 (15). Dawn it-testi kollha jimmodulaw il-parametri tekniċi bħal tnaqqis ta’ mgħax, perjodi ta’ konċessjoni, tul ta’ żmien ta’ self u tul ta’ żmien ta’ perjodi li warajhom pagamenti akkont pendenti jsiru pagabbli.

(47)

Id-Deċiżjoni Nru 2003341/683/0025/17.2.94 tagħti garanzija mill-Istat għal self ta’ kapital li jdur mogħti mill-1 ta’ April 1993 ’il quddiem lil ditti industrijali, tal-artiġjanat u tal-minjieri, lil ditti industrijali tal-bhejjem, ditti ta’ lukandi u ditti ta’ tbaħħir stabbiliti, irrispettivament minn fejn il-kwartieri ġenerali reġistrati tagħhom ikunu jinsabu, fil-Prefetturi ta’ Xanthi, Rodopi u Evros, sa ammont totali ta’ GRD 100 000 000 (EUR 293 470) għal kull ditta, kif ukoll għal djun (kapital u mgħax) li jirriżulta mir-ristrutturar pendenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 ta’ djun li ġejjin minn self qadim mogħti skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Konġunta Nru 1648/G.G.54/B.22/13.1.94.

(48)

Kienu saru għadd ta’ emendi għad-Deċiżjoni Nru 2003341/683/0025/17.2.94 permezz tad-Deċiżjonijiet li ġejjin: Nru 2022973/3968/0025/18.5.94, 2043231/6673/0025/11.7.95, 2030175/4446/0025/10.6.1996, 2087184/49/0025/11.7.97, 2016123/2133/0025/6.3.1998, 2090373/11216/0025/1.6.98 (16), 2/21857/0025/7.10.1999, 2/14774/0025/31.5.2000, 2/82257/0025/18.12.2000, 2/7555/0025/25.5.2001, 2/61352/0025/31.1.2002 u 2/64046/0025/2003/28.1.2004. Dawn it-testi kollha jagħtu garanzija mill-Istat f’każ ta’ applikazzjoni tal-miżuri pprovduti mid-Deċiżjonijiet differenti li jemendaw id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B.22/13.1.1994 (ara l-premessa 46).

(49)

Dwar il-lista msemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025/18.12.2000 tistipula li, biex id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu applikabbli, id-ditti għandhom ikunu vijabbli għalkollox (u mhux wara r-ristrutturar, bħalma huwa l-każ fir-rigward tad-Deċiżjonijiet Ministerjali l-oħra msemmijin f’din id-Deċiżjoni), hekk kif dan jippresupponi n-nuqqas ta’ stat ta’ diffikultà.

(50)

Id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2041901/16.5.1989 tagħti tnaqqis f’imgħax ta’ tlieta fil-mija, iddebitati lill-kont konġunt stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75, għal bilanċi pendenti pagabbli fir-rigward ta’ self ta’ kapital li jdur mogħti mill-1 ta’ April 1989 ’il quddiem lil ditti kummerċjali u tal-artiġjanat bil-kwartieri ġenerali reġistrati tagħhom fil-Prefetturi ta’ Evros, Lesbos, Samos, Chios u f’tad-Dodekaneżi.

(51)

Id-Deċiżjoni Nru 2078809/10.10.89 tagħti tnaqqis fl-imgħax ta’ tlieta fil-mija, iddebitati lill-kont konġunt stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75, għal bilanċi pendenti pagabbli fir-rigward ta’ self ta’ kapital li jdur maħruġ mill-1 ta’ April 1989 ’il quddiem lil ditti kummerċjali u tal-artiġjanat bil-kwartieri ġenerali reġistrati tagħhom fil-Prefetturi ta’ Rodopi, Xanthi u Samos.

(52)

Id-Deċiżjonijiet Ministerjali Nru 9034/B.289/10.2.2003 u 37497/B.1232/2.6.2003 jestendu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet imsemmija fil-premessi 50 u 51 billi jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni u ċerti parametri tekniċi relatati mat-tnaqqis ta’ mgħax previst.

III.   RAĠUNIJIET BIEX JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI

(53)

Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha dubji mhux biss fir-rigward tan-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, iżda wkoll tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, li fl-opinjoni tal-Kummissjoni teżisti attwalment, mas-suq intern.

(a)    Ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-ewwel proċedura

(54)

L-ewwel proċedura nfetħet għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

meta ntalbu jagħtu spjegazzjonijiet b’rabta mal-għajnuna inkwistjoni, l-awtoritajiet Griegi qalu li d-Deċiżjonijiet Ministerjali li jikkostitwixxu l-bażi legali għall-miżuri ta’ għajnuna ma kinux innotifikati għaliex huma qiesu li l-għajnuna li kienu implimentaw ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE; qalu wkoll li, għalkemm ma kinux jafu bl-għadd eżatt ta’ benefiċjarji, l-ammonti tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni aktarx kienu skont ir-regola de minimis;

(b)

minħabba li r-regola de minimis ma kinitx tapplika għas-settur agrikolu fiż-żmien meta kienu ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, u li d-Deċiżjonijiet li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kienu maħsubin biex jassistu ditti li kellhom problemi ta’ likwidità, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna kellha tkun analizzata skont ir-regoli differenti applikabbli għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat kemm dawn ir-regoli kienu segwiti;

(c)

ukoll fir-rigward tas-settur agrikolu, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li jkun stabbilit jekk il-garanzija mill-Istat kinitx ingħatat skont id-diversi regoli li japplikaw għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq;

(d)

fis-setturi industrijali u tal-artiġjanat, ir-regola de minimis kienet, tabilħaqq, tapplika, iżda minħabba li l-awtoritajiet Griegi ma kinux jafu bl-għadd ta’ benefiċjarji tal-miżuri introdotti b’dawn id-Deċiżjonijiet Ministerjali, u minħabba li l-limiti massimi de minimis ta’ għajnuna jkunu kkalkulati għal perjodu ta’ tliet snin, mhux għal miżura ta’ darba, kien impossibbli jingħad jekk l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet inkwistjoni kinitx fil-fatt skont ir-regola de minimis; f’dan il-kuntest, il-miżuri ta’ għajnuna kellhom ukoll ikunu analizzati abbażi tar-regoli dwar is-salvataġġ u l-istrutturar ta’ ditti f’diffikultà li kienu japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet msemmijin; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat kemm dawn ir-regoli kienu segwiti;

(e)

fir-rigward ta’ dawn is-setturi, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li jkun stabbilit jekk il-garanzija mill-Istat kinitx ingħatat skont ir-regoli differenti li japplikaw għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji li japplikaw mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq.

(b)    Ġustifikazzjoni għall-ftuħ tat-tieni proċedura

(55)

It-tieni proċedura nfetħet għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

meta ntalbu jagħtu spjegazzjonijiet b’rabta mal-għajnuna inkwistjoni, l-awtoritajiet Griegi qalu li, għalkemm ma kinux jafu bl-għadd eżatt ta’ benefiċjarji, l-ammonti ta’ għajnuna inkwistjoni probabbilment kien skont ir-regola de minimis; iżda, apparti ċertament mill-fatt li r-regola de minimis ma kinitx tapplika għas-settur agrikolu sal-1 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ma kellha ebda dejta li kienet tippermettilha taċċerta kemm l-ammonti li kienu ħadu ditti agrikoli fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B.1398 setgħu kienu skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (17), li introduċa regola de minimis għas-settur agrikolu;

(b)

minħabba li dawn id-Deċiżjonijiet kienu maħsubin biex jassistu ditti f’diffikultà, l-għajnuna kellha tkun analizzata skont id-diversi regoli applikabbli għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà sa mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, jiġifieri, sa mill-21 ta’ Settembru 1993; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li jkun stabbilit sa liema livell dawn ir-regoli ġew segwiti;

(c)

ukoll fir-rigward tas-settur agrikolu, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun stabbilit jekk il-garanzija mill-Istat kinitx ingħatat skont id-diversi regoli li japplikaw għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji mill-21 ta’ Settembru 1993;

(d)

fis-setturi industrijali u tal-artiġjanat, ir-regola de minimis kienet, naturalment, tapplika, iżda minħabba li l-awtoritajiet Griegi ma kinux jafu bl-għadd ta’ benefiċjarji tal-miżuri introdotti b’dawn id-Deċiżjonijiet, u minħabba li l-limiti massimi ta’ għajnuna jkunu kkalkulati għal perjodu ta’ tliet snin, mhux għal miżura ta’ darba, kien impossibbli li jingħad jekk l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet inkwistjoni kinitx fil-fatt skont ir-regola de minimis; f’dan il-kuntest, il-miżuri ta’ għajnuna kellhom ukoll ikunu analizzati abbażi tar-regoli dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà li kienu japplikaw sa mill-21 ta’ Settembru 1993; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat sa liema livell dawn ir-regoli ġew segwiti;

(e)

f’dawn is-setturi, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun stabbilit jekk il-garanzija mill-Istat kinitx ingħatat skont id-diversi regoli li japplikaw għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji mill-21 ta’ Settembru 1993.

(c)    Ġustifikazzjoni għall-ftuħ tat-tielet proċedura

(56)

It-tielet proċedura nfetħet għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

bħal fil-każ tal-ftuħ tal-ewwel u tat-tieni proċeduri, fl-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Griegi indikaw li l-ammonti inkwistjoni aktarx kienu skont ir-regola de minimis; iżda, apparti ċertament mill-fatt li r-regola de minimis ma kinitx tapplika għas-settur agrikolu sal-1 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ma kellha ebda dejta li kienet tippermettilha taċċerta sa liema livell dawk l-ammonti li kienu ħadu ditti agrikoli fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħu kienu skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004;

(b)

minħabba li dawn id-Deċiżjonijiet Ministerjali kienu maħsubin biex jassistu ditti f’diffikultà, l-għajnuna kellha tkun analizzata skont id-diversi regoli applikabbli għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà sa mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun stabbilit sa liema livell dawn ir-regoli ġew segwiti;

(c)

fis-setturi tal-industrija, tal-lukandi u artiġjanat, ir-regola de minimis kienet, naturalment, tapplika, iżda minħabba li l-awtoritajiet Griegi ma indikawx l-għadd ta’ benefiċjarji tal-għajnuna u minħabba li l-limiti massimi de minimis ta’ għajnuna jkunu kkalkulati għal perjodu ta’ tliet snin, mhux għal miżura ta’ darba, kien impossibbli jingħad jekk l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet inkwistjoni kinitx fil-fatt skont ir-regola de minimis; f’dan il-kuntest, il-miżuri ta’ għajnuna kellhom ukoll ikunu analizzati abbażi tar-regoli dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà li kienu japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet msemmijin; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat sa liema livell dawn ir-regoli ġew segwiti;

(d)

fis-setturi tal-faħam u tat-tbaħħir, ir-regola de minimis kienet tapplika biss sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis  (18); iżda għar-raġunijiet mogħtija fil-punt c), il-miżuri ta’ għajnuna kellhom ukoll ikunu analizzati abbażi tad-diversi regoli applikabbli għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat sa liema livell dawn ir-regoli ġew segwiti;

(e)

fis-settur tat-trasport marittimu, ma kinitx tapplika regola de minimis; il-miżuri ta’ għajnuna, għalhekk, kellhom ikunu analizzati abbażi tar-regoli li kienu japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà; iżda l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tagħmilha possibbli li jkun aċċertat sa liema livell dawn ir-regoli kienu qed jiġu segwiti;

(f)

l-informazzjoni disponibbli ma kienet tagħmilha possibbli li jkun stabbilit jekk il-garanzija mill-Istat kinitx ingħatat skont id-diversi regoli li kienu japplikaw sa minn meta l-ewwel waħda mid-Deċiżjonijiet imsemmijin hawn fuq daħlet fis-seħħ għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji fl-ebda wieħed minn dawn is-setturi;

(g)

id-Deċiżjoni Nru 2041901/16.5.1989 u dawk imsemmijin fil-premessi 51 u 52 hawn fuq kienu jipprovdu għal għajnuna fi Prefetturi minbarra dawk ta’ Rodopi, Evros u Xanthi, u ma kienx possibbli li jkun aċċertat jekk is-sistema ta’ għajnuna li introduċew kinitx estensjoni ta’ dik applikata fit-tliet Prefetturi msemmijin hawn fuq jew kinitx sistema separata; kien x’kien il-każ, ma kienx possibbli jkun aċċertat, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jekk kinux segwiti r-regoli dwar għajnuna mill-Istat (regoli dwar għajnuna reġjonali jew ir-regola de minimis);

(h)

kieku d-Deċiżjonijiet Ministerjali msemmija fil-punt (g) kienu jikkostitwixxu estensjoni tas-sistema ta’ għajnuna applikata fil-Prefetturi ta’ Rodopi, Xanthi u Evros, ma kienx ikun possibbli li jkun stabbilit jekk il-miżuri ppjanati ta’ għajnuna setgħux kienu skont ir-regola de minimis jew jistgħux jitqiesu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà;

(i)

kieku d-Deċiżjonijiet Ministerjali msemmija fil-punt (g) kienu jikkostitwixxu sistema indipendenti ta’ għajnuna, kien ikun meħtieġ, fin-nuqqas ta’ dettalji f’dan ir-rigward fid-dispożizzjonijiet tagħhom, li tkun eżaminata l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tagħha għal ditti b’saħħithom u għal ditti f’diffikultà; ir-riżultat tal-analiżi kienu l-konklużjonijiet li ġejjin:

(i)

għal ditti f’diffikultà, ma kienx ikun possibbli li jkun stabbilit jekk il-miżuri ppjanati ta’ għajnuna setgħux kienu skont ir-regola de minimis jew jitqiesu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà;

(ii)

għal ditti b’saħħithom, ma kienx ikun possibbli li jkun stabbilit jekk il-kapital li jdur, magħmul minn self flimkien mal-għoti ta’ tnaqqis f’imgħax, kienx serva biex ikunu ffinanzjati investimenti eliġibbli skont it-tifsira ta’ Regoli tal-Unjoni dwar għajnuna reġjonali.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET GRIEGI DWAR IL-FTUĦ FORMALI TAL-PROĊEDURA

(a)    Osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi dwar il-ftuħ tal-ewwel proċedura

(57)

Fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004, l-awtoritajiet Griegi għamlu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konsolidazzjoni tas-self hija strument amministrattiv li ma jġibx miegħu spejjeż kbar għall-awtoritajiet pubbliċi;

(b)

il-kalkolu ta’ mgħax għal kull perjodu ta’ sitt xhur diġà kien aċċettat fil-każistika tal-Qorti Suprema nazzjonali, li ddikjarat li l-kapitalizzazzjoni trimestrali kienet illegali u abbużiva, u kienet il-ħtija ta’ impożizzjoni ta’ piż eċċessiv fuq debituri;

(c)

l-għoti tal-garanzija mill-Istat ma jistax jitqies bħala għajnuna minħabba li l-użu tagħha jiddependi minn miżuri partikolarment ibsin għad-debitur prinċipali;

(d)

matul il-perjodu ta’ referenza, ir-rati ta’ mgħax fil-Greċja kienu ħafna aktar għoljin mir-rati medji fil-bqija tal-Unjoni u baqgħu hekk minkejja t-tnaqqis; għalhekk, ma kienx hemm tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, xejn anqas minħabba li ditti benefiċjarji kellhom ikunu vijabbli; barra dan, it-tnaqqis kien iffinanzjat minn kont speċjali, separat mill-baġit tal-Istat;

(e)

l-għoti ta’ perjodi ta’ konċessjoni ma jistax jitqies bħala miżura ta’ għajnuna, minħabba li d-dejn u l-imgħax jibqgħu: dan jikkostitwixxi biss ristrutturar ta’ ħlas lura maż-żmien, ġustifikat minħabba l-qagħda ekonomika;

(f)

id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 72742/B1723 (ara l-premessa 42 hawn fuq) ma ġabitx magħha spejjeż addizzjonali b’rabta ma’ dawk introdotti bid-Deċiżjoni oriġinali li tikkostitwixxi l-bażi tal-iskema inkwistjoni;

(g)

ir-rilaxx ta’ titoli ta’ sigurtà permezz tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2071670/11297 ma jistax jitqies miżura ta’ għajnuna fir-rigward ta’ ditti, minħabba li huma adattati għal-livell tas-self ristrutturat; barra dan, il-garanzija mill-Istat Grieg ma tkoprix it-tipi kollha ta’ ħlasijiet imposti fuq selliefa mill-banek;

(h)

id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1451 u l-emendi għaliha kienu jikkonċernaw ditti ta’ proċessar inġenerali u ma kinux jirreferu speċifikament għal ditti ta’ proċessar fis-settur agrikolu, li kienu koperti mir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 866/90 tad-29 ta’ Marzu 1990 dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-ipproċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli (19), (KE) Nru 951/97 tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli (20) u (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) (21); dawn ir-Regolamenti kienu applikati permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali skont it-tieni u t-tielet Oqfsa ta’ Sostenn Komunitarji; ditti li kienu għamlu investimenti u ħadu għajnuna mill-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel għal dan il-għan ma kinux eliġibbli għal ristrutturar ta’ dejn, minħabba li dan ma kienx imsemmi; ir-regola de minimis lanqas ma kienet applikata minħabba li, biex jiksbu sussidju, operaturi kien meħtieġ li jkunu wettqu x-xogħol u ħallsu l-ispiża;

(i)

ir-referenza għar-regola de minimis serviet esklussivament biex turi l-fatt li kważi l-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija kienu taħt il-limitu massimu de minimis, mingħajr referenza speċifika għas-settur agrikolu;

(j)

il-kriterju ta’ “vijabbiltà wara ristrutturar” m’għandux rilevanza għall-valutazzjoni globali tal-vijabbiltà tad-ditta mħejjija mill-korp ta’ kreditu, minħabba li l-eliġibbiltà għar-ristrutturar tkun determinata minnufih wara l-istudju dwar il-vijabbiltà;

(k)

ir-ristrutturar kien jikkonċerna self antik u ma kienx jikkostitwixxi finanzjament għal investimenti ġodda;

(l)

fir-rigward tal-għotja kumplessiva ekwivalenti għar-ristrutturar, il-maġġoranza vasta tal-miżuri ta’ għajnuna kienet tikkostitwixxi ammonti żgħar, iż-żoni li għalihom kienu maħsubin il-miżuri (Kastoria u Evia) ilkoll kienu żoni żvantaġġati skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 75/268/KEE tat-28 ta’ April 1975 dwar l-agrikoltura fuq l-għoljiet u fuq il-muntanji f’ċerti żoni żvantaġġati (22), u l-pajjiż kollu kemm hu jkun jaqa’ taħt Objettiv 1;

(m)

ir-rata ta’ mgħax applikata għal self ġdid kienet dik li kienet tapplika għall-ħruġ l-aktar reċenti ta’ bonds tat-Teżor Grieg; it-tnaqqis ma jikkonċernax it-tul kollu ta’ żmien tas-self ristrutturat, iżda biss l-ewwel snin kritiċi; id-differenza bejn ir-rati ma kinitx għolja ħafna (minn 1 sa 2 punti);

(n)

l-iskema kienet teżisti bejn it-30 ta’ Ġunju 1993 u t-30 ta’ Ġunju 2003.

(b)    Osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi dwar il-ftuħ tat-tieni proċedura

(58)

B’ittra tat-18 ta’ Awwissu 2005, l-awtoritajiet Griegi ressqu l-argumenti li ġejjin, li kważi kollha kienu diġà ppreżentati fit-tweġiba tagħhom għall-ewwel ftuħ tal-proċedura (ara l-premessa ta’ qabel din):

(a)

il-konsolidazzjoni tas-self hija strument amministrattiv li ma tirriżultax fi spejjeż kbar għall-awtoritajiet pubbliċi (l-awtoritajiet hawnhekk iżidu jgħidu li l-intenzjoni għal dan l-istrument mhix l-għoti selettiv ta’ għajnuna);

(b)

il-kalkolu ta’ mgħax għal kull perjodu ta’ sitt xhur diġà kien aċċettat fil-każistika tal-Qorti Suprema nazzjonali, li ddikjarat li kapitalizzazzjoni trimestrali kienet illegali u abbużiva, u li dan wassal għall-impożizzjoni ta’ piż eċċessiv fuq debituri;

(c)

matul il-perjodu ta’ referenza, ir-rati ta’ mgħax fil-Greċja kienu ħafna aktar għoljin milli fil-bqija tal-Unjoni u baqgħu hekk minkejja t-tnaqqis applikat;

(d)

l-għoti tal-garanzija mill-Istat ma jistax jitqies bħala għajnuna minħabba li, anki jekk jintuża, ikun jiddependi minn kondizzjonijiet partikolarment ibsin għad-debitur prinċipali;

(e)

l-imgħax għal arretrati u t-tnaqqis fir-rata ta’ mgħax kienu ffinanzjati minn kont speċjali (kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75), separat mill-baġit tal-Istat;

(f)

l-għoti ta’ perjodi ta’ konċessjoni ma jistax jitqies bħala miżura ta’ għajnuna, minħabba li d-dejn u l-imgħax jibqgħu: dan jikkostitwixxi biss ristrutturar ta’ ħlas lura maż-żmien, ġustifikat minħabba l-qagħda ekonomika;

(g)

id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Ministerjali 66336/B.1398/1993 u l-emendi għaliha taw lok għall-possibbiltà ta’ għajnuna għal ditti stabbiliti fil-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis mingħajr spejjeż kbar għall-awtoritajiet pubbliċi u bil-kondizzjoni li d-ditti inkwistjoni kienu meqjusin vijabbli; għalhekk ma kinux jgħawġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE; barra dan, ta’ min ifakkar li l-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis jaqsmu fruntieri mal-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li, matul il-perjodu ta’ referenza (snin disgħin), batew ħafna minħabba l-gwerra u l-instabbiltà fir-reġjun;

(h)

fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq tirreferi għal ditti industrijali u tal-artiġjanat; skont l-awtoritajiet Griegi, ebda ditta agrikola ma kellha x’taqsam ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(c)    Osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi dwar il-ftuħ tat-tielet proċedura

(59)

B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew l-argumenti li ġejjin:

(a)

il-Prefetturi li kienu kkonċernati mid-Deċiżjonijiet inkwistjoni kienu għaddejjin minn qagħda ekonomika diffiċli karatterizzata minn livelli baxxi ta’ attività ekonomika u b’rata ogħla ta’ qgħad milli mill-bqija tal-pajjiż; din il-qagħda kienet aggravata mill-istat ta’ gwerra f’pajjiżi ġirien (pereżempju l-Kosovo); il-kompetizzjoni ma setgħetx, għalhekk, titgħawweġ u l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija fl-għamla ta’ ristrutturar u tnaqqis ta’ dejn setgħu, għalhekk, jibbenefikaw mid-deroga msemmija fl-Artikolu 87(3)(a) u (c) tat-Trattat tal-KE;

(b)

il-miżuri ta’ għajnuna kienu mmirati lejn is-soluzzjoni ta’ problemi bħal nuqqas ta’ dinamiżmu tas-swieq lokali, suq tax-xogħol li qiegħed jiċkien u n-nuqqas ta’ domanda, kif ukoll żvilupp ekonomiku fit-tul;

(c)

fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet tal-kummerċ Komunitarju setgħu jitgħawġu minħabba l-livell għoli ta’ kompetizzjoni fis-settur agrikolu, id-Deċiżjoni 1648/B22/13.1.1994 biss, fost dawk kollha eżaminati, tikkonċerna ditti industrijali tal-bhejjem; barra dan, tul il-perjodu 1995-2004, il-produzzjoni tal-laħam fil-Prefetturi ta’ Evros, Rodopi u Xanthi kienet responsabbli biss għal proporzjon żgħir ta’ produzzjoni agrikola fil-Prefetturi inkwistjoni, u għalkemm il-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dawn il-Prefetturi tela’ tul dak il-perjodu (kemm f’termini assoluti u per capita), huwa sew taħt il-medja nazzjonali;

(d)

id-Deċiżjonijiet Ministerjali Nru 2041901/16.5.1989 u 2078809/1989, li jipprovdu għal tnaqqis ta’ mgħax fir-rigward ta’ self ta’ kapital li jdur għal ditti fil-Prefetturi ta’ Lesbos, Samos, Chios u f’tad-Dodekaneżi, jistipulaw ukoll li d-ditti għandhom ikunu vijabbli qabel u wara r-ristrutturar tad-djun tagħhom;

(e)

l-awtoritajiet kompetenti fil-Greċja ntalbu jiġbru dejta dwar il-benefiċjarji u l-għajnuna li fil-fatt ingħataw, iżda qalu li ma setgħux jagħmlu dan;

(f)

it-tnaqqis fir-rata ta’ mgħax kien iffinanzjat minn kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75 li ma jikkostitwix riżorsa tal-Istat, minħabba li huwa kont maħsub primarjament għat-tqassim mill-ġdid ta’ fondi.

(d)    Ittri mingħand l-awtoritajiet Griegi tal-15 u tad-29 ta’ Marzu 2011

(60)

B’ittri tal-15 u tad-29 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet Griegi l-ewwel indikaw id-dati ta’ skadenza għad-Deċiżjonijiet Ministerjali inizjali li jirregolaw l-iskemi inkwistjoni. Id-dati huma dawn li ġejjin:

(a)

it-30 ta’ Ġunju 2003 għad-Deċiżjoni Nru 69836/B1461 (il-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia);

(b)

it-30 ta’ Ġunju 2000 għad-Deċiżjoni Nru 66336/B/398/14-9-1993 (il-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis);

(c)

il-31 ta’ Diċembru 2005 għad-Deċiżjoni Nru 1648/B.22/13.1.94 (il-Prefetturi ta’ Xanthi, Rodopi u Evros);

(d)

il-31 ta’ Diċembru 2004 għad-Deċiżjoni Nru 2041901/16-5-1989 (il-Prefetturi ta’ Rodopi, Evros, Xanthi u tad-Dodekaneżi; il-gżejjer Lesbos, Samos u Chios).

(61)

L-awtoritajiet Griegi mbagħad indikaw li l-kriterju dwar il-vijabbiltà tad-ditti wara r-ristrutturar ma kienx jikkostitwixxi l-uniku fattur ikkunsidrat; anzi kien hemm valutazzjoni kumplessiva tal-vijabbiltà tad-ditti qabel u wara r-ristrutturar.

(62)

L-ittri fihom ukoll tabelli li jindikaw l-ekwivalenti ta’ għotja tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni li kull ditta benefiċjarja kienet ħadet, bil-għan li jintwera l-perċentwali ta’ ditti li għalihom il-miżuri ta’ għajnuna setgħu jkunu skont skema de minimis. L-awtoritajiet Griegi indikaw, iżda, li fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjonijiet Ministerjali 2041901/16-5-1989 (il-Prefetturi ta’ Xanthi, Rodopi u Evros, Samos, Lesbos, Chios u tad-Dodekaneżi) u 1648/B.22/13.1.94 (Xanthi, Rodopi u Evros), id-dejta li setgħet tinkiseb kienet marbuta biss mal-perjodu 2004-07. Id-dejta mogħtija fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1461 (il-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia) kienet marbuta mal-perjodu 1993-1998, u fir-rigward ta’ dik mogħtija skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B/398/14-9-1993 (il-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis) din kienet b’rabta mal-perjodu 1993-2001. Din id-dejta ntalbet mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li xi wħud minnhom ma weġbux. L-awtoritajiet Griegi jqisu, iżda, li d-dejta miġbura hija qrib l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija, minħabba li l-banek li fil-fatt wieġbu huma dawk li l-aktar isellfu lill-Prefetturi inkwistjoni. Skont l-awtoritajiet Griegi, analiżi tad-dejta turi li l-għajnuna inkwistjoni taqa’ taħt il-limitu massimu de minimis fi 73,55 % sa 99,46 % tal-każijiet, skont il-perjodu ta’ tliet snin u d-Deċiżjoni kkunsidrata.

(63)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Griegi jgħidu li ditti ta’ produzzjoni, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ma kinux eliġibbli għall-għajnuna u li l-espressjoni “ditti tal-minjieri” fil-fatt tindika ditti ta’ estrazzjoni ta’ ġebel u rħam.

V.   EVALWAZZJONI

V.I.   EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA

(64)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal tgħawwiġ jew theddida ta’ tgħawwiġ għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. F’termini assoluti, il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni jaqblu ma’ din id-definizzjoni fis-sens li jingħataw mill-Istat jew permezz ta’ riżorsa tal-Istat, ikunu maħsubin għal ċerti ditti (ditti fis-setturi tal-agrikoltura, artiġjanat, industrija, lukandi, estrazzjoni — ara l-premessa 63 — u tbaħħir fil-Prefetturi msemmija hawn fuq) u jiffavorixxu lil dawk id-ditti permezz ta’ miżuri bħal ristrutturar tas-self tagħhom, tnaqqis tal-ammont ta’ pagamenti akkont bl-estensjoni tal-perjodu għall-ħlas lura, tnaqqis fir-rata ta’ mgħax u l-għoti ta’ garanziji, u jistgħu jaffettwaw il-kummerċ (23) u jgħawġu l-kompetizzjoni (24).

(65)

L-awtoritajiet Griegi fittxew li juru li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni setgħu jkunu skont skema de minimis u, għalhekk, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Iżda, apparti ċertament mill-fatt li r-regola de minimis ma kinitx tapplika fis-setturi kollha konċernati tul il-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjonijiet Ministerjali li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskemi inkwistjoni (din kienet tabilħaqq waħda mir-raġunijiet għall-ftuħ tal-proċeduri inkwistjoni), id-dejta mhix kompleta, kif rikonoxxut mill-awtoritajiet Griegi nfushom (ara l-premessa 62). Barra dan, l-ammonti ta’ għajnuna de minimis ivarjaw fost is-setturi (mhumiex l-istess fis-setturi industrijali u agrikoli) u t-tabelli pprovduti jissuġġerixxu li l-awtoritajiet Griegi ma kinux konxji biżżejjed ta’ din id-differenza. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, minkejja l-pretensjonijiet tal-awtoritajiet Griegi li ditti ta’ produzzjoni agrikola, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni ma kinux eliġibbli għall-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, it-tabelli msemmija hawn fuq juru b’mod ċar li xi ditti f’dawk is-setturi fil-fatt kienu ħadu għajnuna meqjusa li hija skont skema de minimis anki jekk huma kienu qabżu b’mod ċar il-limitu massimu permissibbli.

(66)

Il-Kummissjoni tfakkar li kull għajnuna partikolari mogħtija skont skema ta’ għajnuna fiż-żmien li tkun ingħatat kienet tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’regolament de minimis applikabbli titqies li ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(67)

Meta l-awtoritajiet Griegi l-ewwel taw il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni fis-settur agrikolu, ma kienet teżisti ebda dispożizzjoni tal-Unjoni dwar għajnuna de minimis.

(68)

L-ewwel dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward kienu dawk tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (25).

(69)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004, li huwa marbut kemm ma’ produzzjoni primarja kif ukoll mal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, għajnuna li ma taqbiżx limitu massimu ta’ EUR 3 000 għal kull benefiċjarju tul kull perjodu ta’ tliet snin ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tgħawwiġx jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u, għalhekk, mhix skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(70)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004, l-istess japplika fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament, soġġett għall-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 3 tiegħu.

(71)

Fl-1 ta’ Jannar 2008, ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kien sostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnunietde minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (26), li jgħolli l-ammont ta’ għajnuna de minimis għal EUR 7 500 għal kull benefiċjarju tul perjodu ta’ tliet snin fiskali, irrispettivament mill-għamla tal-għajnuna jew mill-objettiv segwit, fil-limiti tal-ammont massimu għal kull Stat Membru li jaqbel ma’ 0,75 % ta’ output annwali.

(72)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007 jistipula li “Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuniet konċessi qabel l-1 ta’ Jannar 2008 lill-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, bil-kundizzjoni li l-imsemmija għajnuniet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 sa 4, ħlief għar-rekwiżit ta’ referenza espliċita għal dan ir-Regolament, imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)”. Iżda r-Regolament japplika biss għal produzzjoni agrikola primarja.

(73)

Fir-rigward tal-ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, ir-regola de minimis applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 hija stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis  (27).

(74)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 jistabbilixxi l-ammont ta’ EUR 200 000 għal kull benefiċjarju tul perjodu ta’ tliet snin fiskali bħala l-ogħla ammont ta’ għajnuna li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tgħawwiġx jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u, għalhekk, mhijiex skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(75)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 jistipula li “Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat għal għajnuna mogħtija qabel ma ġiet implimentata għall-intrapriżi attivi fil-qasam tat-trasport u intrapriżi attivi fl-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli jekk l-għajnuna tikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikoli 1 u 2….”.

(76)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tqisx għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjonijiet Ministerjali analizzata bħala għajnuna mill-Istat jekk ma taqbiżx il-livelli li ġejjin għal kull benefiċjarju:

(a)

fil-każ ta’ produzzjoni agrikola primarja: EUR 3 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004, jew EUR 7 500 għal kull perjodu ta’ tliet snin fiskali jekk, fiż-żmien tal-għoti, kienet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007,

(b)

fil-każ tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli: EUR 3 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004, jew EUR 200 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin fiskali jekk, fiż-żmien tal-għoti, kienet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006.

(77)

Il-Kummissjoni tfakkar, iżda, li ditti f’diffikultà mhumiex eliġibbli għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1998/2006 u (KE) Nru 1535/2007.

(78)

F’setturi li mhumiex dak agrikolu (jiġifieri f’dan il-każ is-setturi differenti msemmija f’din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tas-settur tat-tbaħħir, li għandu jkun indirizzat fil-premessi 80 u 81 hawn taħt (28)), ir-regola de minimis stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 1992 — linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u medji (29) (minn hawn ’il quddiem imsejħa, “il-Linji gwida tal-1992”) kienet applikabbli fiż-żmien meta kienu ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-Komunikazzjoni kienet tistipula li “pagamenti ta’ darba ta’ għajnuna ta’ mhux aktar minn ECU 50 000, fir-rigward ta’ nfiq u skemi li skonthom l-ammont ta’ għajnuna li ditta partikolari kienet tista’ tirċievi fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ nfiq tul perjodu ta’ tliet snin kien limitat sa dik il-figura, ma kellhomx jibqgħu jitqiesu aktar notifikabbli skont l-Artikolu 93(3) [tat-Trattat tal-KE] (30), sakemm din tkun kondizzjoni espressa tal-għotja jew skema li kull għajnuna addizzjonali li l-istess ditta tkun tista’ tirċievi fir-rigward tal-istess tip ta’ nfiq minn sorsi oħra skont skemi oħra ma twassalx biex it-total ta’ għajnuna li d-ditta tirċievi jkun aktar mil-limitu ta’ ECU 50 000.” Din ir-regola kienet sussegwentement emendata fl-avviż tal-Kummissjoni tal-1996 dwar ir-regola de minimis għal għajnuna mill-Istat (31) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Avviż tal-1996”), li ffissal-ammont ta’ għajnuna de minimis f’ECU 100 000 għall-istess perjodu, u għal wara fir-Regolament (KE) Nru 69/2001, li ffissal-ammont f’EUR 100 000 għall-istess perjodu.

(79)

Minħabba d-dati ta’ skadenza għall-iskemi analizzati (l-aħħar waħda kienet il-31 ta’ Diċembru 2005) u l-applikabbiltà mhux retroattiva tar-regolamenti fir-rigward tas-setturi msemmijin fil-premessa 78, il-Kummissjoni ma tqisx bħala għajnuna mill-Istat l-għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjonijiet analizzati li ma tkunx taqbeż l-ammonti li ġejjin għal kull benefiċjarju:

(a)

ECU 50 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin bejn id-19 ta’ Awwissu 1992 u l-5 ta’ Marzu 1996, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-1992;

(b)

ECU/EUR 100 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin bejn is-6 ta’ Marzu 1996 u l-1 ta’ Frar 2001, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Avviż tal-1996;

(c)

EUR 100 000 għal kull perjodu ta’ tliet snin bejn it-2 ta’ Frar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2005, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 69/2001.

(80)

Fl-aħħar nett, fis-settur tal-industrija navali, ir-regola de minimis kienet applikabbli biss sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 69/2001.

(81)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tqisx bħala għajnuna mill-Istat għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjonijiet Ministerjali analizzati li ma taqbiżx l-ammont ta’ EUR 100 000 għal kull benefiċjarju u għal kull perjodu ta’ tliet snin tul il-perjodu ta’ żmien mit-2 ta’ Frar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2007, jekk, fiż-żmien tal-għoti, l-għajnuna kienet skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 69/2001.

(82)

L-argumenti l-oħra mressqin mill-awtoritajiet Griegi bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat ma jistgħux ikunu aċċettati mill-Kummissjoni għar-raġunijiet li ġejjin, validi f’kull każ li fih issemmew dawk l-argumenti:

(a)

permezz tal-pretensjoni tagħhom li l-konsolidazzjoni tad-dejn ma ġġibx magħha spejjeż kbar għall-awtoritajiet pubbliċi (ara b’mod partikolari l-premessi 57(a) u 58(a)), l-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxu li l-operazzjoni timponi spiża fuq l-Istat, jew fi kliem ieħor, tuża riżorsi tal-Istat;

(b)

sakemm daħal fis-seħħ l-Avviż dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji (32) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Avviż tal-2000”), il-garanziji kollha kienu jitqiesu bħala li jinkludu element ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-premessa 105(a)); l-Avviż tal-2000 jgħid li garanzija tista’ titqies li ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fejn il-benefiċjarji ma jkunux issellfu f’diffikultà finanzjarja u jkunu jistgħu fil-prinċipju jiksbu self b’kondizzjonijiet tas-suq mis-swieq finanzjarji mingħajr ebda intervent mill-Istat, il-garanzija tkun marbuta ma’ operazzjoni finanzjarja speċifika, tkun għal ammont massimu fiss, ma tkunx tkopri aktar minn 80 % tas-self pendenti jew ma tkunx obbligu finanzjarju ieħor (ħlief għal bonds u strumenti simili) u ma tkunx mingħajr limiti, it-termini tal-iskema jkunu bbażati fuq valutazzjoni realistika tar-riskju biex il-primjums imħallsin mill-impriżi benefiċjarji, wisq probabbli, jagħmluha awtofinanzjata, l-iskema tipprovdi t-termini li skonthom jingħataw garanziji għall-ġejjieni u l-finanzjament globali tal-iskema jkun irrivedut mill-anqas darba fis-sena, u l-primjums ikunu jkopru kemm ir-riskji normali assoċjati mal-għoti tal-garanzija kif ukoll mal-ispejjeż amministrattivi tal-iskema, inkluż, fejn l-Istat jipprovdi l-kapital inizjali għall-bidu tal-iskema, qligħ normali fuq dak il-kapital; iżda ma ntbagħtet ebda dokumentazzjoni mill-awtoritajiet Griegi li turi l-applikabbiltà ta’ dan ix-xenarju f’dan il-każ;

(c)

fir-rigward tal-kompetizzjoni, l-għoti ta’ perjodi ta’ konċessjoni (ara l-premessi 57(e) u 58(f)) ma jikkostitwix sempliċiment ristrutturar ta’ ħlas lura maż-żmien, minħabba li jnaqqas il-piż tal-ħlas lura fi żmien speċifiku u, għalhekk, jagħti serħan finanzjarju temporanju għall-benefiċjarju;

(d)

anki jekk, kif jiddikjaraw l-awtoritajiet Griegi, il-kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75 użat biex jiffinanzja tnaqqis fir-rata ta’ mgħax (ara l-premessi 57(d), 58(e) u 59(f)) ma jagħmilx parti mill-baġit tal-Istat Grieg, huwa madankollu jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat (33);

(e)

l-għoti ta’ tnaqqis fir-rata ta’ mgħax fir-rigward ta’ self jagħti vantaġġ lid-ditti benefiċjarji, ukoll jekk rati ta’ mgħax ikunu għolja fil-pajjiż inkwistjoni;

(f)

ir-rilaxx ta’ titoli ta’ sigurtà pprovdut biex tinkiseb il-garanzija (ara l-premessa 57(g)), waqt li jista’ ma’ jinvolvi ebda nfiq dirett mill-Istat Grieg skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2071670/11297, huwa magħmul minn element ta’ għajnuna minħabba li, meta jagħti din il-possibbiltà, l-Istat mhux biss joffri l-opportunità lil ditti benefiċjarji biex dawn jiksbu kapital, iżda jirrinunzja wkoll waħda mill-prerekwiżiti għall-kisba tal-garanzija tiegħu;

(g)

il-fatt li rati ta’ mgħax kienu għoljin fil-Greċja (ara l-premessa 57(d)) ma jimplikax in-nuqqas ta’ għajnuna, jiġifieri li, irrispettivament mill-kuntest ekonomiku li fih ir-ristrutturar bi tnaqqis ikun twettaq, l-għoti tal-għajnuna fiha nfisha kellu l-effett li jserraħ lill-benefiċjarji minn piż li normalment kien ikollhom jerfgħu fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

(83)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tista’ biss tikkonkludi li miżuri ta’ għajnuna li ma jkunux skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prerekwiżiti għall-għoti ta’ għajnuna de minimis iddefiniti fil-premessi 68 sa 81, u konformi miegħu, ikunu tabilħaqq skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

V.II.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

(84)

Iżda fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat, ċerti tipi ta’ għajnuna jistgħu, permezz ta’ deroga, jitqiesu kompatibbli mas-suq intern.

(85)

Fil-każ li qed ikun ikkunsidrat, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ kull proċedura miftuħa, liema eżenzjoni tista’ tapplika f’kull wieħed mis-setturi konċernati (waqt li jkunu divrenzjati s-setturi agrikoli u setturi oħra).

V.II.1   GĦAJNUNA LILL-PREFETTURI TA’ KASTORIA U EVIA, INDIRIZZATA META NFETĦET L-EWWEL PROĊEDURA

(a)    Is-settur agrikolu

(86)

Minħabba n-natura tal-għajnuna mogħtija, l-unika eżenzjoni li wieħed jista’ joqgħod fuqha biex tintwera l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern hija dik imsemmija fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat li skontha għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, fejn għajnuna bħal din ma tolqotx ħażin kondizzjonijiet ta’ kummerċ tant li tmur kontra l-interess komuni, tista’ titqies li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

(87)

Minħabba li l-għajnuna inkwistjoni hija għajnuna mhux notifikata, biex din l-eżenzjoni tapplika huwa essenzjali li l-għajnuna tkun konformi mar-regoli li kien hemm dwar għajnuna mill-Istat fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna. Skont informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi, l-iskema inkwistjoni kienet topera mit-30 ta’ Ġunju 1993 sat-30 ta’ Ġunju 2003. Il-kompatibbiltà tal-iskema inkwistjoni mas-suq intern għandha, għalhekk, se tkun eżaminata skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat applikabbli matul dan il-perjodu.

(88)

Waħda mir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lsabiex tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat hija li dik li jidher li l-għajnuna kienet maħsuba għal ditti f’diffikultà. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi indikaw fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 li l-kriterju ta’ “vijabbiltà wara ristrutturar” ma kellu assolutament l-ebda effett fuq il-valutazzjoni globali tal-vijabbiltà tad-ditta magħmula mill-istituzzjoni ta’ kreditu, minħabba li d-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għal ristrutturar ittieħdet immedjatament wara li kien sar l-istudju dwar il-vijabbiltà. Dan l-argument ittenna fl-ittri tal-15 u tad-29 ta’ Marzu 2011 (ara l-premessa 61).

(89)

Il-Kummissjoni tqis li din l-ispjegazzjoni ma tgħinhiex biex hija teskludi l-possibbiltà li kienet ingħatat għajnuna lil ditti f’diffikultà, għaliex anki jekk id-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għal ristrutturar ittieħdet immedjatament wara li kien sar l-istudju dwar il-vijabbiltà kif isostnu l-awtoritajiet Griegi, l-istudju stess jiffoka fuq il-prospetti tal-vijabbiltà tal-benefiċjarji wara r-ristrutturar. Dan jimplika li jista’ jkun li applikanti setgħu kienu f’diffikultà meta sar l-istudju iżda li madankollu ddaħħlu fl-iskema għaliex l-istituzzjoni li għamlet l-istudju bassret li l-affarijiet setgħu jerġgħu lura għall-vijabbiltà wara ristrutturar tad-dejn (il-Kummissjoni kienet ukoll seħqet dwar din l-evidenza fil-punt 23 tad-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat minħabba li kienet saret referenza fil-preambolu tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2045909/7931/0025 għall-ħtieġa li jkunu megħjunin ditti li kien qed ikollhom problemi ta’ likwidità fil-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia).

(i)   Regoli li japplikaw għal għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà matul il-perjodu inkwistjoni

I.   Mill-1 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1997

(90)

L-għajnuna lil ditti f’diffikultà hija soġġetta għal għadd ta’ regoli. Fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1461, kienet il-politika tal-Kummissjoni li din ix-xorta ta’ għajnuna għas-settur agrikolu titqies bħala għajnuna operattiva li setgħet titqies kompatibbli mas-suq intern, u dan f’każ biss fejn kienu mħarsa t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għajnuna bħal din kellha tkun dwar imposti finanzjarji fuq dejn magħmul għall-finanzjament ta’ investimenti li kienu diġà saru;

(b)

l-għotja kumplessiva ekwivalenti ta’ kull għajnuna mogħtija meta s-self kien ikun sar u l-għajnuna inkwistjoni ma setgħux jaqbżu l-perċentwali ġeneralment awtorizzata mill-Kummissjoni, jiġifieri:

(i)

għal investimenti fil-produzzjoni agrikola primarja: 35 % jew 75 % f’żoni żvantaġġati skont it-tifsira tad-Direttiva 75/268/KEE;

(ii)

għal investimenti fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli: 55 % jew 75 % f’reġjuni ta’ Objettiv 1 għal proġetti li jkunu konformi mal-programmi settorjali jew ma’ wieħed mill-objettivi tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 866/90 (34) u 35 % (jew 50 % f’reġjuni ta’ Objettiv 1) għal proġetti oħra mhux esklużi abbażi tal-kriterji ta’ għażla skont il-punt 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/342/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu adottati għal investimenti għat-titjib tal-kondizzjonijiet għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u tal-forestrija (35) (jew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/173/KE (36) li ssostitwietha).

(c)

l-għajnuna inkwistjoni setgħet titħallas biss wara tibdiliet fir-rati għas-self ġdid li jkun sar, biex jitqiesu varjazzjonijiet fir-rati ta’ mgħax (f’każijiet bħal dawn, l-ammont ta’ għajnuna kellu jkun anqas mid-differenza jew daqsha f’rati ta’ mgħax fuq is-self ġdid) jew kellha tikkonċerna azjendi agrikoli li jagħtu garanziji ta’ vijabbiltà, partikolarment f’każ li l-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mis-self eżistenti kienu tali li jheddu l-vijabbiltà tal-azjendi jew iqegħduhom f’riskju ta’ falliment.

(91)

Fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li d-Deċiżjoni Nru 69836/B1451 u l-emendi li saru wara għaliha kienu jikkonċernaw ditti ta’ pproċessar inġenerali u ma għamlu ebda referenza speċifika għal ditti agrikoli ta’ pproċessar koperti mir-Regolamenti (KEE) Nru 866/90, (KE) Nru 951/97 u (KE) Nru 1257/1999, li l-Greċja kollha hija reġjun ta’ Objettiv 1, u li d-ditti li kienu investew u kienu, għalhekk, ħadu għajnuna mill-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel, ma setgħux jibbenefikaw minn ristrutturar tad-dejn minħabba li dan ma kienx previst. Barra minn dan, żiedu jgħidu li, fir-rigward tal-ekwivalenti globali tal-għotja għar-ristrutturar, kienu ngħataw biss ammonti żgħar ta’ għajnuna fil-każijiet kważi kollha, u li r-ristrutturar kien relatat ma’ self ta’ qabel u b’hekk ma’ investimenti li kienu diġà saru.

(92)

Qabel kollox, l-ispjegazzjonijiet offruti mill-awtoritajiet Griegi mhumiex suffiċjenti biex jippermettu lill-Kummissjoni teskludi l-possibbiltà li ċerti ditti agrikoli ta’ pproċessar kienu ħadu għajnuna skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1451 u skont l-emendi li kienu saru wara għaliha, għar-raġuni li l-fatt li ma kienet saret ebda referenza speċifika għad-ditti msemmijin hawn fuq ma jindikax neċessarjament li dawn ma kinux tal-kategorija ġenerika ta’ ditti ta’ pproċessar (ditti industrijali) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni.

(93)

F’termini ta’ konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-premessa 90, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni Nru 69836/B1451 u l-emendi li saru wara għaliha kellhom x’jaqsmu mar-ristrutturar ta’ investiment jew ma’ self ta’ kapital li jdur.

(94)

Fir-rigward tar-ristrutturar ta’ self għal investiment, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 90(a) kienet tħarset għaliex dan is-self kellu x’jaqsam ma’ investimenti li kienu diġà saru.

(95)

Barra dan, il-Kummissjoni tqis li kien hemm konformità mat-tieni kondizzjoni alternattiva msemmija fil-premessa 90(c) minħabba li ditti benefiċjarji għandhom jitqiesu li jkunu vijabbli wara ristrutturar abbażi ta’ valutazzjoni mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

(96)

Barra dan, l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mhix suffiċjenti biex mingħajr ebda dubju jiġi stabbilit li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 90(b) kienet tħarset, minħabba li l-awtoritajiet Griegi spjegaw fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 li impriżi li kienu jagħmlu xogħol ta’ pproċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli kienu koperti, inter alia, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KEE) Nru 866/90 u (KE) Nru 951/97 u li dawn ir-Regolamenti kienu applikati b’konformità mad-dispożizzjonijiet tagħhom, li jimplika li setgħet kienet diġà ngħatat għajnuna fl-intensità massima kif ipprovdut fir-Regolamenti msemmijin hawn fuq (75 % għal reġjuni ta’ Objettiv 1, li japplika għall-Greċja kollha) u li huwa possibbli li t-tħaddim tal-iskema inkwistjoni seta’, minħabba l-akkumulazzjoni ta’ għajnuna, wassal sabiex din l-intensità tinqabeż.

(97)

Fir-rigward tar-ristrutturar ta’ self ta’ kapital li jdur, l-iskema ma setgħetx tkun applikata b’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-premessa 90, minħabba li l-ewwel kondizzjoni (il-punt a) jiddikjara espliċitament li self irid ikun marbut ma’ investimenti.

II.   Mill-1 ta’ Jannar 1998 sat-30 ta’ Ġunju 2000

(98)

Fl-1997, il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-premessa 90 kienu sostitwiti mid-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Linji gwida tal-1997”) (37). Il-punt 4.4 tal-Linji gwida msemmijin hawn fuq jistipula li: “Fir-rigward tas-settur agrikolu, dawn il-Linji gwida għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998 għal għajnuniet ġodda mill-Istat. Għal dawk eżistenti, id-dħul fis-seħħ għandu jkun fl-istess data jew, f’każ li l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura skont l-Artikolu 93(2) tat-Trattat [KE] kontra Stat Membru wieħed ieħor jew aktar f’dan l-kuntest, wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali vis-à-vis l-Istat Membru/l-Istati Membri konċernat(i) skont l-Artikolu 93(2) tat-Trattat [KE].”

(99)

Il-Linji gwida tal-1997, ġodda għalkollox għas-settur agrikolu jipprovdu, inter alia, għal:

(a)

għajnuna għal salvataġġ: miżuri ta’ likwidità, iċċertifikati abbażi ta’ diffikultajiet soċjali serji u li jikkonsistu f’garanziji ta’ self jew self b’rati kummerċjali normali ta’ mgħax, limitati għall-ammont meħtieġ biex ditta tinżamm fin-negozju (pereżempju, li jkopru spejjeż ta’ pagi u salarji u provvisti ta’ rutina), mħallsin biss għaż-żmien meħtieġ biex jinħolqu l-miżuri meħtieġa u fattibbli ta’ rkupru, u li ma jkollhomx effetti ħżiena bla bżonn fuq is-sitwazzjonijiet industrijali u agrikoli fi Stati Membri oħra;

(b)

għajnuna għar-ristrutturar: l-għoti ta’ għajnuna b’rabta ma’ pjan ta’ ristrutturar li jkun jinkludi tnaqqis ta’ kapaċità jew għeluq irriversibbli tal-kapaċità tal-produzzjoni fejn ikun hemm kapaċità ta’ eċċess strutturali fis-settur (it-tnaqqis ta’ kapaċità għandu jkun supplimentari għal kull tnaqqis applikabbli fin-nuqqas ta’ għajnuna għal ristrutturar), l-unika eżenzjoni għal dan tkun f’każijiet fejn it-totalità tad-deċiżjonijiet meħudin favur il-benefiċjarji kollha tul kull perjodu konsekuttiv ta’ 12-il xahar ma tkunx tinvolvi kwantità ta’ prodotti li taqbeż ċertu perċentwali tal-produzzjoni annwali totali ta’ dak il-prodott f’dak il-pajjiż (3 % għal miżuri speċifiċi għal kategorija partikolari ta’ prodotti jew ta’ operaturi u 1,5 % għal miżuri mhux speċifiċi).

(100)

L-Istati Membri tħallew jitolbu li jkunu applikati dawn id-dispożizzjonijiet agrikoli minflok dawk tal-Linji gwida tal-1997 għal setturi barra dawk agrikoli (kondizzjonijiet ibsin applikati għal dawn is-setturi, partikolarment fir-rigward tal-pjan ta’ ristrutturar u tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji għal ristrutturar — ara l-premessi 109 sa 121 tas-sezzjoni (b) hawn taħt, “Settur mhux agrikolu”).

(101)

Fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 l-awtoritajiet Griegi naqsu milli jagħtu kull informazzjoni li setgħet tgħin lill-Kummissjoni tistabbilixxi li l-iskema ta’ għajnuna kienet adattata biex tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u li l-għajnuna mogħtija matul il-perjodu inkwistjoni kienet, għalhekk, mogħtija skont il-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-Linji gwida tal-1997, li jfisser jew il-kondizzjonijiet deskritti fil-premessa 99(b) hawn fuq jew il-kondizzjonijiet stabbiliti għas-setturi barra dawk agrikoli (is-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar biex tinġieb lura għal li kienet il-vijabbiltà abbażi ta’ assunzjonijiet realistiċi fi skeda ta’ żmien raġonevoli, il-mitigazzjoni tal-effetti fuq kompetituri, kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba”, it-tnaqqis ta’ kapaċità fil-każ ta’ kapaċità ta’ eċċess strutturali fis-settur konċernat u għajnuna proporzjonata għall-ispejjeż tar-ristrutturar u ta’ benefiċċju wkoll għall-ispejjeż soċjali tar-ristrutturar).

III.   Mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2003

(102)

Il-Linji gwida tal-1997 kienu sostitwiti fid-9 ta’ Ottubru 1999 mil-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Linji gwida tal-1999”) (38). Il-punt 6.3 tal-Linji gwida tal-1999 jgħid li “L-Istati Membri għandhom jadattaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom ta’ salvataġġ u ristrutturar li għandhom jibqgħu jitħaddmu wara t-30 ta’ Ġunju 2000 biex iġibuhom konformi ma’ [il-] Linji gwida … wara dik id-data.” Barra dan, “biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel monitoraġġ tal-proċess ta’ adattament, l-Istati Membri għandhom jagħtuha lista ta’ skemi kollha bħal dawn qabel il-31 ta’ Diċembru 1999. Wara, u f’kull każ qabel it-30 ta’ Ġunju 2000, huma għandhom jipprovduha b’informazzjoni suffiċjenti biex hija tkun tista’ tivverifika li l-iskemi kienu tabilħaqq modifikati skont [il-] Linji gwida.”

(103)

Il-Linji gwida tal-1999 jinkludu wkoll sezzjoni speċifika dwar ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà fis-settur agrikolu. Kif imqabbla mal-Linji gwida tal-1997, din is-sezzjoni tat definizzjoni ta’ kapaċità ta’ eċċess strutturali fis-settur, illimitat l-eżenzjoni msemmija fil-premessa 99(b) għal ditti fis-settur primarju (bir-riżultat li s-settur sekondarju tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli awtomatikament sab quddiemu rekwiżit ta’ tnaqqis fil-kapaċità) u introduċiet il-kondizzjoni ta’ “darba waħda, l-aħħar darba” li jfisser li għajnuna għar-ristrutturar setgħet tingħata darba waħda biss.

(104)

Fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004, l-awtoritajiet Griegi naqsu milli jagħtu kull informazzjoni li setgħet tgħin lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li l-iskema ta’ għajnuna kienet adattata biex tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u li l-għajnuna mogħtija matul il-perjodu inkwistjoni kienet, għalhekk, mogħtija skont il-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-Linji gwida tal-1999, fi kliem ieħor wara li jkun intbagħat pjan ta’ ristrutturar li jkun jinkludi għeluq ta’ kapaċità fil-każ ta’ kapaċità ta’ eċċess strutturali, billi tkun applikata l-eżenzjoni limitata msemmija fil-premessa 103 fejn ikun meħtieġ, u abbażi tal-principju “darba waħda, l-aħħar darba”.

(ii)   Garanziji

(105)

Fattur ieħor fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat hija l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ kull għajnuna mogħtija fl-għamla ta’ garanziji. L-awtoritajiet Griegi għamlu għadd ta’ osservazzjonijiet fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 (ara l-premessai 57(c) u (g)). Iżda l-Kummissjoni tqis li teħtieġ tikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet kif ġej:

(a)

fir-rigward tal-punt (c), il-fatt li l-għoti ta’ garanziji huwa soġġett għal kondizzjonijiet stretti fih innifsu ma jeskludix l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat – għall-kuntrarju, ir-regoli li kienu japplikaw tul kemm damet l-iskema inkwistjoni, kif stabbiliti fl-ittri lill-Istati Membri, ref. SG(89) D/4328 tal-5 ta’ April 1989 u SG(89) D/12772 tat-12 ta’ Ottubru 1989 u fil-punt 38 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE lil impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (39), jiddikjaraw biċ-ċar li “… il-garanziji kollha mogħtija mill-Istat direttament jew b’delega permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji [huma skont] il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat tal-KEE,” u jimponu l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet li jistgħu jinkludu li d-ditta tkun iddikjarata falluta. Waqt li huwa minnu li l-ittri msemmijin hawn kienu sostitwiti fl-2000 permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji, li stabbilixxew kondizzjonijiet li bihom setgħet tkun eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-ebda informazzjoni mogħtija fl-ittra tal-awtoritajiet Griegi tad-9 ta’ Awwissu 2004 ma turi li l-garanziji mogħtijin ħarsu xi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet;

(b)

anki jekk l-awtoritajiet Griegi kienu pprovdew informazzjoni maħsuba biex turi li l-garanziji mogħtija kienu ħarsu l-kondizzjonijiet biex tkun eskluża għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ taċċetta l-ġustifikazzjoni minħabba li, biex insemmu biss eżempju wieħed, l-eżenzjoni tapplika biss jekk id-ditti benefiċjarji ma jkunux f’diffikultà finanzjarja;

(c)

fir-rigward tal-punt (g), il-fatt li l-garanzija ma tkoprix ċerti spejjeż b’ebda mod ma juri li kienu tħarsu l-kondizzjonijiet kollha li bihom l-għajnuna inerenti fl-għoti ta’ garanzija tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern; barra dan, għandu jkun rikonoxxut li l-ebda informazzjoni oħra mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 ma juri li l-kondizzjonijiet kienu tħarsu.

(106)

Hekk kif dan ġie kkjarifikat, il-Kummissjoni, għalhekk, tqis li l-garanziji kienu jikkostitwixxu, tul kemm damet l-iskema inkwistjoni, parti mill-pakkett ta’ strumenti għall-għoti ta’ għajnuna lil ditti f’diffikultà u li bħala riżultat il-kompatibbiltà tagħhom hija marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar kollu kemm hu, li għalih, kif indikat b’mod suffiċjenti fl-analiżi, fil-premessi 94 sa 104, l-awtoritajiet Griegi ma tawx informazzjoni biżżejjed biex jitneħħew id-dubji espressi mill-Kummissjoni meta hija bdiet il-proċedura pprovduta skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (dawn is-sejbiet fir-rigward ta’ garanziji japplikaw indaqs għat-tliet proċeduri msemmija f’din id-Deċiżjoni u għas-setturi kollha msemmijin, bl-eċċezzjoni tal-garanziji pprovduti fid-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tat-18 ta’ Diċembru 2000, li, minħabba l-kriterju tal-vijabbiltà użat — vijabbiltà qabel ristrutturar tad-dejn — għandhom ikunu eżaminati separatament).

(107)

Ebda wieħed mill-argumenti mressqin mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 (ir-rata ta’ mgħax applikata, il-kwistjoni dwar l-eżistenza jew xort’oħra ta’ nfiq addizzjonali ġej minn Deċiżjonijiet Ministerjali li kienu jagħmlu parti integrali mill-bażi legali tal-iskema, il-frekwenza li biha jkun ikkalkulat imgħax) ma jinkludu sustanza li tbiddel il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif deskritta fil-qosor hawn fuq.

(108)

Minħabba li l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi ma tneħħix id-dubji espressi mill-Kummissjoni meta hija bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi biss li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(b)    Settur mhux agrikolu

(109)

Bħal fil-każ tas-settur agrikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tar-regoli li japplikaw għal għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà.

(110)

Fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Ministerjali Nru 69836/B1461, jiġifieri tal-1 ta’ Ottubru 1993, ir-regoli inkwistjoni kienu stabbiliti fir-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, u b’mod partikolari fil-punti 177, 227 u 228 ta’ dan tal-aħħar.

(111)

Il-punt 177 tar-Rapport jgħid li waqt li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta’ salvataġġ biex jingħata spazju li matulu jkunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet fit-tul għal diffikultajiet ta’ kumpanija, dawn m’għandhomx ixejnu kwalunkwe tnaqqis meħtieġ fil-kapaċità u għandhom, għalhekk, ikunu limitati għal każijiet fejn ikunu meħtieġa biex jingħelbu problemi soċjali kbar ħafna.

(112)

Il-punt 227 tar-Rapport jgħid li għajnuna għal salvataġġ tista’ tkun iċċertifikata skont it-Trattat meta tkun marbuta ma’ ristrutturar li jkollu l-għan li jġib lura vijabbiltà fit-tul għad-ditta u/jew ir-reġjuni kkonċernati u meta għajnuna tkun speċifikatament applikata biżżejjed għal reġjun jew industrija partikolari biex tippermetti li l-effetti tagħha jkunu vvalutati.

(113)

Il-punt 228 tar-Rapport jikkjarifika aktar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna għal salvataġġ u jiddefinixxi għajnuna għar-ristrutturar.

(114)

Għajnuna għal salvataġġ għandha:

(a)

tkun magħmula minn likwidità fl-għamla ta’ garanziji ta’ self jew self b’rati kummerċjali normali ta’ mgħax;

(b)

tkun ristretta għall-ammont meħtieġ biex ditta tinżamm fin-negozju, biex tkopri spejjeż ta’ pagi u salarji u provvisti ta’ rutina;

(c)

titħallas biss għaż-żmien meħtieġ (ġeneralment sitt xhur) biex jitfasslu l-miżuri meħtieġa u fattibbli ta’ rkupru;

(d)

tkun iċċertifikata abbażi ta’ diffikultajiet soċjali serji, u biex iżżomm id-ditta operattiva m’għandhiex ikollha effetti ħżiena fuq il-qagħda industrijali fl-Istati Membri l-oħra.

(115)

Għajnuna għar-ristrutturar għandha tkun strettament kondizzjonata għall-implimentazzjoni ta’ ristrutturar sod u/jew għal programm ta’ konverżjoni li jkunu jistgħu jservu kif imiss u b’mod effikaċi biex iġibu lura għal li kienet il-vijabbiltà tal-produzzjoni kkonċernata; l-intensità u l-ammont ta’ għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu possibbli sabiex b’hekk jappoġġjaw id-ditta matul il-perjodu tranżizzjonali inevitabbli qabel ma programm bħal dan jibda jiġi implimentat, u l-perjodu involut għandu, għalhekk, ikun limitat u l-għajnuna mnaqqsa bil-mod.

(116)

Dawn il-kondizzjonijiet kienu sostitwiti mil-Linji gwida Komunitarji tal-1994 dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (40), li daħlu fis-seħħ fit-23 ta’ Diċembru 1994 (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Linji gwida tal-1994”), u wara mil-Linji gwida tal-1997, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998, u mbagħad mil-Linji gwida tal-1999, li kienu japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2000 ’l quddiem, filwaqt li tqies il-perjodu ta’ aġġustament estiż għall-Istati Membri fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna (ara l-premessi 98 and 102).

(117)

Il-Linji gwida tal-1994 jikkonfermaw il-politika tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna għal salvataġġ (ara l-premessa 114) u jiddefinixxu f’aktar dettall il-kontenut u l-implikazzjonijiet tal-pjanijiet ta’ ristrutturar li jkollhom ikunu sottomessi (prospett ta’ vijabbiltà miġjuba lura għal li kienet abbażi ta’ assunzjonijiet realistiċi fi skeda ta’ żmien raġonevoli, il-mitigazzjoni tal-effetti fuq kompetituri, il-kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba”, it-tnaqqis fil-kapaċità fil-każ ta’ eċċess fil-kapaċità strutturali fis-settur kkonċernat, proporzjonalità bejn l-għajnuna u l–ispejjeż u l-vantaġġi tar-ristrutturar u spejjeż soċjali tar-ristrutturar koperti).

(118)

Fis-setturi mhux agrikoli, il-Linji gwida tal-1997, li kienu riżultat ta’ reviżjoni regolari tal-politika tal-Kummissjoni dwar salvataġġ u ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà, itennu l-kontenut tal-Linji gwida tal-1994.

(119)

Il-Linji gwida tal-1999 japplikaw kondizzjonijiet aktar stretti għall-għoti ta’ għajnuna għal salvataġġ billi jintroduċu perjodu ta’ żmien limitat għas-sottomissjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. F’termini ta’ ristrutturar, il-Linji gwida huma ħafna aktar restrittivi fir-rigward ta’ SMEs u jipprovdu għall-possibbiltà ta’ tnaqqis obbligatorju fil-kapaċità anki fin-nuqqas ta’ eċċess fil-kapaċità strutturali fis-settur.

(120)

Minħabba li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Awwissu 2004 japplikaw indaqs għas-setturi agrikoli u mhux agrikoli, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi biss, bħalma għamlet fil-każ tas-settur agrikolu, li l-ebda informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi ma tgħin lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi li d-diversi kondizzjonijiet stabbiliti fil-Linji gwida tal-1994, 1997 u 1999 kienu ssodisfati (biex insemmu biss eżempju wieħed, m’hemm xejn x’jissuġġerixxi li d-ditti benefiċjarji ssottomettew pjan ta’ ristrutturar li jinkludi l-miżuri meħtieġa ta’ kumpens). Din il-konklużjoni tapplika ugwalment għall-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni.

(121)

Fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-għajnuna kienet ingħatat wara s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li kien jinkludi l-elementi kollha meħtieġa mid-diversi regoli msemmija hawn fuq (partikolarment il-prospett li l-vijabbiltà tinġieb lura għal li kienet abbażi ta’ assunzjonijiet realistiċi fi skeda ta’ żmien raġonevoli, il-mitigazzjoni tal-effetti fuq kompetituri, il-kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba”, it-tnaqqis fil-kapaċità u proporzjonalità bejn l-għajnuna u l-ispejjeż tar-ristrutturar u spejjeż soċjali tar-ristrutturar koperti). Id-dubji li l-Kummissjoni esprimiet meta hija bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, għalhekk, għadhom hemm u l-Kummissjoni tista’ biss tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

V.II.2   GĦAJNUNA LIL DITTI FIL-PREFETTURI TA’ FLORINA U KILKIS, INDIRIZZATI META NFETĦET IT-TIENI PROĊEDURA

(a)    Is-settur agrikolu

(122)

Fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ Awwissu 2005, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li d-Deċiżjoni bażika li tirregola l-għoti ta’ għajnuna (Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B.1398/1993) kienet tikkonċerna impriżi industrijali u tal-artiġjanat u li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma kienet tikkonċerna ditti agrikoli.

(123)

Il-Kummissjoni tieħu nota ta’ din l-informazzjoni u tqis li mhemmx ħtieġa, għalhekk, li hija teżamina l-iskema inkwistjoni fid-dawl tar-regoli li japplikaw għal għajnuna mill-Istat għas-settur agrikolu fiż-żmien meta kienet ingħatat l-għajnuna.

(b)    Is-settur mhux agrikolu

(124)

Il-Kummissjoni, li meta nbdiet il-proċedura, qieset li l-iskema kienet immirata lejn ditti f’diffikultà minħabba li d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B.1398/1993 kienet tistipula li d-ditti għandhom ikunu vijabbli wara ristrutturar (li fiha nfisha ma kinitx teskludi l-possibbiltà li d-ditti kienu f’diffikultà meta ddaħħlu fl-iskema ta’ għajnuna), għandha tanalizza l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tar-regoli dwar salvataġġ u għajnuna għal ristrutturar lil ditti f’diffikultà li kien hemm fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

(125)

Ir-regoli dwar salvataġġ u għajnuna għal ristrutturar lil ditti f’diffikultà li kien hemm fiż-żmien li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat kienu, f’ordni kronoloġika, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti 177, 227 u 228 tat-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, il-Linji gwida tal-1994 u l-Linji gwida tal-1997.

(126)

Fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti 177, 227 u 228 tat-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni u tal-Linji gwida tal-1994, 1997 u 1999, l-ispjegazzjonijiet offruti mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ Awwissu 2005 huma identiċi għal dawk imressqin biex ikun ġustifikat l-għoti ta’ għajnuna fil-Prefetturi ta’ Kastoria u Evia (l-argumenti tal-awtoritajiet Griegi dettaljati fil-premessa 57(a) sa (f) huma l-istess bħal dawk li jinsabu fil-premessa 56(a) sa (e). L-analiżi tal-Kummissjoni fil-premessi 110 sa 121, għalhekk, tapplika ugwalment għall-każ inkwistjoni, li jfisser li d-dubji espressi mill-Kummissjoni meta hija bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat ma tneħħewx u li l-Kummissjoni tista’ biss tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(127)

Fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ Awwissu 2005, l-awtoritajiet Griegi fittxew ukoll li jiġġustifikaw l-għajnuna inkwistjoni abbażi tal-fatt li l-Prefetturi ta’ Florina u Kilkis jinsabu mal-fruntiera ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li d-ditti lokali batew ħafna minħabba l-instabbiltà u l-istat ta’ gwerra f’dak ir-reġjun.

(128)

Din ir-referenza għal ġrajjiet eċċezzjonali setgħet ippermettiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat li, permezz tiegħu, għajnuna biex tissewwa l-ħsara minn diżastri naturali jew minn ġrajjiet eċċezzjonali tkun kompatibbli mas-suq intern. Iżda l-awtoritajiet Griegi ma ġabu ebda prova dwar id-diffikultajiet li huma jallegaw li ż-żewġ Prefetturi għaddew minnhom, jew stabilixxew rabta kawżali bejn dawk id-diffikultajiet u l-instabbiltà fir-reġjun ikkawżata minn avvenimenti fil-Jugoslavja. Barra dan, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda informazzjoni li tissuġġerixxi li l-avvenimenti msemmija mill-awtoritajiet Griegi setgħu kellhom l-effetti deskritti tul iż-żmien li damet l-iskema. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni ssaqsi għaliex l-iskema kienet tapplika biss għal ċerti setturi tal-ekonomija fiż-żewġ Prefetturi, filwaqt li l-avvenimenti msemmija kienu loġikament jaffettwaw lid-ditti lokali kollha, irrispettivament mis-settur.

(129)

Minħabba dawn il-fatturi, il-Kummissjoni ma tistax tara kif l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat seta’ jkun applikat għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ biss tikkonkludi, għal darb’oħra, li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

V.II.3   GĦAJNUNA FIL-PREFETTURI TA’ RODOPI, EVROS, XANTHI, LESBOS, SAMOS, CHIOS U F’DAWK TAD-DODEKANEŻI, INDIRIZZATI META NFETĦET IT-TIELET PROĊEDURA

(130)

Minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet indikat fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija ma kinitx tista’ tistabblixxi jekk iż-żewġ Deċiżjonijiet Ministerjali tal-1989 u dawk li ġew wara (dettaljati fil-premessi 50 sa 52 hawn fuq) kinux jikkostitwixxi skemi indipendenti ta’ għajnuna jew jekk kinux jagħmlu parti integrali mis-sistema globali li kienet analizzata fid-diversi proċeduri li kienu nfetħu, u minħabba li l-ittra tal-10 ta’ Mejju 2006 tal-awtoritajiet Griegi ma tat ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward, il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet Ministerjali li qed tkun eżaminata se tkun ivvalutata separatament. Il-garanziji msemmijin fid-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tat-18 ta’ Diċembru 2000 (ara l-premessa 49) għandhom ukoll ikunu eżaminati separatament minħabba li din tal-aħħar tgħid li d-ditti benefiċjarji għandhom ikunu vijabbli u mhux vijabbli wara ristrutturar bħal fil-każijiet l-oħra msemmija hawn.

(131)

Fir-rigward tad-Deċiżjonijiet Ministerjali msemmija fil-premessi 44 sa 52, l-analiżi għandha tikkonsisti minn żewġ partijiet: waħda agrikola u oħra mhux agrikola, bħal fil-każ tal-iskemi eżaminati fl-ewwel żewġ proċeduri, iżda l-parti mhux agrikola għandha tinqasam f’diversi partijiet sekondarji — is-setturi industrijali, tal-lukandi u tal-artiġjanat minn naħa waħda, u s-settur tat-tbaħħir minn naħa oħra. Is-settur tal-faħam, li kien indirizzat ukoll bil-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat mhix ser tkun indirizzata hawn għaliex l-awtoritajiet Griegi spjegaw fl-ittri tagħhom tal-15 u tad-29 ta’ Marzu 2011 li l-attivitajiet rilevanti ta’ estrazzjoni kienu jikkonċernaw rħam u ġebel, li jfisser li d-ditti involuti huma skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi tas-settur industrijali.

(a)    Is-settur agrikolu

(132)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-iskema fid-dawl tar-regoli li japplikaw għal għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà meta l-għajnuna tkun ingħatat.

(133)

Fir-rigward tas-settur agrikolu, ir-regoli inkwistjoni kienu indikati fil-premessi 90, u 98 sa 103. Minħabba li l-iskema inkwistjoni skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005, il-Linji gwida Komunitarji tal-2004 dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti fid-diffikultà (41) (minn hawn ’il quddiem imsejħa: “Linji gwida tal-2004”) għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ regolamenti applikabbli; il-Linji gwida tal-2004 daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004 filwaqt li għamlu aktar stretti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Linji gwida tal-1999 (l-aktar billi reġgħu affermaw li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għar-ristrutturar għandha tkun reali u ħielsa minn għajnuna). Barra dan, minħabba n-natura tal-benefiċjarji (ditti industrijali tal-bhejjem u rziezet tal-ħalib), hemm raġunijiet biex jitqies li l-iskema setgħet kopriet kemm il-produzzjoni primarja (trobbija ta’ annimali biss) kif ukoll l-ipproċessar/il-kummerċjalizzazzjoni (bħal irziezet b’linja ta’ pproċessar tal-post).

(134)

F’termini ta’ konformità mal-kondizzjonijiet infushom, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B22 tat-13 ta’ Jannar 1994 u l-emendi li sarulha wara provdew għar-ristrutturar ta’ self li jista’ jintuża għal investiment jew għal kapital li jdur.

(135)

Fir-rigward tar-ristrutturar ta’ self b’rabta ma’ investimenti, l-awtoritajiet Griegi, fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006, ma taw ebda informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonferma li s-self ristrutturat kien fil-fatt marbut ma’ investimenti li kienu diġa saru. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 90(a) kienet tħarset.

(136)

Bl-istess mod il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi mingħajr ebda dubju, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li kien hemm konformità sħiħa mal-kondizzjoni msemmija fil-premessa 90(b), minħabba li l-Greċja ma tat ebda dettall f’dan ir-rigward fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006.

(137)

Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fil-premessa 90(c), il-Kummissjoni ssib li t-tieni alternattiva kienet tħarset, minħabba li ditti benefiċjarji kellhom ikunu vijabbli wara ristrutturar ibbażat fuq valutazzjoni magħmula mill-banek.

(138)

Fir-rigward tar-ristrutturar ta’ self użat biex ikun kostitwit kapital li jdur, l-iskema inkwistjoni lanqas ma setgħet tkun applikata b’konformità mal-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-premessa 90 minħabba li l-ewwel rekwiżit (il-premessa 90(a)) speċifikatament jistabbilixxi li self għandu jkollu rabta ma’ investimenti.

(139)

Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mill-1 ta’ Jannar 1998 sad-data meta bdew japplikaw il-Linji gwida tal-2004, l-analiżi magħmula fil-premessi 98 sa 104 tapplika wkoll għas-sustanza ta’ dan il-każ minħabba li, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Greċja ma tat ebda informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonferma li kien ippreżentat pjan ta’ ristrutturar flimkien mal-kontribuzzjoni obbligatorja biex tinkiseb l-għajnuna inkwistjoni.

(140)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mid-data meta bdew japplikaw il-Linji gwida tal-2004, il-Kummissjoni tista’ biss tirrimarka li, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Greċja ma pprovdietx fatti li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonferma li kien ippreżentat pjan ta’ ristrutturar flimkien mal-kontribuzzjoni obbligatorja biex tinkiseb l-għajnuna inkwistjoni. Konsegwentement hija mhijiex f’qagħda li tkun tista’ tneħħi d-dubji kollha espressi meta hija bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, u, għalhekk, hija jkollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(141)

Fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Griegi fittxew li jiġġustifikaw l-għajnuna inkwistjoni abbażi tal-gwerra fir-reġjuni ġirien. Il-Greċja kienet tal-fehma li l-kuntest għamel l-għajnuna eliġibbli għal eżenzjoni skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat (ara l-premessa 59(a)).

(142)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument għal bosta raġunijiet:

(a)

mill-aspett regolatorju, l-eżistenza ta’ konflitt titqies bħala ġrajja eċċezzjonali li tista’ tkun koperta biss mill-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat, li skontu għajnuna maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn ġrajjiet oħra eċċezzjonali hija kompatibbli mas-suq intern;

(b)

għas-settur agrikolu, il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna tkun ivvalutata skont l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, li jistabbilixxi li għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, fejn għajnuna bħal din ma tolqotx b’mod ħażin il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ tant li tkun qed tmur kontra l-interess komuni, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, u mhux skont l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, li jistabbilixxi li għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn l-istandard tal-għixien ikun baxx b’mod mhux normali jew fejn il-qagħda tkun tant serja li n-nies ma tkunx tista’ taħdem kemm tista’, u tar-reġjuni msemmijin fl-Artikolu 349 (42), minħabba l-qagħda strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern;

(c)

biex din id-deroga tapplika kien ikun meħtieġ li l-għajnuna tingħata b’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà; iżda ntwera hawn fuq li dan ma kienx il-kż.

(143)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċerta l-applikabbiltà tal-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Greċja bir-raġun innotat li l-PDG globali u per capita fil-Prefetturi konċernati kien baxx ħafna relatat ma’ reġjuni oħra fil-pajjiż matul il-perjodu kopert mill-iskema, iżda qalet ukoll li l-PDG kien fil-fatt irreġistra xi tkabbir f’dan l-istess perjodu, li juri li l-gwerra fir-reġjuni ġirien ma kellhiex impatt katastrofiku fuq l-ekonomiji taż-żoni konċernati;

(b)

kif turi d-deskrizzjoni tal-bażi legali tal-iskema, kienu saru xi tibdiliet fl-iskema kważi għaxar snin wara t-tmiem tal-ġlied fir-reġjuni ġirien; konsegwentement, il-Greċja ma tistax titqies li kienet imġiegħla tintervjeni minħabba stat ta’ gwerra fiż-żoni tal-konfini u li minħabba f’hekk kienet teżisti relazzjoni ta’ kawża u effett bejn dan u d-diffikultajiet ta’ ditti (eżempju wieħed ikun biżżejjed biex jikkonferma din ir-rimarka: id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/64046/0025/2003 tat-28 ta’ Jannar 2004 msemmija fil-premessa 48 tkopri self li seta’ jsir minn negozji industrijali – fi kliem ieħor potenzjalment minn ditti industrijali tal-bhejjem – sal-31 ta’ Diċembru 2004).

(144)

Fir-rigward tal-kummenti l-oħra magħmulin mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni tisħaq dwar li ġej (dawn l-osservazzjonijiet, eskluża (b), japplikaw ukoll għas-setturi l-oħra kollha msemmija fil-proċedura miftuħa).

(a)

problemi bħan-nuqqas ta’ dinamiżmu fi swieq lokali jew il-waqgħa fid-domanda ma jistgħux jinħallu b’għotjiet ta’ għajnuna lil ditti f’diffikultà mingħajr ristrutturar. Miżuri strutturali huma mezzi aktar xierqa ta’ assistenza;

(b)

is-sehem tal-produzzjoni tal-laħam tal-Prefetturi konċernati mill-produzzjoni globali tal-Greċja m’għandu assolutament l-ebda effett fuq ir-riskju ta’ tgħawwiġ fil-kompetizzjoni li jiġi minn għajnuna mogħtija barra mill-qafas regolatorju stabbilit (f’dan il-każ, għajnuna mogħtija lil ditti f’diffikultà mingħajr pjan ta’ ristrutturar); skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-qagħda ta’ impriża meta mqabbla mal-kompetituri (li huwa l-qofol ta’ dan il-każ), din l-għajnuna tista’ ġġib magħha vantaġġ kompetittiv fuq l-impriżi l-oħra li ma jibbenefikawx minn din l-assistenza (43);

(c)

il-kwistjoni dwar il-vijabbiltà tad-ditti skont it-tifsira stabbilita fiż-żewġ Deċiżjonijiet Ministerjali maħruġin fl-1989 tkun ittrattata aktar tard f’din id-Deċiżjoni;

(d)

l-argument li skontu l-kont stabbilit skont il-Liġi Nru 128/75 ma kienx jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat kien ittrattat fil-premessa 82(d).

(145)

Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

(b)    Is-setturi industrijali, tal-artiġjanat u tal-lukandi

(146)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-iskema inkwistjoni fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà.

(147)

Bħal fil-każ tal-għajnuna msemmija fl-ewwel żewġ proċeduri, ir-regoli li japplikaw għal salvataġġ u ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna inkwistjoni kienu, f’ordni kronoloġika, il-punti 177, 227 u 228 tat-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni u l-Linji gwida tal-1994, 1997 u 1999. Fil-każ li qed ikun ikkunsidrat, minħabba li r-reġim skada fil-31 ta’ Diċembru 2005 f’ċerti Prefetturi, il-Linji gwida tal-2004 għandhom jiżdiedu f’din il-lista.

(148)

L-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006 u deskritta fil-premessa 59 ma tinkludi ebda dettall fir-rigward tal-konformità ma’ regoli dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà. Konsegwentement il-Kummissjoni mhix f’qagħda li tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-punti 177, 227 u 228 tat-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni u mal-Linji gwida tal-1994, 1997, 1999 u tal-2004.

(149)

Għalhekk il-Kummissjoni mhix f’qagħda li tista’ tneħħi d-dubji kollha li hija esprimiet meta bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, u, għalhekk, ikollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(c)    Is-settur tat-tbaħħir

(150)

Il-kompatibbiltà tal-iskema inkwistjoni mas-suq intern għandha tkun ivvalutata minn żewġ perspettivi, li jirriflettu l-fatt li t-terminu “settur tat-tbaħħir” jkopri kemm tarznari kif ukoll trasport bil-baħar.

(151)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-iskema inkwistjoni fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà.

(152)

Fir-rigward tal-industrija navali, ir-regoli applikabbli għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B.22 tat-13 ta’ Jannar 1994 kienu dawn li ġejjin:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 1998: id-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1990 dwar għajnuna lill-industrija navali (44);

(b)

mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2003: ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 li jistabbilixxi regoli ġodda dwar għajnuna lill-industrija navali (45);

(c)

mill-1 ta’ Jannar 2004: il-Qafas dwar Għajnuna mill-Istat lill-Industrija Navali (46).

(153)

Fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Griegi ma tawx informazzjoni li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet applikata b’konformità mar-regoli li japplikaw għal salvataġġ u ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà f’dan is-settur. Għalhekk il-Kummissjoni mhix f’qagħda li twarrab id-dubji li hija esprimiet meta bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u jkollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

(154)

Bl-istess mod, fir-rigward tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-iskema inkwistjoni fid-dawl tar-regoli li jirregolaw għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà.

(155)

Sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1648/B.22 tat-13 ta’ Jannar 1994, ir-regoli dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà fl-industrija tat-tbaħħir kienu u għadhom dawn li ġejjin:

(a)

“Miżuri finanzjarji u fiskali dwar operazzjonijiet tan-navigazzjoni b’bastimenti reġistrati fil-Komunità” (47);

(b)

Linji gwida Komunitarji tal-1997 dwar għajnuna mill-Istat għal trasport marittimu (48);

(c)

Linji gwida Komunitarji tal-2004 dwar għajnuna mill-Istat għal trasport marittimu (49).

(156)

Fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Griegi reġgħu ma tawx informazzjoni li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet applikata f’konformità mar-regoli li japplikaw għal salvataġġ u ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà fis-settur. Għalhekk il-Kummissjoni mhix f’qagħda li tneħħi d-dubji li hija esprimiet meta bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u jkollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

(d)    Għajnuna mogħtija fil-Prefetturi ta’ Lesbos, Samos, Chios u f’tad-Dodekaneżi, msemmija wkoll fit-tielet proċedura

(157)

Fil-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni, minħabba li ma kellhiex informazzjoni biżżejjed, qieset żewġ ipoteżijiet:

(a)

l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2041901 tas-16 ta’ Mejju 1989 u fid-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2078809 tal-10 ta’ Ottubru 1989 u fl-emendi għalihom kienet koperta mill-istess qafas bħal dak stabbilit mid-Deċiżjonijiet imsemmija fil-premessi 44 sa 48;

(b)

l-għajnuna kienet parti minn sistema ta’ finanzjament li ma kinitx stabbilita fuq l-istess bażi.

(158)

Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Greċja ddikjarat li ż-żewġ Deċiżjonijiet Ministerjali maħruġin fl-1989 stabbilew li ditti kellhom ikunu vijabbli qabel u wara r-ristrutturar tad-djun tagħhom. Il-Kummissjoni ma tistax tapprova din id-dikjarazzjoni minħabba li, wara eżami mill-ġdid, jidher li ebda waħda miż-żewġ Deċiżjonijiet inkwistjoni ma tistabbilixxi li d-ditti kellhom ikunu vijabbli qabel u wara r-ristrutturar tad-djun. Konsegwentement il-Kummissjoni se teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna koperta miż-żewġ Deċiżjonijiet u l-emendi tagħhom billi tibbaża lilha nfisha mhux biss fuq iż-żewġ ipoteżijiet imsemmijin fil-premessa 157, iżda wkoll mingħajr ma teskludi, fit-tieni ipoteżi, li l-għajnuna setgħet kienet ingħatat lil ditti f’diffikultà.

(159)

Dwar l-ewwel ipoteżi stabbilita fil-premessa 157, il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi, jekk iż-żewġ Deċiżjonijiet Ministerjali maħruġin fl-1989 u l-emendi għalihom huma skont l-istess qafas bħal dak stabbilit mid-Deċiżjonijiet Ministerjali msemmija fil-premessi 44 sa 48, li l-analiżi magħmula fil-premessi 146 sa 149 tibqa’ valida, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Greċja fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006 ma jwarrbux id-dubji espressi meta hija bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u li jkollha tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

(160)

Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, għandhom ikunu pprospettati żewġ xenarji: għajnuna mogħtija lil ditti f’diffikultà jew għajnuna mogħtija lil ditti vijabbli.

(161)

Fl-ewwel xenarju, l-analiżi magħmula fil-premessi 146 sa 149 tibqa’ valida, u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Greċja fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006 ma jwarrbux id-dubji espressi meta l-Kummissjoni bdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u konsegwentement il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li r-reġim inkwistjoni huwa inkompatibbli mas-suq intern.

(162)

Fit-tieni xenarju, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ispjegazzjonijiet tal-Greċja fl-ittri tagħha tal-10 ta’ Mejju 2006, tal-15 ta’ Marzu 2011 u tad-29 ta’ Marzu 2011 ma jħalluhiex taċċerta jekk il-kapital li jdur kienx jikkostitwixxi l-użu ta’ self sussidjat għall-finanzjament ta’ investiment eliġibbli skont it-tifsira tar-Regoli tal-Unjoni dwar għajnuna reġjonali (mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2041901 tas-16 ta’ Mejju 1989 ’il hawn, ir-regoli applikabbli kienu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(3)(a) u (c) għal għajnuna reġjonali (50), segwita mil-Linji gwida tal-1998 dwar għajnuna reġjonali nazzjonali tal-1998 (51)). Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

(163)

F’każ li dan il-kapital li jdur ma kienx jiffinanzja investimenti eliġibbli skont it-tifsira stabbilita mir-Regoli tal-Unjoni dwar għajnuna reġjonali nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-għajnuna mogħtija biex ikun kostitwit dak il-kapital, li mbagħad jikkwalifika bħala għajnuna operattiva, tistax tkun iddikjarata kompatibbli skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regoli tal-Unjoni dwar għajnuna reġjonali nazzjonali. Minħabba dan, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jwettaq id-dmir ta’ kooperazzjoni li hu għandu lejn il-Kummissjoni billi jipprovdi l-elementi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni (52). Minħabba li l-informazzjoni fid-diversi ittri mibgħutin mill-Greċja ma tħallix lill-Kummissjoni tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet fir-regoli tal-Unjoni dwar għajnuna reġjonali nazzjonali, hija tista’ biss tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern.

Għajnuna fl-għamla ta’ garanziji mogħtija skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tat-18 ta Diċembru 2000 (ara l-premessa 49)

(164)

Il-garanzija mogħtija skont id-Deċiżjoni Nru 2/82257/0025 tat-18 ta’ Diċembru 2000 ma tistax titqies bħala strument ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ ditta f’diffikultà bħal dik ipprovduta f’Deċiżjonijiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni minħabba li d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tistabbilixxi li hija tista’ tingħata biss lil ditti vijabbli u mhux lil ditti li jsiru vijabbli wara ristrutturar ta’ dejn. Għalhekk hija għandha tkun eżaminata skont ir-regoli applikabbli dwar għajnuna mill-Istat.

(165)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tat-18 ta’ Diċembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (id-data ta’ skadenza tal-iskema), garanziji kienu rregolati mill-Komunikazzjoni tal-2000.

(166)

Il-Komunikazzjoni tal-2000 tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna marbuta mal-għotja ta’ garanzija abbażi tar-regoli applikati għal għamliet oħra ta’ għajnuna u stabbiliti fid-diversi oqfsa u linji gwida li japplikaw fis-setturi konċernati. Barra dan, il-garanzija tista’ tkun aċċettata biss jekk il-mobilizzazzjoni tagħha tkun marbuta b’mod kuntrattwali ma’ kondizzjonijiet speċifiċi li jistgħu anki jwasslu għal dikjarazzjoni obbligatorja ta’ falliment tad-ditta benefiċjarja jew għal xi proċedura simili.

(167)

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Griegi ma bagħtu ebda informazzjoni dwar il-garanziji mogħtija. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma tistax teżaminaha skont id-diversi regoli li japplikaw fis-setturi konċernati jew taċċerta jekk din il-miżura ta’ għajnuna setgħetx qabżet l-intensitajiet massimi applikabbli ta’ għajnuna, skont kif xieraq, lil ditti mhux f’diffikultà (barra dan il-Greċja ma bagħtet ebda informazzjoni dwar il-konformità mad-diversi regoli fit-tweġiba tagħha għat-tielet proċedura).

(168)

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija fl-għamla ta’ garanziji skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/82257/0025 tat-18 ta’ Diċembru 2000 hija kompatibbli mas-suq intern.

VI.   KONKLUŻJONI

(169)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja illegalment implimentat il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-analiżi ta’ hawn fuq turi li l-għajnuna ma tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, minħabba li l-Greċja ma bagħtet ebda informazzjoni li tistabbilixxi konformità mad-diversi regoli msemmija, u, għalhekk, il-Kummissjoni mhix f’qagħda li twarrab id-dubji li hija esprimiet meta fetħet id-diversi proċeduri. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar li hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru konċernat li jwettaq id-dmir ta’ kooperazzjoni li hu għandu lejn il-Kummissjoni billi jipprovdi l-elementi kollha meħtieġa biex hija tivverifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

(170)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (53), “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju” (f’dan il-każ id-ditti kollha li jkunu bbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Ministerjali eżaminati). Il-Greċja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna inkompatibbli mogħtija. Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 42 tal-Avviż mingħand il-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mill-Istat” (54), il-Greċja għandha terminu limitat ta’ erba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni biex timplimentaha. L-għajnuna li għandha tkun irkuprata għandha tinkludi mgħaxijiet ikkalkulati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (55).

(171)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun implimentata immedjatament, l-aktar fir-rigward tal-irkupru ta’ kull għajnuna mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna, eskluża kull għajnuna mogħtija għal proġetti speċifiċi li, fiż-żmien li l-għajnuna kienet mogħtija, kienu jħarsu l-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fir-regolament de minimis jew ta’ eżenzjoni applikabbli skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (56), jew skont skema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni.

(172)

Iżda l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistabbilixxi li l-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna skont skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna illegali, għandu jinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni u ma’ kull interruzzjoni għandu jerġa’ jibda ż-żmien mill-ġdid.

(173)

F’dan il-każ, id-dati li l-Kummissjoni tista’ tmur lura għalihom għall-finijiet ta’ rkupru huma kif ġej:

(a)

dwar l-għajnuna msemmija fl-ewwel proċedura: l-1 ta’ Ottubru 1993, minħabba l-fatt li l-ewwel azzjoni tal-Kummissjoni hija ddatata 27 ta’ Mejju 2003, waqt li d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1461, adottata fl-14 ta’ Settembru 1993, kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern Grieg fl-1 ta’ Ottubru 1993 u daħlet fis-seħħ f’dik id-data,

(b)

dwar l-għajnuna msemmija fit-tieni proċedura: it-22 ta’ April 1994, minħabba l-fatt li l-ewwel azzjoni tal-Kummissjoni hija ddatata 22 ta’ April 2004,

(c)

dwar l-għajnuna msemmija fit-tielet proċedura: it-12 ta’ Novembru 1994, minħabba l-fatt li l-ewwel azzjoni tal-Kummissjoni hija ddatata 12 ta’ Novembru 2004,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-iskemi ta’ għajnuna fl-għamla ta’ ristrutturar tad-dejn implimentati illegalment mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-Prefetturi ta’ Kastoria, Evia, Florina, Kilkis, Rodopi, Evros, Xanthi u f’tad-Dodekaneżi, u fil-gżejjer ta’ Lesbos, Samos u Chios huma inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Għajnuna individwali mogħtija skont waħda mill-iskemi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tkun ikkwalifikata bħala għajnuna jekk, fiż-żmien li tkun ingħatat, hija kienet konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti minn wieħed mir-Regolamenti adottati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

Artikolu 3

1.   Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskemi msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   L-ammonti li għandhom ikunu rkuprati għandhom iġibu mgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu fil-fatt irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-Greċja għandha tħassar il-pagamenti pendenti kollha ta’ għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskemi msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effikaċi.

Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifika tagħha.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna skont l-iskemi msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali rċevut minn kull wieħed minnhom skont l-iskema konċernata;

(b)

l-ammont totali (kapital u mgħax) li għandu jkun irkuprat mingħand kull benefiċjarju fil-każ ta’ għajnuna li ma tistax tkun irkuprata bir-regola de minimis;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ta’ dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ikun tlesta. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġa meħudin u dwar dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tagħti wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u mgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 52, 2.3.2005, p. 9 għall-Kawża C23/04; ĠU C 176, 16.7.2005, p. 13 għall-Kawża C 20/05; ĠU C 63, 16.3.2006, p. 2 għall-Kawża C 50/05.

(2)  Deċiżjoni Ministerjali Nru 69836/B1461, kif emendata bid-Deċiżjonijiet Nru 2035824/5887, 2045909/7431/0025, 2071670/11297 u 72742/B1723.

(3)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE kienu ssostitwiti bl-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; ir-referenza għall-Komunità Ewropea kienet issostitwita b’referenza għall-Unjoni Ewropea.

(4)  Ittra SG-Greffe (2004) D/202445.

(5)  ĠU C 52, 2.3.2005, p. 9.

(6)  Deċiżjoni Ministerjali Nru 66336/B1398 tal-14 ta’ Settembru 1993 kif emendata.

(7)  Ittra SG-Greffe (2005) D/202557.

(8)  ĠU C 176, 16.7.2005, p. 13.

(9)  Deċiżjoni Konġunta Nru 1648/B.22/13.1.94; Deċiżjoni Nru 2003341/683/0025/17.2.94; Deċiżjoni Konġunta Nru 14237/B.664/6.4.1994; Deċiżjoni Nru 2022973/3968/0025/18.5.1994; Deċiżjoni Konġunta Nru 235/B.21/4.1.1995; Deċiżjoni Konġunta Nru 44678/B.1145/3.7.1995; Deċiżjoni Nru 2043231/6673/0025/11.7.95; Deċiżjoni Konġunta Nru 14946/B.566/30.4.1996; Deċiżjoni Nru 2030175/4446/0025/10.6.1996; Deċiżjoni Konġunta 44446/B.1613/24.12.1996; Deċiżjoni Nru 2087184/49/0025/11.7.1997; Deċiżjoni Nru 11362/B.472/7.4.1997; Deċiżjoni Nru 32576/B.1282/9.10.1997; Deċiżjoni Nru 2016123/2133/0025/6.3.1998; Deċiżjoni Nru 40412/B.1677/9.12.1997; Deċiżjoni Nru 2090373/11216/0025/1.6.1998; Deċiżjoni Nru 42998/B.2026/15.12.1998; Deċiżjoni Nru 44247/B.2108/23.12.1998; Deċiżjoni Nru 19954/B.957/7.6.1999; Deċiżjoni Nru 2/42929/0025/7.10.1999; Deċiżjoni Nru 10123/B.507/17.3.1999; Deċiżjoni Nru 2/21857/0025/7.10.1999; Deċiżjoni Nru 6244/B.270/18.2.2000; Deċiżjoni Nru 2/14774/0025/31.5.2000; Deċiżjoni Nru 35913/B.2043/24.10.2000; Deċiżjoni Nru 2/82257/0025/18.12.2000; Deċiżjoni Nru 43407/B.2428/19.12.2000; Deċiżjoni Nru 2/7555/0025/25.5.2001; Deċiżjoni Nru 33951/B.1498/10.10.2001; Deċiżjoni Nru 2/61352/0025/2001/31.1.2002; Deċiżjoni Nru 42567/B.1770/4.12.2001; Deċiżjoni Nru 75113/B.2455/11.11.2003; Deċiżjoni Nru 2/64046/0025/2003/28.1.2004; Deċiżjoni Nru 2041901/16.5.1989; 2078809/10.10.1989; Deċiżjoni Nru 9034/B.289/10.2.2003; Deċiżjoni Nru 80295/B.2631/28.11.2003; Deċiżjoni Nru 37497/B.1232/2.6.2003.

(10)  Ittra SG-Greffe (2005) D/207656.

(11)  ĠU C 63, 16.3.2006, p. 2.

(12)  Miftuħ fil-Bank tal-Greċja, dan il-kont huwa ffinanzjat minn imposti fuq self mogħti minn banek kummerċjali. Kull self kurrenti fir-rigward tal-kont ikun iddebitat lill-Istat (skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-kont kien ilu taħt il-limitu u huwa, għalhekk, iffinanzjat mill-Istat). Fil-Kawża C 57/86 Ir-Repubblika Ellenika v Il-Kummissjoni [1988] Ġabra, p. 2855, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (illum il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) sabet li l-ġestjoni u l-operazzjonijiet tal-Bank tal-Greċja kienu soġġetti għall-kontroll dirett tal-Istat.

(13)  Emendata bid-Deċiżjoni Nru 43407/B.2428/19.12.2000, u wara emendata bid-Deċiżjoni Nru 33951/B.1498/10.10.2001, u wara emendata bid-Deċiżjoni Nru 75113/B.2455/11.11.2003.

(14)  Emendata bid-Deċiżjoni Nru 44247/B.2108/23.12.1998.

(15)  Emendata bid-Deċiżjoni Nru 42567/B.1770/4.12.2001.

(16)  Wara emendata bid-Deċiżjoni Nru 2/42929/0025/7.10.1999.

(17)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4. Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kien irrevokat u ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 fl-1 ta’ Jannar 2008.

(18)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(19)  ĠU L 91, 6.4.1990, p. 1.

(20)  ĠU L 142, 2.6.1997, p. 22.

(21)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80.

(22)  ĠU L 128, 19.5.1975, p. 1.

(23)  Kull miżura ta’ għajnuna li tagħti vantaġġ lil ditta f’settur miftuħ għall-kummerċ (bħas-setturi agrikoli u industrijali) jew li x’aktarx tiġbed konsumaturi minn Stati Membri oħra (bħas-settur tal-lukandi) ikollha impatt fuq flussi kummerċjali. Fis-settur agrikolu, is-sehem tal-Greċja fil-kummerċ intra-Komunitarju kien ta’ EUR 13,684 biljun f’importazzjonijiet u EUR 19,31 biljun f’esportazzjonijiet.

(24)  Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-fatt biss li l-qagħda kompetittiva tad-ditta tkun tjiebet bl-għoti ta’ vantaġġ li hija ma kinitx tkun tista’ tikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq u li minnu ditti kompetittivi oħra ma jibbenefikawx huwa biżżejjed biex juri tgħawwiġ fil-kompetizzjoni (Kawża 730/79, Philip Morris v Il-Kummissjoni, [1980] Ġabra 2671, Edizzjoni Speċjali Griega 1980/III, p. 13).

(25)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 17.

(26)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35.

(27)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(28)  Is-settur tat-trasport marittimu ma jistax ikun skont ir-regola de minimis f’dan il-każ, minħabba li huwa eskluż mit-testi kollha li jirregolaw għajnuna de minimis, bl-eċċezzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, iżda dak ir-Regolament ma japplikax għal ditti f’diffikultà.

(29)  ĠU C 213, 19.8.1992, p. 2.

(30)  Issa l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(31)  ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

(32)  ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14.

(33)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 11.

(34)  ĠU L 91, 6.4.1990, p. 1. Ir-Regolament (KEE) Nru 866/90 kien revokat u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 951/97 (ĠU L 142, 2.6.1997, p. 22).

(35)  ĠU L 163, 29.6.1990, p. 71.

(36)  ĠU L 79, 23.3.1994, p. 29.

(37)  ĠU C 283, 19.9.1997, p. 2.

(38)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(39)  ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3.

(40)  ĠU C 368, 23.12.1994, p. 12.

(41)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(42)  Reġjuni gżejjer.

(43)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 24, Kawża C-730/79, motivi 11 u 12.

(44)  ĠU L 380, 31.12.1990, p. 27.

(45)  ĠU L 202, 18.7.1998, p. 1.

(46)  ĠU C 317, 30.12.2003, p. 11. Dan il-qafas kien l-ewwel estiż fl-2006 (ĠU C 260, 28.10.2006, p. 7), bit-tieni estensjoni fl-2008 (ĠU C 173, 8.7.2008, p. 3).

(47)  SEC(89) 921 finali, 3 ta’ Awwissu 1989

(48)  ĠU C 205, 5.7.1997, p. 5.

(49)  ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3.

(50)  ĠU C 212, 12.8.1988, p. 2.

(51)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(52)  Sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza (illum il-Qorti Ġenerali) fil-Kawża T-171 Ir-Reġjun ta’ Sardinja v Il-Kummissjoni [2005] Ġabra II — 2123, punt 129.

(53)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(54)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

(55)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(56)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.