ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.068.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 68

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
7 ta' Marzu 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 184/2012 tas-6 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/140/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar il-miżura C 35/10 (ex N 302/10) li d-Danimarka qed tippjana biex timplimenta fil-forma ta’ Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard Onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6499)  ( 1 )

3

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Emendi għall-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

20

 

*

Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali

23

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid ( ĠU L 43, 14.2.1997 , Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 018)

42

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 184/2012

tas-6 ta’ Marzu 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

76,4

JO

78,3

MA

69,1

SN

207,5

TN

85,7

TR

93,8

ZZ

101,8

0707 00 05

EG

158,2

JO

204,2

TR

155,2

ZZ

172,5

0709 91 00

EG

76,0

ZZ

76,0

0709 93 10

MA

54,2

TR

134,6

ZZ

94,4

0805 10 20

EG

53,8

IL

68,5

MA

52,0

TN

52,8

TR

68,6

ZZ

59,1

0805 50 10

BR

43,7

TR

56,0

ZZ

49,9

0808 10 80

CA

124,8

CL

96,3

CN

105,4

MK

31,8

US

154,3

ZZ

102,5

0808 30 90

AR

88,1

CL

153,9

CN

48,3

US

99,0

ZA

102,7

ZZ

98,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Settembru 2011

dwar il-miżura C 35/10 (ex N 302/10) li d-Danimarka qed tippjana biex timplimenta fil-forma ta’ Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard Onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 6499)

(It-test Daniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/140/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawk l-Artikoli (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta’ Lulju 2010, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw il-Proposta Leġiżlattiva L 203 dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard (l-“Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard” (2)), adottata fil-25 ta’ Ġunju 2010, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni bl-ittri tal-11 ta’ Awwissu 2010 u t-22 ta’ Settembru 2010. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew l-informazzjoni mitluba bl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2010.

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll żewġ ilmenti separati fir-rigward tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard propost. L-ewwel wieħed ġie mressaq mill-Assoċjazzjoni Daniża tal-Industrija tal-Magni tal-Logħob (“DAB”) fit-23 ta’ Lulju 2010. It-tieni ilment ġie mressaq minn operatur tal-każinos tradizzjonali, ir-“Royal Casino”, fis-6 ta’ Awwissu 2010. Iż-żewġ ilmenti tressqu lill-awtoritajiet Daniżi fit-23 ta’ Settembru 2010 għall-kummenti tagħhom. L-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-kummenti tagħhom fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Ottubru 2010.

(3)

Fl-10 ta’ Novembru 2010 saret laqgħa fi Brussell mal-awtoritajiet Daniżi sabiex jiddiskutu n-notifika u ż-żewġ ilmenti msemmija hawn fuq. Waqt il-laqgħa, l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw nota bit-titlu “Id-dilemma maħluqa mill-każ pendenti tal-għajnuna mill-Istat”, li fiha ħabbru wkoll l-intenzjoni tagħhom li jipposponu d-dħul fis-seħħ tal-Att notifikat sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni. (3)

(4)

Bid-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, fir-rigward tal-miżura notifikata. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ inizjazzjoni”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.  (4) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti.

(5)

L-awtoritajiet Daniżi ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ inizjazzjoni bl-ittra tal-14 ta’ Jannar 2011.

(6)

B’kollox, 17-il parti terza interessata ressqet il-kummenti bejn il-11 ta’ Frar u t-22 ta’ Frar 2011 (5). Dawn il-kummenti ntbagħtu lid-Danimarka fis-16 ta’ Marzu 2011, li ngħatat l-opportunità li twieġeb. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tad-Danimarka bl-ittra tal-14 ta’ April 2011.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(7)

Wara li bdew il-proċeduri ta’ ksur u ntbagħtet opinjoni raġunata fit-23 ta’ Marzu 2007 rigward l-impedimenti fil-moviment liberu ta’ servizzi ta’ mħatri fuq l-isports fid-Danimarka (6), il-gvern Daniż iddeċieda li jirriforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard u l-imħatri, u jbiddel is-sistemi eżistenti ta’ monopolju b’waħda regolata u parzjalment liberalizzata. Il-liberalizzazzjoni kienet meqjusa neċessarja, fost l-oħrajn, sabiex tkun konformi mal-liġi tal-UE u biex tirrispondi għat-theddida imposta minn servizzi illegali ta’ logħob tal-azzard onlajn ipprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard li jinsabu f’ġuriżdizzjonijiet oħra.

(8)

L-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard notifikat huwa parti minn ġabra ta’ Atti introdotti sabiex jilliberalizzaw is-settur tal-logħob tal-azzard (7). Skont it-termini tal-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard, l-għan ġenerali ta’ din ir-riforma ġdida tal-liġi għas-servizzi tal-logħob tal-azzard huwa:

li l-konsum tal-logħob tal-azzard jinżamm fuq livell moderat;

li jiġu protetti ż-żgħażagħ u persuni oħra vulnerabbli mill-esplojtazzjoni jew milli jaqbdu l-vizzju tal-logħob tal-azzard;

li jiġu protetti l-lagħaba billi tiżgura li l-logħob tal-azzard huwa pprovdut b’mod raġonevoli, affidabbli u trasparenti; u

li jiżgura ordni pubblika u jevita li l-logħob tal-azzard jintuża għal skopijiet kriminali.

(9)

Skont l-Att dwar il-Logħob tal-Azzard, “il-provvista u l-arranġament tal-logħob tal-azzard jeħtieġ liċenzja, sakemm dan l-Att jew xi leġiżlazzjoni oħra ma jipprovdux mod ieħor”. B’żieda ma’ dan, il-provvista jew l-arranġament tal-logħob tal-azzard huwa soġġett għall-ħlas tad-dazju (l-Artikolu 1 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard).

(10)

L-Artikolu 5 tal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard ifisser il-logħob tal-azzard bħala wieħed li jkopri l-attivitajiet li ġejjin: (i) lotteriji, (ii) kombinazzjoni ta’ logħob tal-azzard, u (iii) imħatri.

(11)

Il-kombinazzjoni ta’ logħob tal-azzard tirreferi għall-“attivitajiet fejn parteċipant għandu ċans jirbaħ premju, u fejn il-probabbiltà li jirbaħ tiddependi fuq kombinazzjoni ta’ abbiltà u possibbiltà”. Għalhekk, il-kombinazzjoni tal-logħob tal-azzard tinkludi logħob li ħafna drabi huwa offrut fil-każinos, bħal pereżempju r-rulett, il-poker, il-bakkarà, il-blackjack u l-magni tal-logħob li joffru rebħ ta’ flus.

(12)

L-Artikolu 5 tal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard ifisser il-logħob tal-azzard onlajn bħala “logħob tal-azzard bejn parteċipant u fornitur tal-logħob tal-azzard bl-użu ta’ komunikazzjoni remota”. L-istess dispożizzjoni tfisser il-logħob tal-azzard tradizzjonali bħala “logħob tal-azzard li jsir minn parteċipant u fornitur tal-logħob tal-azzard, jew l-aġent tal-fornitur, li jiltaqgħu fiżikament”. Is-servizzi tal-imħatri huma mfissra bħala “attivitajiet fejn parteċipant għandu possibbiltà li jirbaħ premju, u fejn imħatra ssir fuq ir-riżultat ta’ avveniment fil-futur jew l-okkorrenza ta’ avveniment fil-futur”.

(13)

Skont it-termini tal-Artikoli 2-17 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, il-logħob soġġett għad-dazju huwa (i) lotteriji, li jinkludu lotteriji ta’ klassi u lotteriji bla profitt, (ii) imħatri, li jinkludu mħatri lokali, (iii) każinos tradizzjonali, (iv) każinos onlajn, (v) magni tal-logħob li joffru rebħ ta’ flus fi swali tad-divertiment jew djar pubbliċi, barijiet eċċ., u (vi) logħob mingħajr imħatri.

(14)

L-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard jistabbilixxi rati ta’ taxxa differenti, skont jekk il-logħob huwiex ipprovdut f’każinos onlajn jew f’każinos tradizzjonali.

(15)

Skont l-Artikolu 10 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, id-detenturi tal-liċenzja li jipprovdu logħob f’każinos tradizzjonali, huma soġġetti għal imposta bażika ta’ 45 fil-mija tad-dħul gross mil-logħob tal-azzard tagħhom (“GGR” – id-differenza bejn l-imħatri u r-rebħ), bit-tnaqqis tal-valur tat-tokens fl-arranġament, u għal imposta addizzjonali ta’ 30 fil-mija tad-dħul gross mil-logħob tal-azzard (bit-tnaqqis tal-valur tat-tokens fl-arranġament) li jaqbeż DKK 4 miljun (meta kkalkulat kull xahar) (8).

(16)

Skont l-Artikolu 11 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, id-detenturi tal-liċenzja li jipprovdu logħob f’każino onlajn, huma soġġetti għal imposta ta’ 20 fil-mija tal-GGR tagħhom.

(17)

Id-detenturi tal-liċenzja li jipprovdu magni tal-logħob li joffru rebħ ta’ flus (slot machines) fi swali tad-divertiment u djar pubbliċi, barijiet, eċċ., huma soġġetti għal imposta ta’ 41 fil-mija tad-dħul gross mil-logħob tal-azzard tagħhom. Żieda ta’ 30 fil-mija hija mħallsa fuq magni tal-logħob fi djar pubbliċi, barijiet, eċċ., għad-dħul gross mil-logħob tal-azzard li jaqbeż DKK 30 000, u fuq magni tal-logħob fi swali tad-divertiment għad-dħul gross mil-logħob tal-azzard li jaqbeż DKK 250 000. (9)

(18)

Fir-rigward tal-ħlas tal-liċenzja, l-Att dwar il-Logħob tal-Azzard jipprovdi li kull min japplika għal liċenzja biex joffri mħatri jew logħob f’każinos onlajn, għandu jħallas DKK 250 000 (DKK 350 000 jekk japplikaw kemm għall-imħatri, kif ukoll għal-logħob f’każinos onlajn), u ħlas tal-liċenzja fis-sena li tvarja bejn DKK 50 000 sa DKK 1 500 000, skont id-dħul mil-logħob tal-azzard.

(19)

L-Att dwar il-Logħob tal-Azzard jeħtieġ fornituri ta’ logħob tal-azzard onlajn li jiġu stabbiliti fid-Danimarka, jew jekk huma residenti ta’ Stat Membru ieħor tal-UE jew iż-ŻEE, li jiġi nominat rappreżentant approvat (Artikolu 27).

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(20)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE rigward il-miżura inkwistjoni minħabba li tista’ tinkludi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(21)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura tista’ titqies bħala selettiva fid-dawl tal-ġurisprudenza. Hija ftakret li kull valutazzjoni tas-selettività ta’ miżura tat-taxxa għandha tinvolvi eżaminazzjoni ta’ jekk il-miżura mogħtija tkunx favur ċerti impriżi b’kuntrast ma’ impriżi oħra, li s-sitwazzjoni legali u fattwali tagħhom hija kumparabbli fid-dawl tal-għan milħuq mill-iskema inkwistjoni. (10)

(22)

Minħabba n-natura tal-logħob offrut onlajn u fi stabbilimenti tradizzjonali, l-esperjenza soċjali pprovduta bil-logħob taż-żewġ tipi, u l-profili soċjo-ekonomiċi tal-konsumaturi, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk id-differenzi bejn il-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali kinux sostanzjali biżżejjed biex tikkunsidrahom bħala mhux komparabbli fil-liġi u fil-fatt għall-għanijiet tat-trattament tat-taxxa tagħhom skont l-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard.

(23)

Aktar minn hekk, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li jekk il-miżura għandha tiġi kkunsidrata prima facie bħala selettiva, l-awtoritajiet Daniżi jkunu fallew milli jistabbilixxu li l-miżura tista’ tiġi ġġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa.

(24)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw li r-rata tat-taxxa għal-logħob tal-azzard onlajn uriet il-bilanċ neċessarju bejn il-fatt li jiġu sodisfatti l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-logħob tal-azzard sabiex jiġu protetti l-parteċipanti minn naħa waħda, u l-kapaċità li tiġi affrontata l-kompetizzjoni mill-operaturi onlajn stabbiliti f’pajjiżi oħra b’rati tat-taxxa iktar baxxi min-naħa l-oħra.

(25)

Barra minn hekk, rigward ir-referenza mill-awtoritajiet Daniżi għall-għanijiet ġenerali milħuqa mill-Att dwar il-Logħob tal-Azzard (ara l-paragrafu 8), il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li dawn l-għanijiet dehru li huma ta’ natura ġenerali u esterni għas-sistema tat-taxxa. Ladarba hija ġurisprudenza stabbilita l-fatt li l-għanijiet intrinsiċi tas-sistema tat-taxxa biss huma pertinenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Daniżi ma ssostanzjawx biżżejjed il-pretensjoni tagħhom li s-selettività tal-miżura tat-taxxa inkwistjoni kienet meħtieġa mil-loġika tas-sistema tat-taxxa.

(26)

Aktar minn hekk, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-Att notifikat inkluda vantaġġ fuq it-taxxa konferit permezz tal-użu tar-riżorsi tal-Istat, minħabba li d-dħul tat-taxxa ta lill-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn vantaġġ f’forma ta’ rata sostanzjali aktar baxxa tad-dazju. Barra minn hekk, safejn il-miżura tipprovdi vantaġġ ekonomiku selettiv lill-operaturi onlajn li joperaw fid-Danimarka, din tista’ taffettwa l-kummerċ fis-suq intern u ttellef il-kompetizzjoni.

(27)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wriet id-dubji tagħha dwar jekk il-miżura notifikata tistax taqa’ fl-ambitu ta’ kwalunkwe deroga stabbilita fl-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE.

4.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET DANIŻI

(28)

Bl-ittra tal-14 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Daniżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jibdew il-proċedimenti.

Kummenti dwar il-komparabbiltà bejn każinos onlajn u tradizzjonali

(29)

L-awtoritajiet Daniżi, skont lista ta’ differenzi fattwali u ekonomiċi bejn il-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali ppreżentati fin-notifika tagħhom, reġgħu tennew li l-logħob tal-azzard onlajn għandu jitqies bħala attività differenti mil-logħob tal-azzard tradizzjonali.

(30)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, is-softwer użat f’ċertu logħob elettroniku offrut f’każinos tradizzjonali u dak użat f’każinos onlajn mhuwiex l-istess. Minbarra l-fatt li l-pjattaformi u l-fornituri mhumiex l-istess, intqal li hemm differenzi kbar bejn dan il-logħob elettroniku, minħabba li l-preżenza fiżika tal-lagħaba hija meħtieġa sabiex dan jintlagħab f’każinos tradizzjonali. Il-preżenza fiżika tinkludi diversi kosti (pereżempju għat-trasportazzjoni, il-ħlas fuq id-dħul, il-ħlas għal kmamar tal-ilbies, l-ikel jew ix-xorb) li mhumiex inklużi f’logħob tal-azzard onlajn.

(31)

Għall-awtoritajiet Daniżi, il-fatt li numru ta’ Stati Membri jipprojbixxu l-logħob tal-azzard onlajn waqt li jippermettu servizzi ta’ logħob tal-azzard tradizzjonali wera d-differenzi involuti fil-provvista taż-żewġ tipi ta’ logħob tal-azzard.

(32)

Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li l-Kummissjoni ma qisitx il-konklużjonijiet tal-“Istudju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea” (“Study of Gambling Services in the Internal Market of the European Union”) (11) tal-2006, fejn skont dan, il-każinos onlajn u tradizzjonali għandhom jiġu kkunsidrati bħala swieq differenti.

(33)

L-awtoritajiet Daniżi enfasizzaw ukoll li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ffukat biss fuq każinos tradizzjonali u ma qisitx il-magni tal-logħob tal-azzard (jiġifieri slot machines, iżda mhux rulett, blackjack, poker, eċċ.) li jinsabu fi djar pubbliċi tradizzjonali, barijiet, eċċ., jew swali tad-divertiment u swali tal-logħob tal-azzard.

Kummenti dwar is-selettività prima facie li tiġi ġġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa

(34)

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għall-miżuri permezz tal-loġika tas-sistema tat-taxxa, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-Kummissjoni setgħet interpretat ħażin l-għan tal-miżura notifikata. L-għan ta’ din il-miżura mhuwiex li tiġi ppriservata l-kompetittività internazzjonali tal-industrija Daniża tal-logħob tal-azzard, iżda biex jintlaħqu l-erba’ għanijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni (iż-żamma tal-logħob tal-azzard fuq livell moderat; il-protezzjoni taż-żgħażagħ jew persuni oħra vulnerabbli mill-esplojtazzjoni tal-logħob jew milli jiżviluppaw il-vizzju tal-logħob tal-azzard; il-protezzjoni tal-parteċipanti bl-assigurazzjoni li l-logħob huwa offrut b’mod ġust, responsabbli u trasparenti; l-assigurazzjoni ta’ ordni pubblika u l-prevenzjoni mil-logħob tal-azzard li jintuża għal skopijiet kriminali).

(35)

Fir-rigward tar-rati tat-taxxa differenti fuq il-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali, l-awtoritajiet Daniżi spjegaw li huma affrontati b’dilemma leġiżlattiva u regolatorja. Minn naħa waħda, ma jistgħux jibqgħu jżommu s-sitwazzjoni monopolistika attwali u jtawlu l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-azzard onlajn. Min-naħa l-oħra, il-provvista għal livell tat-taxxa uniformi għall-attivitajiet ta’ logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali, jikkontesta l-għanijiet ta’ politika milħuqa mill-gvern f’dan il-qasam.

(36)

B’mod partikolari, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw li l-istabbiliment ta’ livell tat-taxxa uniformi għall-attivitajiet kollha tal-logħob tal-azzard iwassal għal soluzzjonijiet inkonsistenti, irrispettivament mill-mudell tat-taxxa magħżul. L-għażla ta’ mudell ibbażat fuq rata tat-taxxa aktar baxxa u uniformi ta’ 20 fil-mija tagħti inċentiv b’saħħtu li wieħed jilgħab f’każinos tradizzjonali, li huwa kuntrarju għall-interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumatur.

(37)

F’kuntrast ma’ dan, mudell ibbażat fuq rata tat-taxxa aktar għolja u uniformi simili ma’ dik applikata għal-logħob tal-azzard tradizzjonali, ibiddel l-opinjoni tal-operaturi onlajn milli jiksbu liċenzja sabiex jipprovdu servizzi mid-Danimarka, u għalhekk iwaqqa’ l-għanijiet tal-liberalizzazzjoni tal-liġi. Dan imur ukoll kontra l-interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ladarba l-ebda kontroll effettiv tal-logħob tal-azzard onlajn mhuwa possibbli.

(38)

B’appoġġ għall-pożizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi ressqu memorandum mill-Ministru għat-Tassazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2010 lill-Kelliema dwar il-Politika tal-partijiet politiċi tal-Parlament Daniż dwar il-livell ta’ dazju li għandu jiġi stabbilit (12). Il-memorandum juri li t-trattament tat-taxxa differenzjat attwali għandu jiġi meqjus bħala r-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ bilanċ, li minn naħa waħda huwa mmirat li jiżgura li l-liġi hija mħarsa, u min-naħa l-oħra huwa mmirat li jgħolli d-dħul mit-taxxa u jżomm il-logħob tal-azzard fuq livell moderat.

(39)

F’din il-konnessjoni, l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw li l-kompetizzjoni internazzjonali u n-natura globali tal-industrija tal-logħob tal-azzard onlajn għandhom jiġu meqjusa wkoll. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi rreferew għall-“Istudju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea”, li skontu, il-kosti sabiex isir negozju fil-pajjiż għall-fornituri ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż sabiex isir negozju barra l-pajjiż, biex b’hekk ikun iktar attraenti għall-konsumaturi u l-fornituri li joperaw fi ħdan il-ġuriżdizzjonijiet tagħhom milli f’pajjiżi oħra. (13)

(40)

Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw li l-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ Salzgitter, li skontu, il-Kummissjoni ma għandhiex tikkumpara l-livell notifikat ta’ tassazzjoni ma’ livelli applikabbli fi Stati Membri oħra sabiex tiddetermina jekk il-miżura notifikata tikkostitwixxix l-għajnuna mill-Istat (14), ma japplikax għall-Att notifikat, minħabba li t-trattament tat-taxxa differenzjat bejn l-attivitajiet ta’ logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali huwa bbażat esklużivament fuq konsiderazzjonijiet tat-taxxa interna. B’mod partikolari, il-gvern Daniż ma qiesx ir-rati tat-taxxa applikabbli fi Stati Membri oħra sabiex ikabbar il-kompetittività tal-industrija Daniża tal-logħob tal-azzard, iżda ra biss li jsib bilanċ xieraq mal-erba’ għanijiet tal-politika msemmija qabel tal-Att notifikat.

(41)

Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-każ ta’ Salzgitter, minħabba li qagħdet fuqu mhux biex tivvaluta n-natura selettiva tal-miżura notifikata, iżda biex teżamina jekk is-selettività tal-miżura notifikata tistax titqies bħala ġustifikata.

(42)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Daniżi jikkunsidraw li l-miżura notifikata tat-taxxa, jekk tinstab li hija selettiva, għandha titqies bħala ġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(43)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn 17-il parti terza interessata, inklużi l-kwerelanti: sebgħa minnhom kienu assoċjazzjonijiet, (15) sebgħa kienu impriżi (16) u tlieta kienu Stati Membri (17).

Kummenti minn partijiet terzi favur il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi

(44)

Fir-rigward tas-selettività tal-miżura, uħud mill-partijiet interessati jsostnu li l-każinos onlajn u tradizzjonali mhumiex f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, għax dawn l-impriżi ma joperawx fl-istess suq u, konsegwentement, il-miżura tat-taxxa ma titlaqx mis-sistema tat-taxxa ġeneralment applikabbli. Għalhekk, il-miżura tat-taxxa ma għandhiex titqies bħala selettiva.

(45)

Bħala appoġġ għal din il-pożizzjoni, il-partijiet terzi interessati jsostnu li l-prodotti offruti minn każinos onlajn u tradizzjonali huma sostanzjalment differenti. L-attivitajiet offruti minn każinos tradizzjonali jikkostitwixxu esperjenza soċjali fejn, b’kuntrarju għal-logħob tal-azzard onlajn, id-diskussjoni, l-apparenza u l-ambjent fiżiku huma parti ċentrali tal-esperjenza tal-logħob tal-azzard. Aktar minn hekk, il-logħob tal-azzard tradizzjonali għandu jitqies bħala parti mill-esperjenza ġenerali tad-divertiment, li hija kkupplimentata b’attivitajiet oħra, fosthom dawk offruti mir-ristoranti, il-barijiet, il-faċilitajiet konvenzjonali u s-servizzi tal-lukandi.

(46)

Barra minn hekk, dawk il-partijiet interessati jargumentaw li l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali ma jippreżentawx l-istess riskji ta’ vizzju. L-appoġġ għal din il-pożizzjoni jista’ jinstab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li qalet li “l-karatteristiċi speċifiċi għall-offerta tal-logħob tal-azzard fuq l-Internet jistgħu ikunu sors ta’ riskji ta’ natura differenti, u ta’ portata ikbar rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi”. (18) Issir ukoll referenza għall-istudju dwar il-logħob tal-azzard ippubblikat mill-Institut National de la Santé et de la Recherche Médicale  (19), fejn skont dan, il-logħob tal-azzard jippreżenta riskju veru ta’ vizzju li, madankollu, jeħtieġ jiġi indirizzat minn suq regolat għal-logħob tal-azzard onlajn.

(47)

Aktar minn hekk, xi partijiet interessati argumentaw li hemm tqassim tas-suq tal-logħob tal-azzard ibbażat fuq modi differenti ta’ distribuzzjoni, li jikkostitwixxu element pertinenti sabiex jintgħarfu s-swieq rilevanti differenti. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-opinjoni tal-awtorità Franċiża għall-kompetizzjoni tal-20 ta’ Jannar 2011, li osservat li l-logħob tal-azzard onlajn jista’ jkun differenti mil-logħob tal-azzard fil-klabbs jew il-ħwienet. (20)

(48)

Uħud mill-partijiet interessati osservaw ukoll li l-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva limitata fiż-żona ġeografika speċifika fejn huma joffru l-logħob tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, l-operaturi onlajn jaffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa minn operaturi onlajn oħra. B’mod partikolari, ladarba l-prodotti tal-logħob tal-azzard f’każinos tradizzjonali huma marbuta ma’ post fiżiku, il-konsumaturi jeħtieġu jiċċaqilqu fiżikament sabiex jaslu għall-post rilevanti. Pereżempju, fid-Danimarka hemm sitt postijiet biss fejn il-każinos tradizzjonali jistgħu joperaw. B’kuntrast ma’ dan, l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn jippermettu li l-parteċipanti jkollhom aċċess għal numru kbir ta’ organizzazzjonijiet tal-logħob tal-azzard minn operaturi internazzjonali differenti. Aktar minn hekk, il-kompetizzjoni b’saħħitha għall-każinos onlajn tkompli tikber dejjem aktar bl-eżistenza ta’ siti elettroniċi speċjalizzati li jikkumparaw l-offerti ta’ għadd ta’ fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn, u bl-għadd ta’ blogs u forums li jippermettu lill-parteċipanti li jikkumparaw il-prodotti, il-prezzijiet u s-servizzi offruti mill-operaturi onlajn.

(49)

Fl-istess ħin, dawn il-partijiet interessati josservaw li l-marġnijiet tal-profitt assoċjati mal-logħob tal-azzard onlajn huma b’mod sinifikanti aktar baxxi minn dawk assoċjati mal-logħob tal-azzard tradizzjonali, minħabba l-kompetizzjoni ħarxa fost l-operaturi onlajn u n-nuqqas tat-tali kompetizzjoni bejn il-każinos tradizzjonali. Għalhekk, il-każinos onlajn ikollhom b’mod sinifikanti marġnijiet aktar baxxi fir-rigward tal-proporzjon tar-rimborż, jiġifieri l-persentaġġ tal-ammonti milgħuba li huwa kkreditat lura lill-konsumaturi. Akar minn hekk, il-każinos tradizzjonali jistgħu joffru prodotti sekondarji oħra u għalhekk jibbenefikaw mid-dħul sekondarju fosthom lukandi tal-każinos, barijiet, jew ristoranti, li mhumiex preżenti f’ambjent onlajn. Konsegwentement, ladarba l-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali jistgħu jiġġeneraw profitt ogħla fil-logħob tal-azzard mill-operaturi onaljn, id-differenza fir-rati tat-taxxa tkun ġustifikata mill-prinċipju tal-“kapaċità finanzjarja għall-ħlas”, fejn skont dan, dawk li jifilħu piż ogħla tat-taxxa għandhom iħallsu taxxi ogħla.

(50)

Minbarra l-argumenti msemmija hawn fuq, xi partijiet interessati argumentaw ukoll li anke jekk il-miżura Daniża tinstab li hija selettiva, il-kriterju ta’ selettività jkun iġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. L-għan tar-rata tat-taxxa differenzjata Daniża kien li jkun hemm assigurazzjoni li l-operaturi onlajn japplikaw għal-liċenzja Daniża u għalhekk iħallsu taxxi Daniżi fil-futur, waqt li fl-istess ħin ikun hemm garanzija li jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-logħob tal-azzard.

(51)

B’żieda ma’ dan, xi partijiet interessati rreferew għall-Avviż tal-Kummissjoni tal-1998 fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozji (21), fejn skont dawn, l-għan kollu tas-sistema tat-taxxa huwa l-ġbir tad-dħul għan-nefqa tal-Istat. Fuq din il-bażi, huma jikkunsidraw li l-għan li jitkattar id-dħul tat-taxxa milli jipprovdu logħob tal-azzard onlajn lir-residenti Daniżi ma jintlaħaqx b’rata tat-taxxa ogħla mir-rata stabbilita għal-logħob tal-azzard onlajn skont l-Att notifikat.

Kummenti minn partijiet terzi kontra l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi

(52)

F’kuntrast mal-argumenti msemmija qabel, partijiet terzi oħra – il-biċċa l-kbira tagħhom huma operaturi tradizzjonali – ressqu kummenti kontra l-attitudni tal-awtoritajiet Daniżi.

(53)

Essenzjalment, dawn il-partijiet interessati argumentaw li s-sistema Daniża tat-taxxa għandha titqies bħala selettiva, minħabba li tintroduċi differenza fit-trattament tat-taxxa bejn żewġ gruppi ta’ impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali li hija komparabbli fid-dawl tal-għanijiet tal-miżura. Dawn il-partijiet jallegaw li l-każinos onlajn u tradizzjonali jwettqu attivitajiet kompetenti fl-istess suq wieħed u għalhekk, huma jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.

(54)

B’appoġġ għal din il-pożizzjoni, il-partijiet interessati jsostnu li l-logħob ipprovdut mill-każinos onlajn u tradizzjonali huwa simili. Ir-regoli tal-logħob tal-każinos għandhom jitqiesu bħala l-istess, u l-interazzjonijiet virtwali mal-krupiera jew parteċipanti oħra onlajn huma komparabbli mal-interazzjonijiet reali f’każinos tradizzjonali. Il-manifatturi tal-magni tal-logħob tal-azzard tradizzjonali jkollhom jipproduċu l-istess mudelli għall-użu onlajn bħall-użu tradizzjonali. Għalhekk, mil-lat tekniku, il-logħob tal-każinos offrut kemm onlajn kif ukoll mhux onlajn kien identiku f’termini ta’ pjattaformi teknoloġiċi, id-deskrizzjonijiet, il-fatturi, il-format u l-parametri.

(55)

Aktar minn hekk, il-partijiet interessati allegaw li l-profili tal-konsumaturi ta’ każinos onlajn u tradizzjonali huma komparabbli. Għalhekk, l-aspett tal-konsumatur m’għandux jintuża bħala argument pertinenti sabiex jintgħaraf il-logħob tal-azzard onlajn minn dak tradizzjonali.

(56)

Xi partijiet interessati ma ħasbux li l-logħob tal-azzard onlajn għandu jitqies bħala attività differenti mil-logħob tal-azzard tradizzjonali, iżda biss bħala mod ieħor li bih huwa offrut il-logħob lill-parteċipanti.

(57)

B’żieda mal-argumenti msemmija hawn fuq, il-partijiet interessati jaħsbu li s-suq attwali tal-logħob tal-azzard għandu jitqies bħala suq uniku li qed jgħaddi minn bidla kbira, immarkata minn bidla sostanzjali tal-parteċipanti mill-każinos tradizzjonali għal dawk onlajn. Hemm bosta raġunijiet possibbli għal dan l-iżvilupp riċenti, li jinkludu l-użu dejjem akbar tal-Internet, l-ispejjeż baxxi tat-tħaddim tal-każinos onlajn fil-livelli kollha (faċilitajiet, impjegati u spejjeż fissi), il-fatt li l-każinos onlajn jistgħu jipprovdu aċċess bla limitu għal-logħob tal-azzard erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u kullimkien minħabba l-iżvilupp kontinwu tat-teknoloġiji l-ġodda.

(58)

Il-partijiet interessati jbassru li din il-bidla fis-sehem tas-suq mil-logħob tal-azzard tradizzjonali għal dak onlajn se tkompli tiżdied fil-futur minħabba l-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku, l-inizjattivi kummerċjali, u l-penetrazzjoni tas-suq tipika tal-kummerċ elettroniku, li għamlu lil dan is-settur tal-industrija tal-logħob tal-azzard tassew dinamiku u trasformattiv. F’dan ir-rigward, huma jirreferu wkoll għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot fil-każ tal-Liga Portuguesa de Futebol Profissional  (22) fejn skont dan, l-impatt ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni huwa tant li l-logħob tal-azzard u l-imħatri, li qabel kienu disponibbli biss fi premessi speċifiċi, issa jistgħu jintlagħbu f’kull ħin u post, minħabba l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda bħat-telefowns, it-televixin interattiv u l-Internet.

(59)

Issir ukoll referenza għall-Istudju tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-2006. (23) Għalhekk, “il-futur tal-logħob tal-azzard fil-każinos jidher li kulma jmur se jkompli jkun ibbażat fuq servers, minħabba li l-magni tal-logħob jibqgħu dejjem aktar jinkludu softwer biex jitniżżel il-logħob onlajn”. (24) Dan l-iżvilupp ikun immarkat bl-iżvilupp tal-postijiet ġodda ta’ logħob tal-azzard ibridi.

(60)

Abbażi tal-argument imsemmi qabel, il-partijiet interessati jikkonkludu li l-miżura hija selettiva minħabba li l-każinos onlajn u tradizzjonali jwettqu attivitajiet li huma f’sitwazzjoni komparabbli fil-liġi u fil-fatt. It-tali selettività lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa. Aktar minn hekk, huma jikkunsidraw li jekk jimponu rata tat-taxxa ogħla, dan mhux se jiskoraġġixxi lill-fornituri onlajn milli japplikaw għal liċenzja fid-Danimarka.

(61)

Aktar minn hekk, ir-referenza Daniża għas-sistemi tat-taxxa nazzjonali ta’ Stati Membri oħra biex tiġi ġġustifikata l-ħtieġa li jiġu attirati l-fornituri tal-każinos onlajn mhijiex pertinenti, minħabba li hija meqjusa bħala ġurisprudenza kostanti li kwalunkwe ġustifikazzjoni għandha tiġi bbażata esklużivament fuq is-sistema tat-taxxa nazzjonali. (25) Barra minn hekk, l-argument tal-awtoritajiet Daniżi li t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa applikabbli għal ċerti impriżi hija neċessarja sabiex is-suq isir aktar kompetittiv ġie miċħud b’mod konsistenti mill-qrati.

6.   KUMMENTI MID-DANIMARKA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI

(62)

Waqt li jtennu l-pożizzjonijiet tagħhom li l-miżura notifikata mhijiex selettiva u ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Daniżi josservaw li l-gvernijiet kollha li jintervjenu jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħhom li hemm ħtieġa, minn perspettiva regolatorja, li ssir distinzjoni bejn il-każinos onlajn u dawk tradizzjonali.

(63)

Josservaw ukoll li l-metodoloġija użata għad-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE hija intenzjonata għall-impriżi privati u hija bbażata fuq valutazzjoni tas-sostitwibbiltà tal-prodott mill-fehma tad-domanda u l-provvista, u għalhekk m’għandhiex tapplika għall-għan tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. L-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija taqbeż il-limiti tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, li fil-każ preżenti huma applikati għas-setgħat tat-taxxa sovrana tal-Istat Membru.

(64)

Fil-fehma tagħhom, il-logħob tal-azzard onlajn għandu jitqiegħed għalih mil-logħob tal-azzard tradizzjonali. F’dan ir-rigward, jirreferu wkoll għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni adottata fil-proċedimenti tal-amalgamazzjonijiet, fejn il-magni tal-logħob tal-azzard (magni tal-jackpot, magni tat-tokens u l-flus kontanti jew id-divertimenti bil-prezzijiet (AWPs)) jikkostitwixxu suq separat tal-prodott (26). Isemmu wkoll fost l-oħrajn id-deċiżjoni adottata mill-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni, fejn skont dan, il-poker tradizzjonali ma jiffurmax parti mill-istess suq tal-poker onlajn, minħabba li l-poker tradizzjonali jeħtieġ kontroll awtomatiku personali, osservazzjoni tal-parteċipanti l-oħra, ħafna drabi spejjeż ogħla u limitu mill-fehma ġeografika (27). Issir ukoll referenza għal deċiżjoni ta’ amalgamazzjoni adottata mill-Office of Fair Trading Brittanniku, li jagħmel distinzjoni bejn uffiċċji liċenzjati tal-imħatri minn naħa, u l-imħatri li jsiru fuq it-telefown jew l-Internet min-naħa l-oħra (28).

(65)

Fir-rigward tad-differenza fis-swieq tal-prodotti, l-awtoritajiet Daniżi josservaw li, skont ħafna partijiet intervenjenti, servizzi addizzjonali — u iktar għaljin b’mod sinifikanti — huma offruti fi stabbilimenti tal-logħob tal-azzard. Mill-fehma soċjoloġika, l-awtoritajiet Daniżi tennew il-pożizzjoni tagħhom li l-parteċipanti remoti u tradizzjonali huma tipi differenti ta’ konsumaturi, kif inhu indikat ukoll fil-Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern riċenti tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2011, li ddikjara li l-profil tal-lagħaba onlajn jidher li huwa differenti minn dak tal-konsumaturi ta’ każinos tradizzjonali jew ħwienet tal-imħatri (29).

(66)

L-awtoritajiet Daniżi jtennu wkoll li l-proporzjoni tar-rimborż huwa b’mod sinifikanti ogħla għall-operaturi onlajn, minħabba l-ispejjeż baxxi tagħhom tat-tħaddim. Huma josservaw ukoll li d-differenzi bejn il-każinos onlajn u tradizzjonali jistgħu jinstabu fl-aspetti tekniċi tas-softwer użat, ir-regolamenti differenti biex jinħarġu l-liċenzji, u l-pożizzjoni tad-dominanza lokali għall-każinos tradizzjonali.

(67)

L-awtoritajiet Daniżi jikkontestaw ukoll l-interpretazzjoni minn ċerti partijiet interessati tal-opinjoni msemmija hawn fuq tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża tal-Liga Portuguesa. Huma josservaw li din l-opinjoni, li nħarġet fil-kuntest tal-libertà li jingħataw is-servizzi, taqbel mal-idea li l-operaturi tal-logħob tal-azzard remot għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti mill-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali.

(68)

Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi jirrikonoxxu li ċerti tipi ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn xorta waħda jistgħu jikkostitwixxu forma oħra ta’ bejgħ, bħal fil-każ tas-servizzi tal-imħatri.

(69)

Fir-rigward tal-għanijiet tal-Att notifikat, l-awtoritajiet Daniżi jiċħdu l-argument ta’ ċerti partijiet interessati li l-Att notifikat huwa maħsub li jattira fornituri barranin tal-logħob tal-azzard. Anzi, l-għanijiet milħuqa mill-gvern huma dawk imniżżla fl-Att dwar il-Logħob tal-Azzard. B’żieda ma’ dan, l-għan ġenerali tal-Att il-ġdid jibqa’ mhux mittiefes, jiġifieri li jiġi ġġenerat id-dħul fuq il-logħob tal-azzard bħal kull sistema simili għall-ġbir tad-dħul sabiex jiġi ffinanzjat il-baġit pubbliku.

(70)

L-awtoritajiet Daniżi jaqblu wkoll mal-pożizzjoni espressa minn xi partijiet interessati li l-abbiltà tal-persuna taxxabbli li jħallas tista’ titqies bħala ġustifikazzjoni valida. Fil-każ preżenti, il-kapaċità finanzjarja tal-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn fil-fatt tkun b’mod sinifikanti aktar baxxa.

(71)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Daniżi josservaw li s-sistema tat-taxxa tagħhom dwar il-logħob tal-azzard remot hija mfassla b’mod li tiżgura l-aqwa rendiment tad-dħul possibbli. Għalhekk, ir-rata tat-taxxa baxxa għal-logħob tal-azzard onlajn tirrifletti l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn l-erba’ għanijiet stabbiliti fl-Att notifikat, bil-ħtieġa li jinġabar l-akbar dħul tat-taxxi.

7.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

7.1.   Eżistenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(72)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

7.1.1.   Riżorsi tal-Istat

(73)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jeħtieġ li l-miżura tingħata minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi mill-Istat. Nuqqas fid-dħul tat-taxxa huwa ndaqs għall-konsum tar-riżorsi mill-Istat fil-forma ta’ spiża fiskali.

(74)

Fil-każ evalwat, il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat ma ġietx ikkontestata minn xi parti u lanqas mill-awtoritajiet Daniżi, mill-kwerelanti, jew partijiet terzi.

(75)

Billi jippermettu lill-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn iħallsu taxxa b’rata relattivament baxxa ta’ 20 fil-mija tal-GGR (30), l-awtoritajiet Daniżi jċedu d-dħul li jikkostitwixxi r-riżorsi mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li l-miżura inkwistjoni tinvolvi telf ta’ riżorsi mill-Istat, u għalhekk tingħata permezz tar-riżorsi mill-Istat.

7.1.2.   Vantaġġ

(76)

Il-miżura għandha tagħti wkoll vantaġġ finanzjarju lir-reċipjent. Il-kunċett ta’ vantaġġ ikopri mhux biss il-benefiċċji pożittivi iżda wkoll l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ħlasijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża (31).

(77)

Fil-każ preżenti, l-eżistenza ta’ vantaġġ ma ġietx sfidata minn xi parti, u lanqas mill-awtoritajiet Daniżi, il-kwerelanti, jew il-partijiet terzi.

(78)

Skont l-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, l-impriżi tal-logħob tal-azzard onlajn jistgħu jħallsu t-taxxa fuq il-GGR tagħhom b’rata ta’ 20 fil-mija. Din ir-rata hija sostanzjalment inqas mir-rata applikabbli għall-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali. Għalhekk, l-impriżi tal-logħob tal-azzard onlajn jibbenefikaw minn vantaġġ fil-forma ta’ piż inqas tat-taxxa. Isegwi li l-miżura evalwata tinvolvi vantaġġ għall-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn.

7.1.3.   It-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(79)

Skont it-termini tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-miżura għandha taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-UE u tfixkel, jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni. Fil-każ preżenti, il-fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn li jistabbilixxu lilhom infushom fid-Danimarka se jkunu esposti għall-kompetizzjoni u jkunu involuti fil-kummerċ fi ħdan il-Komunità. Konsegwentement, l-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard li jipprovdi għat-trattament tat-taxxa tal-impriżi Daniżi li jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn, jaffettwa neċessarjament il-kummerċ fi ħdan il-Komunità u jfixkel, jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni.

7.1.4.   Selettività

(80)

Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-miżura għandha tinstab bħala selettiva sakemm tkun favur ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti.

(81)

L-interpretazzjoni stabbilita tas-selettività fil-ġurisprudenza hija li miżura tkun selettiva jekk hija “intenzjonata parzjalment li teżenta dawk l-impriżi mill-imposti finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tas-sistema ġenerali tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti bil-liġi.” (32) Isegwi li l-miżura hija selettiva jekk din tikkostitwixxi tluq mill-applikazzjoni tal-qafas tat-taxxa ġenerali. Skont il-ġurisprudenza eżistenti, għandu jiġi evalwat jekk miżura mogħtija hijiex favur ċerti impriżi milli impriżi oħra li s-sitwazzjoni legali u fattwali tagħhom hija komparabbli fid-dawl tal-għan milħuq mill-iskema inkwistjoni (33).

(82)

Skont il-każistika, jekk il-miżura hija kkunsidrata li titlaq mis-sistema tat-taxxa ġenerali, għandha tkun eżaminata biex tiddetermina jekk dik id-differenza tirriżultax min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa li tagħmel parti minnha (34). Fi kliem ieħor, il-mistoqsija hija jekk il-miżura kkonċernata, li tidher prima facie li hija selettiva, hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-loġika tas-sistema tat-taxxa (35).

Sistema ta’ Referenza

(83)

Fil-każ preżenti, is-sistema ta’ referenza għandha tkun imfissra bħala s-sistema ta’ tassazzjoni għall-attivitajiet Daniżi tal-logħob tal-azzard. L-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard għandu l-għan li jirregola l-ħlas tad-dazju fuq l-attivitajiet kollha tal-logħob tal-azzard li huma pprovduti jew irranġati fid-Danimarka, sew jekk huma attivitajiet onlajn, kif ukoll dawk tradizzjonali. Għalhekk, huwa kontra din is-sistema ta’ referenza tat-taxxa li l-miżura inkwistjoni (jiġifieri t-trattament tat-taxxa differenzjat favur l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn) għandha tiġi eżaminata.

Tluq mis-sistema tat-taxxa ġenerali

(84)

Ladarba l-Att notifikat jipprovdi li d-detenturi tal-liċenzja jipprovdu li logħob f’każinos onlajn huma soġġetti għal imposta ta’ 20 fil-mija tal-GGR, waqt li d-detenturi tal-liċenzja li jipprovdu logħob f’każinos tradizzjonali huma soġġetti għal imposta bażika ta’ 45 fil-mija tal-GGR flimkien ma’ ħlas addizzjonali sa 30 fil-mija tal-GGR, tirriżulta l-mistoqsija dwar jekk l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn jew tradizzjonali, li huma soġġetti għal dazji differenti tat-taxxa, għandhomx jitqiesu bħala legalment u fattwalment komparabbli.

(85)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw b’mod kontinwu li l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali mhumiex legalment u fattwalment komparabbli skont il-pjattaformi, l-ispejjeż, il-marġnijiet finanzjarji, l-esperjenza soċjali, il-fornituri u l-prodotti.

(86)

Aktar minn hekk, bħal fil-każ ta’ partijiet oħra interessati, huma enfasizzaw id-differenza sostanzjali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi b’referenza għall-kompetizzjoni ħarxa affrontata mill-każinos onlajn meta mqabbla man-nuqqas tal-kompetizzjoni li jiltaqgħu magħha l-operaturi tradizzjonali.

(87)

Minkejja n-numru ta’ differenzi oġġettivi bejn l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn u dawk tradizzjonali (bħal pereżempju l-preżenza fiżika kontra dik fuq l-Internet), il-Kummissjoni tikkunsidra li d-differenzi msemmija qabel bejn il-każinos tal-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali mhumiex suffiċjenti biex jistabbilixxu distinzjoni sostanzjali u deċiżiva fil-liġi u fil-fatt bejn iż-żewġ tipi ta’ impriżi.

(88)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-logħob offrut mill-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali u onlajn huwa l-istess. Il-logħob offrut mill-operaturi onlajn u tradizzjonali – li jinkludi r-rulett, il-bakkarà, il-punto banco, il-blackjack, il-poker u l-logħob fuq il-magni tal-logħob – jifforma parti mill-istess attività ta’ logħob tal-azzard, irrelevanti mill-isfond tagħhom fuq l-Internet jew tradizzjonali. Aktar minn hekk, mil-lat tekniku, il-logħob tal-każinos offrut onlajn u f’postijiet tradizzjonali jidher li huwa komparabbli f’termini ta’ pjattaformi teknoloġiċi, formats u parametri.

(89)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li, safejn it-tassazzjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard hija kkonċernata, il-logħob tal-azzard jitqies bħala mod ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ tip simili tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard. Bħala appoġġ għal din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni tosserva l-isforzi sostanzjali mwettqa mill-każinos onlajn biex jissimulaw l-esperjenza tal-każino tradizzjonali b’tali mod li l-parteċipanti onlajn iħossuhom qegħdin f’atmosferi ta’ każino tradizzjonali, aktar milli f’ambjenti virtwali.

(90)

Sabiex jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħhom li l-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali jitqies bħala attivitajiet legalment u fattwalment mhux komparabbli, l-awtoritajiet Daniżi rreferew fost l-oħrajn għal deċiżjoni tal-Office of Fair Trading Birttanniku li jagħmel distinzjoni bejn ħwienet liċenzjati tal-imħatri minn naħa, u l-imħatri fuq it-telefown jew l-Internet min-naħa l-oħra (36). Madankollu, din ir-referenza tmur kontra l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi li tgħid li l-imħatri onlajn u dawk li ma jsirux fuq l-Internet huma servizzi identiċi (37). F’dan ir-rigward, huwa wkoll kontradittorju l-fatt li l-awtoritajiet Daniżi għandhom jikkunsidraw is-servizzi tal-imħatri onlajn u dawk li ma jsirux fuq l-Internet bħala attivitajiet simili, u għalhekk jagħmluhom soġġetti għall-istess trattament tat-taxxa, waqt li jqisu tipi oħra ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali bħala attivitajiet distinti, u għalhekk jagħmluhom soġġetti għal rati differenti tat-taxxa.

(91)

L-awtoritajiet Daniżi qagħdu wkoll fuq id-deċiżjoni Candover-Cinven-Gala (38), li tgħid li l-magni tal-logħob tal-azzard (magni tal-jackpot, magni tat-tokens u flus kontanti jew AWPs) ikkostitwixxew suq tal-prodott indipendenti (39). Madankollu, minbarra l-fatt li din id-deċiżjoni ma kkonċernatx l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u lanqas il-kwistjoni tas-selettività, għandu jiġi osservat li minkejja li d-deċiżjoni tgħid li “l-magni tal-logħob tal-azzard (magni tal-jackpot, magni tat-tokens u magni tal-flus kontanti jew divertiment bil-prezzijiet (AWP)) jikkostitwixxu suq tal-prodott separat”, tgħid ukoll li “jistgħu jitqiesu bħala integrati fil-pakkett tal-logħob tal-azzard fuq il-postijiet rispettivi ta’ fejn jinsabu, jiġifieri fil-każinos, klabbs tal-bingo, postijiet ta’ divertiment, ħwienet tax-xorb, ħwienet tal-imħatri, eċċ”. (40).

(92)

Id-differenzi allegati fil-profili soċjo-ekonomiċi tal-konsumaturi, riskji ta’ vizzju, jew evoluzzjoni tas-suq huma bl-istess mod insuffiċjenti biex juru li l-logħob tal-azzard onlajn jew tradizzjonali jikkostitwixxi żewġ tipi differenti ta’ attivitajiet li mhumiex komparabbli legalment u fattwalment. Uħud minn dawn l-istudji li qagħdu fuqhom l-awtoritajiet Daniżi u l-kwerelanti bl-istess mod, jidher li jinkludu sejbiet biżżejjed biex jappoġġjaw il-konklużjonijiet opposti. Għalhekk, fir-rigward tal-Istudju tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-2006 (41), l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-istudju għandu tendenza juri li s-swieq onlajn u tradizzjonali huma separati (42). F’kuntrast ma’ dan, l-istess rapport huwa msemmi minn xi partijiet interessati (43) biex juru li s-suq tal-logħob tal-azzard onlajn m’għandux jitqies bħala suq ġdid iżda bħala l-evoluzzjoni tal-istess suq tal-logħob tal-azzard, immarkat bl-iżvilupp ta’ postijiet ġodda tal-logħob tal-azzard ibridi (44).

(93)

Bl-istess mod, l-istqarrijiet kontradittorji jinsabu fl-istudju mwettaq miċ-Ċentru Nazzjonali Daniż għar-Riċerka Soċjali (45), li huwa msemmi mill-awtoritajiet Daniżi u l-kwerelanti. Waqt li l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-lagħaba fil-każinos tradizzjonali huma differenti minn dawk fil-każinos onlajn fejn tidħol l-età, is-sess u l-livell ta’ edukazzjoni, il-kwerelanti, li joqogħdu fuq l-istess studju, jaslu għall-konklużjoni opposta u jgħidu li l-istudju juri li m’hemmx distinzjonijiet kbar bejn il-profili tal-konsumaturi li jilagħbu f’każinos tradizzjonali jew onlajn. Fil-fehma tagħhom, l-istudju juri li l-lagħaba li jilagħbu logħob kemm fil-każinos tradizzjonali kif ukoll f’dawk onlajn, ikunu normalment l-istess irġiel żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena (46).

(94)

Fuq il-bażi ta’ dak kollu msemmi qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-każinos onlajn u tradizzjonali għandhom jitqiesu bħala legalment u fattwalment komparabbli. Ladarba l-logħob tal-azzard onlajn u tradizzjonali joħloq l-istess riskji, il-miżura notifikata tindirizza l-logħob tal-azzard kemm onlajn, kif ukoll tradizzjonali. Il-miżura inkwistjoni tintroduċi trattament tat-taxxa differenzjat favur l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn għad-detriment tal-każinos tradizzjonali. Isegwi li l-miżura evalwata għandha titqies prima facie bħala selettiva għall-finijiet tal-Artikolu 107 tat-TFUE, ladarba tikkostitwixxi tluq mis-sistema tat-taxxa ġenerali.

Ġustifikazzjoni mil-loġika tas-sistema tat-taxxa

(95)

Jekk miżura li tidher prima facie li hija selettiva tistax tiġi ġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti. Wieħed jista’ joqgħod fuq il-prinċipji ta’ gwida jew il-prinċipji tas-sistema tat-taxxa biex jiġġustifika s-selettività tal-miżura.

(96)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi argumentaw li, minħabba l-aspetti problematiċi tas-settur involut, it-trattament tat-taxxa differenzjat favur l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn jikkostitwixxi l-uniku mod li jiżgura l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa tagħhom. Li wieħed jistabbilixxi rata tat-taxxa ogħla jista’ jaqta’ qalb l-operaturi tal-logħob tal-azzard milli japplikaw għal liċenzja Daniża, waqt li l-introduzzjoni ta’ piż tat-taxxa iktar baxx għall-operaturi kollha kkonċernati ikun il-kuntrarju tal-għan ġenerali li l-logħob tal-azzard jinżamm f’livell raġunat.

(97)

L-awtoritajiet Daniżi ddikjaraw ukoll li l-kapaċità finanzjarja tal-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn, li hija allegatament inqas minn dik tal-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali, iġġustifikat ir-rati tat-taxxa differenti bejn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi.

(98)

Fid-dawl tal-argumenti msemmija, il-Kummissjoni tgħid li, skont il-ġurisprudenza (47) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat ta’ miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (48), Stat Membru għandu jistabbilixxi jekk il-miżura taħt konsiderazzjoni hijiex derivata mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ dik is-sistema. Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita. Għalhekk, għandha tkun soġġetta għal interpretazzjoni stretta (49).

(99)

Isegwi li huwa essenzjali li l-awtoritajiet Daniżi juru li l-miżura tat-taxxa inkwistjoni hija ġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi ma ppreżentawx evidenza suffiċjenti u konvinċenti li tappoġġja l-istqarrija tagħhom li t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa għal segment partikolari (operaturi onlajn) ta’ kategorija akbar (operaturi tal-logħob tal-azzard) bħala mezz li jiżgura li ta’ qabel għandhom japplikaw għal-liċenzja, huwa derivat mill-prinċipji u l-loġika tas-sistema tat-taxxa tagħhom. B’mod partikolari, l-għan li jiġu attirati l-fornituri barranin tas-servizz tal-logħob tal-azzard onlajn fid-Danimarka u jagħmluhom soġġetti għar-regoli Daniżi għandu jitqies bħala għan ta’ politika pubblika li ma taqax fl-ambitu tal-loġika tas-sistema tat-taxxa.

(100)

Bl-istess mod, fir-rigward tal-kapaċità baxxa allegata ta’ ħlas tal-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn, l-awtoritajiet Daniżi ma stabbilewx li hemm differenza fil-profitabilità bejn l-attivitajiet tal-każinos onlajn u dawk tradizzjonali li tiġġustifika t-trattament tat-taxxa differenzjat. L-awtoritajiet Daniżi lanqas ma wrew li l-kapaċità finanzjarja ta’ ħlas hija prinċipju marbut mas-sistema tagħhom tat-tassazzjoni tan-negozju dirett li wieħed jista’ joqgħod fuqha fil-każ preżenti bħala ġustifikazzjoni għat-trattament tat-taxxa differenzjat tal-każinos onlajn u tradizzjonali.

(101)

Isegwi minn dan li ntqal li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax li s-selettività tal-Att notifikat hija ġustifikata fid-dawl tal-loġika tas-sistema tat-taxxa.

7.1.5.   Konklużjoni

(102)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma mwettqa u li l-miżura li timponi rata tat-taxxa aktar baxxa dwar il-logħob tal-azzard onlajn tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għall-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn stabbiliti fid-Danimarka.

7.2.   Kompatibbiltà tal-miżura fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(103)

L-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi regoli li jistipulaw meta ċerti miżuri ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern, u x’tip ta’ għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern.

(104)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern skont id-deroga pprovduta fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li jippermetti “…għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.”

(105)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida eżistenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Għalhekk, għandha tiġi eżaminata direttament fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat. Sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, miżura ta’ għajnuna għandha ssegwi għan ta’ interess komuni b’mod neċessarju u proporzjonat. Meta teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern, il-Kummissjoni tibbilanċja l-impatt pożittiv tagħha fit-termini ta’ ksib ta’ għan ta’ interess komuni kontra l-effetti sekondarji negattivi potenzjali, bħat-tfixkil fil-kummerċ u l-kompetizzjoni. It-test huwa bbażat fuq eżaminazzjoni ta’ tliet stadji. L-ewwel żewġ stadji jindirizzaw l-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat, u t-tielet stadju jittratta l-effetti negattivi u l-bilanċ riżultattiv ta’ effetti pożittivi u negattivi (50). It-test huwa strutturat kif ġej:

(1)

Il-miżura ta’ għajnuna għandha għan ta’ interess komuni ddefinit tajjeb?

(2)

L-għajnuna hija xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni, jiġifieri l-għan propost jindirizza falliment tas-suq jew għan ieħor? B’mod partikolari:

(a)

il-miżura tal-għajnuna hija strument xieraq, jew jeżistu xi strumenti oħra li huma aħjar?

(b)

jeżisti effett tal-inċentiv, jiġifieri l-għajnuna tbiddel l-atteġġjament tal-benefiċjarji potenzjali?

(c)

il-miżura tal-għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri l-istess bidla fl-atteġġjament tista’ tinkiseb b’inqas għajnuna?

(3)

It-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati biex il-bilanċ ġenerali jkun pożittiv?

7.2.1.   Għan ta’ interess komuni

(106)

L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li ddeċidew li jkomplu b’riforma tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard u l-imħatri, sabiex ibiddlu s-sistema eżistenti ta’ monopolju b’sistema regolata u parzjament liberalizzata. Il-liberalizzazzjoni kienet ikkunsidrata neċessarja, fost oħrajn, sabiex tkun konformi mal-liġi tal-UE wara l-inizjazzjoni ta’ proċedimenti ta’ ksur u l-ħarġa ta’ opinjoni raġunata fit-23 ta’ Marzu 2007 (51), u sabiex tirrispondi għat-theddida maħluqa minn servizzi illegali ta’ logħob tal-azzard onlajn ipprovduti minn fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard f’pajjiżi oħra.

(107)

Sa issa, is-settur Daniż għal-logħob tal-azzard kien essenzjalment Stat monopolju minħabba li liċenzja waħda biss inħarġet għal kumpanija kkontrollata mill-Istat, “Danske Spil A/S”. Minkejja l-qafas regolatorju li jipprojbixxi l-fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn milli jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom lill-konsumaturi residenti fid-Danimarka, bosta fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn stabbiliti fi Stati Membri oħra, u kif ukoll f’pajjiżi terzi, offrew is-servizzi tagħhom permezz ta’ modi li ma jinsabux fid-Danimarka, fosthom stazzjonijiet tat-televixin bis-satellita li jixxandru mir-Renju Unit. L-awtoritajiet Daniżi fin-notifika tagħhom qalu li huma ma setgħux fil-prattika jinfurzaw il-projbizzjoni kontra fornituri oħra tas-servizzi tal-logħob tal-azzard milli jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom fid-Danimarka, minħabba l-proċediment tal-qorti Daniża fejn intqal li l-monopolju Daniż attwali tal-logħob tal-azzard kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi. B’riżultat ta’ dan, ippersistiet sitwazzjoni li mhi sodisfaċenti xejn, fejn il-legalità tal-monopolju eżistenti ġie sfidat mhux biss fi proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji, iżda wkoll permezz ta’ forniment dirett ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn minn operaturi mhux liċenzjati, stabbiliti f’ġuriżdizzjonijiet oħra.

(108)

Skont il-memorandum ta’ spjega flimkien mal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard, il-proċess ta’ liberalizzazzjoni kien iġġustifikat b’referenza għall-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar reċenti, u dan ifisser li d-Danimarka issa hija parti minn soċjetà ta’ komunikazzjoni globali fejn il-konsumaturi għandhom aċċess għal għażla wiesgħa ta’ servizzi minn fornituri ta’ ġuriżdizzjonijiet varji. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-logħob tal-azzard żviluppa fi prodott kbir ta’ bejgħ fuq l-Internet, speċjalment wara l-introduzzjoni tal-poker onlajn. L-Internet ipprovda liċ-ċittadini Daniżi b’opportunità li jqabblu l-prodotti u l-għażla ta’ prodotti ta’ Danske Spil mal-prodotti offruti minn fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn stabbiliti fir-Renju Unit, Malta, Ġibiltà u pajjiżi oħra. Fis-snin li għaddew, numru ta’ Daniżi li qed ikompli jikber b’rata mgħaġġla bdew jilagħbu logħob tal-azzard mal-fornituri internazzjonali tal-logħob tal-azzard. Kif spjegat mill-awtoritajiet Daniżi, il-biża’ tal-gvern kienet li l-provvista tal-logħob tal-azzard, jekk ma tiġix irregolata u kkontrollata effettivament, tista’ twassal għal effetti negattivi fuq is-soċjetà fil-forma ta’ kriminalità u ksur ta’ ordni pubblika, u tista’ tikkawża lil individwi vulnerabbli li jaqgħu fil-vizzju tal-logħob tal-azzard. Fl-istess ħin, il-profitti ta’ Danske Spil bdew jonqsu b’mod stabbli. Għalhekk, l-awtoritajiet Daniżi riedu jkunu kapaċi jirregolaw u jikkontrollaw il-logħob tal-azzard offrut liċ-ċittadini Daniżi sabiex iwasslu l-logħob tal-azzard f’qafas ikkontrollat, u għalhekk jevitaw konsegwenzi negattivi fuq is-soċjetà.

(109)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgħid li s-settur tal-logħob tal-azzard qatt ma kien soġġett għal xi armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-logħob tal-azzard huwa saħansitra eskluż b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. (52) Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ xi tip ta’ leġiżlazzjoni sekondarja f’dan il-qasam, l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard bejn il-fruntieri jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat, jiġifieri l-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 tat-TFUE) u l-libertà għall-provvista ta’ servizzi (Artikolu 56 tat-TFUE).

(110)

Fil-prinċipju, l-Artikolu 56 tat-TFUE jeħtieġ l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà għall-provvista ta’ servizzi, anke jekk dawk ir-restrizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali tas-servizzi u għall-fornituri minn Stati Membri oħra, jekk ir-restrizzjonijiet jistgħu jipprojbixxu, jimpedixxu jew iqisu bħala inqas vantaġġjużi l-attivitajiet tal-fornituri tas-servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdu servizzi simili legalment. (53) Hija wkoll ġurisprudenza konsistenti l-fatt li l-leġiżlazzjoni minn Stat Membru li jipprojbixxi l-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru servizzi fit-territorju ta’ dak l-ewwel Stat Membru permezz tal-Internet, tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ libertà għall-provvista ta’ servizzi skont l-Artikolu 56 tat-TFUE. (54) Aktar minn hekk, il-libertà għall-provvista ta’ servizzi hija għall-benefiċċju tal-fornituri u r-reċipjenti tas-servizzi. (55)

(111)

Fil-każ preżenti, minkejja li d-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard taqa’ primarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà fundamentali tal-Artikolu 56 tat-TFUE, il-leġiżlazzjoni Daniża taffettwa wkoll il-libertà ta’ stabbiliment. Skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard, id-Danimarka teħtieġ fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn biex jew ikunu stabbiliti fid-Danimarka, jew, jekk huma residenti ta’ Stat Membru ieħor tal-UE jew iż-ŻEE, jaħtru rappreżentant approvat. Il-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet huma l-istess għal-libertà ta’ stabbiliment bħal tal-libertà għall-provvista ta’ servizzi.

(112)

Ir-restrizzjonijiet dwar dawn il-libertajiet fundamentali huma aċċettabbli biss bħala miżuri eċċezzjonali pprovduti b’mod ċar fl-Artikolu 52 tat-TFUE, jew iġġustifikati skont il-każistika tal-Qorti, għal raġunijiet prevalenti oħra ta’ interess ġenerali. L-Artikolu 52(1) tat-TFUE jippermetti restrizzjonijiet iġġustifikati fuq il-bażi ta’ politika pubblika (“ordre public”), sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika.

(113)

Safejn l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard huma kkonċernati, ċertu numru ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-regoli tagħha, fosthom l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u l-inċitament għall-infiq eċċessiv fil-logħob tal-azzard, kif ukoll il-ħtieġa ġenerali li tiġi ppriservata l-ordni pubblika. F’dak il-kuntest, il-fatturi morali, reliġjużi u kulturali, u l-konsegwenzi moralment u finanzjarjament ta’ ħsara għall-individwu u s-soċjetà assoċjati mal-logħob tal-azzard u l-imħatri, jistgħu jservu biex jiġġustifikaw l-eżistenza fuq il-parti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ marġni ta’ apprezzament, li huwa suffiċjenti biex jippermettilhom jiddeterminaw liema protezzjoni tal-konsumaturi u priservazzjoni tal-ordni pubblika huma meħtieġa. Bl-istess mod, ir-restrizzjonijiet għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ġġustifikati minn rekwiżiti mandatarji fl-interess ġenerali, għandhom ikunu xierqa biex jissodisfaw l-għan milħuq, u ma għandhomx imorru lilhinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiksbuh. Għandhom ukoll jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni. (56)

(114)

Madankollu, għandu jiġi osservat li t-tnaqqis fid-dħul tat-taxxa mhuwiex wieħed mir-raġunijiet imniżżla fl-Artikolu 52 tat-TFUE, u lanqas mhu aċċettat fil-ġurisprudenza (57) u għalhekk, ma jistax jitqies bħala raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku li wieħed jista’ joqgħod fuqha biex jiġġustifika miżura li fil-prinċipju tikkontradixxi l-libertà fundamentali.

(115)

Fir-rigward speċifiku tal-ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet dwar id-dispożizzjoni tal-logħob tal-azzard bejn il-fruntieri, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet dan li ġej (58):

“57.

F’dan il-kuntest (…) għandu jiġi osservat ukoll li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont il-firxa ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti li teżiġi l-protezzjoni tal-interessi kkonċernati.

58.

Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar is-suġġett. Dawn għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw.

59.

Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-azzard u,jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom (sentenza Placanica et, punt 48).

(…)

69.

F’dan ir-rigwar, għandu jiġi osservat li s-settur tal-logħob tal-azzard offert permezz tal-Internet mhuwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja. Għalhekk, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur (…) jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal-Internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn, bħala prinċipju, ikun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi.

70.

Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-azzard aċċessibbli bl-Internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi.”

(116)

F’sentenza riċenti, il-Qorti rreferiet ukoll fid-dettall għar-riskji tal-logħob tal-azzard onlajn (59):

“103.

Għandu jiġi osservat li bl-istess mod, il-karatteristiċi speċifiċi għall-offerta ta’ logħob tal-azzard fuq l-Internet jistgħu jkunu sors ta’ riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u ta’ persuni li għandhom tendenza partikolari għal-logħob jew jistgħu jiżviluppaw tali tendenza, f’relazzjoni mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob. Barra min-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, imsemmi qabel, il-faċilità partikolari u l-permanenza tal-aċċess għal-logħob propost fuq l-Internet, kif ukoll il-volum u l-frekwenza potenzjalment għoljin ta’ tali offerta ta’ natura internazzjonali, f’ambjent li huwa barra minn dan ikkaratterizzat minn iżolament tal-lagħab, anonimità u assenza ta’ kontroll soċjali, jikkostitwixxu daqstant fatturi ta’ natura li jiffavorixxu żvilupp tal-vizzju għal-logħob u tal-infiq eċċessiv u għaldaqstant, iżidu l-konsegwenzi soċjali u morali negattivi relatati, kif ġew esposti minn ġurisprudenza kostanti.

104.

Barra minn dan, hemm lok li jiġi osservat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali fis-settur tal-logħob tal-azzard, ma huwiex meħtieġ, fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità, li miżura restrittiva stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett komuni għall-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ protezzjoni tal-interess leġittimu inkwistjoni (ara, b’analoġija, s-sentenza C-518/06, Il-Kummissjoni vs L-Italja, [2009] Ġabra I-3491, paragrafi 83 u 84).

105.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi rikonoxxut li miżura ta’ projbizzjoni li tirrigwarda kull offerta ta’ logħob tal-azzard fuq l-Internet tista’, bħala regola, titqies bħala adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob kif ukoll il-protezzjoni taż-żgħażagħ, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn modi iktar tradizzjonali.”

(117)

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-azzard u l-affronti differenti tal-Istati Membri rigward il-firxa ta’ logħob permess u l-operaturi awtorizzati biex joffru dan il-logħob, jagħti stampa ta’ suq intern tassew frammentat għad-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard bejn il-fruntieri. Waqt li xi Stati Membru jirrestrinġu, jew saħansitra jipprojbixxu l-offerta ta’ ċertu logħob tal-azzard, oħrajn għażlu swieq aktar miftuħa. Bosta Stati Membri reċentament taw ħarsa wkoll lejn il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-logħob tal-azzard, jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan fid-dawl tat-tkabbir tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn.

(118)

L-awtoritajiet Daniżi ma pprovdewx figuri dettaljati dwar id-daqs tal-logħob tal-azzard illegali mir-residenti Daniżi, iżda minflok osservaw li l-iżvilupp tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn mhux regolat, kien aspett inkwetanti minn perspettiva tas-soċjetà.

(119)

Din it-tendenza hija kkonfermata mill-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Marzu 2011 (60). Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah isemmi total ta’ Dħul Gross fuq il-Logħob għal-Logħob tal-Azzard Onlajn fid-Danimarka ta’ EUR 250 miljun fl-2008, li minnhom 14 % (jiġifieri EUR 34 miljun) huma relatati mal-logħob tal-każinos u 22 fil-mija (jiġifieri EUR 56 miljun) mal-poker (61). Preċiżament, kemm il-logħob tal-każinos onlajn kif ukoll il-poker onlajn huma attivitajiet ipprojbiti.

(120)

Dawn il-figuri huma mistennija li jkomplu jiżdiedu. Il-Green Paper tirrapporta li l-logħob tal-azzard onlajn huwa l-aktar qasam tas-suq tal-logħob tal-azzard li jikber b’rata mgħaġġla, u jammonta għal 7.5 fil-mija tad-dħul annwali tas-suq tal-logħob tal-azzard ġenerali fl-2008 (UE-27) u huwa mistenni li jirdoppja sal-2013 (62). It-tieni, il-proporzjon tal-konsum nazzjonali tal-logħob tal-azzard li huwa attribwibbli għal-logħob tal-azzard onlajn huwa kkalkulat li jilħaq il-21.9 fil-mija fid-Danimarka, jiġifieri t-tieni rata l-aktar għolja fi ħdan l-UE, li għandha medja ta’ 7,5 fil-mija. (63)

(121)

Meta tqis il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, kif ukoll il-karatteristiċi ġenerali tas-suq tal-logħob tal-azzard fl-UE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Daniżi biex jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura notifikata huma stabbiliti sew. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija konxja tal-aspetti problematiċi tal-attivitajiet inkwistjoni: il-logħob tal-azzard ipprovdut permezz tal-Internet biddel is-settur, u wassal għal suq globali fejn il-fruntieri fiżiċi huma mċajpra. F’dan il-kuntest, kif imsemmi fil-Green Paper tal-2011 (64), il-Kummissjoni osservat ukoll il-ħtieġa li tikkontrolla s-settur tal-logħob tal-azzard onlajn sabiex tevita konsegwenzi negattivi ta’ ħsara li l-logħob tal-azzard onlajn jista’ jkollu fuq il-konsumaturi. B’żieda mar-riskju sinifikanti tal-vizzju tal-logħob tal-azzard onlajn li stabbilew bosta studji soċjali (65), għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-minuri u persuni oħra vulnerabbli, inklużi l-parteċipanti bi dħul baxx, il-lagħaba li diġà kellhom vizzji tal-logħob, u żgħażagħ li mhumiex konxji tar-riskji assoċjati mal-problemi tal-logħob tal-azzard. Sabiex jipproteġu dawn il-kategoriji ta’ parteċipanti potenzjali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw is-settur tal-logħob tal-azzard onlajn, fost affarijiet oħra, billi jimponu limiti ta’ età u kundizzjonijiet ta’ liċenzji, u jikkontrollaw is-sistemi ta’ pproċessar ta’ ħlas, waqt li jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn.

(122)

Ir-riforma kkummisjonata fid-Danimarka, li tirriżulta fl-adozzjoni tal-Att notifikat, għalhekk, hija konformi mal-għan tal-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar il-“Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern”, li kellha tagħti kontribut għall-ħruġ fl-Istati Membri ta’ qafas legali għal-logħob tal-azzard onlajn li jipprovdi ċertezza legali akbar għall-partijiet interessati kollha. (66) Il-Green Paper kienet tweġiba għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2010 li jilqgħu konsultazzjoni wiesgħa mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern, li jista’ jwassal għal diskussjoni fil-fond tal-kwistjonijiet imqajma mis-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn b’mod partikolari (67), u għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-10 ta’ Marzu 2009 li talbet lill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali, biex teżamina l-impatti ekonomiċi u mhux ekonomiċi tad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard bejn il-fruntieri. (68) Għandu jiġi enfasizzat li r-riforma leġiżlattiva implimentata bl-Att notifikat hija konformi mal-għanijiet proposti mill-Kummissjoni li rriżultaw għall-bidu tal-proċeduri ta’ ksur, waqt li ntbagħtet opinjoni raġunata lill-awtoritajiet Daniżi f’Marzu 2007 (69).

(123)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Att notifikat dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, sakemm dan jilliberalizza s-suq u jippermetti lill-operaturi Daniżi u barranin tal-logħob tal-azzard onlajn jipprovdu s-servizzi tagħhom lir-residenti Daniżi, waqt li jiżguraw li huma se jwettqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex ikunu liċenzjati mill-awtoritajiet Daniżi, iservi għan definit sew ta’ interess komuni.

7.2.2.   Għajnuna tassew xierqa għall-għan mixtieq

(124)

Miżura ta’ għajnuna titqies neċessarja u proporzjonali meta tikkostitwixxi strument xieraq għall-kisba tal-għan identifikat ta’ interess komuni, meta jkollha effett ta’ inċentiv fuq il-benefiċjarji u meta ma tintroduċix tfixkil mhux mixtieq tal-kompetizzjoni.

Strument xieraq

(125)

Il-gvern Daniż iddeċieda li jilliberalizza s-suq Daniż tal-logħob tal-azzard onlajn u jippermetti li jinħarġu numru mhux limitat ta’ liċenzji onlajn. Madankollu, il-kwistjoni tat-tali liċenzja hija soġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet relatati fost l-oħrajn mal-lealtà tal-amministraturi tal-kumpanija li japplikaw għal liċenzja. Sabiex il-liberalizzazzjoni sseħħ b’suċċess, il-gvern Daniż iddeċieda wkoll li jnaqqas it-tassazzjoni għall-operaturi onlajn u jħalli intatti biss ir-rati tat-taxxa applikabbli għall-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali. F’dan ir-rigward, il-kwerelanti argumentaw li t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa għall-operaturi onlajn ma kinitx l-aktar soluzzjoni adattata. Pereżempju, l-imblukkar tal-ħlas u l-komunikazzjoni (strumenti ta’ delimitazzjoni) xorta waħda setgħu jintużaw sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-proċess tal-liberalizzazzjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġu introdotti rati inqas tat-taxxa għall-operaturi onlajn. Skont il-kwerelanti, id-Danimarka għalhekk setgħet għażlet li tinforza l-projbizzjoni fuq il-logħob tal-azzard onlajn illegali billi tirrikorri għall-imblukkar “tal-ħlas u l-komunikazzjoni” (filtrazzjoni tas-sistema tal-isem tad-dominju, imblukkar tal-protokoll tal-Internet u mblukkar tal-ħlas), jew billi tillimita n-numru ta’ liċenzji li jinħarġu.

(126)

Fir-rigward tal-użu tas-“sistemi ta’ mblukkar”, il-Green Paper tal-Kummissjoni tistqarr li l-effiċjenza tas-sistemi ta’ mblukkar tiddependi fuq lista aġġornata u definita minn qabel tal-affarijiet li jridu jiġu mblukkati, kif ukoll fuq sistemi ta’ softwer effiċjenti. Madankollu, bħalma osservaw l-awtoritajiet Daniżi, huwa mistoqsi jekk dawn is-sistemi ta’ mblukkar jistgħux jipproduċu r-riżultati mistennija, ladarba l-lagħaba onlajn jistgħu jaħarbu mill-imblukkar tal-Internet billi jbiddlu l-“ports” użati u jekk il-projbizzjoni ta’ ċerti pagamenti tistax timblokka perfettament it-tranżazzjonijiet kummerċjali legali minbarra l-pagamenti relatati ma’ flus mirbuħa u premjijiet.

(127)

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ numru limitat ta’ liċenzji onlajn, l-effetti jiddependu fuq in-numru ta’ liċenzji li jinħarġu. Jekk in-numru huwa ristrett biss għal ftit liċenzji, in-numru żgħir ta’ kompetituri se jnaqqas il-kompetizzjoni u jinfluwenza l-provvista, li jfisser spiża akbar għall-konsumaturi, fil-forma ta’ proporzjon inqas ta’ rimborż, milli b’numru mhux limitat ta’ liċenzji. Numru mnaqqas ta’ liċenzji jillimita wkoll il-varjetà u l-kwalità ta’ għażla disponibbli għall-konsumaturi fis-suq, u jinkoraġġixxi lill-produtturi jkunu inqas diliġenti biex iservu l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-konsumaturi. (70) Il-limitu ta’ numru ta’ liċenzji jqajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-kriterji li jiddeterminaw in-numru ta’ liċenzji b’mod mhux arbitrarju, ta’ kif u b’liema istituzzjonijiet huma kkontrollati r-rekwiżiti għal-liċenzjar, u kif inhi ttrattata d-dispożizzjoni illegali, jiġifieri min jieħu l-miżuri kontra s-servizzi tal-logħob tal-azzard ipprovduti illegalment. (71)

(128)

Minħabba dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rata anqas tat-taxxa applikabbli għall-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn hija strument xieraq biex tinkiseb il-liberalizzazzjoni tal-għanijiet tal-Att il-ġdid dwar il-Logħob tal-Azzard. Il-miżura ta’ għajnuna se tiżgura li l-operaturi onlajn li jixtiequ jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard lir-residenti Daniżi, se japplikaw għal liċenzja u jkunu konformi mar-regolamenti nazzjonali applikabbli.

Effett ta’ inċentiv

(129)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna hija kapaċi timmodifika l-imġiba ta’ fornituri barranin ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn, ladarba r-rata mnaqqsa tat-taxxa tikkostitwixxi inċentiv għat-tali operaturi biex jiksbu liċenzja fid-Danimarka u għalhekk, għall-ewwel darba jipprovdu legalment servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn.

Proporzjonalità tal-għajnuna

(130)

L-għajnuna titqies bħala proporzjonata biss jekk l-istess bidla fl-imġiba ma tkunx tista’ tinkiseb b’inqas għajnuna u inqas tfixkil. L-ammont tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ għall-attività megħjuna biex isseħħ. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Daniżi fasslu l-miżura b’tali mod li jitnaqqas l-ammont possibbli tal-għajnuna mill-Istat involuta u jitnaqqas it-tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-miżura.

(131)

Fil-memorandum imressaq mill-Ministru Daniż għat-Tassazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2010 lill-Kelliema dwar il-Politika tal-partijiet politiċi tal-Parlament Daniż dwar il-livell ta’ dazju li għandu jiġi stabbilit (72), l-għażla tar-rata tat-taxxa aktar baxxa ta’ 20 fil-mija tal-GGR għal-logħob tal-azzard onlajn kienet iġġustifikata b’referenza għall-kriterji li ġejjin:

(a)

Il-logħob tal-azzard ipprovdut skont il-liċenzji Daniżi għandu jiġi adattat għall-offerti attwali mill-fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn barra l pajjiż, jiġifieri r-rata tat-taxxa teħtieġ li tiġi aġġustata sabiex jitqabblu l-proporzjonijiet għolja ta’ rimborż offruti mill-fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn barranin u jipperswaduhom biex japplikaw għal liċenzja.

(b)

In-numru kollu ta’ logħob offrut għandu jiżdied, u b’hekk iwassal b’mod ġenerali għal żieda fid-dħul.

(c)

Il-prodotti tal-logħob tal-azzard għandhom ikunu tant attraenti li l-parteċipanti ma jkunux iridu jilagħbu fis-siti ta’ operaturi barranin (illegali).

(d)

L-istrumenti ta’ mblukkar għandhom jintużaw sabiex jiżguraw, flimkien man-noti (a) - (c), li l-logħob tal-azzard fuq is-siti ta’ operaturi illegali huwa mnaqqas għal minimu.

(132)

F’dan il-memorandum, l-awtoritajiet Daniżi josservaw li l-leġiżlazzjoni fir-Renju Unit, li għandha titqies bħala waħda tassew simili għar-regolament Daniż dwar il-logħob tal-azzard, tipprovdi rata tat-taxxa ta’ 15 fil-mija għal-logħob tal-azzard onlajn. L-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw li r-rata tat-taxxa fuq il-logħob onlajn tista’ tkun ogħla minn dik tar-Renju Unit, ladarba d-Danimarka, f’kuntrast mar-Renju Unit, se tintroduċi wkoll miżuri ta’ mblukkar kumplimentarji sabiex tkun aktar diffiċli għall-parteċipanti li jilagħbu fis-siti ta’ operaturi barranin li ma akkwistawx liċenzja Daniża.

(133)

Bl-istess mod, l-awtoritajiet Daniżi jsemmu l-eżempji ta’ Franza u l-Italja, li lliberalizzaw is-swieq tagħhom u imponew rati ta’ dazju ogħla mir-Renju Unit. L-awtoritajiet Daniżi josservaw li dawn is-swieq huma akbar b’mod sinifikanti mis-suq Daniż. Id-daqs tas-suq jista’ jkollu impatt tanġibbli fuq ir-rieda tal-operaturi li jidħlu fis-suq, anke jekk hemm rata tat-taxxa ogħla, minħabba li l-ispejjeż li huma dejjem assoċjati mat-twaqqif tal-operazzjonijiet f’suq ġdid għandhom tendenza li jkunu b’mod komparattiv ogħla mid-dħul fi swieq iżgħar.

(134)

Il-memorandum jinkludi simulazzjoni tal-effett ta’ dħul possibbli tar-rati tat-taxxa ta’ 15, 20 u 25 fil-mija, waqt li jqis ukoll il-bidliet possibbli fl-iskema tal-logħob tal-azzard tal-lagħaba u l-azzjonijiet tal-operaturi. L-eżerċizzju tas-simulazzjoni jikkonkludi li rata tat-taxxa ta’ 20 fil-mija x’aktarx xorta waħda tista’ tagħmilha attraenti biżżejjed għall-fornituri tal-logħob tal-azzard biex japplikaw għal-liċenzja Daniża u għal-lagħaba li jiġu offruti servizzi attraenti. It-twaqqif ta’ rata tat-taxxa ogħla (jiġifieri ta’ 25 fil-mija) huwa mistenni li jżid pressjoni fuq il-proporzjon ta’ rimborż, bir-riżultat li l-effett tad-dħul pożittiv ta’ 25 fil-mija jista’ jkun aktar baxx milli wieħed b’rata ta’ 20 fil-mija.

(135)

Għalhekk, il-leġiżlatur Daniż ikkonkluda li t-twaqqif ta’ rata tat-taxxa ogħla għal-logħob tal-azzard onlajn x’aktar jirriżulta fi prodott tal-logħob tal-azzard li ma jkunx attraenti biżżejjed għal-lagħaba u għalhekk iwassal għal dħul aktar baxx, u jikkumpensal-prospettiva immedjata ta’ dħul tat-taxxa ogħla.

(136)

Il-konklużjonijiet milħuqa mil-leġiżlatur Daniż fir-rigward tal-livell xieraq ta’ tassazzjoni għall-attivitajiet tal-logħob tal-azzard onlajn huma wkoll ikkonfermati minn rapport mill-kumpanija li tikkonsulta l-industrija, fejn instab li rata tat-taxxa ta’ 20 fil-mija ma tfissirx li l-Istat se jċedi d-dħul li kieku jkun irċieva (73). Skont dak ir-rapport, din kienet l-ogħla rata possibbli ekonomikament - rata ogħla tkun “rata bla ritorn”, jiġifieri rata tat-taxxa li sempliċiment kienet tkun wisq għolja biex ikun hemm każ validu ta’ negozju għall-operaturi biex jidħlu fis-suq. Jekk jaqbeż din ir-rata, id-dħul tat-taxxa jibda jonqos.

(137)

Minħabba dan kollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rata tat-taxxa ta’ 20 fil-mija tal-GGR applikabbli għall-operaturi onlajn mhijiex inqas milli meħtieġ, sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tal-Att dwar il-Logħob tal-Azzard. Għalhekk, il-miżura tal-għajnuna tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fil-każistika tal-Qorti ta’ Ġustizzja.

7.2.3.   Impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(138)

Fir-rigward tal-impatt tal-miżura tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, għandha ssir distinzjoni bejn it-tfixkil possibbli tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u t-tfixkil tal-kompetizzjoni ġewwa d-Danimarka, speċjalment b’operaturi eżistenti tal-logħob tal-azzard tradizzjonali.

(139)

Fir-rigward tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, mhu mistenni l-ebda impatt negattiv. L-Att dwar il-Logħob tal-Azzard jippermetti lir-residenti Daniżi jilagħbu legalment fuq siti elettroniċi ta’ operaturi liċenzjati tal-logħob tal-azzard onlajn. Dawk is-siti elettroniċi mhumiex restritti għall-utenti li huma residenti Daniżi, iżda jistgħu jkunu disponibbli għar-residenti tal-Istati Membri kollha tal-UE, soġġetti għar-restrizzjonijiet imposti bil-liġi nazzjonali tagħhom. Billi tistabbilixxi r-rata tat-taxxa fuq l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn b’20 fil-mija tal-GGR, il-miżura ta’ għajnuna Daniża hija bla ebda dubju konformi mar-rati ta’ taxxa simili applikati minn Stati Membri oħra li diġà biddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-logħob tal-azzard onlajn. Pereżempju, il-Belġju u r-Renju Unit japplikaw rata tat-taxxa ta’ 15 fil-mija tal-GGR fuq il-logħob tal-azzard onlajn, waqt li Stati Membri oħra japplikaw rati saħansitra aktar baxxi (pereżempju 5 fil-mija tal-GGR fl-Estonja, 10 fil-mija tal-GGR fil-Latvja, 8,25 fil-mija tal-GGR fil-Finlandja). Is-Slovakkja biss stabbiliet rata tat-taxxa ogħla ta’ 27 fil-mija tal-GGR.

(140)

Fir-rigward tat-tfixkil tal-kompetizzjoni fid-Danimarka, il-miżura se tibbenefika potenzjalment numru konsiderevoli ta’ fornituri differenti Daniżi u barranin tal-logħob tal-azzard onlajn, li sa issa kienu pprojbiti milli jipprovdu s-servizzi tagħhom lir-residenti Daniżi. Id-Danimarka ssottomettiet lista ta’ fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn li diġà indikaw ir-rieda tagħhom li japplikaw għal-liċenzja. Minħabba li l-kumpanija kkontrollata mill-Istat biss kienet sa issa permessa li tipprovdi servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn, il-liberalizzazzjoni se żżid b’mod ġenerali l-kompetizzjoni fis-suq.

(141)

Minkejja li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u l-implimentazzjoni tagħha ma tistax tkun mingħajr riperkussjonijiet għall-operaturi eżistenti tal-logħob tal-azzard tradizzjonali, li huma ntaxxati b’rata ta’ taxxa sa 75 fil-mija tal-GGR, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bilanċ ġenerali tal-implimentazzjoni tal-miżura huwa pożittiv.

(142)

Kif inhu muri hawn fuq, it-twaqqif tar-rata tat-taxxa fuq il-logħob tal-azzard onlajn fl-istess livell jew simili għar-rata fuq l-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali, seta’ jwassal għal sitwazzjoni fejn l-industrija u l-parteċipanti ma jkunux irrispondew għall-possibbiltà li jipprovdu legalment servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fis-suq Daniż, u b’hekk kienu jtellfu l-għanijiet identifikati ta’ interess komuni milħuqa mill-Att dwar il-Logħob tal-Azzard.

(143)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

8.   KONKLUŻJONI

(144)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Att notifikat jagħti vantaġġ tat-taxxa fuq l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn li jingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat. Il-miżura titqies prima facie bħala selettiva, ladarba din tagħmel distinzjoni bejn l-operaturi tal-logħob tal-azzard onlajn u l-operaturi tal-logħob tal-azzard tradizzjonali li, fid-dawl tal-għan milħuq mill-miżura, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. L-awtoritajiet Daniżi fallew milli juru li s-selettività prima facie tal-Att notifikat hija ġġustifikata mil-loġika tas-sistema tat-taxxa. Għalhekk, l-Att notifikat huwa meqjus bħala għajnuna mill-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(145)

Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura C 35/10 li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta f’forma ta’ dazji fuq il-logħob tal-azzard onlajn fl-Att Daniż dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, hija kompatibbli mas-suq intern fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-miżura hija awtorizzata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 22, 22.1.2011, p. 9.

(2)  Att Nru 698 dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard (“Lov om afgifter af spil”).

(3)  Għalkemm il-miżura notifikata fil-bidu kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, sabiex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 35, paragrafu 1 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard jipprovdi li l-Ministru tat-Tassazzjoni se jistabbilixxi d-data għad-dħul fis-seħħ tal-Att.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(5)  Ara iktar ’l isfel, Taqsima 5.

(6)  Proċeduri ta’ ksur Nru 2003/4365. Ara wkoll IP/07/360.

(7)  Att dwar il-Logħob tal-Azzard (Nru 848 tal-1 ta’ Lulju 2010); Att dwar id-Distribuzzjoni tal-Profitti li Joħorġu mil-Lotteriji u t-Tlielaq taż-Żwiemel u l-Klieb (Nru 696 tal-25 ta’ Ġunju 2010); Att li jistabbilixxi Statut li jiggverna Danske Spil A/S (Att Nru 695 tal-25 ta’ Ġunju 2010).

(8)  Kroner Daniż 1 (DKK) ≈ 0,13 EUR.

(9)  Skont l-Artikolu 12 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard, l-ammonti li ġejjin għandhom jitħallsu addizzjonalment kull xahar: DKK 3 000 kull magna sa 50 magna u DKK 1 500 għal magni inqas minn dak in-numru.

(10)  Ara paragrafi 73 ff. tad-Deċiżjoni ta’ inizjazzjoni.

(11)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, Studju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, Rapport Finali, il-Kummissjoni Ewropea, 2006. http://ec.europa.eu/internal_market/services/docs/gambling/study1_en.pdf

(12)  Għall-verżjoni Ingliża tal-memorandum, ara l-Anness B tal-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar id-deċiżjoni ta’ inizjazzjoni. Il-verżjoni Daniża tal-memorandum hija disponibbli fl-Anness 20 tan-notifika tal-awtoritajiet Daniżi tas-6 ta’ Lulju 2010.

(13)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, Studju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni Ewropea, 2006, Kapitolu 7, p. 1402.

(14)  Kawża T-308/00 Salzgitter vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2004] Ġabra II-1933, paragrafu 81. Il-kliem ta’ dan il-paragrafu huwa kif ġej: “Konsegwentement, sabiex tidentifika dak li jikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, huwa imperattiv li jiġi ddeterminat il-punt ta’ riferiment, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, li miegħu għandu jiġi mqabbel dan il-vantaġġ. F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi oneru fiskali ‘normali’, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, ma jistax isir eżami komparattiv tar-regoli fiskali applikabbli fl-Istati Membri kollha, jew anki sempliċiment xi ftit minnhom, mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-ispirtu tad-dispożizzjonijiet relatati mal-verifika tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, dan l-eżami jwassal għal paragun ta’ sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi differenti li jirriżultaw f’diverġenzi leġiżlattivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors turi d-diverġenza li teżisti bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari rigward il-bażi u r-rati ta’ tassazzjoni tal-beni ta’ investiment”, Deċiżjoni tal-Kummissjoni C2/09 MoRaKG, Kundizzjonijiet tal-Investiment Kapitali, (ĠU C 60, 14.3.2009, p. 9), paragrafu 25.

(15)  European Gaming and Betting Association (EGBA), Remote Gambling Association (RGA) Automatenverband, Eupportunity, Van Speelautomaten, il-Kamra tal-Kummerċ Daniża u European Casino Association (ECA).

(16)  PokerStars, Betfair, Club Hotel Casino Loutraki, Royal Casino (flimkien ma’ DAB), BWin, Compu-Game, disa’ każinos fil-Greċja (Club Hotel Casino Loutraki, Regency Casino Parnes, Regency Casino Thessaloniki, Casino Xanthi (Vivere Entertainment S.A.), Casino Rio (Theros International gaming INC.), Casino Corfu (Greek Casino Corfu), Casino Rodos, Porto Carras Grand Resort 20 u Casino Syrou).

(17)  L-Estonja, Franza u Spanja.

(18)  Il-Kawża C-46/08 Carmen Media Group, [2009], għadha mhix ippubblikata, paragrafu 103.

(19)  Institut national de la santé et de la recherche médicale, Jeux de hasard et d’argent – Contextes et addictions, Lulju 2008, http://lesrapports.ladocumentationfrancaise.fr/BRP/084000697/0000.pdf

(20)  Autorité de la concurrence française, Avis 11-A-02 tal-20 ta’ Jannar 2011.

(21)  L-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett, ĠU C 384, 10.12.1998, paragrafu 26.

(22)  L-Opinjoni tal-AĠ Bot (14 ta’ Ottubru 2008), Kawża C-42/07 Liga Portuguesa de Futebol Profissional, [2009] Ġabra I-10447, paragrafi 41 ff.

(23)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, Studju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea 2006.

(24)  Ibid, p. 1403.

(25)  Il-Kawża T-308/00, Salzgitter AĠ vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, [2004] Ġabra II-1933, paragrafu 81.

(26)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2003, COMP/M.3109, Candover/Cinven/Gala, paragrafu 16.

(27)  Autorité de la concurrence Avis no 11-A-02 du 20 janvier 2011 relatif au secteur des jeux d’argent et de hasard en ligne.

(28)  Office of Fair Trading, Deċiżjoni ME/1716-05 tal-15 ta’ Awwissu 2005 rigward l-akkwist minn William Hill tal-uffiċċji liċenzjati tal-imħatri ta’ Stanley Plc.

(29)  Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, COM(2011) 128 finali, p. 3.

(30)  Ara l-paragrafi 15 u 16 ta’ hawn fuq.

(31)  Il-Kawża 30/59 De Gezamenlijke Steenkolenmijnen f’Limburg vs Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar [1961] Ġabra 3, p. 19.

(32)  Il-Kawża 173/73 ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea [1974] Ġabra 709, Sommarju Nru 3.

(33)  Il-Kawża C-88/03 ir-Repubblika Portugiża vs il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea [2006] Ġabra I-7115, paragrafu 54; il-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck [2005] Ġabra I-1627, paragrafu 40; il-Kawża C-169/08 Presidente del Consiglio dei Ministri vs Regione Sardegna [2009] Ġabra I-10821, paragrafu 61.

(34)  Il-Kawża C-487/06 P l-Assoċjazzjoni Ingliża tal-Aggregati vs il-Kummissjoni, [2008] Ġabra-10515, paragrafu 83.

(35)  Il-Kawża 173/73 ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea [1974] Ġabra 709, paragrafu 15; Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għal miżuri dwar it-tassazzjoni tan-negozju dirett, ĠU C 384, 10.12.1998, paragrafu 23.

(36)  Ara n-nota tal-qiegħ 28

(37)  L-Artikolu 6 tal-Att dwar id-Dazji fuq il-Logħob tal-Azzard.

(38)  Ara l-paragrafu 64 ta’ hawn fuq.

(39)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

(40)  Ibid.

(41)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, Studju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, 2006.

(42)  Ara t-tweġibiet għat-talba ta’ informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Daniżi, l-20 ta’ Ottubru 2010, paragrafu 2.10; Osservazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet Daniżi, l-14 ta’ Jannar 2011, p. 9, paragrafu 42.

(43)  Ara l-kummenti tal-Assoċjazzjoni Daniża tal-Industrija tal-Magni ta’ Divertiment u r-Royal Casino, mressqa fit-18 ta’ Frar 2011, p. 1.

(44)  Ibid, p. 1403.

(45)  Studju mis-Socialforskningsinstituttet (Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Soċjali), 2007.

(46)  Ara pereżempju l-osservazzjonijiet imressqa mid-disa’ każinos Griegi, il-21 ta’ Frar 2011, p. 18.

(47)  Il-Kawża 173/73 ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea [1974] Ġabra 709, paragrafu 15.

(48)  LAvviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett, ĠU C 384, 10.12.1998, paragrafu 23.

(49)  Il-Kawżi konġunti T-127/99, T-129/99 u T-148/99 Diputación Foral de Álava u oħrajn vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-1275, paragrafu 250.

(50)  F’dan ir-rigward, ara l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Għajnuna mill-Istat – Anqas għajnuna mill-Istat immirata aħjar: pjan ta’ azzjoni għal riforma fl-għajnuna mill-Istat 2005-2009, COM(2005) 107 finali.

(51)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(52)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(53)  Il-Kawża C-76/90 Säger [1991] Ġabra I-4221, paragrafu 12; il-Kawża C-58/98 Corsten [2000] Ġabra I-7919, paragrafu 33.

(54)  Il-Kawża C-243/01 Gambelli [2003] Ġabra I-13031, paragrafu 54.

(55)  Il-Kawżi konġunti 286/82 u 26/83 Luisi u Carbone [1984] Ġabra 377, paragrafu 16.

(56)  Ara l-Kawża C-243/01 Gambelli [2003] Ġabra I-13031, paragrafi 63 sa 65 u l-Każijiet konġunti C-338/04, C-359/04 u C-360/04 Placanica u Oħrajn [2007] Ġabra I-1891, paragrafi 46 sa 49.

(57)  Il-Kawża C-446/03 Marks & Spencer [2005] Ġabra I-10837, paragrafu 44; il-Kawża C-319/02 Manninen [2004] Ġabra I-7477, paragrafu 49 u l-każistika msemmija. Safejn ir-restrizzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard huma kkonċernati, ara l-Kawża C-243/01 Gambelli [2003] Ġabra I-13 031, paragrafi 61 u 62.

(58)  Il-Kawża C-42/07 Liga Portuguesa de Futebol Profissional, [2009] Ġabra I-10447, paragrafi 57 ff.

(59)  Il-Kawża C-46/08 Carmen Media Group [2009] għadu mhux ippubblikat, paragrafu 103.

(60)  Il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, COM(2011) 128 finali, p. 8.

(61)  Il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SEC(2011) 321, p. 10.

(62)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 60.

(63)  Il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SEC(2011) 321, p. 9.

(64)  Il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, COM(2011) 128 finali, p. 19.

(65)  Għal aktar dettalji dwar dawn l-istudji, ara l-Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2011) 128 finali, p. 19 ff.

(66)  Il-Kummissjoni Ewropea, Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern, COM(2011) 128 finali, p. 7.

(67)  Il-Konklużjoni dwar il-qafas legali għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE, adottata fit-3075 laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività, fl-10 ta’ Diċembru 2010, id-Dokument tal-Kunsill 16884/10.

(68)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard onlajn (2008/2215(INI)), P6-2009-0097. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, il-persuni taħt l-età, il-frodi u l-integrità u l-imġiba kriminali, ir-responsabbiltà soċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi u t-tassazzjoni.

(69)  Ara l-paragrafu 7 ta’ hawn fuq.

(70)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, Studju dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni Ewropea 2006, p. 1108.

(71)  L-Istitut Svizzeru għal-Liġi Komparattiva, International vergleichende Analyse des Glücksspielwesens, 2009, p. 18. http://mpk.rlp.de/mpkrlpde/sachthemen/studie-zum-gluecksspielwesen/

(72)  Ara l-paragrafu 38 ta’ hawn fuq.

(73)  H2 Gambling Capital, An independent model assessment of various taxation/licensing models for regulating remote gambling in the Netherlands, Frar 2011.


REGOLI TA' PROĊEDURA

7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/20


EMENDI GĦALL-ISTRUZZJONIJIET LIR-REĠISTRATUR TAL-QORTI ĠENERALI

IL-QORTI ĠENERALI

Wara li rat l-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha;

Wara li rat l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur adottati fil-5 ta’ Lulju 2007, kif emendati bid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2010;

TADOTTA DAWN L-EMENDI GĦALL-ISTRUZZJONIJIET LIR-REĠISTRATUR:

Artikolu 1

1.   Fl-Artikolu 2(5), il-kliem “l-atti ta’ proċedura” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “l-atti proċedurali”.

2.   L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

fil-paragrafu 1, għandha tiddaħħal virgola wara l-kelma “digrieti” u l-kliem “l-atti kollha mqegħda” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “l-atti proċedurali kollha mqiegħda”;

[Din l-emenda ma tikkonċernax il-verżjoni bil-Malti.]

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandu jiġi ssostitwit b’dan it-test:

“In-notament tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, li għandu jinkludi l-indikazzjoni tan-numru tal-ordni u tad-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, għandu jsir fuq l-oriġinal tal-att proċedurali ppreżentat mill-partijiet jew fuq il-verżjoni meqjusa li hija l-oriġinal ta’ dan l-att (1), kif ukoll fuq kull kopja li tiġi nnotifikata lilhom. Dan in-notament għandu jsir fil-lingwa tal-kawża.”;

il-paragrafu 5 għandu jiġi ssostitwit b’dan it-test:

“Meta r-reġistrazzjoni ta’ att proċedurali fir-reġistru ma ssirx fid-data stess tal-preżentata tiegħu, din l-aħħar data għandha tiġi indikata fir-reġistru u fuq l-oriġinal jew fuq il-verżjoni meqjusa li hija l-oriġinal, kif ukoll fuq il-kopji ta’ dan l-att.”;

fil-paragrafu 6, il-kliem “, id-data msemmija fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011” għandhom jiddaħħlu wara l-kliem “uffiċjali jew aġent tar-reġistru”.

3.   L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jsir l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3;

it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jsir it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3;

ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jsir il-paragrafu 4;

il-paragrafu 3 għandu jsir il-paragrafu 5.

4.   L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan it-test:

“L-inkartament tal-kawża għandu jinkludi: l-atti proċedurali, meta jkun il-każ flimkien mal-annessi tagħhom, bin-notament, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, iffirmat mir-Reġistratur; id-deċiżjonijiet meħuda f’din il-kawża, inklużi dawk li jikkonċernaw ir-rifjut li jiġu aċċettati atti; ir-rapporti għas-seduta; il-proċessi verbali tas-seduta; in-notifiki magħmula mir-Reġistratur, kif ukoll, meta jkun il-każ, kull att jew korrispondenza oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni fil-kawża.”;

fil-paragrafu 2, il-kliem “jekk dokument għandux jitqiegħed fl-inkartament” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “dwar l-inklużjoni ta’ att proċedurali fl-inkartament”;

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, il-kelma “oriġinali” għandha titħassar;

il-paragrafu 5 għandu jiġi ssostitwit b’dan it-test:

“Il-verżjonijiet kunfidenzjali u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali għandhom jiġu arkivjati b’mod separat fl-inkartament. L-aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tal-atti proċedurali għandu jiġi awtorizzat biss għall-partijiet li fir-rigward tagħhom ma jkun ġie ordnat ebda trattament kunfidenzjali.”;

fil-paragrafu 6, il-kliem “L-atti ta’ proċedura f’kawża, imqegħda” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “L-atti proċedurali ppreżentati f’kawża, imqiegħda”;

fil-paragrafu 7, il-kliem “atti mqiegħda” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “atti proċedurali mqiegħda”;

fil-paragrafu 8, il-kliem “għall-atti ta’ proċedura” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “għall-atti proċedurali”.

5.   L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

fil-paragrafu 1, il-kliem “ċerti elementi jew atti ta’ l-inkartament” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “ċerta informazzjoni fl-inkartament”,

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-kliem “ċerti elementi jew atti ta’ l-inkartament” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “ċerta informazzjoni fl-inkartament” u l-kliem “punti 74 sa 77” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “punti 88 sa 91”.

6.   L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

fit-titolu, il-kliem “ta’ atti” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “ta’ atti proċedurali”;

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem “l-atti mqegħda” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “l-atti mqiegħda”;

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem “atti ppreżentati” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “atti proċedurali ppreżentati”;

fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kelma “sottomissjoni” għandha tiġi ssostitwita bil-kliem “atti proċedurali” u l-kliem “fil-punti 55 u 56” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “fil-punt 55”;

fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem “fil-punti 57 u 59” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “fil-punti 64 u 66 sa 68” u l-kliem “ta’ sottomissjoni” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “tal-att proċedurali”;

fil-paragrafu 2, il-kliem “sottomissjonijiet jew” għandhom jitħassru;

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-kliem “ta’ atti” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “ta’ atti proċedurali”, il-kliem “li tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom att tal-proċedura mibgħut lir-reġistru b’mezz elettroniku jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dak l-att skont l-Artikolu 43(7) tar-Regoli tal-Proċedura” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011”, u l-kliem “bil-miktub” għandhom jiddaħħlu wara l-kelma “firma”;

fil-paragrafu 4, il-kliem “jew dokumenti”, “ma’ sottomissjoni jew”, kif ukoll “mas-sottomissjonijiet” għandhom jitħassru;

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, il-kliem “sottomissjonijiet jew” għandhom jitħassru;

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, il-kliem “xi atti jew dokumenti annessi mas-sottomissjonijiet jew ma’ att ta’ proċedura ma jkollhomx magħhom” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “d-dokumenti annessi ma’ att proċedurali ma jkollhomx magħhom”;

[Din l-emenda ma tikkonċernax il-verżjoni bil-Malti.]

il-paragrafu 6 għandu jiġi ssostitwit b’dan it-test:

“Meta parti tikkontesta r-rifjut ta’ att proċedurali mir-Reġistratur, dan tal-aħħar għandu jissottometti dan l-att lill-President sabiex jiġi deċiż jekk dan l-att għandux jiġi aċċettat.”.

7.   Fl-Artikolu 9(2), il-kliem “is-sottomissjonijiet jew” għandhom jitħassru.

8.   L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem “jsiru, skond l-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura,” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “li jsiru skont l-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jitwettqu”;

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-aħħar sentenza għandha titħassar;

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, il-kelma “atti” għandha tiġi ssostitwita bil-kliem “atti proċedurali”;

[Din l-emenda ma tikkonċernax il-verżjoni bil-Malti.]

il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan it-test:

“Meta, minħabba l-volum tiegħu jew għal raġunijiet oħra, tiġi prodotta kopja waħda biss ta’ anness għal att proċedurali, u meta l-kopji ma jkunux jistgħu jiġu nnotifikati lill-partijiet, ir-Reġistratur għandu jinforma lil dawn tal-aħħar u għandu jindikalhom li l-anness jinsab għad-dispożizzjonijiet tagħhom fir-Reġistru għall-konsultazzjoni.”.

9.   Fl-Artikolu 11(2), il-kelma “atti” għandha tiġi ssostitwita bil-kliem “atti proċedurali”.

10.   [Din l-emenda ma tikkonċernax il-verżjoni bil-Malti.]

11.   Fl-Artikolu 13(3), il-kliem “provi jew ta’ l-atti ppreżentati” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “atti proċedurali ppreżentati”.

12.   L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

fil-paragrafu 1, il-kliem “kopja jew att ta’ proċedura” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “kopja ta’ att proċedurali”;

fil-paragrafu 2, il-kliem “ta’ att ta’ proċedura” għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem “ta’ att proċedurali”.

13.   Fl-Artikolu 19(2), il-kliem “, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011 u tal-Kundizzjonijiet għall-użu tal-applikazzjoni e-Curia” għandhom jiddaħħlu wara l-kliem “Regoli tal-Proċedura”.

Artikolu 2

Dawn l-emendi għall-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Magħmula fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Jannar 2012.

Ir-Reġistratur

E. COULON

Il-President

M. JAEGER


(1)  Fis-sens tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Settembru 2011, dwar il-preżentata u r-riċezzjoni [in-notifika] ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU C 289, p. 9).


7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/23


ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI LILL-PARTIJIET QUDDIEM IL-QORTI ĠENERALI

Werrej

I.

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB 25

A.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 25

A.1.

Fuq l-użu tal-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni 25

1)

Permezz tal-applikazzjoni e-Curia 25

2)

Permezz ta’ faks jew ta’ messaġġ elettroniku 25

A.2.

Fuq il-preżentata tal-atti proċedurali 26

A.3.

Fuq il-preżentazzjoni tal-fajls ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia 27

A.4.

Fuq it-tul tal-atti 27

B.

FUQ L-ISTRUTTURA U L-KONTENUT TAL-ATTI 28

B.1.

Rikorsi diretti 28

1)

Rikors u risposta (fil-kawżi li ma humiex kawżi dwar proprjetà intellettwali) 28

a.

Rikors promotur 28

b.

Risposta 29

2)

Rikors u risposta (fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali) 29

a.

Rikors promotur 29

b.

Risposta 30

B.2.

Appelli 30

a.

Rikors tal-appell 30

b.

Risposta għall-appell 31

C.

FUQ IL-PRODUZZJONI TA’ ANNESSI MAL-ATTI PROĊEDURALI 31

D.

FUQ IR-REGOLARIZZAZZJONI TAL-ATTI PROĊEDURALI 32

D.1.

Regolarizzazzjoni tar-rikorsi 32

a.

Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat 32

b.

Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika 33

c.

Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika 34

D.2.

Regolarizzazzjoni ta’ rikorsi voluminużi 34

D.3.

Regolarizzazzjoni ta’ atti proċedurali oħra 35

E.

FUQ IT-TALBA SABIEX KAWŻA TIĠI DEĊIŻA SKONT IL-PROĊEDURA MĦAFFA 35

F.

FUQ IT-TALBIET GĦAS-SOSPENSJONI TAL-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TAL-PROĊEDURA GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI 36

G.

FUQ IT-TALBIET GĦAL TRATTAMENT KUNFIDENZJALI 36

a.

Fil-każ ta’ talba għal intervent 37

b.

Fil-każ ta’ kawżi magħquda 37

H.

FUQ IT-TALBIET DWAR IT-TIENI SKAMBJU TA’ ATTI 37

H.1.

Fuq it-talbiet sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ replika jew kontroreplika fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali 37

H.2.

Fuq it-talbiet sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ replika fl-appelli 37

I.

FUQ IT-TALBIET GĦAL SEDUTA GĦAS-SOTTOMISSJONIJIET ORALI 37

I.1.

Fuq it-talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali 37

I.2.

Fuq it-talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fl-appelli 38

J.

FUQ IT-TALBIET GĦAL GĦAJNUNA LEGALI 38

II.

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI 39

III.

DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI 41

IL-QORTI ĠENERALI

Wara li rat l-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha;

Wara li kkunsidrat li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li r-rappreżentanti tal-partijiet, kemm jekk avukati u kemm jekk aġenti fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”), jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar il-mod kif għandhom jippreżentaw l-atti proċedurali tagħhom u dwar kif għandhom jippreparaw bl-aħjar mod għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali;

Wara li kkunsidrat li dawn l-istruzzjonijiet jirriproduċu, jispjegaw u jissupplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u għandhom jippermettu lir-rappreżentanti tal-partijiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti li taffaċċja l-qorti, b’mod partikolari l-aspett tat-traduzzjoni, dak tat-trattament intern tal-atti proċedurali u dak tal-interpretazzjoni;

Wara li kkunsidrat li, skont l-Istruzzjonijiet li l-Qorti Ġenerali tat lir-Reġistratur tagħha fil-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 1), kif emendati fis-17 ta’ Mejju 2010 (ĠU L 170, p. 53) u fl-24 ta’ Jannar 2012 (ĠU L 68, p. 23) (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet lir-Reġistratur”), ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-atti proċedurali mqiegħda fl-inkartament ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut, tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-partijiet (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet Prattiċi”), kif ukoll mal-imsemmija Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u, b’mod partikolari, għandu jitlob ir-regolarizzazzjoni tal-atti li ma jkunux konformi u, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, jekk ikun il-każ, għandu jirrifjutahom jekk ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut jew tar-Regoli tal-Proċedura;

Wara li kkunsidrat li, meta josservaw dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi, ir-rappreżentanti tal-partijiet, fil-kapaċità tagħhom bħala professjonisti li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, ikollhom il-garanzija li l-atti proċedurali li huma jippreżentaw ser ikunu jistgħu jiġu effettivament ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali u ma jagħtux lok, fid-dawl tal-punti ttrattati f’dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura;

Wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-aġenti tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet intervenjenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-Kunsill tal-Avukaturi tal-Unjoni Ewropea (CCBE);

TIDDEĊIEDI LI TADOTTA DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI:

I.   FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

A.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

2.1.   Fuq l-użu tal-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni

1)   Permezz tal-applikazzjoni e-Curia

1.

Il-preżentata ta’ atti proċedurali esklużivament b’mezzi elettroniċi hija permessa permezz tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia (https://curia.europa.eu/e-Curia), b’osservanza tal-Kundizzjonijiet dwar l-użu tal-applikazzjoni e-Curia.

2.

L-annessi ma’ att proċedurali, imsemmija fit-test ta’ dan l-att, li minħabba n-natura tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia, jistgħu jiġu trażmessi separatament skont l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bil-kundizzjoni li dawn l-annessi jkunu indikati fuq l-iskeda li telenka l-annessi mal-att ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia. L-iskeda tal-annessi għandha tidentifika l-annessi li jkunu ser jiġu ppreżentati separatament. Dawn l-annessi għandhom jaslu fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara l-preżentata tal-att proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

3.

Bla ħsara għal rekwiżiti speċifiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi japplikaw għall-atti proċedurali ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

2)   Permezz ta’ faks jew ta’ messaġġ elettroniku

4.

It-trażmissjoni lir-Reġistru, prevista fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali tista’ ssir:

jew permezz ta’ faks [numru tal-faks: (+ 352) 43.03.21.00],

jew permezz ta’ messaġġ elettroniku (indirizz elettroniku: GeneralCourt.Registry@curia.europa.eu).

5.

Fil-każ ta’ trażmissjoni permezz ta’ messaġġ elettroniku, tiġi aċċettata biss kopja skannjata tal-oriġinal iffirmat. Idealment id-dokumenti skannjati jkollhom riżoluzzjoni ta’ 300 DPI u jkunu ppreżentati f’PDF (immaġni u test) permezz ta’ programmi bħal Acrobat jew Readiris 7 Pro. It-trażmissjoni ta’ sempliċi fajl elettroniku jew fajl b’firma elettronika jew b’firma skannjata permezz tal-kompjuter ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Korrispondenza dwar kawża li tasal fil-Qorti Ġenerali permezz ta’ sempliċi messaġġ elettroniku ma titteħidx inkunsiderazzjoni.

6.

Id-data tal-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ faks jew ta’ messaġġ elettroniku tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta’ terminu biss jekk l-oriġinal bil-firma bil-miktub tar-rappreżentant jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, kif jipprovdi l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

7.

L-oriġinal iffirmat għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara t-trażmissjoni tal-kopja, mingħajr ebda korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minimi. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja ppreżentata preċedentement, tkun biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat li tittieħed inkunsiderazzjoni. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-oriġinal iffirmat ta’ kull att proċedurali għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ numru suffiċjenti ta’ kopji awtentikati.

8.

Id-dikjarazzjoni ta’ parti li permezz tagħha taċċetta, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li n-notifiki jsirulha permezz tal-faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, għandha tindika n-numru tal-faks u/jew l-indirizz elettroniku għall-finijiet tan-notifiki mir-Reġistru. Il-kompjuter tad-destinatarju għandu jkun attrezzat bi programm adegwat (bħal pereżempju Acrobat jew Readiris 7 Pro) sabiex ikun jista’ jaqra n-notifiki tar-Reġistru li jsiru f’PDF.

A.2.   Fuq il-preżentata tal-atti proċedurali

9.

Fl-ewwel paġna tal-att proċedurali għandha tidher l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip tal-att (rikors, risposta, risposta għall-appell, replika, kontroreplika, talba għal intervent, nota ta’ intervent, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, osservazzjonijiet dwar …, tweġibiet għall-mistoqsijiet, eċċ.);

(b)

in-numru tal-kawża (T-…/…), jekk dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru;

(c)

l-ismijiet tar-rikorrent u tal-konvenut, kif ukoll l-isem ta’ kull parti oħra fil-proċedura fir-rigward tal-kawżi dwar proprjetà intellettwali u fir-rigward tal-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(d)

l-isem tal-parti li għaliha jkun qed jiġi ppreżentat l-att.

10.

Kull paragrafu tal-att għandu jkun innumerat.

11.

Fl-atti li ma jkunux ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia, hija meħtieġa l-firma bil-miktub tar-rappreżentant tal-parti kkonċernata, li għandha tidher fl-aħħar tal-att. Fil-każ li jkun hemm iktar minn rappreżentant wieħed, huwa biżżejjed li l-att ikun iffirmat minn wieħed minnhom.

12.

L-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati b’mod li jippermetti l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti Ġenerali.

Għaldaqstant, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

it-test, f’format A4, għandu jkun jista’ jinqara faċilment u għandu jidher biss fuq naħa waħda tal-paġna (“recto” u mhux “recto verso”);

(b)

id-dokumenti prodotti fiżikament għandhom ikunu miġbura b’mod li jkunu jistgħu jiġu separati faċilment (ma tistax tintuża legatura jew metodi oħra sabiex jinġabru b’mod permanenti bħall-kolla, stejpils, eċċ.);

(c)

it-test għandu jinkiteb f’tipa ta’ daqs suffiċjentement kbir sabiex ikun jista’ jinqara faċilment (1) bi spazju bejn il-linji u marġni suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li verżjoni skannjata tkun tista’ tinqara (2);

(d)

il-paġni tal-att għandhom ikunu nnumerati, fir-rokna ta’ fuq, fuq in-naħa tal-lemin, b’mod kontinwu u b’numri konsekuttivi; fil-każ li jiġu prodotti annessi ma’ att, in-numerazzjoni tal-paġni għandha ssir skont l-indikazzjonijiet mogħtija fil-punt 59 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi.

13.

Fuq l-ewwel paġna ta’ kull waħda mill-kopji tal-oriġinal iffirmat tal-att proċedurali li ma jkunx ġie ppreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia u li l-partijiet huma obbligati jipproduċu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rappreżentant tal-parti kkonċernata għandu jiċċertifika li l-kopja hija konformi mal-oriġinal tal-att u jinizjalaha.

A.3.   Fuq il-preżentazzjoni tal-fajls ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia

14.

L-atti proċedurali ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ fajls. Sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tagħhom mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li jiġu segwiti l-pariri prattiċi fformulati fil-Gwida dwar l-użu tal-applikazzjoni e-Curia disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeaj, jiġifieri:

il-fajls għandu jkollhom ismijiet li jidentifikaw l-att (Nota, Annessi Parti 1, Annessi Parti 2, Ittra ta’ akkumpanjament, eċċ);

ma huwiex neċessarju li l-att proċedurali jkollu firma bil-miktub;

it-test tal-att proċedurali jista’ jiġi ssejvjat direttament f’PDF mill-programm użat għall-ipproċessar tat-test, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi skannjat;

l-att proċedurali għandu jinkludi l-iskeda li telenka l-annessi;

l-annessi għandhom jitqiegħdu ġo fajl jew ġo fajls separati mill-fajl li jkun fih l-att proċedurali. Fajl jista’ jkun fih diversi annessi. Ma huwiex obbligatorju li jinħoloq fajl għal kull anness.

A.4.   Fuq it-tul tal-atti

15.

Skont is-suġġett ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, in-numru massimu ta’ paġni tal-atti (3) huwa stabbilit kif ġej:

50 paġna għar-rikors, kif ukoll għar-risposta;

20 paġna għar-rikors, kif ukoll għar-risposti, fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali;

15-il paġna għar-rikors tal-appell kif ukoll għar-risposta għall-appell;

25 paġna għar-replika, kif ukoll għall-kontroreplika;

15-il paġna għar-replika, kif ukoll għall-kontroreplika, fil-kawżi dwar appell u fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali;

20 paġna għal nota li tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kif ukoll għall-osservazzjonijiet dwarha;

20 paġna għal nota ta’ intervent u 15-il paġna għall-osservazzjonijiet dwar din in-nota.

16.

Ser ikun awtorizzat li dawn in-numri massimi jinqabżu biss f’każijiet li jittrattaw punti ta’ fatt jew ta’ dritt partikolarment kumplessi.

B.   FUQ L-ISTRUTTURA U L-KONTENUT TAL-ATTI

B.1.   Rikorsi diretti

17.

Ir-Regoli tal-Proċedura fihom dispożizzjonijiet li jirregolaw b’mod speċifiku l-kawżi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (Artikoli 130 sa 136). Ir-regoli dwar ir-rikorsi u r-risposti ppreżentati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi (2) huma għalhekk esposti separatament minn dawk dwar ir-rikorsi u r-risposti ppreżentati fil-kuntest tal-kawżi l-oħra kollha (1).

1)   Rikors u risposta (fil-kawżi li ma humiex kawżi dwar proprjetà intellettwali)

a.   Rikors promotur

18.

L-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun inkluża fir-rikors promotur hija prevista fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

19.

Fil-bidu tar-rikors għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant tar-rikorrent;

(c)

l-indikazzjoni tal-parti li kontriha qed jiġi ppreżentat ir-rikors;

(d)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

20.

Il-parti introduttiva tar-rikors għandha tiġi segwita minn espożizzjoni qasira tal-fatti li wasslu għall-kawża.

21.

L-istruttura tal-argumentazzjoni legali għandha tirrifletti l-motivi invokati. Huwa ġeneralment utli li qabel din wieħed jelenka b’mod sistematiku l-motivi invokati. Barra minn hekk, huwa ferm irrakkomandat li jingħata titolu għal kull wieħed mill-motivi invokati, u dan sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati faċilment.

22.

It-talbiet tar-rikors għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors.

23.

Ma’ rikors għal annullament għandha tiġi annessa kopja tal-att ikkontestat, li għandu jiġi identifikat bħala tali.

24.

Mar-rikors għandhom jiġu prodotti, b’mod separat mill-annessi msemmija fit-test tal-att, id-dokumenti previsti fl-Artikolu 44(3) u fl-Artikolu 44(5)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura. Għall-finijiet tal-produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jsir riferiment, skont l-Artikolu 8(2) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, għal dokument diġà ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

25.

Ma’ kull rikors għandu jkun hemm sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati, intiż sabiex jiffaċilita r-redazzjoni tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-komunikazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha, dan is-sunt ma għandux ikun itwal minn żewġ paġni u għandu jiġi redatt skont il-mudell li jidher fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi prodott b’mod separat mill-annessi msemmija fit-test tar-rikors. Meta ma jiġix ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, is-sunt għandu jintbagħat, bil-posta elettronika, fl-għamla ta’ sempliċi fajl elettroniku, fl-indirizz GeneralCourt.Registry@curia.europa.eu, b’indikazzjoni tal-kawża li għaliha jirreferi.

26.

L-indikazzjoni tal-provi proposti għandha ssir bi preċiżjoni u b’mod espliċitu u għandha tidentifika b’mod ċar il-fatti li ser jiġu pprovati:

prova proposta dokumentarja għandha jew tagħmel riferiment għal numru fl-iskeda li telenka l-annessi jew, jekk id-dokument ma jkunx fil-pussess tar-rikorrent, tindika kif dan id-dokument jista’ jinkiseb;

prova proposta permezz ta’ xhieda jew ta’ talba għal informazzjoni għandha tindika bi preċiżjoni l-persuna kkonċernata.

27.

Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara li ssir talba għal għajuna legali, liema talba għandha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tiġi indikata fil-bidu tar-rikors promotur.

28.

Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar talba għal għajnuna legali, fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data li fiha d-digriet ġie nnotifikat lir-rikorrent.

b.   Risposta

29.

L-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun inkluża fir-risposta hija prevista fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

30.

Fil-bidu tar-risposta, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tar-rikorrent, għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant tal-konvenut;

(c)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

31.

It-talbiet tal-konvenut għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

32.

Il-punti 21, 24 u 26 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi huma applikabbli għar-risposta.

33.

Kull kontestazzjoni tal-fatti allegati mill-kontroparti għandha tkun espliċita u għandha tindika bi preċiżjoni l-fatti kkonċernati.

2)   Rikors u risposta (fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali)

a.   Rikors promotur

34.

L-informazzjoni obbligatorja li għandha tiġi inkluża fir-rikors promotur hija prevista fl-Artikoli 44 u 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

35.

Fil-bidu tar-rikors għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant tar-rikorrent;

(c)

l-ismijiet tal-partijiet kollha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u l-indirizzi li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifika matul dawk il-proċedimenti;

(d)

l-indikazzjoni tad-data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tkun is-suġġett tar-rikors, kienet ġiet innotifikata lir-rikorrent;

(e)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

36.

Id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell għandha tiġi annessa mar-rikors.

37.

Il-punti 20 sa 22, 24, u 26 sa 28 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi huma applikabbli għar-rikorsi fil-kawżi dwar proprjetà intelletwali.

b.   Risposta

38.

L-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun inkluża fir-risposta hija prevista fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

39.

Fil-bidu tar-risposta, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tar-rikorrent, għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut jew tal-intervenjent;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant tal-konvenut jew tar-rappreżentant tal-intervenjent;

(c)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

40.

It-talbiet tal-konvenut jew tal-intervenjent għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

41.

Il-punti 21, 24, 26 u 33 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi huma applikabbli għar-risposta. Meta r-risposta tkun ippreċeduta mill-preżentata, mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ta’ teħid ta’ pożizzjoni dwar il-lingwa tal-kawża, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, dan id-dokument għandu jkollu miegħu d-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.2.   Appelli

a.   Rikors tal-appell

42.

Ir-rikors tal-appell għandu jkollu l-kontenut previst fl-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

43.

Fil-bidu ta’ kull rikors tal-appell għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, imsejħa l-appellant;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant tal-appellant;

(c)

l-indikazzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija s-suġġett tal-appell (in-natura, il-kulleġġ ġudikanti, id-data u n-numru tal-kawża);

(d)

l-isem tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(e)

l-indikazzjoni tad-data li fiha l-appellant irċieva d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(f)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

44.

It-talbiet tal-appellant għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors tal-appell [Artikolu 139(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

45.

Ġeneralment, ma huwiex neċessarju li ssir deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għal kawża u tas-suġġett tal-kawża; huwa biżżejjed li jsir riferiment għad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

46.

Huwa rrakkomandat li l-aggravji jiġu elenkati fil-qosor u b’mod sistematiku fil-bidu tar-rikors tal-appell. L-argumenti legali għandhom ikunu strutturati skont l-aggravji invokati insostenn tal-appell, b’mod partikolari skont l-iżbalji ta’ liġi invokati.

47.

Kopja tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun is-suġġett tal-appell għandha tiġi annessa mar-rikors tal-appell.

48.

Ma’ kull rikors tal-appell għandu jkun hemm sunt tal-aggravji u tal-argumenti prinċipali invokati, intiż sabiex jiffaċilita r-redazzjoni tal-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-komunikazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha, dan is-sunt ma għandux ikun itwal minn żewġ paġni u għandu jiġi redatt skont il-mudell li jidher fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi prodott b’mod separat mill-annessi msemmija fit-test tar-rikors. Meta ma jiġix ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, is-sunt għandu jintbagħat, bil-posta elettronika, fl-għamla ta’ sempliċi fajl elettroniku, fl-indirizz GeneralCourt.Registry@curia.europa.eu, b’indikazzjoni tal-kawża li għaliha jirreferi.

49.

Mar-rikors tal-appell, għandu jiġi prodott id-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura (dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), ħlief meta l-appellant ikun istituzzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru u jkun irrappreżentat minn aġent. Għall-finijiet tal-produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jsir riferiment, skont l-Artikolu 8(2) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, għal dokument diġà ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

b.   Risposta għall-appell

50.

Ir-risposta għall-appell għandha jkollha l-kontenut previst fl-Artikolu 141(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

51.

Fil-bidu ta’ kull risposta għall-appell, minbarra n-numru tal-kawża u l-indikazzjoni tal-appellant, għandu jkun hemm din l-informazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

(b)

l-isem u l-kwalità tar-rappreżentant li jkun qiegħed jaġixxi għal din il-parti;

(c)

id-data li fiha l-parti rċeviet l-appell;

(d)

id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni).

52.

It-talbiet tal-parti li tippreżenta r-risposta għall-appell għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta [Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

53.

Jekk it-talbiet tar-risposta għall-appell ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq il-bażi ta’ aggravju li ma tqajjimx fl-appell, dan għandu jiġi indikat fit-titolu tal-att (“risposta għall-appell flimkien ma’appell inċidentali”).

54.

L-argumentazzjoni legali għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi strutturata skont l-aggravji invokati mill-appellant, u/jew, meta jkun il-każ, skont l-aggravji invokati taħt l-appell inċidentali.

55.

Peress li l-kuntest fattwali jew legali huwa diġà s-suġġett tas-sententza appellata, dan ma għandux jiġi indikat fir-risposta għall-appell ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali sa fejn il-preżentazzjoni ta’ dan il-kuntest fir-rikors tal-appell tkun qiegħda tiġi kkontestata jew tkun tirrikjedi xi preċiżazzjonijiet. Kull kontestazzjoni għandha tiġi espressa u l-punt ta’ fatt jew ta’ liġi kkonċernat għandu jiġi indikat bi preċiżjoni.

56.

Mar-risposta għall-appell għandu jiġi prodott id-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura (dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), ħlief meta l-parti li tipproduċih tkun istituzzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru u tkun irrappreżentata minn aġent.

C.   FUQ IL-PRODUZZJONI TA’ ANNESSI MAL-ATTI PROĊEDURALI

57.

Ma’ att proċedurali jistgħu jiġu annessi biss id-dokumenti msemmija fit-test tal-att u li huma neċessarji biex jagħtu prova ta’, jew jispjegaw, il-kontenut tiegħu.

58.

Il-produzzjoni ta’ annessi hija aċċettata biss jekk magħhom ikun hemm skeda li telenka l-annessi. Għal kull dokument li jiġi anness, din l-iskeda għandha tinkludi:

(a)

in-numru tal-anness (għandu jsir riferiment għall-att proċedurali li miegħu jkunu annessi d-dokumenti bl-użu ta’ ittra u numru: pereżempju: Anness A.1, A.2, … għall-annessi tar-rikors; B.1, B.2, … għall-annessi tar-risposta; C.1, C.2, … għall-annessi tar-replika; D.1, D.2, … għall-annessi tal-kontroreplika);

(b)

deskrizzjoni qasira tal-anness b’indikazzjoni tan-natura tiegħu (pereżempju: “ittra” flimkien ma’ indikazzjoni tad-data, tal-awtur, tad-destinatarju u tan-numru ta’ paġni tal-anness);

(c)

l-indikazzjoni tal-paġna tal-att proċedurali u tan-numru tal-paragrafu fejn jissemma d-dokument u li jiġġustifika l-produzzjoni tiegħu.

59.

Id-dokumenti annessi ma’ att proċedurali għandhom jiġu impaġnati, fin-naħa ta’ fuq fil-lemin, b’numri konsekuttivi. L-impaġnar tad-dokumenti jista’ jsir jew b’numri konsekuttivi li jsegwu mill-att li miegħu jkunu annessi, jew b’numri konsekuttivi iżda b’mod separat mill-att inkwistjoni.

60.

Fil-każ li l-annessi jkollhom annessi tagħhom stess, in-numerazzjoni u l-preżentazzjoni tagħhom għandhom isiru b’tali mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta’ konfużjoni, jekk ikun il-każ billi jintużaw diviżuri.

61.

Kull riferiment għal dokument li jkun ġie prodott għandu jinkludi n-numru tal-anness ikkonċernat, kif jidher fl-iskeda li telenka l-annessi, kif ukoll l-indikazzjoni tal-att li miegħu jiġi prodott l-anness, skont il-forma indikata fil-punt 58 iktar ’il fuq.

D.   FUQ IR-REGOLARIZZAZZJONI TAL-ATTI PROĊEDURALI

D.1.   Regolarizzazzjoni tar-rikorsi

a.   Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat

62.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet segwenti, ir-Reġistru ma għandux jinnotifikah u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni:

 

Rikorsi diretti

(minbarra dawk dwar proprjetà intellettwali)

Kawżi dwar proprjetà intellettwali

Appelli

a)

produzzjoni tad-dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika [Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

produzzjoni tad-dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika [Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

produzzjoni tad-dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika [Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

b)

prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura]

prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

c)

mandat [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

mandat [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

d)

prova li l-mandat ingħata b’mod regolari minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

prova li l-mandat ingħata b’mod regolari minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

e)

produzzjoni tal-att ikkontestat (rikors għal annullament) jew tad-dokument li jindika d-data meta saret l-istedina sabiex tittieħed azzjoni (rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni) [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura]

produzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

produzzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun is-suġġett tal-appell [Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

f)

 

l-isem jew l-ismijiet tal-parti jew tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u l-indirizzi li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifiki mwettqa matul dawk il-proċedimenti [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

g)

 

id-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

id-data tan-notifika tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun is-suġġett tal-appell [Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

b.   Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika

63.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali segwenti, in-notifika tar-rikors għandha tiġi posposta u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni:

 

Rikors ippreżentant fiżikament

(preżentata, jekk ikun il-każ, wara li tkun saret trażmissjoni b’faks jew b’messaġġ elettroniku)

Rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia

a)

indikazzjoni tal-indirizz tar-rikorrent [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 44(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura; punti 19(a), 35(a) jew 43(a) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

indikazzjoni tal-indirizz tar-rikorrent [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 44(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura; punti 19(a), 35(a) jew 43(a) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

b)

pożizzjoni tal-firma bil-miktub tar-rappreżentant (punt 11 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi)

 

c)

numerazzjoni tal-paragrafi (punt 10 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi)

numerazzjoni tal-paragrafi (punt 10 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi)

d)

produzzjoni tal-annessi msemmija fl-iskeda li telenka l-annessi [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-proċedura]

produzzjoni tal-annessi msemmija fl-iskeda li telenka l-annessi [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-proċedura]

e)

numru suffiċjenti ta’ kopji tal-annessi msemmija fl-iskeda li telenka l-annessi [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-proċedura]

 

f)

produzzjoni tal-iskeda li telenka l-annessi [Artikolu 43(4) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 58 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

produzzjoni tal-iskeda li telenka l-annessi [Artikolu 43(4) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 58 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

g)

numru suffiċjenti ta’ kopji tal-iskeda li telenka l-annessi [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

h)

skeda li telenka l-annessi b’deskrizzjoni qasira tagħhom [punt 58(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi] u indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu/i [punt 58(c) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

skeda li telenka l-annessi b’deskrizzjoni qasira tagħhom [punt 58(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi] u indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu/i [punt 58(c) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

i)

numru suffiċjenti ta’ kopji tal-iskeda li telenka l-annessi b’indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu/i [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

j)

numru suffiċjenti ta’ kopji tal-att ikkontestat jew tad-dokument li jindika d-data meta saret l-istedina sabiex tittieħed azzjoni [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

k)

produzzjoni ta’ kopja tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ [Artikolu 44(5a) tar-Regoli tal-Proċedura]

produzzjoni ta’ kopja tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ [Artikolu 44(5a) tar-Regoli tal-Proċedura]

l)

numru suffiċjenti ta’ kopji tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

m)

impaġnar tar-rikors u tal-annessi [punti 12(d) u 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

impaġnar tar-rikors u tal-annessi [punti 12(d) u 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

n)

numru suffiċjenti ta’ kopji awtentikati tar-rikors (sebgħa għall-kawżi dwar proprjetà intellettwali inter partes u sitta għall-kawżi l-oħra kollha) [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

 

o)

produzzjoni ta’ kopji awtentikati tar-rikors [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 13 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi]

 

c.   Regoli formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika

64.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali li ġejjin, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni:

(a)

l-indirizz għan-notifika (l-għażla tal-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu u/jew l-aċċettazzjoni tan-notifiki permezz ta’ mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni) [Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura; Artikolu 10(3) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur; punti 8 u 19(d) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi];

(b)

id-dokument li jiċċertifika li avukat huwa awtorizzat jipprattika għal kull avukat supplementari [Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura];

(c)

fil-kawżi li ma humiex kawżi dwar proprjetà intellettwali, is-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali (punti 25 u 48 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi);

(d)

it-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ dokument redatt f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura).

D.2.   Regolarizzazzjoni ta’ rikorsi voluminużi

65.

Rikors li n-numru ta’ paġni tiegħu jaqbeż b’40 % n-numru massimu ta’ paġni indikat fil-punt 15 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi għandu jagħti lok għal regolarizzazzjoni, sakemm ma jingħatawx istruzzjonijiet differenti mill-President.

66.

Rikors li n-numru ta’ paġni tiegħu jaqbeż b’inqas minn 40 % l-istess numru massimu ta’ paġni indikat fil-punt 15 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi jista’ jagħti lok għal regolarizzazzjoni jekk il-President jagħti istruzzjonijiet f’dan is-sens.

67.

Meta r-rikorrent jintalab jipproċedi għar-regolarizzazzjoni, in-notifika lill-konvenut tar-rikors, li l-volum tiegħu jeħtieġ regolarizzazzjoni, għandha tiġi posposta.

D.3.   Regolarizzazzjoni ta’ atti proċedurali oħra

68.

Il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq huma applikabbli sa fejn huwa rilevanti għall-atti l-proċedurali l-oħra li ma humiex ir-rikors.

E.   FUQ IT-TALBA SABIEX KAWŻA TIĠI DEĊIŻA SKONT IL-PROĊEDURA MĦAFFA

69.

In-numru ta’ paġni ta’ rikors li fir-rigward tiegħu jintalab li tingħata deċiżjoni skont il-proċedura mħaffa ma għandux, bħala prinċipju, jaqbeż il-25 paġna. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 18 sa 25 iktar ’il fuq.

70.

It-talba sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi skont il-proċedura mħaffa għandha titressaq b’att separat skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, u għandha tinkludi motivazzjoni fil-qosor fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kawża u taċ-ċirkustanzi l-oħra rilevanti. Id-dispożizzjonijiet tal-partijiet A.2, A.3 u C iktar ’il fuq huma applikabbli.

71.

Huwa rrakkomandat li l-parti li titlob il-benefiċċju tal-proċedura mħaffa tindika, fit-talba tagħha, il-motivi, l-argumenti jew il-partijiet tal-att ikkonċernat (rikors jew risposta) li jkunu qegħdin jiġu preżenti biss fil-każ li ma tingħatax deċiżjoni skont din il-proċedura. Dawn l-indikazzjonijiet, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu fformulati fit-talba bi preċiżjoni u b’indikazzjoni tan-numri tal-paragrafi kkonċernati.

72.

Huwa wkoll irrakkomandat li t-talba sabiex tingħata deċiżjoni skont il-proċedura mħaffa, li tkun tinkludi l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, tiġi annessa magħha verżjoni mqassra tal-att ikkonċernat.

73.

Meta tiġi annessa verżjoni mqassra, din għandha tkun konformi mal-istruzzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-verżjoni mqassra għandha tieħu l-forma tal-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat bil-partijiet tiegħu li jkunu tneħħew identifikati permezz ta’ parenteżi kwadri li fihom jinkiteb “omissis”;

(b)

il-paragrafi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandhom iżommu l-istess numerazzjoni bħal dik tal-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat;

(c)

l-iskeda li telenka l-annessi li tkun flimkien mal-verżjoni mqassra, jekk il-verżjoni mqassra ma tirriferix għall-annessi kollha tal-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, għandha tindika “omissis” sabiex jiġi identifikat kull wieħed mill-annessi li jkunu tħallew barra;

(d)

l-annessi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandhom iżommu l-istess numerazzjoni bħal dik fl-iskeda tal-annessi tal-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat;

(e)

l-annessi msemmija fl-iskeda inkluża mal-verżjoni mqassra għandhom jiġu mehmuża ma’ din il-verżjoni.

74.

Sabiex tkun tista’ tiġi ttrattata fl-iqsar żmien possibbli, il-verżjoni mqassra għandha tkun konformi mal-istruzzjonijiet preċedenti.

75.

Meta l-Qorti Ġenerali titlob li tiġi prodotta verżjoni mqassra tal-att abbażi tal-Artikolu 76a(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-verżjoni mqassra għandha tiġi stabbilita, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, skont l-istruzzjonijiet preċedenti.

76.

Jekk ir-rikorrent ma jkunx indika fit-talba tiegħu l-motivi, l-argumenti jew il-partijiet mir-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-każ li d-deċiżjoni ma tingħatax skont il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f’terminu ta’ xahar, għar-rikors.

77.

Jekk ir-rikorrent ikun indika fit-talba tiegħu l-motivi, l-argumenti jew il-partijiet mir-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-każ li d-deċiżjoni ma tingħatax skont il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f’terminu ta’ xahar, għall-motivi u l-argumenti żviluppati fir-rikors moqri fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija fit-talba għall-proċedura mħaffa.

78.

Jekk ir-rikorrent ikun hemeż verżjoni mqassra tar-rikors mat-talba tiegħu, il-konvenut għandu jirrispondi, f’terminu ta’ xahar, għall-motivi u l-argumenti f’din il-verżjoni mqassra tar-rikors.

79.

Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa qabel ma l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu, it-terminu ta’ xahar previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura għall-preżentata ta’ dan l-att għandu jiġi pprorogat b’xahar ieħor.

80.

Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa wara li l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu fit-terminu ta’ xahar previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura, terminu ġdid ta’ xahar għandu jingħata lill-konvenut sabiex ikun jista’ jikkompleta r-risposta tiegħu.

F.   FUQ IT-TALBIET GĦAS-SOSPENSJONI TAL-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TAL-PROĊEDURA GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

81.

It-talba għandha titressaq permezz ta’ att separat. Hija għandha tkun tinftiehem waħedha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali.

82.

It-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tindika, fil-qosor u b’mod konċiż ħafna, is-suġġett tal-kawża, il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors prinċipali u li juru prima facie l-fondatezza tiegħu (fumus boni juris) kif ukoll iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza. Hija għandha tindika bi preċiżjoni l-miżura jew il-miżuri mitluba. Id-dispożizzjonijiet tal-partijiet A.2, A.3, B u C iktar ’il fuq huma applikabbli.

83.

Peress li t-talba għal miżuri provviżorji twassal għal evalwazzjoni tal-fumus boni juris fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, hija ma għandhiex tirriproduċi integralment it-test tar-rikors fil-kawża prinċipali.

84.

Sabiex talba għal miżuri provviżorji tkun tista’ tiġi ttrattata b’urġenza, in-numru massimu ta’ paġni tagħha ma għandux, bħala prinċipju, ikun iktar, skont is-suġġett ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, minn 25 paġna.

G.   FUQ IT-TALBIET GĦAL TRATTAMENT KUNFIDENZJALI

85.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni u tat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss dawk id-dokumenti u atti li r-rappreżentanti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

86.

Madankollu, parti tista’ titlob li ċerti elementi jew siltiet tal-atti proċedurali inklużi fl-inkartament li jkunu ta’ natura sigrieta jew kunfidenzjali:

jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjent [Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura];

ma jkunux aċċessibbli għal parti f’kawża magħquda [Artikolu 50(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

87.

Talba għal trattament kunfidenzjali għandha titressaq permezz ta’ att separat. Tali talba ma tistax titressaq f’verżjoni kunfidenzjali.

88.

Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tispeċifika l-parti li fir-rigward tagħha l-kunfidenzjalità tkun qiegħda tintalab. Din għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju u f’ebda każ ma tista’ tkopri att proċedurali kollu kemm hu, filwaqt li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, tista’ tkopri anness sħiħ. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ att proċedurali, li fih ċerti siltiet, kliem jew ċifri jkunu ġew imħassra, għandha normalment tkun possibbli mingħajr ma jiġu kompromessi l-interessi inkwistjoni.

89.

Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tindika b’mod preċiż l-elementi jew is-siltiet ikkonċernati u għandha tinkludi motivazzjoni qasira ħafna fir-rigward tan-natura sigrieta jew kunfidenzjali ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi jew siltiet. In-nuqqas ta’ dawn l-indikazzjonijiet jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba mill-Qorti Ġenerali.

90.

Mal-preżentata tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ att jew ta’ diversi atti proċedurali, il-parti għandha tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att jew tal-atti proċedura inkwistjoni f’liema verżjoni jitħallew barra l-elementi jew is-siltiet koperti mit-talba.

a.   Fil-każ ta’ talba għal intervent

91.

Meta titressaq talba għal intervent f’kawża, il-partijiet huma mitluba jindikaw, fit-terminu impost mir-Reġistratur, jekk dawn jixtiqux li jingħata trattament kunfidenzjali għal ċerta informazzjoni li tkun tinsab fl-atti diġà inklużi fl-inkartament.

92.

Fir-rigward tal-atti kollha li huma jippreżentaw sussegwentement, il-partijiet għandhom jindikaw, skont kif indikat fil-punti 87 sa 90 iktar ’il fuq, l-informazzjoni li huma jixtiequ li tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali u għandhom jipprovdu, flimkien mal-verżjoni sħiħa tal-atti ppreżentati, verżjoni li fiha din l-informazzjoni tkun tħalliet barra. Fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, l-atti ppreżentati jiġu kkomunikati lill-intervenjent.

b.   Fil-każ ta’ kawżi magħquda

93.

Fejn ikun previst li diversi kawżi jingħaqdu, il-partijiet huma mitluba jindikaw, fit-terminu impost mir-Reġistratur, jekk dawn jixtiqux li jingħata trattament kunfidenzjali għal ċerta informazzjoni li tkun tinsab fl-atti diġà inklużi fl-inkartament.

94.

Fir-rigward tal-atti kollha li huma jippreżentaw sussegwentement, il-partijiet għandhom jindikaw, skont kif indikat fil-punti 88 sa 90 iktar ’il fuq, l-informazzjoni li huma jixtiequ li tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali u għandhom jipprovdu, flimkien mal-verżjoni sħiħa tal-atti ppreżentati, verżjoni li fiha din l-informazzjoni tkun tħalliet barra. Fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, l-atti ppreżentati jiġu kkomunikati lill-partijiet l-oħra.

H.   FUQ IT-TALBIET DWAR IT-TIENI SKAMBJU TA’ ATTI

H.1.   Fuq it-talbiet sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ replika jew kontroreplika fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali

95.

Fuq talba mressqa fit-terminu previst fl-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President jista’, skont din id-dispożizzjoni, jawtorizza l-preżentata ta’ replika jew ta’ kontroreplika jekk dan ikun neċessarju sabiex jippermetti lill-parti kkonċernata tiddefendi l-pożizzjoni tagħha.

96.

Din it-talba ma għandhiex, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, tkun itwal minn 2 paġni u għandha tindika biss, fil-qosor, ir-raġunijiet speċifiċi li minħabba fihom, fil-fehma tal-parti kkonċernata, hija neċessarja replika jew kontroreplika. It-talba għandha tkun tinftiehem fiha nfisha mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors jew għar-risposta/i.

H.2.   Fuq it-talbiet sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ replika fl-appelli

97.

Fuq talba mressqa fit-terminu previst fl-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President jista’, skont din id-dispożizzjoni, jawtorizza l-preżentata ta’ replika jekk dan ikun neċessarju sabiex jippermetti lill-appellant jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu jew sabiex tiġi ppreparata d-deċiżjoni dwar l-appell.

98.

Din it-talba ma għandhiex, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, tkun itwal minn 2 paġni u għandha tindika biss, fil-qosor, ir-raġunijiet speċifiċi li minħabba fihom, fil-fehma tal-appellant, hija neċessarja replika. It-talba għandha tkun tinftiehem fiha nfisha mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors tal-appell jew għar-risposta għall-appell.

I.   FUQ IT-TALBIET GĦAL SEDUTA GĦAS-SOTTOMISSJONIJIET ORALI

I.1.   Fuq it-talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali

99.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, sakemm waħda mill-partijiet ma tressaqx talba sabiex tippreżenta s-sottomissjonijiet orali tagħha fit-terminu previst fl-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura.

100.

It-talba għandha tindika l-motivi li minħabba fihom il-parti tkun tixtieq li tinstema’. Din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta li seduta għas-sottomissjonijiet orali tkun utli għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-elementi tal-inkartament jew tal-argumenti li fil-fehma tagħha jkun meħtieġ li tiżviluppa jew li tiċħad b’mod iktar komprensiv matul is-seduta. Motivazzjoni ta’ natura ġenerali li tirreferi għall-importanza tal-kawża jew tal-kwistjonijiet li jridu jiġu kkjarifikati ma hijiex biżżejjed.

I.2.   Fuq it-talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fl-appelli

101.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-appell mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, sakemm waħda mill-partijiet ma tressaqx talba sabiex tippreżenta s-sottomissjonijiet orali tagħha fit-terminu previst fl-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura.

102.

It-talba għandha tindika l-motivi li minħabba fihom il-parti tkun tixtieq li tinstema’. Din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta li seduta għas-sottomissjonijiet orali tkun utli għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-elementi tal-inkartament jew tal-argument li fil-fehma tagħha jkun meħtieġ li tiżviluppa jew li tiċħad b’mod iktar komprensiv matul is-seduta. Motivazzjoni ta’ natura ġenerali li tirreferi għall-importanza tal-kawża jew tal-kwistjonijiet li jridu jiġu kkjarifikati ma hijiex biżżejjed.

J.   FUQ IT-TALBIET GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

103.

L-użu ta’ formola huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Il-formola hija aċċessibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-indirizz li ġej: http://curia.europa.eu.

104.

Il-formola tista’ tinkiseb ukoll billi tintalab mingħand ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali billi jintbagħat messaġġ elettroniku fl-indirizz li ġej GeneralCourt.Registry@curia.europa.eu, b’indikazzjoni tal-isem u l-indirizz, jew billi tinkiteb ittra lill-indirizz li ġej:

Greffe du Tribunal de l’Union européenne

Rue du Fort Niedergrünewald

L-2925 Luxembourg

105.

Talba għal għajnuna legali mressqa b’mezz ieħor u mhux bil-formola ma tittiħidx inkunsiderazzjoni; din twassal għal risposta mir-Reġistratur fejn jitfakkar in-natura obbligatorja tal-użu tal-formola, li r-Reġistratur jehmeż f’anness mar-risposta tiegħu.

106.

L-oriġinal tat-talba għal għajnuna legali għandha tiġi ffirmata minn min jagħmel it-talba jew mill-avukat tiegħu. Madankollu, fil-każ li t-talba tiġi ppreżentata permezz tal-applikazzjoni e-Curia mill-avukat ta’ min jagħmel it-talba, il-firma tal-avukat ma tkunx meħtieġa.

107.

Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq mill-avukat ta’ min jagħmel it-talba qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, flimkien ma’ din it-talba jrid ikun hemm id-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-proċedura (dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea). Għall-finijiet tal-produzzjoni tad-dokument previst fl-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jsir riferiment, skont l-Artikolu 8(2) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, għal dokument diġà ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

108.

Il-formola hija intiża li tippermetti lill-Qorti Ġenerali jkollha, skont l-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi effettivament dwar it-talba għal għajnuna legali. Din l-informazzjoni tikkonċerna:

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba

u,

fil-każ fejn ir-rikors ikun għadu ma ġiex ippreżentat, informazzjoni dwar is-suġġett ta’ dan ir-rikors, dwar il-fatti tal-kawża u dwar l-argumenti dwaru.

109.

Min jagħmel it-talba għandu jipproduċi, mal-formola, id-dokumenti li jiġġustifikaw l-affermazzjonijiet tiegħu.

110.

Il-formola debitament mimlija u d-dokumenti ta’ sostenn għandhom ikunu jinftiehmu minnhom nfushom, mingħajr il-bżonn li jsir riferiment għal korrispondenza oħra eventwalment ippreżentata lill-Qorti Ġenerali minn min jagħmel it-talba.

111.

Bla ħsara għall-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali titlob informazzjoni jew il-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal għajnuna legali ma tistax tiġi kkompletata billi jiġu ppreżentati addendi oħra wara; tali addendi, jekk jiġu ppreżentati mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tkun talbithom, jintbagħtu lura. F’każijiet eċċezzjonali, id-dokumenti ta’ sostenn intiżi li jipprovaw in-nuqqas ta’ mezzi ta’ min jagħmel it-talba jistgħu madankollu jiġu aċċettati wara, billi tingħata spjegazzjoni xierqa għalfejn ġew ippreżentati tard.

112.

Bis-saħħa tal-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors li għalih tirreferi t-talba sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, meta avukat ma jkunx ġie maħtur sabiex jirrappreżenta l-persuna kkonċernata f’dan id-digriet, sad-data tan-notifika tad-digriet li jaħtar l-avukat sabiex jirrappreżenta lil min jagħmel it-talba.

113.

Is-sospensjoni tidħol fis-seħħ mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-formola jew, meta t-talba għal għajnuna legali titressaq mingħajr l-użu tal-formola, mid-data tad-depożitu ta’ din it-talba bil-kundizzjoni li l-formola tintbagħat fit-terminu mogħti mir-Reġistru għal dan il-għan fl-ittra msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq. Jekk il-formola ma tintbagħatx fit-terminu mogħti, is-sospensjoni tidħol fis-seħħ mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-formola.

114.

Fil-każ li l-formola tiġi ppreżentata b’faks jew b’messaġġ elettroniku, l-oriġinal bil-firma bil-miktub tal-avukat jew ta’ min jagħmel it-talba għandu jasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara din il-preżentata sabiex id-data tad-depożitu tal-faks jew tal-messaġġ elettroniku tittieħed inkunsiderazzjoni għas-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Fin-nuqqas tal-preżentata tal-oriġinal f’dan it-terminu ta’ għaxart ijiem, is-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikors tidħol fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-oriġinal. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja ppreżentata qabel, huwa biss l-oriġinal iffirmat li jittieħed inkunsiderazzjoni u d-data meqjusa għas-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikors tkun dik tal-preżentata ta’ dan l-oriġinal.

II.   FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

115.

Il-proċedura orali sservi sabiex:

titfakkar, jekk ikun il-każ, il-pożizzjoni meħuda, fil-qosor ħafna, billi jiġu enfasizzati l-motivi essenzjali żviluppati bil-miktub;

jiġu kkjarifikati, jekk ikun neċessarju, ċerti argumenti żviluppati matul il-proċedura bil-miktub u sabiex jiġu ppreżentanti, eventwalment, argumenti ġodda li jirriżultaw minn avvenimenti li jkunu seħħu minn meta tkun ingħalqet il-proċedura bil-miktub u li, minħabba f’dan il-fatt, ma setgħux jiġu esposti fis-sottomissjonijiet bil-miktub;

jingħataw tweġibiet għall-mistoqsijiet eventwali tal-Qorti Ġenerali.

116.

Kull parti għandha tevalwa, fid-dawl tal-għan tal-proċedura orali kif iddefinit fil-punt preċedenti, jekk trattazzjoni tkunx fil-fatt utli jew jekk sempliċi riferiment għall-osservazzjonijiet jew għall-atti bil-miktub ikunx biżżejjed. Il-proċedura orali tkun għalhekk tista’ tikkonċentra fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Jekk ir-rappreżentant iqis neċessarju li jitkellem, dan dejjem jista’ jindirizza biss ċerti punti filwaqt li jagħmel riferiment għall-atti fir-rigward ta’ punti oħra.

117.

Jekk parti tastjeni milli tagħmel trattazzjoni, is-silenzju tagħha qatt ma jista’ jiġi interpretat bħala kunsens għat-trattazzjoni żviluppata mill-parti l-oħra jekk l-argument inkwistjoni jkun diġà ġie miċħud fil-proċedura bil-miktub. Dan is-silenzju ma jżommx lil din il-parti milli tirreplika għat-trattazzjoni tal-parti l-oħra.

118.

F’ċerti każijiet, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li huwa preferibbli li jingħata bidu għall-proċedura orali permezz ta’ mistoqsijiet magħmula mill-membri tagħha lir-rappreżentanti tal-partijiet. F’dan il-każ, dawn tal-aħħar huma mitluba li jieħdu dan inkunsiderazzjoni jekk sussegwentement ikunu jridu jagħmlu trattazzjoni qasira.

119.

Għal finijiet ta’ ċarezza u sabiex it-trattazzjonijiet jinftiehmu b’mod aħjar mill-membri tal-Qorti Ġenerali, ġeneralment huwa preferibbli li wieħed jitkellem liberament abbażi ta’ noti pjuttost milli billi jaqra test. Ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna wkoll jissemplifikaw, sa fejn ikun possibbli, il-preżentazzjoni tagħhom tal-kawża. Serje ta’ sentenzi qosra hija dejjem preferibbli minn diskors twil u kkumplikat. Barra minn dan, ir-rappreżentanti jgħinu lill-Qorti Ġenerali jekk jistrutturaw it-trattazzjonijiet tagħhom u jekk jippreċiżaw qabel kull żvilupp il-pjan li bi ħsiebhom jadottaw.

120.

Meta t-trattazzjoni tkun ippreparata bil-miktub, fir-rigward tal-elaborazzjoni tat-test jingħata l-parir li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi ppreżentat b’mod orali u għalhekk għandu jkun l-iktar qrib possibbli għal preżentazzjoni orali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jibagħtu minn qabel, lid-diviżjoni tal-interpretazzjoni, jew bil-faks [(+352) 43.03.36.97] jew b’messaġġ elettroniku (interpret@curia.europa.eu), it-test tat-trattazzjoni tagħhom, jekk dan ikun diġà stabbilit, jew xi noti bil-miktub oħra li jista’ jkollhom bi tħejjija għat-trattazzjoni.

121.

Il-kunfidenzjalità tan-noti tat-trattazzjonijiet mibgħuta hija assigurata. Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, għandu jiġi indikat l-isem tal-parti. In-noti tat-trattazzjonijiet ma jiġux inklużi fl-inkartament tal-kawża.

122.

Qed jiġi mfakkar lir-rappreżentanti li, skont il-każ, uħud mill-membri biss tal-Qorti Ġenerali jsegwu t-trattazzjoni fil-lingwa li tkun qiegħda ssir filwaqt li l-membri l-oħra jisimgħu l-interpretazzjoni simultanja. Qed jiġi rrakkomandat ħafna lir-rappreżentanti, fl-interess ta’ żvolġiment aħjar tal-proċedura orali u sabiex jinżamm il-livell tal-kwalità tal-interpretazzjoni simultanja, li jitkellmu bil-mod u fil-mikrofonu.

123.

Meta r-rappreżentanti jkollhom l-intenzjoni li jiċċitaw litteralment siltiet minn ċerti testi jew dokumenti, b’mod partikolari siltiet li ma jkunux imsemmija fl-inkartament tal-kawża, ikun utli li jindikawhom lill-interpreti qabel is-seduta. Bl-istess mod, jista’ jkun utli li jindikawlhom kliem li eventwalment ikunu diffiċli li jiġu tradotti.

124.

Peress li l-awli tal-Qorti Ġenerali huma mgħammra b’sistema awtomatika ta’ mikrofoni, ir-rappreżentanti huma mitluba jagħfsu l-buttuna tal-mikrofonu sabiex jixegħluh u jistennew li jixgħel id-dawl qabel ma jibdew jitkellmu. Għandu jiġi evitat li tingħafas il-buttuna filwaqt li Mħallef jew persuna oħra jkunu qegħdin jitkellmu, sabiex ma jintfilhomx il-mikrofonu.

125.

It-tul tat-trattazzjonijiet jista’ jvarja skont il-kumplessità tal-kawża u skont jekk ikunx hemm jew le punti ta’ fatt ġodda. Ir-rappreżentanti tal-partijiet prinċipali huma mitluba jillimitaw it-tul tat-trattazzjonijiet għal madwar 15-il minuta għal kull parti u dawk tal-intervenjent għal 10 minuti (fil-kawżi magħquda, kull parti prinċipali għandha 15-il minuta għal kull kawża u kull intervenjent għandu 10 minuti għal kull kawża), sakemm ir-Reġistru ma jkunx tahom indikazzjonijiet differenti f’dan ir-rigward. Dan il-limitu jikkonċerna biss it-trattazzjoni nfisha u ma jinkludix iż-żmien użat sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula fis-seduta.

126.

Jekk iċ-ċirkustanzi jitolbu hekk, talba għal deroga minn dan it-tul ta’ ħin normali, debitament motivata u li tippreċiża t-tul tal-ħin meqjus li huwa neċessarju, tista’ tiġi indirizzata lir-Reġistru, as mhux iktar tard minn ħmistax-il ġurnata (jew fi stadju iktar tard f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, debitament motivati) qabel id-data tas-seduta. Ir-rappreżentanti jiġu informati bit-tul tat-trattazzjonijiet li jiddisponu minnhom wara li tkun saret talba bħal din.

127.

Meta diversi rappreżentanti jaġixxu għal parti waħda, bħala regola mhux iktar minn tnejn biss fosthom ikunu jistgħtu jittrattaw u t-total tal-interventi orali tagħhom ma għandux jaqbeż it-tul tal-ħin ippreċiżat iktar ’il fuq. It-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin u r-repliki għar-rappreżentanti l-oħra jistgħu madankollu jingħataw minn rappreżentanti oħra differenti minn dawk li jkunu ttrattaw.

128.

Meta numru ta’ partijiet jiddefendu l-istess teżi quddiem il-Qorti Ġenerali (sitwazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari fil-każ ta’ interventi jew ta’ kawżi magħquda), ir-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jaħdmu flimkien qabel is-seduta, sabiex tiġi evitata kull repetizzjoni fit-trattazzjoni.

129.

Ir-rapport għas-seduta, redatt mill-Imħallef Relatur, huwa limitat għal indikazzjoni tal-motivi u sunt qasir tal-argumenti tal-partijiet.

130.

Il-Qorti Ġenerali tagħmel mill-aħjar sabiex tagħti r-rapport għas-seduta lir-rappreżentanti tal-partijiet tliet ġimgħat qabel is-seduta. Ir-rapport għas-seduta jservi biss sabiex titħejja l-proċedura orali qabel is-seduta.

131.

Jekk ir-rappreżentanti jippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta dwar ir-rapport għas-seduta, dawn jitniżżlu mir-Reġistratur jew minn min qed jaġixxi bħala Reġistratur.

132.

Ir-rapport għas-seduta jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku quddiem l-awla fil-jum tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

133.

Ir-rappreżentanti huma mitluba, meta jiċċitaw minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jindikawha permezz tal-isem kurrenti tagħha, in-numru tal-kawża u li jippreċiżaw, jekk ikun il-każ, il-punt jew punti rilevanti.

134.

Il-Qorti Ġenerali ma taċċettax dokumenti ppreżentati fis-seduta ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali u biss wara li tkun semgħet lill-partijiet f’dan ir-rigward.

135.

Talba għall-użu ta’ ċerti mezzi tekniċi għal raġunijiet ta’ preżentazzjoni għandha titressaq fi żmien suffiċjenti. Il-metodi għall-użu ta’ mezzi bħal dawn jiġu ddeterminati mir-Reġistratur, u dan sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni limitazzjonijiet eventwali ta’ natura teknika u prattika.

III.   DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI

136.

Dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi jħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet tal-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 7), kif emendati fis-16 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 184, p. 8), fis-17 ta’ Mejju 2010 (ĠU L 170, p. 49) u fit-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 180, p. 52).

137.

Dawn l-Istruzzjonijiet Prattiċi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Magħmula fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Jannar 2012.

Ir-Reġistratur

E. COULON

Il-President

M. JAEGER


(1)  Pereżempju, it-tipa “Times New Roman” ta’ daqs 12 għat-test prinċipali u t-tipa “Times New Roman” ta’ daqs 10 għat-test tan-noti ta’ qiegħ il-paġna.

(2)  Pereżempju, spazju bejn il-linji 1 u marġni ta’ mill-inqas 2.5 cm.

(3)  It-test għandu jiġi ppreżentat skont ir-rekwiżiti li jinsabu fil-punt 12(c) ta’ dawn l-Istruzzjonijiet.


Rettifika

7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/42


Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 43 tal-14 ta' Frar 1997 , Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 018)

F'paġna 244, fit-titolu tar-Regolament u fil-premessi (1) u (2):

minflok:

“… l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid …”,

aqra:

“… l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel …”;

f'paġna 244, fil-premessa (4):

minflok:

“… ingredjenti ta’ ikel ġodda …”,

aqra:

“… l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel …”;

f'paġna 244, fil-premessa (5):

minflok:

“… l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid …”,

aqra:

“… l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel …”;

f'paġna 245, fil-premessa (7) u fl-Artikolu 1(1):

minflok:

“… l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid …”,

aqra:

“… l-ingredjenti ġodda ta’ l-ikel …”;

f'paġna 248, fl-Artikolu 8(1)(a), l-ewwel subparagrafu:

minflok:

“… ingredjent ta’ ikel ġdid …”,

aqra:

“… ingredjent ġdid ta’ l-ikel …”;

f'paġna 248, fl-Artikolu 8(1)(a), it-tieni subparagrafu:

minflok:

“… ingredjent ta’ l-ikel ġdid …”,

aqra:

“… ingredjent ġdid ta’ l-ikel …”;

f'paġna 248, fl-Artikolu 8(1)(b) u (c):

minflok:

“… fl-ingredjent ta’ l-ikel il-ġdid …”,

aqra:

“… fl-ingredjent ġdid ta’ l-ikel …”.