ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2011.279.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 279

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
26 ta' Ottubru 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1078/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva propanil, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 1 )

1

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

LINJI GWIDA

 

 

2011/704/UE

 

*

Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2011 li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2011/15)

5

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1078/2011

tal-25 ta’ Ottubru 2011

dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva propanil, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod parikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) għandha tapplika, fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, għas-sustanzi attivi li għalihom tkun ġiet stabbilita l-kompletezza skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (3). Il-propanil hija sustanza attiva li l-kompletezza għaliha ġiet stabbilita skont dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (4) u (KE) Nru 1490/2002 (5) jistipulaw regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu listi ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati bil-ħsieb li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Dawn il-listi kienu jinkludu l-propanil.

(3)

Skont l-Artikolu 11f tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 u l-Artikolu 12(1)(a) u (2)(b) ta' dak ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/769/KE tat-30 ta' Settembru 2008 dwar l-esklużjoni tal-propanil mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (6) ġiet adottata.

(4)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE n-notifikant oriġinali (minn issa 'l quddiem "l-applikant") ressaq applikazzjoni ġdida bit-talba li tiġi applikata l-proċedura aċċellerata, kif stipulat fl-Artikoli 14 sa 19 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(5)

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Italja, li kienet inħatret bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Il-perjodu ta’ żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-utilizzazzjonijiet indikati huma l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/769/KE. Dik l-applikazzjoni hija konformi wkoll mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali li jifdal tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(6)

L-Italja evalwat id-dejta addizzjonali mressqa mill-applikant u ħejjiet rapport addizzjonali. Hija bagħtet dan ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem "l-Awtorità") u lill-Kummissjoni fis-26 ta' Frar 2010. L-Awtorità kkomunikat ir-rapport addizzjonali lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant għall-kummenti u għaddiet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-propanil lill-Kummissjoni fit-23 ta' Frar 2011 (7). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fis-27 ta' Settembru 2011 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-propanil.

(7)

Abbażi ta' dejta ġdida mressqa mill-applikant u inkluża fir-rapport addizzjonali, jista' jiġi stabbilit livell aċċettabbli ta' espożizzjoni tal-operatur. Madankollu, matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat tħassib ieħor. B'mod partikolari, ma kienx possibbli li titwettaq valutazzjoni affidabbli tal-espożizzjoni tal-konsumatur peress li kien hemm nuqqas ta' dejta dwar it-tossiċità tal-metabolite 3,4-DCA li tista' tkun ogħla mill-kompost ġenitur. Barra minn hekk, ma setgħu jiġu proposti l-ebda livelli massimi ta' residwi għall-użu appoġġjat fuq ir-ross peress li l-provi li ġew sottomessi ma kinux twettqu skont il-prattiki agrikoli kritiċi tajbin. Abbażi tad-dejta li l-applikant għamel disponibbli, ġie identifikat riskju ogħla għall-għasafar u l-mammiferi, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż riskju għoli għall-organiżmi akkwatiċi u l-artropodi mhux fil-mira Barra minn hekk, il-potenzjal għal trasport fit-tul fl-atmosfera, ma jistax jiġi eskluż.

(8)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport tar-reviżjoni. L-applikant ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(9)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, ma setax jitwarrab għal kollox it-tħassib imsemmi fil-premessa 7. Għaldaqstant, ma ġiex ippruvat li wieħed jista’ jistenna li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-propanil jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(10)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-propanil ma għandux jiġi approvat.

(11)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni 2008/769/KE għandha tiġi revokata.

(12)

Dan ir-Regolament ma jmurx kontra s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-propanil skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva propanil mhijiex approvata.

Artikolu 2

Revoka

Id-Deċiżjoni 2008/769/KE hija revokata.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(4)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(5)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(6)  ĠU L 263, 2.10.2008, p. 14.

(7)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva propanil. EFSA Journal 2011;9(3):2085[63pp.].doi:10.2903/j.efsa.2011.2085. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


26.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1079/2011

tal-25 ta’ Ottubru 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

57,4

MA

48,8

MK

52,3

ZZ

52,8

0707 00 05

AL

45,6

MK

62,2

TR

151,2

ZZ

86,3

0709 90 70

AR

33,4

TR

132,0

ZZ

82,7

0805 50 10

AR

62,5

TR

69,8

ZA

78,3

ZZ

70,2

0806 10 10

BR

217,5

CL

71,4

TR

144,1

ZA

67,9

ZZ

125,2

0808 10 80

AR

61,9

BR

86,4

CA

106,3

CL

90,0

CN

82,6

NZ

113,1

US

99,9

ZA

107,1

ZZ

93,4

0808 20 50

CN

53,4

TR

126,5

ZZ

90,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


LINJI GWIDA

26.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/5


LINJA TA’ GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-14 ta’ Ottubru 2011

li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2)

(BĊE/2011/15)

(2011/704/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 18 u l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta l-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 tas-26 ta’ April 2007 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer system (TARGET2) (1) biex tirregola t-TARGET2, li hija karatterizzata minn pjattaforma teknika waħda msejħa l-Pjattaforma Waħda Mqassma.

(2)

Għandhom isiru emendi fil-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 sabiex: (a) tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu inklużi r-“raġunijiet ta’ prudenza” fost il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom tiġi miċħuda applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fit-TARGET2, u l-parteċipazzjoni ta’ parteċipant fit-TARGET2 jew l-aċċess tiegħu għall-kreditu intraday jistgħu jiġu sospiżi, limitati jew mitmuma; u (b) jiġu riflessi rekwiżiti ġodda għall-parteċipanti fit-TARGET2 fir-rigward ta’ miżuri amministrattivi u restrittivi introdotti skont l-Artikoli 75 u 215 tat-Trattat, rispettivament,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA’ GWIDA:

Artikolu 1

Emendi għal-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2

1.   Fl-Artikolu 2 tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2, id-definizzjoni ta’ “perijodu ta’ tranżizzjoni” tinbidel b’dan li ġej:

“—

‘perijodu ta’ tranżizzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull BĊ tal-Eurosistema, il-perijodu ta’ erba’ snin li jibda mill-mument li l-BĊ fl-Eurosistema jemigra għall-SSP, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv fir-rigward ta’ karatteristiċi jew servizzi speċifiċi skont il-każ“.

2.   L-Annessi II, III u V tal-Linja tal-Gwida BĊE/2007/2 huma emendati skont l-Anness ta’ din il-Linja ta’ Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta’ Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara li tigi adottata. Għandha tapplika mill-21 ta’ Novembru 2011.

Artikolu 3

Indirizzati u miżuri implimentattivi

1.   Din il-Linja ta’ Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

2.   Sal-21 ta’ Ottubru 2011 il-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti għandhom jibagħtu lill-BĊE il-miżuri li permezz tagħhom għandhom il-ħsieb li jikkonformaw ma’ din il-Linja ta’ Gwida.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1.


ANNESS

1.

L-Anness II huwa emendat kif gej:

(a)

Fl-Artikolu 1 id-definizzjonijiet tal-kliem “min jitħallas” u “pagatur” jinbidlu b’li ġej:

“—

‘min jitħallas’, ħlief fejn użat fl-Artikolu 39 ta’ dan l-Anness, ifisser parteċipant tat-TARGET2 li l-kont PM tiegħu jiġi kkreditat minħabba s-settlement ta’ ordni ta’ ħlas,

‘pagatur’, ħlief fejn użat fl-Artikolu 39 ta’ dan l-Anness, ifisser parteċipant tat-TARGET2 li l-kont PM tiegħu jiġi kkreditat minħabba s-settlement ta’ ordni ta’ ħlas,”.

(b)

L-Artikolu 8(4)(c) jinbidel b’li gej:

“(c)

fil-valutazzjoni ta’ [daħħal isem il-BĊ], tali parteċipazzjoni tipperikola l-istabbiltà, sodizza u sigurtà kumplessivi tat-TARGET2 [daħħal BĊ/referenza tal-pajjiż] jew ta’ kwalunkwe komponent ieħor tat-TARGET2, jew tipperikola it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ [daħħal isem il-BĊ] kif deskritti fi [irriferi għal-liġi nazzjonali rilevanti] u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jew toħloq riskji għal raġunijiet ta’ prudenza.”.

(c)

L-Artikolu 34(2)(e) jinbidel b’li ġej:

“(e)

u jseħħ kwalunkwe każ ieħor relatat mal-parteċipant li, fil-valutazzjoni ta’ [daħħal isem il-BĊ], jipperikola l-istabbiltà, sodizza u sigurtà kumplessivi tat-TARGET2 [daħħal BĊ/referenza tal-pajjiż] jew kwalunkwe komponent ieħor tat-TARGET2, jew jipperikola t-twettiq tal-funzjonijiet ta’ [daħħal isem il-BĊ] kif deskritti fi [irriferi għal-liġi nazzjonali rilevanti] u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jew joħloq riskji għal raġunijiet ta’ prudenza; u/jew”.

(d)

L-Artiklu 39 huwa emendat kif gej:

(i)

it-titolu “Protezzjoni tad-dejta, il-prevenzjoni kontra l-ħasil tal-flus u u kwistjonijiet relatati” jinbidel bi “Protezzjoni tad-dejta, il-prevenzjoni kontra l-ħasil tal-flus, miżuri amministrattivi jew restrittivi u kwistjonijiet relatati”

(ii)

il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   Il-parteċipanti, meta jaġixxu bħala provveditur tas-servizz ta’ ħlas ta’ pagatur jew min jitħallas, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li jirriżultaw minn miżuri amministrattivi jew restrittivi imposti bis-saħħa tal-Artikoli 75 jew 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż fir-rigward ta’ notifika u/jew il-kisba tal-kunsens minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet. Barra minn dan:

(a)

meta [daħħal isem il-BĊ] ikun l-provveditur tas-servizz ta’ ħlas ta’ parteċipant li jkun pagatur:

(i)

il-parteċipant għandu jagħmel in-notifika meħtieġa jew jikseb il-kunsens f’isem il-bank ċentrali li huwa meħtieġ primarjament biex jagħmel notifika jew jikseb kunsens, u għandu jipprovdi lil [daħħal isem il-BĊ] b’evidenza li jkun għamel notifika jew li rċieva l-kunsens;

(ii)

il-parteċipant ma għandux idaħħal ordni ta’ trasferiment ta’ kreditu fit-TARGET2 sakemm ikun kiseb konferma minn [daħħal isem il-BĊ] li n-notifika meħtieġa saret jew inkiseb il-kunsens minn jew f’isem il-provveditur tas-servizz ta’ ħlas ta’ min jitħallas;

(b)

meta [daħħal isem il-BĊ] huwa provveditur ta’ servizz ta’ ħlas ta’ parteċipant li jitħallas, il-parteċipant għandu jagħmel in-notifika meħtieġa jew jikseb il-kunsens f’isem il-bank ċentrali li jkun primarjament meħtieġ li jagħmel notifika jew jikseb il-kunsens, u għandu jipprovdi [daħħal isem il-BĊ] b’evidenza li għamel notifika jew irċieva l-kunsens.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-kliem ‘provveditur ta’ servizz ta’ ħlas’, ‘pagatur’ u ‘min jitħallas’ għandhom ikollhom it-tifsir li jingħatalhom fil-miżuri amministrattivi jew restrittivi applikabbli.”.

2.

L-Anness III huwa emendat kif gej:

(a)

Il-punt (h) tad-definizzjoni ta’ “każ ta’ inadempjenza” jinbidel b’dan li ġej:

“(h)

fejn il-parteċipazzjoni tal-entità f’sistema ta’ komponent tat-TARGET2 oħra u/jew f’sistema anċillari ġiet sospiża jew mitmuma;”.

(b)

It-titolu “Sospensjoni jew tmiem ta’ kreditu intraday” jinbidel b’“Sospensjoni, limitazzjoni jew tmiem ta’ kreditu intraday”.

(c)

Il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’li gej:

“12.

(a)

BĊNi parteċipanti għandhom jissospendu jew itemmu l-aċċess għall-kreditu intraday jekk iseħħ wieħed mill-każijiet ta’ inadempjenza li ġejjin:

(i)

il-kont tal-entità mal-BĊN parteċipant jiġi sospiż jew jingħalaq;

(ii)

l-entità kkonċernata ma tibqax tissodisfa xi wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Anness għall-għoti ta’ kreditu intraday;

(iii)

tittieħed deċiżjoni minn awtorita’ kompetenti ġudizzjarja jew ta’ xort’oħra biex timplimenta fir-rigward tal-entità proċedura għal-likwidazzjoni tal-entità jew il-ħatra ta’ likwidatur jew uffiċjal analogu għall-entità jew proċedura oħra analoga,

(iv)

l-entità ssir soġġetta għall-iffriżar ta’ fondi u/jew miżuri oħra imposti mill-Unjoni li jirrestrinġu l-abbiltà tal-entità biex tuża il-fondi tagħha;

(b)

BĊNi parteċipanti jistgħu jissospendu jew itemmu l-aċċess għall-kreditu intraday jekk BĊN jissospendi jew itemm l-parteċipazzjoni tal-parteċipant fit-TARGET2 skont l-Artikolu 34(2)(b) sa (e) tal-Anness II, jew iseħħ wieħed jew aktar mill-każijiet ta’ inadempjenza (minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 34(2)(a)).

(c)

Jekk l-Eurosistema tiddeċiedi li tissospendi, tillimita jew teskludi l-aċċess tal-kontropartijiet għall-istrumenti ta’ politika monetarja għal raġunijiet ta’ prudenza jew xorta oħra skont l-Artikolu 2.4 tal-Anness I tal-Linja ta’ Gwida BĊE/2000/7, BĊNi li jipparteċipaw għandhom jimplimentaw dik id-deċiżjoni fir-rigward ta’ aċċess għall-kreditu intraday skont id-dispożizzjonijiet fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji applikati mill-BĊNi rispettivi.

(d)

Il-BĊNi li jipparteċipaw jistgħu jiddeċiedu li jissospendu, jillimitaw jew itemmu l-aċċess ta’ parteċipant għall-kreditu intraday jekk il-parteċipant jitqies li joħloq riskji għal raġunijiet ta’ prudenza. F’dawn il-każijiet, il-BĊN parteċipanti għandu jinnotifka b’dan immedjatament lill-BĊN u lil BĊNi oħrajn konnessi li jipparteċipaw bil-miktub. Meta jkun xieraq, l-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi fuq l-implimentazzjoni uniformi tal-miżuri meħudin fis-sistemi ta’ komponent tat-TARGET2 kollha.”.

(d)

Il-paragrafu 13 huwa sostitwit b’li gej:

“13.

Fejn BĊN parteċipanti jiddeċiedi li jissospendi, jillimita jew itemm l-aċċess ta’ kontroparti tal-politika monetarja tal-Eurosistema għall-kreditu intraday, dik id-deċiżjoni ma għandhiex tidħol fis-seħħ sakemm il-BĊE jkun approvaha.’.

3.

L-Anness V, fl-Artikolu 4(16)(b) il-kliem “Appendiċi IA” jinbidel bil-kliem “Appendiċi IV” u l-kliem “Anness V” jinbidel bil-kliem “Anness II”.