ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.252.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 252

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
28 ta' Settembru 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2011/637/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2011 li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 960/2011 tas-26 ta' Settembru 2011 li jemenda għas-158 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-network ta’ Al-Qaida

8

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 tas-27 ta' Settembru 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 ( 1 )

10

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 962/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

16

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 963/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mit-8 sal-14 ta' Settembru 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/638/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2011 dwar il-punti ta’ referenza biex jiġu allokati lill-operaturi tal-ajruplani kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

20

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Settembru 2011

li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2011/637/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u kif fl-aħħar emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (“l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp”) (4), u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE (5) ġiet adottata biex tieħu miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u dwar il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

(2)

Dawk il-miżuri ġew estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE (6) u sussegwentement bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/208/UE (7), 2010/589/UE (8) u 2011/219/UE (9) peress li, mhux talli ir-Repubblika ta’ Fiġi għadha trid timplimenta impenji importanti li hi għamlet f’konsultazzjonijiet li saru f’April 2007 dwar elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, iżda kien hemm ukoll żviluppi ta’ rigressjoni importanti li jikkonċernaw numru minn dawn l-impenji,

(3)

Id-Deċiżjoni 2007/641/KE tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2011. Huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tagħha, u li jiġi aġġornat il-kontenut tal-miżuri adattati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Hija se tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.”.

(2)

L-Anness huwa sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika ta’ Fiġi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(5)  ĠU L 260, 5.10.2007, p. 15.

(6)  ĠU L 262, 6.10.2009, p. 43.

(7)  ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7.

(8)  ĠU L 260, 2.10.2010, p. 10.

(9)  ĠU L 93, 7.4.2011, p. 2.


ANNESS

L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

President tar-Repubblika ta’ Fiġi

Suva

Ir-Repubblika ta’ Fiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jagħtu forma lill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP/UE, u lill-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta’ stat militari li seħħ fir-Repubblika ta’ Fiġi (Fiġi).

Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 jikkostitwixxi ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 tiegħu, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim Sħubija AKP-UE, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tiġi rimedjata.

Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE laqgħet b'sodisfazzjon il-fatt li f'dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

Sfortunatament, minn dak iż-żmien 'il hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b'mod partikolari f'April 2009, u dan ifisser li issa Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta’ elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b'mod sostanzjali, il-maġġoranza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ewlenin, dan wassal għal telf għall-Fiġi f'termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

Madanakollu, fl-ispirtu ta’ sħubija li tifforma l-bażi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-UE tesprimi d-disponibbiltà tagħha li tieħu sehem f'konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal tali konsultazzjonijiet. Fl-1 ta’ Lulju 2009 il-Prim Ministru Interim ippreżenta pjan ta’ direzzjoni biex issir riforma u biex terġa' tiġi stabbilita l-ordni demokratiku. L-UE hija lesta li tieħu sehem fi djalogu dwar dan il-pjan ta’ direzzjoni, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta’ opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li xi wħud mill-miżuri xierqa mhumiex aġġornati, ġie konkluż li minflok ma dawn għandhom jiġu aġġornati unilateralment, l-UE tippreferi tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda mal-Fiġi. Konsegwentement, huwa importanti b'mod partikulari li l-Gvern Interim jikkommetti ruħu għal djalogu politiku domestiku inklużiv u għal flessibilità fir-rigward ta’ perjodu ta'żmien li fih titwettaq il-pjan ta’ direzzjoni. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija u se tibqa' dejjem iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b'mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tar-riżultati ta’ konsultazzjonijiet futuri.

Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f'impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata favur rivalutazzjoni bikrija u pożittiva ta’ dawn il-miżuri xierqa. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, il-Fiġi se tkompli titlef aktar fondi għall-iżvilupp. B'mod partikulari, il-valutazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dalwaqt dwar miżuri akkumpanjanti fir-rigward tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fiġi taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett għas-soċjetà ċivili u l-populazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jitkomplew,

l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li għaddejjin, b'mod partikulari taħt it-8 u d-9 FEŻ, jistgħu jibqgħu għaddejjin,

attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali,

l-implimentazzjoni tal-miżuri mehmuża għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor, tista' tipproċedi. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi klawżola ta’ sospensjoni,

it-tħejjija u l-potenzjal li jiġi iffirmat il-programm indikattiv multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti għar-riforma taz-zokkor għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu,

It-tlestija, l-iffirmar fuq livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-10 FEŻ b'pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta’ porzjon ta’ inċentivi li jasal sa 25 % ta’ din is-somma, se jkunu soġġetti għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'mod partikulari: li l-Gvern Interim jiddefendi l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti Pubbliċi dwar l-Emerġenzi, li ġew introdotti mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-iżjed fis possibbli, li l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati jew trattati b'konformità mad-diversi proċeduri u fora skont il-liġijiet tal-Fiġi, u li l-Gvern Interim se jagħmel mill-aħjar biex ma jħallix aġenziji tas-sigurtà joħorġu dikjarazzjonijiet maħsuba biex jintimidaw,

l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero,

id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b'mod partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009,

l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet imħassra f'Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim iddeċieda li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014,

l-allokazzjoni għall-2010 ġiet imħassra qabel l-1 ta’ Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b'mod ċentrali mid-Delegazzjoni tal-UE f'Suva u ma jiġux mgħoddija mill-Gvern,

id-disponibilità tal-allokazzjoni indikattiva taħt il-programm multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti fir-rigward ta’ eks pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor 2011-2013 se tkun tiddependi fuq ftehim fil-proċess ta’ konsultazzjoni; fin-nuqqas ta’ tali ftehim ikunu biss intervenzjonijiet ta’ mitigazzjoni soċjali li jiġu meqjusa għall-iffinanzjar permezz ta’ din l-allokazzjoni,

appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b'mod partikulari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu,

il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, m'humiex se jiġu affettwati,

Is-sorveljanza tal-impenji ser issir b'konformità mat-termini fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzjoni effettiva ma’ valutazzjonijiet u missjonijiet ta’ sorveljanza u rappurtaġġ.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f'Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007.

L-UE se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Fiġi. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi assigurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

Jekk ikun hemm tnaqqis tal-pass, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji mittieħda mill-Gvern Interim, l-UE tirriżerva d-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

L-UE tenfasizza li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett lejn l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-prinċipji stabbiliti fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Sabiex tikkonvinċi lill-UE li l-Gvern Interim huwa lest b'mod sħiħ li jsegwi l-impenji meħuda, huwa importanti li progress bikri u sostanzjali jseħħ fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Għall-Kummissjoni Ewropea

ANNESS GĦALL-ANNESS

IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TA' FIĠI

A.   Rispett lejn il-Prinċipji Demokratiċi

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandhom isiru mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu għat-twettiq tal-elezzjonijiet għandhom ikunu sorveljati, adattati u riveduti b'mod konġunt, kif inhu meħtieġ fuq il-bażi ta’ punti ta’ referenza maqbula b'mod konġunt. Dan ifisser b'mod partikulari li:

sat-30 ta’ Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta’ diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’ ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

Id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma elettorali se tittieħed b'konformità mal-Kostituzzjoni,

se jittieħdu miżuri sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż il-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 b'konformità mal-Kostituzzjoni,

il-ħatra tal-Viċi President ser issir b'konformità mal-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim, meta jadotta inizjattivi u bidliet serji ta’ politika leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

B.   L-Istat tad-Dritt

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Interim għandu jagħmel mill-aħjar sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim iħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu ippreservati.

Impenn Nu 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikulari:

li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta’ Lulju 2007,

li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallef għandha għalhekk issir b'konformità stretta mal-proviżjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura,

li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Interim fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu trattati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korp ieħor li jista' jitwaqqaf sabiex jinvestiga każijiet allegati ta’ korruzzjoni jopera fil-limiti kostituzzjonali.

C.   Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali

Impenn Nru 1

Il-Gvern Interim jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar tal-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Interim biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Interim hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta’ Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b'indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, fil-forom kollha tagħha, ikunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D.   Is-segwitu tal-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista' ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Fiġi.

Impenn Nu 2

Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress.

Impenn Nu 3

Li mit-30 ta’ Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u dwar l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.


REGOLAMENTI

28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 960/2011

tas-26 ta' Settembru 2011

li jemenda għas-158 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-network ta’ Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-network ta’ Al-Qaida (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a), 7a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fid-15 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jżid żewġ persuni fiżiċi mal-lista tiegħu ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi aġġornat biex jirrifletti dan.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I ta' mar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta’ ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Politika Estera Strumenti


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

L-annotazzjonijiet li ġejjin għandhom jiżdiedu taħt l-intestatura “Persuni fiżiċi”:

(a)

“Hassan Muhammad Abu Bakr Qayed (alias (a) Hasan Muhammad Abu Bakr Qa'id, (b) Al-Husain Muhammad Abu Bakr Qayid, (c) Muhammad Hassan Qayed, (d) Mohammad Hassan Abu Bakar, (e) Hasan Qa'id, (f) Muhammad Hasan al-Libi, (g) Abu Yahya al-Libi, (h) Abu Yahya, (i) Sheikh Yahya, (j) Abu Yahya Yunis al Sahrawi, (k) Abu Yunus Rashid, (l) al-Rashid, (m) Abu al-Widdan, (n) Younes Al-Sahrawi, (o) Younes Al-Sahraoui). Indirizz: Wadi 'Ataba, Libja (l-istess lok ta' qabel fl-2004). Data tat-twelid: (a) 1963, (b) 1969. Post tat-twelid: Marzaq, il-Ġamaħirija Għarbija Libjana. Nazzjonalità: Libjana Nru tal-Passaport: 681819/88 (Passaport Libjan). Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 5617/87 (Identifikazzjoni nazzjonali Libjana). Tagħrif ieħor: (a) Mexxej ta' livell għoli tal-Al-Qaida li, sa l-aħħar tal-2010, kien responsabbli għas-superviżjoni ta' uffiċjali għolja oħrajn tal-Al-Qaida; (b) Mill-2010, il-kmandant tal-Al-Qaida fil-Pakistan u fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-ġellieda tal-Al-Qaida fl-Afganistan, (c) Kien ukoll wieħed mill-ogħla strategi tal-Al-Qaida u kmandant fuq il-kamp tal-battalja fl-Afganistan, u istruttur fil-kamp tat-taħriġ tal-Al-Qaida; (d) Isem ommu huwa Al-Zahra Amr Al-Khouri (alias al Zahra’ ‘Umar). Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 15.9.2011.”

(b)

“Abd Al-Rahman Ould Muhammad Al- Husayn Ould Muhammad Salim (alias (a) Abdarrahmane ould Mohamed el Houcein ould Mohamed Salem, (b) Yunis al-Mauritani, (c) Younis al-Mauritani, (d) Sheikh Yunis al-Mauritani, (e) Shaykh Yunis the Mauritanian, (f) Salih the Mauritanian, (g) Mohamed Salem, (h) Youssef Ould Abdel Jelil, (i) El Hadj Ould Abdel Ghader, (j) Abdel Khader, (k) Abou Souleimane, (l) Chingheity). Data tat-twelid: Madwar l-1981. Post tat-twelid: L-Arabja Sawdija. Nazzjonalità: Mawritanja. Tagħrif ieħor: (a) Mexxej ta' livell għoli tal-Al-Qaida bbażat fil-Pakistan assoċjat ukoll ma' L-Organizzazzjoni tal-Al-Qaida fil-Maghreb Iżlamiku (b) Mfittex mill-awtoritajiet tal-Mawritanja. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 15.9.2011.”


28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 961/2011

tas-27 ta' Settembru 2011

li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara l-kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri individwalment.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli tar-radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun bħall-ħalib u l-ispinaċi jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Tali kontaminazzjoni tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (2).

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Dawn l-emendi kienu jikkonċernaw l-adozzjoni tal-livelli massimi ta' radjoattività li għandhom jiġu applikati għall-għalf jew għall-ikel li joriġina mill-Ġappun, iż-żieda ta' prefetturi fiż-żona li għaliha japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi wara li l-kontaminazzjoni f'dawk il-prefetturi nstabet illi taqbeż il-livelli massimi u t-tneħħija ta' prefetturi miż-żona tar-restrizzjonijiet f'każ illi monitoraġġ estensiv ipprovda evidenza li dawn il-prefetturi ma kinux affettwati b'mod sinifikanti mill-kontaminazzjoni radjoattiva.

(4)

Minn nofs Lulju 2011, l-awtoritajiet Ġappuniżi għarrfu lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta' livelli għolja ta' ċesju fiċ-ċanġa ta' baqar li tkabbru fi prefetturi differenti fil-Ġappun. Peress li l-importazzjoni taċ-ċanga fl-UE mill-Ġappun mhix permessa minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika u tal-annimali apparti r-radjoattività, dawn is-sejbiet ma jaffettwawx lill-konsumatur Ewropew. Riċentament ukoll, instab li prodotti tal-ikel ġodda kellhom livelli ta' radjoattività 'l fuq mil-livelli massimi. Dawn is-sejbiet u l-fatt li għelejjel agrikulturali/ortikulturali ġodda/oħrajn jitkabbru u jinħasdu fiż-żona kkontaminata jipprovdu evidenza li huwa xieraq li l-miżuri attwali jinżammu sa wara it-30 ta' Settembru 2011. Għaldaqstant, huwa xieraq li nkomplu nimplimentaw dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2011, minflok sat-30 ta' Settembru 2011 hekk kif kien inizzjalment previst. Il-prinċipju ta' reviżjoni kull xahar tal-implimentazzjoni tar-Regolament jinżamm.

(5)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi f'qasir żmien huwa xieraq li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 jiġi sostitwit b'Regolament ġdid.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti tal-għalf u tal-ikel skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 (3) li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, għajr għal prodotti li telqu mill-Ġappun qabel it-28 ta’ Marzu 2011 u għal prodotti li nħasdu u/jew ġew ipproċessati qabel il-11 ta' Marzu 2011.

Artikolu 2

Attestazzjoni

1.   Il-kunsinni kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Kunsinni ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4) għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta' punt tad-dħul magħżul skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (minn issa 'l quddiem "il-punt tad-dħul magħżul") (5).

3.   Kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni, li tafferma li:

(a)

il-prodott inħasad u/jew ġie pproċessat qabel il-11 ta' Marzu 2011, jew

(b)

il-prodott joriġina u hu konsenjat minn prefettura għajr dawk ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, jew

(c)

il-prodott ġie konsenjat mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, iżda ma joriġinax f'wieħed minn dawn il-prefetturi u ma ġiex espost għal radjuattività matul it-tranżitu, jew

(d)

fil-każ li l-prodott joriġina mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, il-prodott ma fihx livelli tar-radjonuklidi jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137 'il fuq mil-livelli massimi previsti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal prodotti li nqabdu jew inħasdu mill-ibħra tal-kosta tal-prefetturi msemmija hemmhekk, irrispettivament minn fejn jaslu dawn il-prodotti.

5.   Id-dikjarazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 3 għandha titfassal skont il-mudell stipulat fl-Anness I. Din għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun. Għall-prodotti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni għandu jkollha magħha rapport analitiku li ġo fih ikun hemm ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun identifikata permezz ta' kodiċi li għandu jkun indikat fuq id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), jew fuq ir-rapport analitiku msemmi fl-Artikolu 2(5), fuq iċ-ċertifikat sanitarju u fuq kwalunkwe dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna.

Artikolu 4

Notifika bil-quddiem

L-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem tal-wasla ta' kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, minn tal-inqas jumejn tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna, lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-Post Spezzjoni fuq il-Fruntiera jew fuq il-punt tad-dħul magħżul.

Artikolu 5

Kontrolli uffiċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu:

(a)

kontrolli tad-dokumenti u tal-identità fuq il-kunsinni kollha ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u

(b)

kontrolli fiżiċi, inklużi analiżi tal-laboratorju għall-preżenza ta' jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137, fuq minn tal-anqas:

10 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) u

20 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) u (c).

2.   Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali, għal massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol, sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.   Ir-rilaxx tal-kunsinni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni mill-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf jew mir-rappreżentant tiegħu lill-awtoritajiet doganali tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), li tkun ġiet approvata kif xieraq mill-awtorità kompetenti fil-post ta'Spezzjoni fuq il-fruntiera jew il-punt tad-dħul magħżul, li tagħti prova li l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 twettqu u li r-riżultati mill-verifiki fiżiċi, fejn saru tali verifiki, kienu favorevoli.

Artikolu 6

Kosti

Il-kosti kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) u 5(2) u kwalunkwe miżura li tittieħed wara li jkun hemm nuqqas ta' konformità, għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf.

Artikolu 7

Prodotti li ma jkunux konformi

L-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun li ma jikkonformawx mal-livelli massimi msemmijin fl-Anness II ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Tali għalf u ikel li ma jikkonformax għandu jintrema b’mod sigur jew jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini.

Artikolu 8

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull xahar permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti tal-Unjoni Ewropea (ECURIE) bir-riżultati analitiċi kollha miksuba.

Artikolu 9

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 297/2011 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li tħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2011. Ir-Regolament se jiġi rivedut kull xahar sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' kontaminazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5.

(3)  ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.

(4)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(5)  ĠU L 194, 25.7.2009 p. 11.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Livelli massimi għall-oġġetti tal-ikel  (1) (Bq/kg)

 

Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

Ħalib u prodotti tal-ħalib

Oġġetti oħra tal-ikel għajr oġġetti tal-ikel likwidi

Oġġetti tal-ikel likwidi

Total ta’ Isotopi tal-istronzju, l-aktar Sr-90

75

125

750

125

Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131

100  (2)

300  (2)

2 000

300  (2)

Total ta’ Isotopi li jarmu Alpha tal-elementi tal-plutonju u tat-trans-plutonju, l-aktar Pu-239, Am-241

1

1  (2)

10  (2)

1  (2)

Total tan-nuklidi l-oħra kollha li jonqsu bin-nofs fi żmien itwal minn 10 ijiem, l-aktar Cs-134 u Cs-137, għajr C-14 u H-3

200  (2)

200  (2)

500  (2)

200  (2)

Livelli massimi għall-oġġetti tal-għalf  (3) (Bq/kg)

 

Oġġetti tal-għalf

Total ta’ Cs-134 u Cs-137

500  (4)

Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131

2 000  (5)


(1)  Il-livell applikabbli għall-prodotti konċentrati jew imnixxfa huwa ikkalkulat fuq il-bażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għal konsum.

(2)  Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dawn il-valuri jissostitwixxu fuq bażi provviżorja, il-valuri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 3954/87.

(3)  Il-livell massimu huwa relattiv għall-għalf li għandu kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.

(4)  Sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dan il-valur jissostitwixxi fuq bażi provviżorja, il-valur stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 770/90.

(5)  Dan il-valur huwa stipulat fuq bażi provviżorja u meqjus li huwa l-istess bħal tal-oġġetti tal-ikel, sakemm issir valutazzjoni tal-fatturi ta’ trasferiment tal-jodju mill-oġġetti tal-għalf għall-prodotti tal-ikel.


28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 962/2011

tas-27 ta’ Settembru 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AR

25,3

EC

25,3

MK

52,7

ZZ

34,4

0707 00 05

MK

44,0

TR

107,2

ZZ

75,6

0709 90 70

TR

121,6

ZZ

121,6

0805 50 10

AR

72,7

CL

69,1

TR

68,8

UY

67,6

ZA

78,4

ZZ

71,3

0806 10 10

CL

69,0

IL

136,9

MK

82,2

TR

102,0

ZA

63,5

ZZ

90,7

0808 10 80

BZ

86,4

CL

142,0

NZ

95,3

US

90,6

ZA

101,7

ZZ

103,2

0808 20 50

AR

47,4

CN

68,0

TR

120,5

ZA

61,3

ZZ

74,3

0809 30

TR

166,1

ZZ

166,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 963/2011

tas-27 ta’ Settembru 2011

li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mit-8 sal-14 ta' Settembru 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (“ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 li jiftaħ u jamministra ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kwantitajiet li jkopru l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqa lill-awtoritajiet kompetenti mit-8 sal-14 ta' Settembru 2011 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009, jaqbżu l-kwantità disponibbli skont is-serje li ġġib in-numru 09.4320.

(2)

Il-kwantitajiet li jkopru l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqa lill-awtoritajiet kompetenti mit-8 sal-14 ta' Settembru 2011 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 huma daqs il-kwantità disponibbli skont is-serje li ġib in-numru tal-ordni 09.4317.

(3)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ffissat koeffiċjent tal-allokazzjoni għal-liċenzji li għandhom jinħarġu fir-rigward tas-serje li ġġib in-numru 09.4320 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006.

(4)

Ittressiq ta’ iktar applikazzjonijiet għal-liċenzji għal dawk in-numri tas-serje 09.4317 u 09.4320 għandu jkun sospiż sa tmiem is-sena tas-suq, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-kwantitajiet li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mit-8 sal-14 ta' Settembru 2011 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 għandhom jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjenti tal-allokazzjoni stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.   It-tressiq ta’ iktar applikazzjonijiet għal-liċenzji, li jikkorrispondu man-numri tas-serje mogħtija fl-Anness, għandu jkun sospiż sa tmiem is-sena tas-suq 2011/2012.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.


ANNESS

Il-konċessjonijiet taz-zokkor tal-iskeda bin-numru CXL

Is-sena tas-suq 2011/2012

Applikazzjonijiet li tressqu mit-8.9.2011 sal-14.9.2011

In-numru tas-serje

Il-pajjiż

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’%)

Iktar applikazzjonijiet

09.4317

L-Awstralja

 (1)

Sospiżi

09.4318

Il-Brażil

 

09.4319

Kuba

 

09.4320

Kwalunkwe pajjiż terz

4,761909

Sospiżi

09.4321

L-Indja

 

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


Iz-zokkor mill-Balkani

Is-sena tas-suq 2011/2012

Applikazzjonijiet li tressqu mit-8.9.2011 sal-14.9.2011

In-numru tas-serje

Il-pajjiż

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’%)

Iktar applikazzjonijiet

09.4324

L-Albanija

 

09.4325

Il-Bosnija-Ħerzegovina

 

09.4326

Is-Serbja

 (2)

 

09.4327

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

 

09.4328

Il-Kroazja

 (2)

 

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


Iz-zokkor għall-importazzjoni eċċezzjonali u dak għall-importazzjoni industrijali

Is-sena tas-suq 2011/2012

Applikazzjonijiet li tressqu mit-8.9.2011 sal-14.9.2011

In-numru tas-serje

It-tip

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’%)

Iktar applikazzjonijiet

09.4380

Eċċezzjonali

 

09.4390

Industrijali

 (3)

 

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


(1)  Mhux applikabbli: l-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet disponibbli u qed jingħataw kollha.

(2)  Mhux applikabbli: l-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet disponibbli u qed jingħataw kollha.

(3)  Mhux applikabbli: l-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet disponibbli u qed jingħataw kollha.


DEĊIŻJONIJIET

28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Settembru 2011

dwar il-punti ta’ referenza biex jiġu allokati lill-operaturi tal-ajruplani kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/638/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3e(3)(e) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa neċessarju li jiġu adottati punti ta’ referenza li għandhom jintużaw biex jiġu allokati lill-operaturi tal-ajruplani kwoti mingħajr ħlas fil-perjodu ta’ kummerċ mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012, imsemmija fl-Artikolu 3c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u fil-perjodu ta’ kummerċ mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020, imsemmija fl-Artikolu 13(1) flimkien mal-Artikolu 3c(2) ta’ dik id-Direttiva.

(2)

L-allokazzjonijiet skont dawk il-punti ta’ referenza għandhom jiġu ffissati sal-2020 minbarra meta l-atti adottati skont l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE jkunu jirrikjedu modifikazzjonijiet ta’ konsegwenza.

(3)

Wara l-inkorporazzjoni fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekomomika Ewropea (ŻEE) tad-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2) permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 6/2011 tal-1 ta’ April 2011 li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) tal-Ftehim taż-ŻEE (3), il-punti ta’ referenza għandhom jiġu applikati fiż-ZEE.

(4)

Huwa għaldaqstant meħtieġ li l-punti ta’ referenza jkunu abbażi tal-għadd ta’ kwoti taż-ŻEE mingħajr ħlas iffissati mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 93/2011 tal-20 ta’ Lulju 2011 li jemenda l-Anness XX (l-Ambjent) għall-Ftehim taż-ŻEE (4).

(5)

Il-punti ta’ referenza għandhom jiġu kkalkulati billi jiġi diviż l-għadd ta’ kwoti applikabbli fiż-ŻEE għall-perjodu ta’ kummerċ mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012 u dak applikabbli għall-perjodu ta’ kummerċ mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020 bit-total taċ-ċifri fid-dejta ta’ tunnellata kilometru inkluż fl-applikazzjonijiet mressqa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3e(2) tad-Direttiva 2003/87/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-punt ta’ referenza li għandu jintuża biex jiġu allokati l-kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi tal-ajruplani skont l-Artikolu 3e(1) ta’ dik id-Direttiva għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012 għandu jkun ta’ 0,000679695907431681 kwota għal kull tunnellata kilometru.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-punt ta’ referenza li għandu jintuża biex jiġu allokati lill-operaturi tal-ajruplani l-kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 3e(1) ta’ dik id-Direttiva għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun ta’ 0,000642186914222035 kwota għal kull tunnellata kilometru.

Artikolu 2

Il-kalkoli relatati ma’ għadd ta’ kwoti li għandu jiġu allokat skont il-punti ta’ referenza stabbiliti fl-Artikolu 1 għandhom jitqarrbu lejn l-eqreb kwota.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(3)  ĠU L 93, 7.4.2011, p. 35.

(4)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.