ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.183.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 183

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
13 ta' Lulju 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 668/2011 tat-12 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivtajiet militari lill-Côte d’Ivoire

2

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 669/2011 tat-12 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 376/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli

4

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 670/2011 tat-12 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid

6

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 671/2011 tat-12 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

14

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/411/PESK tat-12 ta’ Lulju 2011 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK

16

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/412/PESK tat-12 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire

27

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

2011/413/UE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2011 dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka msejħa Iktar snin, ħajjiet aħjar – Il-potenzjal u l-isfidi tat-tibdil demografiku

28

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/122/UE tat-22 ta’ Frar 2011 li tidderoga mir-regoli dwar l-oriġini stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti prodotti tas-sajd importati minn Saint Pierre u Miquelon ( ĠU L 49, 24.2.2011 )

31

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/1


Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999

Il-Ftehim ta’ hawn fuq, iffirmat f’Bern, l-Isvizzera fit-23 ta’ Ġunju 2011, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, f’konformità mal-Artikolu 9 tal-Ftehim.


REGOLAMENTI

13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 668/2011

tat-12 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivtajiet militari lill-Côte d’Ivoire

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/412/PESK tat-12 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK (2) li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 (3) impona restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivitajiet militari lill-Côte d’Ivoire.

(3)

Id-Deċiżjoni 2011/412/PESK emendat id-Deċiżjoni 2010/656/PESK fid-dawl tal-Riżoluzzjoni 1980 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Din ipprevediet ukoll deroga speċifika fir-rigward tal-projbizzjoni tal-forniment lill-Côte d’Ivoire ta’ apparat għar-ripressjoni interna.

(4)

Dawk il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 b’dan huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 4(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ armi u materjal relatat, fejn tali assistenza jew servizzi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ u l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte-d’Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jappoġġaw dik l-Operazzjoni;

(b)

l-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ apparat militari mhux letali maħsub unikament għall-użu umanitarju jew protettiv, inkluż dak l-apparat maħsub għall-operazzjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet mill-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), fejn tali attivitajiet kienu wkoll approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(c)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, inkluż dak it-tagħmir maħsub għal operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet mill-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS;

(d)

l-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ armi u materjal relatat maħsuba unikament għall-appoġġ jew għall-użu fil-proċess Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(e)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ armi u materjal relatat maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu fil-proċess tal-Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan;

(f)

il-bejgħ jew il-forniment trasferiti jew esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire lill-forzi ta’ Stat li qed jieħu azzjoni, skont il-liġi internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Côte d’Ivoire, fejn dawn l-attivitajiet ikunu ġew approvati wkoll minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(g)

l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ apparat militari mhux letali maħsub unikament biex jippermetti lill-forzi ta’ sigurtà Ivorjani jużaw saħħa xierqa u proporzjonata biss waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku.”.

(2)

L-Artikolu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4a

1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn l-esportatur jew il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit, tista’ tawtorizza, skont dawk il-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali elenkat fl-Anness I, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tali tagħmir mhux letali, wara li tkun iddeterminat li t-tagħmir mhux letali kkonċernat huwa maħsub biss biex jippermetti lill-forzi tas-sigurtà Ivorjani jużaw forza xierqa u proporzjonata biss waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku.

2.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn l-esportatur jew il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit, tista’ tawtorizza, skont dawk il-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża fir-ripressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, li jkun maħsub biss għall-appoġġ tal-proċess Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tali apparat.

3.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun saret skont dan l-Artikolu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

4.   L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  Ara paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.

(3)  ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5.


13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 669/2011

tat-12 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 376/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 134 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tal-ġestjoni tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tiddeċiedi liema huma l-prodotti li, meta jkunu importati u/jew esportati, se jkunu jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ liċenzja. Hija u tivvaluta l-ħtieġa ta’ sistema tal-liċenzji, il-Kummissjoni għandha tqis l-istrumenti xierqa għall-ġestjoni tas-swieq u b’mod partikulari għall-monitoraġġ tal-importazzjonijiet.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (2) introduċa obbligu tal-liċenzja għall-importazzjonijiet tat-tuffieħ frisk li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0808 10 80 wara li l-produtturi tat-tuffieħ fl-Unjoni Ewropea sabu lilhom nfushom f’sitwazzjoni diffiċli, minħabba, fost l-oħrajn, żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tat-tuffieħ minn ċerti pajjiżi terzi tal-Emisferu tan-Nofsinhar.

(3)

Preżentament, il-monitoraġġ effettiv tal-importazzjoni jista’ jsir permezz ta’ mezzi oħra. Fl-interess tas-simplifikazzjoni u għall-iskop li jiġi elevat il-piż amministrattiv mill-Istati Membri u l-operaturi, ir-rekwiżit tal-liċenzji tal-importazzjoni għat-tuffieħ għandu jitħassar fl-aħħar tal-perjodu trigger attwali li jissemma fl-Anness XVIII għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (3).

(4)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 376/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza jixraq li jiġu stipulati r-regoli li jikkonċernaw il-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa għat-tuffieħ frisk li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0808 10 80, u li jkunu għadhom validi fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt G fil-Parti I tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 376/2008 qed jinbidel b’dan li ġej:

“G.   Frott u ħxejjex (Il-Parti IX tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni

Ammont tal-garanzija

Perjodu ta’ validità

Kwantitjiet netti (4)

0703 20 00

Tewm, frisk jew imkessaħ, inkluż il-prodotti importati taħt il-kwoti tariffarji kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a)(iii)

EUR 50/t

3 xhur mid-data tal-ħruġ tal-liċenzja, f’konformità mal-Artikolu 22(1)

(—)

ex 0703 90 00

Ħaxix ieħor tal-ġens tat-tewm, frisk jew imkessaħ, inkluż il-prodotti importati taħt il-kwoti tariffarji, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a)(iii)

EUR 50/t

3 xhur mid-data tal-ħruġ tal-liċenzja, f’konformità mal-Artikolu 22(1)

(—)

Artikolu 2

Fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin, għandhom jiġu rrilaxxati l-garanziji li jkunu ngħataw għall-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni għat-tuffieħ frisk li jidħol taħt il-kodiċi tan-NM 0808 10 80:

(a)

il-validità tal-liċenzji tkun għadha ma skaditx fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-liċenzji jkunu intużaw biss parzjalment jew li ma ntużaw xejn fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.

(4)  Kwantitajiet massimi li ma jeħtiġux il-preżentazzjoni ta’ liċenzja jew ċertifikat, skont l-Artikolu 4(1)(d). Dawn il-limitazzjonijiet ma japplikawx għall-importazzjonijiet b’kundizzjonijiet preferenzjali jew bi kwota tariffarja.

(—)

Għal kwalunkwe kwantità huma meħtieġa liċenzja jew ċertifikat.”


13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 670/2011

tat-12 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari il-punti (k), (l) u (m) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 121 tiegħu u l-Artikolu 203b, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (2) jistipula regoli komuni għan-notifikazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jkopru partikolarment l-obbligu tal-Istati Membri li jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni tkun qegħditilhom għad-dispożizzjoni tagħhom u l-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess tal-awtoritajiet u l-individwi awtorizzati li jibagħtu n-notifiki. Minbarra dan, ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji komuni li japplikaw għas-sistemi ta’ informazzjoni sabiex ikunu ggarantiti l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tul iż-żmien tad-dokumenti u jipprovdi għall-protezzjoni tad-dejta personali.

(2)

Skont it-Taqsima IA tal-Kapitolu I tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni żviluppat, fil-qafas tal-funzjonament intern tagħha u tar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet involuti fl-immaniġġjar tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u tat-termini tradizzjonali, sistema ta’ informazzjoni li tippermetti mmaniġġjar, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tad-dokumenti u l-proċeduri mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (3), kemm mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi, kemm mal-organizzazzjonijiet professjonali u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom interess jaġixxu fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

(3)

Huwa meqjus li din is-sistema tippermetti, skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 jew billi jkunu applikati, mutatis mutandis, il-prinċipji li dan jistabbilixxi, ċerti komunikazzjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 607/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri applikabbli għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tat-termini tradizzjonali, taż-żamma tal-bażi tad-dejta tad-denominazzjonijiet ikkonċernati u tar-reġistri previsti għall-protezzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet.

(4)

Minbarra dan, is-sistemi ta’ informazzjoni li diġà ġew stabbiliti b’mod operazzjonali mill-Kummissjoni u li jservu għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni marbuta mal-awtoritajiet u l-korpi li huma responsabbli għall-kontrolli li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-politika agrikola komuni, jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi f’dan il-qasam fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u t-termini tradizzjonali. Jeħtieġ li dawn is-sistemi japplikaw kemm għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-eżaminar tat-talbiet għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi, kif ukoll għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-inbejjed li ma jibbenefikawx minn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew minn indikazzjoni ġeografika protetta.

(5)

Fl-interess ta’ mmaniġġjar amministrattiv effiċjenti u b’kunsiderazzjoni għall-esperjenza miksuba mill-użu tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu ssimplifikati u għandhom jitjiebu l-modi ta’ kif l-informazzjoni tiġi mmaniġġjata u titqiegħed għad-dispożizzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 792/2009. Għal dan il-għan, sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jingħataw il-mezzi li permezz tagħhom ikunu jafu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi introdotti fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 118z(2) u l-Artikolu 120a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u sabiex jiġu ssimplifikati u ffaċilitati l-kontrolli u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (4), l-Istati Membri għandhom jintalbu jikkomunikaw lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni li hija ta’ interess speċifiku fil-qafas taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti bil-għan li l-Kummissjoni tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku, jekk din l-informazzjoni tkun utli għall-konsumatur.

(6)

Barra dan, sabiex ikun hemm iċ-ċarezza u sabiex il-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu, huwa xieraq li jkun stabbilit il-kontenut ta’ ċerti komunikazzjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 607/2009 u li jkunu ssimplifikati l-proċeduri.

(7)

Il-miżuri tranżitorji adottati sabiex tkun iffaċilitata l-bidla mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (5) u (KE) Nru 479/2008 (6) għal dawk tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jippreżentaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-ambitu u tad-dewmien tal-proċeduri applikabbli. Minbarra dan, huwa xieraq li jkun ippreċiżat l-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118s tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, marbuta ma’ dawk tal-Artikolu 118q fir-rigward tan-natura tal-emendi koperti, il-perjodi ta’ referenza u t-tul tal-perjodu tranżitorju.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Talba għall-protezzjoni

It-talba għall-protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika tikkonsisti fid-dokumenti mitluba fl-Artikoli 118c u 118d tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument waħdieni.

It-talba u d-dokument waħdieni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament.”

(2)

L-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9

It-tressiq tat-talba

1.   Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew lil dawk ta’ pajjiżi terzi jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni li rċeviet it-talba u għandha tagħti numru tal-fajl lit-talba.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

l-isem li għandu jiġi rreġistrat;

(c)

id-data tal-wasla tat-talba.”

(3)

L-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Ammissibbiltà tat-talba

1.   Talba tkun tista’ tiġi aċċettata meta d-dokument waħdieni jkun komplut kif xieraq u jkollu miegħu l-provi dokumentati. Id-dokument waħdieni għandu jitqies bħala komplut kif xieraq meta jkunu mtlew ir-rubriki obbligatorji kollha meħtieġa, kif ippreżentati fis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a.

F’dan il-każ, it-talba għandha titqies bħala ammissibbli fid-data meta din tasal għand il-Kummissjoni. L-applikant għandu jkun infurmat b’dan.

Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   Jekk it-talba ma tkunx imtliet kollha jew tkun imtliet biss parzjalment jew jekk il-provi dokumentati msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux intbagħtu flimkien mat-talba jew jekk ma jkunux intbagħtu xi wħud minnhom, it-talba ma tkunx ammissibbli.

3.   F’każ li t-talba ma tkunx ammissibbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew dawk tal-pajjiżi terzi jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà tagħha u bil-fatt li huma intitolati jressqu talba oħra mimlija kif suppost.”

(4)

L-Artikolu 12(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Jekk talba ammissibbli ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 118b u 118c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba, billi tistabbilixxi skadenza, li ma tistax tkun ta’ inqas minn xahrejn, għall-irtirar jew l-emendar tat-talba tagħhom jew għat-tressiq tal-kummenti tagħhom.”

(5)

L-Artikolu 14 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 14

It-tressiq ta’ oġġezzjonijiet skont il-proċedura Komunitarja

1.   L-oġġezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 118h tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma kkomunikati skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament. Id-data tat-tressiq tal-oġġezzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta l-oġġeżżjoni tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet l-oġġezzjoni u tagħti numru tal-fajl lill-oġġezzjoni.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

id-data tal-wasla tal-oġġezzjoni.”

(6)

L-Artikolu 18 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Ir-reġistru

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat “reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “ir-reġistru”, skont l-Artikolu 118n tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jiġi stabbilit fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” abbażi tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni lid-denominazzjonijiet inkwistjoni.

2.   Denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika li tkun ġiet aċċettata għandha tiddaħħal fir-reġistru.

Fil-każ ta’ denominazzjonijiet irreġistrati skont l-Artikolu 118s(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha ddaħħal id-dejta li dwarha hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fir-reġistru.

3.   Il-Kummissjoni għandha ddaħħal id-dejta li ġejja fir-reġistru:

(a)

id-denominazzjoni protetta;

(b)

in-numru tal-fajl;

(c)

il-fatt li l-isem huwa protett bħala indikazzjoni ġeografika jew bħala denominazzjoni tal-oriġini;

(d)

isem il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini;

(e)

id-data tar-reġistrazzjoni;

(f)

referenza għall-istrument legali li jipproteġi d-denominazzjoni;

(g)

referenza għad-dokument waħdieni.

4.   Ir-reġistru għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

(7)

Il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 20 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Talba għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tkun tressqet minn applikant kif imsemmi fl-Artikolu 118e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta għandha tkun ikkomunikata skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Talba għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 118q(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tkun ammissibbli jekk l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 118c(2) ta’ dak ir-Regolament u t-talba li tkun saret kif xieraq ikunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni.

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 118q(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Artikoli 9 sa 18 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

(8)

L-Artikolu 21 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Tressiq ta’ talba għall-kanċellazzjoni

1.   Talba għall-kanċellazzjoni magħmula skont l-Artikolu 118r tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament. Id-data tat-tressiq tat-talba għall-kanċellazzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet it-talba u tagħti numru tal-fajl lit-talba.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl,

(b)

id-data tal-wasla tat-talba.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx meta l-kanċellazzjoni tinbeda mill-Kummissjoni.”

(9)

Mal-Artikolu 22 għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Il-komunikazzjonijiet lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom isiru skont l-Artikolu 70a(1).”

(10)

Mal-Artikolu 23(1) għandu jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“Il-komunikazzjonijiet lill-Kummissjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom isiru skont l-Artikolu 70a(1).”

(11)

Fl-Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“It-talba għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tat-talba għall-konverżjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.”

(12)

L-Artikolu 30 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Talba għall-protezzjoni

1.   It-talba għall-protezzjoni ta’ terminu tradizzjonali għandha tiġi kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi skont l-Artikolu 70a(1). Hija għandu jkollha magħha l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew ir-regoli applikabbli għall-produtturi tal-inbejjed fil-pajjiżi terzi li jirregolaw l-użu tat-terminu kkonċernat flimkien mar-referenza għal dik il-leġiżlazzjoni jew għal dawk ir-regoli.

2.   Fil-każ li titressaq talba minn organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva stabbilita f’pajjiż terz, l-applikant għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva u l-membri tagħha skont l-Artikolu 70a(1). Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

(13)

L-Artikolu 33 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 33

It-tressiq tat-talba

1.   Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew ta’ pajjiżi terzi jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni li rċeviet it-talba u għandha tagħti numru tal-fajl lit-talba.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl,

(b)

it-terminu tradizzjonali,

(c)

id-data tal-wasla tat-talba.”

(14)

L-Artikolu 34 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 34

Ammissibbiltà

1.   Talba tkun ammissibbli meta l-formola tat-talba tkun imtliet kif xieraq u meta hija jkollha magħha d-dokumenti mitluba skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30. Il-formola tat-talba għandha titqies bħala mimlija kif xieraq meta jkunu mtlew ir-rubriki obbligatorji kollha meħtieġa, kif ippreżentati fis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a.

F’dan il-każ, it-talba għandha titqies bħala ammissibbli fid-data meta din tasal għand il-Kummissjoni. L-applikant għandu jkun infurmat b’dan.

Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   Jekk il-formola tat-talba ma tkunx imtliet kollha jew tkun imtliet biss parzjalment jew jekk id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux intbagħtu flimkien mat-talba jew jekk ma jkunux intbagħtu xi wħud minnhom, it-talba ma tkunx ammissibbli.

3.   F’każ li t-talba ma tkunx ammissibbli, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew dawk tal-pajjiżi terzi jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà tagħha u bil-fatt li huma intitolati jressqu talba oħra mimlija kif suppost.”

(15)

Fl-Artikolu 37, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   L-oġġezzjoni għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tal-oġġezzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta l-oġġezzoni tasal għand il-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet l-oġġezzjoni u tagħti numru tal-fajl lill-oġġezzjoni.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl,

(b)

id-data tal-wasla tal-oġġezzjoni.”

(16)

L-Artikolu 40 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 40

Protezzjoni ġenerali

1.   F’każ li terminu tradizzjonali li għalih tkun intalbet il-protezzjoni jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 118u(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fl-Artikoli 31 u 35 ta’ dan ir-Regolament u f’każ li dan it-terminu ma jkunx irrifjutat skont l-Artikoli 36, 38 u 39 ta’ dan ir-Regolament, it-terminu tradizzjonali għandu jkun elenkat u ddefinit fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” skont l-Artikolu 118u(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jissemmew l-affarijiet li ġejjin:

(a)

il-lingwa msemmija fl-Artikolu 31(1),

(b)

il-kategorija jew il-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli kkonċernati mill-protezzjoni,

(c)

referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li fiha huwa ddefinit u rregolat it-terminu tradizzjonali jew għar-regoli applikabbli għall-produtturi tal-inbid fil-pajjiżi terzi, inklużi dawk li ġejjin mill-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali f’dawk il-pajjiżi terzi,

(d)

taqsira tad-definizzjoni jew tal-kundizzjonijiet tal-użu,

(e)

isem il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini,

(f)

id-data tal-inklużjoni fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”.

2.   It-termini tradizzjonali elenkati fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” għandhom ikunu protetti biss fil-lingwa u għall-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli ddikkjarati fit-talba, minn:

(a)

kwalunkwe użu ħażin, anke jekk it-terminu protett ikollu miegħu espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif magħmul fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “il-mod” jew espressjoni simili,

(b)

kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa marbuta man-natura, il-karatteristiċi jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq il-pakkett minn barra jew minn ġewwa, fir-riklami jew fid-dokumenti li għandhom x’jaqsmu miegħu,

(c)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur, b’mod partikulari biex tingħata l-impressjoni li l-inbid jikkwalifika għat-terminu tradizzjonali protett.

3.   It-termini tradizzjonali elenkati fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.”

(17)

Fl-Artikolu 42(1), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“M’għandux jitħalla jintuża terminu omonimu protett sakemm dan it-terminu omonimu protett sussegwentement ma jkunx distint biżżejjed fil-prattika mit-terminu tradizzjonali elenkat fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-produtturi kkonċernati jiġu ttrattati b’mod ekwu u li l-konsumatur ma jiġix imqarraq.”

(18)

L-Artikolu 45 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Tressiq ta’ talba għall-kanċellazzjoni

1.   Talba għall-kanċellazzjoni ġġustifikata kif xieraq tista’ tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru, minn pajjiż terz jew minn persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu li tagħmel dan skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet t-talba u tagħti numru tal-fajl lit-talba.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl,

(b)

id-data tal-wasla tat-talba.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx meta l-kanċellazzjoni tinbeda mill-Kummissjoni.”

(19)

L-Artikolu 47(5) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Meta kanċellazzjoni tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tneħħi d-denominazzjoni kkonċernata mil-lista li tinsab fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”.”

(20)

L-Artikolu 63(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 118z(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja qabel l-1 ta’ Ottubru 2011, kif ukoll il-modifiki eventwali tagħha, skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu,

(b)

jekk ikun il-każ, l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-entitajiet kollha awtorizzati minn awtorità kompetenti biex japplikaw dan l-Artikolu,

(c)

il-miżuri li ttieħdu biex jiġi implimentat dan l-Artikolu, fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ta’ interess speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fir-Regolament (KE) Nru 555/2008,

(d)

il-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ikkonċernati mill-applikazzjoni tal-Artikoli 118z(2) u 120a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata lista li fiha tiġbor l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi awtorizzati, kif ukoll il-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid awtorizzati, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-pubbliku b’din il-lista.

(*)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.”"

(21)

Fil-Kapitolu V, għandhom jiddaħħlu l-Artikoli l-ġodda 70a u 70b kif ġej:

“Artikolu 70a

Metodi applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-operaturi l-oħra

1.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont il-metodu li ġej:

(a)

għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 792/2009,

(b)

għall-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi tal-pajjiżi terzi, kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu jaġixxu skont dan ir-Regolament, permezz ta’ mezzi elettroniċi, billi jużaw il-metodi u l-formoli li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom u li huma aċċessibbli bil-kundizzjonijiet li huma ppreċiżati fl-Anness XVIII għal dan ir-Regolament.

Madankollu, il-komunikazzjoni tista’ sseħħ bil-karti permezz tal-formoli msemmija.

It-tressiq ta’ talba u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-pajjiżi terzi, tal-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi jew tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, skont il-każ.

2.   Il-Kummissjoni se tikkomunika l-informazzjoni lill-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament u, jekk ikun il-każ, lill-pubbliku u se tqegħedha għad-dispożizzjoni tagħhom permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

L-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, skont l-Anness XIX, sabiex jiksbu informazzjoni dwar id-dettalji prattiċi biex ikollhom aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni.

3.   L-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 792/2009 japplikaw mutatis mutandis għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b), l-għoti tad-drittijiet għall-aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi tal-pajjiżi terzi, kif ukoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu jaġixxu skont dan ir-Regolament, isir minn dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni.

Dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni għandhom jivvalidaw id-drittijiet għall-aċċess, skont il-każ, abbażi tal-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-pajjiżi terzi, flimkien mal-punti ta’ kuntatt tagħhom u l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom, li jinżammu mill-Kummissjoni fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali jew li jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni skont dawk il-ftehimiet,

(b)

talba uffiċjali minn pajjiż terz li tippreċiża l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-komunikazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġi applikat il-paragrafu 1(b), kif ukoll il-punti ta’ kuntatt u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-awtoritajiet ikkonċernati,

(c)

talba minn organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva f’pajjiż terz jew minn persuna fiżika jew ġuridika, li fiha jkun hemm prova tal-identità u tal-interess leġittimu li tittieħed azzjoni, kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika.

Wara li d-drittijiet tal-aċċess ikunu ġew ivvalidati, dawn għandhom ikunu attivati minn dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni.

Artikolu 70b

Il-komunikazzjoni u l-għoti tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-eżaminar tat-talbiet fil-livell nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Ottubru 2011, skont l-Artikolu 70a(1), l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-awtorità jew tal-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 118f(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, kif ukoll kwalunkwe bidla li jista’ jkun hemm f’dawn id-dettalji.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata lista li fiha tiġbor l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1 jew mill-pajjiżi terzi skont il-ftehimiet internazzjonali konklużi mal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-pubbliku b’din il-lista.”

(22)

Fl-Artikolu 71, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 71

Ismijiet tal-inbejjed protetti skont ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999

1.   Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 118s(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, minn issa ’l quddiem imsejħin “il-fajl”, u l-emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 73(1)(c) u (d) u 73(2) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament, skont ir-regoli u l-proċeduri li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet il-fajl jew l-emenda, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament,

(b)

Il-fajl jew l-emenda għandhom jitqiesu bħala ammissibbli fid-data meta dawn jaslu għand il-Kummissjoni, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u dejjem jekk il-Kummissjoni tirċevihom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011,

(c)

il-Kummissjoni għandha tikkonferma r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata fir-reġistru skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, bi kwalunkwe emenda li jista’ jkun hemm, u tagħtiha numru tal-fajl,

(d)

il-Kummissjoni għandha teżamina l-validità tal-fajl u, fejn ikun il-każ, għandha tqis l-emendi li tkun irċeviet fil-perjodi taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tħassar id-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika kkonċernata skont l-Artikolu 118s(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 abbażi tad-dokumenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 118s(2) ta’ dak ir-Regolament.”

(23)

L-Artikolu 73 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 73

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 118s tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tapplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għal kwalunkwe denominazzjoni tal-inbid mibgħuta lil Stat Membru bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika u approvata minn dan l-Istat Membru qabel l-1 ta’ Awwissu 2009,

(b)

għal kwalunkwe denominazzjoni tal-inbid mibgħuta lil Stat Membru bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 u approvata minn dan l-Istat Membru u mibgħuta lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2011,

(c)

għal kwalunkwe emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lil Stat Membru qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Diċembru 2011,

(d)

għal kwalunkwe emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lil Stat Membru mill-1 ta’ Awwissu 2009 ’l quddiem u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Diċembru 2011.

2.   Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 118q tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma tapplikax għall-emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lill-Istat Membru mill-1 ta’ Awwissu 2009 ’l quddiem u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel it-30 ta’ Ġunju 2014, meta dawn l-emendi jkollhom biss l-għan li jġibu l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118s(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 f’konformità mal-Artikolu 118c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

3.   L-inbejjed li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu ttikkettati qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u li huma konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet tagħhom.”

(24)

L-Annessi I sa IX u l-Annessi XI u XII għandhom jitħassru.

(25)

L-Annessi XVIII u XIX għandhom jiżdiedu skont it-test mogħti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1(20) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċerna l-Artikolu 63(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, kif ukoll l-Artikolu 1(21) ta’ dan ir-Regolament, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 70b tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2011 ’il quddiem.

Il-komunikazzjonijiet li jsiru bejn l-1 ta’ Ġunju 2011 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fuq bażi volontarja, permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 607/2009 kif emendat mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala komunikazzjonijiet li saru f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 607/2009 qabel ma ġie emendat b’dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.

(3)  ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60.

(4)  ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS XVIII

Aċċess għall-metodi u l-formoli elettroniċi msemmija fl-Artikolu 70a(1)(b)

Il-metodi u l-formoli elettroniċi msemmija fl-Artikolu 70a(1)(b), huma aċċessibbli liberament permezz tal-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni permezz tas-sistemi tal-informazzjoni tagħha:

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/wine/e-bacchus/”


ANNESS II

“ANNESS XIX

Dettalji prattiċi dwar il-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a(2)

Sabiex l-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament jiksbu informazzjoni dwar id-dettalji prattiċi biex ikollhom aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni, huma għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jiktbulha fl-indirizz li ġej:

Kaxxa tal-ittri elettronika funzjonali: AGRI-CONTACT-EBACCHUS@ec.europa.eu”


13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 671/2011

tat-12 ta’ Lulju 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

49,0

EC

20,9

MK

51,0

ZZ

40,3

0707 00 05

TR

101,4

ZZ

101,4

0709 90 70

AR

27,2

EC

26,5

TR

111,6

ZZ

55,1

0805 50 10

AR

63,8

BR

42,9

TR

64,0

UY

63,2

ZA

69,9

ZZ

60,8

0808 10 80

AR

133,9

BR

87,5

CA

106,0

CL

95,4

CN

87,0

EC

60,7

NZ

108,0

US

161,2

UY

50,2

ZA

96,6

ZZ

98,7

0808 20 50

AR

101,7

AU

75,6

CL

115,8

CN

81,6

NZ

118,4

ZA

99,4

ZZ

98,8

0809 10 00

AR

75,0

TR

198,5

ZZ

136,8

0809 20 95

CL

298,8

SY

253,3

TR

307,8

ZZ

286,6

0809 40 05

BA

62,0

EC

75,9

ZZ

69,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/411/PESK

tat-12 ta’ Lulju 2011

li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 45 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) ġiet stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK (1) (minn hawn ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK”) biex tappoġġa lill-Kunsill u l-Istati Membri fl-isforz tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet u biex issostni l-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża.

(2)

L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, approvata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003, tidentifika l-istabbiliment ta’ aġenzija għad-difiża bħala element importanti fl-iżvilupp ta’ riżorsi militari Ewropej aktar flessibli u effiċjenti.

(3)

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tal-11 ta’ Diċembru 2008 japprova r-rwol ewlieni tal-Aġenzija fil-proċess tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet essenzjali ta’ difiża għall-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK).

(4)

L-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK għandha titħassar u tiġi sostitwita sabiex jittieħed kont tal-emendi fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona.

(5)

L-Artikolu 45 tat-TUE jipprevedi l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ Deċiżjoni li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi tal-Aġenzija, li għandha tieħu kont tal-livell ta’ parteċipazzjoni effettiva tal-Istati Membri fl-attivitajiet tal-Aġenzija.

(6)

L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), u b’mod partikolari tal-PSDK.

(7)

L-istruttura tal-Aġenzija għandha tagħtiha s-setgħa li twieġeb għall-ħtiġijiet operattivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-PSDK, u fejn ikun meħtieġ biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tikkoopera ma’ pajjiżi, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi.

(8)

L-Aġenzija għandha tiżviluppa relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib ma’ arranġamenti, raggruppamenti u organizzazzjonijiet eżistenti, bħal dawk stabbiliti taħt il-Ftehim Qafas fil-forma ta’ Letter of Intent (minn hawn ’il quddiem “Ftehim Qafas f’LoI”), l-Organisation Conjointe de Coopération en matière d’Armement (OCCAR) u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

(9)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), f’konformità mal-Artikolu 18(2) tat-TUE, għandu jkollu rwol ewlieni fl-istruttura tal-Aġenzija u jipprovdi l-ħolqa essenzjali bejn l-Aġenzija u l-Kunsill.

(10)

Fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu ta’ superviżjoni politika u tfassil tal-politika, il-Kunsill għandu joħroġ linji gwida lill-Aġenzija.

(11)

Fid-dawl tan-natura tagħhom, l-adozzjoni tal-Ftehim Finanzjarju għall-Aġenzija, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), u l-konklużjoni tal-arranġamenti amministrattivi bejn l-Aġenzija u pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet u entitajiet għandhom jiġu approvati mill-Kunsill b’unanimità.

(12)

Meta jadotta linji gwida u deċiżjonijiet b’konnessjoni mal-ħidma tal-Aġenzija, il-Kunsill għandu jiltaqa’ fil-livell ta’ Ministri tad-Difiża.

(13)

Kwalunkwe linji gwida jew deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill b’konnessjoni mal-ħidma tal-Aġenzija għandhom jitħejjew f’konformità mal-Artikolu 240 tat-TFUE.

(14)

Il-kompetenzi tal-korpi preparatorji u konsultattivi tal-Kunsill, b’mod partikolari dawk tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti taħt l-Artikolu 240 tat-TFUE, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtá (KPS) taħt l-Artikolu 38 tat-TFUE u l-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) ma għandhomx ikunu affettwati.

(15)

Id-Diretturi Nazzjonali tal-Armamenti (NADs), id-Diretturi tal-Kapaċitajiet, id-Diretturi tar-Riċerka u Teknoloġija (R&T) u d-Diretturi tal-Politika tad-Difiża għandhom jirċievu rapporti u jikkontribwixxu fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom fit-tħejjija ta’ deċizjonijiet tal-Kunsill marbuta mal-Aġenzija.

(16)

L-Aġenzija għandha jkollha l-personalità ġuridika meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha, filwaqt li żżomm kuntatti mill-qrib mal-Kunsill u tirrispetta b’mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet tagħha.

(17)

Għandu jsir provvediment sabiex il-baġits amministrati mill-Aġenzija jkunu jistgħu, fuq bażi ta’ każ b’każ, jirċievu kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż mhux amministrattivi, mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’rispett sħiħ tar-regoli, proċeduri u proċessi deċiżjonali applikabbli għaliha, inkluż l-Artikolu 41(2) tat-TUE.

(18)

L-Aġenzija, waqt li tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, għandha tipprevedi wkoll il-possibbiltà li gruppi speċifiċi ta’ Stati Membri jistabbilixxu proġetti jew programmi ad hoc.

(19)

Suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, f’konformità mal-Artikoli 42(6) u 46 tat-TUE u mal-Protokoll (Nru 10) dwar kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 tat-TUE anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Aġenzija għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti.

(20)

L-Aġenzija għandha jkollha disposti proċeduri deċiżjonali li jippermettulha twettaq il-kompiti tagħha b’mod effiċjenti, filwaqt li tirrispetta l-linji politiċi nazzjonali tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri parteċipanti.

(21)

L-Aġenzija għandha twettaq il-missjoni tagħha b’rispett sħiħ għall-Artikolu 40 tat-TUE.

(22)

L-Aġenzija għandha taġixxi f’konformità sħiħa mal-istandards u r-regoli tas-sigurtà tal-Kunsill.

(23)

Konformement mal-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE mat-TFUE, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Għalhekk id-Danimarka mhijiex se tkun marbuta b’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

STABBILIMENT, MISSJONI U KOMPITI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Aġenzija fil-qasam tal-iżvilupp, riċerka, kisba u armamenti għal kapaċitajiet ta’ difiża (minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija Ewropea għad-Difiża”), kif oriġinarjament stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK, għandha tkompli f’konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.   L-Aġenzija għandha taġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill, b’appoġġ għall-PESK u l-PSDK, fil-qafas istituzzjonali waħdieni tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi tal-Kunsill. Il-missjoni tal-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni, b’rispett sħiħ għall-Artikolu 40 tat-TUE.

3.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-UE li jixtiequ jkunu parti minnha. L-Istati Membri li diġà jipparteċipaw fl-Aġenzija fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jitqiesu bħala Stati Membri parteċipanti.

4.   Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jipparteċipa fl-Aġenzija wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni jew li jixtieq jirtira mill-Aġenzija għandu jinnotifika lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu u għandu jgħarraf lir-RGħ. Kwalunkwe arranġament tekniku u finanżjarju meħtieġ għal tali parteċipazzjoni jew irtirar għandu jkun determinat mill-Bord ta’ Tmexxija msemmi fl-Artikolu 8.

5.   L-Aġenzija għandha jkollha s-sede tagħha fi Brussell.

Artikolu 2

Missjoni

1.   Il-missjoni tal-Aġenzija hija li tagħti appoġġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri fl-isforz tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet u li ssostni l-PSDK kif inhi issa u kif ser tiżviluppa fil-ġejjieni.

2.   L-Aġenzija għandha tidentifika l-ħtiġijiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, fejn hu meħtieġ, l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura meħtieġa biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa fid-definizzjoni tal-politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti, u tassisti lill-Kunsill fl-evalwazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

3.   Il-missjoni tal-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ difiża.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Stati Membri parteċipanti” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fl-Aġenzija,

(b)

“Stati Membri kontributuri” tfisser l-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea li jikkontribwixxu għal proġett jew programm partikolari tal-Aġenzija.

Artikolu 4

Superviżjoni politika u arranġamenti ta’ rappurtar lill-Kunsill

1.   L-Aġenzija għandha topera taħt l-awtorità u s-superviżjoni politika tal-Kunsill, u għandha tipprovdilu rapporti regolari u tirċievi mingħandu linji gwida regolari.

2.   L-Aġenzija għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha, u għandha b’mod partikolari:

(a)

f’Novembru ta’ kull sena tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija matul is-sena kurrenti u tipprovdi elementi għall-programm ta’ ħidma u l-baġits tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara;

(b)

suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, tal-inqas darba kull sena tippreżenta lill-Kunsill tagħrif dwar il-kontribut tal-Aġenzija għall-attivitajiet ta’ valutazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni strutturata permanenti, imsemmija fl-Artikolu 5(3)(f)(ii).

L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kunsill, fil-ħin dovut, informazzjoni dwar kwistjonijiet importanti li jkunu ser jiġu ppreżentati lill-Bord ta’ Tmexxija għal deċiżjoni.

3.   Il-Kunsill, b’unanimità, u fuq il-parir tal-KPS jew korpi kompetenti oħra tal-Kunsill skont il-każ, għandu joħroġ linji gwida kull sena b’rabta mal-ħidma tal-Aġenzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-programm ta’ ħidma tagħha. Il-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta’ dawn il-linji gwida.

4.   Kull sena, il-Kunsill, b’unanimità, għandu japprova Qafas Finanzjarju għall-Aġenzija għat-tliet snin ta’ wara. Dak il-Qafas Finanzjarju għandu jsemmi l-prijoritajiet miftiehma marbuta mal-Pjan ta’ Ħidma ta’ tliet snin tal-Aġenzija u għandu jikkostitwixxi limitu massimu legalment vinkolanti għall-ewwel sena u ċifri ta’ ppjanar għat-tieni u t-tielet sena. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena l-Aġenzija għandha tipprovdi abbozz tal-Qafas Finanzjarju u l-Pjan ta’ Ħidma marbut miegħu għall-konsiderazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

5.   L-Aġenzija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-missjoni tagħha.

Artikolu 5

Funzjonijiet u kompiti

1.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirrispetta l-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni u dawk tal-istituzzjonijiet tal-UE.

2.   It-twettiq mill-Aġenzija tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ difiża.

3.   L-Aġenzija, suġġett għall-awtorità tal-Kunsill, għandha jkollha bħala kompitu li:

(a)

Tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-objettivi ta’ kapaċità militari tal-Istati Membri u tevalwa l-osservanza tal-impenji ta’ kapaċità pprovduti mill-Istati Membri, b’mod partikolari billi:

(i)

tidentifika, f’assoċjazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill, inkluż l-EUMC, u bl-użu, fost oħrajn, tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDM) u kwalunkwe suċċessur, il-ħtiġijiet futuri tal-UE għall-kapaċità ta’ difiża;

(ii)

tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u kwalunkwe suċċessur tiegħu;

(iii)

tevalwa, fid-dawl ta’ kriterji li jaqblu magħhom l-Istati Membri, l-impenji ta’ kapaċità pprovduti mill-Istati Membri, fost oħrajn permezz tal-proċess tas-CDP u s-CDM u kwalunkwe suċċessur tagħhom.

(b)

Tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operattivi u l-adozzjoni ta’ metodi ta’ akkwist effettivi u kompatibbli, b’mod partikolari billi:

(i)

tippromwovi u tikkoordina l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet militari;

(ii)

tippromovi akkwisti kost-effettivi u effiċjenti billi tidentifika u xxerred l-aħjar prattiċi;

(iii)

tipprovdi evalwazzjonijiet dwar prijoritajiet finanzjarji għall-iżvilupp u l-akkwist ta’ kapaċitajiet.

(c)

Tipproponi proġetti multilaterali sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi f’termini ta’ kapaċitajiet militari, u tiżgura l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-ġestjoni ta’ programmi speċifiċi ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari billi:

(i)

tippromwovi u tipproponi proġetti kooperattivi multilaterali ġodda;

(ii)

tidentifika u tipproponi attivitajiet kollaborattivi fil-kamp operattiv;

(iii)

taħdem għall-koordinazzjoni tal-programmi eżistenti implimentati mill-Istati Membri;

(iv)

tassumi, fuq talba tal-Istati Membri, ir-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ programmi speċifiċi;

(v)

tħejji, fuq talba tal-Istati Membri, programmi għall-ġestjoni mill-OCCAR jew permezz ta’ arranġamenti oħra, skont il-każ.

(d)

Tappoġġa r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, u tikkoordina u tippjana attivitajiet ta’ riċerka konġunta u l-istudju ta’ soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi futuri, b’mod partikolari billi:

(i)

tippromwovi, flimkien mal-attivitajiet ta’ riċerka tal-Unjoni fejn ikun il-każ, riċerka mmirata biex jinkisbu l-ħtiġijiet futuri tal-kapaċità ta’ sigurtà u difiża u b’hekk issaħħaħ il-potenzjal industrijali u teknoloġiku tal-Ewropa f’dan il-kamp;

(ii)

tippromwovi r-R&T għal skopijiet ta’ difiża konġunta b’mira aktar effettiva;

(iii)

tqanqal ir-R&T għal skopijiet ta’ difiża permezz ta’ studji u proġetti;

(iv)

tamministra kuntratti ta’ R&T għal skopijiet ta’ difiża;

(v)

taħdem flimkien mal-Kummissjoni sabiex tikseb il-massimu ta’ komplimentarità u sinerġija bejn programmi ta’ riċerka ta’ difiża u dawk ċivili jew dawk marbuta mas-sigurtà.

(e)

Tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib tal-effiċjenza tal-infiq militari, b’mod partikolari billi:

(i)

tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża li jkun kompetittiv fil-livell internazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-suq intern u l-kompetenzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam;

(ii)

tiżviluppa linji politiċi u strateġiji rilevanti f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u, kif ikun meħtieġ, mal-industrija;

(iii)

f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, taħdem għall-iżvilupp u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri rilevanti fl-UE kollha, fl-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija.

(f)

Suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti, tappoġġa din il-kooperazzjoni b’mod partikolari billi:

(i)

tiffaċilita inizjattivi ewlenin ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet konġunti jew Ewropej;

(ii)

tikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti rigward il-kapaċitajiet, b’mod partikolari kontributi magħmula f’konformità mal-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fost oħrajn, fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 10) dwar kooperazzjoni strutturata permanenti annessa għat-TUE u t-TFUE u tirrapporta dwar dan mill-inqas darba fis-sena.

Artikolu 6

Personalità ġuridika

L-Aġenzija għandha jkollha personalità ġuridika sabiex twettaq il-funzjonijiet u tilħaq l-objettivi tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Aġenzija tgawdi l-kompetenza ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi fil-liġijiet tagħhom. L-Aġenzija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. L-Aġenzija għandha jkollha l-kompetenza li tikkonkludi kuntratti ma’ entitajiet jew organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi.

KAPITOLU II

ORGANI U PERSUNAL TAL-AĠENZIJA

Artikolu 7

Kap tal-Aġenzija

1.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

2.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali tal-Aġenzija u għandu jiżgura li l-linji gwida maħruġa mill-Kunsill u d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija jiġu implimentati mid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Aġenzija.

3.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jippreżenta r-rapporti tal-Aġenzija lill-Kunsill kif hemm imsemmi fl-Artikolu 4(2).

4.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għan-negozjar ta’ arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet, raggruppamenti jew entitajiet oħra f’konformità mad-direttivi mogħtija mill-Bord ta’ Tmexxija. Fil-qafas ta’ tali arranġamenti, kif approvati mill-Bord ta’ Tmexxija, il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma xierqa magħhom.

Artikolu 8

Bord ta’ Tmexxija

1.   Bord ta’ Tmexxija magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru parteċipant, awtorizzat biex jorbot lill-gvern tiegħu, u rappreżentant mill-Kummissjoni, għandu jkun il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaġixxi fil-qafas tal-linji gwida maħruġa mill-Kunsill.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiltaqa’ fil-livell tal-Ministri tad-Difiża tal-Istati Membri parteċipanti jew ir-rappreżentanti tagħhom. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu fil-prinċipju jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena fil-livell tal-Ministri tad-Difiża.

3.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija. Jekk Stat Membru parteċipant jitlob hekk, il-Kap tal-Aġenzija għandu jsejjaħ laqgħa fi żmien xahar.

4.   Il-Kap tal-Aġenzija jista’ jiddelega s-setgħa li jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija fil-livell tar-rappreżentanti tal-Ministri tad-Difiża.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiltaqa’ f’kompożizzjonijiet speċifiċi (bħala NADs, Diretturi tal-Kapaċitajiet, Diretturi tar-R&T jew Diretturi tal-Politika tad-Difiża).

6.   Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija jattendu għalihom:

(a)

id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, imsemmi fl-Artikolu 10, jew ir-rappreżentant tiegħu,

(b)

il-President tal-EUMC jew ir-rappreżentant tiegħu

(c)

rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS).

7.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jistieden, fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni:

(a)

lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO jew ir-rappreżentant innominat tiegħu,

(b)

lill-Kapijiet/Presidenti ta’ arranġamenti, raggruppamenti jew organizzazzjonijiet oħra li l-ħidma tagħhom hija rilevanti għal dik l-Aġenzija (bħal dawk stabbilit taħt il-Ftehim Qafas f’LoI, kif ukoll l-OCCAR u l-ESA),

(c)

kif ikun meħtieġ, rappreżentanti ta’ partijiet terzi oħra.

Artikolu 9

Kompiti u setgħat tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Fil-qafas tal-linji gwida tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(1), il-Bord ta’ Tmexxija:

(a)

għandu japprova r-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill;

(b)

għandu japprova, fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mill-Kap tal-Aġenzija, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara;

(c)

għandu jadotta l-baġit ġenerali tal-Aġenzija mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena fil-limiti stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju tal-Aġenzija kif deċiż mill-Kunsill;

(d)

għandu japprova l-istabbiliment fi ħdan l-Aġenzija ta’ proġetti jew programmi ad hoc f’konformità mal-Artikolu 19;

(e)

għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u sa żewġ deputati;

(f)

għandu jiddeċiedi li l-Aġenzija tista’ tiġi fdata minn Stat Membru wieħed jew iktar bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta’ ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 17;

(g)

għandu japprova kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni;

(h)

għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Aġenzija;

(i)

jista’ jemenda d-dispożizzjonijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Aġenzija;

(j)

jista’ jemenda r-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-persunal kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati;

(k)

għandu jiddetermina l-arranġamenti tekniċi u finanzjarji rigward il-parteċipazzjoni jew l-irtirar ta’ Stati Membri kif hemm imsemmi fl-Artikolu 1(4);

(l)

għandu jadotta direttivi dwar in-negozjar ta’ arranġamenti amministrattivi mill-Kap tal-Aġenzija;

(m)

għandu japprova l-arranġamenti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 22(1);

(n)

għandu jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi bejn l-Aġenzija u partijiet terzi kif hemm imsemmi fl-Artikolu 24(1);

(o)

għandu japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;

(p)

għandu jadotta d-deċiżjonijiet rilevanti l-oħra kollha marbuta mat-twettiq tal-missjoni tal-Aġenzija.

2.   Sakemm ma jkunx previst diversament f’din id-Deċiżjoni, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza kkwalifikata. Il-voti tal-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu ppeżati f’konformità mal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 16 tat-TUE. Huma biss ir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti li għandhom jieħdu sehem fil-vot.

3.   Jekk rappreżentant ta’ Stat Membru parteċipant fil-Bord ta’ Tmexxija jiddikjara li, għal raġunijiet importanti u ddikjarati ta’ politika nazzjonali, bi ħsiebu jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata, ma għandux jittieħed vot. Dak ir-rappreżentant jista’ jirriferi l-kwistjoni lill-Kunsill, permezz tal-Kap tal-Aġenzija, bil-għan li jinħarġu linji gwida lill-Bord ta’ Tmexxija, kif meħtieġ. Inkella, il-Bord ta’ Tmexxija, b’maġġoranza kkwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-Kunsill għal deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità.

4.   Il-Bord ta’ Tmexxija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipant, jista jiddeċiedi li jistabbilixxi:

(a)

kumitati għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u baġitarji tal-Bord ta’ Tmexxija, magħmula minn delegati tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni;

(b)

kumitati speċjalizzati fi kwistjonijiet speċifiċi taħt il-kompetenza tal-Aġenzija. Dawn il-kumitati għandhom ikunu magħmula minn delegati tal-Istati Membri parteċipanti u, sakemm il-Bord ta’ Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor, rappreżentant tal-Kummissjoni.

Id-deċiżjoni li jistabbilixxi tali kumitati għandha tispeċifika l-mandat u d-dewmien tagħhom.

Artikolu 10

Id-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv, u d-Deputat(i) tiegħu, għandhom jinħatru mill-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kap tal-Aġenzija għal tliet snin. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jagħti estensjoni ta’ sentejn. Id-Direttur Eżekuttiv u sa żewġ Deputat għandhom jaġixxu taħt l-awtorità tal-Kap tal-Aġenzija u f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv, bl-għajnuna tad-Deputat(i) tiegħu, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-unitajiet funzjonali, sabiex jiżgura l-koerenza ġenerali tal-ħidma tagħhom. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap tal-persunal tal-Aġenzija.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà li:

(a)

jiżgura l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija;

(b)

jipprepara l-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija, b’mod partikolari l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija;

(c)

jipprepara l-abbozz tal-baġit ġenerali annwali biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija;

(d)

jipprepara l-Pjan ta’ Ħidma ta’ tliet snin biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija;

(e)

jipprepara l-Qafas Finanzjarju ta’ tliet snin biex jiġi ppreżentat lill-Kunsill;

(f)

jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi preparatorji tal-Kunsill, b’mod partikolari l-KPS u l-EUMC, u jipprovdilhom informazzjoni;

(g)

jipprepara r-rapporti msemmija fl-Artikolu 4(2);

(h)

jipprepara d-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq u jimplimenta l-baġit ġenerali tal-Aġenzija u l-baġits ta’ proġetti jew programmi ad hoc fdati lill-Aġenzija;

(i)

jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija;

(j)

jieħu ħsieb l-aspetti kollha tas-sigurtà;

(k)

jieħu ħsieb kull kwistjoni li tirrigwarda l-persunal.

4.   Fl-ambitu tal-programm ta’ ħidma u l-baġit ġenerali tal-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu s-setgħa li jidħol f’kuntratti u li jimpjega persunal. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġits amministrati mill-Aġenzija.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti kont ta’ għemilu lill-Bord ta’ Tmexxija.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija.

Artikolu 11

Persunal

1.   Il-persunal tal-Aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, għandu jkun magħmul minn membri tal-persunal kuntrattwali u statutorji reklutati minn fost kandidati mill-Istati Membri parteċipanti kollha fuq l-usa’ bażi ġeografika possibli, u mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-persunal tal-Aġenzija għandu jingħażel mid-Direttur Eżekuttiv fuq il-bażi tal-kompetenza u l-ħila rilevanti u permezz ta’ proċeduri ġusti u trasparenti ta’ kompetizzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika bil-quddiem id-dettalji tal-pożizzjonijiet kollha disponibbli u l-kriterji rilevanti għall-proċess tal-għażla. Fil-każijiet kollha, ir-reklutaġġ għandu jsir bil-għan li l-Aġenzija tikseb is-servizzi ta’ persunal tal-ogħla livell ta’ abbiltà u effiċjenza.

2.   Il-Kap tal-Aġenzija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-Bord ta’ Tmexxija, għandu jaħtar u jġedded il-persunal tal-livelli amministrattivi għolja tal-Aġenzija.

3.   Il-persunal tal-Aġenzija għandu jkun magħmul minn:

(a)

persunal reklutat direttament mill-Aġenzija b’kuntratti ta’ terminu fiss, magħżul minn fost ċittadini tal-Istati Membri parteċipanti. Il-Kunsill, b’unanimità, approva r-regolamenti applikabbli għal tali persunal (2). Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jirrivedi u jemenda dawk ir-regolamenti kif meħtieġ fejn ikun mogħti s-setgħa li jagħmel hekk;

(b)

esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri parteċipanti għal karigi fl-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija jew għal kompiti u proġetti speċifiċi. Il-Kunsill, b’unanimità, approva r-regolamenti applikabbli għal tali persunal (3). Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jirrivedi u jemenda dawk ir-regolamenti kif meħtieġ fejn ikun mogħti s-setgħa li jagħmel hekk;

(c)

Uffiċjali tal-Unjoni ssekondati mal-Aġenzija għal żmien fiss u/jew għal kompiti jew proġetti speċifiċi kif meħtieġ.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe tilwima bejn l-Aġenzija u kwalunkwe persuna li jistgħu japplikaw għaliha r-regolamenti tal-persunal tal-Aġenzija.

KAPITOLU III

BAĠIT U REGOLI FINANZJARJI

Artikolu 12

Prinċipji tal-baġit

1.   Il-baġits, imfassla fl-euro, huma l-atti li jistipulaw u jawtorizzaw, għal kull sena finanzjarja, id-dħul u l-infiq kollu amministrat mill-Aġenzija.

2.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla f’baġit huma awtorizzati għall-perijodu ta’ sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar u tintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

3.   Għal kull baġit, id-dħul u l-infiq għandhom ikunu f’bilanċ. Id-dħul u l-infiq kollu għandu jiddaħħal fid-dettal fil-baġit rilevanti mingħajr l-ebda aġġustament bejn id-dħul u l-infiq.

4.   Il-Baġit għandu jkollu approprjazzjonijiet differenzjati, li għandhom jikkonsistu f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ ħlas u approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

5.   L-approprjazzjonijiet ta’ impenn għandhom ikopru l-ispiża totali tal-impenji legali assunti matul is-sena finanzjarja kurrenti. Madankollu, l-impenji jistgħu jsiru globalment jew permezz ta’ pagamenti annwali. L-impenji għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fuq il-bażi tal-impenji legali assunti sal-31 ta’ Diċembru.

6.   L-approprjazzjonijiet ta’ ħlas għandhom ikopru ħlasijiet li jsiru sabiex jiġu onorati l-impenji legali assunti matul is-sena finanzjarja kurrenti u/jew snin finanzjarji preċedenti. Il-ħlasijiet għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fuq il-bażi tal-impenji tal-baġit sal-31 ta’ Diċembru.

7.   Id-dħul ta’ sena finanzjarja għandu jiddaħħal fil-kontijiet għas-sena finanzjarja fuq il-bażi tal-ammonti miġbura matul dik is-sena finanzjarja.

8.   La dħul u lanqas infiq ma jistgħu jiġu implimentati jekk mhux bl-allokazzjoni għal intestatura fil-baġit u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet imdaħħla hemmhekk.

9.   L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja sana, jiġifieri f’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

Artikolu 13

Il-baġit ġenerali

1.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jipprovdi lill-Bord ta’ Tmexxija, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, stima ġenerali tal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena ta’ wara, b’rispett għaċ-ċifri tal-ippjanar stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju.

2.   Il-Kap tal-Aġenzija għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit ġenerali lill-Bord ta’ Tmexxija sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena. L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa:

(i)

biex ikopru l-ispejjeż tal-operat, il-persunal u l-laqgħat tal-Aġenzija;

(ii)

biex jinkisbu konsulenzi esterni, b’mod partikolari analiżi operattiva, essenzjali għall-Aġenzija biex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha, u għal attivitajiet speċifiċi ta’ riċerka u teknoloġija għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha, b’mod partikolari każistika teknika u studji ta’ fattibbiltà;

(b)

tbassir tad-dħul meħtieġ biex ikopri l-infiq.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jimmira biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a)(ii) jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-approprjazzjonijiet totali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali u għandhom jippermettu rwol operattiv għall-Aġenzija.

4.   Mal-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkun hemm pjan dettaljat dwar l-organizzazzjoni tal-persunal u ġustifikazzjonijiet dettaljati.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija, b’unanimità, jista’ jiddeċiedi li l-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkopri wkoll proġett jew programm partikolari fejn ikun ċar li dan hu għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

6.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati taħt titoli u kapitoli li jirraggruppaw l-infiq skont it-tip jew l-għan, suddiviżi f’artikoli kif meħtieġ.

7.   Kull titolu jista’ jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet proviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu f’każijiet ta’ inċertezza, minħabba raġunijiet serji, dwar l-ammont ta’ approprjazzjonijiet meħtieġa jew dwar l-ambitu għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla.

8.   Id-dħul għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fl-Aġenzija bbażati fuq l-iskala tad-dħul nazzjonali gross (DNG);

(b)

dħul ieħor.

L-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jinkludi linji li jakkomodaw id-dħul assenjat u kull fejn ikun possibbli għandu jindika l-ammont previst.

9.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-abbozz tal-baġit ġenerali sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju tal-Aġenzija. Meta jagħmel dan, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn rappreżentant maħtur mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn membru tal-Bord ta’ Tmexxija mistieden mill-Kap tal-Aġenzija biex jagħmel dan. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie adottat u għandu jinnotifika lill-Istati Membri parteċipanti.

10.   Jekk, fil-bidu ta’ sena finanzjarja, l-abbozz tal-baġit ġenerali ma jkunx għadu ġie adottat, tista’ ssir nefqa kull xahar ta’ somma ekwivalenti għal mhux aktar minn wieħed kull tnax tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti fir-rigward ta’ kwalunkwe kapitolu jew suddiviżjoni oħra tal-baġit. Madankollu, dan l-arranġament ma għandux ikollu l-effett li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija approprjazzjonijiet li jeċċedu wieħed minn kull tnax ta’ dawk previsti fl-abbozz tal-baġit ġenerali li jkun qed jitħejja. Il-Bord ta’ Tmexxija, b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista’ jawtorizza nefqa ta’ iżjed minn wieħed kull tnax, sakemm l-approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja ma jeċċedux dawk tas-sena finanzjarja preċedenti. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jagħmel sejħa għall-kontribuzzjonijiet meħtieġa biex ikopru l-approprjazzjonijiet awtorizzati taħt din id-dispożizzjoni, li għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

Artikolu 14

Baġits emendatorji

1.   Fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jipproponi abbozz ta’ baġit emendatorju, fil-limiti stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju.

2.   L-abbozz ta’ baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost u adottat u għandha tingħata notifika f’konformità mal-istess proċedura bħall-baġit ġenerali, fil-limit stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaġixxi billi jqis l-urġenza dovuta.

3.   Fis-sitwazzjoni fejn il-limiti stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju jitqiesu li mhumiex biżżejjed minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevisti, meta jittieħed kont sħiħ ukoll tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13(2) u (3), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jippreżenta l-baġit emendatorju għall-adozzjoni mill-Kunsill, b’unanimità.

Artikolu 15

Dħul assenjat

1.   Fil-baġit ġenerali tagħha l-Aġenzija tista’ tirċievi, bħala dħul assenjat għal għan speċifiku, kontribuzzjonijiet finanzjarji biex ikopru spejjeż minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 13(2)(a)(i):

(a)

mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq bażi ta’ każ b’każ, b’rispett sħiħ għar-regoli, il-proċeduri u l-proċessi deċiżjonali applikabbli għalih;

(b)

minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew partijiet terzi oħra.

2.   Dħul assenjat jista’ jintuża biss għall-għan speċifiku li għalih ikun assenjat.

Artikolu 16

Kontribuzzjonijiet u rimborsi

1.   Determinazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet fejn hija applikabbli l-iskala tad-DNG:

(a)

Fejn tkun applikabbli l-iskala tad-DNG, il-qsim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li mingħandhom hi meħtieġa kontribuzzjoni għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-iskala tal-prodott nazzjonali gross kif speċifikat fl-Artikolu 41(2) tat-TUE u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (4), jew kwalunkwe Deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista’ tieħu postha.

(b)

Id-data għall-kalkolu ta’ kull kontribuzzjoni għandha tkun dik stabbilita fil-kolonna tar-“Riżorsi proprji tad-DNG” fit-tabella tas-“Sommarju tal-finanzjament tal-baġit ġenerali skont it-tip tar-riżors proprju u skont l-Istat Membru” li hija mehmuża mal-aktar baġit reċenti adottat mill-Unjoni. Il-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru li mingħandu hija dovuta kontribuzzjoni għandha tkun proporzjonali mas-sehem tad-DNG ta’ dak l-Istat Membru fit-total tad-DNG aggregat tal-Istati Membri li mingħandhom hija dovuta kontribuzzjoni.

2.   Skeda għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet

(a)

Il-kontribuzzjonijiet maħsuba biex jiffinanzjaw il-baġit ġenerali tal-Aġenzija għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fi tliet pagamenti indaqs, sal-15 ta’ Frar, il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Ottubru tas-sena finanzjarja kkonċernata.

(b)

Meta jiġi adottat baġit emendatorju, il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għandhom jitħallsu mill-Istati Membri kkonċernati fi żmien 60 jum mill-ħarġa tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

(c)

Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż bankarji marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess.

(d)

Jekk il-baġit annwali ma jiġix approvat sal-aħħar ta’ Novembru, l-Aġenzija tista’ toħroġ, fuq talba ta’ Stat Membru, sejħa provviżorja individwali għal kontribuzzjonijiet għal dak l-Istat Membru.

Artikolu 17

Amministrazzjoni mill-Aġenzija ta’ nfiq f’isem l-Istati Membri

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru, jista’ jiddeċiedi li l-Aġenzija tista’ tiġi fdata mill-Istati Membri bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta’ ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija, fid-deċiżjoni tiegħu, jista’ jawtorizza lill-Aġenzija biex tidħol f’kuntratti f’isem ċerti Stati Membri. Huwa jista’ jawtorizza lill-Aġenzija biex tiġbor minn qabel il-fondi meħtieġa minn dawn l-Istati Membri biex jiġu onorati l-kuntratti li jkunu saru.

Artikolu 18

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-dispożizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Aġenzija ġew approvati mill-Kunsill, b’unanimità (5). Il-Bord ta’ Tmexxija, b’unanimità, għandu jirrivedi u jemenda dawn id-dispożizzjonijiet, kif meħtieġ.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, fuq proposta mill-Direttur Eżekuttiv, jadotta kif meħtieġ ir-regoli implimentattivi dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit ġenerali, b’mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, mingħajr preġudizzju għar-regoli relevanti tal-UE. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiżgura, b’mod partikolari, li jittieħed debitament kont tal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-protezzjoni kemm tas-sigriet fil-qasam tad-difiża kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.   Id-dispożizzjonijiet u r-regoli finanzjarji msemmija f’dan l-Artikolu mhumiex applikabbli għall-proġetti u l-programmi ad hoc imsemmija fl-Artikoli 19 u 20.

KAPITOLU IV

PROĠETTI JEW PROGRAMMI AD HOC U BAĠITS ASSOĊJATI MAGĦHOM

Artikolu 19

Approvazzjoni ta’ proġetti jew programmi ad hoc tal-Kategorija A (opt out) u baġits ad hoc assoċjati magħhom

1.   Stat Membru parteċipanti wieħed jew iktar jew id-Direttur Eżekuttiv jistgħu jippreżentaw lill-Bord ta’ Tmexxija proġett jew programm ad hoc li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, li għandu jippresupponi parteċipazzjoni ġenerali mill-Istati Membri parteċipanti. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun mgħarraf bil-baġit ad hoc, jekk ikun hemm, li ser ikun assoċjat mal-proġett jew programm propost, kif ukoll b’kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.

2.   Fil-prinċipju għandhom jikkontribwixxu l-Istati Membri parteċipanti kollha. Huma għandhom jgħarrfu lid-Direttur Eżekuttiv bl-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu japprova l-istabbiliment tal-proġett jew il-programm ad hoc.

4.   Il-Bord ta’ Tmexxija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipant, jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat biex jissorvelja l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn delegati minn kull wieħed mill-Istati Membri kontributuri u, meta l-Unjoni tikkontribwixxi għall-proġett jew il-programm, rappreżentant tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija għandha tispeċifika l-mandat tal-kumitat u kemm ser idum jeżisti.

5.   Għall-proġett jew il-programm ad hoc, l-Istati Membri kontributuri, imlaqqgħin fil-Bord ta’ Tmexxija, għandhom japprovaw:

(a)

ir-regoli għall-ġestjoni tal-proġett jew tal-programm;

(b)

fejn ikun il-każ, il-baġit ad hoc assoċjat mal-proġett jew il-programm, il-kriterji għall-qsim tal-kontribuzzjonijiet u r-regoli implimentattivi meħtieġa;

(c)

il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fil-kumitat imsemmi fil-paragrafu 4. Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni.

6.   Meta l-Unjoni tikkontribwixxi għal proġett jew programm ad hoc, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, b’konformità sħiħa mal-proċeduri deċiżjonali applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Approvazzjoni ta’ proġetti jew programmi ad hoc tal-Kategorija B (opt in) u baġits ad hoc assoċjati magħhom

1.   Stat Membru parteċipant wieħed jew iktar jistgħu jgħarrfu lill-Bord ta’ Tmexxija li huma bi ħsiebhom jistabbilixxu proġett jew programm ad hoc li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, u fejn hu l-każ il-baġit ad hoc assoċjat miegħu. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun mgħarraf bil-baġit ad hoc, jekk ikun hemm, li ser ikun assoċjat mal-proġett jew il-programm propost u bid-dettalji, u jekk ikunu rilevanti, dwar riżorsi umani għal tali proġett jew programm, kif ukoll b’kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.

2.   Biex jiżdiedu kemm jista’ jkun l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom ikunu mgħarrfa bil-proġett jew programm ad hoc, inkluż il-bażi li fuqha tista’ tiżdied il-parteċipazzjoni, fi żmien biżżejjed biex kwalunkwe Stat Membru parteċipant li jixtieq jissieħeb ikun jista’ juri l-interess tiegħu għal dan. Barra minn hekk, l-inizjatur jew inizjaturi tal-proġett jew programm għandhom jagħmlu ħilithom sabiex ikabbru s-sħubija kemm jista’ jkun possibbli. Il-parteċipazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-inizjaturi fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.   Il-proġett jew programm ad hoc għandu mbagħad jitqies bħala proġett jew programm tal-Aġenzija, sakemm il-Bord ta’ Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien xahar minn meta jirċievi t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   Kwalunkwe Stat Membru parteċipant li, iktar tard, jixtieq jipparteċipa fil-proġett jew programm ad hoc għandu jinnotifika lill-Istati Membri kontributuri bl-intenzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri kontributuri, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu din in-notifika, għandhom jiddeċiedu bejniethom, b’kont meħud tal-bażi stabbilita meta l-Istati Membri parteċipanti jiġu mgħarrfa bil-proġett jew programm, dwar il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-Istati Membri kontributuri għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa bejniethom għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc u, fejn ikun il-każ, il-baġit assoċjat miegħu. Meta l-Unjoni tikkontribwixxi għal proġett jew programm bħal dan, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu b’konformità sħiħa mal-proċeduri deċiżjonali applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri kontributuri għandhom iżommu lill-Bord ta’ Tmexxija mgħarraf, kif meħtieġ, bl-iżviluppi marbuta ma’ tali proġett jew programm.

Artikolu 21

Kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea lil baġits ad hoc

Jistgħu jsir kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea lill-baġits ad hoc stabbiliti għal proġetti jew programmi ad hoc imsemmija fl-Artikoli 19 u 20.

Artikolu 22

Parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi

1.   Partijiet terzi jistgħu jikkontribwixxu għal proġett jew programm ad hoc partikolari, stabbilit f’konformità mal-Artikoli 19 jew 20, u għall-baġit assoċjat miegħu. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu japprova kif meħtieġ, b’maġġoranza kkwalifikata, arranġamenti ad hoc bejn l-Aġenzija u partijiet terzi għal kull proġett jew programm partikolari.

2.   Għal proġetti stabbiliti taħt l-Artikolu 19, l-Istati Membri kontributuri mlaqqgħin fil-Bord ta’ Tmexxija għandhom japprovaw il-modalitajiet meħtieġa kollha mal-partijiet terzi rilevanti rigward il-kontribuzzjoni tagħhom.

3.   Għal proġetti stabbiliti taħt l-Artikolu 20, l-Istati Membri kontributuri għandhom jiddeċiedu l-arranġamenti meħtieġa kollha mal-partijiet terzi rilevanti rigward il-kontribuzzjoni tagħhom.

4.   Meta l-Unjoni tikkontribwixxi għal proġett jew programm ad hoc, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 23

Assoċjazzjoni mal-ħidma tal-Aġenzija

1.   Il-Kummissjoni hija membru tal-Bord ta’ Tmexxija mingħajr dritt ta’ vot u għandha tkun assoċjata b’mod sħiħ mal-ħidma tal-Aġenzija.

2.   Il-Kummissjoni tista’ wkoll tipparteċipa fi proġetti u programmi tal-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi mal-Kummissjoni l-arranġamenti amministrattivi u r-relazzjonijiet ta’ ħidma meħtieġa, b’mod partikolari bil-għan li jsiru skambji ta’ ħiliet u pariri f’dawk l-oqsma fejn l-attivitajiet tal-Unjoni għandhom influwenza fuq il-missjoni tal-Aġenzija u fejn l-attivitajiet tal-Aġenzija huma rilevanti għal dawk tal-Unjoni.

4.   L-arranġamenti meħtieġa biex ikopru kontribuzzjoni, fuq bażi ta’ każ b’każ, mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikoli 15 u 21, għandhom jiġu stabbiliti, bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku, jew bejn l-Istati Membri kontributuri u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku.

KAPITOLU VI

RELAZZJONIJIET MA’ PAJJIŻI, ORGANIZZAZZJONIJIET U ENTITAJIET TERZI

Artikolu 24

Arranġamenti amministrattivi u materji oħrajn

1.   Bil-għan li twettaq il-missjoni tagħha, l-Aġenzija tista’ tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi. Tali arranġamenti għandhom ikopru b’mod partikolari:

(a)

il-prinċipju ta’ relazzjoni bejn l-Aġenzija u l-parti terza;

(b)

dispożizzjonijiet għal konsultazzjoni dwar suġġetti marbuta mal-ħidma tal-Aġenzija;

(c)

kwistjonijiet ta’ sigurtá.

Meta tagħmel dan, l-Aġenzija għandha tirrispetta l-qafas istituzzjonali waħdieni u l-awtonomija deċiżjonali tal-UE. Kull arranġament bħal dan għandu jiġi konkluż mill-Bord ta’ Tmexxija bl-approvazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’unanimità.

2.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib mal-elementi rilevanti tal-OCCAR u ma’ dawk stabbiliti taħt il-Ftehim Qafas f’LoI, bil-għan li tinkorpora dawk l-elementi jew tassimila l-prinċipji u l-prattiċi tagħhom meta jkun il-waqt, skont il-każ u bi qbil reċiproku.

3.   Trasparenza reċiproka u żviluppi koerenti fil-qasam tal-kapaċitajiet għandhom jiġu żgurati permezz tal-applikazzjoni tal-proċeduri tal-mekkaniżmu ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet. Relazzjonijiet oħra ta’ ħidma bejn l-Aġenzija u l-korpi rilevanti tan-NATO għandhom ikunu definiti permezz ta’ arranġament amministrattiv kif imsemmi fil-paragrafu 1, b’konformità sħiħa mal-qafas ta’ kooperazzjoni u konsultazzjoni stabbilit bejn l-UE u n-NATO.

4.   Fil-qafas tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata tistabbilixxi relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet li mhumiex imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi proġetti u programmi.

5.   Bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi proġetti u programmi speċifiċi u fil-qafas tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata tistabbilixxi relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi.

6.   Għandha tiġi pprovduta l-iktar trasparenza possibbli lill-ex membri tal-Grupp għall-Armamenti tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE rigward il-proġetti u l-programmi speċifiċi tal-Aġenzija bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tagħhom fihom skont il-każ. Għandu jiġi stabbilit kumitat konsultattiv għal dan il-għan u sabiex jipprovdi forum fejn isiru skambji ta’ fehmiet u tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni li huma fl-ambitu tal-missjoni tal-Aġenzija. Dan għandu jkun ippresedut mid-Direttur Eżekuttiv jew ir-rappreżentant tiegħu. Huwa għandu jinkludi rappreżentant minn kull Stat Membru parteċipant u rappreżentant tal-Kummissjoni, u rappreżentanti tal-ex membri tal-WEAG li mhumiex membri fl-UE f’konformità mal-arranġamenti li jridu jinftiehmu magħhom.

7.   Fuq talba, membri tan-NATO oħra Ewropej li mhumiex fl-UE jistgħu wkoll jipparteċipaw fil-Kumitat Konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 6, f’konformità mal-arranġamenti li jridu jinftiehmu magħhom.

8.   Il-Kumitat Konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 6 jista’ jservi wkoll bħala forum għal djalogu ma’ partijiet terzi oħra dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess reċiproku fl-ambitu tal-kompetenza tal-Aġenzija, u jista’ jservi biex jiżgura li huma jinżammu infurmati b’mod sħiħ bl-iżviluppi fi kwistjonijiet ta’ interess komuni u bl-opportunitajiet għal kooperazzjoni fil-ġejjieni.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET VARJI

Artikolu 25

Privileġġi u immunitajiet

Il-privileġġi u l-immunitajiet tad-Direttur Eżekuttiv u tal-persunal tal-Aġenzija huma previsti fid-Deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-membri tal-persunal tagħha, datata l-10 ta’ Novembru 2004.

Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Aġenzija huma previsti fil-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Klawsola ta’ reviżjoni

Mhux aktar tard mill-14 ta' Lulju 2014 il-Kap tal-Aġenzija għandu jippreżenta rapport lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ reviżjoni tagħha mill-Kunsill.

Artikolu 27

Responsabbiltà legali

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt ikkonċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni f’konformità ma’ kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata bir-regoli rilevanti applikabbli għall-Aġenzija.

Artikolu 28

Aċċess għal dokumenti

Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

Artikolu 29

Sigurtà

1.   L-Aġenzija għandha tapplika r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill kif adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE (7).

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura s-sigurtà adegwata fil-komunikazzjonijiet esterni tagħha.

Artikolu 30

Reġim lingwistiku

Ir-reġim tal-lingwa tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill, b’unanimità.

Artikolu 31

It-tħassir tal-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK

Din id-Deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK dwar l-istabbiliment tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 2004 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 310, 7.10.2004, p. 9).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 2004 dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari ssekondati lill-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 310, 7.10.2004, p. 64).

(4)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/643/PESK tat-18 ta' Settembru 2007 dwar ir-regoli finanzjarji ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u dwar ir-regoli dwar l-akkwist u r-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit operattiv ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 269, 12.10.2007, p. 1).

(6)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(7)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/412/PESK

tat-12 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (1).

(2)

Fit-28 ta’ April 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni, l-UNSCR 1980 (2011), li ġeddet il-miżuri imposti kontra l-Côte d'Ivoire bil-UNSCR 1572 (2004), il-paragrafu 5 tal-UNSCR 1946 (2010) u l-paragrafu 12 tal-UNSCR 1975 (2011) sat-30 ta’ April 2012, u li emendat il-miżuri restrittivi fuq l-armi.

(3)

Minbarra l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi previsti fil-UNSCR 1980 (2011), huwa adatt li jiġu emendati l-miżuri restrittivi sabiex jiġi eżentat tagħmir ieħor inkluż b'mod awtonomu mill-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċizjoni 2010/656/PESK huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

Il-Punt (e) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika maħsuba unikament għas-sostenn tal-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;”;

2.

Il-punt li ġej huwa miżjud:

“(g)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li hu maħsub biss għall-appoġġ tal-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll il-forniment ta’ finanzjament, għajnuna finanzjarja jew għajnuna teknika u taħriġ relatati ma’ tali tagħmir.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Lulju 2011

dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka msejħa “Iktar snin, ħajjiet aħjar – Il-potenzjal u l-isfidi tat-tibdil demografiku”

(2011/413/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 181 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għadd ta’ Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena huwa mistenni jiżdied bil-kbir – minn 87 miljun fl-2010 għal 124 miljun fl-2030, jiġifieri żieda ta’ 42 % (1). Din iż-żieda kontinwa fit-tul mistenni tal-ħajja hija kisba ewlenija tal-imgħoddi reċenti. Madankollu, fl-istess ħin hemm ir-riskju li din titfa’ piż ieħor fuq l-ekonomija, is-soċjetà u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(2)

Minħabba l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, se tiżdied il-ħtieġa għall-provvista pubblika ta’ trasferimenti u servizzi marbutin mal-età. Għalhekk, l-impatt fiskali tat-tixjiħ huwa mistenni jkun sostanzjali kważi fl-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, abbażi tal-politiki attwali, fl-UE, in-nefqa pubblika marbuta mal-età hija mistennija tiżdied bħala medja b’madwar 4,75 punti perċentwali tal-PDG sal-2060, l-iktar minħabba n-nefqa fuq il-pensjonijiet, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul (fis-settur tal-kura din in-nefqa hija saħansitra akbar minħabba li l-għadd ta’ ħaddiema qiegħed dejjem jonqos u minħabba li dawn il-ħaddiema ta’ spiss mhux qed ikunu mħarrġa biżżejjed) (2).

(3)

It-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol b’madwar 50 miljun ruħ bejn l-2010 u l-2060 u ż-żieda korrispondenti fil-proporzjonijiet ta’ dipendenza, li se jiġru fil-biċċa l-kbira tagħhom saħansitra qabel l-2030, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG sakemm dan ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat b’rati ikbar ta’ parteċipazzjoni u ta’ impjiegi fis-setturi kollha tal-forza tax-xogħol u bi tkabbir ikbar fil-produttività (3).

(4)

Minħabba li l-popolazzjoni qed tiċkien u qed tixjieħ, is-soċjetà tista’ tibbenefika bil-kbir mill-estensjoni ta’ ħajja b’saħħitha u attiva tan-nies xjuħ, mill-integrazzjoni aħjar tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà u mill-fatt li dawn jiġu megħjuna jibqgħu indipendenti għal żmien itwal, u b’hekk tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li huma ixjaħ u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom, tittejjeb is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali (is-sistemi tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul) u tinħoloq opportunità tas-suq ġdida u kbira għal soluzzjonijiet innovattivi biex wieħed jixjieħ sewwa.

(5)

L-istrateġija “Ewropa 2020” identifikat it-tixjiħ demografiku kemm bħala sfida kif ukoll bħala opportunità għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u identifikat l-inizjattivi ewlenin “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (4), “Unjoni tal-Innovazzjoni” (5), “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda” u “Pjattaforma Ewropea għal kontra l-faqar” bħala inizjattivi li fihom dan is-suġġett ġie indirizzat bi prijorità. Il-politiki ta’ flessigurtà fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi jirrikonoxxu l-bżonn ta’ approċċ komprensiv fil-politiki tar-riżorsi umani u l-ħtieġa ta’ approċċ għax-xogħol li jkun marbut maċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jitneħħew l-ostakli eżistenti.

(6)

Fis-6 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni pproponiet li l-2012 għandha tkun is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u matulha se tfittex li tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jgħinu lin-nies li huma ixjaħ biex jibqgħu jaħdmu u jaqsmu l-esperjenza tagħhom, biex jibqa’ jkollhom rwol attiv fis-soċjetà u biex jgħixu kemm jista’ jkun ħajjiet b’saħħithom, indipendenti u li jagħtuhom sodisfazzjon (6).

(7)

Hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien dwar il-proċess tat-tixjiħ innifsu u dwar l-effetti tat-tixjiħ fuq is-soċjetà u l-ekonomija sabiex jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika bbażat fuq il-provi.

(8)

Sabiex tiġi indirizzata l-isfida msemmija hawn fuq u jittieħdu benefiċċji mill-opportunitajiet, hemm bżonn ta’ azzjoni miftiehma sabiex tkun iffaċilitata kollaborazzjoni ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka li jkollha l-għan li tipprovdi provi mir-riċerka li fuqhom ikunu jistgħu jissejsu l-interventi.

(9)

Fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2010 (7), il-Kunsill għall-Kompetittività identifika u ssostanzja sett ta’ inizjattivi potenzjali għall-ipprogrammar konġunt, fosthom dik imsejħa “Iktar snin, ħajjiet aħjar – L-isfidi u l-opportunitajiet tat-tibdil demografiku”, bħala oqsma li fihom l-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka jagħti valur miżjud ewlieni lill-isforzi fframmentati attwali tal-Istati Membri. Għalhekk, huwa adotta konklużjonijiet li fihom għaraf il-ħtieġa li titnieda inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt dwar dan is-suġġett u li fihom stieden lill-Kummissjoni tagħti kontribut fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva.

(10)

L-Istati Membri kkonfermaw li huma se jieħdu sehem fit-tali inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt billi bagħtu ittri formali ta’ impenn.

(11)

L-ipprogrammar konġunt tar-riċerka dwar it-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jipprovdi għall-koordinazzjoni tar-riċerka f’dan il-qasam, u se jagħti kontribut sinifikanti għall-bini ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka mħaddma għal kollox li tittratta t-tixjiħ, u se jsaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija u l-kompetittività tal-Ewropa fir-riċerka f’dan il-qasam.

(12)

Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti minn din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u kumplimentarjetà mal-inizjattivi ewlenin relatati – mal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment (8) u mas-Sħubija għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, mar-riċerka u l-iżvilupp appoġġati mill-programm ta’ qafas, b’mod speċjali fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), tas-saħħa u tax-xjenza soċjali, kif ukoll ma’ inizjattivi oħrajn tar-riċerka bħal dawk imsejħin “SHARE ERIC” (9) u “ERA-AGE II” (10).

(13)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw u jżommu viżjoni komuni dwar kif il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħinu biex tintlaħaq l-isfida tat-tibdil demografiku u biex jittieħdu benefiċċji mill-opportunitajiet li dan jippreżenta.

2.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw aġenda strateġika komuni tar-riċerka li tistabbilixxi l-bżonnijiet u l-għanijiet fil-perjodu taż-żmien medju u fit-tul tar-riċerka fil-qasam tat-tibdil demografiku. L-aġenda strateġika tar-riċerka għandha tinkludi pjan tal-implimentazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet u meta dawn għandhom jintlaħqu u li jispeċifika l-azzjonijiet, l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa biex din tiġi implimentata.

3.

L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-azzjonijiet li ġejjin bħala parti mill-aġenda strateġika tar-riċerka u mill-pjan tal-implimentazzjoni:

(a)

l-identifikazzjoni tat-tagħrif dwar il-programmi nazzjonali u l-attivitajiet tar-riċerka rilevanti u l-iskambju ta’ dan it-tagħrif;

(b)

it-tisħiħ tal-eżerċizzju konġunt dwar il-previżjoni u tal-kapaċitajiet tal-valutazzjoni teknoloġika;

(c)

l-iskambju tat-tagħrif, tar-riżorsi, tal-aqwa prattiki, tal-metodoloġiji u tal-linji gwida;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ oqsma jew ta’ attivitajiet tar-riċerka li se jibbenefikaw mill-koordinazzjoni, mis-sejħiet konġunti għall-proposti jew mill-ġbir flimkien tar-riżorsi;

(e)

id-definizzjoni tal-modi li bihom għandha titwettaq ir-riċerka b’mod konġunt fl-oqsma msemmija fil-punt (d);

(f)

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet li jinbidlu tal-anzjani u tal-ħtiġijiet ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom b’mod formali u b’mod mhux formali meta jkunu qed jiġu ddefiniti l-għanijiet tal-programmi tar-riċerka dwar it-tixjiħ;

(g)

il-qsim, fejn ikun xieraq, tal-infrastruttura tar-riċerka li diġà teżisti, jew l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda bħalma huma l-banek tad-dejta kkoordinati jew l-iżvilupp ta’ mudelli sabiex jiġu studjati l-proċessi tat-tixjiħ;

(h)

it-tħeġġiġ ta’ kollaborazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll ta’ innovazzjoni miftuħa bejn attivitajiet differenti fil-qasam tar-riċerka u setturi tan-negozju marbutin mat-tibdil demografiku u mat-tixjiħ tal-popolazzjoni;

(i)

l-esportazzjoni u t-tixrid tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tal-approċċi metodoloġiċi interdixxiplinari;

(j)

il-ħolqien ta’ netwerks bejn ċentri ddedikati għar-riċerka dwar it-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni.

4.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu struttura effiċjenti ta’ ġestjoni komuni fil-qasam tar-riċerka dwar it-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni li jkollha s-setgħa tistabbilixxi kundizzjonijiet, regoli u proċeduri komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u li jkollha s-setgħa timmonitorja l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika tar-riċerka.

5.

L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka b’mod konġunt permezz tal-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom skont il-linji gwida tal-Kundizzjonijiet ta’ Qafas fl-Ipprogrammar Konġunt żviluppati mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ipprogrammar Konġunt tal-Kunsill.

6.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu esplorati inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka u bil-għan li l-programm konġunt jiġi kkoordinat mal-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, bħalma huma s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u l-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment.

7.

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt permezz ta’ rapporti annwali dwar il-progress.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi-President


(1)  L-għadd ta’ Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena kważi se jirdoppja fil-ħamsin sena li ġejjin – minn 87 miljun fl-2010 għal 153 miljun fl-2060, skont it-tbassir dwar il-popolazzjoni maħruġ mill-Eurostat imsejjaħ “Europop2010”.

(2)  Ibidem.

(3)  COM(2009) 180 finali: Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009).

(4)  9981/1/10 REV 1.

(5)  14035/10.

(6)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (tal-Kunsill tal-EPSCO ta’ Diċembru 2010) 18132/10.

(7)  10246/10.

(8)  Ir-rapport dwar il-kodeċiżjoni, stqarrija għall-istampa – http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?language = en&type = IM-PRESS&reference = 20080121IPR19252

(9)  http://www.share-project.org/t3/share/fileadmin/press_information/SHARE_ERIC-EN_upload.pdf

(10)  http://futurage.group.shef.ac.uk/


Rettifika

13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/31


Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/122/UE tat-22 ta’ Frar 2011 li tidderoga mir-regoli dwar l-oriġini stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti prodotti tas-sajd importati minn Saint Pierre u Miquelon

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 49, tal-24 ta’ Frar 2011 )

Minħabba fi żball klerikali f'paġna 39, fit-tabella tal-Anness għan-Nru Serjali 09.1625 fil-kolonna “Kodiċi SA”:

minflok:

“ex 0307 39

ex 1605 90”

aqra:

“ex 1605 90”.