ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.151.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
10 ta' Ġunju 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 557/2011 tad-9 ta’ Ġunju 2011 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għall-bastiment tas-sajd bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta’ jew li jkunu rreġistrati fi Spanja

1

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 558/2011 tad-9 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/337/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-Kompjuters Personali (notifikata bid-dokument numru C(2011) 3737)  ( 1 )

5

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 557/2011

tad-9 ta’ Ġunju 2011

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għall-bastiment tas-sajd bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta’ jew li jkunu rreġistrati fi Spanja,

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 tat-18 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE (2), jistabbilixxi l-ammont tat-tonn li jistgħu jistadu għalih fl-2011 il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (3), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007, jesiġi li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwoti individwali allokati lill-bastimenti tagħhom ta’ aktar minn 24 metru tul.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, abbażi tat-tagħrif li għandu jingħata mill-Istati Membri jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, fejn il-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuta f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mogħtija lill-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta’ jew li jkunu rreġistrati fi Spanja se jitqiesu li jkunu ntużaw għal kollox fid-9 ta’Ġunju 2011.

(6)

Għaldaqstant jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprojbixxi, mill-10 ta’ Ġunju, fi 17:00, is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran, minn bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta,’ jew li huma rreġistrati fi Spanja.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ jew li huma rreġistrati fi Spanja se jkun ipprojbit mill-10 ta’ Ġunju 2011, fi 17:00.

Minn dik id-data għandu jkun ipprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p.1

(2)  ĠU L 24, 21.01.2011, p.1

(3)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


10.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 558/2011

tad-9 ta’ Ġunju 2011

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

90,3

TR

107,0

ZZ

98,7

0707 00 05

TR

100,7

ZZ

100,7

0709 90 70

TR

124,0

ZZ

124,0

0805 50 10

AR

75,5

BR

36,6

TR

63,4

ZA

176,3

ZZ

88,0

0808 10 80

AR

79,2

BR

77,5

CL

85,5

CN

88,5

NZ

109,7

US

176,9

UY

50,2

ZA

89,5

ZZ

94,6

0809 10 00

TR

135,3

ZZ

135,3

0809 20 95

TR

392,6

XS

175,4

ZZ

284,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

10.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Ġunju 2011

dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-Kompjuters Personali

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 3737)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/337/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/686/KE (2) stabbilixxiet kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati għall-kompjuters personali. Wara l-analiżi tal-kriterji stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/341/KE (3) stabbilixxiet kriterji riveduti li huma validi sat-30 ta’ Ġunju 2011.

(4)

Dawk il-kriterji ġew analizzati aktar fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Barra dan, fl-2006, ġie konkluż il-ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem: il-Ftehim), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1005/KE (4), kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/C 186/1 tat-12 ta’ Awwissu 2009 tal-Entitajiet tal-ġestjoni skont il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni tal-programmi tat-tikkettar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal tagħmir tal-uffiċċji rigward ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kompjuter fl-Anness C, il-parti VIII, għall-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem “Energy Star v5.0”) (5), li jistabbilixxi l-kriterji għall-Energy Star.

(5)

Dawk il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Id-Deċiżjoni 2005/341/KE għandha tiġi sostitwita għal raġunijiet ta’ ċarezza.

(7)

Għandu jkun hemm perjodu tranżizzjonali għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta għall-kompjuters personali abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/341/KE, sabiex ikollhom żmien suffiċjenti biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom jitħallew ukoll jissottomettu applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/341/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjon sa ma tiskadi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artiklu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” għandu jinkludi: Kompjuters desktop, kompjuters desktop integrati, Thin clients, Displejs u Tastieri (bħala oġġett indipendenti) kif iddefinit fl-Artikolu 2.

Kompjuters notebook, Servers ta’ skala żgħira, Workstations, gaming consoles u frejms tar-ritratti diġitali ma għandhomx jitqiesu bħala kompjuters personali għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Kompjuter” tfisser apparat li jwettaq operazzjonijiet loġiċi u li jipproċessa dejta, li kapaċi juża apparat ta’ input u displejs tal-kompjuter, u jinkludi unità ċentrali tal-ipproċessar (CPU) biex twettaq operazzjonijiet. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kompjuters għandhom jinkludu biss unitajiet stazzjonarji, inklużi kompjuters desktop u thin clients.

Jekk kompjuter, meta jintbagħat, ikun jinkludi moniter, tastiera jew kwalunkwe apparat ieħor ta’ input dawn ukoll għandhom ikunu konformi mal-kriterji. It-tastieri u d-displejs jistgħu japplikaw ukoll bħala oġġett indipendenti.

(2)

“Displej tal-kompjuter” tfisser skrin tad-displej u l-elettronika assoċjata miegħu integrati fi struttura unika jew fi ħdan l-istruttura tal-kompjuter (eż. kompjuter desktop integrat), li jkun kapaċi juri informazzjoni ta’ output minn kompjuter permezz ta’ input wieħed jew iktar, bħall-VGA, DVI, Port ta’ Displej, u/jew IEEE 1394. Eżempji ta’ teknoloġiji ta’ displej tal-kompjuter huma t-tubu tar-raġġi katodiċi (cathode-ray tube, CRT) u d-displej tal-kristalli likwidi (liquid crystal display, LCD).

(3)

“Tastiera” tfisser apparat ta’ input ta’ dejta li juża arranġament ta’ buttuni li jistgħu jingħafsu u li jistgħu jintużaw biex tiddaħħal dejta distinta f’kompjuter.

(4)

“Provvista tal-Enerġija Esterna” tfisser komponent inkluż fi struttura fiżika magħluqa separata li jkun estern għall-istruttura li tintegra l-kompjuter u ddisinjat biex jibdel il-vultaġġ ta’ linja ta’ kurrent alternanti (AC) mill-mejn għal vultaġġ(i) iktar baxx(i) ta’ kurrent dirett (DC) sabiex jipprovdi sors ta’ enerġija għall-kompjuter. Provvista tal-enerġija esterna għandha titqabbad mal-kompjuter permezz ta’ konnessjoni elettrika, kejbil, kord male/female li tista’ titneħħa/jista’ jitneħħa jew b’wajer iebes jew permezz ta’ tip ta’ wajering ieħor.

(5)

“Provvista tal-Enerġija Interna” tfisser komponent intern għall-istruttura li tintegra l-kompjuter u ddisinjat biex jibdel vultaġġ AC mill-mejn għal vultaġġ(i) DC biex jipprovdi enerġija lill-komponenti tal-kompjuter sabiex jipprovdi sors ta’ enerġija għall-kompjuter. Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, provvista tal-enerġija interna għandha tkun tinsab ġewwa l-istruttura li tintegra l-kompjuter iżda għandha tkun separata mill-bord prinċipali tal-kompjuter. Il-provvista tal-enerġija għandha tikkonnettja mal-mejn permezz ta’ kejbil uniku mingħajr ċirkwiterija intermedja bejn il-provvista tal-enerġija u l-enerġija mill-mejn. Barra minn hekk, il-konnessjonijiet tal-enerġija kollha mill-provvista tal-enerġija għall-komponenti tal-kompjuter, bl-eċċezzjoni ta’ konnessjoni DC għal displej ta’ kompjuter f’Kompjuter Desktop Integrat, għandhom ikunu jinsabu ġewwa l-istruttura li tintegra l-kompjuter (jiġifieri ma jkun hemm l-ebda kejbils esterni mill-provvista tal-enerġija għall-kompjuter jew komponenti individwali). Konvertituri Interni DC għal DC użati biex jibdlu vultaġġ uniku DC minn provvista tal-enerġija esterna f’vultaġġi multipli għall-użu mill-kompjuter mhumiex ikkunsidrati bħala provvisti interni tal-enerġija.

(6)

“Kompjuter Desktop” tfisser kompjuter fejn l-unità prinċipali hija intenzjonata li tkun tinsab f’post permanenti, ħafna drabi fuq skrivanija jew mal-art. Id-desktops mhumiex imfasslin biex jinġarru u jużaw displej tal-kompjuter, tastiera u maws esterni. Id-desktops huma ddisinjati għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet fid-dar u fl-uffiċċju.

(7)

“Kompjuter Desktop”Integrat tfisser sistema ta’ desktop fejn il-kompjuter u d-displej tal-kompjuter jaħdmu bħala unità unika li tirċievi l-enerġija AC tagħha permezz ta’ kejbil uniku. Kompjuters desktop integrati jiġu f’waħda minn żewġ forom possibbli: (1) sistema fejn id-displej tal-kompjuter u l-kompjuter huma fiżikament ikkombinati f’unità unika; jew (2) sistema li tiġi ppakkjata bħala sistema unika fejn id-displej tal-kompjuter ikun seperat iżda mqabbad max-xażi ewlieni permezz ta’ kord tal-elettriku DC u kemm il-kompjuter kif ukoll id-displej tal-kompjuter jieħdu l-enerġija minn provvista tal-enerġija unika. Bħala subsett ta’ kompjuters desktop, kompjuters desktop integrati huma normalment iddisinjati biex jipprovdu funzjonalità simili bħas-sistemi desktop.

(8)

“Thin Client” tfisser kompjuter b’sors ta’ enerġija indipendenti u li jiddependi fuq konnessjoni għal riżorsi remoti ta’ informatika sabiex jikseb funzjonalità primarja. L-informatika ewlenija (eż., eżekuzzjoni ta’ programm, ħażna ta’ dejta, interazzjoni ma’ riżorsi oħra tal-Internet, eċċ.) isseħħ bl-użu ta’ riżorsi remoti ta’ informatika. Thin Clients koperti b’din id-definizzjoni huma limitati għal apparat mingħajr l-ebda midja ta’ ħażna rotazzjonali integrali għall-kompjuter. L-unità prinċipali tat-Thin Client koperta b’din d-definizzjoni għandha tkun intenzjonata sabiex titpoġġa f’post permanenti (eż. fuq skrivanija) u mhux biex tinġarr.

(9)

“Unità ta’ Proċessar” ta’ Grafika Distinta (Graphics Processing Unit, GPU): Proċessur tal-grafika b’interfaċċja ta’ kontrollur ta’ memorja lokali u memorja lokali, speċifika għall-grafika.

Artikolu 3

Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett li huwa sors ta’ dawl għandu jaqa’ fi ħdan il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” għandu jkun “013”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2005/341/KE hija rrevokata.

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” sottomessi qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/341/KE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Personali” sottomessi mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011, jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/341/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li huma bbażati fuqhom.

3.   Fejn l-Ekotikketta tal-UE tingħata abbażi ta’ applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/341/KE, dik l-Ekotikketta tal-UE tista’ tintuża għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 242, 12.9.2001, p. 4.

(3)  ĠU L 115, 4.5.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 24.

(5)  ĠU C 186, 9.7.2010, p. 1.


ANNESS

QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Il-kriterji jimmiraw li jippromwovu t-tnaqqis ta’ ħsara jew ta’ riskji ambjentali relatati mal-użu tal-enerġija (tisħin globali, aċidifikazzjoni, tnaqqis tas-sorsi ta’ enerġija li mhumiex rinnovabbli) bit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ riżorsi naturali u t-tnaqqis ta’ ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ sustanzi perikolużi permezz tat-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi bħal dawn.

KRITERJI

Għall-finijiet tal-Artikolu 3, il-kriterji huma stabbiliti għall-aspetti li ġejjin:

 

Displej

Tastiera

Kompjuter Personali

Iffrankar tal-enerġija: Kompjuter

 

 

X

Iffrankar tal-enerġija: displej

X

 

X

Rekwiżiti tal-ġestjoni tal-enerġija

X

 

X

Provvisti tal-enerġija: interni

 

 

X

L-ebda merkurju fir-retroilluminazzjoni tad-displej (display backlights)

X

 

X

Sustanzi, taħlitiet, partijiet tal-plastik perikolużi

X

X

X

Storbju

 

 

X

Kontenut irriċiklat

X

X

X

Istruzzjonijiet għall-utenti

X

X

X

Disinn għaż-żarmar

X

X

X

Proprjetajiet ta’ tiswija

X

 

X

Estensjoni tat-tul tal-ħajja

 

 

X

Imballaġġ

X

X

X

Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

Fejn l-applikant ikun meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, eċċ., kif ikun xieraq.

Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti. Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar oħra minbarra dawk indikati għall kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 –   Iffrankar tal-Enerġija

(a)   Iffrankar tal-enerġija għall-kompjuters desktop, kompjuters desktop integrati u thin clients

Il-prestazzjoni ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ kompjuters desktop u kompjuters desktop integrati għandha taqbeż ir-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-kategorija x-xierqa kif stabbiliti fil-Ftehim kif emendat b’ENERGY STAR v5.0 tal-anqas b’dawn li ġejjin:

kategorija A: 40 %,

kategorija B: 25 %,

kategorija C: 25 %,

kategorija D: 30 %.

Il-prestazzjoni ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ thin clients għandha tal-anqas tissodisfa r-rekwiżiti ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal thin clients stabbilita bl-ENERGY STAR v5.0.

Aġġustamenti tal-kapaċità permessi skont il-Ftehim kif emendat bl-ENERGY STAR v5.0 jistgħu jiġu applikati fl-istess livell, għajr fil-każ ta’ Unitajiet ta’ Proċessar ta’ Grafika (GPUs) distinti fejn ma għandu jingħata l-ebda benefiċċju addizzjonali.

(b)   Iffrankar tal-enerġija għal displejs tal-kompjuter

(i)

Il-prestazzjoni ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-displej tal-kompjuter f’active mode għandha taqbeż ir-rekwiżiti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija stabbiliti fl-ENERGY STAR v5.0 tal-anqas bi 30 %;

(ii)

Sleep mode tad-displej tal-kompjuter ma għandux jaqbeż il-1 W;

(iii)

Id-displejs tal-kompjuter għandu jkollhom konsum tal-enerġija f’arranġament mixgħul (on-mode) ta’ ≤ 100 W imkejla meta ssettjati għal luminożità massima;

(iv)

Off mode tal-moniter tal-kompjuter ma għandux jaqbeż 0,5 W.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 2 –   Ġestjoni tal-Enerġija

Il-kompjuter għandu jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni tal-enerġija li ġejjin (1):

(a)   Rekwiżiti ta’ Ġestjoni tal-Enerġija

Kompjuters personali għandhom jintbagħtu bis-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija attivata fil-waqt tal-kunsinna lill-konsumaturi. Is-settings tal-ġestjoni tal-enerġija għandhom ikunu:

i.

10 minuti għal screen off (display sleep),

ii.

30 minuta għal kompjuter sleep (livell tas-sistema S3, sospiż għal RAM) (2).

(b)   Rekwiżiti tan-Netwerk għall-Ġestjoni tal-Enerġija

i.

Kompjuters personali b’kapaċità Ethernet għandhom ikunu jistgħu jattivaw u jiddiżattivaw Wake on LAN (WOL) għal sleep mode.

(c)   Rekwiżiti tan-Netwerk għall-Ġestjoni tal-Enerġija (japplikaw għal kompjuters personali mibgħuta permezz tal-kanali tal-intrapriża biss)

i.

Kompjuters personali b’kapaċità Ethernet għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin (3):

Jintbagħtu bil-Wake On LAN attivata mill-isleep mode meta jaħdmu fuq enerġija AC, jew

Jipprovdu kontroll li jattiva l-WOL li jkun aċċessibbli biżżejjed kemm mill-interfaċċja tal-utent tas-sistema operattiva tal-klijent kif ukoll fuq in-netwerk jekk il-kompjuter jintbagħat lill-intrapriża mingħajr WOL attivata;

ii.

Kompjuters personali b’kapaċità Ethernet għandhom ikunu kapaċi jwettqu kemm wake events remoti (permezz ta’ netwerk) kif ukoll wake events skedati minn sleep mode (eż. Arloġġ f’Ħin Reali (Real Time Clock)). Il-manifatturi għandhom jiżguraw, fejn il-manifattur ikollu kontroll (jiġifieri ikkonfigurat permezz ta’ settings ta’ ħardwer iktar milli softwer), li dawn is-settings jistgħu jiġu ġestiti ċentralment, kif ikun jixtieq il-klijent, b’għodod ipprovduti mill-manifattur.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti b’dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-kompjuter ġie mibgħut bis-settings ta’ ġestjoni tal-enerġija ddefiniti hawn fuq jew aħjar.

Kriterju 3 –   Provvisti Interni tal-Enerġija

Provvisti interni tal-enerġija għandhom jissodisfaw tal-anqas ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal provvisti interni tal-enerġija stabbiliti bl-ENERGY STAR v5.0.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 4 –   Merkurju f’Bozoz Fluworexxenti

Il-merkurju jew il-komposti tiegħu ma għandhomx jiżdiedu b’mod intenzjonali fir-retroilluminazzjoni tad-displej tal-kompjuter.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara lill-korp kompetenti li r-retroilluminazzjoni tad-displej tal-kompjuter ma fihiex iktar minn 0.1 mg ta’ merkurju jew komposti tiegħu għal kull bozza. L-applikant għandu jipprovdi wkoll deskrizzjoni qasira tas-sistema ta’ illuminazzjoni użata.

Kriterju 5 –   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, il-prodott jew kwalunkwe parti minnu ma għandux/għandhiex jinkludi/tinkludi s-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u lanqas sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu li ġejjin skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u frażijiet ta’ riskju:

Dikjarazzjoni ta’ Periklu (6)

Frażi ta’ Riskju (7)

H300 Fatali jekk jinbela’

R28

H301 Tossiku jekk jinbela’

R25

H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jiġi inalat

R23/26

H331 Tossiku jekk jiġi inalat

R23

H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

R49

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

R40

H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R63

H361fd. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx.

R62-63

H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa

R64

H370 Jikkawża ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

R48/25/24/23

H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R52-53

H413 Jista’ jikkawża effetti għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku

R29

EUH031 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku

R31

EUH032 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn

R39-41

L-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-karatteristiċi tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huwa eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew fil-kategoriji ta’ periklu elenkati fit-tabella ta’ hawn fuq, u għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jkunu ġew stabbiliti, huma għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % ta’ piż skont il-piż.

Is-sustanzi/użijiet li ġejjin tas-sustanzi huma dderogati speċifikament minn dan ir-rekwiżit:

Partijiet omoġenji b’piż taħt 10 gm

Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u l-frażijiet ta’ riskju kollha elenkati hawn fuq

Nikil fl-azzar li ma jissaddadx

 

Valutazzjoni u verifika: Għal kull parti ta’ aktar minn 10gm, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħal dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi u kopji rilevanti tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom jiġu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 6 –   Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fl-Artikolu 6(6) rigward sustanzi identifikati bħala ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet, f’oġġett jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw fil-każ li tkun aktar baxxa minn 0,1 %.

Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

Ir-referenza għal-lista għandha ssir fid-data tal-applikazzjoni.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom jiġu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 7 –   Partijiet tal-plastik

(a)

Jekk fil-proċess tal-manifattura tiġi applikata kwalunkwe sustanza plastiċizzanti, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-sustanzi perikolużi stabbiliti fil-Kriterji 5 u 6.

Barra dan, id-DNOP (ftalat tad-di-n-ottil), id-DINP (ftalat tad-di-isononil) u d-DIDP (ftalat tad-di-isodekil) ma għandhomx jiżdiedu intenzjonalment mal-prodott.

(b)

Il-partijiet tal-plastik ma għandhomx jinkludu kontenut ta’ kloru ogħla minn 50 % skont il-piż.

(c)

Għandu jkunu permess li jintużaw biss prodotti bijoċidali li jinkludu sustanzi attivi bijoċidali inklużi fl-Anness IA għad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u awtorizzati għall-użu fil-kompjuters.

Valutazzjoni u verifika: ċertifikat iffirmat mill-manifattur li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandu jiġi ppreżentat lill-korp kompetenti tal-għoti. Għandha tkun ipprovduta wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u tal-bijoċidi u kopji tal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza rilevanti dwar il-materjali u s-sustanzi, lill-korp kompetenti tal-għoti. Il-bijoċidi kollha użati għandhom ikunu indikati b’mod ċar.

Kriterju 8 –   Storbju

Il-“Livell Iddikjarat ta’ Qawwa tal-Ħoss Ippeżat-A” (re i pW) tal-unità tas-sistema tal-kompjuter personali, skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296, ma għandux jaqbeż:

40 dB (A) fl-idle operating mode,

45 dB (A) meta jsir aċċess għall-ħardisk.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport lill-korp kompetenti, li jiċċertifika li l-livelli tal-emissjonijiet tal-istorbju tkejlu skont l-ISO 7779 u ġew iddikjarati skont l-ISO 9296. Ir-rapport għandu jiddikjara l-livelli mkejla tal-emissjonijiet tal-istorbju kemm fl-idle operating mode kif ukoll meta jsir aċċess għad-disk drive, li għandhom jiġu ddikjarati skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296.

Kriterju 9 –   Kontenut Irriċiklat

Il-kejsing tal-plastik estern tal-unità tas-sistema, il-moniter u t-tastiera għandu jkollhom kontenut irriċiklat postkonsumatur ta’ mhux inqas minn 10 % skont il-massa.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti dikjarazzjoni li tiddikjara l-perċentwal ta’ kontenut irriċiklat postkonsumatur.

Kriterju 10 –   Struzzjonijiet għall-utent

Il-kompjuter personali u d-displej tal-kompjuter għandhom jinbiegħu bl-informazzjoni rilevanti għall-utent li tipprovdi parir dwar l-użu ambjentali xieraq tiegħu. L-informazzjoni għandha tkun f’post uniku li jkun jista’ jinstab malajr fl-istruzzjonijiet għall-utent kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-manifattur. Din l-informazzjoni b’mod partikolari għandha tinkludi:

(a)

Konsum tal-enerġija: Il-valur tat-TEC skont l-ENERGY STAR v5.0, kif ukoll id-domanda massima għall-enerġija f’kull mode operattiv. Barra minn hekk, għandhom jingħataw struzzjonijiet dwar kif l-apparat jintuża f’mode li jiffranka l-enerġija (energy-saving mode).

(b)

Informazzjoni li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u għalhekk twassal għal iffrankar tal-flus billi jitnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku u li jekk wieħed jaqla’ l-plakka tal-kompjuter personali tiegħu jew tad-displej tal-kompjuter tiegħu minn mas-sokit, il-konsum tal-enerġija jitnaqqas għal żero.

(c)

L-indikazzjonijiet li ġejjin dwar kif tnaqqas il-konsum tal-enerġija meta l-kompjuter personali u/jew id-displej tal-kompjuter ma jkunux qed jintużaw:

i.

It-tqegħid tal-kompjuter personali u/jew tad-displej tal-kompjuter f’off mode inaqqas il-konsum tal-enerġija iżda xorta jkun qed juża xi ftit enerġija.

ii.

It-tnaqqis tal-luminożità tal-iskrin inaqqas l-użu tal-enerġija.

iii

L-użu tal-frammentazzjoni tad-disk (disk fragmentation) fuq il-kompjuter inaqqas l-użu tal-enerġija u jżid il-ħajja tal-kompjuter personali tiegħek (dan mhuwiex applikabbli għal magni Solid State Device).

iv.

L-iscreen savers jistgħu jwaqqfu lill-moniters tal-kompjuter personali milli jgħaddu għal mod ta’ provvista li tuża inqas enerġija meta ma jkunux qed jintużaw. Għaldaqstant, jekk tiżgura li l-iscreen savers ma jkunux attivati fuq moniters tal-kompjuter, tista’ tnaqqas l-użu tal-enerġija.

(d)

Fl-istruzzjonijiet għall-utent jew fuq is-sit elettroniku tal-manifattur għandha tkun inkluża informazzjoni li tippermetti lill-utent isir jaf għal min għandu jirrikorri biex jagħmel tiswijiet u servisjar professjonali tal-kompjuter personali u/jew displej tal-kompjuter, inkluż dettalji tal-kuntatt kif meħtieġ.

(e)

Struzzjonijiet dwar tmiem il-ħajja tal-kompjuter personali u/jew tad-displejs tal-kompjuter għar-rimi xieraq tagħhom f’siti b’kumditajiet ċiviċi jew permezz ta’ skemi ta’ teħid lura mill-bejjiegħa skont kif ikun applikabbli, li għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(f)

Informazzjoni li l-prodott ingħata l-Ekotikketta tal-UE bi spjega qasira ta’ xi jfisser dan flimkien ma’ indikazzjoni li aktar informazzjoni dwar l-Ekotikketta tista’ tinstab fuq l-indirizz tas-sit elettroniku http://www.ecolabel.eu

(g)

Kwalunkwe manwal(i) ta’ struzzjonijiet/tiswija għandu/għandhom jinkludi/u kontenut irriċiklat u ma għandux/għandhomx jinkludi/u karti bbliċjati bil-kloru.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti u għandu jipprovdi kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet lill-korp kompetenti. Dawn l-Istruzzjonijiet għall-Utent għandhom jiddaħħlu minn qabel fil-kompjuter biex jinqraw mill-utent u għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu aċċessati fuq is-sit elettroniku tal-manifatturi.

Kriterju 11 –   Proprjetajiet ta’ Tiswija għall-Utent

L-applikant għandu jipprovdi struzzjonijiet ċari lill-utent aħħari fil-forma ta’ manwal (f’kopja stampata jew elettronika) sabiex ikunu jistgħu jsiru tiswijiet bażiċi. L-applikant għandu jiżgura wkoll li l-partijiet tal-bdil ikunu disponibbli tal-anqas għal ħames snin minn tmiem il-produzzjoni tal-kompjuter personali u/jew tal-moniter tal-kompjuter.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti flimkien ma’ kopja tal-manwal tat-tiswija.

Kriterju 12 –   Disinn għaż-żarmar

Il-manifattur għandu juri li l-kompjuter/moniter personali jista’ jiġi żarmat faċilment minn persunal imħarreġ professjonalment bl-użu tal-għodod ġeneralment disponibbli għalih, għal skopijiet ta’ tiswija u bdil tal-partijiet li qdiemu bl-użu, għall-aġġornament ta’ partijiet iktar qodma jew partijiet li ma għadhomx jintużaw, u għal skopijiet ta’ separazzjoni ta’ partijiet u materjali, biex finalment jiġu rriċiklati jew inkella jintużaw mill-ġdid.

Biex ikun iffaċilitat iż-żarmar:

(a)

Partijiet integrali fil-kompjuter personali għandhom jippermettu ż-żarmar tiegħu, eż. viti, snap-fixes, speċjalment għall-partijiet li jkun fihom sustanzi perikolużi.

(b)

L-unitajiet ta’ ċirkwiti, u/jew komponenti oħrajn li jinkludu metalli prezzjużi, għandhom ikunu jinqalgħu faċilment bl-użu ta’ metodi ta’ separazzjoni manwali kemm mill-prodott sħiħ kif ukoll minn komponenti speċifiċi (bħad-drives) li jinkludu unitajiet bħal dawn sabiex jitjieb l-irkupru ta’ materjal ta’ valur għoli.

(c)

Il-materjali kollha tal-plastik fl-għatat/strutturi ma għandu jkollhom l-ebda kisja tal-wiċċ inkompatibbli mar-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid.

(d)

Il-partijiet tal-plastik għandhom ikunu ta’ polimeru wieħed jew ta’ polimeri kompatibbli għar-riċiklaġġ u għandu jkollhom il-marka ISO 11469 rilevanti jekk il-massa tkun akbar minn 25gm.

(e)

Ma għandux jintuża intars tal-metall li ma jistax jiġi sseparat.

(f)

Id-dejta dwar in-natura u l-ammont tas-sustanzi perikolużi fil-kompjuter personali għandha tinġabar skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/121/KE (10) u s-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS).

Valutazzjoni u verifika: mal-applikazzjoni għandu jiġi ppreżentat rapport tat-test li jagħti dettalji dwar iż-żarmar tal-kompjuter personali. Għandu jinkludi dijagramma li tagħti dettalji tal-partijiet tal-kompjuter personali li tittikketta l-komponenti prinċipali kif ukoll tidentifika kwalunkwe sustanza perikoluża fil-komponenti. Tista’ tkun jew bil-miktub jew f’format awdjoviżiv. L-informazzjoni dwar is-sustanzi perikolużi għandha tingħata lill-korp kompetenti fil-forma ta’ lista ta’ materjali li tidentifika t-tip ta’ materjal, il-kwantità użata u l-post fejn jinsab.

Kriterju 13 –   Estensjoni tat-tul tal-ħajja

Kompjuters personali għandu jkollhom faċilitajiet li jippermettu dan li ġej:

i.

Memorja u kards grafiċi li jistgħu jinbidlu u jiġu aġġornati,

ii.

Kapaċità ta’ espansjoni: preżenza ta’ mill-anqas erba’ interfaċċji tal-USB.

Il-kompjuter għandu jkun iddisinjat ukoll b’mod li l-komponenti prinċipali (inklużi l-memory drives, is-CPUs u l-kards) ikunu jistgħu jinbidlu u/jew jiġu aġġornati faċilment mill-utent aħħari. Pereżempju bl-użu ta’ struttura għall-komponenti tat-tip snap, slide in/slide out jew cartridge-style.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 14 –   Imballaġġ

Fejn jintużaw kaxxi tal-kartun, dawn għandhom ikunu magħmula minn, tal-anqas, 80 % materjal irriċiklat. Fejn jintużaw il-boroż tal-plastik għall-imballaġġ finali, dawn għandhom ikunu magħmula minn tal-anqas 75 % materjal irriċiklat jew għandhom ikunu bijodegradabbli jew kompostabbli, skont id-definizzjonijiet ipprovduti mill-EN 13432.

Valutazzjoni u verifika: għandu jiġi pprovdut kampjun tal-imballaġġ tal-prodott mal-applikazzjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-imballaġġ primarju biss, kif iddefinit fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), huwa soġġett għal dan il-kriterju.

Kriterju 15 –   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa għat-test għandha tinkludi t-test li ġej:

“—

Effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija

Iddisinjat biex jiffaċilita r-riċiklaġġ, it-tiswija u l-aġġornar

Retroilluminazzjoni mingħajr merkurju (jekk displejs tal-kompjuter)”

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dan ir-rekwiżit, u għandu jipprovdi kopja tal-Ekotikketta hekk kif tidher fuq l-imballaġġ u/jew il-prodott u/jew id-dokumentazzjoni li takkumpanjah lill-korp kompetenti.


(1)  Kif iddefinit fl-ENERGY STAR v5.0 għajr għar-rekwiżit sleep tad-displej

(2)  Mhux applikabbli għal Thin Clients

(3)  Thin Clients – japplikaw biss jekk aġġornamenti tas-softwer min-netwerk ġestit ċentralment isiru meta l-unità tkun fi sleep mode jew off mode. Thin Clients li l-qafas standard għall-aġġornament tas-softwer tal-klijenti tagħhom ma jeħtieġx skedar barra minn ħinu (off-hours) huma eżentati mir-rekwiżit.

(4)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(6)  Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(7)  Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(8)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(9)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(10)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 850.

(11)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.