ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.118.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 118

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
6 ta' Mejju 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 435/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 436/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

2

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 437/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

4

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 438/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

6

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/268/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Mejju 2011 li taħtar membru Bulgaru fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

8

 

 

2011/269/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat C 14/09 (ex NN 17/09) mogħtija mill-Ungerija lil Péti Nitrogénművek Zrt. (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7274)  ( 1 )

9

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 435/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 tad-9 ta’ Awwissu 2007 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (2).

(2)

Minħabba d-dewmien tal-bidu tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija, estensjoni ta’ sena tal-fażi ta’ implimentazzjoni għall-proġetti tkun tista’ tippermetti lill-programmi jirrispettaw il-programmi ta’ xogħol u jlestu l-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (KE) Nru 951/2007, is-subparagrafu (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

fażi ta’ implimentazzjoni għal proġetti ffinanzjati permezz tal-programm operazzjonali konġunt li jibda fl-istess żmien tal-fażi ta’ implimentazzjoni għall-programm u li jispiċċa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. L-attivitajiet kollha tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-programm għandhom jispiċċaw sa mhux aktar tard minn dik id-data”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 210, 10.8.2007, p. 10.


6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 436/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

Wara li kkunsidrat il-rekwiżiti mressqa mir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza u l-Italja,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 690/2008 (2) ċerti Stati Membri jew ċerti żoni fi Stati Membri ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ ċerti organiżmi ta’ ħsara. F’ċerti każijiet ir-rikonoxximent ingħata għal perjodu ta’ żmien limitat biex jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juri li l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati ma kinux jeżistu fl-Istat Membru jew fiż-żona kkonċernata jew biex itemm l-isforzi biex jeqred l-organiżmu inkwistjoni.

(2)

It-territorju kollu tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dendroctonus micans Kugelan, il-Gilpinia hercyniae (Hartig), il-Gonipterus scutellatus Gyll., l-Ips amitinus Eichhof, l-Ips cembrae Heer u l-Ips duplicatus Sahlberg sal-31 ta’ Marzu 2011.

(3)

Fl-2010 l-Greċja wettqet stħarriġ u infurmat lill-Kummissjoni bir-riżultati f’konformità mat-tielet u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2000/29/KE. Żjara fil-Greċja mill-esperti tal-Kummissjoni mill-24 sal-31 ta’ Jannar 2011 kkonfermat li dak l-Istat Membru kompla jagħmel progress sinifikanti fir-rigward tal-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ dak l-istħarriġ u fir-rigward tan-notifikazzjoni tar-riżulati tiegħu. Madankollu, huwa meħtieġ li l-Greċja tagħti prova li l-progress li sar huwa sostenibbli.

(4)

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fil-Greċja fl-2010, kien hemm sejba waħda biss ta’ Ips cembrae Heer, u ma kienx hemm sejbiet tal-ħames organiżmi l-oħra kkonċernati. Filwaqt li jiġu kkunsidrati dawk ir-riżultati u l-eżitu ta’ dik iż-żjara tal-esperti tal-Kummissjoni fil-Greċja, huwa xieraq li l-Greċja tkompli tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dawk l-organiżmi għal tliet snin oħra, sabiex tagħti lill-Greċja ż-żmien meħtieġ biex tiġbor u tressaq informazzjoni li tikkonferma li dawk l-organiżmi, minbarra l-Ips cembrae Heer, ma jeżistux fit-territorju tagħha u, biex fir-rigward tal-Ips cembrae Heer, tkompli l-isforzi biex teqirdu u biex tiġbor u tissottometti l-informazzjoni li tikkonferma li dak l-organiżmu ma jeżistix aktar fit-territorju tagħha.

(5)

It-territorju kollu tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej). Fir-rapport annwali għall-2010 dwar l-istħarriġ uffiċjali li sar dwar il-preżenza ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara, il-Greċja rrappurtat 104 siġra li rriżultaw pożittivi għal dak l-organiżmu ta’ ħsara fil-Prefettura ta’ Argolida. Osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni matul iż-żjara fil-Greċja mill-24 sal-31 ta’ Jannar 2011 ikkonfermaw li l-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej) kien preżenti f’dik il-prefettura tal-inqas għal dawn l-aħħar tliet snin minkejja l-miżuri ta’ eradikazzjoni li wettqu l-awtoritajiet Griegi, li rriżultaw mhux effettivi. Konsegwentament, il-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej) għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit fil-Prefettura ta’ Argolida. Għaldaqstant, dik il-prefettura ma għandhiex tibqa’ tiġi rrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara.

(6)

It-territorju kollu ta’ Spanja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta’ Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al.. Spanja ressqet informazzjoni li turi li l-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. issa hija stabbilita fil-komunità awtonoma ta’ Castilla y León. Il-miżuri meħuda għal perjodu ta’ sentejn suċċessivi, l-2009 u l-2010, bil-għan li jeqirdu l-organiżmu li jagħmel ħsara wrew li ma kinux effettivi. Għaldaqstant, Castilla y León m’għandhiex tibqa’ tiġi rrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara.

(7)

It-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka, ċerti reġjuni ta’ Franza (Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine) u reġjun wieħed fl-Italja (Basilicata) ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO sal-31 ta’ Marzu 2011. Minn meta ngħata dak ir-rikonoxximent, L-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, Franza u l-Italja, mindu ngħata dak ir-rikonoxximent tat evidenza li dak l-organiżmu ta’ ħsara ma jinstabx fiż-żoni protetti kkonċernati. Għaldaqstant it-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka, ir-reġjuni ta’ Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine fi Franza u r-reġjun ta’ Basilicata fl-Italja għandhom ikomplu jiġu rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ dak l-organiżmu.

(8)

L-Italja talbet li r-reġjun ta’ Sardenja jkun rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-organiżmu ta’ ħsara Grapevine flavescence dorée MLO. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar bejn l-2004 u l-2010, l-Italja ressqet evidenza li l-organiżmu kkonċernat ta’ ħsara ma jeżistix fir-reġjun ta’ Sardenja minkejja kundizzjonijiet favorevoli għal dak l-organiżmu biex jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, huwa meħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi monitorjat minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk Sardenja għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO għal perjodu ta’ tliet snin biss.

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Ir-rikonoxximent attwali ta’ wħud minn dawn iż-żoni protetti jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2011. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2011 sabiex jippermetti rikonoxximent mhux interrott taż-żoni kollha protetti.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 690/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tieni kolonna tal-punti 4, 5 u 7 sa 10 tal-intestatura (a), wara l-kelma “Greċja”, il-kliem “(sal-31 ta’ Marzu 2011)” huma sostitwiti bil-kliem “(sal-31 ta’ Marzu 2014)”.

(2)

Fit-tieni kolonna tat-2 punt tal-intestatura (b), wara l-kelma “Spanja” il-kliem “(minbarra l-komunità awtonoma ta’ Castilla y León),” huma miżjuda.

(3)

L-intestatura (d) hija emendata kif ġej:

(a)

Fit-tieni kolonna tal-punt 3, wara l-kelma “Greċja” il-kliem “(minbarra l-Prefettura ta’ Argolida),” huma miżjuda.

(b)

Il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Grapevine flavescence dorée MLO

Ir-Repubblika Ċeka (Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine), l-Italja ((Basilicata) u (Sardenja, sal-31 ta’ Marzu 2014))”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 193, 22.7.2008, p. 1.


6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 437/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

JO

78,3

MA

36,2

TN

109,4

TR

101,5

ZZ

81,4

0707 00 05

TR

102,5

ZZ

102,5

0709 90 70

MA

78,8

TR

121,9

ZZ

100,4

0709 90 80

EC

27,0

ZZ

27,0

0805 10 20

EG

52,7

IL

60,1

MA

44,8

TN

54,0

TR

70,2

ZZ

56,4

0805 50 10

TR

52,3

ZZ

52,3

0808 10 80

AR

83,1

BR

70,4

CL

83,4

CN

111,0

MA

86,7

NZ

106,3

US

132,1

UY

66,3

ZA

74,9

ZZ

90,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 438/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2010/11 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 867/2010 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal- Kummissjoni (UE) Nru 430/2011 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 259, 1.10.2010, p. 3.

(4)  ĠU L 113, 3.5.2011, p. 10.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mis-6 ta’ Mejju 2011

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

41,01

0,00

1701 11 90  (1)

41,01

2,60

1701 12 10  (1)

41,01

0,00

1701 12 90  (1)

41,01

2,30

1701 91 00  (2)

39,79

5,53

1701 99 10  (2)

39,79

2,40

1701 99 90  (2)

39,79

2,40

1702 90 95  (3)

0,40

0,28


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


DEĊIŻJONIJIET

6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Mejju 2011

li taħtar membru Bulgaru fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2011/268/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 302 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Gvern Bulgaru,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Settembru 2010 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/570/UE, Euratom li taħtar il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-perijodu mill-21 ta’ Settembru 2010 sal-20 ta’ Settembru 2015 (1).

(2)

Post ta’ membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sar vakanti wara t-tmiem tal-mandat tas-Sur Jeliazko CHRISTOV.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Ivan KOKALOV, Vice-President of КНСБ (CITUB, Confederation of Independent Trade Unions of Bulgaria), huwa b’dan maħtur bħala membru fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-20 ta’ Settembru 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 251, 25.9.2010, p. 8.


6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ottubru 2010

dwar Għajnuna mill-Istat C 14/09 (ex NN 17/09) mogħtija mill-Ungerija lil Péti Nitrogénművek Zrt.

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7274)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/269/UE)

IL-KUMMISSJONI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1) fir-rigward tal-Għajnuna mill-Istat C 14/09 (ex NN 17/09) (2),

Wara li sejħet lill-partijiet interessati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq biex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fl-aħħar tal-2008 l-Kummissjoni saret taf mill-midja dwar miżuri ppjanati mill-Ungerija favur Péti Nitrogénművek Zrt. (minn hawn 'il quddiem: “Nitrogénművek”). Wara diversi skambji ta’ informazzjoni, fid-29 ta’ April 2009 il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżuri li allegatament jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(2)

L-Ungerija ressqet il-kummenti tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni fit-3 u s-17 ta’ Awwissu 2009.

(3)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Lulju 2009 (3). Tressqu kummenti minn erba' partijiet interessati: mminn Nitrogénművek, il-benefiċjarju tal-miżuri li allegatament jikkonstitwixxu għajnuna mill-Istat, fit-18 ta’ Awwissu 2009; minn żewġ partijiet interessati li talbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata, fis-17 u t-18 ta’ Awwissu 2009, u minn ZAK S.A. fid-19 ta’ Awwissu 2009.

(4)

Il-Kummissjoni ttrasmettiet il-kummenti lill-Ungerija permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2009. L-Ungerija wieġbet għall-kummenti tal-parti terza permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2009.

(5)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi fit-3 ta’ Novembru 2009, li għaliha l-Ungerija wieġbet permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2009. Skambju informali ieħor ta’ informazzjoni seħħ permezz tal-posta elettronika f'Ġunju 2010 bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi.

II.   IL-BENEFIĊJARJU

(6)

Nitrogénművek hija produttur ta’ fertilizzanti sintetiċi. L-uffiċċju prinċipali tagħha jinstab f'Pétfürdő, il-kontea ta’ Veszprém, l-Ungerija, li hija żona megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. Il-kumpanija hija l-produttur prinċipali tal-fertilizzant fl-Ungerija u l-fornitur prinċipali tas-suq Ungeriż.

(7)

Fl-2008 Nitrogénművek kellha dħul ta’ HUF 64,8 biljun (madwar EUR 232 miljun), li minnu 74 % twettaq fl-Ungerija u 26 % ġie esportat (prinċipalment lejn swieq tal-UE). Fl-2008, kienet timpjega 508 impjegat. Il-kapital irreġistrat tal-kumpanija jammonta għal HUF 528 miljun (madwar EUR 1,92 miljun). Fl-2008 l-ekwità kienet tammonta għal HUF 11-il biljun (madwar EUR 40 miljun).

Tabella 1

Id-dejta finanzjarja ewlenija ta’ Nitrogénművek

 

2007

HUF biljun

2007

EUR miljun

2008

HUF biljun

2008

EUR miljun

Dħul

48,211

175

64,836

232

Riżultat tal-operat

2,435

8,9

16,335

59,4

Riżultat nett qligħ/telf (-)

–3,303

–12

7,296

26,5

Sors: Dejta mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2008 tal-kumpanija.

(8)

Fit-18 ta’ Ottubru 2008, Nitrogénművek waqqfet l-attività ta’ produzzjoni tagħha.

III.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(9)

Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-Gvern Ungeriż ħabbar (4) li, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tal-fertilizzant fl-Ungerija u għall-finijiet tal-preservazzjoni tal-impjieg, l-Istat għandu “jsalva” Nitrogénművek billi jipprovdi fondi sabiex terġa' tibda l-produzzjoni u sabiex ikopri l-kostijiet tal-operat.

(10)

Fl-20 ta’ Diċembru 2008, il-Gvern approva (5) żewġ garanziji separati tal-Istat biex ikopru żewġ selfiet li għandhom jingħataw mill-Bank Ungeriż tal-Iżvilupp li jappartjeni 100 % lill-Istat (Magyar Fejlesztési Bank Zrt., “MFB”). Iż-żewġ garanziji ngħataw kontra primjum ta’ darba, bil-quddiem ta’ 2 % tal-ammont garantit.

(11)

Bl-appoġġ ta’ dawn il-garanziji tal-Istat, fis-26 ta’ Jannar 2009 MFB u Nitrogénművek ikkonkludew żewġ ftehimiet ta’ self:

(a)

SELF A: self ta’ investiment (6) ta’ EUR 52 miljun b'maturità ta’ sitt snin. Ir-rata ta’ imgħax hija sitt xhur EURIBOR + 1,7 %. Il-garanzija tal-gvern ta’ 100 % għandha primjum ta’ darba, bil-quddiem ta’ 2 % tal-ammont ta’ self. Kollaterali għal MFB: 100 % garanzija tal-Istat, pleġġ tat-tieni grad (jiġifieri gradazzjoni immedjatament wara s-self B, hawn isfel) fuq assi (7). Ma ġew speċifikati l-ebda kollaterali speċifiċi għall-Istat. Is-somma kapitali ewlenjia għandha tiġi rimborżata fi 12-il pagament, wieħed kull sitt xhur, li jibdew mill-15 ta’ Ġunju 2009. Pagament ta’ imgħax huwa dovut kull sitt xhur.

(b)

SELF B: self ta’ faċilitajiet kurrenti HUF 10 biljun (madwar EUR 36 miljun) self mogħti għal erba' snin, b'rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur BUBOR (8) + 2,5 %. Is-self huwa appoġġjat minn garanzija tal-gvern ta’ 80 %, bi primjum ta’ darba bil-quddiem ta’ 2 % (tal-ammont kopert mill-garanzija ta’ 80 %). Kollaterali għal MFB: garanzija tal-Istat ta’ 80 %, pleġġ tal-ewwel grad fuq assi. L-ebda kollaterali speċifiċi għall-Istat ma ġew speċifikati. Skont id-Deċiżjoni tal-Gvern, l-MFB kellu d-dritt li jaħtar żewġ membri tal-bord eżekuttiv ta’ Nitrogénművek. Is-somma tal-kapital ewlenija trid titħallas lura fl-aħħar tal-maturità. Pagament ta’ imgħax huwa dovut kull tliet xhur.

Tabella 2

Sommarju tal-miżuri tal-Istat favur Nitrogénművek

 

Għan

Ammont ta’ self

Imgħax

Garanzija

Miżata ta’ garanzija ta’ 2 % bil-quddiem, annwalizzata (*)

Kollaterali prinċipali lill-bank

Self A

Investimenti

EUR 52 miljun

EURIBOR + 1,7 %

100  %

0,41  %

Pleġġ tal-assi tat-tieni grad

Self B

Faċilità kurrenti

HUF 10 biljun

BUBOR + 2,5 %

80  %

0,46  %

Pleġġ tal-assi tal-ewwel grad

(12)

Nitrogénművek reġgħet bdiet il-produzzjoni fis-26 ta’ Frar 2009.

IV.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(13)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni staqsiet jekk Nitrogénművek kinitx ditta f'diffikultà skont il-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f'diffikultà (9) (minn hawn 'il quddiem: “linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar”) u, jekk dan huwa l-każ, jekk setgħetx kisbet finanzjament fis-suq bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk offruti mill-awtoritajiet Ungeriżi. Il-Kummissjoni adottat il-fehma preliminari li l-miżuri li ġejjin mogħtija lill-kumpanija setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli minħabba li dehru li ngħataw b'rata iżjed baxxa mir-rata tas-suq:

(a)

Il-garanzija tal-Istat ta’ 100 % fuq is-self ta’ investiment ta’ EUR 52 miljun;

(b)

Is-self ta’ investiment ta’ EUR 52 miljun stess, f'każ li huwa self eżistenti li ngħata qabel il-garanzija tal-Istat. (Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-ħin tal-ftuħ, ma kienx ċar jekk is-self ta’ investiment kienx self eżistenti jew ġdid);

(c)

Il-garanzijia tal-Istat ta’ 80 % fuq is-self ta’ faċilitajiet kurrenti ta’ HUF 10 biljun;

(d)

Il-parti mhux garantita ta’ 20 % tas-self tal-faċilitajiet kurrenti.

(14)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-garanzijia tal-Istat ta’ 100 % li qed tappoġġja s-self ta’ investiment tista' tikkostitwixxi għajnuna favur MFB safejn jiggarantixxi self eżistenti.

V.   KUMMENTI MILL-UNGERIJA

(15)

B'mod ġenerali, l-Ungerija targumenta li l-miżuri ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat minħabba li kienu jikkonformaw mas-suq u għaldaqstant ma pprovdew l-ebda vantaġġ lill-benefiċjarju. L-Ungerija ma tikkontestax il-kriterji kumulattivi l-oħra ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, is-selettività, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ.

(16)

B'mod partikolari, l-Ungerija tikkontesta li Nitrogénművek tista' tiġi ddefinita bħala ditta f'diffikultà fis-sens tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar. L-awtoritajiet Ungeriżi jiddikjaraw li l-kumpanija kienet tagħmel qligħ u kellha prospettiva stabbli ta’ negozju fl-2008. L-Ungerija ssostni li l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija tista' titqies bħala “sodisfaċenti” fil-ħin tal-għoti tal-miżuri, li tikkorrispondi għal “BB” skont il-kategoriji ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istipular tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (10) (minn hawn 'il quddiem “Komunikazzjoni tar-rata ta’ referenza”).

(17)

Fir-rigward tal-għeluq tal-produzzjoni tal-kumpanija fil-Ħarifa tal-2008, l-awtoritajiet Ungeriżi jispjegaw li ġeneralment l-industrija tal-fertilizzant hija karatterizzata minn staġjonalità għolja. Barra minn hekk, minħabba fil-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed tevolvi, id-domanda naqqset. Il-kumpanija ddeċidiet li twaqqaf il-produzzjoni tagħha fid-dawl tal-prezzijiet għoljin tal-gass (li jirrappreżentaw element prinċipali ta’ kost fil-produzzjoni tal-fertilizzant u kienu mistennija li jaqgħu) u l-inventarji sostanzjalment akkumulati. L-Ungerija tosserva wkoll li l-waqfa ma kinitx fenomenu rari fis-suq Ewropew; diversi siti ta’ manifattura jagħlqu jew jillimitaw il-produzzjoni fl-istess perjodu.

(18)

Fir-rigward tal-imgħax imħallas u l-miżata ta’ garanzija, l-Ungerija ssostni li dawk huma konformi mas-suq: (i) fil-każ tas-self B ma jikkwalifikawx bħala għajnuna fid-dawl tal-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza u (ii) fil-każ tas-self A ir-rata ta’ imgħax hija taħt dik li kienet titqies bħala konformi mas-suq taħt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza, iżda meta jitqiesu l-kollaterali ta’ valur għoli, ma tistax titqies madankollu bħala konformi mas-suq. L-Ungerija ssostni wkoll li kien hemm diversi kuntratti ta’ self u ta’ linji ta’ kreditu konklużi bejn il-kumpanija u banek privati fl-ewwel nofs tal-2008 fuq kondizzjonijiet simili, li – targumenta – juri li l-primjums u l-kondizzjonijiet ta’ self A u B ma jipprovdux lill-kumpanija bi kwalunkwe vantaġġ meta pparagunat mal-finanzjament tas-suq.

VI.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(19)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti għad-deċiżjoni ta’ ftuħ minn tliet kompetituri (11). Il-partijiet kollha appoġġjaw l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u argumentaw li s-self fil-fatt ikkostitwixxa l-għajnuna mill-Istat.

(20)

Il-benefiċjarju kkummenta wkoll, u kkontesta li l-miżuri se jinvolvu għajnuna illegali mill-Istat. L-argumenti tiegħu kkoinċidew fuq skala wiesgħa ħafna ma’ dawk imressqa mill-awtoritajiet Ungeriżi.

VII.   IL-KUMMENTI TAL-UNGERIJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(21)

Fit-tweġiba tagħha għall-kummenti tal-partijiet interessati, l-Ungerija twarrab il-kummenti tal-partijiet terzi u ttenni l-argumenti tagħha li Nitrogénművek ma bbenefikatx minn għajnuna mill-Istat.

VIII.   EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

(22)

Sabiex taċċerta jekk miżura tikkostitwix għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżura kontestata tissodisfax il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Dan l-Artikolu jiddikjara li: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(23)

Fid-dwal ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta hawn isfel jekk il-miżuri kkontestati favur Nitrogénművek jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

VIII.1.   Is-self minn MFB huwa imputabbli lill-Istat

(24)

Ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament tal-MFB nbidlu mill-għoti tal-miżuri. Il-valutazzjoni preżenti tirreferi għas-sitwazzjoni legali fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ self inkwistjoni.

(25)

MFB huwa istituzzjoni finanzjarja speċjalizzata, li jappartjeni lill-Istat, li twaqqaf u li l-funzjonament tiegħu kien, fil-ħin tal-għoti tal-miżuri, irregolat minn att legali (b'għan speċjali) (minn hawn 'il quddiem “l-Att dwar l-MFB”) (12). Taħt l-Att, il-bank isegwi ċerti għanijiet ta’ politika pubblika; b'mod partikolari, il-funzjoni ewlieni tiegħu huwa li jippromwovi żvilupp ekonomiku u jikkontribbwixxi effettivament għall-implimentazzjoni tal-politika ekonomika u ta’ żvilupp tal-Istat. Parti mir-regoli prudenzjali li jappartjenu għall-banek kummerċjali mhijiex applikata għall-MFB, minħabba li dan huwa soġġett għal regoli prudenzjali speċjali taħt l-Att dwar l-MFB.

(26)

Il-kapital azzjonarju tal-MFB, li jammonta għal HUF 60 biljun, jappartjeni 100 % għall-Istat Ungeriż, l-ishma tiegħu mhumiex soġġetti għal kummerċ kif stipulat mill-Att dwar l-MFB. Xi wħud mill-obbligazzjonijiet tal-MFB huma koperti mill-Baġit Ċentrali tal-Istat; il-liġi baġitarja tistipula s-self massimu tal-MFB u l-ammonti li għandha permess li tiggarantixxi. Barra minn hekk, kwalunkwe dividends imħallsa jidħlu fil-Baġit Ċentrali. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssib li miżuri mogħtija mill-MFB jinvolvu riżorsi tal-Istat.

(27)

Id-drittijiet għas-sjieda tal-Istat f'MFB huma eżerċitati mill-Ministru kompetenti. L-MFB jirrapporta b'mod annwali lill-Ministru kompetenti dwar l-operati tagħha; l-awditur jinħatar ukoll mill-Ministru kompetenti. Il-membri u l-President tal-bordijiet ta’ ġestjoni u superviżorji, kif ukoll l-Uffiċjal Eżekuttiv Prinċipali, jinħatru u jiġu rrevokati mill-Ministru kompetenti.

(28)

Għalkemm il-kontroll pubbliku ta’ istituzzjoni ma jirrendix awtomatikament l-azzjonijiet ta’ dan tal-aħħar imputabbli lill-Istat (13), f'dan il-każ inkisbu l-kondizzjonijiet meħtieġa stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja (14), li jissuġġerixxi li l-imġiba tal-MFB hija imputabbli lill-Istat. L-MFB jsegwi għanijiet ta’ politika pubblika, l-istat legali tiegħu huwa rregolat minn leġiżlazzjoni separata, li hija eżentata parzjalment minn regolament superviżorju finanzjarju u hemm intensità għolja tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliku fuq il-maniġment. B'mod partikolari, il-kuntest li fih il-miżuri jkunu ġew deċiżi (jiġifieri deċiżjoni tal-gvern li toħroġ il-garanzija espliċitament għal self mogħti mill-MFB u li tistipula li l-MFB jista', bi skambju, jiddelega żewġ membri għall-bord ta’ Nitrogénművek u ppreċeduta minn dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-kelliem tal-Gvern li ħabbar li l-miżuri se jingħataw) juri li l-awtoritajiet Ungeriżi jridu jitqiesu bħala li ġew involuti fl-adozzjoni.

(29)

Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-azzjonijiet tal-MFB huma imputabbli lill-Istat.

VIII.2.   Il-miżuri għandhom jiġu vvalutati bħala self sempliċi mill-istat

(30)

Minħabba li s-self innifsu huwa imputabbli direttament lill-Istat, il-garanziji addizzjonali tal-Istat ma jżidux il-piż finanzjarju li jġorr l-Istat jew il-vantaġġ għall-Nitrogénművek. Għalhekk jidher xieraq li jiġi nkorporat is-self u l-garanziji fil-kwistjoni taħt iż-żewġ miżuri jiġu vvalutati bhħala self sempliċi mill-Istat (li għalih il-kost għal Nitrogénművek ikun l-imgħax fuq is-self miżjud mal-primjum għall-garanzija).

(31)

Konsegwentement, il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat se ssir fid-dawl tal-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza li tapplika għas-self.

VIII.3.   Vantaġġ: Konformità fis-suq tal-miżuri

VIII.3.1.   Saħħa finanzjarja tal-kumpanija fil-ħin tal-għoti tal-miżuri

(32)

L-Ungerija ssostni li Nitrogénművek ma kkwalifikatx bħala kumpanija f'diffikultà fis-sens tal-linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar fil-ħin tal-għoti tal-miżuri. Fir-rigward tal-waqfa tal-produzzjoni tal-kumpanija f'Ottubru 2008, l-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw li din kienet deċiżjoni strateġika u staġjonali u li diversi parteċipanti oħra fis-suq waqqfu l-produzzjoni fil-Ħarifa tal-2008. L-Ungerija tiddikjara li l-kumpanija għandha tiġi kkunsidrata korrettament li hija kklassifikat bħala BB f'dak il-mument.

(33)

Il-Kummissjoni tosserva li minkejja l-problemi evidenti ta’ likwidità tal-kumpanija, u kif tissuġġerixxi l-evidenza mressqa mill-Ungerija, l-ekwità totali tal-kumpanija qabżet il-kapital irreġistrat tagħha, ma ssodisfatx il-kriterji taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kollettivi ta’ falliment, u kellha operat pożittiv kif ukoll riżultati netti għas-sena kollha tal-2008. Għalhekk, punti 9-11 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar ma jidhrux li qed jintlaħqu.

(34)

Huwa ċar, madankollu, mill-investigazzjoni, notevolment mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2008 tal-kumpanija, li Nitrogénművek kellha bżonn il-flus tal-pubbliku sabiex terġa' tibda topera. Fil-fatt, id-dikjarazzjonjiet finanzjarji tal-2008 enfasizzaw li: “Fit-tieni nofs tal-[2008] il-kriżi finanzjarja u ekonomika laħqet il-kumpanija. Il-klijenti tagħha esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u għalhekk il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ Nitrogénművek waqa' għal livell minimu. Fit-18 ta’ Ottubru 2008 l-kumpanija waqqfet il-produzzjoni għal raġunijiet finanzjarji u ekonomiċi. Sabiex iniedi mill-ġdid il-produzzjoni, is-sid tal-kumpanija beda taħdidiet mal-Gvern. Bħala riżultat, il-Gvern ħareġ il-garanzija bl-għan ta’ provvista sigura ta’ fertilizzant Ungeriż” (15) Il-kontijiet finanzjarji jissuġġerixxu wkoll li s-self ta’ faċilitajiet kurrenti kien meħtieġ sabiex jerġgħu jinbdew l-operati u li parti mill-ammont intuża sabiex jitħallsu krediti tal-fornitur dovuti fil-31 ta’ Diċembru 2008 (16).

(35)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li kumpanija li, wara li twaqqaf il-produzzjoni tagħha, ma tistax tibda topera mill-ġdid mingħajr għajnuna pubblika – irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu għall-waqfa tagħha – ma tistax titqies bħala kumpanija b'saħħitha u vijabbli. Jidher ċar mill-kontijiet finanzjarji li l-kumpanija kellha nuqqas serju ta’ likwidità u li l-intervent tal-Istat kien essenzjali sabiex jiżdiedu l-fondi.

(36)

Fir-rigward tal-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija, il-Kummissjoni tiddubita li l-klassifikazzjoni allegata tal-BB tirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja reali ta’ Nitrogénművek fil-ħin tal-għoti tal-miżuri. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Ungerija ma pprovdietx valutazzjoni ta’ kreditu minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni indipendenti jew istituzzjoni finanzjarja. Il-klassifikazzjoni allegata ta’ BB hija attribwita għal MFB li, għall-finijiet tal-miżuri fil-kwistjoni, aġixxiet bħala strument tal-Istat (tabilħaqq f'konformità mad-deċiżjoni espliċità tal-Gvern) u mhux bħala istituzzjoni finanzjarja indipendenti li qed tfittex li tagħmel valutazzjoni kummerċjali b'saħħitha. Dan huwa fih innifsu responsabbli li jitfa' f'dubju l-valur tal-“klassifikazzjoni”. It-tieni, l-Ungerija ma tipprovdi l-ebda informazzjoni tkun xi tkun dwar il-metodoloġija u l-informazzjoni sottostanti użati mill-MFB sabiex tiġi stabbilita s-saħħa finanzjarja tal-kumpanija. It-tielet, fid-dawl tal-fatt li Nitrogénművek kienet, fil-ħin tal-għoti tal-miżura, kumpanija mingħajr l-ebda attività tal-produzzjoni u li evidentament kellha bżonn urġenti ta’ finanzjament li fin-nuqqas tiegħu ma setgħetx tibda mill-ġdid il-produzzjoni (ara fid-dettall il-premessi 34-35 hawn fuq), mhuwiex kredibbli lis-sitwazzjoni finanzjarja tista' titqies bħala “sodisfaċenti”. F'dan l-isfond speċifiku, u irrispettivament mill-prestazzjoni tal-kumpanija fil-passat, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li fil-każ preżenti l-klassifikazzjoni allegata tal-BB ma tistax tiġi applikata għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri taħt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza.

(37)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kumpanija ma tistax titqies bħala kumpanija b'saħħa finanzjarja soda. Mis-sottomissjonijiet, jidher ċar li din kienet sofriet problemi severi ta’ likwidità u ma setgħetx tibda topera mill-ġdid (ara l-premessi 34-35 hawn fuq). Għaldaqstant tista' tiġi kkunsidrata li tinstab fi stat finanzjarju ħażin, li jikkorrispondi għall-kategorija l-aktar baxxa tal-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza (kategorija CCC).

VIII.3.2.   Kollaterali

(38)

L-assi offruti bħala kollaterali jinkludu l-art, il-bini u l-magni fuq diversi impjanti tal-produzzjoni differenti (17) ta’ Nitrogénművek.

(39)

Fir-rigward tal-valur tal-assi ppleġġjat, l-Ungerija ressqet rapport ta’ evalwazzjoni mid-ditta […]  (**) , imħejji f'nofs l-2008. Skont din l-evalwazzjoni, l-assi ppleġġjati kellhom valur tas-suq ta’ madwar EUR […] miljun u valur ta’ likwidazzjoni b'ordni ta’ madwar EUR […] miljun. L-MFB ikkalkola l-valur ta’ likwidazzjoni mkejjel skont ir-riskju tal-assi bħala madwar EUR […] miljun.

(40)

Meta jitqies li l-valur kombinat totali taż-żewġ selfiet inkwistjoni huwa EUR 88 miljun (jiġifieri kollaterali għandhom valur ta’ [aktar minn 70]% tas-self skont l-istima l-aktar prudenti), il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tranżazzjonijiet huma kollateralizzati ħafna. Anke jekk il-pleġġijiet għas-self A huma fit-tieni grad, kwalunkwe talba li tirriżulta minn din it-tranżazzjoni tista' tiġi sodisfatta wara dawn mis-self B.

(41)

Il-fatt li l-kollateral huwa ppleġġjat lil MFB u mhux lill-Istat direttament mhuwiex materjali. Skont il-liġi Ungeriża (18), jekk garanti jkollu jissodisfa talbiet minn garanzija, id-drittijiet kollha li jappartjenu għas-self sottostanti jiġu trasferiti lilu. Għaldaqstant, jekk Nitrogénművek tonqos milli tħallas lura s-self u MFB jsejjaħ il-garanzija, l-Istat jista' jissodisfa t-talbiet tiegħu mill-pleġġijiet taħt il-ftehim tas-self.

(42)

Barra minn hekk, fir-rigward tas-self B, l-Istat kellu d-dritt li jaħtar żewġ membri fuq il-bord eżekuttiv tal-kumpanija, bid-dritt tal-veto fuq kwalunkwe deċiżjoni sabiex jitħallsu dividends, li jagħtu aktar pleġġijiet lill-pajjiżi terzi jew li jieħdu aktar self li jaqbeż il-HUF 100 miljun.

(43)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żewġ tranżazzjonijiet, self A u self B, kienu kollateralizzati ħafna għall-finijiet tal-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza.

VIII.3.3.   Rati tas-suq komparabbli

(44)

Fis-sottomissjoni tagħha l-Ungerija ppreżentat diversi self allegatament “komparabbli” konkluż bejn banek privati u Nitrogénművek, bil-għan li jintwera li l-imposti finanzjarji taħt il-miżuri pubbliċi kienu konformi mas-suq.

(45)

Madankollu, dawn l-eżempji mhumiex komparabbli u għaldaqstant irrelevanti għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni. L-ewwel nett, jikkonċernaw l-aktar ammonti aktar baxxi u linji tal-kreditu tal-kont kurrenti (19). It-tieni, ir-rati imposti mill-banek huma ogħla minn dawk taħt valutazzjoni (20). Fl-aħħar nett, u aktar importanti, kollha kemm huma ngħataw qabel il-kriżi, prinċipalment fl-ewwel nofs tal-2008. Il-kondizzjonijiet kummerċjali f'dak il-perjodu mhumiex komparabbli mal-perjodu Diċembru 2008-Jannar 2009, li kien l-eqqel perjodu tal-kriżi finanzjarja.

VIII.3.4.   Rati normattivi taħt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza

(46)

Sabiex jiġi stabbilit jekk self jinvolvix għajnuna mill-Istat u, jekk dan huwa l-każ, kemm, il-Kummissjoni tapplika prokura għal rati ta’ imgħax tas-suq fil-komunikazzjoni ta’ rati ta’ Referenza. Skont il-komunikazzjoni tar-rata ta’ Referenza, marġini differenzjati għandhom jiġu applikati fuq ir-rati bażi, skont il-klassifikazzjoni tal-kreditur u l-kollaterali disponibbli.

(47)

Fir-rigward tad-data rilevanti ta’ valutazzjoni, meta jitqies li l-atti “tal-għoti” finali vinkolanti (jiġifieri il-ftehimiet tas-self) ġew konklużi fis-26 ta’ Jannar 2009, ir-rata ta’ referenza (rata bażi miżjuda mal-marġini rilevanti) ta’ dak il-jum trid tiġi mqabbla mar-rimunerazzjoni effettiva korrispondenti tal-pakkett ta’ finanzjament.

(48)

Dwar il-marġini li għandha tiġi applikata, kif stipulat fid-dettall hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li Nitrogénművek waqgħet fil-kategorija l-aktar baxxa tal-“grad” tar-rata ta’ referenza u li t-tranżazzjonijiet ġew kollateralizzati ħafna. Konsegwentement, marġini ta’ 400 punt bażiku miżjuda fuq ir-rata bażi rilevanti tista' tiġi kkunsidrata bħala rata normattiva tas-suq.

(49)

Fir-rigward tas-self A (EUR), il-kost ta’ finanzjament totali u effettiva ammonta għal 4,362 % fis-26 ta’ Jannar 2009 (21). Meta tiġi mqabbla, ir-rata ta’ referenza normattiva rilevanti f'dik id-data kienet 8,99 % (22). Il-kost ta’ finanzjament totali ta’ self A huwa għaldaqstant taħt ir-rata normattiva, u konsegwentement il-miżura tagħti vantaġġ fuq il-kumpanija.

(50)

Fir-rigward tas-self B (HUF), il-kost ta’ finanzjament totali u effettiva jammonta għal 12,44 % (23). B'kuntrast, ir-rata ta’ referenza rilevanti f'dik id-data kienet 14,01 % (24). Il-kost ta’ finanzjament totali tas-self B huwa għaldaqstant taħt ir-rata normattiva, u konsegwentement il-miżura tagħti vantaġġ fuq il-kumpanija.

VIII.4.   Konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna

(51)

Kif jidher hawn fuq, il-miżuri huma ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u imputabbli lill-Istat.

(52)

Nitrogénművek kisbet finanzjament fuq kondizzjonijiet aħjar milli fuqhom kienet tiġbor fondi fis-swieq. Il-miżuri għalhekk jagħtu vantaġġ lill-kumpanija.

(53)

Barra minn hekk, il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li l-miżuri huma limitati għal Nitrogénművek.

(54)

Dawn il-miżuri selettivi x'aktarx jikkaġunaw distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi jipprovdu lill-kumpanija b'vantaġġ fir-rigward tal-kompetituri, u m'hemmx kummerċ estensiv bejn l-Istati Membri fil-fertilizzanti.

(55)

Konsegwentement, is-self A u B jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

IX.   GĦAJNUNA POSSIBBLI GĦALL-MFB

(56)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qajmet il-possibbiltà li l-garanzija ta’ 100 % fuq is-self A tista' tkun għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju ta’ MFB fid-dawl tal-fatt li informazzjoni kontradittorja kienet issuġġeriet li s-self ta’ investiment kien wieħed eżistenti (f'dan il-każ il-garanzija msemmija l-aħħar tista' tiġi kkunsidrata bħala għajnuna għall-bank fir-rigward tat-titjib tal-probabbiltà tagħha li jitħallas mill-ġdid). Madankollu, l-investigazzjoni wriet li s-self A huwa self ġdid li ma ġiex iffirmat fis-26 ta’ Jannar 2009, għaldaqstant il-garanzija 100 % fuq is-self A ma nkudietx għajnuna mill-istat għall-MFB.

X.   KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

X.1.   In ġenerali

(57)

L-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE jipprovdu għal eżenzjonijiet għar-regola ġenerali li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern kif iddikjarat fl-Artikolu 107(1).

(58)

F'dan li ġej il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibilità tal-miżuri taħt dawn l-eċċezzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi osservat mill-bidu li l-Ungerija ma ressqet l-ebda argument rigward il-kompatibilità tagħhom mas-suq intern.

X.2.   Eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 107(2) tat-TFUE

(59)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE ma japplikaw fil-każ preżenti minħabba li din il-miżura m'għandhiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil klijenti individwali, mhijiex imfassla sabiex tagħmel tajjeb għal ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji u ma ngħatatx lill-ekonomija ta’ ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwata mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

X.3.   Eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 107(3) tat-TFUE

(60)

Aktar eżenzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE. F'dan li ġej, il-Kummissjoni l-ewwel se tivvaluta l-kompatibbiltà potenzjali tal-miżuri taħt l-Artikolu 107(3)(a), (c) u (d) u fl-aħħar taħt l-Artikolu 107(3)(b).

(61)

L-Artikolu 107(3)(a) jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b'mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg” jista' jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern. It-territorju kollu tal-Ungerija ġie meqjus bħala reġjun bħal dan fil-ħin tal-adeżjoni, u ħafna mir-reġjuni tagħha għadhom eliġibbli għal din l-għajnuna (25).

(62)

Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għal reġjuni megħjuna hija rregolata mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 minn hawn 'il quddiem: ‧il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali‧) (26). Il-miżuri, madankollu, ma jikkonformawx mal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali. Fir-rigward tas-self ta’ investiment, ingħata għal investiment li kien diġà tlesta (27), u għaldaqstant m'hemm l-ebda effett ta’ inċentiv kif meħtieġ mil-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali. Fir-rigward ta’ għajnuna possibbli għall-operat, din l-għajnuna ma tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ kwalunkwe attività jew reġjun ekonomiku u mhijiex limitata fiż-żmien, digressiva jew proporzjonata ma dak li huwa meħtieġ biex jiġu rrimedjati nuqqasijiet ekonomiċi speċifiċi (28).

(63)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex eliġibbli għad-deroga provduta fl-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE.

(64)

L-Artikolu 107(3)(c) jipprovdi għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġuni ekonomiċi, fejn din l-għajnuna ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat diversi linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif se tapplika d-deroga li tinstab fid-dispożizzjoni imsemmija aktar 'il fuq.

(65)

Fir-rigward tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ strutturar mill-ġdid, il-Kummissjoni tosserva li (irrispettivament minn jekk il-kumpanija hijiex eliġibbli sabiex tirċievi għajnuna taħt il-linji gwida) il-kriterji għall-għajnuna kompatibbli ma jidhrux li qed jiġu sodisfatti. Fir-rigward tal-għajnuna tas-salvataġġ, il-miżuri mhumiex ristretti għall-minimu meħtieġ minħabba li huma itwal minn sitt xhur; ma ntweriex li jkunu ġġustifikati għar-raġunijiet ta’ diffikultajiet soċjali serji jew ma jkollhomx kwalunkwe effett sekondarju indebitament negattiv fuq Membri oħra. Fir-rigward ta’ għajnuna għar-ristrutturar, fin-nuqqas sta' pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni ma tistax tevalwa jekk l-għajnuna tirrestawrax il-vijabbiltà fuq skont twil, jekk tinżammx minima, u li distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux xierqa jiġu evitati.

(66)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li l-miżuri mhumiex kompatibbli bħala għajnuna ta’ salvataġġ jew ristrutturar.

(67)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li minħabba fin-natura u l-karatteristiċi tal-għajnuna, l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet imniżżla f'linji gwida oħra u komunikazzjonijiet maħruġa taħt l-Artikolu 107(3)(c) ma hija applikabbli għall-każ preżenti.

(68)

L-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE jiddikjara li għajnuna sabiex tiġi promossal-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mat-TFUE meta din l-għajnuna ma tolqotx kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-UE sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dan ovvjament ma japplikax għall-każ kurrenti.

X.4.   Valutazzjoni ta’ kompatibilità taħt il-Qafas Temporanju

(69)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

(70)

Il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna inkwistjoni mhijiex imfassla sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew.

(71)

Fir-rigward tar-rimedjar ta’ taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni adottat Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tappoġġja aċċess għal finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (29) (minn hawn 'il quddiem “il-Qafas Temporanju”).

(72)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li abbażi taċ-ċifri finanzjarji mressqa mill-awtoritajiet Ungeriżi (30), il-kumpanija ma wrietx sinjali ta’ diffikultajiet qabel ma faqqgħet il-kriżi globali finanzjarja u ekonomika. B'mod aktar speċifiku, kif diġà stipulat fil-premessa 33 hawn fuq, l-ekwità totali qabżet il-kapital irreġistrat tagħha, ma ssodisfatx il-kriterji taħt il-liġi domestika biex ikunu s-suġġett ta’ proċedimenti kollettivi għall-insolvenza, u kellha operat pożittiv kif ukoll riżultati netti fir-rigward tas-sena kollha tal-2008. Il-problemi li wasslu għall-għeluq tal-produzzjoni nħolqu wara l-bidu tal-kriżi. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li Nitrogénművek ma kkwalifikatx bħala ditta f'diffikultà fis-sens tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar fl-1 ta’ Lulju 2008. Għalhekk, hija eliġibbli għall-għajnuna taħt il-Qafas Temporanju.

(73)

Il-miżuri, madankollu, ma jikkonformawx mal-punt 4.2 tal-Qafas Temporanju bħala “ammont kompatibbli limitat ta’ għajnuna” minħabba li ma ngħatawx fil-forma ta’ skema għall-għajnuna u l-ammont tal-għajnuna jidher li jaqbeż il-EUR 500 000. Barra minn hekk, anke jekk il-garanziji tqiesu f'iżolament, ma jikkonformawx mal-punt 4.3 tal-Qafas Temporanju bħala miżuri fil-forma ta’ garanziji, minħabba li l-miżati tal-garanziji (31) imħallsa huma taħt il-primjums safe harbour applikabbli (32) taħt il-Qafas Temporanju. Barra dan, l-Ungerija ma wrietx li ġie mħares il-kriterju tal-pagi. Il-pakkett finanzjarju mhuwiex għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi (punt 4.5) lanqas m'huwa kapital ta’ riskju (punt 4.6).

(74)

Fir-rigward tal-miżura tas-self issussidjat taħt punt 4.4 tal-Qafas Temporanju, dan japplika għal self b'tul ta’ żmien mingħajr limitu kuntrattat qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 (33). Il-miżuri inkwistjoni ġew ikkuntrattati wara d-dħul fis-seħħ tal-Qafas Temporanju u qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u għalhekk jistgħu jkunu eliġibbli.

(75)

Il-Kummissjoni tosserva, madankollu, li r-rimunerazzjoni effettiva tat-tranżazzjonijiet hija taħt ir-rata minima ta’ imgħax meqjusa kompatibbli taħt il-Qafas Temporanju.

(76)

Skont id-dispożizzjoni rilevanti, ‧il-Kummissjoni se taċċetta li jingħata self pubbliku jew privat b'rata ta’ imgħax li tkun minn tal-anqas ekwivalenti għar-rata overnight tal-bank ċentrali miżjuda bi primjum ekwivalenti għad-differenza bejn ir-rata medja ta’ fost il-banek għal sena waħda u r-rata medja overnight tal-bank ċentrali matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, flimkien mal-primjum għar-riskju tal-kreditu li jikkorrispondi għall-profil ta’ riskju tal-benefiċjarju, kif stipulat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu kif jiġu stabbiliti r-rata ta’ referenza u r-rata tal-iskont.‧

(77)

Fir-rigward tas-self EUR (self A), id-differenza bejn ir-rata medja ta’ fost il-banek għal sena waħda u r-rata medja overnight ta’ fost il-banek matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 hija ta’ 64 punt bażiku. Barra minn hekk, ir-rata overnight tal-Bank Ċentrali Ewropew (EONIA) fis-26 ta’ Jannar 2009 (34) kienet 1,228 %. Meta titqies il-klassifikazzjoni tal-benefiċjarju u l-kollateralizzazzjoni tat-tranżazzjoni (ara premessa 48 hawn fuq), marġini addizzjonali ta’ 400 punt bażiku trid tiġi applikata fuq din il-bażi. Għalhekk, ir-rata sussidjata ta’ imgħax permessa taħt il-Qafas Temporanju tkun 5,868 %. Il-kost ta’ finanzjament effettiv tat-tranżazzjoni (4,362 %) huwa taħt din ir-rata.

(78)

Fir-rigward tas-self HUF (self B), fil-każ N 78/09 (35) l-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li d-differenza bejn ir-rata medja ta’ fost il-banek għal sena waħda u r-rata medja overnight ta’ fost il-banek matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 hija ta’ 26 punt bażiku. Barra minn hekk, ir-rata overnight tal-Bank Ċentrali Ungeriż fis-26 ta’ Jannar 2009 (36) kienet 9,14 %. Meta titqies il-klassifikazzjoni tal-benefiċjarju u l-kollateralizzazzjoni tat-tranżazzjoni, marġini addizzjonali ta’ 400 punt bażiku trid tiġi applikata fuq din il-bażi. Għalhekk, ir-rata sussidjata ta’ imgħax permessa taħt il-Qafas Temporanju tkun 13,40 %. Il-kost ta’ finanzjament effettiv tat-tranżazzjoni (12,44 %) huwa taħt din ir-rata.

X.5.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(79)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-self A u s-self B huma parzjalment kompatibbli bħala miżuri ta’ self issussidjat taħt il-Qafas Temporanju.

(80)

Speċifikament, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-differenza bejn ir-rimunerazzjoni effettiva tat-tranżazzjonijiet u r-rata sussidjata hija inkompatibbli; fil-waqt li d-differenza bejn ir-rata sussidjata u r-rata normattiva tas-suq hija kompatibbli abbażi tal-Qafas Temporanju.

XI.   IRKUPRU

(81)

Skont it-TFUE u l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn issib li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni hija kompetenti li tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat irid jirrevokaha jew ibiddilha (37). Il-Qorti konsistentement ikkonkludiet ukoll li l-obbligu fuq Stat li jirrevoka għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern hija mfassla biex tirrestawra s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (38). F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dak l-għan jinkiseb meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, biex b'hekk jintilef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u s-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna tkun ġiet irrestawrata (39).

(82)

B'segwitu ta’ dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (40) stabbilixxa li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

(83)

Għaldaqstant, meta jitqies li l-miżuri fil-kwistjoni huma kkunsidrati bħala illegali u għajnuna parzjalment inkompatibbli, il-parti inkompatibbli trid tiġi rkuprata sabiex tirrestawra s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna. L-irkupru, għalhekk, irid jiġi effettwat mid-data meta sar il-vantaġġ favur il-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna saret disponibbli għall-benefiċjarju, u għandu jħallas imgħax ta’ rkupru sal-irkupru effettiv.

(84)

Fid-dawl tat-taqsima X.5 hawn fuq, l-element ta’ għajnuna inkompatibbli tal-miżuri jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn ir-rata sussidjata tal-Qafas Temporanju kompatibbli u l-kostijiet ta’ finanzjament totali effettivi (jiġifieri rata ta’ imgħax miżjuda mal-primjum tal-garanzija) li bihom il-finanzjament ġie provdut.

(85)

L-ammont eżatt tal-irkupru jrid jinħadem mill-awtoritajiet Ungeriżi.

XII.   KONKLUŻJONI

(86)

Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ self A u B favur Nitrogénmuvek jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(87)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-self A u s-self B huma parzjalment kompatibbli mas-suq intern bħala miżuri ta’ self issussidjat taħt il-Qafas Temporanju. B'mod partikolari, id-differenza bejn ir-rata sussidjata tal-Qafas Temporanju u r-rata normattiva tas-suq hija kompatibbli. Mill-banda l-oħra, id-differenza bejn ir-rimunerazzjoni effettiva tat-tranżazzjonijiet u r-rata sussidjata hija inkompatibbli mas-suq intern.

(88)

Meta jitqies li s-self A u s-self B iridu jiġu kkunsidrati bħala illegali u għajnuna parzjalment inkompatibbli, il-parti inkompatibbli trid tiġi rkuprata minn Nitrogénművek sabiex tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna.

(89)

L-ammont eżatt tal-irkupri jrid jinħadem mill-awtoritajiet Ungeriżi. Jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn ir-rata sussidjata tal-Qafas Temporanju kompatibbli u l-kostijiet ta’ finanzjament totali effettivi (jiġifieri r-rata tal-imgħax miżjuda mal-primjum tal-garanzija) li bihom ġie provdut il-finanzjament.

(90)

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-garanzija ta’ 100 % fuq is-self A ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE favur l-MFB.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-self ta’ investiment ta’ EUR 52 miljun u s-self tal-faċilitajiet kurrenti ta’ HUF 10 biljun mogħtija mill-Ungerija lil Péti Nitrogénművek Zrt. jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment mill-Ungerija lil Péti Nitrogénművek Zrt. bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE hija parzjalment kompatibbli, parzjalment inkompatibbli mas-suq intern.

2.   L-għajnuna illegali mill-Istat li tikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax sussidjata taħt il-Qafas Temporanju u r-rata ta’ referenza rilevanti hija kompatibbli mas-suq intern.

3.   L-għajnuna illegali mill-Istat li tikkkonsisti fid-differenza bejn ir-rimunerazzjoni effettiva tal-miżuri u r-rata ta’ imgħax sussidjata taħt il-Qafas Temporanju hija inkompatibbli mas-suq intern.

4.   L-Ungerija għandha tibqa' lura milli tagħti l-għajnuna mill-Istat msemmija fil-paragrafu (3) b'effett mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(3) mill-benefiċjarju.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax mid-data li fiha saru disponibbli għall-benefiċjarju sad-data li fiha fil-fatt ġew irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(3) għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur min-notifika tagħha.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (is-somma kapitali ewlenija u mgħax ta’ rkupru) li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti ta’ appoġġ li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat li jħallas l-għajnuna mill-ġdid;

2.   L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(3) bl-imgħax ikun tlesta. Għandha tissottometti immedjatament, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru li diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  Fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 107 tat-TFUE, kif l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE huwa għall-Artikolu 108 tat-TFUE. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn meħtieġ.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3000 finali tad-29 ta’ April 2009 (ĠU C 165, 17.7.2009, p. 12).

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 2.

(4)  Ara d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Gvern: http://www.kormanyszovivo.hu/news/show/news_1122?lang = hu.

(Ikkonsultat l-aħħar fis-17 ta’ Settembru 2010.)

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Gvern 1086/2008. (XII. 20), ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali [Magyar Közlöny] Nru 184/2008. Din id-Deċiżjoni tal-Gvern ġiet emendata ftit fit-23 ta’ Jannar 2009 mid-Deċiżjoni tal-Gvern 1007/2009. (I. 23.) ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 9/2009.

(6)  Dan is-self ta’ investiment kien irrelatat ma’ proġett ta’ investiment imwettaq bejn l-2003 u l-2008.

(7)  Ara l-premessa 38.

(8)  BUBOR huwa r-Rata Offruta tal-Budapest Interbank (Budapest Interbank Offered Rate).

(*)  Kif ikkalkolat mill-awtoritajiet Ungeriżi, huma u jqisu l-maturità u r-rati ta’ skont EUR jew HUF differenzjati. Fil-każ ta’ self B, il-miżata ta’ garanzija annwalizzata ġiet aġġustata wkoll għal 100 % tal-ammont ta’ self (il-miżata ta’ garanzija annwalizzata għall-parti tat-80 % tkun 0,58 %).

(9)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(10)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(11)  Ara l-premessa 3.

(12)  Att XX tal-2001 dwar il-Magyar Fejlesztési Bank Részvénytársaság [Hungarian Development Bank Ltd]. L-Att dwar l-MFB ġie emendat mill-Att LII tal-2010.

(13)  Is-Sentenza fil-Kawża C-345/02 Pearle BV.

(14)  Is-Sentenza fil-Kawża C-482/99 Franza v Il-Kummissjoni, paragrafi 52-57.

(15)  Paġna 3 tad-dikjarazzjoni finanzjarja tal-2008.

(16)  Paġna 51 tad-dikjarazzjoni finanzjarja tal-2008.

(17)  Aktar speċifikament l-assi jinkludu l-impjanti li ġejjin: impjanti tal-produzzjoni tal-karbamid, il-produzzjoni tal-ammonja, il-produzzjoni tal-aċidu; il-granulazzjoni, in-newtralizzazzjoni u l-imballaġġ.

(**)  Id-dejta koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali hija indikata fit-test tad-deċiżjoni bis-simbolu […].

(18)  Ir-regoli ġenerali dwar garanziji huma stabbiliti fit-Taqsimiet 272-276 tal-Kodiċi Ċivili (Att IV ta’ 1959).

(19)  Il-linji ta’ kreditu minn erba' banek privati differenti kienu tal-ammont li ġej: EUR […] miljun; EUR […] miljun, HUF […] biljun u HUF […] biljun.

(20)  Fi tliet każijiet mill-erba' kuntratti ta’ linji ta’ kreditu ppreżentati mill-Ungerija.

(21)  Il-kost ta’ finanzjament totali jikkonsisti mill-imgħax impost mill-MFB (sitt xhur EURIBOR + 1,7 %) miżjud mal-garanzija annwali ta’ madwar 0,41 %. Fis-26 ta’ Jannar 2009 il-EURIBOR ta’ sitt xhur (http://www.euribor-ebf.eu/assets/modules/rateisblue/processed_files/hist_EURIBOR_2009.xls) ammonta għal 2,252 %. 2,252 % + 0,41 % + 1,7 % = 4,362 %.

(22)  Ir-rata ta’ referenza EUR f'dik id-data kienet 4,99 %. 4,99 % + 4 % = 8.99 %.

Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(23)  Il-kost ta’ finanzjament totali jikkonsisti mill-imgħax impost mill-MFB (tliet xhur BUBOR + 2,5 %) miżjud mal-miżata ta’ garanzija annwali ta’ madwar 0,46 % 0,46 %. (Ikkalkolat abbażi tal-100 % tas-self). Fis-26 ta’ Jannar 2009 l-BUBOR ta’ tliet xhur (http://www.mnb.hu/Root/Dokumentumtar/ENMNB/Monetaris_politika/mnben_jegybanki_eszkoztar/mnben_egynaposjegybankieszkozok/bubor2.xls) ammonta għal 9,48 %. 9,48 % + 0,46 % + 2,5 % = 12,44 %.

(24)  Ir-rata ta’ referenza HUF f'dik id-data kienet 10,01 %. 10,01 % + 4 % = 14,01 %.

Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(25)  Mappa tal-għajnuna reġjonali tal-Ungerija approvata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembru 2006 u ppubblikata fil-ĠU C 256 tal-2006. Kważi t-territorju kollu tal-Ungerija huwa definit bħala reġjuni tal-Artikolu 107(3)(a), bl-eċċezzjoni ta’ Budapest u l-kontea tal-Pest, li huma reġjuni tal-Artikolu 107(3)(c).

(26)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(27)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 6.

(28)  It-Taqsima 5 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tippermetti l-għajnuna għall-operat taħt kondizzjonijiet stretti. Barra minn hekk, il-miżura hija għajnuna ad hoc. F'dan ir-rigward, il-Linji gwida msemmija qabel jiddikjaraw li “Fejn, eċċezzjonalment, huwa prevvist li tingħata għajnuna individwali ad hoc lil ditta waħda, jew għajnuna limitata għal reġjun wieħed ta’ attività, hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li juri li l-proġett jikkontribwixxi għal strateġija ta’ żvilupp reġjonali koerenti u li, filwaqt li titqies in-natura u d-daqs tal-proġett, ma tirriżultax f'distorsjonijiet mhux aċċettabbli ta’ kompetizzjoni”. L-Ungerija ma pprovdiet l-ebda informazzjoni għal dan il-għan.

(29)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas temporanju għal miżuri tal-għajnuna mill-istat sabiex jiġi appoġġjat aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti (ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1), kif emendata mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Qafas Temporanju Komunitarju għall-miżuri tal-għajnuna mill-istat sabiex jiġi appoġġjat aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika (ĠU C 303, 15.12.2009, p. 6).

(30)  Ara Tabella 1.

(31)  Miżata ta’ garanzija A: 0,41 % p.a., miżata ta’ garanzija B: 0,46 % p.a.

(32)  3,8 % għal tranżazzjonijiet kollateralizzati ħafna għal CCC. Il-Kummissjoni tosserva li anke għal kumpanniji kklassifikati BB+, il-miżata minima tkun ta’ 0,8 %.

(33)  Ir-rati tal-imgħax imnaqqsa jistġħu jiġu applikati għal pagamenti ta’ imgħax qabel il-31 ta’ Diċembru 2012; rata ta’ imgħax għall-inqas ugwali għar-rata definita fil-Komunikazzjoni dwar rati ta’ referenza trid tapplika għal self wara dik id-data.

(34)  http://www.euribor.org/html/content/eonia_data.html

http://www.euribor-ebf.eu/assets/modules/rateisblue/processed_files/hist_EONIA_2009.xls.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2009 (ĠU C 73, 27.3.2009, p. 1).

(36)  http://www.mnb.hu/engine.aspx?page = mnbhu_statisztikak

http://www.mnb.hu/Root/Dokumentumtar/MNB/Monetaris_politika/mnbhu_eszkoztar/mnbhu_egynaposjegybankieszkozok/HUFONIA.xls.

(37)  Sentenza fil-Kawża C 70/72 Il-Kummissjoni v il-Ġermanja [1973] ĠABRA 813, paragrafu 13.

(38)  Sentenza fil-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja v Il-Kummissjoni [1994] ĠABRA I-4103, paragrafu 75.

(39)  Sentenza fil-Kawża C-75/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1999] ĠABRA I-3671, paragrafi 64-65.

(40)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.