ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.055.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 55

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
28 ta' Frar 2011


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

13

Stqarrija mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

19

Stqarrijiet mill-Kummissjoni

19

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

28.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/1


REGOLAMENT (UE) Nru 181/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Frar 2011

dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fl-24 ta' Jannar 2011 (2),

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ għandha timmira, fost affarijiet oħra, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri, li tkun komparabbli ma' modi oħra ta' trasport, kull fejn jivvjaġġaw. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali.

(2)

Ladarba l-passiġġier bix-xarabank jew bil-kowċ huwa l-aktar parti dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta' protezzjoni.

(3)

Il-miżuri tal-Unjoni biex jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport tax-xarabank u l-kowċ għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur, li jikkonsisti l-aktar f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(4)

Il-passiġġieri u, bħala minimu, il-persuni li fil-konfront tagħhom il-passiġġier kellu jew kien ikollu dmir legali li jieħu ħsiebhom għandhom igawdu minn protezzjoni legali fil-każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, b'kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3).

(5)

Fl-għażla tal-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpens għall-mewt, inklużi spejjeż raġonevoli tal-funeral, jew għal korriment fuq il-persuna kif ukoll għal telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandhom jitqiesu r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (4) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (5).

(6)

Il-passiġġieri, minbarra l-kumpens skont il-liġi nazzjonali applikabbli fil-każ ta' mewt jew korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandhom ikollhom id-dritt għall-assistenza fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tagħhom wara xi aċċident. Tali assistenza għandha, fejn ikun hemm bżonn, tinkludi l-ewwel għajnuna (first aid), akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ u trasport.

(7)

Is-servizzi bix-xarabank u bil-kowċ għall-passiġġieri għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini inġenerali. Konsegwentement, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk minħabba diżabbiltà, età jew minħabba kwalunkwe fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet għall-użu ta' servizzi ta' xarabank u kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha f'dak li huwa moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni.

(8)

Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għal ivvjaġġar bix-xarabank u bil-kowċ komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għal nondiskriminazzjoni u assistenza waqt il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-trasport u mhux imċaħħda mit-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħhom, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-sigurtà jew id-disinn tal-vetturi jew l-infrastruttura. Fil-qafas tal-leġislazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom igawdu d-dritt għall-assistenza fit-terminals u fuq il-vetturi. Fl-interess tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu l-assistenza mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

(9)

Meta jiddeċiedu dwar id-disinn ta' terminals ġodda, u bħala parti minn rinnovazzjoni kbira tal-post, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom jagħmlu dak li jistgħu sabiex jittieħed kont tal-bżonnijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa konformement mar-rekwiżiti tad-“disinn għal kulħadd”. Fi kwalunkwe każ, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom jistabbilixxu postijiet fejn persuni bħal dawn jistgħu jinnotifikaw il-wasla tagħhom u l-bżonn ta' assistenza.

(10)

B'mod simili, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni kurrenti u futura dwar rekwiżiti tekniċi għal xarabankijiet u kowċijiet, it-trasportaturi għandhom jikkunsidraw dawk il-ħtiġijiet meta jiddeċiedu dwar it-tagħmir ta' vetturi ġodda jew modernizzati.

(11)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dak li jistgħu sabiex itejbu l-infrastruttura eżistenti fejn dan ikun meħtieġ sabiex it-trasportaturi ikunu jistgħu jiżguraw l-aċċess bla xkiel għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll li tingħata assistenza adegwata.

(12)

Sabiex iwieġeb għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-persunal għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki nazzjonali tax-xufiera, jista' jiġi pprovdut taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà bħala parti mill-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku kif imsemmi fid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' prodotti jew passiġġieri (6). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta' taħriġ u l-limiti ta' żmien imniżżla f'dik id-Direttiva, għandha titħalla l-possibbiltà ta' eżenzjoni matul perijodu ta' żmien limitat.

(13)

L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fil-preparazzjoni tal-kontenut tat-taħriġ relatat mad-diżabbiltà.

(14)

Id-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandhom jinkludu li huma jirċievu informazzjoni rigward is-servizz qabel u matul il-vjaġġ. L-informazzjoni essenzjali kollha pprovduta lill-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandha tkun ipprovduta wkoll, meta mitluba, f' formati alternattivi aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, bħal test b'tipa kbira, b'lingwaġġ sempliċi, Braille, komunikazzjonijiet elettroniċi li l-aċċess għalihom huwa possibbli b'teknoloġija adattiva, jew reġistrazzjonijiet (tapes) awditivi.

(15)

Dan ir-Regolament m'għandux jillimita d-drittijiet tat-trasportaturi milli jfittxu kumpens mingħand kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

(16)

L-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni jew dewmien sinifikanti tal-vjaġġ tagħhom għandhom jitnaqqsu. Għal dan il-għan, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jirċievu attenzjoni adegwata u għandhom jiġu informati b'mod li jinvolvi aċċess lill-passiġġieri kollha. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati l-prezz tal-biljetti tagħhom jew ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jingħataw rotta oħra taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti. Jekk it-trasportaturi jonqsu milli jipprovdu lill-passiġġieri bl-assistenza meħtieġa, il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt għal kumpens finanzjarju.

(17)

B'mod li jinvolvi l-partijiet interessati, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, passiġġieri, persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi għandhom jikkooperaw sabiex jadottaw arranġamenti fil-livell nazzjonali jew fil-livell Ewropew. Dawn l-arranġamenti għandhom isiru bl-għan li jtejbu l-informazzjoni, l-attenzjoni u l-assistenza offerti lill-passiġġieri meta jiġi interrott il-vjaġġ tagħhom, speċjalment fil-każ ta' dewmien fit-tul jew kanċellazzjoni tal-vjaġġ, b'enfasi partikolari fuq passiġġieri bi bżonnijiet speċjali minħabba diżabbiltà, mobbiltà mnaqqsa, mard, età avvanzata u tqala u inklużi l-passiġġieri akkumpanjanti u l-passiġġieri li jivvjaġġaw bi tfal żgħar. Il-korpi nazzjonali tal-infurzar għandhom ikunu infurmati b'dawk l-arranġamenti.

(18)

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (7). Dan ir-Regolament m'għandux japplika f'każijiet li tour kollox kompriż jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr meta s-servizz tat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ jiġi ikkanċellat.

(19)

Il-passiġġieri għandhom jiġu informati għal kollox bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, sabiex huma jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament dawn id-drittijiet.

(20)

Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta' proċeduri xierqa għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi jew, skont il-każ, billi l-ilmenti jiġu ppreżentati lill-korp jew lill-korpi magħżulin għal dak il-għan mill-Istat Membru rilevanti.

(21)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament u jaħtru korp jew korpi kompetenti biex iwettqu l-kompiti ta' superviżjoni u ta' infurzar. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri biex ifittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali.

(22)

B'kunsiderazzjoni għall-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri għall-preżentazzjonui tal-ilmenti, ilment dwar l-assistenza għandu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew korpi magħżulin għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-punt tal-imbark jew tal-iżbark.

(23)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tat-trasport pubbliku u l-użu ta' informazzjoni integrata u ta' biljetti integrati sabiex jiġu ottimizzati l-użu u l-interoperabbiltà tal-modi u operaturi varji tat-trasport.

(24)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawk il-pieni jiġu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(25)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni u ta' assistenza lill-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Istati Membri kollha, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(26)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (8).

(27)

L-infurzar ta' dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (9). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(28)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'kont meħud ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (10) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fir-rigward ta' dan li ġej:

(a)

nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi;

(b)

id-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta' aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ u li jirriżultaw f'mewt jew f'korriment fuq il-persuna jew it-telf ta' jew ħsara lill-bagalji;

(c)

nondiskriminazzjoni u assistenza obbligatorja għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(d)

id-drittijiet tal-passiġġieri f'każijiet ta' kanċellazzjoni jew dewmien;

(e)

l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri;

(f)

it-trattament ta' ilmenti;

(g)

ir-regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi regolari għal kategoriji mhux speċifikati ta' passiġġieri fejn il-punt tal-imbark jew tal-iżbark tal-passiġġieri ikun jinsab fit-territorju ta' Stat Membru u fejn id-distanza skedata tas-servizz tkun ta' 250 km jew aktar.

2.   Fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1, iżda fejn id-distanza skedata tas-servizz tkun inqas minn 250 km, għandhom japplikaw l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(1), il-punt (b) tal-Artikolu 16(1), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(1) u (2), u l-Artikoli 24 sa 28.

3.   Addizzjonalment, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9 sa 16, l-Artikolu 17(3) u l-Kapitoli IV, V u VI, dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi okkażjonali meta l-punt inizjali tal-imbark jew il-punt finali tal-iżbark tal-passiġġier ikun jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.

4.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2), l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(1), il-punt (b) tal-Artikolu 16(1), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(1) u (2), u l-Artikoli 24 sa 28, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentaw servizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jingħataw mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal perijodu ta' mhux aktar minn erba' snin, li jista' jiġġedded darba.

5.   Għal perijodu massimu ta' erba' snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament servizzi regolari partikolari għar-raġuni li parti sinifikanti ta' dawn is-servizzi regolari, inkluża mill-anqas waqfa skedata waħda, tkun operata barra mill-Unjoni. Eżenzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeddu darba.

6.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar eżenzjonijiet ta' tipi differenti ta' servizzi mogħtija skont il-paragrafi 4 u 5. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sat-2 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 4 u 5.

7.   Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jinftiehem bħala rekwiżiti konfliġġenti ma', jew li jintroduċi rekwiżiti addizzjonali għal, dawk li fil-leġislazzjoni eżistenti jkunu rekwiżiti tekniċi għal xarabankijiet jew kowċijiet jew għall-infrastruttura jew tagħmir f'postijiet ta' waqfien u terminals.

8.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE u m'għandux japplika fil-każ meta tour kollox kompriż imsemmi f'dik id-Direttiva jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr il-kanċellazzjoni ta' servizz regolari.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bil-kowċ f'intervalli speċifikati f'rotot speċifikati, u fejn il-passiġġieri jitilgħu u jinżlu f'postijiet ta' waqfien determinati minn qabel;

(b)

“servizzi okkażjonali” tfisser servizzi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' servizzi regolari u li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija t-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta' gruppi ta' passiġġieri kkostitwiti fuq l-inizjattiva tal-konsumatur jew tat-trasportatur innifsu;

(c)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt ta' ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta' servizz wieħed jew aktar regolari jew okkażjonali;

(d)

“biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta' kuntratt ta' trasport;

(e)

“trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra operatur turistiku, aġent tal-ivvjaġġar jew bejjiegħ tal-biljetti, li toffri trasport permezz ta' servizzi regolari jew okkażjonali lill-pubbliku ġenerali;

(f)

“trasportatur adempjenti” tfisser persuna fiżika jew ġuridika oħra minbarra t-trasportatur, li fil-fatt twettaq il-ġarr kollu jew parti minnu;

(g)

“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jikkonkludi kuntratti ta' trasport f'isem trasportatur;

(h)

“aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jaġixxi f'isem passiġġier għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' trasport;

(i)

“operatur turistiku” tfisser organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut, minbarra t-trasportatur, fis-sens tal-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(j)

“persuna b'diżabbiltà” jew “persuna b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport hija mnaqqsa b'riżultat ta' xi diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta' diżabbiltà, jew b'riżultat tal-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u adattament tas-servizzi magħmulin disponibbli għall-passiġġieri kollha għall-bżonnijiet partikolari tagħha;

(k)

“kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tax-xarabankijiet u/jew tat-terminals magħżulin, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

(l)

“prenotazzjoni” tfisser ibbukkjar ta' post fuq xarabank jew kowċ għal servizz regolari f'ħin tat-tluq speċifiku;

(m)

“terminal” tfisser terminal mgħammar bil-persunal fejn skont ir-rotta speċifikata jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu, u li jkollu faċilitajiet bħal bank għaċ-check-in, sala għall-istennija jew uffiċċju tal-biljetti;

(n)

“post ta' waqfien” tfisser kwalunkwe post minbarra terminal fejn skont ir-rotta speċifikata, jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu;

(o)

“korp għall-maniġġar ta' terminal” tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru responsabbli għall-maniġġar ta' terminal magħżul;

(p)

“kanċellazzjoni” tfisser in-nuqqas ta' operazzjoni ta' servizz regolari li kien skedat minn qabel;

(q)

“dewmien” tfisser differenza bejn il-ħin meta s-servizz regolari kien skedat li jitlaq skont l-iskeda ppubblikata u l-ħin tat-tluq fattwali tiegħu.

Artikolu 4

Biljetti u kondizzjonijiet kuntrattwali nondiskriminatorji

1.   It-trasportaturi għandhom jagħtu biljett lill-passiġġier, sakemm ma jkunux dokumenti oħra li jagħtu d-dritt għat-trasport. Biljett jista' jinħareġ f'format elettroniku.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati mit-trasportaturi għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post ta' fejn ikunu stabbiliti t-trasportaturi, jew il-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.

Artikolu 5

Partijiet adempjenti oħra

1.   Jekk it-twettiq tal-obbligi taħt dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur adempjenti, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal, li fada tali obbligi, għandu minkejja dan ikun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta' dik il-parti adempjenti.

2.   Barra minn hekk, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta' obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu fdat.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzja

1.   L-obbligi lejn il-passiġġieri taħt dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu limitati jew rinunzjati, b'mod partikolari b'deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt tat-trasport.

2.   It-trasportaturi jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

KUMPENS U ASSISTENZA F'KAŻ TA' AĊĊIDENTI

Artikolu 7

Mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġieri u telf ta' jew ħsara lill-bagalji

1.   Il-passiġġieri għandhom, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ikunu intitolati għal kumpens f'każ ta' mewt, inklużi spejjeż raġonevoli tal-funeral, jew korriment fuq il-persuna kif ukoll telf ta' jew ħsara lill-bagalji minħabba aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ. f'każ ta' mewt ta' passiġġier, dan id-dritt għandu bħala minimu japplika għall-persuni li l-passiġġier kellu, jew seta' jkollu, dover legali li jmantni.

2.   L-ammont ta' kumpens għandu jiġi kkalkolat skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Kull limitu massimu previst mil-liġi nazzjonali għall-kumpens għall-mewt u l-korriment fuq il-persuna jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji m'għandux, f'kull okkażjoni distinta, ikun inqas minn:

(a)

EUR 220 000 għal kull passiġġier;

(b)

EUR 1 200 għal kull bagalja. F'każ ta' ħsara għas-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza l-ammont ta' kumpens għandu dejjem ikun daqs l-ispiża biex jinbidel jew jissewwa t-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.

Artikolu 8

Bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri

F'każ ta' aċċident li jirriżulta mill-użu tax-xarabank jew tal-kowċ, it-trasportatur għandu jipprovdi assistenza raġonevoli u proporzjonata fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri wara l-aċċident. Tali assistenza għandha tinkludi, fejn ikun meħtieġ, akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ, trasport u l-faċilitazzjoni tal-ewwel għajnuna (first aid). Kwalunkwe assistenza pprovduta m'għandhiex tikkostitwixxi rikonoxximent ta' responsabbiltà.

Għal kull passiġġier, it-trasportatur jista' jillimita l-ispiża totali tal-akkomodazzjoni għal EUR 80 għal kull lejl u għal massimu ta' żewġt iljieli.

KAPITOLU III

DRITTIJIET TAL-PERSUNI B'DIŻABBILTÀ U TAL-PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 9

Dritt għat-trasport

1.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m'għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord, persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa.

2.   Il-prenotazzjonijiet u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda.

Artikolu 10

Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali

1.   Minkejja l-Artikolu 9(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuna, minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa:

(a)

sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, jew sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

fejn id-disinn tal-vettura jew l-infrastruttura, inklużi l-postijiet ta' waqfien u t-terminals, jagħmluha fiżikament impossibbli biex isir it-tlugħ abbord, l-inżul jew il-ġarr tal-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa b'mod sikur u mil-lat operattiv vijabbli.

2.   F'każ ta' rifjut li tiġi aċċettata prenotazzjoni jew li jinħareġ jew jiġi pprovdut b'mod ieħor biljett minħabba r-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata rigward servizz alternattiv aċċettabbli operat mit-trasportatur.

3.   Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, li jkollha prenotazzjoni jew ikollha biljett u li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-punt (a) tal-Artikolu 14(1), tiġi xorta waħda mċaħħda l-permess li tittella' abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħha, dik il-persuna u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha taħt il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi offruta l-għażla bejn:

(a)

id-dritt għal rimborż, u fejn rilevanti, servizz ta' ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità; u

(b)

ħlief fejn mhux fattibbli, il-kontinwazzjoni tal-vjaġġ jew il-bdil tar-rotta permezz ta' servizzi ta' trasport alternattiv raġonevoli lejn il-post tad-destinazzjoni stabbilit fil-kuntratt ta' trasport.

Id-dritt għar-rimborż tal-flus mħallsa għall-biljett m'għandux ikun affettwat min-nuqqas ta' notifika skont l-Artikolu 14(1)(a).

4.   Jekk trasportatur, aġent tal-ivvjaġġar jew operatur tat-tours jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni minn, li joħorġu jew b'xi mod ieħor jipprovdu biljett, jew li jtellgħu persuna fuq il-bażi ta' diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa għar-raġunijiet msemmija fil-paragrafu 1, dik il-persuna tista' titlob li tkun akkumpanjata minn persuna oħra magħżula minnha li tkun kapaċi tipprovdi l-assistenza meħtieġa mill-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa sabiex ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jibqgħux japplikaw.

Tali persuna akkumpanjanti għandha tiġi ttrasportata mingħajr ħlas u, meta dan ikun fattibbli, tingħata post maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa.

5.   Meta trasportaturi, aġenti tal-ivvjaġġar jew operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet għal dan, u, fuq talba, javżaw bil-miktub lill-persuna inkwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta ssir it-talba.

Artikolu 11

Aċċessibbiltà u informazzjoni

1.   F'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet ta' aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Il-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1, inkluż it-test tal-liġijiet internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta' sikurezza, li fuqhom ikunu bbażati dawn il-kondizzjonijiet għall-aċċess mhux diskriminatorju, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals fiżikament jew fuq l-Internet, f'formati aċċessibbli meta dawn ikunu mitluba, bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Meta tingħata din l-informazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

3.   L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għal traġitti inklużi fi vjaġġi kollox kompriż, f'vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.

4.   L-informazzjoni dwar kondizzjonijiet ta' aċċess imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

5.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ġenerali kollha rilevanti dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet tal-ġarr tkun disponibbli u aċċessibbli f'formati adatti u aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż, fejn applikabbli ibbukkjar u informazzjoni online. L-informazzjoni għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

Artikolu 12

Għażla tat-terminals

L-Istati Membri għandhom jagħżlu t-terminals tax-xarabankijiet u l-kowċijiet fejn għandha tiġi pprovduta l-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-Internet lista tat-terminals magħżula tax-xarabankijiet u tal-kowċijiet.

Artikolu 13

Dritt għal assistenza f'terminals magħżula u abbord xarabankijiet u kowċijiet

1.   Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, f'terminals magħżula mill-Istati Membri, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, mill-anqas sa fejn speċifikat fil-parti (a) tal-Anness I.

2.   Bla ħsara għall-kondizzjonijiet ta' aċċess previsti fl-Artikolu 11(1), it-trasportaturi għandhom, abbord xarabankijiet u kowċijiet, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, mill-anqas sa fejn speċifikat fil-parti (b) tal-Anness I.

Artikolu 14

Kondizzjonijiet li taħthom tiġi pprovduta assistenza

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jikkooperaw biex jagħtu assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa bil-kondizzjoni li:

(a)

il-bżonn tal-persuna għal assistenza bħal dik jiġi notifikat lit-trasportaturi, lill-korpi għall-maniġġar tat-terminals, lill-aġenti tal-ivvjaġġar jew lill-operaturi turistiċi mill-inqas 36 siegħa qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza; u

(b)

il-persuni kkonċernati jippreżentaw ruħhom fil-post magħżul:

(i)

fil-ħin stipulat minn qabel mit-trasportatur li m'għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat, sakemm ma jkunx ġie miftiehem perijodu iqsar bejn it-trasportatur u l-passiġġier; jew

(ii)

jekk ma jkun ġie stipulat l-ebda ħin, mhux aktar tard minn 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

2.   Barra mill-paragrafu 1, persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku meta jsir l-ibbukkjar jew ix-xiri minn qabel tal-biljett bil-bżonnijiet speċifiċi tagħhom tal-postijiet fejn joqogħdu bilqiegħda, kemm-il darba l-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.

3.   It-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul ta' notifiki dwar il-bżonn ta' assistenza li jsiru minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dan l-obbligu għandu japplika fit-terminals magħżula u fil-postijiet kollha tal-bejgħ tagħhom inkluż il-bejgħ bit-telefon u permezz tal-Internet.

4.   Jekk ma ssir l-ebda notifika skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2, it-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jiżguraw li l-assistenza tkun ipprovduta b'mod li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' titla' abbord is-servizz tat-tluq, tibdel għas-servizz korrispondenti jew tinżel mis-servizz tal-wasla li għalih hi tkun xtrat biljett.

5.   Il-korp għall-maniġġar tat-terminals għandu jagħżel post fit-terminal jew barra t-terminal fejn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu assistenza. Dan il-post għandu jkun immarkat b'mod ċar b'tabella u għandu joffri, f'formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal u l-assistenza pprovduta.

Artikolu 15

Trasmissjoni ta' informazzjoni lil parti terza

Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu notifika msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-korp għall-maniġġar tat-terminal fl-aqsar żmien possibbli.

Artikolu 16

Taħriġ

1.   It-trasportaturi u, fejn xieraq, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' taħriġ relatati mad-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, u jiżguraw li:

(a)

il-persunal tagħhom, ħlief ix-xufiera, inklużi dawk impjegati minn kwalunkwe parti adempjenti oħra, li jipprovdi assistenza diretta lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fil-partijiet (a) u (b) tal-Anness II; u

(b)

il-persunal tagħhom, inklużi x-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa jew ma' kwistjonijiet relatati mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa, ikunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fil-parti (a) tal-Anness II.

2.   Stat Membru jista' għal perijodu massimu ta' ħames snin mill-1 ta' Marzu 2013 jagħti eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu (1) fir-rigward tat-taħriġ tax-xufiera.

Artikolu 17

Kumpens rigward siġġijiet tar-roti u apparat ieħor għall-mobbiltà

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom ikunu responsabbli fejn ikunu kkawżaw it-telf ta' jew ħsara f'siġġijiet tar-roti, f'apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza. It-trasportatur jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal responsabbli għat-telf jew għall-ħsara għandhom jagħtu l-kumpens għal dak it-telf jew ħsara.

2.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun daqs l-ispiża ta' tibdil jew tiswija tal-apparat jew tat-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.

3.   Fejn meħtieġ għandu jsir kull sforz biex ikun ipprovdut malajr apparat jew tagħmir ta' sostituzzjoni temporanji. Is-siġġijiet tar-roti, appart ta' mobbiltà u tagħmir ieħor ta' assistenza għandhom ikollhom, fejn possibbli, karatteristiċi tekniċi u funzjonali simili għal dawk li jkunu ntilfu jew li tkun saritilhom ħsara.

Artikolu 18

Eżenzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi domestiċi regolari mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Kapitolu, jew xi wħud minnhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu jistgħu jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa taħt ir-regoli nazzjonali tagħhom tkun mill-inqas l-istess bħal dawk taħt dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Sat-2 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' KANĊELLAZZJONI JEW DEWMIEN

Artikolu 19

Kontinwazzjoni, bdil tar-rotta u rimborż

1.   Fejn trasportatur raġonevolment jantiċipa li servizz regolari jkun ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal għal aktar minn 120 minuta, jew f'każ ta' bbukkjar żejjed, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

(a)

kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, mingħajr ħlas addizzjonali u taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità;

(b)

rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta' ritorn bix-xarabank jew bil-kowċ mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport, mal-ewwel opportunità.

2.   Jekk it-trasportatur jonqos milli joffri lill-passiġġier l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, il-passiġġier għandu jkollu d-dritt għal kumpens li jammonta għal 50 % tal-prezz tal-biljett, minbarra r-rimborż imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1. Din is-somma għandha titħallas mit-trasportatur fi żmien xahar minn meta tiġi ppreżentata t-talba għal kumpens.

3.   Fejn ix-xarabank jew il-kowċ isiru inoperabbli matul il-vjaġġ, it-trasportatur għandu jipprovdi jew il-kontinwazzjoni tas-servizz permezz ta' vettura oħra mill-post tal-vettura inoperabbli, jew trasport mill-post tal-vettura inoperabbli għal punt jew terminal adegwat ta' stennija li minnu ssir possibbli l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ.

4.   Fil-każ li servizz regolari jiġi kkanċellat jew jiġi ttardjat fit-tluq għal aktar minn 120 minuta minn post ta' waqfien, il-passiġġieri għandhom dritt għall-kontinwazzjoni jew għal servizz minn rotta oħra (re-routing) jew ir-rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur, kif imsemmi fil-paragrafu 1.

5.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 4 għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta tkun saret l-offerta jew tkun ġiet irċevuta t-talba. Il-ħlas għandu jkopri l-ispiża sħiħa tal-biljett bil-prezz li bih ikun inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fil-każ ta' pass tal-ivjaġġar jew biljett staġunali il-ħlas għandu jkun daqs il-parti proporzjonali tiegħu tal-ispiża sħiħa tal-pass jew biljett. Ir-rimborż għandu jitħallas fi flus, sakemm il-passiġġier ma jaċċettax forma oħra ta' rimborż.

Artikolu 20

Informazzjoni

1.   F'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' servizzi regolari, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-korp għall-maniġġar tat-terminals, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u bil-ħin tat-tluq stmat hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

2.   Jekk il-passiġġieri jitilfu, skont l-iskeda, servizz li jkun jgħaqqad ma' servizz ieħor, minħabba kanċellazzjoni jew dewmien, it-trasportatur jew, fejn xieraq, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.

3.   It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jiżgura li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f'formati aċċessibbli.

4.   Fejn ikun fattibbli, l-informazzjoni rekwiżita taħt il-paragrafi 1 u 2 għandha tingħata b'mezzi elettroniċi lill-pasiġġieri kollha, inklużi dawk li jitilqu minn postijiet ta' waqfien, fil-perijodu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1, jekk il-passiġġier ikun talab dan u jkun ipprovda d-dettalji ta' kuntatt meħtieġa lit-trasportatur.

Artikolu 21

Assistenza f'każ ta' tluq kanċellat jew ittardjat

Għal vjaġġ ta' tul skedat ta' aktar minn tliet siegħat, it-trasportatur, f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq minn terminal għal aktar minn 90 minuta, għandu joffri lill-passiġġier mingħajr ħlas:

(a)

ikliet ħfief, ikliet jew xorb b'mod raġonevoli skont it-tul tal-ħin ta' stennija jew dewmien, bil-kondizzjoni li dawn ikunu disponibbli fuq ix-xarabank jew fit-terminal, jew jistgħu jkunu fornuti b'mod raġonevoli;

(b)

kamra f'lukanda jew akkomodazzjoni oħra kif ukoll assistenza biex jiġi rranġat trasport bejn it-terminal u l-post tal-akkomodazzjoni f'każijiet fejn ikun meħtieġ soġġorn ta' lejl wieħed jew aktar. Għal kull passiġġier, it-trasportatur jista' jillimita l-ispiża totali tal-akkomodazzjoni, li ma tinkludix it-trasport lejn u mit-terminal u l-post tal-akkomodazzjoni, għal EUR 80 għal kull lejl u għal massimu ta' żewġt iljieli.

Fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u tal-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

Artikolu 22

Pretensjonijiet ulterjuri

Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jipprekludi lill-passiġġieri milli jfittxu indennizz, skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali, fir-rigward ta' telf li jirriżulta minn kanċellazzjoni jew dewmien ta' servizzi regolari.

Artikolu 23

Eżenzjonijiet

1.   Ħlief għall-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali, l-Artikoli 19 u 21 m'għandhomx japplikaw għal passiġġieri b'biljetti miftuħin sakemm il-ħin tat-tluq ma jkunx speċifikat.

2.   Il-punt (b) tal-Artikolu 21 m'għandux japplika fejn it-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huma kkawżati minn kundizzjonijiet severi tat-temp jew minn diżastri naturali maġġuri li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tas-servizzi bix-xarabank jew bil-kowċ.

KAPITOLU V

REGOLI ĠENERALI DWAR INFORMAZZJONI U ILMENTI

Artikolu 24

Dritt għal informazzjoni dwar l-ivjaġġar

It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ kollu tagħhom. Fejn dan ikun fattibbli, din l-informazzjoni għandha tingħata f'formati aċċessibbli jekk tintalab.

Artikolu 25

Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza, jiżguraw li l-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni xierqa u li tinftiehem fir-rigward tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament l-aktar tard mat-tluq. din l-informazzjoni għandha tingħata fit-terminals u fejn applikabbli, fuq l-Internet. Fuq talba ta' persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa l-informazzjoni għandha tingħata, fejn dan ikun fattibbli, f'format aċċessibbli. Din l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji ta' kuntatt tal-korp jew korpi għall-infurzar magħżulin mill-Istat Membru skont l-Artikolu 28(1).

2.   Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals jistgħu jużaw sommarju tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.

Artikolu 26

Ilmenti

It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu jew jiddisponu minn mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Preżentazzjoni tal-ilmenti

Mingħajr preġudizzju għal pretensjonijiet għal kumpens f'konformità mal-Artikolu 7, jekk passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur, huwa għandu jippreżentah fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun twettaq is-servizz regolari jew meta servizz regolari kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m'għandux ikun itwal minn tliet xhur mir-riċezzjoni tal-ilment.

KAPITOLU VI

INFURZAR U KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR

Artikolu 28

Korpi nazzjonali tal-infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi regolari minn postijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi regolari minn pajjiż terz lejn dawk il-postijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Kull korp għandu, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet dwar finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikun indipendenti mit-trasportaturi, mill-operaturi turistiċi u mill-korpi għall-maniġġar tat-terminals.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi magħżulin taħt dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe passiġġier jista' jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp xieraq magħżul skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament.

Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta ilment lit-trasportatur, u f'dak il-każ, il-korp nazzjonali ta' infurzar jew kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li ma jiġux riżolti taħt l-Artikolu 27.

Artikolu 29

Rapport dwar l-infurzar

Sa l-1 ta' Ġunju 2015 u kull sentejn wara dik id-data, il-korpi tal-infurzar magħżulin skont l-Artikolu 28(1) għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attività tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, b'mod partikolari, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet li jkunu ġew applikati.

Artikolu 30

Kooperazzjoni bejn korpi tal-infurzar

Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 28(1) għandhom, fejn xieraq, jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.

Artikolu 31

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sal-1 ta' Marzu 2013 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-2 ta' Marzu 2016, dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw f'aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jemendawh.

Artikolu 33

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandu jiżdied il-punt li ġej:

“19.

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ (*)

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 99.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 312), pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel qari tal-11 ta' Marzu 2010 (ĠU C 122 E, 11.5.2010, p. 1), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2011 u riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.

(4)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

(5)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(6)  ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.

(7)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(10)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(11)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.


ANNESS I

ASSISTENZA PPROVDUTA LIL PERSUNI B'DIŻABBILTÀ U LIL PERSUNI B'MOBBILTÀ MNAQQSA

(a)   Assistenza f'terminals magħżulin

L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

jikkomunikaw il-wasla tagħhom fit-terminal kif ukoll it-talba tagħhom għal assistenza f'postijiet magħżula;

jiċċaqilqu mill-post magħżul sal-bank taċ-check-in, il-kamra għall-istennija u ż-żona għall-imbark;

jitilgħu abbord il-vettura, permezz ta' liftijiet, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skont il-każ;

jgħabbu l-bagalji tagħhom;

jieħdu lura l-bagalji tagħhom;

jinżlu mill-vettura;

ikollhom magħhom kelb tal-assistenza rikonoxxut abbord ix-xarabank jew il-kowċ;

jipproċedu għall-post bilqiegħda.

(b)   Assistenza abbord

L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

tingħatalhom l-informazzjoni essenzjali dwar vjaġġ f'formati aċċessibbli kemm-il darba ssir talba mill-passiġġier;

jitilgħu/jinżlu waqt pawżi fi vjaġġ, jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord.


ANNESS II

TAĦRIĠ RELATAT MAD-DIŻABBILTÀ

(a)   Taħriġ ta’ għarfien tad-diżabbiltà

It-taħriġ tal-persunal li jittratta direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa jinkludi:

għarfien dwar u risponsi adatti għal passiġġieri b’diżabbiltajiet fiżiċi, sensorji (smigħ u viżiv), moħbija jew ta’ tagħlim, inkluż dwar kif wieħed jiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta’ persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista’ tkun imnaqqsa;

xkiel iffaċċjat minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta’ attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv;

klieb tal-assistenza rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta’ kelb tal-assistenza;

kif wieħed jittratta avvenimenti mhux mistennija;

ħiliet interpersonali u metodi tal-komunikazzjoni ma’ persuni torox u ma’ persuni neqsin mis-smigħ, ma’ persuni neqsin mid-dawl, ma’ persuni b’diffikultajiet fit-taħdit u ma’ nies b’diżabbiltà ta’ tagħlim;

kif tittratta siġġijiet tar-roti u għajnuniet (aids) oħra għall-mobbiltà bil-galbu sabiex tiġi evitata l-ħsara (jekk ikun hemm, għall-persunal kollu li hu responsabbli għall-maniġġar tal-bagalji).

(b)   Taħriġ għal assistenza fil-każ ta’ diżabbiltà

It-taħriġ lill-persunal li jassisti direttament lil persuni b’diżabbiltà jew lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa jinkludi:

kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġi u jqum mis-siġġu tar-roti;

ħiliet biex tingħata assistenza lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b’kelb tal-assistenza rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta’ dawk il-klieb;

teknika għall-akkompanjament ta’ passiġġieri neqsin mid-dawl u għall-immaniġġar u l-ġarr ta’ klieb tal-assistenza rikonoxxuti;

konoxxenza tat-tipi ta’ apparat li jista’ jassisti lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa u konoxxenza dwar kif għandu jkun immaniġġat apparat bħal dan;

l-użu ta’ tagħmir ta’ assistenza għat-tlugħ u għall-inżul użat u l-konoxxenza ta’ proċeduri xierqa għal assistenza waqt it-tlugħ u l-inżul li jissalvagwardjaw is-sigurtà u d-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

għarfien tal-ħtieġa għal assistenza affidabbli u professjonali. Barra minn hekk, għarfien tal-potenzjalità ta’ ċerti passiġġieri b’diżabbiltà li jħossuhom vulnerabbli matul l-ivvjaġġar minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-assistenza pprovduta;

konoxxenza tal-ewwel għajnuna (first aid).


28.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/13


REGOLAMENT (UE) Nru 182/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2011

li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 291(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li jkunu jorbtu legalment, dawk l-atti għadhom jikkonferixxu s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, jew, f’każijiet speċifiċi debitament ġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

(2)

Huwa kompitu tal-leġiżlatur, f’osservanza sħiħa tal-kriterji stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jiddeċiedi, fir-rigward ta’ kull att bażiku, jekk għandux jikkonferixxi jew le setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 291(2) ta’ dak it-Trattat.

(3)

Sa issa, l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni kien regolat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (2).

(4)

It-TFUE issa jirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-proċeduri għal tali kontroll ikunu ċari, effikaċi u proporzjonati għan-natura tal-atti ta’ implimentazzjoni u li dawn jirriflettu r-rekwiżiti istituzzjonali tat-TFUE kif ukoll l-esperjenzi miksuba u l-prattika komuni segwita fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(6)

F’dawk l-atti bażiċi, li jirrikjedu l-kontroll tal-Istati Membri għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni, huwa kunsiljabbli li, għall-fini ta’ tali kontroll, jiġu mwaqqfa kumitati komposti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppreseduti mill-Kummissjoni.

(7)

Fejn ikun il-każ, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell li għandu jiltaqa’ fil-livell appositu.

(8)

Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni konformement ma’ waħda biss minn żewġ proċeduri, jiġifieri l-proċedura konsultattiva jew il-proċedura ta’ eżami.

(9)

Għall-finijiet ta’ aktar simplifikazzjoni, għandhom japplikaw regoli proċedurali komuni għall-kumitati, inklużi d-dispożizzjonijiet prinċipali relattivi għall-funzjonament tagħhom u għall-possibbiltà li tingħata opinjoni permezz tal-proċedura bil-miktub.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw il-proċedura li għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni. Għall-finijiet ta’ aktar konsistenza, ir-rekwiżiti proċedurali għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu ser jiġu adottati.

(11)

Il-proċedura ta’ eżami għandha tapplika b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ atti ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jimplimentaw atti bażiċi u atti ta’ implimentazzjoni speċifiċi li jkollhom impatt potenzjalment importanti. Dik il-proċedura għandha tiżgura li l-atti ma jistgħux jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk dawn ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat, ħlief f’ċirkostanzi li jkunu ferm eċċezzjonali, fejn ikunu jistgħu japplikaw għal perjodu ta’ żmien limitat. Il-proċedura għandha wkoll tiżgura li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrivedi l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni fejn ma tkun ingħatat ebda opinjoni mill-kumitat, b’kont meħud tal-fehmiet espressi fi ħdan il-kumitat.

(12)

Sakemm l-att bażiku jikkonferixxi setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni relatati ma’ programmi b’implikazzjonijiet baġitarji sostanzjali jew li jkunu diretti lejn pajjiżi terzi, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami.

(13)

Il-president tal-kumitat rilevanti għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell u għandu jispjega l-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għall-emendi. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-fehmiet espressi fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi.

(14)

Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b’mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b’mod li jevita konflitt ma’ xi pożizzjoni predominanti li tista’ tirriżulta fil-kumitat ta’ appell li tikkontesta l-adegwatezza ta’ att ta’ implimentazzjoni.

(15)

Il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każi l-oħra kollha jew fejn tkun ikkunsidrata aktar adatta.

(16)

Għandu jkun possibbli, fejn hekk ikun previst f’att bażiku, li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li japplikaw immedjatament għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(17)

Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati minnufih bil-proċedimenti tal-kumitat fuq bażi regolari.

(18)

Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandhom ikunu jistgħu fi kwalunkwe mument jindikaw lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħhom l-abbozz ta’ att implimentattiv jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku, b’kont meħud tad-drittijiet tagħhom relatati mal-eżami tal-legalità ta’ atti tal-Unjoni.

(19)

Għandu jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

(20)

Għandu jinżamm reġistru mill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati. Konsegwentement, ir-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dokumenti klassifikati li japplikaw għall-Kummissjoni għandhom japplikaw ukoll għall-użu tar-reġistru.

(21)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE għandha titħassar. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn ir-reġim previst fid-Deċiżjoni 1999/468/KE u dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza f’leġiżlazzjoni eżistenti għall-proċeduri previsti f’dik id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tiegħu, għandha tinftiehem bħala referenza għall-proċeduri korrispondenti previsti f’dan ir-Regolament. L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu b’mod provviżorju għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li jirriferu għal dak l-Artikolu.

(22)

Is-setgħat tal-Kummissjoni, kif stabbiliti mit-TFUE, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-modalitajiet li għandhom japplikaw fejn att tal-Unjoni li jkun jorbot legalment (minn hawn ’il quddiem “att bażiku”) jidentifika l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni u jirrikjedi li l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Għażla tal-proċeduri

1.   Att bażiku jista’ jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva jew tal-proċedura ta’ eżami, b’kont meħud tan-natura jew l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa.

2.   Il-proċedura ta’ eżami tapplika b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’:

(a)

atti ta’ implimentazzjoni ta’ ambitu ġenerali;

(b)

atti oħra ta’ implimentazzjoni relatati ma’:

(i)

programmi b’implikazzjonijiet sostanzjali;

(ii)

il-politika agrikola komuni u l-politika ta’ sajd komuni;

(iii)

l-ambjent, is-sigurtà u s-sikurezza jew il-protezzjoni tas-saħħa jew sikurezza ta’ bnedmin, annimali jew pjanti;

(iv)

il-politika kummerċjali komuni.

(v)

tassazzjoni.

3.   Il-proċedura konsultattiva tapplika, bħala regola ġenerali, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li ma jaqgħux fl-ambitu tal-paragrafu 2. Il-proċedura konsultattiva, iżda, tista’ tapplika għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f’każijiet debitament ġustifikati.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president m’għandux jieħu sehem fil-votazzjoni fil-kumitat.

3.   Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

4.   Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. Il-president għandu jinforma lill-kumitat dwar il-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk is-suġġerimenti li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat.

5.   F’każijiet debitament ġustifikati, il-president jista’ jikseb l-opinjoni tal-kumitat permezz tal-proċedura bil-miktub. Il-president għandu jibgħat lill-membri tal-kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u għandu jistipula limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ opinjoni skont l-urġenza tal-materja. Kwalunkwe membru tal-kumitat li ma jikkontestax l-att ta’ implimentazzjoni jew li ma jastjenix espliċitament milli jivvota dwar dan qabel jiskadi dak il-limitu taż-żmien għandu jiġi meqjus li jkun qabel b’mod taċitu mal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Sakemm ma jiġix previst b’mod ieħor fl-att bażiku, il-proċedura bil-miktub għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-president jiddeċiedi hekk jew membru tal-kumitat jitlob li jsir dan. F’każ bħal dan, il-president għandu jsejjaħ laqgħa tal-kumitat fi żmien raġonevoli.

6.   L-opinjoni tal-kumitat għandha tiġi reġistrata fil-minuti. Il-membri tal-kumitat għandhom id-dritt li jitolbu li l-pożizzjoni tagħhom tkun reġistrata fil-minuti. Il-president għandu jibgħat il-minuti lill-membri tal-kumitat mingħajr dewmien.

7.   Fejn applikabbli, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell.

Il-kumitat ta’ appell għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Meta kwistjoni tiġi quddiem kumitat ta’ appell, dan għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata mid-data tar-rinviju, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara dik id-data. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tar-rinviju.

Il-kumitat ta’ appell għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-president għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ appell f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat, biex jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw livell xieraq ta’ rappreżentanza. Sal-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ l-ewwel laqgħa tal-kumitat ta’ appell biex jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 4

Proċedura konsultattiva

1.   Fejn tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. Jekk il-kumitat jieħu vot, l-opinjoni għandha tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat, billi jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat u mill-opinjoni li tkun ingħatat.

Artikolu 5

Proċedura ta’ eżami

1.   Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) tat-TFUE, għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

2.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta dak l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.

4.   Fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Fejn il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-president jista’ jippreżenta lill-kumitati verżjoni emendata tiegħu.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fejn:

(a)

dak l-att jikkonċerna t-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sikurezza ta’ bnedmin, annimali jew pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi,

(b)

l-att bażiku jipprevedi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ma jistax jiġi adottat fejn ma tingħatax opinjoni, jew

(ċ)

tkun topponih maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat.

Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata ta’ dak l-att lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-vot, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar mill-vot lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-kumitat u maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu topponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha jkollha konsultazzjonijiet mal-Istati Membri. Mill-anqas erbatax-il ġurnata qabel u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-laqgħa tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-membri tal-kumitat bir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u tippreżenta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell. B’deroga mill-Artikolu 3(7), il-kumitat ta’ appell għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata minn u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 6. Il-limiti ta’ żmien stipulati f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskadenzi stipulati fl-atti bażiċi rilevanti.

Artikolu 6

Rinviju lill-kumitat ta’ appell

1.   Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1).

2.   Sa meta tingħata opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat ta’ appell jista’ jissuġġerixxi emendi għall-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u l-president jista’ jiddeċiedi jekk jimmodifikahx jew le.

Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat ta’ appell.

Il-president għandu jinforma lill-kumitat ta’ appell dwar il-mod li bih ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ suġġerimenti għal emendi li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat ta’ appell.

3.   Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummisjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi, fin-nuqqas ta’ opinjoni pożittiva vvutata b’maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1), il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozzi tal-miżuri.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, sal-1 ta’ Settembru 2012, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 7

L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’każijiet eċċezzjonali

B’deroga mill-Artikolu 5(3) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), il-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni fejn dan ikun jeħtieġ li jiġi adottat mingħajr dewmien biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ tfixkil sinifikanti tas-swieq fil-qasam tal-agrikoltura jew riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 325 tat-TFUE.

F’tali każ il-Kummissjoni għandha immedjatament tippreżenta l-att ta’ implimentazzjoni adottat lill-kumitat ta’ appell. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva dwar l-att ta’ implimentazzjoni adottat, il-Kummissjoni għandha tħassar dak l-att immedjatament. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva jew ma jagħti l-ebda opinjoni, l-att ta’ implimentazzjoni għandu jibqa’ fis-seħħ.

Artikolu 8

Atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament

1.   B’deroga mill-Artikoli 4 u 5, att bażiku jista’ jipprovdi li, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, għandu japplika dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li għandu japplika immedjatament, mingħajr il-preżentazzjoni tiegħu minn qabel lil xi kumitat, u li għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur sakemm l-att bażiku ma jipprevedix mod ieħor.

3.   Mhux aktar tard minn 14-il ġurnata wara l-adozzjoni tiegħu, il-president għandu jippreżenta l-att imsemmi fil-paragrafu 2 lill-kumitat rilevanti sabiex jikseb l-opinjoni tegħu.

4.   Fejn tkun tapplika l-proċedura ta’ eżami, fil-każ li li l-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni għandha minnufih tħassar l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2.

5.   Fejn il-Kummissjoni tadotta miżuri anti-dumping jew kumpensatorji provviżorji, għandha tapplika l-proċedura prevista f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali miżuri wara li tikkonsulta jew, f’każijiet ta’ urġenza kbira, wara li tinforma, lill-Istati Membri. F’dan il-każ tal-aħħar, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara n-notifika lill-Istati Membri tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Regoli ta’ proċedura

1.   Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Dawn ir-regoli standard għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Safejn jista’ jkun meħtieġ, il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom għar-regoli standard.

2.   Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru tal-proċedimenti tal-kumitati li għandu jinkludi:

(a)

lista tal-kumitati,

(b)

l-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati,

(c)

is-sommarji ta’ entrati reġistrati, flimkien mal-listi tal-awtoritajiet u organizzazzjonijiet li għalihom jkunu jappartjenu l-persuni maħtura mill-Istati Membri bħala rappreżentanti tagħhom,

(d)

l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li dwarhom il-kumitati jintalbu li jagħtu opinjoni,

(e)

ir-riżultati tal-votazzjonijiet,

(f)

l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni wara li tingħata l-opinjoni tal-kumitati,

(g)

informazzjoni li tikkonċerna l-adozzjoni tal-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, u

(h)

data ta’ statistika dwar il-ħidma tal-kumitati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll rapport annwali dwar il-ħidma tal-kumitati.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’konformità mar-regoli applikabbli.

4.   Fl-istess mument li jintbagħtu lill-membri tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill id-dokumenti msemmija fil-punti (b), (d) u (f) tal-paragrafu 1 filwaqt li tinfurmahom ukoll bid-disponibbiltà ta’ dawn id-dokumenti.

5.   Ir-referenzi għad-dokumenti kollha msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi fir-reġistru.

Artikolu 11

Id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Fejn att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ fi kwalunkwe mument jindika lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tiegħu, l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha teżamina l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet espressi, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk ikollhiex l-intenzjoni li żżomm, temenda jew tirtira l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 12

Tħassir tad-Deċiżjoni 1999/468/KE

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija b’dan imħassra.

L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li għalihom jagħmlu referenza.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali: adattament tal-atti bażiċi eżistenti

1.   Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament;

(ċ)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u l-att bażiku għandu jitqies li jistipula li, fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, kif previst fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4);

(d)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandu japplika l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandhom japplikaw l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Artikoli 3 u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kumitati eżistenti kollha għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċeduri eżistenti li jagħmlu referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4.   Il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu m’għandhomx jippreġudikaw in-natura tal-atti kkonċernati.

Artikolu 14

Arranġament tranżizzjonali

Dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq proċeduri pendenti li fihom kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu taħt id-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 15

Klawsola ta’ eżami

Sal-1 ta’ Marzu 2016, il-Kummnissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adatti.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


STQARRIJA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

L-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva. Din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni tista', bħal fil-prattika attwali, f'każijiet eċċezzjonali ħafna, tieħu kont ta' ċirkostanzi ġodda li rriżultaw wara l-votazzjoni u tiddeċiedi li ma tadottax abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, wara li tkun infurmat debitament lill-kumitat u l-leġislatur.


STQARRIJIET MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni se tgħaddi biex teżamina l-atti leġiżlattivi kollha li jinsabu fis-seħħ u li ma ġewx adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, sabiex tivvaluta jekk jeħtieġx li dawk l-istrumenti jiġu adattati għar-reġim tal-atti ddelegati li ddaħħal permezz tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xerqin mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mid-dati msemmijin fil-kalendarju indikattiv li jinsab anness ma' din id-dikjarazzjoni.

Waqt li jkun għaddej dan l-eżerċizzju ta' allinjament, il-Kummissjoni se żżomm lill-parlament Ewropew mgħarraf b'mod regolari dwar l-abbozzi ta' miżuri implimentattivi marbutin ma' dawn l-istrumenti li fil-ġejjieni għandhom isiru atti ddelegati.

Rigward l-atti leġiżlattivi fis-seħħ li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, l-Kummissjoni se tirrevedi d-dispożizzjonijiet marbutin ma' din il-proċedura f'kull strument li għandha l-ħsieb li timmodifika, sabiex meta jasal iż-żmien xieraq tadattahom skont il-kriterji preskritti fit-Trattat. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkunu intitolati li jindikaw l-atti bażiċi li jqisuh importanti li jiġu adattati bi prijorità.

Sa tmiem l-2012 il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati ta' dan il-proċess sabiex tistma kemm ikun għad baqa' fis-seħħ atti leġiżlattivi li jkun fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju. Imbagħad il-Kummissjoni tħejji l-inizjattivi leġiżlattivi xerqin sabiex tlesti l-adattament. L-objettiv ġenerali tal-Kummissjoni huwa li, sa tmiem is-7 mandat tal-Parlament, id-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju jkunu tneħħew mill-istrumenti leġiżlattivi kollha.

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-aħħar varat studju li jipprovdi ħarsa kompluta u oġġettiva lejn l-aspetti kollha tal-linja politika u l-prattiki tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, inkluża evalwazzjoni tar-riżultati, tal-metodi, tal-utilizzazzjoni u tal-effettività tal-iskema kurrenti tas-SDK (TDI) fil-kisba tal-objettivi tal-linja politika dwar il-kummerċ, evalwazzjoni tal-effettività tad-deċiżjonijiet eżistenti u potenzjali dwar linji politiċi meħudin mill-Unjoni Ewropea (e.g., it-test dwar l-interess tal-Unjoni, ir-regola tal-inqas dazji, is-sistema tal-ġbir tad-dazji) meta wieħed iqabbel mad-deċiżjonijiet rigward linji politiċi meħudin minn ċerti sħab kummerċjali u eżami tar-regolamenti bażiċi kontra d-dumping u kontra s-sussidji fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Korp tal-WTO għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb, fil-kuntest tar-riżultati tal-istudju u tal-iżviluppi fin-negozjati dwar l-Aġenda ta' Doħa għall-Iżvilupp, tistħarreġ jekk għandhiex tkompli taġġorna u timmodernizza l-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ u kif.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-inizjattivi li ħadet dan l-aħħar biex ittejjeb it-trasparenza tat-tħaddim tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (bħall-ħatra ta' Uffiċjal tas-Seduta) u ħidmietha mal-Istati Membri biex tiċċara elementi ewlenin tal-prattika tad-difiża tal-kummerċ. Il-Kummissjoni tagħti importanza sostanzjali lil dan ix-xogħol, u se tfittex li tidentifika, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, inizjattivi oħrajn li jistgħu jittieħdu f'dan ir-rigward.

Skont ir-regoli tal-komitoloġija msejsin fuq id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, fejn kumitat ta' ġestjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikun ta opinjoni kuntrarja, il-Kummissjoni trid tissottometti l-abbozz ta' miżura inkwistjoni lill-Kunsill, li jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar. Madanakollu, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli taġixxi iżda għandha l-għażla li ddaħħal il-miżura jew inkella tiddifferixxi l-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżura fejn tqis, kollox ma' kollox, li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tagħha tkun, ngħidu aħna, tipprovoka effetti negattivi irriversibbli fuq is-suq. Meta aktar tard il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor il-miżura mdaħħla fis-seħħ mill-Kummissjoni naturalment ma jkunx hemm iktar bżonnha. Hekk, ir-regoli ta' bħalissa jarmaw lill-Kummissjoni bi strument li jippermetti li jitħares l-interess komuni tal-Unjoni kollha kemm hi billi tadotta miżura, għall-inqas fuq bażi interim.

L-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament ifittex li jilħaq l-objettiv li dan il-mod ta' kif isiru l-affarijiet jinżamm fl-arranġamenti l-ġodda tal-komitoloġija iżda li jiġi limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u fuq il-bażi ta' kriterji ddefiniti tajjeb u restrittivi. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni tadotta abbozz ta' miżura minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-kumitat li jeżamina, dment li “n-nuqqas ta' adozzjoni tagħha b'urġenza jkun joħloq tħarbit sinifikanti tas-swieq (…) jew għal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.” Id-dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli li wieħed jistenna sakemm il-kumitat jerġa' jivvota fuq l-istess abbozz ta' miżura jew fuq abbozz ieħor ta' miżura minħabba li sadattant is-suq ikun ġie mfixkel b'mod sinifikanti e.g. minħabba l-imġiba spekulattiva tal-operaturi. Sabiex tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, hija tagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-opportunità li jkollhom diskussjoni infurmata oħra dwar l-abbozz ta' miżura mingħajr ma l-affarijiet jitħallew mhux deċiżi u miftuħin għall-ispekulazzjoni bil-konsegwenzi negattivi għas-swieq u għall-baġit.

Tali sitwazzjonijiet jistgħu notevolment iqumu fil-kuntest tal-ġestjoni minn ġurnata għall-oħra tal-PAK (e.g. l-iffissar tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, il-ġestjoni tal-liċenzji, klawsola speċjali ta' salvagwardja) fejn spiss ikun meħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jista' jkollhom konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti għas-swieq u b'hekk għall-bdiewa u għall-operaturi kif ukoll għall-baġit tal-Unjoni.

F'każijiet fejn il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jindikaw lill-Kummissjoni li jqisu li abbozz ta' att implimentattiv ikun imur lil hinn mis-setgħat implimentattivi previsti fl-att bażiku, il-Kummissjoni tirrevedi minnufih l-abbozz ta' att implimentattiv b'mod li jagħti kas tal-pożizzjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Il-Kummissjoni taġixxi b'mod li jagħti kas xieraq tal-urġenza tal-materja.

Qabel ma tiddeċiedi jekk l-abbozz ta' att implimentattiv għandux jiġi adottat, emendat jew irtirat, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill dwar l-azzjoni li jkollha l-ħsieb li tieħu u dwar ir-raġunijiet għaliex tkun se tagħmel dan.