ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.015.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 15

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
20ta' Jannar 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 38/2011 tat-18 ta’ Jannar 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 39/2011 tad-19 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

5

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 40/2011 tad-19 ta’ Jannar 2011 dwar il-kwistjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-applikazzjonijiet li tressqu fl-ewwel 7 ijiem ta' Jannar 2011 skont il-kwota tariffarja għaċ-ċanga ta' kwalità għolja amministrata mir-Regolament (KE) Nru 620/2009

7

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 41/2011 tad-19 ta’ Jannar 2011 dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni għall-applikazzjonijiet introdotti matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Jannar 2011 fil-qafas tal-kwoti tariffarji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għal-laħam tat-tjur

8

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 42/2011 tad-19 ta’ Jannar 2011 li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għall-prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji

10

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/30/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2011 dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ ċerti pajjiżi terzi kif ukoll dwar perjodu tranżizzjonali għall-attivitajiet tal-awditjar ta’ awdituri u entitajiet tal-awditjar minn ċerti pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea (notifikata bid-dokument numru C(2011) 117)  ( 1 )

12

 

 

2011/31/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2011 li ttemm il-proċediment kontra l-għoti ta’ sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku ppurifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja

17

 

 

2011/32/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2011 li ttemm il-proċediment ta’ antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja

22

 

 

IV   Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 190/09/COL tat-22 ta’ April 2009 li temenda, għad-disgħa u sittin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitolu rivedut dwar il-qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

26

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 38/2011

tat-18 ta’ Jannar 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

(1)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw, inter alia, fl-Indja. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju antidumping ad valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (3), il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju antidumping impost varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 (4)).

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (5), il-Kunsill, wara reviżjoni interim rigward is-sussidjar ta’ produttur tat-tertuqa PET Indjan, Garware Polyester Limited, emenda d-dazju antidumping definittiv impost fuq dik il-kumpanija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(4)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (6), fuq talba ta’ produttur esportatur ġdid, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ esportatur Indjan wieħed. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju antidumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li tqies il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. Billi l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, ġiet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(5)

F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (7), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward ta’ produttur esportatur Indjan wieħed.

(6)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (8), il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidju lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq dawn il-Kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u d-dazji kumpensatorji definittivi imposti fuq dawn il-kumpaniji permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 żamm ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-Brażil u l-Iżrael bl-eżenzjoni ta’ ċerti kumpaniji. L-aħħar emenda għar-Regolament 1292/2007 f’dan ir-rigward saret permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 806/2010 (9).

(8)

L-applikant ta’ din ir-reviżjoni interim - Garware Polyester Limited huwa attwalment soġġett għal dazju antidumping definittiv ta’ 14,7 %.

2.   Miżuri kumpensatorji eżistenti

(9)

Għandu wkoll jiġi indikat li Garware Polyester Limited huwa soġġett għal dazju kumpensatorju ta’ 5,4 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 15/2009.

3.   Talba għal reviżjoni interim parzjali

(10)

F’Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping, tressqet minn Garware Polyester Limited, produttur esportatur mill-Indja (“Garware” jew “l-applikant”). Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

4.   Il-bidu ta’ reviżjoni

(11)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ Notifika ta’ Inizjazzjoni ppubblikata fl-1 ta’ Diċembru 2009 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10), il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-applikant.

(12)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali tivvaluta wkoll il-bżonn, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li tiġi emendata r-rata ta’ dazju li bħalissa hija applikata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri r-rata tad-dazju antidumping li tapplika għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja.

5.   L-investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 (“perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “PIR”).

(14)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

(15)

Biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta’ skadenza stipulat għal dan l-għan.

(16)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Saret żjara ta’ verifika fil-bini tal-applikant.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat f’din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi l-miżuri fis-seħħ, jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET), li toriġina fl-Indja, li attwalment taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

2.   Il-prodott simili

(18)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, din l-investigazzjoni wriet li t-tertuqa PET prodotta fl-Indja u esportata lejn l-Unjoni u t-tertuqa PET prodotta u mibjugħa lokalment fis-suq Indjan, kif ukoll it-tertuqa PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi tal-UE għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

(19)

Dawn il-prodotti għalhekk jitqiesu bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

(a)   Il-valur normali

(20)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili tal-applikant lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ tali bejgħ kienx daqs minn tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ esportazzjonijiet korrispondenti lejn l-Unjoni.

(21)

Il-Kummissjoni mbagħad identifikat dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa lokalment mill-kumpanija li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(22)

Sar eżami ulterjuri fuq jekk il-bejgħ lokali tal-applikant kienx rappreżentattiv għal kull tip ta’ prodott, jiġifieri jekk il-bejgħ lokali ta’ kull tip ta’ prodott kienx jikkostitwixxi mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-istess tip ta’ prodott tal-Unjoni. Fil-każ ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, imbagħad ġie eżaminat jekk tali bejgħ sarx f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(23)

L-eżami dwar jekk il-bejgħ lokali ta’ kull tip ta’ prodott, mibjugħ lokalment fi kwantitajiet rappreżentattivi, jistax jitqies bħala li sar f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti tat-tip inkwistjoni. Fil-każijiet kollha fejn il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott partikolari sar fi kwantitajiet suffiċjenti u f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz lokali effettiv, ikkalkulat bħala medja peżata tal-bejgħ lokali kollu ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR.

(24)

Għal dawk it-tipi ta’ prodotti li fadal fejn il-bejgħ lokali ma kienx rappreżentattiv jew ma nbiegħux f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, il-valur normali ġie mibni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie mibni biż-żieda mal-kosts tal-manifattura tat-tipi esportati, aġġustati fejn meħtieġa, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u ta’ marġini raġjonevoli ta’ qligħ, fuq il-bażi tad-dejta attwali relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ, f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(b)   Il-prezz tal-esportazzjoni

(25)

Peress li l-bejgħ tal-esportazzjoni kollu tal-produttur Indjan li qiegħed jikkoopera u li jesporta lejn l-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(ċ)   Tqabbil

(26)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Għan dan l-għan, ingħatat konċessjoni xierqa f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet, l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż tal-ippakkjar imħallsa mill-applikant fejn applikabbli u ġġustifikat.

(d)   Il-marġini tad-dumping

(27)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil ma weriex l-eżistenza ta’ dumping.

D.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(28)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura dejjiema.

(29)

F’dan ir-rigward l-investigazzjoni wriet li wara l-investigazzjoni preċedenti, jiġifieri r-reviżjoni ta’ skadenza msemmija fil-premessa (5), Garware għamlet bidliet sinifikanti fil-proċess u fit-teknoloġija ta’ produzzjoni tiegħu. Minflok it-tereftalat tad-dimetil (DMT) il-kumpanija bdiet tuża l-aċidu tereftaliku ppurifikat (PTA) bħala l-materja prima ewlenija. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ dik ir-reviżjoni ta’ skadenza, Garware kien l-uniku produttur esportatur Indjan li kien għadu qiegħed juża t-teknoloġija l-antika bbażata fuq id-DMT. Din il-bidla fit-teknoloġija kif ukoll l-investiment f’impjant ġdid għall-manifattura taċ-ċipep irriżultat fi tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż tal-manifattura bejn ir-reviżjoni ta’ skadenza preċedenti u r-reviżjoni attwali. Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż għandu impatt dirett fuq il-marġni tad-dumping. Din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għalhekk tista’ titqies bħala waħda li għandha natura dejjiema.

(30)

Għandu jiġi indikat ukoll li marġni indikattiv ta’ dumping, ikkalukulat għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-applikant lill-pajjiżi terzi fil-PIR, kien negattiv. F’termini ta’ volum, dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(31)

Għalhekk tqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-bidu ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni interim. Għalhekk ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex aktar ġustifikata.

E.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING

(32)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Garware jiġi emendat għal 0 %.

(33)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (11), l-ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għal dazju antidumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji għall-fini li tiġi indirizzata sitwazzjoni waħda, u l-istess, u li tirriżulta minn dumping jew mill-issussidjar għall-esportazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 5 hawn fuq, l-applikant huwa soġġett għal dazju kumpensatorju. Billi d-dazju antidumping stabbilit għall-applikant huwa ta’ 0 % fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, din is-sitwazzjoni ma tirriżultax f’dan il-każ.

(34)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju li tapplika għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma ġew irċevutil-ebda kummenti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt li jikkonċerna lil Garware Polyester Limited, fit-tabella fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Garware Polyester Limited, Garware House, 50-A, Swami Nityanand Marg, Vile Parle (East), Mumbai 400 057, India

0,0

A028 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

G. MATOLCSY


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(4)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(5)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(9)  ĠU L 242, 15.9.2010, p. 6.

(10)  ĠU C 291, 1.12.2009, p. 28.

(11)  ĠU L 188, 18.7.2009 p. 93.


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 39/2011

tad-19 ta’ Jannar 2011

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

65,3

TN

120,5

TR

109,9

ZZ

98,6

0707 00 05

EG

158,2

JO

87,5

TR

93,6

ZZ

113,1

0709 90 70

MA

35,5

TR

113,3

ZZ

74,4

0709 90 80

EG

219,6

ZZ

219,6

0805 10 20

AR

41,5

BR

41,5

EG

57,5

MA

58,1

TR

67,4

ZA

41,5

ZZ

51,3

0805 20 10

MA

68,6

TR

79,6

ZZ

74,1

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

69,6

HR

46,1

IL

67,1

JM

101,1

MA

103,8

PK

69,0

TR

70,3

ZZ

75,3

0805 50 10

AR

45,3

TR

56,0

UY

45,3

ZZ

48,9

0808 10 80

AR

78,5

CA

117,8

CL

82,5

CN

101,3

MK

50,7

US

139,1

ZZ

95,0

0808 20 50

CN

79,5

NZ

97,8

US

128,0

ZZ

101,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 40/2011

tad-19 ta’ Jannar 2011

dwar il-kwistjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-applikazzjonijiet li tressqu fl-ewwel 7 ijiem ta' Jannar 2011 skont il-kwota tariffarja għaċ-ċanga ta' kwalità għolja amministrata mir-Regolament (KE) Nru 620/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2009 tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2009 li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja tal-importazzjoni għaċ-ċanga ta' kwalità għolja (3) jistipula regoli dettaljati għat-tressiq u l-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni.

(2)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jipprovdi li, f'każijiet fejn il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli għall-perjodu tal-kwota, il-koeffiċjenti tal-allokazzjoni għandhom ikunu ffissati għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal-liċenzja. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni li tressqu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 620/2009 bejn l-1 u s-7 ta’ Jannar 2011 jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli. Għalhekk, għandhom ikunu deċiżi l-estent li bih jistgħu jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni u l-koeffiċjent tal-allokazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni koperti mill-kwota li ġġib in-numru tas-serje 09.4449 u li tressqu bejn l-1 u s-7 ta’ Jannar 2011 skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 620/2009, għandhom jiġu mmultiplikati b'koeffiċjent tal-allokazzjoni ta’ 84,156557 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 182, 15.7.2009, p. 25.


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 41/2011

tad-19 ta’ Jannar 2011

dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni għall-applikazzjonijiet introdotti matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Jannar 2011 fil-qafas tal-kwoti tariffarji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għal-laħam tat-tjur

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli regolati minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 616/2007 tal-4 ta’ Ġunju 2007 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġina mill-Brażil, it-Tajlandja u pajjiżi terzi oħra (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 616/2007 fetaħ kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur.

(2)

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Jannar 2011 għas-subperjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2011 huma, għal ċerti kwoti, ogħla mill-kwantitajiet disponibbli. Jeħtieġ għalhekk li jiġi determinat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti skont ir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għas-subperjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2011 huma assenjati skont il koeffiċjenti tal-allokazzjoni stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 142, 5.6.2007, p. 3.


ANNESS

Nru tal-grupp

Numru tas-serje

Koeffiċjent ta' allokazzjoni għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għas-subperjodu 1.4.2011-30.6.2011

(%)

1

09.4211

0,317153

5

09.4215

0,296808

6

09.4216

0,430733


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 42/2011

tad-19 ta’ Jannar 2011

li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għall-prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (“ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 li jiftaħ u jamministra ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kwantitajiet li jkopru l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqa lill-awtoritajiet kompetenti mill-1 sas-7 ta’ Jannar 2011 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 huma daqs il-kwantità disponibbli skont is-serje li jġibu in-numri tal-ordni 09.4317 u 09.4318.

(2)

It-tressiq ta’ iktar applikazzjonijiet għal-liċenzji għan-numri tal-ordni 09.4317 u 09.4318 għandu jkun sospiż sa tmiem is-sena tas-suq, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tressiq ta’ iktar applikazzjonijiet għal-liċenzji, li jikkorrispondu man-numri tas-serje mogħtija fl-Anness, għandu jkun sospiż sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.


ANNESS

“Il-konċessjonijiet taz-zokkor tal-iskeda bin-numru CXL”

Is-sena tas-suq 2010/2011

Applikazzjonijiet li tressqu mill-1.1.2011 sas-7.1.2011

In-numru tas-serje

Il-pajjiż

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’perċentwal)

Iktar applikazzjonijiet

09.4317

L-Awstralja

 (1)

Sospiżi

09.4318

Il-Brażil

 (1)

Sospiżi

09.4319

Kuba

 

09.4320

Kwalunkwe pajjiż terz

Sospiżi

09.4321

L-Indja

Sospiżi

“—”

:

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


“Iz-zokkor mill-Balkani”

Is-sena tas-suq 2010/2011

Applikazzjonijiet li tressqu mill-1.1.2011 sas-7.1.2011

In-numru tas-serje

Il-pajjiż

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’perċentwal)

Iktar applikazzjonijiet

09.4324

L-Albanija

 

09.4325

Il-Bożnija u Ħerzegovina

 (2)

 

09.4326

Is-Serbja

 (2)

 

09.4327

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

 

09.4328

Il-Kroazja

 (2)

 

“—”

:

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


“Iz-zokkor għall-importazzjoni eċċezzjonali u dak għall-importazzjoni industrijali”

Is-sena tas-suq 2010/2011

Applikazzjonijiet li tressqu mill-1.1.2011 sas-7.1.2011

In-numru tas-serje

It-tip

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni

(f’perċentwal)

Iktar applikazzjonijiet

09.4380

Eċċezzjonali

 

09.4390

Industrijali

 

“—”

:

Mhux applikabbli: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal-liċenzja.


(1)  Mhux applikabbli: l-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet disponibbli u qed jingħataw kollha.

(2)  Mhux applikabbli: l-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet disponibbli u qed jingħataw kollha.


DEĊIŻJONIJIET

20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Jannar 2011

dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ ċerti pajjiżi terzi kif ukoll dwar perjodu tranżizzjonali għall-attivitajiet tal-awditjar ta’ awdituri u entitajiet tal-awditjar minn ċerti pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 117)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/30/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki [l-awditi] statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2006/43/KE l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma meħtieġa jirreġistraw lill-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar kollha li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ ċerti kumpaniji kostitwiti barra l-Komunità li t-titoli trasferibbli tagħhom jkunu ammessi għan-negozju f’suq regolat fil-Komunità. L-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2006/43/KE jeħtieġ lill-Istati Membri jissottomettu lil dawn l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar għas-sistemi tagħhom ta’ sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u ta’ investigazzjonijiet u penalitajiet.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/627/KE tad-29 ta’ Lulju 2008 li tikkonċerna perjodu ta’ tranżizzjoni għal attivitajiet ta’ verifika [awditjar] minn ċerti awdituri u entitajiet ta’ verifika [awditjar] ta’ pajjiżi terzi (2) ppermettiet lill-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu bejn id-29 Ġunju 2008 u l-1 ta’ Lulju 2010.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjonijiet tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entiatjiet tal-awditjar tal-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni 2008/627/KE. Il-valutazzjonijiet twettqu bl-għajnuna tal-Grupp Ewropew tal-Korpi tas-Sorveljanza tal-Awdituri. Il-prinċipji li jirregolaw is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji ġew ivvalutati fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE li tirregola s-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri. L-għan aħħari tal-kooperazzjoni bejn is-sistemi tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u l-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jkun li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ xulxin tas-sorveljanza abbażi tal-ekwivalenza tas-sistemi.

(4)

Wara dawn il-valutazzjonijiet, jidher li l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Kroazja, il-Ġappun, Singapore, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel u l-Isvizzera għandhom sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u sistemi ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awdituri li jaħdmu skont regoli simili għal dawk stabbilti fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE. Għalhekk, huwa xieraq li s-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dawn il-pajjiżi terzi jitqiesu bħala ekwivalenti għas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri.

(5)

Fir-rigward tal-Afrika t’Isfel, il-leġiżlazzjoni tagħha tirrikjedi kunsens minn qabel tal-awditur jew tal-entità tal-awditjar għat-trasferiment ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Afrika t’Isfel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dak ir-rekwiżit għal kunsens minn qabel jista’ jippreżenta diffikultajiet għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Għalhekk, sakemm isiru t-tibdiliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni tal-Afrika t’Isfel, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrikjedu li awdituri u entitajiet tal-awditjar jirrinunzjaw id-dritt tagħhom għal kunsens minn qabel meta jirreġistraw awdituri u entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar ta’ kumpaniji kostitwiti fl-Afrika t’Isfel.

(6)

L-Istati Uniti tal-Amerika għandha sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, u sistema tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jaħdmu skont regoli simili għal dawk stabiliti fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Uniti tal-Amerika ma jqisux li l-objettiv aħħari tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri huwa li tinkiseb fiduċja reċiproka mal-awtoritajiet kompetenti mis-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Membri. Sakemm ma jkunx hemm fiduċja reċiproka, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(1) ma jistgħux jiġu applikati bis-sħiħ fuq bażi permanenti mill-Istati Membri fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk, is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jiġu eżaminati għall-iskop li jiġi vvalutat il-progress li jkunu sar biex tintlaħaq il-fiduċja reċiproka. Għal dawk ir-raġunijiet, din id-Deċiżjoni għandha tkun limitata fiż-żmien u ma għandhix tibqa’ tapplika wara l-31 ta’ Lulju 2013 fir-rigward tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika.

(7)

Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tirrikonoxxi li s-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ pajjiż jew territorju terz ikunu ekwivalenti għall-fini tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri jistgħu, abbażi tar-reċiproċità, ma japplikawx jew jimmodifikaw r-rekwiżiti tal-Artikolu 45(1) u (3) fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dak il-pajjiż jew territorju terz. Il-kundizzjonijiet skont liema r-rekwiżiti tal-Artikolu 45(1) u (3) ma jiġux applikati jew jiġu mmodifikati jridu jkunu stipulati f’arranġament ta’ kooperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2006/43/KE bejn l-Istat Membru u l-pajjiż jew it-territorju terz u kkomunikati lill-Kummissjoni.

(8)

Abu Dhabi, il-Brażil, id-Dubai International Financial Centre, Guernsey, Ħong Kong, l-Indja, l-Indoneżja, l-Isle of Man, Jersey, il-Malasja, il-Mawrizju, ir-Russja, it-Tajwan, it-Tajlandja u t-Turkija stabbilixxew jew jinsabu fil-proċess li jistabilixxu sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, u sistemi ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar. Madankollu, l-informazzjoni dwar il-funzjonament u r-regoli li jirregolaw dawn is-sistemi mhix biżżejjed. Sabiex titwettaq aktar valutazzjoni għall-iskop li tittieħed deċiżjoni finali dwar l-ekwivalenza fir-rigward ta’ dawn is-sistemi, jenħtieġ tinkiseb aktar informazzjoni mingħand dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji. Għalhekk, huwa xieraq li jittawwal il-perjodu tranżizzjonali mogħti mid-Deċiżjoni 2008/627/KE fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti f’dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji.

(9)

Għalkemm l-Eġittu ma kienx inkluż fid-Deċiżjoni 2008/627/KE, minn dak iż-żmien stabilixxa sistema ta’ sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar. Sabiex titwettaq aktar valutazzjoni għall-iskop li tittieħed deċiżjoni finali dwar l-ekwivalenza fir-rigward tal-Eġittu, jeħtieġ tinkiseb aktar informazzjoni mingħand dak il-pajjiż terz. Għalhekk, huwa xieraq li lill-awdituri u d-ditti tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fl-Eġittu jiġu inklużi fil-perjodu tranżizzjonali.

(10)

Il-Bermuda, il-Gżejjer Kajman, l-Iżrael u n-New Zealand għad ma għandhomx sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u sistema ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar. Madankollu, dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji ħadu impenn pubbliku ċar mal-Kummissjoni permezz ta’ pjan ta’ azzjoni konkrett li jistabilixxu sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u sistemi tal-investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awdituri b’regoli ekwivalenti għal dawk stabiliti fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE. Għalhekk, huwa xieraq li jittawwal il-perjodu tranżizzjonali mogħti mid-Deċiżjoni 2008/627/KE fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti f’dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji. Madankollu, l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-progress li sar fl-2011 minn dawk il-pajjiżi u t-territorji fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sorveljanza pubblika, aċċertament tal-assigurazzjoni u sistema ta’ investigazzjoni u penali għal awdituri u entitajiet tal-awditjar u tivvaluta l-bżonn li jitqassar il-perjodu tranżizzjonali fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi u territorji.

(11)

L-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fl-Arġentina, il-Baħamas, iċ-Ċili, il-Kazakistan, il-Morokk, il-Messiku, il-Pakistan u l-Ukraina, ibbenefikaw minn perjodu tranżizzjonali mogħti mid-Deċiżjoni 2008/627/KE. Minn dan iż-żmien ma pprovdewx informazzjoni dwar is-sistemi tagħhom ta’ regolamentazzjoni u sorveljanza tal-awditjar. Dawn iċ-ċirkustanzi jindikaw li dawn il-pajjizi terzi ma għandhomx rieda jkomplu fit-triq biex ir-regolamentazzjoni tagħhom tal-awditjar tiġi rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala ekwivalenti għas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Membri. Għalhekk, il-perjodu tranżizzjonali li ngħatalhom mid-Deċiżjoni 2008/627/KE ma għandux jiġi estiż fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti f’dawn il-pajjiżi terzi.

(12)

Sabiex jiġu protetti l-investituri, l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness għal din id-deċiżjoni għandhom ikunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet ta’ awditjar tagħhom matul il-perjodu tranżizzjonali fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkunu reġistrati skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE biss jekk jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Jekk jipprovdu l-informazzjoni, dawk l-awdituri u l-entitajiet ta’ awditjar għandhom ikunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom marbuta ma’ rapporti ta’ awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu bejn it-2 ta’ Lulju 2010 u l-31 ta’ Lulju 2012. Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet tal-Istati Membri li japplikaw is-sistemi tagħhom tal-investigazzjonijiet u l-penalajiet fir-rigward ta’ dawn l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar.

(13)

Meta kumpanija li tkun ikkostitwita f’wieħed mill-pajjiżi jew it-territorji terzi elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi biex jiġu nnegozjati f’suq regolat ta’ Stat Membru, iżda li ma jkunux ammessi biex jiġu nnegozjati fil-pajjiż jew fit-territorju terz fejn tkun ikkostitwita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inkarigi kollha tal-awditjar relatati mar-rapporti finanzjarji ta’ din il-kumpanija jkunu koperti mill-arranġamenti ta’ kooperazzjoni konklużi mal-pajjiż jew t-territorju terz konċernat sabiex jiġi ddeterminat liema sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u sistemi tal-investigazzjoni u penali ser japplikaw għall-awdituri ta’ din il-kumpanija. F’każ fejn dawn l-inkarigi tal-awditjar jittieħdu minn awditur jew entità tal-awditjar ta’ Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw li l-inkarigu tal-awditjar ikun inkluż fl-ambitu ta’ waħda mis-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali.

(14)

Meta kumpanija li tkun ikkostitwita f’wieħed mill-pajjiżi jew it-territorji terzi elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi biex jiġu nnegozjati f’suq regolat ta’ Stat Membru, iżda li ma jkunux ammessi biex jiġu nnegozjati fil-pajjiż jew fit-territorju terz fejn tkun ikkostitwita, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-pajjiż jew it-territorju terz konċernat sabiex jiżguraw li l-inkarigi kollha tal-awditjar relatati mar-rapporti finanzjarji ta’ din il-kumpanija jkunu koperti mis-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u sistemi tal-investigazzjoni u penali. F’każ fejn dawn l-inkarigi tal-awditjar jittieħdu minn awditur jew entità tal-awditjar ta’ Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw li l-inkarigu tal-awditjar ikun inkluż fl-ambitu ta’ waħda mis-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali.

(15)

Matul il-perjodu tranżizzjonali, ma għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali. Il-fatt li l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni jistgħu, skont din id-Deċiżjoni, ikomplu bl-attivitajiet tagħhom tal-awditjar fir-rigward tal-kumpaniji msemmiji fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE, ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jistabilixxu arranġamenti kooperattivi dwar l-eżamijiet individwali tal-aċċertament tal-kwalità bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u l-awtorità kompetenti ta’ pajjiż jew territorju terz.

(16)

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-operat tal-arranġamenti tranżizzjonali u teżamina l-progress li jkun sar mill-pajjiżi u t-territorji terzi li jkun ingħatalhom perjodu tranżizzjonali jew li jkun ġie estiż. Fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awdituri tal-pajjiżi terzi u t-territorji konċernati. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-Istati Membri sabux diffikultajiet biex jiksbu rikonoxximent tal-ekwivalenza mill-pajjiżi jew it-territorji terzi konċernati minn din id-Deċiżjoni f’rabta mas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Membri.

(17)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabilit mill-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-pajjiżi terzi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet tal-awditjar marbuta mal-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew mit-2 ta’ Lulju 2010:

1.

l-Awstralja

2.

Il-Kanada

3.

Iċ-Ċina

4.

Il-Kroazja

5.

Il-Ġappun

6.

Singapor

7.

L-Afrika t’Isfel

8.

Il-Korea t’Isfel

9.

L-Isvizzera

10.

L-Istati Uniti tal-Amerika

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ dik id-Direttiva, għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu bejn it-2 ta’ Lulju 2010 u l-31 ta’ Lulju 2012, fil-każijiet meta l-awditur jew mill-entità tal-awditjar konċernata tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’dan kollu li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awditur jew l-entità tal-awditjar konċernata u l-informazzjoni dwar l-istruttura legali tagħha;

(b)

meta l-awditur jew l-entità tal-awditjar tkun tagħmel parti minn xi netwerk, deskrizzjoni tan-netwerk;

(c)

l-istandards tal-awditjar u r-rekwiżiti tal-indipendenza li ġew applikati għall-awditjar konċernat;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità tal-entità tal-awditjar;

(e)

indikazzjoni ta’ jekk u meta sar l-aħħar eżami tal-aċċertament tal-kwalità tal-awditur jew tal-entità tal-awditjar u sakemm din l-informazzjoni ma tkunx qiegħda tingħata mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, l-informazzjoni meħtieġa dwar l-eżitu tal-eżami. Meta l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-riżultat tal-aħħar eżami tal-aċċertament tal-kwalità ma jkunx pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jittrattaw din l-informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jiġi infurmat dwar l-isem u l-indirizz tal-awdituri u tal-entitajiet tal-awditjar li jipprovdu r-rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u dwar il-fatt li s-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali ta’ dawk il-pajjiżi u t-territorji li għandhom mhumiex rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2006/43/KE. Għal dawn l-għanijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE jistgħu jirreġistraw ukoll lill-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jwettqu awditi tal-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi u t-territorji msemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw is-sistemi tagħhom tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar li jwettqu awditi tal-kontijiet annwali jew konsolidati ta’ kumpaniji kostitwiti fil-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness.

4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti kooperattivi dwar l-eżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz jew territorju msemmi fl-Anness sakemm dan l-arranġament jilħaq l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

jinkludi t-twettiq ta’ eżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità abbażi ta’ trattament ugwali;

(b)

ġie kkomunikat lill-Kummissjoni minn qabel;

(c)

ma jeskludi minn qabel l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja s-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha timmonitorja jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi terzi u t-territorji elenkati fl-Anness li ħadu impenn pubbliku mal-Kummissjoni li jistabilixxu sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar ikunu stabbilew dawn is-sistemi, abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

is-sistemi huma indipendenti mill-professjoni tal-awditjar;

(b)

jiżguraw sorveljanza adegwata għall-awditi ta’ kumpaniji elenkati;

(c)

l-operat tagħhom huwa trasparenti u jiżgura l-affidabbiltà tar-riżultat tal-eżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità;

(d)

huma sostnuti minn investigazzjonijiet u penalitajiet b’mod effikaċi.

Fir-rigward tal-Bermuda, il-Gżejjer Kajman, l-Iżrael u n-New Zealand, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tirrevedi l-progress li sar fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u sistema ta’ investigazzjoni u penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar fl-2011. Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha temenda l-Anness għal din id-Deċiżjoni skont il-każ.

Artikolu 4

Il-punt 10 tal-Artikolu 1 ma għandux jibqa’ japplika fil-31 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(2)  ĠU L 202, 31.7.2008, p. 70.


ANNESS

LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI U TERRITORJI

 

Abu Dhabi

 

Il-Bermuda

 

Il-Brażil

 

Il-Gżejjer Kajman

 

Id-Dubai International Financial Centre

 

L-Eġittu

 

Guernsey

 

Ħong Kong

 

L-Indja

 

L-Indoneżja

 

L-Isle of Man

 

L-Iżrael

 

Jersey

 

Il-Malasja

 

Il-Mawrizju

 

In-New Zealand

 

Ir-Russja

 

It-Tajwan

 

It-Tajlandja

 

It-Turkija


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Jannar 2011

li ttemm il-proċediment kontra l-għoti ta’ sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku ppurifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja

(2011/31/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Tnedija

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“Notifika tal-inizjazzjoni”), it-tnedija ta’ proċediment tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku ppurifikat u l-imluħa tiegħu (“PTA”) li joriġinaw mit-Tajlandja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Il-proċediment biex ma jingħatawx sussidji tnieda wara li tressaq ilment, fit-13 ta’ Novembru 2009, minn BP Aromatics Limited NV u CEPSA Quimica S.A. (“il-kwerelanti”) li jirrappreżentaw proporzjon kbir ħafna, f’dan il-każ ta’ iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ PTA. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ għoti ta’ sussidji għall-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u tal-ħsara materjali li tirriżulta minn dan, li kienet ikkunsidrata bħala ġustifikazzjoni tajba biżżejjed biex jitnieda proċediment.

(3)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), it-tnedija ta’ proċediment tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ PTA li joriġinaw mit-Tajlandja. Din l-investigazzjoni ntemmet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/32/UE (4).

(4)

Qabel it-tnedija tal-proċediment u skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern tat-Tajlandja li kienet irċeviet ilment dokumentat kif suppost li jallega li importazzjonijiet ta’ PTA ssussidjati li joriġinaw mit-Tajlandja kienu qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-Gvern tat-Tajlandja ġie mistieden għal konsultazzjonijiet bl-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontenut tal-ilment u li tintlaħaq soluzzjoni li dwarha jkun hemm qbil reċiproku. Il-Gvern tat-Tajlandja laqa’ l-offerta għall-konsultazzjonijiet u għaldaqstant saru dawn il-konsultazzjonijiet. Matul il-konsultazzjonijiet, ma setgħet tinstab l-ebda soluzzjoni bi qbil reċiproku. Madankollu, il-kummenti, fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jinsabu fl-ilment rigward l-iskemi li mhumiex kumpensatorji, li saru mill-awtoritajiet tat-Tajlandja tqiesu kif xieraq. Waqt il-konsultazzjonijiet, tressqu sottomissjonijiet mill-Gvern tat-Tajlandja.

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(5)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-kwerelanti, lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur ikkonċernat u lil importaturi u utenti magħrufa, bit-tnedija tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika tal-inizjazzjoni. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li ppreżentaw raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur, lill-kwerelanti, lil produtturi magħrufa oħra fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja u lill-importaturi u l-utenti magħrufa tal-prodott ikkonċernat u lill-partijiet l-oħra kollha li talbu li jintbagħtilhom kwestjonarju, fil-limitu taż-żmien stipulat fin-Notifika tal-inizjazzjoni.

(7)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mill-awtoritajiet tat-Tajlandja, mit-tliet esportaturi Tajlandiżi magħrufa, minn tliet produtturi tal-Unjoni, minn importaturi tal-Unjoni, u minn ħames utenti mill-Unjoni.

(8)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ biex jiġi determinat l-għoti ta’ sussidji, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni.

(9)

Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-awtoritajiet Statali li ġejjin:

L-uffiċċju tal-Bord tal-Investiment, Bangkok, it-Tajlandja

(10)

Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni

BP Aromatics Limited NV, Geel, il-Belġju

CEPSA Química, S.A., Madrid, Spanja

Lotte Chemical UK Ltd (qabel kienet Artenius), Wilton, Redcar, ir-Renju Unit

(b)

Importaturi tal-Unjoni

Mitsui & Co. Benelux NV, Brussell, il-Belġju

(c)

Utenti tal-Unjoni

DSM Powder Coating Resins B.V., Zwolle, l-Olanda

M&G Polimeri Italia SPA, Patrica (Frosinone), l-Italja

NOVAPET S.A., Barbastro (Huesca), Spanja

UAB NEO Group, Klaipeda, il-Litwanja

(d)

Produtturi esportaturi fit-Tajlandja

TPT Petrochemicals Public Company Ltd., Bangkok, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “TPT”)

TPT Petrochemicals Public Company Ltd., Rayong, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “TPT”)

Indorama Petrochem Ltd., Rayong, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “Indorama”)

Siam Mitsui PTA Company Ltd., Rayong, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “SMPC”)

(11)

Minħabba li kemm TPT u kemm Indorama huma tal-istess kumpanija possedenti, f’dan id-dokument se ssir referenza għalihom bħala “il-grupp Indorama”.

1.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(12)

L-investigazzjoni tal-għoti ta’ sussidji u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2008 sat-30 ta’ Novembru 2009 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(13)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu tereftaliku u l-imluħa tiegħu ta’ purità bil-piż ta’ 99,5 % jew iktar, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(14)

Il-PTA jifforma permezz tal-purifikazzjoni tal-aċidu tereftaliku mhux ippurifikat, li hija riżultat tar-reazzjoni tal-parasillin (PX) ma’ solvent u ma’ soluzzjoni katalista.

2.2.   Il-prodott simili

(15)

Il-prodott ikkonċernat u l-PTA mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Tajlandja, kif ukoll il-PTA mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, instab li għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi. Għalhekk, jitqies li dawn huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   L-GĦOTI TA’ SUSSIDJI

3.1.   Introduzzjoni

(16)

Abbażi tat-tagħrif li jinsab fl-ilment u tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji minn awtorità tal-Gvern, ġew investigati:

eżenzjoni jew tnaqqis fuq id-dazju tal-importazzjoni ta’ makkinarju;

eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji,

eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjonijiet tal-materja prima u ta’ materjali essenzjali użati fil-manifattura tal-prodotti għall-esportazzjoni;

tnaqqis doppju minn dħul taxxabbli tal-ispejjeż tat-trasport, l-elettriku u l-ilma għal 10 snin mid-data tal-ewwel dħul mill-attività promossa;

tnaqqis mill-profitt nett ta’ 25 % tal-installazzjoni tal-infrastruttura tal-proġett jew tal-ispejjeż tal-bini flimkien mad-deprezzament normali;

kumpens għat-taxxa u d-dazju fuq l-oġġetti esportati mmanifatturati fit-Tajlandja.

3.2.   Ġenerali

(17)

Att dwar il-Promozzjoni tal-Investment B.E. 2544 (“IPA”) jistabbilixxi inċentivi għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ekonomija Tajlandiża. L-IPA, li huwa amministrat mill-Bord tal-Investiment tat-Tajlandja (“BOI”), jagħti l-benefiċċji li jirriżultaw mill-iskemi msemmija fit-taqsima 3.1. hawn fuq fir-rigward tal-proġetti li jikkwalifikaw. Sabiex tirċievi benefiċċji tal-IPA, kull kumpanija tibgħat applikazzjoni lill-BOI għal “Ċertifkat ta’ promozzjoni”, li jispeċifika l-oġġetti li għandhom jiġu mmanifatturati u l-benefiċċji mogħtija.

(18)

L-Att dwar il-Kumpens għat-Taxxa u d-Dazju fuq l-Oġġetti Esportati Mmanifatturati fir-Renju B.E. 2524 (1981) jippreskrivi l-kriterji u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ kumpens għat-taxxa u d-dazju fuq il-merkanzija esportata. Din l-iskema hija amministrata mill-Ministeru Tajlandiż tal-Finanzi.

(19)

It-total tas-sussidji kollha kkalkolati għal kull kumpanija individwali huwa taħt il-livell limitu de minimis, jiġifieri inqas minn 2 % ad valorem. Għaldaqstant, skont l-Artikoli 14(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku kontra l-għoti tas-sussidji, anki li kieku s-sussidji kollha inkwistjoni kienu kumpensabbli, ma seta’ jiġi imponut l-ebda dazju kontra s-sussidji fuq l-esportaturi Tajlandiżi. Minħabba s-sussidjarjetà de minimis, l-ispeċifiċità tal-iskemi tas-sussidji li ssemmew fil-premessa (16) ma ġietx eżaminata.

(20)

Madankollu għal finijiet ta’ ċarezza, id-dettalji tal-iskemi u r-rati ta’ sussidji korrispondenti għal kumpaniji individwali huma stabbiliti hawn taħt, mingħajr ħsara għal jekk is-sussidji humiex ikkunsidrati kumpensatorji jew le.

3.3.   Skemi individwali

3.3.1.   Eżenzjoni jew tnaqqis mid-dazji fuq l-importazzjonijiet ta’ makkinarju,

(a)   Bażi Legali

(21)

L-Artikolu 28 tal-IPA jipprovdi l-bażi legali għal eżenwzjoni mid-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-makkinarju. Skont din l-iskema, il-kumpaniji huma intitolati għal eżenzjoni totali mill-ħlas tad-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-makkinarju kif approvat mill-BOI, sakemm ma jkun qed jiġi mmanifatturat jew mibni l-ebda makkinarju bħal dan, ta’ kwalità paragunabbli fit-Tajlandja. L-Artikolu 29 tal-IPA jipprovdi il-bażi legali għat-tnaqqis ta’ 50 % mid-dazji fuq il-makkinarju impurtat.

(b)   Implimentazzjoni prattika

(22)

Sabiex tibbenefika minn din l-iskema, il-kumpanija għandu jkollha f’idejha Ċertifikat ta’ promozzjoni li jispeċifika li hija intitolata għal eżenzjoni jew tnaqqis mid-dazji fuq l-importazzjonijiet ta’ makkinarju skont l-Artikoli 28 u 29 tal-IPA. Id-Dipartiment tad-Dwana se jirċievi kopja tal-liċenzja u l-hekk imsejħa “Lista prinċipali ta’ Makkinarju”, li jkunu ġew approvati minn qabel mill-BOI, u meta l-makkinarju jkun se jiġi importat se jirrilaxxa dan il-makkinarju mingħajr il-ħlas tad-dazju tal-importazzjoni.

(c)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(23)

Il-benefiċċju għall-esportaturi ġie kkalkulat fuq bażi tal-ammont mhux imħallas ta’ dazju dovut fuq oġġetti kapitali importati, billi dan l-ammont infirex tul perjodu li jirrifletti d-deprezzament normali ta’ oġġetti kapitali bħal dawn fl-industrija tal-prodott ikkonċernat. Ġie stabbilit li dan il-perjodu huwa ta’ 15-il sena, li huwa konformi mal-perjodi ta’ deprezzment użati mill-maġġoranza tal-kumpaniji li jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat, kemm fit-Tajlandja u kemm fl-UE. L-ammont ikkalkolat b’dan il-mod li jista’ jkun attribwit għall-perjodu tal-investigazzjoni ġie aġġustat billi ngħadd l-interess matul il-perjodu tal-investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-benefiċċju kollu lir-reċipjent skont din l-iskema; waqt li r-rata ta’ interess kummerċjali fit-Tajlandja tul il-perjodu ta’ investigazzjoni titqies bħala adegwata. Dan l-ammont ġie allokat fuq il-bejgħ totali matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(d)   Konklużjoni

(24)

Il-Grupp Indorama rċieva benefiċċju ta’ 0,3 %, u Siam Mitsui PTA Co., Ltd irċeviet benefiċċju ta’ 0,19 %

3.3.2.   Eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji fuq id-dħul

(a)   Bażi Legali

(25)

L-Artikolu 31 tal-IPA jipprovdi bażi legali għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji fuq id-dħul. It-taxxa normali tal-kumpaniji fuq id-dħul fit-Tajlandja hija ta’ 30 %.

(b)   Konklużjoni

(26)

L-ebda waħda mill-kumpaniji li ġew investigati ma bbenefikat minn din l-iskema waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-produtturi esportaturi Tajlandiżi kollha pattew għat-telf li kienu għamlu f’perjodi ta’ kontabbiltà preċedenti bil-profitti ġġenerati waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. Din il-prattika hija permessa mill-Kodiċi tad-Dħul Tajlandiża għall-kumpaniji kollha, kemm dawk promossi mill-BOI u kemm dawk mhux promossi minnu, u ma tikkostitwixxix sussidju. Minħabba dan il-fatt il-kumpaniji investigati ma użawx l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji fuq id-dħul.

3.3.3.   Tnaqqis doppju mid-dħul taxxabbli tal-ispejjeż tat-trasport, l-elettriku u l-ilma għal 10 snin mid-data tal-ewwel dħul mill-attività promossa

(a)   Bażi Legali

(27)

L-Artikolu 35(2) tal-IPA jistabbilixxi bażi legali għat-tnaqqis doppju mid-dħul taxxabbli tal-ispejjeż tat-trasport, l-elettriku u l-ilma għal 10 snin mid-data tal-ewwel dħul mill-attività promossa.

(b)   Implimentazzjoni prattika

(28)

Sabiex tibbenefika minn din l-iskema, il-kumpanija għandu jkollha f’idejha Ċertifikat ta’ promozzjoni li jispeċifika li hija intitolata għal tnaqqis doppju mill-ispejjeż tad-dħul taxxabbli tat-trasport, l-elettriku, u l-ilma skont l-Artikolu 35(2) tal-IPA. Barra mit-tnaqqis tas-soltu tal-ispejjeż li ssemmew hawn fuq, il-kumpaniji promossi mill-BOI jistgħu jnaqqsu l-istess ammont għat-tieni darba mill-profitt tagħhom fuq iċ-ċertifikat tar-ritorn tat-taxxa. Il-kumpanija trid timla kolonna speċjali fir-ritorn tat-taxxa annwali tagħha li tkun apposta għall-attività promossa. Konsegwentement il-profitt nett taxxabbli jitnaqqas b’dan l-ammont; jew it-telf nett jiżdied b’dan l-ammont.

(c)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(29)

Il-benefiċċju ta’ din l-iskema għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont imnaqqas għat-tieni darba mill-profitt nett kif jidher fir-ritorn tat-taxxa fil-kolonna speċjali għall-attivitajiet promossi. Għall-attivitajiet li ma jkunux promossi dan l-ammont għandu jkun parti mill-profitt nett suġġett għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji, għalhekk 30 % ta’ dan l-ammont (ir-rata normali tat-taxxa tal-kumpaniji fit-Tajlandja) jifforma l-benefiċċju għall-kumpaniji. Dan l-ammont ġie allokat fuq il-bejgħ totali matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(d)   Konklużjoni

(30)

Il-Grupp Indorama rċieva benefiċċju ta’ 0,55 %, u Siam Mitsui PTA Co., Ltd irċeviet benefiċċju ta’ 0,57 %

3.3.4.   It-tnaqqis mill-profitt nett ta’ 25 % tal-ispejjeż tal-infrastruttura, l-installazzjoni jew il-bini tal-proġett barra mid-deprezzament normali

(a)   Bażi Legali

(31)

L-Artikolu 35(3) tal-IPA jistabbilixxi l-bażi legali għal din l-iskema. L-iskema tinvolvi permess biex jitnaqqas mill-profitt nett, barra mid-deprezzament normali, ammont li ma jaqbiżx il-25 % tal-ispejjeż tal-proġett tal-installazzjoni jew tal-bini tal-faċilitajiet użati fl-attività promossa. Il-benefiċjarju għandu juża l-benefiċċju fi żmien 10 snin mid-data li fiha ikun hemm dħul mill-attività promossa.

(b)   Konklużjoni

(32)

L-ebda waħda mill-kumpaniji li ġew investigati ma bbenefikat minn din l-iskema waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. Fil-perjodi ta’ qabel il-perjodu tal-investigazzjoni l-produtturi esportaturi kollha jew ma bbenefikawx mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul (peress li kienu qed jikkalkolaw il-valur nett tal-profitti meta mqabbel mat-telf kumulat mill-passat) jew kienu qed jagħmlu t-telf. Għal dawn ir-raġunijiet ma setgħux jieħdu benefiċċji minn din l-iskema.

3.3.5.   Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima u ta’ materjali essenzjali użati fil-manifattura tal-prodotti għall-esportazzjoni;

(a)   Bażi Legali

(33)

L-Artikolu 36(1) tal-IPA jistabbilixxi l-bażi legali għal din l-iskema. Skont din l-iskema, il-BOI huwa awtorizzat jagħti eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni fuq il-materja prima u l-materjali essenzjali użati fil-manifattura tal-oġġetti għall-esportazzjoni. Il-kumpaniji fi kwalunkwe żona huma eleġibbli għal din l-iskema sakemm ikunu promossi.

(b)   Konklużjoni

(34)

L-ebda waħda mill-kumpaniji li ġew investigati ma bbenefikat minn din l-iskema waqt il-perjodu tal-investigazzjoni. M’hemmx dazju tal-importazzjoni fuq il-materja prima prinċipali użata fil-produzzjoni tal-PTA. Għalhekk ma kienx hemm benefiċċji minn din l-iskema għall-esportaturi investigati Tajlandiżi.

3.3.6.   Kumpens għat-taxxa u d-dazju fuq l-oġġetti esportati mmanifatturati fit-Tajlandja.

(a)   Bażi Legali

(35)

Notifika dwar il-Kumpens għat-Taxxa tal-Merkanzija Esportata Mmanifatturata fir-Renju 1/2547 – Ir-Rata ta’ Kumpens tipprovdi għall-benefiċċju minn din l-iskema.

(b)   Implimentazzjoni prattika

(36)

Il-kumpaniji jirċievu rimbors li huwa ta’ 0,38 % tal-valur FOB tal-prodotti esportati. Il-benefiċċju huwa kkalkolat għal kull tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, iżda l-kumpaniji normalment jissottomettu diversi applikazzjonijiet għal rimbors fl-istess żmien. Il-kumpaniji jissottomettu applikazzjonijiet għal rimborsi lill-awtoritajiet rilevanti u jirċievu r-rimbors.

(c)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(37)

Il-benefiċċju għal din l-iskema huwa l-ammont proprju li jingħata bħala rimbors u li konsegwentement jiġi rreġistrat fil-kontijiet tal-kumpaniji bħala dħul. Dan l-ammont ġie allokat fuq il-bejgħ f’esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(d)   Konklużjoni

(38)

Il-Grupp Indorama rċieva benefiċċju ta’ 0,36 %, u Siam Mitsui PTA Co., Ltd ukoll irċeviet benefiċċju ta’ 0,36 %.

3.4.   Ammont ta’ sussidji

(39)

L-ammonti provviżorji ta’ sussidji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espressi ad valorem, għall-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma:

—   Indorama Petrochem Limited: 1,3 %

—   TPT Petrochemical Public Company Limited: 1 %

—   Siam Mitsui PTA Co., Ltd: 1,1 %

(40)

Minħabba l-fatt li Indorama Petrochem Limited u TPT Petrochemical Public Company Limited huma parti mill-istess grupp, ir-rata ta’ dazju ta’ kontra s-sussidji komuni kienet stabbilita għalihom. Ir-rata finali għall-grupp Indorama/TPT kien ta’ 1,2 %.

Tabella ta’ sommarju

 

L-Iskema ta’ eżenzjoni jew tnaqqis mid-dazju tal-importazzjoni tal-makkinarju

Skema ta’ tnaqqis doppju mid-dħul taxxabbli

Skema ta’ kumpens għat-taxxa tal-esportazzjoni

Marġni tas-sussidji totali

Siam Mitsui

0,19  %

0,57  %

0,36  %

1,1  %

Indorama

0,18  %

0,78  %

0,35  %

1,3  %

TPT

0,47  %

0,23  %

0,36  %

1  %

Il-Grupp Indorama/TPT

0,3  %

0,55  %

0,36  %

1,2  %

(41)

Fid-dawl tal-ammonti de minimis tas-sussidji kumpensatorji għall-produtturi esportaturi Tajlandiżi, il-miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-PTA li joriġinaw mit-Tajlandja ma għandhomx jiġu imposti.

4.   ĦSARA, KAWŻALITÀ U L-INTERESS TAL-UNJONI

(42)

Fid-dawl tas-sejbiet li ssemmew hawn fuq fir-rigward tas-sussidji, mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

5.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(43)

Il-proċediment għalhekk għandu jintemm billi l-ammonti ta’ sussidji kumpensatorji għall-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma inqas minn 2 % ad valorem. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(44)

Fir-rigward tal-aspetti tas-sussidji, waslu kummenti mill-Gvern tat-Tajlandja (“GOT”) u mingħand wieħed mill-kwerelanti.

(45)

Il-GOT argumenta li l-iskemi investigati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala skemi speċifiċi ta’ sussidju minħabba li billi jiffurmaw parti mill-politika ta’ deċentralizzazzjoni tal-pajjiż, mhumiex eventwali f’każ ta’ esportazzjoni u ma jillimitawx l-aċċess għal ċerti setturi jew reġjuni tan-negozju. F’dan ir-rigward huwa nnutat li l-investigazzjoni stabbilixxiet biċ-ċar li l-iskemi investigati li l-produtturi esportaturi użaw waqt il-PI (eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni tal-makkinarju, tnaqqis doppju mid-dħul taxxabbli, kumpens għat-taxxa tal-esportazzjoni) huma sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku kontra l-għoti tas-sussidji. Għalhekk, it-talbiet tal-GOT għandhom jiġu rrifjutati.

(46)

Wieħed mill-kwerelanti argumenta li ċerti sussidji, partikolarment l-iskema tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul, għandhom jinfirxu fuq perjodu iqsar. Dan kellu jiġi rrifjutat billi l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi ma bbenefika minn din l-iskema matul il-PI.

(47)

Fir-rigward tal-aspetti ta’ ħsara, l-ebda parti interessata ma ssottomettiet rappreżentazzjoni.

(48)

Finalment, in-nuqqas ta’ kummenti mill-partijiet interessati jdgħajjef is-sejbiet li l-miżuri protettivi mhumiex neċessarji.

(49)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment kontra l-għoti tas-sussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri għal kontra l-għoti ta’ sussidju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Il-proċediment kontra l-għoti ta’ sussidju fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku u l-imluħa tiegħu ta’ purità bil-piż ta’ 99,5 % jew aktar, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 u li joriġinaw mit-Tajlandja, huwa permezz ta’ dan mitmum.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU C 313, 22.12.2009, p. 22.

(3)  ĠU C 313, 22.12.2009, p. 17.

(4)  Ara paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Jannar 2011

li ttemm il-proċediment ta’ antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja

(2011/32/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   Il-PROĊEDURA

1.1.   Tnedija

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“Avviż ta’ tnedija”), it-tnedija ta’ proċediment ta’ antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu aċidu tereftaliku ppurifikat (“PTA”) li joriġina mit-Tajlandja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Il-proċediment ta’ antidumping tnieda wara li fit-13 ta’ Novembru 2009 tressaq ilment minn BP Aromatics Limited NV u CEPSA Quimica S.A. (“il-kwerelanti”) li jirrappreżentaw proporzjon kbir ħafna, f’dan il-każ iktar minn 50 %, tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni ta’ PTA. L-ilment inkluda evidenza prima facie ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minn dan, li kienet ikkunsidrata bħala ġustifikazzjoni xierqa għat-tnedija ta’ proċediment.

(3)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), it-tnedija ta’ proċediment kontra l-għoti ta’ sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ PTA li joriġinaw mit-Tajlandja. Din l-investigazzjoni twaqqfet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/31/UE (4).

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(4)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bit-tnedija tal-proċediment lill-kwerelanti, lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur ikkonċernat u lill-importaturi u l-utenti magħrufa. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż tat-tnedija. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

(5)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-kwerelanti, lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fit-Tajlandja u lill-importaturi u l-utenti magħrufa tal-prodott ikkonċernat u lill-partijiet l-oħra kollha li talbu li jintbagħtilhom kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż tat-tnedija.

(6)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi esportaturi Tajlandiżi magħrufa, mingħand tliet produtturi mill-Unjoni, mingħand importatur mill-Unjoni u mingħand ħames utenti mill-Unjoni.

(7)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni:

BP Aromatics Limited NV, Geel, il-Belġju

CEPSA Química, S.A., Madrid, Spanja

Lotte Chemical UK Ltd (qabel kienet Artenius), Wilton, Redcar, ir-Renju Unit

(b)

Importaturi tal-Unjoni

Mitsui & Co. Benelux NV, Brussell, il-Belġju

(c)

Utenti tal-Unjoni

DSM Powder Coating Resins B.V., Zwolle, l-Olanda

M&G Polimeri Italia SPA, Patrica (Frosinone), l-Italja

NOVAPET S.A., Barbastro (Huesca), Spanja

UAB Neo Group, Klaipeda, il-Litwanja;

(d)

Produtturi esportaturi fit-Tajlandja

TPT Petrochemicals Public Company Ltd., Bangkok, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem ‘TPT’)

Indorama Petrochem Ltd., Bangkok, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “Indorama”)

Siam Mitsui PTA Company Ltd., Bangkok, it-Tajlandja (minn hawn ‘il quddiem “SMPC”)

(e)

Esportatur relatat

Mitsui Chemicals Inc, Tokyo, il-Ġappun (minn hawn ‘il quddiem “MCI”) – rappreżentanta tal-bejgħ ta’ prodotti esportati u parti interessata f’SMPC

(8)

Minħabba li kemm TPT u kemm Indorama huma tal-istess kumpanija possedenti, f’dan id-dokument se ssir referenza għalihom bħala “il-grupp Indorama”.

1.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(9)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2008 sat-30 ta’ Novembru 2009 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(10)

Il-prodott ikkonċernat huwa aċidu tereftaliku u l-imluħa tiegħu ta’ purità bl-użin ta’ 99,5 % jew iktar, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(11)

Il-PTA jinkiseb permezz tal-purifikazzjoni ta’ aċidu tereftaliku mhux raffinat, li tirriżulta mir-reazzjoni bejn il-parassilin (PX) u solvent u soluzzjoni katalista.

2.2.   Il-prodott simili

(12)

Il-prodott ikkonċernat u l-PTA mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Tajlandja, kif ukoll il-PTA mmanifatturat u mibjugħ fis-suq tal-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, instab li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi. Għalhekk huma meqjusa bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Rimarki preliminari

(13)

It-tliet produtturi esportaturi Tajlandiżi li ssemmew fl-ilment issottomettew tweġibiet għall-kwestjonarji. L-investigazzjoni żvelat li ma jeżisti l-ebda produttur esportatur Tajlandiż tal-PTA u li t-tweġibiet kienu jkopru 100 % tal-esportazzjonijiet Tajlandiżi lejn is-suq tal-UE.

(14)

It-tliet kumpaniji talbu li l-kalkoli tad-dumping isiru abbażi ta’ dejta ta’ kull xahar minħabba li l-ispejjeż tal-materja prima prinċipali u konsegwentement il-prezzijiet għall-prodott ikkonċernat varjaw b’mod sinifikanti tul il-PI. Għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa (26) hawn taħt, l-użu tal-metodoloġija mitluba ma kinitx ikkunsidrata bħala ġġustifikata.

(15)

Għandu jiġi nnutat li l-bejgħ fis-swieq domestiċi u tal-UE kien ibbażat fuq prezzijiet attwali jew fuq kuntratti bbażati fuq l-ispiża tal-PX (il-materja prima prinċipali) jew formola bbażata fuq indiċi tal-prezzijiet tal-PTA fiċ-Ċina. Fil-każ tal-aħħar, kien għadda perjodu ta’ żmien sinifikanti, f’ħafna mill-istanzi, li warajh l-indiċi finali kien disponibbli. Sabiex tiġi implimentata l-formola, kellu jiġi implimentat arranġament ta’ ħruġ ta’ fatturi li bih il-prezz finali seta’ jiġi stabbilit xi xhur wara l-ħruġ tal-ewwel fattura provviżorja. Inħarġu noti ta’ debitu/kreditu biex il-prezz finali stabbilit fil-kuntratt jiġi rranġat.

(16)

Il-metodoloġija ġenerali stabbilita hawn taħt ġiet applikata għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw fit-Tajlandja.

3.2.   Il-valur normali

(17)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel stabbilixxiet jekk il-bejgħ domestiku tal-produtturi Tajlandiżi kienx rappreżentattiv biżżejjed, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ irrappreżentax mill-inqas 5 % tal-volum totali tagħhom ta’ bejgħ ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Il-bejgħ domestiku tal-produtturi Tajlandiżi tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(18)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies bħala bejgħ b’mod kummerċjali normali skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili mibjugħ fis-suq domestiku, ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul il-PI.

(19)

Billi l-volum ta’ bejgħ bi profitt tal-prodott simili rrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum ta’ bejgħ totali tal-prodott simili għat-tliet produtturi, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala medja peżata tal-bejgħ domestiku kollu.

3.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(20)

Din l-investigazzjoni wriet li wieħed mill-prodotturi esportaturi li kkooperaw (SMPC) biegħ lis-suq tal-UE permezz tal-ikbar parti interessata tiegħu (MCI, kumpanija li qiegħda l-Ġappun), li mbagħad biegħet mill-ġdid lil serje ta’ negozjanti Ġappuniżi, li min-naħa tagħhom biegħu lil partijiet fis-suq tal-UE. Ġie investigat jekk MCI u l-ikbar negozjant Ġappuniż kinux relatati u jekk relazzjoni bħal din kellhiex impatt fuq il-prezzijiet.

(21)

Instab li l-iktar relazzjoni importanti kienet tikkonċerna ishma komuni f’persentaġġ baxx ħafna miżmuma mill-banek Ġappuniżi f’isem għadd ta’ fiduċjarji. Kien għalhekk stabbilit li r-relazzjoni ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-livelli tal-prezzijiet. Tabilħaqq, fid-dawl (i) tal-arranġamenti tal-ipprezzar/kuntrattwali li ssemmew hawn fuq li huma tipiċi għal din l-industrija u (ii) in-natura tar-relazzjoni bejn il-kumpaniji deskritti fuq, il-prezzijiet huma aċċessibbli għal kulħadd bl-istess mod. Għalhekk kien iddeterminat li l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat seta’ jiġi stabbilit abbażi tal-bejgħ ta’ MCI lin-negozjanti Ġappuniżi.

(22)

Intbagħtet ittra lil MCI, li infurmatha bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni, peress li waqt il-verifika f’Tokyo l-persuni li kienu qed jinvestigaw il-każ ma ngħatawx aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kontijiet relatata ma’ ċerti għotjiet.

(23)

Għalhekk, ġie deċiż li l-għotjiet jiġu kkalkolati abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Minħabba dan kollu, intużat il-metodoloġija li ġejja. Għall-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija, l-għotjiet ġew aġġustati ‘l fuq abbażi tal-informazzjoni li nġabret mill-post. Għall-bqija tal-għotjiet l-ammonti rrappurtati kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ nett kienu ċċekkjati billi saret referenza għal sorsi indipendenti oħra, f’dan il-każ informazzjoni stabbilita għaż-żewġ produtturi esportaturi Tajlandiżi l-oħra u nstab li kienu konformi għall-istess tip ta’ bejgħ. Ġie kkunsidrat metodu alternattiv ta’ użu tal-prezzijiet tal-Eurostat bħala sostituti, iżda ma ntużax minħabba li għal dan il-prodott, il-valur tal-Eurostat kien il-prezz tas-CIF fid-data tal-importazzjoni u mhux il-prezz finali aġġustat stabbilit skont il-kuntratt tal-bejgħ u s-sistemi ta’ ħruġ ta’ fatturi li ġew deskritti hawn fuq. Dan l-approċċ kien eċċezzjonalment adegwat minħabba l-istruttura tas-suq kif spjegata fil-premessa (15) hawn fuq. Ta’ min jinnota li l-maġġoranza assoluta ta’ għotjiet kienet diġà ġiet ivverifikata fit-Tajlandja.

3.4.   Il-paragun

(24)

Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi tal-prezzijiet mill-fabbrika.

(25)

Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ittieħdet kunsiderazzjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ dan, fejn kien applikabbli u ġġustifikat, saru aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-imballaġġ, tal-kreditu, tal-immaniġġjar u tal-kummissjonijiet.

(26)

Il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali sar fuq bażi annwali. It-talba tal-produtturi esportaturi biex isir paragun kull xahar kienet ikkunsidrata iżda ma twettqitx peress li kien evidenti li ma kinitx se tibdel il-konklużjoni ġenerali fir-rigward tad-dumping, jiġifieri dumping de minimis mifrux mal-pajjiż.

3.5.   Il-marġni tad-dumping

(27)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li jikkooperaw fit-Tajlandja kien stabbilit abbażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ prezz tal-esportazzjoni medju peżat kif ġie stabbilit hawn fuq.

(28)

Abbażi tal-metodoloġija li semmiet fuq, il-marġnijiet ta’ dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz tas-CIF fil-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, ġew stabbiliti hekk:

 

Marġni tad-Dumping

Grupp Indorama

3,7  %

SMPC

L-ebda dumping

(29)

It-tliet produtturi esportaturi (it-tnejn mill-Grupp Indorama u SMPC) jirrappreżentaw l-esportazzjonijiet totali li joriġinaw mit-Tajlandja meta mqabbla mad-dejta tal-Eurostat. Sabiex jiġi vvalutat jekk, abbażi tal-pajjiż kollu il-marġni tad-dumping kienx iktar baxx mid-de minimis, ġie stabbit marġini tad-dumping medju ppeżat tal-pajjiż kollu. Instab li dan il-marġni kien iktar baxx mid-de minimis, jiġifieri 1,8 %.

(30)

Fir-rigward tal-marġni tad-dumping de minimis ma għandhomx jiġu imposti miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-PTA li joriġinaw mit-Tajlandja.

4.   ĦSARA, KAWŻALITÀ U L-INTERESS TAL-UNJONI

(31)

Fid-dawl tas-sejbiet li ssemmew hawn fuq fir-rigward tad-dumping mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

5.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(32)

Il-proċediment għalhekk għandu jitwaqqaf peress li l-marġni tad-dumping determinat għat-Tajlandja huwa inqas minn 2 %. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(33)

Fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-dumping, waslu kummenti mingħand wieħed mill-kwerelanti li kkunsidra li l-Kummissjoni kellha tattribwixxi l-marġni tad-dumping stabbilit għaż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra (3,7 %) lil SMC, bħala riżultat tal-fatti disponibbli. Ġie argumentat li f’każ bħal dan kieku kien se jkun hemm marġni ta’ dumping de minimis. Il-Kummissjoni tabilħaqq applikat il-fatti disponibbli fir-rigward tal-kumpanija Ġappuniża relatata billi użat id-dejta disponibbli tal-kumpanija, filwaqt li aġġustatha ‘l fuq u qabblitha ma’ sorsi varjabbli oħra. F’dawn iċ-ċirkostanzi ma kienx ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 li kieku ġie attribwit il-marġni ta’ dumping tal-esportaturi oħra.

(34)

L-istess kwerelant argumenta wkoll li gvernijiet oħra għandhom opinjoni differenti dwar l-investigazzjonijiet dwar il-PTA għal PI simili. Dan kellu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa nnutat li l-evidenza li ngħatat mill-parti tirreferi għal dazju tal-antidumping impost mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet tal-PTA mill-Korea u t-Tajlandja. L-informazzjoni mogħtija ma tistax tikkorrobora t-talba tal-parti peress li ma teżistix evidenza dwar kif il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti f’din l-investigazzjoni dwar l-antidumping fiċ-Ċina. Barra minn hekk, fl-investigazzjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-PI jibda mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008, filwaqt li l-PI fl-investigazzjoni attwali tal-UE jibda mill-1 ta’ Diċembru 2008 sat-30 ta’ Novembru 2009. Għalhekk il-perjodi li ġew ikkunsidrati fl-investigazzjonijiet fl-UE u fiċ-Ċina kienu differenti ħafna.

(35)

Fir-rigward tal-aspetti ta’ ħsara, l-ebda parti interessata ma ressqet rappreżentazzjonijiet.

(36)

Bħala konklużjoni, il-fatt li l-ebda parti interessata ma ressqet kummenti jdgħajjef is-sejba li l-miżuri protettivi mhumiex neċessarji.

(37)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment tal-antidumping rigward l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-imluħa tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja għandu jitwaqqaf mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri tal-antidumping,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-proċediment tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku u l-imluħa tiegħu ta’ purità skont il-piż ta’ 99,5 % jew aktar, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00, li joriġinaw mit-Tajlandja, huwa b’dan terminat.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 313, 22.12.2009, p. 17.

(3)  ĠU C 313, 22.12.2009, p. 22.

(4)  Ara paġna 17 ta’ dan Il-Ġurnal Uffiċjali.


IV Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/26


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 190/09/COL

tat-22 ta’ April 2009

li temenda, għad-disgħa u sittin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitolu rivedut dwar il-qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

BILLI skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

BILLI skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti hekk jipprovdu espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),

BILLI, fil-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-Kummissjoni tal-KE) adottat Komunikazzjoni li temenda l-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (5),

BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI għandha tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

BILLI, skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma’ dawk li adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

WARA LI KKONSULTAT mal-Kummissjoni Ewropea,

FILWAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità kkonsultat lill-Istati tal-EFTA dwar is-suġġett b’ittra datata 31 ta’ Marzu 2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (minn issa ‘l quddiem il-“Qafas Temporanju”), japplika mid-29 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Il-Qafas Temporanju jipprevedi, fid-dispożizzjonijiet aħħarija tiegħu, li fejn dan ikun ta’ għajnuna, l-Awtorità tista’ wkoll tipprovdi aktar kjarifiki dwar l-approċċ tagħha lejn kwistjonijiet partikolari.

L-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju wriet in-neċessità li jiddaħħlu kjarifiki addizzjonali dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-qafas eżistenti għall-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ skont u l-applikazzjoni tal-għajnuna fil-forma ta’ garanziji.

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiddaħħlu emendi għall-Kapitolu tal-Linji Gwida intitolati Qafas Temporanju għall-miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

L-emendi li ġejjin għall-Qafas Temporanju se jidħlu fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

Fil-Punt 4.1, jiżdied il-paragrafu li jmiss:

“Għalhekk l-Istati tal-EFTA għandhom juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma nnotifikati lill-Awtorità skont dan il-qafas huma neċessarji, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA u li l-kundizzjonijiet kollha jkunu rispettati bis-sħiħ.”

2.

Il-punt 4.3.2 hu emendat kif ġej:

(a)

L-ittri (a) u (b) huma mibdulin b’li ġej:

“(a)

għall-IŻM, l-Istati tal-EFTA jagħtu tnaqqis ta’ sa 25 % tal-primjum ta’ kull sena li għandu jitħallas għal garanziji ġodda mogħtija skont id-dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness (*).

(b)

għall-kumpaniji kbar, l-Istati tal-EFTA jagħtu wkoll tnaqqis ta’ sa 15 % tal-primjum ta’ kull sena għal garanziji ġodda kkalkulati fuq il-bażi tal-istess dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness.

(*)  Il-primjums fl-Anness jirfinaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji billi jagħti kas tal-livelli differenti ta’ sigurtà. Jistgħu jintużaw ukoll bħala punt ta’ referenza biex ikun ikkalkulat l-element tal-għajnuna kumpatibbli għal miżuri ta’ garanzija li jaqgħu taħt il-punt 4.2 ta’ dan il-qafas.

Il-kalkolu tal-primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiċi huwa bbażat fuq il-marġni pprovduti mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont, b’mod li jagħti kas ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ 20 punt bażi (ara n-nota 12 ta’ qiegħ il-paġna tal-Linji Gwida msemmija hawn fuq). Għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni, madankollu, il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni kif iffissat fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji baqa’ l-limitu ta’ fuq tal-primjums għal kull kategorija ta’ valutazzjoni. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-livelli differenti ta’ sigurtà ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna1 tal-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.”

"

(b)

L-ittra (f) hija mibdula b’li ġej:

“(f)

Il-garanzija ma taqbiżx id-90 % tas-self għall-perjodu tas-self.”

(ċ)

L-ittra (h) hija mibdula b’li ġej:

“(h)

It-tnaqqis tal-primjum tal-garanzija hu applikat matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tal-garanzija. Jekk il-perjodu tas-self sottostanti jaqbeż is-sentejn, l-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw, għal perjodu massimu addizzjonali ta’ tmien snin, il-primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness mingħajr tnaqqis.”

3.

Il-Punt 4.4.1. huwa mibdul b’li ġej:

“4.4.1

Il-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw minn 60 sa 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self jiġi mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.”

4.

Il-Punt 4.5.1. huwa mibdul b’li ġej:

“4.5.1

Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw minn 60 sa 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.”

5.

L-Anness li jmiss hu miżjud:

“ANNESS

Qafas Temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f’punti bażi (**)

Kategorija ta’ klassifikazzjoni (Standard & Poor’s)

Sigurtà

Għolja

Normali

Baxxa

AAA

40

40

40

AA+

AA

AA-

40

40

40

A+

A

A-

40

55

55

BBB+

BBB

BBB-

55

80

80

BB+

BB

80

200

200

BB-

B+

200

380

380

B

B-

200

380

630

CCC u inqas

380

630

980

Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Iżlanda, lill-Prinċipalità tal-Liechtenstein u lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 3

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2009.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Per SANDERUD

President

Kurt JÄGER

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

(3)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(4)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ĠU”) L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-29 ta’ Jannar 2009. Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/guidelines/

(5)  Il-verżjoni kkonsolidata ġiet ippubblikata fil-ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

(**)  Għall-kumpaniji li m’għandhomx storja tal-kreditu jew klassifikazzjoni bbażata fuq metodu li jiffoka fuq il-karta tal-bilanċ (bħal ċerti kumpaniji b’għan speċjali jew kumpaniji li għadhom jibdew), l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu tnaqqis ta’ sa 15 % (25 % għall-IŻM) fuq il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiku li hu stabbilit għal 3,8 % fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji. Madankollu, il-primjum ma jista’ qatt ikun inqas mill-primjum li kien ikun applikabbli għall-kumpanija jew kumpaniji prinċipali.”


ANNESS

Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

1.   IL-KRIŻI FINANZJARJA, L-IMPATT TAGĦHA FUQ L-EKONOMIJA REALI U L-ĦTIEĠA GĦAL MIŻURI TEMPORANJI

1.1.   Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali

(1)

Fis- 26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem “il-Kummissjoni”) adottat il-Komunikazzjoni “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (il-“Pjan għall-Irkupru”) biex tixpruna l-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi finanzjarja attwali (1). Il-Pjan għall-Irkupru huwa bbażat fuq żewġ elementi ewlenin li jirrinfurzaw reċiprokament lil xulxin. L-ewwel nett, miżuri fuq medda qasira ta’ żmien biex ikabbru d-domanda, isalvaw l-impjiegi u jgħinu sabiex terġa’ tinbena l-fiduċja u, it-tieni nett, “investiment għaqli” biex jipproduċi tkabbir akbar u prosperità sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien aktar fit-tul. Il-Pjan għall-Irkupru se jintensifika u jħaffef riformi li diġà nbdew taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

(2)

F’dan il-kuntest, l-isfida hija li wieħed jevita intervent pubbliku li jimmina l-għan ta’ anqas għajnuna mill-Istat u għajnuna mill-Istat li hija mmirata aħjar. Madankollu, f’ċerti kundizzjonijiet, teżisti l-ħtieġa għal għajnuna temporanja ġdida mill-Istat.

(3)

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (minn issa ’l quddiem “l-Awtorità”) hija tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti għodod ġodda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod li tinkiseb l-akbar flessibbilta possibbli biex il-kriżi tiġi missielta filwaqt li jinżammu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u jiġu evitati restrizzjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni. Dawn il-Linji Gwida jagħtu d-dettalji dwar numru ta’ opportunitajiet temporanji addizzjonali għall-Istati tal-EFTA biex jagħtu għajnuna mill-Istat.

(4)

L-ewwelnett, il-kriżi finanzjarja kellha impatt qawwi fuq is-settur bankarju fiż-ŻEE u ta’ kobor li qatt ma kien hemm bħalu fl-Iżlanda. Il-Kunsill Ewropew saħaq li, għalkemm l-intervent pubbliku għandu jkun deċiż fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li dan isir fi ħdan qafas koordinat u fuq il-bażi ta’ għadd ta’ prinċipji Komunitarji komuni (2). Il-Kummissjoni rreaġixxiet mill-ewwel b’diversi miżuri inkluża l-adozzjoni ta’ Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali (3) u ta’ numru ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-għajnuna għas-salvataġġ lil istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità adottat miżuri korrispondenti (4).

(5)

Aċċess suffiċjenti u bi prezzijiet konvenjenti għall-finanzjament huwa kundizzjoni ta’ minn qabel għall-investiment, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi mis-settur privat. Jeħtieġ li l-Istati tal-EFTA jużaw l-influwenza li kisbu b’riżultat tal-forniment ta’ sostenn finanzjarju sostanzjali lis-settur bankarju biex jiżguraw li dan is-sostenn ma jwassalx sempliċiment għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek mingħajr ebda benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi. Is-sostenn għas-settur finanzjarju għandu għalhekk ikun immirat tajjeb biex jiggarantixxi li l-banek jissoktaw bl-attivitajiet ta’ tislif normali tagħhom. L-Awtorità se tqis dan meta teżamina l-għajnuna mill-Istat lill-banek.

(6)

Filwaqt li s-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji tidher li qed titjieb, l-impatt sħiħ tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali issa qed jinħass. Tnaqqis serju ħafna qed jaffettwa l-ekonomija aktar wiesgħa u li jkollu impatt fuq l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-impjiegi. B’mod partikolari, b’konsegwenza tal-kriżi fis-swieq finanzjarji, il-banek għaddejjin minn proċess ta’ tnaqqis fil-livell tad-dejn u qed isiru inqas lesti li jieħdu riskji milli kienu fi snin preċedenti li b’hekk qed iwassal għal restrizzjoni fil-kreditu. Il-kriżi finanzjarja tista’ twassal għar-razzjonar tal-kreditu, tnaqqis fid-domanda u reċessjoni.

(7)

Diffikultajiet bħal dawn jistgħu mhux biss jolqtu kumpaniji dgħajfa mingħajr protezzjoni mill-aspett ta’ solvenza, iżda wkoll kumpaniji b’saħħithom li se jaffaċċjaw nuqqas f’daqqa jew saħansitra indisponibbiltà ta’ kreditu. Dan se jkun il-każ partikolarment għall-impriżi żgħar u medji (“IŻM”) li, f’kull każ, jaffaċċjaw iktar diffikultajiet minn kumpaniji akbar biex jiksbu aċċess għall-finanzjament. Sitwazzjoni bħal din tista’ mhux biss serjament tolqot is-sitwazzjoni ekonomika ta’ bosta kumpaniji b’saħħithom u l-impjegati tagħhom fuq medda qasira u medja ta’ żmien imma jista’ jkollha effetti negattivi li jdumu aktar minħabba li l-investimenti kollha taż-ŻEE fil-futur – b’mod partikolari lejn tkabbir sostenibbli u għanijiet oħrajn tal-Istrateġija ta’ Liżbona – jistgħu jiddewmu jew anki jiġu abbandunati.

1.2.   Il-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-qrib ta’ miżuri ta’ għajnuna nazzjonali fiż-ŻEE

(8)

Fis-sitwazzjoni finanzjarja attwali, l-Istati tal-EFTA jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jaqdfu għal rashom u li jidħlu f’tellieqa tas-sussidji biex jappoġġjaw lill-kumpaniji tagħhom. L-esperjenza tal-passat turi li azzjoni individwali ta’ dan it-tip ma tistax tkun effettiva u tista’ tkun ta’ dannu serju għas-suq intern. Meta jingħata s-sostenn, filwaqt li wieħed iqis bis-sħiħ is-sitwazzjoni ekonomika prevalenti speċifika, hu kruċjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet u opportunitajiet ugwali għall-kumpaniji taż-ŻEE u li jiġi evitat li l-Istati tal-EFTA jidħlu fi tlielaq ta’ għoti ta’ sussidji li ma jkunux sostenibbli u li jkunu ta’ ħsara għaż-ŻEE kollha kemm hi. Il-politika tal-kompetizzjoni teżisti biex tiżgura li dan isir.

1.3.   Il-ħtieġa ta’ miżuri temporanji ta’ għajnuna mill-Istat

(9)

Il-miżuri temporanji addizzjonali li jipprovdu għalihom dawn il-Linji Gwida għandhom żewġ għanijiet: L-ewwel nett, fid-dawl tal-problemi eċċezzjonali u tranżitorji ta’ finanzjament marbuta mal-kriżi bankarja, biex jiġi żblukkat it-tislif mill-banek lill-kumpaniji u b’hekk tiġi garantita l-kontinwità tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament. F’dan ir-rigward, l-IŻM huma partikolarment importanti għall-ekonomija kollha kemm hi fiż-ŻEE u t-titjib tal-qagħda finanzjarja tagħhom ikollu wkoll effetti pożittivi għall-kumpaniji l-kbar, u b’hekk ikun ta’ appoġġ għat-tkabbir u l-immodernizzar ekonomiku globali fuq medda twila ta’ żmien.

(10)

It-tieni għan huwa li l-kumpaniji jiġu inkoraġġuti jkomplu jinvestu fil-ġejjieni, b’mod partikolari f’ekonomija bi tkabbir sostenibbli. Tabilħaqq, jekk, b’riżultat tal-kriżi attwali, il-progress sinjifikanti li nkiseb fil-qasam ambjentali jitwaqqaf jew saħansitra jitreġġa’ lura, jista’ jkun hemm konsegwenzi possibbilment drammatiċi. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jingħata appoġġ temporanju lill-kumpaniji talli jinvestu fi proġetti ambjentali (li, fost affarijiet oħrajn, jista’ jagħti vantaġġ teknoloġiku lill-industrija taż-ŻEE) u b’hekk jiġu magħquda l-appoġġ finanzjarju urġenti u meħtieġ ma’ benefiċċji fit-tul għaż-ŻEE.

(11)

Dawn il-Linji Gwida l-ewwel ifakkru d-diversi opportunitajiet għal appoġġ pubbliku li diġà huma għad-dispożizzjoni tal-Istati tal-EFTA taħt ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat, qabel ma jistipulaw miżuri addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat li l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu temporanjament sabiex jissanaw id-diffikultajiet li bħalissa qed jiltaqgħu magħhom xi kumpaniji rigward aċċess għall-finanzjament u sabiex jippromwovu investiment b’għanijiet ambjentali.

(12)

L-Awtorità tqis li l-istrumenti ta’ għajnuna proposti huma l-aktar strumenti xierqa biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

2.   MIŻURI ĠENERALI TA’ POLITIKA EKONOMIKA

(13)

Il-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku ġie adottat b’reazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika attwali. Fid-dawl tal-iskala tal-kriżi, il-Komunità teħtieġ approċċ koordinat, li huwa kbir u kuraġġjuż biżżejjed biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji. L-istess ħaġa hija minnha għall-irkupru fl-Istati tal-EFTA.

(14)

L-għanijiet strateġiċi tal-Pjan għall-Irkupru huma li:

jistimula malajr id-domanda u jżid il-fiduċja tal-konsumaturi;

jnaqqas l-impatt negattiv uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Bosta ħaddiema u l-familji tagħhom huma milquta mill-kriżi jew se jiġu milquta minnha. Tista’ tittieħed azzjoni biex jitwaqqaf it-telf tal-impjiegi u biex imbagħad in-nies jiġu megħjuna jirritornaw malajr fis-suq tax-xogħol, pjuttost milli jaffaċċjaw qgħad fit-tul.

jgħin lill-Ewropa tipprepara sabiex tieħu vantaġġ meta jerġa’ jibda t-tkabbir, sabiex l-ekonomija Ewropea tkun armonizzata mad-domandi għall-kompetittività u s-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet tal-futur, kif deskritti fl-Istrateġija ta’ Liżbona. Dan ifisser li jkun hemm appoġġ għall-innovazzjoni, li tinbena ekonomija bbażata fuq l-għarfien u li titħaffef il-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

(15)

Sabiex jilħqu dawn l-għanijiet, l-Istati tal-EFTA diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru ta’ strumenti li ma jitqiesux bħala għajnuna mill-Istat. Pereżempju, jista’ jkun li xi kumpaniji qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet aktar serji ta’ aċċess għall-finanzjament minn kumpaniji oħrajn u għalhekk ikollhom idewmu jew saħansitra iħassru l-finanzjament neċessarju għat-tkabbir tagħhom u biex iwettqu l-investimenti ppjanati. Għal dan l-għan, l-Istati tal-EFTA jistgħu jadottaw sensiela ta’ miżuri ta’ politika ġenerali, li jkunu applikabbli għall-kumpaniji kollha fit-territorji rispettivi tagħhom u li konsegwentement ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jkollhom l-għan li jtaffu temporanjament problemi ta’ finanzjament fuq medda qasira u medja ta’ żmien. Pereżempju, jistgħu jiġu estiżi l-iskadenzi għall-pagament ta’ ħlasijiet tas-sigurtà soċjali u ħlasijiet simili, jew saħansitra tat-taxxi, jew jistgħu jiġu introdotti miżuri għall-impjegati. Jekk miżuri bħal dawn ikunu disponibbli għall-impriżi kollha, fil-prinċipju, dawn ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat.

(16)

L-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu appoġġ finanzjarju direttament lill-konsumaturi, pereżempju biex jiddisponu minn prodotti qodma u/jew jixtru prodotti ekoloġiċi. Jekk din l-għajnuna tingħata mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini tal-prodott, ma tqajjimx diffikultajiet rigward għajnuna mill-Istat.

(17)

Barra minn dan, jistgħu jintużaw programmi ġenerali tal-Komunità, bħall-programm ta’ Qafas ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (2007 sa 2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u s-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għall-aħjar riżultati possibbli, biex iwasslu sostenn kemm lill-IŻM kif ukoll lill-impriżi l-kbar.

3.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT POSSIBBLI TAĦT STRUMENTI EŻISTENTI

(18)

Matul l-aħħar snin, l-Awtorità mmodernizzat sinjifikatament ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tinkoraġġixxi l-Istati tal-EFTA biex jiddirezzjonaw aħjar l-appoġġ pubbliku lejn investimenti sostenibbli u b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ Liżbona. F’dan il-kuntest, sar enfażi partikolari fuq l-IŻM flimkien ma’ aktar possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġew issimplifikati u aġġornati ħafna fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa li ġie adottat dan l-aħħar (7) u li issa joffri lill-Istati tal-EFTA varjetà wiesgħa ta’ miżuri ta’ għajnuna b’piż amministrattiv minimu. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, l-istrumenti eżistenti ta’ għajnuna mill-Istat li ġejjin huma ta’ importanza partikolari:

(19)

Ir-Regolament de minimis  (8) kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE jispeċifika li miżuri ta’ sostenn ta’ mhux aktar minn EUR 200 000 għal kull kumpanija matul kull perjodu ta’ tliet snin ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira Ftehim taż-ŻEE. L-istess Regolament jipprovdi wkoll li garanziji ta’ sa EUR 1,5 miljun ma jissuperawx il-limitu de minimis u għaldaqstant huma ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu garanziji bħal dawn mingħajr ma jikkalkulaw l-ekwivalenti li jikkorrispondi f’għajnuna u mingħajr piżijiet amministrattivi.

(20)

Ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) imsemmi hawn fuq jifforma element ċentrali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi jissimplifika l-proċedura tal-għajnuna mill-Istat għal xi miżuri importanti ta’ għajnuna u billi jinkoraġġixxi d-direzzjoni mill-ġdid tal-għajnuna mill-Istat lejn għanijiet prijoritarji taż-ŻEE. Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li kienu diġà jeżistu flimkien ma’ oqsma ġodda (innovazzjoni, ambjent, riċerka u żvilupp għal kumpaniji kbar u miżuri ta’ kapital ta’ riskju għall-IŻM) inġabru kollha fi strument wieħed. Fil-każijiet kollha koperti mill-GBER, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mingħajr notifika bil-quddiem lill-Awtorità. Għaldaqstant, il-ħeffa tal-proċess hija totalment f’idejn l-Istati tal-EFTA. Il-GBER huwa ta’ importanza partikolari għall-IŻM peress li jipprovdi għal regoli speċjali għal għajnuna għall-investiment u għall-impjiegi esklussivament għall-IŻM. Barra minn dan, is-26 miżura kollha koperti huma disponibbli għall-IŻM u dan jippermetti lill-Istati tal-EFTA biex jakkumpanjaw lill-IŻM fl-istadji differenti tal-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jgħinuhom f’oqsma li jkopru mill-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi, il-miżuri ambjentali, eċċ.

(21)

Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (9) jipprovdu li l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat, inter alia kif ġej:

għajnuna lil kumpaniji li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom lil hinn mill-istandards tal-Komunità jew, fin-nuqqas ta’ tali standards, ta’ sa 70 % tal-ispejjeż żejda għall-investment (sa 80 % fil-qasam tal-innovazzjoni ambjentali) għall-impriżi ż-żgħar u sa 100 % għall-ispejjeż żejda għall-investiment jekk l-għajnuna tingħata fi proċess ta’ appalt ġenwinament kompetittiv u dan anki għal kumpaniji kbar; hija wkoll permessa għajnuna għal adattament bikri għal standards futuri tal-Komunità u għajnuna għal studji ambjentali.

fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna operattiva biex ikopru l-ispejjeż żejda għall-produzzjoni kollha.

sabiex jinkisbu l-miri ambjentali għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’effett serra, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna li tippermetti lill-impriżi jiksbu ffrankar tal-enerġija u għajnuna għal sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u koġenerazzjoni sa 80 % tal-ispejjeż żejda għall-investiment għall-impriżi ż-żgħar u sa 100 % għall-ispejjeż żejda għall-investiment jekk l-għajnuna tingħata fi proċess ta’ appalt ġenwinament kompetittiv.

(22)

Fis-7 ta’ Frar 2007, l-Awtorita adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dak it-test fih dispożizzjonijiet ġodda dwar l-innovazzjoni, immirati speċifikament lejn l-IŻM u li jikkorrispondu wkoll għal direzzjonar aħjar tal-għajnuna lejn il-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir skont il-linji stabbilita mill-Istrateġija ta’ Liżbona. B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat, inter alia, kif ġej:

għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp, b’mod partikolari għajnuna għal riċerka fundamentali ta’ sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli u għajnuna għal riċerka industrijali ta’ sa 80 % għal impriżi żgħar;

għajnuna għal impriżi ġodda u innovattivi ta’ sa EUR 1 miljun u saħansitra aktar minn dan f’reġjuni assistiti, għajnuna għal raggruppamenti ta’ innovazzjoni, għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza għall-innovazzjoni u għajnuna għal servizzi ta’ sostenn għall-innovazzjoni;

għajnuna għat-tislif ta’ persuna bi kwalifiki għoljin, għajnuna għal studji ta’ fattibbiltà teknika, għajnuna għal innovazzjoni fil-proċessi u innovazzjoni organizzattiva fis-servizzi u għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għal IŻM.

(23)

It-taħriġ huwa element ewlieni ieħor għall-kompetittività. Huwa ta’ importanza kritika li jinżamm l-investiment fit-taħriġ sabiex jiġu żviluppati ħiliet ġodda, anki fi żmien meta l-qgħad qed jiżdied. Skont il-GBER il-ġdid, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna għat-taħriġ kemm ġenerali kif ukoll speċifika lill-kumpaniji ta’ sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(24)

Fl-2008, l-Awtorità adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, li jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet il-garanziji pubbliċi għal self ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat. Skont dawk il-Linji Gwida, garanziji mhumiex meqjusa bħala għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta jitħallas prezz tas-suq għalihom. Minbarra li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu jekk hemmx għajnuna fil-forma ta’ garanziji jew le, il-Linji Gwida l-ġodda jintroduċu wkoll, għall-ewwel darba, primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiċi għall-IŻM, li jippermettu użu aktar faċli iżda sikur ta’ garanziji sabiex jiġi inkoraġġut il-finanzjament ta’ IŻM.

(25)

Fil-25 ta’ Ottubru 2006 ġew adottati mill-Awtorità Linji Gwida ġodda biex tippromwovi l-investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi żgħar u medji. Dawn huma mmirati lejn IŻM innovattivi u li qed jikbru malajr – punt fokali ewlieni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. L-Awtorità stabbiliet limitu minimu ġdid ta’ eżenzjoni ta’ EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira, jiġifieri żieda ta’ 50 %. Taħt dan il-limitu, l-Awtorità taċċetta, fil-prinċipju, li hemm nuqqas ta’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament mis-swieq finanzjarji (jiġifieri li jeżisti falliment tas-suq). Barra minn dan, l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju ġiet inkluża fil-GBER.

(26)

F’reġjuni żvantaġġati, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna għall-investiment għat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, għall-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti jew għad-diversifikazzjoni għal prodotti ġodda taħt il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013, li ilhom applikabbli sa minn Jannar 2007.

(27)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 jintroduċu wkoll forma ġdida ta’ għajnuna biex jiġu pprovduti inċentivi biex isostnu negozji li qed jiġu stabbiliti u l-istadju bikri tal-iżvilupp tal-impriżi ż-żgħar f’żoni assistiti.

(28)

Skont il-Linji Gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, l-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu għajnuna lil kumpaniji li jirrikjedu sostenn pubbliku. Għal dan l-iskop, l-Istati tal-EFTA jistgħu jinnotifikaw skemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u/jew ristrutturar għall-IŻM.

4.   APPLIKABILITÀ TAL-ARTIKOLU 61(3)(b)

4.1.   Prinċipji ġenerali

(29)

Skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE l-Awtorità tista’ tiddikjara kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE għajnuna “biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA”. Din id-dispożizzjoni hija identika għall-Artikolu 87(3)(b) KE, li dwaru l-Qorti Ewropea tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet li t-taħwid irid jolqot lill-ekonomija kollha kemm hi tal-Istat Membru kkonċernat u mhux biss l-ekonomija ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu jew partijiet mit-territorju tiegħu. Dan, barra minnhekk, jikkonforma mal-ħtieġa li kull dispożizzjoni ta’ deroga bħall-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE tiġi strettament interpretata (10).

(30)

Din l-interpretazzjoni stretta ġiet applikata konsistentement mill-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha (11). L-Awtorità adottat ukoll interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE (12).

(31)

F’dan il-kuntest, l-Awtorità tikkunsidra li l-kriżi finanzjarja globali attwali tirrikjedi, lil hinn minn sostenn ta’ emerġenza għas-sistema finanzjarja, reazzjonijiet eċċezzjonali ta’ politika.

(32)

L-Istati kollha tal-EFTA se jkunu affettwati minn din il-kriżi, għalkemm b’modi differenti u fi gradi differenti, u huwa probabbli li jiżdied il-qgħad, tonqos id-domanda u l-pożizzjonijiet fiskali jmorru għall-agħar.

(33)

Fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi finanzjarja attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tqis li xi kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat huma ġġustifikati, għal perjodu limitat, biex dawn id-diffikultajiet jiġu rrimedjati u li dawn jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu.

(34)

Għalhekk l-Istati tal-EFTA għandhom juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma nnotifikati lill-Awtorità skont dan il-qafas huma neċessarji, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA u li l-kundizzjonijiet kollha jkunu rispettati bis-sħiħ.

4.2.   Ammont limitat ta’ għajnuna kompatibbli

4.2.1.   Il-qafas eżistenti

(35)

L-Artikolu 2 tar-Regolament de minimis  (13) kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE jiddikjara li:

“Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika tal-Artikolu 2 tal-Parti II tal-Protokoll 3 ta’ mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

L-għajnuna de minimis totali mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda m’għandhiex tissupera l-EUR 200 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. L-għajnuna de minimis totali mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda attiva fis-settur tat-trasport bit-triq m’għandhiex tissupera l-EUR 100 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Dawn il-limiti japplikaw irrispettivament mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ tali għajnuna u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat tal-EFTA hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi ta’ oriġini Komunitarja. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta’ referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-impriża fl-Istat tal-EFTA kkonċernat”.

4.2.2.   Miżura ġdida

(36)

Il-kriżi finanzjarja qiegħda tolqot mhux biss kumpaniji dgħajfa strutturalment iżda wkoll kumpaniji li se jaffaċċjaw nuqqas f’daqqa jew anki indisponibbiltà ta’ kreditu. Titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-kumpaniji jkollu effetti pożittivi fuq l-ekonomija kollha taż-ŻEE.

(37)

Għaldaqstant, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika attwali, huwa meqjus neċessarju li jiġi permess temporanjament l-għoti ta’ ammont limitat ta’ għajnuna li madankollu jaqa’ barra mill-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE minħabba li jeċċedi l-limitu indikat fir-Regolament de minimis.

(38)

L-Awtorità se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-għajnuna ma tkunx taqbeż għotja fi flus ta’ EUR 500 000 għal kull impriża; il-figuri kollha użati għandhom ikunu gross, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxi jew spejjeż oħra; fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja grossa;

(b)

l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ skema;

(ċ)

l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (14) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika; l-iskema ta’ għajnuna ma tkunx tapplika għal impriżi attivi fis-settur tas-sajd;

(d)

l-għajnuna ma tkunx għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiffavorixxi prodotti nazzjonali fuq dawk importati;

(e)

l-għajnuna tingħata mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010;

(f)

qabel ma jagħti l-għajnuna, l-Istat tal-EFTA ikun kiseb dikjarazzjoni mill-impriża kkonċernata, f’forma miktuba jew elettronika, dwar kull għajnuna de minimis oħra u għajnuna relatata ma’ dan il-paragrafu, li rċeviet matul is-sena fiskali kurrenti u jivverifika li din mhijiex se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta mill-impriża matul il-perjodu 1 ta’ Jannar 2008 sa 31 ta’ Diċembru 2010 għal livell li jissupera l-limitu ta’ EUR 500 000;

(g)

din il-miżura ta’ għajnuna ma tkunx tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli; tista’ tapplika għal impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli (15) sakemm l-ammont tal-għajnuna jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-kwantità ta’ tali prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew impoġġija fis-suq mill-impriżi kkonċernati, jew l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li tingħadda parzjalment jew totalment lil prodotturi primarji (16).

4.3.   Għajnuna fil-forma ta’ garanziji

4.3.1.   Il-qafas eżistenti

(39)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji għandhom l-għan li jagħtu lill-Istati tal-EFTA gwida dettaljata dwar il-prinċipji li fuqhom l-Awtorità għandha l-ħsieb li ssejjes l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-applikazzjoni tagħhom għall-garanziji statali. B’mod partikolari, il-Linji Gwida jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li m’hemmx għajnuna mill-Istat. It-test imsemmi hawn fuq ma jipprovdi l-ebda kriterji ta’ kompatibbiltà għall-valutazzjoni tal-garanziji.

4.3.2.   Miżura ġdida

(40)

Sabiex jiġi inkoraġġit ulterjorment l-aċċess għall-finanzjament u biex titnaqqas l-istmerrija għolja attwali għar-riskju tal-banek, garanziji tas-self sussidjati għal perjodu limitat jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament.

(41)

L-Awtorità se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim tż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

għall-IŻM, l-Istati tal-EFTA jagħtu tnaqqis ta’ sa 25 % tal-primjum ta’ kull sena li għandu jitħallas għal garanziji ġodda mogħtija skont id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness (17);

(b)

għall-kumpaniji kbar, l-Istati tal-EFTA jagħtu wkoll tnaqqis ta’ sa 15 % tal-primjum ta’ kull sena għal garanziji ġodda kkalkulati fuq il-bażi tal-istess dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness;

(ċ)

meta l-element ta’ għajnuna fi skemi ta’ garanzija huwa kkalkulat permezz ta’ metodoloġiji diġà aċċettati mill-Awtorità wara n-notifika tagħhom skont regolament inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (18), l-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu tnaqqis simili ta’ sa 25 % tal-primjum annwali li għandu jitħallas għal garanziji ġodda għall-IŻM u sa 15 % għal kumpaniji kbar.

(d)

is-self massimu ma jistax jissupera l-ammont totali annwali dovut f’pagi mill-benefiċjarju (inklużi l-piżijiet soċjali kif ukoll l-ispiża tal-persunal li jaħdem fuq is-sit tal-kumpanija iżda li l-paga tiegħu formalment titħallas minn subkuntratturi) għall-2008. Fil-każ ta’ kumpaniji li nħolqu wara l-1 ta’ Jannar 2008, is-self massimu ma jistax jissupera l-ammont annwali stmat li se jkun dovut f’pagi għall-ewwel sentejn tal-operat tagħha;

(e)

il-garanziji għandhom jingħataw mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010;

(f)

il-garanzija ma taqbiżx id-90 % tas-self għall-perjodu tas-self;

(g)

il-garanzija tista’ tirrigwarda kemm self għall-investiment kif ukoll self għall-kapital ċirkolanti;

(h)

it-tnaqqis tal-primjum tal-garanzija hu applikat matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tal-garanzija. Jekk il-perjodu tas-self sottostanti jaqbeż is-sentejn, l-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw, għal perjodu massimu addizzjonali ta’ tmien snin, il-primjums dwar il-limitu ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness mingħajr tnaqqis.

(i)

l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (19) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika;

4.4.   Għajnuna fil-forma ta’ rata tal-imgħax sussidjata

4.4.1.   Il-qafas eżistenti

(42)

Il-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw bejn 60 u 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

4.4.2.   Miżura ġdida

(43)

Fiċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, il-kumpaniji jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex isibu finanzjament. Għaldaqstant l-Awtorità se taċċetta li self pubbliku jew privat mogħti b’rata tal-imgħax li tkun minn tal-anqas ekwivalenti għar-rata overnight tal-bank ċentrali miżjuda bi primjum ekwivalenti għad-differenza bejn ir-rata medja ta’ fost il-banek għal sena waħda u r-rata overnight medja tal-bank ċentrali matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat- 30 ta’ Ġunju 2008, flimkien mal-primjum għar-riskju tal-kreditu li jikkorrispondi għall-profil ta’ riskju tal-benefiċjarju, kif stipulat mil-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.

(44)

L-element ta’ għajnuna li jinstab fid-differenza bejn din ir-rata tal-imgħax u r-rata ta’ referenza definita mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont se jkun ikkunsidrat, fuq bażi temporanja, kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

dan il-metodu jkun japplika għall-kuntratti kollha konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2010; jista’ jkopri self għal kwalunkwe tul ta’ żmien: ir-rati mnaqqsa tal-imgħax jistgħu jiġu applikati għal pagamenti tal-imgħax qabel il-31 ta’ Diċembru 2012 (20); wara dik id-data għandha tapplika għas-self rata tal-imgħax għall-inqas ugwali għar-rata definita fil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont;

(b)

l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008 (21); tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

4.5.   Għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi

4.5.1.   Il-qafas eżistenti

(45)

Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw bejn 60 u 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

4.5.2.   Miżura ġdida

(46)

Minħabba l-kriżi finanzjarja attwali, il-kumpaniji qed jiltaqgħu wkoll ma’ aktar diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-produzzjoni ta’ prodotti aktar ekoloġiċi. L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiffinanzja proġetti li jiswew ħafna u li għandhom l-għan li jżidu l-ħarsien ambjentali billi jadattaw aktar kmieni għal normi futuri li għadhom ma daħlux fis-seħħ jew billi jmorru lil hinn minn tali standards.

(47)

L-Awtorità tqis li l-għanijiet ambjentali għandhom jibqgħu prijorità minkejja l-kriżi finanzjarja. Il-produzzjoni ta’ prodotti aktar ekoloġiċi, inklużi prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, hija fl-interess komuni taż-ŻEE u huwa importanti li l-kriżi finanzjarja ma tkunx ta’ ostakolu għal dan il-għan.

(48)

Għaldaqstant, miżuri addizzjonali fil-forma ta’ self sussidjat jistgħu jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ “prodotti ekoloġiċi”. Madankollu, is-self sussidjat jkun il-kawża ta’ distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni u għalhekk għandu jkun strettament limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi u investiment immirat.

(49)

L-Awtorità tqis li, għal perjodu limitat ta’ żmien, l-Istati tal-EFTA għandhom jingħataw il-possibbiltà li jagħtu għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fir-rata tal-imgħax.

(50)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità se tqis kumpatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE kwalunkwe sussidju fuq ir-rata tal-imgħax għal self għall-investiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-għajnuna tkun tirrigwarda self għall-investiment għall-finanzjament ta’ proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda li jtejbu b’mod sinjifikanti l-ħarsien ambjentali;

(b)

l-għajnuna tkun neċessarja għat-tnedija ta’ proġett ġdid; fil-każ ta’ proġetti eżistenti, l-għajnuna tista’ tingħata jekk issir neċessarja, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika l-ġdida, biex jitkompla l-proġett;

(ċ)

l-għajnuna tingħata biss għal proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta’ prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards Komunitarji futuri għall-prodotti (22) li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali u li għadhom mhumiex fis-seħħ;

(d)

għal prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards ambjentali futuri tal-Komunità, l-investiment għandu jibda mhux iktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2010 bl-għan li l-prodott jitpoġġa fis-suq minn tal-anqas sentejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard;

(e)

is-self jista’ jkopri l-ispejjeż tal-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli (23) bl-eċċezzjoni ta’ self għal investimenti li jirrappreżentaw kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ aktar minn 3 % fis-swieq tal-prodotti (24) fejn ir-rata tat-tkabbir annwali medja, matul l-aħħar ħames snin qabel il-bidu tal-investiment, tal-konsum apparenti fis-suq ŻEE, imkejla f’dejta dwar il-valur, baqgħet anqas mir-rata tat-tkabbir annwali medja tal-PGD taż-ŻEE matul l-istess perjodu ta’ referenza ta’ ħames snin.

(f)

is-self ikun ingħata sal-31 ta’ Diċembru 2010;

(g)

għall-kalkolu tal-għajnuna, il-punt tat-tluq għandha tkun ir-rata individwali tal-benefiċjarju kkalkulata fuq il-bażi tal-metodoloġija li tinsab fil-punt 4.4.2 ta’ dawn il-Linji Gwida. Fuq il-bażi ta’ din il-metodoloġija, il-kumpanija tista’ tgawdi minn tnaqqis tar-rata tal-imgħax ta’:

25 % għall-kumpaniji l-kbar;

50 % għall-IŻM.

(h)

ir-rata sussidjata tal-imgħax tapplika matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tas-self;

(i)

it-tnaqqis fir-rata tal-imgħax jista’ jiġi applikat għas-self mogħti mill-Istat jew minn istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi u għal self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji privati. Għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u privati;

(j)

l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (25) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika;

(k)

l-Istati tal-EFTA jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix trasferita direttament jew indirettament lil entitajiet finanzjarji.

4.6.   Miżuri ta’ kapital ta’ riskju

4.6.1.   Il-qafas eżistenti

(51)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sabiex għajnuna mill-Istat li ssostni investiment ta’ kapital ta’ riskju tkun tista’ titqies kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftahim taż-ŻEE f’konformità mal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE.

(52)

Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġi inkoraġġit il-kapital ta’ riskju, l-Awtorità tqis li m’hemm l-ebda falliment tas-suq tal-kapital ta’ riskju ġenerali fiż-ŻEE. Madankollu hija taċċetta li hemm nuqqasijiet fis-suq għal xi tipi ta’ investiment f’ċerti stadji tal-iżvilupp tal-impriżi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ tqabbil tal-provvista u d-domanda għal kapital ta’ riskju u li jistgħu jiġu deskritti b’mod ġenerali bħala nuqqas ta’ ekwità.

(53)

Il-punt 4.3 tal-Linji Gwida msemmijin hawn fuq jipprovdi li għal porzjonijiet ta’ finanzjament li ma jissuperawx il-EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira matul kull perjodu ta’ tnax-il xahar, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-falliment tas-suq huwa preżunt u ma jeħtieġx li jintwera mill-Istati tal-EFTA.

(54)

Il-punt 5.1(a) tal-istess Linji Gwida jiddikjara li “l-Awtorità taf bit-tibdil kontinwu fis-suq tal-kapital ta’ riskju u n-nuqqas ta’ ekwità tul iż-żmien, kif ukoll dwar il-grad differenti tal-effett fuq l-impriżi mill-falliment tas-suq, li jiddependi fuq id-daqs tagħhom, l-istadju tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom u s-settur ekonomiku tagħhom. Għaldaqstant l-Awtorità lesta tikkunsidra li tiddikjara miżuri ta’ kapital ta’ riskju li jipprovdu għal porzjonijiet ta’ investiment li jissuperaw il-limitu ta’ EUR 1,5 miljun għal kull impriża kull sena kompatibbli mas-suq komuni sakemm tiġi ppreżentata l-evidenza meħtieġa tal-falliment tas-suq”.

4.6.2.   Adattament temporanju tar-regoli eżistenti

(55)

It-taqlib fis-suq finanzjarju kellu effett negattiv fuq is-suq tal-kapital ta’ riskju għal IŻM li għadhom fil-bidu tat-tkabbir tagħhom billi llimita d-disponibbiltà tal-kapital ta’ riskju. Minħabba l-perċezzjoni attwali assoċjata mal-kapital ta’ riskju li r-riskju kiber ħafna u li hi marbuta ma’ inċertezzi li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ aspettattivi ta’ inqas dħul, l-investituri attwalment għandhom it-tendenza li jinvestu f’tipi ta’ assi aktar sikuri b’riskji li jistgħu jiġu vvalutati aktar faċilment meta pparagunati ma’ dawk assoċjati ma’ investimenti f’kapital ta’riskju. Barra minn dan, in-natura mhux likwida ta’ investimenti f’kapital ta’ riskju bħalissa żvelat ruħha bħala diżinċentiv ieħor għall-investituri. Hemm evidenza li l-likwidità ristretta li tirriżulta taħt iċ-ċirkostanzi attwali tas-suq żiedet in-nuqqas ta’ ekwità għall-IŻM. Huwa għalhekk meqjus xieraq li l-limitu ta’ eżenzjoni għal investimenti f’kapital ta’ riskju jiżdied temporanjament biex dan in-nuqqas miżjud ta’ ekwità attwali jimtela’ u li titnaqqas temporanjament il-perċentwali ta’ parteċipazzjoni minima ta’ investituri privati għal 30 % ukoll fil-każ ta’ miżuri intiżi għal IŻM f’żoni mhux assistiti.

(56)

Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE, ċerti limiti stabbiliti mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju huma temporanjament adattati sal-31 ta’ Diċembru 2010 kif ġej:

(a)

għall-finijiet tal-punt 4.3.1 il-porzjonijet massimi tal-finanzjament huma miżjuda sa EUR 2,5 miljun minn EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira matul kull perjodu ta’ tnax-il xahar;

(b)

għall-finijiet tal-punt 4.3.4, il-finanzjament minimu li għandu jkun ipprovdut minn investituri privati hu 30 % kemm fiż-żoni assistiti kif ukoll barra minnhom;

(ċ)

kundizzjonijiet oħrajn li jinsabu fil-Linji Gwida jibqgħu applikabbli;

(d)

dan l-adattament temporanju tar-regoli eżistenti ma japplikax għal miżuri dwar kapital ta’ riskju koperti mill-GBER;

(e)

l-Istati tal-EFTA jistgħu jadattaw skemi approvati biex jirriflettu l-adattament temporanju tal-linji gwida.

4.7.   Akkumulazzjoni

(57)

Il-limiti tal-għajnuna stabbiliti skont dawn il-Linji Gwida se japplikaw irrispettivament minn jekk l-appoġġ għall-proġett megħjun ikunx iffinanzjat għal kollox minn riżorsi tal-Istat jew parzjalment iffinanzjat mill-Komunità.

(58)

Il-miżuri ta’ għajnuna temporanja previsti f’dawn il-Linji Gwida ma jistgħux jiġu akkumulati ma’ għajnuna li taqa’ fil-kamp tar-Regolament de minimis għall-istess spejjeż eliġibbli. Jekk l-impriża tkun irċeviet diġà għajnuna de minimis qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-qafas temporanju, l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta taħt il-miżuri koperti mill-punti 4.2 ta’ dawn il-Linji Gwida u l-għajnuna de minimis irċevuta ma jistax jissupera l-EUR 500 000 bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2010. L-ammont ta’ għajnuna de minimis irċevuta mill-1 ta’ Jannar 2008 għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ għajnuna kompatibbli mogħti għall-istess skop taħt il-punti 4.3, 4.4, 4.5 jew 4.6.

(59)

Il-miżuri ta’ għajnuna temporanja jistgħu jiġu kumulati ma’ għajnuna kompatibbli oħra jew ma’ tipi oħra ta’ finanzjament Komunitarju sakemm l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna indikati fil-Linji Gwida jew fir-Regolamenti ta’ Eżenzjoni Sħiħa relevanti jkunu rispettati.

5.   MIŻURI TA’ SIMPLIFIKAZZJONI

5.1.   Assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir

(60)

Il-Linji Gwida dwar l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien jistipulaw li r-riskji li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ma jistgħux ikunu koperti mill-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni bis-sostenn tal-Istati tal-EFTA. Ir-riskji kummerċjabbli huma riskji kummerċjali u politiċi ta’ debituri pubbliċi u mhux pubbliċi stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-Linji Gwida, b’perjodu massimu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn. Ir-riskji li jirrigwardaw debituri stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati tal-EFTA flimkien mas-sitt membri l-oħrajn tal-OECD huma kkunsidrati kummerċjabbli.

(61)

L-Awtorità tqis li, b’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja attwali, m’hemmx nuqqas ta’ kapaċità ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni f’kull Stat tal-EFTA, iżda ma jistax jiġi eskluż li f’xi pajjiżi jista’ jkun li l-kopertura għal riskji kummerċjabbli tkun temporanjament indisponibbli.

(62)

Il-punt 4, paragrafi 9 sa 13, tal-Linji Gwida msemmijin hawn fuq, jgħid li:

“f’ċirkustanzi bħal dawn, dawk ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli jistgħu jittieħdu fuq il-kont ta’ assigurant ta’ esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għal riskji mhux kummerċjabbli assigurati għall-kont ta’ jew bil-garanzija tal-Istat. L-assigurant għandu, sa fejn hu possibbli, jallinea r-rati tal-premjum tiegħu għal dawn ir-riskji mar-rati imposti imkien ieħor minn assiguranti ta’ esportazzjonijiet bi kreditu privati għat-tip ta’ riskju in kwistjoni.

Stat tal-EFTA li jkollu l-ħsieb li juża l-klawsola ta’ ħruġ għandu jinnotifika immedjatament lill-Awtorita tas-Sorveljanza tal-EFTA bl-abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu. Dik in-notifika għandu jkun jinsab fiha rapport dwar is-suq li juri n-nuqqas ta’ disponibilità ta’ kopertura għar-riskji fis-suq privat tal-assigurazzjoni billi jipproduċi evidenza tiegħu minn żewġ assiguranti ta’ esportazzjonijiet bi kreditu privati internazzjonali, kbar u magħrufin sew kif ukoll assigurant ta’ kreditu nazzzjonali, b’hekk jiġġustifika l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ. Inkella, wieħed jista’ possibbilment iressaq evidenza tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kopertura fis-suq privat tal-assigurazzjoni permezz ta’ rapport tas-suq minn konsulent indipendenti li l-Awtorita tkun tqisu serju u imparzjali. Barra minn hekk, in-notifika għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet li l-assigurant ta’ esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għandu l-ħsieb li japplika fir-rigward ta’ dawn ir-riskji.

Fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta’ din in-notifika, l-Awtorita teżamina jekk l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ ikunx skont il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq u kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE.

Jekk l-Awtorità ssib li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawsola ta’ ħruġ huma milħuqin, id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibiltà hi limitata għal sentejn mid-data tad-deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq li jiġġustifikaw l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ ma jinbidlux matul dak il-perjodu.

Iktar minn hekk, l-Awtorità tista’, b’konsultazzjoni mal-Istati l-oħrajn tal-EFTA, tirrevedi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta’ ħruġ; tista’ tiddeċiedi wkoll li ma tkomplihiex jew li tbiddilha b’sistema xierqa oħra”.

(63)

Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma applikabbli għal kumpaniji kbar u għal IŻM, huma strument xieraq fis-sitwazzjoni ekonomika attwali jekk l-Istati tal-EFTA jikkunsidraw li mhijiex disponibbli kopertura fis-suq tal-assigurazzjoni privata għal xi riskji kummerċjabbli ta’ kreditu u/jew għal xi xerrejja ta’ protezzjoni tar-riskju.

(64)

F’dan il-kuntest, sabiex tħaffef il-proċedura għall-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tqis li, sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati tal-EFTA jistgħu juru n-nuqqas tas-suq billi jipprovdu evidenza suffiċjenti dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kopertura għar-riskju fis-suq tal-assigurazzjoni privata. L-użu tal-klawsola ta’ ħruġ għandu f’kull każ jiġi kkunsidrat bħala ġustifikat jekk:

assiguratur internazzjonali privat ta’ kreditu tal-esportazzjoni, li jkun kbir u magħruf sewwa, kif ukoll assiguratur nazzjonali tal-kreditu, iressqu provi dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ tali kopertura, jew

mill-inqas erba’ esportaturi stabbiliti sewwa fl-Istat tal-EFTA iressqu provi ta’ rifjut ta’ kopertura minn assiguraturi għal operazzjonijiet speċifiċi.

(65)

L-Awtorità, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati tal-EFTA ikkonċernati, tiżgura li d-deċiżjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-klawsola ta’ ħruġ jiġu adottati malajr.

5.2.   Simplifikazzjoni ta’ proċeduri

(66)

Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat imsemmija f’dawn il-Linji Gwida għandhom jiġu notifikati lill-Awtorità. Apparti mill-miżuri sostantivi stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, l-Awtorita hija impenjata li tiżgura l-awtorizzazzjoni malajr ta’ miżuri ta’ għajnuna li jindirizzaw il-kriżi attwali b’konformità ma’ dawn il-Linji Gwida sakemm l-Istati tal-EFTA kkonċernati jipprovdu kooperazzjoni mill-qrib u informazzjoni sħiħa.

(67)

Dan l-impenn se jikkomplementa l-proċess li għaddej li bih il-Kummissjoni qiegħda attwalment telabora numru ta’ miżuri li jtejbu l-proċeduri ġenerali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari sabiex tippermetti t-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar malajr u aktar effettiv f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Dan il-pakkett ta’ simplifikazzjoni ġenerali għandu, b’mod partikolari, jinkludi impenji konġunti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għal proċeduri aktar simplifikati u prevedibbli f’kull pass ta’ investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat u jippermetti l-approvazzjoni aktar mgħaġġla ta’ każijiet sempliċi.

6.   MONITORAĠĠ U RAPPURTAĠĠ

(68)

Id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 27 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti li tippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jitlob li l-Istati tal-EFTA jissottomettu rapporti annwali lill-Awtorità.

(69)

Sal-31 ta’ Lulju 2009, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu lill-Awtorità b’lista ta’ skemi stabbiliti fuq il-bażi tal-Linji Gwida preżenti.

(70)

L-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li jinżammu rekords dettaljati dwar l-għoti ta’ għajnuna prevista minn dawn il-Linji Gwida. Tali rekords, li għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ġewx mħarsal-kundizzjonijiet meħtieġa, għandhom jinżammu għal għaxar snin u għandhom jiġu pprovduti lill-Awtorità meta din titlobhom. B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA jridu jkunu kisbu informazzjoni li turi li l-benefiċjarji tal-għajnuna għal miżuri taħt l-4.2, 4.3, 4.4. u 4.5 ma kinux kumpaniji f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008.

(71)

Flimkien ma’ dawn il-ħtiġijiet, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu lill-Awtorità b’rapport dwar il-miżuri stabbiliti fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida sal-31 ta’ Ottubru 2009. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jipprovdu elementi li jindikaw il-ħtieġa li l-Awtorità żżomm il-miżuri li jipprovdu għalihom dawn il-Linji Gwida wara l-31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-benefiċċji ambjentali tas-self sussidjat. L-Istati tal-EFTA għandhom ukoll jipprovdu din l-informazzjoni għal kull sena sussegwenti li matulha jiġu applikati dawn il-Linji Gwida, qabel il-31 Ottubru ta’ kull sena.

(72)

L-Awtorità tista’ titlob tagħrif addizzjonali rigward l-għajnuna mogħtija, biex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Awtorità li tapprova l-miżura ta’ għajnuna jkunux ġew irrispettati.

7.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(73)

L-Awtorità se tapplika dawn il-Linji Gwida mid-data tal-adozzjoni tagħhom. Dawn il-Linji Gwida huma ġustifikati mill-problemi eċċezzjonali u tranżitorji attwali ta’ finanzjament konnessi mal-kriżi bankarja u mhumiex se jiġu applikati wara l-31 ta’ Diċembru 2010. Wara li tikkonsulta mal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tista’ tirrevedihom qabel dik id-data fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet ekonomiċi importanti jew konsiderazzjonijiet ta’ politika tal-kompetizzjoni. Fejn din tkun ta’ għajnuna l-Awtorità tista’ tipprovdi wkoll kjarifiki tal-metodu tagħha rigward kwistjonijiet partikolari.

(74)

L-Awtorità tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Linji Gwida fil-konfront tal-miżuri kollha rigward kapital ta’ riskju li ġew notifikati u li trid tieħu deċiżjoni fuqhom wara li jiġu adottati dawn il-Linji Gwida, anki jekk il-miżuri jkunu ġew notifikati qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida.

(75)

Skont il-Linji Gwida dwar ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li mhix skont il-liġi, l-Awtorità se tapplika dan li ġej fil-każ ta’ għajnuna mhix notifikata:

(a)

dawn il-Linji Gwida, jekk l-għajnuna tkun ngħatat wara l-adozzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida;

(b)

il-linji gwida applikabbli meta l-għajnuna tkun ingħatat fil-każijiet l-oħra kollha.

(76)

L-Awtorità, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati tal-EFTA ikkonċernati, se tiżgura li d-deċiżjonijiet jiġu adottati malajr malli jkun hemm in-notifika kompleta tal-miżuri koperti minn dan id-dokument. L-Istati tal-EFTA għandhom jinformaw lill-Awtorità bl-intenzjonijiet tagħhom u għandhom jinnotifikaw il-pjanijiet tagħhom li jintroduċu miżuri bħal dawn l-aktar kmieni u bil-mod l-aktar komprensiv possibli.

(77)

L-Awtorità tixtieq tfakkar li kwalunkwe titjib proċedurali jiddependi għal kollox fuq il-preżentazzjoni ta’ notifiki ċari u kompleti.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewrope, COM(2008) 800.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-7 ta’ Ottubru 2008.

(3)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

(4)  Ara l-kapitoli tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda b’rabta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali u dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet mhux mistħoqqa tal-kompetizzjoni, adottati fid-29 ta’ Jannar 2009.

(5)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(6)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1j tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 120/2008 tas-7 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 111, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 79, 18.12.2008), e.i.f. 8.11.2008.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12..2006, p. 5) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1ea tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 29/2007 (ĠU L 209, 9.8.2007, p. 52, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 38, 9.8.2007, p. 34), e.i.f 28.4.2007.

(9)  Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/state_aid_guidelines/

(10)  Kawżi magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra, p. II-3663, punt 167.

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/490/KE fil-Każ C 47/96 Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), punt 10.1; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/KE fil-Każ 28/02 Bankgesellschaft Berlin (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), punti 153 et seq.; u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/263/KE fil-Każ C 50/96 BAWAG (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7), punt 166; Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ NN 70/07 Northern Rock (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kummussjoni tal-4 ta’ Ġunju 2008 fil-każ C 9/08 SachsenLB, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(12)  L-Awtorità qatt ma approvat miżura ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE.

(13)  Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.

(14)  Għall-kumpaniji l-kbar, ara l-punt 2.1 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà. Għall-IŻM, ara l-Artikolu 1(7) dwar id-definizzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenrali Sħiħa.

(15)  Kif definit fl-Artikolu 2.3 u 2.4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-istat lil impriżi żgħar u medji attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

(16)  Biex id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Artikoli minn 61 sa 63 tal-Ftehim taż-ŻEE jkunu japplikaw, l-għajnuna mill-Istat trid tingħata lil impriżi involuti fil-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-prodotti tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Artikolu 8(3) tal-Ftehim jipprovdi li “sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għal: (a) prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Oġġetti, esklużi l-prodotti fil-lista fi Protokoll 2; (b) prodotti speċifikati fil-Protokoll 3, suġġetti għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti f’dak il-Protokoll”. Il-prodotti agrikoli, safejn la jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Oġġetti u lanqas ma huma speċifikati fil-Protokoll 3, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE.

(17)  Il-primjums fl-Anness jirfinaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji billi jagħti kas tal-livelli differenti ta’ sigurtà. Huma jistgħu jintużaw ukoll bħala punt ta’ referenza biex ikun ikkalkulat l-element tal-għajnuna kumpatibbli għal miżuri ta’ garanzija li jaqgħu taħt il-punt 4.2 ta’ dan il-qafas.

Il-kalkolu tal-primjums dwar il-limitu ta’ eżenzjoni huwa bbażat fuq il-marġni pprovduti mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont, b’mod li jagħti kas ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ 20 punt bażi (ara n-nota 12 ta’ qiegħ il-paġna 12 (11 għat-test tal-UE) tal-Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat f’għamla ta’ garanziji). Għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni, madankollu, il-primjum dwar il-limitu ta’ eżenzjoni kif iffissat fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji baqa’ l-limitu ta’ fuq tal-primjums għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-livelli differenti ta’ sigurtà ara n-nota 2 ta’ qiegħ paġna 1 tal-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.

(18)  Bħalma huwa r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1i tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 157/2006 (ĠU L 89, 29.3.2007, p. 33 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 15, 29.3.2007, p. 26), sakemm il-metodoloġija approvata espliċitament tindirizza t-tipi ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet involuti kkonċernati.

(19)  Ara n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.

(20)  L-Istati tal-EFTA li jkunu jixtiequ jużaw din il-faċilità jridu jippubblikaw ir-rati overnight ta’ kuljum onlajn u jpoġġuhom għad-dispożizzjoni tal-Awtorità.

(21)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.

(22)  Standard Komunitarju futur għall-prodotti huwa standard Komunitarju mandatorju li jistabbilixxi l-livelli ambjentali li għandhom jintlaħqu għal prodotti mibjugħin fl-Unjoni Ewropea, li ġie adottat iżda li għadu mhuwiex fis-seħħ.

(23)  Kif definit fil-punt 70 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent.

(24)  Definiti skont il-punt 58 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna Reġjonali.

(25)  Ara n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.


ANNESS

Qafas Temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f’punti bażi (*)

Kategorija ta’ klassifikazzjoni (Standard & Poor’s)

Sigurtà

Għolja

Normali

Baxxa

AAA

40

40

40

AA+

AA

AA-

40

40

40

A+

A

A-

40

55

55

BBB+

BBB

BBB-

55

80

80

BB+

BB

80

200

200

BB-

B+

200

380

380

B

B-

200

380

630

CCC u inqas

380

630

980


(*)  Għall-kumpaniji li m’għandhomx storja tal-kreditu jew klassifikazzjoni bbażata fuq metodu li jiffoka fuq il-karta tal-bilanċ (bħal ċerti kumpaniji b’għan speċjali jew kumpaniji li għadhom jibdew), l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu tnaqqis ta’ sa 15 % (25 % għall-IŻM) fuq il-primjum speċifiku dwar il-limitu ta’ eżenzjoni li hu stabbilit għal 3,8 % fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji. Madankollu, il-primjum ma jista’ qatt ikun inqas mill-primjum li kien ikun applikabbli għall-kumpanija jew kumpaniji prinċipali.