ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.344.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 344

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
29 ta' Diċembru 2010


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1231/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew (3), il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (4) sejħu għal integrazzjoni aħjar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri billi jingħatalhom sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ jkun simili dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni.

(2)

Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-1 ta’ Diċembru 2005 saħaq li l-Unjoni għandha tiżgura trattament ġust lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li għandha tkun immirata politika ta’ integrazzjoni aktar enerġetika sabiex jingħatawlhom drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (5) estenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kinux diġà koperti b’dawn id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment l-Artikolu 34(2) tagħha.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (6) jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (7) jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 574/72. Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 għandhom jitħassru b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 jaġġornaw u jissimplifikaw b’mod sinifikanti r-regoli ta’ koordinazzjoni għal persuni assigurati kif ukoll għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għal dawn tal-aħħar, r-regoli ta’ koordinazzjoni aġġornati jimmiraw lejn it-tħaffif u l-faċilitazzjoni tal-ipproċessar tad-data dwar id-drittijiet tal-persuni assigurati għal benefiċċji u lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi korrispondenti.

(7)

Il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u t-titjib tal-istandard tal-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja fl-Istati Membri huma obbjettivi tal-Unjoni.

(8)

Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn min iħaddem u l-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkollhom jitrattaw sitwazzjonijiet legali u amministrattivi kumplessi li jikkonċernaw biss grupp limitat ta’ persuni, huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali permezz tal-użu ta’ strument legali uniku ta’ koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009.

(9)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi adottat strument legali li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 859/2003 bl-għan bażiku li jissostitwixxi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 flok ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 rispettivament.

(10)

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom ma għandha tagħtihom ebda dritt għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru jew li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirrifjuta li jagħti, jirtira jew jirrifjuta li jġedded permess għad-dħul, għas-soġġorn, għar-residenza jew għax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, skont il-liġi tal-Unjoni.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom ikunu, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, applikabbli biss sa fejn il-persuna kkonċernata tkun diġà residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, ir-residenza legali għandha tkun prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 ma għandhomx japplikaw f’sitwazzjoni li hija limitata, fl-aspetti kollha, għal Stat Membru wieħed. Dan huwa l-każ, fost l-oħrajn, fis-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu rabtiet biss ma’ pajjiż terz u ma’ Stat Membru wieħed.

(13)

Il-kondizzjoni li wieħed ikun residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandhiex taffettwa d-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jikkonċernaw il-pensjonijiet tal-invalidità, tal-età jew ta’ superstiti, f’isem Stat Membru wieħed jew aktar, għal ċittadin ta’ pajjiż terz li preċedentement ikun issodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew is-superstiti ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, sa fejn huma jieħdu d-drittijiet tagħhom minn ħaddiem, meta jkun residenti f’pajjiż terz.

(14)

Id-dritt kontinwat għall-benefiċċju tal-qgħad, kif stabbilit fl-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, huwa suġġett għall-kondizzjoni tar-reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impiegi ta’ kull Stat Membru li daħlet fih. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk japplikaw biss għal ċittadin ta’ pajjiż terz kemm-il darba dak l-individwu jkollu d-dritt, skont il-każ taħt il-permess tar-residenza tiegħu jew taħt l-istatus ta’ residenza għal perijodu fit-tul tiegħu, li jirreġistra bħala persuna li tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impjiegi tal-Istat Membru li daħal fih u sakemm ikollu d-dritt li jaħdem hemm legalment.

(15)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li għalihom l-Unjoni hija Parti u li jagħtu benefiċċji f’termini ta’ sigurtà soċjali.

(16)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba s-sitwazzjonijiet transkonfinali involuti u għalhekk, minħabba l-iskala madwar l-Unjoni tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell ta’ Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(17)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ Ottubru 2007, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih u lanqas ma hu suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(19)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 huwa b’dan imħassar bejn l-Istati Membri li huma marbutin b’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 50.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 259) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-26 ta’ Lulju 2010 (ĠU C 253 E, 21.9.2010, p. 1), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 1999 dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere (ĠU C 154, 5.6.2000, p. 63).

(4)  Opinjoni tal-KESE tas-26 ta’ Settembru 1991 dwar l-istatus ta’ ħaddiema migranti minn pajjiżi terzi (ĠU C 339, 31.12.1991, p. 82).

(5)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

(6)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.