ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.180.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 180

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
15 ta' Lulju 2010


Werrej

 

I   Atti leġislattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE

1

 

 

II   Atti mhux leġislattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

7

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 618/2010 tal-14 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

15

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2010 tal-14 ta’ Lulju 2010 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

17

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 620/2010 tal-14 ta’ Lulju 2010 dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni għall-applikazzjonijiet introdotti natul l-ewwel sebat ijien tax-xahar ta’ Lulju 2010 fil-qafas tal-kwoti tariffarji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għal-laħam tat-tjur

19

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2010/391/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2010 li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni 93/52/KEE fir-rigward tar-rikonoxximent tal-Litwanja u r-reġjun tal-Molise fl-Italja bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis) u li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/467/KE fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ċerti reġjuni amministrattivi tal-Italja bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi bovina, mill-bruċellosi bovina u l-lewkosi bovina enzootika (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4592)  ( 1 )

21

 

 

2010/392/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2010 li ttemm il-proċedura antidumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja

26

 

 

2010/393/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2010 li ttemm il-proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fl-Indja u fil-Malasja

28

 

 

IV   Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

 

 

2010/394/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat bin-numru C 57/06 (dik li qabel kienet l-għajnuna bin-numru NN 56/06 u bin-numru N 451/06) b’rabta mal-finanzjament mogħti mir-reġjun ta’ Hessen lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun (notifikata bid-dokument numru C(2008) 1626)  ( 1 )

30

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġislattivi

DIRETTIVI

15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/1


DIRETTIVA 2010/41/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qed irabbu t-tfal (3), tiżgura l-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li qed jikkontribwixxu fl-eżerċizzju ta’ tali attività. F'dak li jirrigwarda persuni li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, id-Direttiva 86/613/KEE ma kinitx effettiva ħafna u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jitqies mill-ġdid, minħabba li d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u l-fastidju jseħħu wkoll f’oqsma barra mix-xogħol bis-salarju. Fl-interess taċ-ċarezza, id-Direttiva 86/613/KEE għandha tiġi sostitwita b'din id-Direttiva.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha, tal-1 ta’ Marzu 2006, intitolata “Pjan tar-rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”, il-Kummissjoni ħabbret li biex ittejjeb il-governanza għall-ugwaljanza bejn is-sessi, ser tirrivedi l-leġislazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li mhijiex inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid tal-2005 bil-għan li jkun hemm aġġornament, modernizzazzjoni u tfassil mill-ġdid fejn meħtieġ. Id-Direttiva 86/613/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 u tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar “Rwoli bilanċjati tan-nisa u l-irġiel għall-impjiegi, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali”, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tqis il-ħtieġa li tirrivedi, jekk ikun meħtieġ, id-Direttiva 86/613/KEE biex tissalvagwardja d-drittijiet relatati mal-maternità u paternità ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u tal-konjuġi li jgħinuhom.

(4)

Il-Parlament Ewropew sejjaħ b’mod konsistenti lill-Kummissjoni biex tirrivedi d-Direttiva 86/613/KEE, b’mod partikolari biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-maternità ta’ nisa li jaħdmu għal rashom u biex tittejjeb il-qagħda tal-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

(5)

Il-Parlament Ewropew diġà ppreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-materji fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 1997 dwar is-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ għajnuna ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom (4).

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Lulju 2008 intitolata “Aġenda Soċjali Mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21”, il-Kummissjoni affermat il-ħtieġa li tieħu azzjoni dwar id-differenza bejn is-sessi fl-intraprendenza kif ukoll biex ittejjeb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata ma' dik professjonali.

(7)

Diġà hemm għadd ta’ strumenti legali eżistenti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jkopru l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (5) u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol (6). Din id-Direttiva għalhekk m'għandhiex tapplika għall-oqsma li diġà huma koperti minn direttivi oħra.

(8)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, tinkludi, fost oħrajn, deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ tali sistemi u istituzzjonijiet relatati kif ukoll dwar is-sustanza u l-għoti ta’ benefiċċji, il-livell tal-kontribuzzjonijiet u l-kondizzjonijiet għall-aċċess.

(9)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi tagħhom jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners tagħhom, meta dawn, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, abitwalment jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-negozju. Sabiex titjieb il-qagħda għal dawn il-konjuġi u, meta u safejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, għal-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, ix-xogħol tagħhom għandu jiġi rikonoxxut.

(10)

Din id-Direttiva m'għandiex tapplika għal materji koperti minn Direttivi oħra li jimplimentaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (7). Fost oħrajn, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/113/KE dwar l-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati jibqa’ applikabbli.

(11)

Biex tkun evitata d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, din id-Direttiva għandha tapplika kemm għad-diskriminazzjoni diretta kif ukoll għal dik indiretta. Il-fastidju u l-fastidju sesswali għandhom jitqiesu bħala diskriminazzjoni u għalhekk għandhom jiġu pprojbiti.

(12)

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mill-istat konjugali jew tal-familja kif definiti fil-liġi nazzjonali.

(13)

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jkopri r-relazzjonijiet bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u partijiet terzi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, iżda mhux relazzjonijiet bejn persuna li taħdem għal rasha u l-konjuġi jew il-life partner tagħha.

(14)

Fil-qasam ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, pereżempju, b'rabta mal-istabbiliment, it-tagħmir jew l-estensjoni ta’ negozju jew il-varar jew l-estensjoni ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

(15)

L-Istati Membri jistgħu, taħt l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi biex jagħmluha aktar faċli għas-sess li mhuwiex rappreżentat biżżejjed biex jipparteċipa f’attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew biex jevita jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali tagħhom. Fil-prinċipju, miżuri bħal azzjoni pożittiva mmirata biex tikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika m'għandhomx jitqiesu li qed jiksru l-prinċipju legali ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

(16)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn il-konjuġi jew, meta u safejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, il-life partners, mhumiex aktar restrittivi mill-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija ma' persuni oħrajn.

(17)

Bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tan-negozju tal-familja, il-konjuġi jew, meta u sa fejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li għandhom aċċess għal sistema għall-protezzjoni soċjali, għandhom ikunu intitolati wkoll li jibbenefikaw minn protezzjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex din il-protezzjoni soċjali tiġi organizzata f'konformità mal-liġi nazzjonali. B'mod partikolari, huma l-Istati Membri li jridu jiddeċiedu jekk din il-protezzjoni soċjali għandhiex tiġi implimentata fuq bażi obbligatorja jew volontarja. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din il-protezzjoni soċjali tista’ tkun proporzjonali għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu u/jew il-livell ta’ kontribuzzjoni.

(18)

Il-vulnerabbiltà ekonomika u fiżika ta’ nisa tqal li jaħdmu għal rashom u ta’ konjuġi tqal u, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, ta’ life partners tqal ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, tirriżulta fil-ħtieġa tagħhom li jingħataw id-dritt tal-benefiċċji tal-maternità. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jorganizzaw tali benefiċċji, inkluż l-istabbiliment tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet u l-arranġamenti kollha li jikkonċernaw benefiċċji u ħlasijiet, bil-kondizzjoni li jiġu mħarsa r-rekwiżiti minimi ta’ din id-Direttiva. B'mod partikolari, huma jistgħu jiddeterminaw f'liema perijodu qabel u/jew wara t-twelid jingħata d-dritt għall-benefiċċji tal-maternità.

(19)

It-tul taż-żmien li matulu persuni li jaħdmu għal rashom ta’ sess femminili u l-konjuġi ta’ sess feminili jew, meta u sakemm din tkun rikonoxxuta mil-liġi nazzjonali l-life partner ta’ sess feminili, ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, tingħata benefiċċji tal-maternità għandu jkun simili għat-tul tal-leave tal-maternità għal impjegati li huwa attwalment fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni. F'każ li t-tul tal-leave tal-maternità mogħti lil impjegati jiġi modifikat fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi tagħmel valutazzjoni dwar jekk għandux jiġi modifikat it-tul tal-benefiċċji ta’ leave tal-maternità għal ħaddiema nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi ta’ sess feminili jew life partner tas-sess feminili msemmija fl-Artikolu 2.

(20)

Biex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet ta’ attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, nisa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi nisa jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners nisa, ta’ persuni li jaħdmu għal rashom għandhom jingħataw aċċess għal kwalunkwe servizz eżistenti li jipprovdi sostituzzjoni temporanja li jippermettilhom li jinterrompu l-attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew minħabba li qed irabbu t-tfal, jew għal kwalunkwe servizz soċjali nazzjonali eżistenti. L-aċċess għal dawk is-servizzi jista’ jkun alternattiva għal, jew parti mill-allowance tal-maternità.

(21)

Il-persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għandu jkollhom mezzi xierqa ta’ protezzjoni legali. Biex tingħata protezzjoni aktar effettiva, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra għandhom jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti, kif jiddeċiedu l-Istati Membri, jew f'isem jew b'appoġġ għal kull vittima, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar rappreżentazzjoni u difiża quddiem il-qrati.

(22)

Il-protezzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, mid-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għandha tissaħħaħ bl-eżistenza ta’ korp jew korpi f'kull Stat Membru b'kompetenza li janalizzaw il-problemi involuti, jistudjaw soluzzjonijiet possibbli u jagħtu assistenza prattika lill-vittmi. Il-korp jew korpi jistgħu jkunu l-istess bħal dawk b’responsabbiltà fuq livell nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

(23)

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(24)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli komuni ta’ protezzjoni mid-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-attwazzjoni fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li jikkontribwixxu għall-eżerċizzju ta’ tali attività, fir-rigward ta’ dawk l-aspetti li mhumiex koperti bid-Direttivi 2006/54/KE u 79/7/KEE.

2.   L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi tibqa' koperta bid-Direttiva 2004/113/KE.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tkopri:

(a)

persuni li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-persuni kollha li jeżerċitaw attività bi qligħ għal rashom, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali;

(b)

il-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, li ma jkunux impjegati jew imsieħba fin-negozju, fejn huma abitwalment, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-persuna li taħdem għal rasha u jwettqu l-istess kompiti jew kompiti anċillari.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)   “diskriminazzjoni diretta”: fejn persuna waħda tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minħabba raġunijiet ta’ sess milli hija, kienet jew tkun trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)   “diskriminazzjoni indiretta”: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika mhumiex iġġustifikati oġġettivament minn għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma adatti u meħtieġa;

(c)   “fastidju”: fejn isseħħ imġiba mhix mixtieqa relatata mas-sess ta’ persuna bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ dik il-persuna, u li jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv;

(d)   “fastidju sesswali”: meta titwettaq kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

Artikolu 4

Prinċipju ta’ trattament ugwali

1.   Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm assolutament l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess fis-settur pubbliku u f'dak privat, kemm direttament kif ukoll indirettament, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment, it-tagħmir jew l-estensjoni ta’ negozju jew it-tnedija jew l-estensjoni ta’ kull forma oħra ta’ attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

2.   Fl-oqsma koperti bil-paragrafu 1, il-fastidju u l-fastidju sesswali għandhom jitqiesu bħala diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u għalhekk għandhom jiġu pprojbiti. Ir-rifjut ta’ jew is-sottomissjoni għal tali mġiba minn persuna ma jistgħux jintużaw bħala bażi għal deċiżjoni li tolqot lil dik il-persuna.

3.   Fl-oqsma koperti bil-paragrafu 1, ordni li tiddiskrimina kontra persuni fuq bażi ta’ sess għandha titqies bħala diskriminazzjoni.

Artkolu 5

Azzjoni pożittiva

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri fis-sens tal-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol li tkun immirata, pereżempju, għall-promozzjoni ta’ inizjattivi tal-intraprenditorija fost in-nisa.

Artikolu 6

Stabbiliment ta’ kumpannija

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċifiċi għal aċċess għal ċerti attivitajiet li japplikaw ugwalment għaż-żewġ sessi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn il-konjuġi, jew bejn il-life partners meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, mhumiex aktar restrittivi mill-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn persuni oħra.

Artikolu 7

Protezzjoni soċjali

1.   Meta teżisti sistema għall-protezzjoni soċjali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-konjuġi u l-life partners msemmijin fl-Artikolu 2(b) jistgħu jibbenefikaw minn xi protezzjoni soċjali f'konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk il-protezzjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 1 hijiex implimentat fuq bażi obbligatorja jew volontarja.

Artikolu 8

Benefiċċji tal-maternità

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi u life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2 ikunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jingħataw allowance tal-maternità li tkun biżżejjed biex tippermettilhom li jinterrompu l-attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew minħabba l-maternità għal mhux inqas minn 14-il ġimgħa.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk l-allowance tal-maternità msemmija fil-paragrafu 1 hijiex mogħtija fuq bażi obbligatorja jew volontarja.

3.   L-allowance msemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li tkun biżżejjed jekk tiggarantixxi dħul għall-inqas ekwivalenti għal:

(a)

l-allowance li l-persuna kkonċernata tirċievi f’każ li tieqaf temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet marbuta mal-istat ta’ saħħa tagħha u/jew;

(b)

it-telf medju ta’ dħul jew ta’ profitt fir-rigward ta’ perijodu preċedenti komparabbli, suġġett għal kwalunkwe limitu stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew;

(c)

kull allowance oħra relatata mal-familja stabbilita bil-liġi nazzjonali, suġġetta għal kwalunkwe limitu stabbilit bil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi u life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2 ikollhom aċċess għal kwalunkwe servizz eżistenti li jipprovdi sostituzzjonijiet temporanji jew għal kwalunkwe servizz soċjali nazzjonali eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-aċċess għal dawk is-servizzi jkun alternattiva għal jew parti mill-allowance msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Difiża tad-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi, inkluż, fejn l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jqisu li ġarrbu xi telf jew ħsara minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom, anke wara li ntemmet ir-relazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni hija allegata li saret.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li għandhom, f'konformità mal-kriterji stabbiliti bil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li din id-Direttiva tiġi osservata, jistgħu jidħlu, f'isem jew b’appoġġ għal min jagħmel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv previst għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-Direttiva.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti ta’ żmien biex issir azzjoni relatata mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Artikolu 10

Kumpens jew riparazzjoni

L-Istati Membri għandhom jintroduċu tali miżuri fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom li huma meħtieġa biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif l-Istati Membri hekk jiddeterminaw, għat-telf jew il-ħsara mġarrbin minn persuna minħabba diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, b’mod li tali kumpens jew riparazzjoni tkun dissważivi u proporzjonati għat-telf jew il-ħsara mġarrbin. Tali kumpens jew riparazzjoni m'għandhomx ikunu limitati mill-iffissar ta’ limitu ogħla preċedenti.

Artikolu 11

Korpi ta’ ugwaljanza

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE jkunu wkoll kompetenti għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali tal-persuni kollha koperti minn din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti tal-korpi msemmijin fil-paragrafu 1 jinkludu:

(a)

l-għoti ta’ assistenza indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni li jressqu l-ilmenti ta’ diskriminazzjoni tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ vittmi u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra msemmijin fl-Artikolu 9(2);

(b)

it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni;

(c)

il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni;

(d)

l-iskambju, fil-livell adatt, ta’ informazzjoni disponibbli mal-korpi korrispondenti Ewropej, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Artikolu 12

Integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sess

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont b'mod attiv tal-objettiv tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jfasslu u jimplimentaw liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, linji politiċi u attivitajiet fl-oqsma msemmijin f'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li huma diġà fis-seħħ, jinġiebu permezz tal-mezzi kollha adatti għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 14

Livell ta’ protezzjoni

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m'għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni mid-diskriminazzjoni diġà applikat mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Awwissu 2015.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fil-qosor biex jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-5 ta’ Awwissu 2016. Dak ir-rapport għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe bidla legali li tikkonċerna t-tul ta’ żmien tal-leave tal-maternità għall-impjegati. Fejn ikun il-każ, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva.

2.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jieħu kont tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati.

Artikolu 16

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Awwissu 2012. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   Fejn ikun ġustifikat minn diffikultajiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun meħtieġ, ikollhom perijodu addizzjonali ta’ sentejn sal-5 ta’ Awwissu 2014 sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 7, u sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8 fir-rigward tal-konjuġi u l-life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2(b).

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Tħassir

Id-Direttiva 86/613/KEE għandha titħassar b’effett mill-5 ta’ Awwissu 2012.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi magħmula għal din id-Direttiva.

Article 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2010

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 107.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta' Marzu 2010 (ĠU C 123 E, 12.5.2010, p. 5), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010.

(3)  ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56.

(4)  ĠU C 85, 17.3.1997, p. 186.

(5)  ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

(6)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(7)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/7


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, EURATOM) Nru 617/2010

tal-24 ta’ Ġunju 2010

dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 337 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-ksib ta’ stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) huwa essenzjali għall-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti tagħha fil-qasam tal-enerġija. Id-disponibbiltà ta’ data u informazzjoni regolari u aġġornati għandhom jippermettu lill-Kummissjoni li twettaq il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa jew li tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta’ ċifri u analiżi adatti, b’mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija.

(2)

Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u b’hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għall-funzjonament tas-suq intern u għat-transizzjoni lejn sistema ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju li bdiet tagħmel l-Unjoni.

(3)

Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jesiġi investiment sinifikanti fit-tipi kollha ta’ infrastrutturi fis-setturi kollha tal-enerġija kif ukoll li l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ infrastruttura u teknoloġiji ġodda jiġi adottat mis-suq. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment. Fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-karburanti ser ibiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

(4)

F’dan il-kuntest, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b’mod partikolari bl-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aħjar prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fl-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija tagħha għandhom għalhekk ikollhom data u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta’ investiment, inkluż id-dekummissjonar, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni.

(6)

Id-data u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trasmissjoni u l-ħżin fid-diversi setturi tal-enerġija huma ta’ interess għall-Unjoni u importanti għall-investiment futur. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-proġetti ta’ investiment fejn inbdiet ħidma dwar il-kostruzzjoni u d-dekummissjonar jew fejn ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

(7)

Skont l-Artikoli 41 u 42 tat-Trattat Euratom, l-impriżi huma obbligati li jinnotifikaw il-proġetti ta’ investiment tagħhom. Jeħtieġ li tali informazzjoni tkun issupplimentata, b’mod partikolari, b’rappurtar regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment. Tali rappurtar ulterjuri huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 41 sa 44 tat-Trattat Euratom.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni jkollha opinjoni konsistenti dwar l-iżviluppi futuri tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni b’mod komplessiv, huwa meħtieġ qafas armonizzat ta’ rappurtar għall-proġetti ta’ investiment ibbażat fuq kategoriji aġġornati għad-data u l-informazzjoni uffiċjali li għandhom jiġu trasmessi mill-Istati Membri.

(9)

L-Istati Membri għandhom għal dan l-għan jinnotifikaw lill-Kummissjoni, id-data u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass naturali, l-elettriċità minn sorsi rinovabbli, il-bijokarburanti u l-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju ppjanati jew li qed jitwettqu fit-territorju tagħhom, inklużi l-interkonnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi. L-impriżi kkonċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw lill-Istat Membru d-data u l-informazzjoni inkwistjoni.

(10)

Meta jitqies iż-żmien li jkun previst għall-proġetti ta’ investiment fis-settur tal-enerġija, rappurtar kull sentejn għandu jkun suffiċjenti.

(11)

Bl-għan li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, dan ir-Regolament għandu jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri u l-impriżi jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti tiġi pprovduta lill-Kummissjoni skont atti legali speċifiċi għas-settur tal-enerġija, adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ swieq tal-enerġija fl-Unjoni li jkunu kompetittivi, ta’ sistema tal-enerġija tal-Unjoni li tkun sostenibbli u ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe duplikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar fit-tielet pakkett tas-suq intern dwar l-elettriċità u l-gass naturali għandha tiġi evitata.

(12)

Għall-ipproċessar tad-data kif ukoll sabiex in-notifika tad-data tiġi ssimplifikata u tkun sigura, il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan l-għan, b’mod partikolari t-tħaddim ta’ għodod tal-IT u l-proċeduri integrati.

(13)

Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri hija rregolata bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni hija rregolata bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament iħalli dawn id-dispożizzjonijiet intatti.

(14)

L-Istati Membri, jew l-entitajiet delegati tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ data u informazzjoni kummerċjalment sensittivi. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ data u informazzjoni relatati ma’ proġetti ta’ trasmissjoni transkonfinali, għandhom jiġbru tali data u informazzjoni fil-livell nazzjonali qabel ma jippreżentawhom lill-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tkompli tiġbor din id-data b’tali mod li ma jinkixef jew ma jkun jista’ jiġi inferit l-ebda dettal dwar impriżi u installazzjonijiet individwali.

(15)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija tagħha għandhom jipprovdu analiżi regolari u transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u, fejn adatt, analiżi aktar iffokata fuq ċerti aspetti ta’ din is-sistema tal-enerġija. Din l-analiżi għandha b’mod partikolari tikkontribwixxi sabiex tidentifika n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment sabiex ikun jista’ jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. L-analiżi għandha wkoll tifforma kontribut għal diskussjoni fil-livell tal-Unjoni dwar l-infrastrutturi tal-enerġija u għandha għalhekk tiġi mgħoddija lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ssir disponibbli għall-partijiet interessati.

(16)

Il-Kummissjoni tista’ tkun assisstita minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti, bl-għan li jiġi żviluppat fehim komuni ta’ distakki potenzjali tal-infrastruttura u riskji assoċjati u titrawwem it-trasparenza rigward l-iżviluppi futuri.

(17)

Waqt li jibnu sa fejn possibbli fuq il-format ta’ notifika użat skont ir-Regolament tal- Kummissjoni (KE) Nru 2386/96 (3) li japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 tat-22 ta’ April 1996 dwar in-notifikar lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment ta’ interess għall-Komunità fis-setturi taż-żejt, gass naturali u elettriċità (4), u wara l-konsultazzjoni tal-esperti nazzjonali, il-miżuri tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

(18)

Minħabba l-emendi meħtieġa sabiex l-isfidi tal-enerġija tal-lum jiġu adattati u għall-fini taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 736/96 għandu jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta’ data u informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-elettriċità, inkluż elettriċità minn sorsi rinovabbli, u tal-bijokarburanti, u dwar proġetti ta’ investiment relatati mal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawn is-setturi jipproduċu.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom inbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew dekummissjonar jew li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw kwalunkwe data stimata jew informazzjoni preliminari dwar proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom il-ħidma ta’ kostruzzjoni hija skedata li tibda fi żmien ħames snin u għal dawk li huma skedati għad-dekummissjonar fi żmien tliet snin, iżda li deċiżjoni finali ta’ investiment għadha ma tteħditx dwarhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura” tfisser kwalunkwe tip ta’ installazzjoni jew parti ta’ installazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trasmissjoni u l-ħżin;

(2)

“proġetti ta’ investiment” tfisser proġetti bl-għan li:

(i)

jibnu infrastruttura ġdida;

(ii)

jibdlu, jimmodernizzaw, iżidu jew inaqqsu l-kapaċitajiet ta’ infrastrutturi eżistenti;

(iii)

dekummissjonar parzjali jew totali tal-infrastruttura eżistenti;

(3)

“deċiżjoni finali dwar l-investiment” tfisser id-deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ impriża biex b’mod definittiv il-fondi jiġu assenjati għall-fażi ta’ investiment tal-proġett, bil-fażi ta’ investiment li tfisser il-fażi li matulha sseħħ il-kostruzzjoni jew id-dekummissjonar u jiġġarbu l-ispejjeż kapitali. Il-fażi ta’ investiment teskludi l-fażi tal-ippjanar, li matulha titħejja l-implimentazzjoni tal-proġett u li tinkludi, fejn ikun il-każ, valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, il-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u t-tiġrib tal-ispejjeż kapitali;

(4)

“proġetti ta’ investiment taħt kostruzzjoni” tfisser proġetti ta’ investiment li l-kostruzzjoni tagħhom bdiet u l-ispejjeż kapitali ġġarrbu;

(5)

“dekummissjonar” tfisser il-fażi fejn it-tħaddim tal-infrastruttura jitwaqqaf b’mod permanenti;

(6)

“produzzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni tal-elettriċità u l-ipproċessar tal-karburanti, inklużi l-bijokarburanti;

(7)

“trasmissjoni” tfisser it-trasport tas-sorsi tal-enerġija jew tal-prodotti jew tad-diossidu tal-karbonju, permezz ta’ netwerk, b’mod partikolari:

(i)

permezz ta’ sistemi ta’ pajpijiet, għajr in-netwerk upstream tas-sistemi tal-pajpijiet u għajr dik il-parti tas-sistemi tal-pajpijiet li primarjament tintuża fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali; jew

(ii)

permezz ta’ sistemi interkonnessi ta’ vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli u sistemi oħra għajr is-sistemi tal-pajpijiet li primarjament jintużaw fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali;

(8)

“ħżin” tfisser l-istokkjar fuq bażi permanenti jew temporanja ta’ enerġija jew ta’ sorsi tal-enerġija f’infrastruttura ‘l fuq mill-art jew taħt l-art jew f’siti ġeoloġiċi jew il-konteniment tad-diossidu tal-karbonju f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;

(9)

“impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali privata jew pubblika, li tiddeċiedi dwar jew li timplimenta l-proġetti;

(10)

“sorsi tal-enerġija” tfisser:

(i)

sorsi primarji tal-enerġija, bħaż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam;

(ii)

sorsi tal-enerġija mibdula, bħall-elettriċità;

(iii)

sorsi tal-enerġija rinovabbli inklużi l-idroelettriċità, il-bijomassa, il-bijogass, ir-riħ, l-enerġija mix-xemx, dik mill-mewġ u dik ġeotermali; u

(iv)

prodotti tal-enerġija, bħall-prodotti taż-żejt raffinat u l-bijokarburanti;

(11)

“korp speċifiku” tfisser korp inkarigat minn kwalunkwe att legali speċifiku għas-settur tal-enerġija bit-tħejjija u l-adozzjoni tal-iżvilupp ta’ netwerk pluriennali fl-Unjoni kollha u pjanijiet ta’ investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija, bħan-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għall-elettriċità (“ENTSO-E”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-iskambji transkonfinali tal-elettriċità (5) u n-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għall-gass (“ENTSO-G”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali (6).

Artikolu 3

Notifika tad-data

1.   Filwaqt li jżommu piż proporzjonat tal-ġbir u r-rappurtar tad-data, l-Istati Membri jew l-entitajiet li lilhom ikunu ddelegaw dan il-kompitu għandhom jikkompilaw id-data u l-informazzjoni kollha speċifikati f’dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2011 u minn dakinhar ‘il quddiem kull sentejn.

Huma għandhom jinnotifikaw id-data aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett speċifikati f’dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fl-2011, fejn dik is-sena tkun l-ewwel sena ta’ rappurtar, u minn dakinhar ‘il quddiem kull sentejn. Din in-notifika għandha ssir f’forma aggregata, ħlief għad-data u l-informazzjoni rilevanti dwar proġetti ta’ trasmissjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom jinnotifikaw id-data aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata.

2.   L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom huma eżenti mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, dment li, u sal-punt li, skont il-liġi tal-Unjoni speċifika għas-settur tal-enerġija jew skont it-Trattat Euratom:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jew l-entità delegata tiegħu diġà jkun/tkun innotifika/t lill-Kummissjoni d-data jew l-informazzjoni ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u indika/t id-data tan-notifika u l-att ta’ liġi speċifika kkonċernat;

(b)

korp speċifiku jkun inkarigat bit-tħejjija ta’ pjan ta’ investiment pluriennali fl-infrastruttura tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u għal dan l-għan jikkompila data u informazzjoni ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. F’dan il-każ u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-korp speċifiku għandu jinnotifika d-data u l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Sorsi tad-data

L-impriżi kkonċernati għandhom jinnotifikaw id-data jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 lill-Istati Membri, jew lill-entitajiet delegati tagħhom, fejn qed jippjanaw li jwettqu proġetti ta’ investiment fit-territorju tagħhom qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ rappurtar. Id-data jew l-informazzjoni nnotifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tal-proġetti ta’ investiment sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rappurtar relevanti.

L-ewwel paragrafu ma għandux japplika għall-impriżi fejn l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-data jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

Kontenut tan-notifika

1.   Fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness, in-notifika prevista fl-Artikolu 3 għandha tindika fejn adatt:

(a)

il-volum tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qed jinbnew;

(b)

it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qed jinbnew, inkluż il-post tal-proġetti ta’ trasmissjoni transkonfinali, jekk applikabbli;

(c)

is-sena probabbli tal-kummissjonar;

(d)

it-tip ta’ sorsi ta’ enerġija użat;

(e)

l-installazzjonijiet li huma kapaċi jirrispondu għall-kriżijiet ta’ sigurtà tal-provvista, bħat-tagħmir li jippermetti l-flussi opposti jew il-qlib minn karburant għall-ieħor; u

(f)

it-tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi ta’ installazzjoni għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe dekummissjonar propost ta’ kapaċitajiet, in-notifika prevista fl-Artikolu 3 għandha tindika:

(a)

in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura kkonċernata; u

(b)

is-sena probabbli tad-dekummissjonar.

3.   Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 3 għandha tinkludi fejn adatt il-volum totali tal-kapaċitajiet installati tal-produzzjoni, it-trasmissjoni u l-ħżin li jkunu fis-seħħ fil-bidu tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata jew li l-operazzjoni tagħhom tiġi interrotta għal perijodu li jeċċedi t-tliet snin.

L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) jistgħu jżidu man-notifiki tagħhom kummenti rilevanti, bħal kummenti dwar dewmien jew ostakli għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment.

Artikolu 6

Kwalità u pubbliċità tad-data

1.   L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew, fejn adatt, il-korpi speċifiċi għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-data u l-informazzjoni li jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

F’każ ta’ korpi speċifiċi, id-data u l-informazzjoni nnotifikati jistgħu jkunu akkumpanjati b’kummenti mill-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika data u informazzjoni ppreżentati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm id-data u l-informazzjoni jiġu ppubblikati f’forma aggregata u ma jinkixef jew ma jkun jista’ jiġi inferit l-ebda dettall dwar impriżi u installazzjonijiet individwali.

3.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom kull wieħed minnhom iħarsu l-kunfidenzjalità ta’ data u informazzjoni kummerċjalment sensittivi fil-pussess tagħhom.

Artikolu 7

Dispożiżżjonijiet implimentattivi

Fil-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, sal-31 ta’ Ottubru 2010, id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, rigward il-forma u dettalji tekniċi oħra tan-notifika tad-data u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 5.

Artikolu 8

Ipproċessar tad-data

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, ma jbiddilx l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif stipulat bid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi li huma d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-data personali li huma jipproċessaw tul it-twettiq ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Abbażi tad-data u l-informazzjoni ppreżentati u, jekk ikun adatt, ta’ kwalunkwe sors ta’ data ieħor inkluż ix-xiri tad-data mill-Kummissjoni, u b’kont meħud tal-analiżijiet rilevanti bħall-pjanijiet pluriennali ta’ żvilupp ta’ netwerk għall-gass u l-elettriċità, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u għandha tippubblika kull sentejn analiżi transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni. Din l-analiżi għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li:

(a)

tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija li huma sinifikanti minn perspettiva ta’ politika tal-enerġija tal-Unjoni;

(b)

tidentifika ostakoli għall-investiment u tippromwovi l-aħjar prattiki biex tindirizzahom; u

(c)

iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u dawk li potenzjalment jidħlu fis-suq.

Abbażi ta’ din id-data u l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll kwalunkwe analiżi speċifika meqjusa meħtieġa u adatta.

2.   Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u/jew kwalunkwe espert, assoċjazjonijiet professjonali oħra b’kompetenza speċifika fil-qasam ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri kollha b’opprotunità li jikkummentaw dwar l-abbozz ta’ analiżijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati, bħall-ENTSO-E, l-ENTSO-G, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass u l-Grupp ta’ Provvista taż-Żejt.

Artikolu 11

Reviżjoni

Sat-23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha, inter alia, teżamina l-estensjoni possibbli tal-ambitu biex jinkludi l-estrazzjoni tal-gass, iż-żejt u l-faħam.

Artikolu 12

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 736/96 għandu jiġi mħassar.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BLANCO LÓPEZ


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 326, 17.12.1996, p. 13.

(4)  ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1.

(5)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(6)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.


ANNESS

PROĠETTI TA’ INVESTIMENT

1.   ŻEJT

1.1.   Raffinar

impjanti tad-distillazzjoni b’kapaċità ta’ mhux anqas minn miljun tunnellata fis-sena;

estensjoni tal-kapaċità tad-distillar għal aktar minn miljun tunnellata fis-sena;

impjanti ta’ cracking/iffurmar mill-ġdid b’kapaċità minima ta’ 500 tunnellata kuljum;

impjanti ta’ desulfurizzazzjoni għal residwi ta’ żejt tal-karburant/nafta/materja prima/prodotti oħra tal-pitrolju.

Impjanti kimiċi li ma jipproduċux żejt tal-karburant u/jew karburanti tal-magni, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

1.2.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet taż-żejt mhux raffinat b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 3 miljun tunnellata metrika fis-sena u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet tal-prodotti tal-pitrolju b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 1,5 miljun tunnellata fis-sena, u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet li jikkostitwixxu konnessjonijiet essenzjali f’netwerks ta’ interkonnessjoni nazzjonali jew internazzjonali u sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (1).

Sistemi ta’ pajpijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1 huma esklużi.

1.3.   Ħżin

installazzjonijiet ta’ ħżin għaż-żejt mhux raffinat u prodotti tal-pitrolju (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 150 000 m3 jew aktar jew, fil-każ ta’ tankijiet, b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 100 000 m3).

Tankijiet maħsubin għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.

2.   GASS

2.1.   Trasmissjoni

gass, inklużi gass naturali u bijogass, sistemi ta’ pajpijiet għat-trasport li jifformaw parti minn netwerk li prinċipalment fih sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja, esklużi sistemi ta’ pajpijiet li jifformaw parti minn netwerk ta’ sistemi ta’ pajpijiet upstream u eskluża l-parti ta’ sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja primarjament użati fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali;

sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 TFUE (2).

2.2.   Terminali LNG

terminali għall-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat, b’kapaċità ta’ rigassifikazzjoni ta’ biljun m3 fis-sena jew aktar.

2.3.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin imqabbda mas-sistemi ta’ pajpijiet imsemmija fil-punt 2.1.

Sistemi ta’ pajpijiet tal-gass, terminali u installazzjonijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti kimiċi li ma jipproduċux prodotti tal-enerġija, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

3.   ELETTRIĊITÀ

3.1.   Produzzjoni

impjanti tal-enerġija termali u nukleari (ġeneraturi b’ kapaċità ta’ 100 MWe jew aktar);

installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/bijolikwidi/skart (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija b’koġenereazzjoni ta’ elettriċità u sħana utli (installazzjonijiet b’kapaċità elettrika ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija idroelettrika (installazzjonijiet li għandhom kapaċità ta’ 30 MW jew aktar);

farms tal-enerġija mir-riħ b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar;

installazzjonijiet tal-enerġija termali mix-xemx u ġeotermali kkonċentrati (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

installazzjonijiet fotovoltajċi (b’kapaċità ta’ 10 MW jew aktar).

3.2.   Trasmissjoni

linji tat-trasmissjoni ‘l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ użat ġeneralment fil-livell nazzjonali għal-linji ta’ interkonnessjoni, u dment li dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta 220 kV jew aktar;

kejbils ta’ trasmissjoni ta’ taħt l-art jew ta’ taħt il-baħar, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew aktar;

proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 TFUE (3).

4.   BIJOKARBURANT

4.1.   Produzzjoni

installazzjonijiet li kapaċi jipproduċu jew jirfinaw il-bijokarburanti (Installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 50 000 tunnellata fis-sena jew aktar).

5.   DIJOSSIDU TAL-KARBONJU

5.1.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet tas-CO2 relatati mal-produzzjoni tal-installazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.1. u 3.1.

5.2.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin (sit tal-ħżin jew kumpless b’kapaċità ta’ 100 kt jew aktar).

Installazzjonijiet tal-ħżin maħsuba għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma esklużi.


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks tal-enerġija trans-Ewropej (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1) ġiet adottata skont l-Artikolu 155 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE ġiet adottata taħt l-Artikolu 155 tat-Trattat KE.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE ġiet adottata taħt l-Artikolu 155 tat-Trattat KE.


15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 618/2010

tal-14 ta’ Lulju 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MK

38,5

TR

85,9

ZZ

62,2

0707 00 05

TR

108,5

ZZ

108,5

0709 90 70

TR

99,9

ZZ

99,9

0805 50 10

AR

80,8

TR

111,6

UY

74,4

ZA

83,6

ZZ

87,6

0808 10 80

AR

110,8

BR

71,3

CA

119,1

CL

96,5

CN

57,9

NZ

111,5

US

115,5

UY

116,3

ZA

98,1

ZZ

99,7

0808 20 50

AR

123,5

CL

130,6

NZ

141,4

ZA

99,9

ZZ

123,9

0809 10 00

TR

197,6

ZZ

197,6

0809 20 95

TR

273,5

US

509,9

ZZ

391,7

0809 30

AR

130,0

TR

148,9

ZZ

139,5

0809 40 05

IL

164,9

TR

141,2

ZZ

153,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 619/2010

tal-14 ta’ Lulju 2010

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2009/10 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 877/2009 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 616/2010 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 253, 25.9.2009, p. 3.

(4)  ĠU L 179, 14.7.2010, p. 6.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mill-15 ta’ Lulju 2010

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

41,21

0,00

1701 11 90  (1)

41,21

2,54

1701 12 10  (1)

41,21

0,00

1701 12 90  (1)

41,21

2,24

1701 91 00  (2)

47,57

3,20

1701 99 10  (2)

47,57

0,07

1701 99 90  (2)

47,57

0,07

1702 90 95  (3)

0,48

0,23


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 620/2010

tal-14 ta’ Lulju 2010

dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni għall-applikazzjonijiet introdotti natul l-ewwel sebat ijien tax-xahar ta’ Lulju 2010 fil-qafas tal-kwoti tariffarji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għal-laħam tat-tjur

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli regolati minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 616/2007 tal-4 ta’ Ġunju 2007 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġina mill-Brażil, it-Tajlandja u pajjiżi terzi oħra (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 616/2007 fetaħ kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur.

(2)

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti natul l-ewwel sebat ijien tax-xahar ta’ Lulju 2010 għas-subperjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2010 huma, għal ċerti kwoti, ogħla mill-kwantitajiet disponibbli. Jeħtieġ għalhekk li jiġi determinat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti skont ir-Regolament (KE) Nru 616/2007 għas-subperjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2010 huma assenjati skont ilkoeffiċjenti tal-allokazzjoni stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 142, 5.6.2007, p. 3.


ANNESS

Nru tal-grupp

Numru tas-serje

Koeffiċjent ta' allokazzjoni għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għas-subperjodu 1.10.2010-31.12.2010

(%)

1

09.4211

0,400612

5

09.4215

0,378838

6

09.4216

7,14204


DEĊIŻJONIJIET

15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Lulju 2010

li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni 93/52/KEE fir-rigward tar-rikonoxximent tal-Litwanja u r-reġjun tal-Molise fl-Italja bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis) u li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/467/KE fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ċerti reġjuni amministrattivi tal-Italja bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi bovina, mill-bruċellosi bovina u l-lewkosi bovina enzootika

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4592)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/391/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Anness A(I)(4), l-Anness A(II)(7) u l-Anness D(I)(E) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż (2), u b’mod partikolari t-Taqsima II tal-Kapitolu 1 tal-Anness A tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ tal-annimali ovini u kaprini fl-Unjoni. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jew ir-reġjuni fi ħdanhom għandhom jitqiesu bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/52/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1992 li tieħu nota tal-konformità ta’ ċerti Stati Membri jew reġjuni mal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-bruċellosi (B. melitensis) u li tagħtihom l-istatus ta’ Stat Membru jew reġjun uffiċjalment ħieles mill-marda (3) telenka, fl-Annessi tagħha, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom li huma meqjusa bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis) skont id-Direttiva 91/68/KEE.

(3)

Il-Litwanja ressqet quddiem il-Kummissjoni dokumentazzjoni b’xhieda tal-konformità mal-kundizzjoijiet xierqa stabbiliti mid-Direttiva 91/68/KEE biex b’hekk titqies bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis) fir-rigward tat-territorju kollu tagħha. Dak l-Istat Membru għandu għaldaqstant jitqies bħala uffiċjalment ħieles minn dik il-marda. L-Anness I tad-Deċiżjoni 93/52/KEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

L-Italja ressqet quddiem il-Kummissjoni dokumentazzjoni b’xhieda tal-konformità mal-kundizzjonijiet xierqa stabbiliti fid-Direttiva 91/68/KEE rigward il-provinċji kollha tar-reġjun tal-Molise biex dan ir-reġjun ikun jista’ jitqies bħala uffiċjalment ħieles mill-bruċellosi (B. melitensis). Dak ir-reġjun għandu għaldaqstant jitqies bħala uffiċjalment ħieles minn dik il-marda.

(5)

L-Italja talbet ukoll li jsiru emendi għall-entrata ta’ dan l-Istat Membru fil-lista tar-reġjuni tal-Istati Membri li huma meqjusa bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis) fl-Anness II tad-Deċiżjoni 93/52/KEE. Id-diviżjoni amministrattiva attwali tal-Italja taqsam ir-reġjun tat-Trentino-Alto Adige f’żewġ reġjuni distinti: jiġifieri l-provinċja ta’ Bolzano u l-provinċja ta’ Trento. Ir-reġjun ta’ Sardinja nqasam fi tmien provinċji. Barra minn hekk, billi l-provinċji kollha tar-reġjuni tal-Lombardija, il-Pjemonte, it-Toskana, Sardinja u l-Umbrija diġà tqiesu bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi (B. melitensis), dawk ir-reġjuni għandhom jitqiesu, kollha kemm huma, bħala uffiċjalment ħielsa minn dik il-marda.

(6)

L-entrata tal-Italja fl-Anness II għad-Deċiżjoni 93/52/KE għandha, għalhekk, tiġi emendata skont dan.

(7)

Id-Direttiva 64/432/KEE tapplika għall-kummerċ fl-Unjoni tal-annimali bovini u l-majjali. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom Stat Membru jew parti jew reġjun minnu jista’ jiġi ddikjarat uffiċjalment ħieles mit-tuberkolosi, il-bruċellosi jew il-lewkosi bovina enzootika fir-rigward ta’ merħliet bovini.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE tat-23 ta’ Ġunju 2003 li tistabbilixxi l-kwalifika ta’ uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi, bruċellosi u lewkosi bovina enzootika ta’ xi Stati Membri u reġjuni fl-Istati Membri rigward annimali bovini (4) telenka t-tali Stati Membri u reġjuni fl-Annessi I, II u III rispettivament ta’ dik id-Deċiżjoni.

(9)

L-Italja ressqet quddiem il-Kummissjoni dokumentazzjoni b’xhieda tal-konformità mal-kundizzjonijiet xierqa stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE fir-rigward tal-provinċji kollha tar-reġjuni tal-Lombardija u t-Toskana, u l-provinċji ta’ Cagliari, Medio-Campidano, Ogliastra u Olbia-Tempio fir-reġjun ta’ Sardinja biex dawn ir-reġjuni u provinċji jkunu jistgħu jiġu ddikjarati bħala reġjuni tal-Italja uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi.

(10)

L-Italja ressqet quddiem il-Kummissjoni dokumentazzjoni b’xhieda tal-konformità mal-kundizzjonijiet xierqa stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE rigward il-provinċja ta’ Campobasso fir-reġjun tal-Molise biex dan ir-reġjun ikun jista’ jiġi ddikjarat bħala reġjun tal-Italja uffiċjalment ħieles mill-bruċellosi.

(11)

L-Italja ressqet quddiem il-Kummissjoni dokumentazzjoni b’xhieda tal-konformità mal-kundizzjonijiet xierqa stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE fir-rigward tal-provinċja ta’ Napli fir-reġjun tal-Campania, il-provinċja ta’ Brindisi fir-Reġjun tal-Puglia u l-provinċji ta’ Agrigento, Caltanissetta, Sirakuża u Trapani fir-reġjun ta’ Sqallija biex dawn jiġu ddikjarati bħala reġjuni tal-Italja uffiċjalment ħielsa mil-lewkosi bovina enzootika.

(12)

Wara l-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni li tressqet mill-Italja, il-provinċja u r-reġjuni kkonċernati għandhom jiġu ddikjarati bħala reġjuni tal-Italja uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulosi, mill-bruċellosi bovina, u mil-lewkosi bovina enzootika rispettivament.

(13)

L-Italja talbet ukoll li jsiru emendi għall-entrata ta’ dak l-Istat Membru fil-lista tar-reġjuni tal-Istati Membri li huma meqjusa bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi, il-bruċellosi u l-lewkosi bovina enzootika fl-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/467/KE. Id-diviżjoni amministrattiva attwali tal-Italja taqsam ir-reġjun tat-Trentino-Alto Adige f’żewġ reġjuni distinti: jiġifieri l-provinċja ta’ Bolzano u l-provinċja ta’ Trento.

(14)

Barra minn hekk, billi l-provinċji kollha tar-reġjuni tal-Emilja-Romanja, il-Lombardija, Sardinja u l-Umbrija elenkati fil-Kapitolu 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE diġà ġew iddikjarati bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellosi u l-provinċji kollha tar-reġjuni tal-Emilja-Romanja, il-Lombardija, il-Marche, il-Pjemonte, it-Toskana, l-Umrbija u l-Val d’Aosta elenkati fil-Kapitolu 2 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2003/467/KE diġà ġew iddikjarati bħala uffiċjalment ħielsa mill-lewkosi bovina enzootika, dawk ir-reġjuni għandhom jitqiesu, kollha kemm huma, bħala uffiċjalment ħielsa minn dawk il-mardiet rispettivi.

(15)

L-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/467/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(16)

Id-Deċiżjonijiet 93/52/KEE u 2003/467/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(17)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi tad-Deċiżjoni 93/52/KEE huma emendati skont l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/467/KE huma emendati skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(2)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19.

(3)  ĠU L 13, 21.1.1993, p. 14.

(4)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 74.


ANNESS I

L-Annessi tad-Direttiva 93/52/KEE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I jeħodlu postu dan li ġej:

“ANNESS I

STATI MEMBRI

Kodici ISO

Stat Membru

BE

Il-Belġju

CZ

Ir-Repubblika Ċeka

DK

Id-Danimarka

DE

Il-Ġermanja

IE

L-Irlanda

LT

Il-Litwanja

LU

Il-Lussemburgu

HU

L-Ungerija

NL

Il-Pajjiżi l-Baxxi

AT

L-Awstrija

PL

Il-Polonja

RO

Ir-Rumanija

SI

Is-Slovenja

SK

Is-Slovakkja

FI

Il-Finlandja

SE

L-Isvezja

UK

Ir-Renju Unit”

(2)

Fl-Anness II, l-entrata tal-Italja jeħodilha postha dan li ġej:

“Fl-Italja:

Ir-Reġjun tal-Abruzzo: Il-Provinċja ta’ Pescara,

Il-Provinċja ta’ Bolzano,

Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia,

Ir-Reġjun tal-Lazjo: Il-Provinċji ta’ Latina, Rieti, Ruma, Viterbo,

Ir-Reġjun tal-Ligurja: Il-Provinċja ta’ Savona,

Ir-Reġjun tal-Lombardija,

Ir-Reġjun tal-Marche,

Ir-Reġjun tal-Molise,

Ir-Reġjun tal-Pjemonte,

Ir-Reġjun ta’ Sardinja,

Ir-Reġjun tat-Toskana,

Il-Provinċja ta’ Trento,

Ir-Reġjun tal-Umbrija,

Ir-Reġjun tal-Veneto.”


ANNESS II

L-Annessi tad-Deċizjoni 2003/467/KE huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, il-Kapitolu 2, l-entrata tal-Italja jeħodilha postha dan li ġej:

“Fl-Italja:

Ir-Reġjun tal-Abruzzo: Il-Provinċja ta’ Pescara,

Il-Provinċja ta’ Bolzano,

Ir-Reġjun ta’ Emilia-Romagna,

Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia,

Ir-Reġjun tal-Lombardija,

Ir-Reġjun tal-Marche: Il-Provinċja ta’ Ascoli Piceno,

Ir-Reġjun tal-Pjemonte: Il-Provinċji ta’ Novara, Verbania, Vercelli,

Ir-Reġjun ta’ Sardinja: Il-Provinċja ta’ Cagliari, Medio-Campidano, Ogliastra, Olbia-Tempio, Oristano,

Ir-Reġjun tat-Toskana,

Il-Provinċja ta’ Trento,

Ir-Reġjun tal-Veneto.”

(2)

Fl-Anness II, il-Kapitolu 2, l-entrata tal-Italja jeħodilha postha dan li ġej:

“Fl-Italja:

Ir-Reġjun tal-Abruzzo: Il-Provinċja ta’ Pescara,

Il-Provinċja ta’ Bolzano,

Ir-Reġjun tal-Emilja-Romanja,

Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia,

Ir-Reġjun tal-Lazjo: Il-Provinċja ta’ Rieti,

Ir-Reġjun tal-Ligurja: Il-Provinċji ta’ Imperia, Savona,

Ir-Reġjun tal-Lombardija,

Ir-Reġjun tal-Marche,

Ir-Reġjun tal-Molise: Il-Provinċja ta’ Campobasso,

Ir-Reġjun tal-Pjemonte,

Ir-Regjun tal-Puglia: Il-Provinċja ta’ Brindisi,

Ir-Reġjun ta’ Sardinja,

Ir-Reġjun tat-Toskana,

Il-Provinċja ta’ Trento,

Ir-Reġjun tal-Umbrija,

Ir-Reġjun tal-Veneto.”

(3)

Fl-Anness III, il-Kapitolu 2, l-entrata tal-Italja jeħodilha postha dan li ġej:

“Fl-Italja:

Ir-Reġjun tal-Abruzzo: Il-Provinċja ta’ Pescara,

Il-Provinċja ta’ Bolzano,

Ir-Reġjun tal-Campania: Il-Provinċja ta’ Napli,

Ir-Reġjun tal-Emilja-Romanja,

Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia,

Ir-Reġjun tal-Lazjo: Il-Provinċji ta’ Frosinone, Rieti,

Ir-Reġjun tal-Ligurja: Il-Provinċji ta’ Imperia, Savona,

Ir-Reġjun tal-Lombardija,

Ir-Reġjun tal-Marche,

Ir-Reġjun tal-Molise,

Ir-Reġjun tal-Pjemonte,

Ir-Regjun tal-Puglia: Il-provinċja ta’ Brindisi,

Ir-Reġjun ta’ Sardinja,

Ir-Reġjun ta’ Sqallija: Il-Provinċji ta’ Agrigento, Caltanissetta, Sirakuża, Trapani,

Ir-Reġjun tat-Toskana,

Il-Provinċja ta’ Trento,

Ir-Reġjun tal-Umbrija,

Ir-Reġjun tal-Val d’Aosta,

Ir-Reġjun tal-Veneto.”


15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Lulju 2010

li ttemm il-proċedura antidumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja

(2010/392/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   Proċedura

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċiviet ilment dwar dumping inġurjuż allegat ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja u l-Malażja (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

L-ilment tressaq mill-European Industrial Fasteners Institute (“EIFI”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel skont l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

(3)

L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment antidumping.

(4)

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni tat-bidu, b’avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), għal proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati, li jidħlu fil-klassifikazzjonijiet tal-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61, u 7318 15 70.

(5)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni tat bidu għal proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati (3).

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-indusrija tal-Unjoni u lil kull assoċjazzjoni ta’ produtturi magħrufa fl-Unjoni Ewropea, lill-esportaturi/produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, lil kull assoċjazzjoni ta’ esportaturi/produtturi, lill-imporaturi, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

B.   L-irtirar tal-ilment u t-twaqqif tal-proċediment

(7)

B’ittra tal-1 ta’ April 2010 lill-Kummissjoni, l-EIFI formalment irtiraw l-ilment.

(8)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jintemm billi l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati għandu jintemm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja, attwalment ikklassifikati fil-kodiċijiet NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70, huwa b’dan mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 190, 13.8.2009, p. 27.

(3)  ĠU C 190, 13.8.2009, p. 32.


15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Lulju 2010

li ttemm il-proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fl-Indja u fil-Malasja

(2010/393/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) rċeviet ilment dwar l-allegati sussidji dannużi tal-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fl-Indja u fil-Malasja (il-“pajjiżi kkonċernati”).

(2)

L-ilment tressaq mill-Istitut Ewropew tal-Qfieli Industrijali (“EIFI”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel skont l-Artikoli 9(1) u 10(6) tar-Regolament bażiku.

(3)

L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ sussidji u ta’ dannu materjali li rriżulta minnhom, li tqieset biżżejjed biex tkun iġġustifikata it-tnedija ta’ proċedura kontra s-sussidji.

(4)

Qabel it-tnedija tal-proċedura u skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għarrfet lill-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati li kienet irċeviet ilment dokumentat kif suppost li jallega li importazzjonijiet sussidjati ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati kienu qed jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati ġew mistiedna separatament għal konsultazzjonijiet bl-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni rigward il-kontenut tal-ilment u li wieħed jasal għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Matul il-konsultazzjonijiet ma setgħet tintlaħaq l-ebda soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.

(5)

Il-Kummissjoni, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), nediet proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati, li bħalissa huma klassifikati fi ħdan il-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70.

(6)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni nediet proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati (3).

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fl-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, lil kull assoċjazzjoni ta’ esportaturi/produtturi, lill-imporaturi, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tat-tnedija.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM TAL-PROĊEDURA

(8)

Permezz tal-ittra tagħha tal-1 ta’ April 2010 lill-Kummissjoni, l-EIFI irtira formalment l-ilment tiegħu.

(9)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm tali tmiem ma jmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċedura attwali għandha tintemm billi l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressaq l-ebda kumment li jindika li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(11)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati għandha tintemm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom li joriġinaw fl-Indja u fil-Malasja, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70, b’dan qiegħda tintemm.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU C 190, 13.8.2009, p. 32.

(3)  ĠU C 190, 13.8.2009, p. 27.


IV Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

15.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Mejju 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat bin-numru C 57/06 (dik li qabel kienet l-għajnuna bin-numru NN 56/06 u bin-numru N 451/06) b’rabta mal-finanzjament mogħti mir-reġjun ta’ Hessen lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 1626)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/394/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 88(2)(1) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dak l-Artikolu (1), u wara li ġew ikkunsidrati dawk il-kummenti,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Wara lmenti li rċieva f’Ottubru 2003 u f’Novembru 2004 rispettivament, id-Direttorat Ġenerali għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (id-DĠ AGRI) wettaq inkjesta dwar il-finanzjament mogħti mir-reġjun ta’ Hessen lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun.

(2)

B’rabta ma’ dan, saru żewġ laqgħat, waħda fis-26 ta’ Jannar 2005 bejn l-awtoritajiet tar-reġjun ta’ Hessen u uffiċjali mid-DĠ AGRI, u oħra fid-29 ta’ Settembru 2005 bejn il-Prim Ministru tar-reġjun ta’ Hessen, is-Sur Koch, u l-Kummissarju għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Wara l-laqgħa tad-29 ta’ Settembru 2005, id-DĠ AGRI bagħat ittra ta’ segwitu lill-awtoritajiet tar-reġjun ta’ Hessen nhar it-13 ta’ Ottubru 2005.

(3)

L-awtoritajiet tar-reġjun ta’ Hessen bagħtu t-tagħrif lid-DĠ AGRI bil-miktub permezz ta’ ittri li jġibu d-dati tal-25 ta’ Jannar 2005, tal-25 ta’ April 2005 u tat-12 ta’ Diċembru 2005 rispettivament, li għalihom qed issir referenza hawnhekk.

(4)

Il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-kapital proprju ta’ kantina ġdida tal-inbid permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fis-6 ta’ Lulju 2006, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. Skont it-tagħrif mibgħut, in-notifika ntbagħtet sabiex ikun hemm ċertezza legali. Minħabba li parti mill-fondi kienu diġà tħallsu qabel ma saret in-notifika, il-miżura ġiet irreġistrata bin-numru NN 56/06 fir-reġistru tal-għajnuniet li ma jiġux innotifikati. Il-Ġermanja bagħtet iktar tagħrif permezz tal-ittri elettroniċi mibgħuta fil-21 ta’ Settembru 2006 u fl-14 ta’ Novembru 2006.

(5)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006 (K(2006) 6605 finali), il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura mniżżla fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE b’rabta ma’ din l-għajnuna.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex, fi żmien xahar, iressqu l-kummenti tagħhom.

(7)

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ parti interessata, li għall-bidu talbet li isimha ma jixxandarx.

(8)

Il-kummenti ntbagħtu lill-Ġermanja, mingħajr ma ġiet żvelata l-identità tal-parti interessata li bagħtithom, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2007. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2007, il-parti interessata rrevokat it-talba biex isimha ma jixxandarx. Permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fl-4 ta’ April 2007, il-Ġermanja bagħtet iktar tagħrif.

II.   DESKRIZZJONI

(9)

Skont it-tagħrif mibgħut, l-azjenda Hessische Staatsweingüter GmbH Kloster Eberbach, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Eltville, ħdejn ix-xmara Rhein, għandha żona ta’ madwar 190 ettaru bid-dwieli u għalhekk hija l-ikbar vinja fil-Ġermanja. Hija tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ nbid ta’ kwalità għolja, l-iktar tat-tip “Riesling” kif ukoll fil-produzzjoni tal-inbid aħmar fi kwantitajiet dejjem ikbar. Ir-reġjun ta’ Hessen huwa s-sid waħdieni ta’ din il-kumpanija.

(10)

Sal-1998, in-negozju tal-inbid tar-reġjun ta’ Hessen kien amministrat bħala parti mill-amministrazzjoni ġenerali [“kameralistische Wirtschaftsführung”], imbagħad wara, sal-2003, bħala impriża tar-reġjun ta’ Hessen [“Landesbetrieb”]. Iridu jiġu eżaminati diversi miżuri b’rabta mal-finanzjament tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen.

Il-miżuri ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2002

(11)

Qabel l-2003, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen ġieli spiċċaw marru minn taħt. Dan it-telf kien jagħmel tajjeb għalih ir-reġjun.

(12)

Qabel in-notifika min-naħa tal-Ġermanja, l-awtoritajiet ta’ Hessen kienu taw tagħrif iddettaljat dwar il-fondi li r-reġjun ta’ Hessen kien alloka għall-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun mill-1995 sal-2002.

(13)

Bħala parti mill-amministrazzjoni ġenerali, ħidmet l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kienet amministrata skont il-Kapitoli 09 35 u 03 35 tal-baġit tar-reġjun. Ir-reġjun ta’ Hessen kien jagħmel tajjeb għad-defiċit tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen fil-kontijiet annwali rispettivi tiegħu.

(14)

Skont it-tagħrif mibgħut, f’dak iż-żmien il-monument kulturali u arkitettoniku msejjaħ il-monasteru ta’ Eberbach (“Kloster Eberbach”), li qabel kien abbazija taċ-Ċisterċensi, ukoll kien għadu f’idejn l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen. Għalhekk, l-ispejjeż taż-żamma u tal-amministrazzjoni tal-monasteru kienu attribwiti lilhom. Skont it-tagħrif mibgħut, il-monasteru issa qed jitmexxa bħala fondazzjoni indipendenti li taqa’ taħt il-liġi pubblika.

(15)

Skont it-tagħrif mibgħut, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kellhom dawn ir-riżultati fil-perjodu mill-1995 sal-1997:

(f’DEM)

 

1995

1996

1997

Dħul

10 424 594

10 970 002

12 043 717

Infiq

11 637 419

11 889 731

12 330 538

Riżultat

–1 212 825

– 919 729

– 286 821

(16)

L-awtoritajiet ta’ Hessen qalu li l-infiq attribwit għaż-żamma u għall-amministrazzjoni tal-monasteru ta’ Eberbach ma kellux jitqies meta jiġi kkalkulat l-ammont totali tal-allokazzjonijiet tar-reġjun ta’ Hessen attribwiti lin-negozju tal-inbid tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun.

(17)

Skont it-tagħrif mibgħut, id-dħul u l-infiq tal-monasteru ta’ Eberbach attribwit lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen, kien imniżżel taħt sottotitolu ieħor [it-“Titelgruppe 72”] u b’hekk seta’ jiġi identifikat b’mod ċar.

(18)

Skont l-awtoritajiet ta’ Hessen, fil-kontijiet tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kien hemm imniżżel ukoll l-infiq għal servizzi li ma kinux jistgħu jiġu attribwiti b’mod dirett lill-operat tal-vinji, iżda lil servizzi pubbliċi oħrajn, bħas-serati li fihom ir-rappreżentanzi mill-gvern u mill-Parlament ta’ Hessen iduqu nbejjed differenti, u l-investimenti marbutin mal-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-artijiet. Skont it-tagħrif mibgħut, dan l-infiq tniżżel fl-anness ta’ spjegazzjoni għall-Kapitoli 09 35 u 03 35 tal-kontijiet annwali.

(19)

Minħabba f’hekk, skont l-awtoritajiet ta’ Hessen, l-allokazzjonijiet tar-reġjun ta’ Hessen li huma attribwiti lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun għandhom jitranġaw kif ġej:

(f’DEM)

 

1995

1996

1997

Riżultat

–1 212 825

– 919 729

– 286 821

Id-dħul tal-monasteru ta’ Eberbach

570 825

826 672

966 948

L-infiq tal-monasteru ta’ Eberbach

1 344 793

1 331 987

1 533 826

L-aġġustament għall-monasteru ta’ Eberbach

773 968

505 315

566 878

Serati li fihom ir-rappreżentanzi jduqu nbejjed differenti (l-ammont kollu f’daqqa)

140 000

140 000

140 000

Konsolidazzjoni tal-artijiet

63 918

99 568

47 963

L-aġġustament għall-infiq li mhux marbut mal-operat

203 918

239 568

187 963

L-ammont totali aġġustat

– 234 939

– 174 846

468 020

L-allokazzjonijiet aġġustati f’EUR

120 122

89 397

(20)

Skont it-tagħrif mibgħut, l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun (li nħolqot fl-1 ta’ Jannar 1998 bħala parti separata tal-amministrazzjoni tar-reġjun imma li mhijiex entità legali) irċeviet allokazzjonijiet għall-operat, fosthom għotjiet għall-operat u għotjiet għall-attivitajiet tar-rappreżentanzi tar-reġjun (ammonti f’daqqa għas-serati li fihom il-gvern u l-Parlament ta’ Hessen iduqu nbejjed differenti).

(21)

Skont it-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet ta’ Hessen, l-ammonti li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala allokazzjonijiet rilevanti għall-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen għall-perjodu mill-1998 sal-2002:

(f’DEM)

 

1998

1999

2000

2001

2002

Allokazzjonijiet għall-operat

145 000

670 000

100 000

120 000

61 400

li minnhom l-għotjiet għall-attivitajiet tar-rappreżentanzi kienu ta’

65 000

100 000

100 000

120 000

61 400

L-allokazzjonijiet rilevanti

80 000

570 000

L-allokazzjonijiet rilevanti f’EUR

40 903

291 436

(22)

Skont l-awtoritajiet ta’ Hessen, l-allokazzjonijiet rilevanti għall-perjodu mill-1995 sal-2002 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(f’EUR)

Bħala parti mill-amministrazzjoni ġenerali

Mill-1995 sal-1997

209 520

Bħala impriża tar-reġjun ta’ Hessen

Mill-1998 sal-2002

332 339

L-ammont totali

1995-2002

541 859

Ir-ristrutturar tan-negozju tal-inbid tar-reġjun ta’ Hessen

(23)

Sabiex jitħejja r-ristrutturar tan-negozju tal-inbid, fuq talba tar-reġjun ta’ Hessen, bejn Awwissu u Novembru tal-2001, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun ħadmu flimkien maċ-ċentru tar-riċerka ta’ Geisenheim biex ħarġu b’dokument ta’ strateġija msejjaħ “Situationsanalyse und Entwicklungsperspektiven” (“Analiżi tas-sitwazzjoni u l-prospetti għall-iżvilupp”), li fih ippreżentaw xenarji differenti tal-iżvilupp tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb li jista’ jkun hemm iktar ’il quddiem. F’dan id-dokument, tqiesu żewġ forom legali possibbli għan-negozju tal-inbid, jiġifieri kumpanija b’responsabbiltà limitata (“GmbH”) jew fondazzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-istrateġija tan-negozju, l-għażliet kienu jew li l-kantina l-qadima tal-inbid tiġi rrestawrata għal kollox jewinkella li tinbena oħra ġdida.

(24)

Abbażi ta’ dan id-dokument, f’Ġunju tal-2002 tħejja pjan tan-negozju għax-xenarji differenti. Ix-xenarju li fih kollox jibqa’ kif inhu qies ir-restawr bil-mod il-mod tal-bini l-antik f’Eltville fl-għaxar snin li ġejjin, li se jiswa madwar EUR 6,7 miljun. Madanakollu, din l-għażla mhix se twassal biex in-negozju tal-inbid jerġa’ jibda jagħmel qligħ. Skont il-pjan tan-negozju, għall-finanzjament tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen fuq perjodu ta’ għaxar snin se jkunu meħtieġa allokazzjonijiet min-naħa tar-reġjun ta’ Hessen ta’ madwar EUR 14,3 miljun (inklużi l-flus biex jiġi kopert in-nuqqas ta’ flus mill-ħidmiet ta’ qabel tagħhom sa mis-sena 2000 ’l hawn) kif ukoll dħul ta’ madwar EUR 7,7 miljun mill-bejgħ ta’ assi li mhumiex meħtieġa għall-operat. U fl-2011, in-negozju tal-inbid xorta waħda jkollu defiċit annwali ta’ madwar EUR 2 miljun.

(25)

It-tieni għażla strateġika, jiġifieri l-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid fil-post fejn kien hemm il-bini l-antik f’Eltville, tqieset li kienet il-waħda li toffri l-inqas benefiċċji ekonomiċi u għalhekk ma tqisetx iktar.

(26)

L-unika għażla strateġika li kienet se twassal għal qligħ fit-tul skont il-pjan tan-negozju kienet il-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-għelieqi tal-għeneb ta’ Steinberg u t-trasferiment tal-amministrazzjoni tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen u tal-ħanut tal-inbid lejn il-monasteru ta’ Eberbach. Din l-għażla tippresupponi li r-reġjun se jkollu jagħmel tajjeb għad-djun li kien hemm sa tmiem l-2002 min-negozju tal-inbid. L-ispiża tal-investiment sabiex tinbena l-kantina l-ġdida tal-inbid b’kollox hija mistennija li tkun ta’ EUR 15-il miljun, u l-fondi għaliha għandhom jiġu parti mill-bejgħ ta’ artijiet li mhumiex meħtieġa għall-operat u parti mill-kapital misluf. Skont il-mudell tal-pjan tan-negozju, għall-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen, l-ewwel marġni pożittiv ta’ kontribut kien se jkun fis-sena finanzjarja tal-2006/2007, waqt li l-ewwel sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva kienet se tkun fis-sena finanzjarja tal-2008/2009. L-allokazzjonijiet mir-reġjun meħtieġa sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet tal-likwidità matul l-ewwel snin tar-ristrutturar, jiġifieri mill-2003 ’l quddiem, jammontaw għal madwar EUR 4,3 miljun.

(27)

Minħabba li l-qagħda tas-suq inbidlet, kif ukoll minħabba kundizzjonijiet oħrajn (fosthom il-qagħda ġenerali tal-ekonomija fil-Ġermanja u l-għargħar li kien hemm), il-pjan tan-negozju ta’ Ġunju tal-2002 kelli jiġi aġġornat f’Settembru tal-2002 u l-mudell finanzjarju kellu jiġi rivedut. Skont il-mudell rivedut, id-dewmien biex l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen jibdew jagħmlu qligħ kien se jfisser li r-reġjun kellu jagħtihom iktar allokazzjonijiet, li kienu jammontaw għal madwar EUR 3.4 miljun.

(28)

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinett tal-10 ta’ Diċembru 2002, il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen iddeċieda li jibdel in-negozju tal-inbid f’kumpanija ġdida b’responsabbiltà limitata, msejħa “Hessische Staatsweingüter GmbH Kloster Eberbach” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “GmbH”), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003. L-awtoritajiet ta’ Hessen sejħu ’l dan il-proċess wieħed ta’ “privatizzazzjoni formali”. Barra minn hekk, il-kabinett iddeċieda li jibni kantina ġdida tal-inbid fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-għelieqi tal-għeneb ta’ Steinberg u li jċaqlaq lill-amministrazzjoni minn Eltville għal Eberbach (jiġifieri li jwettaq it-tielet għażla strateġika mressqa fil-pjan tan-negozju).

(29)

L-assi attwali u l-assi fissi li jistgħu jiċċaqalqu u li huma meħtieġa għall-operat ta’ dik li qabel kienet l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun, li kienu jammontaw għal madwar EUR 7,3 miljun, kif ukoll xi ftit mill-obbligazzjonijiet tat-terminu qasir u mid-dispożizzjonijiet, ġew ittrasferiti lill-kumpanija GmbH. L-assi fissi li ma jistgħux jiċċaqalqu u li huma meħtieġa għall-operat (ir-raba’ maħdum u l-bini) ġew inkorporati f’impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art” (istituzzjoni kummerċjali mwaqqfa skont il-liġi pubblika li għandha lir-reġjun bħala s-sid waħdieni tagħha) u nkrew mill-kumpanija GmbH. Skont it-tagħrif mibgħut, ir-rati tal-kera ġew iffissati abbażi tar-rapporti ta’ żewġ esperti dwar il-kalkolu tal-valur tal-kera, li tressqu mill-awtoritajiet ta’ Hessen.

(30)

Skont it-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet ta’ Hessen, ir-reġjun ta’ Hessen ried jagħti lill-kumpanija GmbH biżżejjed kapital, fil-qafas ta’ pjan komprensiv ta’ investiment, sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tagħha fit-terminu medju taż-żmien u fit-tul fis-swieq internazzjonali tal-inbid, mingħajr finanzjament pubbliku.

(31)

Sa tmiem l-2002, l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen kellha tagħti lir-reġjun EUR 1 792 000. Fil-31 ta’ Diċembru 2002, ir-reġjun ta’ Hessen ħassar dan id-dejn permezz ta’ stima korrispondenti fl-anness għall-baġit tal-2002.

(32)

Meta twaqqfet f’Jannar tal-2003, ir-reġjun ta’ Hessen ta lill-kumpanija GmbH miljun Euro biex tibda (bħala kapital sottoskritt tal-kumpanija). Permezz tat-trasferiment tal-assi (u ta’ xi obbligazzjonijiet), tat-tħassir tad-dejn u tal-injezzjoni tal-kapital fil-bidu, il-kumpanija l-ġdida GmbH bdiet b’kapital proprju ta’ madwar EUR 7,6 miljun (madwar 91 % tal-ammont totali tal-karta tal-bilanċ).

(33)

Fi tmiem l-2003, ġie deċiż li jkun hemm injezzjoni oħra tal-kapital, din id-darba ta’ EUR 1 225 miljun. Fil-fatt, din ingħatat f’partijiet, b’EUR 400 000 jingħataw fit-2 ta’ April, EUR 300 000 fit-28 ta’ Ġunju, EUR 125 000 fil-11 ta’ Awwissu, u EUR 100 000 fil-15 ta’ Settembru 2004. L-aħħar ammont ta’ EUR 300 000 tħallas fl-aħħar fis-27 ta’ Frar 2006. L-injezzjoni tal-kapital iddaħħlet fil-kontijiet tal-kumpanija GmbH bħala riżervi ta’ natura kapitali.

(34)

Il-pjan tan-negozju ta’ Settembru tal-2002 ġie aġġornat mill-ġdid fi Frar tal-2003 (pjan tan-negozju tas-26 ta’ Frar 2003, estiż sabiex jinkludi l-ippjanar sħiħ tal-qligħ u t-telf), u mbagħad ukoll f’Novembru tal-2003 (pjan tan-negozju tat-28 ta’ Novembru 2003). Il-pjan tan-negozju tat-28 ta’ Novembru 2003 antiċipa li l-ewwel EBITDA (3) pożittiv kien se jkun fis-sena finanzjarja tal-2007, li l-ewwel sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva kienet se tkun fl-2010 u li se jibda jkun hemm dħul nett fis-sena sa mill-2014 ’il quddiem. Skont it-tagħrif mibgħut, il-mudell finanzjarju ta’ bażi kien se jwassal għal dħul fuq il-kapital proprju (abbażi tad-dħul qabel ma titnaqqas it-taxxa) ta’ iktar minn 3 % fl-2016, u kien se jilħaq livell ta’ iktar minn 7 % mill-2019 ’il quddiem.

(35)

B’rabta ma’ dan, l-awtoritajiet ta’ Hessen bagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar il-qagħda fis-suq u l-vijabbiltà ekonomika ta’ azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb li kienu simili fil-Ġermanja u l-Unjoni Ewropea (rapport ta’ April 2005 tal-Professur Dieter Hoffmann, miċ-ċentru tar-riċerka ta’ Geisenheim, imsejjaħ “Kurzgutachten – Die Marktstellung und Wirtschaftlichkeit von mit der Hessischen Staatsweingüter Kloster Eberbach GmbH, Eltville, vergleichbaren Weingütern in Deutschland und der Europäischen Union”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-rapport ta’ Hoffmann”). Għal dan ir-rapport, intużaw analiżi tan-negozju li twettqu b’mod regolari miċ-ċentru tar-riċerka ta’ Geisenheim fuq iktar minn 130 azjenda agrikola li tkabbar l-għeneb sabiex jiġu kkalkulati l-indikaturi medji ta’ kemm dan is-settur irendi qligħ.

(36)

Skont ir-rapport ta’ Hoffmann, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb u sidien oħra li jista’ jkun hemm minn setturi oħra tal-industrija huma interessati f’rati ta’ qligħ fuq il-kapital proprju fit-tul li jkunu sostenibbli. Mill-analiżi ħareġ li, għall-perjodu mill-1992 sal-2003, ir-rata medja tal-qligħ fuq il-kapital proprju kienet ta’ 1,9 % għall-azjendi agrikoli kollha li jkabbru l-għeneb li kienu mistħarrġa. L-aqwa azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb kellhom rata medja ta’ qligħ fuq il-kapital proprju ta’ 11,7 %. Skont it-tagħrif mibgħut, l-aqwa azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb li kienu mistħarrġa ma jistgħux jitqabblu b’mod dirett mal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen minħabba li dawk tal-ewwel huma azjendi tal-familji u l-indikaturi ta’ kemm irendu qligħ iridu jitranġaw sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-persunal għal amministrazzjoni minn barra. Ir-rapport jgħid li, wara li jsir dan l-aġġustament (li jqis l-ispejjeż għal amministratur tekniku u għal żewġ amministraturi finanzjarji), il-qligħ medju fuq il-kapital proprju tal-aqwa azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb huwa ta’ madwar 2 % (għall-perjodu mill-1992 sal-2003) u ta’ 3 % (għall-perjodu mill-1998 sal-2003). Skont l-awtoritajiet ta’ Hessen, dawn il-valuri għandhom jitqiesu bħala l-punt ta’ riferiment għall-finanzjament tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen.

(37)

Skont ir-rapport ta’ Hoffmann, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb ristrutturati jew l-investimenti fit-tul fuq skala kbira se jdumu mill-inqas għaxar snin u, bħala medja, bejn għaxar u ħmistax-il sena sa ma jibdew jagħmlu biżżejjed qligħ biex ikopru l-ispejjeż kollha.

(38)

L-awtoritajiet ta’ Hessen qalu li l-mudelli finanzjarji ta’ bażi ssejsu fuq approċċ għall-ippjanar li kien konservattiv ferm. Skont it-tagħrif mibgħut, il-pjan tan-negozju tas-26 ta’ Frar 2003 ġie eżaminat mill-kumpanija KPMG Deutsche Treuhand-Gesellschaft Aktiengesellschaft (KPMG), li qalet li huwa konservattiv ħafna f’termini tal-agħar każ possibbli.

Il-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida

(39)

Ir-reġjun ta’ Hessen reġa’ ta iktar kapital lill-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH Kloster Eberbach sabiex tkun tista’ tibni l-kantina l-ġdida ta’ taħt l-art. Skont it-tagħrif mibgħut, dan l-investiment huwa miżura importanti ferm sabiex il-kumpanija GmbH tkun tista’ tibda tagħmel qligħ fit-terminu medju taż-żmien u fit-tul (ara l-premessi (23) sa (26)) u huwa meħtieġ minħabba l-problemi strutturali fil-kantina l-qadima ta’ Eltville sabiex tinżamm il-kwalità tal-inbid u tkun żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali tal-ikel. Il-kantina l-ġdida se tinbena fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-vinji ta’ Steinberg.

(40)

L-investiment totali ta’ madwar EUR 15-il miljun se jiġi ffinanzjat b’mod parzjali permezz ta’ injezzjoni tal-kapital min-naħa tar-reġjun ta’ Hessen. B’differenza minn dak li kien previst fil-pjan tar-ristrutturar, il-finanzjament tal-kapital proprju ta’ EUR 7.5 miljun, li tgħarraf fis-6 ta’ Lulju 2006, mhux se jingħata bħala sempliċi ishma, iżda bħala self min-naħa tal-azzjonisti.

(41)

Dan is-self min-naħa tal-azzjonisti jissejjes fuq rata tal-imgħax ta’ 3,7 % fis-sena u hemm il-possibbiltà li, sal-2014 jew l-2015, ikun hemm il-kapitalizzazzjoni tal-imgħax fis-sena (jiġifieri li jitħallas 50 % mill-imgħax dovut u minn dak kompost fl-2014 u fl-2015 rispettivament).

(42)

Barra minn hekk, is-self min-naħa tal-azzjonisti, b’rata li tikkorrispondi mal-proporzjon tas-self min-naħa tal-azzjonisti mal-kapital sottoskritt tal-kumpanija GmbH, se jiġi inkluż fil-qligħ annwali tal-kumpanija sa massimu ta’ 25 % tal-ammont misluf li jkun għad fadal. F’Ottubru tal-2006, ir-rata tal-parteċipazzjoni fil-qligħ kienet ta’ 88 %.

(43)

Mill-2021 ’il quddiem, is-self min-naħa tal-azzjonisti se jitħallas kollu bil-mod il-mod b’rata ta’ 5 % fis-sena.

(44)

Is-self min-naħa tal-azzjonisti se jitħallas fuq talba tal-amministrazzjoni tal-kumpanija GmbH skont il-progress tal-iskema tal-investiment.

(45)

Skont it-tagħrif mibgħut, f’Awwissu tal-2004 ingħatat l-ewwel parti tal-flus, jiġifieri EUR 300 000, b’rabta mal-ippjanar tal-kantina l-ġdida. Bejn Marzu u Settembru tal-2006, komplew jingħataw iktar flus f’partijiet, li b’kollox kienu jammontaw għal EUR 2.3 miljun, b’rabta mal-bini tal-kantina l-ġdida. Dawn l-ammonti ngħataw bħala allokazzjonijiet skont żewġ deċiżjonijiet tal-Ministeru ta’ Hessen responsabbli għall-ambjent, l-iżvilupp rurali u l-ħarsien tal-konsumatur, meħudin fit-22 ta’ Diċembru 2004 u fil-21 ta’ Lulju 2006, li jkopru ammont totali ta’ EUR 1,2 miljun u EUR 6,3 miljun rispettivament, maħsub biex ikopri l-ispejjeż marbutin mal-kantina l-ġdida. Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fl-14 ta’ Novembru 2006, dawn id-deċiżjonijiet kienu se jiġu rtirati u l-ammonti li kienu diġà tħallsu b’rabta mal-kantina l-ġdida kienu se jiddaħħlu mas-self min-naħa tal-azzjonisti u kien se jkollhom l-istess kundizzjonijiet bħal dan is-self.

(46)

Permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fis-16 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni ngħatat il-pjan tan-negozju tal-kumpanija GmbH aġġornat fis-16 ta’ Ottubru 2006, li kien ibbażat fuq l-ippjanar oriġinali għall-2004 sal-2020 u li kien jirrifletti l-ispejjeż tal-finanzjament tal-kantina l-ġdida. Skont dan il-pjan tan-negozju, li jkopri l-perjodu mill-2006 sal-2020 u l-2025 u li fih dispożizzjoni dwar rata tal-imgħax fissa u żgurata ta’ 3,7 % tal-kapital ipprovdut, wieħed jista’ jistenna li jkun hemm sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva mir-riżultati sa mill-2010 ’l quddiem (4). Sa mill-2014 ’il quddiem għandu jibda jkun hemm qligħ nett.

(47)

Għall-2014, il-pjan tan-negozju juri rata sħiħa tal-imgħax fuq is-self min-naħa tal-azzjonisti (inkluż il-qligħ minimu fiss ta’ 3,7 %) ta’ madwar 4,3 %, li fl-2020 għandu jilħaq livell ta’ iktar minn 13 %.

(48)

Skont it-tagħrif mibgħut, fl-ewwel sentejn tal-operat tagħha, jiġifieri fl-2004 u fl-2005, il-bejgħ u l-qligħ tal-kumpanija GmbH kien ferm iktar milli mistenni.

(49)

Il-bqija tal-finanzjament għall-kantina l-ġdida ġie minn self minn bank kummerċjali. L-offerta tas-self mogħtija mill-bank Commerzbank AG (b’finanzjament mill-ġdid permezz tal-“Kreditanstalt für Wiederaufbau” (il-bank tas-self għall-bini mill-ġdid) intbagħtet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fit-22 ta’ Settembru 2006, għat-tagħrif tagħha biss. L-offerta fiha l-klawżoli normali tas-self fis-suq, fosthom klawżola dwar bidla fil-kontroll tal-kumpanija (5) u r-rekwiżit ta’ porzjon minimu ta’ kapital proprju ta’ 30 % għal kemm idum fis-seħħ is-self.

Ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura mniżżla fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE

(50)

Fl-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006 (K(2006) 6605 finali), li permezz tagħha l-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura formali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li r-reġjun ta’ Hessen kien ta vantaġġ lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun billi kien qiegħed dejjem ikopri t-telf tan-negozju tal-inbid qabel l-2003 u li, b’hekk, din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(51)

Barra minn hekk, hija esprimiet id-dubji tagħha dwar kemm ir-reġjun ta’ Hessen aġixxa bħala investitur fl-ekonomija tas-suq b’rabta mal-ewwel żewġ injezzjonijiet tal-kapital, jiġifieri dawk ta’ EUR 1 miljun u ta’ EUR 1,225 miljun.

(52)

Minbarra dan, il-Kummissjoni qalet li wieħed jista’ jikkonkludi li r-reġjun ta’ Hessen aġixxa bħala investitur privat meta ta s-self min-naħa tal-azzjonisti lill-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH bħala investiment indipendenti.

(53)

Minkejja dan, il-Kummissjoni qalet li l-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina kellu jitqies bħala investiment ta’ segwitu min-naħa tar-reġjun ta’ Hessen u li għalhekk, wieħed irid jistaqsi jekk investitur privat, wara li jkun kopra t-telf ta’ kumpanija li ġej mill-imgħoddi u wara li mbagħad ikun investa ammont totali ta’ EUR 2,225 miljun fiha bħala kapital, kienx se joffri xorta waħda EUR 7,5 miljun bħala finanzjament tal-kapital proprju għal kantina ġdida bil-kundizzjonijiet tas-self min-naħa tal-azzjonisti.

III.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(54)

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-grupp tal-impriżi li jkabbru l-għeneb tar-reġjun ta’ Rheingau (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-parti interessata”), li għall-bidu talab li ismu ma jixxandarx, iżda li mbagħad, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2007, irrevoka din it-talba.

(55)

Fil-kummenti tagħha, il-parti interessata, li kienet kontra l-bini tal-kantina l-ġdida tal-inbid, qajmet erba’ punti, li kienu l-fażi ta’ tħejjija mill-2002 sal-2006, il-punti dgħajfa tal-pjan tan-negozju, l-investimenti li ma kinux imniżżlin fil-pjan tan-negozju u d-derogi skont l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

Il-fażi ta’ tħejjija mill-2002 sal-2006

(56)

Skont il-parti interessata, kien ċar saħansitra minn qabel ma ngħata l-finanzjament tal-kantina l-ġdida li l-gvern tar-reġjun ta’ Hessen ma kienx se jaġixxi bħal investitur fl-ekonomija tas-suq. Bħala prova ta’ din l-istqarrija tressqu l-kummenti li ġejjin:

(a)

il-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija GmbH ġejjin kważi kollha mis-settur pubbliku. Membru wieħed biss huwa mis-settur privat;

(b)

ma tqieset l-ebda alternattiva ħlief dik tal-bini ta’ kantina ġdida (jiġifieri r-restawr tal-kantina l-qadima);

(c)

ma tqiesu l-ebda azjendi agrikoli oħra Ġermaniżi li jkabbru l-għeneb għal għanijiet ta’ tqabbil, speċjalment dawk tar-reġjun ta’ Rheinland-Pfalz, li wara snin sħaħ jagħmlu telf fl-aħħar kienu nbiegħu;

(d)

l-injezzjonijiet tal-kapital li saru qabel ingħataw mingħajr rekwiżiti dwar il-qligħ minnhom (fatt li juri li l-gvern tar-reġjun u l-bord tad-diretturi ma kinux jemmnu li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kienu ekonomikament vijabbli);

(e)

l-ishma tal-kapital proprju għall-finanzjament tal-kantina l-ġdida nbidlu f’self min-naħa tal-azzjonisti biss wara li kien hemm kuntatt mal-Kummissjoni.

(57)

Barra minn hekk, il-parti interessata tistaqsi wkoll sa liema punt il-kumpanija GmbH laħqet il-miri tagħha għas-sena 2005/2006 permezz ta’ xi tip ta’ dħul speċjali.

Il-punti dgħajfa tal-pjan tan-negozju

(58)

Skont il-parti interessata, mill-pjan tan-negozju ta’ Ottubru 2006, li fih is-self min-naħa tal-azzjonisti, wieħed ma jistax jagħti prova li l-injezzjonijiet tal-kapital tal-2003 u l-2004 u l-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida tal-inbid saru skont il-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq. Bħala prova ta’ din l-istqarrija tressqu l-kummenti li ġejjin:

(a)

fil-pjan tan-negozju ma tqisitx il-possibbiltà li l-kwalità u l-kwantità tal-ħsad jistgħu jvarjaw;

(b)

il-pjan tan-negozju jassumi li l-ammont kollu ta’ prodotti mmanifatturati jista’ jinbiegħ (waqt li wieħed irid inaqqas 3 % għar-riskji tat-tnaqqis u tal-kwalità);

(c)

il-pjan tan-negozju ma jqisx ir-riskji marbutin max-xiri tal-għeneb, tal-most u tal-inbid minħabba ċ-ċaqliq fis-suq;

(d)

ma tqiesx il-finanzjament tat-tali xiri estern;

(e)

il-pjan tan-negozju ma jagħmilx differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-inbid magħmul mill-kumpanija stess u dak ta’ nbid magħmul mill-prodotti mixtrija (skont il-parti interessata, fil-pjan tan-negozju kellu jitniżżel prezz medju tal-bejgħ tal-inbid magħmul mill-prodotti mixtrija ta’ mhux iktar minn EUR 5);

(f)

il-presuppożizzjonijiet dwar l-użu tal-materjal mhumiex realistiċi, għax ma jirriflettux iż-żidiet li probabbli jkun hemm fil-prezz tal-fliexken;

(g)

għall-parti interessata, mhux ċar jekk il-finanzjament tal-investimenti ta’ bdil tqiesx fil-pjan tan-negozju bħala deprezzament.

(59)

Abbażi ta’ dawn il-kummenti, il-parti interessata ressqet kalkolu ieħor għall-2014. Jekk wieħed jassumi li hemm tnaqqis ta’ 3 % fuq il-prodotti magħmul mill-kumpanija stess, li jammontaw għal 1.1 miljun litru, li hemm prezz tal-bejgħ ta’ EUR 5 għat-300 000 litru ta’ nbid mixtri u spejjeż ta’ EUR 1,80 għall-użu tal-materjali għal kull litru tal-inbid, fl-2014 in-negozju tas-soltu tal-kumpanija GmbH se jwassal għal telf ta’ EUR 900 000 u mhux għall-qligħ previst ta’ EUR 164 000. Skont il-parti interessata, il-pjan tan-negozju mhu stabbli xejn u ma jqisx biżżejjed iċ-ċaqliq li jista’ jkun hemm.

L-ispejjeż għall-amministrazzjoni u għall-ħanut tal-inbid li ma kinux imniżżlin fil-pjan tan-negozju

(60)

Skont it-tagħrif li bagħtet il-parti interessata, l-amministrazzjoni u l-ħanut tal-inbid tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen se jibqgħu fil-monasteru ta’ Eberbach, li qed jiġi rrestawrat. Il-parti interessata tgħid li l-ispejjeż għal dan ir-restawr mhumiex inklużi fil-pjan tan-negozju. Skont il-parti interessata, wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà tal-għoti ta’ sussidji trasversali permezz ta’ ħlasijiet iktar baxxi tal-kera.

(61)

Barra minn hekk, il-parti interessata tgħid ukoll li l-azjendi agrikoli tas-settur privat li jkabbru l-għeneb se jkunu jistgħu jużaw il-ħanut tal-inbid ta’ ġol-monasteru biss b’mod limitat bħala punt tal-bejgħ.

Id-derogi skont l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE

(62)

Skont il-parti interessata, il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen ma jistax juża l-argumenti li ġejjin sabiex jirċievi l-approvazzjoni li l-kontributi finanzjarji tiegħu jistgħu jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli skont l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE:

(a)

li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb tar-reġjun ta’ Hessen qed iservu ta’ eżempju għall-azjendi agrikoli tas-settur privat li jkabbru l-għeneb (il-parti interessata tikkontesta dan);

(b)

il-perċezzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka dwar il-vitikultura taċ-ċentru tar-riċerka ta’ Geisenheim, li huwa tal-gvern (skont it-tagħrif mibgħut mill-parti interessata, dawn jistgħu jsiru wkoll flimkien ma’ kumpaniji privati);

(c)

il-ħtieġa li jinżamm il-pajsaġġ maħluq mill-bniedem, u b’mod speċjali l-għelieqi mżerżqin u weqfin imħawlin bid-dwieli (skont it-tagħrif mibgħut mill-parti interessata l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb tar-reġjun ta’ Hessen jamministraw biss 20 % tal-għelieqi kollha mżerżqin u weqfin imħawlin bid-dwieli tar-reġjun).

IV.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA

(63)

Fl-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-Ġermanja. Dawn isegwu l-istruttura tal-kummenti mressqa mill-parti interessata u jinkludu argumenti marbutin ma’ erba’ oqsma: il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen bħala investitur fl-ekonomija tas-suq; il-validità tal-pjan tan-negozju; l-alloġġjar fil-monasteru ta’ Eberbach huwa meqjus fil-pjan tan-negozju u n-nuqqas ta’ rilevanza tar-raġunijiet mogħtija sabiex jiġġustifikaw il-kompatibilità tal-għajnuna. Barra minn hekk, ingħata tagħrif ukoll dwar il-bejgħ tal-artijiet li kellha dik li qabel kienet l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen.

Il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen aġixxa bħal investitur fl-ekonomija tas-suq

(64)

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen aġixxa bħal investitur fl-ekonomija tas-suq saħansitra minn qabel ma nbniet il-kantina l-ġdida. L-argumenti tal-parti interessata mhumiex ibbażati fuq fatti korretti u mhumiex rilevanti mil-lat legali. Bħala prova ta’ din l-istqarrija, l-awtoritajiet Ġermaniżi ressqu l-kummenti li ġejjin:

(a)

bħala l-uniku azzjonist tal-kumpanija GmbH, ir-reġjun ta’ Hessen ħatar rappreżentanti tar-reġjun fuq il-bord tad-diretturi, bħalma kien jagħmel kwalunkwe investitur privat. Barra minn hekk, inħatar ukoll rappreżentant mis-settur privat u b’hekk kien hemm ukoll għarfien tekniku minn barra;

(b)

id-deċiżjoni biex in-negozju jiġi ttrasferit għal post ġdid u biex tinbena kantina ġdida tal-inbid ittieħdet għal raġunijiet kummerċjali u ssejset fuq analiżi tal-approċċi strateġiċi possibbli;

(c)

il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen mexa fuq il-prinċipju ta’ investitur fl-ekonomija tas-suq u ħa azjendi agrikoli oħra li jkabbru l-għeneb, kemm dawk medji u saħansitra wkoll dawk li jinsabu fl-aqwa post, bħala l-punt ta’ riferiment tiegħu (u mhux, kif qalet il-parti interessata, azjendi agrikoli oħrajn li qed jagħmlu telf).

(65)

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-iżvilupp ekonomiku tal-kumpanija GmbH jikkorrispondi ma’ dak mogħti fil-pjan tan-negozju. Fl-2005 ma kien hemm l-ebda dħul speċjali. Il-bejgħ tal-kumpanija qabeż dak mistenni b’EUR 500 000. Id-dħul l-ieħor tal-operat, li kien ogħla, ġie mill-ħlasijiet tal-assigurazzjoni għall-ħsara mġarrba minħabba l-għargħar, iżda kien ibbilanċjat b’iktar infiq għall-persunal u għall-materjali b’rabta ma’ dik il-ħsara.

(66)

Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ir-riżultat għall-2006 għandu jikkorrispondi mal-pjan tan-negozju, minkejja li kemm fl-2005 u kif ukoll fl-2006, il-ħsad kien wieħed ħażin (21 % u 32 % inqas minn dak tal-2004 rispettivament).

(67)

Skont it-tagħrif mibgħut, iż-żewġ deċiżjonijiet li bihom kienu tħallsu l-ewwel partijiet tal-finanzjament tal-kantina l-ġdida tal-inbid ġew irrevokati u l-ammont kollu ta’ EUR 7,5 miljun ingħata bħala self min-naħa tal-azzjonisti. L-ammonti li kienu diġà tħallsu ddaħħlu b’mod retroattiv fl-ammont misluf bl-istess kundizzjonijiet. Il-baġit tar-reġjun tranġa kif xieraq.

Il-pjan tan-negozju huwa wieħed sod

(68)

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-pjan tan-negozju huwa wieħed sod u huwa msejjes fuq presuppożizzjonijiet realistiċi u konservattivi. Bħala prova ta’ din l-istqarrija tressqu l-kummenti li ġejjin:

(a)

l-ippjanar tal-produzzjoni jissejjes fuq id-dħul medju minn ħsad medju (b’hekk tqiesu kemm il-ħsad tajjeb kif ukoll dak ħażin, kif ukoll it-tnaqqis). L-ammont ippjanat tal-produzzjoni huwa inqas minn dak medju prodott mill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Rheingau;

(b)

l-ippjanar tax-xiri huwa wieħed sod. Il-kumpanija GmbH ma tixtrix inbid, iżda għeneb, abbażi ta’ ftehimiet tal-kera u tat-tkabbir. L-ispejjeż ta’ dan ix-xiri huma meqjusin għal kollox fil-pjan tan-negozju. Ir-riskji tal-kwalità u tal-kwantità jikkorrispondu eżatt mar-riskju tal-produzzjoni tal-kumpanija stess. L-inbid li jsir mill-għeneb mixtri skont il-ftehimiet tal-kera u tat-tkabbir jista’ jitqiegħed fis-suq f’isem il-kumpanija GmbH u bit-tabelli tagħha (impoġġi fil-fliexken mill-produttur). Il-pjan tan-negozju jqis ukoll il-fatt li l-kantina l-ġdida tal-inbid tkun vojta għal xi żmien u sa xi estent jew ieħor matul il-perjodu mill-2007 sal-2010;

(c)

il-presuppożizzjonijiet li fuqhom huwa msejjes il-kalkolu ta’ kemm jintużaw materjali huma tajbin. L-ekonomiji tal-iskala u t-titjib fl-effiċjenza se jwasslu biex jiġu ffrankati l-ispejjeż, ħaġa li diġà bdiet tiġri b’mod parzjali fl-2005/2006;

(d)

il-pjan tan-negozju huwa msejjes fuq presuppożizzjonijiet bażiċi realistiċi u konservattivi, kif ġie kkonfermat ukoll mill-kumpanija KPMG. Il-fatt li l-bank “Commerzbank” qed jagħti self kummerċjali għall-finanzjament ta’ parti mill-fondi għall-kantina l-ġdida tal-inbid jikkonferma kemm il-pjan tan-negozju jista’ jsir;

(e)

il-pjan tan-negozju jqis l-investimenti ta’ bdil bħala nfiq tal-kapital u deprezzament.

L-ispejjeż għall-alloġġjar fil-monasteru ta’ Eberbach huma meqjusin għal kollox fil-pjan tan-negozju

(69)

Skont it-tagħrif mibgħut, ir-restawr tal-monasteru ta’ Eberbach, li probabbli jieħu iktar minn 25 sena, mhux qed isir sabiex dan jibda jingħadd mal-assi finanzjarji tal-kumpanija GmbH imma sabiex dan il-monument kulturali jinżamm fi stat tajjeb. Il-kumpanija GmbH se tikri kmamar għall-amministrazzjoni tagħha u għall-ħanut tal-inbid bil-kundizzjonijiet tas-suq. S’issa għadu ma ġiex konkluż ftehim bejn il-kumpanija GmbH u l-fondazzjoni tal-monasteru ta’ Eberbach. Il-pjan tan-negozju jinkludi l-istimi tal-ħlas tal-kera.

Ir-raġunijiet mogħtija mill-parti interessata bħala ġustifikazzjoni mhumiex rilevanti

(70)

Skont it-tagħrif mibgħut, il-finanzjament tal-kantina l-ġdida tal-inbid ma jikkostitwix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, minħabba li l-gvern tar-reġjun ta’ Hessen aġixxa bħal investitur privat. B’hekk, l-argumenti li l-parti interessata tgħid li r-reġjun ta’ Hessen se juża biex jiġġustifika xi ħlas tal-għajnuna mhumiex rilevanti hawnhekk.

Il-bejgħ tal-artijiet li kellha dik li qabel kienet l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen

(71)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi għarrfu lill-Kummissjoni li nbiegħu xi artijiet li kellha dik li qabel kienet l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen li kienu jiswew EUR 2 959 675 u l-qligħ minnhom iddaħħal fil-baġit tar-reġjun.

V.   IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

L-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

(72)

L-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen jipproduċu u jbiegħu l-inbid. Skont l-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (6), l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat tal-KE għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-prodotti li jaqgħu fi ħdanha u għall-kummerċ tagħhom. B’hekk, il-miżuri li qed jiġu diskussi hawnhekk iridu jiġu analizzati fil-kuntest tar-regoli dwar l-għajunua mill-Istat.

L-għoti ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(73)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma li tingħata minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn din tkun teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies bħala għajnuna li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(74)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, l-għajnuna mogħtija lil impriża tista’ teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri jekk dik l-impriża tkun qed topera f’suq miftuħ għall-kummerċ ġol-Komunità (7). L-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen jipproduċu u jbiegħu l-inbid u għalhekk jaħdmu f’suq internazzjonali kompetittiv ferm (8). Il-miżuri kkonċernati jużaw ir-riżorsi tal-istat (ġejjin mill-baġit tar-reġjun ta’ Hessen) u għalhekk huma selettivi, minħabba li jolqtu impriża waħda biss. Għalhekk, wieħed għandu janalizza jekk il-miżuri kkonċernati tawx jew hux qed jagħtu vantaġġ lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen, li jfixkel il-kompetizzjoni u jeffettwa l-kummerċ, u b’hekk jikkostitwux għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Sabiex wieħed jeżamina jekk il-miżura rispettiva tagħtix vantaġġ jew le, wieħed għandu juża l-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq (9).

Il-miżuri ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2002

(75)

L-investigazzjoni kkonfermat li r-reġjun ta’ Hessen ta vantaġġ lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun meta għamel tajjeb għat-telf tagħhom, u b’hekk il-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(76)

Għad irid jiġi analizzat jekk l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen setgħux jitqiesu bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE meta kienu amministrati bħala parti mill-amministrazzjoni ġenerali tar-reġjun ta’ Hessen (sa tmiem l-1997) u wara bħala impriża tar-reġjun ta’ Hessen, jiġifieri bħala parti separata tal-amministrazzjoni ġenerali li iżda ma kinetx entità legali.

(77)

Skont is-sentenza tal-Qorti fil-Każ C-118/85 tal-Kummissjoni vs. l-Italja (10), jekk stat jagħmel xi attività ekonomika, ma jimpurtax jekk dik l-attività ssirx permezz ta’ istituzzjoni oħra jew permezz ta’ istituzzjoni li tagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-istat, biex dik l-istituzzjoni titqies bħala impriża pubblika. Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li l-“Hessische Staatsweingüter” setgħu jitqiesu bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE anke fil-perjodu ta’ qabel l-2003.

(78)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-perjodu li għandu jitqies għall-valutazzjoni tal-għajnuna huwa dak ta’ bejn l-1995 u l-2002. Hija tfakkar li skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (11), is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin. Dan il-perjodu ta’ limitazzjoni jibda minn dakinhar li l-għajnuna li mhix mogħtija skont il-liġi tingħata lill-benefiċjarju. Kull azzjoni li tieħu l-Kummissjoni jew li jieħu Stat Membru li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni b’rabta mal-għajnuna li mhix mogħtija skont il-liġi għandha twaqqaf dan il-perjodu ta’ limitazzjoni.

(79)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni qalet li l-ewwel laqgħa li saret fis-26 ta’ Jannar 2005 bejn l-awtoritajiet tar-reġjun ta’ Hessen u l-uffiċjali tad-DĠ AGRI setgħet titqies bħala miżura li twaqqaf il-perjodu ta’ limitazzjoni mniżżel fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(80)

La l-parti interessata, fil-kummenti tagħha wara li ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura u lanqas il-Ġermanja, fil-kummenti tagħha, ma oġġezzjonaw għal din is-sejba preliminari. Għalhekk, il-Kummissjoni tkompli tqis l-ewwel laqgħa li saret fis-26 ta’ Jannar 2005 bejn l-awtoritajiet tar-reġjun ta’ Hessen u l-uffiċjali tad-DĠ AGRI bħala miżura li waqqfet il-perjodu ta’ limitazzjoni.

(81)

B’hekk, l-għajnuna kkonċernata, li r-reġjun ta’ Hessen kompla jagħti biex jagħmel tajjeb għat-telf tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun, hija magħmula mill-allokazzjonijiet rilevanti mogħtija bejn l-1995 u l-1997 lin-negozju tal-inbid skont is-sistema ta’ amministrazzjoni magħrufa bħala “kameralistische Wirtschaftsführung” (EUR 209 520) u dawk mogħtija bejn l-1998 u l-2002 lill-impriża tar-reġjun ta’ Hessen (EUR 332 339), li b’kollox jammontaw għal EUR 541 859 (ara l-premessa (22)).

(82)

Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006 (K(2006) 6605 finali), il-Kummissjoni sabet li, fil-verità, l-benefiċjarju tal-għajnuna mogħtija fl-imgħoddi donnu li kienet l-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art” [istituzzjoni kummerċjali].

(83)

Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, l-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art” hija s-suċċessur legali u ekonomiku tal-impriża tar-reġjun ta’ Hessen tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun, minħabba li hija s-sid legali u ekonomiku tal-assi fissi tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen u għalhekk għandha titqies bħala l-benefiċjarju fil-verità tal-għajnuna mogħtija fl-imgħoddi. Il-kumpanija GmbH tikri l-assi fissi li ma jistgħux jiċċaqalqu u li huma meħtieġa għall-operat mingħand l-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art”. Ir-rati tal-kera ġew iffissati abbażi tar-rapporti ta’ żewġ esperti dwar il-kalkolu tal-valur tal-kera, li tressqu mill-awtoritajiet ta’ Hessen (ara l-premessa (26). Il-Kummissjoni b’hekk tqis li dawn l-assi qed jinkrew skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(84)

Iżda l-Kummissjoni tqis li l-kumpanija GmbH, li ħadet f’idejha l-amministrazzjoni tan-negozju tal-inbid u li ngħatat l-assi attwali u l-assi fissi li jistgħu jiċċaqalqu u li huma meħtieġa għall-operat tal-impriża tar-reġjun ta’ Hessen (ara l-premessa (26), ibbenefikat mill-miżuri li ttieħdu qabel il-31 ta’ Diċembru 2002 u għalhekk għandha titqies ukoll bħala benefiċjarju tal-għajnuna mogħtija fl-imgħoddi.

(85)

B’hekk, ġew ikkonfermati d-dubji li wasslu lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura u s-sejbiet preliminari mniżżlin fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

Ir-ristrutturar tan-negozju tal-inbid tar-reġjun ta’ Hessen

(86)

L-analiżi kkonfermat id-dubji li kellha l-Kummissjoni li, bl-injezzjonijiet tal-kapital, l-ewwel ta’ miljun Euro u mbagħad ta’ EUR 1 225 miljun oħra lill-kumpanija GmbH, ir-reġjun ta’ Hessen ma mexiex bħal investitur fl-ekonomija tas-suq.

(87)

Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-kapital ingħata bil-kundizzjonijiet tas-suq, la l-qligħ li kien mistenni minnu kien konformi mal-medja tal-industrija u saħansitra iktar minnha, bħalma ġie kkonfermat fir-rapport ta’ Hoffmann, waqt li l-pjan tan-negozju tal-kumpanija GmbH kien imsejjes fuq approċċ għall-ippjanar konservattiv skont il-kumpanija KPMG.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tali valutazzjoni hija marbuta mar-ristrutturar sħiħ, minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi użaw il-qligħ fuq il-kapital proprju bħala l-punt ta’ riferiment u l-kapital proprju tal-kumpanija GmbH jirrifletti l-miżuri kollha tar-ristrutturar li ttieħdu (jiġifieri mhux biss l-injezzjonijiet tal-kapital iżda wkoll l-għoti tal-assi u t-tħassir tad-dejn).

(89)

Fil-kummenti tagħha, il-parti interessata tgħid li r-reġjun ta’ Hessen ma aġixxiex bħal investitur fl-ekonomija tas-suq anke qabel ma ngħata l-finanzjament tal-kantina l-ġdida tal-inbid (ara l-premessa (54)). Fil-kummenti ssir referenza għall-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija GmbH, għall-fatt li ma tqiesu l-ebda azjendi agrikoli oħra li jkabbru l-għeneb li qed jagħmlu telf għall-għanijiet ta’ tqabbil, u għall-fatt li l-injezzjonijiet tal-kapital ingħataw mingħajr rekwiżiti dwar il-qligħ minnhom, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, il-parti interessata tikkritika l-punti allegatament dgħajfa tal-pjan tan-negozju u tgħid li l-pjan mhu stabbli xejn u ma jqisx biżżejjed iċ-ċaqliq li jista’ jkun hemm.

(90)

Fil-kummenti tagħhom, l-awtoritajiet Ġermaniżi jirrifjutaw l-argumenti tal-parti interessata u jgħidu li mhumiex ibbażati fuq fatti korretti u mhumiex rilevanti mil-lat legali (ara l-premessa (63)).

(91)

Il-Kummissjoni tqis li t-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Ġermaniżi jneħħi t-tħassib tal-parti interessata u li l-pjan tan-negozju huwa wieħed sod. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bħall-awtoritajiet Ġermaniżi, hija tal-fehma li, għall-għanijiet tal-kriterju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq, għandhom jintużaw bħala l-punt ta’ riferiment azjendi agrikoli oħrajn li jkabbru l-għeneb li jkunu simili u li jkunu qed jagħmlu qligħ (ara l-premessa (64)).

(92)

B’hekk, il-Kummissjoni tgħid li l-miżuri tar-ristrutturar mittieħda mir-reġjun ta’ Hessen favur il-kumpanija GmbH (l-għoti tal-assi, it-tħassir tad-dejn u ż-żewġ injezzjonijiet tal-kapital) jistgħu jitqiesu, jekk jittieħdu waħedhom, bħala miżuri aċċettabbli għal investitur li qed jopera f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Madanakollu, hija tqis li l-injezzjonijiet tal-kapital iridu jiġu analizzati fil-kuntest tal-miżuri kollha li ttieħdu, inkluż tal-kopertura għat-telf ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2002, meta n-negozju tal-inbid kien amministrat bħala parti integrali mill-amministrazzjoni ġenerali tar-reġjun ta’ Hessen, minħabba li l-kumpanija GmbH ħadet f’idejha t-tmexxija tan-negozju tal-inbid u sa ċertu punt trid titqies ukoll bħala benefiċjarju ta’ din l-għajnuna li ngħatat qabel (ara l-premessa (83) (12).

(93)

Il-Kummissjoni tqis li b’mod partikulari t-tħassir tad-dejn ta’ EUR 1 792 000, li kien marbut mad-djun li l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen kellha mar-reġjun ta’ Hessen mill-ħidmiet tal-imgħoddi, kellu l-istess għan bħall-kopertura, minn żmien għall-ieħor, tad-defiċit li kien hemm qabel il-31 ta’ Diċembru 2002. Għalhekk, dan it-tħassir jista’ jitqies bħala l-għoti, b’mod retroattiv, ta’ sussidji għall-ħidmiet tal-imgħoddi.

(94)

B’hekk, f’għajnejn il-Kummissjoni, il-miżuri tar-ristrutturar ma jistgħux ikunu separati kif xieraq mill-miżuri ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2002. Għalhekk, hija tikkonkludi li r-reġjun ta’ Hessen ma mexiex bħal investitur fl-ekonomija tas-suq, meta ħa l-miżuri differenti tar-ristrutturar favur il-kumpanija GmbH (l-għoti tal-assi, it-tħassir tad-dejn u ż-żewġ injezzjonijiet tal-kapital), meta wieħed iqis l-għajnuna għall-operat li kien ta qabel lin-negozju tal-inbid tar-reġjun ta’ Hessen, u li, b’hekk, dawn il-miżuri tar-ristrutturar jikkostitwixxu għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(95)

B’hekk, ġew ikkonfermati d-dubji li wasslu lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura u s-sejbiet preliminari mniżżlin fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

Il-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida tal-inbid

(96)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida tal-inbid, l-analiżi kkonfermat id-dubji li kellha l-Kummissjoni li r-reġjun ta’ Hessen ma mexiex bħal investitur fl-ekonomija tas-suq meta ta s-self min-naħa tal-azzjonisti lill-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH, meta wieħed iqis l-investimenti li kien għamel qabel.

(97)

Il-kummenti tal-parti interessata dwar il-punti allegatament dgħajfa tal-pjan tan-negozju għandhom x’jaqsmu wkoll mal-finanzjament tal-kantina l-ġdida tal-inbid. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkuntestaw dawn il-kummenti fil-kummenti tagħhom (ara l-premessi (58) u (68)). F’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tal-kantina l-ġdida tal-inbid, il-Kummissjoni wkoll hija tal-fehma li t-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Ġermaniżi jneħħi t-tħassib tal-parti interessata u li l-pjan tan-negozju huwa wieħed sod (ara l-premessa (91)), minħabba li jqis kemm il-possibbiltà li l-kwalità u l-kwantità tal-ħsad jistgħu jvarjaw kif ukoll il-possibbiltà ta’ tnaqqis, u jinkludi l-fatturi kollha tal-ispejjeż meħtieġa (ara l-premessi (68) u (69)). Barra minn hekk, il-pjan tan-negozju ġie eżaminat mill-kumpanija KPMG, li qalet li huwa konservattiv ħafna (ara l-premessa (38)).

(98)

Barra minn hekk, il-parti interessata titkellem dwar il-fatt li l-ishma tal-kapital proprju mogħtija mir-reġjun ta’ Hessen għall-finanzjament tal-kantina l-ġdida nbidlu f’self min-naħa tal-azzjonisti biss wara li kien hemm kuntatt mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont it-tagħrif li bagħtet, l-ispejjeż marbutin mal-amministrazzjoni u mal-ħanut tal-inbid tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen mhumiex inklużi fil-pjan tan-negozju. Skont il-parti interessata, wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà tal-għoti ta’ sussidji trasversali permezz ta’ ħlasijiet iktar baxxi tal-kera.

(99)

Fil-kummenti tagħhom, l-awtoritajiet Ġermaniżi qalu li l-ħlasijiet li kienu diġà saru b’rabta mal-kantina l-ġdida tal-inbid kienu ddaħħlu bis-sħiħ mas-self min-naħa tal-azzjonisti u kienu ngħatawlhom, b’mod retroattiv, l-istess kundizzjonijiet bħal ta’ dan is-self (ara l-premessa (67)). Barra minn hekk, huma jikkjarifikaw li l-pjan tan-negozju jqis bis-sħiħ l-infiq marbut mal-kmamar tal-monasteru ta’ Eberbach li se jinkrew għall-amministrazzjoni u għall-ħanut tal-inbid tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen (ara l-premessa (69)). Il-pjan tan-negozju jinkludi l-istimi tal-ħlas tal-kera. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kjarifiki mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jneħħu t-tħassib tal-parti interessata.

(100)

Is-self min-naħa tal-azzjonisti jissejjes fuq rata tal-imgħax ta’ 3,7 % fis-sena u se jkun inkluż fil-qligħ annwali tal-kumpanija (ara l-premessi (41) sa (44) għal deskrizzjoni fid-dettall tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament). Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet huma kundizzjonijiet tas-suq li huma aċċettabbli għal dan it-tip ta’ investiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-bqija tal-finanzjament se jiġi minn self mill-bank mogħti bil-kundizzjonijiet tas-suq, ħaġa li turi li l-kumpanija hija ekonomikament vijabbli.

(101)

B’hekk, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni tagħha, mogħtija fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2006 (K(2006) 6605 finali), li, jekk jittieħed waħdu, is-self min-naħa tal-azzjonisti jista’ jitqies bħala self mogħti b’kundizzjonijiet li huma aċċettabbli għal investitur fl-ekonomija tas-suq u għalhekk, li mhux qed jagħti vantaġġ lill-kumpanija GmbH.

(102)

Madanakollu, hija tqis li l-finanzjament tal-kantina l-ġdida ma jistax ikun isseparat kif xieraq mill-għajnuna li l-kumpanija GmbH ingħatat qabel. Il-kantina l-ġdida tal-inbid kienet parti integrali mill-pjan tar-ristrutturar u trid titqies bħala miżura oħra fil-proċess tar-ristrutturar (wara t-tħassir tad-dejn u ż-żewġ injezzjonijiet tal-kapital). Barra minn hekk, il-qagħda finanzjarja u ekonomika ta’ bħalissa tal-kumpanija GmbH, li ħallietha tieħu self minn bank kummerċjali għall-finanzjament ta’ parti mill-fondi għall-kantina tal-inbid, ġejja mill-miżuri tar-ristrutturar meħudin mir-reġjun ta’ Hessen favur il-kumpanija GmbH u għalhekk għandha tiġi vvalutata f’dan il-kuntest.

(103)

B’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li meta r-reġjun ta’ Hessen iffinanzja l-kapital proprju tal-kantina l-ġdida tal-inbid, li kien jammonta għal EUR 7,5 miljun, permezz ta’ self min-naħa tal-azzjonisti li kien suġġett għal dawk il-kundizzjonijiet, ma kienx qed jaġixxi bħala investitur fl-ekonomija tas-suq fil-kuntest tal-miżuri tar-ristrutturar mogħtija qabel u għalhekk, dan is-self min-naħa tal-azzjonisti jikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(104)

B’hekk, ġew ikkonfermati d-dubji li wasslu lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura u s-sejbiet preliminari mniżżlin fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

Id-derogi skont l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE

(105)

Il-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) ma teskludix li ċerti tipi ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi tad-derogi li dwarhom hemm dispożizzjoni fil-paragrafi (2) u (3) tal-istess Artikolu.

(106)

Wieħed ma jistax jgħid li l-miżuri kkonċernati għandhom natura soċjali jew li jagħmlu tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali, u b’hekk ma jistax jiġi invokat l-Artikolu 87(2)(a) jew (b) tat-Trattat tal-KE. Bl-istess mod, il-miżuri ma jidhrux li huma maħsubin sabiex jinkuraġġixxu l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx ħafna iktar min-normal, jew biex jinkuraġġixxu t-twettiq ta’ proġett ta’ interess komuni Ewropew jew il-kultura jew iż-żamma tal-wirt kulturali. B’hekk, id-derogi li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 87(3)(a), (b) u (d) tat-Trattat tal-KE ma jistgħux jintużaw f’dan il-każ.

(107)

B’applikazzjoni tad-derogi skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tista’ tqis li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni jekk din l-għajnuna tkun tinkuraġġixxi l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, u sakemm din ma teffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’tali mod li tmur kontra l-interess komuni.

Il-miżuri ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2002

(108)

Skont il-paragrafu 15 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-oqsma tal-agrikultura u tal-forestrija mill-2007 sal-2013 (13), l-għajnuna jrid ikun fiha xi tip ta’ inċentiv jew trid tkun teħtieġ lill-benefiċjarju jagħti xi tip ta’ servizz lura bħala kumpens għal dik li jkun irċieva sabiex din titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni. Miżuri unilaterali tal-għajnuna mill-istat li jkunu maħsubin biss biex itejbu l-qagħda finanzjarja ta’ produttur imma li ma jwasslu bl-ebda mod għal xi żvilupp fis-settur, għandhom jitqiesu bħala għajnuna għall-operat li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(109)

Il-Kummissjoni tinnota li mhux ċar li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kellhom jitqiesu bħala kumpanija f’diffikultà fil-perjodu ta’ qabel l-2003. Huwa veru li l-ammont ta’ EUR 541 859 li r-reġjun ta’ Hessen ta bejn l-1995 u l-2002 lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun jikkostitwixxi għajnuna għall-operat. Madanakollu, dan mhux bilfors ifisser li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun kienu kumpanija f’diffikultà li ma kinetx f’qagħda li tissellef iktar flus bil-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ kopertura minn żmien għall-ieħor tad-defiċit kienu miżuri ad hoc u ma kinux imsejsin fuq pjan tar-ristrutturar. Dawn il-miżuri twettqu ferm qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar ir-ristrutturar. L-aħħar kopertura tad-defiċit, li hija inkluża fl-ammont ta’ EUR 541 859, saret fl-1999 (ara l-premessa (21)), filwaqt li t-tħejjijiet għar-ristrutturar bdew biss fl-2001, l-abbozz tal-pjan tar-ristrutturar inkiteb biss minn Ġunju tal-2002 u d-deċiżjoni uffiċjali dwar ir-ristrutturar ittieħdet fl-10 ta’ Diċembru 2002 (ara d-deskrizzjoni tar-ristrutturar mogħtiha fil-premessi (23) sa (38) u b’mod speċjali l-premessa (28)). B’hekk, il-kopertura tad-defiċit ma tistax titqies bħala parti mill-proċess tar-ristrutturar, li fil-verità nbeda fil-31 ta’ Diċembru 2002.

(110)

Barra minn hekk, din l-għajnuna ma kienet marbuta mal-ebda investiment, taħriġ, ħolqien tal-impjiegi jew mal-ħtieġa li l-benefiċjarju jagħti xi tip ta’ servizz lura bħala kumpens għal dik li jkun irċieva. L-għan tal-għajnuna kien biss li ttejjeb il-qagħda finanzjarja tal-benefiċjarju.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għall-operat li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(112)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Ġermanja ma għarrfithiex dwar l-għajnuna skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, u li, minflok, hija implimentata kontra l-liġi.

Ir-ristrutturar tan-negozju tal-inbid tar-reġjun ta’ Hessen u l-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida

(113)

La nstab li, fil-kuntest tal-miżuri tar-ristrutturar mogħtija qabel, il-finanzjament tal-kapital proprju tal-kantina l-ġdida tal-inbid jikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE (ara l-premessa (103)), minn hawn ’il quddiem dan qed jiġi vvalutat bħala parti mill-miżuri tar-ristrutturar.

(114)

Is-soltu, l-għajnuna għar-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà trid tiġi analizzata abbażi tal-linji gwida tal-2004 tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u rristrutturati l-kumpaniji f’diffikultà (14). Madanakollu, skont il-paragrafi 103 u 104 ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tanalizza l-għajnuna mgħarrfa qabel l-10 ta’ Ottubru 2004 kif ukoll l-għajnuna sabiex jiġu salvati jew irristrutturati l-kumpaniji li ma tkunx ġiet mgħarrfa abbażi tal-linji gwida li jkunu fis-seħħ meta tiġi mgħarrfa l-għajnuna u meta tingħata.

(115)

Il-miżuri tar-ristrutturar favur il-kumpanija GmbH li kienet għad trid titwaqqaf ġew deċiżi b’mod formali permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinett tal-10 ta’ Diċembru 2002 (ara l-premessi (28) sa (33)). Għalhekk, din id-data għandha titqies bħala d-data ta’ meta ngħatat l-għajnuna. Dak iż-żmien, kienu fis-seħħ il-linji gwida tal-1999 tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u rristrutturati l-kumpaniji f’diffikultà (15) (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-linji gwida dwar ir-ristrutturar”). Il-Kapitolu 3.2 ta’ dawn il-linji gwida fih id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna għar-ristrutturar.

L-eliġibbiltà għall-għajnuna

(116)

Skont il-paragrafu 30 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, il-kumpanija trid tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà sabiex tkun eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

(117)

Skont il-paragrafu 4 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, il-Kummissjoni tqis li kumpanija tkun f’diffikultà meta din ma tkunx tista’, permezz tar-riżorsi tagħha jew permezz ta’ fondi li tista’ takkwista mingħand is-sidien/l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha, tagħmel tajjeb għal telf li, mingħajr għajnuna esterna mill-awtoritajiet pubbliċi, kważi ċertament se jwassalha biex tfalli malajr jew dalwaqt.

(118)

F’dan il-każ, sa minn mindu twaqqfet fil-bidu tal-2003, il-kumpanija GmbH kellha bażi finanzjarja tajba (ara l-premessa (32)). Madanakollu, il-karta tal-bilanċ tal-ftuħ diġà kienet tirrifletti l-qagħda wara li kienu ġew implimentati l-biċċa l-kbira tal-miżuri tar-ristrutturar (l-għoti tal-assi, it-tħassir tad-dejn u l-ewwel injezzjoni tal-kapital). Anke f’dawn iċ-ċirkustanzi l-kumpanija GmbH ma kinetx se tkun f’qagħda li tagħmel tajjeb għat-telf tagħha sa meta kien ippjanat li tibda tagħmel biżżejjed qligħ biex tkopri l-ispejjeż kollha bir-rizorsi tagħha stess. Fil-pjan tan-negozju ta’ Ġunju tal-2002, ġie stmat li l-allokazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet tal-likwidità matul l-ewwel snin tar-ristrutturar kienu ta’ madwar EUR 4,3 miljun (ara l-premessa (26)). Skont il-mudell rivedut ta’ Settembru tal-2002, kienu se jkunu meħtieġa EUR 3,4 miljun oħra (ara l-premessa (27)). Minkejja l-bażi pjuttost soda tal-kapital proprju tal-kumpanija GmbH (kapital proprju ta’ madwar EUR 7,6 miljun b’kollox, li huwa madwar 91 % tal-ammont totali tal-karta tal-bilanċ), il-kumpanija wisq probabbli xorta ma kinetx ħa tkun f’qagħda li tkopri l-ħtiġijiet tal-likwidità tagħha sa ma tibda tagħmel qligħ bir-riżorsi tagħha stess. Barra minn hekk, wisq probabbli li l-kumpanija GmbH ma kienx se jirnexxilha tikseb fondi esterni għall-attivitajiet tagħha li kienu għaddejjin li kieku r-reġjun ta’ Hessen ma tax il-garanzija tiegħu. Ladarba ntwera li l-kontributi tal-azzjonisti fil-kuntest tal-miżuri tar-ristrutturar ma ngħatawx b’kundizzjonijiet li huma aċċettabbli għal investitur fl-ekonomija tas-suq (ara l-premessa (94)), kwalunkwe fondi mogħtija mir-reġjun ta’ Hessen f’dan il-kuntest għandhom jitqiesu bħala fondi li jinkludu element ta’ għajnuna u ma jistgħux jintużaw bħala prova li l-kumpanija kienet f’qagħda li ssalva mingħajr l-intervent pubbliku.

(119)

Għaldaqstant, il-kumpanija GmbH tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà skont il-paragrafu 4 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, sa minn mindu twaqqfet.

(120)

Skont il-paragrafu 7 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, kumpanija li għadha kemm inħolqot mhix eliġibbli għal għajnuna biex tiġi salvata jew irristrutturata, anke jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha mhijiex ċerta. Madanakollu, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 9 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, it-twaqqif minn kumpanija ta’ kumpanija sussidjarja sempliċiment sabiex din tirċievi l-assi u possibbilment l-obbligazzjonijiet tagħha mhux meqjus bħala l-ħolqien ta’ kumpanija ġdida.

(121)

F’dan il-każ, il-kumpanija GmbH twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 2003 u b’hekk kienet taqa’ fi ħdan it-tifsira ta’ kumpanija li għadha kemm inħolqot fiż-żmien meta ttieħdu l-miżuri tar-ristrutturar. Madanakollu, l-assi fissi li ma jistgħux jiċċaqalqu baqgħu f’idejn ir-reġjun ta’ Hessen (iddaħħlu fl-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art”) u nkrew lill-kumpanija GmbH, filwaqt li l-assi attwali u l-assi fissi li jistgħu jiċċaqalqu u li huma meħtieġa għall-operat, li b’kollox kellhom valur ta’ madwar EUR 7,3 miljun, kif ukoll xi ftit mill-obbligazzjonijiet tat-terminu qasir u mid-dispożizzjonijiet ġew ittrasferiti lill-kumpanija GmbH. B’hekk, il-kumpanija GmbH tista’ titqies bħala kumpanija sussidjarja, li twaqqfet sempliċiment sabiex tieħu f’idejha ċerti assi u obbligazzjonijiet tal-impriża tar-reġjun ta’ Hessen. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kumpanija GmbH hija koperta mid-deroga mogħtija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 9 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar u għalhekk hija eliġibbli fil-prinċipju għall-għajnuna għar-ristrutturar skont il-paragrafu 30 tal-istess linji gwida.

Ir-restawr tal-vijabbiltà

(122)

Skont il-paragrafi 31 sa 34 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, l-għoti tal-għajnuna huwa marbut mal-implimentazzjoni ta’ pjan tar-ristrutturar. Il-pjan tar-ristrutturar, li jrid jieħu l-inqas żmien possibbli, għandu jwassal sabiex, fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ presuppożizzjonijiet realistiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-operat fil-ġejjieni, il-kumpanija terġa’ tkun vijabbli fit-tul. Il-pjan tar-ristrutturar għandu jipproponi tibdil fil-kumpanija b’tali mod li wara li jkun tlesta r-ristrutturar, din tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital proprju jrid ikun biżżejjed sabiex il-kumpanija rristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess.

(123)

F’dan il-każ, huwa u jitħejja r-ristrutturar, minn Awwissu sa Novembru tal-2001, inkiteb abbozz ta’ dokument ta’ strateġija (imsejjaħ “Analiżi tas-sitwazzjoni u l-prospetti għall-iżvilupp”), li fih ġew ippreżentati xenarji differenti tal-iżvilupp tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb li jista’ jkun hemm iktar ’il quddiem (ara l-premessa (23)). Abbażi ta’ dan id-dokument, f’Ġunju tal-2002 tħejja pjan tan-negozju għax-xenarji differenti. L-unika għażla strateġika li kienet se tgħin lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen jagħmlu qligħ fit-tul kienet il-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-vinji ta’ Steinberg u t-trasferiment tal-amministrazzjoni u tal-ħanut tal-inbid lejn il-monasteru ta’ Eberbach. Din l-għażla tippresupponi li r-reġjun se jkollu jagħmel tajjeb għad-djun li kien hemm sa tmiem l-2002 min-negozju tal-inbid. L-ispiża tal-investiment sabiex tinbena l-kantina l-ġdida tal-inbid b’kollox hija mistennija li tkun ta’ EUR 15-il miljun, u l-fondi għaliha għandhom jiġu parti mill-bejgħ ta’ artijiet li mhumiex meħtieġa għall-operat u parti mill-kapital misluf. Skont il-mudell tal-pjan tan-negozju, għall-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen, l-ewwel marġni pożittiv ta’ kontribut kien se jkun fis-sena finanzjarja tal-2006/2007, waqt li l-ewwel sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva kienet se tkun fis-sena finanzjarja tal-2008/2009. Minħabba li l-qagħda tas-suq inbidlet, kif ukoll minħabba kundizzjonijiet oħrajn, il-mudell finanzjarju kellu jiġi rivedut f’Settembru tal-2002, u b’hekk tbassar li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kienu se jdumu iktar biex jibdew jagħmlu qligħ milli kien intqal fil-mudell ta’ Ġunju tal-2002. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinett tal-10 ta’ Diċembru 2002, il-gvern tar-reġjun ta’ Hessen iddeċieda li jagħżel din l-għażla strateġika (ara l-premessi (24) sa (28)).

(124)

Il-pjan tan-negozju ta’ Settembru tal-2002 ġie aġġornat mill-ġdid fi Frar tal-2003 (u ġie estiż sabiex jinkludi l-ippjanar sħiħ tal-qligħ u t-telf), u mbagħad ukoll f’Novembru tal-2003. Il-pjan tan-negozju ta’ Novembru tal-2003 antiċipa li l-ewwel EBITDA (16) pożittiv kien se jkun fis-sena finanzjarja tal-2007, li l-ewwel sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva kienet se tkun fl-2010 u li se jibda jkun hemm dħul nett sa mill-2014 ’il quddiem. Skont it-tagħrif mibgħut, il-mudell finanzjarju ta’ bażi kien se jwassal għal dħul fuq il-kapital proprju (abbażi tad-dħul qabel ma titnaqqas it-taxxa) ta’ iktar minn 3 % fl-2016, u kien se jilħaq livell ta’ iktar minn 7 % mill-2019 ’il quddiem.

(125)

Il-Kummissjoni tqis li l-pjan tar-ristrutturar li l-gvern tar-reġjun ta’ Hessen iddeċieda dwaru f’Diċembru tal-2002 jagħmilha possibbli għall-kumpanija GmbH biex, fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ presuppożizzjonijiet realistiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-operat fil-ġejjieni, terġa’ tkun vijabbli fit-tul.

(126)

Barra minn hekk, hija tqis li l-qligħ mistenni fuq il-kapital proprju tal-kumpanija rristrutturata huwa biżżejjed sabiex din tkun tista’ tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għar-rapport ta’ Hoffmann li bagħtulha l-awtoritajiet ta’ Hessen. Dan ir-rapport jgħid li l-qligħ medju fuq il-kapital proprju tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb li jistgħu jitqabblu ma’ dawk li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen huwa ta’ madwar 2 % sa 3 %. Barra minn hekk, skont dan ir-rapport, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb ristrutturati jew l-investimenti fit-tul fuq skala kbira se jdumu mill-inqas għaxar snin u, bħala medja, bejn għaxar u ħmistax-il sena, sa ma jibdew jagħmlu biżżejjed qligħ biex ikopru l-ispejjeż kollha (ara l-premessi (35) sa (37)). Skont it-tagħrif mibgħut, il-pjan tan-negozju ta’ Frar tal-2003 ġie eżaminat mill-kumpanija KPMG, li qalet li huwa konservattiv ħafna f’termini tal-agħar każ possibbli (ara l-premessa (38)).

(127)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-pjan jipproponi tibdil fil-kumpanija b’tali mod li wara li jkun tlesta r-ristrutturar, din tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji u tkun tista’ terġa’ tibda tagħmel qligħ fit-tul (ara l-premessa (30)).

(128)

Għalhekk, il-pjan tar-ristrutturar ta’ bażi huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 31 u 34 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar.

Il-prevenzjoni ta’ kull tfixkil żejjed tal-kompetizzjoni

(129)

Skont il-paragrafi 35 sa 39 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, iridu jittieħdu miżuri biex ipattu kemm jista’ jkun għall-effetti negattivi li l-għajnuna tista’ tħalli fuq il-kompetituri, u ġeneralment dawn il-miżuri jieħdu l-forma ta’ limitazzjoni fuq il-preżenza li l-kumpanija jista’ jkollha fis-suq jew fis-swieq tagħha wara t-tmiem tal-perjodu tar-ristrutturar. Madanakollu, il-Kummissjoni tqis li, fejn is-sehem tal-kumpanija fis-suq rilevanti jkun negliġibbli, m’hemm l-ebda tagħwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni (ara l-premessa 36 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar).

(130)

Skont it-tagħrif mibgħut, l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen għandhom żona ta’ madwar 190 ettaru bid-dwieli u għalhekk għandhom l-ikbar medda ta’ għelieqi bid-dwieli fil-Ġermanja. Fil-pjan tan-negozju ta’ Ġunju tal-2002, ġie stmat li l-kumpanija GmbH għandha volum tal-bejgħ ta’ madwar miljun litru fis-sena. Skont it-tagħrif mibgħut, qabel l-2003 l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kienu jkabbru l-iktar l-għeneb tat-tip “Riesling”. Fil-livell tal-UE (l-UE-25) fl-2002/2003 ġew prodotti madwar 15.6 biljun litru ta’ nbid (17). L-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen ipproduċew inqas minn 0,01 % ta’ dan l-ammont totali tal-produzzjoni. Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fl-Unjoni Ewropea b’kollox hemm 26 413-il ettaru mħawlin bid-dwieli tat-tip “Riesling” (li l-biċċa l-kbira tagħhom, eżattament 21 197 ettaru, jinsabu fil-Ġermanja). L-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen għandhom żona ta’ madwar 190 ettaru bid-dwieli, li jiġu madwar 0.7 % taż-żona kollha tal-Unjoni Ewropea li hija mħawla bid-dwieli tat-tip “Riesling”. Għaldaqstant, wieħed jista’ jqis li dawn għandhom sehem negliġibbli mis-suq u li, f’dan il-każ, m’hemmx bżonn jiġu applikati l-miżuri obbligatorji ta’ kumpens.

(131)

Minkejja dan, il-Kummissjoni tassumi li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen mhux se jirċievu iktar għajnuna matul il-perjodu tar-ristrutturar (jiġifieri sal-2014, skont il-pjan tan-negozju aġġornat f’Novembru tal-2003), skont il-possibbiltà mogħtija fil-paragrafu 42(iii) tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar.

Għajnuna limitata għall-minimu

(132)

Skont il-paragrafi 40 u 41 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu li hemm bżonn biex jitwettaq ir-ristrutturar. Għalhekk, dawk li jibbenefikaw mill-għajnuna huma mistennija jagħtu kontribut sinifikanti lill-pjan tar-ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż mill-bejgħ ta’ assi li mhumiex neċessarji għas-sopravivenza tal-kumpanija, jew permezz ta’ finanzjament estern bil-kundizzjonijiet tas-suq. L-ammont tal-għajnuna u l-forma li fiha tingħata għandhom ikunu b’mod li jevitaw li l-kumpanija tingħata flus li ma għandhiex bżonn u li jistgħu jintużaw f’attivitajiet aggressivi u li jgħawġu l-andament tas-suq li mhumiex marbutin mal-proċess tar-ristutturar. L-ebda għajnuna ma għandha tmur biex tiffinanzja investiment ġdid li mhuwiex essenzjali biex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli. Il-Kummissjoni għandha tintwera li l-għajnuna se tintuża biss sabiex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli u li mhux se twassal biex dak li jibbenefika mill-għajnuna jkun jista’, waqt l-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar, jespandi l-kapaċità produttiva tiegħu, ħlief fejn dan ikun essenzjali biex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli u ma jfixkilx bla bżonn il-kompetizzjoni.

(133)

Huwa u jitħejja r-ristrutturar, tqiesu tliet għażliet strateġiċi, li kienu r-restawr bil-mod il-mod tal-bini l-antik f’Eltville, l-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid f’Eltville u l-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-għelieqi tal-għeneb ta’ Steinberg (ara l-premessi (24) sa (26)). Il-Kummissjoni tagħraf li l-unika għażla strateġika li kienet se tgħin lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen jagħmlu qligħ fit-tul kienet il-bini ta’ kantina ġdida tal-inbid fiż-żona fejn hemm l-imħażen tal-vinji ta’ Steinberg u t-trasferiment tal-amministrazzjoni ta’ dawn l-azjendi agrikoli u tal-ħanut tal-inbid tagħhom lejn il-monasteru ta’ Eberbach (ara l-premessa (26)). Skont it-tagħrif mibgħut, il-kantina l-ġdida tagħmilha possibbli għall-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen biex jipproduċu nbid aħmar ta’ kwalità għolja. B’hekk il-Kummissjoni tqis li t-tkabbir tal-kapaċità produttiva ppjanat fil-pjan tar-ristrutturar huwa essenzjali biex il-kumpanija terġa’ ssir vijabbli. Barra minn hekk, hija tqis li l-għajnuna hija limitata għall-minimu li hemm bżonn biex jitwettaq ir-ristrutturar. Meta twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 2003, il-kumpanija GmbH ingħatat l-ewwel injezzjoni tal-kapital, li kienet ta’ miljun Euro. Barra minn hekk, skont il-karta tal-bilanċ mibgħuta, hija kellha madwar EUR 538 000 fi flus. Madanakollu, skont il-pjan tan-negozju, il-kumpanija GmbH ma kien se jkollha l-ebda sitwazzjoni ta’ likwidità pożittiva qabel is-sena finanzjarja tal-2008/2009. L-allokazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet tal-likwidità matul l-ewwel snin tal-operat tal-kumpanija GmbH ġew stmati li kienu ħa jkunu b’kollox ta’ EUR 4,3 sa 7,7 miljuni iktar. B’hekk, wieħed jista’ jgħid li l-kumpanija, minkejja li ngħatat l-ewwel injezzjoni tal-kapital, ma kellhiex flus iktar milli biżżejjed li setgħet tużahom f’attivitajiet aggressivi u li jgħawġu l-andament tas-suq li mhumiex marbutin mal-proċess tar-ristutturar.

(134)

Il-kantina l-ġdida tal-inbid, li se tiswa b’kollox investiment ta’ madwar EUR 15-il miljun, se tiġi ffinanzjata parti minnha minn self min-naħa tal-azzjonisti ta’ EUR 7.5 miljun. Il-bqija tal-finanzjament għall-kantina l-ġdida se jiġi minn self minn bank kummerċjali (ara l-premessa (49)). Il-Kummissjoni tqis li dan is-self minn bank kummerċjali jista’ jitqies bħala kontribut importanti tal-kumpanija stess. B’hekk, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet mogħtija fil-paragrafi 40 u 41 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar kienu ssodisfati.

L-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-pjan tar-ristrutturar

(135)

Skont il-paragrafu 43 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, il-kumpanija trid timplimenta bis-sħiħ il-pjan tar-ristrutturar.

(136)

Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni kienet issodisfata. Skont it-tagħrif mibgħut, fl-ewwel sentejn tal-operat tagħha, il-bejgħ u l-qligħ tal-kumpanija GmbH kien ferm iktar milli mistenni. Wara li twaqqfet il-kumpanija GmbH u ngħatat l-ewwel injezzjoni tal-kapital, ir-reġjun ta biss injezzjoni oħra tal-kapital, ta’ EUR 1,225 miljun (ara l-premessa (33)). Il-kantina l-ġdida tal-inbid (li hi stmata li se tiswa b’kollox investiment ta’ EUR 15-il miljun) se tiġi ffinanzjata parti minnha minn self min-naħa tal-azzjonisti mogħti mir-reġjun b’rata tal-imgħax minima fissa u żgurata (ara l-premessi (40) sa (45)), u parti minnha minn self minn bank kummerċjali (ara l-premessa (49)). L-amministrazzjoni u l-ħanut tal-inbid għandhom jiġu ttrasferiti lejn il-kmamar fil-monasteru ta’ Eberbach.

Il-prinċipju tal-għajnuna ta’ darba biss (“darba biss, l-aħħar darba”)

(137)

Skont il-paragrafu 48 tal-linji gwida dwar ir-ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata biss darba kull għaxar snin (li għandhom jibdew minn meta jispiċċa l-perjodu tar-ristrutturar jew minn meta ma jkomplix jiġi implimentat il-pjan) sabiex ikun evitat li l-impriżi jabbużaw mill-għajnuna. Skont il-paragrafu 49 tal-istess linji gwida, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola mhi effettwata bl-ebda mod mit-tibdil fis-sidien ta’ kumpanija wara li din tkun ingħatat xi għajnuna.

(138)

Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ inżamm il-prinċipju tal-għajnuna ta’ darba biss minħabba li fl-aħħar għaxar snin l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen ma ngħataw l-ebda għajnuna sabiex jiġu salvati jew irristrutturati. Hekk kif spjegat fil-paragrafu (109), il-Kummissjoni ma sabitx li l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen kellhom jitqiesu bħala kumpanija f’diffikultà meta kien għadhom amministrati bħala parti mill-amministrazzjoni ġenerali u mbagħad bħala impriża tar-reġjun ta’ Hessen. Minflok, il-kopertura, minn żmien għall-ieħor, tad-defiċit li kien hemm bejn l-1995 u l-2002 kienet tikkostitwixxi biss għajnuna illegali għall-operat (ara l-premessa (111)).

(139)

B’hekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri tar-ristrutturar mittieħda mir-reġjun ta’ Hessen favur l-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun huma konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida tal-1999 tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u rristrutturati l-kumpaniji f’diffikultà, u b’hekk huma kompatibbli mas-suq komuni.

(140)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Ġermanja ma għarrfithiex dwar l-għajnuna skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, u li, minflok, hija implimentata kontra l-liġi.

VI.   KONKLUŻJONI

(141)

Il-Kummissjoni sabet li l-Ġermanja implimentat miżuri li jmorru kontra l-liġi biex tagħti għajnuna mill-Istat lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen fil-forma ta’ kopertura kontinwa tad-djun li kienu jammontaw għal EUR 541 859, bi ksur tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE. Minn din l-għajnuna bbenefikaw kemm l-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art” kif ukoll il-kumpanija GmbH. Minħabba l-fatti partikulari ta’ dan il-każ, wieħed jista’ jgħid li l-vantaġġ mogħti kien fi proporzjon mal-assi tal-operat li ttieħdu minn idejn dik li qabel kienet l-impriża tar-reġjun ta’ Hessen tal-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb f’dan ir-reġjun.

(142)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet ukoll li l-miżuri tar-ristrutturar mittieħda mir-reġjun ta’ Hessen favur il-kumpanija GmbH jikkostitwixxu għajnuna mill-istat li hija kompatibbli mat-Trattat tal-KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 541 859 li l-Ġermanja tat mill-1995 sal-2002 lill-azjendi agrikoli li jkabbru l-għeneb fir-reġjun ta’ Hessen, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

L-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja tat wara l-2002 lill-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH Kloster Eberbach fil-forma ta’ miżuri tar-ristrutturar, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, hija kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja se titlob lill-impriża msejħa “Betrieb gewerblicher Art” u lill-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH Kloster Eberbach jagħtuha lura l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1), f’ammont proporzjonat mal-għajnuna li ngħataw.

2.   L-ammonti li għandhom jingħataw lura għandhom jinkludu l-imgħax mid-data ta’ meta ngħatat l-għajnuna sa meta jitħallsu lura fil-verità.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (18).

Artikolu 3

1.   L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tintalab lura b’mod immedjat u effettiv.

2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tibgħat lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej:

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet) li kull benefiċjarju għandu jħallas lura;

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk li huma ppjanati sabiex tkun implimentata din id-Deċiżjoni;

dokumenti bil-miktub li juru li l-benefiċjarji ntalbu jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Ġermanja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tkun tħallset lura l-għajnuna kollha msemmija fl-Artikolu 1(1). Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Ġermanja għandha tibgħatilha minnufih it-tagħrif dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk li jkunu ppjanati sabiex tkun implimentata din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, hija għandha tibgħat ukoll tagħrif fid-dettall dwar l-ammonti tal-għajnuna u tal-imgħaxijiet li l-benefiċjarji jkunu diġà ħallsu lura.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Brussell, l-20 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 19, 27.1.2007, p. 2.

(2)  Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

(3)  L-“Earnings before interest, tax, depreciation and amortization” (id-dħul qabel ma jitnaqqsu l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament).

(4)  Fil-pjan tan-negozju li tressaq, sabiex tiġi kkalkulata l-likwidità, il-qligħ u t-telf nett fis-sena tranġa biss għad-deprezzament bħala nfiq li mhux fil-forma ta’ flus.

(5)  Dispożizzjoni li tgħid li l-bank jista’ jistaqsi għal (iktar) sigurtà fuq is-self jekk l-ishma tar-reġjun ta’ Hessen fil-kumpanija Hessische Staatsweingüter GmbH jonqsu għal inqas minn 51 %.

(6)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

(7)  Ara b’mod speċjali s-sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Lulju 1988 fil-Każ 102/87, Franza vs. il-Kummissjoni [1988], Ġabra I-4067.

(8)  Ġol-Komunità jsir ħafna negozju tal-inbid. Madwar 20 % tal-inbid prodott fl-UE-25 jiġi nnegozjat ġol-Komunità. Fl-2005, ġew innegozjati fil-Komunità madwar 37.1 miljun ettolitru (bħala dħul) u madwar 38.8 miljun ettolitru (bħala ħruġ) rispettivament (fl-UE-25). Fl-2004/2005, il-Ġermanja pproduċiet madwar 5,5 % tal-inbid kollu prodott fl-UE-25. (Ċifri maħruġin mill-Eurostat).

(9)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 (li issa saru l-Artikoli 87 u 88) tat-Trattat tal-KEE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għall-impriżi tas-settur pubbliku fil-qasam tal-manifattura [titlu mhux uffiċjali] (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 4).

(10)  [1987], il-Ġabra I-2599.

(11)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(12)  Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Każ T-11/95 (BP Chemicals Limited vs. Il-Kummissjoni Ewropea, [1998], il-Ġabra II-3235), il-fatt li impriża tas-settur pubbliku tkun diġà tat ishma tal-kapital bħala “għajnuna” lil impriża sussidjarja tagħha ma jeskludix il-possibbiltà, minn qabel, li wieħed wara jagħti ishma tal-kapital li jkunu jissodisfaw il-kriterju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq, dejjem jekk dawn l-ishma jkunu separati kif xieraq mill-ewwel ishma u jkunu jistgħu jtiqiesu bħala investiment indipendenti (ara l-premessa 170 tas-sentenza tal-Qorti). Fil-paragrafu 171 tal-istess sentenza, il-Qorti tinnota li l-kronoloġija tal-għotjiet tal-ishma tal-kapital, ir-raġuni għalihom, u l-qagħda tal-kumpanija sussidjarja fiż-żmien meta ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar kull waħda minn dawn l-għotjiet huma fost il-fatturi li jridu jitqiesu biex issir din it-tip ta’ analiżi.

(13)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(14)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(15)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(16)  L-“Earnings before interest, tax, depreciation and amortization” (id-dħul qabel ma jitnaqqsu l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament).

(17)  Ċifri maħruġin mill-Eurostat.

(18)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.