ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.133.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 133

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
31 ta' Mejju 2010

Werrej

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

REGOLAMENTI

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 453/2010 tal-20 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) ( 1 )

1

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.

II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

31.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 453/2010

tal-20 ta’ Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni b’mod partikulari l-Artikolu 131 tiegħu,

Billi:

(1)

L-iskedi tad-dejta ta’ sigurtà kienu metodu aċċettat sewwa u effettiv għall-forniment tal-informazzjoni dwar sustanzi u taħlitiet fil-Komunità u saru parti integrali tas-sistema tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(2)

Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji filwaqt li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kriterji armonizzati għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar u regoli għas-skedi tad-dejta ta’ sigurtà ġew żviluppati bir-reqqa tul perjodu ta’ ’l fuq minn 10 snin fl-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li rriżultaw fis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “il-GHS”).

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (2) jarmonizza d-dispożizzjonijiet u l-kriterji għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi, taħlitiet u ċerti oġġetti speċifiċi fil-Komunità, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ klassifikazzjoni u r-regoli tal-ittikkettar tal-GHS.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta’ sustanzi perikolużi (3) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/45/KE tat-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (4) ġew emendati bosta drabi. Id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE għandhom jiġu sostitwiti fuq perjodu ta’ tranżizzjoni skont liema sustanzi jridu jiġu kklassifikati, ittikkettati u mdaħħla f’imballaġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 mill-1 ta’ Diċembru 2010 u t-taħlitiet mill-1 ta’ Ġunju 2015, għalkemm mill-1 ta’ Diċmebru 2010 sal-1 ta’ Ġunju 2015 tinħtieġ il-klassifikazzjoni tas-sustanzi skont kemm id-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Iż-żewġ Direttivi għandhom jiġu kompletament revokati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2015.

(5)

Għalhekk l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat biex jiġi adattat għall-kriterji għall-klassifikazzjoni u dispożizzjonijiet oħra rilevanti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)

Ir-rekwiżiti għal skedi tad-dejta ta’ sigurtà stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandhom minbarra dan jiġu adattati biex jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli għall-iskedi tad-dejta ta’ sigurtà tal-GHS, biex jippermettu l-mekkaniżmu bi tliet elementi ta’ klassifikazzjoni, ittikkettar u skedi tad-dejta ta’ sigurtà biex iwettaq ir-rwol tiegħu permezz ta’ interazzjoni tal-partijiet komponenti tiegħu.

(7)

L-iskedi tad-dejta ta’ sigurtà emendati b’dan il-mod għandhom jissuktaw ikunu element importanti ta’ komunikazzjoni tal-periklu u jipprovdu mekkaniżmu għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa ta’ sigurtà fuq sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli, kif ukoll ċerti sustanzi u taħlitiet li ma jissodisfawx dawk il-kriterji, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni ta’ kull rapport ta’ sigurtà kimika, fid-direzzjoni ’l isfel tal-katina tal-forniment għall-utent downstream (utent professjonali għajr il-manifattur u l-importatur) li jmiss.

(8)

L-applikazzjoni tar-rekwiżit biex jiġu inklużi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għas-sustanzi u t-taħlitiet fl-iskedi tad-dejta tas-sigurtà, kif emendat permezz ta’ dan ir-Regolament, għandha ssegwi l-applikazzjoni b’mod alternanti tad-dispożizzjonijiet tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar għas-sustanzi u t-taħlitiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Għalhekk, minħabba li l-komunikazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-periklu għat-taħlitiet tiddependi fuq il-komunikazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-periklu għas-sustanzi, ir-rekwiżit biex jiġu inklużi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar skont ir-Regolament (KE) Nreu 1272/2008 għat-taħlitiet għandu jiġi applikat biss wara r-rekwiżit għall-inklużjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għas-sustanzi.

(9)

Il-fornituri ta’ taħlitiet li jagħżlu li jorbtu fuq il-possibilità li japplikaw, fuq bażi volontarja, kemm il-klassifikazzjoni kif ukoll l-ittikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 qabel l-1 ta’ Ġunju 2015 għandhom jipprovdu fl-iskeda rilevanti tad-dejta ta’ sigurtà l-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 flimkien mal-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 1999/45/KE.

(10)

L-iskedi tad-dejta tas-sigurtà għal sustanzi li jipprovdu l-informazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom, qabel l-1 ta’ Ġunju 2015, ikunu obbligati li jipprovdu informazzjoni tal-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 67/548/KEE kif ukoll, biex jippermettu lill-fornituri tat-taħlitiet li ma jkunux qed jorbtu fuq il-possibilità li japplikaw kemm il-klassifikazzjoni kif ukoll l-ittikkettar skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fi żmien iktar bikri, biex jikklassifikaw u jittikkettaw dawk it-taħlitiet b’mod korrett.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2010:

(a)

L-Anness II huwa mibdul bl-Anness I għal dan ir-Regolament;

(b)

fit-Taqsima 3.7 tal-Anness VI, fit-titolu, il-kliem“(ara l-Iskeda ta’ Data ta’ Sigurtà, intestatura 16)” jinbidlu bi “(ara t-Taqsima 1 tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà)”;

(2)

b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2015, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jinbidel bl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Sal-1 ta’ Diċembru 2010, il-fornituri ta’ sustanzi li japplikaw l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jistgħu japplikaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif emendat permezz tal-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sal-1 ta’ Diċembru 2010, il-fornituri tat-taħlitiet jistgħu japplikaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif emendat bil-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Sal-1 ta’ Ġunju 2015, il-fornituri ta’ taħlitiet li japplikaw l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jistgħu japplikaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif emendat permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Sal-1 ta’ Ġunju 2015, il-fornituri ta’ taħlitiet li japplikaw il-paragrafu 3 għandhom jipprovdu fis-Subtaqsima 3.2 tal-iskedi rilevanti ta’ dejta ta’ sigurtà l-klassifikazzjoni tas-sustanzi indikati f’dik is-subtaqsima skont id-Direttiva 67/548/KEE, inkluża indikazzjoni tal-periklu, ittra/ittri simbolika/simboliċi u frażijiet R, flimkien mal-klassifika li tinkludi d-dikjarazzjonijiet tal-periklu skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

5.   Sal-1 ta’ Ġunju 2015, il-fornituri ta’ taħlitiet li japplikaw il-paragrafu 3 għandhom jipprovdu fis-Subtaqsima 2.1 tal-iskedi rilevanti tad-dejta tas-sigurtà l-klassifikazzjoni tat-taħlita skont id-Direttiva 1999/45/KE flimkien mal-klassifika li tinkludi d-dikjarazzjonijiet tal-periklu skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Sal-1 ta’ Ġunju 2015, il-fornituri tat-taħlitiet li jissodisfaw l-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom, meta japplikaw il-paragrafu 3, jindikaw is-sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 67/548/KEE fis-Subtaqsima 3.2 tal-iskedi rilevanti ta’ dejta ta’ sigurtà jekk dawk is-sustanzi jkunu preżenti f’konċentrazzjonijiet li jsarrfu daqs jew aktar mill-iktar livell baxx elenkat fil-punt 3.2.1.(a) tal-Anness II għal dan ir-Regolament flimkien mas-sustanzi msemmija fil-punt 3.2.1. ta’ dak l-Anness.

Sal-1 ta’ Ġunju 2015, il-fornituri tat-taħlitiet li ma jissodisfawx il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom, meta japplikaw il-paragrafu 3, jindikaw is-sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 67/548/KEE fis-Subtaqsima 3.2 tal-iskedi rilevanti ta’ dejta ta’ sigurtà jekk dawk is-sustanzi jkunu preżenti f’konċentrazzjoni individwali li ssarraf daqs jew aktar minn 1 % bħala piż f’taħlitiet li mhumiex gassużi u 0,2 % bħala volum f’taħlitiet gassużi flimkien mas-sustanzi msemmija fil-punt 3.2.2 tal-Anness II għal dan ir-Regolament.

6.   Bla ħsara għall-Artikolu 31(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għal sustanzi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Diċembru 2010 u li mhumiex obbligati li jiġu tikkettati u ppakkjati mill-ġdid skont l-Artikolu 61(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà ma hemmx għalfejn tiġi sostitwita bi skeda tad-dejta tas-sigurtà li tikkonforma mal-Anness I għal dan ir-Regolament qabel l-1 ta’ Diċembru 2012.

Bla ħsara għall-Artikolu 31(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għal taħlitiet imqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Ġunju 2015 u li mhumiex obbligati li jiġu tikkettati u ppakkjati mill-ġdid skont l-Artikolu 61(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà ma hemmx għalfejn tiġi sostitwita bi skeda tad-dejta tas-sigurtà li tikkonforma mal-Anness I għal dan ir-Regolament qabel l-1 ta’ Ġunju 2017.

7.   Bla ħsara għall-Artikolu 31(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, skedi tad-dejta tas-sigurtà għal taħlitiet fornuti lil kwalunkwe destinatarju mill-inqas darba qabel l-1 ta’ Diċembru 2010 jistgħu jibqgħu jintużaw u ma hemm għalfejn jikkonformaw mal-Anness I għal dan ir-Regolament sat-30 ta’ Novembru 2012.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO

(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(4)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

ANNESS I

“ANNESS II

REKWIŻITI GĦAT-TFASSIL TA’ SKEDI TA’ DEJTA TA’ SIGURTÀ

PARTI A

0.1.   Id-Daħla

0.1.1.

Dan l-Anness jistipula r-rekwiżiti li l-fornitur għandu jilħaq għall-kumpilazzjoni ta’ skeda tad-dejta ta’ sigurtà li tingħata għal sustanza jew taħlita skont l-Artikolu 31.

0.1.2.

L-informazzjoni mogħtija fl-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni fir-rapport ta’ sigurtà kimika, meta jkun meħtieġ wieħed. Fil-każ li jitlesta rapport ta’ sigurtà kimika, ix-xenarju/xenarji rilevanti ta’ esponiment għandu/għandhom jitqiegħed/jitqiegħdu f’anness għall-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà.

0.2.   Rekwiżiti ġenerali għat-tfassil ta’ skeda ta’ dejta ta’ sigurtà

0.2.1.

L-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tippermetti lill-utenti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà umana fuq il-post tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ambjent. Il-kittieb tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà għandu jieħu inkunsiderazzjoni li skeda ta’ dejta ta’ sigurtà trid tinforma lill-udjenza tagħha dwar il-perikli ta’ sustanza jew taħlita u trid tagħti informazzjoni dwar il-ħażna, il-ġestjoni u r-rimi bla periklu tas-sustanza jew it-taħlita.

0.2.2.

L-informazzjoni mogħtija mill-iskedi tad-dejta ta’ sigurtà għandha wkoll tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE. B’mod partikolari, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tippermetti lil min iħaddem biex jiddetermina jekk ikunux preżenti aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u biex jistma kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema meta dawn jintużaw.

0.2.3.

L-informazzjoni fl-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tkun miktuba b’mod ċar u konċiż. L-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha titħejja minn persuna kompetenti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti u l-għarfien speċifiċi tal-utenti indirizzati, sa fejn dawn ikunu magħrufa. Il-fornituri ta’ sustanzi u taħlitiet għandhom jiżguraw li persuni kompetenti bħal dawn ikunu ħadu taħriġ xieraq, inkluż taħriġ ta’ aġġornament.

0.2.4.

Il-lingwaġġ użat fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun sempliċi, ċar u preċiż, jevita l-lingwaġġ speċjalizzat, l-akronimi u t-taqsiriet. Dikjarazzjonijiet bħal ‘jista’ jkun perikoluż’, ‘l-ebda effetti fuq is-saħħa’, ‘bla periklu fil-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet ta’ użu’ jew ‘bla periklu’ jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra li tindika li s-sustanza jew it-taħlita mhijiex perikoluża jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra li hija inkonsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ dik is-sustanza jew taħlita ma għandhomx jintużaw.

0.2.5.

Id-data ta’ kumpilazzjoni tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà għandha tingħata fl-ewwel paġna. Meta skeda tad-dejta tas-sigurtà tkun ġiet riveduta u l-verżjoni l-ġdida, riveduta tingħata lill-benefiċjarji, il-bidliet għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-benefiċjarju fit-Taqsima 16 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, sakemm ma jkunux ġew indikati band’oħra. F’dak il-każ, id-data tal-kumpilazzjoni identifikata bħala ‘Reviżjoni: (data)’ kif ukoll numru tal-verżjoni, numru ta’ reviżjoni, data ta’ sostituzzjoni jew indikazzjoni oħra ta’ liema verżjoni nbidlet għandhom jidhru fl-ewwel paġna.

0.3.   L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

0.3.1.

Skeda tad-dejta tas-sigurtà mhuwiex dokument ta’ tul fiss. It-tul tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun proporzjonat mal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni disponibbli.

0.3.2.

Il-paġni kollha ta’ skeda tad-dejta tas-sigurtà, inkluż kwalunkwe Anness, għandhom ikunu nnumerati u għandu jkollhom jew indikazzjoni tat-tul tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà (pereżempju ‘paġna 1 minn 3’) inkella indikazzjoni dwar jekk hemmx paġna wara (pereżempju ‘Ikompli fil-paġna li ġejja’ jew ‘Tmiem tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà’).

0.4.   Il-kontenut tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

L-informazzjoni mitluba minn dan l-Anness għandha tiġi inkluża fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, fejn applikabbli u disponibbli, fis-subtaqsimiet rilevanti stipulati fil-Parti B. L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà ma għandhiex ikollha subtaqsimiet vojta.

0.5.   Rekwiżiti oħra ta’ informazzjoni

L-inklużjoni ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti u disponibbli fis-subtaqsimiet rilevanti jistgħu jkunu meħtieġa f’uħud mill-każijiet fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ proprjetajiet ta’ sustanzi u taħlitiet.

0.6.   Unitajiet

Għandhom jintużaw l-unitajiet ta’ kejl kif stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE (1).

0.7.   Każijiet speċjali

L-iskedi tad-dejta tas-sigurtà għandhom ikunu mitluba wkoll għall-każijiet speċjali elenkati fil-paragrafu 1.3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li għalihom hemm derogi ta’ tikkettar.

1.    TAQSIMA 1: L-identifikazzjoni tas-sustanza/taħlita u tal-kumpanija/impriża

Din it-taqsima tippreskrivi l-mod kif għandha tiġi identifikata s-sustanza jew it-taħlita u l-mod kif l-użi rilevanti identifikati, l-isem tal-fornitur tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni tad-dettalji tal-kuntatt tal-fornitur tas-sustanza jew it-taħlita inkluż kuntatt ta’ emerġenza għandhom jingħataw fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

1.1.   Identifikatur tal-prodott

Fil-każ ta’ sustanza, l-identifikatur tal-prodott għandu jingħata skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u kif previst fit-tikketta fl-ilsien/ilsna uffiċjali tal-Istat(i) Membru/Membri fejn jitqiegħed fis-suq il-prodott, sakemm l-Istat(i) Membru/Membri kkonċernat(i) ma jipprevedix/jipprevedux mod ieħor.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, l-identifikatur tal-prodott għandu jkun konsistenti ma’ dak previst fir-reġistrazzjoni u n-numru ta’ reġistrazzjoni assenjat taħt l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi indikat ukoll.

Mingħajr ma taffettwa l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, il-parti tan-numru ta’ reġistrazzjoni li jirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta tista’ titħalla barra minn fornitur li huwa distributur jew utent downstream bil-kundizzjoni li:

(a)

dan il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar jew, jekk in-numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu skont il-punt (b); u

(b)

dan il-fornitur jipprovdi n-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (minn issa ‘l quddiem ‘l-awtorità tal-infurzar’) fi żmien sebat ijiem (7) malli jintalab, jew direttament mill-awtorità tal-infurzar inkella mid-destinatarju, jew jekk in-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lil fornitur tiegħu fi żmien sebat ijiem (7) minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma l-awtorità tal-infurzar b’dan.

Fil-każ ta’ taħlita, l-isem kummerċjali jew it-titolu għandu jingħata skont l-Artikolu 10(2.1) tad-Direttiva 1999/45/KE.

Skeda unika tad-dejta ta’ sigurtà tista’ tingħata biex tkopri aktar minn sustanza jew taħlita waħda meta l-informazzjoni f’dik l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-anness għal kull waħda minn dawk is-sustanzi jew taħlitiet.

Mezzi oħra ta’ identifikazzjoni

Ismijiet jew sinonimi oħra li bihom hija tikkettata s-sustanza jew it-taħlita jew li bihom hija spiss magħrufa, bħalma huma ismijiet alternattivi, numri, kodiċi ta’ prodotti tal-kumpanija, jew identifikaturi uniċi oħra jistgħu jingħataw.

1.2.   Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew it-taħlita u użi mhux rakkomandati

Mill-inqas l-użi rilevanti identifikati għad-destinatarju/destinatarji tas-sustanza jew it-taħlita għandhom jiġu indikati. Huma għandhom ikunu deskrizzjoni qasira ta’ għal xiex is-sustanza jew it-taħlita hija maħsuba li tagħmel, bħal pereżempju ‘twaqqaf it-tixrid tan-nar’, ‘anti-ossidant’.

L-użi li l-fornitur iwissi kontrihom u għaliex għandhom, fejn applikabbli, jiġu ddikjarati. Din ma hemmx għalfejn tkun lista eżawrjenti.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din is-subtaqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

1.3.   Dettalji tal-fornitur tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

Il-fornitur, kemm jekk huwa manifattur, importatur, l-unika rappreżentant, utent downstream jew distributur, għandu jiġi identifikat. L-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown tal-fornitur għandhom jingħataw ukoll kif ukoll indirizz elettroniku għal persuna kompetenti responsabbli mill-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Barra minn hekk, jekk il-fornitur ma jinsabx fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq u huwa nnomina persuna responsabbli għal dak l-Istat Membru, għandhom jingħataw indirizz sħiħ u numru tat-telefown għal dik il-persuna responsabbli.

Għar-reġistranti, l-informazzjoni għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur jew l-importatur mogħtija fir-reġistrazzjoni.

Fejn inħatar rappreżentant uniku, id-dettalji tal-manifattur jew tal-formulatur mhux Komunitarju jistgħu jingħataw ukoll.

1.4.   In-numru tat-telefown ta’ emerġenza

Għandhom jingħataw referenzi għas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ emerġenza. Jekk jeżisti korp konsultattiv fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita tqiegħdet fis-suq (dan jista’ jkun korp responsabbli li jirċievi informazzjoni relatata mas-saħħa msemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 1999/45/KE), għandu jingħata n-numru tat-telefown tiegħu u dan għandu jkun biżżejjed. Jekk id-disponibilità ta’ servizzi bħal dawn tkun limitata għal kwalunkwe restrizzjoni, pereżempju sigħat ta’ operat, jew jekk hemm limiti fuq tipi speċifiċi ta’ informazzjoni mogħtija, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

2.    TAQSIMA 2: L-identifikazzjoni tal-perikli

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà tiddeskrivi l-perikli tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni xierqa ta’ twissija assoċjata ma’ dawk il-perikli.

2.1.   Il-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita

Fil-każ ta’ sustanza, għandha tingħata l-klassifikazzjoni li toriġina mill-applikazzjoni tar-regoli tal-klassifikazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fejn il-fornitur ikun innotifika informazzjoni fir-rigward ras-sustanza għall-inventarju tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-klassifikazzjoni mogħtija fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun l-istess bħall-klassifikazzjoni mogħtija f’dik in-notifika.

Il-klassifikazzjoni tas-sustanza skont id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE għandha tingħata wkoll.

Fil-każ ta’ taħlita, għandha tingħata l-klassifikazzjoni li toriġina mill-applikazzjoni tar-regoli tal-klassifikazzjoni fid-Direttiva 1999/45/KE. Jekk it-taħlita ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 1999/45/KE, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar. L-informazzjoni dwar is-sustanzi fit-taħlita tingħata skont is-Subtaqsima 3.2.

Jekk il-klassifikazzjoni, inkluż id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet R, ma nkitbitx b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16 fejn it-test sħiħ ta’ kull klassifikazzjoni, inkluża kull dikjarazzjoni tal-periklu u frażi R.

L-iktar effetti importanti ħżiena ta’ fiżjokimika, ta’ saħħa umana u ta’ ambjent għandhom jiġu elenkati skont it-Taqsimiet minn 9 sa 12 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, b’tali mod li jippermettu persuni bla għarfien espert fil-qasam jidentifikaw il-perikli tas-sustanza jew it-taħlita.

2.2.   L-elementi tat-tikketta

Fil-każ ta’ sustanza, abbażi tal-klassifikazzjoni, għandhom jingħataw mill-inqas l-elementi tat-tikketta li ġejjin li jidhru fuq it-tikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008: stampa/stampi ta’ periklu, kliem ta’ sinjal, dikjarazzjoni(jiet) ta’ periklu u dikjarazzjoni(jiet) ta’ prekawzjoni. Riproduzzjoni grafika tal-istampa sħiħa tal-periklu bl-abjad u l-isewd jew riproduzzjoni grafika tas-simbolu biss jistgħu jiġu sostitwiti għall-istampa bil-kulur prevista fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Fil-każ ta’ taħlita, abbażi tal-klassifikazzjoni, għandha tingħata/għandhom jingħataw mill-inqas is-simbolu/simboli xieraq/xierqa, l-indikazzjoni(jiet) ta’ periklu, il-frażi(jiet) ta’ periklu u l-parir tas-sigurtà li jidhru fuq it-tikketta skont id-Direttiva 1999/45/KE. Is-simbolu jista’ jingħata bħala riproduzzjoni grafika tas-simbolu bl-abjad u l-iswed.

Għandhom jingħataw l-elementi applikabbli tat-tikketta skont l-Artikolu 25 u l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, fil-każ ta’ sustanza, jew it-Taqsimiet A u B tal-Anness V għad-Direttiva 1999/45/KE, fil-każ ta’ taħlita.

2.3.   Il-perikli l-oħra

Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk is-sustanza jew it-taħlita tissodisfax il-kriterji għal PBT jew vPvB skont l-Anness XIII.

Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli oħra li ma jirriżultawx fil-klassifikazzjoni iżda li jistgħu jikkontribwixxu għall-perikli globali tas-sustanza jew it-taħlita, bħalma huma l-formazzjoni ta’ elementi li jniġġsu l-arja waqt it-twebbis jew l-ipproċessar, il-ħolqien ta’ ħafna trab, perikli ta’ splużjoni tat-trab, trans-sensitizzazzjoni, soffokazzjoni, iffriżar, qawwa kbira għax-xamm jew it-togħma, jew effetti ambjentali bħal perikli għall-organizmi li jgħixu fil-ħamrija, jew il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku.

3.    TAQSIMA 3: Il-kompożizzjoni/l-informazzjoni dwar l-ingredjenti

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-identità kimika tal-ingredjent(i) tas-sustanza jew it-taħlita, inklużi l-impuritajiet u l-addittivi ta’ stabilità kif stipulat hawn taħt. Għandha tiġi indikata informazzjoni xierqa u disponibbli tas-sigurtà dwar il-kimika tas-superfiċje.

3.1.   Is-Sustanzi

L-identità kimika tal-kostitwent ewlieni tas-sustanza għandha tingħata billi jingħata mill-inqas identifikatur tal-prodott jew wieħed mill-mezzi l-oħra ta’ identifikazzjoni mogħtija fis-Subtaqsima 1.1.

L-identità kimika ta’ kwalunkwe impurità, addittiv ta’ stabbilizzazzjoni jew kostitwent individwali ieħor minbarra l-kostitwent ewlieni, li hija min-naħa tagħha klassifikata u li tikkontribwixxi għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi għandha tingħata kif ġej:

(a)

l-identifikatur tal-prodott skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(b)

jekk l-identifikatur tal-prodott mhuwiex disponibbli, wieħed mill-ismijiet l-oħra (l-isem tas-soltu, l-isem kummerċjali, it-taqsira) jew numri ta’ identifikazzjoni.

Fornituri ta’ sustanzi jistgħu jagħżlu li jelenkaw flimkien ma’ dan il-kostitwenti kollha inklużi dawk mhux klassifikati.

Is-subtaqsima tista’ tintuża wkoll biex tagħti informazzjoni dwar sustanzi multi-kostitwenti.

3.2.   It-taħlitiet

Għandhom jingħataw l-identifikatur tal-prodott meta disponibbli, konċentrazzjoni jew meded ta’ konċentrazzjoni mill-inqas tas-sustanzi kollha msemmija fil-punti 3.2.1 jew 3.2.2. Il-fornituri tat-taħlitiet jistgħu jagħżlu li minbarra hekk jelenkaw is-sustanzi kollha fit-taħlita, inklużi s-sustanzi li ma jikkonformawx mal-kriterji għall-klassifikazzjoni. L-informazzjoni għandha tippermetti lid-destinatarju jidentifika mill-ewwel il-perikli tas-sustanzi fit-taħlita. Il-perikli tat-taħlita nnifisha għandhom jingħataw fit-Taqsima 2.

Il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi f’taħlita għandhom jiġu deskritti b’mod wieħed minn dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

perċentwali eżatta f’ordni tal-ikbar l-ewwel mil-lat ta’ massa jew volum, jekk teknikament possibbli;

(b)

firxiet ta’ perċentwali f’ordni tal-ikbar l-ewwel mil-lat ta’ massa jew volum, jekk teknikament possibbli.

Meta tintuża firxa ta’ perċentwali, il-perikli għas-saħħa u l-ambjent għandhom jiddeskrivu l-effetti tal-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kull ingredjent.

Jekk l-effetti tat-taħlita bħala entità sħiħa huma disponibbli, din l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fit-Taqsima 2.

Meta l-użu ta’ isem kimiku alternattiv ġie permess skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li l-isem jista’ jintuża.

3.2.1.

Għal taħlita li tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 1999/45/KE, is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew mal-medda ta’ konċentrazzjoni tagħhom fit-taħlita:

(a)

sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 67/548/KEE u sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni li tikkonforma mal-kriterji tal-klassifikazzjoni ta’ dak ir-Regolament tkun saret disponibbli għall-fornitur tat-taħlita, jekk dawk is-sustanzi jkunu preżenti fil-konċentrazzjonijiet li jsarrfu daqs jew aktar mill-iktar baxx minn kawlunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-konċentrazzjonijiet applikabbli definiti fit-tabella tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/45/KE;

(ii)

il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(iii)

jekk ingħata fattur M (fattur multiplikanti) fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ġeneriku ta’ limitu fit-Tabella 1.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stipulat fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament;

(iv)

il-limiti ta’ konċentrazzjoni mogħtija fil-Parti B tal-Anness II għad-Direttiva 1999/45/KE;

(v)

il-limiti ta’ konċentrazzjoni mogħtija fil-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 1999/45/KE;

(vi)

il-limiti ta’ konċentrazzjoni mogħtija fl-Anness V tad-Direttiva 1999/45/KE;

(vii)

il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni mogħtija lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(viii)

jekk ingħata fattur M lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ġeneriku ta’ limitu fit-Tabella 1.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stipulat fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament.

(b)

sustanzi li għalihom ikun hemm limiti Komunitarji ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, li ma jkunux diġà inklużi taħt il-punt (a);

(ċ)

sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII, jew sustanzi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1), għal raġunijiet għajr il-perikli msemmija fil-punt (a), jekk il-konċentrazzjoni ta’ sustanza individwali tkun daqs jew aktar 0,1 %.

3.2.2.

Għal taħlita li ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 1999/45/KE, għandhom jiġu indikati s-sustanzi preżenti f’konċentrazzjoni individwali li ssarraf daqs jew iktar mill-konċentrazzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-konċentrazzjoni tagħhom jew mal-medda ta’ konċentrazzjoni tagħhom:

(a)

1 % mil-lat ta’ piż f’taħlitiet mhux gassużi u 0,2 % mil-lat ta’ volum f’taħlitiet gassużi għal

(i)

sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 67/548/KEE u sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew l-ambjent fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni li tikkonforma mal-kriterji tal-klassifikazzjoni ta’ dak ir-Regolament tkun saret disponibbli għall-fornitur tat-taħlita; jew

(ii)

sustanzi li għalihom hemm limiti Komunitarji ta’ esponiment fuq il-post tax-xogħol;

(b)

0,1 % mil-lat ta’ piż għal sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII, persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XII, jew inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) għal raġunijiet oħra minbarra l-perikli msemmija fil-punt (a).

3.2.3.

Għas-sustanzi indikati fis-Subtaqsima 3.2, għandha tingħata l-klassifikazzjoni tas-sustanza skont id-Direttiva 67/548/KEE, inkluża l-indikazzjoni tal-periklu, l-ittra/ittri simbolika/simboliċi u l-frażijiet R. Il-klassifikazzjoni tas-sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, inklużi l-klassi(jiet) perikoluża/perikolużi u l-kodiċi tal-kategorija kif mogħtija fit-Tabella 1.1 tal-Anness VI għal dak ir-Regolament kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-periklu li jitqassmu skont il-perikli tagħhom fiżiċi, dawk tas-saħħa umana u dawk ambjentali, għandhom jingħataw ukoll, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni li tikkonforma mal-kriterji tal-klassifikazzjoni ta’ dak ir-Regolament tkun saret disponibbli għall-fornitur tat-taħlita. Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u l-frażijiet R ma hemmx għalfejn ikunu miktuba b’mod sħiħ f’din it-taqsima; il-kodiċi tagħhom għandha tkun biżżejjed. F’każijiet fejn ma jinkitbux b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16, fejn it-test sħiħ ta’ kull dikjarazzjoni rilevanti ta’ periklu u frażi R għandu jkun elenkat. Jekk is-sustanza ma tissodisfax il-kriterji ta’ klassifikazzjoni, għandha tingħata deskrizzjoni tar-raġuni tal-indikazzjoni tas-sustanza fis-Subtaqsima 3.2, pereżempju ‘sustanza vPvB mhux klassifikata’ jew ‘sustanza b’limitu Komunitarju ta’ espożizzjoni għal fuq il-post tax-xogħol’.

3.2.4.

Għas-sustanzi indikati fis-Subtaqsima 3.2 l-isem u, jekk ikun disponibbli, għandu jingħata n-numru ta’ reġistrazzjoni, kif assenjat skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament.

Bla ma taffetwa l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, il-parti tan-numru ta’ reġistrazzjoni li tirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta tista’ titħalla barra mill-fornitur tat-taħlita bil-kundizzjoni li:

(a)

dak il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti n-numru sħiħ malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar, jew, jekk in-numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu, skont il-punt (b), u

(b)

dan il-fornitur jipprovdi n-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (minn issa ‘l quddiem ‘l-awtorità tal-infurzar’) fi żmien sebat ijiem (7) malli jintalab, jew direttament mill-awtorità tal-infurzar inkella mid-destinatarju, jew jekk in-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lil fornitur tiegħu fi żmien sebat ijiem (7) minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma l-awtorità tal-infurzar b’dan.

In-numru tal-KE, jekk disponibbli, għandu jingħata skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. In-numru CAS, jekk disponibbli, u l-isem IUPAC, jekk disponibbli, jistgħu jingħataw ukoll.

Għas-sustanzi indikati f’din is-subtaqsima permezz ta’ isem kimiku alternattiv skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, in-numru ta’ reġistrazzjoni, in-numru KE u identifikaturi kimiċi preċiżi oħra mhumiex meħtieġa.

4.    TAQSIMA 4: Il-miżuri tal-ewwel għajnuna

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-ewwel kura b’tali mod li tista’ tinftiehem u tista’ tingħata minn persuna mhux imħarrġa mingħajr l-użu ta’ tagħmir sofistikat u mingħajr id-disponibilità ta’ għażla wiesgħa ta’ medikamenti. Jekk ikun hemm il-bżonn ta’ attenzjoni medika, l-istruzzjonijiet għandhom jiddikjaraw dan, inkluża l-urġenza tagħha.

4.1.   Id-deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.1.1.

L-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna għandhom jingħataw permezz tar-rotot rilevanti ta’ esponiment. Għandhom jintużaw subdiviżjonijiet biex jindikaw il-proċedura għal kull rotta, pereżempju permezz tan-nifs meħud ‘il ġewwa, il-ġilda l-għajnejn jew ġrigħ.

4.1.2.

Għandu jingħata parir dwar jekk:

(a)

ikunx hemm bżonn ta’ attenzjoni medika immedjata u jekk wieħed jistax jistenna effetti rritardjati wara l-esponiment;

(b)

huwiex rakkomandat il-moviment tal-individwu espost miż-żona għall-arja friska;

(ċ)

huwiex rakkomandat it-tneħħija u t-trattament tal-ilbies u ż-żraben mill-individwu; u

(d)

huwiex rakkomandat tagħmir personali protettiv għall-persuni li qed jagħtu l-ewwel għajnuna.

4.2.   L-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati

Għandha tingħata informazzjoni fil-qosor dwar l-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati, mill-esponiment.

4.3.   L-indikazzjoni ta’ kwalunkwe attenzjoni medika immedjata u t-trattament speċjali meħtieġa

Fejn xieraq, għandha tingħata informazzjoni dwar l-ittestjar kliniku u s-sorveljanza medika għal effetti rritardjati, dettalji speċifiċi dwar antidoti (meta magħrufa) u kontra-indikazzjonijiet.

Għal xi sustanzi jew taħlitiet, jista’ jkun importanti li jiġi enfasizzat li għandhom ikunu disponibbli fuq il-post tax-xogħol mezzi speċjali biex jingħata trattament speċifiku u immedjat.

5.    TAQSIMA 5: Il-miżuri għat-tifi tan-nar

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti għat-tifi tan-nar ikkawżat mis-sustanza jew it-taħlita, jew li jseħħ fl-akkwati tagħha.

5.1.   Mezzi għat-tifi tan-nar

Il-mezzi adattati għat-tifi tan-nar:

Għandha tingħata informazzjoni dwar il-mezzi adattati għat-tifi tan-nar.

Il-mezzi mhux adattati għat-tifi tan-nar:

Għandhom jingħataw indikazzjonijiet jekk hemm xi mezzi tat-tifi tan-nar li mhumiex adattati għal sitwazzjoni partikolari li tinvolvi s-sustanza jew it-taħlita.

5.2.   Il-perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew it-taħlita

Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli li jistgħu joriġinaw minn sustanza jew taħlita, bħal prodotti perikolużi ta’ kombustjoni li jiffurmaw meta s-sustanza jew it-taħlita tinħaraq, pereżempju ‘tista’ tipproduċi dħaħen tossiċi ta’ monossidu tal-karbonju jekk tinħaraq’ jew ‘tipproduċi ossidi tas-sulfur u n-nitroġenu waqt kombustjoni’.

5.3.   Parir lil min jiġġieled in-nar

Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe azzjoni protettiva li trid tittieħed waqt it-tif tan-nar, pereżemju ‘żomm il-kontenituri friski bi sprej tal-ilma’, u dwar tagħmir protettiv speċjali, bħalma huma stvali, owverol, ingwanti, protezzjoni tal-għajnejn u l-wiċċ u apparat biex tieħu n-nifs.

6.    TAQSIMA 6: Il-miżuri għar-rilaxx aċċidentali

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tirakkomanda r-reazzjoni adattata għal tixrid, nixxijat jew rilaxxi, biex jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ta’ ħsara fuq persuni, proprjetà u l-ambjent. Hija għandha tiddistingwi bejn reazzjonijiet għal tixrid kbir u żgħir, fil-każ fejn il-volum tat-tixrid iħalli impatt sinifikanti fuq il-periklu. Jekk il-proċeduri għat-trażżin u l-irkupru jindikaw li tinħtieġ prassi differenti, dawn għandhom jiġu indikati fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

6.1.   Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza

6.1.1.   Għal persunal li mhuwiex persunal ta’ emerġenza

Għandu jingħata parir relatat mat-tixrid u r-rilaxx aċċidentali tas-sustanza jew it-taħlita bħalma huma:

(a)

l-ilbies ta’ tagħmir protettiv adattat (inkluż tagħmir protettiv personali msemmi fit-Taqsima 8 tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà) biex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ġilda, l-għajnejn u l-ilbies personali;

(b)

it-tneħħija ta’ sorsi ta’ qbid tan-nar, provvista ta’ ventilazzjoni biżżejjed, kontroll tat-trab; u

(ċ)

proċeduri ta’ emerġenza bħalma hija l-ħtirġa li tevakwa ż-żona ta’ periklu jew li tikkonsulta espert.

6.1.2.   Għal min jintervjeni f’emerġenza

Għandu jingħata parir relatat ma’ tessut adattat għal ilbies protettiv personali (pereżempju ‘adattat: Butylene’; ‘mhux adattat: PVC’).

6.2.   Il-prekawzjonijiet ambjentali

Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe prekawzjoni ambjentali li għandha tittieħed relatata mat-tixrid u r-rilaxx aċċidentali tas-sustannza jew it-taħlita, bħal pereżempju li żżom ‘il bogħod minn katusi, ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ.

6.3.   Il-metodi u l-materjal għat-trażżin u t-tindif

6.3.1.

Għandu jingħata parir adattat dwar kif jitrażżan it-tixrid. Teknini adattati ta’ trażżin jistgħu jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

bunding, jitgħattew il-katusi;

(b)

proċeduri ta’ limitazzjoni (capping).

6.3.2.

Għandu jingħata parir adattat dwar kif jitnaddaf it-tixrid. Teknini adattati ta’ tindif jistgħu jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

tekniki ta’ newtralizzazzjoni;

(b)

tekniki ta’ dekontaminazzjoni;

(ċ)

materjali ta’ adsorbiment;

(d)

tekniki ta’ tindif;

(e)

tekniki ta’ vvakumjar;

(f)

tagħmir mitlub għat-trażżin/tindif (inkluż l-użu ta’ għodod u tagħmir li ma jisparkjawx fejn applikabbli).

6.3.3.

Għandha tingħata kwalunkwe informazzjoni oħra relatata ma’ tixrid u rilaxxi, inkluż parir dwar trażżin jew tekniki ta’ tindif mhux adattati, pereżempju permezz ta’ indikazzjonijiet bħal ‘qatt tuża …’.

6.4.   Ir-referenza għal taqsimiet oħra

Jekk adattat għandha ssir referenza għat-Taqsimiet 8 u 13.

7.    TAQSIMA 7: Il-ġestjoni u l-ħażna

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tipprovdi parir dwar prassi ta’ ġestjoni bla periklu. Hija għandha tenfasizza prekawzjonijiet li huma adattati għall-użu identifikati msemmija fis-Subtaqsima 1.2 u għall-proprjetajiet uniċi tas-sustanza jew it-taħlita.

L-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tirrelata mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, mas-sigurtà u l-ambjent. Hija għandha tgħin lil min iħaddem biex ifassal proċeduri ta’ xogħol u ta’ miżuri organizzativi adegwati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/24/KE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informqazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Barra mill-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima, tista’ tinstab informazzjoni relevanti fit-Taqsima 8.

7.1.   Il-prekawzjonijiet għal ġestjoni bla periklu

7.1.1.

Ir-rakkomandazzjonijiet għandhon jiġu speċifikati biex:

(a)

jippermettu l-ġestjoni bla periklu tas-sustanza jew it-taħlita, bħal trażżin u miżuri li jipprevjenu n-nar kif ukoll il-ġenerazzjoni ta’ aerosol u trab;

(b)

jipprevjenu l-ġestjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet inkompatibbli; u

(ċ)

inaqqsu r-rilaxx tas-sustanza jew it-taħlita lill-ambjent, bħal pereżempju jevitaw it-tixrid jew jinżammu ‘l bogħod mill-katusi.

7.1.2.

Għandu jingħata parir dwar iġjene ġenerali fuq il-lant tax-xogħol, pereżempju:

(a)

biex persuni ma jieklux, ma jixorbux u ma jpejpux f’żoni tax-xogħol;

(b)

biex persuni jaħslu jdejhom wara l-użu; u

(ċ)

biex persuni jneħħu l-ilbies u t-tagħmir protettiv kontaminat qabel jidħlu fiż-żoni għall-ikel.

7.2.   Il-kundizzjonijiet għal ħażna bla periklu, inkluża kwalunkwe inkompatibilità

Il-parir mogħti għandu jkun konsistenti mal-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi deskritti fit-Taqsima 9 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà. Jekk rilevanti, għandu jingħata parir dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ ħażna inkluż:

(a)

Kif tittratta riskji assoċjati ma’

(i)

atmosferi splussivi;

(ii)

kundizzjonijiet korrużivi

(iii)

perikli ta’ oġġetti suxxettibli li jieħdu n-nar;

(iv)

sustanzi jew taħlitiet inkompatibbli;

(v)

kundizzjonijiet evaporattivi; u

(vi)

sorsi potenzjali ta’ qbid tan-nar (inkluż tagħmir elettriku).

(b)

Kif għandhom jiġu kkontrollati l-effetti ta’:

(i)

il-kundizzjonijiet tat-temp;

(ii)

il-pressjoni ambjentali;

(iii)

it-temperatura;

(iv)

id-dawl tax-xemx;

(v)

l-umdità; u

(vi)

l-vibrazzjoni.

(ċ)

Il-modi kif għandha tiġi ppreservata l-integrità tas-sustanza jew it-taħlita bl-użu ta’:

(i)

stabbilizzaturi; u

(ii)

anti-ossidanti.

(d)

Pariri oħra inklużi:

(i)

rekwiżiti ta’ ventilazzjoni;

(ii)

tfassil speċifiku għall-kmamar jew kontenituri ta’ ħażna (inklużi ħitan ta’ reazzjoni u ventilazzjoni);

(iii)

limiti tal-kwantità f’kundizzjonijiet ta’ ħażna (jekk rilevanti); u

(iv)

kompatibilitajiet ta’ ppakkjar.

7.3.   L-użu/użi finali speċifiku/speċifiċi

Għal sustanzai u taħlitiet imfassla għal użu/użi finali speċifiku/speċifiċi, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirrelataw mal-użu jew l-użi identifikati msemmija fis-Subtaqsima 1.2 u jkunu dettaljati u operattivi. Jekk hemm marbut xenarju ta’ esponiment, trid issir referenza għalih jew trid tingħata l-informazzjoni kif mitlub fis-Subtaqsimiet 7.1 u 7.2. Jekk operatur fil-katina tal-forniment wettaq valutazzjoni tas-sigurtà kimika għat-taħlita, huwa biżżejjed li l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà u x-xenarji tal-esponiment ikunu konsistenti mar-rapport tas-sigurtà kimika għat-taħlita milli mar-rapporti tas-sigurtà kimika għal kull sustanza fit-taħlita. Jekk teżisti gwida speċifika għall-industrija jew is-settur, tista’ ssir referenza dettaljata għaliha (inklużi s-sors u d-data ta’ ħruġ).

8.    TAQSIMA 8: Il-kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-limiti applikabbli ta’ esponiment waqt ix-xogħol.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informqazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

8.1.   Parametri ta’ kontroll

8.1.1.

Meta disponibbli, għandhom jiġu elenkati għas-sustanza jew għal kull waħda mis-sustanzi fit-taħlita, il-valuri nazzjonali ta’ limitu li ġejjin, inkluża l-bażi legali ta’ kull wieħed minnhom, li bħalissa huma applikabbli fl-Istat Membru li fih qed tingħata l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà. Meta jkunu qed jiġu elenkati l-valuri ta’ limitu ta’ esponiment, għandha tintuża l-identità kimika kif speifikata fit-Taqsima 3.

8.1.1.1.

il-valuri nazzjonali ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/320/KE (2);

8.1.1.2.

il-valuri nazzjonali ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu skont id-Direttiva 2004/37/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 95/320/KE;

8.1.1.3.

kwalunkwe valur nazzjonali ieħor ta’ limitu ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol;

8.1.1.4.

il-valuri nazzjonali tal-limitu bijoloġiku li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu bijoloġiku skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 95/320/KE;

8.1.1.5.

kwalunkwe valur nazzjonali ieħor ta’ limitu bijoloġiku.

8.1.2.

Għandha tingħata informazzjoni dwar proċeduri rakkomandati bħalissa ta’ monitoraġġ għall-inqas għas-sustanzi l-iktar rilevanti.

8.1.3.

Jekk jiffurmaw kontaminanti tal-arja meta tintuża kif suppost is-sustanza jew it-taħlita, valuri applikabbli ta’ limitu ta’ esponiment waqt xogħol u/jew valuri bijoloġiċi ta’ limitu għal dawn għandhom jiġu elenkati wkoll.

8.1.4.

Meta jintalab rapport tas-sigurtà kimika, jew ikun diponibbli DNEL kif imsemmi fit-Taqsima 1.4 tal-Anness I inkella PNEC kif imsemmi fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I, għandhom jingħataw id-DNELs u l-PNECs rilevanti għas-sustanza għax-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

8.1.5.

Meta tintuża strateġija ta’ kontrolli raggruppati biex issir deċiżjoni dwar miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju fir-rigwrad ta’ użi speċifiċi, għandu jingħata biżżejjed dettall biex jippermetti l-ġestjoni effettiva tar-riskju. Il-kuntest u l-limitazzjonijiet tar-rakkomandazzjoni speċifika ta’ kontrolli raggruppati għandhom ikunu ċari.

8.2.   Il-kontrolli ta’ esponiment

Għandha tingħata l-informazzjoni mitluba fis-subtaqsima attwali, sakemm ma jkunx hemm xenarju ta’ esponiment li fih dik l-informazzjoni mehmuż mal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Meta l-fornitur ma jkunx applika test skont it-Taqsima 3 tal-Anness XI, huwa għandu jindika l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu li ntrabat fuqhom biex jiġġustifika li jwarrab it-test.

Meta sustanza tkun ġiet irreġistrata bħala sustanza intermedja iżolata (fuq il-post jew trasportata), il-fornitur għandu jindika li din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija konsistenti mal-kundizzjonijiet speċifiċi li tqiesu attendibbli għall-ġustifikazzjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikoli 17 jew 18.

8.2.1.   Il-kontrolli xierqa ta’ inġinerija

Id-deskrizzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ kontroll ta’ esponiment għandha tirrelata mal-użu/użi identifikat(i) tas-sustanza jew it-taħlita kif imsemmi fis-Subtaqsima 1.2. Din l-informazzjoni għandha tkun biżżejjed biex tippermetti lil min iħaddem li jwettaq valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema li joriġina mill-preżenza tas-sustanza jew it-taħlita skont l-Artikoli minn 4 sa 6 tad-Direttiva 98/24/KE kif ukoll skont l-Artikoli minn 3 sa 5 tad-Direttiva 2004/37/KE, fejn xieraq.

Din l-informazzjoni għandha tikkomplementa dik mogħtija diġà taħt it-Taqsima 7.

8.2.2.   Il-miżuri individwali ta’ protezzjoni, bħalma huwa tagħmir personali protettiv

8.2.2.1.

L-informazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir personali protettiv għandha tkun konsistenti ma’ prassi tajba ta’ iġjene waqt xogħol u flimkien ma’ miżuri oħra ta’ kontroll, inklużi kontrolli ta’ inġinerija, ventilazzjoni u iżolazzjoni. Meta xieraq, għandha ssir referenza għat-Taqsima 5 għal parir speċifiku tat-tagħmir protettiv dwar nar/kimika.

8.2.2.2.

Filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (3) u b’referenza għall-istandards CEN xierqa, għandhom jingħataw speċifikazzjonijiet dettaljati dwar liema tagħmir għandu jipprovdi protezzjoni adegwata u xierqa, inklużi:

(a)

Protezzjoni tal-għajn/il-wiċċ

It-tip ta’ tagħmir ta’ protezzjoni tal-għajn/il-wiċċ obbligat għandu jiġi speċifikat abbażi tal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzja ta’ kuntatt, bħalma huma nuċċalijiet tas-sigurtà, goggles tas-sigurtà, maskra ta’ protezzjoni tal-wiċċ.

(b)

Il-protezzjoni tal-ġilda

(i)

Il-protezzjoni tal-id

It-tip ta’ ngwanti li għandhom jintlibsu meta tkun qed tinżamm sustanza jew taħlita għandu jiġi speċifikat b’mod ċar abbażi tal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt u fir-rigward tal-ammont u t-tul ta’ żmien tal-esponiment tal-ġilda, inklużi:

it-tip tal-materjal u l-ħxuna tiegħu,

ir-reżistenza tipika jew minima tal-materjal tal-ingwanti.

Jekk meħtieġ għandha tiġi indikata kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni għall-id.

(ii)

Oħrajn

Jekk ikun meħtieġ li tiġi protetta parti tal-ġisem apparti l-idejn it-tip u l-kwalità tat-tagħmir obbligat tal-protezzjoni għandhom jiġu speċifikati, bħalma huma ngwanti twali, stvali, bodysuit abbażi tal-perikli assoċjati mas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt.

Jekk neċessarju, għandha tiġi indikata kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni tal-ġilda u miżura speċifika ta’ iġjene.

(ċ)

Il-protezzjoni respiratorja

Għal gassijiet, fwar, nida jew trab, it-tip ta’ tagħmir protettiv li għandu jintuża għandu jkun speċifikat abbażi tal-periklu u l-potenzjal ta’ esponiment, inklużi respiraturi li jippurifikaw l-arja, filwaqt li jiġi speċifikat l-element xieraq ta’ purifikazzjoni (kontenitur issiġillat jew ċilindru), il-filtri adegwati għal partiċelli minuskoli separati u l-maskri adegwati, jew apparat awtonomu għan-nifs.

(d)

Il-perikli termiċi

Meta jiġi speċifikat tagħmir protettiv li għandu jintlibes għalmaterjali li joffru periklu termali, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-ħadma tat-tagħmir personali protettiv.

8.2.3.   Il-kontrolli ta’ esponiment ambjentali

Għandha tiġi speċifikata l-infomrazzjoni mitluba minn min iħaddem biex jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar protezzjoni ambjentali.

Meta jkun obbligat rapport tas-sigurtà, taqsira tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju li jikkontrollaw b’mod xieraq l-esponiment tal-ambjent għas-sustanza għandha tingħata għal xenarji ta’ esponiment stipulati fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

9.    TAQSIMA 9: Il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi d-dejta empirika relatata mas-sustanza jew it-taħlita, jekk rilevanti. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

9.1.   L-informazzjoni dwar proprjetajiet fiċiżi u kimiċi bażiċi

Il-proprjetajiet li ġejjin għandhom jiġu identifikati b’mod ċar inkluż, fejn adattat, referenza għall-metodi ta’ ttestjar użati u speċifikazzjoni tal-unitajiet adattati ta’ kejl u/jew kundizzjonijiet ta’ referenza fejn xieraq. Jekk rilevanti għall-interpretazzjoni tal-valur numeriku, il-metodu ta’ determinazzjoni għandu jingħata wkoll (pereżempju l-metodu għal flash point, metodu open-cup/closed cup):

(a)

Id-dehra

L-istat fiżiku (solidu (inkluża informazzjoni xierqa u diponibbli tas-sigurtà dwar granulometrija u l-erja speċifika tas-superfiċje jekk mhijiex speċifikata band’oħra f’din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà), likwidu, gass) u l-lewn tas-sustanza jew it-taħlita kif fornut għandu jiġi indikat;

(b)

Ir-riħa

Jekk ir-riħa hija perċettibbli, għandha tingħata deskrizzjoni fil-qosor tagħha;

(ċ)

Il-limitu massimu tar-riħa;

(d)

pH:

Għandu jiġi indikat il-pH tas-sustanza jew it-taħlita kif fornut jew ta’ soluzzjoni tal-ilma; fil-każ imsemmi l-aħħar, għandha tiġi indikata l-konċentrazzjoni;

(e)

Il-punt ta’ tidwib/il-punt tal-iffriżar;

(f)

Il-punt inizjali tat-togħlija u l-firxa tat-togħlija;

(g)

Il-flash point;

(h)

Ir-rata ta’ evaporazzjoni;

(i)

Il-fjammabilità (solidu, gass);

(j)

Il-limiti superjuri/inferjuri ta’ fjammabilità jew ta’ splużjoni;

(k)

Il-pressjoni tal-fwar;

(l)

Id-densità tal-fwar;

(m)

Id-densità relattiva;

(n)

Is-solubilit(à)(ajiet);

(o)

Il-koeffiċjent ta’ partizzjoni: n-octanol/ilma;

(p)

It-temperatura meta taqbad waħidha;

(q)

It-temperatura ta’ dikompożizzjoni;

(r)

Il-viskożità:

(s)

Il-proprjetajiet splussivi;

(t)

Il-propertajiet ossidizzanti.

Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

Biex tippermetti li jittieħdu miżuri xierqa ta’ kontroll, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti kollha dwar sustanza jew taħlita. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni fejn ikun hemm bżonn waħda.

Fil-każ ta’ taħlita, l-entrati għandhom jindikaw b’mod ċar għal-liema sustanza fit-taħlita tapplika d-dejta, sakemm ma tkunx valida għat-taħlita sħiħa.

9.2.   L-informazzjoni l-oħra

parametri fiżiċi u kimiċi oħra għandhom jiġu indikati kif meħtieġ, bħalma huma l-kapaċità li titħallat mal-ilma, is-solubilità fix-xaħam (is-solvent - żejt li jrid jiġi speċifikat), il-konduttività, jew il-grupp tal-gass. Informazzjoni xierqa u disponibbli tas-sigurtà dwar il-potenzjal redox (tnaqqis tal-ossidazzjoni), il-potenzjal ta’ formazzjoni radikali u l-proprjetajiet fotokatalitiċi għandha tiġi indikata.

10.    TAQSIMA 10: L-istabilità u r-reattività

Din it-taqsima fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-istabilità tas-sustanza jew it-taħlita u l-possibilità ta’ reazzjonijiet perikolużi li jseħħu f’ċerti kundizzjonijiet ta’ użu u wkoll jekk rilaxxati fl-ambjent, inkluża, meta xierqa, referenza għall-metodi tal-ittestjar użati. Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

10.1.   Ir-reattività

10.1.1.

Għandhom jiġu deskritti l-perikli ta’ reattività tas-sustanza jew it-taħlita. Għandha tingħata dejta speċifika tat-test għas-sustanza jew it-taħlita bħala entità sħiħa, meta disponibbli. Minkejja dan, l-informazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq dejta ġenerali għall-klassi jew il-familja ta’ sustanza jew taħlita jekk dejta bħal din tirrappreżenta b’mod adegwat il-periklu antiċipat tas-sustanza jew it-taħlita.

10.1.2.

Jekk id-dejta għat-taħlitiet ma tkunx disponibbli, għandha tingħata d-dejta dwar sustanzi fit-taħlita. Fid-determinazzjoni tal-inkompatibilità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenituri u l-kontaminanti li s-sustanza jew it-taħlita tista’ tkun esposta għalihom matul it-trasport, il-ħażna u l-użu.

10.2.   L-istabilità kimika

Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex stabbli jew instabbli f’akkwati normali u f’kundizzjonijiet antiċipati ta’ ħażna u ġestjoni ta’ temperatura u pressjoni. Għandu jiġi deskritt kwalunkwe stabbilizzatur li huwa, jew jeħtieġ li jkun, użat biex jippreservaw l-istabilità kimika tas-sustanza jew it-taħlita. Is-sinifikat ta’ sigurtà ta’ kwalunkwe bidla fl-apparenza fiżika tas-sustanza jew it-taħlita għandu jiġi indikat.

10.3.   Il-possibilità ta’ reazzjonijiet ta’ periklu

Jekk rilevanti, għandu jiġi ddikjarat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex se tirreaġixxi jew tippolimerizza, u b’hekk tirrilaxxa pressjoni jew sħana eċċessiva, jew toħloq kundizzjonijiet oħra ta’ periklu. Il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu r-reazzjonijiet perikolużi għandhom jiġu deskritti.

10.4.   Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

Għandhom jiġu elenkati kundizzjonijiet bħalma huma temperatura, pressjoni, dawl, trawma, skarika tal-istatika, vibrazzjonijiet jew pressjonijiet fiżiċi oħra li jistgħu jirriżultaw f’sitwazzjoni ta’ periklu u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn.

10.5.   Il-materjali inkompatibbli

Għandhom jiġu elenkati familji tas-sustanzi jew it-taħlitiet jew is-sustanzi speċifiċi, bħalma huma ilma, arja, aċti, bażijiet, aġenti ta’ ossidazzjoni, li magħhom tista’ tirreaġixxi s-sustanza jew it-taħlita biex tipproduċi sitwazzjoni perikoluża (bħal splużjoni, rilaxx ta’ materjali tossiċi jew li jieħdu n-nar, jew liberazzjoni ta’ sħana eċċessiva) u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn.

10.6.   Il-prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

Għandhom jiġu elenkati prodotti magħrufa u raġjonevolment antiċipati ta’ dekompożizzjoni bħala riżultat ta’ użu, ħażna, tixrid u tisħin. Għandhom jiġu inklużi prodotti perikolużi ta’ kombustjoni fit-Taqsima 5 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

11.    TAQSIMA 11: L-informazzjoni tossikoloġika

Din it-taqsima fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija maħsuba primarjament għall-użu mill-professjonisti mediċi, professjonisti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tossikologi. Għandha tingħata deskrizzjoni konċiża iżda kompluta u komprensibbli tal-effetti (fuq is-saħħa) tossikoloġiċi varji u d-dejta disponibbli użata biex tidentifika dawk l-effetti, inkluż fejn xieraq informazzjoni dwar tossikokinetika, metaboliżmu u distribuzzjoni. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

11.1.   L-informazzjoni dwar effetti tossikoloġiċi

11.1.1.   Is-Sustanzi

11.1.1.1.

Il-klassijiet rilevati ta’ periklu li għalihom għandha tingħata informazzjoni, huma:

(a)

tossiċità akuta;

(b)

korrużjoni/irritazzjoni tal-ġilda;

(ċ)

ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn;

(d)

sensitizzazzjoni respiratorja jew tal-ġilda;

(e)

mutaġeniċità fiċ-ċelloli tal-mikrobi;

(f)

karċinoġeniċità;

(g)

tossiċità riproduttiva;

(h)

tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT)- esponiment uniku;

(i)

tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT)- esponiment ripetut;

(j)

periklu min-nifs.

11.1.1.2.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, għandhom jingħataw sommarji qosra tal-informazzjoni derivati mill-applikazzjoni tal-Annessi minn VII sa XI, inkluża, meta xierqa, referenza għall-metodi ta’ ttestjar użati. Għal sustanzi soġġetti għal reġistrazzjoni, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-riżultat tat-tqabbil tad-dejta disponibbli mal-kriterji mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għal CMR, kategoriji 1 A u 1B, wara l-punt 1.3.1 tal-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

11.1.2.   It-taħlitiet

11.1.2.1.

L-effetti rilevanti, li għalihom għandha tingħata informazzjoni, huma:

(a)

tossiċità akuta;

(b)

irritazzjoni;

(ċ)

korrosività;

(d)

sensitizzazzjoni;

(e)

tossiċità tad-doża ripetuta;

(f)

karċinoġeniċità;

(g)

mutaġeniċità;

(h)

tossiċità għal riproduzzjoni.

11.1.2.2.

Għall-effetti fuq is-saħħa ta’ karċinoġenità, mutaġeniċità u tossiċità għar-ripproduzzjoni, għandha tingħata klassifikazzjoni għal effett fuq is-saħħa speċifiku fuq il-metodu konvenzjonali deskritt fil-qosor fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 1999/45/KE, kif ukoll informazzjoni rilevanti għas-sustanzi elenkati fit-Taqsima 3.

11.1.2.3.

Għal effetti pħra fuq is-saħħa, jekk taħlita ma tkunx ġiet ittestjata bħala entità sħiħa għal effett partikulari fuq is-saħħa, għandha tingħata informazzjoni rilevanti fuq dak l-effett fuq is-saħħa relatata mas-sustanzi elenkati fit-Taqsima 3, jekk rilevanti.

11.1.3.   L-informazzjoni għandha tingħata għal kull klassi ta’ periklu, diffrenzjar jew effett. Jekk ikun iddikjarat li s-sustanza jew it-taħlita mhijiex klassifikata għal klassi partikolari ta’ periklu, diffrenzjar, jew effett, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddikjara b’mod ċar jekk dan huwiex dovut minħabba nuqqas ta’ dejta, impossibilità teknika li tinkiseb id-dejta, dejta inkonklussiva jew dejta konklussiva għalkemm mihijiex biżżejjed għall-klassifikazzjoni; fil-każ imsemmi l-aħħar l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tispeċifika ‘abbażi tad-dejta disponibbli, il-kriterji tal-klassifikazzjoni mhumiex sodisfatti.’

11.1.4.   Id-dejta inkluża f’din is-subtaqsima għandha tapplika għas-sustanza jew it-taħlita kif imqiegħda fis-suq. Jekk disponibbli, għandhom jingħataw ukoll il-proprjetajiet tossikoloġiċi rilevanti tas-sustanzi perikolużi f’taħlita, bħalma huma LD50, Stimi tat-Tossiċità Akuta jew LC50.

11.1.5.   Meta jkun hemm ammont sostanzjali tad-dejta tat-test dwar is-sustanza jew it-taħlita, jista’ jkun meħtieġ li r-riżultati jingħataw f’sommarju tal-istudji kritiċi użati, pereżempju permezz ta’ rotta ta’ esponiment.

11.1.6.   Meta l-kriterji tal-klassifikazzjoni għal klassi partikolari ta’ periklu ma jkunux sodisfatti, għandha tingħata informazzjoni li tappoġġja din il-konklużjoni.

11.1.7.   L-informazzjoni dwar rotot probabbli ta’ esponiment

Għandha tingħata informazzjoni dwar rotot probabbli ta’ esponiment u l-effetti tas-sustanza jew it-taħlita permezz ta’ kull rotta possibbli ta’ esponiment, jiġifieri, permezz ta’ ġrigħ (meta tinbela’), min-nifs, jew esponiment tal-għajnejn/il-ġilda. Jekk l-effetti fuq is-saħħa ma jkunux magħrufa, dan għandu jiġi ddikjarat.

11.1.8.   Sintomi relatati mal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tossikoloġi

Għandhom jiġu deskritti l-effetti potenzjali ta’ ħsara u s-sintomi assoċjati mal-esponiment għas-sustanza jew it-taħlita u l-ingredjenti jew il-prodotti sekondarji tagħha. Għandha tingħata informazzjoni disponibbli dwar is-sintomi relatati mal-karatteristiċi, fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi tas-sustanza jew it-taħlita wara esponiment. Għandhom jiġu deskritti l-ewwel sintomi f’livelli baxxi ta’ esponiment u jibqgħu sejrin sal-konsegwenzi ta’ esponiment gravi, pereżempju ‘jistgħu jseħħu wġigħ ta’ ras u sturdament, li jwasslu għal ħass ħażin jew telf mis-sensi; dożi kbar jistgħu jirriżultaw f’koma jew mewt’.

11.1.9.   Effetti rritardjati u immedjati kif ukoll effetti kroniċi minn esponiment li jifrex fuq medda qasira u medda twila ta’ żmien

Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk għandhomx jiġu mistennija effetti rritardjati jew immedjati wara esponiment li jifrex fuq medda qasira jew medda twila ta’ żmien. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar effetti akuti u kroniċi relatati mal-esponiment uman għas-sustanza jew it-taħlita. Fejn mhijiex disponibbli dejta umana, għandu jingħata sommarju tad-dejta tal-annimali u l-ispeċi għandha tiġi identifikata b’mod ċar. Għandu jiġi indikat jekk id-dejta tossikoloġika hijiex ibbażata fuq dejta umana jew inkella fuq dejta tal-annimali.

11.1.10.   L-effetti interattivi

Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar interazzjonijiet jekk rilevanti u disponibbli.

11.1.11.   In-nuqqas ta’ dejta speċifika

Mhux dejjem jista’ jkun possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar il-perikli ta’ sustanza jew taħlita. F’każijiet fejn id-dejta dwar is-sustanza jew it-taħlita speċifika ma tkunx disponibbli, tista’ tintuża dejta dwar sustanzi jew taħlitiet simili, jekk xieraq, bil-kundizzjoni li s-sustanza jew it-taħlita simili rilevanti tkun identifikata. Fejn ma tintużax dejta speċifika, jew meta dejta ma tkunx disponibbli, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

11.1.12.   It-taħlita b’paragun mal-informazzjoni tas-sustanza

11.1.12.1.

Is-sustanzi f’taħlita jistgħu jinteraġixxu ma’ xulxin fil-ġisem li jirriżulta f’rati differenti ta’ assorbiment, ta’ metaboliżmu u ta’ ekskreta. Bħala riżultat, l-azzjonijiet tossiċi jistgħu jinbidlu u t-tossiċità tat-taħlita tista’ tkun differenti minn dik tas-sustanzi fiha. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tingħata l-informazzjoni tossikoloġika f’din it-yaqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

11.1.12.2.

Il-klassifikazzjoni tat-taħlitiet li għandhom effetti ta’ karċinoġenità, mutaġeniċità jew tossiċità għar-riproduzzjoni tri tiġi kkalkulata mill-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanzi fit-taħlita. Għal effetti oħra fuq is-saħħa, jeħtieġ li jitqies jekk il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza hijiex biżżejjed biex tikkontribwixxi għall-effetti globali tat-taħlita fuq is-saħħa. L-informazzjoni dwar effetti tossiċi għandha tiġi ppreżentata għal kull sustanza, minbarra għall-każijiet li ġejjin:

(a)

Jekk l-informazzjoni hija duplikata, hija għandha tiġi elenkata b’kollox darba biss għat-taħlita, pereżempju meta żewġ sustanzi jikkawżaw ir-rimettar u d-dijarea t-tnejn li huma.

(b)

jekk ikun improbabbli li dawn l-effetti jseħħu fil-konċentrazzjonijiet preżenti, bħal meta irritant minuri jiġi dilwit f’inqas minn ċerta konċentrazzjoni f’soluzzjoni mhux irritanti;

(ċ)

meta informazzjoni jew interazzjonijiet bejn is-sustanzi f’taħlita mhumiex disponibbli, ma għandhomx isiru assunzjonijiet u minflok għandhom jiġu elenkati l-effetti fuq is-saħħa ta’ kull sustanza b’mod separat.

11.1.13.   L-informazzjoni l-oħra

L-informazzjoni rilevanti l-oħra fuq effetti negattivi tas-saħħa għandha tiġi inkluża ukoll jekk ma tkunx mitluba mill-kriterji tal-klassifikazzjoni.

12.    TAQSIMA 12: L-informazzjoni ekoloġika

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni mogħtija biex tivvaluta l-impatt ambjentali tas-sustanza jew it-taħlita fejn tiġi rilaxxata fl-ambjent. Skont is-Subtaqsimiet minn 12.1 sa 12.6 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jingħata sommarju qasir tad-dejta inkluża, meta disponibbli, dejta rilevanti tat-test u għandu jiddeskrivi b’mod ċar l-ispeċi, il-mezzi, l-unitajiet, it-tul ta’ żmien tat-test u l-kundizzjonijiet tat-test. Din l-informazzjoni tista’ tgħin fil-ġestjoni tat-tixrid, u l-valutazzjoni tal-prassi ta’ trattament tal-iskart, il-kontroll ta’ rilaxx, miżuri ta’ rilaxx aċċidentali u trasport. Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jiġu indikati r-raġunijiet.

Għandha tingħata informazzjoni dwar bijoakkumulazzjoni, persistenza u degradabilità, fejn disponibbli, għal kull sustanza rilevanti fit-taħlita. Għandha tingħata wkoll informazzjoni għal prodotti ta’ trasformazzjoni perikoluża li toriġina mid-degradazzjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet.

L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

12.1.   It-tossiċità

Għandha tingħata informazzjoni dwar tossiċità bl-użu ta’ dejta minn testijiet imwettqa fuq organiżmi akkwatiċi u/jew terrestri meta tkun disponibbli. Din għandha tinkludi dejta rilevanti disponibbli dwar tossiċità akkwatika, kemm akuta kif ukoll kronika għal ħut, krustaċji, alga u pjanti oħra akkwatiċi. Barra minn dan, għandha tiġi inkluża meta tkun disponibbli, dejta ta’ tossiċità dwar mikro-organiżmi u makro-organiżmi tal-ħamrija u organiżmi oħra ambjentalment rilevanti, bħal għasafar, naħal u pjanti. Fejn is-sustanza jew it-taħlita jkollhom effetti inibitorji fuq l-attività ta’ mikro-organiżmi, għandu jissemma l-impatt possibbli fuq impjanti ta’ trattament ta’ drenaġġ.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, għandhom jiġu inklużi sommarji ta’ informazzjoni derivati mill-applikazzjoni tal-Annessi minn VII sa XI ta’ dan ir-Regolament.

12.2.   Il-persistenza u d-degradabilità

Il-persistenza u d-degradabilità huma l-potenzjal tas-sustanza jew is-sustanzi xierqa f’taħlita li jiddegradaw fl-ambjent, jew permezz ta’ bijodegradazzjoni inkella bi proċessi oħra bħal ossidizzazzjoni jew idrolożi. Meta disponibbli għandhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet rilevanti biex jivvalutaw il-persistenza u d-degradabilità. Jekk qed jiġu kkwotati n-nofs ħajjiet (iż-żmien meħud li fih kwantità ta’ sustanza tonqos bin-nofs) ta’ degradazzjoni jrid jiġi indikat jekk dawn in-nofs ħajjiet jirreferux għal mineralizzazzjoni inkella għal degradazzjoni primarja. Għandu jissemma wkoll il-potenzjal tas-sustanza jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita li jiddegradaw fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

Din l-informazzjoni għandha tingħata meta disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li mitluba li tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

12.3.   Il-potenzjal bijoakkumulattiv

Il-potenzjal bijoakkumulattiv huwa l-potenzjal tas-sustanza jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita li jakkumulaw f’bijota u, eventwalment biex jgħaddu minn ġewwa l-katina tal-ikel. Għandhom jingħataw ukoll ir-riżultati rilevati tat-testijiet biex jiġi vvalutat il-potenzjal bijoakkumulattiv. Dawn għandhom jinkludu referenza għall-koefiċjent ta’ partizzjoni octanol-ilma (kow) u l-fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF), jekk disponibbli.

12.4.   Il-mobilità fil-ħamrija

Il-mobilità fil-ħamrija huwa l-potenzjal tas-sustanza jew il-kostitwenti ta’ taħlita, jekk rilaxxati fl-ambjent, li jiċċaqilqu taħt forzi naturali għall-ilma tal-qiegħ jew għal distanza mil-lok tar-rilaxx. Il-potenzjal għall-mobilità fil-ħamrija għandu jingħata meta disponibbli. L-informazzjoni dwar il-mobilità tista’ tiġi determinata mid-dejta rilevanti tal-mobilità bħalma huma studi ta’ assorbiment jew studji ta’ skular, distribuzzjoni magħrufa jew imbassra għal kompartimenti ambjentali, jew tensjoni tal-wiċċ. Pereżempju, il-valuri Koc jistgħu jitbassru mill-koeficjenti ta’ partizzjoni octanol/ilma. L-iskular u l-mobilità jistgħu jitbassru minn mudelli.

Fejn teżisti dejta esperimentali, dik id-dejta, b’mod ġenerali, għandha tieħu preċedenza fuq mudelli u tbassir.

12.5.   Ir-riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

Meta jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, għandhom jingħataw ir-riżultati ta’ valutazzjoni PBT u vPvB kif stipulat fir-rapport ta’ sigurtà kimika.

12.6.   L-effetti l-oħra ta’ ħsara

Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe effett ieħor ta’ ħsara fuq l-ambjent meta tkun disponibbli, pereżempju destin ambjentali (esponiment), potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku, potenzjal ta’ tnaqqis tal-ożonu, potenzjal ta’ effett ta’ tħarbit endokrinali u/jew potenzjal ta’ tisħin globali.

13.    TAQSIMA 13: Il-kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi informazzjoni għall-ġestjoni xierqa tal-iskart tas-sustanza jew it-taħlita u/jew il-kontenitur tagħha biex jgħin fid-determinazzjoni ta’ alternattivi ta’ ġestjoni tal-iskart bla periklu u ambjentalment preferiti, b’konsistenza mar-rekwiżiti skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tal-Istat Membru li fih l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà qed tiġi fornuta. L-informazzjoni rilevanti għas-sigurtà tal-persuni li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart għandha tikkomplimenta l-informazzjoni mogħtija fit-Taqsima 8.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika u fejn twettqet analiżi tal-istadju tal-iskart, l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tal-iskart għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

13.1.   Il-metodi ta’ trattament tal-iskart

(a)

Għandhom jiġu speċifikati l-kontenituri u l-metodi tat-trattament tal-iskart inkluiżi l-metodi xierqa tat-trattament tal-iskart kemm tas-sustanza jew it-taħlita kif ukoll għal kwalunkwe imballaġġ kontaminat (pereżempju inċinerazzjoni, riċiklaġġ, rimi fir-radam);

(b)

Għandhom jiġu speċifikati proprjetajiet fiżiċi/kimiċi li jistgħu jaffettwaw alternattivi ta’ trattament tal-iskart;

(ċ)

Għandu jiġi skuraġġit ir-rimi tad-drenaġġ;

(d)

Fejn xieraq, għandha tiġi speċifikata kwalunkwe prekawzjoni speċjali għal kwalunkwe alternattiva rakkomandata tat-trattament tal-iskart.

Għandha ssir referenza għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Komunità relatata mal-iskart. Fin-nuqqas ta’ dawn għandha ssir referenza għal kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ.

14.    TAQSIMA 14: L-informazzjoni dwar it-trasport

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tagħti l-informazzjoni bażika ta’ klassifikazzjoni għat-trasport/trasport bil-baħar ta’ sustanzi jew taħlitiet imsemmija fit-Taqsima 1 permezz tat-triq, ferrovija, baħar, rotot navigabbli interni jew ajru. Meta l-informazzjoni mhijiex disponibbli jew rilevanti dan għandu jiġi ddikjarat.

Fejn rilevanti, hija għandha tagħti informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-trasport għal kull wieħed mill-mudelli tar-Regolamenti tan-NU: il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) (5), Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (RID) (6) il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi permezz tar-Rotot Navigabbli Interni (ADN) (7), li t-tlieta li huma ġew implimentati permezz tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (8), Kodiċi Internazzjonali Marittima Internazzjonali tal-Oġġetti Perikolużi (IMDG) (9) (il-baħar), u Struzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Bla Periklu ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (ICAO) (10) (l-ajru).

14.1.   In-numru tan-NU:

Għandu jingħata n-numru tan-NU (jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni b’erba’ ċifri tas-sustanza, taħlita jew artikolu preċedut mill-ittri ‘UN’) mir-Regolamenti Mudell tan-NU.

14.2.   L-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU

Għandu jingħata l-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU mir-Regolamenti Mudell tan-NU, sakemm ma jkunx deher bħala identifikatur tal-prodott fis-Subtaqsima 1.1

14.3.   Il-klassi(jiet) tal-Periklu tat-Trasport

Għandha tingħata l-klassi tal-periklu tat-trasport (u riskji sussidjarji) assenjati lis-sustanzi jew it-taħlitiet skont il-periklu predominanti li jippreżentaw skont ir-Regolamenti Mudell NU.

14.4.   Il-grupp ta’ imballaġġ,

Għandu jingħata n-numru tal-grupp tal-imballaġġ mir-Regolamenti Mudell tan-NU, jekk applikabbli. In-numru tal-grupp tal-imballaġġ huwa assenjat lil ċerti sustanzi skont il-grad tagħhom ta’ periklu.

14.5.   Il-perikli ambjentali

Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex ambjentalment perikoluża skont il-kriterji tar-Regolamenti Mudell tan-NU (kif riflessi fil-Kodiċi IMDG, ADR, RID u Adn) u/jew tniġġisx il-baħar skont il-kodiċi IMDG. Jekk tkun awtorizzata, jew maħsuba għat-trasport f’ bastimenti tat-tankijiet permezz tar-rotot navigabbli interni, għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex ambjentalment perikoluża fil-bastimenti tat-tankijiet skont l-ADN.

14.6.   Il-prekawzjonijiet speċjali għall-utent

Għandha tingħata informazzjoni dwar kwalunkwe prekawzjoni speċjali li l-utent għandu jew irid jikkonforma magħha inkella li jkun konxju minnha fir-rigward tat-trasport jew tal-ġarr kemm ‘il ġewwa kif ukoll ‘il barra mill-proprjetà tiegħu.

14.7.   It-trasport fil-massa skont l-Anness II ta’ MARPOL 73/78 u l-Kodiċi IBC

Din is-subtaqsima tapplika biss meta l-merkanzija tkun maħsuba li tinġarr fil-massa skont l-istrumenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) li ġejjin: L-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif mibdula mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha (MARPOL 73/78) (11) u l-kodiċi Internazzjonali għall-Bini u t-Tagħmir tal-Bastimenti li jġorru Kimiki Perikolużi fil-Massa (Kodiċi Kimika Internazzjonali fil-Massa) (Kodiċi IBC) (12).

L-isem tal-prodott għandu jingħata (jekk l-isem ikun differenti minn dak mogħti fis-Subtaqsima 1.1) kif mitlub mid-dokument ta’ trasbord u skont l-isem użat fil-listi ta’ ismijiet ta’ prodotti mogħtija fil-kapitoli 17 jew 18 tal-Kodiċi IBC jew l-aħħar edizzjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (MEPC).2/Ċirkulari (13). It-tip ta’ bastiment mitlub u l-kategorija ta’ tniġġis għandhom ikunu indikati.

15.    TAQSIMA 15: L-informazzjoni regolatorja

Din it-taqsima dwar l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni regolatorja l-oħra dwar is-sustanza jew it-taħlita li ma tkunx ingħatat fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà (pereżempju jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (14), ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (15) jew ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (16)).

15.1.   Ir-regolamenti/leġiżlazzjoni tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent speċifiċi għas-sustanza jew it-taħlita

Għandha tingħata informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent (pereżempju kategorija Seveso/sustanzi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (17)) jew informazzjoni nazzjoniali dwar l-istatus regolari tas-sustanza jew it-taħlita (inklużi s-sustanzi fit-taħlita), inkluż parir dwar azzjoni li għandha tittieħed minn min qed jirċevihom bħala riżultat ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għandha ssir referenza, meta rilevanti, għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri rilevanti li jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe miżura nazzjonali oħra li tista’ tkun rilevanti.

Jekk is-sustanza jew it-taħlita koperta minn din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija soġġetta għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent f’livell Komunitarju (pereżempju awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt Titolu VII jew restrizzjonijiet taħt Titolu VIII) dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati.

15.2.   Il-Valutazzjoni tas-Sigurtà Kimika

Għandu jiġi indikat jekk twettqietx valutazzjoni tas-sigurtà kimika għas-sustanza jew it-taħlita mill-fornitur.

16.    TAQSIMA 16: L-informazzjoni l-oħra

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni rilevanti għall-kumpilazzjoni tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà. Hija għandha tinkorpora informazzjoni oħra li ma hijiex inkluża fit-Taqsimiet minn 1 sa 15, inkluża informazzjoni dwar reviżjoni tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà pereżempju:

(a)

fil-każ ta’ skeda riveduta tad-dejta tas-sigurtà, indikazzjoni ċara ta’ fejn saru t-tibdiliet għall-verżjoni preċedenti tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, sakemm din it-tip ta’ indikazzjoni ma tkunx ingħatat band’oħra fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, bi spjegazzjoni tat-tibdiliet, jekk xieraq. Fornitur ta’ sustanza jew taħlita għandu jżomm spjegazzjoni tat-tibdiliet u jagħtiha malli jintalab għaliha;

(b)

kjavi jew tifsira għat-taqsiriet u l-akronomi użati fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà;

(ċ)

referenzi ewlenin ta’ letteratura u sorsi għad-dejta;

(d)

fil-każ tat-taħlitiet, indikazzjoni ta’ liema metodu ta’ valutazzjoni tal-informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ntuża għall-iskop tal-klassifikazzjoni;

(e)

lista ta’ frażijiet R rilevanti, dikjarazzjonijiet ta’ periklu, frażijiet ta’ sigurtà u/jew dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni. Ikteb it-test sħiħ ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni li ma tkunx inkitbet kompletament fit-Taqsimiet 2 sa 15;

(f)

parir dwar kwalunkwe taħriġ adattat għall-ħaddiema biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa umana u l-ambjent.

Jekk skont l-Artikolu 31(10) fornitur ta’ taħlita jagħżel li jidentifika u jinforma dwar il-klassifikazzjoni meħtieġa mill-1 ta’ Ġunju 2015 qabel ma jużaha għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar fuq l-imballaġġ, huwa jista’ jinkludi din il-klassifikazzjoni f’din it-taqsima.

PARTI B

L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tinkludi s-16-il intestatura li ġejjin skont l-Artikolu 31(6) u flimkien magħhom is-subintestaturi elenkati wkoll minbarra t-Taqsima 3, fejn is-Subtaqsimiet 3.1 jew 3.2 biss jeħtieġ li jiġu inklużi kif xieraq:

TAQSIMA 1:   L-identifikazzjoni tas-sustanza/taħlita u tal-kumpanija/impriża

1.1.

Identifikatur tal-prodott

1.2.

Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew it-taħlita u użi mhux rakkomandati

1.3.

Dettalji tal-fornitur tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

1.4.

In-numru tat-telefown ta’ emerġenza

TAQSIMA 2:   L-identifikazzjoni tal-perikli

2.1.

Il-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita

2.2.

L-elementi tat-tikketta

2.3.

Il-perikli l-oħra

TAQSIMA 3:   Il-kompożizzjoni/l-informazzjoni dwar l-ingredjenti

3.1.

Is-Sustanzi

3.2.

It-taħlitiet

TAQSIMA 4:   Il-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.1.

Id-deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.2.

L-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati

4.3.

L-indikazzjoni ta’ kwalunkwe attenzjoni medika immedjata u t-trattament speċjali meħtieġa

TAQSIMA 5:   Il-miżuri għat-tifi tan-nar

5.1.

Mezzi għat-tifi tan-nar

5.2.

Il-perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew it-taħlita

5.3.

Parir lil min jiġġieled in-nar

TAQSIMA 6:   Il-miżuri għar-rilaxx aċċidentali

6.1.

Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza

6.2.

Il-prekawzjonijiet ambjentali

6.3.

Il-metodi u l-materjal għat-trażżin u t-tindif

6.4.

Ir-referenza għal taqsimiet oħra

TAQSIMA 7:   Il-ġestjoni u l-ħażna

7.1.

Il-prekawzjonijiet għal ġestjoni bla periklu

7.2.

Il-kundizzjonijiet għal ħażna bla periklu, inkluża kwalunkwe inkompatibilità

7.3.

L-użu/użi finali speċifiku/speċifiċi

TAQSIMA 8:   Il-kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

8.1.

Il-parametri ta’ kontroll

8.2.

Il-kontrolli ta’ esponiment

TAQSIMA 9:   Il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

9.1.

L-informazzjoni dwar proprjetajiet fiċiżi u kimiċi bażiċi

9.2.

L-informazzjoni l-oħra

TAQSIMA 10:   L-istabilità u r-reattività

10.1.

Ir-reattività

10.2.

L-istabilità kimika

10.3.

Il-possibilità ta’ reazzjonijiet ta’ periklu

10.4.

Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

10.5.

Il-materjali inkompatibbli

10.6.

Il-prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

TAQSIMA 11:   L-informazzjoni tossikoloġika

11.1.

L-informazzjoni dwar effetti tossikoloġiċi

TAQSIMA 12:   L-informazzjoni ekoloġika

12.1.

It-tossiċità

12.2.

Il-persistenza u d-degradabilità

12.3.

Il-potenzjal bijoakkumulattiv

12.4.

Il-mobilità fil-ħamrija

12.5.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

12.6.

L-effetti l-oħra ta’ ħsara

TAQSIMA 13:   Il-kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

13.1.

Il-metodi ta’ trattament tal-iskart

TAQSIMA 14:   L-informazzjoni dwar it-trasport

14.1.

In-numru tan-NU:

14.2.

L-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU

14.3.

Il-klassi(jiet) tal-Periklu tat-Trasport

14.4.

Il-grupp ta’ imballaġġ,

14.5.

Il-perikli ambjentali

14.6.

Il-prekawzjonijiet speċjali għall-utent

14.7.

It-trasport fil-massa skont l-Anness II ta’ MARPOL 73/78 u l-Kodiċi IBC

TAQSIMA 15:   L-informazzjoni regolatorja

15.1.

Ir-regolamenti/leġiżlazzjoni tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent speċifiċi għas-sustanza jew it-taħlita

15.2.

Il-Valutazzjoni tas-Sigurtà Kimika

TAQSIMA 16:   L-informazzjoni l-oħra”

(1)  ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40.

(2)  ĠU L 188, 9.8.1995, p. 14.

(3)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(4)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(5)  In-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, il-verżjoni hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2009, ISBN-978-92-1-139131-2.

(6)  L-Anness 1 tal-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Oġġetti bil-Ferrovija) tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija, verżjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

(7)  Il-verżjoni kif riveduta mill-1 ta’ Jannar 2007.

(8)  ĠU L 260, 30.9.2008, p. 1.

(9)  Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, edizzjoni 2006, ISBN 978-92-8001-4214-3.

(10)  IATA, edizzjoni 2007-2008.

(11)  MARPOL 73/78 – Edizzjoni konsildata 2006, Londra, IMO 2007, ISBN 978-92-801-4216-7.

(12)  Kodiċi IBC, edizzjoni 2007, Londra, IMO 2007, ISBN 978-92-801-4226-6.

(13)  MEPC.2/Ċirkulari, Kategorizzazzjoni proviżorja ta’ sustanzi likwidi, il-verżjoni 14, effettiv mill-1 ta’ Jannar 2009.

(14)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1.

(15)  ĠU L 229, 30.4.2004, p. 5.

(16)  ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

(17)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

ANNESS II

“ANNESS II

REKWIŻITI GĦAT-TFASSIL TA' SKEDI TA' DEJTA TA' SIGURTÀ

PARTI A

0.1.   Id-Daħla

0.1.1.

Dan l-Anness jistipula r-rekwiżiti li l-fornitur għandu jilħaq għall-kumpilazzjoni ta’ skeda tad-dejta ta’ sigurtà li tingħata għal sustanza jew taħlita skont l-Artikolu 31.

0.1.2.

L-informazzjoni mogħtija fl-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni fir-rapport ta’ sigurtà kimika, meta jkun meħtieġ wieħed. Fil-każ li jitlesta rapport ta’ sigurtà kimika, ix-xenarju/xenarji rilevanti ta’ esponiment għandu/għandhom jitqiegħed/jitqiegħdu f’anness għall-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà.

0.2.   Rekwiżiti ġenerali għat-tfassil ta’ skeda ta’ dejta ta’ sigurtà

0.2.1.

L-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tippermetti lill-utenti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà umana fuq il-post tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ambjent. Il-kittieb tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà għandu jieħu inkunsiderazzjoni li skeda ta’ dejta ta’ sigurtà trid tinforma lill-udjenza tagħha dwar il-perikli ta’ sustanza jew taħlita u trid tagħti informazzjoni dwar il-ħażna, il-ġestjoni u r-rimi bla periklu tas-sustanza jew it-taħlita.

0.2.2.

L-informazzjoni mogħtija mill-iskedi tad-dejta ta’ sigurtà għandha wkoll tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE. B’mod partikolari, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tippermetti lil min iħaddem biex jiddetermina jekk ikunux preżenti aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u biex jistma kull riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema meta dawn jintużaw.

0.2.3.

L-informazzjoni fl-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha tkun miktuba b’mod ċar u konċiż. L-iskeda ta’ dejta ta’ sigurtà għandha titħejja minn persuna kompetenti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti u l-għarfien speċifiċi tal-utenti indirizzati, sa fejn dawn ikunu magħrufa. Il-fornituri ta’ sustanzi u taħlitiet għandhom jiżguraw li persuni kompetenti bħal dawn ikunu ħadu taħriġ xieraq, inkluż taħriġ ta’ aġġornament.

0.2.4.

Il-lingwaġġ użat fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun sempliċi, ċar u preċiż, jevita l-lingwaġġ speċjalizzat, l-akronimi u t-taqsiriet. Dikjarazzjonijiet bħal ‘jista’ jkun perikoluż’, ‘l-ebda effetti fuq is-saħħa’, ‘bla periklu fil-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet ta’ użu’ jew ‘bla periklu’ jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra li tindika li s-sustanza jew it-taħlita mhijiex perikoluża jew kwalunkwe dikjarazzjoni oħra li hija inkonsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ dik is-sustanza jew taħlita ma għandhomx jintużaw.

0.2.5.

Id-data ta’ kumpilazzjoni tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà għandha tingħata fl-ewwel paġna. Meta skeda tad-dejta tas-sigurtà tkun ġiet riveduta u l-verżjoni l-ġdida, riveduta tingħata lill-benefiċjarji, il-bidliet għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-benefiċjarju fit-Taqsima 16 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, sakemm ma jkunux ġew indikati band’oħra. F’dak il-każ, id-data tal-kumpilazzjoni identifikata bħala ‘Reviżjoni: (data)’ kif ukoll numru tal-verżjoni, numru ta’ reviżjoni, data ta’ sostituzzjoni jew indikazzjoni oħra ta’ liema verżjoni nbidlet għandhom jidhru fl-ewwel paġna.

0.3.   L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

0.3.1.

Skeda tad-dejta tas-sigurtà mhuwiex dokument ta’ tul fiss. It-tul tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun proporzjonat mal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni disponibbli.

0.3.2.

Il-paġni kollha ta’ skeda tad-dejta tas-sigurtà, inkluż kwalunkwe Anness, għandhom ikunu nnumerati u għandu jkollhom jew indikazzjoni tat-tul tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà (pereżempju ‘paġna 1 minn 3’) inkella indikazzjoni dwar jekk hemmx paġna wara (pereżempju ‘Ikompli fil-paġna li ġejja’ jew ‘Tmiem tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà’).

0.4.   Il-kontenut tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

L-informazzjoni mitluba minn dan l-Anness għandha tiġi inkluża fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, fejn applikabbli u disponibbli, fis-subtaqsimiet rilevanti stipulati fil-Parti B. L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà ma għandhiex ikollha subtaqsimiet vojta.

0.5.   Rekwiżiti oħra ta’ informazzjoni

L-inklużjoni ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti u disponibbli fis-subtaqsimiet rilevanti jistgħu jkunu meħtieġa f’uħud mill-każijiet fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ proprjetajiet ta’ sustanzi u taħlitiet.

0.6.   Unitajiet

Għandhom jintużaw l-unitajiet ta’ kejl kif stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE (1).

0.7.   Każijiet speċjali

L-iskedi tad-dejta tas-sigurtà għandhom ikunu mitluba wkoll għall-każijiet speċjali elenkati fil-paragrafu 1.3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li għalihom hemm derogi ta’ tikkettar.

1.    TAQSIMA 1: L-identifikazzjoni tas-sustanza/taħlita u tal-kumpanija/impriża

Din it-taqsima tippreskrivi l-mod kif għandha tiġi identifikata s-sustanza jew it-taħlita u l-mod kif l-użi rilevanti identifikati, l-isem tal-fornitur tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni tad-dettalji tal-kuntatt tal-fornitur tas-sustanza jew it-taħlita inkluż kuntatt ta’ emerġenza għandhom jingħataw fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

1.1.   Identifikatur tal-prodott

L-identifikatur tal-prodott għandu jingħata skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fil-każ ta’ sustanza u skont l-Artikolu 18(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fil-każ ta’ taħlita, kif previst fit-tikketta fl-ilsien/ilsna uffiċjali tal-Istat(i) Membru/Membri fejn titqiegħed fis-suq is-sustanza jew it-taħlita, sakemm l-Istat(i) Membru/Membri kkonċernat(i) ma jipprevedix/jipprevedux mod ieħor.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, l-identifikatur tal-prodott għandu jkun konsistenti ma’ dak previst fir-reġistrazzjoni u n-numru ta’ reġistrazzjoni assenjat taħt l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi indikat ukoll.

Mingħajr ma taffettwa l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, il-parti tan-numru ta’ reġistrazzjoni li jirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta tista’ titħalla barra minn fornitur li huwa distributur jew utent downstream bil-kundizzjoni li:

(a)

dan il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar jew, jekk in-numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu skont il-punt (b); u

(b)

dan il-fornitur jipprovdi n-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (minn issa ‘l quddiem ‘l-awtorità tal-infurzar’) fi żmien sebat ijiem (7) malli jintalab, jew direttament mill-awtorità tal-infurzar inkella mid-destinatarju, jew jekk in-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lil fornitur tiegħu fi żmien sebat ijiem (7) minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma l-awtorità tal-infurzar b’dan.

Skeda unika tad-dejta ta’ sigurtà tista’ tingħata biex tkopri aktar minn sustanza jew taħlita waħda meta l-informazzjoni f’dik l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-anness għal kull waħda minn dawk is-sustanzi jew taħlitiet.

Mezzi oħra ta’ identifikazzjoni

Ismijiet jew sinonimi oħra li bihom hija tikkettata s-sustanza jew it-taħlita jew li bihom hija spiss magħrufa, bħalma huma ismijiet alternattivi, numri, kodiċi ta’ prodotti tal-kumpanija, jew identifikaturi uniċi oħra jistgħu jingħataw.

1.2.   Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew it-taħlita u użi mhux rakkomandati

Mill-inqas l-użi rilevanti identifikati għad-destinatarju/destinatarji tas-sustanza jew it-taħlita għandhom jiġu indikati. Huma għandhom ikunu deskrizzjoni qasira ta’ għal xiex is-sustanza jew it-taħlita hija maħsuba li tagħmel, bħal pereżempju ‘twaqqaf it-tixrid tan-nar’, ‘anti-ossidant’.

L-użi li l-fornitur iwissi kontrihom u għaliex għandhom, fejn applikabbli, jiġu ddikjarati. Din ma hemmx għalfejn tkun lista eżawrjenti.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din is-subtaqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

1.3.   Dettalji tal-fornitur tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

Il-fornitur, kemm jekk huwa l-manifattur, l-importatur, l-unika rappreżentant, l-utent downstream jew id-distributur, għandu jiġi identifikat. L-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown tal-fornitur għandhom jingħataw ukoll kif ukoll indirizz elettroniku għal persuna kompetenti responsabbli mill-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Barra minn hekk, jekk il-fornitur ma jinsabx fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq u huwa nnomina persuna responsabbli għal dak l-Istat Membru, għandhom jingħataw indirizz sħiħ u numru tat-telefown għal dik il-persuna responsabbli.

Għar-reġistranti, l-informazzjoni għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur jew l-importatur mogħtija fir-reġistrazzjoni.

Fejn inħatar rappreżentant uniku, id-dettalji tal-manifattur jew tal-formulatur mhux Komunitarju jistgħu jingħataw ukoll.

1.4.   In-numru tat-telefown ta’ emerġenza

Għandhom jingħataw referenzi għas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ emerġenza. Jekk jeżisti korp konsultattiv fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq (dan jista’ jkun korp responsabbli li jirċievi informazzjoni relatata mas-saħħa msemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008), għandu jingħata n-numru tat-telefown tiegħu u dan għandu jkun biżżejjed. Jekk id-disponibilità ta’ servizzi bħal dawn tkun limitata għal kwalunkwe restrizzjoni, pereżempju sigħat ta’ operat, jew jekk hemm limiti fuq tipi speċifiċi ta’ informazzjoni mogħtija, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

2.    TAQSIMA 2: L-identifikazzjoni tal-perikli

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà tiddeskrivi l-perikli tas-sustanza jew it-taħlita u l-informazzjoni xierqa ta’ twissija assoċjata ma’ dawk il-perikli.

2.1.   Il-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita

Għandha tingħata l-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita li toriġina mill-applikazzjoni tar-regoli tal-klassifikazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fejn il-fornitur ikun innotifika informazzjoni fir-rigward tas-sustanza għall-inventarju tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-klassifikazzjoni mogħtija fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jkun l-istess bħall-klassifikazzjoni mogħtija f’dik in-notifika.

Jekk it-taħlita ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

L-informazzjoni dwar is-sustanzi fit-taħlita tingħata skont is-Subtaqsima 3.2.

Jekk il-klassifikazzjoni, inkluż id-dikjarazzjonijiet tal-periklu, ma nkitbitx b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16 fejn għandu jingħata t-test sħiħ ta’ kull klassifikazzjoni, inkluża kull dikjarazzjoni tal-periklu.

L-iktar effetti importanti ħżiena ta’ fiżjokimika, ta’ saħħa umana u ta’ ambjent għandhom jiġu elenkati skont it-Taqsimiet minn 9 sa 12 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, b’tali mod li jippermettu persuni bla għarfien espert fil-qasam jidentifikaw il-perikli tas-sustanza jew it-taħlita.

2.2.   L-elementi tat-tikketta

Abbażi tal-klassifikazzjoni, għandhom jingħataw mill-inqas l-elementi tat-tikketta li ġejjin li jidhru fuq it-tikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008: stampa/stampi ta’ periklu, kliem ta’ sinjal, dikjarazzjoni(jiet) ta’ periklu u dikjarazzjoni(jiet) ta’ prekawzjoni. Riproduzzjoni grafika tal-istampa sħiħa tal-periklu bajda u sewda jew riproduzzjoni grafika tas-simbolu biss jistgħu jiġu sostitwiti għall-istampa bil-kulur prevista fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Għandhom jingħataw l-elementi applikabbli tat-tikketta skont l-Artikolu 25 u l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.3.   Il-perikli l-oħra

Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk is-sustanza jew it-taħlita tissodisfax il-kriterji għal PBT jew vPvB skont l-Anness XIII.

Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli oħra li ma jirriżultawx fil-klassifikazzjoni iżda li jistgħu jikkontribwixxu għall-perikli globali tas-sustanza jew it-taħlita, bħalma huma l-formazzjoni ta’ elementi li jniġġsu l-arja waqt it-twebbis jew l-ipproċessar, il-ħolqien ta’ ħafna trab, perikli ta’ splużjoni tat-trab, trans-sensitizzazzjoni, soffokazzjoni, iffriżar, qawwa kbira għax-xamm jew it-togħma, jew effetti ambjentali bħal perikli għall-organizmi li jgħixu fil-ħamrija, jew il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku.

3.    TAQSIMA 3: Il-kompożizzjoni/l-informazzjoni dwar l-ingredjenti

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-identità kimika tal-ingredjent(i) tas-sustanza jew it-taħlita, inklużi l-impuritajiet u l-addittivi ta’ stabilità kif stipulat hawn taħt. Għandha tiġi indikata informazzjoni xierqa u disponibbli dwar kimika tas-superfiċje.

3.1.   Is-Sustanzi

L-identità kimika tal-kostitwent ewlieni tas-sustanza għandha tingħata billi jingħata mill-inqas identifikatur tal-prodott jew wieħed mill-mezzi l-oħra ta’ identifikazzjoni mogħtija fis-Subtaqsima 1.1.

L-identità kimika ta’ kwalunkwe impurità, addittiv ta’ stabbilizzazzjoni jew kostitwent individwali ieħor minbarra l-kostitwent ewlieni, li hija min-naħa tagħha klassifikata u li tikkontribwixxi għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi għandha tingħata kif ġej:

(a)

l-identifikatur tal-prodott skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(b)

jekk l-identifikatur tal-prodott mhuwiex disponibbli, wieħed mill-ismijiet l-oħra (l-isem tas-soltu, l-isem kummerċjali, it-taqsira) jew numri ta’ identifikazzjoni.

Fornituri ta’ sustanzi jistgħu jagħżlu li jelenkaw flimkien ma’ dan il-kostitwenti kollha inklużi dawk mhux klassifikati.

Is-subtaqsima tista’ tintuża wkoll biex tagħti informazzjoni dwar sustanzi multi-kostitwenti.

3.2.   It-taħlitiet

Għandhom jingħataw l-identifikatur tal-prodott, konċentrazzjoni jew meded ta’ konċentrazzjoni mill-inqas għas-sustanzi kollha msemmija fil-punti 3.2.1 jew 3.2.2. Il-fornituri tat-taħlitiet jistgħu jagħżlu li minbarra hekk jelenkaw is-sustanzi kollha fit-taħlita, inklużi s-sustanzi li ma jikkonformawx mal-kriterji għall-klassifikazzjoni. L-informazzjoni għandha tippermetti lid-destinatarju jidentifika mill-ewwel il-perikli tas-sustanzi fit-taħlita. Il-perikli tat-taħlita nnifisha għandhom jingħataw fit-Taqsima 2.

Il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi f’taħlita għandhom jiġu deskritti b’mod wieħed minn dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

perċentwali eżatta f’ordni tal-ikbar l-ewwel mil-lat ta’ massa jew volum, jekk teknikament possibbli;

(b)

firxiet ta’ perċentwali f’ordni tal-ikbar l-ewwel mil-lat ta’ massa jew volum, jekk teknikament possibbli.

Meta tintuża firxa ta’ perċentwali, il-perikli għas-saħħa u l-ambjent għandhom jiddeskrivu l-effetti tal-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kull ingredjent.

Jekk l-effetti tat-taħlita bħala entità sħiħa huma disponibbli, din l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fit-Taqsima 2.

Meta l-użu ta’ isem kimiku alternattiv ġie permess skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li l-isem jista’ jintuża.

3.2.1.

Għal taħlita li tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, is-sustanzi li ġejjin għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew mal-medda ta’ konċentrazzjoni tagħhom fit-taħlita:

(a)

sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew għall-ambjent fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jekk ikunu preżenti f’konċentrazzjonijiet li jsarrfu daqs jew iktar mill-inqas minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(ia)

il-valuri ġeneriċi ta’ demarkazzjoni stipulati fit-Tabella 1.1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(ib)

il-limiti ġenwriċi ta’ konċentrazzjoni mogħtija fil-partijiet 3 sa 5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 u għall-periklu min-nifs (it-Taqsima 3.10 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008) ≥ 10 %;

Lista ta’ klassijiet tal-periklu, kategoriji tal-periklu u limiti ta’ konċentrazzjoni (inklużi valuri ġeneriċi ta’ limitu fit-Tabella 1.1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u limiti ġeneriċi ta’ konċentrazzjoni mogħtija fil-partijiet 3 sa 5 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament) li għalihom sustanza għandha tiġi elenkata bħala sustanza f’taħlita fis-Subtaqsima 3.2.

1.1.

Klassi u kategorija ta’ periklu

Limitu ta’ konċentrazzjoni

%

Tossiċità akuta, kategorija 1, 2 u 3

≥ 0,1

Tossiċità akuta, kategorija 4

≥ 1

Korrużjoni tal-ġilda/irritazzjoni, kategorija 1 A, 1B, 1C u 2

≥ 1

Ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn, kategorija 1 u 2

≥ 1

Sensitizzazzjoni respiratorja/tal-ġilda

≥ 0,1

Mutaġenità taċ-ċelloli ġerminali kategorija 1 A u1B

≥ 0,1

Mutaġeniċità taċ-ċelloli ġerminali kategorija 2

≥ 1

Karċinoġenità kategorija 1 A, 1B u 2

≥ 0,1

Tossiċità riproduttiva, kategorija 1 A, 1B, 2 u effetti fuq jew permezz tat-treddigħ

≥ 0,1

Tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT) - esponiment uniku, kategorija 1 u 2

≥ 1

Tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT) – esponiment ripetut, kategorija 1 u 2

≥ 1

Periklu min-nifs

≥ 10

Perikoluża għall-ambjent akwatiku – Akut, kategorija 1

≥ 0,1

Perikoluża għall-ambjent akwatiku – Kroniku, kategorija 1

≥ 0,1

Perikoluża għall-ambjent akwatiku – Kroniku, kategorija 2, 3 u 4

≥ 1

Perikoluża għas-saff tal-ozone

≥ 0,1

(ii)

il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni speċifikati fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(iii)

jekk ingħata fattur M (fattur multiplikanti) fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ġeneriku ta’ limitu fit-Tabella 1.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stipulat fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament;

(vii)

il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni mogħtija lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(viia)

il-limiti ta’ konċentrazzjoni stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(viii)

jekk ingħata fattur M lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ġeneriku ta’ limitu fit-Tabella 1.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stipulat fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I għal dak ir-Regolament.

(b)

sustanzi li għalihom ikun hemm limiti Komunitarji ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol, li li ma jkunux diġà inklużi taħt il-punt (a);

(c)

sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII, jew sustanzi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1), għal raġunijiet għajr il-perikli msemmija fil-punt (a), jekk il-konċentrazzjoni ta’ sustanza individwali tkun daqs jew aktar 0,1 %.

3.2.2.

Għal taħlita li ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandhom jiġu indikati s-sustanzi preżenti f’konċentrazzjoni individwali li ssarraf daqs jew iktar mill-konċentrazzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-konċentrazzjoni tagħhom jew mal-medda ta’ konċentrazzjoni tagħhom:

(a)

1 % mil-lat ta’ piż f’taħlitiet mhux gassużi u 0,2 % mil-lat ta’ volum f’taħlitiet gassużi għal:

(i)

sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew għall-ambjent fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008; jew

(ii)

sustanzi li għalihom hemm limiti Komunitarji ta’ esponiment fuq il-post tax-xogħol;

(b)

0,1 % mil-lat ta’ piż għal sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII, persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XII, jew inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) għal raġunijiet oħra minbarra l-perikli msemmija fil-punt (a).

3.2.3.

Għas-sustanzi indikati fis-Subtaqsima 3.2, il-klassifikazzjoni tas-sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, inklużi l-klassi(jiet) perikoluża u l-kodiċi tal-kategorija kif mogħtija fit-Tabella 1.1 tal-Anness VI għal dak ir-Regolament kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-periklu li jitqassmu skont il-perikli tagħhom fiżiċi, dawk tas-saħħa umana u dawk ambjentali, għandhom jingħataw ukoll. Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu ma hemmx għalfejn jinkitbu b’mod sħiħ f’din it-taqsima; il-kodiċi tagħhom għandha tkun biżżejjed. F’każijiet fejn ma jinkitbux b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16, fejn it-test sħiħ ta’ kull dikjarazzjoni rilevanti ta’ periklu għandu jkun elenkat. Jekk is-sustanza ma tissodisfax il-kriterji ta’ klassifikazzjoni, għandha tingħata deskrizzjoni tar-raġuni tal-indikazzjoni tas-sustanza fis-Subtaqsima 3.2, pereżempju ‘sustanza vPvB mhux klassifikata’ jew ‘sustanza b’limitu Komunitarju ta’ espożizzjoni għal fuq il-post tax-xogħol’.

3.2.4.

Għas-sustanzi indikati fis-Subtaqsima 3.2 l-isem u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni, kif assenjat skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament għandhom jingħataw.

Bla ma taffetwa l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, il-parti tan-numru ta’ reġistrazzjoni li tirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta tista’ titħalla barra mill-fornitur tat-taħlita bil-kundizzjoni li:

(a)

dan il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar jew, jekk in-numru sħiħ ta’ reġistrazzjoni ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu skont il-punt (b); u

(b)

dan il-fornitur jipprovdi n-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (minn issa ‘l quddiem ‘l-awtorità tal-infurzar’) fi żmien sebat ijiem (7) malli jintalab, jew direttament mill-awtorità tal-infurzar inkella mid-destinatarju tiegħu, jew jekk in-numru sħiħ ta’ reġsitrazzjoni mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lil fornitur tiegħu fi żmien sebat ijiem (7) minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma l-awtorità tal-infurzar b’dan.

In-numru tal-KE, jekk disponibbli, għandu jingħata skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. In-numru CAS, jekk disponibbli, u l-isem IUPAC, jekk disponibbli, jistgħu jingħataw ukoll.

Għas-sustanzi indikati f’din is-subtaqsima permezz ta’ isem kimiku alternattiv skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 1999/45/KE jew l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, in-numru ta’ reġistrazzjoni, in-numru KE u identifikaturi kimiċi preċiżi oħra mhumiex meħtieġa.

4.    TAQSIMA 4: Il-miżuri tal-ewwel għajnuna

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-ewwel kura b’tali mod li tista’ tinftiehem u tista’ tingħata minn persuna mhux imħarrġa mingħajr l-użu ta’ tagħmir sofistikat u mingħajr id-disponibilità ta’ għażla wiesgħa ta’ medikamenti. Jekk ikun hemm il-bżonn ta’ attenzjoni medika, l-istruzzjonijiet għandhom jiddikjaraw dan, inkluża l-urġenza tagħha.

4.1.   Id-deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.1.1.

L-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna għandhom jingħataw permezz tar-rotot rilevanti ta’ esponiment. Għandhom jintużaw subdiviżjonijiet biex jindikaw il-proċedura għal kull rotta, pereżempju permezz tan-nifs meħud ‘il ġewwa, il-ġilda l-għajnejn jew ġrigħ.

4.1.2.

Għandu jingħata parir dwar jekk:

(a)

ikunx hemm bżonn ta’ attenzjoni medika immedjata u jekk wieħed jistax jistenna effetti rritardjati wara l-esponiment;

(b)

huwiex rakkomandat il-moviment tal-individwu espost miż-żona għall-arja friska;

(ċ)

huwiex rakkomandat it-tneħħija u t-trattament tal-ilbies u ż-żraben mill-individwu; u

(d)

huwiex rakkomandat tagħmir personali protettiv għall-persuni li qed jagħtu l-ewwel għajnuna.

4.2.   L-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati

Għandha tingħata informazzjoni fil-qosor dwar l-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati, mill-esponiment.

4.3.   L-indikazzjoni ta’ kwalunkwe attenzjoni medika immedjata u t-trattament speċjali meħtieġa

Fejn xieraq, għandha tingħata informazzjoni dwar l-ittestjar kliniku u s-sorveljanza medika għal effetti rritardjati, dettalji speċifiċi dwar antidoti (meta magħrufa) u kontra-indikazzjonijiet.

Għal xi sustanzi jew taħlitiet, jista’ jkun importanti li jiġi enfasizzat li għandhom ikunu disponibbli fuq il-post tax-xogħol mezzi speċjali biex jingħata trattament speċifiku u immedjat.

5.    TAQSIMA 5: Il-miżuri għat-tifi tan-nar

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti għat-tifi tan-nar ikkawżat mis-sustanza jew it-taħlita, jew li jseħħ fl-akkwati tagħha.

5.1.   Mezzi għat-tifi tan-nar

Il-mezzi adattati għat-tifi tan-nar:

Għandha tingħata informazzjoni dwar il-mezzi adattati għat-tifi tan-nar.

Il-mezzi mhux adattati għat-tifi tan-nar:

Għandhom jingħataw indikazzjonijiet jekk hemm xi mezzi tat-tifi tan-nar li mhumiex adattati għal sitwazzjoni partikolari li tinvolvi s-sustanza jew it-taħlita.

5.2.   Il-perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew it-taħlita

Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli li jistgħu joriġinaw minn sustanza jew taħlita, bħal prodotti perikolużi ta’ kombustjoni li jiffurmaw meta s-sustanza jew it-taħlita tinħaraq, pereżempju ‘tista’ tipproduċi dħaħen tossiċi ta’ monossidu tal-karbonju jekk tinħaraq’ jew ‘tipproduċi ossidi tas-sulfur u n-nitroġenu waqt kombustjoni’.

5.3.   Parir lil min jiġġieled in-nar

Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe azzjoni protettiva li trid tittieħed waqt it-tif tan-nar, pereżemju ‘żomm il-kontenituri friski bi sprej tal-ilma’, u dwar tagħmir protettiv speċjali, bħalma huma stvali, owverol, ingwanti, protezzjoni tal-għajnejn u l-wiċċ u apparat biex tieħu n-nifs.

6.    TAQSIMA 6: Il-miżuri għar-rilaxx aċċidentali

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tirakkomanda r-reazzjoni adattata għal tixrid, nixxijat jew rilaxxi, biex jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ta’ ħsara fuq persuni, proprjetà u l-ambjent. Hija għandha tiddistingwi bejn reazzjonijiet għal tixrid kbir u żgħir, fil-każ fejn il-volum tat-tixrid iħalli impatt sinifikanti fuq il-periklu. Jekk il-proċeduri għat-trażżin u l-irkupru jindikaw li tinħtieġ prassi differenti, dawn għandhom jiġu indikati fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

6.1.   Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza

6.1.1.   Għal persunal li mhuwiex persunal ta’ emerġenza

Għandu jingħata parir relatat mat-tixrid u r-rilaxx aċċidentali tas-sustanza jew it-taħlita bħalma huma:

(a)

l-ilbies ta’ tagħmir protettiv adattat (inkluż tagħmir protettiv personali msemmi fit-Taqsima 8 tal-iskeda tad-dejta ta’ sigurtà) biex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ġilda, l-għajnejn u l-ilbies personali;

(b)

it-tneħħija ta’ sorsi ta’ qbid tan-nar, provvista ta’ ventilazzjoni biżżejjed, kontroll tat-trab; u

(ċ)

proċeduri ta’ emerġenza bħalma hija l-ħtirġa li tevakwa ż-żona ta’ periklu jew li tikkonsulta espert.

6.1.2.   Għal min jintervjeni f’emerġenza

Għandu jingħata parir relatat ma’ tessut adattat għal ilbies protettiv personali (pereżempju ‘adattat: Butylene’; ‘mhux adattat: PVC’).

6.2.   Il-prekawzjonijiet ambjentali

Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe prekawzjoni ambjentali li għandha tittieħed relatata mat-tixrid u r-rilaxx aċċidentali tas-sustannza jew it-taħlita, bħal pereżempju li żżom ‘il bogħod minn katusi, ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ.

6.3.   Il-metodi u l-materjal għat-trażżin u t-tindif

6.3.1.

Għandu jingħata parir adattat dwar kif jitrażżan it-tixrid. Teknini adattati ta’ trażżin jistgħu jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

bunding, jitgħattew il-katusi;

(b)

proċeduri ta’ limitazzjoni (capping).

6.3.2.

Għandu jingħata parir adattat dwar kif jitnaddaf it-tixrid. Teknini adattati ta’ tindif jistgħu jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

tekniki ta’ newtralizzazzjoni;

(b)

tekniki ta’ dekontaminazzjoni;

(ċ)

materjali ta’ adsorbiment;

(d)

tekniki ta’ tindif;

(e)

tekniki ta’ vvakumjar;

(f)

tagħmir mitlub għat-trażżin/tindif (inkluż l-użu ta’ għodod u tagħmir li ma jisparkjawx fejn applikabbli).

6.3.3.

Għandha tingħata kwalunkwe informazzjoni oħra relatata ma’ tixrid u rilaxxi, inkluż parir dwar trażżin jew tekniki ta’ tindif mhux adattati, pereżempju permezz ta’ indikazzjonijiet bħal ‘qatt tuża …’.

6.4.   Ir-referenza għal taqsimiet oħra

Jekk adattat għandha ssir referenza għat-Taqsimiet 8 u 13.

7.    TAQSIMA 7: Il-ġestjoni u l-ħażna

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tipprovdi parir dwar prassi ta’ ġestjoni bla periklu. Hija għandha tenfasizza prekawzjonijiet li huma adattati għall-użu identifikati msemmija fis-Subtaqsima 1.2 u għall-proprjetajiet uniċi tas-sustanza jew it-taħlita.

L-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tirrelata mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, mas-sigurtà u l-ambjent. Hija għandha tgħin lil min iħaddem biex ifassal proċeduri ta’ xogħol u ta’ miżuri organizzativi adegwati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/24/KE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informqazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Barra mill-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima, tista’ tinstab informazzjoni relevanti fit-Taqsima 8.

7.1.   Il-prekawzjonijiet għal ġestjoni bla periklu

7.1.1.

Ir-rakkomandazzjonijiet għandhon jiġu speċifikati li:

(a)

jippermettu l-ġestjoni bla periklu tas-sustanza jew it-taħlita, bħal trażżin u miżuri li jipprevjenu n-nar kif ukoll il-ġenerazzjoni ta’ aerosol u trab;

(b)

jipprevjenu l-ġestjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet inkompatibbli; u

(ċ)

inaqqsu r-rilaxx tas-sustanza jew it-taħlita lill-ambjent, bħal pereżempju jevitaw it-tixrid jew jinżammu ‘l bogħod mill-katusi.

7.1.2.

Għandu jingħata parir dwar iġjene ġenerali fuq il-lant tax-xogħol, pereżempju:

(a)

biex persuni ma jieklux, ma jixorbux u ma jpejpux f’żoni tax-xogħol;

(b)

biex persuni jaħslu jdejhom wara l-użu; u

(ċ)

biex persuni jneħħu l-ilbies u t-tagħmir protettiv kontaminat qabel jidħlu fiż-żoni għall-ikel.

7.2.   Il-kundizzjonijiet għal ħażna bla periklu, inkluża kwalunkwe inkompatibilità

Il-parir mogħti għandu jkun konsistenti mal-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi deskritti fit-Taqsima 9 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà. Jekk rilevanti, għandu jingħata parir dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ ħażna inkluż:

(a)

Kif tittratta riskji assoċjati ma’:

(i)

atmosferi splussivi;

(ii)

kundizzjonijiet korrużivi;

(iii)

perikli ta’ oġġetti suxxettibli li jieħdu n-nar;

(iv)

sustanzi jew taħlitiet inkompatibbli;

(v)

kundizzjonijiet evaporattivi; u

(vi)

sorsi potenzjali ta’ qbid tan-nar (inkluż tagħmir elettriku).

(b)

Kif għandhom jiġu kkontrollati l-effetti ta’:

(i)

il-kundizzjonijiet tat-temp;

(ii)

il-pressjoni ambjentali;

(iii)

it-temperatura;

(iv)

id-dawl tax-xemx;

(v)

l-umdità; u

(vi)

l-vibrazzjoni.

(ċ)

Il-modi kif għandha tiġi ppreservata l-integrità tas-sustanza jew it-taħlita bl-użu ta’:

(i)

stabbilizzaturi; u

(ii)

anti-ossidanti.

(d)

Pariri oħra inklużi:

(i)

rekwiżiti ta’ ventilazzjoni;

(ii)

tfassil speċifiku għall-kmamar jew kontenituri ta’ ħażna (inklużi ħitan ta’ reazzjoni u ventilazzjoni);

(iii)

limiti tal-kwantità f’kundizzjonijiet ta’ ħażna (jekk rilevanti); u

(iv)

kompatibilitajiet ta’ ppakkjar.

7.3.   L-użu/użi finali speċifiku/speċifiċi

Għal sustanzai u taħlitiet imfassla għal użu/użi finali speċifiku/speċifiċi, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirrelataw mal-użu jew l-użi identifikati msemmija fis-Subtaqsima 1.2 u jkunu dettaljati u operattivi. Jekk hemm marbut xenarju ta’ esponiment, trid issir referenza għalih jew trid tingħata l-informazzjoni kif mitlub fis-Subtaqsimiet 7.1 u 7.2. Jekk operatur fil-katina tal-forniment wettaq valutazzjoni tas-sigurtà kimika għat-taħlita, huwa biżżejjed li l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà u x-xenarji tal-esponiment ikunu konsistenti mar-rapport tas-sigurtà kimika għat-taħlita milli mar-rapporti tas-sigurtà kimika għal kull sustanza fit-taħlita. Jekk teżisti gwida speċifika għall-industrija jew is-settur, tista’ ssir referenza dettaljata għaliha (inklużi s-sors u d-data tal-ħruġ).

8.    TAQSIMA 8: Il-kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-limiti applikabbli ta’ esponiment waqt ix-xogħol.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informqazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

8.1.   Il-parametri ta’ kontroll

8.1.1.

Meta disponibbli, għandhom jiġu elenkati għas-sustanza jew għal kull waħda mis-sustanzi fit-taħlita, il-valuri nazzjonali ta’ limitu li ġejjin, inkluża l-bażi legali ta’ kull wieħed minnhom, li bħalissa huma applikabbli fl-Istat Membru li fih qed tingħata l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà. Meta jiġu elenkati l-valuri ta’ limitu ta’ esponiment, għandha tintuża l-identità kimika kif speċifikat fit-Taqsima 3.

8.1.1.1.

il-valuri nazzjonali ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/320/KE (2);

8.1.1.2.

il-valuri nazzjonali ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu skont id-Direttiva 2004/37/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 95/320/KE;

8.1.1.3.

kwalunkwe valur nazzjonali ieħor ta’ limitu ta’ esponiment fuq il-lant tax-xogħol;

8.1.1.4.

il-valuri nazzjonali tal-limitu bijoloġiku li jikkorrispondu għall-valuri Komunitarji ta’ limitu bijoloġiku skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notament kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 95/320/KE;

8.1.1.5.

kwalunkwe valur nazzjonali ieħor ta’ limitu bijoloġiku fuq il-lant tax-xogħol.

8.1.2.

Għandha tingħata informazzjoni dwar proċeduri rakkomandati bħalissa ta’ monitoraġġ mill-inqas għas-sustanzi l-iktar rilevanti.

8.1.3.

Jekk jiffurmaw kontaminanti tal-arja meta tintuża kif suppost is-sustanza jew it-taħlita, valuri applikabbli ta’ limitu ta’ esponiment waqt xogħol u/jew valuri bijoloġiċi ta’ limitu għal dawn għandhomjiġu elenkati wkoll.

8.1.4.

Meta jintalab rapport tas-sigurtà kimika jew DNEL kif imsemmi fit-Taqsima 1.4 tal-Anness I jew PNEC kif imsemmi fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I ikun disponibbl, id-DNELs u l-PNECs rilevanti għas-sustanza għandhom jingħataw għax-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

8.1.5.

Meta tintuża strateġija ta’ kontrolli raggruppati biex issir deċiżjoni dwar miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju fir-rigwrad ta’ użi speċifiċi, għandu jingħata biżżejjed dettall biex jippermetti l-ġestjoni effettiva tar-riskju. Il-kuntest u l-limitazzjonijiet tar-rakkomandazzjoni speċifika ta’ kontrolli raggruppati għandhom ikunu ċari.

8.2.   Il-kontrolli ta’ esponiment

Għandha tingħata l-informazzjoni mitluba fis-subtaqsima attwali, sakemm ma jkunx hemm xenarju ta’ esponiment li fih dik l-informazzjoni mehmuż mal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Meta l-fornitur ma jkunx applika test skont it-Taqsima 3 tal-Anness XI, huwa għandu jindika l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu li ntrabat fuqhom biex jiġġustifika li jwarrab it-test.

Meta sustanza tkun ġiet irreġistrata bħala sustanza intermedja iżolata (fuq il-post jew trasportata), il-fornitur għandu jindika li din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija konsistenti mal-kundizzjonijiet speċifiċi li tqiesu attendibbli għall-ġustifikazzjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikoli 17 jew 18.

8.2.1.   Il-kontrolli xierqa ta’ inġinerija

Id-deskrizzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ kontroll ta’ esponiment għandha tirrelata mal-użu/użi identifikat(i) tas-sustanza jew it-taħlita kif imsemmi fis-Subtaqsima 1.2. Din l-informazzjoni għandha tkun biżżejjed biex tippermetti lil min iħaddem li jwettaq valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema li joriġina mill-preżenza tas-sustanza jew it-taħlita skont l-Artikoli minn 4 sa 6 tad-Direttiva 98/24/KE kif ukoll skont l-Artikoli minn 3 sa 5 tad-Direttiva 2004/37/KE, fejn xieraq.

Din l-informazzjoni għandha tikkomplementa dik mogħtija diġà taħt it-Taqsima 7.

8.2.2.   Il-miżuri individwali ta’ protezzjoni, bħalma huwa tagħmir personali protettiv

8.2.2.1.

L-informazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir personali protettiv għandha tkun konsistenti ma’ prassi tajba ta’ iġjene waqt xogħol u flimkien ma’ miżuri oħra ta’ kontroll, inklużi kontrolli ta’ inġinerija, ventilazzjoni u iżolazzjoni. Meta xieraq, għandha ssir referenza għat-Taqsima 5 għal parir speċifiku tat-tagħmir protettiv dwar nar/kimika.

8.2.2.2.

Filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (3) u b’referenza għall-istandards CEN xierqa, għandhom jingħataw speċifikazzjonijiet dettaljati dwar liema tagħmir għandu jipprovdi protezzjoni adegwata u xierqa, inklużi:

(a)

Protezzjoni tal-għajn/il-wiċċ

It-tip ta’ tagħmir ta’ protezzjoni tal-għajn/il-wiċċ obbligat għandu jiġi speċifikat abbażi tal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzja ta’ kuntatt, bħalma huma nuċċalijiet tas-sigurtà, goggles tas-sigurtà, maskra ta’ protezzjoni tal-wiċċ.

(b)

Il-protezzjoni tal-ġilda

(i)

Il-protezzjoni tal-id

It-tip ta’ ngwanti li għandhom jintlibsu meta tkun qed tinżamm sustanza jew taħlita għandu jiġi speċifikat b’mod ċar abbażi tal-periklu tas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt u fir-rigward ral-ammont u t-tul ta’ ħin ta’ espożizzjoni tal-ġilda, inklużi:

it-tip tal-materjal u l-ħxuna tiegħu,

ir-reżistenza tipika jew minima tal-materjal tal-ingwanti.

Jekk meħtieġ għandha tiġi indikata kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni għall-id.

(ii)

Oħrajn

Jekk ikun meħtieġ li tiġi protetta parti tal-ġisem apparti l-idejn it-tip u l-kwalità tat-tagħmir obbligat tal-protezzjoni għandhom jiġu speċifikati, bħalma huma ngwanti twali, stvali, bodysuit abbażi tal-perikli assoċjati mas-sustanza jew it-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt.

Jekk neċessarju, għandha tiġi indikata kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni tal-ġilda u miżura speċifika ta’ iġjene.

(ċ)

Il-protezzjoni respiratorja

Għal gassijiet, fwar, nida jew trab, it-tip ta’ tagħmir protettiv li għandu jintuża għandu jkun speċifikat abbażi tal-periklu u l-potenzjal ta’ esponiment, inklużi respiraturi li jippurifikaw l-arja, filwaqt li jiġi speċifikat l-element xieraq ta’ purifikazzjoni (kontenitur issiġillat jew ċilindru), il-filtri adegwati għal partiċelli minuskoli separati u l-maskri adegwati, jew apparat awtonomu għan-nifs.

(d)

Il-perikli termiċi

Meta jiġi speċifikat tagħmir protettiv li għandu jintlibes għalmaterjali li joffru periklu termali, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-ħadma tat-tagħmir personali protettiv.

8.2.3.   Il-kontrolli ta’ esponiment ambjentali

Għandha tiġi speċifikata l-infomrazzjoni mitluba minn min iħaddem biex jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar protezzjoni ambjentali.

Meta jkun obbligat rapport tas-sigurtà, taqsira tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju li jikkontrollaw b’mod xieraq l-esponiment tal-ambjent għas-sustanza għandha tingħata għal xenarji ta’ esponiment stipulati fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

9.    TAQSIMA 9: Il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi d-dejta empirika relatata mas-sustanza jew it-taħlita, jekk rilevanti. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandu jgħodd. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

9.1.   L-informazzjoni dwar proprjetajiet fiċiżi u kimiċi bażiċi

Il-proprjetajiet li ġejjin għandhom jiġu identifikati b’mod ċar inkluż, fejn adattat, referenza għall-metodi ta’ ttestjar użati u speċifikazzjoni tal-unitajiet adattati ta’ kejl u/jew kundizzjonijiet ta’ referenza fejn xieraq. Jekk rilevanti għall-interpretazzjoni tal-valur numeriku, il-metodu ta’ determinazzjoni għandu jingħata wkoll (pereżempju l-metodu għal flash point, metodu opencup/closed cup):

(a)

Id-dehra

L-istat fiżiku (solidu (inkluża informazzjoni xierqa u disponibbli tas-sigurtà dwar granulometrija u l-erja speċifika tas-superfiċje jekk mhijiex speċifikata band’oħra f’din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà), likwidu, gass) u l-lewn tas-sustanza jew it-taħlita kif fornut għandu jiġi indikat;

(b)

Ir-riħa

Jekk ir-riħa hija perċettibbli, igħandha tingħata deskrizzjoni fil-qosor tagħha;

(ċ)

Il-limitu massimu tar-riħa;

(d)

pH:

Għandu jiġi indikat il-pH tas-sustanza jew it-taħlita kif fornut jew ta’ soluzzjoni tal-ilma; fil-każ imsemmi l-aħħar, għandha tiġi indikata l-konċentrazzjoni;

(e)

Il-punt ta’ tidwib/il-punt tal-iffriżar;

(f)

Il-punt inizjali tat-togħlija u l-firxa tat-togħlija;

(g)

Il-flash point;

(h)

Ir-rata ta’ evaporazzjoni;

(i)

Il-fjammabilità (solidu, gass);

(j)

Il-limiti superjuri/inferjuri ta’ fjammabilità jew ta’ splużjoni;

(k)

Il-pressjoni tal-fwar;

(l)

Id-densità tal-fwar;

(m)

Id-densità relattiva;

(n)

Is-solubilit(à)(ajiet);

(o)

Il-koeffiċjent ta’ partizzjoni: n-octanol/ilma;

(p)

It-temperatura meta taqbad waħidha;

(q)

It-temperatura ta’ dikompożizzjoni;

(r)

Il-viskożità;

(s)

il-proprjetajiet splussivi;

(t)

il-propertajiet ossidizzanti.

Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

Biex tippermetti li jittieħdu miżuri xierqa ta’ kontroll, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti kollha dwar sustanza jew taħlita. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni fejn ikun hemm bżonn waħda.

Fil-każ ta’ taħlita, l-entrati għandhom jindikaw b’mod ċar għal-liema sustanza fit-taħlita tapplika d-dejta, sakemm ma tkunx valida għat-taħlita sħiħa.

9.2.   L-informazzjoni l-oħra

parametri fiżiċi u kimiċi oħra għandhom jiġu indikati kif meħtieġ, bħalma huma l-kapaċità li titħallat mal-ilma, is-solubilità fix-xaħam (is-solvent - żejt li jrid jiġi speċifikat), il-konduttività, jew il-grupp tal-gass. Informazzjoni xierqa u disponibbli tas-sigurtà dwar il-potenzjal redox (tnaqqis tal-ossidazzjoni), il-potenzjal ta’ formazzjoni radikali u l-proprjetajiet fotokatalitiċi għandha tiġi indikata.

10.    TAQSIMA 10: L-istabilità u r-reattività

Din it-taqsima fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-istabilità tas-sustanza jew it-taħlita u l-possibilità ta’ reazzjonijiet perikolużi li jseħħu f’ċerti kundizzjonijiet ta’ użu u wkoll jekk rilaxxati fl-ambjent, inkluża, meta xierqa, referenza għall-metodi tal-ittestjar użati. Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

10.1.   Ir-reattività

10.1.1.

Għandhom jiġu deskritti l-perikli ta’ reattività tas-sustanza jew it-taħlita. Għandha tingħata dejta speċifika tat-test għas-sustanza jew it-taħlita bħala entità sħiħa, meta disponibbli. Minkejja dan, l-informazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq dejta ġenerali għall-klassi jew il-familja ta’ sustanza jew taħlita jekk dejta bħal din tirrappreżenta b’mod adegwat il-periklu antiċipat tas-sustanza jew it-taħlita.

10.1.2.

Jekk id-dejta għat-taħlitiet ma tkunx disponibbli, għandha tingħata d-dejta dwar sustanzi fit-taħlita. Fid-determinazzjoni tal-inkompatibilità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenituri u l-kontaminanti li s-sustanza jew it-taħlita tista’ tkun esposta għalihom matul it-trasport, il-ħażna u l-użu.

10.2.   L-istabilità kimika

Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex stabbli jew instabbli f’akkwati normali u f’kundizzjonijiet antiċipati ta’ ħażna u ġestjoni ta’ temperatura u pressjoni. Għandu jiġi deskritt kwalunkwe stabbilizzatur li huwa, jew jeħtieġ li jkun, użat biex jippreservaw l-istabilità kimika tas-sustanza jew it-taħlita. Is-sinifikat ta’ sigurtà ta’ kwalunkwe bidla fl-apparenza fiżika tas-sustanza jew it-taħlita għandu jiġi indikat.

10.3.   Il-possibilità ta’ reazzjonijiet ta’ periklu

Jekk rilevanti, għandu jiġi ddikjarat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex se tirreaġixxi jew tippolimerizza, u b’hekk tirrilaxxa pressjoni jew sħana eċċessiva, jew toħloq kundizzjonijiet oħra ta’ periklu. Il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu r-reazzjonijiet perikolużi għandhom jiġu deskritti.

10.4.   Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

Għandhom jiġu elenkati kundizzjonijiet bħalma huma temperatura, pressjoni, dawl, trawma, skarika tal-istatika, vibrazzjonijiet jew pressjonijiet fiżiċi oħra li jistgħu jirriżultaw f’sitwazzjoni ta’ periklu u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn.

10.5.   Il-materjali inkompatibbli

Għandhom jiġu elenkati familji tas-sustanzi jew it-taħlitiet jew is-sustanzi speċifiċi, bħalma huma ilma, arja, aċti, bażijiet, aġenti ta’ ossidazzjoni, li magħhom tista’ tirreaġixxi s-sustanza jew it-taħlita biex tipproduċi sitwazzjoni perikoluża (bħal splużjoni, rilaxx ta’ materjali tossiċi jew li jieħdu n-nar, jew liberazzjoni ta’ sħana eċċessiva) u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn.

10.6.   Il-prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

Għandhom jiġu elenkati prodotti magħrufa u raġjonevolment antiċipati ta’ dekompożizzjoni bħala riżultat ta’ użu, ħażna, tixrid u tisħin. Għandhom jiġu inklużi prodotti perikolużi ta’ kombustjoni fit-Taqsima 5 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

11.    TAQSIMA 11: L-informazzjoni tossikoloġika

Din it-taqsima fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija maħsuba primarjament għall-użu mill-professjonisti mediċi, professjonisti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tossikologi. Għandha tingħata deskrizzjoni konċiża iżda kompluta u komprensibbli tal-effetti (fuq is-saħħa) tossikoloġiċi varji u d-dejta disponibbli użata biex tidentifika dawk l-effetti, inkluż fejn xieraq informazzjoni dwar tossikokinetika, metaboliżmu u distribuzzjoni. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

11.1.   L-informazzjoni dwar effetti tossikoloġiċi

Il-klassijiet rilevati ta’ periklu, li għalihom għandha tingħata informazzjoni, huma:

(a)

tossiċità akuta;

(b)

korrużjoni/irritazzjoni tal-ġilda;

(ċ)

ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn;

(d)

sensitizzazzjoni respiratorja jew tal-ġilda;

(e)

mutaġeniċità fiċ-ċelloli tal-mikrobi;

(f)

karċinoġeniċità;

(g)

tossiċità riproduttiva;

(h)

tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT)- esponiment uniku;

(i)

tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT)- esponiment ripetut;

(j)

periklu min-nifs.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, għandhom jingħataw sommarji qosra tal-informazzjoni derivati mill-applikazzjoni tal-Annessi minn VII sa XI, inkluża, meta xierqa, referenza għall-metodi ta’ ttestjar użati. Għal sustanzi soġġetti għal reġistrazzjoni, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-riżultat tat-tqabbil tad-dejta disponibbli mal-kriterji mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għal CMR, kategoriji 1 A u 1B, wara l-punt 1.3.1 tal-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

11.1.1.   L-informazzjoni għandha tingħata għal kull klassi ta’ periklu jew diffrenzjar. Jekk ikun iddikjarat li s-sustanza jew it-taħlita mhijiex klassifikata għal klassi partikolari ta’ periklu jew diffrenzjar, l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddikjara b’mod ċar jekk dan huwiex dovut minħabba nuqqas ta’ dejta, impossibilità teknika li tinkiseb id-dejta, dejta inkonklussiva jew dejta konklussiva għalkemm mihijiex biżżejjed għall-klassifikazzjoni; fil-każ imsemmi l-aħħar l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tispeċifika ‘abbażi tad-dejta disponibbli, il-kriterji tal-klassifikazzjoni mhumiex sodisfatti.’

11.1.2.   Id-dejta inkluża f’din is-subtaqsima għandha tapplika għas-sustanza jew it-taħlita kif imqiegħda fis-suq. Fil-każ ta’ taħlita, id-dejta għandha tiddeskrivi l-proprjetajiet tossikoloġiċi tat-taħlita bħala entità sħiħa, ħlief jekk japplika l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk disponibbli, għandhom jingħataw ukoll il-proprjetajiet tossikoloġiċi rilevanti tas-sustanzi perikolużi f’taħlita, bħalma huma LD50, Stimi tat-Tossiċità Akuta jew LC50.

11.1.3.   Meta jkun hemm ammont sostanzjali tad-dejta tat-test dwar is-sustanza jew it-taħlita, jista’ jkun meħtieġ li r-riżultati jingħataw f’sommarju tal-istudji kritiċi użati, pereżempju permezz ta’ rotta ta’ esponiment.

11.1.4.   Meta l-kriterji ta’ klassifikazzjoni għal klassi partikolari ta’ periklu ma jiġux sodisfatti, għandha tingħata informazzjoni li tappoġġja din il-konklużjoni.

11.1.5.   L-informazzjoni dwar rotot probabbli ta’ esponiment

Għandha tingħata informazzjoni dwar rotot probabbli ta’ esponiment u l-effetti tas-sustanza jew it-taħlita permezz ta’ kull rotta possibbli ta’ esponiment, jiġifieri, permezz ta’ ġrigħ (meta tinbela’), min-nifs, jew esponiment tal-għajnejn/il-ġilda. Jekk l-effetti fuq is-saħħa ma jkunux magħrufa, dan għandu jiġi ddikjarat.

11.1.6.   Sintomi relatati mal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tossikoloġi

Għandhom jiġu deskritti l-effetti potenzjali ta’ ħsara u s-sintomi assoċjati mal-esponiment għas-sustanza jew it-taħlita u l-ingredjenti jew il-prodotti sekondarji tagħha. Għandha tingħata informazzjoni disponibbli dwar is-sintomi relatati mal-karatteristiċi, fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi tas-sustanza jew it-taħlita wara esponiment. Għandhom jiġu deskritti l-ewwel sintomi fil-livelli baxxi ta’ esponiment u jibqgħu sejrin sal-konsegwenzi ta’ esponiment gravi, pereżempju ‘jistgħu jseħħu wġigħ ta’ ras u sturdament, li jwasslu għal ħass ħażin jew telf mis-sensi; dożi kbar jistgħu jirriżultaw f’koma jew mewt’.

11.1.7.   Effetti rritardjati u immedjati kif ukoll effetti kroniċi minn esponiment li jifrex fuq medda qasira u medda twila ta’ żmien

Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk għandhomx jiġu mistennija effetti rritardjati jew immedjati wara esponiment li jifrex fuq medda qasira jew medda twila ta’ żmien. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar effetti akuti u kroniċi relatati mal-esponiment uman għas-sustanza jew it-taħlita. Fejn mhijiex disponibbli dejta umana, għandu jingħata sommarju tad-dejta tal-annimali u l-ispeċi għandha tiġi identifikata b’mod ċar. Għandu jiġi indikat jekk id-dejta tossikoloġika hijiex ibbażata fuq dejta umana jew inkella fuq dejta tal-annimali.

11.1.8.   L-effetti interattivi

Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar interazzjonijiet jekk rilevanti u disponibbli.

11.1.9.   In-nuqqas ta’ dejta speċifika

Mhux dejjem jista’ jkun possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar il-perikli ta’ sustanza jew taħlita. F’każijiet fejn id-dejta dwar is-sustanza jew it-taħlita speċifika ma tkunx disponibbli, tista’ tintuża dejta dwar sustanzi jew taħlitiet simili, jekk xieraq, bil-kundizzjoni li s-sustanza jew it-taħlita simili rilevanti tkun identifikata. Fejn ma tintużax dejta speċifika, jew meta dejta ma tkunx disponibbli, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar

11.1.10.   It-taħlitiet

Għal effett speċifiku fuq is-saħħa, jekk taħlita ma tkunx ġiet ittestjata bħala entità sħiħa għal effett tagħha fuq is-saħħa, għandha tingħata informazzjoni rilevanti fuq is-sustanzi elenkati fit-Taqsima 3.

11.1.11.   It-taħlita b’paragun mal-informazzjoni tas-sustanza

11.1.11.1.

Is-sustanzi f’taħlita jistgħu jinteraġixxu ma’ xulxin fil-ġisem li jirriżulta f’rati differenti ta’ assorbiment, ta’ metaboliżmu u ta’ ekskreta. Bħala riżultat, l-azzjonijiet tossiċi jistgħu jinbidlu u t-tossiċità tat-taħlita tista’ tkun differenti minn dik tas-sustanzi fiha. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tingħata l-informazzjoni tossikoloġika f’din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

11.1.11.2.

Jeħtieġ li jitqies jekk il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza hijiex biżżejjed biex tikkontribwixxi għall-effetti globali ta’ saħħa tat-taħlita. L-informazzjoni dwar effetti tossiċi għandha tiġi ppreżentata għal kull sustanza, minbarra għall-każijiet li ġejjin:

(a)

Jekk l-informazzjoni hija duplikata, hija għandha tiġi elenkata b’kollox darba biss għat-taħlita, pereżempju meta żewġ sustanzi jikkawżaw ir-rimettar u d-dijarea t-tnejn li huma;

(b)

jekk ikun improbabbli li dawn l-effetti jseħħu fil-konċentrazzjonijiet preżenti, bħal meta irritant minuri jiġi dilwit f’inqas minn ċerta konċentrazzjoni f’soluzzjoni mhux irritanti;

(ċ)

meta informazzjoni jew interazzjonijiet bejn is-sustanzi f’taħlita mhumiex disponibbli, ma għandhomx isiru assunzjonijiet u minflok għandhom jiġu elenkati l-effetti fuq is-saħħa ta’ kull sustanza b’mod separat.

11.1.12.   L-informazzjoni l-oħra

L-informazzjoni rilevanti l-oħra fuq effetti negattivi tas-saħħa għandha tiġi inkluża ukoll jekk ma tkunx mitluba mill-kriterji tal-klassifikazzjoni.

12.    TAQSIMA 12: L-informazzjoni ekoloġika

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni mogħtija biex tivvaluta l-impatt ambjentali tas-sustanza jew it-taħlita fejn tiġi rilaxxata fl-ambjent. Skont is-Subtaqsimiet minn 12.1 sa 12.6 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandu jingħata sommarju qasir tad-dejta inkluża, meta disponibbli, dejta rilevanti tat-test u għandu jiddeskrivi b’mod ċar l-ispeċi, il-mezzi, l-unitajiet, it-tul ta’ żmien tat-test u l-kundizzjonijiet tat-test. Din l-informazzjoni tista’ tgħin fil-ġestjoni tat-tixrid, u l-valutazzjoni tal-prassi ta’ trattament tal-iskart, il-kontroll ta’ rilaxx, miżuri ta’ rilaxx aċċidentali u trasport. Jekk ikun iddikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari mhijiex disponibbli, għandhom jiġu indikati r-raġunijiet.

Għandha tingħata informazzjoni dwar bijoakkumulazzjoni, persistenza u degradabilità, fejn disponibbli, għal kull sustanza rilevanti fit-taħlita. Għandha tingħata wkoll informazzjoni għal prodotti ta’ trasformazzjoni perikoluża li toriġina mid-degradazzjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet.

L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija f’reġistrazzjoni u/jew f’rapport ta’ sigurtà kimika fejn mitlub, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita.

12.1.   It-tossiċità

Għandha tingħata informazzjoni dwar tossiċità bl-użu ta’ dejta minn testijiet imwettqa fuq organiżmi akwatiċi u/jew terrestri meta tkun disponibbli. Din għandha tinkludi dejta rilevanti disponibbli dwar tossiċità akkwatika, kemm akuta kif ukoll kronika għal ħut, krustaċji, alga u pjanti oħra akkwatiċi. Barra minn dan, għandha tiġi inkluża meta tkun disponibbli, dejta ta’ tossiċità dwar mikro-organiżmi u makro-organiżmi tal-ħamrija u organiżmi oħra ambjentalment rilevanti, bħal għasafar, naħal u pjanti. Fejn is-sustanza jew it-taħlita jkollhom effetti inibitorji fuq l-attività ta’ mikro-organiżmi, għandu jissemma l-impatt possibbli fuq impjanti ta’ trattament ta’ drenaġġ.

Għal sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni, għandhom jiġu inklużi sommarji ta’ informazzjoni derivati mill-applikazzjoni tal-Annessi minn VII sa XI ta’ dan ir-Regolament.

12.2.   Il-persistenza u d-degradabilità

Il-persistenza u d-degradabilità huma l-potenzjal tas-sustanza jew is-sustanzi xierqa f’taħlita li jiddegradaw fl-ambjent, jew permezz ta’ bijodegradazzjoni inkella bi proċessi oħra bħal ossidizzazzjoni jew idrolożi. Meta disponibbli għandhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet rilevanti biex jivvalutaw il-persistenza u d-degradabilità. Jekk qed jiġu kkwotati n-nofs ħajjiet (iż-żmien meħud li fih kwantità ta’ sustanza tonqos bin-nofs) ta’ degradazzjoni jrid jiġi indikat jekk dawn in-nofs ħajjiet jirreferux għal mineralizzazzjoni inkella għal degradazzjoni primarja. Għandu jissemma wkoll il-potenzjal tas-sustanza jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita li jiddegradaw fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

Din l-informazzjoni għandha tingħata meta disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li mitluba li tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

12.3.   Il-potenzjal bijoakkumulattiv

Il-potenzjal bijoakkumulattiv huwa l-potenzjal tas-sustanza jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita li jakkumulaw f’bijota u, eventwalment biex jgħaddu minn ġewwa l-katina tal-ikel. Għandhom jingħataw ukoll ir-riżultati rilevati tat-testijiet biex jiġi vvalutat il-potenzjal bijoakkumulattiv. Dawn għandhom jinkludu referenza għall-koefiċjent ta’ partizzjoni octanol-ilma (kow) u l-fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF), jekk disponibbli.

Din l-informazzjoni għandha tingħata meta disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li mitluba li tiġi elenkata fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

12.4.   Il-mobilità fil-ħamrija

Il-mobilità fil-ħamrija huwa l-potenzjal tas-sustanza jew il-kostitwenti ta’ taħlita, jekk rilaxxati fl-ambjent, li jiċċaqilqu taħt forzi naturali għall-ilma tal-qiegħ jew għal distanza mil-lok tar-rilaxx. Il-potenzjal għall-mobilità fil-ħamrija għandu jingħata meta disponibbli. L-informazzjoni dwar il-mobilità tista’ tiġi determinata mid-dejta rilevanti tal-mobilità bħalma huma studi ta’ assorbiment jew studji ta’ skular, distribuzzjoni magħrufa jew imbassra għal kompartimenti ambjentali, jew tensjoni tal-wiċċ. Pereżempju, il-valuri Koc jistgħu jitbassru mill-koeficjenti ta’ partizzjoni octanol/ilma. L-iskular u l-mobilità jistgħu jitbassru minn mudelli.

Din l-informazzjoni għandha tingħata meta disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li mitluba li tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà.

Fejn teżisti dejta esperimentali, dik id-dejta, b’mod ġenerali, għandha tieħu preċedenza fuq mudelli u tbassir.

12.5.   Ir-riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

Meta jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, għandhom jingħataw ir-riżultati ta’ valutazzjoni PBT u vPvB kif stipulat fir-rapport ta’ sigurtà kimika.

12.6.   L-effetti l-oħra ta’ ħsara

Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe effett ieħor ta’ ħsara fuq l-ambjent meta tkun disponibbli, pereżempju destin ambjentali (esponiment), potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku, potenzjal ta’ tnaqqis tal-ożonu, potenzjal ta’ effett ta’ tħarbit endokrinali u/jew potenzjal ta’ tisħin globali.

13.    TAQSIMA 13: Il-kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi informazzjoni għall-ġestjoni xierqa tal-iskart tas-sustanza jew it-taħlita u/jew il-kontenitur tagħha biex jgħin fid-determinazzjoni ta’ alternattivi ta’ ġestjoni tal-iskart bla periklu u ambjentalment preferiti, b’konsistenza mar-rekwiżiti skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tal-Istat Membru li fih l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà qed tiġi fornuta. L-informazzjoni rilevanti għas-sigurtà tal-persuni li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart għandha tikkomplimenta l-informazzjoni mogħtija fit-Taqsima 8.

Fejn jinħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika u fejn twettqet analiżi tal-istadju tal-iskart, l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tal-iskart għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji ta’ esponiment mir-rapport tas-sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

13.1.   Il-metodi ta’ trattament tal-iskart

(a)

Għandhom jiġu speċifikati l-kontenituri u l-metodi tat-trattament tal-iskart inkluiżi l-metodi xierqa tat-trattament tal-iskart kemm tas-sustanza jew it-taħlita kif ukoll għal kwalunkwe imballaġġ kontaminat (pereżempju inċinerazzjoni, riċiklaġġ, rimi fir-radam);

(b)

Għandhom jiġu speċifikati proprjetajiet fiżiċi/kimiċi li jistgħu jaffettwaw alternattivi ta’ trattament tal-iskart;

(ċ)

Għandu jiġi skuraġġit ir-rimi tad-drenaġġ;

(d)

Fejn xieraq, għandha tiġi speċifikata kwalunkwe prekawzjoni speċjali għal kwalunkwe alternattiva rakkomandata tat-trattament tal-iskart.

Għandha ssir referenza għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Komunità relatata mal-iskart. Fin-nuqqas ta’ dawn għandha ssir referenza għal kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ.

14.    TAQSIMA 14: L-informazzjoni dwar it-trasport

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tagħti l-informazzjoni bażika ta’ klassifikazzjoni għat-trasport/trasport bil-baħar ta’ sustanzi jew taħlitiet imsemmija fit-Taqsima 1 permezz tat-triq, ferrovija, baħar, rotot navigabbli interni jew ajru. Meta l-informazzjoni mhijiex disponibbli jew rilevanti dan għandu jiġi ddikjarat.

Fejn rilevanti, hija għandha tagħti informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-trasport għal kull wieħed mir-Regolamenti Mudell tan-NU: Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) (5), ir-Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (RID) (6) u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi permezz tar-Rotot Navigabbli Interni (ADN) (7) li t-tlieta li huma ġew implimentati permezz tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar trasport intern tal-oġġetti perikolużi (8), Kodiċi Internazzjonali Marittima Internazzjonali tal-Oġġetti Perikolużi (IMDG) (9) (il-baħar); u Struzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Bla Perilu ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (ICAO) (10) (l-ajru).

14.1.   In-numru tan-NU:

Għandu jingħata n-numru tan-NU (jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni b’erba’ ċifri tas-sustanza, taħlita jew artikolu preċedut mill-ittri ‘NU’) mir-Regolamenti Mudell tan-NU.

14.2.   L-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU

Għandu jingħata l-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU mir-Regolamenti Mudell tan-NU, sakemm ma jkunx deher bħala identifikatur tal-prodott fis-Subtaqsima 1.1

14.3.   Il-klassi(jiet) tal-Periklu tat-Trasport

Għandha tingħata l-klassi tal-periklu tat-trasport (u riskji sussidjarji) assenjati lis-sustanzi jew it-taħlitiet skont il-periklu predominanti li jippreżentaw skont ir-Regolamenti Mudell NU.

14.4.   Il-grupp ta’ imballaġġ,

Għandu jingħata n-numru tal-grupp tal-imballaġġ mir-Regolamenti Mudell tan-NU, jekk applikabbli. In-numru tal-grupp tal-imballaġġ huwa assenjat lil ċerti sustanzi skont il-grad tagħhom ta’ periklu.

14.5.   Il-perikli ambjentali

Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex ambjentalment perikoluża skont il-kriterji tar-Regolamenti Mudell tan-NU (kif riflessi fil-Kodiċi IMDG, ADR, RID u Adn) u/jew tniġġisx il-baħar skont il-kodiċi IMDG. Jekk tkun awtorizzata, jew maħsuba għat-trasport f’ bastimenti tat-tankijiet permezz tar-rotot navigabbli interni, għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex ambjentalment perikoluża fil-bastimenti tat-tankijiet skont l-ADN.

14.6.   Il-prekawzjonijiet speċjali għall-utent

Għandha tingħata informazzjoni dwar kwalunkwe prekawzjoni speċjali li l-utent għandu jew irid jikkonforma magħha inkella li jkun konxju minnha fir-rigward tat-trasport jew tal-ġarr kemm ‘il ġewwa kif ukoll ‘il barra mill-proprjetà tiegħu.

14.7.   It-trasport fil-massa skont l-Anness II ta’ MARPOL 73/78 u l-Kodiċi IBC

Din is-subtaqsima tapplika biss meta l-merkanzija tkun maħsuba li tinġarr fil-massa skont l-istrumenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) li ġejjin: L-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif mibdula mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha (MARPOL 73/78) (11) u l-kodiċi Internazzjonali għall-Bini u t-Tagħmir tal-Bastimenti li jġorru Kimiki Perikolużi fil-Massa (Kodiċi Kimika Internazzjonali fil-Massa) (Kodiċi IBC) (12).

L-isem tal-prodott għandu jingħata (jekk l-isem ikun differenti minn dak mogħti fis-Subtaqsima 1.1) kif mitlub mid-dokument ta’ trasbord u skont l-isem użat fil-listi ta’ ismijiet ta’ prodotti mogħtija fil-kapitoli 17 jew 18 tal-Kodiċi IBC jew l-aħħar edizzjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (MEPC).2/Ċirkulari (13). It-tip ta’ bastiment mitlub u l-kategorija ta’ tniġġis għandhom ikunu indikati.

15.    TAQSIMA 15: L-informazzjoni regolatorja

Din it-taqsima dwar l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni regolatorja l-oħra dwar is-sustanza jew it-taħlita li ma tkunx ingħatat fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà (pereżempju jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (14), ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (15) jew ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (16)).

15.1.   Ir-regolamenti/leġiżlazzjoni tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent speċifiċi għas-sustanza jew it-taħlita

Għandha tingħata informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent (pereżempju kategorija Seveso/sustanzi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (17)) jew informazzjoni nazzjoniali dwar l-istatus regolari tas-sustanza jew it-taħlita (inklużi s-sustanzi fit-taħlita), inkluż parir dwar azzjoni li għandha tittieħed minn min qed jirċevihom bħala riżultat ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għandha ssir referenza, meta rilevanti, għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri rilevanti li jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe miżura nazzjonali oħra li tista’ tkun rilevanti.

Jekk is-sustanza jew it-taħlita koperta minn din l-iskeda tad-dejta tas-sigurtà hija soġġetta għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent f’livell Komunitarju (pereżempju awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt Titolu VII jew restrizzjonijiet taħt Titolu VIII) dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jissemmew.

15.2.   Il-Valutazzjoni tas-Sigurtà Kimika

Għandu jiġi indikat jekk twettqietx valutazzjoni tas-sigurtà kimika għas-sustanza jew it-taħlita mill-fornitur.

16.    TAQSIMA 16: L-informazzjoni l-oħra

Din it-taqsima tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni rilevanti għall-kumpilazzjoni tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà … Hija għandha tinkorpora informazzjoni oħra li mhijiex inkluża fit-Taqsimiet minn 1 sa 15, inkluża informazzjoni dwar reviżjoni tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà pereżempju:

(a)

fil-każ ta’ skeda riveduta tad-dejta tas-sigurtà, indikazzjoni ċara ta’ fejn saru t-tibdiliet għall-verżjoni preċedenti tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, sakemm din it-tip ta’ indikazzjoni ma tkunx ingħatat band’oħra fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà, bi spjegazzjoni tat-tibdiliet, jekk xieraq. Fornitur ta’ sustanza jew taħlita għandu jżomm spjegazzjoni tat-tibdiliet u jagħtiha malli jintalab għaliha;

(b)

kjavi jew tifsira għat-taqsiriet u l-akronomi użati fl-iskeda tad-dejta tas-sigurtà;

(ċ)

referenzi ewlenin ta’ letteratura u sorsi għad-dejta;

(d)

fil-każ tat-taħlitiet, indikazzjoni ta’ liema metodu ta’ valutazzjoni tal-informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ntuża għall-iskop tal-klassifikazzjoni;

(e)

lista ta’ frażijiet rilevanti ta’ periklu, u/jew dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni. Ikteb it-test sħiħ ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni li ma tkunx inkitbet kompletament fit-Taqsimiet 2 sa 15;

(f)

parir dwar kwalunkwe taħriġ adattat għall-ħaddiema biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa umana u l-ambjent.

PARTI B

L-iskeda tad-dejta tas-sigurtà għandha tinkludi s-16-il intestatura li ġejjin skont l-Artikolu 31(6) u flimkien magħhom is-subintestaturi elenkati wkoll minbarra t-Taqsima 3, fejn is-Subtaqsimiet 3.1 jew 3.2 biss jeħtieġ li jiġu inklużi kif xieraq:

TAQSIMA 1:   L-identifikazzjoni tas-sustanza/taħlita u tal-kumpanija/impriża

1.1.

Identifikatur tal-prodott

1.2.

Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew it-taħlita u użi mhux rakkomandati

1.3.

Dettalji tal-fornitur tal-iskeda tad-dejta tas-sigurtà

1.4.

In-numru tat-telefown ta’ emerġenza

TAQSIMA 2:   L-identifikazzjoni tal-perikli

2.1.

Il-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita

2.2.

L-elementi tat-tikketta

2.3.

Il-perikli l-oħra

TAQSIMA 3:   Il-kompożizzjoni/l-informazzjoni dwar l-ingredjenti

3.1.

Is-Sustanzi

3.2.

It-taħlitiet

TAQSIMA 4:   Il-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.1.

Id-deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

4.2.

L-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll irritardjati

4.3.

L-indikazzjoni ta’ kwalunkwe attenzjoni medika immedjata u t-trattament speċjali meħtieġa

TAQSIMA 5:   Il-miżuri għat-tifi tan-nar

5.1.

Mezzi għat-tifi tan-nar

5.2.

Il-perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew it-taħlita

5.3.

Parir lil min jiġġieled in-nar

TAQSIMA 6:   Il-miżuri għar-rilaxx aċċidentali

6.1.

Prekawzjonijiet personali, tagħmir protettiv u proċeduri ta’ emerġenza

6.2.

Il-prekawzjonijiet ambjentali

6.3.

Il-metodi u l-materjal għat-trażżin u t-tindif

6.4.

Ir-referenza għal taqsimiet oħra

TAQSIMA 7:   Il-ġestjoni u l-ħażna

7.1.

Il-prekawzjonijiet għal ġestjoni bla periklu

7.2.

Il-kundizzjonijiet għal ħażna bla periklu, inkluża kwalunkwe inkompatibilità

7.3.

L-użu/użi finali speċifiku/speċifiċi

TAQSIMA 8:   Il-kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

8.1.

Il-parametri ta’ kontroll

8.2.

Il-kontrolli ta’ esponiment

TAQSIMA 9:   Il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

9.1.

L-informazzjoni dwar proprjetajiet fiċiżi u kimiċi bażiċi

9.2.

L-informazzjoni l-oħra

TAQSIMA 10:   L-istabilità u r-reattività

10.1.

Ir-reattività

10.2.

L-istabilità kimika

10.3.

Il-possibilità ta’ reazzjonijiet ta’ periklu

10.4.

Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

10.5.

Il-materjali inkompatibbli

10.6.

Il-prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

TAQSIMA 11:   L-informazzjoni tossikoloġika

11.1.

L-informazzjoni dwar effetti tossikoloġiċi

TAQSIMA 12:   L-informazzjoni ekoloġika

12.1.

It-tossiċità

12.2.

Il-persistenza u d-degradabilità

12.3.

Il-potenzjal bijoakkumulattiv

12.4.

Il-mobilità fil-ħamrija

12.5.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

12.6.

L-effetti l-oħra ta’ ħsara

TAQSIMA 13:   Il-kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

13.1.

Il-metodi ta’ trattament tal-iskart

TAQSIMA 14:   L-informazzjoni dwar it-trasport

14.1.

In-numru tan-NU:

14.2.

L-isem preċiż ta’ trasbord tan-NU

14.3.

Il-klassi(jiet) tal-Periklu tat-Trasport

14.4.

Il-grupp ta’ imballaġġ,

14.5.

Il-perikli ambjentali

14.6.

Il-prekawzjonijiet speċjali għall-utent

14.7.

It-trasport fil-massa skont l-Anness II ta’ MARPOL 73/78 u l-Kodiċi IBC

TAQSIMA 15:   L-informazzjoni regolatorja

15.1.

Ir-regolamenti/leġiżlazzjoni tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent speċifiċi għas-sustanza jew it-taħlita

15.2.

Il-Valutazzjoni tas-Sigurtà Kimika

TAQSIMA 16:   L-informazzjoni l-oħra”

(1)  ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40.

(2)  ĠU L 188, 9.8.1995, p. 14.

(3)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(4)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(5)  In-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, il-verżjoni hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2009, ISBN-978-92-1-139131-2.

(6)  L-Anness 1 tal-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Oġġetti bil-Ferrovija) tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija, verżjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

(7)  Il-verżjoni kif riveduta mill-1 ta’ Jannar 2007.

(8)  ĠU L 260, 30.9.2008, p. 1.

(9)  Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, edizzjoni 2006, ISBN 978-92-8001-4214-3.

(10)  IATA, edizzjoni 2007-2008.

(11)  MARPOL 73/78 – Edizzjoni konsildata 2006, Londra, IMO 2007, ISBN 978-92-801-4216-7.

(12)  Kodiċi IBC, edizzjoni 2007, Londra, IMO 2007, ISBN 978-92-801-4226-6.

(13)  MEPC.2/Ċirkulari, Kategorizzazzjoni proviżorja ta’ sustanzi likwidi, il-verżjoni 14, effettiv mill-1 ta’ Jannar 2009.

(14)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1.

(15)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

(16)  ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

(17)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.