ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.023.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 23

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
27ta' Jannar 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 73/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistipula r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika għall-Ajru Uniku Ewropew ( 1 )

6

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 74/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 341/2007, (KE) Nru 1580/2007 u (KE) Nru 376/2008 rigward il-kundizzjonijiet għal u l-forma tan-notifiki li għandhom isiru lill-Kummissjoni

28

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

31

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 76/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

33

 

 

IV   Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009 skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

 

 

2010/48/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

35

 

 

2010/49/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8542)

62

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 72/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u partikolarment l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet. L-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex tkun ivverifikata l-effikaċja tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità.

(2)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien matul it-tħejjija u t-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.

(3)

Il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tinkludi fit-tims tagħha tal-ispezzjoni awdituri nazzjonali kkwalifikati li jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri.

(4)

L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni u r-rappurtar tagħhom għandhom jitwettqu skont proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard.

(5)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni jitranġaw fil-pront.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ twettaq spezzjonijiet ta’ segwitu sabiex tivverifika r-rettifika tan-nuqqasijiet.

(7)

Għandu jkun hemm proċess biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet meqjusa tant serji li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U TIFSIRIET

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għat-twettiq ta’ spezzjonijiet mill-Kummissjoni biex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri. L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom ikopru lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri u l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet magħżulin li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b’mod trasparenti, effikaċi, armonizzat u konsistenti.

Artikolu 2

It-tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

1.

“awtorità xierqa” tfisser l-awtorità nazzjonali maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

2.

“spezzjoni mill-Kummissjoni” tfisser eżaminazzjoni, mill-ispetturi tal-Kummissjoni, tal-kontrolli eżistenti tal-kwalità u tal-miżuri, tal-proċeduri u tal-istrutturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili eżistenti sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

3.

“spettur tal-Kummissjoni” tfisser persuna kkwalifikata kif xieraq impjegata mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru biex twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali, f’isem l-awtorità xierqa u magħżula biex tieħu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni;

4.

“Kumitat” tfisser il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008;

5.

“nuqqas” tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008;

6.

“awditur nazzjonali” tfisser persuna impjegata mill-Istat Membru biex twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali f’isem l-awtorità xierqa;

7.

“test” tfisser prova tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, fejn tigi ssimulata l-intenzjoni li titwettaq azzjoni ta’ interferenza kontra l-liġi bil-għan li tiġi eżaminata l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti tas-sigurtà;

8.

“miżura ta’ kumpens” tfisser miżura temporanja jew firxa ta’ miżuri bil-għan li jillimitaw sal-massimu possibbli l-impatt ta’ nuqqas identifikat waqt it-twettiq ta’ spezzjoni qabel ma tkun tista’ ssir il-korrezzjoni sħiħa.

KAPITOLU II

REKWIŻITI ĠENERALI

Artikolu 3

Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri

1.   Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ spezzjoni. Għandu jkun hemm din il-kooperazzjoni matul il-fażijiet ta’ tħejjija, ta’ sorveljanza u ta’ rrappurtar.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li n-notifika tal-ispezzjoni tinżamm kunfidenzjali sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-ispezzjoni ma jkunx kompromess.

Artikolu 4

L-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw l-awtorità tagħhom li jispezzjonaw l-attivitajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tal-awtorità xierqa skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 u ta’ kwalunkwe ajruport, operatur u entità soġġetti għal dak ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fuq talba, l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mal-istandards komuni.

3.   Kull fejn l-ispetturi tal-Kummissjoni jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jużaw kwalunkwe mezz fil-limiti tas-setgħat ġuridiċi tagħhom biex jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompitu kollu tagħha.

Artikolu 5

Il-kriterji għall-kwalifika tal-ispetturi tal-Kummissjoni

Sabiex jikkwalifikaw għall-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikollhom l-esperjenza teoretika u prattika rilevanti u għandhom ikunu lestew b’suċċess it-taħriġ.

Dan it-taħriġ għandu:

(a)

ikun mogħti mis-servizzi tal-Kummissjoni;

(b)

ikun inizjali u rikorrenti;

(c)

jiżgura standard ta’ prestazzjoni xierqa għall-għanijiet li jiġi stabbilit jekk il-miżuri tas-sigurtà humiex implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 jew le.

It-taħriġ inizjali għandu jinkludi eżami.

Artikolu 6

Il-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni awdituri nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni kif ukoll fil-fażijiet relatati tat-tħejjija u tar-rappurtar.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta’ mill-anqas awditur nazzjonali wieħed, iżda ta’ mhux aktar minn ħamsa, li jistgħu jissejħu biex jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.

3.   Lista bl-awdituri nazzjonali kollha nnominati mill-Istati Membri u li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandha tiġi kkomunikata ta’ kull sena lill-Kumitat.

4.   Awditur nazzjonali m’għandux jipparteċipa fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-Istat Membru fejn hu impjegat.

5.   It-talbiet biex l-awdituri nazzjonali jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità xierqa kmieni biżżejjed, normalment mill-anqas xahrejn qabel ma tkun se titwettaq l-ispezzjoni.

6.   L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjoni mill-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni, skont ir-regoli tal-Komunità.

KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦAT-TWETTIQ TAL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 7

In-notifika tal-ispezzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtorità xierqa dwar spezzjoni li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha tal-anqas xahrejn qabel.

2.   Kwestjonarju ta’ qabel l-ispezzjoni li għandu jimtela mill-awtorità xierqa għandu, fejn xieraq, jiġi kkomunikat fl-istess waqt man-notifika tal-ispezzjoni, flimkien ma’ talba għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. Il-kwestjonarju mimli u kwalunkwe dokumentazzjoni mitluba għandhom jingħataw lill-Kummissjoni tal-anqas ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda l-ispezzjoni.

3.   F’każ fejn il-Kummissjoni jkollha tagħrif li jissuġġerixxi l-eżistenza, f’ajruport, ta’ nuqqasijiet li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità, l-awtorità xierqa tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi kkonsultata u l-perjodu ta’ notifika bil-quddiem ta’ spezzjoni jista’ jitqassar għal ġimagħtejn. F’dan il-każ, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 8

It-tħejjija tal-ispezzjonijiet

1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu attivitajiet ta’ tħejjija sabiex jiżguraw l-effiċjenza, l-eżattezza u l-konsistenza fl-ispezzjonijiet.

2.   L-awtorità xierqa għandha tiġi pprovduta bl-ismijiet tal-ispetturi tal-Kummisjoni li għandhom il-mandat iwettqu spezzjoni, flimkien ma’ dettalji oħra kif xieraq.

3.   Għal kull spezzjoni l-awtorità xierqa għandha taħtar koordinatur li għandu jagħmel l-arranġamenti prattiċi assoċjati mal-attività tal-ispezzjoni li tkun ser titwettaq. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-koordinatur lill-Kummissjoni fi żmien tliet ġimgħat minn meta jirċievu n-notifika tal-ispezzjoni.

Artikolu 9

It-twettiq tal-ispezzjonijet

1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-ispezzjonijiet b’mod effiċjenti u effikaċi, b’rispett sħiħ għas-sigurtà u s-sikurezza tagħhom stess u ta’ ħaddieħor. L-ispetturi tal-Kummissjoni li l-imġiba tagħhom matul spezzjoni ma tilħaqx dawn l-istandards jistgħu jiġu esklużi minn spezzjonijiet oħra mill-Kummissjoni.

2.   Għandha tintuża metodoloġija standard sabiex tkun issorveljata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008.

It-twettiq tal-ispezzjonijiet għandu jissejjes fuq ġbir sistematiku tat-tagħrif bl-użu ta’ teknika minn dawn li ġejjin jew ta’ aktar minn waħda minnhom:

(a)

osservazzjonijiet

(b)

verifiki

(c)

intervisti

(d)

eżaminazzjoni tad-dokumenti u

(e)

testijiet.

3.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn rappreżentant tal-awtorità xierqa meta jwettqu l-attivitajiet tal-ispezzjoni. L-imġiba tal-akkumpanjatur ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.

4.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iġorru karta tal-identità li tawtorizza l-ispezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni u karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport li tippermetti aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa għall-ispezzjoni. Il-format tal-karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.

5.   It-testijiet għandhom jitwettqu biss wara notifika bil-quddiem u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtorità xierqa.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu awtorizzati jġorru oġġetti li jintużaw għall-għanijiet tat-testijiet, fosthom dawk li huma, jew li jidhru qishom oġġetti pprojbiti, f’kull żona li għaliha huwa meħtieġ l-aċċess waqt spezzjoni u matul it-tranżitu minn u għal spezzjoni, skont kwalunkwe protokoll miftiehem.

7.   L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa mill-aktar fis prattikabbli dwar kwalunkwe nuqqas serju identifikat waqt spezzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 10, fi tmiem l-ispezzjoni l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, kull fejn ikun prattikabbli, jagħtu taqsira informali orali tas-sejbiet tagħhom fuq il-post.

Artikolu 10

Ir-rapport tal-ispezzjoni

1.   Fi żmien sitt ġimgħat minn meta titlesta spezzjoni, għandu jiġi kkomunikat rapport ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni lill-awtorità xierqa.

L-awtorità xierqa għandha twassal minnufih is-sejbiet rilevanti lill-ajruport, l-operaturi jew l-entitajiet li tkun saritilhom l-ispezzjoni.

2.   Ir-rapport għandu jagħti s-sejbiet tal-ispetturi, fosthom kwalunkwe nuqqas identifikat. Ir-rapport jista’ jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju.

3.   Meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, għandhom japplikaw il-klassifikazzjonijiet li ġejjin:

(a)

konformi bis-sħiħ

(b)

konformi, iżda hu mixtieq xi titjib

(c)

mhux konformi

(d)

mhux konformi, b’nuqqasijiet serji

(e)

ma japplikax

(f)

mhux ikkonfermat.

Artikolu 11

It-tweġiba tal-awtorità xierqa

1.   Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport ta’ spezzjoni, l-awtorità xierqa għandha tagħti lill-Kummissjoni tweġiba bil-miktub għar-rapport li:

(a)

tindirizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet;

(b)

tipprovdi pjan ta’ azzjoni, li jispeċifika l-azzjonijiet u l-iskadenzi, sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas identifikat.

2.   Fil-każ ta’ spezzjoni ta’ segwitu, it-tweġiba tal-awtorità xierqa għandha tingħata fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport tal-ispezzjoni.

3.   F’każ fejn ir-rapport tal-ispezzjoni ma jidentifika l-ebda nuqqas, ma għandha tkun meħtiega l-ebda tweġiba.

Artikolu 12

Ir-rettifika tan-nuqqasijiet

1.   Ir-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjoni għandha titwettaq fil-pront. Fejn ir-rettifika ma tkunx tista titwettaq fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens.

2.   L-awtorità xierqa għandha tikkonferma r-rettifika tan-nuqqasijiet lill-Kummissjoni bil-miktub. Din il-konferma għandha tissejjes fuq l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità mwettqa mill-awtorità xierqa.

3.   L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa meta rapport ta’ spezzjoni jitqies li ma jeħtieġx aktar azzjoni.

Artikolu 13

L-ispezzjonijiet ta’ segwitu

1.   Wara li tirċievi t-tweġiba mingħand l-awtorità xierqa u kwalunkwe kjarifika ulterjuri meħtieġa, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjoni ta’ segwitu.

2.   L-awtorità xierqa għandha tingħata mill-anqas notifika minn ġimagħtejn qabel dwar spezzjoni ta’ segwitu li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha.

3.   Dawn l-ispezzjonijiet ta’ segwitu għandhom jikkonċentraw prinċipalment fuq l-oqsma fejn ikunu ġew identifikati n-nuqqasijiet waqt l-ispezzjoni inizjali mill-Kummissjoni.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 14

It-tagħrif lill-Kumitat

Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 15

In-notifika lill-awtoritajiet xierqa dwar nuqqasijiet serji

1.   Awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa minnufih jekk spezzjoni f’ajruport fit-territorju tagħha tikxef nuqqas serju meqjus li għandu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità. Dan it-tagħrif għandu jiġi kkomunitkat fil-pront lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri l-oħra kollha.

2.   L-awtoritajiet xierqa għandhom ukoll jiġu mgħarrfa minnufih meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif kredibbli dwar l-azzjoni ta’ rettifika, fosthom dwar il-miżuri ta’ kumpens, li jikkonferma li n-nuqqasijiet innotifikati skont dan l-Artikolu ma għadx għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità.

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sa mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.


27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 73/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jistipula r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika għall-Ajru Uniku Ewropew

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (Ir-Regolament ta’ interoperabilità) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika ta’ kwalità xierqa huma meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà u biex jingħata appoġġ lil kunċetti ta’ operat ġodda fix- Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “EATMN”).

(2)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ICAO”) speċifikat rekwiżiti ta’ kwalità għad-dejta ajrunawtika u għall-informazzjoni ajrunawtika rigward l-eżattezza, ir-riżoluzzjoni u l-integrità li għandhom jintlaħqu u jinżammu mill-EATMN waqt l-ipproċessar ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika.

(3)

Dawk ir-rekwiżiti tal-ICAO huma meqjusa bħala li jipprovdu bażi suffiċjenti għar-rekwiżiti attwali ta’ kwalità tad-dejta iżda jeżistu nuqqasijiet magħrufa li għandhom jiġu indirizzati, b’mod partikolari biex jiġu appoġġjati applikazzjonijiet fil-ġejjieni.

(4)

L-Anness 15 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandu jipprovdi l-bażi ewlenija għar-rekwiżiti ta’ kwalità tad-dejta. Referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-Anness 15 tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago m’għandhomx jimplikaw referenza għall-Anness 4 tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago jew għal Annessi oħra tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago b’mod awtomatiku.

(5)

Analiżi tas-sitwazzjoni attwali wriet li r-rekwiżiti ta’ kwalità relatati mad-dejta ajrunawtika u mal-informazzjoni ajrunawtika, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ eżattezza u integrità, mhux dejjem qed jintlaħqu fl-EATMN.

(6)

Fil-katina tad-dejta ajrunawtika, għadu jsir ammont sinifikanti ta’ attività manwali bbażata fuq il-karti, u dan iwassal għal opportunitajiet sinifikanti għall-ħolqien ta’ żbalji u d-degradazzjoni tal-kwalità tad-dejta. Għaldaqstant għandhom jiġu adottati miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni.

(7)

Il-Eurocontrol ġiet inkarigata skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 biex tiżviluppa rekwiżiti li jissupplimentaw u jsaħħu l-Anness 15 tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago bl-iskop li tinkiseb informazzjoni ajrunawtika ta’ kwalità sodisfaċenti. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rapport tal-mandat tas-16 ta’ Ottubru 2007 li rriżulta.

(8)

B’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, informazzjoni ajrunawtika għandha tiġi pprovduta progressivament f’forma elettronika, skont format ta’ dejta komuni standardizzat u li jkun sar qbil ġenerali dwaru. Dawk ir-rekwiżiti eventwalment għandhom ikunu applikabbli għad-dejta ajrunawtika u għall-informazzjoni ajrunawtika kollha fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Dan ir-Regolament m’għandux ikopri operazzjonijiet u taħriġ militari skont kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(10)

Organizzazzjonijiet militari li jipprovdu informazzjoni ajrunawtika għal użu f’operazzjonijiet ġenerali tat-traffiku tal-ajru huma parti essenzjali tal-proċess tad-dejta ajrunawtika u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwalità ta’ dejta bħal din tkun suffiċjenti biex taqdi l-użu maħsub tagħha.

(11)

Il-għoti f’waqtu u l-pubblikazzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika ġdida jew emendata skont l-emendi u r-rekwiżiti għaċ-ċikli ta’ aġġornament tal-ICAO u tal-Istati Membri huwa meqjus bħala essenzjali biex jgħin il-ksib tal-kwalità tad-dejta.

(12)

L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw ġestjoni u kontroll effettiv tal-informazzjoni ajrunawtika u tal-attivitajiet relatati mal-ħolqien ta’ informazzjoni ajrunawtika biex jiżguraw li d-dejta tiġi pprovduta fi kwalità tajba biżżejjed biex taqdi l-użu maħsub tagħha.

(13)

Jeħtieġ li l-kostitwenti u l-proċeduri użati mill-oriġinaturi tad-dejta jkunu interoperabbli mas-sistemi, il-kostitwenti u l-proċeduri użati mill-fornituri tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika sabiex jiġi żgurat operat sigur, kontinwu u effiċjenti tal-EATMN.

(14)

Bil-għan li jinżammu jew jiġu msaħħa l-livelli eżistenti ta’ sigurtà tal-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jiżguraw li l-partijiet konċernati jwettqu evalwazzjoni tas-sigurtà li tinkludi identifikazzjoni tal-periklu, evalwazzjoni tar-riskju u proċessi ta’ mitigazzjoni. Implimentazzjoni armonizzata ta’ dawn il-proċessi mas-sistemi koperti minn dan ir-Regolament teħtieġ l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ sigurtà għar-rekwiżiti kollha relatati mal-prestazzjoni u l-interoperabilità.

(15)

Skont l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità għandhom jiddeskrivu l-proċeduri speċifiċi ta’ valutazzjoni tal-konformità li għandhom jintużaw biex jiġu valutati l-konformità jew l-adegwatezza għall-użu ta’ kostitwenti u l-verifika ta’ sistemi.

(16)

Dan ir-Regolament jolqot firxa wiesgħa ta’ partijiet. Għalhekk għandu jikkunsidra l-kapaċitajiet individwali u l-livelli tal-involviment tal-partijiet fil-katina tad-dejta, biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet jiġu applikati progressivament biex tinkiseb il-kwalità tad-dejta meħtieġa.

(17)

L-miżuri mfassla f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika f’termini ta’ eżattezza, riżoluzzjoni u integrità.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal sistemi tal-European air traffic management network (“EATMN”), għall-kostitwenti u għall-proċeduri relatati magħhom involuti fil-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġjar, l-ipproċessar, it-trasferiment u d-distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika.

Għandu japplika għad-dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika:

(a)

il-pakkett integrat ta’ informazzjoni ajrunawtika stabbilit fl-Artikolu 3(7) magħmul disponibbli mill-Istati Membri, bl-eċċezzjoni ta’ ċirkolarijiet ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(b)

dejta elettronika dwar l-ostakli, jew elementi relatati magħha, fejn magħmula disponibbli mill-Istati Membri;

(c)

dejta elettronika dwar it-terren, jew elementi relatati magħha, fejn magħmula disponibbli mill-Istati Membri;

(d)

dejta għall-immappjar tal-ajrudromi, fejn maħruġa mill-Istati Membri.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-partijiet li ġejjin:

(a)

fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru;

(b)

operaturi ta’ ajrudromi u heliports, li għalihom ġew ippubblikati proċeduri ta’ regoli ta’ titjir bl-istrumenti (“IFR”) jew proċeduri ta’ regoli ta’ titjir Speċjali-viżwali (“VFR”) f’pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(c)

entitajiet pubbliċi jew privati li jipprovdu, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(i)

servizzi għall-ħolqien u l-forniment ta’ dejta ta’ stħarriġ;

(ii)

servizzi ta’ disinn ta’ proċeduri;

(iii)

dejta elettronika dwar it-terren;

(iv)

dejta elettronika dwar l-ostakli.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika sal-mument fejn id-dejta ajrunawtika u/jew l-informazzjoni ajrunawtika ssir disponibbli mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni lill-utent maħsub li jmiss.

Fil-każ ta’ distribuzzjoni permezz ta’ mezzi fiżiċi, dan ir-Regolament għandu japplika sal-mument meta id-dejta ajrunawtika u/jew l-informazzjoni ajrunawtika tkun ingħatat lill-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment tas-servizz fiżiku ta’ distribuzzjoni;

Fil-każ ta’ distribuzzjoni awtomatika permezz tal-użu ta’ konnessjoni elettronika diretta bejn il-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika u l-entità li tkun qed tirċievi d-dejta ajrunawtika u/jew l-informazzjoni ajrunawtika, għandu japplika dan ir-Regolament:

(a)

sal-mument meta l-utent maħsub li jmiss jaċċessa u jieħu dejta ajrunawtika u/jew informazzjoni ajrunawtika maħżuna mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika; jew

(b)

sal-mument meta tiġi trasferita d-dejta ajrunawtika u/jew l-informazzjoni ajrunawtika, mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika, fis-sistema tal-utent maħsub li jmiss.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dejta ajrunawtika” tfisser rappreżentazzjoni ta’ fatti, kunċetti jew struzzjonijiet ajrunawtiċi f’għamla formalizzata adattata għall-komunikazzjoni, l-interpretazzjoni jew l-ipproċessar;

(2)

“informazzjoni ajrunawtika” tfisser informazzjoni li tirriżulta mill-assemblaġġ, l-analiżi u l-ifformattjar tad-dejta ajrunawtika;

(3)

“kwalità tad-dejta” tfisser grad jew livell ta’ kunfidenza li l-informazzjoni pprovduta tissodisfa r-rekwiżiti tal-utent tal-informazzjoni f’dak li jirrigwarda eżattezza, riżoluzzjoni u integrità;

(4)

“eżattezza” tfisser grad ta’ konformità bejn il-valur li ġie stmat jew imkejjel u l-valur proprju;

(5)

“riżoluzzjoni” tfisser numru ta’ unitajiet jew numri li għalihom jintuża jew jiġi espress valur imkejjel jew ikkalkulat;

(6)

“integrità” tfisser grad ta’ assigurazzjoni dwar il-fatt li oġġett ta’ dejta u l-valur tiegħu ma jkunx intilef jew ma jkunx ġie mibdul minn meta tkun inkisbet id-dejta jew minn meta tkun saret l-emenda awtorizzata;

(7)

“pakkett ta” informazzjoni ajrunawtika integrat’ (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “IAIP”) tfisser pakkett li jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni ajrunawtika (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “AIP”), inkluż is-servizz ta’ emendar;

(b)

Supplimenti għall-AIP;

(c)

NOTAM kif definit fil-punt (17) u bullettini ta’ informazzjoni ta’ qabel it-titjir;

(d)

ċirkolarijiet ta’ informazzjoni ajrunawtika (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “AIC”); u

(e)

listi ta’ verifika u listi ta’ NOTAMS validi;

(8)

“dejta dwar l-ostakli” tfisser dejta dwar l-oġġetti fissi u mobbli kollha (kemm jekk temporanji jew permanenti), jew partijiet minnhom, li jinsabu f’żona maħsuba għall-moviment ta’ ajruplani fuq l-art jew li jestendu lil hinn minn superfiċje definita maħsuba biex tipproteġi l-ajruplani waqt li qed itiru;

(9)

“dejta dwar it-terren” tfisser dejta dwar is-superfiċje tad-dinja li turi karatteristiċi naturali bħal muntanji, għoljiet, promontorji, widien, ilmijiet, silġ permanenti u borra, u li ma tinkludix ostakli;

(10)

“dejta għall-immappjar tal-ajrudromi” tfisser informazzjoni li tirrappreżenta karatteristiċi standardizzati ta’ ajrudromi f’żona definita, u li tinkludi dejta ġeospazjali u metadejta;

(11)

“dejta ta” stħarriġ’ tfisser dejta ġeospazjali maħduma permezz ta’ kejl jew stħarriġ;

(12)

“disinn ta” proċeduri’ tfisser il-kombinazzjoni ta’ informazzjoni ajrunawtika ma’ struzzjonijiet speċifiċi għat-titjir biex jiġu definiti proċeduri għall-wasla u/jew it-tluq li jiżguraw standards adegwati ta’ sigurtà tat-titjir;

(13)

“fornitur ta” servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika’ tfisser l-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika, ċertifikat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 (3);

(14)

“Utent maħsub li jmiss” tfisser l-entità li tirċievi l-informazzjoni ajrunawtika mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(15)

“konnessjoni elettronika diretta” tfisser konnessjoni diġitali bejn sistemi informatiċi li permezz tagħha d-dejta tista’ tiġi trasferita bejniethom mingħajr interazzjoni manwali;

(16)

“oġġett ta” dejta’ tfisser attribut wieħed ta’ sett ta’ dejta komplet, li jingħata valur li jiddefinixxi l-istat attwali tiegħu;

(17)

“NOTAM” tfisser avviż imqassam permezz tat-telekomunikazzjoni li jkun fih informazzjoni dwar l-istabbiliment, il-kondizzjoni ta’ jew tibdil fi kwalunkwe faċilità, servizz, proċedura jew periklu ajrunawtiku, li l-għarfien dwaru fiż-żmien opportun huwa essenzjali għall-persunal relatat mal-operazzjonijiet ta’ titjir;

(18)

“NOTAM diġitali” tfisser sett tad-dejta li fih l-informazzjoni inkluża f’NOTAM f’format strutturat li jista’ jiġi interpretat b’mod sħiħ permezz ta’ sistema informatika awtomatika mingħajr l-interpretazzjoni tal-bniedem;

(19)

“oriġinatur tad-dejta” tfisser entità responsabbli għall-ħolqien tad-dejta;

(20)

“ħolqien ta” dejta’ tfisser il-ħolqien ta’ oġġett ta’ dejta ġdid flimkien mal-valur assoċjat miegħu, il-modifikazzjoni tal-valur ta’ oġġett ta’ dejta eżistenti jew it-tħassir ta’ oġġett tad-dejta eżistenti;

(21)

“perjodu ta” validità’ tfisser il-perjodu bejn id-data u l-ħin li fihom l-informazzjoni ajrunawtika hija ppubblikata u d-data u l-ħin li fihom l-informazzjoni ma tibqax effettiva;

(22)

“validazzjoni tad-dejta” tfisser il-proċess li permezz tiegħu jiġi żgurat li d-dejta tissodisfa r-rekwiżiti għall-applikazzjoni speċifikata jew għall-użu maħsub tagħha;

(23)

“verifika tad-dejta” tfisser l-evalwazzjoni tal-produzzjoni ta’ proċess ta’ dejta ajrunawtika biex jiġu żgurati l-korrettezza u l-konsistenza fir-rigward tal-inputs u l-istandards, ir-regoli u l-konvenzjonijiet applikabbli tad-dejta użati fl-istess proċess;

(24)

“dejta kritika” tfisser dejta b’livell ta’ integrità kif definita f’Kapitolu 3, Taqsima 3.2 punt 3.2.8(a) tal-Anness 15 tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fl-Anness III punt (1);

(25)

“dejta essenzjali” tfisser dejta b’livell ta’ integrità skont kif stabbilit f’ Kapitolu 3, Taqsima 3.2 punt 3.2.8 (b) tal-Anness 15 tal- l-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fl-Anness III punt (1).

KAPITOLU II

REKWIŻITI TA’ INTEROPERABILITÀ U PRESTAZZJONI

Artikolu 4

Sett ta’ dejta

Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jipprovdu dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika b’mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sett tad-dejta imniżżla fl-Anness I.

Artikolu 5

Skambju ta’ dejta

1.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li d-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jiġu trasferiti bejniethom permezz ta’ konnessjoni elettronika diretta.

2.   Fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li d-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika kollha msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jiġu trasferiti bejniethom skont ir-rekwiżiti tal-format tal-iskambju tad-dejta fl-Anness II.

3.   Stati Membri jistgħu jeskludu n-NOTAM diġitali mill-format tal-iskambju tad-dejta msemmi fil-paragrafu 2.

4.   Fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandhom jiżguraw li d-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika kollha fl-AIPs, l-emendi tal-AIP u s-supplimenti tal-AIP fornuti minn Stat Membru jkunu disponibbli għall-utent maħsub li jmiss, bħala minimu:

(a)

b’konformità mar-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni identifikati fl-istandards tal-ICAO imsemmija fil-punti 4 u 8 tal-Anness III;

(b)

b’mod li jippermetti li l-kontenut u l-format tad-dokumenti jkun jista’ jinqara direttament fuq skrin tal-kompjuter; u

(c)

b’konformità mar-rekwiżiti tal-format tal-iskambju tad-dejta stipulati fl-Anness II.

Artikolu 6

Kwalità tad-dejta

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru josservaw ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta stipulati fl-Anness IV, Parti A.

2.   Meta jipprovdu informazzjoni ajrunawtika u/jew informazzjoni ajrunawtika, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom josservaw ir-rekwiżiti ta’ evidenza stipulati fl-Anness IV, Parti B.

3.   Meta jagħmlu skambju ta’ dejta ajrunawtika u/jew ta’ informazzjoni ajrunawtika bejniethom, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), għandhom jistabbilixxu arranġamenti formali skont ir-rekwiżiti speċifikati fl-Anness IV, Parti C.

4.   Meta jaġixxu bħala oriġinaturi tad-dejta, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), għandhom josservaw ir-rekwiżiti dwar il-ħolqien ta’ dejta mniżżla fl-Anness IV, Parti D.

5.   Fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandhom jiżguraw li dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika provduta mill-oriġinaturi tad-dejta mhux imsemmija fl-Artikolu 2(2) tkun magħmula disponibbli għall-utent maħsub li jmiss fi kwalità tajba biżżejjed biex tintuża għall-użu maħsub tagħha.

6.   Meta jaġixxu bħala l-entità responsabbli għat-talba uffiċjali għal attività ta’ ħolqien ta’ dejta, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li:

(a)

id-dejta kollha tinħoloq, tiġi modifikata jew titħassar skont l-istruzzjonijiet tagħhom;

(b)

mingħajr preġudizzju għall-Anness IV, Parti C, l-istruzzjonijiet tagħhom għall-ħolqien ta’ dejta jinkludu, bħala minimu:

(i)

deskrizzjoni mhux ambigwa tad-dejta kollha li għandha tinħoloq, tiġi modifikata jew imħassra;

(ii)

konferma tal-entità li għandha tingħata d-dejta;

(iii)

id-data u l-ħin sa meta għandha tkun ipprovduta d-dejta;

(iv)

il-format tar-rapport dwar il-ħolqien tad-dejta li għandu jintuża mill-oriġinatur tad-dejta.

7.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-proċess tad-dejta stipulati fl-Anness IV, Parti E.

8.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li mekkaniżmi għar-rappurtaġġ ta’ żbalji u kummenti u dawk ta’ rettifika huma stabbiliti u mħaddma skont il-ħtiġiet stipulati fl-Anness IV, Parti F.

Artikolu 7

Konsistenza, puntwalità u prestazzjoni tal-persunal

1.   Fejn dejta ajrunawtika jew informazzjoni ajrunawtika tiġi duplikata f’AIP ta’ aktar minn Stat Membru, il-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika responsabbli għal dawk l-AIPs għandu jistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw konsistenza bejn l-informazzjoni duplikata.

2.   Fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandhom jiżguraw li oġġetti ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika ppubblikati fl-AIPs tal-Istati Membri tagħhom huma annotati biex jindikaw lil dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta stipulati f’dan ir-Regolament.

3.   Fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandhom jiżguraw li l-aktar ċikli attwali ta’ aġġornament applikabbli għall-emendi AIP u s-supplimenti AIP isiru disponibbli għall-pubbliku.

4.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li l-persunal tagħom responsabbli għal kompiti relatati mal-forniment ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika jiġi mgħarraf dwar u japplika:

(a)

ir-rekwiżiti għal emendi tal-AIP, supplimenti tal-AIP u tan-NOTAM stabbiliti fl-istandards tal-ICAO imsemmija fil-punti 5, 6 u 7 tal-Anness III;

(b)

iċ-ċikli ta’ aġġornament applikabbli għall-ħruġ ta’ Emendi u Supplimenti tal-AIP imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu għall-oqsma li għalihom qed jipprovdu dejta ajrunawtika jew informazzjoni ajrunawtika.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2096/2005, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli għal kompiti relatati mal-forniment ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika huwa mħarreġ b’mod adegwat, u li dan ikun kompetenti u awtorizzat għall-impjieg li għandu jiżvolġi.

Artikolu 8

Rekwiżiti tal-għodod u tas-softwer

Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li l-għodod u softwer li jintuża biex jiġu appoġġjati l-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta ajrunawtika u/jew ta’ informazzjoni ajrunawtika huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness V.

Artikolu 9

Protezzjoni tad-dejta

1.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika huma protetti skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness VI.

2.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li tinżamm it-traċċabilità dwar kull oġġett ta’ dejta matul il-perjodu tal-validità tiegħu u għal mill-inqas 5 snin wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu jew sa 5 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ validità għal kull oġġett ta’ dejta ikkalkulat jew derivat minnu, liema minnhom ji[i l-aħħar.

KAPITOLU III

REKWIŻITI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KWALITÀ, TAS-SIGURTÀ U TAS-SIKUREZZA

Artikolu 10

Management requirements

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2096/2005, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li tkopri l-attivitajiet tagħhom relatati mal-għoti ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika, b’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Anness VII, Parti A.

2.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1 ta; dan l-Artikolu tiddefinixxi proċeduri biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġestjoni tas-sigurtà speċifikati fl-Anness VII, Parti B u l-għanijiet ta’ ġestjoni tas-sigurtà li jinsabu fl-Anness VII, Parti C.

3.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fis-sistemi eżistenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ta’ sigurtà, inklużi l-identifikazzjoni tal-periklu, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni, imwettqa mill-partijiet ikkonċernati.

4.   Matul dik l-evalwazzjoni tas-sigurtà, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7(3), Anness I, Anness II u punti 1 u 2 tal-Parti A, tal-Anness IV għandhom jiġu meqjusa bħala rekwiżiti tas-sigurtà u għandhom jiġu kkunsidrati, bħala minimu.

KAPITOLU IV

EVALWAZZJONI TAL-KONFORMITÀ U REKWIŻITI ADDIZZJONALI

Artikolu 11

Konformità jew adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti

Qabel ma jinħarġu dikjarazzjonijiet tal-KE ta’ konformità jew ta’ adegwatezza għall-użu kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, manifatturi jew kostitwenti tas-sistemi msemmjia fl-fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, għandhom jivvalutaw il-konformità jew l-adegwatezza għall-użu ta’ dawn il-kostitwenti b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness VIII.

Artikolu 12

Verifika ta’ sistemi

1.   Fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jistgħu juru jew urew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness IX għandhom iwettqu verifika tas-sistemi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness X, Parti A.

2.   Fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li ma jistgħux juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness IX għandhom iqabbdu korp notifikat biex iwettaq il-verifika tas-sistemi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1). Dik il-verifika għandha titwettaq b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness X, Parti B.

Artikolu 13

Rekwiżiti addizzjonali

Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) (b) u (c) għandhom:

(a)

jiżguraw ikkontrollar ta’ sikurezza tal-persunal responsabbli għal kompiti ta’ ħolqien, produzzjoni, ħażna, immaniġġjar, proċessar, trasferiment u distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika, kif xieraq;

(b)

jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli għal kompiti relatati mal-forniment ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika ikun debitament mgħarraf dwar ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(c)

jiżviluppaw u jżommu manwali tal-operazzjonijiet bl-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-persunal tagħhom responsabbli għall-iżvolġiment tal-kompiti relatati mal-forniment ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika ikun jista’ japplika dan ir-Regolament;

(d)

jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (c) ikunu aċċessibbli u li dawn jinżammu aġġornati kif ukoll li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni adegwata ta’ kwalità u ta’ konfigurazzjoni ta’ dokumentazzjoni;

(e)

jiżguraw li l-metodi tax-xogħol u l-proċeduri tal-operat tagħhom ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Istati Membri li, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, ikunu għarrfu lill-ICAO b’differenza rilevanti skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago Internazzjonali, jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar is-suġġetti definiti fl-Anness XI sat-30 ta’ Ġunju 2014.

2.   Dejta ajrunawtika u informazzjoni ajurunawtika ppublikata qabel l-1 Lulju ta’ 2013 u mhux emendata għandha tiġi in regola ma’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2017.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika sa mill-1 ta’ Lulju 2013.

2.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 5(4)(c) għandhom japplikaw sa mill-1 ta’ Lulju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, is-26 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 335, 21.12.2005, p. 13.


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAS-SETTIJIET TAD-DEJTA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

PARTI A

IAIP, dejta għall-immappjar tal-ajrudromi u dejta elettronika dwar l-ostakli

1.

Id-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika msemmija fil-paragrafi (a), (b) u (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandhom jiġu pprovduti skont speċifikazzjoni komuni tas-sett tad-dejta li għandha:

(a)

tiġi dokumentata jew:

permezz tal-użu tal-lingwa unifikata għall-immudellar (UML), speċifikata fid-dokument imsemmi fil- punt 13 tal-Anness III, fil-forma ta’ dijagrammi ta’ klassijiet u definizzjonijiet assoċjati għal klassijiet, attributi, assoċjazzjonijiet u listi ta’ valuri, jew

permezz tal-użu ta’ katalogu ta’ karatteristiċi speċifikati skont l-istandard ISO imsemmi fil-punt 25 tal-Anness III.

(b)

tiddefinixxi, bħala elementi ta’ dejta individwali, kull karatteristika ajrunawtika li l-informazzjoni dwarha għandha tiġi ppubblikata skont l-istandards tal-ICAO imsemmija fl-Anness III punt (10) u fid-dokument Eurocae li ssir referenza għalih fil-punt 24 tal-Anness III;

(c)

tipprovdi għal kull attribut id-definizzjoni tal-valuri permissibbli tiegħu fil-forma ta’ tip ta’ dejta, firxa ta’ valuri jew lista enumerata;

(d)

tinkludi d-definizzjoni ta’ mudell temporali, ibbażat fuq il-UTC, li jista’ jesprimi ċ-ċiklu komplet tal-ħajja ta’ karatteristika ajrunawtika:

mid-data u l-ħin tal-ħolqien sad-data u l-ħin tal-irtirar permanenti,

inklużi l-bidliet permanenti li joħolqu linji bażi ġodda għal dik il-karatteristika;

(e)

tinkludi d-definizzjoni tar-regoli li jistgħu jillimitaw il-valuri possibbli tal-proprjetajiet tal-karatteristika jew il-varjazzjoni temporali ta’ dawn il-valuri. Dan għandu jinkludi, bħala minimu:

restrizzjonijiet li jimponu eżattezza, riżoluzzjoni u integrità għal dejta pożizzjonali (orizzontali u vertikali);

restrizzjonijiet li jimponu l-prontezza tad-dejta.

(f)

tapplika konvenzjoni tal-għoti ta’ ismijiet għal karatteristiċi, attributi u assoċjazzjonijiet, li tevita l-użu ta’ taqsiriet;

(g)

tibbaża d-deskrizzjoni ta’ elementi ġeometriċi (punt, kurva, superfiċje) fuq l-istandard ISO imsemmi fil-punt 14 tal-Anness III;

(h)

tibbaża d-deskrizzjoni ta’ informazzjoni ta’ metadejta fuq l-istandard ISO imsemmi fil-punt 15 tal-Anness III;

(i)

tinkludi l-oġġetti ta’ metadejta elenkati fl-Anness I, Parti C.

2.

Rigward l-istandards ISO, iċ-ċertifikat rilevanti maħruġ minn organizzazzjoni akkreditata kif xieraq, għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità. Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jaċċettaw li d-dokumentazzjoni relatata maċ-ċertifikazzjoni tiġi żvelata lill-awtorità superviżorja nazzjonali fuq talba ta’ din tal-aħħar.

PARTI B

Settijiet ta’ dejta tat-terren elettroniċi

Id-dejta elettronika tat-terren imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(c) għandha:

(a)

tiġi provduta diġitalment skont l-istandards tal-ICAO imsemmija fil-punti (9) u (12) tal-Anness III;

(b)

tinkludi l-oġġetti ta’ metadejta elenkati fl-Anness I, Parti C.

PARTI C

Metadejta

Il-metadejta għall-ispeċifikazzjonijiet tas-sett tad-dejta stabbiliti fil-Parti A u l-Parti B għandha tinkludi l-oġġetti li ġejjin, bħala minimu:

(a)

l-oriġinatur tad-dejta;

(b)

l-emendi li saru lid-dejta;

(c)

il-persuni jew l-organizzazzjonijiet li kellhom interazzjoni mad-dejta u meta din seħħet;

(d)

dettalji rigward kwalunkwe validazzjoni u verifika tad-dejta li tkun twettqet;

(e)

id-data u l-ħin ta’ meta d-dejta saret effettiva;

(f)

għal dejta ġeospazjali:

il-mudell ta’ referenza tad-dinja li ntuża,

is-sistema ta’ kordinati li ntużat;

(g)

għal dejta numerika:

il-preċiżjoni statistika tat-teknika ta’ kejl jew ta’ kalkolu li ntużat;

ir-riżoluzzjoni;

il-livell ta’ kunfidenza kif meħtieġ mill-istandards tal-ICAO li ssir referenza għalihom fil-punti 1 u 12 tal-Anness III u fi standards rilevanti oħra tal-ICAO.

(h)

dettalji dwar funzjonijiet li ġew applikati jekk id-dejta tkun ġiet suġġetta għal konverżjoni/trasformazzjoni;

(i)

dettalji tal-limitazzjonijiet fuq l-użu tad-dejta.


ANNESS II

REKWIŻITI TAL-FORMAT TAL-ISKAMBJU TAD-DEJTA AJRUNAWTIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5

PARTI A

L-IAIP, dejta għall-immappjar tal-ajrudromi u dejta elettronika dwar l-ostakli

1.

Id-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika msemmija fl-Artikolu 2(1) (a), (b) u (d) għandha tkun f’format konformi ma’ speċifikazzjoni komuni, li għandha:

tuża l-ispeċifikazzjoni XML (Extensible Markup Language) kif definit fl-istandard ISO msemmi fl-Anness III punt (17) għall-kodifikazzjoni tad-dejta;

tiġi espressa fil-forma ta’ Skema XML; barra minn hekk, jista’ jintuża schematron skont kif definit fl-istandard ISO msemmi fl-Anness III punt (19) biex jiġu espressi r-regoli tan-negozju;

tippermetti l-iskambju ta’ dejta kemm għal karatteristiċi individwali kif ukoll għal kollezzjonijiet ta’ karatteristiċi;

tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bażika bħala riżultat ta’ bidliet permanenti;

tkun strutturata skont il-karatteristiċi, l-attributi u l-assoċjazzjonijiet tad-definizzjoni tas-sett tad-dejta deskritta fl-Anness I, Parti A; ir-regoli tal-immappjar għandhom jiġu dokumentati;

timplimenta b’mod strett il-listi tal-valuri enumerati u l-firxa ta’ valuri definiti għal kull attribut fid-sett tad-dejta;

tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-geography markup language (GML), kif definit fir-referenza msemmija fil-punt 18 tal-Anness III, għall-kodifikazzjoni ta’ informazzjoni ġeografika.

2.

Rigward l-istandards ISO, iċ-ċertifikat rilevanti maħruġ minn organizzazzjoni akkreditata kif xieraq, għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità. Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jaċċettaw li d-dokumentazzjoni relatata maċ-ċertifikazzjoni tiġi żvelata lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali fuq talba ta’ din tal-aħħar.

PARTI B

Dejta elettronika dwar it-terren

1.

Id-dejta elettronika dwar it-terren imsemmija fil-punt (c) Artikolu 2(1) għandha tiġi provduta f’format komuni konformi mal-istandards ISO msemmija fil-punti 14 sa 18 tal-Anness III.

2.

Rigward l-istandards ISO, iċ-ċertifikat rilevanti maħruġ minn organizzazzjoni akkreditata kif xieraq, għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità. Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jaċċettaw li d-dokumentazzjoni relatata maċ-ċertifikazzjoni tiġi żvelata lill-awtorità superviżorja nazzjonali fuq talba ta’ din tal-aħħar.


ANNESS III

DISPOŻIZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI U FL-ANNESSI

1.

Kapitolu 3, Taqsima 3.2 (Sistema ta’ kwalità) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

2.

Kapitolu 3, Taqsima 3.7.1 (Sistema ta’ Referenza Orizzontali) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago - Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

3.

Kapitolu 3, Taqsima 3.7.2 (Sistema ta’ Referenza Vertikali) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

4.

Kapitolu 4 (Pubblikazzjonijiet dwar l-Informazzjoni Ajrunawtika (AIP)) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

5.

Kapitolu 4, Taqsima 4.3 (Speċifikazzjonijiet għal Emendi tal-AIP) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

6.

Kapitolu 4, Taqsima 4.4 (Speċifikazzjonijiet għas-Supplimenti tal-AIP) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

7.

Kapitolu 5 (NOTAM) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

8.

Kapitolu 6, Taqsima 6.2 (Għoti ta’ informazzjoni fil-forma ta’ kopja stampata) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

9.

Kapitolu 10, Taqsima 10.2 (Rekwiżiti numeriċi għad-dejta dwar kopertura, terren u ostakli) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

10.

Appendiċi 1 (Kontenut tal-Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (AIP)) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

11.

Appendiċi 7 (Rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta Ajrunawtika) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

12.

Appendiċi 8 (Rekwiżiti tad-dejta dwar terren u ostakli) tal-Anness 15 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (it-Tnax-il Edizzjoni - Lulju 2004, li tinkorpora l-Emenda Nru 34).

13.

Verżjoni ta’ Speċifikazzjoni 2.1.1 tal-Object Management Group Unified Modelling Language (UML).

14.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19107:2003 - Informazzjoni Ġeografika - skema Spazjali (l-Ewwel Edizzjoni - 8.5.2003).

15.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19115:2003 - Informazzjoni Ġeografika - Metadejta (l-Ewwel Edizzjoni - 8.5.2003 [Corrigendum Cor 1:2006 5.7.2006]).

16.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19139:2007 - Informazzjoni Ġeografika – Metadejta – implimentazzjoni tal-iskema XML (Edizzjoni 1 - 17.4.2007).

17.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19118:2005 - Informazzjoni Ġeografika - Kodifikar (l-Ewwel Edizzjoni - 17.3.2006 ISO/CD 19118 it-Tieni Edizzjoni – 9.7.2007 [Fl-istadju ta’ kumitat]).

18.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19136:2007 - Informazzjoni Ġeografika - Geography Markup Language (GML) (l-Ewwel Edizzjoni - 23.8.2007).

19.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO/IEC 19757-3:2006 - Teknoloġija informatika - Document Schema Definition Languages (DSDL) - Parti 3: Validazzjoni bbażata fuq regoli - Schematron (L-Ewwel Edizzjoni - 24.5.2006).

20.

Dok ICAO 9674-AN/946 – Sistema Ġeodetika Dinjija – Manwal tal-1984 (It-Tieni Edizzjoni - 2002).

21.

Kapitolu 7, Taqsima 7.3.2 (Algoritmu tal-kontroll ċikliku ta’ ridondanza (CRC)) tal-ICAO Dok ICAO 9674-AN/946 – Sistema Ġeodetika Dinjija – 1984 (WGS-84) Manwal (it-Tieni Edizzjoni - 2002).

22.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO/IEC 17799:2005 - Teknoloġija informatika - Tekniki ta’ sikurezza - Kodiċi ta’ prattika għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni (it-Tieni Edizzjoni - 10.6.2005).

23.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 28000:2007: - Speċifikazzjoni għal sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà għall-katina tal-forniment (l-Ewwel Edizzjoni - 21.9.2007 taħt reviżjoni, li għandha tiġi sostitwita bit-Tieni Edizzjoni sal-31.1.2008 [Fl-istadju ta’ inkjesta]).

24.

Eurocae ED-99 A, Rekwiżiti tal-Utent għall-Informazzjoni għall-Immappjar tal-Ajrudromi (Ottubru 2005).

25.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, ISO 19110:2005 - Informazzjoni Ġeografika - Metodoloġija għall-ikkatalogar tal-karatteristiċi (l-Ewwel Edizzjoni).


ANNESS IV

REKWIŻITI TA’ KWALITÀ TAD-DEJTA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6 U 7

PARTI A

Rekwiżiti ta’ kwalità tad-dejta

1.

Rekwiżiti ta’ kwalità għal kull oġġett ta’ dejta li jaqa’ fl-ambitu tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)għandhom ikunu kif definiti mill-istandards tal-ICAO imsemmija fl-Anness III punt (11) u mill-istandards tal-ICAO rilevanti l-oħra mingħajr preġudizzju għall-punt 2 ta’ dan l-Anness.

2.

Rekwiżiti ta’ kwalità għal kull oġġett ta’ dejta li jaqa’ fl-ambitu tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà tal-użi maħsuba tal-oġġett tad-dejta fejn:

(a)

oġġett tad-dejta ma jkunx definit mill-istandards ta’ kwalità tad-dejta tal-ICAO imsemmija fil-punt 11 tal-Anness III u mill-istandards rilevanti tal-ICAO l-oħra; jew

(b)

ir-rekwiżiti ta’ kwalità għal oġġett ta’ dejta ma jiġux issodisfati mill-istandards ta’ kwalità tad-dejta tal-ICAO imsemmija fl-Anness III punt (11) u mill-istandards rilevanti tal-ICAO l-oħra.

3.

Ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-oġġetti tad-dejta msemmija fil-punt 2 għandhom jiġu żviluppati skont proċess standardizzat li jiddeskrivi l-metodoloġija għad-derivazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti qabel il-pubblikazzjoni, b’konsiderazzjoni dovuta tal-impatt potenzjali fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ICAO.

4.

Meta oġġett tad-dejta jkollu aktar minn użu maħsub wieħed, ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta l-aktar stretti biss, li jirriżultaw mill-valutazzjoni tas-sikurezza msemmija fil-punt 2, għandhom jiġu applikati għaliha.

5.

Rekwiżiti ta’ kwalità tad-dejta għandhom jiġu definiti biex ikopri dawn li ġejjin għal kull oġġett ta’ dejta fl-ambitu ta’ dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika msemmija fl-Artikolu 2(1):

(a)

il-preċiżjoni u r-riżoluzzjoni tad-dejta;

(b)

il-livell ta’ integrità tad-dejta;

(c)

il-kapaċità li tiġi ddeterminata l-oriġini tad-dejta;

(d)

il-livell ta’ assigurazzjoni li d-dejta tkun magħmula disponibbli għall-utent maħsub li jmiss qabel id-data/il-ħin effettiv tal-bidu tagħha u li ma titħassarx qabel id-data/il-ħin effettiv tat-tmiem tagħha.

6.

L-oġġetti kollha tad-dejta meħtieġa biex jappoġġjaw kull sett ta’ dejta ta’ applikazzjoni u/jew sub-sett validu tas-sett ta’ dejta għandhom jiġu definiti.

PARTI B

Rekwiżiti ta’ evidenza

Argumenti u evidenza għandhom jinħolqu biex jintwera li:

(a)

ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u riżoluzzjoni li kkonformaw magħhom fl-oriġini tad-dejta u jinżammu sal-pubblikazzjoni għall-utent maħsub li jmiss, inkluż, kull meta r-riżoluzzjoni ta’ oġġett ta’ dejta jiġi mnaqqas jew mibdul, jew id-dejta tiġi tradotta f’sistema ta’ koordinati jew f’unità ta’ kejl differenti;

(b)

l-oriġini u l-istorja tal-bidla ta’ kull oġġett ta’ dejta hija rreġistrata u disponibbli għall-verifika;

(c)

id-dejta ajrunawtika jew l-informazzjoni ajrunawtika hija kompleta jew li oġġetti li setgħu kienu neqsin ġew iddikjarati;

(d)

il-proċessi għall-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġjar, l-ipproċessar, it-trasferiment jew id-distribuzzjoni tad-dejta użati għal kull oġġett tad-dejta huma definiti u adegwati għal-livell assenjat ta’ integrità tal-oġġett ta’ dejta;

(e)

il-proċessi ta’ validazzjoni u ta’ verifika tad-dejta huma adegwati għal-livell assenjat ta’ integrità tal-oġġett ta’ dejta;

(f)

il-proċessi tad-dejta manwali jew semi-awtomatizzati huma mwettqa minn persunal imħarreġ u kwalifikat, bi rwoli u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar li jiġu rreġistrati fis-sistema ta’ kwalità tal-organizzazzjoni;

(g)

l-għodda kollha u/jew is-softwer użat biex jiġu appoġġjati jew implimentati l-proċessi huma validati bħala adattati għall-iskop tagħhom skont l-Anness V;

(h)

qiegħed jopera proċess effettiv ta’ rappurtar, kejl u azzjoni korrettiva fir-rigward ta’ żbalji, skont il-Parti F.

PARTI C

Arranġamenti Formali

L-arranġamenti formali għandhom jinkludu dan il-kontenut minimu:

(a)

l-ambitu tad-dejta ajrunawtika jew informazzjoni ajrunawtika li għandha tiġi pprovduta;

(b)

ir-rekwiżiti tal-eżattezza, tar-riżoluzzjoni u tal-integrità għal kull oġġett tad-dejta fornut;

(c)

il-metodi meħtieġa biex jiġi muri li d-dejta pprovduta hija konformi mal-ħtiġiet speċifikati;

(d)

in-natura tal-azzjoni li għandha tittieħed fil-każ ta’ sejba ta’ żball fid-dejta jew inkonsistenza fi kwalunkwe dejta pprovduta;

(e)

il-kriterji minimi għan-notifikazzjoni ta’ tibdil fid-dejta li ġejjin:

kriterji biex tiġi determinata l-prontezza tal-forniment tad-dejta bbażati fuq l-operat jew is-sinifikat tas-sigurtà tal-bidla;

kull avviż minn qabel ta’ bidliet mistennija;

il-mezzi li għandhom jiġu adottati għan-notifika.

(f)

il-parti responsabbli għad-dokumentazzjoni tal-bidliet fid-dejta;

(g)

il-mezzi biex jiġu riżolti kwalunkwe ambigwitajiet potenzjali kkawżati fejn jintużaw formati differenti għall-iskambju ta’ dejta ajrunawtika jew ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(h)

kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tad-dejta;

(i)

rekwiżiti għall-produzzjoni ta’ rapporti ta’ kwalità mill-fornituri tad-dejta biex tiġi faċilitata l-verifika tal-kwalità tad-dejta mill-utenti tad-dejta;

(j)

rekwiżiti tal-metadejta;

(k)

rekwiżiti ta’ kontinġenza rigward il-kontinwità tal-forniment ta’ dejta.

PARTI D

Ħolqien tad-dejta

1.

L-istħarriġ ta’ għajnuniet ta’ navigazzjoni bir-radju u l-ħolqien ta’ dejta kkalkulata jew miksuba li l-koordinati tagħha huma ppubblikati fl-AIP għandhom jitwettqu skont standards xierqa u mill-inqas skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ICAO imsemmija fil- punt 20 tal-Anness III.

2.

Id-dejta kollha mistħarrġa għandha tiġi referenzjata lil WGS-84 kif speċifikat fid-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fil- punt 2 tal-Anness III2.

3.

Mudell geoid, suffiċjenti biex jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Anness III punt (3) u r-rekwiżiti ta’ kwalità tad-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika speċifikati fl-Anness IV, għandu jintuża sabiex id-dejta vertikali kollha (mistħarrġa, ikkalkulata jew derivata) tkun tista’ tiġi espressa b’mod relattiv għall-livell medju tal-baħar permezz tal-Mudell Gravitazzjonali tad-Dinja 1996. “Geoid” tfisser il-wiċċ ekwipotenzjali fil-kamp gravitazzjonali tad-Dinja, li tikkoinċidi mal-livell mhux disturbat medju tal-baħar estiż b’mod kontinwu minn fuq il-kontinenti.

4.

Dejta mistħarrġa, ikkalkulata u derivata għandha tiġi miżmuma għat-tul tal-ħajja ta’ kull oġġett ta’ dejta.

5.

Dejta ta’ stħarriġ kategorizzata bħala dejta kritika jew essenzjali għandha tiġi soġġetta għal stħarriġ inizjali sħiħ, u wara għandha tiġi mmonitorjata għal tibdiliet fuq bażi annwali, bħala minimu. Fejn jinsabu bidliet, għandu jitwettaq stħarriġ mill-ġdid tad-dejta rilevanti.

6.

Għandhom jintużaw it-tekniki tal-ġbir u tal-ħażna tad-dejta elettronika tal-istħarriġ li ġejjin:

(a)

koordinati ta’ punti ta’ referenza għandhom jiddaħħlu fl-apparat għall-istħarriġ permezz ta’ trasferiment diġitali ta’ dejta;

(b)

il-qisien fil-kamp għandhom jiġu maħżuna permezz ta’ sistema diġitali;

(c)

dejta mhux ipproċessata għandha tiġi trasferita u mdaħħla fis-softwer għall-ipproċessar permezz ta’ sistema diġitali.

7.

Id-dejta ta’ stħarriġ kollha kategorizzata bħala dejta kritika għandha tkun soġġetta għal kejl addizzjonali suffiċjenti biex jiġu identifikati żbalji fl-istħarriġ li ma jistgħux jiġu identifikati permezz ta’ kejl wieħed.

8.

Dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika għandha tiġi validata u verifikata qabel ma din tintuża biex tinkiseb jew biex tiġi kkalkulata dejta oħra.

PARTI E

Rekwiżiti tal-proċess tad-Dejta

1.

Fejn proċessi jew partijiet ta’ proċessi li jintużaw fil-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġjar, l-ipproċessar, it-trasferiment u d-distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika huma suġġetti għall-awtomazzjoni, dawn għandhom ikunu:

(a)

awtomatizzati sa livell proporzjonat mal-kuntest tal-proċess tad-dejta;

(b)

awtomatizzati biex jottimizzaw l-allokazzjoni u l-interazzjoni tal-bniedem u l-magni bil-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ benefiċċji ta’ sigurtà u ta’ kwalità fil-proċess;

(c)

maħsuba biex jevitaw l-introduzzjoni ta’ żbalji fid-dejta;

(d)

maħsuba biex jindividwaw żbalji fid-dejta riċevuta/imdaħħla.

2.

Fejn id-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika tiddaħħal manwalment, din għandha tkun suġġetta għal verifika indipendenti biex jiġu identifikati żbalji li setgħu ġew introdotti.

PARTI F

Rekwiżiti għar-rappurtaġġ u r-rettifika ta’ żbalji

Il-mekkaniżmi ta’ rappurtaġġ, kejl u azzjoni korrettiva għall-iżbalji għandhom jiżguraw li:

(a)

problemi identifikati matul il-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġjar, l-ipproċessar, it-trasferiment u d-distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika, jew dawk identifikati minn utenti wara li jiġu ppubblikati, jiġu rreġistrati u rrapportati lill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(b)

il-problemi kollha rrappurtati dwar id-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika jiġu analizzati mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika u li jiġu ddeterminati l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa;

(c)

l-iżbalji, l-inkonsistenzi u l-anomaliji kollha misjuba f’dejta ajrunawtika u f’informazzjoni ajrunawtika kritika u essenzjali jiġu solvuti b’mod urġenti;

(d)

l-utenti tad-dejta effettwati jiġu avżati dwar l-iżbalji mill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika permezz tal-aktar mezz effettiv, b’konsiderazzjoni tal-livell ta’ integrità tad-dejta ajrunawtika u tal-informazzjoni ajrunawtika u permezz tal-kriterji ta’ notifika miftiehma fl-arranġamenti formali skont l-Anness IV, Parti C punt (d);

(e)

jiġu faċilitati u mħeġġa fehmiet mill-utenti tad-dejta u minn fornituri oħra ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika;

(f)

ir-rati ta’ żbalji għal dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika jiġu rreġistrati kull darba li d-dejta ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika tiġi trasferita bejn il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2);

(g)

ir-rati ta’ żbalji għal dawk l-iżbalji misjuba qabel it-trasferiment u dawk rappurtati wara t-trasferiment jistgħu jiġu identifikati separatament.


ANNESS V

REKWIŻITI TAL-GĦODOD U TAS-SOFTWER IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8

1.

Għodod użati għall-appoġġ jew għall-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tad-dejta ajrunawtika u tal-proċessi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punti 2 u 3, fejn l-għodda:

għandha l-potenzjal li toħloq żbalji f’oġġetti tad-dejta kritiċi jew essenzjali;

hija l-uniku mezz ta’ sejbien ta’ żbalji f’oġġetti tad-dejta kritiċi jew essenzjali;

hija l-uniku mezz ta’ sejbien ta’ diskrepanzi bejn verżjonijiet multipli ta’ dejta mdaħħla manwalment.

2.

Għall-għodda msemmija fil-punt 1, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni, tal-funzjonalità u tal-livell ta’ integrità għandhom jiġu definiti sabiex jiġi żgurat li l-għodda twettaq il-funzjoni tagħha fil-proċess tad-dejta mingħajr ma taffettwa ħażin il-kwalità tad-dejta ajrunawtika jew tal-informazzjoni ajrunawtika.

3.

L-għodda msemmija fil-punt 1 għandha tiġu validata u vverifikata mar-rekwiżiti msemmija fil-punt 2.

4.

L-għodda msemmija fil-punt 1, li huma implimentati bis-sħiħ jew parzjalment f’softwer, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

ir-rekwiżiti tas-softwer għandhom jiddikjaraw b’mod korrett dak li hu meħtieġ mis-softwer sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-għodda;

ir-rekwiżiti kollha tas-softwer għandhom ikunu traċċabbli għar-rekwiżiti tal-għodda msemmija fil-punt 2;

il-validazzjoni u l-verifika tas-softwer, kif definiti fil-punti 5 u 6 rispettivament, għandhom jiġu applikati għal verżjoni eżekutibbli magħrufa tas-softwer fl-ambjent operattiv maħsub tagħha.

5.

Il-validazzjoni ta’ softwer tfisser il-proċess li permezz tiegħu jiġi żgurat li s-softwer jissodisfa r-rekwiżiti għall-applikazzjoni speċifikata jew l-użu maħsub tad-dejta ajrunawtika jew tal-informazzjoni ajrunawtika.

6.

Il-verifika ta’ softwer tfisser l-evalwazzjoni tal-ħruġ ta’ proċess ta’ żvilupp ta’ softwer għal dejta ajrunawtika u/jew informazzjoni ajrunawtika biex jiġu żgurati l-korrettezza u l-konsistenza fir-rigward tal-inputs u tal-istandards, ir-regoli u l-konvenzjonijiet tas-softwer applikabbli użati f’dak il-proċess.


ANNESS VI

REKWIŻITI TA’ PROTEZZJONI TAD-DEJTA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 9

1.

Id-dejta kollha trasferita f’format elettroniku għandha tkun protetta kontra telf jew alterazzjoni ta’ dejta permezz tal-applikazzjoni tal-algoritmu CRC32Q kif imsemmi fil-punt 21 tal-Anness III). Il-valur tal-kontroll ċikliku ta’ ridondanza (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ CRC) għandu jiġi applikat qabel il-verifika finali tad-dejta u qabel ma ssir il-ħażna jew it-trasferiment.

2.

Fejn id-daqs fiżiku ta’ dejta jaqbeż dak li jista’ jiġi protett fil-livell ta’ integrità meħtieġ minn CRC wieħed, għandhom jintużaw valuri CRC multipli.

3.

Dejta ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika għandha tingħata livell xieraq ta’ protezzjoni ta’ sigurtà matul il-ħażna u meta tiġi skambjata bejn il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), sabiex jiġi żgurat li d-dejta ma tistax tinbidel aċċidentalment jew tiġi soġġetta għal aċċess mhux awtorizzat u/jew tibdil fi kwalunkwe stadju.

4.

Il-ħażna u t-trasferiment ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika għandha tkun protetta permezz ta’ proċess ta’ awtentikazzjoni xieraq b’tali mod li r-riċevituri jkunu jistgħu jikkonfermaw li d-dejta jew l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa minn sors awtorizzat.


ANNESS VII

REKWIŻITI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KWALITÀ, TAS-SIGURTÀ U TAS-SIKUREZZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10

PARTI A

Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kwalità

1.

Sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li tappoġġja l-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, il-ġestjoni, l-ipproċessar, it-trasferiment u d-distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika għandha:

tiddefinixxi l-politika ta’ kwalità b’tali mod li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ utenti differenti mill-qrib kemm jista’ jkun;

twaqqaf programm ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità li jinkludi proċeduri mfassla biex jiġi verifikat li l-operazzjonijiet kollha jkunu qed isiru skont ir-rekwiżiti, l-istandards u l-proċeduri applikabbli inklużi r-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament;

tipprovdi evidenza tal-funzjonament tas-sistema ta’ kwalità permezz ta’ manwali u dokumenti ta’ monitoraġġ;

taħtar rappreżentanti ta’ ġestjoni biex jimmonitorjaw konformità mal-, u l-adegwatezza tal-proċeduri li jiżguraw prattiċi operattivi siguri u effiċjenti;

twettaq reviżjonijiet tas-sistema ta’ kwalità li tkun qed tintuża u tieħu azzjonijiet rimedjali, kif xieraq.

2.

Ċertifikat EN ISO 9001, maħruġ minn organizzazzjoni akkreditata kif xieraq, għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-punt 1. Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jaċċettaw l-iżvelar tad-dokumentazzjoni relatata maċ-ċertifikazzjoni lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza fuq talba ta’ din tal-aħħar.

PARTI B

Għanijiet tal-Ġestjoni tas-Sigurtà

1.

L-għanijiet tal-ġestjoni tas-sigurtà għandhom ikunu:

li titnaqqas il-kontribuzzjoni għar-riskju ta’ inċident tal-ajru li jista’ jirriżulta minn żbalji fid-dejta safejn hu raġjonevolment prattikabbli;

li jiġi promoss l-għarfien dwar is-sigurtà madwar l-organizzazzjoni permezz tal-qsim ta’ lezzjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sigurtà u billi l-personal kollu jiġi involut biex jipproponi soluzzjonijiet għal kwistjonijiet ta’ sigurtà identifikati u suġġerimenti għat-titjib tal-effettività u l-effiċjenza tal-proċessi;

li jiġi żgurat li tiġi identifikata funzjoni fi ħdan l-organizzazzjoni responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għanijiet tal-ġestjoni tas-sigurtà;

li jiġi żgurat li jinżammu reġistri u li jitwettaq monitoraġġ biex tingħata assigurazzjoni ta’ sigurtà tal-attivitajiet tagħhom;

li jiġi żgurat li jsiru rakkomandazzjonijiet ta’ titjib, fejn meħtieġ, biex tingħata assigurazzjoni tas-sigurtà tal-attivitajiet.

2.

Il-kisba tal-għanijiet tal-ġestjoni tas-sigurtà għandhom jingħataw l-ogħla prijorità fuq pressjonijiet kummerċjali, operattivi, ambjentali jew soċjali.

PARTI C

Għanijiet tal-Ġestjoni tas-Sigurtà

1.

L-għanijiet tal-ġestjoni tas-sigurtà għandhom ikunu:

li tiġi żgurata s-sigurtà tad-dejta ajrunawtika u tal-informazzjoni ajrunawtika riċevuta, prodotta jew użata b’mod li tkun protetta minn interferenzi u li l-aċċess għaliha jkun ristrett biss għal persuni awtorizzati;

li jiġi zgurat li l-miżuri tal-ġestjoni tas-sigurtà ta’ organizzazzjoni jissodisfaw rekwiżiti nazzjonali jew internazzjonali xierqa għall-infrastruttura kritika u l-kontinwità tan-negozju, kif ukoll standards internazzjonali għall-ġestjoni tas-sigurtà, inklużi l-istandards ISO imsemmija fil-punti 22 u 23.

2.

Rigward l-istandards ISO, iċ-ċertifikat rilevanti maħruġ minn organizzazzjoni akkreditata kif xieraq, għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità. Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jaċċettaw li d-dokumentazzjoni relatata maċ-ċertifikazzjoni tiġi żvelata lill-awtorità tas-superviżjoni sorveljanza nazzjonali fuq talba ta’ din tal-aħħar.


ANNESS VIII

Rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-konformità jew l-adegwatezza għall-użu ta’ kostitwenti msemmija fl-Artikolu 11

1.

L-attivitajiet ta’ verifika għandhom juru l-konformità tal-kostitwenti mar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, ta’ prestazzjoni u ta’ sigurtà ta’ dan ir-Regolament, jew l-adegwatezza tagħhom għall-użu waqt li dawn il-kostitwenti jkunu qed joperaw fl-ambjent tal-ittestjar.

2.

Il-manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni, għandu jamministra l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità u għandu b’mod partikolari:

jistabbilixxi l-ambjent xieraq għall-ittestjar;

jivverifika li l-pjan ta’ ttestjar jiddeskrivi l-kostitwenti fl-ambjent tal-ittestjar;

jivverifika li l-pjan tal-ittestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli;

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tal-ittestjar;

jippjana l-organizzazzjoni, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tat-test flimkien mal-pjattaforma għall-ittestjar;

jwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tal-ittestjar;

jikteb ir-rapport li juri r-riżultati ta’ spezzjonijiet u testijiet.

3.

Il-manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni, għandu jiżgura li l-kostitwenti involuti fil-ħolqien, il-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġjar, l-ipproċessar, it-trasferiment u d-distribuzzjoni ta’ dejta ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika integrata fl-ambjent tal-ittestjar jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-interoperabilità, tal-prestazzjoni, tal-kwalità u tas-sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

4.

Meta tiġi ssodisfata t-tlestija tal-verifika tal-konformità jew tal-adegwatezza għall-użu, il-manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni, għandu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ifassal id-dikjarazzjoni tal-KE ta’ konformità jew ta’ adegwatezza għall-użu, li tispeċifika b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li ġew issodisfati mill-kostitwent u l-kundizzjonijiet tal-użu assoċjati magħha skont il-punt 3 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


ANNESS IX

KUNDIZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 12

1.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jkollu metodi ta’ rappurtaġġ fl-organizzazzjoni li jiżguraw u juru imparzjalità u indipendenza ta’ ġudizzju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ verifika.

2.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika iwettaq il-verifiki bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli, u li dan ikun ħieles minn kull pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari ta’ tip finanzjarju, li jista’ jaffettwa l-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom, b’mod partikolari minn persuni jew gruppi ta’ persuni effettwati mir-riżultati tal-kontrolli.

3.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika, ikollu aċċess għat-tagħmir li jippermettilu li jwettaq il-kontrolli meħtieġa kif suppost.

4.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika, jkollu taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb, għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li għandhom iwettqu, esperjenza adegwata ta’ dawn l-operazzjonijiet, u l-kapaċità meħtieġa biex jitħejjew id-dikjarazzjonijiet, ir-rekords u r-rapporti li juru li l-verifiki jkunu twettqu.

5.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika, huwa kapaċi jwettaq il-kontrolli tiegħu b’imparzjalità. Ir-rimunerazzjoni tagħhom m’għandhiex tiddependi fuq in-numru ta’ kontrolli mwettqa, jew fuq ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli.


ANNESS X

PARTI A

Rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(1)

1.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, il-prestazzjoni u s-sikurezza ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ evalwazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawn is-sistemi.

2.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha titmexxa skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

3.

L-għodod ta’ ttestjar użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom funzjonalitajiet xierqa.

4.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ mill-punt 3 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 inkluż l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;

ir-rapport ta’ spezzjonijiet u testijiet miksuba qabel ma s-sistema ddaħħlet fis-servizz.

5.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ navigazzjoni ajrunawtika għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

jistabbilixxi l-ambjent operattiv u tekniku simulat xieraq li jirrifletti l-ambjent operattiv;

jivverifika li l-pjan tal-ittestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 2(1) f’ambjent operattiv u tekniku ta’ evalwazzjoni;

jivverifika li l-pjan tal-ittestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, ta’ prestazzjoni u ta’ sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tal-ittestjar;

jippjana l-organizzazzjoni, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tat-test flimkien mal-pjattaforma għall-ittestjar;

jwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tal-ittestjar;

jikteb ir-rapport li juri r-riżultati ta’ spezzjonijiet u testijiet.

6.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) taħt ir-responsabbiltà tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità, ta’ prestazzjoni u ta’ sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

7.

Mat-tlestija kif meħtieġ tal-verifika ta’ konformità, fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru għandhom ifasslu d-dikjarazzjoni tal-KE ta’ verifika tas-sistema u jippreżentawha lill-awtorità superviżorja nazzjonali flimkien mal-fajl tekniku, kif stipulat bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

PARTI B

Rekwiżiti għall-verfika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 12(2)

1.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, il-prestazzjoni u s-sikurezza ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawn is-sistemi.

2.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha ssir skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

3.

L-għodod ta’ ttestjar użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom funzjonalitajiet xierqa.

4.

Il-verifika tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ mill-punt 3 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 inklużi l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;

ir-rapport ta’ spezzjonijiet u testijiet miksuba qabel ma s-sistema ddaħħlet fis-servizz.

5.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jistabbilixxi l-ambjent ta’ valutazzjoni operattiv u tekniku xieraq li jirrifletti l-ambjent operattiv u għandu jqabbad korp notifikat biex iwettaq attivitajiet ta’ verifika f’ismu.

6.

Il-korp notifikat għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

jivverifika li l-pjan tal-ittestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) f’ambjent operattiv u tekniku ta’ evalwazzjoni;

jivverifika li l-pjan tal-ittestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, ta’ prestazzjoni u ta’ sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tal-ittestjar;

jippjana l-organizzazzjoni, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tat-test flimkien mal-pjattaforma għall-ittestjar;

jwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tal-ittestjar;

jikteb ir-rapport li juri r-riżultati ta’ spezzjonijiet u testijiet.

7.

Il-korp notifikat għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) imħaddma f’ambjent operattiv ta’ valutazzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità, ta’ prestazzjoni u ta’ sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

8.

Meta jitlestew kif suppost il-kompiti ta’ verifika, il-korp notifikat għandu jfassal ċertifikat ta’ konformità fir-rigward tal-kompiti mwettqa.

9.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru imbagħad għandu jfassal id-dikjarazzjoni tal-KE ta’ verifika tas-sistema u jippreżentaha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza flimkien mal-fajl tekniku, kif mitlub mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


ANNESS XI

DIFFERENZI TAL-ICAO IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 14

Kapitolu 3, Taqsima 3.2.10 (kontroll ċikliku ta’ ridondanza) tal-Anness 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago – Servizzi ta’ Informazzjoni Ajrunawtika.


27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/28


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 74/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 341/2007, (KE) Nru 1580/2007 u (KE) Nru 376/2008 rigward il-kundizzjonijiet għal u l-forma tan-notifiki li għandhom isiru lill-Kummissjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament waħdieni dwar l-OKS (1), ub'mod partikolari l-Artikolu 192(2) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (2) jistipula regoli komuni għan-notifikazzjoni ta' informazzjoni u dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jkopru partikolarment l-obbligu għall-Istati Membri li jużaw is-sistemi ta' informazzjoni magħmula disponibbli għall-Kummissjoni u l-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess għall-awtoritajiet jew l-individwi awtorizzati jibagħtu l-komunikazzjonijiet. Minbarra dan, ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji komuni li japplikaw għas-sistemi ta' informazzjoni sabiex jiggarantixxu l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tul iż-żmien tad-dokumenti u jipprovdi għall-protezzjoni tad-dejta personali.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009, l-obbligu li jintużaw is-sistemi ta' informazzjoni konformi ma' dak ir-Regolament għandu jiġi pprovdut fir-Regolamenti li jistabbilixxu obbligu ta' notifika speċifiku.

(3)

Il-Kummissjoni żviluppat sistema informatika li tippermettilha tamministra b'mod elettroniku dokumenti u proċeduri fi ħdan il-proċeduri ta' ħidma interni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni.

(4)

Jitqies li xi obbligi ta' notifika jistgħu issa jitwettqu permezz ta' dik is-sistema, konformi mar-Regolament (KE) Nru 792/2009, partikolarment dawk ipprovduti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2336/2003 tat-30 ta' Diċembru 2003 li jintroduċi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 670/2003 li jistabbilixxi l-miżuri speċifiċi dwar it-tpoġġija fis-suq ta’ alkoħol tal-ethyl ta’ oriġini agrikola (3), (KE) Nru 341/2007 tad-29 ta' Marzu 2007 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema għal liċenzji tal-importazzjoni u ċertifikati ta' oriġini għat-tewm u għal ċerti prodotti agrikoli oħra importati minn pajjiżi terzi (4), (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (5) u (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (6).

(5)

Fir-Regolamenti (KE) Nru 2336/2003 u (KE) Nru 1580/2007, jixraq li n-notifiki għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet żero. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta' ċarezza, għandu jiġi pprovdut li fin-notifiki dwar liċenzji ta' sostituzzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 376/2008 għandha tingħata wkoll referenza għan-numru tas-serje tal-liċenzja sostitwita. Għal tixrid effiċjenti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-informazzjoni rċevuta dwar il-liċenzji ta' sostituzzjoni, għandu jkun ukoll meħtieġ li din l-informazzjoni tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni minnufih wara ħruġ il-liċenzja. Ukoll għal raġunijiet ta' ċarezza, l-informazzjoni mitluba f'notifiki dwar każi ta' forza maġġuri għandha tkun dettaljata.

(6)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 341/2007, (KE) Nru 1580/2007 u (KE) Nru 376/2008 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2336/2003 għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, il-punti (a) sa (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

importazzjonijiet kull tliet xhur minn pajjiżi terzi mqassma skont il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u skont l-oriġini, identifikati permezz tal-kodiċijiet fin-nomenklatura ta' pajjiżi u territorji għall-istatistiċi esterni tal-kummerċ tal-Komunità preskritti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1779/2002 (*), soġġett għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament;

(b)

esportazzjonijiet kull tliet xhur lejn pajjiżi terzi, inklużi kwalunkwe esportazzjonijiet ta' alkoħol mhux ta' oriġini agrikola, soġġett għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament;

(c)

produzzjoni kull tliet xhur, imqassma skont il-prodott li minnu ġie prodott l-akoħol;

(d)

il-volum li sar użu minnu fil-kwart preċedenti, imqassam skont is-setturi tal-użu;

(e)

stokkijiet miżmuma mill-produtturi tal-alkoħol f'pajjiżhom fi tmiem kull sena;

(f)

produzzjoni stmata għas-sena li tkun għaddejja, darbtejn fis-sena, qabel it-28 ta' Frar u l-31 ta' Awwissu rispettivament;

(*)  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 6.”"

2.

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fl-ewwel paragrafu, il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

importazzjonijiet kull tliet xhur minn pajjiżi terzi;

(c)

importazzjonijiet kull tliet xhur lejn pajjiżi terzi;”

(b)

It-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Iċ-ċifri notifikati għandhom jiġu espressi f'ettolitri ta' alkoħol pur.’

3.

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 7 ta' dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (**).

In-notifiki kollha għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet żero.

In-notifiki msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 għandhom isiru biss fuq talba tal-Kummissjoni, indirizzati lill-Istati Membri permezz tas-sistema informatika li jkun hemm implimentata.

(**)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

4.

L-Annessi II sa VIII jitħassru.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 341/2007, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b' dan li ġej:

“In-notifiki lill-Kummissjoni taħt dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (***).

Artikolu 3

L-Artikolu 134 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huwa emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-Regolament (KE) Nru 376/2008 għandu japplika għal liċenzji ta’ importazzjoni maħruġa skont dan l-Artikolu.”

2.

Il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell) kull nhar ta' Erbgħa, il-kwantitajiet ta’ tuffieħ li għalihom inħarġu liċenzji ta’ importazzjoni, inklużi d-dikjarazzjonijiet żero, tul il-ġimgħa ta' qabel, maqsuma skont il-pajjiż terz tal-oriġini.

In-notifiki lill-Kummissjoni taħt dan il-paragrafu għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (****).

(****)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

Artikolu 4

Ir-Regolament (KE) Nru 376/2008 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 37 huwa sostitwit b’ dan li ġej:

“Artikolu 37

Meta jinħarġu liċenzji ta' sostituzzjoni, ċertifikati jew estratti, l-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummisjoni bi:

(a)

in-numru tas-serje tal-liċenzji ta' sostituzzjoni, ċertifikati jew estratti maħruġa u n-numru tas-serje tal-liċenzji sostitwiti, ċertifikati jewq estrattii skont l-Artikoli 35 u 36;

(b)

in-natura u l-kwantità tal-merkanzija kkonċernata u r-rata tar-rifużjoni tal-esportazzjoni jew tal-levy tal-esportazzjoni ffissata bil-quddiem.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.”

2.

Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-każ ta' forza maġġuri li jkunu għarfu, billi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja: in-natura tal-prodott ikkonċernat bil-kodiċi tan-NM tiegħu, l-operazzjoni (importazzjoni jew esportazzjoni), il-kwantitajiet involuti u, skont il-każ, il-kanċellazzjoni tal-liċenzja jew l-estensjoni tal-perjodu tal-validità tal-liċenzja bl-indikazzjoni tat-terminu tal-validità.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.”

3.

Fl-aħħar tal-Kapitolu IV għandu jiddaħħal l-Artikolu 48a li ġej:

“Artikolu 48a

In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 14(5), l-Artikolu 29(2), (3) u (4), l-Artikolu 37, l-Artikolu 40(6) u l-Artikolu 47(3) ta' dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*****).

(*****)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, is-26 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1

(2)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3

(3)  ĠU L 346, 31.12.2003, p. 19.

(4)  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 12.

(5)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.


27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 75/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

JO

73,2

MA

73,3

TN

116,4

TR

108,9

ZZ

93,0

0707 00 05

MA

78,1

TR

128,9

ZZ

103,5

0709 90 70

MA

136,3

TR

129,5

ZZ

132,9

0805 10 20

EG

48,5

IL

54,1

MA

53,5

TN

53,5

TR

54,8

ZZ

52,9

0805 20 10

IL

191,1

MA

75,7

ZZ

133,4

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

54,7

EG

69,7

IL

72,0

JM

106,6

MA

91,0

PK

46,5

TR

87,4

ZZ

75,4

0805 50 10

EG

71,2

IL

88,7

TR

70,1

ZZ

76,7

0808 10 80

CA

75,7

CL

60,5

CN

72,0

MK

24,7

US

121,9

ZZ

71,0

0808 20 50

CN

72,3

US

115,4

ZZ

93,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/33


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 76/2010

tas-26 ta’ Jannar 2010

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2009/10 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 877/2009 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 69/2010 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-27 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 253, 25.9.2009, p. 3.

(4)  ĠU L 19, 23.1.2010, p. 3.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mis-27 ta’ Jannar 2010

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

49,07

0,00

1701 11 90  (1)

49,07

0,18

1701 12 10  (1)

49,07

0,00

1701 12 90  (1)

49,07

0,00

1701 91 00  (2)

53,94

1,29

1701 99 10  (2)

53,94

0,00

1701 99 90  (2)

53,94

0,00

1702 90 95  (3)

0,54

0,20


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


IV Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009 skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Novembru 2009

dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

(2010/48/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 95 flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’Mejju 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati f’isem il-Komunità Ewropea dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet u d-Dinjità tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni NU”).

(2)

Il-Konvenzjoni NU kienet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta’ Diċembru 2006 u daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008.

(3)

Il-Konvenzjoni NU ġiet iffirmata f’isem il-Komunità fit-30 ta’ Marzu 2007 suġġett għall-konklużjoni possibbli tagħha f’data iktar tard.

(4)

Il-Konvenzjoni NU tikkostitwixxi pilastru rilevanti u effettiv għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà fl-Unjoni Ewropea, li kemm il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri tagħha jagħtuhom importanza kbira.

(5)

Il-Konvenzjoni NU għandha għalhekk tiġi approvata, f’isem il-Komunità, kemm jista' jkun malajr.

(6)

Tali approvazzjoni, madankollu, għandha tkun akkumpanjata b’riżerva, li tiddaħħal mill-Komunità Ewropea, fir-rigward tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni NU, sabiex ikun iddikjarat li l-Komunità tikkonkludi l-Konvenzjoni NU mingħajr preġudizzju għad-dritt ibbażat fuq il-liġi Komunitarja, kif previst taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (2), tal-Istati Membri tagħha biex ma jkunx applikat għall-forzi armati l-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba diżabbiltà.

(7)

Il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni NU. Għalhekk, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom isiru Partijiet Kontraenti għaliha, sabiex flimkien ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni NU u jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom, f’sitwazzjonijiet ta’ kompetenza kondiviża b’mod koerenti.

(8)

Il-Komunità għandha, meta tiddepożita l-istrument tal-konferma formali, tiddepożita wkoll dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 44.1 tal-Konvenzjoni li tispeċifika l-materji regolati mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet ittrasferita lilha mill-Istati Membri tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Konvenzjoni NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà hija b’dan approvata f’isem il-Komunità, suġġetta għal riżerva fir-rigward tal-Artikolu 27.1 tagħha.

2.   It-test tal-Konvenzjoni NU jinsab fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

It-test tar-riżerva jinsab fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiddeppożitaw, f’isem il-Komunità Ewropea, l-istrument tal-konferma formali tal-Konvenzjoni mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikoli 41 u 43 tal-Konvenzjoni NU.

2.   Meta jiddepożitaw l-istrument tal-konferma formali, il-persuna jew persuni maħtura għandhom, skont l-Artikoli 44.1 tal-Konvenzjoni, jiddepożitaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza, li tinsab fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-Riżerva, li tinsab fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkun il-punt fokali għal materji relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni NU skont l-Artikolu 33.1 tal-Konvenzjoni NU. Id-dettalji dwar il-funzjoni ta’ punt fokali f’dan ir-rigward għandhom jiġu stabbiliti f’Kodiċi ta’ Kondotta qabel id-depożizzjoni tal-istrument tal-konferma formali f’isem il-Komunità.

Artikolu 4

1.   Fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-laqgħat tal-korpi maħluqa mill-Konvenzjoni NU, b’mod partikolari il-Konferenza tal-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 40 tagħha, u għandha taġixxi f’isimha fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawk il-korpi.

2.   Fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kompetenzi kondiviżi tal-Komunità u l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw minn qabel l-arranġamenti adatti għar-rappreżentazzjoni tal-pożizzjoni tal-Komunità f’laqgħat tal-korpi maħluqa mill-Konvenzjoni NU. Id-dettalji dwar din ir-rappreżentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f’Kodiċi ta’ Kondotta li għandu jiġi maqbul qabel id-depożizzjoni tal-istrument tal-konferma formali f’isem il-Komunità.

3.   Fil-laqgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fejn meħtieġ b’konsultazzjoni minn qabel ma’ istituzzjonijiet konċernati oħrajn tal-Komunità, għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikolari għal dawk li huma arranġamenti ta’ monitoraġġ, rappurtar u vvutar. L-arranġamenti għall-iżgurar ta’ kooperazzjoni mill-qrib għandhom ukoll jiġu indirizzati fil-Kodiċi ta’ Kondotta msemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BJÖRKLUND


(1)  Opinjoni mogħtija fis-27 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.


ANNESS I

KONVENZJONI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

Preambolu

L-ISTATI PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI,

(a)

Filwaqt li jiftakru l-prinċipji proklamati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħrfu d-dinjità u l-valur inerenti u d-drittijiet ugwali u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana bħala l-bażi tal-libertà, il-ġustizzja u l-paċi fid-dinja,

(b)

Filwaqt li jagħrfu li n-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ipproklamat u qablet li kulħadd huwa intitolat għad-drittijiet u l-libertajiet kollha stabbiliti fihom, mingħajr ebda tip ta’ distinzjoni,

(c)

Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u l-interrelazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha u l-bżonn li persuni b’diżabbiltà jiġu ggarantiti t-tgawdija sħiħa tagħhom mingħajr diskriminazzjoni,

(d)

Filwaqt li jiftakru l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom,

(e)

Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor,

(f)

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-prinċipji u tal-linji gwida ta’ politika li jinsabu fil-Programm Dinji ta’ Azzjoni dwar Persuni b’Diżabbiltà u fir-Regoli Standard dwar l-Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabbiltà fil-mod kif dawn jinfluwenzaw il-promozzjoni, it-tfassil u l-valutazzjoni tal-linji ta’ politika, pjanijiet, programmi u azzjonijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex l-opportunitajiet għal persuni b’diżabbiltà jkomplu jsiru aktar indaqs,

(g)

Filwaqt li jenfasizzaw l-importanza li l-kwistjonijiet ta’ diżabbiltà jiġu integrati bħala parti integrali tal-istrateġiji relevanti ta’ żvilupp sostenibbli,

(h)

Filwaqt li jagħrfu wkoll li d-diskriminazzjoni kontra kwalunkwe persuna fuq il-bażi ta’ diżabbiltà hija ksur tad-dinjità u l-valur tal-bniedem,

(i)

Filwaqt li jkomplu jagħrfu d-diversità tal-persuni b’diżabbiltà,

(j)

Filwaqt li jagħrfu l-bżonn biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha b’diżabbiltà, inklużi dawk li għandhom bżonn iktar appoġġ intensiv,

(k)

Filwaqt li huma mħassba li, minkejja dawn id-diversi strumenti u aċċettazzjonijiet, il-persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw ostakli fil-parteċipazzjoni tagħhom bħala membri sħaħ fis-soċjetà u ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’kull parti tad-dinja,

(l)

Filwaqt li jagħrfu l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuni b’diżabbiltà f’kull pajjiż, b’mod partikolari fil-pajjizi li qed jiżviluppaw,

(m)

Filwaqt li jagħrfu l-kontributi siewja, kemm eżistenti kif ukoll potenzjali, mogħtija minn persuni b’diżabbiltà għall-ġid u d-diversità ġenerali tal-komunitajiet tagħhom, u li l-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabbiltà jwasslu biex dawn iħossuhom aktar parti mis-soċjetà, u għal avvanzi sinifikanti fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku tas-soċjetà u biex jinqered il-faqar,

(n)

Filwaqt li jagħrfu l-importanza għall-persuni b’diżabbiltà li jkollhom l-awtonomija u indipendenza individwali tagħhom, inkluża l-libertà biex jagħmlu l-għażliet tagħhom stess,

(o)

Filwaqt li jqisu li l-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom l-opportunità biex ikunu involuti b’mod attiv fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar linji ta’ politika u programmi, inklużi dwak li jikkonċernawhom direttament,

(p)

Filwaqt li jinsabu mħassba dwar il-kondizzjonijiet diffiċli li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b’diżabbiltà li huma suġġetti għal iktar minn forma waħda jew għal forom aggravati ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ razza, kulur, sess, lingwa, reliġjon, politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali, etnika, indiġena jew soċjali, proprjetà, twelid, età jew stat ieħor,

(q)

Filwaqt li jagħrfu li n-nisa u t-tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma ħafna drabi f’riskju ikbar, kemm ġewwa kif ukoll barra d-dar, ta’ vjolenza, feriment jew abbuż, nuqqas ta’ attenzjoni jew trattament negliġenti, trattament ħażin jew sfruttament,

(r)

Filwaqt li jagħrfu li tfal b’diżabbiltà għandu jkollhom tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra, u filwaqt li jiftakru mill-ġdid l-obbligi li assumew l-Istati Partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

(s)

Filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi inkorporta perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-isforzi ta’ promozzjoni kollha sabiex il-persuni b’diżabbiltà jgawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha tagħhom,

(t)

Filwaqt li jisħqu dwar il-fatt li l-maġġoranza ta’ persuni b’diżabbiltà jgħixu f’kondizzjonijiet ta’ faqar, u filwaqt li f’dan ir-rigward jagħrfu l-bżonn kritiku biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv tal-faqar fuq persuni b’diżabbiltà,

(u)

Filwaqt li jżommu f’moħħhom li l-kondizzjonijiet ta’ paċi u sigurtà fuq il-bażi ta’ rispett sħiħ lejn l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-osservanza ta’ strumenti ta’ drittijiet tal-bniedem applikabbli huma indispensabbli għall-ħarsien sħiħ tal-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari waqt kunflitti bl-użu ta’ armi u okkupazzjoni barranija,

(v)

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-aċċessibbiltà għall-ambjent fiżiku, soċjali, ekonomiku u kulturali, għall-edukazzjoni u s-saħħa u għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, biex ikun possibli li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha,

(w)

Filwaqt li jirrealizzaw li l-individwu, li għandu obbligi lejn individwi oħra u lejn il-komunità li minnha huwa jkun parti, għandu jassumi responsabbiltà biex jistinka għall-promozzjoni u l-osservanza tad-drittijiet rikonoxxuti fl-Abbozz tal-Liġi Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

(x)

Filwaqt li huma konvinti li l-familja hija l-unità ta’ grupp naturali u fundamentali tas-soċjetà u hija intitolata għal protezzjoni mis-soċjetà u mill-Istat, u li l-persuni b’diżabbiltà u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jirċievu l-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa sabiex il-familji jkunu jistgħu jikkontribwixxu lejn it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà,

(y)

Filwaqt li huma konvinti li konvenzjoni internazzjonali, li tkun komprensiva u integrali, u li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà għandha tagħti kontribut sinifikanti biex jiġi rrimedjat l-iżvantaġġ soċjali profond tal-persuni b’dizabbiltajiet, u għandha tippromwovi l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isferi ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali b’opportunitajiet indaqs, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

 

“Komunikazzjoni” tinkludi lingwi, wiri ta’ test, Braille, komunikazzjoni bis-sens tal-mess, tipa kbira, multimidja aċċessibbli kif ukoll forom, mezzi u formati ta’ komunikazzjoni miktuba, bl-awdjo, b’lingwa sempliċi, u dawk li jimitaw il-qari mill-bniedem, inklużi teknoloġija aċċessibbli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

 

“Lingwa” tinkludi lingwi mitkellma jew bis-sinjali u forom oħra ta’ lingwi mhux mitkellma;

 

“Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza raġonevoli;

 

“Akkomodazzjoni raġonevoli” tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha;

 

“Disinn universali” tfisser id-disinn ta’ prodotti, ambjenti, programmi u servizzi biex ikunu jistgħu jintużaw mill-persuni kollha, sal-iktar punt possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat. “Disinn universali” m’għandux jeskludi apparat ta’ għajnuna għal gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabbiltà meta dan ikun meħtieġ.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu:

(a)

Rispett għad-dinjità inerenti, l-awtonomija individwali inkluża l-libertà biex wieħed jagħmel l-għażliet tiegħu stess, u l-indipendenza tal-persuni;

(b)

Nuqqas ta’ diskriminazzjoni;

(c)

Parteċipazzjoni u inklużjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà;

(d)

Rispett għad-differenza u aċċetazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà bħala parti mid-diversità tal-bniedem u l-umanità;

(e)

Opportunitajiet indaqs;

(f)

Aċċessibbiltà;

(g)

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

(h)

Rispett għall-kapaċitajiet li jevolvu tat-tfal b’diżabbiltà u rispett għad-dritt tat-tfal b’diżabbiltà li jippreżervaw l-identitajiet tagħhom.

Artikolu 4

Obbligi ġenerali

1.   L-Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall-persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet jintrabtu:

(a)

Li jadottaw miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u miżuri oħra adegwati għall-implimentazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti f’din il-Konvenzjoni;

(b)

Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha, inkluża leġiżlazzjoni, biex jimmodifikaw jew ineħħu liġijiet, regolamenti, konswetudnijiet u prattiċi eżistenti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà;

(c)

Li jqisu l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabbiltà fil-linji ta’ politika u l-programmi kollha;

(d)

Li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li huma inkonsistenti ma’ din il-Konvenzjoni u li jiżguraw li l-awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi jaġixxu f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni;

(e)

Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jeqirdu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà minn kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew intrapriża privata;

(f)

Li jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet iddisinjati universalment, kif definiti fl-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, li għandhom jeħtieġu l-inqas adattament possibbli u l-inqas prezz biex jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuna b’diżabbiltà, biex jippromwovu id-disponibbiltà u l-użu tagħhom, u biex jippromwovu abbozz universali fl-iżvilupp ta’ standards u linji gwida;

(g)

Li jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’, u biex jippromwovu d-disponibbiltà u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inklużi, teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, xierqa għall-persuni b’diżabbiltà, waqt li jagħtu prijorità għal teknoloġiji bi prezz li jista’ jitħallas minn dak li jkun;

(h)

Li jipprovdu informazzjoni aċċessibbli lill-persuni b’diżabbiltà dwar għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, inklużi teknoloġiji ġodda, kif ukoll forom oħra ta’ assistenza, servizzi ta’ appoġġ u faċilitajiet;

(i)

Li jippromwovu t-taħriġ ta’ professjonisti u persunal li jaħdmu mal-persuni b’diżabbiltà dwar id-drittijiet rikonoxxuti f’din il-Konvenzjoni biex jipprovdu aħjar l-assistenza u s-servizzi ggarantiti minn dawk id-drittijiet.

2.   Fir-rigward ta’ drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kull Stat Parti jintrabat li jieħu miżuri sal-massimu tar-riżorsi disponibbli tiegħu u, fejn meħtieġ, fi ħdan il-qafas ta’ koperazzjoni internazzjonali, bl-għan li jikseb b’mod progressiv il-kisba sħiħa ta’ dawn id-drittijiet, mingħajr ħsara lil dawk l-obbligi li qegħdin f’din il-Konvenzjoni li huma applikabbli direttament skont il-liġi internazzjonali.

3.   Fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u linji ta’ politika biex tiġi implimentata din il-Konvenzjoni, u f’proċessi oħra fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b’mod attiv lill-persuni b’diżabbiltà, inklużi tfal b’diżabbiltà, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

4.   Din il-Konvenzjoni hija mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni li tippromwovi aktar il-kisba tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u li tista’ tkun tinsab fil-liġi ta’ xi Stat Parti jew fid-dritt internazzjonali fis-seħħ għal dak l-Istat. M’għandu jkun hemm ebda restrizzjoni jew deroga minn kwalunkwe drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali rikonoxxuti jew eżistenti fi kwalunkwe Stat Parti għal din il-Konvenzjoni skont liġijiet, konvenzjonijiet, regolamenti jew konswetudnijiet bl-iskuża li din il-Konvenzjoni ma tirrikonoxxix tali drittijiet jew libertajiet jew li tirrikonoxxihom fuq grad inqas.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jestendu għall-partijiet kollha tal-Istati federali mingħajr ebda limitazzjoni jew eċċezzjoni.

Artikolu 5

Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni

1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

3.   Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.

4.   Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 6

Nisa b’diżabbiltà

1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li n-nisa u tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma suġġetti għal numru ta’ diskriminazzjonijiet, u f’dan ir-rigward għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ, l-avvanz sħiħ u l-indipendenza sħiħa tan-nisa, bl-iskop li jiggarantulhom l-eżerċitar u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.

Artikolu 7

Tfal b’diżabbiltà

1.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa mit-tfal b’diżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħrajn.

2.   Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw tfal b’diżabbiltà, l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla għandom ikunu kunsiderazzjoni primarja.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal b’diżabbiltà jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b’mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom, bl-opinjonijiet tagħhom jitqiesu skont kif xieraq skont l-età u l-maturità tagħhom, fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra, u li jingħata għajnuna adatta għad-diżabbiltà skont l-età biex jiksbu dak id-dritt.

Artikolu 8

Ħolqien ta’ kuxjenza

1.   L-Istati Partijiet jintrabtu li jadottaw miżuri immedjati, effettivi u adegwati:

(a)

Biex joħolqu kuxjenza fost is-soċjetà, inkluż fil-livell tal-familja, rigward il-persuni b’diżabbiltà, u biex jinkoraġġixxu r-rispett għad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà;

(b)

Biex jiġġieldu kontra l-isterjotipi, preġudizzji u prattiċi li jagħmlu l-ħsara relatati mal-persuni b’diżabbiltà, inklużi dawk ibbażati fuq sess u età, fl-oqsma kollha tal-ħajja;

(c)

Biex jippromwovu l-għarfien tal-kapaċitajiet u l-kontributi tal-persuni b’diżabbiltà.

2.   Miżuri għal dan il-għan jinkludu:

(a)

Li jingħata bidu u jinżammu għaddejjin kampanji effettivi għal ħolqien ta’ kuxjenza fost il-pubbliku, b’dawn il-miri:

(i)

Li titrawwem sensittività għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà;

(ii)

Jitħeġġu perċezzjonijiet pożittivi u kuxjenza soċjali akbar lejn il-persuni b’diżabbiltà;

(iii)

Jiġu rikonoxxuti aktar il-kapaċitajiet, il-merti u l-ħiliet tal-persuni b’diżabbiltà, u tal-kontribut tagħhom lejn il-post tax-xogħol u s-suq tax-xogħol;

(b)

Trawwim fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, inklużi fit-tfal kollha minn età bikrija, ta’ attitudni ta’ rispett għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà;

(c)

Jitħeġġu l-organi kollha tal-mezzi tax-xandir biex jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà b’mod konsistenti mal-iskop ta’ din il-Konvenzjoni;

(d)

Promozzjoni ta’ programmi ta’ għarfien u taħriġ rigward persuni b’diżabbiltà u d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 9

Aċċessibbiltà

1.   Sabiex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw lill-persuni b’diżabbiltà aċċess, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi sistemi u teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet oħra u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, kemm f’żoni urbani kif ukoll f’żoni rurali. Dawn il-miżuri, li għandhom jinkludu l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ ostakli u barrieri għall-aċċessibbiltà, għandom japplikaw għal, inter alia:

(a)

Binjiet, toroq, trasport u faċilitajiet oħra fuq ġewwa u fuq barra, inklużi skejjel, akkomodazzjoni, faċilitajiet ta’ kura u postijiet tax-xogħol;

(b)

Informazzjoni, komunikazzjoni u servizzi oħra, inklużi servizzi elettroniċi u servizzi ta’ emerġenza.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati:

(a)

Biex jiżviluppaw, ixandru u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ standards minimi u ta’ linji gwida għall-aċċessibbiltà tal-faċilitajiet u servizzi miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku;

(b)

Biex jiżguraw li l-entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku jikkunsidraw l-aspetti kollha tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà;

(c)

Biex jipprovdu taħriġ għall-partijiet interessati dwar kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà;

(d)

Biex jipprovdu sistemi pubbliċi ta’ sinjali bil-Braille u f’forom li huma faċli biex jinqraw u jinftiehmu fil-binjiet u faċilitajiet oħra miftuħa għall-pubbliku;

(e)

Biex jipprovdu forom ta’ assistenza diretta u intermedjarja, inklużi gwidi, qarrejja u interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali, biex jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà għall-binjiet u faċilitajiet oħra miftuħa għall-pubbliku;

(f)

Biex jippromwovu forom oħra ta’ assistenza u appoġġ adegwati lill-persuni b’diżabbiltà biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni;

(g)

Biex jippromwovu aċċess għall-persuni b’diżabbiltà għal sistemi u teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-Internet;

(h)

Biex jippromwovu d-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sistemi u teknoloġiji aċċessibbli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni minn età bikrija, sabiex dawn it-teknoloġiji u sistemi jsiru aċċessibbli bi prezz minimu.

Artikolu 10

Dritt għall-ħajja

L-Istati Partijiet jaffermaw mill-ġdid li kull bniedem għandu d-dritt inerenti għall-ħajja u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija effettiva tiegħu mill-persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

Artikolu 11

Sitwazzjonijiet ta’ riskju u emerġenzi umanitarji

L-Istati Partijiet għandhom jieħdu, skont l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, inklużi l-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni u s-sigurtà tal-persuni b’diżabbiltà f’sitwazzjonijiet ta’ riskju, inklużi sitwazzjonijiet ta’ kunflitti bl-użu ta’ armi, ta’ emerġenzi umanitarji u okkorrenzi ta’ diżastri naturali.

Artikolu 12

Għarfien ugwali quddiem il-liġi

1.   L-Istati Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal għarfien kullimkien bħala persuni quddiem il-liġi.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu kapaċità legali fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fl-aspetti kollha tal-ħajja.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jipprovdu aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għall-appoġġ li jista’ jkollhom bżonn biex jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom.

4.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha li jirrelataw mat-tħaddim tal-kapaċità legali jipprovdu għal salvagwardji adegwati u effettivi biex ma jħallux li jsir abbuż skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw li l-miżuri li jirrelataw mat-tħaddim tal-kapaċità legali jirrispettaw id-drittijiet, ir-rieda u l-preferenzi tal-persuna, huma ħielsa minn kunflitt ta’ interess u influwenza, huma proporzjonati u mfassla għaċ-ċirkustanzi tal-persuna, japplikaw għall-inqas ħin possibbli u huma suġġetti għal reviżjoni regolari minn awtorità jew korp ġuridiku kompetenti, indipendenti u imparzjali. Is-salvagwardji għandhom ikunu proporzjonali għall-grad li għalih tali miżuri jaffettwaw l-interessi u d-drittijiet tal-persuna.

5.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati u effettivi kollha biex jiżguraw id-dritt ugwali tal-persuni b’diżabbiltà biex ikunu sidien ta’ jew jirtu proprjetà, biex jikkontrollaw l-affarijiet finanzjarji tagħhom stess u biex ikollhom aċċess ugwali għal self mill-bank, ipoteki u forom oħra ta’ kreditu finanzjarju, u għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà ma jiċċaħħdux mill-proprjetà tagħhom b’mod arbitrarju.

Artikolu 13

Aċċess għall-ġustizzja

1.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż permezz tal-għoti ta’ konċessjonijiet proċedurali u adattati skont l-età, sabiex jitħaffef l-irwol effettiv tagħhom bħala parteċipanti diretti u indiretti, inkluż bħala xhieda, fil-proċeduri legali kollha, inkluż fl-istadji investigattivi u stadji preliminari oħra.

2.   Sabiex jgħinu biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jippromwovu taħriġ adegwat għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inklużi pulizija u persunal tal-ħabsijiet.

Artikolu 14

Libertà u sigurtà tal-persuna

1.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor:

(a)

Igawdu d-dritt għal-lilbertà u s-sigurtà tal-persuna;

(b)

Mhumiex imċaħħda mil-libertà tagħhom bi ksur tal-liġi jew b’mod arbitrarju, u li ċaħda tal-libertà hija f’konformità mal-liġi, u li l-eżistenza ta’ xi diżabbiltà m’għandha f’ebda każ tiġġustifika ċaħda tal-libertà.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li jekk persuni b’diżabbiltà jiċċaħħdu mil-libertà tagħhom permezz ta’ kwalunkwe proċess, dawn huma, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, intitolati għal garanziji skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiġu ttrattati b’osservanza tal-għanijiet u l-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż bil-provvediment ta’ aġevolezza raġonevoli.

Artikolu 15

Ħelsien mit-tortura u mit-trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti

1.   Ħadd m’għandu jiġi suġġett għal tortura jew trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti. B’mod partikolari, ħadd m’għandu jiġi suġġett għal sperimentazzjoni medika jew xjentifika mingħajr il-kunsens ħieles tiegħu jew tagħha.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu kull miżura effettiva leġiżlattiva, amministrattiva u ġuridika u miżuri oħra biex ma jħallux li persuni b’diżabbiltà jiġu suġġetti għal tortura jew għal trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti.

Artikolu 16

Ħelsien mill-isfruttament, il-vjolenza u l-abbuż

1.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu kull miżura effettiva leġiżlattiva, amministrattiva, soċjali u edukattiva u miżuri oħra biex jipproteġu lill-persuni b’diżabbiltà, kemm barra kif ukoll ġewwa darhom, minn kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż, inklużi l-aspetti tagħhom ibbażati fuq is-sess.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu wkoll il-miżuri adegwati kollha biex jipprevjenu kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż billi jiżguraw, inter alia, forom adegwati ta’ assistenza u appoġġ li huma sensittivi għas-sess u l-età għall-persuni b’diżabbiltà, il-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom, inkluż permezz tal-provvediment ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar kif għandhom jiġu evitati, magħrufa u rrapportati każijiet ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ protezzjoni huma sensittivi għall-età, is-sess u d-diżabbiltà.

3.   Sabiex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet u l-programmi kollha maħsuba biex iservu lill-persuni b’diżabbiltà jiġu ssorveljati b’mod effettiv minn awtoritajiet indipendenti.

4.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jippromwovu l-irkupru fiżiku, konjittiv u psikolġiku, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuni b’diżabbiltà li jisfaw vittmi ta’ kwalunkwe forma ta’ sfruttament, vjolenza jew abbuż, inkluż permezz tal-provvediment ta’ servizzi ta’ protezzjoni. Tali rkupru u integrazzjoni mill-ġdid għandhom jitwettqu f’ambjent li jinkoraġġixxi s-saħħa, il-benesseri, ir-rispett tal-persuna lejha nfisha, id-dinjità u l-awtonomija tal-persuna, waqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi skont is-sess u l-età.

5.   L-Istati Partijiet għandhom jistabbilixxu leġiżlazzjoni u linji ta’ politika effettivi, inklużi leġiżlazzjoni u linji ta’ politika ffokati fuq in-nisa u t-tfal, biex jiżguraw li l-każijiet ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż kontra l-persuni b’diżabbiltà jiġu identifikati, mistħarrġa u, meta jkun adattat, għandhom jittieħdu passi legali kontra tali mġiba.

Artikolu 17

Protezzjoni tal-integrità tal-persuna

Kull persuna b’diżabbiltà għandha dritt għal rispett għall-integrità fiżika u mentali tagħha fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

Artikolu 18

Libertà tal-moviment u tan-nazzjonalità

1.   L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà għal-libertà tal-moviment, għal-libertà li jagħżlu r-residenza tagħhom u għan-nazzjonalità, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż billi jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà:

(a)

Ikollhom id-dritt li jakkwistaw jew ibiddlu n-nazzjonalità, u li ma jkunux imċaħħda min-nazzjonalità tagħhom b’mod arbitrarju jew fuq il-bażi ta’ diżabbiltà;

(b)

Ma jiġux imċaħħda, fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, mill-fakultà tagħhom li jiksbu, ikollhom fil-pussess tagħhom jew jużaw dokumentazzjoni tan-nazzjonalità tagħhom jew dokumentazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni, jew milli jużaw proċessi relevanti bħal proċeduri ta’ immigrazzjoni, li jistgħu jinħtieġu biex jitħaffef it-tħaddim tad-dritt għall-moviment ħieles;

(c)

Ikunu ħielsa biex jitilqu minn kwalunkwe pajjiż, inkluż tagħhom stess;

(d)

Ma jiġux imċaħħda, b’mod arbitrarju jew fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, mid-dritt li jidħlu f’pajjiżhom stess.

2.   Tfal b’diżabbiltà għandhom jiġu rreġistrati minnufih wara t-twelid u għandu jkollhom id-dritt għal isem sa mit-twelid, id-dritt li jiksbu nazzjonalità u, sa fejn possibbli, id-dritt li jkunu jafu lill-ġenituri tagħhom u li dawn jieħdu ħsiebhom.

Artikolu 19

Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità

L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ugwali tal-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità, b’għażliet ugwali bħal ħaddieħor, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:

(a)

Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom u fejn u ma’ min joqogħdu fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u li ma jkunux obbligati jgħixu f’arranġament partikolari ta’ għajxien;

(b)

Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-djar, u servizzi residenzjali jew ta’ appoġġ tal-komunità, inkluż assistenza personali meħtieġa biex tappoġġa l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex tilqa’ kontra l-iżolament jew segregazzjoni mill-komunità;

(c)

Is-servizzi u l-faċilitajiet tal-komunità għall-popolazzjoni ġenerali jkunu disponibbli fuq bażi ugwali għall-persuni b’diżabbiltà u li dawn jirreaġixxu malajr għall-bżonnijiet tagħhom.

Artikolu 20

Mobbiltà personali

L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw il-mobbiltà personali bl-ikbar indipendenza possibbli għall-persuni b’diżabbiltà, inkluż permezz ta’:

(a)

It-tħaffif tal-mobbiltà personali għall-persuni b’diżabbiltà bil-mod u fiż-żmien tal-għażla tagħhom, u bi prezz li jista’ jintlaħaq;

(b)

It-tħaffif tal-aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għal għajnuniet tal-mobbiltà ta’ kwalità, tagħmir, teknoloġiji ta’ assistenza u forom ta’ assistenza diretta u intermedjarji, inkluż billi dawn ikunu disponibbli bi prezz li jista’ jista’ jintlaħaq minn kullħadd;

(c)

Provvediment ta’ taħriġ fil-ħiliet ta’ mobbiltà lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persunal speċjalizzat li jaħdem mal-persuni b’diżabbiltà;

(d)

Inkoraġġiment lill-entitajiet li jipproduċu għajnuniet tal-mobbiltà, tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza biex jikkunsidraw l-aspetti kollha tal-mobbiltà għal persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 21

Libertà tal-espressjoni u l-opinjoni, u aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-opinjoni, inkluż il-libertà biex ifittxu, jirċievu u jikkomunikaw informazzjoni u ideat fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u permezz tal-forom kollha ta’ komunikazzjoni tal-għażla tagħhom, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż billi:

(a)

Jipprovdu informazzjoni maħsuba għall-pubbliku ġenerali lill-persuni b’diżabbiltà f’formats u teknoloġiji aċċessibbli u adegwati għal tipi ta’ diżabbiltà differenti b’mod puntwali u mingħajr prezz addizzjonali;

(b)

Jaċċettaw u jiffaċilitaw l-użu ta’ lingwi bis-sinjali, Braille, komunikazzjoni awmentattiva u alternattiva, u l-użu tal-mezzi, modi u formats ta’ komunikazzjoni oħrajn kollha magħżula mill-persuni b’diżabbiltà f’attivitajiet interattivi uffiċjali;

(c)

Iħeġġu lill-entitajiet privati li jipprovdu servizzi lill-pubbliku ġenerali, inkluż permezz tal-Internet, biex jipprovdu informazzjoni u servizzi f’formats aċċessibbli u li jistgħu jintużaw mill-persuni b’diżabbiltà;

(d)

Jinkoraġġixxu lill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, inklużi fornituri ta’ informazzjoni permezz tal-Internet, biex jagħmlu s-servizzi tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà;

(e)

Jagħrfu u jippromwovu l-użu tal-lingwi tas-sinjali.

Artikolu 22

Rispett għall-privatezza

1.   Ebda persuna b’diżabbiltà, irrispettivament mill-post ta’ residenza jew arranġamenti ta’ għajxien, m’għandha tiġi suġġetta għal ndħil b’mod arbitrarju jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew korrispondenza jew tipi oħra ta’ komunikazzjoni tagħha, jew għal attakki illegali fuq l-unur u reputazzjoni tagħha. Il-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali ndħil jew attakki.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jipproteġu l-privatezza tal-informazzjoni personali, dwar is-saħħa u dwar riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

Artikolu 23

Rispett għad-dar u l-familja

1.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi u adegwati biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà fil-kwistjonijiet kollha relatati ma’ żwieġ, familja, paternità jew maternità u relazzjonijiet, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, sabiex jiżguraw li:

(a)

Jingħaraf id-dritt tal-persuni kollha b’diżabbiltà li huma ta’ età taż-żwieġ biex jiżżewġu u jibnu familja fuq il-bażi tal-kunsens ħieles u sħiħ tal-persuni li jkunu ser jiżżewġu;

(b)

Jingħarfu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex jiddeċiedu b’mod ħieles u responsabbli dwar in-numru u tqassim tat-tfal tagħhom u biex ikollhom aċċess għal informazzjoni adatta skont l-età u għal edukazzjoni dwar ir-riproduzzjoni u l-ippjanar tal-familja, u biex jingħataw il-mezzi neċessarji biex jippermetulhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet;

(c)

Il-persuni b’diżabbiltà, inklużi tfal, iżommu l-fertilità tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward ta’ servizzi ta’ gwardjan, ta’ kuratur, ta’ fiduċjarju, ta’ adozzjoni ta’ tfal jew istituzzjonijiet simili, fejn dawn il-kunċetti jeżistu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali; fil-każijiet kollha l-aħjar interessi t-tfal għandhom jingħataw l-akbar importanza. L-Istati Partijiet għandhom jipprovdu assistenza adegwata lill-persuni b’diżabbiltà fit-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ trobbija tat-tfal.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal b’diżabbiltà jkollhom drittijiet ugwali fir-rigward tal-ħajja fil-familja. Bil-għan li jiksbu dawn id-drittijiet, u biex jilqgħu kontra l-ħabi, l-abbandun, in-negliġenza u s-segregazzjoni ta’ tfal b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu informazzjoni bikrija u komprensiva, servizzi u appoġġ lit-tfal b’diżabbiltà u lill-familji tagħhom.

4.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li t-tfal ma jinfirdux mill-ġenituri tagħhom kontra r-rieda tal-ġenituri, b’eċċezzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw mingħajr ħsara għal kontroll ġuridiku, skont il-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali separazzjoni hija meħtieġa fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla. It-tfal f’ebda każ m’għandhom jittieħdu mill-ġenituri tagħhom fuq il-bażi ta’ xi diżabbiltà tat-tifel jew tifla jew ta’ ġenitur wieħed jew it-tnejn.

5.   L-Istati Partijiet għandhom, fejn il-familja qariba ma tkunx kapaċi tieħu ħsieb tifel jew tifla b’diżabbiltà, jagħmlu kull sforz biex jipprovdu ħarsien alternattiv fi ħdan il-familja iktar wiesgħa, u jekk dan ma jseħħx, fi ħdan il-komunità f’ambjent ta’ familja.

Artikolu 24

Edukazzjoni

1.   L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għall-edukazzjoni. Bl-għan li dan id-dritt jiġi attwat mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ta’ opportunitajiet indaqs, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw sistema edukattiva inklużiva fil-livelli kollha u tagħlim tul il-ħajja mmirat lejn:

(a)

L-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal tal-bniedem u tas-sens ta’ dinjità u ta’ rispett tal-persuna lejha nfisha, u t-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-diversità tal-bniedem;

(b)

L-iżvilupp tal-personalità, it-talenti u l-kreattività tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll tal-ħiliet mentali u fiżiċi tagħhom, sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom;

(c)

L-għoti ta’ għajnuna biex tippermetti li persuni b’diżabbiltà jipparteċipaw b’mod effettiv f’soċjetà ħielsa.

2.   Fl-attwazzjoni ta’ dan id-dritt, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li:

(a)

Il-persuni b’diżabbiltà ma jiġux esklużi mis-sistema edukattiva ġenerali fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, u li t-tfal b’diżabbiltà ma jiġux esklużi minn edukazzjoni primarja b’xejn u obbligatorja, jew minn edukazzjoni sekondarja, fuq il-bażi ta’ diżabbiltà;

(b)

Il-persuni b’diżabbiltà jista’ ikollhom aċċess għal edukazzjoni primarja u sekondarja li hija inklużiva, ta’ kwalità u b’xejn fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-komunitajiet fejn huma joqogħdu;

(c)

Tiġi pprovduta aġevolezza raġonevoli skont il-bżonnijiet tal-individwu;

(d)

Persuni b’diżabbiltà jirċievu l-appoġġ meħtieġ, fi ħdan is-sistema edukattiva ġenerali, biex titħaffef l-edukazzjoni effettiva tagħhom;

(e)

Jingħataw miżuri effettivi ta’ appoġġ individwalizzat f’ambjenti li jkabbru kemm jista’ jkun l-iżvilupp akkademiku u soċjali, b’konsistenza mal-għan ta’ inklużjoni sħiħa.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja u l-iżvilupp soċjali biex titħaffef il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tagħhom fl-edukazzjoni bħala membri tal-komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati, inklużi:

(a)

Jħaffu t-tagħlim tal-Braille, kitba alternattiva, forom, mezzi u formats imtejba u alternattivi ta’ komunikazzjoni u ta’ ħiliet ta’ orjentazzjoni u mobbiltà, u jiffaċilitaw appoġġ mill-pari u t-trasferiment ta’ tagħlim minn min għandu esperjenza;

(b)

Jħaffu t-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali u l-promozzjoni tal-identità lingwistika tal-komunità nieqsa mis-smigħ;

(c)

Jiżguraw li l-edukazzjoni ta’ persuni, u b’mod partikolari t-tfal, li huma nieqsa mid-dawl, mis-smigħ jew mit-tnejn, titwassal fl-iktar lingwi u forom u mezzi ta’ komunikazzjoni adegwati għall-individwu, u f’ambjenti li jkabbru kemm jista’ jkun l-iżvilupp akkademiku u soċjali.

4.   Sabiex jgħinu fl-attwazzjoni ta’ dan id-dritt, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jimpjegaw għalliema, inklużi għalliema b’diżabbiltà, li huma kkwalifikati fil-lingwa tas-sinjali u/jew il-Braille, u biex iħarrġu professjonisti u persunal li jaħdmu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Tali taħriġ għandu jinkorpora għarfien dwar id-diżabbiltà u l-użu ta’ forom, mezzi u formats imtejba u alternattivi ta’ komunikazzjoni adegwati, tekniċi edukattivi u materjali biex jagħtu appoġġ lill-persuni b’diżabbiltà.

5.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkunu kapaċi jkollhom aċċess għal edukazzjoni terzarja ġenerali, taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni għall-adulti u edukazzjoni tul il-ħajja mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli lill-persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 25

Saħħa

L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għat-tgawdija tal-ogħla livell ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-aċċess ta’ persuni b’diżabbiltà għal servizzi tas-saħħa li huma adatti skont is-sessi, inkluż riabilitazzjoni relatata mas-saħħa. B’mod partikolari, l-Istati Partijiet għandhom:

(a)

Jipprovdu lill-persuni b’diżabbiltà l-istess firxa, kwalità u livell ta’ kura u programmi tas-saħħa li huma b’xejn jew bi prezz li jista’ jintlaħaq kif ipprovduti lil persuni oħrajn, inkluż fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u programmi tas-saħħa pubblika offruti lill-popolazzjoni ġenerali;

(b)

Jipprovdu dawk is-servizzi tas-saħħa meħtieġa mill-persuni b’diżabbiltà speċifikament minħabba d-diżabbiltajiet tagħhom, inklużi identifikazzjoni u intervent bikrija kif meħtieġ, u servizzi maħsuba biex inaqqsu kemm jista’ jkun u jilqgħu kontra iktar diżabbiltà, inkluż fost it-tfal u persuni iktar anzjani;

(c)

Jipprovdu dawn is-servizzi tas-saħħa kemm jista’ ikun qrib il-komunitajiet tal-istess persuni, inkluż f’żoni rurali;

(d)

Jobbligaw lill-professjonisti tas-saħħa biex jipprovdu lill-persuni b’diżabbiltà kura li hija tal-istess kwalità bħall-kura ta’ persuni oħra, inkluż fuq il-bażi ta’ kunsens ħieles u infurmat billi, inter alia, iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità, l-awtonomija u l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ taħriġ u l-promulgazzjoni ta’ standards etiċi għall-kura tas-saħħa pubblika u privata;

(e)

Jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà fil-provvediment ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, u assigurazzjoni tal-ħajja fejn tali assigurazzjoni hija permessa mil-liġi nazzjonali, li għandha tingħata b’mod ġust u raġonevoli;

(f)

Jipprojbixxu ċ-ċaħda diskriminatorja ta’ kura tas-saħħa jew servizzi tas-saħħa jew ikel u fluwidi fuq il-bażi ta’ diżabbiltà.

Artikolu 26

Abilitazzjoni u riabilitazzjoni

1.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi u adegwati, inkluż permezz ta’ appoġġ mill-pari, biex jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jiksbu u jżommu indipendenza massima, abbiltà fiżika, mentali, soċjali u vokazzjonali sħiħa, u inklużjoni u parteċipazzjoni sħaħ fl-aspetti kollha tal-ħajja. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet għandhom jorganizzaw, isaħħu u jestendu servizzi u programmi komprensivi ta’ abilitazzjoni u riabilitazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-impjieg, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali, b’tali mod li dawn is-servizzi u programmi:

(a)

Jibdew fl-iktar stadju bikri possibbli, u jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni multidixxiplinarja ta’ bżonnijiet u saħħiet individwali;

(b)

Jagħtu appoġġ għall-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fil-komunità u l-aspetti kollha tas-soċjetà, ikunu voluntarji, u jkunu disponibbli għall-persuni b’diżabbiltà kemm jista’ ikun qrib il-komunitajiet tagħhom stess, inklużi f’żoni rurali.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ taħriġ tal-bidu u ta’ tkomplija għal professjonisti u persunal li jaħdmu f’servizzi ta’ abilitazzjoni u riabilitazzjoni.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jippromwovu d-disponibbiltà, l-għarfien u l-użu ta’ tagħmir u teknoloġiji ta’ assistenza, maħsuba għall-persuni b’diżabbiltà, kif dawn jirrelataw mal-abilitazzjoni u r-riabilitazzjoni.

Artikolu 27

Xogħol u impjieg

1.   L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:

(a)

Jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw kull forma ta’ impjieg, inklużi kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ingaġġ, u impjieg, it-tkomplija ta’ impjieg, l-avvanz fil-karriera u kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa;

(b)

Jipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet indaqs u ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur, kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa, inklużi protezzjoni minn fastidju, u l-għoti ta’ rimedji għal ilmenti;

(c)

Jiżguraw li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tax-xogħol u trejdjunjonistiċi fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor;

(d)

Jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess effettiv għal programmi ġenerali ta’ gwida teknika u vokazzjonali, servizzi ta’ sejbien ta’ impjieg u taħriġ vokazzjonali u kontinwu;

(e)

Jippromwovu opportunitajiet ta’ impjieg u avvanz fil-karriera għal persuni b’diżabbiltà fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għajnuna għat-tfittxija, kisba, żamma u ritorn lura fl-impjieg;

(f)

Jippromwovu opportunitajiet għal impjieg indipendenti, xogħol intraprenditorjali, l-iżvilupp ta’ koperattivi u biex wieħed jiftaħ in-negozju tiegħu stess;

(g)

Iħaddmu persuni b’diżabbiltà fis-settur pubbliku;

(h)

Jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat permezz ta’ linji ta’ politika u miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu programmi ta’ azzjoni affermattiva, inċentivi u miżuri oħra;

(i)

Jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli lill-persuni b’diżabbiltà fil-post tax-xogħol;

(j)

Jippromwovu l-kisba mill-persuni b’diżabbiltà ta’ esperjenza tax-xogħol fis-suq miftuħ tax-xogħol;

(k)

Jippromwovu riabilitazzjoni vokazzjonali u professjonali, żamma tal-impjieg u programmi għar-ritorn lura għax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà ma jinżammux fi skjavitù jew servitù, u jkunu protetti, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, minn xogħol imġiegħel jew obbligatorju.

Artikolu 28

Livell ta’ għajxien u protezzjoni soċjali adegwati

1.   L-Istati Partijiet jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għal livell ta’ għajxien adegwat għalihom u għall-familji tagħhom, inkluż ikel, ilbies u akkomodazzjoni adegwati, u għat-titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet tal-għajxien, u għandhom jieħdu passi adegwati biex iħarsu u jippromwovu l-kisba ta’ dan id-dritt mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà.

2.   L-Istati Partijiet jagħrfu id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għal protezzjoni soċjali u għat-tgawdija ta’ dak id-dritt mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, u għandhom jieħdu passi adegwati biex iħarsu u jippromwovu l-kisba ta’ dan id-dritt, inklużi miżuri:

(a)

Biex jiżguraw aċċess ugwali mill-persuni b’diżabbiltà għal servizzi ta’ ilma nadif, u biex jiżguraw aċċess għal servizzi, tagħmir u assistenza oħra għal bżonnijiet relatati ma’ diżabbiltà li huma adegwati u bi prezz li jista’ jintlaħaq;

(b)

Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari nisa u tfajliet b’diżabbiltà u persuni iktar anzjani b’diżabbiltà, għal programmi ta’ protezzjoni soċjali u programmi ta’ tnaqqis tal-faqar;

(c)

Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom li jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ faqar għal għajnuna mill-Istat għal spejjeż relatati ma’ diżabbiltà, inkluż taħriġ, konsulenza, assistenza finanzjarja u kura temporanja adegwati;

(d)

Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà għal programmi pubbliċi ta’ akkomodazzjoni;

(e)

Biex jiżguraw aċċess ugwali mill-persuni b’diżabbiltà għal benefiċċji u programmi ta’ rtirar.

Artikolu 29

Parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika

L-Istati Partijiet għandhom jiggarantixxu drittijiet politiċi lill-persuni b’diżabbiltà u l-opportunità li jgawduhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, u għandhom jintrabtu:

(a)

Li jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti magħżula liberament, inkluż id-dritt u l-opportunità għall-persuni b’diżabbiltà biex jivvutaw u jiġu eletti, inter alia, billi:

(i)

Jiżguraw li l-proċeduri, faċilitajiet u materjali ta’ votazzjoni jkunu adegwati, aċċessibbli u faċli biex wieħed jifhimhom u jużahom;

(ii)

Jipproteġu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jivvutaw b’vot sigriet f’elezzjonijiet u referenda pubbliċi mingħajr intimidazzjoni, u biex joħorġu għall-elezzjonijiet, biex jokkupaw karigi u jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern, jiffaċilitaw l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ assistenza fejn adegwat;

(iii)

Jiggarantixxu l-espressjoni ħielsa tar-rieda tal-persuni b’diżabbiltà bħala votanti u għal dan il-għan, fejn meħtieġ, fuq talba tagħhom, jippermettu l-assistenza fil-votazzjoni minn xi persuna magħżula minnhom;

(b)

Li jippromwovu b’mod attiv ambjent li fih il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv u sħiħ fl-amministrazzjoni tal-affarijiet pubbliċi, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom f’affarijiet pubbliċi, inkluż:

(i)

Parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mhux governattivi li jikkonċernaw il-ħajja pubblika u politika fil-pajjiż, u fl-attivitajiet u l-amministrazzjoni ta’ partiti politiċi;

(ii)

Formazzjoni ta’ u sħubija f’organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbiltà biex jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà f’livelli internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali.

Artikolu 30

Parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, rikreazzjoni, ħin liberu u sport

1.   L-Istati Partijiet jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jieħdu sehem fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-ħajja kulturali, u għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà:

(a)

Igawdu aċċess għal materjali kulturali f’formats aċċessibbli;

(b)

Igawdu aċċess għal programmi televiżivi, films, teatru u attivitajiet kulturtali oħra, f’formats aċċessibbli;

(c)

Igawdu aċċess għal postijiet ta’ wirjiet jew servizzi kulturali, bħal teatri, mużewijiet, ċinema, libreriji u servizzi turistiċi, u, sa fejn possibbli, igawdu aċċess għal monumenti u siti ta’ importanza kulturali nazzjonali.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw u jużaw il-potenzjal kreattiv, artistiku u intellettwali tagħhom, mhux biss għall-benifiċċju tagħhom stess, imma wkoll sabiex tiġi mogħnija s-soċjetà.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha, skont id-dritt internazzjonali, biex jiżguraw li liġijiet li jipproteġu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu mingħajr raġuni jew diskriminatorju għall-aċċess ta’ materjali kulturali mill-persuni b’diżabbiltà.

4.   Il-persuni b’diżabbiltà għandom ikunu intitolati, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal għarfien u appoġġ tal-identità kulturali u lingwistika speċifika tagħhom, inklużi lingwi tas-sinjali u kultura ta’ dawk nieqsa mis-smigħ.

5.   Bil-għan li jippermettu li l-persuni b’diżabbiltà jipparteċipaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni, ta’ ħin liberu u sportivi, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu miżuri adegwati:

(a)

Biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-parteċipazzjoni, sal-iktar punt possibbli, tal-persuni b’diżabbiltà fil-livelli kollha ta’ attivitajiet sportivi ġenerali;

(b)

Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom opportunità biex jorganizzaw, jiżviluppaw u jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u ta’ rikreazzjoni li huma speċifiċi għal xi diżabbiltà u, għal dan il-għan, jinkoraġġixxu l-provvediment ta’ tagħlim, taħriġ u riżorsi, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor;

(c)

Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal postijiet sportivi, ta’ rikreazzjoni u ta’ turiżmu;

(d)

Biex jiżguraw li tfal b’diżabbiltà jkollhom aċċess ugwali bħal tfal oħrajn għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ logħob, rikreazzjoni, ħin liberu u sport, inkluż dawk l-attivitajiet fis-sistema tal-iskola;

(e)

Biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal servizzi pprovduti minn persuni involuti fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, turizmu, ħin liberu u sport.

Artikolu 31

Ġbir ta’ data u statistika

1.   L-Istati Partijiet jintrabtu li jiġbru informazzjoni adegwata, inkluża data statistika u ta’ riċerka, biex jgħinuhom jifformulaw u jimplimentaw linji ta’ politika biex iwettqu fil-prattika din il-Konvenzjoni. Il-proċess ta’ ġbir u żamma ta’ din l-informazzjoni għandu:

(a)

Jikkonforma ma’ salvagwardji stabbiliti b’mod legali, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, biex jiżguraw il-kunfidenzjalità u r-rispett għall-privatezza tal-persuni b’diżabbiltà;

(b)

Jikkonforma ma’ normi li huma aċċettati internazzjonalment u li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali u prinċipji etiċi fil-ġbir u l-użu ta’ statistika.

2.   L-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu għandha tiġi diżaggregata, kif xieraq, u użata biex tgħin fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Istati Partijiet taħt din il-Konvenzjoni u biex tidentifika u tindirizza l-ostakli li l-persuni b’diżabbiltà jiffaċċjaw fit-tħaddim tad-drittijiet tagħhom.

3.   L-Istati Partijiet għandhom jassumu responsabbiltà għat-tixrid ta’ dawn l-istatistiċi u jiżguraw l-aċċessibbiltà tagħhom għall-persuni b’diżabbiltà u oħrajn.

Artikolu 32

Koperazzjoni internazzjonali

1.   L-Istati Partijiet jagħrfu l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali u l-promozzjoni tagħha, b’appoġġ għal sforzi nazzjonali għal-kisba tal-iskop u l-objettivi ta’ din il-Konvenzjoni, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi f’dan ir-rigward, bejn u fost l-Istati u, jekk ikun xieraq, bi sħubija mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali relevanti u mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Tali miżuri jistgħu jinkludu, inter alia, li:

(a)

Jiġi żgurat li l-koperazzjoni internazzjonali, inklużi programmi internazzjonali ta’ żvilupp, tkun inklużiva u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà;

(b)

Jiġi ffaċilitat u appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, inkluż permezz ta’ skambju u qsim ta’ informazzjoni, esperjenzi, programmi ta’ taħriġ u l-użu tal-aħjar prattiċi;

(c)

Jitħaffu l-koperazzjoni fir-riċerka u l-aċċess għal tagħrif xjentifiku u tekniku;

(d)

Tiġi pprovduta, kif xieraq, assistenza teknika u ekonomika, inkluż billi jitħaffu l-aċċess u l-qsim ta’ teknoloġiji aċċessibbli u ta’ għajnuna, u permezz ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr ħsara għall-obbligi ta’ kull Stat Parti biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 33

Implimentazzjoni u sorveljanza nazzjonali

1.   L-Istati Partijiet għandhom, skont is-sistema ta’ organizzazzjoni tagħhom, jinnominaw punt fokali wieħed jew iktar fi ħdan il-gvern għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, u għandhom iqisu kif xieraq it-twaqqif jew ħatra ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-gvern biex jiffaċilita l-ħidma relatata f’setturi differenti u f’livelli differenti.

2.   L-Istati Partijiet għandhom, skont is-sistemi legali u amministrattivi tagħhom, iżommu, isaħħu, jispeċifikaw jew jistabbilixxu fi ħdan l-Istat Parti, qafas, inkluż mekkaniżmu indipendenti wieħed jew iktar, skont kif ikun xieraq, biex jippromwovi, jipproteġi u jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Meta jispeċifikaw jew jistabbilixxu tali mekkaniżmu, l-Istati Partijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji relatati mal-istatus u l-ħidma tal-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

3.   Is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari il-persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess ta’ sorveljanza.

Artikolu 34

Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

1.   Għandu jitwaqqaf Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), li għandu jwettaq il-funzjonijiet msemmija hawn taħt.

2.   Il-Kumitat għandu jikkonsisti, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, fi tnax-il espert. Wara sittin ratifika jew adeżjoni oħra għall-Konvenzjoni, in-numru ta’ membri fil-Kumitat għandu jiżdied b’sitt membri, u jilħaq massimu ta’ tmintax-il membru.

3.   Il-membri tal-Kumitat għandhom iservu fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom ikunu ta’ kalibru morali għoli u ta’ kompetenza u esperjenza magħrufa fil-qasam kopert minn din il- Konvenzjoni. Meta jinnominaw il-kandidati tagħhom, l-Istati Partijiet huma mistiedna jagħtu l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lid-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3, ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti mill-Istati Partijiet, filwaqt li tiġi kkunsidrata distribuzzjoni ġeografika ġusta, rappreżentazzjoni tal-forom differenti taċ-ċiviltà u tas-sistemi legali prinċipali, rappreżentazzjoni tas-sessi bilanċjata u parteċipazzjoni ta’ esperti b’diżabbiltà.

5.   Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti permezz ta’ vot sigriet minn lista ta’ persuni nnominati mill-Istati Partijiet minn fost iċ-ċittadini tagħhom fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Istati Partijiet. F’dawk il-laqgħat, li għalihom żewġ terzi tal-Istati Partijiet għandhom jikkostitwixxu kworum, il-persuni eletti fil-Kumitat għandhom ikunu dawk li jiksbu l-ogħla numru ta’ voti u maġġoranza assoluta tal-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Partijiet li jkunu preżenti u jivvutaw.

6.   L-elezzjoni tal-bidu għandha ssir mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni. Minn tal-inqas erba’ xhur qabel id-data ta’ kull elezzjoni, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jindirizza ittra lill-Istati Partijiet fejn jistedinhom jibagħtu n-nominazzjonijiet fi żmien xahrejn. Sussegwentament, is-Segretarju-Ġenerali għandu jħejji lista f’ordni alfabetika tal-persuni kollha hekk nominati, u jindika l-Istati Partijiet li jkunu nnominawhom, u għandu jibgħatha lill-Istati Partijiet għal din il-Konvenzjoni.

7.   Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu eletti għal terminu ta’ erba’ snin. Huma għandhom ikunu eleġibbli biex jiġu eletti mill-ġdid darba waħda biss. Madankollu, it-terminu ta’ sitta mill-membri eletti fl-ewwel elezzjoni għandu jiskadi fi żmien sentejn; immedjatament wara l-ewwel elezzjoni, l-ismijiet ta’ dawn is-sitt membri għandhom jintgħażlu bix-xorti mill-president tal-laqgħa imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-elezzjoni ta’ sitt membri addizzjonali tal-Kumitat għandha ssir fl-okkażjoni ta’ elezzjonijiet regolari, skont id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan l-Artikolu.

9.   Jekk xi membru tal-Kumitat imut jew jirreżenja jew jiddikjara li għal kwalunkwe raġuni oħra huwa ma jistax ikompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-Istat Parti li jkun innomina lill-membru għandu jaħtar espert ieħor li jkollu l-kwalifiki u jissodisfa ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan l-Artikolu, biex iservi għall-bqija tat-terminu.

10.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

11.   Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jipprovdi l-persunal u l-faċilitajiet neċessarji għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tal-Kumitat taħt din il-Konvenzjoni, u għandu jsejjaħ l-ewwel laqgħa tiegħu.

12.   Bl-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-membri tal-Kumitat imwaqqaf taħt din il-Konvenzjoni għandhom jirċievu ħlas minn riżorsi tan-Nazzjonijiet Uniti b’tali termini u kondizzjonijiet kif tiddeċiedi l-Assemblea, wara li tkun ikkunsidrat l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-Kumitat.

13.   Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu intitolati għall-faċilitajiet, privileġġi u immunitajiet ta’ esperti fuq missjoni għan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fl-Artikoli relevanti tal-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 35

Rapporti minn Stati Partijiet

1.   Kull Stat Parti għandu jibgħat lill-Kumitat, permezz tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, rapport komprensiv dwar il-miżuri meħuda biex idaħħal fil-prattika l-obbligi tiegħu taħt din il-Konvenzjoni u dwar il-progress milħuq f’dan ir-rigward, fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għall-Istat Parti kkonċernat.

2.   Minn hemm ‘il quddiem, l-Istati Partijiet għandhom jibagħtu rapporti sussegwenti mill-inqas kull erba’ snin u barra dan kull meta l-Kumitat jitlob dan.

3.   Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe linji gwida applikabbli għall-kontenut tar-rapporti.

4.   Stat Parti li jkun bagħat rapport inizjali komprensiv lill-Kumitat mhuwiex meħtieġ, fir-rapporti sussegwenti tiegħu, jirrepeti informazzjoni li tkun ingħatat qabel. Fit-tħejjija tar-rapporti lill-Kumitat, l-Istati Partijiet huma mistiedna jikkunsidraw jagħmlu dan fi proċess miftuħ u trasparenti u jqisu kif xieraq id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3, ta’ din il-Konvenzjoni.

5.   Ir-rapporti jistgħu jindikaw fatturi u diffikultajiet li jaffettwaw il-punt sa fejn jitwettqu l-obbligi taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 36

Kunsiderazzjoni tar-rapporti

1.   Kull rapport għandu jitqies mill-Kumitat, li għandu jagħmel tali suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali dwar ir-rapport skont kif jidhru li huwa xieraq u għandu jibgħat dawn lill-Istat Parti kkonċernat. L-Istat Parti jista’ jirrispondi bi kwalunkwe informazzjoni li jagħżel li jibgħat lill-Kumitat. Il-Kumitat jista’ jitlob mill-Istati Partijiet informazzjoni ulterjuri relevanti għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Jekk xi Stat Parti ikun qabeż b’mod sinifikanti ż-żmien għas-sottomissjoni ta’ xi rapport, il-Kumitat jista’ jinnotifika lill-Istat Parti kkonċernat dwar il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni f’dak l-Istat Parti, fuq il-bażi ta’ informazzjoni affidabbli li tkun disponibbli għall-Kumitat, jekk ir-rapport relevanti ma jintbagħatx fi żmien tliet xhur wara n-notifika. Il-Kumitat għandu jistieden lill-Istat Parti biex jipparteċipa f’dak l-eżami. F’każ li l-Istat Parti jirrispondi billi jibgħat ir-rapport relevanti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jagħmel dawn ir-rapporti disponibbli lill-Istati Partijiet kollha.

4.   L-Istati Partijiet għandhom jagħmlu r-rapporti tagħhom disponibbli b’mod wiesa’ lill-pubbliku fil-pajjiżi tagħhom stess u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali li huma relatati ma’ dawn ir-rapporti.

5.   Il-Kumitat għandu jibgħat, skont kif jidhirlu li huwa xieraq, lill-aġenziji speċjalizzati, fondi u programmi tan-Nazzjonijiet Uniti, u korpi kompetenti oħra, rapporti mill-Istati Partijiet sabiex jindirizza xi talba jew indikazzjoni ta’ xi bżonn għal pariri tekniċi jew assistenza li jkunu jinsabu fihom, flimkien mal-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat, jekk ikun hemm minnhom, dwar dawn it-talbiet u indikazzjonijiet.

Artikolu 37

Koperazzjoni bejn l-Istati Partijiet u l-Kumitat

1.   Kull Stat Parti għandu jikkopera mal-Kumitat u jassisti lill-membri tiegħu fit-twettiq tal-mandat tagħhom.

2.   Fir-relazzjoni tiegħu mal-Istati Partijiet, il-Kumitat għandu jagħti l-kunsiderazzjoni mistħoqqa għal modi u mezzi ta’ titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali.

Artikolu 38

Relazzjoni tal-Kumitat ma’ korpi oħra

Sabiex titrawwem implimentazzjoni effettiva ta’ din il-Konvenzjoni u sabiex titħeġġeġ koperazzjoni internazzjonali fil-qasam kopert minn din il-Konvenzjoni:

(a)

L-aġenziji speċjalizzati u korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom ikunu intitolati biex ikunu rappreżentati matul il-kunsiderazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-mandat tagħhom. Il-Kumitat jista’ jistieden lill-aġenziji speċjalizzati u korpi oħra kompetenti skont kif jidhirlu li huwa xieraq biex jagħtu pariri ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom. Il-Kumitat jista’ jistieden aġenziji speċjalizzati u korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti biex jibagħtu rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

Il-Kumitat, fil-qadi tal-mandat tiegħu, għandu jikkonsulta, skont kif ikun xieraq, korpi oħra relevanti imwaqqfa minn trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-linji gwida ta’ rappurtaġġ, tas-suġġerimenti u tar-rakkomandazzjonijiet ġenerali rispettivi tagħhom, u li jiġu evitati xogħol doppju u ndħil fuq xulxin fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 39

Rapport tal-Kumitat

Il-Kumitat għandu jirrapporta kull sentejn lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali dwar l-attivitajiet tiegħu, u jista’ jagħmel suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni tar-rapporti u l-informazzjoni riċevuti mill-Istati Partijiet. Tali suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-Kumitat flimkien ma’ kummenti, jekk ikun hemm, mill-Istati Partijiet.

Artikolu 40

Konferenza tal-Istati Partijiet

1.   L-Istati Partijiet għandhom jiltaqgħu regolarment f’Konferenza tal-Istati Partijiet sabiex jikkunsidraw kwalunkwe kwistjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Istati Partijiet għandha tissejjaħ mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-laqgħat sussegwenti għandhom jissejħu mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kull sentejn jew fuq deċiżjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet.

Artikolu 41

Depożitarju

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 42

Iffirmar

Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha u minn organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York mit-30 ta’ Marzu 2007.

Artikolu 43

Kunsens għar-rabta

Din il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għar-ratifika minn Stati firmatarji u għall-konferma formali mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali firmatarji. Għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali li ma jkunux iffirmaw il-Konvenzjoni.

Artikolu 44

Organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali

1.   “Organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali” għandha tfisser organizzazzjoni li tikkonsisti fi Stati sovrani ta’ reġjun partikolari, li tkun ingħatat kompetenza mill-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijet irregolati minn din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjonijiet għandhom jiddikjaraw, fl-istrumenti ta’ konferma formali jew adeżjoni tagħhom, il-firxa tal-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ kwistjonijet irregolati minn din il-Konvenzjoni. Sussegwentament, huma għandhom jgħarrfu lid-depożitarju dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa tal-kompetenza tagħhom.

2.   Ir-referenzi għal “Stati Partijiet” f’din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal tali organizzazzjonijiet fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tagħhom.

3.   Ghall-finijiet tal-Artikolu 45, paragrafu 1, u l-Artikolu 47, paragrafi 2 u 3, ta’ din il-Konvenzjoni, kwalunkwe strument iddepożitat minn xi organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali m’għandux jingħadd.

4.   Organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, fi kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħhom, jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-vot fil-Konferenza tal-Istati Partijiet, b’numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ Stati Membri li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Tali organizzazzjoni m’għandhiex teżerċita id-dritt tal-vot tagħha jekk kwalunkwe Stat Membru tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu, u viċeversa.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara l-iddepożitar tal-għoxrin strument ta’ ratifika jew adeżjoni.

2.   Għal kull Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali, li jikkonferma jew jissieħeb formalment ma’ din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tal-għoxrin tali strument, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-depożitu tal-istrument tiegħu.

Artikolu 46

Riżervi

1.   Riżervi li mhumiex kompatibbli mal-għan u l-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni m’għandhomx ikunu permessi.

2.   Ir-riżervi jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe żmien.

Artikolu 47

Emendi

1.   Kwalunkwe Stat Parti jista’ jipproponi xi emenda għal din il-Konvenzjoni u jibgħatha lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jikkomunika kwalunkwe emenda proposta lill-Istati Partijiet, b’talba li jiġi nnotifikat dwar jekk humiex favur ta’ konferenza tal-Istati Partijiet bl-iskop li jikkunsidraw u jiddeċiedu dwar il-proposti. F’każ li, fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ tali komunikazzjoni, mill-inqas terz tal-Istati Partijiet ikunu favur tali konferenza, is-Segretarju-Ġenerali għandu jsejjaħ il-konferenza taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti. Kwalunkwe emenda adottata minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Partijiet preżenti u li jivvutaw għandhom jintbagħtu lis-Segretarju-Ġenerali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-approvazzjoni u minn hemm ‘il quddiem lill-Istati Partijiet kollha għall-approvazzjoni tagħhom.

2.   Emenda li tkun adottata u approvata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li n-numru ta’ strumenti ta’ approvazzjoni ddepożitati jilħaq iż-żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Minn hemm ‘il quddiem, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Stat Parti fit-tletin jum wara l-iddepożitar tal-istrument ta’ approvazzjoni tiegħu. Emenda għandha torbot biss lil dawk l-Istati Partijiet li jkunu aċċettawha.

3.   Jekk ikun deċiż hekk mill-Konferenza tal-Istati Partijiet permezz ta’ konsensus, emenda adottata u approvata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li tikkonċerna eskussivament l-artikoli 34, 38, 39 u 40 għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li n-numru ta’ strumenti ta’ approvazzjoni ddepożitati jilħaq iż-żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda.

Artikolu 48

Denunzja

Stat Parti jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni b’notifika bil-miktub lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Din id-denunzja għandha ssir effettiva sena wara d-data tar-riċeviment tan-notifika mis-Segretarju-Ġenerali.

Artikolu 49

Format aċċessibbli

It-test ta’ din il-Konvenzjoni għandu jkun disponibbli f’formats aċċessibbli.

Artikolu 50

Testi awtentiċi

It-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol għandhom ikunu ugwalment awtentiċi.

B’XHIEDA TA’ DAN il-plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati, li huma debitament awtorizzati għal dan il-għan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.


ANNESS II

 

DIKJARAZZJONI DWAR IL-KOMPETENZA TAL-KOMUNITÀ EWROPEA FIR-RIGWARD TAL-MATERJI REGOLATI MILL-KONVENZJONI TAN-NAZZJONIJIET UNITI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

(Dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni)

L-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni”) jipprevedi li organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali, fl-istrument tagħha ta’ konferma formali jew adeżjoni, għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenzi tagħha fir-rigward ta’ materji regolati mill-Konvenzjoni.

Il-membri attwali tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika tal-Italja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

Il-Komunità Ewropea tinnota li għall-finijiet tal-Konvenzjoni, it-terminu “Stati Partijiet” japplika għal organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fil-limiti tal-kompetenza tagħhom.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Persuni b’Diżabbiltà għandha tapplika, fir-rigward tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea, għat-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 299 tiegħu.

Skont l-Artikolu 299, din id-Dikjarazzjoni mhix applikabbli għat-territorji tal-Istati Membri fejn it-Trattat imsemmi ma japplikax u hija mingħajr preġudizzju għal tali att jew pożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati skont il-Konvenzjoni mill-Istati Membri kkonċernati f’isem u fl-interess ta’ dawk it-territorji.

F’konformità mal-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni, din id-Dikjarazzjoni tindika l-kompetenzi ttrasferiti mill-Istati Membri lill-Komunità skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni.

Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità huma, fin-natura tagħhom, suġġetti għal żvilupp kontinwu u l-Komunità ser tikkonkludi jew temenda din id-dikjarazzjoni, jekk meħtieġ, skont l-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni.

F’xi materji, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva u f’materji oħrajn, il-kompetenza hija kondiviża bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti għall-materji kollha li għalihom ma ġiet ittrasferita ebda kompetenza lill-Komunità Ewropea.

Fil-present:

1.

Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u t-tariffa doganali komuni.

Safejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja huma affettwati mid-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva li taċċetta tali obbligi fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika proprja. F’dan ir-rigward, il-Komunità tiddikjara li għandha s-setgħa li tirregola r-reklutaġġ, il-kondizzjonijiet tas-servizz, ir-remunerazzjoni, it-taħriġ eċċ. ta’ uffiċjali mhux eletti skont ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli implimentattivi għal dawk ir-Regolamenti (1).

2.

Il-Komunità tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri fir-rigward tal-azzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabbiltà, il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, l-agrikoltura, it-trasport bil-ferrovija, bit-triq, bil-baħar u trasport bl-ajru, it-tassazzjoni, is-suq intern, paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa, il-politika dwar in-Netwerk Trans-Ewropew u l-istatistika.

Il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva biex tidħol f’din il-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dawk il-materji unikament safejn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jew l-istrumenti legali adottati fl-implimentazzjoni tagħhom jaffettwaw ir-regoli komuni stabbiliti qabel mill-Komunità Ewropea. Meta r-regoli Komunitarji jeżistu iżda ma jkunux affettwati, b’mod partikolari f’każijiet ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jistabbilixxu biss standards minimi, l-Istati Membri għandhom kompetenza, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità Ewropea li taġixxi f’dan il-qasam. Mill-bqija, il-kompetenza hi tal-Istati Membri. Lista ta’ atti rilevanti adottati mill-Komunità Ewropea tidher fl-Appendiċi mehmuż. Il-firxa tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tkun ivvalutata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ kull miżura, u b’mod partikolari, il-punt safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni.

3.

Il-linji politiċi tal-KE li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-Konvenzjoni NU: L-Istati Membri u l-Komunità għandhom jaħdmu sabiex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tal-edukazzjoni billi tħeġġeġ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom. Il-Komunità għandha timplementa politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri. Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha, il-Komunità għandha tiżviluppa u ssegwi l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha. Il-Komunità twettaq politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp u koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

Appendici

ATTI KOMUNITARJI LI JIRRIFERU GĦAL MATERJI REGOLATI MILL-KONVENZJONI

L-atti Komunitarji elenkati hawn taħt juru l-firxa tal-qasam ta’ kompetenza tal-Komunità f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B’mod partikolari, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ xi materji u f’xi materji oħrajn, il-kompetenza hija kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Il-firxa tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tkun ivvalutata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ kull miżura, u b’mod partikolari, il-punt safejn ndawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni li huma affettwati mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

rigward l-aċċessibbiltà

Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10)

Id-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2001 li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi użati għat-trasport ta’ passiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b’żieda mas-sedil tas-sewwieq, u li temenda d-Direttivi 70/156/KEE u 97/27/KE (ĠU L 42, 13.2.2002, p. 1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6) kif emendata mid-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114)

Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1) – kif emendata mid-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114)

Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1)

Id-Direttiva 2003/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/16/KE dwar ir-regoli u n-normi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 18).

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/164/KE tal-21 ta’ Diċembru 2007 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà (STI) rigward il-“persuni b’mobbiltà mnaqqsa” fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 64, 7.3.2008, p. 72)

Id-Direttiva 95/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-lifts (ĠU L 213, 7.9.1995, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2006/42/KE 2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadra) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33)

Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51)

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14) kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji. (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21) u kif emendata mid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25)

Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1)

Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 076, 23.03.1992 p. 14) kif emendata mid-Direttiva Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 31)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33) kif emendata mid-Direttiva Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 31).

fil-qasam tal-għajxien indipendenti u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjiegi

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2289/83 tad-29 ta’ Lulju 1983 li jniżżel dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 70 sa 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 li jistabilixxi sistema Komunitarja ta’ arranġamenti mingħajr dazju (ĠU L 220, 11.8.1983, p. 15)

Id-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 105, 23.4.1983, p. 38)

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006 p. 23)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1)

Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 116, 9.5.2009, p. 18)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51)

fil-qasam tal-mobbiltà personali

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 1)

Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18)

Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiggieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4)

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006 p. 1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3922/91 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 377, 27.12.2006, p. 1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14)

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 8/2008 tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 dwar il-ħtiġijiet tekniċi komuni u l-proċeduri amministrattivi li japplikaw għat-trasport kummerċjali bl-ajruplan (ĠU L 10, 12.1.2008, p. 1)

fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni

Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67), kif emendata mid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34)

Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001 p. 10)

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22)

rigward il-ġbir ta’ data u statistika

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati

Ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 li jirrigwarda l-istatistika Komunitarja dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien (UE-SILC) (ĠU L 165, 3.7.2003, p. 1) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati

Ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar is-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) (ĠU L 113, 30.4.2007, p. 3) flimkien mar-Regolamenti implimentattivi relatati

Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70)

fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41)

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1)


ANNESS III

RIŻERVA MILL-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ARTIKOLU 27(1) TAL-KONVENZJONI NU DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

Il-Komunità Ewropea tiddikjara li skont il-liġi Komunitarja (notevolment id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol), l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun adatt, idaħħlu r-riżervi tagħhom stess għall-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Diżabbiltajiet safejn l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva msemmija tal-Kunsill jagħtihom id-dritt li jeskludu n-nondiskriminazzjoni minħabba diżabbiltà fir-rigward tal-impjieg fil-forzi armati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, il-Komunità tiddikjara li hi tikkonkludi l-Konvenzjoni mingħajr preġudizzju għad-dritt imsemmi hawn fuq, mogħti lill-Istati Membri bis-saħħa tal-liġi Komunitarja.


27.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/62


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2009

li tiddetermina l-ewwel reġjuni għall-bidu tal-attivitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8542)

(It-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Olandiż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Germaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż biss huma awtentiċi)

(2010/49/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 48(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jipprovdi għal implimentazzjoni progressiva tal-attivitajiet tal-VIS. Għalhekk, hu meħtieġ li jiġu ddeterminati l-ewwel reġjuni fejn id-dejta li għandha tiġi pproċessata fil-VIS, inklużi ritratti u dejta dwar il-marki tas-swaba’, għandha tinġabar u tiġi trażmessa lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha tal-viża fir-reġjun ikkonċernat, matul l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni progressiva.

(2)

L-Artikolu 48(4) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jipprovdi għad-determinazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni abbażi l-kriterji li ġejjin: ir-riskju tal-immigrazzjoni illegali, it-theddid lis-sigurtà interna tal-Istati Membri u l-probabbilità li jinġabru elementi bijometriċi mill-postijiet kollha f’dan ir-reġjun.

(3)

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni għar-reġjuni differenti hekk kif definit fl-2005 mill-esperti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni progressiva tal-VIS, u tikkunsidra, speċjalment għall-ewwel kriterju, elementi bħar-rati medji għar-rifjut tal-viża u għar-rifjut tad-dħul għal kull wieħed mir-reġjuni kkonċernati, u, għat-tielet kriterju, il-fatt li preżenza jew rappreżentanza konsulari għandha tiżdied f’ċerti reġjuni biex tiġi implimentata l-VIS f’dawn ir-reġjuni.

(4)

Skont din il-valutazzjoni, l-ewwel reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta tal-viża lill-VIS għandha tibda għall-applikazzjonijiet kollha tal-viża għandha tkun l-Afrika ta’ Fuq.

(5)

It-tieni reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta tal-viża lill-VIS għandhom jibdew għall-applikazzjonijiet kollha tal-viża għandu jkun il-Lvant Qrib, bl-eċċezzjoni tat-territorju okkupat tal-Palestina minħabba d-diffikultajiet tekniċi serji li jistgħu jiġu affaċċjati meta jiġu mgħammra l-postijiet jew l-uffiċċji konsulari kkonċernati. Fi stadju aktar tard Deċiżjoni għandha tiġi adottata rigward il-bidu tal-attivitajiet tal-VIS f’dan it-territorju.

(6)

It-tielet reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta tal-viża lill-VIS għandhom jibdew għall-applikazzjonijiet kollha tal-viża għandu jkun ir-Reġjun tal-Golf.

(7)

Biex jiġi evitat dewmien bejn il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-ħarsien tas-sigurtà interna, il-punti ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Schengen għandhom jiġu nnominati bħala reġjun separat għat-tnedija biex ikopru l-applikazzjonijiet tal-viża ppreżentati fil-fruntieri esterni. L-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jibdew jiġbru u jittrażmettu d-dejta lill-VIS fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna malajr kemm jista’ jkun biex jevitaw li t-tnedija fir-reġjuni tiġi evitata minn ċittadini ta’ pajjiż terz ta’ dawn ir-reġjuni, billi jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom fil-fruntieri esterni.

(8)

Id-data tal-bidu tal-attivitajiet f’kull wieħed minn dawn ir-regjuni għandha tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 48(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

(9)

Għad-determinazzjoni tar-reġjuni aktar ‘il bogħod, għandhom jittieħdu Deċiżjonijiet sussegwenti fi stadju aktar tard abbażi valutazzjoni addizzjonali u aġġornata ta’ dawn ir-reġjuni oħrajn skont il-kriterji relevanti u l-esperjenza mal-implimentazzjoni fl-ewwel reġjuni definiti b’din id-Deċiżjoni.

(10)

Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 767/2008 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi dak ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti III tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Ottubru 2008, id-Danimarka nnotifikat, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll, it-traspożizzjoni ta’ dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (2). Għalhekk ir-Renju Unit mhux marbut minnha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tiġi indirizzata lir-Renju Unit.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3). Għaldaqstant l-Irlanda mhix marbuta jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni m’għandhiex tiġi indirizzata lill-Irlanda.

(13)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (5).

(14)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7) u 2008/149/ĠAI (8).

(15)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-assoċazzjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (B) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/261/KE (9) u 2008/262/KE (10).

(16)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(17)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (11),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reġjuni fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda skont l-Artikolu 48(1)(c) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 huma dawn li ġejjin:

L-ewwel reġjun:

l-Alġerija,

l-Eġittu,

il-Libja,

il-Mawritanja,

il-Marokk,

it-Tuniżja.

It-tieni reġjun:

l-Iżrael,

il-Ġordan,

il-Libanu,

is-Sirja.

It-tielet reġjun:

l-Afganistan,

il-Baħrejn,

l-Iran,

l-Iraq,

il-Kuwajt,

l-Oman,

il-Qatar,

l-Għarabja Sawdija,

l-Emirati Għarab Magħquda,

il-Jemen.

Artikolu 2

Il-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna, skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (12), jikkostitwixxu reġjun separat. Għal applikazzjonijiet tal-viża ppreżentati fil-fruntieri esterni, il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għandha tibda skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblka tal-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tal-Olanda, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika ta’ Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(9)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(10)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.

(11)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(12)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.