ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.337.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 337

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
18 ta' Diċembru 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju ( 1 )

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 1 )

11

 

*

Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ( 1 )

37

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1211/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (4), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (7) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (8) (flimkien imsemmija bħala “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”) għandhom l-għan li joħolqu suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ investiment, innovazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ kompetizzjoni msaħħa.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli fi ħdan il-Komunità (9) jikkomplementa u jappoġġja, għal dak li huwa r-roaming fil-Komunità kollha, ir-regoli previsti mill-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(3)

Il-ħtieġa li jkun applikat konsistentement il-qafas regolatorju tal-UE fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-iżvilupp b’suċċess ta’ suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-qafas regolatorju tal-UE jistabbilixxi l-għanijet li għandhom jinkisbu u jipprovdi qafas għal azzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs), filwaqt li jagħtihom flessibbiltà f’ċerti oqsma biex japplikaw ir-regoli fid-dawl ta’ kondizzjonjiet nazzjonali.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju komuni, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej (GRE) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tat-29 ta’ Lulju tal-2002 li jistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (10) sabiex jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tas-suq intern u, b’mod aktar ġenerali, biex jipprovdi kollegament bejn l-NRAs u l-Kummissjoni.

(5)

L-GRE ta kontribut pożittiv billi għin fl-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti bil-faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-NRAs u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni. Dan l-approċċ għall-iżvilupp ta’ konsistenza akbar fost l-NRAs permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u għarfien dwar esperjenzi prattiċi wera li hu ta’ suċċess f’dan il-perijodu qasir wara l-użu tiegħu. Ser tkun meħtieġa kooperazzjoni u koordinazzjoni kontinwati u intensifikati bejn l-NRAs biex jiġi żviluppat aktar is-suq intern tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(6)

Dan jitlob it-tisħiħ tal-GRE u r-rikonoxximent tiegħu fil-qafas regulatorju komuni bħala l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Il-BEREC la għandu jkun aġenzija Komunitarja u lanqas m’ għandu jkollu personalità ġuridika. Il-BEREC għandu jissostitwixxi l-GRE u jaġixxi bħala l-forum esklussiv għall-koperazzjoni bejn l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-firxa sħiħa tar-responsabilitajiet tagħhom skont il-qafas regolatorju tal-UE. Il-BEREC għandu jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi kunfidenza bis-saħħa tal-indipenenza tiegħu, il-kwalità tal-parir u l-informazzjoni tiegħu, it-trasparenza tal-proċeduri tiegħu u l-metodi ta’ operat, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(7)

Il-BEREC għandu, permezz tal-ġbir ta’ għarfien espert, jassisti lill-NRAs mingħajr ma jissostitwixxi l-funzjonijiet eżistenti tagħhom jew jiddupplika l-ħidma li diġà qed titwettaq, u jassisti lill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha.

(8)

Il-BEREC għandu jkompli l-ħidma tal-GRE, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni bejn NRAs, u bejn NRAs u l-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-qafas regolatorju tal-UE għal networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, u b’hekk isir kontribut għall-iżvilupp tas-suq intern.

(9)

Il-BEREC għandu wkoll iservi ta’ korp għar-riflessjoni, id-dibattitu u l-parir għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tal-konumikazzjoni elettronika. Għaldaqstant, il-BEREC għandu jagħti parir lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva tiegħu stess.

(10)

Il-BEREC għandu jsegwi l-kompiti tiegħu f’kooperazzjoni ma’, u bla ħsara għall-irwol ta’, gruppi u kumitati eżistenti bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni, stabbilit taħt id-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), il-Kumitat dwar l-Ispettri tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (11), il-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (12), u l-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit taħt id-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżiv (13).

(11)

Sabiex l-BEREC jiġi pprovdut b’appoġġ professjonali u amministrattiv, l-Uffiċċju għandu jkun stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika u għandu jeżerċita l-kompiti mogħtija lilu b’dan ir-Regolament. Sabiex il-BEREC jiġi pprovdut bl-appoġġ tiegħu b’mod effiċjenti, dan l-Uffiċċju għandu jkollu awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja. L-Uffiċċju għandu jkollu Kumitat ta’ Tmexxija u Maniġer Amministrattiv.

(12)

L-istrutturi organizzattivi tal-BEREC u tal-Uffiċċju għandhom ikunu sempliċi u adattati għall-kompiti li għandhom iwettqu.

(13)

L-Uffiċċju għandu jkun korp Komunitarju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (14) (Regolament Finanzjarju). Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (15) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b’mod partikulari l-Punt 47 tagħha għandhom japplikaw għall-Uffiċċju.

(14)

Ladarba l-għanijiet tal-azzjoni proposta, prinċipalment l-iżvilupp ulterjuri ta’ prattika regolatorja konsistenti permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni intensifikati bejn NRAs u bejn NRAs u l-Kummissjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ambitu mifrux mal-UE kollha ta’ dan ir-Regolament u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-ISTABBILIMENT

Artikolu 1

L-istabbiliment

1.   B’dan huwa stabbilit Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) bir-responsabilitajiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   Il-BEREC għandu jaġixxi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE (Direttivi Speċifiċi), u tar-Regolament (KE) Nru 717/2007.

3.   Il-BEREC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu indipendentement, b’mod imparzjali u trasparenti. Fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-BEREC għandu jfittex l-istess għanijiet bħal dawk tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (tad-Direttiva Qafas). B’mod partikolari, il-BEREC għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-operat aħjar tas-suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jimmira li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjoni elettronika.

4.   Il-BEREC għandu jibbaża fuq l-għerf espert disponibbli lill-NRAs u għandu jwettaq ħidmietu f’koperazzjoni mal-NRAs u mal-Kummissjoni. Il-BEREC għandu jippromwovi kooperazzjoni bejn l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-BEREC għandu jagħti parir lill-Kummissjoni, u fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

KAPITOLU II

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-BEREC

Artikolu 2

L-irwol tal-BEREC

Il-BEREC għandu:

(a)

jiżviluppa u jxerred fost l-NRAs l-aħjar prattika regolatorja, bħal approċċi komuni, metodoloġija jew linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju komuni;

(b)

fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs dwar kwistjonijiet regolatorji;

(c)

jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u linji gwida tal-Kummissjoni, kif imsemmi f’dan ir-Regolament, fid-Direttiva Qafas) u d-Direttivi Speċifiċi;

(d)

iħejji rapporti u jipprovdi parir, fuq talba raġunata tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, u jagħti opinjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq talba raġunata jew fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-komunikazzjoni elettronika fil-kompetenza tiegħu;

(e)

fuq talba, jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-NRAs f’relazzjonijiet, diskussjonijiet u fi skambji ma’ partijiet terzi; u jassisti lill-Kummissjoni u lill-NRAs fid-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki regolatorji lil partijiet terzi.

Artikolu 3

Il-kompiti tal-BEREC

1.   Il-kompiti tal-BEREC għandhom ikunu:

(a)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri tal-NRAs dwar id-definizzjoni tas-suq, l-għażla tal-intrapriżi b’setgħa tas-suq sinifikanti u l-impożizzjoni ta’ rimedji, f’konformità mal-Artikoli 7 u -7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas); u li jikkoopera u jaħdem flimkien mal-NRAs f’konformità mal-Artikoli 7 u -7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(b)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida dwar il-forma, il-kontenut u l-livell ta’ dettalji li għandhom jingħataw fin-notifiki, f’konformità mal-Artikolu 7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(c)

li jiġi kkonsultat dwar abbozzi ta’ rakkomondazzjonijiet dwar swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi, f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(d)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta’ swieq transnazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(e)

li, fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs, fil-kuntest tal-analiżi tas-suq relevanti f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(f)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet u ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(g)

li jiġi kkonsultat u jagħti opinjonijiet dwar tilwim transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(h)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jipprevjenu NRA milli tieħu miżuri eċċezzjonali, f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess);

(i)

li jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ miżuri dwar l-aċċess effettiv għan-numru tat-telefown ta’ emerġenza 112, f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali);

(j)

li jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ miżuri relatati mal-implimentazzjoni effettiva firxa ta’ numri li jibdew bil-116, b’mod partikulari n-numru ta’ emerġenza 116000 għat-tfal irrapurtati nieqsa, b’konformità mal-Artikolu 27a tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva Servizz Universali);

(k)

li jassisti lill-Kummissjoni fl-aġġornar tal-Anness II tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva tal-Aċċess), f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva;

(l)

li, fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs dwar kwistjonijiet relatati ma’ frodi jew mal-abbuż tar-riżorsi tan-numerazzjoni fil-Komunità, b’mod partikolari għal servizzi transkonfinali;

(m)

li jagħti opinjonijiet bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ rekwiżiti u regoli komuni għall-fornituri ta’ servizzi transkonfinali kummerċjali;

(n)

li jissorvelja u jirrapporta dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jippubblika rapport annwali dwar l-iżviluppi fis-settur.

2.   Il-BEREC jista’, fuq talba raġunata mill-Kummissjoni, jiddeċiedi b’mod unanimu li jieħu f’idejh ħidmiet speċifiċi oħrajn neċessarji għat-twettiq tal-irwol tiegħu fl-ambitu definit fl-Artikolu 1(2).

3.   L-NRAs u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kont sħiħ ta’ kwalunkwe opinjoni, rakkomandazzjoni, linji gwida, parir jew l-aħjar prattika regolatorja maħruġ jew adottat mill-BEREC. Il-BEREC jista’ fejn ikun xieraq, jikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni relevanti qabel ma jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tal-BEREC

1.   Il-BEREC għandu jkun magħmul mill-Bord tar-Regolaturi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn membru wieħed għal kull Stat Membru li għandu jkun il-kap jew ir-rappreżentant nominat ta’ livell għoli tal-NRA stabbilita f’kull Stat Membru bir-responsabilità ewlenija li jissorvelja t-tħaddim ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b’dan ir-Regolament, il-BEREC għandu jaġixxi b’mod indipendenti.

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi m’għandhomx ifittxu jew jaċċettaw istruzzjonijiet minn ebda gvern, mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe entita’ pubblika jew privata oħra.

L-NRAs għandhom jinnominaw membru supplenti għal kull Stat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tattendi l-laqgħat tal-BEREC bħala osservatur u għandha tkun rappreżentata f’livell xieraq.

3.   L-NRAs mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u minn dawk l-istati li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandu jkollhom status ta’ osservatur u għandhom ikunu rappreżentati fil-livell xieraq. Il-BEREC jista’ jistieden esperti u osservaturi oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaħtar iċ-Chairperson u l-Viċi-Chairperson(s) tiegħu minn fost il-membri tiegħu, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tal-BEREC. Il-Viċi-Chairperson(s) għandu/għandhom jerfa’/jerfgħu awtomatikament id-dmirijiet taċ-Chairperson jekk dan ma jkunx f’qagħda li jaqdi dawk id-dmirijiet. Il-mandat taċ-Chairperson u tal-Viċi-Chairperson(s) għandu jkun ta’ sena.

5.   Bla ħsara għall-irwol tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti taċ-Chairperson, iċ-Chairperson ma għandu jfittex jew jaċċetta l-ebda istruzzjoni minn kwalunkwe gvern jew NRA, mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe entita’ pubblika jew privata oħra.

6.   Il-laqgħat tal-plenarja tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jissejħu miċ-Chairperson tiegħu u għandhom iseħħu mill-inqas erba’ darbiet fis-sena f’sessjoni ordinarja. Il-laqgħat straordinarji għandhom jissejħu wkoll fuq l-inizjattiva taċ-Chairperson, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tal-Bord. L-aġenda tal-laqgħa għandha tiġi stabbilita miċ-Chairperson u magħmula pubblika.

7.   Il-ħidma tal-BEREC tista’ tiġi organizzata fi Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti.

8.   Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-plenarja tal-Bord tar-Regolaturi.

9.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fid-Direttiva Qafas jew fid-Direttivi Speċifiċi. Kull membru jew kull membru supplenti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi għandhom isiru pubbliċi, u għandhom jindikaw ir-riservi ta’ NRA fuq talba tagħha.

10.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-BEREC u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu fid-dettall l-arraġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, inkluż il-kundizzjonijiet li taħthom membru wieħed jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor, ir-regoli li jirregolaw il-kworums, u n-notifiki ta’ skadenzi għal-laqgħat. Barra minn hekk, dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiggarantixxu li l-membri tal-Bord tar-Regolaturi jkunu dejjem ipprovduti b’aġendi sħaħ u b’abbozzi ta’ proposti qabel kull laqgħa sabiex ikollhom l-opportunita’ li jipproponu emendi qabel il-vot. Ir-regoli ta’ proċedura jistgħu, inter alia, jistabbilixxu proċeduri ta’ votazzjoni ta’ emerġenza.

11.   L-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 6 għandu jipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrativ u professjonali lill-BEREC.

Artikolu 5

Il-kompiti tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jwettaq il-kompiti tal-BEREC stipulati fl-Artikolu 3 u għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha relatati mat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova l-kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri jew mill-NRAs qabel isiru b’konformità mal-Artikolu 11(1)(b) u suġġett għall-arranġamenti li ġejjin:

(a)

b’unanimità meta l-Istati Membri kollha jew l-NRAs ikunu ddeċidew li jagħmlu kontribuzzjoni,

(b)

b’maġġoranza sempliċi meta numru ta’ Stati Membri jew NRAs b’mod unanimu jkunu ddeċidew li jagħmlu kontribuzzjoni.

3.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta, f’isem il-BEREC, id-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti f’idejn il-BEREC, f’konformità mal-Artikolu 22.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati b’konformità mal-Artikolu 17, jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-BEREC qabel tmiem kull sena li tiġi qabel dik marbuta mal-programm ta’ ħidma. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jgħaddi l-programm ta’ ħidma annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kull sena hekk kif jiġi adottat.

5.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC, u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Qorti tal-Awdituri kull sena sal-15 ta’ Ġunju. Il-Parlament Ewropew jista’ jitlob liċ-Chairperson tal-Bord tar-Regolaturi biex jindirizza lill-Parlament dwar kwistjonijiet relevanti relatati mal-attivitajiet tal-BEREC.

Artikolu 6

L-Uffiċċju

1.   L-Uffiċċju huwa b’dan stabbilit bħala korp Komunitarja b’personalità ġuridika skont it-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Punt 47 Ftehim tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 għandu jappplika għall-Uffiċju.

2.   Taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, l-Uffiċċju għandu b’mod partikolari:

jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattivi lill-BEREC;

jiġbor tagħrif mill-NRAs u jwettaq skambju u trasmissjoni ta’ informazzjoni b’rabta mal-irwol u l-kompiti stipulati fl-Artikoli 2(a) u 3;

ixerred l-aħjar prattiki regolatorji fost l-NRAs, b’konformità mal-Artikolu 2(a);

jassisti liċ-Chairperson fit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi;

iwaqqaf il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti, fuq talba tal-Bord tar-Regolaturi, u jipprovdi appoġġ u biex jiġi żgurat li dawk il-Gruppi jaħdmu bla tfixkil.

3.   L-Uffiċċju għandu jkun magħmul minn:

(a)

Kumitat ta’ Tmexxija,

(b)

Maniġer Amministrattiv.

4.   F’kull Stat Membru, l-Uffiċċju għandu jgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. L-Uffiċju jista’ b’mod partikulari, jakkwista u jbiegħ proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.

5.   L-Uffiċċju għandu jitmexxa mill-Maniġer Amministrattiv u għandu jkollu numru ta’ persunal limitat strettament ma’ dak meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijietu. In-numru tal-Persunal għandu jkun propost mill-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija u mill-Maniġer Amministrattiv b’konformità mal-Artikolu 11. Kwalunkwe proposta biex jiżdied in-numru tal-persunal tista’ tintlaqa’ biss b’deċiżjoni unanima tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 7

Kumitat ta’ Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn membru wieħed għal kull Stat Membru li għandu jkun il-kap jew ir-rappreżentant nominat ta’ livell għoli tal-NRA indipendenti stabbilita f’kull Stat Membru bir-responsabilità ewlenija li tissorvelja t-tħaddim ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u membri wieħed li jirrappreżenta l-Kummissjoni.

Kull Membru għandu jkollu vot wieħed.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jaħtar il-Maniġer Aministrattiv. Il-Maniġer Amministrattiv maħtur m’għandux jieħu sehem fit-tħejjija ta’din id-deċiżjoni jew jivvota fuqha.

3.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħti direzzjoni lill-Maniġer Amministrattiv fit-twettiq tad-dmirijiet ta’ Maniġer Amministrattiv.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jkun responsabbli għall-ħatra tal-Persunal.

5.   Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jassisti fil-ħidma tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti.

Artikolu 8

Il-Maniġer Amministrattiv

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu responsabilità lejn il-Kumitat ta’ Tmexxija. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu (jew tagħha), il-Maniġer Amministrattiv la għandu jfittex u lanqas jaċċetta ebda istruzzjoni mingħand xi Stat Membru, xi NRA, il-Kummissjoni jew xi parti terza.

2.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jinħatar mill-Kumitat tat-Tmexxija, permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa fuq il-bażi tal-mertu u l-ħiliet u l-esperjenza relevanti għan-networks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabel il-ħatra, l-adegwatezza tal-kandidat magħżul mill-Kumitat ta’ Tmexxija tista’ tkun suġġetta għal opinjoni li ma torbotx mill-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, il-kandidat għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

3.   Il-mandat tal-Maniġer Amministrattiv għandu jkun ta’ tliet snin.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jestendi l-mandat tal-Maniġer Amministrattiv darba għal mhux aktar minn tliet snin, filwaqt li jqis ir-rapport ta’ evalwazzjoni mwettaq miċ-Chairperson u biss f’dawk il-każi fejn jista’ jiġi ġġustifikat mid-dmirijiet u mir-rekwiżiti tal-BEREC.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jinforma l-Parlament Ewropew dwar kull intenzjoni li jkollu li jġedded il-mandat tad-Maniġer Amministrattiv.

Fejn il-mandat ma jiġix estiż, il-Maniġer Amministrattiv għandu jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħu/tagħha.

Artikolu 9

Il-kompiti tal-Maniġer Amministrattiv

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tal-Uffiċċju.

2.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jgħin fit-tħejjija tal-aġenda tal-Bord tar-Regolaturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti. Huwa għandu jipparteċipa mingħajr ma jkollu d-dritt li jivvota, fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

3.   Kull sena l-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti lill-Kumitat ta’ Tmexxija fit-tħejjija tal-abbozz ta’ programm ta’ ħidma tal-Uffiċċju għas-sena ta’ wara. L-abbozz tal-programm ta’ ħidma fis-sena li ssegwi għandu jitressaq lill-Kumitat ta’ Tmexxija qabel sat-30 ta’ Ġunju, u għandu jiġi adottat mill-Kumitat ta’ Tmexxija sat-30 ta’ Settembru mingħajr ma tiġi antiċipata d-deċiżjoni aħħarija dwar is-sussidju meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (flimkien imsejħa “l-awtorità baġitarja”).

4.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Uffiċċju.

5.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, jieħu l-miżuri meħtieġa, partikularment l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni tal-avviżi, sabiex ikun żgurat il-funzjonament tal-Uffiċċju skont dan ir-Regolament.

6.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 13.

7.   Kull sena l-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti fit-tħejjija tal-abbozz ta’ rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC imsemmija fl-Artikolu 5(5).

Artikolu 10

Il-Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (16) u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti u Kundizzjonjiet tal-Persunal għandhom japplikaw għall-Persunal tal-Uffiċċju, inkluż il-Maniġer Amministrattiv.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, skont l-arranġamenti pprovduti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej lill-awtorità tal-ħatra u s-setgħat mogħtija lill-awtorità inkarigata li tikkonkludi kuntratti skont il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom ikunu eżerċitati mill-Viċi-Chairperson tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu li esperti nazzjonali mill-Istati Membri jisselfu temporanjament lill-Uffiċċju għal mhux aktar minn tliet snin.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 11

Il-baġit tal-Uffiċċju

1.   Id-dħul u r-riżorsi tal-Uffiċċju għandhom jikkonsistu b’mod partikulari f’dan li ġej:

(a)

sussidju mill-Komunità, imdaħħal taħt l-intestaturi xierqa tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Taqsima tal-Kummissjoni), kif deċiż mill-awtorità baġitarja u f’konformita’ mal-punt 47 tal-Ftehim IIA tas-17 ta’ Mejju 2006;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri jew mill-NRAs tagħhom fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 5(2). Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw elementi speċifiċi ta’ spiża operazzjonali kif definit fil-ftehim lit rid tiġi milħuqa bejn l-Uffiċċju u l-Istati Membri jew l-NRAs tagħhom skont l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjkarju ta’ Qafas għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (17). Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-NRAs ikollhom ir-riżorsi finanzjarji xierqa meħtieġa biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju. Qabel l-istabbiliment tal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropeja, l-Uffiċċju għandu jippreżenta lill-awtorità baġitarja dokumentazzjoni xierqa, f’waqtha u ddettaljata dwar id-dħul assenjat skont dan l-Artikolu.

2.   In-nefqa tal-Uffiċċju għandha tkopri l-ispejjeż tal-persunal flimkien mal-ispejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.

3.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bilanċjati.

4.   Id-dħul u l-infiq kollu għandhom ikunu is-suġġett ta’ tbassiriet għal kull sena finanzjarja, li jikkoinċidu mas-sena kalendarja, u għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Uffiċċju.

5.   L-istruttura organizzattiva u finanzjarja tal-Uffiċċju għandha tiġu riveduta ħames snin wara d-data tal-istabbiliment tal-Uffiċċju.

Artikolu 12

Tħejjija tal-baġit

1.   Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, il-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti l-Kumitat ta’ Tmexxija fit-tħejjija ta’ abbozz ta’ baġit preliminari li jkopri n-nefqa mbassra għas-sena finanzjarja ta’ wara, flimkien ma’ lista tal-postijiet proviżorji ta’ impjieg. Kull sena, il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħmel stima tad-dħul u l-infiq tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja ta’ wara, abbażi tal-abbozz. Dik l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment tal-impjegati, għandha tintbagħat mill-Kumitat ta’ Tmexxija lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fuq il-bażi ta’ dawn l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-estimi li hija tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment tal-impjegati, u tipproponi l-ammont tas-sussidju.

4.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Uffiċċju.

5.   Il-baġit tal-Uffiċċju għandu jitfassal mill-Kumitat ta’ Tmexxija. Dan għandu jitqies finali wara l-adozzjoni aħħarija tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn meħtieġ, għandu jkun aġġustat kif xieraq.

6.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorità tal-baġit dwar il-ħsieb tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi għall-finanzjament tal-baġit, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrigwarda l-kiri jew ix-xiri ta’ proprjetà immobbli. Huwa għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni. Jekk xi fergħa mill-awtorità baġitarja bi ħsiebha toħroġ opinjoni, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-informazzjoni dwar il-proġett ta’ bini, tgħarraf lill-Kumitat ta’ Tmexxija bil-ħsieb li għandha li toħroġ opinjoni ta’ din ix-xorta. Jekk ma jingħatax tweġiba, il-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jista’ jkompli bil-ħidma ppjanata.

Artikolu 13

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jaġixxi bħala l-uffiċjal li jawtorizza u għandu jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jħejji rapport annwali dwar l-attività għall-Uffiċċju, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu pubbliċi.

3.   Sa l-1 ta’ Marzu wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Uffiċċju għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta’ dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Uffiċċju għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni mbagħad għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4.   Sal-31 ta’ Marzu wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjara, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Uffiċċju flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja tul is-sena finanzjarja lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta’ dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Uffiċċju, skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Maniġer Amministrattiv, filwaqt li jaġixxi fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Uffiċċju u jittrażmettihom, għal opinjoni, lill-Kumitat ta’ Tmexxija.

6.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet definittivi tal-Uffiċċju.

7.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jittrażmetti dawn il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju wara l-għeluq tas-sena finanzjarja, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

8.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

9.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jwieġeb għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri sal-15 ta’ Ottubru. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

10.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jressaq quddiem il-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, u kif inhu provdut fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kwalunke informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr problemi ta l-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

11.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, u qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kwittanza lill-Maniġer Amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 14

Sistemi ta’ kontroll interni

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli għall-verifika tal-Uffiċċju.

Artikolu 15

Regoli Finanzjarji

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 għandu japplika għall-Uffiċċju. Aktar regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju għandhom jitfasslu mill-Kumitat ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jekk il-ħtiġiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Uffiċċju jeħtieġu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Miżuri kontra l-frodi

1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u atti illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li jikkonċerna l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (18) għandhom japplikaw mingħajr l-ebda restrizzjoni.

2.   L-Uffiċċju għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (19) u għandu minnufih jadotta d-dispożizzjonijiet adatti għall-persunal kollu tal-Uffiċċju.

3.   Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament u l-ftehim u l-istrumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw b’mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk ikun hemm il-ħtieġa, iwettqu kontrolli fuq il-post fost il-benefiċjarji tal-ammonti li jinħareġ mill-Uffiċċju kif ukoll kontrolli tal-persunal responsabbli mill-allokazzjoni ta’dawn l-ammonti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

Konsultazzjoni

Fejn xieraq, il-BEREC għandu, qabel ma jadotta opinjonijiet, l-aħjar prattika regolatorja jew rapporti, jikkonsulta lill-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità biex jikkummentaw f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Il-BEREC għandu, bla ħsara għall-Artikolu 20, jagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblikament disponibbli.

Artikolu 18

Trasparenza u responsabbiltà

Il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’livell għoli ta’ trasparenza. Il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom jiżguraw li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari rigward ir-riżultati tal-ħidma tagħhom.

Artikolu 19

Għoti ta’ informazzjoni lill-BEREC u lill-Uffiċċju

Il-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jipprovdu l-imformazzjoni mitluba mill-BEREC u mill-Uffiċċju sabiex il-BEREC u l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Artikolu 20

Kunfidenzjalità

Suġġett għall-Artikolu 22, la l-BEREC u lanqas l-Uffiċċju m’għandhom jippubblikaw jew jiżvelaw lil partijiet terzi informazzjoni li huma jipproċessaw jew jirċievu li għaliha ntalab trattament kunfidenzjali.

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, u tal-Kumitat tat-Tmexxija, il-Maniġer Amministrattiv, l-esperti esterni, inklużi l-esperti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti, u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 287 tat-Trattat, anki wara li jkunu temmew l-inkarigi tagħhom.

Fir-regoli ta’ proċedura interni tagħhom, il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi sabiex jiġu implimentati r-regoli dwar il-kunfidenzjalità li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 21

Id-dikjarazzjoni tal-interessi

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, u tal-Kumitat tat-Tmexxija, il-Maniġer Amministrattiv u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju għandhom jagħmlu dikjarazzjoni annwali tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi fejn jindikaw kwalunkwe interessi diretti jew indiretti, li jistgħu jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub. Id-dikjarazzjoni tal-interessi magħmula mill-membri tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Kumitat ta’ Tmexxija u mill-Maniġer Amministrattiv għandhom ikunu pubbliċi.

Artikolu 22

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (20) għandhom japplikaw ghad-dokumenti miżmuma mill-BEREC u mill-Uffiċċju.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jadottaw miżuri prattiċi biex ikun applikat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu effettiv tal-operat tal-BEREC u tal-Uffiċċju, rispettivament.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman jew ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 23

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Uffiċċju u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 24

Ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju

1.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, l-Uffiċċju għandu jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu li hu jkun ikkawża jew li jkun ikkawża l-persunal tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Kommunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima dwar ir-rimedji għal dannu ta’ din ix-xorta.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja u dixxiplinari personali tal-persunal tal-Uffiċċju fil-konfront tal-Uffiċċju għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Uffiċċju.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Valutazzjoni u reviżjoni

Fi żmien tliet snin mill-bidu effettiv tal-operat tal-BEREC u tal-Uffiċċju, rispettivament, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkopri r-riżultati miksuba mill-BEREC u mill-Uffiċċju u l-metodi ta’ ħidma rispettivi tagħhom, relattivi għall-għanijiet, mandati u kompiti rispettivi tagħhom, kif iddefiniti f’dan ir-Regolament u fil-programmi ta’ ħidma annwali rispettivi tagħhom. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jqis il-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell nazzjonali u għandu jintbgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti opinjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2009 (ĠU C 75 E, 31.3.2009, p. 67) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009, u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- s-26 ta’ Ottubru 2009.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.

(10)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38.

(11)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(13)  ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60.

(14)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(15)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(17)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(18)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(19)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(20)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


DIRETTIVI

18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/11


DIRETTIVA 2009/136/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (3),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (4),

Billi:

(1)

Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju eżistenti għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5), Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (7), Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) (8) u Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (9) (kollettivament imsejħa “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”)), huwa suġġett għal eżaminar perjodiku mill-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(2)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta’ Ġunju 2006 dwar l-eżami tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(3)

Ir-riforma tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż ir-rinfurzar ta’ dispożizzjonijiet għall-utenti finali b'diżabbiltà, tirrappreżenta pass prinċipali lejn il-kisba simultanja ta’ Spazju Ewropew Uniku tal-Informazzjoni u soċjetà tal-informazzjoni inklussiva. Dawn l-għanijiet huma inklużi fil-qafas strateġiku għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni kif deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta’ Ġunju 2005 bl-isem ta’ “i2010 — Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg”.

(4)

Rekwiżit fundamentali ta’ servizz universali huwa li l-utenti jiġu fornuti, meta jitolbuha, b’konnessjoni ma’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet f’lok fiss u bi prezz li kulħadd jiflaħ għalih. Ir-rekwiżit huwa għall-forniment ta’ telefonati lokali, nazzjonali u internazzjonali, komunikazzjonijiet tal-fax u servizzi tad-data, li l-forniment tagħhom jista’ jkun ristrett mill-Istati Membri għall-post/residenza primarja tal-utent aħħari. M’għandu jkun hemm ebda limitazzjoni fuq il-mezzi tekniċi li bihom din tkun fornuta, b’mod li jkunu permessi teknoloġiji bil-wajer jew bla wajer, u lanqas xi limitazzjoni rigward liema operaturi jfornu l-obbligi kollha ta’ servizz universali jew parti minnhom.

(5)

Konnessjonijiet tad-data ma’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet f’lok fiss għandhom ikunu jistgħu jifilħu komunikazzjonijiet tad-data b’rati suffiċjenti għall-aċċess għas-servizzi fuq l-Internet bħal dawk fornuti permezz tal-Internet pubbliku. Il-veloċità tal-aċċess tal-Internet esperjenzjata minn utent partikolari tista’ tiddependi fuq numru ta’ fatturi inklużi l-fornitur(i) tal-konnettività tal-Internet kif ukoll l-applikazzjoni partikolari li għaliha qed tintuża konnessjoni. Ir-rata tad-data li tista’ tiflaħ konnessjoni man-network pubbliku tal-komunikazzjonijiet tiddependi fuq il-kapaċitajiet tat-tagħmir terminali tal-abbonat kif ukoll fuq il-konnessjoni. Għal din ir-raġuni, mhuwiex xieraq li tkun magħmula obbligatorja rata speċifika ta’ data jew bit fil-livell tal-Komunità. Il-flessibilità hija meħtieġa biex tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li fejn meħtieġ jieħdu miżuri biex jiżguraw li konnessjoni tad-data tkun kapaċi tiflaħ rati ta’ data sodisfaċenti li jkunu suffiċjenti biex jippermettu aċċess tal-Internet funzjonali, kif definit mill-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu kif inhu xieraq iċ-ċirkostanzi speċifiċi fis-swieq nazzjonali, pereżempju l-bandwidth prevalenti użat mill-maġġoranza tal-abbonati f’dak l-Istat Membru, u l-fattibilità teknoloġika, sakemm dawn il-miżuri jkollhom l-għan li jimminimizzaw id-distorsjoni tas-suq. Fejn miżuri bħal dawn jirriżultaw f’piż mhux ġust fuq impriża magħżula, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż u d-dħul kif ukoll il-benefiċċji intanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizzi kkonċernati, dan jista’ jiġi inkluż fi kwalunkwe kalkolu tal-kost nett tal-obbligi universali. Iffinanzjar alternattiv tan-network tal-infrastruttura sottostanti, li jinvolvi l-iffinanzjar Komunitarju jew miżuri nazzjonali konformement mal-liġi Komunitarja, jista’ wkoll jiġi implimentat.

(6)

Dan huwa bla ħsara għall-bżonn tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni tal-obbligi tas-servizz universali, li tista’ tinkludi l-iffinanzjar ta’ obbligi bħal dawn, konformement mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), u jekk hu xieraq, biex tippreżenta proposti għal riforma li jissodisfaw l-objettivi ta’ interess pubbliku.

(7)

Għaċ-ċarezza u s-sempliċità, din id-Direttiva tittratta biss l-emendament tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(8)

Bla ħsara għad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (10), u b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ diżabbiltà stabbiliti bl-Artikolu 3(3)(f) tagħha, ċerti aspetti ta’ tagħmir terminali, inkluż tagħmir ta’ postijiet għall-konsumaturi intiż għal utenti finali b’diżabbiltà, sew jekk il-bżonnijiet speċjali tagħhom huma minħabba diżabbiltà jew relatati max-xjuħija, għandhom jinġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għal networks u l-użu ta’ servizzi. Attwalment tali tagħmir jinkludi tagħmir terminali ta’ radju u televiżjoni li jirċievi biss kif ukoll apparat terminali speċjali għal utenti finali b’impediment fis-smigħ.

(9)

L-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri biex jippromwovu l-ħolqien ta’ suq għal prodotti u servizzi disponibbli b’mod wiesa’ li jinkorporaw faċilitajiet għal utenti finali li jkunu b’diżabbiltà. Dan jista’ jintlaħaq inter alia billi ssir referenza għal standards Ewropej, bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà elettronika (eAccessibility) għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku u sejħiet għal offerti għall-forniment tas-servizzi, u billi tiġi implimentata leġiżlazzjoni li tafferma d-drittijiet tal-utenti finali b’diżabbiltà.

(10)

Meta impriża magħżula biex tipprovdi servizz universali, kif indikat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), tagħżel li ċċedi l-attivitajiet kollha tagħha fin-network tal-aċċess lokali fit-territorju nazzjonali, jew parti sostanzjali minnhom, meqjusa fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali, lil entità legali separata li tkun proprjetà effettiva ta’ entità differenti, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tevalwa l-effetti tat-tranżazzjoni biex tiżgura l-kontinwità tal-obbligi tas-servizz universali fit-territorju nazzjonali kollu jew f’partijiet minnu. Għal dan l-għan, l-awtorità regolatorja nazjonali li imponiet l-obbligi tas-servizz universali għandha tiġi infurmata mill-impriża qabel iċ-ċessjoni. L-evalwazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali m’għandhiex tippreġudika t-tlestija tat-tranżazzjoni.

(11)

L-iżviluppi teknoloġiċi wasslu għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ telefons pubbliċi bi ħlas. Sabiex jiġu żgurati n-newtralità teknoloġika u l-aċċess kontinwu mill-pubbliku għat-telefonija bil-vuċi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi fuq l-impriżi biex jiżguraw mhux biss li t-telefons pubbliċi bi ħlas ikunu provduti biex jissodisfaw il-bżonnijiet raġonevoli tal-utenti finali, imma wkoll li jkunu provduti għal dak l-iskop, jekk ikun xieraq, punti ta’ aċċess pubbliċi alternattivi tat-telefonija bil-vuċi.

(12)

L-ekwivalenza fl-aċċess tal-utenti finali b’diżabbiltà għas-servizzi għandha tkun iggarantita bl-istess livell disponibbli għal utenti finali oħra. Għal dan il-għan, l-aċċess għandu jkun ekwivalenti b’mod funzjonali b’tali mod li l-utenti finali b’diżabbiltà jibbenefikaw mill-istess użu tas-servizzi bħal utenti finali oħra, imma b’mezzi differenti.

(13)

Id-definizzjonijiet għandhom jiġu aġġustati sabiex ikunu konformi mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u sabiex iżommu l-pass mal-iżvilupp teknoloġiku. B’mod partikolari, il-kondizzjonijiet għall-forniment ta’ servizz għandhom jinfirdu mill-elementi definizzjonali effettivi ta’ servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli, jiġifieri servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li hu disponibbli għall-pubbliku u li bih il-klijenti jistgħu jagħmlu jew jirċievu sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali direttament jew indirettament permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali, kemm jekk tali servizz huwa bbażat fuq teknoloġija ta’ “switching” b’ċirkwit jew b’pakkett. Hija n-natura ta’ tali servizz li hija bidirezzjonali, li tippermetti liż-żewġ partijiet jikkomunikaw. Servizz li ma jissodisfax dawn il-kondizzjonijiet kollha, bħal pereżempju applikazzjoni “click-through” fuq websajt għas-servizz tal-konsumatur, mhuwiex servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli. Servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jinkludu wkoll mezzi ta’ komunikazzjoni speċifikament intiżi għal utenti finali b’diżabbiltà li jużaw trasmissjoni testwali jew servizzi ta’ konversazzjoni totali.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-forniment indirett ta’ servizzi jista’ jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-oriġinar huwa magħmul permezz ta’ għażla jew għażla minn qabel ta’ operatur jew fejn fornitur ta’ servizz ibiegħ mill-ġdid jew joħloq marka ġdida għal servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti minn impriża oħra.

(15)

Bħala riżultat tal-evoluzzjonijiet teknoloġiċi u fis-suq, in-networks qed jersqu dejjem eqreb lejn it-teknoloġija magħrufa bħala “Protokoll tal-Internet” (IP) u għall-konsumaturi dejjem qed tikber l-għażla li jistgħu jagħmlu bejn firxa ta’ fornituri ta’ servizzi vokali li jikkompetu ma’ xulxin. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jisseparaw l-obbligi ta’ servizz universali għall-forniment ta’ konnessjoni ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss mill-forniment ta’ servizz telefoniku li jkun pubblikament disponibbli. Din is-separazzjoni m’għandhiex teffettwa l-ambitu tal-obbligi ta’ servizz universali ddefiniti u eżaminati fuq livell Komunitarju.

(16)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu abbażi ta’ kriterji oġġettivi liema impriżi jkunu maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, fejn xieraq billi jieħdu kont tal-kapaċità u r-rieda ta’ impriżi li jaċċettaw l-obbligi tas-servizz universali kollha jew parti minnhom. Dan ma jipprekludix li l-Istati Membri jistgħu jinkludu, fil-proċess tal-ħatra, kondizzjonijiet speċifiċi ġustifikati fuq raġunijiet ta’ effiċjenza, inkluż, inter alia, raggruppament ta’ żoni ġeografiċi jew komponenti jew l-iffissar ta’ perjodi minimi għall-ħatra.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut għal dawk is-servizzi li jaqgħu taħt l-ambitu tal-obbligi ta’ servizz universali anke meta Stat Membru ma jkunx għadu awtorizza impriża biex tipprovdi servizz universali. F’każ bħal dan, l-issorveljar għandu jitwettaq b’tali mod li ma jirrappreżentax piż amministrattiv eċċessiv kemm għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew impriżi li jipprovdu dan is-servizz.

(18)

L-obbligi li m’għadx hemm bżonnhom imfassla biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju tal-1998 għal dak tal-2002 għandhom jitħassru, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn li huma f’sovrappożizzjoni ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew li jidduplikawhom.

(19)

Ir-rekwiżit għall-forniment ta’ għadd minimu ta’ linji mikrija fuq il-livell ta’ bejgħ bl-imnut, li kien meħtieġ biex ikun żgurat li ma jkunx hemm interruzzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju tal-1998 fil-qasam tal-linji mikrija, li ma kienx għadu kompetittiv biżżejjed fiż-żmien meta kien daħal fis-seħħ il-qafas tal-2002, mhux aktar meħtieġ u għandu jitħassar.

(20)

Jekk l-għażla jew l-għażla minn qabel tal-operatur ser ikomplu jiġu imposti direttament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jista’ jagħti l-każ li jiġi mfixkel il-progress teknoloġiku. Dawn ir-rimedji għandhom minflok jiġu imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’riżultat ta’ analiżi tas-suq skont il-proċeduri fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u permezz tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess).

(21)

Id-dispożizzjonijiet dwar kuntratti għandhom japplikaw mhux biss għall-konsumaturi iżda wkoll għal utenti finali oħrajn, primarjament mikro-impriżi u, impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jistgħu jippreferu kuntratt adattat għal ħtiġijiet tal-konsumatur. Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq fornituri u l-kumplessità relatata mad-definizzjoni ta’ SMEs, id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti m’għandhomx japplikaw awtomatikament għal dawk l-utenti finali oħrajn iżda biss fejn huma jitolbu hekk. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu għarfien fost l-SMEs ta’ din il-possibbiltà.

(22)

Bħala konsegwenza tal-iżviluppi teknoloġiċi, tipi oħra ta’ identifikaturi jistgħu jintużaw fil-futur, b’żieda ma’ forom ordinarji ta’ identifikazzjoni tan-numerazzjoni.

(23)

Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermettu sejħiet għandhom jiżguraw li l-klijenti tagħhom ikunu infurmati kif xieraq dwar jekk l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza hux ipprovdut jew le, u dwar kwalunwke limitazzjoni fis-servizz (bħal limitazzjoni fil-forniment ta’ informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata jew it-trasferiment ta’ sejħiet ta’ emerġenza). Tali fornituri għandhom jipprovdu wkoll lill-konsumaturi tagħhom informazzjoni ċara u trasparenti fil-kuntratt inizjali u fl-eventwalità ta’ kwalunkwe bidla fil-forniment tal-aċċess, pereżempju bħala parti mill-informazzjoni li tidher mal-kont. Din l-informazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe limitazzjonijiet rigward kopertura territorjali, abbażi tal-parametri tekniċi ta’ operat tas-servizz ippjanati u l-infrastruttura disponibbli. Fejn is-servizz mhux ipprovdut fuq network ta’ telefonija switched, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll il-livell ta’ affidabbiltà tal-aċċess u tal-informazzjoni dwar mnejn toriġina s-sejħa mqabbla ma’ servizz li huwa pprovdut fuq network ta’ telefonija switched, b’kont meħud tat-teknoloġija attwali u l-istandards ta’ kwalità, kif ukoll kwalunkwe kwalità ta’ parametri ta’ servizz speċifikata taħt id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali).

(24)

Fir-rigward ta’ tagħmir terminali, il-kuntratt tal-konsumatur għandu jispeċifika kwalunkwe restrizzjoni imposta mill-fornitur fuq l-użu tat-tagħmir, bħal permezz ta’ “SIM-locking” ta’ apparati ċellulari, jekk tali restrizzjonijiet mhumiex projbiti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, u kwalunkwe ħlas dovut mat-terminazzjoni tal-kuntratt, kemm qabel jew fid-data tal-iskadenza miftiehma, inkluż kwalunkwe spiża imposta sabiex jinżamm it-tagħmir.

(25)

Mingħajr ma jimponu kwalunkwe obbligu fuq il-fornitur biex jieħu azzjoni aktar milli meħtieġ taħt il-liġi Komunitarja, il-kuntratt tal-konsumatur għandu jispeċifika wkoll it-tip ta’ azzjoni, jekk hemm, li l-fornitur jista’ jieħu fil-każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà jew integrità, theddid jew vulnerabbiltajiet.

(26)

Sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ interess pubbliku fir-rigward tal-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet, u biex tiġi mħeġġa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom ikunu jistgħu jipproduċu u jxerrdu, bl-għajnuna ta’ fornituri, informazzjoni ta’ interess pubbliku relatata mal-użu ta’ servizzi bħal dawn. Din tista’ tinkludi informazzjoni ta’ interess pubbliku rigward ksur ta’ dritt tal-awtur, użu illegali ieħor u d-disseminazzjoni ta’ kontenut dannuż, u parir u mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, li jistgħu pereżempju jirriżultaw mill-iżvelar ta’ informazzjoni personali f’ċerti ċirkostanzi, kif ukoll riskji għall-privatezza u għad-data personali, u d-disponibbiltà ta’ software li hu faċli biex tużah u li jista’ jiġi kkonfigurat jew għażliet ta’ software li jippermettu l-protezzjoni tat-tfal jew ta’ persuni vulnerabbli. L-informazzjoni tista’ tiġi kkoordinata permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali). Tali informazzjoni ta’ interess pubbliku għandha tiġi aġġornata kull meta meħtieġ u għandha tiġi ppreżentata f’forom stampati u elettroniċi faċilment komprensibbli, kif determinat minn kull Stat Membru, u fuq kwalunkwe websajt ta’ awtorità pubblika nazzjonali. Awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jobbligaw lill-fornituri jxerrdu din l-informazzjoni standardizzata lill-konsumaturi kollha b’mod li huwa meqjus xieraq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Meta meħtieġ mill-Istati Membri, l-informazzjoni għandha wkoll tiġi inkluża f’kuntratti. It-tixrid ta’ informazzjoni bħal din madankollu m’għandhiex timponi piż eċċessiv fuq l-impriżi. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu dan it-tixrid bil-mezzi użati mill-impriżi fil-komunikazzjonijiet mal-abbonati magħmula waqt l-attivitajiet ordinarji tan-negozju.

(27)

Id-dritt tal-abbonati biex joħorġu mill-kuntratti tagħhom mingħajr penali jirreferi għal tibdiliet fil-kondizzjonijiet kuntrattwali li huma imposti mill-fornituri tan-network u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

(28)

L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu liema kontenut iridu jibagħtu u jirċievu, u liema servizzi, applikazzjonijiet, ħardwer u software iridu jużaw għal dawn l-għanijiet, bla ħsara għall-ħtieġa li tiġi ppreservata l-integrità u s-sigurtà tan-networks u s-servizzi. Suq kompetittiv jipprovdi lill-utenti b’għażla wiesgħa ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippromwovu l-abilità tal-utenti li jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni u li jħaddmu applikazzjonijiet u servizzi li jagħżlu huma, kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas). Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-konsumaturi u l-impriżi, l-utenti għandhom ikunu infurmati f’kull każ b’mod sħiħ dwar kwalunkwe kondizzjonijiet li jillimitaw imposti fuq l-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-fornitur tas-servizz u/jew tan-network. Din l-informazzjoni għandha, jekk jagħżel hekk il-fornitur, tispeċifika t-tip tal-kontenut, tal-applikazzjoni jew tas-servizzi kkonċernati, is-servizzi jew l-applikazzjonijiet individwali, jew it-tnejn li huma. Skont it-teknoloġija użata u t-tip ta’ limitazzjoni, dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jirrikjedu l-kunsens tal-utent konformement mad-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(29)

Id-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali) la tirrikjedi u lanqas tipprojbixxi kondizzjonijiet imposti mill-fornituri, konformement mal-liġi nazzjonali, li jillimitaw l-aċċess u/jew l-użu tal-utenti finali fir-rigward ta’ servizzi u applikazzjonijiet, iżda tistabbilixxi l-obbligu li jipprovdu informazzjoni rigward kondizzjonijiet bħal dawn. L-Istati Membri li jixtiequ jimplimentaw miżuri rigward l-aċċess tal-utenti finali għal servizzi u applikazzjonijiet, jew l-użu tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-privatezza u l-proċess ġust, u kwalunkwe miżuri bħal dawn għandhom iqisu b’mod sħiħ l-għanijiet tal-politika definiti fil-livell Komunitarju, bħat-tkomplija tal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni tal-Komunità.

(30)

Id-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali) ma teżiġix mill-fornituri li jikkontrollaw l-informazzjoni trażmessa fin-networks tagħhom, u lanqas li jibdew proċedimenti ġudizzjarji kontra l-klijenti tagħhom minħabba din l-informazzjoni, u lanqas ma żżomm lill-fornituri responsabbli għal dik l-informazzjoni. Ir-responsabbiltà għal azzjoni punittiva jew prosekuzzjoni kriminali hija kwistjoni li trid tiġi ddeterminata skont il-liġi nazzjonali, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inkluż id-dritt għal proċess skont il-liġi.

(31)

Fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, il-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi huma meqjusa jew legali jew dannużi f’konformità mal-liġi sostantiva u proċedurali nazzjonali. Huwa kompitu tal-Istati Membri, u mhux tal-fornituri tan-networks jew servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, biex jiddeċiedu, waqt li jiġu segwiti l-proċeduri dovuti, jekk il-kontenut, l-applikazzjonijiet jew servizzi humiex legali jew dannużi. Id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi l-oħra huma bla ħsara għad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjeta' informatika, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (11), li, inter alia, fiha regola ta’ “mere conduit” għall-fornituri ta’ servizz intermedjarji, kif definiti fiha.

(32)

Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni trasparenti, aġġornata u komparabbli dwar offerti u servizzi hija element ewlieni għall-konsumaturi fi swieq kompetittivi fejn diversi fornituri joffru s-servizzi. Utenti finali u konsumaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jqabblu faċilment il-prezzijiet ta’ diversi servizzi offruti fis-suq abbażi ta’ informazzjoni pubblikata f’forma faċilment aċċessibbli. Sabiex il-konsumatur ikun jista’ faċilment iqabbel il-prezzijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeżiġu minn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi iktar trasparenza dwar informazzjoni (inklużi tariffi, xejriet ta’ konsum, u statistika rilevanti oħra) u li jiżguraw li partijiet terzi jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas informazzjoni pubblikament disponibbli li tkun ippubblikata minn dawn l-impriżi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ukoll ikunu jistgħu jagħmlu disponibbli gwidi tal-prezzijiet, b’mod partikolari fejn is-suq ma pprovdihomx mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli. Impriżi ma għandhomx ikunu intitolati għal ebda remunerazzjoni għall-użu ta’ informazzjoni li diġà kienet ġiet pubblikata u għalhekk tappartjeni għad-dominju pubbliku. Barra minn hekk, utenti finali u konsumaturi għandhom ikunu infurmati adegwatament dwar il-prezz u t-tip ta’ servizz offrut qabel ma jixtru servizz, b’mod partikolari jekk numru li fuqu jsiru telefonati bla ħlas ikun suġġett għal ħlasijiet addizzjonali. Awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi provduta b’mod ġenerali, u għal ċerti kategoriji ta’ servizzi determinati minnhom, eżatt qabel ma tiġi konnessa s-sejħa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Meta jiddeterminaw il-kategoriji ta’ sejħiet li jeħtieġu informazzjoni dwar il-prezz qabel il-konnessjoni, awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont dovut tan-natura tas-servizz, il-kondizzjonijiet tal-ipprezzar li japplikaw għalih u jekk hijiex offruta minn fornitur li mhuwiex fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Bla ħsara għad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), impriżi għandhom ukoll, jekk meħtieġa mill-Istati Membri, jipprovdu lill-abbonati informazzjoni ta’ interess pubbliku prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inter alia, dwar il-ksur l-aktar komuni u l-konsegwenzi legali tagħhom.

(33)

Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni personali tagħhom fid-direttorji tal-abbonati, u b’mod partikolari bl-iskop jew skopijiet ta’ tali direttorji, kif ukoll bid-dritt tagħhom, mingħajr ħlas, li ma jkunux inklużi f’direttorju pubbliku ta’ abbonati, kif previst fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika). Il-konsumaturi għandhom ukoll jiġu infurmati dwar sistemi li jippermettu li tiġi inkluża informazzjoni fil-bażi tad-data tad-direttorju iżda li ma jiżvelawx din l-informazzjoni lil utenti ta’ servizzi tad-direttorju.

(34)

Suq kompetittiv għandu jiżgura li l-utenti finali jirċievu l-kwalità ta’ servizz li jeħtieġu, imma f’każi partikolari jista’ jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li n-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jiksbu l-livelli minimi ta’ kwalità biex ikunu evitati d-degradazzjoni tas-servizz, l-imblukkar tal-aċċess u t-tnaqqis tal-attività fit-traffiku fuq in-networks. Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizz, l-operaturi jistgħu jużaw proċeduri biex ikejlu u jimmaniġġjaw it-traffiku fuq link tan-network sabiex jiġi evitat milli jimtela l-link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed minn din il-kapaċità, xi ħaġa li tirriżulta f’konġestjoni tan-network u prestazzjoni fqira. dawk il-proċeduri għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jagixxu skont id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi u b’mod partikolari billi jindirizzaw imġiba diskriminatorja, sabiex ikun żgurat li ma tiġix ristretta l-kompetizzjoni. Jekk ikun xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu wkoll rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz fuq impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi biex jiġi żgurat li s-servizzi u l-applikazzjonijiet li jiddependu fuq in-network jitwasslu f’konformità ma’ standard minimu ta’ kwalità, suġġett għal eżami mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom is-setgħa li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw id-degradazzjoni tas-servizz, inkluż it-tfixkil tat-traffiku jew li dan jimxi aktar bil-mod, b’detriment għall-konsumaturi. Madankollu, billi rimedji inkonsistenti jistgħu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tevalwa kwalunkwe rekwiżiti maħsuba li jiġu stipulati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-possibilità ta’ intervent regolatorju madwar il-Komunità u, jekk ikun neċessarju, tagħti kummenti jew tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb applikazzjoni konsistenti ta’ rimedji.

(35)

Fin-networks IP tal-ġejjieni fejn il-forniment ta’ servizz jista’ jinfired mill-forniment tan-network, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema huma l-passi l-iżjed xierqa li għandhom jittieħdu biex tkun żgurata d-disponibbiltà tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti li jużaw networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, u l-aċċessibbiltà bla interruzzjoni għal servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ ħsara katastrofika fin-network jew f’każi ta’ force majeure, b’kont meħud tal-prijoritajiet tat-tipi differenti ta’ abbonati u limitazzjonijiet tekniċi.

(36)

Sabiex jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u l-għażla ta’ fornituri ta’ servizz li jgawdu maġġoranza ta’ utenti finali oħra, awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jispeċifikaw, fejn xieraq u fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali, rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur li għandhom jiġu sodisfatti minn impriżi li jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, li impriżi jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jieħdu vantaġġ mis-servizzi tagħhom fuq pattijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti, inklużi prezzijiet u tariffi, bħal dawk offruti lil utenti finali tagħhom oħra, irrispettivament minn kwalunkwe spejjeż addizzjonali mġarrba minnhom. Rekwiżiti oħra jistgħu jkunu relatati mal-arranġamenti bl-ingrossa bejn impriżi.

(37)

Is-servizzi ta’ assistenza mill-operatur ikopru firxa ta’ diversi servizzi għall-utenti finali. Il-forniment ta’ servizzi bħal dawn għandu jitħalla għal negozjati kummerċjali bejn il-fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u s-servizzi ta’ assistenza mill-operejter, bħal mhu l-każ għal kull servizz ieħor ta’ sostenn għall-klijenti, u m’hemmx għalfejn jitkompla l-forniment mandatarju tagħhom. Għaldaqstant, l-obbligu korrispondenti għandu jitħassar.

(38)

Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju għandhom ikunu, u ta’ sikwit huma, provduti taħt kondizzjonijiet ta’ suq kompetittiv, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (12). Miżuri applikati għas-suq bl-ingrossa li jiżguraw l-inklużjoni ta’ data ta’ utent aħħari (kemm fissa kif ukoll mobbli) f’bażijiet ta’ data għandhom jirrispettaw is-salvagwardji għall-protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika). Il-provvista orjentata lejn l-ispiża tad-data lill-fornituri tas-servizz, bil-possibilità għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ċentralizzat biex jipprovdu informazzjoni aggregata komprensiva lill-fornituri tad-direttorju, u l-forniment ta’ aċċess għan-network b’kondizzjonijiet raġonevoli u trasparenti, għandha titlesta sabiex jiġi żgurat li utenti finali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kompetizzjoni, bl-għan aħħari li tkun tista’ titneħħa r-regolamentazzjoni tal-bejgħ bl-imnut minn fuq dawn is-servizzi u l-forniment ta’ offerti tas-servizzi tad-direttorju b’kondizzjonijiet raġonevoli u trasparenti.

(39)

L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jsejħu lil u jidħlu fis-servizzi ta’ emerġenza bl-użu ta’ kwalunkwe servizz telefoniku li hu kapaċi joriġina sejħiet vokali permezz ta’ numru jew numri fil-pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali. L-Istati Membri li jużaw numri ta’ emerġenza nazzjonali oħrajn minbarra l-“112” jistgħu jimponu fuq l-impriżi obbligi simili għall-aċċess bħal dawk għan-numri ta’ emerġenza nazzjonali. L-awtoritajiet ta’ emerġenza għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw u jwieġbu telefonati fuq in-numru “112” malajr u b’mod effiċjenti almenu daqs fil-każ ta’ telefonati fuq numri ta’ emerġenza nazzjonali oħra. Huwa importanti li jiżdied l-għarfien tan-numru “112” sabiex jittejjeb il-livell ta’ ħarsien u sigurtà għaċ-ċittadini waqt l-ivvjaġġar tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, iċ-ċittadini għandhom isiru konxji, meta jivvjaġġaw fi kwalunkwe Stat Membru b’mod partikolari permezz ta’ informazzjoni pprovduta fil-vendi tal-karozzi tal-linja, fl-istazzjonijiet ferrovjarji, fil-portijiet jew l-ajruporti internazzjonali u fid-direttorji tat-telefon, fil-kjoskijiet tat-telefon u l-materjal mibgħut lill-abbonati inklużi l-kontijiet, li n-numru “112” jista’ jintuża bħala numru ta’ emerġenza uniku kullimkien ġewwa l-Komunità. Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni għandha tkompli kemm tappoġġa kif ukoll tissupplimenta inizjattivi tal-Istati Membri biex tkompli żżid il-konoxxenza tal-“112” u perjodikament biex tevalwa l-kuxjenza tal-pubbliku dwar l-“112”. L-obbligu biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata għandu jissaħħaħ sabiex jitkabbar il-ħarsien taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-impriżi għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa lil servizzi tal-emerġenza hekk kif is-sejħa tilħaq dak is-servizz indipendentement mit-teknoloġija użata. Sabiex tirreaġixxi għall-iżviluppi teknoloġiċi, inklużi dawk li jwasslu għal aktar preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi biex tiżgura aċċess effettiv għas-servizzi tal-“112” fil-Komunità għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi tal-emerġenza tal-Istati Membri.

(40)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi li jipprovdu lill-utenti finali b’servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi maħsub għal sejħiet ta’ oriġini permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali, jipprovdu aċċess affidabbli u preċiż għal servizzi ta’ emerġenza filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifikazzjonijiet u l-kriterji nazzjonali. Impriżi indipendenti min-network ma jista’ ma jkollhomx kontroll fuq in-networks u jafu ma jkunux jistgħu jiżguraw li s-sejħiet ta’ emerġenza magħmula permezz tas-servizz tagħhom ser ikunu trasferiti bl-istess affidabbiltà, peress li huma jistgħu ma jkunux kapaċi jiggarantixxu disponibbiltà tas-servizz meta jiġi meqjus li problemi relatati mal-infrastruttura mhumiex taħt il-kontroll tagħhom. Għal impriżi indipendenti min-network, l-informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina s-sejħa mhux dejjem taf tkun fattibbli teknikament. Ladarba jiġu stabbiliti standards internazzjonalment rikonoxxuti li ser jiżguraw routing u konnessjoni preċiżi u affidabbli għas-servizzi ta’ emerġenza, impriżi indipendenti min-network għandhom ukoll jissodisfaw l-obbligi relatati mal-informazzjoni dwar mnejn toriġina s-sejħa f’livell komparabbli ma’ dak meħtieġ għal impriżi oħra.

(41)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li s-servizzi ta’ emerġenza, inkluż in-numru “112”, ikunu aċċessibbli ugwalment għall-utenti finali li jkunu b’diżabbiltà, b’mod partikolari għal dawk l-utenti torox, b’impediment fis-smigħ, jew fid-diskors u dawk torox-għomja. Dan jista’ jinvolvi l-forniment ta’ apparat terminali speċjali għal utenti b’impediment fis-smigħ, servizzi ta’ trażmissjoni testwali, jew tagħmir speċifiku ieħor.

(42)

L-iżvilupp tal-kodiċi internazzjonali “3883” (l-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS)) attwalment huwa mxekkel minħabba li mhux magħruf biżżejjed, minħabba rekwiżiti proċedurali burokratiċi żżejjed u, b’konsegwenza ta’ dan, nuqqas ta’ domanda. Sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ETNS, l-Istati Membri li l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni assenjatilhom il-kodiċi internazzjonali “3883” għandhom, filwaqt li jsegwu l-eżempju tal-implimentazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell “.eu”, jiddelegaw ir-responsabilità għall-ġestjoni, l-assenjazzjoni tan-numru u l-promozzjoni tiegħu lil organizzazzjoni separata eżistenti, magħżula mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Dik l-organizzazzjoni għandha tingħata wkoll il-kompitu li tiżviluppa proposti għal applikazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li jużaw l-ETNS għal servizzi komuni Ewropej, bħal numru komuni biex jiġi rrappurtat serq ta’ terminali mobbli.

(43)

Meta jiġu kkunsidrati l-aspetti partikolari relatati mar-rappurtar ta’ tfal nieqsa u d-disponibilità attwali limitata ta’ dan is-servizz, l-Istati Membri mhux biss għandhom jirriżervaw numru, iżda wkoll jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li servizz għar-rappurtar ta’ tfal nieqsa ikun effettivament disponibbli fit-territorji tagħhom permezz tan-numru 116000 mingħajr dewmien. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun xieraq, fost affarijiet oħra, jorganizzaw proċeduri ta’ offerti sabiex jistiednu lill-partijiet interessati sabiex jipprovdu dak is-servizz.

(44)

Sejħiet bil-vuċi jibqgħu l-aktar forma b’saħħitha u affidabbli ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza. Mezzi oħra ta’ kuntatt, bħal messaġġi biċ-ċellulari, jistgħu jkunu anqas affidabbli u jistgħu jsofru min-nuqqas ta’ immedjatezza. Madankollu, l-Istati Membri, jekk iqisuha xierqa, għandhom ikunu ħielsa li jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mezzi oħra ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza li huma kapaċi li jassiguraw aċċess ekwivalenti għal sejħiet vokali.

(45)

F’konformità mad-Deċiżjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar ir-riżervar tal-firxa tan-numri nazzjonali li jibdew b’ “116” għal numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (13), il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jirriżervaw numri fil-firxa ta’ numri “116” għal ċerti servizzi ta’ valur soċjali. Id-dispożizzjonijiet adegwati ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu riflessi fid-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) sabiex jiġu integrati aktar fis-sod fil-qafas regolatorju għal networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex jiffaċilitaw l-aċċess minn utenti finali b’diżabbiltà.

(46)

Is-suq uniku jimplika li l-utenti finali jista’ jkollhom aċċess għan-numri kollha inklużi fil-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni ta’ Stati Membri oħra, u għas-servizzi, li jużaw numri li m’humiex ġeografiċi fl-ambitu tal-Komunità inklużi, fost oħrajn, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum. L-utenti finali għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS) u numri ta’ Telefonati Bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN). L-aċċess transkonfinali għar-riżorsi ta’ numerazzjoni u għas-servizz assoċjat m’għandux jiġi ostakolat ħlief f’każi ġustifikati b’mod oġġettiv, pereżempju għall-ġlieda kontra l-frodi jew l-abbuż (eż. f’konnessjoni ma’ ċerti servizzi ta’ rati primjum) meta n-numru jkun definit bħala li għandu ambitu nazzjonali biss (per eżempju kodiċi qasir nazzjonali), jew meta teknikament u ekonomikament mhumiex fattibbli. L-utenti għandom jingħataw informazzjoni sħiħa bil-quddiem b’mod ċar dwar kwalunkwe ħlasijiet applikabbli għan-numri ta’ telefonati bla ħlas, bħall-ħlasijiet għal sejħiet internazzjonali aċċessibbli permezz ta’ kodiċi standard ta’ ddajljar internazzjonali.

(47)

Sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jibdlu minn fornitur għal ieħor meta jkun fl-interess tagħhom li jagħmlu dan. Hu essenzjali li jiġi żgurat li dan ikunu jistgħu jagħmluh mingħajr ma jiġu mfixkla minn ostakli legali, tekniċi jew metodi prattiċi, inklużi kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, eċċ. kuntrattwali. Il-portabbiltà tan-numri huwa faċilitatur ewlieni tal-għażliet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni effikaċi fis-swieq kompetittivi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien żejjed, hekk li n-numru ikun funzjonalment attivat fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol u l-utent ma jesperjenzax telf ta’ servizz li jdum aktar minn ġurnata waħda tax-xogħol. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippreskrivu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti u l-iżviluppi teknoloġiċi. L-esperjenza miksuba f’uħud mill-Istati Membri wriet li hemm riskju li l-konsumaturi jinbidlilhom il-fornitur mingħajr ma jkun ingħata l-kunsens tagħhom. Filwaqt li din hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata l-ewwel nett mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu miżuri proporzjonati minimi bħal dawn fir-rigward tal-proċess ta’ kommutazzjoni, inklużi sanzjonijiet xierqa, kif huma meħtieġa biex jitnaqqsu riskji bħal dawn u sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni, mingħajr ma l-proċess isir inqas attraenti għalihom.

(48)

Obbligi ta’ trasmissjoni “must-carry” legali jistgħu jiġu applikati għal servizzi speċifiċi ta’ radju u ta’ kanali ta’ trasmissjoni televiżiva u lil servizzi komplimentari forniti minn fornitur ta’ servizz tal-media speċifiku. L-Istati Membri għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni ċara għall “obbligi ta’ ridiffużjoni” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li dawn l-obbligi huma trasparenti, proporzjonati u definiti kif xieraq. F’dan ir-rigward, l-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom jitfasslu b’mod li jiġu pprovduti inċentivi suffiċjenti għal investiment effiċjenti fl-infrastruttura. L-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom ikunu eżaminati perjodikament sabiex jinżammu aġġornati mal-evoluzzjoni teknoloġika u tas-suq biex jiġi żgurat li jkomplu jkunu proporzjonati għall-għanijiet li jridu jinkisbu. Servizzi ta’ komplimentarjetà jinkludu, iżda m’humiex limitati għal servizzi maħsuba biex tittejjeb l-aċċessibiltà għal utenti b’diżabbiltajiet, bħat-test bil-video, sottotitlar, deskrizzjoni awdjo jew lingwa tas-sinjali.

(49)

Sabiex jintgħelbu n-nuqqasijiet eżistenti f’termini ta’ konsultazzjonijiet mal-konsumaturi u sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-interessi taċ-ċittadini, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżu ta’ konsultazzjoni xieraq. Dan il-mekkanimu jista’ jieħu l-forma ta’ entità li, indipendentement mill-awtorità regolatorja nazzjonali u mill-fornituri tas-servizzi, twettaq riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-konsumatur, bħall-imġiba tal-konsumaturi u mekkaniżmi għall-bdil minn fornitur għal ieħor, u li topera b’mod trasparenti u tikkontribwixxi għall-mekkaniżmi eżistenti għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Barra minn dan, jista’ jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-iskop li jippermetti kooperazzjoni xierqa dwar kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni ta’ kontenut legali. Madankollu, kwalunkwe proċeduri ta’ kooperazzjoni maqbula skont tali mekkaniżmu m’għandhomx jippermettu sorveljanza sistematika ta’ użu tal-Internet.

(50)

L-obbligi ta’ Servizz Universali imposti fuq impriża maħtura bħala waħda b’obbligi ta’ servizz universali għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

(51)

Id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) tistipula l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità. Fejn miżuri maħsuba sabiex jiżguraw li t-tagħmir terminali huwa mibni biex jissalvagwardja l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza huma adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 rigward l-istandardiżazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni (14), dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

(52)

Żviluppi li jirrigwardaw l-użu tal-indirizzi tal-IP għandhom jiġu osservati mill-qrib, billi jitqies ix-xogħol li jkun diġà sar, fost l-oħrajn, mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (15), u fid-dawl ta’ proposti bħal dawn skont kif ikun meħtieġ.

(53)

L-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku safejn hu strettament meħtieġ sabiex tkun żgurata s-sigurtà tan-network u tal-informazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta’ network jew sistema ta’ informazzjoni li tirreżisti, b’ċertu livell ta’ fiduċja, għal fatti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibilità, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta’ data maħżuna jew trażmessa, u s-sigurtà tas-servizzi relatati offruti minn jew aċċessibbli permezz ta’ dawn in-networks u s-sistemi, minn fornituri ta’ teknoloġiji u servizzi tas-sigurtà meta jaġixxu bħala kontrolluri tad-data hija suġġetta għall-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE. Pereżempju dan jista’ jinkludi aċċess mhux awtorizzat għal networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u distribuzzjoni ta’ kodiċi malizzjuż u t-twaqqif ta’ attakki taċ-ċaħda ta’ servizz, u d-danni lis-sistemi tal-kompjuter u tal-komunikazzjoni elettronika.

(54)

Il-liberalizzazzjoni ta’ swieq ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel flimkien taw spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-kompetizzjoni u rriżultaw f’diversità għanja ta’ servizzi għall-utenti finali aċċessibbli permezz ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi u l-utenti jingħataw l-isess livell ta’ ħarsien tal-privatezza u d-data personali, irrispettivament mit-teknoloġija użata għall-forniment ta’ servizz partikolari.

(55)

F’konformità mal-għanijet tal-qafas regolatorju għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u, mal-prinċipji tal-proporzjonalita’ u s-sussidjarjetà, u għal finijiet taċ-ċertezza u l-effiċjenza legali kemm għan-negozji Ewropej kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) tiffoka fuq in-networks jew is-servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika, u ma tapplikax għall-gruppi magħluqa ta’ utenti jew għan-networks korporattivi.

(56)

Il-progress teknoloġiku jippermetti l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda bbażati fuq tagħmir għall-ġbir tad-data u l-identifikazzjoni, li jista’ jkun tagħmir li ma jkollux kuntatt bil-wajer li juża frekwenzi radju. Pereżempju, it-Tagħmir ta’ Identifikazzjoni permezz ta’ Frekwenza tar-Radju (RFIDs) juża frekwenzi radju biex jaqbad data minn tabelli esklużivament identifikati, li mbagħad tista’ tiġi ttrasferita fuq networks ta’ komunikazzjonijiet eżistenti. L-użu wiesa’ ta’ dawn it-teknoloġiji jista’ jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi u soċjali kbar u b’hekk tingħata kontribuzzjoni b’saħħitha għas-suq intern jekk l-użu tagħhom ikun aċċettabbli għaċ-ċittadini. Biex jinkiseb dan, hu meħtieġ li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-individwi, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-ħarsien tad-data, jkunu mħarsa. Meta dan it-tagħmir jiġi kkunnettjat ma’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, jew meta jagħmel użu minn servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala infrastrutura bażika, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), inklużi dawk dwar id-data tas-sigurtà, it-traffiku u l-lokazzjoni u d-data dwar il-kunfidenzjalità.

(57)

Il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jieħu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura s-sigurtà tas-servizzi tiegħu. Bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet li jkunu strettament awtorizzati legalment u li jkunu protetti kemm id-data personali maħżuna jew trażmessa u kif ukoll in-network u s-servizzi. Barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita politika dwar is-sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jiġu identifikati dgħufiji fis-sistema, u għandhom jitwettqu regolarment monitoraġġ u azzjoni preventiva, korrettiva u li tnaqqas l-effetti tal-problemi.

(58)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini billi, inter alia, jikkontribwixxu għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ ħarsien tad-data persunali u l-privatezza. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jesegwixxu dmirijiethom, inkluż data komprensiva u affidabbli dwar inċidenti ta’ sigurtà attwali li jkunu rrendew id-data personali ta’ individwi fi stat kompromettenti. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ fuq il-miżuri meħuda u jiddisseminaw il-prattika korretta fost il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku. Il-fornituri għandhom għalhekk iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali sabiex jippermettu aktar analiżi u valutazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(59)

Il-liġi Komunitarja timponi dazji fuq l-kontrolluri tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, inkluż l-obbligu li jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa ta’ protezzjoni kontra pereżempju t-telf ta’ data. Ir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ ksur ta’ data li jinsabu fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) jipprovdu struttura ta’ notifika lill-awtoritajiet u lill-individwi kompetenti kkonċernati, meta data personali tkun ġiet madankollu kompromessa. Dawn ir-rekwiżiti ta’ notifika huma limitati għall-ksur tas-sigurtà li jseħħ fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madankollu, in-notifika tal-ksur tas-sigurtà tirrifletti l-interess ġenerali taċ-ċittadini li jkunu informati dwar fallimenti tas-sigurtà li jistgħu jirriżultaw fit-telfien tad-data personali tagħhom jew li din tiġi kompromessa bi kwalunkwe mod ieħor, kif ukoll li jkunu infurmati dwar prekawzjonijiet disponibbli jew rakkomandabbli li jistgħu jieħdu biex jimminimizzaw il-possibbilta’ ta’ telf ekonomiku jew ħsara soċjali li jistgħu jirriżultaw minn fallimenti ta’ dan it-tip. L-interess ġenerali tal-utenti li jiġu notifikati huwa b’mod ċar mhux limitat għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u għalhekk rekwiżiti ta’ notifika espliċiti u obbligatorji applikabbli għas-setturi kollha għandhom jiġu introdotti fil-livell Komunitarju bħala kwistjoni ta’ prijorità. Sakemm issir reviżjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni ta’ kull leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità f’dan il-qasam, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tieħu l-passi xierqa mingħajr dewmien sabiex tinkoraġġixxi l-applikazzjoni fil-Komunità kollha tal-prinċipji inkorporati fir-regoli tan-notifika ta’ ksur ta’ data fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), irrispettivament mir-settur jew mit-tip tad-data konċernata.

(60)

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ fuq il-miżuri meħuda u jiddisseminaw il-prattika korretta fost il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament.

(61)

Ksur ta’ data personali jekk ma jiġix ittrattat b’mod adegwat u fil-waqt, jista’ jirriżulta f’telf ekonomiku u dannu soċjali sostanzjali, inkluż frodi tal-identità, għall-abbonat jew l-individwu kkonċernat. Għalhekk, hekk kif il-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament isir jaf li jkun seħħ tali ksur, huwa għandu jinnotifika l-ksur lill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-abbonati jew l-individwi li d-data tagħhom u l-privatezza tista’ tkun affettwata ħażin minn ksur bħal dan għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien biex ikunu jistgħu jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Il-ksur għandu jitqies bħala effett ħażin fuq id-data u l-privatezza tal-abbonat jew tal-individwu meta din tista’ tirriżulta pereżempju. f’serq ta’ identità jew frodi, ħsara fiżika sinifikanti, umiljazzjoni jew ħsara għar-reputazzjoni jew f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament fil-Komunità. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-fornitur biex jittratta l-ksur, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-abbonat jew l-individwu kkonċernat.

(62)

Meta jimplimentaw miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw il-liġi nazzjonali tagħhom b’mod konsistenti ma’ dik id-Direttiva, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jistriħux fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’konflitt ma’ drittijiet fundamentali jew prinċipji ġenerali oħrajn tal-liġi Komunitarja, bħall-prinċipju tal-proporzjonalità.

(63)

Għandu jkun hemm provvediment għall-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għall-informazzjoni u r-rekwiżiti ta’ notifika sabiex jinkiseb livell adegwat ta’ protezzjoni tal-privatezza u sigurtà tad-data personali mibgħuta jew ipproċessata f’konnessjoni mal-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern.

(64)

Waqt l-iffissar ta’ regoli dettaljati fir-rigward tal-format u l-proċeduri applikabbli fin-notifika ta’ ksur ta’ data personali, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi tal-ksur, speċjalment dwar jekk id-data personali kenitx imħarsa jew le minn miżuri tekniċi xierqa ta’ protezzjoni, li kienu jillimitaw b’mod effettiv il-probabbiltà li jitwettqu frodi tal-identità jew forom oħra ta’ użu ħażin. Barra dan, dawn ir-regoli u proċeduri għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’każi fejn żvelar bikri jista’ jfixkel mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’ ksur partikolari.

(65)

Is-software li bil-moħbi jissorvelja l-azzjonijiet tal-utent u/jew jimmina l-operazzjoni tat-tagħmir terminali tal-utent għall-benefiċċju ta’ parti terza (“spyware”) joħloq theddida serja għall-privatezza tal-utenti, u l-istess il-viruses. Jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli u ugwali ta’ ħarsien tal-isfera privata tal-utenti, irrispettivament jekk il-programmi tal-ispijar jew viruses mhux mixtieqa kinux ġew dawnlowdjati involontarjament permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew kinux fornuti u installati moħbija f’software li jkun tqassam fuq midja esterna ta’ ħżin tad-data bħalma huma s-CDs, is-CD-Roms jew l-istikek tal-USB. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-provvediment ta’ informazzjoni lill-utenti finali dwar il-prekawzjonijiet disponibbli u jħeġġuhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jipproteġu t-tagħmir terminali tagħhom kontra viruses u spyware.

(66)

Partijiet terzi jistgħu jkunu jixtiequli jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir tal-utent, jew jiksbu aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, għal numru ta’ skopijiet, li jvarjaw minn intrużjoni leġittima (bħal ċerti tipi ta’ cookies) għal intrużjoni bla permess fl-isfera privata (bħal spyware jew viruses). Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li l-utenti jkunu provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva meta jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta f’tali ħażna jew fi ksib ta’ aċċess. Il-metodi ta’ kif tingħata informazzjoni u kif jiġi offrut id-dritt ta’ rifjut għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Eċċezzjoni għall-obbligu li jipprovdu informazzjoni u li joffru d-dritt ta’ rifjut għandha tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ħażna teknika jew l-aċċess ikunu strettament meħtieġa għall-iskop leġittimu li jkun permess l-użu ta’ servizz speċifiku espliċitament mitlub mill-abbonat jew mill-utent. Fejn huwa teknikament possibbli u effettiv, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE, il-kunsens tal-utent għall-ipproċessar jista’ jiġi espress bl-użu tal-issettjar adatt ta’ browser jew applikazzjoni oħra. L-infurzar ta’ dawn ir-rekwiżiti għandu jsir aktar effettiv permezz tal-poteri mtejba mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti.

(67)

Is-salvagwardji pprovduti għall-abbonati kontra l-intrużjoni fil-privatezza tagħhom minn komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz tal-posta elettronika, għandhom jkunu applikabbli wkoll għall-SMS, l-MMS u tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili.

(68)

Il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jridu jagħmlu investimenti sostanzjali biex issir il-ġlieda kontra komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba (“spam”). Huma jinsabu wkoll f’pożizzjoni aħjar mill-utenti finali biex ikollhom l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex jikxfu u jidentifikaw lil min jispammja. Il-fornituri tal-servizzi ta’ korrispondenza elettronika u fornituri oħra ta’ servizzi għandu għalhekk ikunu jistgħu jibdew azzjoni legali kontra min jispammja u għalhekk jiddefendu l-interessi tal-klijenti tagħhom, kif ukoll l-interessi kummerċjali leġittimi tagħhom stess.

(69)

Il-ħtieġa biex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-privatezza u d-data personali trażmessa u pproċessata f’konnessjoni mal-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità teżiġi implimentazzjoni effikaċi u setgħat għall-infurzar sabiex ikunu pprovduti inċentivi xierqa għall-konformità. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn meħtieġ, korpi nazzjonali oħra konċernati, għandu jkollhom setgħat u riżorsi suffiċjenti biex jinvestigaw każi ta’ nuqqas ta’ konformità b’mod effettiv, inklużi setgħat biex jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom bżonn, biex jiddeċiedu dwar l-ilmenti u biex jimponu sanzjonijiet f’każi ta’ nuqqas ta’ konformità.

(70)

L-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva spiss jeħtieġu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, pereżempju biex jikkumbattu spam u spyware transkonfinali. Biex f’każijiet bħal dawn tkun żgurata koperazzjoni mingħajr intoppi u minnufih, il-proċeduri dwar pereżempju l-kwantità u l-format tal-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet jew l-iskadenzi li jridu jiġu osservati għandhom ikunu ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti, wara li jkunu verifikati mill-Kummissjoni. Dawn il-proċeduri jippermettu wkoll li l-obbligi li jirriżultaw għall-atturi tas-suq ikunu armonizzati, li jservi ta’ kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd fil-Komunità.

(71)

Il-koperazzjoni u l-infurzar transkonfinali għandhom jiġu nfurzati b’mod konformi mal-mekkaniżmi Komunitarji ta’ infurzar transkonfinali eżistenti bħal dak stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ir-Regolament dwar koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (16) permezz ta’ emenda għal dak ir-Regolament.

(72)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (17).

(73)

B’mod partikolari, is-setgħa għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni biex tadottata miżuri implimentattivi dwar aċċess effettiv tas-servizzi tal-“112”, kif ukoll emendi biex tadatta l-Annessi għall-progress tekniku jew il-bidliet fid-domanda. Għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi li jikkonċernaw informazzjoni u rekwiżiti ta’ notifika u s-sigurtà tal-ipproċessar. Billi dawn il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) billi jissupplimentawhom b’elementi ġodda mhux essenzjali, iridu jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Minħabba li t-twettiq tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, bil-limiti ta’ żmien normali, f’ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali jista’ jimpedixxi l-adozzjoni fil-ħin tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu azzjoni rapida biex jiżguraw l-adozzjoni fil-ħin ta’ dawn il-miżuri.

(74)

Meta tkun qed taddotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar is-sigurtà tal-ipproċessar, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej relevanti (l-Aġenzija Ewropea ta’ Sigurtà tan-Network (ENISA) u tal-Informazzjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE), kif ukoll mal-partijiet interessati relevanti l-oħra kollha, b’mod partikolari biex tkun infurmata dwar l-aqwa meżżi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(75)

Id-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandhom għalhekk jiġu emendati f’dan is-sens.

(76)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (18), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn id-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendament tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)

Id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) hija b’dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir terminali fil-postijiet fejn joperaw l-konsumaturi. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tagħmir ta’ terminal, inklużi dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġi faċilitat aċċess għal utenti b’diżabbiltà.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli. Fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi mandatarji.

3.   Din id-Direttiva la tirrikjedi u lanqas tipprojbixxi kondizzjonijiet imposti mill-fornituri ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi disponibbli pubblikament, li jillimitaw l-aċċess u/jew l-użu tal-utenti finali fir-rigward ta’ servizzi u applikazzjonijiet, fejn dan ikun permess skont il-liġi nazzjonali u f’konformità mad-dritt Komunitarju, iżda tistabbilixxi l-obbligu li jipprovdu informazzjoni rigward kondizzjonijiet bħal dawn. Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess ta’ utenti finali jew l-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni naturali, anke fejn għandha x’taqsam il-privatezza u l-proċess skont il-liġi, kif definit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-utenti finali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE u 97/7/KE, u r-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja.”;

2.

l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) għandu jiġi mħassar;

(b)

il-punt (c) u (d) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

‘servizz telefoniku pubblikament disponibbli’ tfisser servizz disponibbli għall-pubbliku li joriġina u jirċievi, direttament jew indirettament, sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali, permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali;

(d)

‘numru ġeografiku’ tfisser numru mill-pjan ta’ numerazzjoni telefoniku nazzjonali fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP);”;

(c)

il-punt (e) għandu jiġi mħassar;

(d)

il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

‘numru mhux ġeografiku’ tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi, inter alia, numri mobbli, numri bla ħlas u numri b’rati primjum.”;

3.

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f’post fiss ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet għandhom jintlaqgħu mill-inqas minn impriża waħda.

2.   Il-konnessjoni provduta għandha tkun kapaċi ssostni l-komunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-data, b’rati tad-data li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet meta jitqiesu t-teknoloġiji prevalenti użati mill-maġġoranza tal-abbonati u l-fattibbiltà teknoloġika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għall-forniment ta’ servizz telefoniku disponibbli pubblikament, fuq il-konnessjoni tan-network imsemmija fil-paragrafu 1, li jippermetti li joriġinaw u jirċievu sejħiet nazzjonali u internazzjonali għandhom jiġu sodisfati mill-inqas minn impriża waħda.”;

4.

l-Artikolu 5(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fid-direttorji li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jidhru, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (*), l-abbonati kollha tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.

(*)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;"

5.

it-titolu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 6(1) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Telefoni pubbliċi bi ħlas u punti oħrajn ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi

1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu obbligi fuq impriżi sabiex jiġi żgurat li t-telefoni pubbliċi bi ħlas jew punti ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi oħra jiġu provduti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet raġonevoli ta’ utenti finali f’termini ta’ kopertura ġeografika, in-numru ta’telefoni jew punti ta’ aċċess oħra, l-aċċessibilità għal utenti finali b’diżabbiltà u l-kwalità tas-servizzi.”;

6.

l-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Miżuri għal utenti finali b’diżabbiltà

1.   Sakemm ma jkunux ġew speċifikati rekwiżiti taħt il-Kapitolu IV li jiksbu l-effett ekwivalenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-aċċess għal, u affordabbiltà tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 (3) u 5 għal utenti finali b’diżabbiltà huwa ekwivalenti għal-livell gawdut minn utenti finali oħrajn. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw il-ħtieġa ġenerali u r-rekwiżiti speċifiċi, inkluż sa fejn iwasslu tali miżuri għall-utenti finali b’diżabbiltà u l-forma konkreta tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, biex jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-opportunità disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali li jagħżlu bejn impriża u oħra jew fornitur tas-servizzi u ieħor.

3.   Meta l-Istati Membri jkunu qed jieħdu l-miżuri msemmija f’Paragrafi 1 u 2, huma għandhom jinkuraġġixxu konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet relevanti ppublikati f’ konformita' mal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

7.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“3.   Meta impriża maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 jkollha l-intenzjoni li tiddisponi mill-assi kollha tagħha jew parti sostanzjali minnhom tan-network lokali ta’ aċċess disponibbli għal entità legali separata taħt appartenenza differenti, hija għandha tinforma bil-quddiem lill-awtorità regolatorja nazzjonali b’mod f’waqtu sabiex dik l-awtorità tkun tista’ tivvaluta l-effett tat-transazzjoni intiża fuq il-forniment ta’ aċċess għal post fiss u ta’ servizzi telefoniċi skont l-Artikolu 4. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ timponi, temenda jew tirtira obbligi speċifiċi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).”;

8.

l-Artikolu 9(1) u (2) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw li l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 sa 7 jkunu jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u li jkunu jew provduti minn impriżi maħtura, jew disponibbli fis-suq jekk l-ebda impriża ma tkun ġiet maħtura fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell nazzjonali tal-prezzijiet u l-introjtu tal-konsumatur.

2.   L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impriżi maħtura jipprovdu lill-konsumaturi għażliet jew pakketti ta’ tariffi lill-konsumaturi li jitbiegħdu minn dawk ipprovduti taħt kondizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux imċaħħda mill-aċċess għan-network imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew milli jużaw is-servizzi identifikati fl-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6 u 7 li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u pprovduti minn impriżi maħtura.”

9.

l-Artikolu 11(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu miri ta’ prestazzjoni għal impriżi b’obbligi ta’ servizz universali. Meta jagħmlu hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati, partikolarment kif imsemmi fl-Artikolu 33.”;

10.

it-titolu tal-Kapitolu III għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“KONTROLLI REGOLATORJI FUQ IMPRIŻI B’SETGĦA KBIRA FIS-SUQ FI SWIEQ SPEĊIFIĊI TA’ BEJGĦ BL-IMNUT”;

11.

l-Artikolu 16 għandu jiġi mħassar;

12.

l-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu obbligi regolatorji xierqa fuq dawk l-impriżi li jkunu ġew identifikati bħala li għandhom setgħa qawwija fis-suq fir-rigward ta’ suq partikolari għall-bejgħ bl-imnut skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) fejn:

(a)

bħala riżultat ta’ analiżi tas-suq imwettaq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), awtorità regolatorja nazzjonali tiddetermina li suq partikolari ta’ bejgħ bl-imnut identifikat skont l-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva ma jkunx effettivament kompetittiv; kif ukoll

(b)

l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi imposti skont l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess), ma jkunux ser jirriżultaw fil-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

13.

l-Artikoli 18 u 19 għandhom jiġu mħassra;

14.

l-Artikoli 20 sa 23 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Kuntratti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi. Tali kuntratt għandu mill-anqas jispeċifika f’forma ċara, komprensiva u ħafifa u aċċessibbli:

(a)

l-identità u l-indirizz tal-impriża;

(b)

is-servizzi provduti, inkluż b’mod partikolari:

jekk hux qed jingħata aċċess għal servizzi ta’ emerġenza u jekk hux qed tingħata informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata u/jew kwalunkwe limitazzjonijiet fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ emerġenza skont l-Artikolu 26,

informazzjoni dwar kwalunkwe kondizzjoni oħra li tillimita l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali konformement mal-liġi Komunitarja,

il-livelli ta’ kwalità minimi tas-servizzi offruti, inkluż iż-żmien meħtieġ għall-konnessjoni inizjali u, jekk ikun il-każ, parametri oħra ta’ kwalità tas-servizz, kif definiti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali,

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-impriża biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat li jimtela n-network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u informazzjoni dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz,

it-tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni offruti u s-servizzi ta’ appoġġ għall-klijenti pprovduti, kif ukoll il-metodi ta’ kuntatt ma’ dawn is-servizzi,

kwalunkwe restrizzjonijiet imposti mill-fornitur dwar l-użu ta’ tagħmir terminali pprovdut;

(c)

meta jeżisti obbligu taħt l-Artikolu 25, l-għażliet tal-abbonat dwar jekk tiġi inkluża jew le d-data personali tiegħu jew tagħha f’direttorju u d-data konċernata;

(d)

dettalji tal-prezzijiet u t-tariffi, inkluż il-mezzi li bihom tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet tal-manutenzjoni kollha applikabbli, metodi ta’ pagament offruti u kwalunkwe differenzi fl-ispejjeż dovuti minħabba l-metodu tal-pagament;

(e)

it-tul tal-kuntratt u l-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt, inkluż:

kwalunkwe użu minimu meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika minn kondizzjonijiet promozzjonali,

kwalunke tariffi relatati mal-portabbiltà ta’ numri u identifikaturi oħra,

kwalunke tariffi dovuti mat-terminazzjoni tal-kuntratt, inkluż kwalunkwe rkupru ta’ spiża fir-rigward ta’ tagħmir terminali;

(f)

kwalunkwe kumpens u l-arranġamenti għal rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizzi b’kuntratt ma jintlaħqux;

(g)

il-mezz ta’ kif jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ disputi skont l-Artikolu 34;

(h)

it-tip ta’ azzjoni li tista’ tittieħed mill-impriża b’reazzjoni għal inċidenti ta’ sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll li l-kuntratt jinkludi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi provduta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal dan l-iskop dwar l-użu ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, u dwar il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u data personali, imsemmija fl-Artikolu 21(4) u rilevanti għas-servizz ipprovdut.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jkollhom id-dritt li jirtiraw il-kuntratti tagħhom mingħajr penali ma’ avviż ta’ modifiki għad-detriment tal-abbonat fil-kondizzjonijiet kuntrattwali proposti mill-impriżi li jipprovdu networks u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. L-abbonati għandhom jingħataw avviż adegwat, mhux anqas minn xahar, bil-quddiem ta’ modifikazzjonijiet bħal dawk u għandhom ikunu nfurmati fl-istess waqt bid-dritt tagħhom li jirtiraw, mingħajr penalità mill-kuntratti tagħhom, jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet il-ġodda. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jispeċifikaw tali notifiki.

Artikolu 21

Trasparenza u pubblikazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex jippubblikaw informazzjoni trasparenti, komparabbli, adegwata u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, kwalunkwe ħlasijiet minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt u informazzjoni dwar termini u kondizzjonijiet standard fir-rigward tal-aċċess u l-użu tas-servizzi tagħhom pprovduti minnhom lill-utenti finali u lill-konsumaturi skont l-Anness II. Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata f’forma ċara, komprensiva u li tkun faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti addizzjonali rigward il-forma li fiha tali informazzjoni għandha tiġi pubblikata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta’ informazzjoni komparabbli biex l-utenti finali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni indipendenti tal-ispiża fuq pakketti ta’ użu alternattivi, per eżempju permezz ta’ linji gwida interattivi jew ta’ teknika simili. Meta dawn il-faċilitajiet ma jkunux disponibbli fis-suq mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu kapaċi jagħmlu tali linji gwida u tali teknika disponibbli huma stess jew billi jinkarigaw partijiet terzi. Il-partijiet terzi għandu jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas l-informazzjoni pubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli, għall-finijiet li jbiegħu jew jagħmlu disponibbli tali linji gwida interattivi jew teknika simili.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex inter alia:

(a)

jipprovdu informazzjoni applikabbli dwar it-tariffi lil abbonati rigward kwalunkwe numru jew servizz suġġett għal kondizzjonijiet ta’ prezzar partikolari; fir-rigward ta’ kategoriji individwali ta’ servizzi li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi provduta immedjatament qabel ma tiġi konnessa s-sejħa;

(b)

jgħarrfu lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fl-aċċess għal servizzi ta’ emerġenza jew informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata fis-servizz li jkunu abbonaw għalih;

(c)

jinformaw lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fil-kondizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali skont il-liġi Komunitarja;

(d)

jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-fornitur biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat milli jimtela network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz;

(e)

jinformaw lill-abbonati bid-dritt tagħhom li jiddeterminaw jekk jinkludux jew le data personali tagħhom f’direttorju u t-tipi ta’ data konċernata f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika); kif ukoll

(f)

jinfurmaw regolarment l-abbonati b’diżabbiltà bid-dettalji tal-prodotti u sevizzi maħsuba għalihom.

Jekk jitqies xieraq, awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippromwovu miżuri awto-regolatorji jew koregolatorji qabel ma jiġi impost kwalunkwe obbligu.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li impriżi msemmijin fil-paragrafu 3 jiddistribwixxu informazzjoni ta’ interess pubbliku lill-abbonati eżistenti u ġodda fejn ikun il-każ, permezz tal-istess mezzi li normalment jintużaw minnhom għall-komunikazzjonijiet tagħhom mal-abbonati. F’dak il-każ tali informazzjoni għandha tiġi prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti f’format standardizzat u għandha, inter alia, tkopri s-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-użu l-aktar komuni ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, b’mod partikolari fejn huwa jista’ jippreġudika r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, inkluż ksur ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-konsegwenzi legali tagħhom; kif ukoll

(b)

il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u d-data personali fl-użu ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

Artikolu 22

Kwalità ta’ servizz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jkunu ħadu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, ikunu jistgħu jobbigaw lill-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli biex jippubblikaw informazzjoni komparabbli, xierqa u aġġornata għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom u dwar miżuri meħudin biex ikun żgurat aċċess indaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà. Dik l-informazzjoni għandha wkoll, meta tintalab, tingħata lill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma tiġi pubblikata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċikaw, inter alia, il-parametri tal-kwalità tas-servizz li għandhom jiġu mkejla, u l-kontenut, forma u mod tal-informazzjoni li għandha tiġi publikata, inklużi mekkaniżmi possibbli ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità, sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali, inklużi l-utenti finali b’diżabilità, ikollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli, affidabbli u faċli li tiftiehem. Fejn ikun il-każ, il-parametri, id-definizzjonijiet u l-metodu tal-kejl mogħtija fl-Anness III jistgħu jintużaw.

3.   Sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tas-servizz u t-tfixkil jew r-rallentar tat-traffiku fuq in-networks, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jistabbilixxu kwalità minima ta’ rekwiżiti tas-servizzi dwar impriża jew impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi.

L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jistipulaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, ir-rekwiżiti mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll għall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC). Wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrimarka jew tagħmel xi rakkomandazzjoni dwarha, b’mod partikulari sabiex tiżgura li r-rekwiżiti previsti ma jolqtux ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu bis-sħiħ il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar ir-rekwiżiti.

Artikolu 23

Disponibbiltà tas-servizzi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà kollha possibbli tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti fuq networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-eventwalità ta’ ħsara katastrofika fin-network jew f’każi ta’ force majeure. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw aċċess mingħajr interruzzjoni għas-servizzi ta’ emerġenza.”;

15.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 23a

L-iżgurar ta’ aċċess u għażla ndaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex jispeċifikaw, fejn ikun il-każ, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli pubblikament biex ikun żgurat li utenti finali b’diżabbiltà:

(a)

ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkun daqs dak li minnu jgawdu l-maġġoranza tal-utenti finali; kif ukoll

(b)

jibbenefikaw mill-għażla tal-impriżi u s-servizzi disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali.

2.   Sabiex ikunu jistgħu jadottaw u jimplimentaw arranġamenti speċifiċi għal utenti finali b'diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom iħeġġu d-disponibbiltà ta’ tagħmir terminali li joffri s-servizzi u l-funzjonijiet meħtieġa.”;

16.

l-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon”;

(b)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżla fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u li jkollhom l-informazzjoni tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi u/jew direttorji ta’ konsultazzjoni tad-direttorju f’konformità mal-paragrafu 2.”;

(c)

il-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali kollha provduti b’servizz telefoniku pubblikament disponibbli jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi u kondizzjonijiet fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Access). Tali obbligi u kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivi, ekwitabbli, non-diskrimatorji u trasparenti.

4.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu xi restrizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu lill-utenti finali fi Stat Membru wieħed milli jaċċessaw direttament is-servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ sejħiet bil-vuċi jew SMS, u għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw tali aċċess f’konformità mal-Artikolu 28.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).”;

17.

l-Artikoli 26 u 27 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Article 26

Servizzi ta’ emerġenza u n-numru uniku Ewropew għal sejħiet ta’ emerġenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-utenti finali kollha tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas, ikunu jistgħu jċemplu lis-servizzi ta’ emerġenza mingħajr ħlas, billi jużaw in-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza, in-numru ‘112’ u numri nazzjonali ta’ sejħiet ta’ emerġenza speċifikati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, servizzi ta’ emerġenza u fornituri, għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu lill-utenti finali b’servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għal sejħiet ta’ oriġini nazzjonali lil numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali, jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejħiet fuq in-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’ għandhom jitwieġbu b’mod xieraq u ttrattati bil-mod l-aktar adattat għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza. Dawn is-sejħiet għandhom jitwieġbu u jiġu ttrattati malajr u effiċjentement almenu daqs li kieku kienu sejħiet fuq in-numru jew numri nazzjonali ta’ emerġenza, fejn dawn ikunu għadhom jintużaw.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà għal servizzi ta’ emerġenza jkun daqs dak li minnu jgawdu utenti finali oħrajn. Miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, għandhom ikunu bbażati kemm jista’ jkun possibbli fuq standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej ippubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), u m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw rekwiżiti addizzjonali biex isegwu l-għanijet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi konċernati jagħmlu l-informazzjoni dwar il-post minn fejn issir is-sejħa disponibbli mingħajr ħlas lill-awtorità li titratta sejħiet ta’ emerġenza malli s-sejħa tidħol għand l-awtorità. Dan għandu japplika għas-sejħiet kollha għan-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza ‘112’. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru sejħiet għal numri nazzjonali ta’ emerġenza. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jistabbilixxu kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta dwar il-post tal-oriġini tas-sejħa.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta’ emerġenza ‘112’, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi li jimmiraw speċifikament lil persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.

7.   Sabiex ikun żgurat l-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ ‘112’ fl-Istati Membri, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 27

Prefiss telefoniku Ewropej ta’ aċċess

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prefiss ‘00’ hu l-prefiss standard ta’ aċċess għan-network telefoniku internazzjonali. Jistgħu jintgħamlu jew jitkomplew arranġamenti speċjali biex isiru sejħiet bejn lokalitajiet transkonfinali qrib xulxin bejn Stati Membri. L-utenti finali fil-lokalitajiet konċernati għandhom jingħataw informazzjoni sħiħa dwar arranġamenti bħal dawn.

2.   Entità legali, stabbilita fil-Komunità u maħtura mill-Kummissjoni, għandu jkollha r-responsabilità unika għall-ġestjoni, inkluża l-assenjazzjoni tan-numri, u l-promozzjoni tal-Ispazju Ewropew ta’ Numerazzjoni Telefonika (ETNS). Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli meħtieġa għall-implimentazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku jiġġestjonaw is-sejħiet kollha lejn l-ETNS u li joriġinaw mill-ETNS, b’rati li jkunu jixbhu ‘l dawk applikati għas-sejħiet lejn u minn Stati Membri oħra.”;

18.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 27a

Numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali, inkluż in-numru hotline għat-tfal nieqsa

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu n-numri speċifiċi fil-firxa ta’ numri li jibdew b’ ‘116’ identifikati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar ir-riżervar tal-firxa ta’ numri nazzjonali li jibdew b’ ‘116’ għal numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (**). Huma għandhom iħeġġu l-forniment fit-territorju tagħhom tas-servizzi li għalihom huma rriżervati tali numri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom l-akbar aċċess possibbli għal servizzi pprovduti taħt il-firxa ta’ numri ‘116’. Miżuri meħuda biex jiffaċilitaw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal servizzi waqt li jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra għandhom ikunu konformi mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti pubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu ta’ servizzi previsti taħt il-firxa ta’ numri ‘116’, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi speċifkament immirati għal persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom, barra minn miżuri ta’ applikabbiltà ġenerali lin-numri kollha fil-firxa ta’ numri ‘116’ meħuda f’konformità mal-paragrafi 1, 2, u 3, jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizz li jopera hotline biex jirrapporta każijiet ta’ tfal nieqsa. Il-hotline għandu jkun disoponibbli fuq in-numru 116000.

5.   Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta’ numri li jibdew bil-‘116’, b’mod partikolari tal-linja diretta għar-rappurtar ta’ tfal nieqsa ‘116000’, fl-Istati Membri, inkluż l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

(**)  ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30.”;"

19.

L-Artikolu 28 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Aċċess għal numri u servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu:

(a)

jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi fil-Komunità; kif ukoll

(b)

ikollhom aċċess għan-numri kollha provduti fil-Komunità, irrispettivament mit-teknoloġija u t-tagħmir użat mill-operatur, inklużi dawk fil-pjani ta’ numerazzjoni tal-Istati Membri, dawk mill-ETNS u n-Numri għal Sejħiet bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu jeħtieġu lil-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament biex jimblukkaw fuq bażi każ b'każ, l-aċċess għal numri jew servizzi meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ frodi jew użu ħażin, u li jeħtieġu li f’tali każijiet fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jżommu interkonnessjoni rilevanti jew dħul ieħor minn sevizzi.”;

20.

l-Artikolu 29 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 10(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku u/jew aċċess għal networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, biex jagħmlu disponibbli lill-utenti finali l-faċilitajiet ulterjuri kollha, jew parti minnhom, elenkati fil-Parti B tal-Anness I, bla ħsara għall-fattibbiltà u l-vijabbiltà ekonomika, kif ukoll il-faċilitajiet ulterjuri kollha mniżżla fil-Parti A tal-Anness I, jew parti minnhom.”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jitħassar;

21.

L-Artikolu 30 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Iffaċilitar ta’ bdil minn fornitur għal ieħor

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika jistgħu jżommu, jekk jitolbu dan, in-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti C tal-Anness I.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-prezz bejn l-operaturi u/jew il-fornituri tas-servizz relatat mal-forniment tal-portabbiltà tan-numru ikun orjentat lejn l-ispejjeż u li l-ħlasijiet diretti għall-abbonati, jekk ikun hemm, ma’ jkunx ta’ diżinċentiv għall-abbonati għall-bdil minn fornitur għall-ieħor.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabilità tan-numri b’mod li jgħawġu il-kompetizzjoni, bħal per eżempju billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni.

4.   Il-portabbiltà tan-numri u l-attivazzjoni sussegwenti tagħhom għandhom jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli. Fi kwalunkwe każ, l-abbonati li jkunu kkonkludew ftehim dwar il-portabilità ta’ numru għal impriża ġdida għandu jkollhom dak in-numru attivat fi żmien ġurnata tax-xogħol.

Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti, il-fattibbiltà teknika u l-ħtieġa li tinżamm il-kontinwità tas-servizz lill-abbonat. Fi kwalunkwe każ, il-waqfien tas-ervizz waqt il-proċess tal-porting m’għandux jeċċedi ġurnata xogħol. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom iqisu wkoll, fejn ikun meħtieġ, miżuri biex jiżguraw li l-abbonati jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni u li ma jinbidlilhomx il-fornitur kontra r-rieda tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu previsti sanzjonijiet xierqa fuq l-impriżi, inkluż l-obbligu li jagħtu kumpens lill-abbonati fil-każ ta’ dewmien fil-portabilità jew abbuż waqt li ssir il-portabilità minnhom jew f’isimhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma jagħtux mandat għal perijodu iniżjali ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar. L-Istati Membri jridu wkoll jiżguraw li l-impriżi joffru lill-utenti l-possibilità li jabbonaw b’kuntratt bi żmien massimu ta’ 12-il xahar.

6.   Bla ħsara għal kwalunkwe perijodu kuntrattwali minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ma jkunux ta’ diżinċentiv għall-bdil ta’ fornituri ta’ servizzi.”;

22.

l-Artikolu 31(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni (must carry), għat-trażmissjoni ta’ servizzi speċifiċi ta’ radju u kanali ta’ trasmissjoni televiżiva u servizzi komplimentari, b’mod partikolari servizzi ta’ aċessibbiltà biex jippermettu aċċess xieraq għal utenti b'diżabbiltà, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi wżati għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tar-radju jew ta’ kanali ta’ trasmissjoni televiżiva lill-pubbliku fejn numru sinifikanti ta’ utenti finali ta’ tali networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu servizzi bir-radju u kanali ta’ trażmissjoni televiżiva. Tali obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali kif definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.

L-obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn sena wara mill-25 ta’ Mejju 2011., ħlief meta l-Istat Membru jkun implimenta dan l-eżaminar fis-sentejn preċedenti.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw obbligi ta’ trażmissjoni ‘must carry’ fuq bazi regolari.”;

23.

l-Artikolu 33 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw sa fejn xieraq li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-utenti finali, l-konsumaturi (inklużi, b’mod partikolari, konsumaturi b’diżabbiltà), manifatturi u impriżi li jfornu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika dwar kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet kollha tal-utenti finali u konsumaturi li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, b’mod partikolari fejn ikun hemm impatt sinifikanti fuq is-suq.

B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jiżgura li fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijet tal-utent aħħari u tal-konsumatur li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-interessi tal-konsumatur f’komunikazzjonijiet elettroniċi.”;

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“3.   Bla ħsara għar-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja li tippromwovi objettivi kulturali u ta’ politika dwar il-media, bħad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu tal-midja, awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra jistgħu jippromwovu kooperazzjoni bejn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u s-setturi interessati fil-promozzjoni ta’ kontenut legali f’networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dik il-kooperazzjoni tista’ tinkludi wkoll koordinazzjoni tal-informazzjoni ta’ interess pubbliku li għandha ssir disponibbli skont l-Artikolu 21(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1).”;

24.

l-Artikolu 34(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri barra l-qorti mhux diskriminatorji, sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-ittrattar ta’ disputi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jirriżultaw taħt din id-Direttiva, li dwarhom ma tkunx intlaħqet soluzzjoni, li jkun dwar il-kondizzjonijiet kuntrattwali u/jew il-prestazzjoni ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-forniment ta’ dawn in-networks u servizzi. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li dawn il-proċeduri jippermettu li d-disputi jiġu solvuti b’mod ġust u rapidu u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. Proċeduri bħal dawn għandhom jagħmluha possibbli li t-tilwimiet jiġu solvuti b’mod imparzjali u m’għandhomx iċaħħdu lill-konsumatur mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru kwistjonijiet li jinvolvu utenti finali oħra.”;

25.

L-Artikolu 35 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Adattament tal-annessi

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi I, II, III, u VI għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fid-domanda tas-suq għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorji bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).”;

26.

l-Artikolu 36(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-obbligi ta’ servizz universali imposti fuq l-impriżi maħtura bħala impriżi li jkollhom obbligi ta’ servizz universali. Kwalunkwe tibdil li jaffettwa dawn l-obbligi imposti fuq l-impriżi jew tal-impriżi effettwati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.”;

27.

L-Artikolu 37 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Il-proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit taħt Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

28.

L-Annessi I, II, III għandhom jiġu sostitwiti bit-test li jidher fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-Anness VI għandu jkun sostitwit bit-test li jidher fl-Anness II għal din id-Direttiva;

29.

Anness VII għandu jiġi mħassar.

Artikolu 2

Emendament tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

Id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) hija b’dan emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 1(1) għandhu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”;

2.

l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;”;

(b)

il-punt (e) għandu jiġi mħassar;

(c)

il-punt li ġej għandu jiżdied:

“(h)

‘ksur ta’ data personali’ tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni, l-iżvelar mhux awtorizzat b’mod aċċidentali jew illegali ta', jew l-aċċess għal, data personali mibgħuta, maħżuna jew ipproċessata b’mod ieħor f’konnessjoni mal-provvediment ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fil-Komunità.”;

3.

L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Servizzi konċernati

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”;

4.

l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sigurtà ta’ pproċessar”;

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“1a.   Mingħajr ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:

jassiguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet awtorizzati legalment;

jipproteġu d-data personali maħżuna jew trażmessa mill-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew tibdil aċċidentali, u l-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzati jew illegali; kif ukoll

jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

L-awtoritajiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li għandhom jiksbu dawn il-miżuri.”;

(c)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

“3.   Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali l-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli konċernat jew is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifkaw il-ksur tad-data personali lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Meta l-ksur tad-data personali jista’ jaffettwa ħażin l-abbonat jew id-data personali jew il-privatezza tal-individwu, il-fornitur għandu wkoll jinnotifika l-abbonat ikkonċernat jew lill-individwu b’tali ksur mingħajr dewmien żejjed.

Ma għandhiex tkun meħtieġa notifika ta’ ksur ta’ data personali lilll-abbonat jew lill-individwu ikkonċernat jekk il-fornitur ikun wera lill-awtorità kompetenti li jkun implimenta l-miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi adatti, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data kkonċernata mill-ksur tas-sigurtà. Tali miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi għandhom irendu d-data indeċifrabbli għal kull persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għaliha.

Mingħajr ħsara għall-obbligu tal-fornitur li jinnotifika lill-abbonati jew lill-individwi ikkonċernati, jekk fornitur ma jkunx diġa nnotifika lill-abbonat jew individwu dwar ksur ta’ data personali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tkun ikkunsdrat l-effeti negattivi li jista’ jkollu l-ksur, tista’ tirrikjedi lill-fornitur biex jagħmel dan.

In-notifika lill-abbonat jew individwu għandha mill-inqas tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali u l-punti ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni, u għandha tirrakkomanda miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tal-ksur tad-data personali. In-notifika lill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, barra minn dan, tiddeskrivi l-konsegwenzi ta’ u l-miżuri proposti jew meħuda mill-fornitur biex jiġi ttrattat il-ksur tad-data personali.

4.   Suġġett għal kwalunkwe miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw linji gwida u, fejn meħtieġ, joħorġu struzzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-fornituri huma meħtieġa li jinnotifikaw ksur tad-data personali, il-format ta’ tali notifika u l-proċeduri tan-notifika. Huma għandhom jissorveljaw ukoll jekk il-fornituri jkunux issodisfaw l-obbligi tagħhom tan-notifika skont dan il-paragrafu, u fil-każ li dan ma jkunx sar, għandhom jimponu sanzjonijiet adegwati.

Il-fornituri għandhom iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali, li jkun jinkludi l-fatti ta’ dawn il-każijiet ta’ ksur, l-effetti tagħhom u l-azzjoni li ttieħdet biex jingħata rimedju, li għandu jkun biżżejjed sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. L-inventarju għandu jinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop.

5.   Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA), il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jikkonċernaw, iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni u notifika msemmija f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, partikolarment sabiex tkun infurmata dwar l-aħjar mezzi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2).”;

5.

l-Artikolu 5(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”;

6.

L-Artikolu 6(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.”;

7.

L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Komunikazzjoni mhux mitluba

1.   L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.

3.   L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.

4.   F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, mingħajr indirizz validu li r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita.

5.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-qafas tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta’ abbonati minbarra persuni naturali rigward komunikazzjonijiet mhux mitluba huma protetti b’mod suffiċjenti.

6.   Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia skont l-Artikolu 15a(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew legali affettwata ħażin minn ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu u li għaldaqstant għandha interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali ksur, inkluż fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li jħares l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu, jista’ jieħu azzjoni legali kontra tali ksur. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar pieni applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li bin-negliġenza tagħhom jikkontribwixxu għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ dan l-Artikolu.”;

8.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 14a

Proċeduta tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

9.

fl-Artikolu 15, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“1b.   Il-fornituri għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu talbiet għal aċċess għad-data personali tal-utenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adotatti skont il-paragrafu 1. Għandhom jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti, meta din titlobha, b’informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu għandhom, il-ġustifikazzjoni legali invokata u r-risposti tagħhom.”;

10.

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 15a

Implimentazzjoni u infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali, inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi u jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kwalunkwe ksur, anke fejn sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-25 ta’ Mejju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li teffettwahom.

2.   Mingħajr ħsara għal kwalunkwe soluzzjoni ġudizzjarja li tista’ tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħa li jordnaw il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħat u r-riżorsi investigattivi kollha meħtieġa, inkluż is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilvanti li jistgħu jkunu jeħtieġu biex jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiżguraw koperazzjoni effikaċi transkonfinali fl-infurzar tal-liġijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u toħloq kondizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi transkonfinali tad-data.

L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jadottaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, il-miżuri mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Il-Kummissjoni tista', wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) u lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, tagħmel kummenti u rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari biex tiżgura li l-miżuri previsti ma jaffettwawx ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-miżuri.”.

Artikolu 3

Emendament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi), għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“17.

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika): Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).”.

Artikolu 4

Transpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-25 ta’ Mejju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali adottati minnhom fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  ĠU C 181, 18.7.2008, p. 1.

(4)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2009 (ĠU C 103 E, 5.5.2009, p. 40.), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2009.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(9)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(10)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(11)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(12)  ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21.

(13)  ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30.

(14)  ĠU L 36, 7.2.1987, p. 31.

(15)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(16)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(17)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(18)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

ANNESS I

DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 29 (FAĊILITAJIET ULTERJURI) U FL-ARTIKOLU 30 (FAĊILITAZZJONI TAL-BIDLA FIL-FORNITUR)

Taqsima A   Il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10

(a)   Kontijiet dettaljati

L-Istati Mambri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, suġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, ikunu jistgħu jistabbilixxu l-livell bażiku ta’ kontijiet dettaljati li jridu jinħarġu minn impriżi lill-abbonati mingħajr ħlas sabiex dawn ikunu jistgħu:

(i)

jivverifikaw u jiċċekkjaw il-ħlasijiet għall-użu ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss u/jew li jkunu relatati ma’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli; u kif ukoll

(ii)

jissorveljaw b’mod xieraq l-użu u l-ispejjeż li jagħmlu u b’hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta’ kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.

Meta jkun xieraq, jistgħu jiġu offruti lill-abbonati livelli ulterjuri ta’ dettall għal ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.

Is-sejħiet li jkunu mingħajr ħlas mill-abbonat li jagħmel is-sejħa, inklużi s-sejħiet lil linji ta’ għajnuna, ma jridux ikunu identifikati fil-kont dettaljat tal-abbonat li jagħmel is-sejħa.

(b)   Imblukkar selettiv ta’ sejħiet ‘il barra (outgoing calls), jew SMS primjum jew MMS, jew, fejn huwa teknikament fattibbli, tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, mingħajr ħlas

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonat jista’, wara li jitlob lill-impriża maħtura biex tipprovdi servizzi telefoniċi, jimblokka, mingħajr ma jħallas, sejħiet ‘il barra jew SMS primjum jew MMS jew tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, ta’ tipi definiti jew lejn tipi definiti ta’ numri.

(c)   Sistemi ta’ ħlas minn qabel

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jipprovdu mezzi kif il-konsumaturi jħallsu għall-aċċess għal network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u għall-użu ta’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli fuq bażi ta’ termini ta’ ħlas minn qabel.

(d)   Pagament bin-nifs tal-ħlasijiet għall-konnessjoni

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jippermettu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jħallsu għall-konnessjoni ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fuq bażi ta’ pagamenti bin-nifs għal tul ta’ żmien.

(e)   Kontijiet li ma jitħallsux

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi, li għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppubblikati, biex ikopru l-kontijiet li ma jitħallsux maħruġa minn impriżi maħtura f’konformità mal-Artikolu 8. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li jingħata avviż debitu ta’ kwalunkwe interuzzjoni konsegwenti tas-servizz jew tingħata skonnessjoni lill-abbonat minn qabel. Ħlief fil-każijiet ta’ frodi, ħlas persistenti tard jew nuqqas ta’ ħlas, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw, sa fejn hu teknikament fattibbli li kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz tiġi konfinata għas-servizz ikkonċernat. L-iskonnessjoni għan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet għandha sseħħ biss wara li tingħata t-twissija debita lill-abbonat. L-Istati Membri jistgħu jippermettu żmien limitat ta’ servizz qabel l-iskonnessjoni kompleta, li matulu sejħiet biss li ma jinvolvux ħlas mill-abbonat (per eżempju sejħiet “112”) jiġu permessi.

(f)   Informazzjoni dwar it-tariffi

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonati jistgħu jitolbu lill-intrapriża biex tagħti informazzjoni dwar tariffi alternattivi rħas, jekk disponibbli.

(g)   Kontroll tal-ispiża

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-intrapriża toffri mezzi oħra, jekk jiġi determinat li dawn huma xierqa mill-awtoritajiet regolatori nazzjonali, li jikkontrollaw l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ telefonija disponibili għall-pubbliku, inklużi “alerts”’ għall-konsumaturi mingħajr ħlas f’każijiet ta’ tendenzi ta’ konsum mhux normali jew eċċessiv.

Taqsima B   Faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 29

(a)   Iddijaljar bit-ton jew DTMF (operazzjoni b’ton doppju multi-frekwenza)

jiġifieri n-network pubbliku ta’ komunikazzjoni u/jew servizzi tat-telefon pubblikament disponibbli li jappoġġaw l-użu ta’ toni DTMF kif definit fl-ETSI ETR 207 għall-issinjalar minn tarf sa tarf man-network kollu kemm fi Stat Membru partikolari kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor.

(b)   Identifikazzjoni tal-linja ta’ mnejn dieħla t-telefonata

jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi ppreżentat lill-persuna msejħa qabel ma s-sejħa tiġi stabbilita.

Din il-faċilità għandha tiġi pprovduta skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom ifornu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta tal-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta’ ddajaljar minn naħa għall-oħra tal-konfini tal-Istati Membri.

Taqsima C   L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-portabbiltà tan-numri msemmija fl-Artikolu 30

Ir-rekwiżit li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerifikazzjoni telefonika, li jitolbu dan, jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz għandu japplika:

(a)

fil-każ ta’ numri ġeografiċi, f’post speċifiku; kif ukoll

(b)

fil-każ ta’ numri mhux ġeografiċi, fi kwalunkwe post.

Din il-Parti ma japplikax għall-portabbiltà ta’ numri bejn networks li jipprovdu servizzi f’post iffissat u networks mobbli.

ANNESS II

INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA SKONT L-ARTIKOLU 21

(TRASPARENZA U PUBBLIKAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI)

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-informazzjoni f’dan l-Anness tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 21. Hi r-responsabbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli u liema informazzjoni għandha tkun ippubblikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

1.   Isem/ismijiet u indirizz(i) tal-impriża/i

Ismijiet u l-indirizzi tal-uffiċċju prinċipali tal-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli.

Deskrizzjoni tas-servizzi offruti

2.1.   Ambitu tas-servizzi offruti

2.2.   Tariffi standard li jindikaw li servizzi provduti u l-kontenut ta’ kull element tat-tariffa (pereżempju ħlasijiet għal aċċess, it-tipi kollha ta’ miżati għall-użu, miżati għall-manutenzjoni), kif ukoll inklużi dettalji dwar roħs standard applikat u skemi speċjali u skemi ta’ tariffi mmirati u kwalunkwe ħlasijiet addizzjonali, kif ukoll spejjeż fir-rigward ta’ tagħmir terminali.

2.3.   Politika ta’ kumpens/refużjoni, inklużi dettalji speċifiċi dwar kwalunkwe skemi ta’ kumpens/refużjoni li jkunu qed jiġu offruti.

2.4.   Tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni li jkun qed jiġi offrut.

2.5.   Kondizzjonijiet ta’ kuntratt standard, inklużi kwalunkwe perjodu kuntrattwali minimu, terminazzjoni ta’ kuntratt u, proċeduri u ħlasijiet diretti relatati mal-portabbiltà tan-numri u identifikaturi oħrajn, jekk dan ikun rilevanti.

3.   Mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi inklużi dawk żviluppati mill-impriża.

4.   Informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta’ servizz universali, inklużi, meta jkun xieraq, il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I.

ANNESS III

PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Parametri tal-kwalità tas-servizz, tifsiriet u metodi ta’ kejl imsemmija fl-artikoli 11 u 22

Għal impriżi li jipprovdu aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet

PARAMETRU

(Nota 1)

DEFINIZZJONI

METODU TA’ KEJL

Żmien għall-forniment għall-konnessjoni inizjali

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Rata ta’ ħsara għal kull linja ta’ aċċess

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ħin tat-tiswija tal-ħsara

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Għal intrapriżi li jipprovdu servizz ta’ telefonija disponibbli għal pubbliku

Call set up time

(Nota 2)

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ħin biex tingħata risposta b’servizzi ta’ konsultazzjojni tad-direttorju

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Proporzjon tat-telefons pubbliċi li joperaw bi ħlas bil-muniti jew bil-kard li jkunu jaħdmu

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ilmenti dwar żbalji fil-kontijiet

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Proporzjon ta’ sejħiet li ma jirnexxux

(Nota 2)

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Numru tal-verżjoni tal-ETSI EG 202 057-1 huwa 1.3.1. (Lulju 2008).

Nota 1

Il-parametri għandhom iħallu lok għall-analiżi tal-prestazzjoni fuq livell reġjonali (jiġifieri mhux inqas mil-livell 2 fin-Nomenklatura tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) stabbilita mill-Eurostat.

Nota 2

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li tinżamm informazzjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni għal dawn iż-żewġ parametri, jekk ikun hemm provi disponibbli li juru li l-prestazzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma tkun sodisfaċenti.


ANNESS II

“ANNESS VI

INTEROPERABBILTÀ TAT-TAGĦMIR DIĠITALI TAL-KONSUMATUR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 24

1.   L-iscrambling algorithm komuni u reċiviment ħieles fl-arja

It-tagħmir kollu tal-konsumatur maħsub għar-riċeviment ta’ sinjali diġitali tat-televiżjoni konvenzjonali (jiġifieri xandir permezz ta’ trasmissjoni terrestri, bil-cable jew bis-satellita li huwa intiż primarjament għar-riċeviment fiss, bħall-DVB-T, DVB-C or DVB-S), għall-bejgħ jew kera jew xort’oħra magħmula disponibbli fil-Komunità, kapaċi li jħollu s-sinjali diġitali tat-televiżjon, għandu jkollu l-kapaċità li:

jippermetti li jinħallu dawk is-sinjali skont scrambling alogarith komuni Ewropew kif amministrat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, attwalment l-ETSI;

juri sinjali li jkunu ġew trasmessi sakemm, fil-każ li dak it-tagħmir jiġi mikri, il-kerrej ikun f’konformità mal-ftehim rilevanti tal-kiri.

2.   Interoperabilità għal settijiet tat-televiżjoni analogi u diġitali

Kwalunkwe sett analogu tat-televiżjoni bi skrin integrali bi djagunal viżibbli ta’ aktar minn 42 cm li jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ jew kera fil-komunità għandu jkun iffittjat b’tal-anqas konnessjoni waħda miftuħa, kif standardised minn organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, per eżempju kif mogħtija fis-CENELEC EN 50 049-1:1997 standard, li tkun tippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, speċjalment apparat għad-dikodifikar jew riċevituri diġitali.

Kwalunkwe sett diġitali tat-televiżjoni bi skrijn integrali viżibbli ta’ djagunal akbar minn 30 ċm li jitqiegħed għall-bejgħ jew kera fil-Komunità għandu jkun iffittjat b’talanqas konnessjoni waħda miftuħa (jew standardizzata, jew li tikkonforma ma’ standard adottat, minn organizzazzjoni ta’ standards Ewropej rikonoxxuta, jew li tikkonforma ma’ speċifikazzjoni tal-industrija kollha) per eżempju konnettur komuni ta’ konnessjoni DVB, li jippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, u li jkun jista’ jgħaddi l-elementi kollha ta’ sinjal diġitali televiżiv, inkluża nformazzjoni li tirrelata ma’ servizzi nterattivi u kondizzjonalment aċċessati.”


18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/37


DIRETTIVA 2009/140/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju attwali għan-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, id-Direttiva 2002/21/KE (“id-Direttiva Qafas”) (4), id-Direttiva 2002/19/KE (“id-Direttiva tal-Aċċess”) (5), id-Direttiva 2002/20/KE (“id-Direttiva tal-Awtorizzazzjoni”) (6), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (“id-Direttiva tas-Servizz Universali”) (7) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (“id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (8) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”) huwa suġġett għal analiżi perjodika mill-Kummissjoni, bil-għan partikolari li jiġi determinat il-bżonn ta’ emendi fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

(2)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati inizjali fil-Komunikazzjoni tad-29 ta’ Ġunju 2006 dwar l-analżi tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Abbażi ta’ dawn ir-riżultati inizjali, saret konsultazzjoni pubblika, li identifikat in-nuqqas kontinwu ta’ suq intern għall-komunikazzjoni elettronika bħala l-aktar aspett importanti li jeħtieġ li jiġi indirizzat. B’mod partikolari, instab li l-frammentazzjoni regolatorja, u l-inkonsistenzi fost l-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jipperikolaw mhux biss il-kompetittività tas-settur, iżda wkoll il-benefiċċji sostanzjali li l-konsumatur jieħu mill-kompetizzjoni transkonfinali.

(3)

Għaldaqstant, il-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandu jiġi riformat, bil-għan li jiġi kompletat is-suq intern għall-komunikazzzjoni elettronika billi jissaħħaħ il-mekkaniżmu Komunitarju għar-regolamentazzjoni tal-operaturi li għandhom saħħa sinifikanti fi swieq ewlenin. Dan hu kkumplementat bit-twaqqif tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (9). Ir-riforma tinkludi wkoll d-definizzjoni ta’ strateġija għall-ġestjoni effiċjenti u koordinata ta’ spettru, bil-għan li jinkiseb Spazju Uniku Ewropew tal-Informazzjoni u jissaħħu d-dispożizzjonijiet għal utenti b’diżabbiltà, u b’hekk tinħoloq soċjetà tal-informazzjoni li tkun inklużiva.

(4)

Ladarba l-Internet huwa essenzjali għall-edukazzjoni u għall-eżerċizzju prattiku tal-libertà tal-espressjoni u tal-aċċess għall-informazzjoni, kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, għandha tkun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Dwar dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni għandha tibda konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku.

(5)

L-għan huwa li progressivament jitnaqqsu r-regoli speċifiċi ex-ante tas-settur hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq u, finalment, li l-komunikazzjoni elettronika tkun regolata biss mill-liġi dwar il-kompetizzjoni. Meta wieħed iqis li s-swieq għal komunikazzjoni elettronika wrew dinamiċi kompetittivi qawwija fis-snin riċenti, huwa essenzjali li obbligi regolatorji ex-ante għandhom jiġu imposti biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli.

(6)

Meta twettaq l-analiżi tagħha tal-funzjonament tad-Direttiva Qafas u tad-Direttivi Speċifiċi, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fid-dawl ta’ żviluppi fis-suq u fir-rigward kemm tal-kompetizzjoni u kemm tal-ħarsien tal-konsumatur, hemmx ħtieġa kontinwa għad-dispożizzjonijiet dwar regolamentazzjoni ex ante speċifika skont is-settur, kif stabbilita l-Artikoli 8 sa 13a tad-Direttivi 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizzi Universali) jew jekk għandhomx jiġu emendati jew imħassra.

(7)

Sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat u adattabbli għal kondizzjonijiet kompetittivi li jvarjaw, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu swieq fuq bażi subnazzjonali u jneħħu obbligi regolatorji fi swieq u/jew f’żoni ġeografiċi fejn hemm kompetizzjoni infrastrutturali effettiva.

(8)

Sabiex jintlaħqu l-miri tal-Agenda ta’ Liżbona, jeħtieġ li jingħataw inċentivi xierqa għall-investiment f’networks ġodda b’veloċità għolja li jaappoġġaw l-innovazzjoni f’servizzi tal-Internet mimlija kontenut u li jsaħħu l-kompetittività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Tali networks għandhom potenzjal enormi biex iwasslu benefiċċji lill-konsumaturi u lin-negozji fl-Unjoni Ewropea kollha. Huwa għalhekk vitali li jkun promoss l-investiment sostenibbli fl-iżvilupp ta’ dawn in-networks ġodda, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni u mkabbra l-għażla tal-konsumatur permezz ta’ prevedibbiltà u konsistenza regolatorji.

(9)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2006 bit-titolu “Innaqqsu d-Distakk fir-rigward tal-Broadband”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hemm distakk territorjali fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal servizzi ta’ broadband b’veloċità għolja. Aċċess iktar faċli għall-ispettru tar-radju jiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ broadband b’veloċità għolja fir-reġjuni l-iktar imbiegħda. Minkejja ż-żieda ġenerali fil-konnettività tal-broadband, l-aċċess f’diversi reġjuni huwa limitat minħabba l-ispejjeż għoljin ikkawżati mid-densità baxxa tal-popolazzjonijiet u minħabba l-bogħod. Sabiex ikun żgurat l-investiment f’teknoloġiji ġodda f’reġjuni sottożviluppati, ir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi trid tkun konsistenti ma’ politiki oħra, bħal ma huma l-politika dwar l-għajnuna mill-istat, il-politika ta’ koeżjoni jew l-għanijiet ta’ politika industrijali usa’.

(10)

L-investiment pubbliku fin-networks għandu jsir skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Għal dan il-għan, l-appoġġ pubbliku għandu jingħata permezz ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti u kompetittivi.

(11)

Sabiex jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva Qafas u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk relatati mal-interoperabbiltà minn tarf sa tarf, l-ambitu tad-Direttiva Qafas għandu jiġi estiż sabiex ikopri ċerti aspetti tat-tagħmir tar-radju u t-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni kif definit fid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (10), kif ukoll it-tagħmir tal-konsumatur użat għat-televiżjoni diġitali, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għall-utenti b’diżabbiltà.

(12)

Ċerti definizzjonijiet għandhom ikunu ċċarati jew mibdula biex jittieħed kont tal-iżviluppi fis-suq u dawk teknoloġiċi u sabiex jiġu eliminati l-ambigwitajiet identifikati fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju.

(13)

L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju. Għal dak il-għan, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel regoli dwar ir-raġunijiet għat-tkeċċija tal-kap tal-awtorità regolatorja nazzjonali, sabiex jitneħħa kull dubju dettat mir-raġuni dwar in-newtralità ta’ dik l-entità u l-kapaċità tagħha li ma tkunx influwenzata minn fatturi esterni. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jkollhom il-baġit tagħhom stess, partikolarment sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, dan il-baġit għandu jiġi pubblikat kull sena.

(14)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal atturi fis-swieq, korpi ta’ appell għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv; b’mod partikolari, proċeduri ta’ appell m’għandhomx ikunu twal indebitament. Miżuri interim li jissospendu l-effett tad-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għandhom jingħataw biss f’każijiet urġenti sabiex ma jitħalliex li ssir ħsara kbira u irreparabbli lill-parti li tkun qed titlob dawk il-miżuri u jekk il-bilanċ tal-interessi jirrikjedi li jsir hekk.

(15)

Kien hemm diverġenza wiesgħa fil-mod kif il-korpi tal-appell kienu japplikaw il-miżuri interim biex jissospendu d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sabiex tinkiseb aktar konsistenza fl-istrateġiji, għandhom jiġu applikati standards komuni konformement mal-ġurisprudenza Komunitarja. Il-korpi ta’ appell għandhom ukoll ikunu intitolati jitolbu informazzjoni disponibbli pubblikata mill-BEREC. Fid-dawl tal-importanza tal-appelli għall-funzjonament ġenerali tal-qafas regolatorju, għandu jinħoloq mekkaniżmu għall-ġbir ta’ informazzjoni fuq appelli u deċiżjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu sospiżi deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri, kif ukoll għar-rappurtar ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu l-kompiti regolatorji tagħhom b’mod effettiv, id-data li jiġbru għandha tinkludi data ta’ kontabbiltà tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut u li jkunu assoċjati ma’ swieq li jfornu fi kwantitajiet kbar għall-bejgħ bl-ingrossa meta operatur wieħed ikollu saħħa sinifikanti fis-suq u għalhekk ikunu regolati mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Id-data għandha tinkludi wkoll data li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li tevalwa l-impatt possibbli mit-titjib jew mill-bidliet li jkunu pjanati fit-topoloġija tan-networks fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jew fuq il-prodotti fi kwantità kbira li jsiru disponibbli għall-partijiet l-oħra.

(17)

Il-konsultazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) għandha ssir qabel il-konsultazzjoni Komunitarja prevista fl-Artikoli 7 u 7a tal-istess Direttiva, sabiex il-fehmiet tal-partijiet interessati jiġu riflessi fil-konsultazzjoni Komunitarja. B’hekk tiġi evitata wkoll il-ħtieġa għal konsultazzjoni Komunitarja sussegwenti fil-każ ta’ tibdiliet għal miżura ppjanata minħabba l-konsultazzjoni nazzjonali.

(18)

Is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu rrikonċiljati mal-iżvilupp ta’ prattiċi regolatorji konsistenti kif ukoll mal-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, bil-għan li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-iżvilupp u għall-ikkompletar tas-suq intern. Għaldaqstant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jappoġġaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni marbutin mas-suq intern, kif ukoll dawk tal-BEREC.

(19)

Il-mekkaniżmu Komunitarju li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jirtiraw miżuri pjanati rigward id-definizzjoni tas-suq u n-nomina tal-operaturi li jkollhom poter sinifikanti fis-suq ikkontribwixxa b’mod sinifikanti lejn approċċ konsistenti biex jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi applikata regolamentazzjoni ex ante u dawk li fihom l-operaturi huma suġġetti għal tali regolamentazzjoni. Il-monitoraġġ tas-suq mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari, l-esperjenza tal-proċedura skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), urew li inkonsistenzi fil-mod kif l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali japplikaw ir-rimedji, anki taħt kundizzjonijiet simili tas-suq, jistgħu jolqtu ħażin lis-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ konsistenza fl-applikazzjoni ta’ rimedji billi tadotta opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri proposti minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sabiex tibbenefika mill-għarfien espert ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-analiżi tas-suq, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-BEREC qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet u/jew l-opinjonijiet tagħha.

(20)

Huwa importanti li l-qafas regolatorju jiġi implimentat tempestivament. Meta l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni li tirrikjedi lil awtorità regolatorja nazzjonali li tirtira miżura pjanata, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tissottometti miżura riveduta lill-Kummissjoni. Għandha tiġi stabbilita skadenza għan-notifika tal-miżura riveduta lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), sabiex tippremetti l-atturi tas-suq ikunu jafu kemm se ddum l-analiżi tas-suq, kif ukoll biex tiżdied iċ-ċertezza legali.

(21)

Fid-dawl tal-iskadenzi qosra fil-mekkaniżmu Komunitarju tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat biex tadotta rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida li jissimplifikaw il-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – pereżempju f’każijiet li jirrigwardaw swieq stabbli, jew li jinvolvu biss emendi minuri għal miżuri li diġà ġew innotifikati. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa tippermetti eżenzjoni min-notifika sabiex jitħaffu l-proċeduri f’ċerti każijiet.

(22)

Konformement mal-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet, il-qafas regolatorju għandu jiżgura li l-utenti kollha, inklużi l-utenti aħħarija b’diżabbiltà, l-anzjani, u l-utenti bi bżonnijiet soċjali speċjali, ikollhom aċċess faċli għal servizzi ta’ kwalità għolja bi prezz raġjonevoli. Id-Dikjarazzjoni 22 annessa mal-Att finali ta’ Amsterdam tiddikjara li l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom iqisu l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà meta jfasslu l-miżuri taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat.

(23)

Suq kompetittiv jipprovdi lill-utenti għażla wiesgħa ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippromwovu l-abilità tal-utenti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u li jqassmuha kif ukoll li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi.

(24)

Il-frekwenzi tar-radju għandhom jitqiesu bħala riżors pubbliku skars ta’ valur importanti kemm pubbliku kif ukoll fis-suq. Huwa fl-interess pubbliku li l-ġestjoni ta’ tali spettru tkun effiċjenti u effettiva kemm jista’ jkun mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, filwaqt li jitqiesu r-rwol importanti tal-ispettru tar-radju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-għanijiet tad-diversità kulturali u tal-pluraliżmu tal-midja, u l-koeżjoni soċjali u territorjali. L-ostakli għall-użu effiċjenti tagħha għandhom għalhekk jitneħħew b’mod progressiv.

(25)

L-attivitajiet dwar il-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità għandhom ikunu bla ħsara għall-miżuri meħuda fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, b’konformità mal-liġi Komunitarja, biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kontenut u tal-politiki dwar l-awdjoviżiv u l-midja, u għad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw u jużaw l-ispettru tar-radju tagħhom għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u d-difiża.

(26)

Filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, il-bidla tat-televiżjoni terrestri mill-analogue għad-diġitali, bħala riżultat tal-effiċjenza ta’ trażmissjoni superjuri tat-teknoloġija diġitali, iżżid id-diponibilità ta’ spettru ta’ valur fil-Komunità (magħruf bħala d“dividend diġitali”).

(27)

Qabel ma tiġi proposta miżura speċifika ta’ armonizzazzjoni skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (11), il-Kummissjoni għandha teżegwixxi evalwazzjonijiet dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżura proposta, bħar-realizzazzjoni tal-iskala tal-ekonomiji u l-interoperabbiltà ta’ servizzi għall-benefiċċju tal-konsumatur, l-impatt fuq l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru, jew id-domanda għall-użu armonizzat fil-partijiet differenti tal-Unjoni Ewropea.

(28)

Għalkemm il-ġestjoni tal-ispettru tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-ippjanar strateġiku, il-koordinazzjoni u, fejn xieraq, l-armonizzazzjoni f’livell Komunitarju jistgħu jgħinu jiżguraw li l-utenti tal-ispettru jiksbu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern u li l-interessi tal-UE jkunu jistgħu jiġu difiżi globalment b’mod effettiv. Għal dawn ir-raġunijiet, meta jkun xieraq, programmi leġiżlattivi u pluriennali dwar il-politika tal-ispettru tar-radju għandhom ikunu stabbiliti sabiex jitfasslu l-orjentamenti u l-objettivi politiċi għall-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fil-Komunità. Dawn l-orjentamenti u l-objettivi politiċi jistgħu jirreferu għad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġ għat-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern u jistgħu jirreferu wkoll, f’każijiet xierqa, għall-armonizzazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju meta jkunmeħtieġ sabiex jingħelbu l-ostakli għas-suq intern. Dawn l-orjentamenti u l-objettivi politiċi għandhom ikunu skont din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.

(29)

Il-Kummissjoni wriet l-intenzjoni tagħha li temenda, qabel ma din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (12) sabiex tipprovdi mekkaniżmu għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jitolbu opinjonijiet jew rapporti, kemm bil-fomm jew bil-miktub, mill-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) dwar politika tal-ispettru marbuta mal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u sabiex l-RSPG jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-kontenut propost tal-programmi dwar il-politika tal-ispettru tar-radju.

(30)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ispettru ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu konsistenti mal-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali li jittrattaw ma’ ġestjoni tal-ispettru tar-radju, bħall-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) u l-Konferenza Ewropea ta’ Amministrazzjonijiet Postali u ta’ Telekomunikazzjoni (CEPT), sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni u l-armonizzazzjoni effiċjenti tal-użu tal-ispettru madwar il-Komunità u bejn l-Istati Membri u membri oħra tal-ITU.

(31)

Il-frekwenzi tar-radju għandhom ikunu ġestiti b’mod li tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara. Dan il-kunċett bażiku tal-interferenza ta’ ħsara għandu għalhekk ikun definit kif jixraq biex ikun żgurat li l-intervent regolatorju jkun limitat sal-punt meħtieġ biex tkun evitata din l-interferenza.

(32)

Is-sistema attwali ta’ ġestjoni u distribuzzjoni tal-ispettru hija b’mod ġenerali bbażata fuq deċiżjonijiet amministrattivi li m’humiex suffiċjentement flessibbli biex ilaħħqu mal-evoluzzjoni teknoloġika u ekonomika, b’mod partikolari mal-iżvilupp rapidu fit-teknoloġija tat-teknoloġija tar-radju u t-talba dejjem tikber għall-medda ta’ frekwenzi. Il-frammentazzjoni indebita fost il-linji politiċi nazzjonali tirriżulta fi spejjeż ikbar u telf ta’ opportunitajiet fis-suq għall-utenti tal-ispettru, u tnaqqas ir-ritmu tal-innovazzjoni, għad-dannu tas-suq intern, il-konsumatur u l-ekonomija b’mod ġenerali. Barra minn dan, il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-użu ta’ frekwenzi tar-radju, jistgħu jvarjaw skont it-tip tal-operatur, waqt li s-servizzi elettroniċi li jipprovdu dawn l-operaturi jikkoinċidu dejjem iktar, b’hekk jinħolqu tensjonijiet bejn id-detenturi tad-dritt, diskrepanzi fil-prezz tal-aċċess għall-ispettru, u distorsjoni potenzjali fil-funzjonament tas-suq intern.

(33)

Il-fruntieri nazzjonali huma dejjem iktar irrilevanti biex ikun determinat l-aħjar użu tal-ispettru tar-radju. Il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tal-aċċess għad-drittijiet tal- ispettru tillimita l-investiment u l-innovazzjoni u ma tippermettix lill-operaturi u l-manifatturi tat-tagħmir li jagħmlu ekonomija bis-saħħa ta’ produzzjoni fuq skala ikbar, biex b’hekk tfixkel l-iżvilupp ta’ suq intern għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jużaw l-ispettru tar-radju.

(34)

Il-flessibilità fil-ġestjoni tal-ispettru u l-aċċess għall-ispettru għandhom jiżdiedu permezz ta’ awtorizzazzjonijiet newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u s-servizz, sabiex l-utenti tal-ispettru jkunu jistgħu jagħżlu l-aqwa teknoloġiji u servizzi li jridu japplikaw f’medda tal-frekwenzi ddikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-pjanijiet nazzjonali rilevanti ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi skont il-liġi Komunitarja (“il-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz”). Id-determinazzjoni amministrattiva tat-teknoloġiji u s-servizzi għandha tapplika meta l-għanijiet ta’ interess ġenerali jkunu f’periklu u għandha tkun ġustifikata b’mod ċar u soġġetta għal reviżjoni perjodika.

(35)

Ir-restrizzjonijiet għall-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġika għandhom ikunu adatti u ġustifikati mill-ħtieġa li tkun evitata l-interferenza li tagħmel ħsara, per eżempju billi jkunu imposti maskli għall-emissjoni u livelli ta’ enerġija biex tkun żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi jkun hemm limitu għal kemm il-pubbliku jesponi ruħu għall-kampijiet elettromanjetiċi, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq ta’ servizzi permezz ta’ livell adegwat ta’ kwalità teknika ta’ servizz, filwaqt li ma tiġix prekluża l-possibilità li jiġi użat aktar minn servizz wieħed fl-istess medda ta’ frelwenza, sabiex ikun żgurat l-użu komuni b’mod xieraq tal-ispettru, b’mod partikolari meta l-użu tiegħu jkun soġġett biss għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali, biex jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew biex jiġi ssodisfat l-għan ta’ interess ġenerali f’konformità mal-liġi Komunitarja.

(36)

L-utenti tal-ispettru għandu jkollhom il-libertà li jagħżlu s-servizzi li jixtiequ joffru permezz tal-ispettru, soġġetti għal miżuri tranżitorji sabiex jittrattaw id-drittijiet li jkunu nkisbu minn qabel. Min-naħa l-oħra għandhom jkunu permessi miżuri li jkunu jeħtieġu li l-għoti ta’ servizz speċifiku biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar, bħalma huma s-sikurezza tal-ħajja, il-ħtieġa li titħeġġeġ il-koeżjoni soċjali, reġjunali jew territorjali, jew il-prevenzjoni tal-użu ineffiċjenti tal-ispettru, ikun permess meta jkun meħteiġ u xieraq. Dawk l-għanijiet għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-media kif definiti mill-Istati Membri konformement mal-liġi Komunitarja. Għajr fejn hu meħtieġ għall-ħarsien tas-sikurezza tal-ħajja jew, f’każijiet straordinarji, sabiex jiġu ssodisfati objettivi oħra ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri skont il-liġi Komunitarja, l-eċċezzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal ċerti servizzi li jkollhom użu esklussiv, iżda għandhom jagħtuhom prijoritajiet sabiex, sa fejn hu possibbli, servizzi jew teknoloġiji oħra jikkoeżistu fl-istess medda.

(37)

Id-definizzjoni tal-ambitu u n-natura ta’ kwalunkwe eċċezzjoni rigward il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-media taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Istati Membri.

(38)

Billi l-allokazzjoni tal-ispettru lil teknoloġiji jew servizzi speċifiċi hija eċċezzjoni għall-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġiji u tas-servizzi u tnaqqas il-libertà tal-għażla tas-servizz jew tat-teknoloġija użata, kull proposta għal din l-allokazzjoni għandha tkun trasparenti u soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika.

(39)

Fl-interess tal-flessibbiltà u tal-effiċjenza, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu ukoll jagħtu lill-utenti tal-ispettru l-libertà li jittrasferixxu jew jikru d-drittijiet tal-użu tagħhom lil partijiet terzi. Dan għandu jippermetti l-evalwazzjoni tal-ispettru mis-suq. Fid-dawl tas-setgħa tagħhom biex jiżguraw l-użu effettiv tal-ispettru, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jaġixxu sabiex jiżguraw li n-negozju ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fejn l-ispettru jibqa’ ma jintużax.

(40)

L-introduzzjoni tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz, kif ukoll tan-negozju ta’ drittijiet għall-użu tal-ispettru eżistenti, jistgħu jeħtieġu regoli tranżitorji, inklużi miżuri biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, għax is-sistema l-ġdida tista’ tagħti d-dritt lil ċerti utenti tal-ispettru li jibdew jikkompetu mal-utenti tal-ispettru li jkunu kisbu d-drittijiet tal-ispettru tagħhom skony termini u kundizzjonijiet aktar stretti. Bil-maqlub, meta d-drittijiet jkunu ngħataw bħala deroga mir-regoli ġenerali jew skont kriterji li ma jkunux oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, bil-għan li jintlaħaq objettiv ta’ interess ġenerali, is-sitwazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet m’għandhiex b’mod inġustifikat tkun għad-detriment tal-kompetituri ġodda tagħhom lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħaq tali objettiv ta’ interess ġenerali jew objettiv marbut ieħor ta’ interess ġenerali.

(41)

Bil-għan li jiġi promoss il-funzjonament tas-suq intern u biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi fil-qasam tal-għoti tan-numri.

(42)

Il-permessi maħruġa lill-impriżi li jipprovdu lin-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex ikollhom aċċess għall-proprjetà privata jew pubblika huma fatturi essenzjali għall-istabbiliment ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika jew ta’ elementi ġodda tan-network. Il-komplessità u d-dewmien bla bżonn fil-proċeduri għall-għoti tad-drittijiet ta’ passaġġ jistgħu għalhekk jirrappreżentaw ostakli importanti għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, l-akkwist tad-drittijiet għall-passaġġ mill-impriżi awtorizzati għandu jkun simplifikat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikun jistgħu jikkoordinaw l-akkwist tad-drittijiet ta’ passaġġ, billi jagħmlu l-informazzjoni rilevanti aċċessibbli fuq il-websajts tagħhom.

(43)

Jeħtieġ li jissaħħu s-setgħat tal-Istati Membri fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet ta’ passaġġ, sabiex jiżguraw l-introduzzjoni jew il-firxa ta’ network ġdid b’mod ġust, effiċjenti u li jirrispetta l-ambjent u indipendentement minn kwalunkwe obbligu fuq operatur b’saħħa sinifikanti fis-suq biex jagħti aċċess lin-network ta’ komunikazzjoni elettronika tiegħu. It-titjib tal-kondiviżjoni tal-faċilitajiet jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni u jnaqqas l-impatt finanzjarju u ambjentali ġenerali tat-tqegħid ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika għall-impriżi, partikolarment networks ta’ aċċess ġodda. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li d-detenturi tad-drittijiet li jinstallaw faċilitajiet f’proprjetà pubblika jew privata jikkondividu tali faċilitajiet jew proprjetà (inkluża l-kolokazzjoni fiżika) sabiex jinkoraġġixxu investiment effiċjenti fl-infrastruttura u l-promozzjoni ta’ innovazzjoni, wara perijodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulu l-partijiet interessati kollha għandhom jingħataw l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom. Dan l-użu komuni jew dawn l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni jistgħu jinkludu r-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-użu komuni tal-faċilitajiet jew proprjetà u għandhom jiżguraw li jkun hemm tqassim tar-riskju xieraq bejn l-impriżi konċernati. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, ikunu jistgħu jimponu l-qsim ta’ elementi tan-network u faċilitajiet assoċjati, bħal tubi, kondjuwits, arbli, toqob tal-ispezzjonar u kaxxi tat-triq, torrijiet u kostruzzjonijiet ta’ appoġġ oħra, bini jew dħul għal bini, u koordinazzjoni aħjar ta’ xogħlijiet ċivili. L-awtoritajiet kompetenti, partikolarment l-awtoritajiet lokali, għandhom jistabbilixxu wkoll proċeduri ta’ koordinazzjoni xierqa, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fir-rigward ta’ xogħlijiet pubbliċi u faċilitajiet jew proprjetà pubbliċi xierqa oħra li jistgħu jinkludu proċeduri li jiżguraw li partijiet interessati għandhom informazzjoni rigward faċilitajiet jew proprjetà pubbliċi xierqa u xogħlijiet pubbliċi għaddejjin u pjanati, li huma jiġu notifikati dwar tali xogħlijiet f’manjiera f’waqtha, u li l-qsim jiġi kemm jista’ jkun iffaċilitat.

(44)

Il-komunikazzjoni sikura u affidabbli tal-informazzjoni fuq in-networks tal-komunikazzjoni elettronika kulma jmur qed issir aktar kruċjali għall-ekonomija kollha u għas-soċjetà nnifisha. Il-komplessità tas-sistema, il-ħsara teknika u l-iżball uman, l-inċidenti jew l-attakki kollha jista’ jkollhom konsegwenzi għall-funzjonament u għad-disponibbiltà tal-infrastrutturi fiżiċi li jwasslu servizzi kruċjali għall-ġid taċ-ċittadini tal-UE, inklużi s-servizzi elettroniċi tal-gvern. Għaldaqtsant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li jinżammu l-integrità u s-sigurtà tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurta’ tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) (13) għandha tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika billi, fost ħwejjeġ oħra, tipprovdi l-konsulenza u l-għarfiern espert, kif ukoll billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika. Kemm l-ENISA kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex iwettqu d-doveri tagħhom, inklużi s-setgħat li jiksbu informazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-livell ta’ sigurtà tan-networks jew tas-servizzi kif ukoll data komprensiva u affidabbli dwar l-inċidenti ta’ sigurtà li jkunu saru u li kellhom impatt sinifikanti fuq l-operazzjoni tan-networks u tas-servizzi. Filwaqt li niftakru li l-applikazzjoni b’suċċess ta’ sigurtà suffiċjenti mhix eżerċizzju ta’ darba biss iżda hija proċess kontinwu ta’ implimentazzjoni, eżami mill-ġdid u aġġornament, dawk li jipprovdu n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu obbligati li jieħdu l-miżuri biex jipproteġu l-integrità u s-sigurtà tagħhom skont l-evalwazzjoni tar-riskji, filwaqt li titqies it-teknoloġija l-iktar moderna ta’ dawn il-miżuri.

(45)

L-Istati Membri għandhom jippermettu li jkun hemm perijodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika qabel ma jkubu adottati miżuri speċifiċi biex jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jew li jipprovdu s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jimmaniġġjaw ir-riskju b’mod xieraq jew biex jiżguraw l-integrità tan-networks tagħhom.

(46)

Meta jkun meħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar lista komuni ta’ rekwiżiti għas-sigurtà, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jinkiseb livell adegwat ta’ sigurtà fin-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fis-suq intern. L-ENISA għandha tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà li jkunu xierqa billi tipprovdi parir espert. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li joħorġu istruzzjonijiet relatati mal-miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas). Sabiex iwettqu dmirijiethom, għandu jkollhom is-setgħa li jinvestigaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u jimponu sanzjonijiet.

(47)

Għall-finijiet li jkun żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-komunikazzjoni elettronika, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu rimedji bil-għan li ma tkunx tista’ tiġi trażmessa setgħa tas-suq sinifikanti minn suq għal suq ieħor marbut mill-qrib. Għandu jkun ċar li l-impriża li jkollha setgħa tas-suq sinifikanti fuq l-ewwel suq tista’ tiqies li jkollha setgħa tas-suq sinifikanti fuq it-tieni suq biss jew il-ħolqiet bejn iż-żewġ swieq ikunu tali li jippermettu li s-setgħa tas-suq fis-suq tal-ewwel ikun jista’ jiġi trażmess għat-tieni suq u jekk it-tieni suq ikun suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante skont il-kriterji definiti fir-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u s-servizzi (14).

(48)

Sabiex l-operaturi fis-suq ikollhom ċertezza rigward kundizzjonijiet regolatorji, jeħtieġ li jkun hemm skadenza għall-analiżijiet tas-suq. Huwa importanti li ssir analiżi tas-suq regolarment, u bi skeda ta’ żmien xierqa u raġonevoli. L-iskeda ta’ żmien għandha tqis jekk is-suq partikolari kienx diġà soġġett għal analiżi tas-suq bin-notifika korrispondenti. Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tonqos milli tanalizza s-suq fl-iskandeza speċifikata, dan jista’ jwassal biex jipperikola s-suq intern, u l-azzjonijiet normali kontra l-ksur ta’ liġi jistgħu ma jħallux l-effett mixtieq f’waqtu. Alternattivament, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tkun tista’ titlob l-assistenza tal-BEREC biex tikkompleta l-analiżi tas-suq. Pereżempju, din l-assistenza tista’ tieħu l-forma ta’ task force speċifika komposta minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra.

(49)

Minħabba livell għoli ta’ innovazzjoni teknoloġika u swieq mill-aktar dinamiċi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, jeħtieġ li r-regolamentazzjoni tiġi adattata rapidament b’mod koordinat u armonizzat fil-livell Komunitarju. L-esperjenza wriet li d-diverġenza fil-mod kif l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimplimentaw il-qafas regolatorju tal-UE tista’ toħloq xkiel għall-iżvilupp tas-suq intern.

(50)

Kompitu importanti assenjat lill-BEREC huwa li meta jkun xieraq hija tadotta opinjonijiet fir-rigward ta’ tilwim transkonfinali. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom għalhekk jieħdu kont ta’ kull opinjoni tal-BEREC.

(51)

L-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE tindika li d-dispożizzjonijiet eżistenti li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jimponu l-multi ma rnexxielhomx jipprovdu inċentiv suffiċjenti biex ikunu osservati r-rekwiżiti regolatorji. Is-setgħat ta’ infurzar adegwat jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-qafas regolatorju tal-UE u għalhekk jinkoraġġixxu ċ-ċertezza regolatorja, li hija stimulu importanti għall-investiment. In-nuqqas ta’ setgħat effettivi fil-każ li ma jkunx hemm konformità japplika għall-qafas regolatorju kollu. L-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ġdida fid-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) biex tittratta l-ksur tal-obbligi skont id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi għandha għalhekk tiżgura l-applikazzjoni ta’ prinċipji konsistenti u koerenti għall-infurzar u l-multi għall-qafas regolatorju tal-UE kollu.

(52)

Il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE jinkludi ċerti dispożizzjonijiet biex jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju l-antik tal-1998 għall-qafas il-ġdid tal-2002. Din it-tranżizzjoni kienet ikkompletata fl-Istati Membri kollha u dawn il-miżuri għandhom jitħassru billi issa m’hemmx bżonnhom.

(53)

Kemm l-investiment effiċjenti kif ukoll il-kompetizzjoni għandhom ikunu mħeġġa flimkien, sabiex jiżdiedu it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumatur.

(54)

Il-kompetizzjoni tista’ titħeġġeġ l-aktar permezz ta’ livell ekonomikament effiċjenti ta’ investiment f’infrastruttura ġdida u effiċjenti ikkomplementat mir-regolamentazzjoni kull meta jkun meħtieġ sabiex tinkiseb kompetizzjoni effettiva tas-servizzi bl-imnut. Livell effiċjenti ta’ kompetizzjoni msejsa fuq l-infrastruttura huwa kemm fil-fatt bid-duplikazzjoni tal-infrastruttura l-investituri jkunu mistennija b’mod raġonevoli jkollhom qligħ ġust abbażi ta’ tbassir raġonevoli rigward l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq.

(55)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, meta jimponu obbligi ta’ aċċess għal infrastrutturi ġodda u mtejba, jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess jirriflettu iċ-ċirkustanzi li jimmotivaw id-deċiżjoni għal investiment, filwaqt li jitqiesu, inter alia, l-ispejjeż ta’ tnedija, ir-rata mistennija ta’ kemm se jintlaqgħu l-prodotti u s-servizzi l-ġodda u l-livelli mistennija tal-prezz bl-imnut. Barra minn hekk, sabiex min jinvesti jingħata ċ-ċertezza rigward l-ippjanar, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu, jekk ikun japplika, it-termini u l-kundizzjonijiet għall-aċċess li jkunu konformi rigward perjodi xierqa ta’ analiżi. Tali termini u kundizzjonijiet jistgħu jinkludu arranġamenti dwar l-ipprezzar li jiddependu mill-voluni jew mit-tul tal-kuntratt skont il-liġi Komunitarja u sakemm ma jkollhomx effett diskriminatorju. Kull kundizzjoni ta’ aċċess li tiġi imposta għandha tħares il-ħtieġa li tinżamm il-kopetizzjoni effettiva fis-servizzi lill-konsumaturi u lin-negozji.

(56)

Meta tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-obbligi u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu imposti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-kundizzjonijiet kompetittivi differenti li jkun hemm fiż-żoni differenti fl-Istati Membri tagħhom.

(57)

Meta jimponu rimedji għall-kontroll tal-prezzijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippruvaw jippermettu li min jinvesti jkollu qligħ ġust minn proġett partikulari ġdid ta’ investiment. B’mod partikulari, jista’ jkun hemm riskji marbuta ma’ prioġetti ta’ investiment speċifiċi għal netwerks ta’ aċċess ġodda li jaappoġġaw prodotti li ma jkunx hemm ċertezza dwar id-domanda għalihom fiż-żmien li jsir l-investiment.

(58)

Kull deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) għandha tkun limitata għal prinċipji, approċċi u metodoloġiji regolatorji. Sabiex ikun evitat id-dubju, m’għandhiex tinkludi dettall li s-soltu jkollu jirrifletti ċ-ċirkustanzi nzzjonali, u m’għandhiex tipprojbixxi approċċi alternattivi li jkun mistenni b’mod raġonevoli li jkollhom effett ekwivalenti. Tali deċiżjoni għandha tkun proporzjonata u m’għandux jkollha effett fuq deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma joħolqux ostaklu għas-suq intern.

(59)

L-Anness I tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) identifika l-lista ta’ swieq li kellhom jiddaħħlu fir-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq Rilevanti tal-Prodotti u s-Servizzi li jista’ jistħoqqilhom regolazzjoni ex ante. Dan l-Anness għandu jitħassar billi ntlaħaq l-iskop tiegħu li jservi ta’ bażi għat-tħejjija tal-verżjoni inizjali tar-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq Rilevanti tal-Prodotti u s-Servizzi.

(60)

Jista’ ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw in-network tal-aċċess lokali kollu kemm hu jew parti minnu tal-operatur li diġà jeżisti f’perjodu raġonevoli ta’ żmien. F’dan il-kuntest, l-impożizzjoni ta’ aċċess disassoċjat għal-linja jew is-sublinji lokali tal-operaturi li jgawdu saħħa sinifikanti fis-suq tista’ tiffaċilita d-dħul fis-suq u żżid il-kompetizzjoni fis-swieq bl-imnut ta’ aċċess għal frekwenzi wiesgħa. F’ċirkostanzi fejn l-aċċess disassoċjat għal-linja jew is-sublinja lokali mhijiex teknikament jew ekonomikament fattibbli, jistgħu japplikaw l-obbligi rilevanti għall-forniment ta’ aċċess mhux fiżiku jew virtwali għan-network li joffri funzjonalità ekwivalenti.

(61)

L-iskop tas-separazzjoni funzjonali, li biha l-operatur li jkun integrat vertikalment jintalab jistabbilixxi entitajiet ta’ negozju li joperaw b’mod separat, huwa li tkun żgurata l-provvista ta’ prodotti għall-aċċess kompletament ekwivalenti lill-operaturi kollha li jieħdu servizz mingħandu, inklużi d-diviżjonijiet tal-operatur stess integrati vertikalment li jieħdu servizz mingħandu stess. Is-separazzjoni funzjonali għandha l-kapaċità li ttejjeb il-kompetizzjoni f’diversi swieq rilevanti billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-inċentiv għad-diskriminazzjoni u billi tiffaċilita l-verifika u l-infurzar tal-konformità mal-obbligi kontra d-diskriminazzjoni. F’każijiet eċċezzjonali, is-separazzjoni funzjonali tista’ tkun ġustifikata bħala rimedju fejn f’bosta mis-swieq konċernati jkun hemm falliment persistenti biex titnaqqas kemm jista’ jkun id-diskriminazzjoni, jew fejn ftit li xejn jkun hemm prospetti ta’ kompetizzjoni fl-infrastruttura f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li wieħed ikun dar għal wieħed jew iktar rimedji li qabel kienu kkunsidrati xierqa. Madankollu, huwa importanti ħafna li wieħed jiżgura li l-impożizzjoni tagħha tippreżerva l-inċentivi tal-impriża kkonċernata biex tinvesti fin-network tagħha, u li ma twassal għall-ebda effett negattiv potenzjali fuq il-benessri tal-konsumatur. L-impożizzjoni tagħha tirrikjedi analiżi koordinata tas-swieq rilevanti differenti li jkunu relatati man-network għall-aċċess, skont il-proċedura tal-analiżi tas-suq stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas). Meta jagħmlu l-analiżi tas-suq u jfasslu d-dettalji ta’ dan ir-rimedju, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prodotti li jridu jkunu ġestiti mill-entitajiet tan-negozju li joperaw b’mod separat, waqt li jingħata każ tal-punt sa fejn tasal il-firxa tan-network u l-grad ta’ progress teknoloġiku, li jistgħu jaffettwaw is-sostitwibilità tas-servizzi fissi u tar-radju. Sabiex ikunu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-proposti għas-separazzjoni funzjonali għandhom ikunu approvati minn qabel mill-Kummissjoni.

(62)

L-implimentazzjoni tas-separazzjoni funzjonali m’għandhiex timpedixxi l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni xierqa bejn l-entitajiet diversi ta’ negozju li joperaw b’mod separat sabiex ikun żgurat li jkunu protetti d-drittijiet ekonomiċi u ta’ sorveljanza tal-ġestjoni tal-kumpanija li jkollha l-kontroll tagħhom (parent company).

(63)

L-integrazzjoni kontinwa tas-suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika teħtieġ koordinazzjoni aħjar fl-applikazzjoni tar-regolament ex-ante kif previst fil-qafas regolatorju tal-UE għal komunikazzjoni elettronika.

(64)

Meta l-impriża li tkun integrata vertikalment tagħżel li tittrasferixxi parti sostanzjali tal-proprjetà tagħha, jew parti minnha, fin-network għall-aċċess lokali favur entità ġuridika separata li tkun proprjetà ta’ ħaddieħor jew billi tistabbilixxi entità ta’ negozju separata biex tinnegozja l-prodotti għall-aċċess, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tevalwa l-effett tat-tranżazzjoni maħsuba fuq l-obbligi regolatorji kollha eżistenti li jkun imposti fuq l-operatur li jkun integrat vertikalment sabiex ikun żgurat li kull arranġament ġdid ikun konformi mad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) u d-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali). L-NRA konċernata għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħmel analiżi ġdida tas-swieq li fihom tkun topera l-entità segregata, u timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi skont kif inhu xieraq. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li titlob informazzjoni mill-impriża.

(65)

Waqt li huwa xieraq f’xi ċirkostanzi li awtorità regolatorja nazzjonali timponi obbligi fuq l-operaturi li ma jkollhomx saħħa sinifikanti fis-suq sabiex jintlaħqu l-miri bħal ma huma l-konnettività minn tarf għal ieħor jew l-operabilità bejn is-servizzi, madankollu huwa meħtieġ li jkun żgurat li dawn l-obbligi jkunu imposti b’konformità mal-qafas regolatorju tal-UE u, b’mod partikolari, mal-proċeduri tan-notifika tiegħu.

(66)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni bil-għan li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali u tar-radju stabbiliti fl-Anness I jkunu adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Dan huwa wkoll il-każ tal-lista minima ta’ partiti fl-Anness II li trid tkun ippubblikata biex ikun issodisfat l-obbligu tat-trasparenza.

(67)

Meta jkun iffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi tal-frekwenza tar-radju għall-operaturi fis-suq dan jikkontribwixxi għat-tneħħija tal-barrieri għad-dħul fis-suq. Barra minn dan, il-progress teknoloġiku qed inaqqas ir-riskju tal-interferenza li tagħmel ħsara f’ċerti meded ta’ frekwenzi u għalhekk inaqqas il-ħtieġa ta’ drittijiet għall-użu individwali. Il-kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru biex ikunu pprovduti s-servizzi tal- komunikazzjoni elettronika għandhom normalment ikunu stabbiliti fl-awtorizzazzjonijiet ġenerali sakemm ma jkunux meħtieġa drittijiet individwali, wara li jitqies l-użu tal-ispettru, biex ikun hemm protezzjoni mill-interferenza li tagħmel ħsara, biex tiġi żgurata l-kwalità teknika tas-servizz, biex jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru jew biex jintlaħaq għan speċifiku ta’ interess ġenerali. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ drittijiet individwali għandhom jittieħdu b’mod trasparenti u proporzjonat.

(68)

L-introduzzjoni tar-rekwiżiti tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġika fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu, flimkien ma’ possibbiltà ikbar ta’ trasferiment tad-drittijiet bejn l-impriżi, għandha tkabbar il-libertà u l-mezzi biex jitwasslu komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi lill-pubbliku, u b’dan ikun ukoll iffaċilitat l-ilħuq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, ċerti obbligi ta’ interess ġenerali imposti fuq ix-xandara biex iwasslu servizzi tal-midja awdjovizivi jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ kriterji speċifiċi għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu, meta jkun jidher li huwa essenzjali li jintlaħaq objettiv speċifiku ta’ interess ġenerali stabbilit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja. Il-proċeduri assoċjati mal-insegwiment ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jkunu trasparenti, oġġettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji.

(69)

Meta wieħed iqis l-impatt restrittiv fuq l-aċċess liberu għall-frekwenzi tar-radju, il-validità tad-dritt għall-użu individwali li ma jkunx negozjabbli għandu jkun limitat biż-żmien. Meta d-drittijiet għall-użu jinkludu fihom dispożizzjoni għat-tiġdid tal-validità tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-ewwel jagħmlu eżami mill-ġdid, li jkun jinkludi konsultazzjoni pubblika, waqt li jikkunsidraw l-iżviluppi fis-suq, ta’ kopertura u teknoloġiċi. Minħabba l-iskarsezza ta’ spettru, id-drittijiet individwali mogħtija lill-impriżi għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid regolarment. Meta jagħmlu dan l-eżami mill-ġdid, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iżommu bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-ħtieġa li tkun stimolata l-introduzzjoni tan-negozju tal-ispettru kif ukoll l-użu iktar flessibbli tal-ispettru permezz tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali meta jkun possibbli.

(70)

Emendi żgħar għad-drittijiet u l-obbligi huma dawk l-emendi li jkunu l-aktar amministrattivi, li ma jbiddlux in-natura sostanzjali tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali u tad-drittijiet tal-użu individwali u għaldaqstant ma jistgħux iwasslu għal xi vantaġġ komparattiv għall-impriżi l-oħra.

(71)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jiżguraw l-użu effettiv tal-ispettru meta r-riżorsi tal-ispettru jibqgħu ma jintużawx, jaġixxu biex ma jħallux il-ħżin anti-kompetittiv, li jista’ jfixkel id-dħul ġdid fis-suq.

(72)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva biex jimmonitorjaw u jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, inkluża s-setgħa li jimponu sanzjonijiet finanzjarji jew amministrattivi effettivi fil-każ ta’ ksur ta’ dawk it-termini u kundizzjonijiet.

(73)

Il-kundizzjonijiet li jistgħu jiżdiedu mal-awtorizzazzjonijiet għandhom ikopru kundizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilitajiet u l-ħtieġa tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-servizzi ta’ emerġenza li jikkomunikaw bejniethom u mal-pubbliku ġenerali qabel, matul u wara diżastri serji. Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-importanza tal-innovazzjoni teknika, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħorġu l-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-ispettru għal skopijiet sperimentali, skont restrizzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi li jkunu ġġustifikati b’mod strett min-natura sperimentali ta’ dawn id-drittijiet.

(74)

Ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (15) wera li kien effettiv fl-istadju inizjali tal-ftuħ tas-suq. Id-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) tistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja t-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju tal-1998 għall-qafas tal-2002 u biex tressaq proposti biex dak ir-Regolament jitħassar fiż-żmien xieraq. Skond il-qafas tal-2002, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom id-dmir li janalizzaw is-suq għall-aċċess disassoċjat għal-linja u għal-linji parzjali metalliċi lokali fi kwantità kbira għall-bejgħ mill-ġdid (wholsale) bl-iskop li jipprovdu medda wiesgħa ta’ frekwenzi u servizzi tal-vuċi kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq Rilevanti tal-Prodotti u s-Servizzi. Billi l-Istati Membri kollha analizzaw dan is-suq mill-inqas darba u l-obbligi xierqa bbażati fuq il-qafas tal-2002 qegħdin f’posthom, ir-Regolament Nru 2887/2000 m’għadux meħtieġ u għalhekk għandu jitħassar.

(75)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) u Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni) għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (16).

(76)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta Rakkomandazzjonijiet u/jew miżuri ta’ implimentazzjoni rigward in-notifiki skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas); l-armonizzazzjoni fl-oqsma tal-ispettru u l-għoti ta’ numri kif ukoll fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi; l-identifikazzjoni tas-swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti; l-identifikazzjoni ta’ swieq transkonfinali; l-implimentazzjoni tal-istandards u l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex taġġorna l-Anness I u II tad-Direttiva tal-Aċċess għas-suq u għall-iżviluppi teknoloġiċi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dawn id-Direttivi, inter alia billi jissumplimentawhom b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas)

Id-Direttiva 2002/21/KE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-Artikolu 1(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-utenti finali b’diżabilità. Tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Komunità.”;

(b)

għandu jiġi inserit il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess ta’, jew użu minn, utenti aħħarija ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

Kwalunkwe waħda minn dawn il-miżuri fir-rigward tal-aċċess ta’, jew użu minn, utenti aħħarija ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika li jkollhom il-possibbiltà li jirrestrinġu dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu adegwati, proporzjonati u meħtieġa fi ħdan soċjetà demokratika, u l-implimentazzjoni tagħhom għandha ssir konformement mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk tal-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi u tal-proċess kif dovut. Konformement, dawn il-miżuri jittieħdu biss jekk b’rispett kif dovut għall-prinċipju tal-presunzjoni tal-innoċenza u għad-dritt tal-privatezza. Għandha tiġi garantita, minn qabel, proċedura ġusta u imparzjali, inkluż id-dritt tas-smigħ tal-persuna jew persuni konċernati, suġġett għall-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet xierqa u arranġamenti proċedurali xierqa f’każijiet ta’ urġenza sostanzjati kif dovut konformement mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Għandu jkun garantit id-dritt ta’ ri-eżami ġudizzjarju li jkun effikaċi u tempestiv.”;

2.

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘network ta’ komunikazzjoni elettronika’ tfisser sistemi ta’ trażmissjoni u, fejn applikabbli, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra, li jinkludi elementi ta’ network li mhumiex attivi, li jippermettu t-twassil ta’ sinjali permezz ta’ wajer, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, networks fissi (circuit- u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta’ kejbil tal-elettriku, sal-punt li jintużaw għall-għan ta’ trażmissjoni tas-sinjali, networks użati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u networks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;”;

(b)

il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘swieq tranżnazzjonali’ tfisser swieq identifikati skont l-Artikolu 15(4) li jkopru l-Komunità jew parti sostanzjali tagħha, li jinsabu f’aktar minn Stat Membru wieħed.”;

(c)

il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

‘network pubbliku tal-komunikazzjoni’ tfisser network tal-komunikazzjoni elettronika użat kollu jew prinċipalment biex jipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jissapportjaw it-trasferiment tal-informazzjoni bejn il-punti terminali tan-network;”;

(d)

għandu jiġi inserit il-punt li ġej:

“(da)

‘punt tat-terminazzjoni tan-network’ (NTP) tfisser il-punt fiżiku li bih l-abbonat jiġi provdut b’aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjoni; fil-każ ta’ networks li jinvolvu l-iswiċċjar jew it-trasferiment, l-NTP huwa identifikat permezz ta’ indirizz speċifiku tan-network, li jista’ jitqabbad ma’ numru ta’ abbonat jew isem;”;

(e)

il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

‘faċilitajiet assoċjati’ tfisser dawk is-servizzi assoċjati, l-infrastrutturi fiżiċi u faċilitajiet jew elementi oħra assoċjati ma’ network tal-komunikazzjoni elettronika u/jew servizz tal-komunikazzjoni elettronika li jagħmlu possibbli u/jew jissapportjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-network u/jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu, inter alia, bini jew dħul għal bini, sistemi ta’ wajers tal-bini, antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, tubi, kondjuwits, toqob tal-ispezzjonar u kaxxi tat-triq;”;

(f)

għandu jiġi inserit il-punt li ġej:

“(ea)

‘servizzi assoċjati’ tfisser dawk is-servizzi assoċjati ma’ network tal-komunikazzjoni elettronika u/jew servizz tal-komunikazzjoni elettronika li jagħmlu possibbli u/jew jissapportjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-network u/jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu, inter alia, traduzzjoni ta’ numri jew sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti, sistemi ta’ aċċess kundizzjonali u gwidi tal-programmi elettroniċi, kif ukoll servizzi oħra bħal servizz ta’ identità, lok u preżenza;”;

(g)

il-punt (l) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

‘Direttivi Speċifiċi’ tfisser id-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (*);

(*)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;"

(h)

għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(q)

‘allokazzjoni ta’ spettru’ tfisser l-indikazzjoni ta’ medda ta’ frekwenzi għal użu minn tip wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju, fejn xieraq, taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

(r)

‘interferenza ta’ ħsara’ tfisser interferenza li tipperikola l-funzjonament ta’ servizz tan-navigazzjoni bir-radju jew ta’ servizzi oħra ta’ sigurtà jew li inkella tiddegrada serjament, tfixkel jew tinterrompi ripetutament servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju li joperaw skont ir-regolamenti tal-Komunità jew nazzjonali applikabbli;

(s)

‘sejħa’ tfisser konnessjoni stabbilita permezz ta’ servizz telefoniku pubblikament disponibbli li jippermetti komunikazzjoni li taħdem f’żewġ direzzjonijiet.”;

3.

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu (3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.”;

(b)

għandhom jiġu inseriti l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi skont l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa jissospendu jew idawru deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kap ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli, il-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni f’awtorità regolatorja nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu jew is-sostituti tagħhom ikunu jistgħu jitkeċċew biss jekk ma jissodisfawx iktar il-kondizzjonijiet mitluba għat-twettiq ta’ dmirijiethom li jkunu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali. Id-deċiżjoni biex jitkeċċa l-kap tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli biex jitkeċċew il-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni għandha ssir pubblika fiż-żmien tat-tkeċċija. Il-kap imkeċċi tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli l-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni, għandhom jirċievu dikjarazzjoni ta’ raġunijiet u għandu jkollhom id-dritt jitolbu l-pubblikazzjoni tagħha, jekk din ma tkunx ser issir, f’liema każ hija tiġi pubblikata.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu jkollhom baġits annwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubblikati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi umani u finanzjarji xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (**), kif ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom lil dan il-Korp.

3b.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għanijiet tal-BEREC fil-promozzjoni ta’ koordinazzjoni u koerenza regolatorja akbar huma aappoġġati b’mod attiv mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji rispettivi.

3c.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARN jieħdu kont sħiħ tal-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni adottati mill-BEREC meta jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom għas-swieq nazzjonali tagħhom.

(**)  Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jwaqqaf il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju”;"

4.

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.

Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa’ tgħodd, sakemm ma jkunux ingħataw miżuri interim skont il-liġi nazzjonali.”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar is-suġġett ġenerali tal-appelli, in-numru ta’ talbiet għal appell, id-durata tal-proċedimenti ta’ appell u n-numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu biex jiġu konċeduti miżuri interim. L-Istati Membri għandhom jipprovdu tali informazzjoni lill-Kummisjoni u lill-BEREC wara talba motivata minn wieħed minnhom.”;

5.

L-Artikolu 5(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jipprovdu l-informazzjoni kollha, inkluża l-informazzjoni finanzjarja, meħtieġa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi, jew mad-deċiżjonijiet meħuda skont dawn. B’mod partikolari, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lil dawk l-impriżi jippreżentaw informazzjoni dwar l-iżviluppi futuri fin-network jew fis-servizz li jistgħu jkollhom impatt fuq is-servizzi bl-ingrossa li jistgħu jkunu disponibbli għall-kompetituri. Impriżi b’qawwa tas-suq sinifikanti fuq is-swieq bl-ingrossa jistgħu jintalbu jippreżentaw data ta’ kontabbiltà dwar is-swieq tal-bejgħ bl-imnut li huma assoċjati ma’ dawk is-swieq bl-ingrossa.

L-impriżi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fil-pront kif tintalab u b’mod konformi mal-limiti ta’ żmien u fil-livell ta’ dettall mitluba mill- awtorità regolatorja nazzjonali. L-informazzjoni mitluba mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun proporzjonata għat-twettiq ta’ dak il-kompitu. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħha għall-informazzjoni u għandha tittratta l-informazzjoni konformement mal-paragrafu 3.”;

6.

L-Arikoli 6 u 7 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Mekkaniżmu għall-konsultazzjoni u għat-trasparenza

Għajr f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 7(9), 20, jew 21, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri skont din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, jew fejn jkollhom l-intenzjoni jipprovdu għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 9(3) u 9(4), li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq rilevanti, huma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw fuq l-abbozz ta’ miżura fi żmien raġonevoli.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw il-proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jistabbilixxu punt uniku ta’ informazzjoni li permezz tiegħu l-konsultazzjonijiet kollha għaddejjin jkunu aċċessibbli.

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ħlief fil-każ tal-informazzjoni kunfidenzjali skont il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalita’ tan-negozju.

Artikolu 7

It-tisħiħ tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l- awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, sa fejn dawk jirrelataw mat-tħaddim tas-Suq Intern.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jaħdmu flimkien u mal-Kummissjoni u mal-BEREC b’mod trasparenti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. Għal dan il-għan, huma għandhom, b’mod partikolari, jaħdmu mal-Kummissjoni u l-BEREC biex jidentifikaw it-tipi ta’ strumenti u rimedji l-iktar adattati biex ikunu ttrattati tipi partikolari ta’ sitwazzjonijiet fis-suq.

3.   Għajr fejn jipprovdu mod ieħor fir-rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida adottati skont l-Artikolu 7b, meta titlesta l-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, fejn awtorità regolatorja nazzjonali jkollha l-intenzjoni tieħu miżura li:

(a)

taqa’ fl-ambitu tal-Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, jew l-Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), u

(b)

tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

għandha tqiegħed l-abbozz ta’ miżura għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-BEREC u tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-Istati Membri oħra, fl-istess ħin, flimkien mar-raġunijiet li fuqhom tissejjes il-miżura, skont l-Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni, lill-BEREC u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’dan. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-BEREC u l-Kummissjoni jistgħu jgħaddu l-kummenti tagħhom lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata biss fi żmien xahar. Dan il-perjodu ta’ xahar ma jistax jiġi estiż.

4.   Fejn miżura maħsuba koperta mill-paragrafu 3 jkollha l-għan li:

(a)

tiddefinixxi suq rilevanti li jkun differenti minn dawk definiti fir-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 15(1); jew

(b)

tiddeċiedi jekk impriża tiġix nominata jew le bħala li għandha, jew individwalment jew flimkien ma’ oħrajn, saħħa sinifikanti fis-suq, skont l-Artikolu 16(3), (4) jew (5);

u li tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li l-Kummissjoni tkun indikat lill-awtorità regolatorja nazzjonali li hija tikkunsidra li l-abbozz ta’ miżura jkun joħloq barriera għas-suq uniku jew jekk hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibilità tiegħu mal-liġi tal-Komunità u b’mod partikolari l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8, allura l-abbozz ta’ miżura m’għandux ikun adottat qabel xahrejn oħra. Dan il-perjodu ma jistax jiġi estiż. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħrajn bir-riżervi tagħha f’tali każ.

5.   Fi żmien perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’:

(a)

tista’ tiddeċiedi li titlob lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata biex tirtira l-abbozz ta’ miżura, u/jew

(b)

tieħu deċiżjoni li tirtira r-riżervi tagħha fir-rigward tal-abbozz ta’ miżura msemmi fil-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-opinjoni tal-BEREC qabel ma toħroġ id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tkun akkompanjata minn analiżi ddettaljata u oġġettiva dwar x’wassal lill-Kummissjoni biex tikkonsidra li l-abbozz ta’ miżura m’għandux ikun adottat flimkien ma’ proposti biex ikun emendat l-abbozz ta’ miżura.

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 5 tirrikjedi lill-awtorità regolatorja nazzjonali tirtira l-abbozz ta’ miżura, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha temenda jew tirtira l-abbozz ta’ miżura fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Meta l-abbozz ta’ miżura jkun emendat, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timpenja ruħha li tagħmel konsultazzjoni pubblika skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6, u għandha tinnotifika mill-ġdid lill-Kummissjoni bl-abbozz ta’ miżura emendat skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.

7.   L-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tieħu kont sħiħ tal -kummenti ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra, tal-BEREC u tal-Kummissjoni u tista’, ħlief għall-każijiet koperti mill-paragrafu 4 u 5(a), tadotta l-abbozz ta’ miżura li jirriżulta u, meta tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

8.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkomunika lill-Kummissjoni u lill-BEREC l-miżuri finali kollha adottati li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(3) (a) u (b).

9.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkunsidra li jkun hemm ħtieġa urġenti biex taġixxi sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni u tħares l-interessi tal-utenti, permezz ta’ deroga mill-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4, hija tista’ tadotta minnufih miżuri proporzjonati u temporanji. Hija għandha, mingħajr dewmien, tikkommunika dawk il-miżuri, flimkien mar-raġunijiet sħaħ, lill-Kummissjoni, lill-awtorità regolatorja nazzjonali l-oħra, u lill-BEREC. Deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja biex tirrendi permanenti dawk il-miżuri jew biex testendi ż-żmien li għalih huma applikabbli għandhom ikun suġġetti għad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4.”;

7.

Għandhom jiġu inseriti l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 7a

Proċedura għall-applikazzjoni konsistenti tar-rimedji

1.   Meta miżura maħsuba koperta mill-Artikolu 7(3) jkollha l-għan li timponi, temenda jew tirtira obbligu fuq operatur bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16 flimkien mal-Artikoli 5 u 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva dwar l-Aċċess), u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), il-Kummissjoni tista’, fil- perjodu ta’ xahar stabbilit mill-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva), tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata u lill-BEREC dwar ir-raġunijiet għalfejn tqis li l-abbozz tal-miżura joħloq ostaklu għas-suq komuni jew inkella li għandha dubji serji b’rabta mal-kompatibiltà tiegħu mal-liġi Komunitarja. F’każ bħal dan, l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat għal tliet xhur oħra wara n-notifika tal-Kummissjoni.

Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata tista’ tadotta l-abbozz ta’ miżura, wara li tagħti l-ikbar kunsiderazzjoni lil kull kumment magħmul mill-Kummissjoni, mill-BEREC jew minn kwalunkwe awtorità regolatorja nazzjonali oħra.

2.   Fi żmien perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, il-BEREC u l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata għandhom jikkoperaw mill-qrib sabiex jidentifikaw l-iktar miżura xierqa u effettiva fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, filwaqt li jqisu b’mod xieraq il-fehmiet tal-parteċipanti tas-suq u l-ħtieġa li jkun żgurat l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti.

3.   Fi żmien sitt ġimgħat mill-bidu tal-perjodu ta’ tliet xhur imsemmija fil-paragrafu 1, il-BEREC għandu, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, joħroġ opinjoni dwar in-notifika tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, li tindika jekk iqisx li l-abbozz tal-miżura għandux jiġi emendat jew irtirat u, fejn hu xieraq, jipprovdi proposti speċifiċi għal dak il-għan. Din l-opinjoni għandha tkun raġunata u ssir disponibbli għall-pubbliku.

4.   Jekk fl-opinjoni tiegħu, il-BEREC jaqbel mad-dubji serji tal-Kummissjoni, hu għandu jikkopera mill-qrib mal-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata bil-għan li tiġi identifikata l-aktar miżura xierqa u effettiva. Qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’:

(a)

temenda jew tirtira l-abbozz ta’ miżura tagħha billi jittieħed l-akbar kont tan-notifika tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll tal-opinjoni u l-pariri tal-BEREC;

(b)

iżżomm l-abbozz ta’ miżura tagħha.

5.   Fejn il-BEREC ma jaqbilx mad-dubji serji tal-Kummissjoni jew ma joħroġx opinjoni, jew fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali temenda jew iżżomm l-abbozz ta’ miżura tagħha skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’, fi żmien xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 1 u filwaqt li tqis sew l-opinjoni tal- BEREC jekk ikun il-każ:

(a)

toħroġ rakkomandazzjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata temenda jew tirtira l-abbozz ta’ miżura, inklużi proposti speċifiċi għal dak il-għan u tipprovdi raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rakkomandazzjoni tagħha, b’mod partikolari fejn il-BEREC ma jkunx jaqbel mad-dubji serji tal-Kummissjoni, u proposti speċifiċi għal dak il-għan;

(b)

Jieħu deċiżjoni li jneħħi r-riżervazzjonijiet tiegħu indikati skont il-paragrafu 1.

6.   Fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni toħroġ ir-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 5 (a) jew tneħħi r-riżervi tagħha skont il-paragrafu 5(b), l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata għandha tikkomunika lill-Kummissjoni u lill-BEREC il-miżura finali adottata.

Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż biex jippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li twettaq konsultazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6.

7.   Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tiddeċiedi li ma temendax jew tirtira l-abbozz tal-miżura fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni maħruġa skont il-paragrafu 5 (a), din għandha tipprovdi ġustifikazzjoni raġunata.

8.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tirtira l-abbozz tal-miżura proposta fi kwalunkwe fażi tal-proċedura.

Artikolu 7b

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   Wara konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali u b’kont sħiħ meħud tal-opinjoni tal-BEREC, il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida fir-rigward tal-Artiklu 7 li jiddefenixxu l-forma, il-kontenut u l-livell ta’ dettalji li jridu jingħataw fin-notifiki meħtieġa skont l-Artikolu 7(3), iċ-ċirkostanzi li fihom in-notifiki ma jkunux meħtieġa, u l-kalkolu tal-limiti taż-żmien.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 22(2).”;

8.

L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sakemm mhuwiex ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 9 dwar il-frekwenzi tar-radju, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tal-fatt li huwa mixtieq li r-regolamenti li jsiru jkunu newtrali teknoloġikament u għandhom jiżguraw meta jwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu l-istess.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

jiżguraw li l-utenti, inklużi l-utenti b’diżabbiltà, l-utenti anzjani, u l-utenti bi bżonnijiet speċjali jieħdu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

(b)

jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut”;

(c)

fil-paragrafu 2, il-punti (c) għandu jitħassar;

(d)

fil-paragrafu 3, il-punti (c) għandu jitħassar;

(e)

fil-paragrafu 3, il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

jikkooperaw bejniethom, mal-Kummissjoni u mal-BEREC sabiex jiżguraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.”;

(f)

fil-paragrafu 4, il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jittrattaw il-bżonnijiet ta’ gruppi soċjali speċifiċi, b’mod partikolari l-utenti b’diżabilità, l-utenti anzjani u l-utenti bi bżonnijiet soċjali speċifiċi;”;

(g)

fil-paragrafu 4, għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

il-promozzjoni tal-ħila tal-utenti aħħarija li jkollhom aċċess u jiddistribwixxu informazzjoni jew jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma;”;

(h)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia:

(a)

jippromwovu l-prevedibilità regolatorja billi jiżguraw approċċ regolatorju konsistenti tul perjodi ta’ reviżjoni xierqa;

(b)

jiżguraw li, f’ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta’ intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjoni elettronika u servizzi;

(c)

jissalvagwardjaw kompetizzjoni għall-benefiċċju ta’ konsumaturi u jippromwovu fejn xieraq kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura;

(d)

jippromwovu investiment u innovazzjoni effiċjenti f’infrastrutturi ġodda u mtejba, inkluż billi jkun żgurat li kwalunkwe obbligu ta aċċess iqis kif jixraq ir-riskju meħud mill-intrapriżi li jinvestu u billi jippermettu diversi arranġamenti koperattivi bejn l-investituri u l-partijiet li jitolbu l-aċċess sabiex ikun diversifikat is-sogru tal-investiment, filwaqt li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-suq u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni ikunu ppreservati;

(e)

jieħdu kont debitu tal-varjetà ta’ kondizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-konsumaturi li jeżistu f’żoni ġeografiċi varji fi Stat Membru;

(f)

jimponu obbligi regolatorji ex-ante biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jirrilassawhom jew ineħħuhom hekk kif tkun issodisfata kundizzjoni tali”;

9.

Għandu jiġi inserit l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Ippjanar strateġiku u kordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju.

1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni fl-ippjanar strateġiku, koordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea. Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-aspetti ekonomiċi, ta’ saħħa, ta’ interess pubbliku, ta’ libertà ta’ espressjoni, kulturali, xjentifiċi, soċjali u tekniċi tal-politika tal-UE kif ukoll tal-varji interessi tal-komunitajiet ta’ utenti tal-ispettru tar-radju bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-ispettru tar-radju u jiġu evitati interferenzi dannużi.

2.   B’kooperazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-koordinazzjoni tal-approċċi politiċi dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea u, fejn xieraq, dwar kondizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-ispektrum tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

3.   Il-Kummissjoni, waqt li tqis l-opinjoni tal-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (***), jista’ jippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jistabbilixxi programmi plurijennali tal-politika tal-ispettru tar-radju. Programmi tali għandhom jistabbilixxu l-orjentamenti u l-objettivi politiċi għall-ippJannar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi.

4.   Kull fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-interessi tal-Komunità Ewropea f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispektrum tar-radju, il-Kummissjoni, waqt li tieħu l-akbar kont possibbli tal-opinjoni tal-RSPG, tista’ tipproponi għanijiet ta’ politika komuni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(***)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.”;"

10.

L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Il-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

1.   B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-ispettur użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-ITU tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.

2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mal-Komunità kollha, b’konsistenza mal-ħtieġa li jkun żgurat l-użu effettiv u effiċjenti tiegħu fi tfittxija għal benefiċċji għall-konsumatur bħal ekonomiji ta’ skala u interoperabbiltà ta’ servizzi. Waqt li jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu skont mal-Artikolu 8a u mad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju).

3.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ teknoloġija użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jintużaw fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju dikjarati disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ teknoloġija tan-network tar-radju jew tal-aċċess bla wajer użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, fejn dan ikun iġġustifikat biex:

(a)

tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

(b)

titħares is-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi;

(c)

tiġi żgurata kwalità teknika ta’ servizz;

(d)

jiġi żgurat li l-użu tal-frekwenza tar-radju kemm jista’ jkun jinqasam;

(e)

ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew

(f)

jiġi żgurat li jinkiseb għan ta’ interess ġenerali taħt il-paragrafu 4.

4.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jkunu provduti fil-meded tal-frekwenzi tar-radju u dikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li se jkunu pprovduti, inklużi, fejn hu meħtieġ, biex jiġi ssodisfatt rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju.

Miżuri li jeħtieġu li jiġi provdut servizz ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika disponibbli għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun ġustifikat sabiex jiġi żgurat is-sodisfazzjon ta’ għan ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, bħal u mhux limitat għal:

(a)

sikurezza tal-ħajja,

(b)

il-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali, reġjonali jew territorjali,

(c)

l-evitar ta’ użu ineffiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju, jew

(d)

il-promozzjoni ta’ diversità kulturali u lingwistika u pluraliżmu tal-media, per eżempju bil-forniment ta’ servizzi ta’ xandir bir-radju u t-televiżjoni.

Miżura li tipprojbixxi l-provvista ta’ kull servizz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika tista’ tiġi prevista biss fejn tkun ġustifikata mill-ħtieġa li jkunu protetti servizzi tas-sikurezza tal-ħajja. L-Istati Membri jistgħu b’eċċezzjoni jestendu wkoll tali miżura sabiex jissodisfaw għanijet ta’ interess ġenerali oħrajn kif iddefinit mill-Istati Membri skont il-liġi Komunitarja.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ħtieġa tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 u għandhom jagħmlu r-riżultati ta’ dawn ir-reviżjonijiet pubbliċi.

6.   Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw għall-ispettru allokat għall-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali maħruġa u d-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju mogħtija wara l-25 ta’ Mejju 2011.

L-allokazzjonijiet tal-ispettru, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet tal-użu individwali li eżistew sal-25 ta’ Mejju 2011 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 9a.

7.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi Speċifiċi u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jevitaw l-ħżin tal-ispettru, b’mod partikolari billi jistabbilixxu skadenzi stretti għall-esplojtazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-użu mid-detentur tad-drittijiet u billi japplikaw penaltajiet, inkluż penali finanzjarji jew l-irtirar ta’ drittijiet ta’ użu f’każ ta’ non konformità mal-iskadenzi. Dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti u applikati b’mod proporzjonat, non diskriminatorju u trasparenti.”

11.

Għandhom jiġu inseriti l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Reviżjoni tar-restrizzjonijiet għal drittijiet eżistenti

1.   Għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mill-25 ta’ Mejju 2011, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-detenturi ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju li jkunu ngħataw qabel dik id-data u li ser jibqgħu validi għal perijodu ta’ mhux anqas minn ħames snin wara dik id-data, li jressqu applikazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għal reviżjoni tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom, skont l-Artikolu 9(3) u (4).

Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għandha tinnotifika d-detentur tad-drittijiet bir-reviżjoni mill-ġdid tagħha tar-restrizzjonijiet u tindika sa fejn jasal id-dritt konċernat wara r-reviżjoni u għandha tagħtih skadenza raġonevoli biex jirtira l-applikazzjoni tiegħu.

Jekk id-detentur tad-drittijiet jirtira l-applikazzjoni tiegħu, id-dritt għandu jibqa’ bla tibdil sal-iskadenza tiegħu jew sa tmiem il-perjodu ta’ 5 snin, skont liema data hija l-aktar kmieni.

2.   Wara l-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Artikolu 9(3) u (4) japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet individwali u allokazzjonijiet tal-ispettru użati għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li eżistew sal-25 ta’ Mejju 2011.

3.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta.

4.   Il-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxux l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ġodda u għalhekk mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).

Artikolu 9b

It-trasferiment jew kiri ta’ drittijiet individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jistgħu jittrasferixxu jew jikru lil impriżi oħra skont il-kundizzjonijiet mehmuża mad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju u skont il-proċeduri nazzjonali d-drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju fil-meded li għalihom huwa previst dan fil-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 3.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dispożizzjonijiet biex l-impriżi jittrasferixxu jew jikru d-drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju lil impriżi oħra skont proċeduri nazzjonali.

Kondizzjonijiet marbuta ma’ drittijiet individwali għandhom jibqgħu japplikaw wara t-trasferiment jew il-kiri, sakemm mhux speċifikat mod ieħor mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx japplikaw fejn id-dritt individwali tal-impriża li tuża frekwenzi tar-radju inizjalment ikun ingħata bla ħlas.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intenzjoni tal-impriża li tittrasferixxi d-drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, kif ukoll it-trasferiment effettiv ta’ dawn tkun innotifikata skont proċeduri nazzjonali lill-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ drittijiet individwali ta’ użu u tkun ippubblikata. Meta l-użu tal-frekwenza tar-radju jkun ġie armonizzat permezz tal-applikazzjoni tad- id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju)jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dan għandu jkun konformi ma’ dan l-użu armonizzat.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri addattati implimentattivi biex tidentifika l-meded li d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jistgħu jkunu ttrasferiti jew mikrija bejn l-impriżi. Dawn il-miżuri m’għandhomx ikopru frekwenzi li jintużaw għax-xandir.

Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).”

12.

L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkontrollaw l-għotja ta’ drittijiet ta’ użu tar-riżorsi kollha tan-numerazzjoni nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni. L-Istati Membri għandom jiżguraw li firxiet adegwati ta’ numri u numerazzjoni huma provduti għas-servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunkazzjonijiet elettroniċi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jistabbilixxu proċeduri objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji għall-għotja ta’ drittijiet ta’ użu għar-riżorsi tan-numerazzjoni nazzjonali.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-pjani nazzjonali għan-numerazzjoni u l-proċeduri jiġu applikati b’mod li jagħti trattament ugwali lill-provdituri kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriża li tingħatala d-dritt ta’ użu għal serje ta’ numri ma tiddiskriminax kontra oħrajn li jippovdu s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fir-rigward tas-sekwenzi tan-numri użati biex jagħtu aċċess għas-servizzi tagħhom.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-armonizzazzjoni ta’ numri speċifiċi jew firxiet ta’ numri fil-Komunità meta dik tippromwovi kemm il-funzjonament tas-suq intern kif ukoll tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi pan-Ewropej. Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi xierqa dwar din il-kwistjoni.

Dawn il-miżuri maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jikkompletawha, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).”;

13.

L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż, għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

taġixxi abbażi ta’ proċeduri sempliċi, effiċjenti, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku, li jkunu applikati mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien sitt xhur mill-applikazzjoni, ħlief f’każijiet ta’ esproprjazzjoni, u”;

(b)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi fejn awtoritajiet pubbliċi jew lokali jżommu l-proprjetà jew kontroll ta’ impriżi li joperaw networks ta’ komunikazzjoni elettronika pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, ikun hemm separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni responsabbli għall-għoti tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.”;

14.

L-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-ko-lokazzjoni u l-użu komuni ta’ elementi tan-network u faċilitajiet assoċjati għall-fornituri tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika

1.   Meta l-impriża li tipprovdi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkollha d-dritt skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistalla l-faċilitajiet fuq, minn fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata, jew tkun tista’ tieħu vantaġġ mill-proċedura għall-esproprjazzjoni jew użu ta’ proprjetà, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, filwaqt li jqisu bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunu jistgħu jimponu l-użu komuni ta’ dawn il-faċilitajiet jew din il-proprjetà, inklużi l-binjiet, id-dħul fil-bini, is-sistema tal-wajers fil-bini, l-arbli, l-antenni, it-torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, it-tubi, il-kondjuwits, it-toqob, l-kaxxi tal-ispezzjonar.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jikkondividu l-faċilitajiet jew il-proprjetà (inkluża l-ko-lokazzjoni fiżika) jew jieħdu l-miżuri biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi sabiex ikunu protetti l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jissodisfaw l-għanijet tal-ippjanar tal-ibliet u l-kampanja u biss wara perijodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulu l-partijiet kollha interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Dan l-użu komuni jew dawn l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni jistgħu jinkludu r-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-użu komuni tal-faċilitajiet jew proprjetà.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali, wara perjodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika li waqtu l-partijiet kollha interessati jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, ikollhom ukoll is-setgħa li jimponu l-obbligi għall-qsim tal-wiring fil-bini jew sal-ewwel punt ta’ konċentrazzjoni jew distribuzzjoni fejn dan ikun jinsab barra mill-bini, fuq id-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u/jew fuq is-sid ta’ tali wiring, fejn dan ikun iġġustifikat mill-fatt li d-duplikazzjoni ta’ infrastruttura tali ikun ekonomikament ineffiċjenti jew fiżikament imprattikabbli. Dan l-użu komuni jew arranġamenti ta’ koordinazzjoni jistgħu jinkludu r-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-użu komuni tal-faċilitajiet jew proprjetà, aġġustati għarr-iskju fejn ikun xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jirrikjedu lill-impriżi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, jekk mitluba mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex dawn l-awtoritajiet, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ikunu jistgħu jistabbilixxu inventorju dettaljat tan-natura, disponibbiltà u lokazzjoni ġeografika tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u jagħmluh disponibbli lil partijiet interessati.

5.   Il-miżuri li jittieħdu minn awtorità regolatorja nazzjonali skont dan l-Artikolu għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati. Fejn ikun relevanti, dawn il-miżuri għandhom jitwettqu b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali.”;

15.

Għandu jiġi miżjud il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIIa

IS-SIGURTÀ U L-INTEGRITÀ TAN-NETWORKS U S-SERVIZZI

Artikolu 13a

Is-sigurtà u l-integrità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jimmaniġġaw adegwatament ir-riskji għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi. Meta tikkunsidra t-teknoloġija l-iktar moderna, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà li jkun adattat għar-riskju li jippreżenta ruħu. B’mod partikolari, il-miżuri għandhom jittieħdu biex jevitaw u jnaqqsu l-impatt tal-inċidenti ta’ sigurtà fuq l-utenti u n-networks li jkunu interkonnessi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità tan-networks tagħhom, u b’hekk jiżguraw il-kontinwità tal-provvista tas-servizzi pprovduti minn fuq dawk in-networks.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali bi ksur tas-sigurtà jew telf tal-integrità li kellu impatt sinifikanti fuq it-tħaddim tan-networks u tas-servizzi.

Meta jkun xieraq, l-awtorità kompetenti nazzjonali kkonċernata għandha tgħarraf lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti nazzjonali fi Stati Membri oħra u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA). L-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista’ tgħarraf lill-pubbliku jew titlob lill-impriżi kkonċernati biex jagħmlu dan, fejn tistabbilixxi li jkun fl-interess pubbliku li l-ksur ikun żvelat.

Darba fis-sena, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tippreżenta rapport fil-qosor lill-Kummissjoni u lil ENISA dwar in-notifiki li tirċievi u l-azzjoni li tkun ittieħdet skont dan il-paragrafu.

4.   Il-Kummissjoni, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-ENISA, tista’ tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jkunu xierqa bil-għan li jkunu armonizzati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, inklużi l-miżuri li jiddefinixxu ċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri li japplikaw għar-rekwiżiti tan-notifika. Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi kemm jista’ jkun għandhom ikunu bbażati fuq standards Ewropej u internazzjonali, u m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw ħtiġijiet addizzjonali sabiex isegwu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).

Artikolu 13b

L-implimentazzjoni u l-infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sabiex jimplimentaw l-Artikolu 13a, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom is-setgħa li joħorġu istruzzjonijiet li jorbtu, inklużi dawk dwar il-limiti taż-żmien għall-implimentazzoni, lill-impriżi li jipprovdu n-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku biex:

(a)

jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex tkun ivvalutata s-sigurtà u/jew l-integrità tas-servizzi u n-networks tagħhom, inklużi d-dokumenti dwar il-politika ta’ sigurtà; kif ukoll

(b)

jikkontribwixxu għal verifika tas-sigurtà mwettqa minn korp indipendenti kwalifikat jew awtorità nazzjonali kompetenti u tagħmel ir-riżultati ta’ din disponibbli lill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża tal-verifika għandha titħallas mill-impriżi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jinvestigaw il-każi ta’ nuqqas ta’ konformità u l-effetti tagħhom fuq is-sigurtà u l-integrità tan-netwerks.

4.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.”;

16.

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn impriża jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f’suq speċifiku (l-ewwel suq), tista’ wkoll titqies li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f’suq relatat mill-qrib (it-tieni suq), fejn ir-rabtiet bejn iż-żewġ swieq huma tali li jippermettu li s-saħħa fis-suq miżmuma fl-ewwel suq titferra’ fit-tieni suq, b’hekk issaħħaħ is-saħħa tas-suq tal-impriża. Konsegwentement, rimedji mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ tali trasferiment jistgħu jiġu applikati fit-tieni suq skont l-Artikoli 9, 10, 11 u 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-‘Direttiva tal-Aċċess’) u fejn tali rimedji ma jkunux biżżejjed, jistgħu jiġu imposti rimedji skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-‘Direttiva dwar is-Servizz Universali’).”;

17.

L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Il-proċedura għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tas-swieq”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Wara l-konsultazzjoni pubblika fosthom mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-BEREC, il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), għandha tadotta Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti (ir-Rakkomandazzjoni). Ir-Rakkomandazzjoni għandha tidentifika dawk is-swieq ta’ prodotti u servizzi ġewwa s-settur tal-komunikazzjoni elettronika li l-karatteristiċi tagħhom jistgħu jkunu hekk li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-obbligi regolatorji stabbiliti fid-Direttivi Speċifiċi, bla ħsara għas-swieq li jistgħu jkunu definiti f’każijiet speċifiċi skont il-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq skont il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni u lil-Linji Gwida, għandhom jiddefinixxu s-swieq rilevanti li jaqblu maċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari s-swieq ġeografiċi rilevanti ġewwa t-territorju, skont il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom isegwu l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu s-swieq li huma diversi minn dawk identifikati fir-Rakkomandazzjoni.”;

(d)

il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Wara konsultazzjoni fosthom mal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni tista’, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-BEREC, waqt li taġixxi skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3), tadotta deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali.”;

18.

L-Artikolu 16 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti b’kont meħud tas-swieq identifikati fir-Rakkomandazzjoni, u wara li jieħdu kont sħiħ tal-Linji Gwida. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-analiżi titwettaq, meta jkun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.   Fejn awtorità regolatorja nazzjonali tintalab taħt il- paragrafi (3) jew (4) ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (‘id-Direttiva dwar is-Servizz Universali’), jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (‘id-Direttiva dwar l-Aċċess’) biex tiddetermina jekk timponix, iżżommx, temendax jew tirtirax l-obbligi fuq l-impriżi, hija għandha tiddetermina fuq il-bażi tal-analiżi tas-suq tagħha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk is-suq rilevanti jkunx kompetittiv b’mod effettiv.”;

(b)

Il-paragrafi 4, 5 u 6 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq rilevanti mhux effettivament kompetittiv, hija għandha tidentifika impriżi li individwalment jew flimkien għandhom saħħa sinifikanti fuq dak is-suq skont l-Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha timponi fuq dawk l-impriżi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn diġa’ jeżistu.

5.   Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati fid-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15(4), l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati għandhom konġuntement iwettqu analiżi tas-suq, waqt li jieħdu kont sħiħ tal-Linji Gwida u jiddeċiedu b’mod miftiehem dwar kwlaunkwe impożizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar tal-obbligazzjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Miżuri meħuda skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu soġġetti għall-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti u jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżura korrispondenti skont l-Artikolu 7:

(a)

fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tal-miżura preċedenti relatata ma’ dak is-suq; madankollu, b’mod eċċezzjonali, dak il-perijodu jista’ jiġi estiż sa tliet snin oħra, fejn l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun notifikat estensjoni proposta b’raġuni lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni ma tkunx oġġezzjonat fi żmien xahar mill-estensjoni notifikata;

(b)

fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni riveduta dwar is-swieq rilevanti, għas-swieq li ma kinux notifikati qabel lill-Kummissjoni, jew;

(c)

fi żmien sentejn mill-adeżjoni tagħhom, għall-Istati Membri li għadhom kif issieħbu mal-Unjoni.”;

(c)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Meta awtorità regolatorja nazzjonali ma tkunx temmet l-analiżi tagħha tas-suq rilevanti identifikat fir-Rakkomandazzjoni fiż-żmien preskritt fl-Artikolu 16(6), il-BEREC għandu, fuq talba, jipprovdi assistenza lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata fit-tlestija tal-analiżi tas-suq speċifiku u l-obbligi speċifiċi li ser jiġu imposti. B’din l-assistenza, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha fi żmien sitt xhur tinnotifika l-abbozz ta’ miżura lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7.”;

19.

L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, il-kelma “standards” għandha tiġi sostitwita bi “standards mhux obbligatorji”:

(b)

It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Fin-nuqqas ta’ dawk l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali jew rakkomandazzjonijiet adottati mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Kummissjoni Internazzjonali Elettroteknika (IEC);

(c)

Il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel l-implimentazzjoni ta’ ċerti standards u/jew speċifikazzjonijiet obbligatorja, għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tistieden kummenti pubbliċi mill-partijiet kollha konċernati. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa u tagħmel l-implimentazzjoni tal-istandards rilevanti obbligatorji billi tagħmel referenza għalihom bħala standards obbligatorji fil-lista tal-istandards u/jew speċifikazzjonijiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jikkontribwixxux aktar għall-provvista ta’ servizzi armonizzati ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li ma jkunux għadhom jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumatur jew qed ifixklu l-iżvilupp teknoloġiku, għandha, waqt li taġixxi skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), tneħħihom mil-lista ta’ standards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”;

(d)

fil-paragrafu 6, il-kliem “filwaqt li taġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(3), tneħħihom mill-lista tal-istandards u/ew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “tieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa u tneħħi dawk l-istandards jew speċifikazzjonijiet mil-lista tal-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1”;

(e)

għandu jiġi inserit il-paragrafu li ġej:

“6a.   Il-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 6, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).”;

20.

L-Artikolu 18 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, għandu jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

dawk li jipprovdu s-servizzi u t-tagħmir tat-TV diġitali biex jikkooperaw fil-provvista ta’ servizzi interoperabbli tat-TV għall-utenti fnali b’diżabbiltà.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

21.

L-Artikolu 19 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Proċeduri ta’ armonizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva u tal-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2002/20/KE (‘id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni’), fejn il-Kummissjoni ssib li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi jistgħu joħolqu barriera għas-suq intern, il-Kummissjoni tista’, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-BEREC,, toħroġ rakkomandazzjoni jew deċiżjoni dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi sabiex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8.

2.   Meta l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1, għandha taġixxi skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont sħiħ ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Meta awtorità regolatorja nazzjonali tagħżel li ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha.

3.   Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu biss l-identifikazzjoni ta’ strateġija armonizzata jew ikkoordinata bl-iskop li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni inkonsistenti ta’ approċċi regolatorji ġenerali mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika fl-applikazzjoni tal-Artikoli 15 u 16, meta dan joħloq ostakolu għas-suq intern. Dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx jirreferu għal notifiki speċifiċi maħruġa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 7a;

F’każ tali, il-Kummissjoni m’għandhiex tipproponi abbozz ta’ deċiżjoni ħlief:

wara li jkunu għaddew mill-inqas sentejn mill-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tkun titratta l-istess kwistjoni, u;

wara li jkun ittieħed ħafna qies ta’ opinjoni tal-BEREC dwar il-każ għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, li għandha tkun pprovduta mill-BEREC fi żmien tliet xhur mit-talba tal-Kummissjoni;

(b)

l-għoti ta’ numri, inklużi l-firxiet tan-numri, il-portabilità tan-numri u tal-elementi ta’ identifikazzjoni, is-sistemi li jittraduċu n-numri u l-indirizzi, u l-aċċess għas-servizzi ta’emerġenza tal-112.

4.   Id-deċiżjoni, msemmija fil-paragrafu 1 maħsuba biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).

5.   Il-BEREC jista’ fuq l-inizjattiva tiegħu stess jagħti parir lill-Kummissjoni dwar jekk il-miżura għandhiex tiġi adottata skont il-paragrafu 1.”;

22.

L-Artikolu 20(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każ ta’ disputa li tinqala’ b’konnessjoni ma’ obbligazzjonijiet eżistenti taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjoni elettronika jew servizzi fi Stat Membru, jew bejn tali impriżi u impriżi oħra fl-Istat Membru li jibbenefika mill-obbligi ta’ aċċess u/jew konnessjoni minn ġewwa li tirriżulta minn din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata, għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi d-disputa fl-iqsar perijodu ta’ żmien possibbli u f’kull każ fi żmien erba’ xhur, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Istat Membru konċernat għandu jitlob li l-partijiet kollha jikkooperaw kompletament mal-awtorità regolatorja nazzjonali.”;

23.

L-Artikolu 21 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Is-soluzzjoni ta’ tilwim transkonfinali

1.   Fil-każ ta’ disputa transkonfinali taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn partijiet fi Stati Membri differenti, u meta d-disputa taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Kwalunkwe parti tista’ tirreferi d-disputa lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kompetenti għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u għandu jkollhom id-dritt li jikkonsultaw mal-BEREC sabiex tinstab soluzzjoni għad-disputa, skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8.

Kwalunkwe obbligu impost fuq impriża mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għal tilwima għandu jkun konformi ma’ din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi.

Kwalunkwe awtorità nazzjonali regolatorja li għandha kompetenza f’tali disputa tista’ titlob lill-BEREC biex jadotta opinjoni dwar l-azzjoni li trid tittieħed skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u/jew d-Direttivi Speċifiċi biex tiġi solvuta d-disputa.

Meta din it-talba tkun saret lill-BEREC, kwalunkwe awtorità nazzjonali regolatorja li jkollha l-kompetenza f’xi aspett tad-disputa għandha tistenna l-opinjoni tal-BEREC, qabel ma taġixxi biex tirriżolvi d-disputa. Dan m’għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji milli jieħdu l-miżuri urġenti meta jkun meħtieġ.

Kull obbligu impost fuq l-impriża mill-awtorità regolatorja nazzjonali biex tirriżolvi d-disputa għandu jirrispetta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi u jieħu kont sħiħ tal-opinjoni adottata mill-BEREC.

3.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kompetenti biex flimkien ma jaċċettawx li jirriżolvu d-disputa meta jkunu jeżistu mekkaniżmi oħra, inkluża l-medjazzjoni, u dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu aħjar għar-riżoluzzjoni tad-disputa b’mod f’waqtu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.

Huma għandhom jinfurmaw lill-partijiet mingħajr dewmien. Jekk wara erba’ xhur id-disputa ma tkunx riżolta, fejn id-disputa ma tkunx tressqet quddiem il-qrati mill-parti li tkun qed tfittex rimedju u jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet titlob dan, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jirriżolvu d-disputa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 u b’kont sħiħ meħud ta’ kwalunkwe opinjoni adottata mill-BEREC.

4.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhiex tipprekludi lil xi waħda mill-partijiet milli tieħu azzjoni fil-qorti.”;

24.

għandu jiġi inserit l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu implimentati. Il-pieni li jkun ipprovdut għalihom għandhom ikunu xierqa, effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-25 ta’ Mejju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

25.

L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar;

26.

L-Artikolu 27 għandu jiġi mħassar;

27.

L-Anness I għandu jiġi mħassar;

28.

L-Anness II għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS II

Kriterji li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji meta ssir evalwazzjoni tad-dominanza konġunta skont it-tioeni subparagrafu tal-Artikolu 14(2).

Żewġ impriżi jew aktar jistgħu jinstabu li jkunu f’pożizzjoni ta’ dominanza konġunta fis-sens tal-Artikolu 14 jekk, anke fin-nuqqas ta’ struttura jew rabtiet oħra bejniethom, huma joperaw f’suq li huwa karatterizzat b’nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva u li fih l-ebda impriża ma għandha saħħa sinifikanti fis-suq. Skont il-liġi Komunitarja applikabbli u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar id-dominanza konġunta, dan x’aktarx ser ikun il-każ fejn is-suq huwa konċentrat u jesebixxi numru ta’ karatteristiċi xierqa li minnhom dawn li ġejjin jistgħu jkunu l-aktar rilevanti fil-kuntest tal-komunikazzjoni elettronika:

elastiċità baxxa tad-domanda

ishma simili fis-suq

ostakoli legali jew ekonomiċi għolja għad-dħul

integrazzjoni vertikali b’rifjut kollettiv ta’ forniment

nuqqas ta’ poter ta’ kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej

nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali.

Din ta’ hawn fuq hija lista indikattiva u m’hijiex eżawrjenti, lanqas il-kriterji ma huma kumulattivi. Anzi, l-lista hija maħsuba biex turi biss it-tip ta’ evidenza li tista’ tintuża biex issostni asserzjonijiet li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ dominanza konġunta.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva ta’ Aċċess)

Id-Direttiva 2002/19/KE hija permezz ta’ dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘aċċess’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, taħt kundizzjonijiet definiti, fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva, bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż meta jintużaw għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew servizzi ta’ xandir tas-servizzi b’kontenut. Tkopri, fost l-oħrajn: aċċess għall-elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali); aċċess għal infrastruttura fiżika, inklużi ducts, arbli u bini; aċċess għal sistemi ta’ software rilevanti, inklużi sistemi ta’ appoġġ operazzjonali; aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni jew bażijiet tad-data għall-ordnijiet minn qabel, forniment, ordnijiet, talbiet ta’ manutenzjoni u tiswija, u kontijiet; aċċess għat-traduzzjoni ta’ numri jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti; aċċess għal netwerks fissi u mobbli, partikolarment għar-roaming; aċċess għal sistema ta’ aċċess kundizzjonali għal servizzi ta’ televiżjoni diġitali u aċċess għal servizzi ta’ netwerk virtwali.”;

(b)

Il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

‘linja lokali’ tfisser iċ-ċirkwit fiżiku li jqabbad il-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk mal-qafas prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika pubbliku fiss.”;

2.

L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-operturi tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni għandhom ikollhom id-dritt u, meta jintalbu minn impriżi oħra li jkunu awtorizzati biex jagħmlu dan skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), l-obbligu li jinnegozjaw l-ikkonnettjar ta’ netwerk ma’ ieħor bl-iskop li jipprovdu s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku, sabiex jiżguraw il-provvista u l-interoperabilità tas-servizzi mal-Komunità kollha. L-operaturi għandhom joffru l-aċċess u l-ikkonnettjar lill-impriżi l-oħra skont termini u kundizzjonijiet konsisenti mal-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skont l-Artikoli 5 sa 8.”;

3.

L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu għandu jkun sostitwit b’dan li ġej

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-għanijet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, investiment u innovazzjoni effiċjenti, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.”;

(ii)

għandu jiġi inserit il-punt li ġej:

“(ab)

f’każijiet iġġustifikati u sal-estent li jkun neċessarju, l-obbligi għall-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti aħħara biex jagħmlu s-servizzi tagħhom interoperabbli.”;

(b)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom ikunu implimentati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

(c)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

(d)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tal-linji politiċi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

4.

L-Artikolu 6(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex temenda l-Anness I. Il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

5.

L-Artikolu 7 għandu jiġi mħassar;

6.

L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-kliem “f’Artikoli 9 sa 13” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “fl-Artikoli 9 sa 13a”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

L-ewwel subparagrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

fl-ewwel inċiż, il-kliem “Artikoli 5(1), 5(2) u 6” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Artikoli 5(1) u 6”.

fit-tieni inċiż, “Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ tagħrif personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (****)” għandu jinbidel bi “Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (*****).

(ii)

It-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“F’każijiet eċċezzjonali, meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha l-ħsieb li timponi fuq operaturi b’saħħa sinjifikanti fis-suq obbligi oħra għall-aċċess jew interkonnessjoni barra minn dawk imniżżla fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva għandha tibgħat din it-talba lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej fi-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (******). Il-Kummissjoni, għandha, skont l-Artikolu 14(2), tieħu deċiżjoni li tawtorizza jew tipprojbixxi lill-awtorità regolatorja nazzjonali milli tieħu tali miżuri.

(******)  Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jwaqqaf il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju”;"

7.

L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, jimponu obbligi għat-trasparenza b’relazzjoni mal-interkonnessjoni u/jew aċċess, li jeħtieġu li l-operaturi jagħmlu pubbliku informazzjoni speċifika, bħal informazzjoni dwar il-kontabilità, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-karatteristiċi tan-netwerk, it-termini u kondizzjonijiet għall-forniment u l-użu, inkluża kwalunkwe kundizzjoni li tillimita l-aċċess għal servizzi u applikazzjonijiet, u/jew l-użu tagħhom fejn kundizzjonijiet bħal dawn ikunu permessi mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, u l-prezzijiet.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Minkejja l-paragrafu 3, fejn operatur ikollu obbligi taħt l-Artikolu 12 dwar aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk bl-ingrossa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza li jkun fiha tal-anqas l-elementi stabbiliti fl-Anness II.”;

(c)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-emendi meħtieġa għall-Anness II sabiex tadattah għall-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq. Il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3). Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’ tkun megħjuna mill-BEREC.”;

8.

L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

li jagħtu lil partijiet terzi aċċess għal elementi u/jew faċilitajiet speċifiċi ta’ netwerks, inkluż aċċess għal elementi ta’ netwerk li mhumiex attivi/jew aċċess disassoċjat għal-linja lokali, sabiex fost oħrajn, ikunu permessi l-għażla u/jew l-għażla minn qabel tal-operaturi u/jew l-offerta ta’ abbonament fil-linja tal-bejgħ mill-ġdid;”;

(b)

Fil-paragrafu 1, il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

li jipprovdu l-kolokazzjoni jew forom oħra ta’ użu komuni tal-faċilitajiet assoċjat”;

(c)

Fil- paragrafu 1, il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

“(j)

li jipprovdu l-aċċess għas-servizzi assoċjati bħal ma huma servizzi tal-identità, il-lok u l- preżenza.”;

(d)

Fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju u l-punt (a) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikunu qegħdin jikkunsidraw l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, u b’ mod partikulari, meta jkunu qegħdin jevalwaw kif tali obbligi jistgħu jkunu proporzjonali għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), huma għandhom jieħdu kont b’ mod partikulari tal- fatturi li ġejjin:

(a)

il-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-użu jew l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, b’kont meħud tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess involuti, inkluż il-vijabbiltà ta’ prodotti oħra ta’ aċċess upstream bħal aċċess għal tubi;”;

(e)

Fil-paragrafu 2, il-punti (c) u (d) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilità, waqt li wieħed iżomm f’moħħu kwalunkwe investiment pubbliku li jkun sar u r-riskji involuti meta jsir dak l-investiment;

(d)

il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq terminu twil, b’attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura li tkun ekonomikament effiċjenti;”;

(f)

Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Meta jimponu l-obbligi fuq l-operatur biex jipprovdi l-aċċess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tekniċi jew operattivi li jridu jkunu ssodisfatti minn dak li jipprovdi l-aċċess u/jew mill-benefiċjarji ta’ dan l-aċċess meta jkun meħtieġ biex ikun żgurat it-tħaddim normali tan-netwerk. Meta jkun hemm l-obbligi li jkunu segwiti standards tekniċi speċifiċi dawn għandhom ikunu konformi mal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet preskritti skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

9.

L-Artikolu 13(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

“1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, timponi obbligi rigward l-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż u l-obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq tindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur ikkonċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressal-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. Sabiex jiġu inkoraġġuti l-investimenti magħmulin mill-operatur inklużi fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit, b’kont meħud ta’ kwalunkwe riskju speċifiku għal proġett tan-netwerk tal-investiment ġdid partikolari.”;

10.

għandhom jiġu inseriti- l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 13a

Separazzjoni funzjonali

1.   Meta awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi adatti imposti skont l-Artikoli 9 sa 13 jkunu fallew biex tinkiseb kompetizzjoni effettiva u li hemm problemi ta’ kompetizzjoni/fallimenti fis-suq importanti u persistenti identifikati fir-rigward ta’ ċerti swieq ta’ prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa, hija tista’, bħala miżura eċċezzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3), timponi obbligu fuq impriżi integrati vertikalment li jqiegħdu l-attivitajiet relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ dawn il-prodotti ta’ aċċess f’entità ta’ negozju li topera b’mod indipendenti.

Dik l-entità ta’ negozju għandha tforni l-prodotti u s-servizzi ta’ aċċess lill-impriżi kollha, inklużi entitajiet ta’ negozju oħrajn fi ħdan il-kumpannija prinċipali (parent company), fl-istess perijodi ta’ żmien, bl-istess termini u kundizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz u l-livelli ta’ servizz, u permezz tal-istess sistemi u proċessi.

2.   Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha l-ħsieb li timponi obbligu ta’ separazzjoni funzjonali, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kummissjoni li tkun tinkludi:

(a)

provi li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)

evalwazzjoni bir-raġunijiet li turi li f’perijodu raġonevoli, il-prospett ta’ kompetizzjoni ibbażata fuq l-infrastruttura huwa ineżistenti jew limitat;

(c)

analiżi tal-impatt mistenni fuq l-awtorità regolatorja, fuq l-impriża, b’mod partikulari fuq il-ħaddiema tal-impriża separata u fuq is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sħuħija tiegħu, u fuq l-inċentivi tagħha biex tinvesti fin-netwerk, u fuq partijiet involuti oħrajn, inkluż b’mod partikolari l-impatt mistenni fuq il-kompetizzjoni għall-infrastruttura, u kull effett potenzjali fuq il-konsumaturi;

(d)

analiżi tar-raġunijiet li jiġġustifikaw li dan l-obbligu jkun l-aktar mod effiċjenti biex jiġu infurzati r-rimedji bil-għan li jiġu indirizzati l-problemi tal-kompetizzjoni/fallimenti tas-swieq identifikati.

3.   L-abbozz ta’ miżura għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

in-natura preċiża u l-livell ta’ separazzjoni, waqt li jispeċifika b’mod partikolari l-istatus ġuridiku tal-entità ta’ negozju separata;

(b)

identifikazzjoni tal-assi tal-entità ta’ negozju separata, u tal-prodotti jew tas-servizzi li għandhom jiġu fornuti minn din l-entità;

(c)

l-arranġamenti għal sistema ta’ awtorità biex tkun żgurata l-indipendenza tal-impjegati tal-entità ta’ negozju separata, u l-istruttura ta’ inċentivi li tikkorrispondi għaliha;

(d)

ir-regoli biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi;

(e)

ir-regoli biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri operattivi, b’mod partikolari lejn partijiet involuti oħrajn;

(f)

il-programm ta’ monitoraġġ biex tkun żgurata l-osservanza, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali.

4.   Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq l-abbozz ta’ miżura, meħuda skont l-Artikolu 8(3), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq analiżi koordinata tas-swieq differenti marbutin man-netwerk tal-aċċess skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas). Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi, skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

5.   Impriża li fuqha kienet imposta s-separazzjoni funzjonali tista’ tkun soġġetta għal kwalunkwe obbligu identifikat fl-Artikoli 9 sa 13 fi kwalunkwe suq speċifiku meta hija tkun ġiet identifikata bħala li għandha saħħa sinifikanti fis-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew kwalunkwe obbligu ieħor awtorizzat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(3).

Artikolu 13b

Is-separazzjoni volontarja minn impriża integrata vertikalment

1.   Impriżi li kienu nominati bħala li kellhom saħħa sinifikanti f’wieħed jew diversi swieq rilevanti skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) għandhom jinfurmaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali minn qabel u b’ mod tempestiv, sabiex jippermettu lill-awtorita’ regolatorja nazzjonali biex tevalwa l-effett tat-tranżazzjoni ppjanata, fejn ikunu bi ħsiebhom jittrasferixxu l-assi tagħhom fin-netwerk għall-aċċess lokali jew parti sostanzjali minnhom lil entità ġuridika separata li tkun proprjeta ta’ ħaddieħor, jew li jistabbilixxu entità ta’ negozju separata biex huma jfornu lill-impriżi li jbigħu lill-utenti finali, inklużi d-diviżjonijiet tagħhom stess li jbigħu lill-utenti finali, bil-prodotti għall-aċċess li jkunu ekwivalenti għal kollox.

L-impriżi għandhom ukoll jinfurmaw lill-awtorità regolartorja nazzjonali dwar kwalunkwe bidla f’dak is-sens kif ukoll dwar l-eżitu finali tal-proċess ta’ separazzjoni.

2.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta l-effett tat-tranżazzjoni maħsuba fuq l-obbligi regolatorji eżistenti skont id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

Għal dak il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tmexxi analiżi koordinata tad-diversi swieq relatati man-netwerk għall-aċċess skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi, skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

3.   L-entità ta’ negozju li tkun separata b’mod legali u/jew operattiv tista’ tkun soġġetta għal kull obbligu identifikat fl-Artikoli 9-13 f’kull suq speċifikat meta hija tkun nominata bħala li għandha saħħa sinifikanti fis-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew għal kull obbligu ieħor awtorizzat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(3).”;

11.

L-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar.

12.

L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“LISTA MINIMA TA’ OĠĠETTI LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI F’OFFERTA TA’ REFERENZA GĦAL AĊĊESS GĦAL INFRASTRUTTURI TA’ NETWERK TA’ KUMMERĊ BL-INGROSSA, INKLUŻ AĊĊESS DISASSOĊJAT KOMUNI JEW SĦIĦ GĦAL-LINJA LOKALI F’POST FISS, LI GĦANDHA TIĠI PPUBBLIKATA MILL-OPERATURI NOTIFIKATI B’SAĦĦA FIS-SUQ SINIFIKANTI (SMP);”

(b)

Id-definizzjoni (a) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(a)

‘sub-linja lokali’ tfisser linja lokali parzjali li tikkonettja il-punt terminali ta’ netwerk ma’ punt ta’ konċentrazzjoni jew punt intermedju speċifikat ta’ aċċess fin-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tat-telefon pubbliku fiss;”

(c)

Id-definizzjoni (c) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(c)

‘aċċess disassoċjat sħiħ għal-linja lokali’ tfisser il-forniment lil benefiċjarju ta’ aċċess għal-linja lokali jew sub-linja lokali tal-operatur SMP notifikat li tippermetti l-użu tal-kapaċità sħiħa tal-infrastruttura tan-netwerk;”

(d)

Id-definizzjoni (d) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(d)

‘aċċess maqsum għal-linja lokali’ tfisser il-forniment lil benefiċjarju ta’ aċċess għal-linja lokali jew sub-linja lokali tal-operatur SMP, li tippermetti l-użu ta’ parti speċifikata tal-kapaċità tal-infrastruttura tan-netwerk, bħal parti mill-frekwenza jew l-ekwivalenti;”

(e)

Fil-parti A, il-punti 1, 2, u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

L-elementi tan-netwerk li għalihom l-aċċess huwa offrut li jkopru b’mod partikolari l-elementi li ġejjin, flimkien ma’ faċilitajiet assoċjati xierqa:

(a)

aċċess disassoċjat għal-linji lokali u għas-sub-linji lokali (sħiħ u maqsum);

(b)

aċċess disassoċjat għas-sublinji lokali (sħiħ jew maqsum), inkluż fejn rilevanti, aċċess għall-elementi tan-netwerks li mhumiex attivi għall-iskop tal-firxa (‘roll-out’) ta’ netwerks għall-‘backhaul’;

(c)

fejn rilevanti, aċċess għad-ducts li jippermettu r-roll-out ta’ netwerks ta’ aċċess.

2.

Tagħrif li jikkonċerna s-siti tal-aċċess fiżiku inklużi kabinetts tat-toroq u oqfsa ta’ distribuzzjoni, id-disponibilità tal-linji lokali u tas-sub-linji lokali, tad-ducts u tal-faċilitajiet ta’l-backhaul f’partijiet speċifiċi tan-netwerk tal-aċċess, u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar fejn qegħdin id-ducts u d-disponibilità fid-ducts;

3.

Kondizzjonijiet tekniċi relatati mal-aċċess u l-użu ta’ linji lokali u sub-linji lokali u ducts, inklużi l-karatteristiċi tekniċi tal-par milwi, ta’ fibra optika jew l-ekwivalenti, u tad-distributuri tal-kejbil, ducts u faċilitajiet assoċjati, u fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet tekniċi relatati mal-aċċess għad-ducts;”

(f)

Fil-parti B, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Informazzjoni dwar is-siti rilevanti eżistenti tal-operatur SMP jew lok tat-tagħmir u aġġornament ippjanat ta’ dan (*******).

(*******)  Id-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni tista’ tkun ristretta għall-partijiet interessati biss, sabiex ikunu evitati kwestjonijiet ta’ sigurtà pubblika.”;"

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2002/20/KE (id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)

Id-Direttiva 2002/20/KE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skont din id-Direttiva.”;

2.

Fl-Artikolu 3(2), għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika transkonfinali għal impriżi li jinsabu f’numru ta’ Stati Membri m’għandhomx jiġu meħtieġa jressqu aktar minn notifika waħda għal kull Stat Membru kkonċernat.”

3.

L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri

1.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

Meta jagħtu d-drittijiet ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw jekk dawk id-drittijiet jistgħux ikunu ttrasferiti mid-detentur tad-drittijiet, u taħt liema kondizzjonijiet. Fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, tali dispożizzjoni għandha tkun skont l-Artikoli 9 u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Fejn Stati Membri jagħtu drittijiet ta’ użu għal perijodu ta’ żmien limitat, id-durata għandha tkun adattata għas-servizz ikkonċernat fid-dawl tal-objettiv segwit, u jitqies b’mod xieraq il-bżonn li jkun hemm lok għal perijodu xieraq għall-amortizzazzjoni ta’ investiment.

Fejn id-drittijiet individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jingħataw għal għaxar snin jew aktar, u ma jistgħux ikunu trasferiti jew mikrija bejn l-impriżi skont l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li l-kriterji għall-għoti tad-drittijiet individwali għall-użu jibqgħu jiġu applikati u rispettati għal kemm iddum il-liċenzja b’mod partikolari fuq talba ġustifikata tad-detentur tad-dritt. Jekk dawk il-kriterji ma jkunux japplikaw iżjed, id-dritt individwali ta’ użu għandu jinbidel f’awtorizzazzjoni ġenerali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, suġġett għall-avviż minn qabel u wara perijodu raġonevoli ta’ żmien, jew għandu jiġi trasferit jew mikri b’mod ħieles bejn l-impriżi skont l-Artikoli 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

3.   Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għandhom jittieħdu, jkunu komunikati u magħmula pubbliċi malajr kemm jista’ jkun wara li tkun waslet l-applikazzjoni kompluta tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fi żmien tliet gimgħat fil-każ tan-numri li kienu allokati għal skopijiet speċifiċi ġewwa l-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri u fi żmien sitt ġimgħat fil-każ tal-frekwenzi tar-radju li kienu allokati biex jintużaw minn servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ġewwa l-pjan nazzjonali għall-frekwenzi. Il-limitu ta’ żmien tal-aħħar għandu jkun bla ħsara għal kull ftehim internazzjonali li jkun japplika u li jkun relatat mal-użu tal-frekwenzi tar-radju jew ta’ pożizzjonijiet orbitali.

4.   Fejn ikun ġie deċiż, wara li kienu kkonsultati l-partijiet konċernati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), li d-drittijiet għall-użu tan-numri ta’ valur ekonomiku eċċezzjonali jridu jingħataw permezz ta’ proċeduri ta’ għażla li jkunu kompetittivi u komparattivi, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu massimu ta’ tliet ġimgħat b’mhux iktar minn tliet ġimgħat oħra.

Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 7 għandu japplika.

5.   L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.”;

4.

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtorizzazzjoni ġenerali biex ikunu pprovduti n-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, u d-drittijiet għall-użu tan-numri, tista’ tkun soġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u mhux diskriminatorji, u fil-każ ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandhom ikunu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).”;

(b)

Fil-paragrafu 2, il-kliem “l-Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)” għandha tiġi ssostitwita bil-kliem “l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)”;

5.

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

Il-kliem introduttorju għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:”;

(ii)

Il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jippubblika kull deċiżjoni biex jillimita l-għoti tad-drittijiet għall-użu jew it-tiġdid tad-drittijiet għall-użu, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu ta’ dik id-Direttiva.”;

(c)

Fil-paragrafu 5, il-kliem “Artikolu 9” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Artikolu 9b”;

6.

L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijet għall-użu u tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skont l-Artikolu 11.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi li jipprovdu n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali jew li jgawdu d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun ivverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skont l-Artikolu 11.

2.   Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jirriżultalha li impriża ma tkunx qed tosserva waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), hija għandha tinnotifika lill-impriża b’dak ir-riżultat u tagħti lill-impriża l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

3.   L-awtorità rilevanti għandha jkollha s-setgħa li titlob il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 2 jew minnfih jew f’limitu ta’ żmien raġonevoli u għandha tieħu l-miżuri xierqa u proporzjonati bl-iskop li tiżgura l-osservanza.

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet rilevanti li jimponu:

(a)

pieni finanzjarji disswasivi fejn xieraq, li jistgħu jinkludu penali perjodiċi b’effett retroattiv; kif ukoll

(b)

ordnijiet ta’ twaqqif jew ta’ dewmien ta’ servizz jew grupp ta’ servizzi li, jekk jitkomplew, jirriżultaw fi ħsara sinifikanti għall-kompetizzjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-obbligi ta’ aċċess imposti wara l-analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Il-miżuri u r-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bażati għandhom ikunu komunikati lill-impriża konċernata mingħajr dewmien u għandhom jistipulaw perijodu raġonevoli għall-impriżi biex dawn jiġu konformi mal-miżura.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtorità rilevanti s-setgħa li timponi sanzjonijiet finanzjarji, fejn xieraq, fuq impriżi li jkunu naqsu milli jipprovdu informazzjoni skont l-obbligi imposti fl-Artikolu 11(1)(a) jew (b) ta’ din id-Direttiva, jew skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva ta’ Aċċess), f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, stipulat mill-awtorità regolatorja nazzjonali.”;

(c)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Fil-każi ta’ ksur serju jew ripetut tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), meta jkunu fallew il-miżuri immirati biex jiżguraw l-osservanza kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu ma jħallux lill-impriża tkompli tipprovdi n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jew jissospendu jew jirtiraw id-drittijet għall-użu. Is-sanzjonijiet u l-pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kull ksur, ukoll jekk sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat.”;

(d)

Il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5, meta l-awtorità rilevanti jkollha l-evidenza ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) li jkun jirrappreżenta theddida immedjata u serja għall-protezzjoni pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika jew li jkun se joħloq problemi ekonomiċi u operattivi serji għal oħrajn li jipprovdu jew jużaw in-netwerks u s-servizzi tal- komunikazzjoni elettronika jew utenti oħra tal-ispettru tar-radju, hija tista’ tieħu miżuri temporanji urġenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tasal għad-deċiżjoni finali. L-impriża kkonċernata għandha wara dan tingħata opportunita raġonevoli biex tiddikjara l-fehmiet tagħha u tipproponi r-rimedji. Fejn xieraq, l-awtorità rilevanti għandha tikkonferma l-miżuri interim, li għandhom ikunu validi għal massimu ta’ 3 xhur, iżda li jistgħu, f’ċirkostanzi fejn ma jkunux intemmu l-proċeduri ta’ infurzar, jiġu estiżi għal perijodu ulterjuri sa mhux aktar minn tliet xhur.”;

7.

L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

verifika sistematika jew każ b’każ tal-konformità mal-kondizzjonijiet 1 u 2 tal-Parti A, mal-kondizzjonijiet 2 u 6 tal-Parti B u mal-kondizzjonijiet 2 u 7 tal-Parti C tal-Anness u tal-konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(2);”;

(b)

Għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

is-salvagwardja tal-użu effiċjenti u l-iżgurar tal-ġestjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju;

(h)

l-evalwazzjoni ta’ żviluppi futuri fin-netwerks jew fis-servizzi li jista’ jkollhom impatt fuq is-servizzi ta’ bl-ingrossa li jkunu disponibbli għall-kompetituri.”;

(c)

It-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu ma tistax tintalab qabel jingħata, jew bħala kundizzjoni ta’, l-aċċess għas-suq.”;

8.

L-Artikolu 14 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Emendi tad-drittijiet u l-obbligi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijet għall-użu jew id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jistgħu jkunu emendati biss fil-każi li jkunu oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat, b’kont meħud, fejn adatt, tal-kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-drittijiet trasferibbli ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Ħlief fejn l-emendi proposti huma minuri u ntlaħaq qbil dwarhom mad-detentur tad-drittijiet jew l-awtorizzazzjoni ġenerali, għandu jingħata avviż b’mod adatt tal-intenzjoni li se jsiru dawn l-emendi u l-partijiet konċernati, inklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandu jingħatalhom perijodu biżżejjed ta’ żmien biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-emendi proposti, li dan m’għandux ikun inqas minn erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw jew jirtiraw id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jew id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju qabel ma jagħlaq il-perijodu li għalih huma kienu ngħataw ħlief meta dan ikun iġġustifikat u jkun applikabbli b’konformità mal-Anness u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-kumpens għall-irtirar tad-drittijiet.”;

9.

L-Artikolu 15(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-drittijiet, il-kundizzjonijiet, il-proċeduri, il-ħlasijiet, il-ħlas ta’ drittijiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, id-drittijiet għall-użu u d-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet tkun ippubblikata u miżmuma aġġornata b’mod xieraq sabiex huma jipprovdu aċċess faċli għal dik l-informazzjoni lill-partijiet konċernati kollha.”;

10.

Fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9a tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet individwali ta’ użu li diġà jkunu eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2009 għandhom jinġiebu konformi mill-Istati Membri mal-Artikoli 5, 6, 7, u mal-Anness ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 19 ta’ Diċembru 2011.

2.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 twassal għal tnaqqis fid-drittijiet jew estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet sat-30 ta’ Settembru 2012, sakemm id-drittijiet ta’ impriżi oħra skont il-liġi tal-Komunità ma jiġux affettwati bihom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn l-estensjonijiet lill-Kummissjoni u jiddikjaraw ir-raġunijiet għalihom.”;

11.

L-Anness għandu jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva;

Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-25 ta’ Mejju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ tali dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mis-26 ta’ Mejju 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali adottati minnhom fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsilll

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2009 (ĠU C 103 E, 5.5.2009, p. 1), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009, Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2009 u Riżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2009.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(11)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(13)  Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1).

(14)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2003 dwar is-Swieq Rilevanti tal-Prodotti u s-Servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għar-regolazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 114, 8.5.2003, p. 45).

(15)  ĠU L 336, 30.12.2000, p. 4.

(16)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

L-Anness tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni) huwa emendat kif ġej:

1.

L-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Anness jipprovdu l-lista massima ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiżdiedu mal-awtorizzazzjonijiet ġenerali (il-Parti A), id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju (il-Parti B) u d-drittijiet għall-użu tan-numri (il-Parti C) kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 11(1)(a), fil-limiti permessi skont l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

2.

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

L-aċċessibilità mill-utenti aħħarija għan-numri mill-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri, numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika, n-Numri ta’ Telefonati Bla Ħlas Internazzjonali Universali u fejn, teknikament u ekonomikament fattibbli, minn pjani għall-għoti tan-numri ta’ Stati Membri oħrajn, u l-kondizzjonijiet f’konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali).”;

(b)

Il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

Id-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza speċifiċi għas-settur tal- komunikazzjoni elettronika konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (*).

(*)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;"

(c)

Il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, inklużi l-kundizzjonijiet konformi mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali), u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilità skont l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.”;

(d)

Fil-punt 11, il-kliem “Direttiva 97/66/KE” huwa sostitwit bil-kliem “Direttiva 2002/58/KE”;

(e)

Il-punt li ġej huwa inserit:

“11a.

Il-termini għall-użu tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi biex iwissu lill-pubbliku ġenerali b’theddid imminenti u biex itaffu l-konsegwenzi ta’ katastrofi serju.”;

(f)

Il-punt 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.

It-termini ta’ użu waqt diżastri kbar jew emerġenzi nazzjonali biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet bejn is-servizzi ta’ emerġenza u l-awtoritajiet.”;

(g)

Il-punt 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“16.

Is-sigurtà ta’ netwerks pubbliċi kontra aċċess mhux awtorizzat skont id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-Privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).”;

(h)

Il-punt li ġej huwa miżjud:

“19.

Obbligi ta’ trasparenza għall-fornituri ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliku li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata konnettività end-to-end, f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, żvelar rigward kwalunkwe kundizzjoni li tillimita l-aċċess għal servizzi u/jew l-użu tagħhom u applikazzjonijiet fejn kundizzjonijiet bħal dawn huma permessi mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, u fejn meħtieġ u proporzjonat, aċċess minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali għal informazzjoni bħal din meħtieġa biex jiġi vverifikat dan l-iżvelar.”;

3.

Il-Parti B hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-obbligu li jkun provdut servizz jew li tintuża tip ta’ teknoloġija li jkun ingħata għalihom id-dritt għall-użu tal-frekwenza, inklużi, meta jkun xieraq, ir-rekwiżiti tal-kopertura u ta’ kwalita’.”;

(b)

Il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

L-użu effettiv u effiċjenti ta’ numri f’konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

(c)

Il-punt li ġej huwa miżjud:

“9.

L-obbligi speċifiċi għall-użu sperimentali tal-frekwenzi tar-radju.”;

4.

Fil-parti C, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-identifikazzjoni tas-servizzi li għalihom in-numri għandhom jintużaw, inkluża kull ħtieġa marbuta mal-forniment ta’ dak is-servizz u, sabiex jiġi evitat kull dubju, prinċipji ta’ tariffi u prezzijiet massimi li jistgħu japplikaw fis-serje ta’ numri speċifiċi bl-iskop li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur skont l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”.



DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IN-NEWTRALITÀ TAL-INTERNET

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-preservazzjoni tal-karattru miftuħ u newtrali tal-Internet, b'kunsiderazzjoni sħiħa għar-rieda tal-koleġiżlaturi biex issa, in-newtralità tal-internet tkun imħaddna bħala objettiv politiku u prinċipju regolatorju li għandu jkun imħeġġeġ mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (1), flimkien mat-tisħiħ tar-rekwiżiti ta' trasparenza relatati (2) u l-ħolqien ta' setgħat ta' salvagwardja għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex ikunu evitati d-degradazzjoni tas-servizzi u x-xkiel jew it-tnaqqis tar-ritmu tat-traffiku fuq in-netwerks pubbliċi (3). Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri, billi fir-Rapport ta' Progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tagħmel kull sena, tintroduċi attenzjoni partikolari dwar kif il-“libertajiet tal-internet” taċ-ċittadini Ewropej qed ikunu salvagwardjati. Sadanittant, il-Kummissjoni se tissorvelja l-impatt tal-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija fuq il-“libertajiet tal-internet” billi tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel l-aħħar tal-2010 dwar jekk hemmx bżonn gwida addizzjonali u se tapplika s-setgħat eżistenti tal-liġi ta' kompetizzjoni biex tittratta kwalunkwe prattika li tista’ titfaċċa kontra l-kompetittività.


(1)  L-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva ta' Qafas.

(2)  L-Artikolu 20(1)(b) u 21(3)(c) u (d) tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.

(3)  L-Artikolu 22(3) tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.