ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.227.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 227

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
29 ta' Awwissu 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 788/2009 tat-28 ta’ Awwissu 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 789/2009 tat-28 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-ħarsien kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu u r-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ monitoraġġ u sorveljanza tal-bluetongue ( 1 )

3

 

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/624/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Awwissu 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tad-dħul tal-Brażil u l-Mawrizju fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina (notifikata bid-dokument numru C(2009) 6385)  ( 1 )

7

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/625/KE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Awwissu 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva

9

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 788/2009

tat-28 ta’ Awwissu 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MK

39,9

XS

37,6

ZZ

38,8

0707 00 05

MK

33,2

TR

102,1

ZZ

67,7

0709 90 70

TR

107,2

ZZ

107,2

0805 50 10

AR

107,8

BR

122,7

UY

124,1

ZA

68,4

ZZ

105,8

0806 10 10

EG

155,8

TR

105,3

ZZ

130,6

0808 10 80

AR

101,6

BR

78,0

CL

82,5

CN

67,1

NZ

81,6

US

95,4

UY

42,1

ZA

80,5

ZZ

78,6

0808 20 50

AR

145,7

TR

125,3

ZA

88,8

ZZ

119,9

0809 30

TR

124,6

ZZ

124,6

0809 40 05

IL

93,9

ZZ

93,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 789/2009

tat-28 ta’ Awwissu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-ħarsien kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu u r-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ monitoraġġ u sorveljanza tal-bluetongue

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(c), l-Artikolu 11 u 12 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 tas-26 ta’ Ottubru 2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, tal-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-bluetongue (2), jistabbilixxi regoli dwar movimenti ta’ dawn l-annimali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-bluetongue, fi u minn żoni restritti. Jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta’ ħruġ applikabbli għall-movimenti ta’ dawn l-annimali, is-semen, il-bajd u l-embrijuni tagħhom kif stipulat fid-Direttiva 2000/75/KE. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-ħarsien ta’ dawn l-annimali kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu.

(2)

Bl-iskop li tiġi permessa aktar flessibilità fit-tfassil tal-programmi ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza tal-bluetongue li hemm stabbiliti fl-Istati Membri, u b’mod speċifiku fir-rigward tad-demarkazzjoni ta’ “żoni b’inqas riskju”, jistgħu jitfasslu strateġiji alternattivi għas-sorveljanza permezz tal-annimali tal-għassa iżda li jipprovdu l-istess livell ta’ garanziji li juri l-assenza tal-virus li jiċċirkola. L-istħarriġ seroloġiku/viroloġiku jista’ jinkludi wkoll l-ittestjar ta’ kampjuni li nġabru għal skopijiet oħrajn, bħal kampjuni mill-biċċeriji jew mill-ħalib bl-ingrossa.

(3)

L-esperjenza wriet li r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 mmirati biex jevitaw l-esponiment tal-annimali għal organiżmi li jġorru l-mikrobu jistgħu jkunu diffiċli biex wieħed japplikahom. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, fi stabbilimenti bħal ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali jew stazzjonijiet ta’ kwarantina, jista’ jkun possibbli li jiġi evitat l-esponiment tal-annimali għall-organiżmi li jġorru l-mikrobu. Il-ħarsien kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu m’għandhomx jiddependi biss fuq l-użu ta’ insettiċidi u/jew elementi kimiċi iżda għandu jeħtieġ ukoll li l-annimali jinżamm ġo stabbiliment li jirreżisti dawn l-organiżmi fejn miżuri addizzjonali, b’mod partikolari kombinazzjoni ta’ ostakoli fiżiċi xierqa u trattamenti kimiċi (insettiċidi u/jew elementi li jkeċċu/jbiegħdu l-organiżmi), jittieħdu biex jevitaw kuntatt bejn l-annimali u l-organiżmi li jġorru l-mikrobu. L-assenza ta’ organiżmi li jġorru l-mikrobu tista’ tiġi vverifikata minn nases tal-organiżmi li jġorru l-mikrobu li joperaw f’dawn l-istabbilimenti.

(4)

L-opinjoni xjentifika tal-Penil tal-EFSA għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Annimali dwar ir-“Riskju tat-Trażmissjoni tal-Bluetongue fi Tranżitu tal-Annimali”, adottata fil-11 ta’ Settembru 2008 (3) tindika li r-riskji li jirriżultaw mill-movimenti tal-annimali waqt perjodu staġjonali ta’ riskju baxx ta’ trażmissjoni, anki mingħajr testijiet addizzjonali, jibqa’ sostanzjalment aktar baxx minn perjodi oħrajn, anki meta kkombinati ma’ ttestjar seroloġiku jew PCR. Barra minn dan, meta t-tul tal-perjodu ta’ tranżitu li fih l-annimali jiġu esposti għal attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu ma jaqbiżx il-jum, l-effiċjenza ta’ insettiċidi u jew elementi kimiċi bħala miżuri ta’ riskju ta’ mitigazzjoni hi meqjusa biżżejjed biex tħares l-annimali minn attakki bħal dawn.

(5)

It-tranżitu permezz ta’ “żoni b’inqas riskju”, fejn isir it-tilqim u fejn m’hemm l-ebda ċirkolazzjoni tas-serotip jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue, ma joħolq l-ebda riskju ta’ infezzjoni għall-annimali.

(6)

Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu stabbiliti ċerti derogi mir-rekwiżit ewlieni stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 li annimali u vetturi għandhom jiġu ttrattati b’insettiċidi jew elementi kimiċi għall-movimenti kollha ta’ tranżitu.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7(2a), il-frażi tal-bidu tinbidel b’dan li ġej:

“2a.   L-Istati Membri jistgħu, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ evalwazzjoni tar-riskji li trid tikkunsidra biżżejjed dejta epidemijoloġika miġbura wara l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ skont il-punt 1.1.2.1 jew il-punt 1.1.2.2 tal-Anness I, jiddemarkaw parti minn żona protetta bħala ‘żona ristretta mlaqqma u mingħajr ċirkolazzjoni ta’ xi serotip speċifiku jew serotipi speċifiċi tal-virus tal-bluetongue’ (‘żona b’riskju aktar baxx’), suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:”

(2)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1(c), 2 u 3 jinbidlu b’dan ġej:

“(c)

meta jkun previst perjodu ta’ mistrieħ ta’ aktar minn jum wieħed f’post ta’ kontroll matul il-moviment lejn żona ristretta, l-annimali jkunu mħarsa kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżisti dawn l-organiżmi.

2.   Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika jekk isir it-tranżitu:

(a)

esklussivament minn jew permezz ta’ żoni ġeografiċi epidemjoloġikament rilevanti taż-żona restritta waqt il-perjodu staġjonali ħieles minn organiżmi li jġorru l-mikrobu ddefiniti f’konformità ma’ Anness V, jew

(b)

minn jew permezz ta’ partijiet taż-żona restritta ddemarkata bħala ‘żona ta’ riskju aktar baxx’ f’konformità mal-Artikolu 7(2a).

3.   Fejn l-annimali jikkonformaw ma’ mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 5, 6 u 7 tat-Taqsima A tal-Anness III, it-trattament tal-annimali previst fil-paragrafu 1(a) u (b) u l-ħarsien tal-annimali previst fil-paragrafu 1(c) m’għandhomx japplikaw.

4.   Għall-annimali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kliem addizzjonali li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

‘Trattament ta’ insettiċida/element kimiku li jkeċċi/jbiegħed l-organiżmi bi … (niżżel l-isem u l-prodott) fi … (niżżel id-data) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 (*)

(*)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37.”"

(3)

Fl-Artikolu 9a, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Għall-annimali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kliem addizzjonali li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

‘L-Annimali li huma konformi mal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007’.”

(4)

L-Annessi I u III huma emendati skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(2)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37.

(3)  Il-Ġurnal EFSA (2008) 795, 1-56.


ANNESS

L-Annessi I u III qed jiġu emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 1.1.2.2 hu mibdul b’dan li ġej:

“1.1.2.2.

Stħarriġ seroloġiku/viroloġiku:

għandu jikkonsisti fi programm attiv annwali ta’ ttestjar seroloġiku/viroloġiku ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi suxxettibbli, immirat biex tinstab evidenza tat-trażmissjoni tal-virus bluetongue permezz ta’ ttestjar seroloġiku u/jew viroloġiku b’mod każwali implimentat fiż-żoni ġeografiċi kollha epidemijoloġikament rilevanti u mwettaq fil-perjodu tas-sena li fih hemm iktar probabbiltà li tinstab l-infezzjoni jew is-serokonverżjoni;

għandu jkun maħsub b’tali mod li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi u aġġustati mal-istruttura tal-popolazzjoni tal-ispeċi suxxettibbli li minnha jrid jittieħed kampjun fiż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti u d-daqs tal-kampjun ikun ġie kkalkulat biex tinstab prevalenza ta’ 20 % bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % fil-popolazzjoni tal-ispeċi suxxettibbli ta’ din iż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti. Għall-finijiet ta’ demarkazzjoni ta’ parti minn żona mħarsa bħala ‘żona b’anqas riskju’ f’konformità mal-Artikolu 7(2a) l-istħarriġ għandu jkollu daqs ta’ kampjun ikkalkulat biex tinstab prevalenza ta’ 2 % bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % fil-popolazzjoni tal-ispeċi suxxettibbli ta’ dik iż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti;

għandu jiżgura li l-annimali seropożittivi minn popolazzjonijiet imlaqqmin jew immuni ma jinfluwenzawx l-istħarriġ seroloġiku;

għandu jiżgura li l-ittestjar fil-laboratorju jkun maħsub b’mod li wara t-testijiet ta’ skrining pożittiv ikun hemm testijiet seroloġiċi/viroloġiċi speċifiċi tas-sertotip immirati għas-serotip jew serotipi tal-bluetongue mistennija li jkunu preżenti fiż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti biex ikun ivverifikat b’ċertezza s-serotip speċifiku li jkun qed jiċċirkola.

jista’ wkoll ikun imfassal għall-monitoraġġ tal-kopertura tal-vaċċin u t-tqassim ta’ serotipi differenti tal-bluetongue preżenti fiż-żona ristretta;

jista’ jinkludi wkoll l-ittestjar ta’ kampjuni li inġabru għal skopijiet oħrajn, bħal kampjuni mill-biċċeriji jew mill-ħalib bl-ingrossa.”

(b)

Il-Punt 2.2.2 hu mibdul b’dan li ġej:

“2.2.2.

Stħarriġ seroloġiku/viroloġiku:

għandu jikkonsisti fi programm attiv annwali ta’ ttestjar seroloġiku/viroloġiku ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi suxxettibbli, immirat biex tinstab evidenza tat-trażmissjoni tal-virus bluetongue permezz ta’ ttestjar seroloġiku u/jew viroloġiku b’mod każwali implimentat fiż-żoni ġeografiċi kollha epidemijoloġikament rilevanti u mwettaq fil-perjodu tas-sena li fih hemm iktar probabbiltà li tinstab l-infezzjoni jew is-serokonverżjoni;

għandu jkun maħsub b’tali mod li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi u aġġustati mal-istruttura tal-popolazzjoni tal-ispeċi suxxettibbli li minnha jrid jittieħed kampjun fiż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti u d-daqs tal-kampjun ikun ġie kkalkulat biex tinstab prevalenza ta’ 20 % bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % fil-popolazzjoni tal-ispeċi suxxettibbli ta’ din iż-żona ġeografika epidemijoloġikament rilevanti;

għandu jiżgura li l-annimali seropożittivi minn popolazzjonijiet imlaqqmin jew immuni ma jinfluwenzawx l-istħarriġ seroloġiku;

jista’ jinkludi wkoll l-ittestjar ta’ kampjuni li nġabru għal skopijiet oħrajn, bħal kampjuni mill-biċċeriji jew mill-ħalib bl-ingrossa.”

(2)

L-Anness III għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima A hija emendata kif ġej:

(i)

Fil-punt 2, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“L-annimali nżammu, sad-dispaċċ, protetti minn attakki tal-organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżiżti organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ.”

(ii)

Fil-punt 3, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“L-annimali nżammu, sad-dispaċċ, f’żona staġjonalment ħielsa mill-bluetongue matul il-perjodu staġjonalment ħieles mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, iddefinit skont l-Anness V, jew ġew protetti minn attakki ta’ organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżiżti organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 28 jum u kienu suġġetti matul dak il-perjodu għal test seroloġiku skont il-Manwal għall-Annimali Terrestri tal-OIE biex jinstabu l-antikorpi tal-grupp tal-virus tal-bluetongue, b’riżultati negattivi, li jkunu saru fuq kampjuni miġbura minn dak l-annimal mill-inqas 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ħarsien minn attakki tal-organiżmi li jġorru l-mikrobu jew tal-perjodu staġjonalment ħieles mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu.”

(iii)

Fil-punt 4, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“L-annimali nżammu sad-dispaċċ f’żona staġjonalment ħielsa mill-bluetongue matul il-perjodu staġjonalment ħieles mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, iddefinit skont l-Anness V, jew ġew imħarsa minn attakki tal-organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżisti l-organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 14-il jum u, matul dan il-perjodu, kienu suġġetti għal test għall-identifikazzjoni tal-aġent skont il-Manwal għall-Annimali Terrestri tal-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar fuq kampjuni miġbura minn dak l-annimal mill-inqas 14-il jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ħarsien minn attakki tal-organiżmi li jġorru l-mikrobu jew tal-perjodu staġjonalment ħieles mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu.”

(b)

Fit-Taqsima B, il-punt (b) hu mibdul b’dan li ġej:

“(b)

huma ġew imħarsa kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżisti l-organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir tas-semen u matulu;”

(c)

Fit-Taqsima C.2., il-punt 2(b) hu mibdul b’dan li ġej:

“(b)

ikunu ġew imħarsa kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu fi stabbiliment li jirreżisti l-organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir tal-embrijuni/tal-bajd u matulu;”


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kummissjoni

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Awwissu 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tad-dħul tal-Brażil u l-Mawrizju fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 6385)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/624/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae (razza taż-żwiemel) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 12(1) u (4), u l-fażi introduttorja tal-Artikolu 19 u l-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 90/425/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina (3) tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom, li l-Istati Membri jawtorizzaw minnhom id-dħul temporanju ta' żwiemel reġistrati, id-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati wara esportazzjoni temporanja, l-importazzjoni ta' equidae għall-qatla, equidae reġistrati u equidae għat-tgħammir u l-produzzjoni u l-importazzjoni tas-semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina.

(2)

Skont l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 90/426/KEE u l-punt 2 tal-Parti A tal-Kapitolu II tal-Anness D għad-Direttiva 92/65/KEE, l-equidae u-semen, l-ova u l-embrijoni tal-ispeċi ekwina jridu jiġu minn pajjiżi terzi jew partijiet mit-territorji tagħhom li jkunu ħielsa mill-glanders (marda ta’ nefħa ta’ taħt ix-xedaq) għal tal-anqas 6 xhur.

(3)

Fil-5 ta' Settembru 2008, il-Brażil innotifika lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) bil-konferma ta' każ ta' glanders f'żiemel fis-subborgi ta’ São Paulo fl-Istat ta' São Paulo. Sabiex tippermetti l-kontinwazzjoni tal-importazzjoni tal-equidae, is-semen, l-ova u l-embrijoni tagħhom mill-partijiet tal-Brażil li huma ħielsa mill-marda, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/804/KE (4) bl-esklużjoni tal-Istat ta' São Paulo mil-lista ta' territorji tal-Brażil stabbiliti fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(4)

Fid-dawl tal-informazzjoni u l-garanziji pprovduti mill-Brażil, u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li għaddew tal-anqas sitt xhur mindu kien instab il-każ tal-glanders u li l-annimal infettat ġie esterminat, l-Istat ta' São Paulo għandu jiddaħħal mill-ġdid fil-lista ta' territorji tal-Brażil fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE sabiex titħalla ssir mill-ġdid l-importazzjoni tal-equidae u s-semen, l-ova u l-embrijoni tal-ispeċi ekwini minn din il-parti tat-territorju tal-Brażil. Ir-reġistrazzjoni għall-Brażil fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(5)

Missjoni ta' spezzjoni veterinarja li saret fil-Mawrizju rreġistrat nuqqasijiet li jirrikjedu li tiġi limitata l-introduzzjoni fil-Komunità ta' equidae minn dak il-pajjiż ta' żwiemel irreġistrati li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Anness II(E) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE tal-5 ta' Frar 1993 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċertifikazzjoni tal-veterinarju għall-importazzjoni ta’ annimali tar-razza tal-equidae rreġistrati għat-tnissil u produzzjoni (5). Dawk il-kundizzjonijiet jirrikjedu fost affarijiet oħra perjodu ta' residenza kompleta ta' tliet xhur u iżolament ta' qabel l-esportazzjoni f'ċentru tal-iżolament approvat li jkun imħares mill-insetti vetturi sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni tal-marda fil-Komunità. Ir-reġistrazzjoni għall-Mawrizju fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Ir-reġistrazzjoni għall-Brażil tinbidel b'dan li ġej:

“BR

Il-Brażil

BR-0

Il-pajjiż kollu

 

 

BR-1

L-Istati ta':

Rio Grande do Sul, Santa Catarina, Paraná, São Paulo, Mato Grosso do Sul, Goiás, Minas Gerais, Rio de Janeiro, Espírito Santo, Rondônia, Mato Grosso

D

X

X

X

X

X

X

X

X

X”

 

(2)

Ir-reġistrazzjoni għall-Mawrizju tinbidel b'dan li ġej:

“MU

Il-Mawrizju

MU-0

Il-pajjiż kollu

E

X

—”

 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.

(2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(3)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 277, 18.10.2008, p. 36.

(5)  ĠU L 86, 6.4.1993, p. 16.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/9


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Awwissu 2009

dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva

(2009/625/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu (1),

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni “Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali” (2), li ffukat fuq il-litteriżmu medjatiku għall-komunikazzjoni kummerċjali u kopriet kwistjonijiet marbuta mar-riklamar, il-litteriżmu medjatiku għax-xogħlijiet awdjoviżivi li parzjalment marbuta mat-tqajjim ta' kuxjenza dwar il-films Ewropej u t-tisħiħ tal-ħiliet kreattivi, u l-litteriżmu medjatiku għall-qasam online li, nagħtu kas, jagħti liċ-ċittadini għarfien aħjar dwar kif jaħdmu l-magni tat-tiftix tal-Internet.

(2)

Il-Parlament Ewropoew, fir-rapport tiegħu dwar il-litteriżmu medjatiku f'dinja diġitali (3), ħeġġeġ lill-Kummissjoni tespandi l-politika tagħha biex tippromwovi l-litteriżmu medjatiku, taħdem flimkien mal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Litteriżmu Medjatiku (4) adottati mill-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura tal-21/22 ta' Mejju 2008 jappoġġaw il-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-litteriżmu medjatiku bħala fattur importanti għal ċittadinanza attiva fis-soċjetà tal-informazzjoni tal-lum.

(4)

Opinjoni globali dwar il-Kontenut Kreattiv online u l-Litteriżmu Medjatiku ġiet adottata mill-Kumitat tar-Reġjuni f'Ottubru 2008 (5).

(5)

Il-Kunsill ta' Liżbona (6) kkonkluda li “l-industriji tal-kontenut joħolqu valur miżjud meta jisfruttaw u jgħaqqdu f'network id-diversità kulturali Ewropea”. L-Aġenda Ewropea għall-Kultura mnedija fl-2007 tistabbilixxi qafas politiku strateġiku biex jindirizza l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-kultura, filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2009 dwar il-kultura bħala katalist għall-kreattività u l-innovazzjoni, jillustraw il-kontribut speċifiku li l-kultura tista' tagħti lill-kreattività u l-innovazzjoni, u jsejħu għal kunċett wiesa' ta' innovazzjoni bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona lil hinn mill-2010. Dan huwa wkoll partikolarment importanti fil-qafas tal-inizjattiva tal-2010 tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kompetittività fis-settur tal-ICT u jinħoloq Spazju Waħdieni Ewropew tal-Informazzjoni.

(6)

Livell ogħla ta' litteriżmu medjatiku jista' b'mod sinifikanti jikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet stabbiliti għall-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona u l-inizjattiva i2010, partikolarment fir-rigward ta' ekonomija tal-għarfien aktar kompetittiva, filwaqt li jsir kontribut għal soċjetà tal-informazjoni aktar inklussiva.

(7)

Il-konsultazzjoni pubblika ta' tmiem l-2006 wriet li hemm differenzi fil-prattiki u livelli mhux indaqs tal-litteriżmu medjatiku madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, huwa magħruf li ma hemm l-ebda kriterji jew standards maqbula għall-valutazzjoni tal-litteriżmu medjatiku, u hemm ħtieġa urġenti ta' riċerka fuq skala akbar u fuq medda ta' żmien sabiex jiġu stabbiliti dawn il-kriterji.

(8)

Kif ġie rikonoxxut fl-istudju “Current trends and approaches to media literacy in Europe” li sar għall-Kummissjoni fi-tieni nofs tal-2007, hemm xi ostakli għall-iżvilupp fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku fuq livell Ewropew. Dawn partikolarment jinkludu nuqqas ta' viżjoni kondiviża, nuqqas ta' viżibilità Ewropea għal inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali, nuqqas ta' netwerks Ewropej u koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati.

(9)

Ikun għalhekk importanti għall-aħħar li wieħed ikun jista' janalizza, jenfasizza u jxerred prattiki tajba fil-qasam madwar l-Unjoni Ewropea, u joħloq u jrawwem netwerks Ewropej fost il-partijiet interessati.

(10)

Il-kapaċità taċ-ċittadini Ewropej li jagħmlu għażliet informati u diversifikati bħala konsumaturi tal-midja tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva u tal-kontenut Ewropea.

(11)

Il-litteriżmu medjatiku jirrelata mal-kapaċità li wieħed jaċċessja l-midja, jifhimha u jqis b’mod kritiku l-aspetti differenti tal-midja u tal-kontenuti tagħha u joħloq il-komunikazzjonijiet f'varjetà ta' kuntesti.

(12)

It-tixrid tal-kontenut kreattiv diġitali u l-moltiplikazzjoni ta' pjattoformi mobbli u online tad-distribuzzjoni joħolqu sfidi ġodda għall-litteriżmu medjatiku. Fid-dinja tal-um, iċ-ċittadini għandhom bżonn jiżviluppaw ħileit analitiċi li jippermettulhom ikollhom fehim intellettwali u emozzjonali aħjar tal-midja diġitali.

(13)

Il-litteriżmu medjatiku jinkludi l-midja kollha. L-għan tal-litteriżmu medjatiku huwa li jikeber l-għarfien tan-nies dwar il-bosta forom ta' messaġġi medjatiċi li jiltaqgħu magħhom f'ħajjithom ta' kuljum. Il-messaġġi tal-midja huma l-programmi, il-films, ix-xbihat, it-testi, il-ħsejjes u l-websjats li jinġiebu permezz ta' forom ta' komunikazzjoni differenti.

(14)

Il-litteriżmu medjatiku għandu rwol importnati fit-tkabbir tal-kuxjenza dwar il-wirt awdjoviżiv u l-identitajiet kulturali Ewropej u għarfien u interess akbar il-wirt u xogħlijiet kulturali Ewropej reċenti.

(15)

Il-litteriżmu medjatiku jikkonċerna l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza fis-soċjetà tal-informazzjoni tal-lum. Hija ħila fundamentali mhux biss għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ iżda wkoll għall-adulti u l-anzjani, il-ġenituri, l-għalliema, u l-professjonisti tal-midja. Bis-saħħa tal-internet u t-teknoloġija diġitali, għadd dejjem akbar ta' Ewropej issa jista' joħloq u jxerred xbihat, tagħrif u kontenut. Il-litteriżmu medjatiku illum jitqies bħala wieħed mill-pre-rekwiżiti ewlenin għal ċittadinanza attiva u sħiħa sabiex ma jkunx hemm esklużjoni mill-ħajja komunitarja u jitnaqqsu r-riskji ta' dan.

(16)

Soċjetà medjatikament letterata tkun fl-istess ħin stimolu u prekundizzjoni għall-pluraliżmu u l-indipendenza fil-midja. L-espressjoni ta' opinjonijiet u ideat diversi, f'ilsna differenti, li jirrappreżentaw gruppi differenti, fis-soċejetajiet u minn soċjetà għall-oħra, għandhom impatt pożittiv fuq il-valuri tad-diversità, it-tolleranza, l-ekwità u d-djalogu. Għalhekk l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media fit-taqsimiet kollha tas-soċjetà għandu jiġi promoss u l-progress tiegħu segwit mill-qrib.

(17)

Id-demokrazija tiddependi mill-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja tal-komunità tagħhom u l-litteriżmu medjatiku jista' jipprovdi l-ħiliet li jeħtieġu biex jagħmlu sens mill-fluss ta' kuljum ta' informazzjoni mxerrda bis-saħħa ta' teknoloġija ġodda tal-komunikazzjoni.

(18)

Il-litteriżmu medjatiku għandu jiġi indirizzat b'modi differenti fuq livelli differenti. Il-modalitajiet tal-inklużjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli tal-iskola fil-livelli kollha huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali huwa importanti ħafna wkoll, għaliex huma eqreb għaċ-ċittadin u jappoġġaw inizjattivi fis-settur tal-edukazzjoni mhux formali. Is-soċjetà ċivili għandha wkoll tagħti kontribut attiv lill-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku li jitlaq mil-livelli safliena tas-soċjetà.

(19)

Inzijattivi tal-Kummissjoni bħall-MEDIA 2007 (Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (7) (MEDIA 2007)) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (8)) li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva u tal-kontenut Ewropea, jistgħu jikkontribwixxu għal-litteriżmu medjatiku.

(20)

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel monitoraġġ tal-isforzi li jsiru fil-litteriżmu tal-midja awdjoviżiva u litteriżmu medjatiku għall-komunikazzjoni kummerċjali kif previst fil-premessa 37 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, partikolarment fil-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u fi ħdan l-obbligu tar-rapportar previst fl-Artikolu 26 tad-Direttiva.

(21)

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi proġetti ta' riċerka dwar il-litteriżmu medjatiku fil-qafas ta' programmi eżistenti. B'mod partikolari, biħsiebha tniedi studju dwar il-livell ta' għarfien tar-riskji marbuta mat-tixrid tad-dejta personali fl-ambjent online, u studju dwar it-titjib tal-użu tal-magni tat-tiftix.

(22)

Inizjattivi dwar il-litteriżmu medjatiku għandhom ukoll jinkludu dimensjoni tal-kuxjenza dwar ir-rwol tad-dritt tal-awtur.

(23)

L-ipproċessar u l-użu tad-dejta personali fin-netwerks tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-aktar sabiex jiġu pprovduti offerti skont il-profil tal-konsumaturi, u l-isfidi li dan joħloq f'termini ta' ħarsien ta' dejta personali u rispett tal-privatezza jridu jiġu indirizzati bħala parti minn inizjattivi ta' litteriżmu medjatiku. Fil-fatt, in-netwerks tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-utenti; madankollu, jistgħu jinħolqu wkoll riskji ġodda għall-individwu, bħas-serq tal-identità, profilar diskriminatorju jew sorveljanza kontinwa Il-Kummissjoni indirizzat dawn il-kwistjonijiet u soluzzjonijiet possibbli għalihom fil-Komunikazzjoni dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Dejta b'Teknoloġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs) (9).

(24)

Inizjattivi għal-litteriżmu tal-midja diġitali għandhom jiżguraw involviment mill-qrib tal-pubblikaturi tradizzjonali, fid-dawl tal-esperjenza ta' siwi liema bħalha tal-industrija tal-pubblikazzzjoni fir-rigward tal-litteriżmu medjatiku fid-dinja offline u minħabba iċ-ċaqliqa dejjem akbar ta' din l-industrija lejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali.

(25)

Il-Kummmisjoni biħsiebha toħloq aktar konsensus dwar aspetti essenzjali tal-litteriżmu medjatiku (definizzjonijiet, għanijiet) u ssostni l-analiżi u l-iskambju ta' prattiki tajba għal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali, inkluż għall-ekonomija ta-settur tal-midja fl-Ewropa, partikolarment bis-saħħa tal-organizzazzjoni ta' laqgħat tal-Kumitat ta' Kuntatt AVMS (10), il-promozzjoni u l-appoġġ ta' avvenimenti taħt MEDIA 2007 (11), kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-UNESCO, u l-Alleanza tan-Nazzjonijiet Uniti taċ-Ċiviltà, u l-promozzjoni ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat dwar il-litteriżmu medjatiku,

B'HEKK JIRRAKKOMANDAW LI:

I.

L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni elettronika u awdjoviżiva u f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji għall-ħarsien tad-dejta, fejn xieraq:

(1)

jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi ko-regolatorji li jwasslu għall-adozzjoni ta' kodiċijiet ta' mġiba mill-partijiet interessati ewlenin u jipproponu inizjattivi u linjigwida awtoregolatorji, dwar is-suġġetti identifikati għall-Industrija taħt il-Parti II isfel;

(2)

b'segwitu għall-istudju li għaddej bħalissa tal-Kummissjoni dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-livelli tal-litteriżmu medjatiku fl-Ewropa, jippromwovu riċerka sistematika bis-saħħa ta' studji u proġetti dwar l-aspetti u d-dimensjonijiet differenti tal-litteriżmu u jimmonitorjaw u jkejlu l-progress tal-livelli tal-litteriżmu medjatiku;

(3)

jiftħu dibattitu f'konferenzi u avvenimenti pubbliċi oħra dwar l-inklużjoni tal-lietteriżmu medjatiku fil-kurikkulu edukattiv obbligatorju, u bħala parti mill-għoti ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja;

(4)

isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kuxjenza dwar il-wirt awdjoviżiv nazzjonali u Ewropew bis-saħħa ta' kampanji nazzjonali għat-trawwim tal-kuxjenza mmirati lejn iċ-ċittadini;

(5)

Iqajmu kuxjenza bis-saħħa ta' taħriġ, jiem ta' informazzjoni u tqassim ta' pakketti informattivi dwar ir-riskji involuti fl-ipproċessar tad-dejta personali permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni u informazzjoni, u jedukaw lill-utenti f'dan il-qasam, speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ, il-ġenituri u l-għalliema.

II.

L-Industrija tal-Midja tkabbar l-impenn tagħha lejn l-għoti tal-għodod meħtieġa biex ittejjeb il-livell tagħha tal-litteriżmu medjatiku billi:

(1)

ixxerred sistematikament l-għarfien bis-saħħa ta' kampanji informattivi dwar kif l-informazzjoni u l-kontenut kreattiv jiġu prodotti, immuntati u mqassma mad-dinja diġitali, inkluz kif jaħdmu l-magni tat-tiftix u kif wieħed jista' jużahom aħjar;

(2)

tagħti liċ-ċittadini informazzjoni ċara u dħulija billi torganizza kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza, dwar tekniki użati għal għanijiet ta' komunikazzjoni kummerċjali, partikolarment dwar il-pubbliċità indiretta, ir-riklamar online, u b'mezzi biex jingħarfu aktar il-konfini bejn il-marketing u l-kontenut;

(3)

tipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni, billi toħloq pakketti informattivi mmirati l-aktar lejn it-tfal u żgħażagħ, dwar kif id-dejta personali tiġi pproċessata fil-kuntest ta' offerti mmirati skont il-profil tal-utent, partikolarment ir-riklamar interattiv, b'osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet legali eżisteni;

(4)

tinforma attivament liċ-ċittadini billi torganizza jiem ta' informazzjoni dwar kif taħdem l-ekonomija kreattiva, inkluż ir-rwol tad-dritt tal-awtur f'dak ir-rigward.

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 325, 24.12.2002, p. 1.

(2)  COM(2007) 833 finali.

(3)  2008/2129(INI), 24 Novembru 2008.

(4)  2008/C 140/08.

(5)  CdR 94/2008.

(6)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A6-2005-0278+0+DOC+XML+V0//MT

(7)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

(8)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.

(9)  COM(2007) 228 finali, 2 ta’ Mejju 2007.

(10)  AVMS, ara d-Direttiva 2007/65/KE.

(11)  Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE.