ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.206.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 206

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
8 ta' Awwissu 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 724/2009 tas-7 ta’ Awwissu 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

9

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 725/2009 tas-7 ta’ Awwissu 2009 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pan de Cruz de Ciudad Real (IĠP))

11

 

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/603/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Awwissu 2009 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tal-produtturi ta' batteriji u ta' akkumulaturi skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 6054)  ( 1 )

13

 

 

2009/604/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 2009 li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għas-sena 2009, għal proġett bi prova ta’ sentejn fil-qasam tal-kwalità tal-arja fl-iskejjel

16

 

 

III   Atti adottati skont it-Trattat tal-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TAL-UE

 

*

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/605/PESK tas-7 ta’ Awwissu 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

20

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 723/2009

tal-25 ta' Ġunju 2009

dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 171 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 171 tat-Trattat il-Komunità tista’ tistabbilixxi impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni.

(2)

L-appoġġ u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka fl-Ewropa ilhom fil-mira tal-Komunità, kif deher l-aħħar fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (4) u b’mod partikolari fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/974/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku “Kapaċitajiet” (5).

(3)

Filwaqt li l-appoġġ tradizzjonali għall-użu u l-iżvilupp tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka essenzjalment ħa l-forma ta’ għotjiet favur l-infrastrutturi tar-riċerka stabbiliti fl-Istati Membri, il-ħtieġa għal sforzi addizzjonali bdiet tidher fl-aħħar snin sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strutturi ġodda billi jinħoloq qafas ġuridiku adegwat li għandu jiffaċilita l-istabbiliment u l-operat tagħhom fil-livell tal-Komunità.

(4)

Din il-ħtieġa ssemmiet f’numru ta’ okkażjonijiet, kemm fil-livell politiku mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u mid-diversi atturi fi ħdan il-komunità tar-riċerka Ewropea bħall-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet u, b’mod partikolari, il-Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI).

(5)

Filwaqt li r-rwol ċentrali tal-infrastrutturi tar-riċerka xjentifika ta’ klassi dinjija għall-ksib tal-għanijiet tar-RŻT tal-Komunità stabbiliti fl-Artikolu 163 tat-Trattat b’hekk ilu rikonoxxut taħt il-Programmi ta’ Qafas tar-RŻT tal-Komunità, ir-regoli li jirregolaw l-istabbiliment, il-finanzjament u l-operat ta’ dawn l-istrutturi għadhom xorta waħda frammentati u reġjonalizzati. Meta jitqies li l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka qegħdin jikkompetu ma’ dawk tal-imsieħba dinjin tal-Komunità li huma u li ser ikunu qed jinvestu ħafna f’infrastrutturi tar-riċerka moderni fuq skala kbira, u meta jitqies li dawn l-infrastrutturi qegħdin isiru dejjem iktar kumplessi u għaljin, spiss f’pożizzjoni li ma jistgħux jintlaħqu minn Stat Membru jew saħansitra minn kontinent wieħed, huwa meħtieġ li issa jiġi sfruttat u żviluppat il-potenzjal kollu tal-Artikolu 171 tat-Trattat billi jiġi stabbilit qafas li jkun fih il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment u l-operat tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka fuq livell Komunitarju li huma meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi tar-RŻT tal-Komunità. Dan il-qafas ġuridiku ġdid għandu jikkumplimenta forom legali oħrajn li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali, internazzjonali jew dik Komunitarja.

(6)

B’kuntrast mal-Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija (IKT) li nħolqu bħala Impriżi Konġunti li tagħhom il-Komunità hija membru u tagħtihom kontributi finanzjarji, il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ERIC”) m’għandux jitqies bħala korp Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju appliabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (ir-Regolament Finanzjarju), iżda bħala entità ġuridika li fiha l-Komunità mhux neċessarjament tkun membru u li ma tagħtihiex kontributi finanzjarji fis-sens tal-punt (f) tal-Artikolu 108(2), tar-Regolament Finanzjarju.

(7)

Minħabba fil-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Komunità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka rispettivi tagħhom b’mod kumplimentari, kif stabbilit fl-Artikoli 164 u 165 tat-Trattat, għandhom ikunu l-Istati Membri interessati, waħidhom jew flimkien ma’ entitajiet ikkwalifikati oħra, li jiddefinixxu l-ħtiġijiet tagħhom għall-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka f’dan il-format ġuridiku, ibbażati fuq l-attivitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku tagħhom u fuq ir-rekwiżiti Komunitarji. Għall-istess raġunijiet, is-sħubija f’ERIC għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri interessati bil-possibilità tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi kkwalifikati assoċjati fil-programm ta’ qafas tal-Komunità għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsemmijin “stati assoċjati”) u pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati. Flimkien mas-sħubija sħiħa, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jsiru osservaturi ta’ ERIC bil-kondizzjonijiet speċifikati fl-Istatuti tiegħu.

(8)

ERIC stabbilit taħt dan ir-Regolament għandu jkollu bħala l-kompitu prinċipali tiegħu l-istabbiliment u l-operat ta’ infrastruttura tar-riċerka fuq bażi mhux ekonomika u għandu jiddedika l-parti l-kbira tar-riżorsi tiegħu għal dan il-kompitu prinċipali. Sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien u tat-teknoloġija, l-ERIC għandu jitħalla jwettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati jekk dawn ikunu marbutin mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u ma jfixklux il-kisba tiegħu. L-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka bħala ERICs ma jeskludix li infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess pan-Ewropew li jkollhom forma ġuridika oħra jistgħu jkunu rikonoxxuti bl-istess mod bħala kontributuri għall-progress tar-riċerka Ewropea, inkluż għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni żviluppat mill-ESFRI. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-membri tal-ESFRI u partijiet interessati oħrajn ikunu infurmati dwar dawn il-forom ġuridiċi alternattivi.

(9)

L-infrastrutturi tar-riċerka għandhom jgħinu sabiex jissalvagwardjaw l-eċċellenza xjentifika tar-riċerka tal-Komunità u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Komunità, kif ibbażati fuq previżjonijiet għal perijodu ta’ żmien medju sa dak fit-tul, permezz tal-appoġġ effiċjenti tal-attivitajiet tar-riċerka Ewropej. Sabiex jinkiseb dan, huma għandhom ikunu effettivament miftuħin għall-komunità tar-riċerka Ewropea b’mod ġenerali skont ir-regoli stabbiliti fl-Istatuti tagħhom u għandu jkollhom l-ambizzjoni li jsaħħu l-kapaċitajiet xjentifiċi Ewropej lil hinn mil-livell ta’ għarfien attwali u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(10)

Bil-għan li jkun jista’ jkun hemm proċedura effiċjenti għall-stabbiliment ta’ ERIC, hu meħtieġ għall-entitajiet li jixtiequ jistabbilixxu ERIC li jressqu applikazzjoni lill-Kummissjoni li għandha tivvaluta, bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, li jistgħu jinkludu ESFRI, jekk l-infrastruttura tar-riċerka proposta hijiex konformi ma’ dan ir-Regolament. Tali applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi l-ERIC bħala korp jew organizzazzjoni internazzjonali għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (7) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (8), mill-istabbiliment tiegħu. L-ERIC għandu jibbenefika wkoll minn ċerti eżenzjonijiet bħala organizzazzjoni internazzjonali għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (9), f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(11)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, id-deċiżjoni li tistabbilixxi ERIC għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għall-istess raġunijiet, l-elementi essenzjali tal-Istatuti tiegħu, għandhom ikunu annessi għal dawn id-deċiżjonijiet.

(12)

Bil-għan li jwettaq il-kompiti tiegħu bl-iktar mod effiċjenti, ERIC għandu jkollu personalità ġuridika u jgawdi mill-iżjed kapaċità ġuridika wiesgħa mill-jum meta d-deċiżjoni tal-istabbiliment tiegħu tidħol fis-seħħ. Għandu jkollha sede statutorja, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli, fit-territorju ta’ membru ta’ dak l-ERIC li huwa Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

(13)

Is-sħubija f’ERIC għandha tkun magħmula minn tal-anqas tliet Stati Membri u tista’ tinkludi pajjiżi assoċjati kkwalifikati u pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi assoċjati kif ukoll organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati.

(14)

F’konformità mad-dimensjoni Komunitarja ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt bejniethom il-maġġoranza tal-voti fl-assemblea tal-membri ta’ ERIC.

(15)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas, għandhom jitniżżlu fi Statuti iktar dispożizzjonijiet dettaljati, li abbażi tagħhom, il-Kummissjoni għandha teżamina l-konformità ta’ applikazzjoni mal-qafas stabbilit f’dan ir-Regolament.

(16)

Huwa meħtieġ li jkun żgurat, minn naħa waħda, li ERIC jkollha l-flessibbiltà meħtieġa biex jemenda l-Istatuti tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Komunità li tistabbilixxi l-ERIC iżżomm il-kontroll fuq ċerti elementi essenzjali. Jekk emenda tikkonċerna element essenzjali tal-Istatuti annessi għad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC, tali emenda għandha tkun approvata, qabel ma tidħol fis-seħħ, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-istess proċedura li tkun ġiet segwita fl-istabbiliment tal-ERIC. Kwalunkwe emenda oħra għandha tkun mgħarrfa lill-Kummissjoni, li għandu jkollha opportunità li toġġezzjona jekk tqis li l-emenda tmur kontra dan ir-Regolament.

(17)

Huwa meħtieġ li ERIC jgħammar lilu nnifisu bil-korpi tiegħu stess għall-ġestjoni effettiva tal-attivitajiet tiegħu. L-Istatuti għandhom jiddeterminaw il-mod kif dawk il-korpi jirrappreżentaw legalment lill-ERIC.

(18)

Huwa meħtieġ għal ERIC li jwettaq l-attivitajiet tiegħu skont prinċipji baġitarji sodi għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

(19)

ERIC jista’ jikkwalifika għal finanzjament skont it-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju. Il-finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jkun possibbli wkoll, f’konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.

(20)

Bil-għan li jwettaq il-kompiti tiegħu bl-iktar mod effiċjenti u bħala konsegwenza loġika tal-personalità ġuridika tiegħu, ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. Bil-għan li jippermetti lill-membri jsibu soluzzjonijiet adegwati dwar ir-responsabbiltà tagħhom, għandha tingħata l-alternattiva li fl-Istatuti jiġi pprovdut għal reġimi differenti ta’ responsabbiltà li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà limitata għall-kontribuzzjonijiet tal-membri.

(21)

Peress li ERIC huwa stabbilit taħt il-liġi tal-Komunità, għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Komunità, flimkien mal-liġi tal-Istat fejn għandu s-sede statutorja tiegħu. Madankollu, l-ERIC jista’ jkollu post ta’ operat fi Stat ieħor. Il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi definiti mill-Istatuti tal-ERIC. Barra minn hekk, ERIC għandu jiġi rregolat mir-regoli ta’ implimentazzjoni li huma konformi mal-Istatuti.

(22)

L-Istati Membri huma liberi li japplikaw jew jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew miżura amministrattiva li ma jmorrux kontra l-kamp ta’ applikazzjoni jew l-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(23)

Bil-għan li jiżgura kontroll suffiċjenti tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ERIC għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti r-rapport annwali tiegħu u kwalunkwe informazzjoni dwar ċirkostanzi li jheddu li jippreġudikaw serjament il-ksib tal-kompiti tiegħu. F’każ li l-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet, permezz tar-rapport annwali jew mod ieħor, li l-ERIC jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament jew ta’ liġi applikabbli oħra, hi għandha titlob spjegazzjonijiet u/jew azzjonijiet mill-ERIC u/jew mill-membri tiegħu. F’każijiet estremi u jekk ma tittieħdet l-ebda azzjoni ta’ rimedju, il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC; u b’hekk tagħti bidu għall-istralċ tal-ERIC.

(24)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament; jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas għall-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka bejn l-Istati Membri, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistemi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom, minħabba fin-natura transnazzjonali tal-problema, u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(25)

Peress li dan ir-Regolament hu stabbilit primarjament għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, u minħabba li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu huma essenzjalment miżuri ta’ ġestjoni, dawn għandhom għalhekk jiġu adottati skont il-proċedura ta’ ġestjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprevedi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (10),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ġuridiku li jistabbilixxi r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-ħolqien ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ERIC”), kif ukoll l-effetti ta’ dan.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“infrastrutturi tar-riċerka” tfisser il-faċilitajiet, ir-riżorsi u s-servizzi relatati użati mill-komunità xjentifika sabiex titwettaq riċerka ta’ livell għoli fl-oqsma rispettivi tagħhom u tkopri it-tagħmir xjentifiku prinċipali jew is-settijiet ta’ strumenti; ir-riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħall-kollezzjonijet, l-arkivji jew l-istrutturi għal informazzjoni xjentifika; li jippermettu li l-infrastrutturi bbażati fuq it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tat-Telekomunikazzjoni bħall-Grid, il-materjal informatiku, is-software u l-komunikazzjoni, jew kwalunkwe entità oħra ta’ natura individwali biex jintlaħaq livell ta’ eċċellenza fir-riċerka. Dawn l-infrastrutturi jistgħu jitqiegħdu f’ “post wieħed” jew “jitqassmu” (netwerk organizzat ta’ riżorsi);

(b)

“pajjiż terz” tfisser Stat li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(c)

“pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li huwa parti għal ftehim internazzjonali mal-Komunità, u li skont u abbażi ta’ dan il-ftehim jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, kollha, jew għal parti minnhom.

Artikolu 3

Kompitu u attivitajiet oħra

1.   Il-kompitu prinċipali ta’ ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera infrastruttura ta’ riċerka.

2.   ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Madankollu, huwa jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kondizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-ksib tiegħu.

3.   ERIC għandu jżomm rendikont separat tal-ispejjeż u d-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu determinati, abbażi tal-ispejjeż totali b’marġni raġonevoli.

Artikolu 4

Rekwiżiti relatati mal-infrastruttura

L-infrastruttura tar-riċerka li għandha tiġi stabbilita minn ERIC għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tkun meħtieġa għat-twettiq tal-programmi u l-proġetti ta’ riċerka b’dimensjoni Ewropea, inkluż għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni;

(b)

tirrappreżenta valur miżjud fit-tisħiħ u l-istrutturar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u titjib sinifikanti fil-livell internazzjonali fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti;

(c)

jingħata aċċess effettiv, skont ir-regoli stabbiliti fl-Istatuti tiegħu, lill-komunità Ewropea tar-riċerka, magħmula minn riċerkaturi mill-Istati Membri u minn pajjiżi assoċjati;

(d)

tikkontribwixxi għall-mobbiltà tal-għarfien u/jew tar-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u żżid l-użu tal-potenzjal intelletwali fl-Ewropa kollha; u

(e)

tikkontribwixxi għat-tixrid u l-valorizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni għall-istabbiliment ta’ ERIC

1.   L-entitajiet li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “applikanti”) għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

talba lill-Kummissjonigħall-istabbiliment tal-ERIC;

(b)

l-Istatuti proposti tal-ERIC imsemmija fl-Artikolu 10;

(c)

deskrizzjoni teknika u xjentifika tal-infrastruttura tar-riċerka li għandha tiġi stabbilita u operata mill-ERIC, li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikolu 4;

(d)

dikjarazzjoni mill-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi l-ERIC bħala korp internazzjonali fis-sens tal-Artikoli 143(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE u bħala organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 92/12/KEE, mill-istabbiliment tiegħu. Il-limiti u l-kondizzjonijiet tal-eżenzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-membri tal-ERIC.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Matul din il-valutazzjoni, hija għandha tikseb l-fehmiet ta’ esperti indipendenti b’mod partikolari fil-qasam tal-attivitajiet previsti għall-ERIC. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-applikanti li għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu mistiedna jimlew jew jemendaw l-applikazzjoni.

Artikolu 6

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20:

(a)

tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC wara li tkun sodisfatta li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati; jew

(b)

tiċħad l-applikazzjoni jekk tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament mhumiex sodisfatti, inkluż fin-nuqqas tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(d).

2.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha tiġi notifikata lill-applikanti. F’każ li din tiġi miċħuda, id-deċiżjoni għandha tiġi spjegata f’termini ċari u preċiżi lill-applikanti.

Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC għandha tiġi ppubblikata wkoll fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti kif imniżżlin fl-Artikolu 10 l-punti (b) sa (f) u fil-punti (i) sa (vi) tal-punt (g) li jidhru fl-applikazzjoni għandhom jiġu annessi għad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC.

Artikolu 7

Status ta’ ERIC

1.   ERIC għandu jkollu personalità ġuridika mid-data li fiha jkollha effett id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC.

2.   ERIC għandu jkollu f’kull Stat Membru l-aktar kapaċità ġuridika wiesgħa mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jipposedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċeduri legali.

3.   ERIC huwa organizzazzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2004/18/KE.

Artikolu 8

Sede u isem

1.   ERIC għandu jkollu sede statutorja, li għandha tkun tinsab fit-territorju ta’ membru li għandu jkun Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

2.   ERIC għandu jkollu isem li jkun fih l-abbrevjazzjoni “ERIC”.

Artikolu 9

Rekwiżiti għas-sħubija

1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri ta’ ERIC:

(a)

L-Istati Membri;

(b)

il-pajjiżi assoċjati;

(c)

il-pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi assoċjati;

(d)

l-organizzazzjonijiet intergovernattivi.

2.   ERIC għandu jkollu mill-inqas tliet Stati Membri bħala membri. Jistgħu jingħaqdu iktar Stati Membri bħala membri fi kwalunkwe ħin fuq termini ġusti u raġonevoli kif speċifikat fl-Istatuti u bħala osservaturi mingħajr drittijiet ta’ vot bil-kundizzjonijiet speċifikati fl-Istatuti. Pajjiżi assoċjati u pajjiżi terzi oħrajn li mhumiex pajjiżi assoċjati kif ukoll organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu wkoll isiru membri ta’ ERIC, soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea tal-membri, imsemmija fl-Artikolu 12(a), skont il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-bidliet fl-isħubija msemmija fl-Istatuti tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ votazzjoni fl-assemblea tal-membri.

4.   Kwalunkwe Stat Membru, pajjiż assoċjat jew pajjiż terz, jista’ jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew iktar, inklużi reġjuni jew entitajiet privati b’missjoni ta’ servizz pubbliku, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi u t-twettiq ta’ obbligi speċifiċi bħala membru ta’ ERIC.

5.   Il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC jew għal sħubija fih għandhom jirrikonoxxu li dan għandu l-personalità u l-kapaċità ġuridiċi skont l-Artikolu 7(1) u (2), u li huwa għandu jkun soġġett għar-regoli determinati b’applikazzjoni tal-Artikolu 15.

6.   Il-pajjiżi assoċjati u l-pajjiżi terzi li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC jew għal sħubija fih għandhom jagħtu lill-ERIC trattament ekwivalenti għal dak li joħroġ mill-Artikoli 5(1)(d) u 7(3).

Artikolu 10

Statuti

L-Istatuti ta’ ERIC għandu jkun fihom, tal-anqas, dan li ġej:

(a)

lista ta’ membri, osservaturi u, fejn applikabbli, ta’ entitajiet li jirrappreżentaw il-membri u l-kondizzjonijiet u l-proċedura għal tibdiliet fis-sħubija u r-rappreżentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9;

(b)

il-kompiti u l-attivitajiet tal-ERIC;

(c)

is-sede statutorja f’konformità mal-Artikolu 8(1);

(d)

l-isem tal-ERIC f’konformità mal-Artikolu 8(2);

(e)

id-dewmien, u l-proċedura għall-istralċ f’konformità mal-Artikolu 16,

(f)

ir-reġim tar-responsabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 14(2);

(g)

il-prinċipji bażiċi li jkopru:

(i)

il-politika dwar l-aċċess għall-utenti;

(ii)

il-politika dwar l-evalwazzjoni xjentifika;

(iii)

il-politika dwar id-disseminazzjoni;

(iv)

il-politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(v)

il-politika dwar l-impjiegi, inklużi l-opportunitajiet indaqs;

(vi)

il-politika dwar l-akkwist pubbliku li tirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni;

(vii)

diżattivazzjoni tal-faċilitajiet, jekk ikun il-każ;

(viii)

il-politika dwar id-data;

(h)

id-drittijiet u l-obbligi tal-membri, inkluż l-obbligu li jagħtu kontribuzzjonijiet għal baġit ibbilanċjat u d-drittijiet ta’ votazzjoni;

(i)

il-korpi tal-ERIC, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-mod li fih huma jiġu kostitwiti u li jieħdu d-deċiżjonijiet, inkluż b’emenda fl-Istatuti, f’konformità mal-Artikoli 11 u 12;

(j)

l-identifikazzjoni tal-lingwa/i ta’ ħidma;

(k)

ir-referenzi għar-regoli li jimplimentaw l-Istatuti.

L-Istatuti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

Artikolu 11

Emendi fl-Istatuti

1.   Kwalunkwe emenda fl-Istatuti li tikkonċerna il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (b) sa (f) jew fil-punti (i) sa (vi) tal-punt (g) tal-Artikolu 10 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-ERIC għall-approvazzjoni. Din l-emenda m’għandhiex tieħu effett qabel ma tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tapplika l-Artikoli 5(2) u 6, mutatis mutandis.

2.   Kwalunkwe emenda fl-Istatuti għajr dak imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-ERIC fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tqajjem oġġezzjoni għal tali emenda fi żmien sittin jum minn meta tiġi ppreżentata billi tagħti r-raġunijiet għaliex l-emenda ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-emenda m’għandhiex tieħu effett qabel ma jkun skada l-perijodu għall-oġġezzjonijiet jew qabel dan jitneħħa mill-Kummissjoni jew qabel ma tkun irtirata oġġezzjoni li tkun tqajmet.

5.   L-applikazzjoni għall-emenda għandu jkun fiha dan li ġej:

(a)

it-test tal-emenda proposta jew, fejn xieraq, kif adottata, inkluża d-data li fiha tidħol fis-seħħ;

(b)

il-verżjoni kkonsolidata emendata tal-Istatuti;

Artikolu 12

Organizzazzjoni tal-ERIC

L-Istatuti għandhom jipprovdu tal-anqas għall-korpi li ġejjin, li jkollhom il-kompetenzi li ġejjin:

(a)

assemblea tal-membri bħala l-korp li għandu l-poteri sħaħ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż l-adozzjoni tal-baġit;

(b)

direttur jew bord tad-diretturi, maħtur mill-assemblea tal-membri, bħala l-korp eżekuttiv u r-rappreżentant ġuridiku tal-ERIC.

L-Istatuti għandhom jispeċifikaw il-mod kif il-membri tal-bord tad-diretturi jirrappreżentaw lill-ERIC legalment.

Artikolu 13

Prinċipji baġitarji, kontijiet u verifika

1.   L-oġġetti kollha tad-dħul u tal-infiq ta’ ERIC għandhom ikunu inklużi fl-istimi li jridu jitfasslu għal kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fil-baġit. Għandu jkun hemm bilanċ fil-budget bejn id-dħul u l-ħruġ.

2.   Il-membri ta’ ERIC għandhom jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

3.   Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat u l-kontijiet ikunu ppreżentati f’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza.

4.   Il-kontijiet ta’ ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

5.   ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli fir-rigward tat-tħejjija, id-depożitu, il-verifika u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 14

Responsabbiltà u assigurazzjoni

1.   ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom magħmula lill-ERIC. Il-membri jistgħu jispeċifikaw fl-Istatuti li huma ser jassumu responsabbiltà stabbilita minn qabel akbar mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom jew responsabbiltà bla limitu.

3.   F’każ li r-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tiegħu ma tkunx bla limitu, l-ERIC għandu joħroġ assigurazzjoni adatta biex ikopri r-riskji kollha speċifikament relatati mal-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura.

4.   Il-Komunità m’għandhiex tkun responsabbli għal xi dejn tal-ERIC.

Artikolu 15

Liġi applikabbli u ġurisdizzjoni

1.   L-istabbiliment u l-funzjonament intern ta’ ERIC għandhom jiġu rregolati:

(a)

mil-liġi tal-Komunità, b’mod partikulari dan ir-Regolament, u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6(1)(a) u 11(1);

(b)

mil-liġi tal-Istat fejn l-ERIC ikollu s-sede statutorja tiegħu fil-każ ta’ kwistjonijiet li mhumiex, jew huma biss parzjalment, irregolati mill-atti msemmija fil-punt (a);

(c)

mill-Istatuti u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-membri fir-rigward tal-ERIC, bejn il-membri u l-ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li għaliha l-Komunità hija parti.

3.   Il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn l-ERIC u partijiet terzi. F’każijiet mhux koperti mil-leġislazzjoni Komunitarja, hija l-liġi tal-Istat fejn l-ERIC għandu s-sede statutorja tiegħu li għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ dan it-tilwim.

Artikolu 16

Stralċ u insolvenza

1.   L-Istatuti għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi applikata fil-każ tal-istralċ tal-ERIC wara deċiżjoni tal-assemblea tal-membri. L-istralċ jista’ jkun jinkludi t-trasferiment ta’ attivitajiet lil entità legali oħra.

2.   L-ERIC għandu jinnotifika d-deċiżjoni dwar l-istralċ lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-assemblea tal-membri, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn din l-adozzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-għeluq tal-proċedura tal-istralċ mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn dan l-għeluq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-ERIC m’għandux jibqa’ jeżisti mill-jum tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

4.   Fi kwalunkwe żmien, fil-każ li l-ERIC ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu, għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Rappurtar u kontroll

1.   ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi b’mod partikolari l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu msemmijin fl-Artikolu 3. Dan għandu jkun approvat mill-assemblea tal-membri u trasmess lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponnibbli għall-pubbliku.

2.   ERIC u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ċirkustanza li thedded li tfixkel serjament it-twettiq tajjeb tal-kompitu tal-ERIC jew li jfixkel l-ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Fejn il-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet li ERIC ikun qiegħed jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, tad-deċiżjonjijiet adottati abbażi tiegħu jew ta’ xi liġi applikabbli oħra, hija għandha titlob spjegazzjonijiet mill-ERIC u/jew mill-membri tiegħu.

4.   Jekk, wara li tkun tat lill-ERIC u/jew lill-membri tiegħu żmien raġonevoli sabiex jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ERIC ikun qiegħed jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tiegħu jew ta’ xi liġi applikabbli oħra, hija tista’ tipproponi azzjoni korrettiva lill-ERIC u lill-membri tiegħu.

5.   F’każ li ma tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva, il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-ERIC u ppubblikata fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jwassal għall-istralċ tal-ERIC.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet adatti

L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jkunu adatti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Rapport u Analiżi

Sa mhux aktar tard mis-27 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu u, jekk ikun adatt, proposti għal emendi.

Artikolu 20

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta’ ġestjoni.

2.   Fejn isir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. MIKO


(1)  L-Opinjoni tad-19.2.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-14.1.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 76, 31.3.2009, p. 6.

(4)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 54, 22.2.2007, p. 101.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1.

(9)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 724/2009

tas-7 ta’ Awwissu 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fis-7 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MK

29,6

XS

23,3

ZZ

26,5

0707 00 05

MK

25,2

TR

103,3

ZZ

64,3

0709 90 70

TR

103,3

ZZ

103,3

0805 50 10

AR

63,9

TR

92,6

UY

61,1

ZA

67,6

ZZ

71,3

0806 10 10

EG

153,7

MA

103,9

TR

143,0

ZA

127,8

ZZ

132,1

0808 10 80

AR

90,8

BR

67,5

CL

81,0

CN

96,2

NZ

86,6

US

85,7

ZA

79,6

ZZ

83,9

0808 20 50

AR

131,4

AU

112,1

CL

101,7

TR

146,6

ZA

90,8

ZZ

116,5

0809 20 95

CA

365,6

TR

275,1

US

335,1

ZZ

325,3

0809 30

TR

144,2

ZZ

144,2

0809 40 05

IL

138,0

ZZ

138,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 725/2009

tas-7 ta’ Awwissu 2009

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pan de Cruz de Ciudad Real (IĠP))

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni mressqa minn Spanja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Pan de Cruz de Ciudad Real” kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Ġaladarba l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, din id-denominazzjoni għandha tkun irreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament b’dan hija irreġistrata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 324, 19.12.2008, p. 26.


ANNESS

Oġetti tal-ikel imsemmija fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 510/2006:

Klassi 2.4.   Ħobż, għaġina, kejkijiet, oġġetti tal-ħelu, gallettini u oġġetti oħra tal-furnar għall-bejgħ

SPANJA

Pan de Cruz de Ciudad Real (IĠP)


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kummissjoni

8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Awwissu 2009

li tistabbilixxi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tal-produtturi ta' batteriji u ta' akkumulaturi skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 6054)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/603/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (1), u b'mod partikolari, l-Artikolu 17 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/66/KE tipprovdi għar-reġistrazzjoni ta' produtturi ta' batteriji u akkumulaturi. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti proċedurali li jkunu applikabbli mal-Komunità kollha sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn lil dawn il-produtturi.

(2)

Hu xieraq li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi meta japplikaw għar-reġistrazzjoni, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe ripetizzjoni tal-istess rekwiżiti relatati ma' proċeduri oħra ta' reġistrazzjoni.

(3)

Kwalunkwe ħlas ta' reġistrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq l-ispiża u maħdum proporzjonalment sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi bla bżonn lill-produtturi kkonċernati.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni

Ir-reġistrazzjoni tal-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi għandha ssir mal-awtoritajiet nazzjonali jew mal-organizzazzjonijiet ta' responsabilità ta' produtturi nazzjonali awtorizzati mill-Istati Membri, minn hawn ’il quddiem imsejħin korpi tar-reġistrazzjoni, bil-miktub jew elettronikament.

Din il-proċedura ta' reġistrazzjoni tista' tkun parti minn proċedura oħra ta' reġistrazzjoni ta' produttur.

Il-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi se jkollhom bżonn biss li jirreġistraw darba fi Stat Membru fejn huma jqiegħdu l-batteriji u l-akkumulaturi fis-suq tal-Istat Membru għall-ewwel darba fuq bażi professjonali, u għandhom jiġu provduti b'numru ta' reġistrazzjoni meta sseħħ ir-reġistrazzjoni.

Artikolu 2

Informazzjoni li trid tingħata mill-produtturi

Il-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness lill-korpi ta' reġistrazzjoni.

Għall-iskop tar-reġistrazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 il-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi mhux se jkunu obbligati li jipprovdu l-ebda informazzjoni oħra għajr dik imniżżla fl-Anness.

Artikolu 3

Id-drittijiet tar-reġistrazzjoni

Il-korpi tar-reġistrazzjoni jistgħu japplikaw dritt ta' reġistrazzjoni fuq il-kundizzjoni li dawn huma abbażi tal-ispiża u proporzjonati.

Il-korpi tar-reġistrazzjoni li japplikaw id-drittijiet ta’ reġistrazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-metodoloġija li tintuża biex jiġi kkalkulat il-prezz tad-drittijiet.

Artikolu 4

Bidla fid-dejta tar-reġistrazzjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fil-każ li tinbidel id-dejta provduta minn produtturi skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-produtturi għandhom jinfurmaw b’dan lill-korpi ta' reġistrazzjoni rilevanti tagħhom mhux aktar tard minn xahar wara l-bidla.

Artikolu 5

It-tneħħija tar-reġistrazzjoni

Meta l-produtturi ma jibqgħux aktar produtturi fi Stat Membru, huma għandhom ineħħu r-reġistrazzjoni billi jinfurmaw il-korp ta' reġistrazzjoni rilevanti tagħhom b’dan.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.


ANNESS

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI PPREŻENTATA GĦAR-REĠISTRAZZJONI

1.

L-isem tal-produttur u l-ismijiet tad-ditti (jekk disponibbli) li taħthom joperaw fl-Istat Membru.

2.

L-indirizz(i) tal-produttur: Il-kodiċi postali u l-lokalità, l-isem tat-triq u n-numru, il-pajjiż, il-URL, in-numru tat-telefon, kif ukoll il-persuna ta’ kuntatt, in-numru tal-feks u l-indirizz tal-email tal-produttur, jekk huma disponibbli.

3.

Indikazzjoni tat-tip ta' batteriji u akkumulaturi imqiegħda fis-suq mill-produttur: batteriji u akkumulaturi li jistgħu jinġarru, batteriji u akkumulaturi industrijali, jew batteriji u akkumulaturi awtomotivi.

4.

L-informazzjoni dwar kif il-produttur jissodisfa r-responsabilitajiet tiegħu: bi skema individwali jew kollettiva.

5.

Data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

6.

Il-kodiċi ta' identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru tat-taxxa Ewropew jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-produttur (mhux obbligatorju).

7.

Id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi li l-informazzjoni imniżżla hija vera.


8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Awwissu 2009

li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għas-sena 2009, għal proġett bi prova ta’ sentejn fil-qasam tal-kwalità tal-arja fl-iskejjel

(2009/604/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49(6)(a) u (b) u 75(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 jinkludi l-linja tal-baġit 17 03 09 — “Proġett pilota dwar riċerka Kumplessa dwar is-Saħħa, l-Ambjent, it-Trasport u t-Tibdil fil-Klima (l-HETC) — It-titjib fil-kwalità tal-arja interna u esterna”.

(2)

Skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), att bażiku jrid l-ewwel jiġi adottat qabel ma jkunu jistgħu jintużaw l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit għal kull azzjoni min-naħa tal-Komunitajiet jew min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Skont l-Artikolu 49(6)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju, permezz ta' deroga mill-Artikolu 49(1), approvazzjonijiet għal skemi pilota ta’ natura sperimentali maħsuba biex jittestjaw il-vijabbiltà ta’ azzjoni u tal-utilità tagħha, u l-approprazzjonijiet għal azzjonijiet preparatorji fl-oqsma ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-KE maħsuba biex iħejju proposti bil-għan li jiġu adottati azzjonijiet futuri, jistgħu jiġu implimentati mingħajr att bażiku kemm-il darba l-azzjonijiet li huma intiżi li jiffinanzjaw jaqgħu fi ħdan il-poteri tal-Komunitajiet jew l-Unjoni Ewropea.

(4)

Skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-impenn tan-nefqa għandu jkun ippreċedut minn deċiżjoni dwar l-iffinanzjar adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li jkunu ġew delegati l-poter li jagħmlu dan mill-istituzzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju”), fejn l-implimentazzjoni tal-approprazzjonijiet korrispondenti hija stipulata bi programm annwali ta' ħidma li jikkostitwixxi qafas pjuttost dettaljat, il-programm ta' ħidma jrid jitqies bħala d-deċiżjoni dwar l-iffinanzjar għall-għotjiet u l-kuntratti ta’ akkwist involuti.

(6)

L-awtorità tal-baġit warrbet fondi speċifiċi fil-baġit tal-UE għall-2009, jiġifieri dwar il-linja tal-baġit 17 03 09 għal Proġett pilota dwar riċerka Kumplessa dwar is-Saħħa, l-Ambjent, it-Trasport u t-Tibdil fil-Klima (l-HETC) — It-titjib fil-kwalità tal-arja interna u esterna.

(7)

Huwa f’loku li jiġi adottat il-programm annwali ta’ ħidma għal Proġett pilota dwar riċerka Kumplessa dwar is-Saħħa, l-Ambjent, it-Trasport u t-Tibdil fil-Klima (l-HETC) — It-titjib fil-kwalità interna u esterna, li se jkun jikkostitwixxi id-deċiżjoni dwar l-iffinanzjar għal dak il-proġett fil-kuntest tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-programm ta’ ħidma stabbilit fl-Anness huwa approvat u għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-linja tal-baġit 17 03 09 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, sa massimu ta’ EUR 4 000 000.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni dwar l-iffinanzjar fil-kuntest tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi se jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

Proġett pilota dwar riċerka Kumplessa dwar is-Saħħa, l-Ambjent, it-Trasport u t-Tibdil fil-Klima (l-HETC) — It-titjib fil-kwalità tal-arja interna u esterna (il-linja tal-baġit 17 03 09)

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Linja tal-baġit: 17 03 09

1.2.   Att bażiku

Proġett pilota fil-kuntest tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1525/2007 (2).

1.3.   Għanijiet ġenerali tal-programm pilota

L-awtorità tal-baġit ipprovdiet lill-Kummissjoni b’approprazzjoni biex tiffinanzja proġett pilota li jimmira li jespandi l-għarfien tagħna dwar i-kwalità tal-arja interna fl-iskejjel u l-bini fejn jiġu indokrati t-tfal.

Il-kwalità tal-arja interna fil-passat ingħatat inqas attenzjoni f’termini ta’ riċerka mill-kwalità tal-arja esterna, anki jekk ir-riċerka f'dan l-aħħar qasam hija applikabbli għall-kwalità interna f'xi każi. Barra minn hekk, diġà jeżisti qafas komprensiv ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kwalità tal-arja esterna, filwaqt li r-regolamentazzjoni tal-kwalità tal-arja interna hija magħmula minn inizjattivi u biċċiet ta’ leġiżlazzjoni mifruxa ’l hawn u ’l hinn. Apparti minn dan, il-kwalità tal-arja interna fl-iskejjel ġiet studjata ħafna inqas minn dik interna f’ambjenti fil-magħluq oħrajn. Minħabba li madwar 20 % tal-popolazzjoni tal-UE tqatta’ perjodu twil kuljum fl-iskejjel, u l-inċidenza ta’ ażma u mard respiratorju ieħor qiegħda tikber b’ritmu mgħaġġel fl-Ewropa, speċjalment għat-tfal, il-proġett hu maħsub li:

Jidentifika u janalizza problemi marbuta mal-arja interna fl-iskejjel, u jiffoka fuq il-ventilazzjoni, il-kostruzzjoni fil-bini, il-manutenzjoni u t-tindif,

Jevalwa l-effettività ta’ ventilazzjoni kif suppost biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja fil-bini tal-iskejjel,

Jeżamina l-impatt tat-tibdil fil-klima (frekwenza dejjem tiżdied ta’ perjodi partikolarment sħan, ta’ perjodi partikolarment kesħin u ta’ fattturi li jniġġsu l-arja) fl-iskejjel fuq saħħet it-tfal,

Jeżamina l-impatti tal-miżuri għat-trażżin tat-tniġġis tal-arja esterna, inklużi l-miżuri meħuda f’qasir żmien, fuq il-kwalità tal-arja interna fl-iskejjel u fuq l-esponiment tat-tfal fl-ambjent skolastiku,

Jipprovdi r-rakkomandazzjonijiet xierqa bex jiġu indirizzati l-problemi marbuta mal-kwalità tal-arja fl-ambjent skolastiku.

1.4.   Prijoritajiet speċifiċi għall-2009

(1)

Issir analiżi tal-ambjent intern fl-iskejjel, sabiex tinħareġ dejta ġdida dwar il-konċentrazzjonijiet ta' fatturi ewlenin ta' tniġġis fl-ambjent intern fl-iskejjel.

(2)

Tiġi studjata l-assoċjazzjoni tat-trasport (it-traffiku) u l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ambjent fl-iskejjel.

(3)

Jiġu eżaminati l-effetti fuq is-saħħa mill-esponiment għall-fatturi ta’ tniġġis tal-arja interna fit-tfal u jsiru rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni u t-tnaqqis fil-mard respiratorju billi tittejjeb il-kwalità tal-ambjent skolastiku u b'miżuri relatati oħrajn.

(4)

Jitfassal tqassim sistematiku skont is-sors ta’ fatturi ta’ tniġġis tal-arja interna fl-ambjent skolastiku f’termini kwantitattivi. L-identifikazzjoni tas-sorsi ewlenin għandha tgħin fit-trażżin tagħhom. F’dan il-kuntest, li nkabbru l-għarfien tagħna dwar l-emissjonijiet kimiċi mill-prodotti tal-konsuamtur u mill-materjal tal-bini huwa prijorità.

(5)

Jiġu studjati l-mekkaniżmi tal-interazzjoni kimika u bijokimika fit-taħlitiet tal-arja interna misjuba fl-iskejjel u f’latitudnijiet ġeografiċi differenti, u tiġi żviluppata l-metodoloġija biex il-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju għas-saħħa jkun wieħed infurmat aħjar dwar l-effett ta’ interazzjonijiet simili fuq ir-riskju għas-saħħa finali.

(6)

Jiġu żviluppati linji gwida Ewropej, abbażi ta’ dak li nkiteb hawn fuq, għal skejjel Ewropej li jirrispettaw l-ambjent.

Fil-passat, diġà kien hemm żewġ proġetti marbuta mal-istess suġġett li kienu ġew sostnuti mill-Kummissjoni u mill-Parlament.

Fl-2001, il-Kummissjoni sostniet proġett dwar is-saħħa respiratorja fl-iskejjel f’ħamest ibliet Ewropej fl-Italja, id-Danimarka, Franza, l-Italja, in-Norveġja u l-Iżvezja. Mill-proġett ħarġu problemi komuni bħalma hi ventilazzjoni fqira, preżenza għolja ta’ partikulati, moffa u allerġeni. Il-proġett ikkonkluda li jkun vallapena jsir studju simili li jkopri l-Istati Membri kollha (3).

Fl-2008 kien ippreżentat uffiċjalment proġett pilota dwar l-esponiment għal kimiċi fl-arja interna u r-riskji possibbli għas-saħħa, iffinanzjat mill-Parlament Ewropew. L-analiżi tal-proġett inkludiet l-iskejjel u l-kindergartens fi bliet madwar Stati Membri partikulari tal-UE. Is-sejbiet ewlenin jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar riċerka biex jiġi indirizzat il-piż tat-tniġġis tal-arja interna fuq is-saħħa pubblika (b’mod partikolari f’ambjenti fil-magħluq fejn it-tfal ikunu ta’ spiss, eż. l-iskejjel u l-kindergartens) fl-Unjoni Ewropea (4).

Fl-2009, fid-dawl tal-baġit disponibbli, ġie konkluż li l-proġett pilota għandu jkollu kopertura ġeografika usa’ madwar l-Istati Membri tal-UE, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri l-ġodda. Il-pajjiżi kandidati u dawk tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom jiġu inklużi wkoll. L-għan huwa li jinħarġu linji gwida dwar miżuri ta’ rimedju biex ikopru firxa aktar wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet fl-Ewropa.

Il-proġett pilota għandu jkompli jibni fuq proġetti preċedenti u joħloq sinerġija ma’ proġetti eżistenti fil-qasam (eż. l-HITEA) (5).

2.   TIP TA’ GĦAJNUNA FINANZJARJA: SEJĦA GĦALL-OFFERTI

2.1.   Rendikont tar-riżorsi skont il-kapitoli/l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati (ara t-taqsimiet ta’ hawn isfel)

Ammont totali disponibbli: EUR 4 000 000. Wara li ssir sejħa pubblika għall-offerti, jingħata kuntratt wieħed ta’ servizz globali.

2.2.   Ir-riżultati mistennija tal-azzjonijiet li se jiġu sostnuti

L-għan tas-sejħa hi biex jinkiseb aktar għarfien tal-kwalità tal-arja interna fl-iskejjel minħabba li t-tfal, li huma partikolarment vulnerabbli għall-fatturi li jniġġsu, iqattgħu ħafna minn ħinhom fl-ambjent skolastiku. Barra minn hekk, l-għan tal-istudju huwa li jinġabar għarfien tal-bosta sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu fil-bini tal-iskejjel madwar l-Ewropa. L-istudju mbagħad għandu jipprovdi linja gwida maħsuba li tkopri sitwazzjonijiet varji bil-ħsieb li dan iwassal għal ambjent skolastiku b'saħħtu.

2.3.   Skeda indikattiva

Sejħa għall-offerti

Sal-aħħar tal-ewwel semestru tal-2009

Selezzjoni u firma tal-kuntratt

Sal-aħħar tal-2009


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9.

(3)  http://ec.europa.eu/health/ph_projects/2002/pollution/pollution_2002_04_en.htm

(4)  http://www.bookshop.europa.eu/eubookshop/download.action?fileName=LBNA23087ENC_002.pdf&eubphfUid=582569&catalogNbr=LB-NA-23087-EN-C

(5)  HITEA: Health Effects of Indoor Pollutants: Integrating microbial, toxicological and epidemiological approaches. http://www.hitea.eu/


III Atti adottati skont it-Trattat tal-UE

ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TAL-UE

8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/20


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/605/PESK

tas-7 ta’ Awwissu 2009

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK (2) li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo.

(2)

L-Artikolu 5(1) tal-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK ippreveda ammont ta’ referenza finanzjarja ta’ EUR 645 000 biex tiġi koperta n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2010. Dan l-ammont ta’ referenza finanzjarja għandu jiżdied b’EUR 102 000 sabiex tiġi koperta n-nefqa relatata mal-preżenza msaħħa ta’ kollegament f’Belgrad.

(3)

L-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Artikolu 5(1) tal-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex tiġi koperta n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun ta’ EUR 747 000.”

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 69.