ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.176.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 176

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
7 ta' Lulju 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 584/2009 tas-6 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 585/2009 tas-6 ta' Lulju 2009 li jipprevedi miżuri eċċezzjonali rigward ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 586/2009 tas-6 ta’ Lulju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 fir-rigward tal-perjodu ta' validità ta' xi ċertifikati ta' rifużjoni

5

 

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/523/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2008 dwar l-Għajnuna mill-istat Nru C 52/06 (ex NN 73/06, ex N 340/06) parzjalment implimentata mill-Polonja għal Odlewnia Żeliwa Śrem S.A. (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7049)  ( 1 )

7

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/524/KE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku ( 1 )

17

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti transitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implimentat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali ( ĠU L 349, 31.12.1994 )

27

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 584/2009

tas-6 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-7 ta’ Lulju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

24,2

TR

44,0

ZZ

34,1

0707 00 05

TR

108,5

ZZ

108,5

0709 90 70

TR

100,7

ZZ

100,7

0805 50 10

AR

53,6

MK

25,1

TR

41,9

ZA

60,5

ZZ

45,3

0808 10 80

AR

94,3

BR

72,3

CL

80,5

CN

93,4

NZ

113,9

US

92,3

UY

116,5

ZA

88,1

ZZ

93,9

0808 20 50

AR

70,3

CL

70,8

NZ

161,4

ZA

100,3

ZZ

100,7

0809 10 00

TR

208,8

XS

116,3

ZZ

162,6

0809 20 95

SY

197,7

TR

323,5

ZZ

260,6

0809 30

TR

140,1

ZZ

140,1

0809 40 05

IL

160,5

ZZ

160,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 585/2009

tas-6 ta' Lulju 2009

li jipprevedi miżuri eċċezzjonali rigward ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u partikolarment l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġu ffissati l-ammonti ta’ dawn ir-rifużjonijiet (2) jipprovdi li ċertifikati ta' rifużjoni mitluba għall-konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a, l-aktar tard fis-7 ta' Novembru, huma validi sal-aħħar jum tal-għaxar xahar wara x-xahar li fih l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat kienet saret.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 jipprevedi wkoll li l-ħruġ ta' ċertifikat tar-rifużjoni jobbliga lid-detentur li japplika għal rifużjonijiet ugwali għall-ammont li għalih inħareġ iċ-ċertifikat fuq l-oġġetti esportati matul il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat tar-rifużjoni

(3)

Meta l-obbligu li japplika għar-rifużjonijiet ma jkunx ġie sodisfatt, il-garanzija għandha tintilef b'ammont ugwali għad-differenza bejn il-95% tal-ammont indikat fiċ-ċertifikat tar-rifużjoni u l-ammont attwalment applikat għalih. Minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fis-swieq ta' pajjiżi terzi matul il-perjodu tal-baġit 2009, il-perjodu ta' validità ta' għaxar xhur ta' ċerti ċertifikati ta' rifużjonijiet maħruġa għall-oġġetti mhux koperti minn Anness I għat-Trattat maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 ġew suġġetti għal grad għoli ta' riskju u inċertezza għall-operaturi. Dan l-inċertezza dejjem ikbar taffettwa kważi l-esportazzjonijiet kollha koperti minn ċertifikati ta' rifużjonijiet maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008. Meta mqabbla mal-prodotti bażiċi tal-ikel, bosta oġġetti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat li jibbenefikaw minn rifużjonijiet ta' esportazzjoni m'humiex prodotti essenzjali u huma partikolarment sensittivi għal tnaqqis fil-konsum fil-pajjiżi importaturi.

(4)

L-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja deher ċar fl-aħħar ta' Settembru 2008. Bħala riżultat tal-kriżi, l-esportaturi ta' oġġetti koperti minn rifużjoni ta' ċertifikati, maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 bil-perjodu ta' għaxar xahur ta' validità, u maħsuba sabiex tkopri l-esportazzjoni sa tmiem Lulju 2009 issa qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni fejn mhux iċ-ċertifikati kollha ta' rifużjonijiet maħruġa għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008 jistgħu jiġu utilizzati kompletament.

(5)

Konsegwentement, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi tal-impatt ħażin fuq l-esportaturi, huwa meħtieġ li jiġi provdut li, b'deroga mill-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 u mill-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (3), il-validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni applikati f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, bejn it-8 ta' Lulju u s-26 ta' Settembru 2008, għall-użu mill-1 ta' Ottubru 2008, għandu jiġi estiż sat-30 ta' Settembru 2009.

(6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu. 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, m'għandhomx japplikaw fil-każ attwali peress illi l-estensjoni tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni konċernati mhix dovuta għal raġunijiet ta' forza maġġuri Għalhekk, hija meħtieġa deroga espliċita mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 sabiex l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 ma jiġix applikabbli għall-każ attwali.

(7)

Jista' jkun li ċerti ċertifikati ta' rifużjonijiet bil-perjodu tal-validità ta' għaxar xhur applikati bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008 f'konformità mal-Artikolu 33 il-punt (a) jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 diġà ntbagħtu lura lill-awtorità tal-ħruġ skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament attwali. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali lid-detenturi titolari ta' dawn ċertifikati ta' rifużjoni, huwa xieraq li tingħata l-possibbiltà lill-awtorità tal-ħruġ biex toħroġ mill-ġdid iċ-ċertifikati li diġà ntbagħtu lura jew xi partijiet minnhom u biex tistabbilixxi mill-ġdid il-garanziji relatati.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) u 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għal dawk iċ-ċertifikati bil-perjodu ta' għaxar xhur ta' validità, il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati ta' rifużjoni applikat bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għandu jkun estiż sat-30 ta' Settembru 2009.

Artikolu 2

Fuq talba bil-miktub tad-detentur titolari, ċertifikati jew partijiet minnhom, bil-perjodu ta' għaxar xhur ta' validità, applikati bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, li jkunu ntbagħtu lura lill-awtorità tal-ħruġ qabel il-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, għandhom jinħarġu mill-ġdid fir-rigward tal-ammonti mhux użati li jibqgħu fuq iċ-ċertifikati ta' rifużjoni meta ssir il-preżentazzjoni tal-garanziji relatati lill-awtorità tal-ħruġ.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18.

(2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24.

(3)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.


7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 586/2009

tas-6 ta’ Lulju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 fir-rigward tal-perjodu ta' validità ta' xi ċertifikati ta' rifużjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli (1), u partikolarment l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq xi prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġu ffissati l-ammonti ta’ dawn ir-rifużjonijiet (2) jistipula li ċ-ċertifikati ta' rifużjoni li jkun hemm applikazzjonijiet għalihom li huma konformi mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a, mhux aktar tard mis-7 ta' Novembru, jibqgħu validi sal-aħħar ġurnata tal-għaxar xahar wara dak li fih tkun saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat.

(2)

Il-perjodu ta' validità ta' għaxar xhur għaċ-ċertifikati li kien hemm applikazzjonijiet għalihom qabel is-7 ta' Novembru ġie adottat biex jiffaċilita l-ħidma tas-sistema ta' rifużjonijiet fis-sitwazzjoni partikolari tas-sospensjoni antiċipata tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni taz-zokkor wara r-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor. Id-dispożizzjoni li twaqqaf perjodu ta' għaxar xhur validità għandha għalhekk tapplika biss għall-perjodu tal-baġit 2009 u tgħodd għaċ-ċertifikati li saret applikazzjoni għalihom mhux iżjed tard mis-7 ta' Novembru 2008. Din id-dispożizzjoni m'għadhiex aktar meħtieġa u għalhekk għandha tiġi mħassra.

(3)

Minħabba li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 585/2009 tas-6 ta’ Lulju 2009 li jistipula miżuri eċċezzjonali fir-rigward taċ-ċertifikati tar-rifużjoni għall-għotja ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli f'għamla ta' oġġetti mhux koperti fl-Anness I tat-Trattat (3) jgħodd biss għaċ-ċertifikati ta' rifużjoni li saret applikazzjoni għalihom bejn it-8 ta' Lulju u s-7 ta' Novembru 2008, b'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005, huwa xieraq li jkun speċifikat li l-emendi li saru permezz ta' dan ir-Regolament huma bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 585/2009.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli proċessati mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-ewwel sottoparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Soġġett għat-tieni sottoparagrafu, iċ-ċertifikati tar-rifużjoni għandhom ikunu validi sal-aħħar jum tal-ħames xahar wara x-xahar meta saret l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat, jew sal-aħħar jum tal-perjodu tal-baġit, liema jaħbat l-ewwel.”;

(2)

It-tieni sottoparagrafu huwa mħassar.

Artikolu 2

Il-perjodu ta' validità deċiż fir-Regolament (KE) Nru 585/2009 għandu jgħodd għaċ-ċertifikati ta' rifużjoni li saret applikazzjoni għalihom bejn it-8 ta' Lulju 2008 u s-7 ta' Novembru 2008 b'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 jew l-Artikolu 38a tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18.

(2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24.

(3)  Ara p. 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kummissjoni

7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Diċembru 2008

dwar l-Għajnuna mill-istat Nru C 52/06 (ex NN 73/06, ex N 340/06) parzjalment implimentata mill-Polonja għal Odlewnia Żeliwa Śrem S.A.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7049)

(It-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/523/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ċitati hawn fuq,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fl-1 ta’ Ġunju 2006 l-awtoritajiet Pollakki nnotifikaw l-għajnuna għar-ristrutturar li ngħatat lil Odlewnia Żeliwa “Śrem” (minn hawn 'il quddiem “Odlewnia Śrem”) prinċipalment fil-forma ta’ arranġamenti sabiex l-obbligazzjonijiet pubbliċi jitħallsu f’pagamenti parzjali. Instab li xi wħud mill-miżuri ta’ għajnuna kienu ngħataw wara l-adeżjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk ġew ikkunsidrati bħala għajnuna illegali.

(2)

Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Polonja li ħadet deċiżjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward ta’ dawk il-miżuri.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċeduri skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE ġiet ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna proposta.

(4)

Fil-31 ta’ Jannar 2007 l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Ma waslux kummenti minn partijiet terzi.

(5)

Fil-15 ta’ April 2008 il-Kummissjoni bagħtet talba għal aktar informazzjoni lill-awtoritajiet Pollakki.

(6)

Fit-30 ta’ April 2008 l-awtoritajiet Pollakki wieġbu jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-miżuri ppjanati. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta dan bħala rtirar skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 659/99 (1), minħabba li, fil-fatt, id-diferiment tal-ħlas tad-dejn diġà implimentat kellu effett fuq il-benefiċjarju, billi ngħata vantaġġ evidenti fuq kumpaniji oħra li ħallsu l-obbligazzjonijiet pubbliċi tagħhom fil-ħin.

II.   DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJU U R-RISTRUTTURAR

Beneficjarju

(7)

Odlewnia Śrem bdiet il-produzzjoni fl-1968. Din tipproduċi l-aktar ħadid fondut għall-industrija tal-bini tal-vapuri. Il-privatizzazzjoni tal-kumpanija bdiet fl-1999, meta t-Teżor tal-Istat biegħ 85 % tal-ishma tiegħu lil CENTROZAP (44,9 %), BANK PEKAO (25,1 %) u lill-impjegati (15 %). Waħda mir-raġunijiet għalfejn is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju ddeterjorat kienet is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-azzjonista prinċipali, CENTROZAP, li f’ċertu punt kellu 71,4 % tal-ishma ta’ Odlewnia Śrem. Preżentament Odlewnia Śrem hija l-proprjetà ta’ PIOMA-ODLEWNIA, li għandha 85.1 % tal-ishma. Skont l-awtoritajiet Pollakki, Odlewnia Śrem għandha sehem ta’ 6-8 % mis-suq tal-ħadid fondut Pollakk. Hija bbażata f’reġjun li huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE.

Proċedura nazzjonali

(8)

Il-proċess tar-ristrutturar ta’ Odlewnia Śrem beda fl-2003. Fl-2004 l-ewwel programm tar-ristrutturar ġie ppreparat, u ġie approvat mill-President tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (ARP).

(9)

Skont l-awtoritajiet Pollakki l-kumpanija riedet tieħu vantaġġ mill-opportunità maħluqa permezz tal-emenda tal-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-intrapriżi ta’ sinifikat speċjali għas-suq tax-xogħol li wessgħet l-iskop għat-tħassir tal-obbligazzjonijiet pubbliċi (Kapitolu 5a), iżda imponiet rekwiżiti addizzjonali fuq il-kumpanija, bħall-identifikazzjoni ta’ parti mill-assi tagħha biex jiġu trasferiti lil Operatur indipendenti. L-Operatur kellu jkun kumpanijia fil-pussess sħiħ tal-ARP jew it-Teżor tal-Istat. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-assi mill-Operatur kellu jmur biex ikopri parti mill-obbligazzjonijiet pubbliċi tal-kumpanija li qed tiġi ristrutturata, u l-bqija kellhom jiġu mħassra meta r-ristrutturar ikun ġie konkluż. Fid-19 ta’ Marzu 2006 għalqet iskadenza għat-tlestija tal-proċedura tar-ristrutturar skont il-Kapitolu 5a tal-Att tad-19 ta’ Marzu 2006, mingħajr ma sar l-bejgħ tal-assi mill-Operatur. Madankollu, il-President tal-ARP, f’deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2006, iddikjara li r-ristrutturar kien ġie konkluż minħabba li Odlewnia Śrem kienet irkuprat il-vijabbiltà tagħha u dak li kien baqa’ sabiex ir-ristrutturar jiġi konkluż bis-sħiħ kien il-kunsens tal-Kummissjoni għall-arranġament li jippermetti lill-kumpanija tħallas l-obbligazzjonijiet pubbliċi tagħha b’pagamenti parzjali. Wara t-tmiem insodisfaċenti tal-proċedura tal-Kapitolu 5a, il-kumpanija kkuntattjat lill-ħames kredituri pubbliċi tagħha biex titlobhom jiddiferixxu l-iskadenzi tal-ħlas għall-obbligazzjonijiet tagħha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġeneralment aktar applikabbli tal-liġi tat-taxxa, li kienet anqas vantaġġjuża għalihom mill-arranġament stipulat fil-Kapitolu 5a.

Ir-ristrutturar

(10)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-ispejjeż tar-ristrutturar jammontaw għal PLN 43,6 miljuni. L-ispejjeż finanzjarji tar-ristrutturar jammontaw għal madwar 75 % tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar, il-bqija huma spejjeż relatati mal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-kumpanija.

(11)

Il-pjan tar-ristrutturar jiffoka, l-ewwelnett, fuq il-modernizzazzjoni tal-post tal-produzzjoni u l-investiment fit-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni tal-kumpanija (pereżempju permezz tal-introduzzjoni tas-sistema informatika SAP R/3 bħala l-għodda prinċipali tal-IT ta’ Odlewnia Śrem).

(12)

Fit-tieni lok, parti kbira mir-ristrutturar tikkonsisti minn ristrutturar finanzjarju, jiġifieri prinċipalment arranġamenti għall-ħlas parzjali u t-tħassir tal-obbligazzjonijiet pubbliċi. Ġie miftiehem ukoll tħassir parzjali tal-obbligazzjonijiet ċivili li jammontaw għal PLN 1,4 miljuni permezz ta’ ftehim ta’ kompożizzjoni mal-kredituri ffirmat fis-17 ta’ Mejju 2005.

(13)

Fit-tielet lok, fl-2005 il-kumpanija naqqset in-numru tal-impjegati tagħha għal 1 457, minn 1 776 fl-2002, u ma kellhiex pjanijiet għal aktar ristrutturar fil-qasam tal-impjiegi. Madankollu, il-Polonja argumentat li s-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Negozjar Kollettiv tal-Kumpanija tikkostitwixxi tnaqqis fl-ispejjeż tal-impjiegi peress li l-kumpanija temporanjament ma kinetx qed tħallas kontributi lill-Fond tal-Benefiċċji Soċjali tal-Kumpanija.

(14)

Ir-ristrutturar tal-assi jikkonsisti fil-kiri tal-assi mhux relatati mal-produzzjoni, bħal lukanda (Ośrodek Wypoczynkowy f’Ostrowieczno) u faċilitajiet oħra għal prezz totali ta’ PLN 0,4 miljuni. Il-bejgħ ta’ aktar assi li għandhom valur ta’ madwar PLN 2,6 miljuni huwa ppjanat wkoll iżda għadu ma ġiex iffinalizzat.

(15)

Qabel ma l-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE, kienet ġiet infurmata li l-kumpanija kienet ilha tipprova ssib investitur ġdid mill-2003 u li l-awtoritajiet Pollakki kienu qed jenfasizzaw l-importanza tal-privatizzazzjoni għall-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija. Il-Polonja informat lill-Kummissjoni li l-mira kienet inkisbet meta nbiegħu 85,1 % tal-ishma ta’ Odlewnia Śrem lill-kumpanija privata PIOMA-ODLEWNIA.

(16)

Odlewnia Śrem naqqset il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha minn 57 000 sa 55 000 tunnellata ta’ ħadid fondut kull sena u ma tipprevedix aktar tnaqqis, u tiddikjara li dan kieku joħloq riskju għall-vijabbiltà tal-kumpanija. Il-Polonja pproponiet żewġ miżuri kompensatorji alternattivi. Fl-ewwel lok, il-kumpanja naqqset il-produzzjoni tagħha tal-ħadid fondut għall-fitings industrijali b’50 % (minn madwar 11 000 tunnellati għal 5 500 tunnellati). Fit-tieni lok, il-Polonja tiddikjara li l-kumpanija m’għandhiex tibqa tipproduċi ħadid fondut għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ.

III.   DEĊIŻJONI LI TINBEDA L-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT KE

(17)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba li kellha dubji dwar jekk l-għajnuna għar-ristrutturar kienetx kompatibbli mas-suq komuni. Id-dubji kienu bbażati fuq erba’ fatturi.

(18)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk Odlewnia Śrem tistax titqies bħala “ditta kummerċjali f’diffikultà” skont it-tifsira tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (2) (minn hawn 'il quddiem “Linji Gwida tal-2004”) u għalhekk hijiex eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar, minħabba li Odlewnia Śrem għamlet profit nett ta’ PLN 3,9 miljuni fl-2005.

(19)

It-tieni nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar kienx kapaċi jirkupra l-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju, minħabba li dan jidher li kien qed jiffoka fuq il-manutenzjoni tad-dejn u l-irkupru tal-ispejjeż tal-operat u l-kumpanja dehret li kellha diffikultà ssib investitur privat.

(20)

It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna kinetx limitata għall-minimu neċessarju u jekk il-kontribut tad-ditta stess kienx sinifikanti u għoli kemm jista’ jkun, b’mod partikolari minħabba li l-awtoritajiet Pollakki ma kienux ipprovdew xi pjanijiet ta’ privatizzazzjoni konkreti, li taħthom il-kontribut tad-ditta stess kien ikun konsiderevolment akbar.

(21)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-miżuri kompensatorji, minħabba li l-Polonja ma kienitx ippruvat li t-tnaqqis fil-produzzjoni msemmi f’din il-premessa 16 kienu fil-fatt miżuri kompensatorji u mhux biss ir-riżultat ta’ fatturi esterni jew l-inkapaċità tal-kumpanija li tikkompeti fuq is-swieq rilevanti.

IV.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET

(22)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti biss mill-Polonja.

Kummenti tal-awtoritajiet Pollakki

Bidliet fil-miżuri tal-għajnuna mill-Istat

(23)

L-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni dwar ċertu bidliet fl-għajnuna mogħtija wara l-adeżjoni, li issa għandha tkun ta’ PLN 24,2 miljuni. It-tabella ta’ hawn taħt tirriproduċi fil-qosor l-għajnuna għar-ristrutturar tal-Istat (għajnuna diġà implimentata u għajnuna ppjanata) li ngħatat lil Odlewnia Śrem kif notifikat mill-awtoritajiet Pollakki fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

(24)

Il-valur nominali totali tal-għajnuna mill-Istat huwa ta’ PLN 43,6 miljuni. Dawn il-miżuri jinkludu garanzijaÀ tal-Istat, self mogħti fuq termini preferenzjali, fondi diretti u diferimenti u tħassir ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi. Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat hija ppreżentata fit-tabella hawn taħt (elementi ta’ għajnuna kif indikati mill-awtoritajiet Pollakki).

Tabella 1

Għajnuna mill-Istat mogħtija diġà

A

B

C

D

E

F

Nru

Data preżumibbli tal-ftehim jew deċiżjoni

Awtorità tal-għotja

Forma tal-għajnuna

Valur nominali

(PLN)

Ammont tal-għajnuna

(PLN)

Għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adeżjoni u mhux applikabbli wara l-adeżjoni

1

19.3.2004

Sindku ta’ Śrem

Tħassir tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli (inkluż l-imgħax) għall-perjodu 1.3.2002 – 30.6.2002

738 748,02

738 748,02

2

19.3.2004

Sindku ta’ Śrem

Tħassir tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa

500 000,00

500 000,00

3

23.4.2004

ARP

Self

4 000 000,00

4 000 000,00

4

28.4.2004

ARP

Garanzija tal-kreditu

14 000 000,00

14 000 000,00

5

30.4.2004

Sindku ta’ Śrem

Tħassir tal-imgħax fuq l-obbligazzjonijiet tat-taxxa

200 353,90

200 353,90

Total

19 439 101,92

19 439 101,92

Għajnuna mill-Istat mogħtija wara l-adeżjoni

6

20.5.2004

Ministeru tax-Xjenza u tat-Teknoloġija tal-Informatika

Għotja

435 000,00

352 350,00

7

9.5.2005

ZUS (Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali)

Kontributi tas-sigurtà soċjali li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (inkluż l-imgħax)

5 385 415,31

134 585,81

8

17.10.2005

Awtorità provinċjali

Diferiment tal-ħlas

855 438,78

105 369,44

9

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità provinċjali

Tariffi ambjentali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

1 272 657,45

247 003,92

10

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità provinċjali

Imgħax fuq it-tariffi ambjentali li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (relatat mal-entratura hawn fuq)

692 185,03

126 365,78

11

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità provinċjali

Tariffi ambjentali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

422 946,34

51 018,68

12

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità provinċjali

Imgħax fuq it-tariffi ambjentali li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (relatat mal-entratura hawn fuq)

274 950,10

33 167,04

13

It-tieni kwart tal-2007

Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità. (PFRON)

Kontributi tal-Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità (PFRON) dovuti sal-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

803 221,50

148 274,11

14

It-tieni kwart tal-2007

Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità. (PFRON)

Tħassir tal-imgħax fuq il-kontributi lill- Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità (PFRON) dovuti sat-30.6.2003

421 085,20

421 085,20

15

It-tieni kwart tal-2007

Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità. (PFRON)

Kontributi lill-Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità (PFRON) għall-perjodu Lulju 2003 - Jannar 2004 li jridu jitħallsu f’20 pagamenti kull tlett xhur

479 156,60

155 721,64

16

It-tieni kwart tal-2007

Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità. (PFRON)

Tħassir tal-imgħax fuq il-kontributi lill Fond tal-Istat għar-Rijabilitazzjoni tan-Nies b’Diżabilità (PFRON) għall-perjodu Lulju 2003 - Jannar 2004

38 392,87

38 392,87

17

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità tad-distrett

Ħlasijiet ta’ użufrutt perpetwu dovut sat-30.6.2003 li jrid jitħallas b’pagament parzjali

263 496,00

34 701,67

18

It-tieni kwart tal-2007

Awtorità tad-distrett

Tħassir tal-imgħax fuq il-ħlasijiet tal-użufrutt perpetwu dovut sat-30.6.2003 (relatat mal-entratura hawn fuq)

137 890,00

18 159,78

19

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Kontributi tas-sigurtà soċjali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

4 077 498,51

46 619,38

20

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Imgħax fuq il-kontributi tas-sigurtà soċjali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (relatat mal-entratura hawn fuq)

2 306 780,00

26 341,18

21

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Kontributi lill-Fond tax-Xogħol u l-Fond ta’ Garanzija għall-Benefiċji tal-Impjegati dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

1 275 873,09

28 618,42

22

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Imgħax fuq il-kontributi lill-Fond tax-Xogħol u l-Fond ta’ Garanzija għall-Benefiċji tal-Impjegati dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (relatat mal-entratura hawn fuq)

727 023,00

16 296,744

23

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Kontributi tas-sigurtà soċjali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali

2 085 480,55

29 309,94

24

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Imgħax fuq il-kontributi tas-sigurtà soċjali dovuti sat-30.6.2003 li jridu jitħallsu b’pagamenti parzjali (relatat mal-entratura hawn fuq)

1 100 260,00

15 463,36

25

It-tieni kwart tal-2007

ZUS

Tħassir tal-ispejjeż tal-infurzar relatat mal-ħlas tard tal-kontributi tas-sigurtà soċjali dovuti sat-30.6.2003

641 593,80

641 593,80

26

It-tieni kwart tal-2007

Fond Nazzjonali għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Ġestjoni tal-llma (NFOSiGW)

Għotja

470 000,00

470 000,00

Għajnuna mill-Istat mogħtija wara l-adeżjoni

24 166 344,12

3 140 438,76

Total tal-għajnuna mill-Istat mogħtija u ppjanata

43 605 446,04

22 579 540,68

Kwistjonijiet oħrajn li qajmet il-Polonja fil-kummenti tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni

(25)

L-ewwel nett, f’dak li għandu x’jaqsam mal-vijabbiltà tal-kumpanija, l-awtoritajiet Pollakki ddikkjaraw li r-ristrutturar kien suċċess, minħabba li Odlewnia Śrem irnexxielha ssib investitur strateġiku privat, li għandu jġib il-kapital meħtieġ u jippermetti lill-kumpanija tikseb mill-ġdid il-kredibilità fuq is-suq.

(26)

Il-Polonja enfasizzat ukoll li l-kumpanija kienet iddiversifikat il-produzzjoni tagħha, b’attenzjoni akbar għal prodotti sofistikati ta’ valur miżjud ogħla. Iċ-ċaqliq għall-produzzjoni ta’ ħadid fondut b’piż ta’ aktar minn 300 kg dehret bħala mossa tajba, minħabba li numru ta’ kompetituri waqqfu l-produzzjoni f’dan is-settur tas-suq u b’hekk ipprovdew opportunità għal Odlewnia Śrem biex issir attiva fih.

(27)

L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li l-kumpanija m’għadx għandha problemi ta’ likwidità u li l-obbligazzjonijiet tan-negozju kurrenti kollha tagħha tħallsu fil-ħin.

(28)

It-tieni nett, il-Polonja argumentat li Odlewnia Śrem tista’ titqies bħala “ditta f’diffikultà” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2004, u b’hekk hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar. L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li l-perjodu tar-ristrutturar beda fl-2003, meta l-kumpanija kienet evidentement f’diffikultà. Il-fatt li Odlewnia Śrem għamlet profit ta’ PLN 3,9 miljuni fl-2005 għandha tiġi kkunsidrata bħala sinjal li rkuprat il-vijabbiltà permezz tal-proċess ta’ ristrutturar.

(29)

Fit-tielet lok, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni dwar il-kontribut tal-kumpanija lejn l-ispiża totalti tar-ristrutturar.

(30)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-benefiċjarju ta kontribut sinifikanti. L-ispejjeż tar-ristrutturar kienu ammontaw għal PLN 43,6 miljuni, waqt li s-sorsi tal-finanzjament għar-ristrutturar jistgħu jiġu kklassifikati bħala kontribut tiegħu stess għar-ristrutturar li jista’ jiġi vvalutat għal PLN 23,7 miljuni, magħmul minn kapitali li nġiebu mill-investitur privat (PLN 16-il miljun), id-dħul mill-bejgħ jew il-kiri tal-assi li sar (PLN 0.4 miljuni) u s-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Negozjar Kollettiv tal-Kumpanija (PLN 7.3 miljuni). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-awtoritajiet Pollakki jargumentaw li dan jikkostitwixxi tnaqqis fl-ispiża tal-impjieg minħabba li Odlewnia Śrem hija temporanjament eżentata milli tħallas il-kontributi lill-Fond tal-Benefiċċji Soċjali tal-Kumpanija. Dan il-Fond kien ġie stabbilit minn Odlewnia Śrem u s-sindakati tagħha volontarjament, u mhuwiex rekwiżit tal-liġi. Għalhekk m’hemm l-ebda riżorsi tal-Istat involuti. Diġà ġie spjegat li d-deċiżjoni ttieħdet bi ftehim mas-sindakati, li qablu li jissagrifikaw parti mill-benefiċċji tal-impjegati biex jappoġġaw ir-ristrutturar. Għalhekk, il-miżura tista’ titqies bħala kontribut tad-ditta stess.

(31)

Barra minn hekk, il-Polonja reġgħet tenniet il-fehma tagħha li dak li ġej ukoll kien jikkostitwixxi kontribut tad-ditta stess għall-ispejjeż tar-ristrutturar:

tħassir u arranġament għall-ħlas b’pagamenti parzjali tal-obbligazzjonijiet ċivili ta’ PLN 2 miljuni taħt ftehim kompost iffirmat mal-kredituri ta’ Odlewnia Śrem;

krediti tal-kummerċ mogħtija mill-fornituri li jippermettu lil Odlewnia Śrem perjodu itwal mis-soltu li fih trid tħallas għall-materjali u s-servizzi, li l-Polonja tikkalkula għandhom valur ta’ PLN 2.5 miljuni;

riċevibbli mill-klijenti vvalutati għal PLN 9 miljuni (realizzati permezz tal-impożizzjoni ta’ perjodi ta’ ħlas iqsar fuq il-klijenti).

(32)

Finalment, fir-rigward tar-rekwiżiti għal-limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet tal-Polonja jiċċitaw tnaqqis ta’ 50 % fil-produzzjoni tal-kumpanija ta’ ħadid fondut għall-fitings industrijali (minn madwar 11 000 tunnellati għal 5 500 tunnellata). Il-fatt li l-kumpanija waqfet il-produzzjoni tal-ħadid fondut għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ għandha titqies bħala miżura kompensatorja valida.

(33)

Il-Polonja qed targumenta li d-domanda għaż-żewġ tipi ta’ prodotti kienet qed tiżdied f’dawn l-aħħar snin u din it-tendenza hija mistennija li tkompli. Il-Polonja enfasizzat ukoll li Odlewnia Śrem għandha l-kapaċità teknika li tipproduċi l-istess ammont bħal ta’ qabel ir-ristrutturar, iżda għażlet li tillimita l-produzzjoni ta’ ħadid fondut għall-fitings industrijali u twaqqaf kompletament il-produzzjoni ta’ ħadid fontut għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ. Għal din ir-raġuni, skont l-awtoritajiet Pollakki, dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala miżuri kompensatorji.

VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI TAL-GĦAJNUNA

Klassifikazzjoni tal-prodott finali ta’ Odlewnia Śrem

(34)

Il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-prodott finali ta’ Odlewnia Śrem kienx tas-settur tal-azzar minħabba li, skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għas-Salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturar u l-għajnuna għall-għeluq għas-settur tal-azzar (3)“il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturar għad-ditti f’diffikultà fis-settur tal-azzar kif definiti fl-Anness B tal-kwadru multisettorali mhumiex kompatibbli mas-suq komuni.”

(35)

L-Anness B għall-kwadru Multisettorali fuq l-għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta’ investiment (4) (kwadru multisettorali), li kien applikabbli meta l-għajnuna ngħatat, jirreferi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (5) (NM) għall-prodotti li huma meqjusin bħala azzar. Dawn il-prodotti huma elenkati fiż-żewġ kapitoli tan-NM, jiġifieri fil-Kapitolu 72 (“Ħadid u azzar”) u l-Kapitolu 73 (“Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”).

(36)

Skont l-Anness B għall-kwadru multisettorali, l-oġġetti tal-ħadid jew tal-azzar li ġejjin għandhom jitqiesu bħala azzar:

pali,

traversi,

tubi, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa, maħdumin biċċa waħda,

tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar iwweldjati, bid-dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm.

(37)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki, Odlewnia Śrem ma tipproduċi l-ebda minn dawn il-prodotti. Barra minn hekk, ma tipproduċi l-ebda mill-prodotti elenkati fil-Kapitolu 72 taħt it-titolu “Ħadid u azzar”, iżda tuża dawn il-prodotti – pereżempju, ħadid mhux maħdum – bħala materjali għall-produzzjoni tagħha.

(38)

Din tipproduċi prodotti għall-konsumatur aħħari sofistikati u speċifiċi li jaqgħu taħt it-titolu tal-NM 7325, “Oġġetti oħrajn ikkastjati ta’ ħadid jew azzar”, u s-sottotitoli rilevanti bħal 7325 10“- Ta’ ħadid fondut mhux-malleabbli” u 7325 99 10“– Ta’ ħadid fondut malleabbli.”

(39)

L-Anness B għall-kwadru multisettorali ma jikklassifikax lil dawn il-prodotti tal-ħadid u tal-azzar bħala azzar.

(40)

Fl-aħħarnett, l-għajnuna għar-ristrutturar li ngħatat lil Odlewnia Śrem mhijiex ipprojbita prima facie u l-kompatibilità tat-tali għajnuna għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont il-Linji Gwida Komunitarji tal-2004.

Kompetenza tal-Kummissjoni

(41)

Minħabba li wħud mill-avvenimenti rilevanti għal dan il-każ saru qabel l-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni l-ewwel trid tiddetermina jekk hix kompetenti li taġixxi fir-rigward tal-miżuri kkonċernati.

(42)

Il-miżuri ta’ għajnuna li ngħataw qabel l-adeżjoni u mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni taħt l-hekk imsejħa proċedura tal-mekkaniżmu intermedja stabbilita fl-Anness IV, punt 3 tat-Trattat tal-Adeżjoni jew taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat KE. La t-Trattat tal-Adeżjoni u lanqas it-Trattat KE ma jeħtieġu jew jawtorizzaw lill-Kummissjoni li tirrevedi dawn il-miżuri.

(43)

Mill-banda l-oħra, il-miżuri li daħlu fis-seħħ wara l-adeżjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida u jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88 tat-Trattat KE. Sabiex jiġi evalwat il-mument meta ċertu miżura tkun daħlet fis-seħħ, il-kriterju rilevanti huwa l-att li jorbot li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna (6).

(44)

Il-miżuri ta’ għajnuna individwali mhumiex ikkunsidrati bħala applikabbli wara l-adeżjoni jekk l-esponiment ekonomiku preċiż tal-Istat kien magħruf meta ngħatat l-għajnuna.

(45)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-Kummissjoni setgħat tidentifika dawk il-miżuri li ngħataw qabel l-adeżjoni u ma baqgħux applikabbli wara. Dawn huma ppreżentati fl-ewwel parti tat-Tabella 1 u jammontaw għal PLN 19,4 miljuni. Ġie stabbilit li l-bqija tal-miżuri ma ngħatawx qabel l-adeżjoni. Għalhekk, miżuri tal-valur ta’ PLN 24,2 miljuni ġew kkunsidrati bħala mogħtija wara l-adeżjoni kif spjegat fil-premessa 23 ta’ hawn fuq.

GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT KE

(46)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat f’kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu oġġetti u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhix kompatibbli mas-suq komuni.

(47)

Il-garanzija, self, fondi, tħassir, diferimenti, u arranġamenti notifikati għall-ħlas b’pagamenti parzjali tal-obbligazzjonijiet pubbliċi jinvolvu l-użu tar-riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, dawn jikkonferixxu vantaġġ fuq il-kumpanija billi jnaqqsu l-ispejjeż tagħha. Bħala kumpanija f’diffikultà, Odlewnia Śrem ma kinitx tikseb it-tali finanzjament fuq termini simili fuq is-suq. Bħala konsegwenza dan il-vantaġġ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(48)

It-Teżor tal-Istat kien lest li jirrinunzja għad-dħul mit-taxxi u t-tariffi ambjentali dovuti u, permezz tal-provvista ta’ sussidji u garanziji, joħloq vantaġġ għall-kumpanija fuq il-kompetituri tagħha. L-ebda evidenza ma kienet teżisti li l-awtoritajiet Pollakki aġixxew bħala kreditur tas-suq u l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat ġiet rikonoxxuta mill-awtoritajiet Pollakki fin-notifika tagħha tal-għajnuna

(49)

Il-benefiċjarju huwa attiv fis-suq tal-ħadid fondut u jesporta l-prodotti tiegħu lil Stati Membri oħra tal-UE. Għalhekk il-kriterju li jiġi affettwat il-kummerċ intrakomunitarju ma ntlaħaqx.

(50)

Għalhekk il-miżuri li ma ngħatawx qabel l-adeżjoni u jikkostitwixxu għajnuna ġdida ma ġewx ikkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Dan mhux qed jiġi kkontestat mill-awtoritajiet Pollakki.

Kompatabilità tal-għajnuna mas-suq komuni: deroga taħt l-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE

(51)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat KE ma japplikawx għall-każ preżenti. Fil-każ tal-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE, minħabba li l-għan prinċipali tal-għajnuna huwa li tiġi rkuprata l-vijabbiltà fit-tul tal-intrapriża, l-unika eżenzjoni li tista’ tiġi applikata hija l-Artikolu 87(3)(c), li tippermetti l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ ċertu attivitajiet ekonomiċi fejn it-tali għajnuna ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li tmur kontra l-interess komuni.

Bażi legali applikabbli

(52)

Il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna ġdida u l-pjan sħiħ tar-ristrutturar skont il-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar applikabbli. Il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (“Linji Gwida tal-2004”) daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004.

(53)

Kif imsemmi diġà fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex tevalwa l-kompatibilità tal-għajnuna ġdida għar-ristrutturar, ir-ristrutturar għandha tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha. Il-miżuri tal-għajnuna kollha, mhux biss l-għajnuna l-ġdida, għandhom jingħataw konsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-pjan għandux jirriżulta fl-irkupru tal-vijabbiltà u jekk l-għajnuna hijiex limitata għall-minimu neċessarju, u għall-kaokolu tal-miżuri kompensatorji xierqa.

Eliġibilità tal-intrapriża

(54)

Meta Odlewnia Śrem għamlet profitt nett ta’ PLN 3,9 miljuni fl-2005, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “ditta f’diffikultà” fi ħdan it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2004, u b’hekk eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar. Dawn id-dubji qamu b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-bidu tal-perjodu tar-ristrutturar. Dan kien ifisser li l-Kummissjoni ma kinitx taf eżattament għal liema perjodu kellha ssir evalwazzjoni tal-eliġibilità. Il-Polonja għamlitha ċara li l-perjodu tar-ristrutturar beda fl-2003 u li l-profitt nett ta’ Odlewnia Śrem tal-2005 għandu jiġi kkunsidrat bħala sinjal tal-irkupru tal-vijabbiltà matul ir-ristrutturar.

(55)

Il-Kummissjoni hija sodisfatta li fil-bidu tar-ristrutturar fl-2003 il-kumpanija kienet ditta f’diffikultà fi ħdan it-tifsira tal-punti 9 et seq. tal-Linji Gwida tal-2004 u li għalhekk hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

Rkupru tal-vijabbiltà

(56)

Il-Linji Gwida tal-2004 jiddikjaraw li “il-pjan ta’ ristrutturar, li d-dewmien tiegħu jrid ikun qasir kemm jista’ jkun, għandu jgħin fl-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul tad-ditta fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi dwar il-kondizzjonijiet tal-operat tal-futur. … It-titjib fil-vijabbiltà għandu jkun derivat prinċipalment mill-miżuri interni …”.

(57)

L-ewwel problema kruċjali ta’ Odlewnia Śrem kienet il-livell għoli ta’ dejn. Il-Kummissjoni tinnota li r-ristrutturar finanzjarju ġie konkluż.

(58)

Il-kumpanija m’għadx għandha problemi ta’ likwidità u li l-obbligazzjonijiet tan-negozju kurrenti kollha qed jitħallsu fil-ħin.

(59)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk ir-ristrutturar kienitx prinċipalment finanzjarja u jekk l-aspetti tar-ristrutturar industrijali kienux insuffiċjenti. Fil-kummenti tagħhom wara d-deċiżjoni li tibda l-proċedura, l-awtoritajiet Pollakki taw evidenza suffiċjenti li l-modernizzazzjoni tat-tagħmir u riorjentazzjoni tal-produzzjoni ġew indirizzati biżżejjed.

(60)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura l-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-prospetti li jinstab investitur privat. Madankollu, il-kumpanija rnexxilha tikkonvinċi kumpanija privata tinvesti fiha, li b’hekk żiedet il-kredibilità tagħha fis-suq.

(61)

Il-maġġoranza tal-indikaturi tal-analiżi finanzjara urew li l-kumpanija hija f’pożizzjoni aħjar wara r-ristrutturar, minħabba li l-likwidità, is-solvenza u l-profitti tagħha żdiedu.

(62)

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li neħħiet id-dubji tagħha dwar jekk il-pjan iwassalx għall-irkupru tal-vijabbiltà.

Evitar ta’ distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni

(63)

Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-għajnuna għar-ristrutturar notifikata kienitx qed tipprovoka distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Polonja kellha turi li t-tnaqqis ta’ 50 % mill-kumpanija fil-produzzjoni tagħha ta’ ħadid fondut għall-fitings industrijali u t-twaqqif tal-produzzjoni tagħha ta’ ħadid fondut għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ kienu miżuri kompensatorji ġenwini u mhux sempliċement ir-riżultat ta’ fatturi esterni bħat-tnaqqis fid-domanda jew l-inkapaċità li tikkompeti fis-suq, u li għalhekk ma kienux neċessarji għall-irkupru tal-vijabbiltà.

(64)

Kif tat prova l-Polonja, iż-żewġ tipi ta’ prodotti joffru prospetti tajbin għall-profitti. Il-Polonja urit ukoll li Odlewnia Śrem għandha l-kapaċità teknika li tipproduċi l-istess volum bħal ta’ qabel ir-ristrutturar. Il-Polonja qed timpenja ruħha li tillimita l-produzzjoni ta’ Odlewnia Śrem ta’ ħadid fondut għall-fitings industrijali sa 50 % tal-produzzjoni oriġinali tagħha u li twaqqaf kompletament il-produzzjoni tagħha ta’ ħadid fondut għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala miżuri kompensatorji, u mhux sempliċement azzjonijiet neċessarji għall-irkupru tal-vijabbiltà tal-kumpanija.

Għajnuna limitata għall-anqas limitu possibbli

(65)

L-awtoritajiet Pollakki pprovdew informazzjoni aktar dettaljata dwar l-ammonti meqjusa bħala kontributi tal-benefiċjarju stess għall-ispejjeż tar-ristrutturar.

(66)

Il-Kummissjoni mhix obbligata tieħu pożizzjoni fuq jekk l-elementi fil-premessa (31) jistgħux jitqiesu bħala kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess għar-ristrutturar, iżda tikkunsidra li r-riżorsi elenkati fil-premessa (30) jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjoni tiegħu stess.

(67)

Bħala konklużjoni, fir-rigward tas-sorsi ta’ finanzjament għar-ristrutturar, PLN 23,7 miljuni jistgħu jitqiesu bħala kontribut għar-ristrutturar mir-riżorsi tal-benefiċjarju stess jew mir-riżorsi esterni ħielsa mill-għajnuna mill-Istat. L-ispejjeż totali tar-ristrutturar, inklużi dawk li qamu qabel l-adeżjoni, kienu ta’ PLN 43,6 miljuni. Il-kontribuzzjoni ta’ Odlewnia Śrem stess għall-ispejjeż ġenerali tar-ristrutturar huwa għalhekk ta’ 54 %.

(68)

Il-Linji Gwida tal-2004 jistabbilixxu l-livell minimu tal-kontribut tal-benefiċjarju stess għall-ispejjeż tar-ristrutturar għal 50 %. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-kontribuzzjoni tiegħu stess hija sinifikanti u, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, l-għajnuna hija llimitata għall-minimu neċessarju.

(69)

Barra minn hekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa bbażat f’Stalowa Wola, li hija sitwata f’reġuni eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE. Dan huwa espressament meqjus bħala fattur addizzjonali favur il-kompatibbiltà tal-għajnuna (ara l-punt 56 tal-Linji Gwida tal-2004).

KONKLUŻJONIJIET

(70)

Il-Kummissjoni ssib lill-Polonja ħatja li implimentat illegalment l-għajnuna kkonċernata u b’hekk kisret l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat ta’ PLN 43,6 miljuni mogħtija lil Odlewnia Śrem mill-Polonja hija kompatibbli mas-suq komuni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p.1.

(2)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(3)  ĠU C 70, 19.3.2002, p. 21.

(4)  ĠU C 70, 19.3.2002, p. 8.

(5)  ĠU L 279, 23.10.2001, p. 1.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-109/01 Fleuren Compost v Commission, [2004] ECR II-127, paragrafu 74.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni

7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/17


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Ġunju 2009

dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/524/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali għall-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll għall-promozzjoni tal-istabbiltà ekonomika. Aktar ma jkun effikaċi s-suq uniku, aktar se jkun hemm titjib fl-ambjent tan-negozju bir-riżultat li l-kumpaniji jitħeġġew jinvestu u joħolqu l-impjiegi, u aktar se jkun hemm żieda fil-kunfidenza tal-konsumatur u fid-domanda. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa għalhekk kruċjali fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u biex l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jiġi ffaċilitat.

(2)

Huwa essenzjali li suq uniku li jiffunzjona tajjeb jkollu regoli Komunitarji li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq uniku (minn hawn 'il quddiem “regoli tas-suq uniku”) li jkunu trasposti applikati, infurzati, sorveljati b'mod korrett u armonizzati b'mod sodisfaċenti.

(3)

Il-konsultazzjoni u l-analiżi li twettqu biex titħejja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21 (minn hawn 'il quddiem “ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku”)” (1) identifikaw għadd ta' nuqqasijiet li juru li s-suq uniku għad mhuwiex qed jiffunzjona b'mod effiċjenti daqs kemm suppost. F'ħafna oqsma u setturi, jenħtieġ aktar ħidma. Iċ-ċittadini u n-negozji ta' sikwit ma jkunux jistgħu jaħtfu l-ħafna opportunitajiet li joffri s-suq uniku għaliex ir-regoli mhumiex applikati jew infurzat b'mod tajjeb.

(4)

Għaldaqstant fir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni ssuġġeriet sett ta' miżuri konkreti biex tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkomplu jibbenefikaw mill-vantaġġi ekonomiċi li s-suq uniku joħloq (2).

(5)

Il-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri u dawk li ttieħdu min-naħa tal-Kummissjoni għandhom jikkomplementaw xulxin. Approċċ koordinat u kooperattiv – bi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri – b'għan komuni tat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar imtejba tar-regoli tas-suq uniku, huwa vitali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. L-approċċ ta' sħubija fil-kuntest ta' din ir-rakkomandazzjoni jmur lil hinn mill-kooperazzjoni diġà stabbilita f'għadd ta' oqsma ta' politika tas-suq uniku. Jirrikjedi l-bini u ż-żamma ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib fi ħdan u bejn l-Istati Membri, u mal-Kummissjoni, fl-oqsma kollha li huma relevanti għas-suq intern. Jimplika wkoll li l-Istati Membri għandhom jassumu responsabbiltà kondiviża u għalhekk rwol aktar proattiv fil-ġestjoni tas-suq uniku.

(6)

Ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, u b'mod partikolari diskussjonijiet sussegwenti mal-Istati Membri, identifikaw xi oqsma bħala kruċjali għall-ksib ta' suq uniku li jiffunzjona b'mod tajjeb, jiġifieri: l-iżgurar ta' koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku; it-titjib fil-kooperazzjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni; it-titjib fit-traspożizzjoni tar-regoli tas-suq uniku; is-sorveljanza ta' swieq u setturi sabiex jiġi identifikat funzjonament potenzjalment ħażin fis-suq; it-titjib fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku; it-tisħiħ fl-infurzar tar-regoli tas-suq uniku u l-promozzjoni tas-soluzzjoni ta' problemi; il-promozzjoni ta' valutazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; li ċ-ċittadini u n-negozji jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikorri ħafna fuq soluzzjonijiet li diġà ddaħħlu f'ċerti Stati Membri, u li ġew ppruvati fl-Istati Membri konċernati li fil-prattika jaħdmu tajjeb. Hija fir-responsabbiltà tal-Istat Membru li jagħżel il-prassi l-aħjar imfassla għall-iżgurar tal-implimentazzjon ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, billi jitqies xi jkun l-aktar effikaċi fil-kuntest ta’ dak l-Istat Membru, minħabba l-fatt li proċeduri u prassi li huma effettivi fi Stat Membru wieħed jistgħu ma jkunux daqshekk effettivi fi Stat Membru ieħor.

(8)

Ir-riċerka turi li jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-koordinament intern fuq kwistjonijiet tas-suq uniku, għaliex bħalissal l-kompetenzi jinsabu mferrxin bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti (3). Peress li l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku tista’ tinvolvi varjetà sħiħa ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’kull Stat Membru, għandha tittejjeb il-kooperazzjoni effiċjenti bejniethom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw u jsaħħu funzjoni ta’ koordinament tas-suq uniku fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom, li tista’ tvarja skont l-istrutturi u t-traduzzjonijiet amministrattivi nazzjonali u speċifiċi. L-awtoritajiet responsabbli għal din il-funzjoni għandu jkollhom ir-responsabbiltà globali li jippjanaw, jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(9)

Kooperazzjoni transkonfinali mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fuq kwistjonijiet tas-suq intern tippermetti l-bini ta’ fiduċja reċiproka u hija ta’ importanza vitali għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tas-suq uniku. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li n-netwerks transkonfinali jew is-sistemi tal-informazzjoni elettroniċi stabbiliti mill-Kummissjoni (pereżempju s-sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), RAPEX (4), RASFF (5) jew in-netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi) huma operattivi, billi jdaħħlu fis-seħħ l-arranġamenti adegwati, inklużi l-allokazzjoni tar-riżorsi.

(10)

Tabelli ta’ valutazzjoni tas-Suq Intern urew li għad hemm il-ħtieġa ta’ titjib fil-prontezza f’waqtu u fil-kwalità tat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar is-suq uniku. Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jaffettwaw is-suq intern (6) (minn hawn ‘il-quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004”) ġiet applikata fuq firxa wiesgħa, u filwaqt li dan irriżulta f’titjib sinifikanti fir-rata tat-traspożizzjoni, partijiet mir-Rakkomandazzjoni għad iridu jiġu applikati b’mod aktar effikaċi. Din ir-Rakkomandazzjoni tfakkar fil-ħtieġa li għad hemm li l-azzjonijiet li ġew irrakkomandati fir-Rrakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004 jiġu aktar żviluppati, u li din tibqa’ referenza għall-amministrazzjonijiet tal-Istat Membru li qed jittrattaw mat-traspożizzjonijiet. Din ir-Rakkomandazzjoni tibni wkoll fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Ewropa li tikseb ir-Riżultati - L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (7) u fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Reviżjoni tal-proċess Lamfalussy - It-tisħiħ tal-konverġenza tas-sorveljanza (8).

(11)

Is-sorveljanza tas-suq hija meħtieġa għall-identifikar tas-setturi fejn is-swieq ma jiffunzjonawx b’mod korrett għall-konsumaturi u n-negozji, u sabiex il-politiki tas-suq uniku jiġu ffokati fuq dawn l-oqsma. Għalhekk, għandha ssir parti integrali fit-tfassil u s-sorveljanza tal-politiki tas-suq uniku (pereżempju permezz tat-tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi). Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istat Membru dwar is-sorveljanza tas-suq u x-xogħol fuq il-ġbir tad-dejta se jtejbu l-kwalità tad-dejta u l-analiżi għall-użu fil-livell nazzjonali u Komunitarju, u se jgħinu biex jintlaħaq qbil fuq kwistjonijiet tas-suq uniku. L-Istati Membri huma mħeġġa jipparteċipaw fl-eżerċizzji tas-sorveljanza tas-suq li jitwettqu mill-Kummissjoni, u biex huma jwettqu eżerċizzji simili fil-livell nazzjonali, adattati għall-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi.

(12)

Diversi studji nazzjonali saħqu fuq l-importanza tat-taħriġ biex l-uffiċjali, inklużi l-imħalfin, fil-livelli nazzjonali, reġjonali kif ukoll lokali tal-amministrazzjoni, jiġu mgħejuna fit-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli tas-suq uniku. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn ir-regoli, u l-impatt inġenerali fuq il-kompetittività esterna tal-Komunità, jittieħdu dejjem f’kunsiderazzjoni fl-abbozzar tal-liġijiet nazzjonali. L-importanza tat-taħriġ ġiet ikkonfermata aktar minn studju u riżoluzzjoni ta’ dan l-aħħar li tmexxew mill-Parlament Ewropew, dwar ir-rwol tal-imħallfin nazzjonali u mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2005 dwar il-liġi tal-kompetizzjoni (9), kif ukoll minn Riżoluzzjoni reċenti tal-Kunsill (10). L-uffiċjali għandhom ukoll jingħataw gwida dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku.

(13)

L-infurzar effettiv tar-regoli tas-suq uniku u tal-miżuri xierqa għas-soluzzjoni tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji huma ta’ importanza kruċjali biex jgħinu liċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw mil-libertajiet iggarantiti bit-Trattat. Billi jibnu fuq il-kooperazzjoni li diġà nkisbet fil-qasam tas-soluzzjoni tal-problemi, b’mod partikolari permezz tas-SOLVIT (11), l-Istati Membri, bl-appoġġ mill-Kummissjoni, għandhom itejbu l-kapaċità tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi – jew fil-qrati nazzjonali jew inkella permezz ta’ mekkaniżmi mhux ġudizzjali – biex jingħata rimedju effettiv. Huwa importanti li jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għad-diversi problemi li jinħolqu.

(14)

Sorveljanza u evalwazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huma importanti għaliex jippermettu verifika dwar kemm fil-prattika regoli tas-suq uniku jiġu applikati b’mod effettiv, u l-identifikar tad-dispożizzjonijiet li jistgħu jżommu liċ-ċittadini u n-negozji milli jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn ir-regoli. Eżerċizzji bħal dawn għandhom jitwettqu b’mod aktar sistematiku fl-Istati Membri kollha.

(15)

L-istħarriġ tal-Eurobarometer (12) ta’ dan l-aħħar u t-talbiet indirizzati lejn is-servizzi tal-Kummissjoni għall-informazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi juru li jeħtieġ li jingħata aktar tagħrif liċ-ċittadini u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet fil-prattika. Barra minn hekk għandu jkun possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji li jiksbu l-għajnuna meta huma jeżerċitaw dawn id-drittijet. Għal dan il-fini, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati, għandhom jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni u konsulenza prattika fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw liċ-ċittadini u n-negozji li jixtiequ jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jistabbilixxu kumpaniji jew jipprovdu merkanzija u servizzi fi Stat Membru ieħor.

(16)

L-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni jiddeskrivi miżuri li Stati Membri jistgħu jieħdu sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni u jipprovdi lista ta’ prassi f’ċerti Stati Membri li fuqhom huma bbażati dawn il-miżuri. Huwa meqjus li, filwaqt li ċerti miżuri jistgħu għall-bidu jġorru magħhom l-ispejjeż, għandhom jippermettu li jsir iffrankar, pereżempju bir-razzjonalizzazzjoni tal-prassi amministrattivi nazzjonali, u fuq il-medda t-twila, għandhom iwasslu għal funzjonament aħjar tas-suq uniku u għalhekk jirriżultaw f’benefiċċji għall-konsumaturi u n-negozji.

(17)

Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandu jiġi sorveljat f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż permezz tad-diskussjonijiet fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern (IMAC) abbażi ta’ punti ta’ riferiment u ta’ indikaturi. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq valutazzjoni tal-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni erba’ snin wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni tliet snin wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali dwar azzjonijiet li ttieħdu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni,

B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

(1)

Jiżguraw u jsaħħu funzjoni ta’ koordinament tas-suq uniku, jippromwovu koordinament effikaċi fi ħdan u bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet tas-suq uniku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jaġixxu bħala punt ta’ riferiment għas-suq uniku fi ħdan l-amministrazzjoni.

(2)

Jiffaċilitaw kooperazzjoni attiva bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku fl-Istati Membri differenti, u mal-Kummissjoni, permezz ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti.

(3)

Jieħdu l-miżuri meħtieġa għat-titjib fit-traspożizzjoni tad-Direttivi li jaffettwaw is-suq uniku.

(4)

Jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni fuq is-sorveljanza tas-suq u l-ġbir tad-dejta relatat billi jikkontribwixxu b’mod attiv għall-eżerċizzju fil-livell Komunitarju, u fejn relevanti, billi jikkunsidraw eżerċizzji simili fil-livell nazzjonali.

(5)

Jiżguraw li l-awtoritajiet u l-uffiċjali nazzjonali jkollhom għarfien biżżejjed tal-liġi Komunitarja inġenerali u tar-regoli tas-suq uniku b’mod partikolari biex japplikaw ir-regoli tas-suq uniku b’mod effiċjenti u fejn ikun relevanti, iqisu dawn ir-regoli meta jħejju u jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida.

(6)

Jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu riżoluzzjoni mħaffa u effikaċi tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fis-suq uniku billi inġenerali, jieħdu miżuri li jtejbu l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, u b’mod partikolari billi jiżguraw li l-ġudikatura jkollha għarfien suffiċjenti tal-liġi Komuntarja inklużi r-regoli tas-suq uniku, u billi jipprovdu biżżejjed appoġġ għall-mekkaniżmi tas-soluzzjoni tal-problemi.

(7)

Iwettqu evalwazzjoni u valutazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli tas-suq uniku u filwaqt li jagħmlu hekk iżommu taħt analiżi kwalunkwe użu ta’ eżenzjonijiet jew ta’ derogi pprovduti bir-regoli eżistenti tas-suq uniku.

(8)

Itejbu l-forniment ta’ informazzjoni prattika dwar kwistjonijiet tas-suq uniku lin-negozji u ċ-ċittadini.

(9)

Jeżaminaw il-miżuri u l-prassi deskritti fl-Anness u, filwaqt li jħarsu t-tradizzjonijiet istituzzjonali nazzjonali tagħhom, jadottaw dawn il-prassi li, se jwasslu jew li jkunu mistennija li se jwasslu għal titjib fil-funzjonament tas-suq uniku u li huma adattati l-aħjar għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(10)

Jikkooperaw mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet li ttieħdu fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni fuq bażi regolari u jipprovdu rapport finali lill-Kummissjoni tliet snin wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2007) 724 finali, 20.11.2007.

(2)  Matul il-perjodu bejn l-1992-2006, il-PGD tal-Komunità żdied b'2,15 % u nħolqu 2,75 miljun impjieg addizzjonali, filwaqt li bejn l-1995 u l-2005 il-kummerċ intra-Komunitarju żdied bi 30 % (SEC(2007) 1521, 20.11.2007).

(3)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni dwar Strumenti għal politika modernizzata tas-suq uniku (SEC(2007) 1518, 20.11.2007).

(4)  Sistema ta' tagħrif imħaffef għal prodotti ta' ħsara li mhumiex tal-ikel.

(5)  Sistema ta' tagħrif imħaffef għall-ikel u l-għalf.

(6)  ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 264.

(7)  COM(2007) 502 finali, 5.9.2007.

(8)  COM(2007) 727, 20.11.2007.

(9)  Rapport tal-PE dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjali Ewropea (INI/2007/2027, 9.7.2008); Ir-Rapport tal-PE fuq ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2004, (INI/2005/2209, 20.3.2006).

(10)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'laqgħa fil-Kunsill 14757 tat-28 ta' Ottubru 2008.

(11)  Il-Kummissjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Effective Problem Solving in the Internal Market (“SOLVIT”), (COM(2001) 702 finali, 27.11.2001.

(12)  http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/index_en.htm#061204


ANNESS

Miżuri u prassi għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku

1.   MIŻURI LI JIŻGURAW KOORDINAMENT AĦJAR DWAR KWISTJONIJIET TAS-SUQ UNIKU

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jassenjaw lil awtorità ġdida jew eżistenti fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali r-responsabbiltà għall-koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku;

(b)

jiżguraw koordinament bejn il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern fuq kwistjonijiet tas-suq uniku;

(ċ)

jiżguraw fuq naħa l-koordinament bejn il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern, u fuq l-oħra bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll bejn l-awtoritajiet reġjonali u bejn l-awtoritajiet lokali;

(d)

jiżguraw li l-ministeri u l-aġenziji relevanti u l-istituzzjonijiet l-oħra jqisu r-regoli tas-suq uniku;

(e)

jaħsbu biex jagħqdu flimkien taħt awtorità unika r-responsabbiltajiet għal għadd ta’ attivitajiet relatati mas-suq intern, filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali;

(f)

jippjanaw, jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Responsabbiltà għall-koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku

Xi entitajiet tal-gvern diġa qarrbu lejn l-eżerċitar ta’ funzjonament ta’ koordinament mas-suq uniku Jikkoperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra dwar kwistjonijiet tas-suq uniku, jiżguraw kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku, u huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet tas-suq uniku;

Kooperazzjoni interministerjali

Gruppi ta’ ħidma interministerjali fuq kwistjonijiet relatati mas-suq uniku jagħqdu flimkien ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet relevanti;

Koordinament vertikali

Jeżistu netwerks speċjali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew tas-sorveljanza tas-suq, li jorbtu flimkien l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dawn in-netwerks jiddisponu minn bażijiet tad-dejta jew siti web komuni;

Rappreżentanti reġjonali u lokali huma involuti, f’suġġetti ta’ interess għalihom, fil-ħidma tal-gruppi interministerjali;

Viżibbilità politika

Diskussjonijiet dwar politika fuq kwistjonijiet tas-suq uniku jsiru fuq bażi regolari, pereżempju fis-sottokumitati nazzjonali tal-Kunsill tal-Ministri;

Il-Parlament nazzjonali huwa involut b’mod attiv fl-analizzar ta’ kwistjonijiet tas-suq uniku, pereżempju bit-tħejjija ta’ rapporti jew bit-twettiq ta’ inkjesti fuq dawn il-kwistjonijiet;

Appoġġ

Entità tal-gvern tiżgura kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku billi, fost l-oħrajn, twettaq l-iskrinjar tal-abbozzi leġiżlattivi nazzjonali;

Rekonċiljar tal-attivitajiet tas-suq uniku

Ċerti entitajiet tal-gvern huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet relatati mas-suq uniku, bħas-SOLVIT, l-IMI, in-notifiki għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE (1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (2), il-koordinament tal-istabbiliment ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku taħt il-Pakkett tal-Merekanzija.

2.   MIŻURI GĦAT-TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI U MAL-KUMMISSJONI

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

fuq bażi permanenti jipprovdu: taħriġ relevanti fil-lingwa, IT u taħriġ ieħor, u jżidu l-għarfien dwar in-netwerks eżistenti u fir-rigward tar-regoli relevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, jagħmlu n-netwerks Komunitarji (pereżempju s-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), RAPEX, RASFF, in-netwerks tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u oħrajn) kompletament operattivi fil-livell nazzjonali;

(b)

jorganizzaw – pereżempju, permezz ta’ netwerks eżistenti – skambji bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ uffiċjali responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku;

(ċ)

jiżguraw li l-kooperazzjoni attiva bejn l-awtoritajiet responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku fl-Istati Membri differenti tifforma parti mill-kultura amministrattiva nazzjonali;

(d)

jieħdu l-miżuri organizzattivi biex jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieġbu fil-pront għat-talbiet tal-Kummissjoni għal informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku fil-livell nazzjonali, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-proġett Pilota tal-UE (3) u l-proċedimenti ta’ ksur.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

Teżisti kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi Nordiċi u tal-Baltiku fuq is-sorveljanza tas-suq, l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern u fuq kwistjonijiet oħra tas-suq uniku. (4)

Il-kooperazzjoni hija stabbilita bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-oqsma tal-akkwist pubbliku (pereżempju permezz tan-Netwerk għall-Akkwist Pubbliku), u s-sorveljanza tas-suq. L-awtoritajiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq fil-qasam tal-ħarsien tas-sikurezza tal-prodotti (mhux tal-ikel) għall-konsumatur jikkooperaw mill-qrib permezz tan-netwerk PROSAFE, u s-sistema tal-ICSMS tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq tal-prodotti tekniċi;

Skambji amministrattivi

L-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni huma involuti fl-iskambji tal-uffiċjali nazzjonali fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni:

Bosta awtoritajiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur jipparteċipaw fi skambji ta’ uffiċjali, fil-kuntest tan-netwerk għas-Sikurezza tal-Konsumatur skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE (5) u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 (6);

Appoġġ finanzjarju u ta’ rizorsi umani

Ġew innominati timijiet separati biex jistabbilixxu netwerk għall-Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) u ngħataw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji biex jiżviluppaw l-IMI madwar l-Istati Membri tagħhom kollha;

Taħriġ

Rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, wara li jkunu segwew taħriġ tal-Kummissjoni, iħarrġu membri oħra fin-netwerk tal-IMI fil-livell nazzjonali. Dan il-prassi jaħdem tajjeb meta r-rwol tat-taħriġ jiddaħħal fid-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali.

3.   MIŻURI LI JTEJBU T-TRASPOŻIZZJONI TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jitħejjew minn qabel b’mod effikaċi u fil-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttivi tas-suq uniku;

(b)

jiżguraw li l-uffiċjali kollha konċernati jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiffaċilitaw li l-uffiċjali responsabbli għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ Direttiva fil-livell nazzjonali huma wkoll involuti matul in-negozjati fuq dik id-Direttiva;

(ċ)

itejbu l-kooperazzjoni bejn l-amminstrazzjoni nazzjonali u parlamenti nazzjonali, regjonali u devolvuti, kif ukoll awtoritajiet reġjonali u lokali involuti fit-traspożizzjoni, u jipprovdulhom, fejn meħtieġ, l-informazzjoni kollha relevanti relatata man-negozjati u l-proċess tat-traspożizzjoni;

(d)

jipprovdu informazzjoni lill-partijiet interessati matul il-proċess tat-traspożizzjoni, fejn dan ikun utli, dwar proposti leġiżlattivi għas-suq uniku li jistgħu jkunu ta’ interess għan-negozji u ċ-ċittadini;

(e)

jevitaw iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet supplementarji li mhumiex meħtieġa għat-traspożizzjoni ta’ Direttiva (7);

(f)

jiffaċilitaw id-djalogu mal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku billi jużaw varjetà ta’ mezzi, bħalma huma tabelli ta’ korrelazzjoni, li jimmiraw għaż-żieda fit-trasparenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex din tkun aktar faċli għall-utent.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Tħejjija bikrija

Jitħejjew valutazzjonijiet nazzjonali tal-impatt meta Direttiva titressaq għad-diskussjoni mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu analiżi dettaljata tal-impatt għall-Istat Membru konċernat u l-implikazzjonijiet tat-traspożizzjoni potenzjali jew tal-applikazzjoni. Jiġu aġġornati matul il-proċess kollu tat-traspożizzjoni.

Kontinwità

Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-uffiċjali involuti fin-negozjar, it-traspożizzjoni u l-infurzar tad-Direttiva tkun żgurata. Il-ħtieġa għal kontinwità bħal din tiġi enfasizzaa fil-linji gwida nazzjonali għat-traspożizzjoni;

Kooperazzjoni mal-parlamenti

L-informazzjoni dwar l-iżviluppi li jirrigwardaw it-traspożizzjoni tad-Direttivi Komunitarji tintbagħat lill-parlamenti nazzjonali fi stadju bikri u fuq bażi regolari, fost oħrajn permezz ta’ tabella ta’ valutazzjoni trimestrali dwar it-traspożizzjoni.

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali

L-uffiċjali minn awtoritajiet reġjonali jew devolvuti huma involuti fil-ħidma tal-gruppi ta’ koordinament għat-traspożizzjoni interministerjali.

Jiġu organizzati t-taħriġ u l-konferenzi dwar il-proċess tat-traspożizzjoni għall-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha kif ukoll għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi;

Komunikazzjoni mal-partijiet interessati

Il-pubbliku permezz tal-Internet għandu aċċess għal bażi tad-dejta simplifikata tat-traspożizzjoni. Informazzjoni dwar il-progress fit-traspożizzjoni hija disponibbli fuq is-siti web tal-Ministeri u lista tad-Direttivi li mhumiex trasposti tiġi ppubblikata fuq l-Internet;

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproduċu gwida għaċ-ċittadini dwar il-liġijiet ġodda tat-traspożizzjoni fi żmien talanqas 12-il ġimgħa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

L-evitar ta’ “rekwiżit addizzjonali mhux neċessarji”

Jeżistu proċeduri speċifiċi għall-ġestjoni u l-kontroll tar-riskju li meta jiġu trasposti d-Direttivi, jiżdiedu miżuri li ċarament ma jkunux meħtieġa pereżempju kumitat maħtur mill-gvern iwettaq kontroll sistematiku tal-abbozzi nazzjonali tat-traspożizzjoni, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttivi;

Tabelli ta’ korrelazzjoni

It-tabelli ta’ korrelazzjoni jintużaw għal finijiet ta’ informazzjoni u ta’ skrinjar.

4.   MIŻURI BIEX IS-SWIEQ U S-SETTURI JIĠU SORVELJATI AĦJAR SABIEX JIĠI IDENTIFIKAT FUNZJONAMENT POTENZJALMENT ĦAŻIN FIS-SUQ

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jiġbru tagħrif kwalitattiv u kwantitattiv dwar swieq jew setturi li qed jiġu sorveljati, pereżempju mill-analiżi tas-suq li titwettaq minn akkademiċi, konsulenti jew partijiet interessati, jew mid-dejta li tinġabar mill-uffiċċji tal-Istatistika Nazzjonali u minn entitajiet li jittrattaw ma’ ilmenti;

(b)

jidentifikaw sorsijiet lokali ta’ informazzjoni u jiffaċilitaw l-ingaġġ ta’ partijiet interessati lokali fil-proċess tas-sorveljanza tas-suq; pereżempju billi jorganizzaw konsultazzjonijiet jew laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati lokali ewlenin;

(ċ)

jieħdu sehem fil-ħidma ta’ sorveljanza fuq aspetti speċifiċi, bħall-analiżi dwar il-kompetizzjoni, il-valutazzjonijiet regolatorji jew il-ġbir tad-dejta biex jitkejjel kif is-swieq jiffunzjonaw għall-konsumaturi (pereżempju permezz tal-ġbir regolari tal-prezzijiet medji tal-prodotti u s-servizzi paragunabbli tal-konsumatur, il-klassifikazzjoni tal-ilmenti tal-konsumatur, u l-iżvilupp ta’ indikaturi xierqa biex titkejjel il-kwalità tal-infurzar).

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Ġbir tal-informazzjoni

L-Istati Membri jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar swieq jew setturi sorveljati (pereżempju fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-sorveljanza tas-suq dwar il-kummerċ tal-konsumatur);

Aspetti speċifiċi dwar is-sorveljanza

Is-sorveljanza ssir ukoll minn konsumatur (pereżempju Indiċi tal-Kundizzjoni tal-Konsumatur li tikklassifika 57 suq bejniethom stess jiġi ppubblikat kull sena, u l-metodoloġija tiegħu ġiet segwita fi Stati Membri oħra) jew perspettiva tal-kompetizzjoni (pereżempju sorveljanza tas-settur nazzjonali tal-konsumaturi minn perspettiva tal-kompetizzjoni);

Sorveljanza fil-livell nazzjonali

Twettaq eżerċizzju pilota tal-iskrining f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, biex isir magħruf jekk il-metodoloġija tal-Kummissjoni tistax tintuża fil-livell tal-pajjiż u biex tingħata orjentazzjoni għal aktar analiżi fil-fond fl-Istati Membri.

5.   MIŻURI LI JTEJBU L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

L-Istat Membri huma mistiedna jieħu dawn il-miżuri li ġejjin li jikkonċernaw uffiċjali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku:

(a)

jipprovdu taħriġ dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u r-regoli tas-suq uniku b’mod partikolari meta jidħlu f’impjieg;

(b)

jistabbilixxu programmi sostnuti ta’ taħriġ “fuq il-post tax-xogħol” dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku;

(ċ)

jipprovdu gwida u konsulenza prattika dwar ir-regoli tas-suq uniku u l-applikazzjoni tagħhom.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Taħriġ

Jiġi organizzat taħriġ obbligatorju għall-uffiċjali dwar il-liġi Komunitarja, pereżempju l-liġi Komunitarja tkun parti obbligatorja mill-fażi tat-tħejjija għal aċċess għall-karriera fl-amministrazzjoni pubblika; jiġu organizzati seminars obbligatorji dwar kwistjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż introduzzjoni dwar kwistjonijiet Komunitarji;

Taħriġ sostnut “fuq il-post tax-xogħol”

Jiġi organizzat taħriġ fuq kwistjonijiet Komunitarji u tas-suq uniku permezz ta’ moduli ta’ taħriġ onlajn; jitħejjew bulettini regolarment; isiru konferenzi jew sessjonijiet regolari tat-taħriġ fi ħdan l-amministrazzjoni nazzjonali;

Jeżistu programmi speċifiċi ta’ taħriġ għall-uffiċjlai dwar is-suq intern;

Gwida u konsulenza prattika

Gwida speċifika dwar is-suq intern tgħin lill-uffiċjali jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom; qed jiġu żviluppati wkoll linji gwida dettaljati dwar ir-rikonoxximent reċiproku wara l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Merkanzija;

Ħelpdesk deżinjat li jittratta dwar il-mistoqsijiet tal-uffiċjali relatati mas-suq uniku;

Tiġi ppubblikata gwida ta’ spjegazzjoni dwar kif wiħed jifhem u jinterpreta att legali fuq is-siit web nazzjonali tal-ministeri li jipprovdu informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni;

Edukazzjoni u testijiet dwar il-liġi Komunitarja u r-regoli tas-suq uniku

Il-liġi Komunitarja tifforma parti obbligatorja fl-edukazzjoni tal-liġi

L-uffiċjali huma marbuta jgħaddu minn eżami li jinkludi r-regoli tal-liġi Komunitarja u tas-suq uniku biex jidħlu f’impjieg mal-amminstrazzjoni pubblika.

6.   MIŻURI LI JSAĦĦU L-INFURZAR TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU U JIPPROMWOVU L-MEKKANIŻMI GĦAS-SOLUZZJONI TA’ PROBLEMI

(1)   Mekkaniżmi mhux ġudizzjali għas-soluzzjoni ta’ problemi

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jiżguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u li ma jiswewx ħafna flus ikunu disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR);

(b)

jipparteċipaw fi u jikkontrwibixxu b’mod attiv favur – speċjalment permezz ta’ riżorsi suffiċjenti – il-funzjonament u l-iżvilupp ulterjuri tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi fil-livell Komunitarji, bħas-SOLVIT u l-Proġett pilota tal-UE;

(ċ)

jipprovdu informazzjoni biżżejjed liċ-ċittadini u n-negozji - fuq siti web relatati mas-suq uniku - dwar problemi eżistenti għall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi fil-livell nazzjonali u Komunitarju;

(d)

jindirizzaw ir-raġunijiet sottostanti għall-problemi li jikkaġunaw l-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi.

(2)   Ġudikatura nazzjonali

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jipprovdu t-taħriġ bażiku għall-imħallfin dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku meta jidħlu f’impjieg, u programmi sostnuti ta’ taħriġ “fuq il-post tax-xogħol”, inkluż permezz tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjali (8) li jorganzza u jiffinanzja l-iskambju tal-imħallfin;

(b)

jiżguraw aċċess faċli biex tiġi kkompletata u aġġornata l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni Komunitarja relatata mas-suq uniku u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, inkluż permezz tal-portal Komunitarju tal-ġejjieni Ġustizzja-e (9) li se jipprovdi “sors (elettroniku) fl-istess ħin u fl-istess post” għall-informazzjoni dwar il-ġustizzja Ewropea u l-aċċess għal proċeduri ġudizzjali Ewropej;

(ċ)

iħeġġu l-qrati u t-tribunali nazzjonali biex jiġbru l-informazzjoni disponibbli fuq sentenzi nazzjonali importanti fil-qasam tas-suq uniku, b’mod partikolari s-sentenzi nazzjonali li japplikaw is-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Mekkaniżmi ADR

Netwerk ta’ qrati żgħar għal affarijiet ċivili, intenzjonati għal tilwimiet żgħar, qed jopera bil-għan li jwassal għal deċiżjoni aktar malajr, u b’mod aktar effiċjenti u li jiswa anqas. Jiġbor fih ir-riżoluzzjoni ġudizzjali kif ukoll mhux ġudizzjali ta’ tilwim

Parteċipazzjoni fil-mekkaniżmi ADR tal-Komunità

Fil-każ li l-kooperazzjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti ma kinitx sodifaċenti, iċ-ċentri tas-SOLVIT jressqu każ għal-livell ogħla fi ħdan amministrazzjoni bħala t-tieni tentattiv biex jipprovaw isibu soluzzjoni;

Informazzjoni dwar mekkaniżmi ADR

Il-promozzjoni tas-SOLVIT issir permezz tal-kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ grupp ta’ partijiet interessati u billi jintbagħtulhom skedi informattivi;

Taħriġ

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jorganizza korsijiet speċjali ta’ taħriġ li jkopru r-regoli tas-suq intern għall-imħallfin;

Il-programmi ta’ taħriġ għall-imħallfin li qed jitħarrġu fil-liġi Komunitarja huma obbligatorji;

Aċċess faċli għall-informazzjoni

Jitħejjew sommarji tal-każistika tal-Komunità minn unità speċifika f’Ministeru nazzjonali li tispeċjalizza fir-regoli tas-suq uniku għall-użu tal-ġudikatura;

Sommarji ta’ sentenzi sinfikanti jiġu ppubblikati f’bulettin legali;

Kondiviżjoni ta’ sentenzi nazzjonali relatati mal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku

Il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jirrappurtaw fuq sentenzi importanti li jirrigwardaw il-liġi Komunitarja u fuq deċiżjonijiet dwar sentenzi preliminari, u dawn jiġu ppubblikati f’bulettin.

7.   MIŻURI LI JIPPROMWOVU VALUTAZZJONI REGOLARI TAL-LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jiżviluppaw approċċ sistematiku għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta r-regoli tas-suq uniku sabiex jiġu identifikati kwalunkwe inkonsistenzi fl-applikazzjoni tagħha, inkluż permezz tal-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati, komunikazzjoni tar-riżultati dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi, eċċ.;

(b)

jirrevdu, fejn dan ikun fattibbli, ir-regoli nazzjonali eżistenti u l-prassi amminstrattivi, biex jidentifikaw dispożizzjonijiet li jistgħu jżommu liċ-ċittadini milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku; u jadattaw il-qafas regolatorju nazzjonali fejn meħtieġ;

(ċ)

jieħdu miżuri organizzattivi biex jiżguraw sorveljanza mill-qrib tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u f’dak il-kuntest jivvalutaw regolarment jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prassi amministrattivi humiex kompatibbli mar-regoli tas-suq uniku.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni

Jiġu żviluppati rapporti ex-post tal-Valutazzjoni tal-Impatt għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku;

Qed jiġi żviluppat proċess sistematiku għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, bil-għan ta’ diskussjoni dwar kif (u jekk) jiġu implimentati l-pakketti magħżula tar-regoli interkonnessi tas-suq uniku u l-impatt tagħhom fuq in-negozju;

Reviżjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali

Jitwettqu reviżjonijiet komprensivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi.

Verifikar dwar l-impat tas-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-awtoritajiet nazzjonali janalizzaw b’mod sistematiku jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tiġi emendata wara s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

8.   MIŻURI LI PERMEZZ TAGĦHOM IĊ-ĊITTADINI U N-NEGOZJI JIĠU MGĦARRFA AĦJAR DWAR ID-DRITTIJIET TAGĦHOM FIS-SUQ UNIKU.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jippromovu u jżidu l-għarfien dwar is-servizzi tal-informazzjoni tal-Kummissjoni (10) fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll esternament fil-livelli nazzjonali, reġjoni u lokali, f’konformità mal-ħidma tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar is-Servizzi ta’ Assistenza dwar is-Suq Uniku (SMAS);

(b)

jiżguraw koordinament imsaħħaħ bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għas-servizzi tal-informazzjoni tal-Komunità;

(ċ)

jagħmlu disponibbli f’lingwi oħra informazzjoni prattika dwar id-drittijiet u l-obbligi, u li tkun aċċessibbli faċilment fuq sit web tal-Internet; u jintroduċu kontroreferenzi ċari bejn il-portali relevanti kollha nazzjonali u Komunitarji b’informazzjoni relatata mas-suq uniku, u b’mod partikolari permezz tal-portal “L-Ewropa Tiegħek”;

(d)

jorganizzaw kampanji u programmi ta’ informazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tas-suq uniku.

Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

Promozzjoni tas-servizzi Komunitarji tal-informazzjoni

Tingħata informazzjoni mmirata għall-gruppi ta’ partijiet interessati l-aktar konċernati permezz tal-Internet, ktibiet, fuljetti, seminars u kampanji għaż-żieda fl-għarfien;

Koordinament fil-livell nazzjonali tas-servizz tal-informazzjoni tal-Kummissjoni

Grupp ta’ koordinament ilaqqa’ flimkien Europe Direct, In-Netwerk Ewropa Intrapriża, Eurojus, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur (ECC Net) u l-punti ta’ kuntatt ta’ FIN-NET;

Informazzjoni faċilment aċċessibbli

Ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni u konsulenza relatati mas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozji barranin, u għal persuni nazzjonali li jixtiequ jmorru lil hinn minn pajjiżhom, huwa disponibbli fuq portali orizzontali tal-gvern elettroniku, siti web nazzjonali ffukati fuq kwistjonijiet Komunitarji, jew fuq siti web speċifiċi mmirati għan-negozji jew għaċ-ċittadini;

Qed jiġi ppjanat sors nazzjonali onlajn ta’ tagħrif dwar is-suq uniku. Se jkun sponsorjat minn awtorità waħdanija tal-gvern u jitħaddem mill-awtoritajiet l-oħra kollha konċernati;

Kampanji ta’ informazzjoni

Qed tiġi żviluppata kampanja ta’ informazzjoni dwar is-suq uniku, li se tinkludi l-għoti ta’ materjali ppubblikati, korsijiet ta’ taħriġ u lekċers miftuħa li jgħarrfu liċ-ċittadini u n-negozji dwar l-opportunitajiet tas-suq uniku.


(1)  Id-Direttiva tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(2)  Ir-Regolament tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħidma tas-suq intern b’relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri (ĠU L 337, 12.12.1998, p. 8).

(3)  Il-fażi ta’ ttestjar tal-“Proġett Pilota tal-UE”, li jimmira biex jikseb tweġibiet aktar malajr għal inkjesti u ilmenti dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja, permezz ta’ metodu ta’ ħidma aktar informali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, tvarat f’April 2008 bil-parteċipazzjoni ta’ 15-il Stat Membru.

(4)  ĠU L 376, 17.12.2006, p. 36.

(5)  OJ L 11, 15.1.2002, p. 4.

(6)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(7)  Bla ħsara għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu rekwiżiti minimi fid-Direttivi li jirriżultaw minn kompetenzi kondiviżi f’konformità mat-Trattat tal-KE (b’mod partikolari l-Artikolu 137 TKE).

(8)  http://www.ejtn.net/www/en/html/index.htm

(9)  Il-portal Ewropew Ġustizzja-e se jitvara fl-14 ta’ Diċembru 2009

(10)  Bħal, fost oħrajn, Europe Direct, Servizz ta’ Orjentazzjoni għaċ-Ċittadini, L-Ewropa Tiegħek, EURES, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, in-Netwerk Europea Intrapriża.


Rettifika

7.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/27


Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti transitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implimentat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 349, 31 ta' Diċembru 1994 )

F'paġna 171, l-Anness XII, il-Parti B, il-punt 3, l-Artikolu 3(1), it-tielet linja:

minflok:

“bir-rata ta' dazju stipulata fl-Artikolu 10”,

aqra:

“bir-rata ta' dazju stipulata fit- bir-rata ta' dazju stipulata”;

F'paġna 172, l-Anness XII, il-Parti B, il-punt 4, l-Artikolu 4(3):

minflok:

“3.   Qbil mal-limiti dwar volumi li joħorġu mill-ftehim konklużi skond l-Artikolu 228 tat-Trattat ikun żgurat a bażi taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni maħruġa għall-perjodi referenzjali li hemm ipprovdut għalihom hemm u applikabbli għall-prodotti konċernati. Fejn jidħol il-qbil mal-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-Ftehim dwar l-Agrikoltura, it-tmiem ta’ perjodu referenzjali ma jkunx jaffettwa l-validità ta’ liċenza ta’ esportazzjoni.”,

aqra:

“3.   Fejn hemm bżonn, il-metodu ta' mamministrazzjoni għandu jikkunsidra l-bżonnijiet tal-provista tas-suq Komunitarju tal-bżonn li jinżamm equilibrium u jista' jkun bbażat fuq metodi użati fil-passat għall-kwoti simili għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1, mingħajr ħsara għad-drittijiet li ġejjin mill-ftihimiet konklużi matul il- Uruguay Round tan-negozjati kummerċjali multilaterali.”.