ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.093.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 93

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
7 ta' April 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 277/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni ( 1 )

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jemenda l-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ( 1 )

11

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 280/2009 tas-6 ta' April 2009 li jemenda l-Annessi I, II, III u IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

13

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 281/2009 tas-6 ta' April 2009 li jissospendi l-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq ċerti kwantitajiet taz-zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2009/2010

20

 

 

III   Atti adottati skont it-Trattat tal-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TAL-UE

 

*

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/314/PESK tas-6 ta’ April 2009 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK

21

 

 

ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU VI TAT-TRATTAT TAL-UE

 

*

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

23

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

33

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 277/2009

tas-6 ta’ April 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-7 ta’ April 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

JO

88,9

MA

46,8

SN

208,5

TN

134,4

TR

105,6

ZZ

116,8

0707 00 05

JO

155,5

MA

51,1

TR

137,9

ZZ

114,8

0709 90 70

JO

249,0

MA

85,2

TR

107,3

ZZ

147,2

0709 90 80

EG

60,4

ZZ

60,4

0805 10 20

CN

39,7

EG

41,3

IL

58,5

MA

48,9

TN

48,8

TR

63,8

ZZ

50,2

0805 50 10

TR

64,3

ZZ

64,3

0808 10 80

AR

86,7

BR

78,8

CA

110,7

CL

88,3

CN

81,0

MK

24,7

NZ

93,9

US

122,4

UY

57,0

ZA

77,2

ZZ

82,1

0808 20 50

AR

90,5

CL

100,4

CN

59,2

UY

52,8

ZA

102,2

ZZ

81,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 278/2009

tas-6 ta’ April 2009

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għat-titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż żejda.

(2)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżura implimentattiva għal apparat tal-uffiċċju u prodotti elettroniċi għall-konsumaturi.

(3)

Spiss, l-apparat tal-uffiċċju u prodotti elettroniċi għall-konsumaturi jkunu mqabbdin ma’ provvisti tal-elettriku esterni (EPS) li jbiddlu l-elettriku mis-sors tal-elettriku tal-mains. L-effiċjenza li biha l-provvisti tal-elettriku esterni jibdlu l-kurrent huwa aspett importanti għall-prestazzjoni tal-użu tal-enerġija ta’ prodotti ta’ dan it-tip, u għalhekk, il-provvisti tal-elettriku esterni huma wieħed mill-gruppi ta’ prodotti prijoritarji li jeħtieġu li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ ekodisinn għalihom.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-provvisti tal-elettriku esterni. L-istudju sar flimkien mal-partijiet interessati mill-Komunità u minn pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(5)

Fl-istudju ta’ tħejjija ġie ddikjarat li l-provvisti tal-elettriku esterni jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità fi kwantitajiet kbar, fejn l-aktar aspett ambjentali sinifikanti f’kull stadju taċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom huwa l-konsum annwali ta’ enerġija, u l-konsum annwali ta’ elettriku tagħhom minħabba telf fil-konverżjoni tal-elettriku u f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija li jammonta għal 17 TWh, li jfisser 6.8 Mt ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Jekk ma jittieħdux miżuri, fis-sena 2020, dan il-konsum mistenni li jiżdied għal 31 TWh. Ġie konkluż li l-konsum tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu jistgħu jiġu mtejbin b’mod sinifikanti.

(6)

It-titjib fil-konsum tal-elettriku minn provvisti tal-elettriku esterni għandu jseħħ bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti bla sjieda li jkunu effikaċi f’termini ta’ spejjeż u li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż totali tax-xiri u tħaddim tal-provvisti tal-elettriku esterni.

(7)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku għall-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni fil-Komunità kollha, u b’hekk jagħtu kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

(8)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn ma għandhomx iħallu impatti negattivi fuq il-funzjonalità tal-prodott u ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa, is-sigurezza jew l-ambjent. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis ta’ konsum tal-elettriku waqt il-fażi tal-użu għandhom ipattu bil-kbir għall-impatti potenzjali ambjentali addizzjonali waqt il-fażi tal-produzzjoni.

(9)

Id-dħul fis-seħħ f’żewġ stadji tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandu jipprovdi qafas ta’ żmien xieraq biex il-manifatturi jiddisinjaw il-prodotti mill-ġdid. L-iffissar taż-żmien ta’ meta jibdew iż-żewġ stadji għandu jkun b’tali mod li l-impatti negattivi tal-funzjonalità tal-apparat fis-suq jiġu evitati, u l-impatti tal-ispejjeż għall-manifatturi, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jiġu meqjusa, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f’waqtha tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kejl tal-konsum tal-enerġija għandu jsir b’konsiderazzjoni għall-aħħar teknoloġija disponibbli ġeneralment rikonoxxuta. Il-manifatturi jistgħu japplikaw standards armonizzati stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/32/KE.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji li jtejbu l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ provvisti tal-elettriku esterni, li għandu jwassal għal iffrankar fl-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 118 PJ u għal iffrankar ta’ 9 TWh sal-2020, rispettivament, kif imqabbel ma’ sitwazzjoni fejn ma jittieħdu l-ebda miżuri.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika li l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità huma l-kontroll tad-disinn intern stipulat fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE u s-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE

(12)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2005/32/KE dwar il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv u l-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija.

(13)

Għandhom jiġu identifikati punti ta’ referenza għal teknoloġiji disponibbli attwalment li għandhom effiċjenza attiva għolja u konsum baxx tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija. Dan għandu jgħin biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà wiesgħa tal-informazzjoni, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji ta’ disinn biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.

(14)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija minn provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx jindirizzaw l-istess parametri ta’ impatt ambjentali bħar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-istat ta’ meta apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx ikunu mitfija. Peress li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ta’ provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx għandhom ikunu aktar esiġenti mir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-istat ta’ meta apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx ikunu mitfija, ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija waqt li apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju jkunu fuq standby inkella mitfija (2), ma għandhomx japplikaw għal apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx. Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

convertors tal-vultaġġ;

(b)

provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni;

(c)

chargers tal-batteriji;

(d)

convertors tat-tidwil aloġenu;

(e)

provvisti tal-elettriku esterni għal apparat mediku;

(f)

provvisti tal-elettriku esterni li jitqiegħdu fis-suq sat-30 ta’ Ġunju 2015 bħala part għas-service jew spare part ta’ provvista tal-elettriku esterna identika li titqiegħed fis-suq sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li l-part għas-service jew spare part, jew l-ippakkeġġar tagħha, ikunu jindikaw b’mod ċar il-prodott(i) ta’ tagħbija primarja li għalih/om tkun intiża l-part għas-service jew l-ispare part.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/32/KE għandhom japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“provvista tal-elettriku esterna” tfisser mezz li jissodisfa dawn il-kriterji kollha:

(a)

hija ddisinjata biex tibdel l-input ta’ enerġija elettrika b’kurrent alternanti (AC) mis-sors ta’ elettriku tal-mains għal output ta’ vultaġġ aktar baxx b’kurrent dirett (DC) jew AC.

(b)

tista’ tibdel għal output ta’ vultaġġ b’DC jew AC wieħed biss kull darba;

(c)

hija maħsuba li tintuża ma’ apparat separat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja;

(d)

tkun magħluqa f’għeluq fiżiku separat mill-apparat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja;

(e)

titqabbad mal-apparat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja permezz ta’ konnessjoni elettrika maskili/femminili, kejbil, fil jew wajer ieħor li huwa permanenti jew li jista’ jinqala’;

(f)

ikollha potenza output nameplate ta’ mhux aktar minn 250 Watts;

(g)

tkun maħsuba li se tintuża ma’ apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008.

(2)

“provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ baxx” tfisser provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ output nameplate ta’ inqas minn 6 Volts u b’kurrent output nameplate ta’ 550 milliamperes jew aktar;

(3)

“Convertor ta’ tidwil aloġenu” tfisser provvista tal-elettriku esterna li tintuża b’lampi tungstenu-aloġenu ta’ vultaġġ baxx ħafna;

(4)

“provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni” tfisser apparat li jipprovdi enerġija elettrika backup b’mod awtomatiku meta l-vultaġġ tal-enerġija elettrika mis-sors tal-elettriku tal-mains jaqa’ għal livell baxx li ma jkunx aċċettabbli;

(5)

“charger tal-batteriji” tfisser apparat li jista’ jiġi mqabbad direttament mal-output interface ta’ batterija li tinqala’;

(6)

“convertor tal-vultaġġ” tfisser apparat li jbiddel l-output ta’ 230 V mis-sors tal-elettriku tal-mains għal output ta’ 110 V b’karatteristiċi simili għal dawk tal-output tas-sors tal-elettriku tal-mains;

(7)

“potenza output nameplate” (PO) tfisser il-potenza output kif speċifikata mill-manifattur;

(8)

“kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mains, iżda l-output ma jkunx imqabbad ma xi tagħbija primarja;

(9)

“stat attiv” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mains, u l-output ikun imqabbad ma’ xi tagħbija;

(10)

“effiċjenza tal-istat attiv” tfisser il-proporzjon tal-potenza prodotta minn provvista tal-elettriku esterna fl-istat attiv, mal-potenza input meħtieġa biex tiġi prodotta;

(11)

“medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv” tfisser il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv f’potenzi ta’ 25 %, 50 %. 75 % u 100 % tal-potenza output nameplate.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn li jikkonċernaw il-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni li jitqiegħdu fis-suq huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema għall-kontroll tad-disinn intern stabbilita fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE jew is-sistema ta’ ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għandhom isiru kontrolli ta’ sorveljanza skont il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 6

Punti ta’ Referenza indikattivi

Il-punti ta’ referenza indikattivi għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni, li huma disponibbli bħalissa fis-suq huma identifikati fl-Anness III.

Artikolu 7

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard minn 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwah fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni.

Artikolu 8

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-tieni paragrafu li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 1:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħed fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx.”

(2)

Il-punt 9 li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 2:

“9.

‘provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ baxx’ tfisser provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ output nameplate ta’ inqas minn 6 Volts u b’kurrent output nameplate ta’ 550 milliamperes jew aktar.”

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 1(a) tal-Anness I għandu jibda japplika minn sena wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Il-punt 1(b) tal-Anness I għandu jibda japplika minn sentejn wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45.


ANNESS I

REKWIŻITI TAL-EKODISINN

1.   IL-KONSUM TAL-ENERĠIJA F’KUNDIZZJONI TA’ MINGĦAJR TAGĦBIJA U L-MEDJA TAL-EFFIĊJENZI TAL-ISTAT ATTIV

(a)

Sena wara li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament:

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma għandux ikun ogħla minn 0.50 Watt.

Il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ma għandhiex tkun inqas minn:

 

0,500 · PO, għal PO < 1,0 W;

 

0,090 · ln(PO) + 0,500, għal 1,0 W ≤ PO ≤ 51,0 W;

 

0,850, għal PO > 51,0 W.

(b)

Sentejn wara li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament:

 

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma għandux ikun ogħla minn dawn il-limiti:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni AC-DC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

PO ≤ 51,0 W

0,50 W

0,30 W

0,30 W

PO > 51,0 W

0,50 W

0,50 W

mhux applikabbli

 

Il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ma għandhiex tkun inqas minn dawn il-limiti:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC u AC-DC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

PO ≤ 1,0 W

0,480 · PO + 0,140

0,497 · PO + 0,067

1,0 W < PO ≤ 51,0 W

0,063 · ln(PO) + 0,622

0,075 · ln(PO) + 0,561

PO > 51,0 W

0,870

0,860

2.   KEJL

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv imsemmija fil-Punt 1 għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis l-aħħar teknoloġiji disponibbli ġeneralment rikonoxxuti.

Il-kejl ta’ enerġija ta’ 0,50 W jew aktar għandu jsiru b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Il-kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0,50 W għandu jsir b’inċertezza ta’ 0,01 W jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

3.   INFORMAZZJONI LI TRID TINGĦATA MILL-MANIFATTURI

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 4, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dawn l-elementi:

Kwantità

Deskrizzjoni

Kurrent Output (mA) f’medja kwadratika (RMS)

Imkejlin f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Vultaġġ Output RMS(V)

Potenza Attiva Output (W)

Vultaġġ Input RMS (V)

Imkejlin f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 5

Potenza Input RMS (W)

Distorsjoni Armonika Totali (THD)

Fattur ta’ Potenza Reali

Konsum ta’ Enerġija (W)

Ikkalkulat f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 – 4, Imkejjel fil-Kundizzjoni ta’ Tagħbija 5

Effiċjenza

Imkejla f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Effiċjenza Medja

Il-Medja Aritmetika tal-Effiċjenza f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija rilevanti huma dawn:

Perċentwali tal-Kurrent Output Nameplate

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 1

100 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 2

75 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 3

50 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 4

25 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 5

0 % (kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija)


ANNESS II

PROĊEDURA TA’ VERIFIKAZZJONI

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

1.

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

2.

Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, jekk:

(a)

ir-riżultat għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma jkunx ogħla mill-valur tal-limitu applikabbli stabbilit fl-Anness I b’aktar minn 0.10 W; u

(b)

il-medja aritmetika tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4 kif definiti fl-Anness I ma tkunx aktar baxxa mill-valur tal-limitu applikabbli għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv b’aktar minn 5 %.

3.

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) u (b) ma jintlaħqux, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell.

4.

Wara li jkunu ġew ittestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell, il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti jekk:

(a)

il-medja tar-riżultati għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma jkunx aktar baxx mill-valur tal-limitu applikabbli stabbilit fl-Anness I b’aktar minn 0.10 W; u

(b)

il-medja tal-medji aritmetiċi tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4 kif definiti fl-Anness I ma tkunx aktar baxxa mill-valur tal-limitu applikabbli għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv b’aktar minn 5 %.

5.

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4(a) u (b) ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi mar-rekwiżiti.


ANNESS III

PUNTI TA’ REFERENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6

(a)   Kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija

L-aktar konsum tal-elettriku baxx disponibbli għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija minn provvisti tal-elettriku estern jista’ jiġi approssimat hekk:

0,1 W jew inqas, għal PO ≤ 90 Ws,

0,2 W jew inqas, għal 90 Ws < PO ≤ 150 Ws,

0,4 W jew inqas, għal 150 Ws < PO ≤ 180 Ws,

0,5 W jew inqas, għal PO > 180 Ws.

(b)   Medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv

L-aħjar medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv disponibbli ta’ provvisti tal-elettriku esterni, skont l-aktar dejta reċenti disponibbli (is-sitwazzjoni f’Jannar 2008) tista’ tiġi approssimata hekk:

0,090 · ln(PO) + 0,680, għal 1,0 W ≤ PO ≤ 10,0 Ws,

0,890, għal PO > 10,0 W.


7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 279/2009

tas-6 ta’ April 2009

li jemenda l-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(c)(ii) tagħha,

Billi:

(1)

Is-Slovakkja ressqet talba motivata biex issir emenda fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE. Talbet li tiżdied il-professjoni ta’ tekniku dentali (“zubný technik”), li tissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti bl-Artikolu 11(c)(ii) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif huwa evidenti mir-Regolament tal-Gvern Nru 742/2004 Coll. dwar il-kwalifiki professjonali tal-professjonisti tas-saħħa.

(2)

Id-Danimarka ressqet talba motivata biex isiru emendi fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE. Talbet li mill-Anness II għad-Direttiva 2003/36/KE titneħħa l-professjoni ta’ optometrista (“optometrist”) li l-livell tagħha ntrefa’ għal dak ta’ diploma, kif provdut bl-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2005/36/KE, u li għalhekk ma jaqdix ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(c)(ii) ta’ dik id-Direttiva. Id-Danimarka talbet ukoll li mill-Anness II għad-Direttiva 2003/36/KE jitneħħew il-professjonijiet ta’ tekniku tal-ortopedija (“ortopædimekaniker”) u ta’ skarpan taż-żraben u l-butz ortopediċi (“ortopædiskomager”), li ma għadhomx regolati fid-Danimarka.

(3)

Id-Direttiva 2005/36/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS

L-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE huwa emendat kif ġej:

1.

Fil-punt 1, taħt l-intestatura “fis-Slovakkja” għandu jiżdied dan li ġej:

“—

tekniku dentali (‘zubný technik’),

li tirrappreżenta edukazzjoni u taħriġ ta’ għall-anqas 14-il sena, inklużi 8 jew 9 snin ta’ edukazzjoni primarja, 4 snin ta’ edukazzjoni sekondarja u warajhom sentejn edukazzjoni postsekondarja fi skola sekondarja tal-kura tas-saħħa, ikkompletati b’eżami teoretiku u prattiku fil-livell taċ-Ċertifikat Ġenerali tal-Edukazzjoni (‘maturitné vysvedčenie’).”

(2)

Fil-punt 2, għandhom jitħassru l-intestatura “fid-Danimarka” kif ukoll l-entrati għad-Danimarka.


7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 280/2009

tas-6 ta' April 2009

li jemenda l-Annessi I, II, III u IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 74 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jelenka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikoli 3(2) u 4(2) tar-Regolament. L-Anness II fih listi ta’ qrati jew awtoritajiet kompetenti li għandhom ġurisdizzjoni fl-Istati Membri biex jittrattaw l-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ li sentenza hija eżegwibbli. L-Anness III jelenka l-qrati li fihom jistgħu jiġu preżentati appelli kontra deċiżjonijiet dwar dikjarazzjoni ta’ li sentenza hija eżegwibbli, u l-Anness IV jelenka l-proċeduri finali tal-appell kontra dawn id-deċiżjonijiet.

(2)

L-Annessi I, II, III u IV għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 kienu emendati ħafna drabi, l-aħħar darba permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (2) sabiex jinkludu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali, il-listi tal-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti u l-proċeduri ta’ rimedji tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

(3)

L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar emendi addizzjonali għal-listi li jinsabu fl-Annessi I, II, III u IV. Għalhekk jidher xieraq li jiġu ppubblikati verżjonijiet ikkonsolidati tal-listi li jinsabu f’dawn l-Annessi.

(4)

Id-Danimarka, skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3), m’għandhiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ emendi għar-Regolament Brussell I u dawn l-emendi m’għandhomx jorbtu jew ikunu applikabbli għad-Danimarka.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I sa IV tar-Regolament (KE) Nru.44/2001 qed jiġu sostitwiti bl-Annessi li jikkorrispondu għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.


ANNESS I

Regoli ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4(2)

fil-Belġju: l-Artikoli 5 sa 14 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 dwar id-dritt internazzjonali privat,

fil-Bulgarija: l-Artikolu 4(1)(2) tal-Kodiċi tal-Dritt Internazzjonali Privat,

fir-Repubblika Ċeka: l-Artikolu 86 tal-Att Nru 99/1963 Coll, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (obèanský soudní øád), kif emendat,

fil-Ġermanja: l-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung),

fl-Estonja: l-Artikolu 86 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik),

fil-Greċja, l-Artikolu 40 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Κώδικας Πολιτικής Δικονομίας),

fi Franza: l-Artikoli 14 u 15 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil),

fl-Irlanda: ir-regoli li jawtorizzaw ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dokument li jiftaħ il-proċedimenti li jkun ġie notifikat lill-konvenut matul il-preżenza temporanja tiegħu fl-Irlanda,

fl-Italja: l-Artikoli 3 u 4 tal-liġi 218 tal-31 ta’ Mejju 1995,

f’Ċipru: it-Taqsima 21(2) tal-Liġi tal-Qorti tal-Ġustizzja Nru 14 tal-1960, kif emendata,

fil-Latvja: it-Taqsima 27 u l-paragrafi 3, 5, 6, u 9 tat-Taqsima 28 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums),’

fil-Litwanja: l-Artikolu 31 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas),

fil-Lussemburgu: l-Artikoli 14 u 15 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil),

fl-Ungerija: l-Artikolu 57 tad-Digriet Liġi Nru. 13 tal-1979 dwar Dritt Internazzjonali Privat (a nemzetközi magánjogról szóló 1979. évi 13. törvényerejű rendelet),

f’Malta: l-Artikoli 742, 743 u 744 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap.12 (Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap.12) u l-Artikolu 549 tal-Kodiċi tal-Kummerċ – Kap.13 (Kodiċi tal-Kummerċ – Kap.13),

fl-Awstrija: l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar il-Ġurisdizzjoni tal-Qorti (Jurisdiktionsnorm),

fil-Polonja: l-Artikoli 1103 u 1110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kodeks postępowania cywilnego), safejn jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq il-bażi tar-residenza tal-konvenut fil-Polonja, il-pussess mill-konvenut ta’ propjetà fil-Polonja jew il-jedd tiegħu għal drittijiet ta’ propjetà fil-Polonja, il-fatt li s-suġġett tat-tilwima jkun lokalizzat fil-Polonja u l-fatt li wieħed mill-partijiet huwa ċittadin mill-Polonja,

fil-Portugall: l-Artikolu 65 u l-Artikolu 65 A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil) u l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura tax-Xogħol (Código de Processo de Trabalho),

fir-Rumanija: l-Artikoli 148-157 tal-Liġi Nru. 105/1992 dwar ir-Relazzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Privat,

fis-Slovenja: l-Artikolu 48(2) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura (Zakon o medarodnem zasebnem pravu in postopku) in relazzjoni mal-Artikolu 47(2) tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku) u l-Artikolu 58 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura (Zakon o medarodnem zasebnem pravu in postopku) in relazzjoni mal-Artikolu 59 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku),

fis-Slovakkja: l-Artikolu 37 sa 37e tal-Att Nru 97/1963 dwar il-Dritt Internazzjonali Privat u r-Regoli ta’ Proċedura relatati magħhom,

fil-Finlandja: it-tieni, it-tielet u r-raba’ sentenzi tal-ewwel paragrafu tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 10 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (oikeudenkäymiskaari/rättegångsbalken),

fl-Iżvezja: l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3 ta’ Kapitolu 10 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken),

fir-Renju Unit: ir-regoli li jippermettu li l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq:

(a)

id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti li ġie notifikat lill-konvenut waqt il-preżenza temporanja tiegħu fir-Renju Unit; jew

(b)

il-preżenza fir-Renju Unit ta’ propjetà li tappartjeni lill-konvenut; jew

(c)

is-sekwestru mill-attur ta’ propjetà li tinsab fir-Renju Unit.


ANNESS II

Il-qrati jew awtoritajiet kompetenti li dwarhom l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 39 tista’ tkun sottomessa huma dawn li ġejjin:

fil-Belġju, it-“tribunal de première instance”jew “rechtbank van eerste aanleg” jew “erstinstanzliches Gericht”,

fil-Bulgarija, l-“окръжния съд”,

fir-Repubblika Ċeka, l-“okresní soud” jew “soudní exekutor”,

fil-Ġermanja,

(a)

l-imħallef li jippresjedi awla tal-“Landgericht”;

(b)

nutar f’proċedura ta’ dikjarazzjoni tal-eżegwibbilità ta’ strument awtentiku,

fl-Estonja, l-“maakohus” (qorti tal-kontea),

fil-Greċja, il-“Μονομελές Πρωτοδικείο”,

fi Spanja, il-“Juzgado de Primera Instancia”,

fi Franza:

(a)

il-“greffier en chef du tribunal de grande instance”;

(b)

il-“président de la chambre départementale des notaires” fil-każ ta’ applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ kif jista’ jiġi nfurzat instrument awtentiku notarili.

fl-Irlanda, il-“High Court”,

fl-Italja, il-“corte d’appello”,

f’Ċipru, il-“Επαρχιακό Δικαστήριο” jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment il-“Οικογενειακό Δικαστήριο”,

fil-Latvja, il-“rajona (pilsētas) tiesa”,

fil-Litwanja, il-“Lietuvos apeliacinis teismas”,

fil-Lussemburgu, l-imħallef li jippresjedi t-“tribunal d’arrondissement”,

fl-Ungerija, il-“megyei bíróság székhelyén működő helyi bíróság”, u f’Budapest il-“Budai Központi Kerületi Bíróság”,

f’Malta, il-“Prim Awla tal-Qorti Ċivili”, jew “Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha”, jew, fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, ir-“Reġistratur tal-Qorti” wara trażmissjoni mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja,

fl-Olanda, il-“voorzieningenrechter van de rechtbank”,

fl-Awstrija, il-“Bezirksgericht

fil-Polonja, il-“sąd okręgowy”,

fil-Portugall, it-“Tribunal de Comarca”,

fir-Rumanija, it-“Tribunal”,

fis-Slovenja, il-“okrožno sodišče”,

fis-Slovakkja, “okresný súd”,

fil-Finlandja, il-“käräjäoikeus/tingsrätt”,

fl-Iżvezja, il-“Svea hovrätt”,

fir-Renju Unit:

(a)

fl-Ingilterra u Wales, il-High Court of Justice, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates Court wara trażmissjoni mis-Segretarju tal-Istat;

(b)

fl-Iskozja, il-Court of Session, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, ix-Sheriff Court wara trażmissjoni mis-Segretarju tal-Istat;

(c)

fl-Irlanda ta’ Fuq, il-High Court of Justice, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates Court wara trażmissjoni mis-Segretarju tal-Istat;

(d)

f’Ġibiltà, is-Supreme Court of Gibraltar, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates Court wara trażmissjoni mill-Avukat Ġenerali ta’ Ġibiltà.


ANNESS III

Il-qrati li lihom l-appelli msemmija fl-Artikolu 43(2) jistgħu ikunu ppreżentati huma dawn li ġejjin:

fil-Belġju,

(a)

fil-każ ta’ appell mill-konvenut, it-“tribunal de première instance” jew “rechtbank van eerste aanleg” jew “erstinstanzliche Gericht”,

(b)

fil-każ ta’ appell mill-applikant: il-“Cour d’appel” jew “hof van beroep”,

fil-Bulgarija, l-“Апелативен съд – София”,

fir-Repubblika Ċeka, il-qorti tal-appell permezz tal-qorti tad-distrett,

fil-Ġermanja, l-“Oberlandesgericht”,

fl-Estonja, ir-“ringkonnakohus”,

fil-Greċja il-“Εφετείο”,

fi Spanja, “Juzgado de Primera Instancia” li ta d-deċiżjoni kkontestata, bl-appell li jiġi deċiż mill-“Audiencia Provincial”,

fi Franza:

(a)

il- dwar deċiżjonijiet li jilqgħu r-rikors,

(b)

l-imħallef li jippresjedi tat-“tribunal de grande instance” dwar deċiżjonijiet li ma jilqgħux ir-rikors,

fl-Irlanda, il-“High Court”,

fl-Iżlanda, il-“heradsdomur”,

fl-Italja, il-“corte d’appello”,

f’Ċipru, il-“Επαρχιακό Δικαστήριο” jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment il-“Οικογενειακό Δικαστήριο”,

fil-Latvja, il-“Apgabaltiesa” permezz tal-“rajona (pilsētas) tiesa”,

fil-Litwanja, il-“Lietuvos apeliacinis teismas”,

fil-Lussemburgu, il-“Cour supérieure de justice” bħala qorti tal-appell ċivili,

fl-Ungerija, il-qorti lokali li tinsab fis-sede tal-qorti tal-kontea (f’Budapest, il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta’ Buda); l-appell jiġi deċiż mill-qorti tal-kontea (f’Budapest, il-Qorti tal-Kapital),

f’Malta, il-“Qorti ta' l-Appell” skont il-proċedura stabbilita għall-appelli fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili - Kap.12 jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment permezz ta’ “ċitazzjoni” quddiem il-“Prim' Awla tal-Qorti ivili jew il-Qorti tal-Maġistrati ta' Għawdex fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha”,

fl-Olanda,

(a)

għall-konvenut: l-“arrondissementsrechtbank”,

(b)

għall-applikant: l-“gerechtshof”,

fl-Awstrija, il-“Landesgericht” permezz tal-“Bezirksgericht”,

fil-Polanja, il-“sąd apelacyjny”permezz tal-“sąd okręgowy”,

fil-Portugall, it-“Tribunal da Relação” hu l-qorti kompetenti. L-appelli jiġu ppreżentati, skont il-liġi nazzjonali fis-seħħ, permezz ta’ talba indirizzata lill-qorti li ħarġet id-deċiżjoni kkontestata,

fir-Rumanija, il-“Curte de Apel”,

fis-Slovenja, l-“okrožno sodišče”,

fis-Slovakkja, il-qorti tal-appell permezz tal-qorti tad-distrett li d-deċiżjoni tagħha qed tiġi appellata

fil-Finlandja, il-“hovioikeus/hovrätt”,

fl-Iżvezja, is-“Svea hovrätt”,

fir-Renju Unit:

(a)

fl-Ingilterra u Wales, il-High Court of Justice, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates' Court;

(b)

fl-Iskozja, il-Court of Session, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, ix-Sheriff Court;

(c)

fl-Irlanda ta’ Fuq, il-High Court of Justice, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates' Court;

(d)

f’Ġibiltà, is-Supreme Court of Gibraltar, jew fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment, il-Magistrates' Court.


ANNESS IV

L-appelli li jistgħu jkunu ppreżentati bis-saħħa tal-Artikolu 44 huma dawn li ġejjin:

fil-Belġju, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda, b’appell fil-kassazzjoni,

fil-Bulgarija, “обжалване пред Върховния касационен съд”,

fir-Repubblika Ċeka, “dovolání” u “žaloba pro zmatečnost”,

fil-Ġermanja, “Rechtsbeschwerde”,

fl-Estonja, “kassatsioonikaebus”,

fl-Irlanda, appell fuq punt ta’ liġi lis-Supreme Court,

fl-Iżlanda, appell lill-“Hæstiréttur”,

f’Ċipru, appell lis-Supreme Court,

fil-Latvja, appell lill-“Augstākās tiesas Senāts” permezz tal-“Apgabaltiesa”,

fil-Litwanja, appell lill-“Lietuvos Aukščiausiasis Teismas”,

fl-Ungerija, “felülvizsgálati kérelem”,

f’Malta, m’hemm l-ebda appell lil qorti oħra; fil-każ ta’ sentenza ta’ manteniment il-“Qorti tal Appell” skont il-proċedura stabbilita għall-appell fil-“Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap. 12”,

fl-Awstrija, “Revisionsrekurs”,

fil-Polonja, “skarga kasacyjna”,

fil-Portugall, appell fuq punt ta’ liġi,

fir-Rumanija, “contestatie in anulare” jew “revizuire”,

fis-Slovenja, appell lill-“Vrhovno sodišče Republike Slovenije”,

fis-Slovakkja, id-“dovolanie”,

fil-Finlandja, appell lill-“korkein oikeus/högsta domstolen”,

fl-Isvezja, appell lill-“Högsta domstolen”,

fir-Renju Unit, appell waħdieni ulterjuri fuq punt ta’ liġi.


7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 281/2009

tas-6 ta' April 2009

li jissospendi l-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq ċerti kwantitajiet taz-zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2009/2010

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 142, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, sabiex jiġu ggarantiti l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 62(2) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tissospendi, għal kollox jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni għal ċerti kwantitajiet ta' zokkor.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 62(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jkunu disponibbli bi prezz li jikkorrispondi mal-prezz tas-suq dinji, is-sospensjoni sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq iz-zokkor maħsubgħall-produzzjoni ta' dawk il-prodotti hija fl-interess tal-Komunità għas-sena tas-suq 2009/2010, għal kwantità li tikkorispondi ma’ nofs il-ħtiġijiet tagħha taz-zokkor industrijali.

(3)

Għalhekk, il-kwantitajiet tal-importazzjoni taz-zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2009/2010 għandhom jiġu stabbiliti skont dan.

(4)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ta l-ebda opinjoni fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għas-sena tas-suq 2009/2010, is-sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni għandha tiġi applikata għal kwantità ta' 400 000 tunnellata zokkor industrijali li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.


III Atti adottati skont it-Trattat tal-UE

ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TAL-UE

7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/21


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2009/314/PESK

tas-6 ta’ April 2009

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (1).

(2)

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus (2) estendiet il-miżuri restrittivi previsti bil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK sat-13 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Belarus, bl-eċċezzjoni ta’ dawk involuti fl-isparizzjonijiet li seħħew fl-1999 u fl-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, ġew sospiżi sat-13 ta’ April 2009.

(3)

Sabiex jiġu inkoraġġiti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ aktar miżuri konkreti favur id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Belarus, il-Kunsill qabel, fis-16 ta’ Marzu 2009, li filwaqt li l-miżuri restrittivi previsti bil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK ikunu estiżi għal sena minn dik id-data, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Belarus tinżamm għal perijodu ta’ disa’ xhur. Qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu, il-Kunsill ser iwettaq reviżjoni dettaljata tal-miżuri restrittivi b’kont meħud tas-sitwazzjoni fil-Belarus, u dment li jkun hemm aktar żviluppi pożittivi, huwa ser ikun lest jikkunsidra l-possibbiltà li jitneħħew il-miżuri restrittivi. Fi kwalunkwe ħin, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jerġa’ japplika r-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar jekk dawn ikunu neċessarji, fid-dawl tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Belarus fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

(4)

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK għandha għalhekk titħassar,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK hija b’dan estiża sal-15 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 2

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, safejn japplikaw għas-Sur Yuri Nikolaïevitch Podobed, huma b’dan sospiżi sal-15 ta’ Diċembru 2009.

2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)(c) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, huma b’dan sospiżi sal-15 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta mill-ġdid qabel il-15 ta’ Diċembru 2009 fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarus.

Artikolu 4

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK hija b’dan imħassra.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandu jkollha effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. POSPÍŠIL


(1)  ĠU L 101, 11.4.2006, p. 5.

(2)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 56.


ATTI ADOTTATI SKONT IT-TITOLU VI TAT-TRATTAT TAL-UE

7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/23


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/315/ĠAI

tas-26 ta’ Frar 2009

dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni u l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li tipprovdi liċ-ċittadini livell għoli ta' sigurezza fi ħdan iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-għan jippresupponi skambju bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 l-Kunsill, in linea mal-konkluzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, adotta programm ta' miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet f'materji kriminali (2). Din id-Deċiżjoni Qafas tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-miri previsti fil-miżura Nru 3 tal-programm, li tirrikjedi l-istabbiliment ta' formola standard bħal dik imfassla għall-korpi ta' Schengen, tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, għat-talbiet dwar rekords kriminali.

(3)

Il-Rapport Finali dwar l-ewwel eżerċizzju ta' valutazzjoni dwar assistenza legali reċiproka f'materji kriminali (3) talab lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri għat-trasferiment ta' dokumenti bejn l-Istati, bl-użu jekk meħtieġ, ta' formoli standard biex tiġi faċilitata l-assistenza legali reċiproka.

(4)

Il-bżonn li tittejjeb il-kwalità tal-iskambju ta' informazzjoni dwar kundanni ngħatat prijorità fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2004 u kienet imtennija mill-ġdid fil-Programm tal-Aja (4), adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, li appella għal skambju ta' informazzjoni akbar mir-reġistri nazzjonali ta' kundanni u skwalifiki. Dawn l-għanijiet huma riflessi fil-Pjan ta' Azzjoni adottat b'mod konġunt mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-2 u t-3 ta’ Ġunju 2005 bil-ħsieb li jitwettaq il-Programm tal-Aja.

(5)

Bil-ħsieb li jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar rekords kriminali, huma milqugħa proġetti żviluppati bil-mira li jinkiseb dan l-għan, inkluż il-proġett eżistenti għall-interkonnessjoni tar-reġistri kriminali nazzjonali. L-esperjenza miġbura minn dawn is-servizzi inkoraġġiet lill-Istati Membri biex itejbu aktar l-isforzi tagħhom u wriet l-importanza li jitkompla jiġi razzjonalizzat l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni dwar kundanni bejn l-Istati Membri.

(6)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija tweġiba għax-xewqat espressi mill-Kunsill fl-14 ta’ April 2005, wara l-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar l-iskambji ta' informazzjoni dwar kundanni u l-effett tagħhom fl-Unjoni Ewropea u mid-diskussjoni ġenerali sussegwenti dwar dawn. L-għan prinċipali tagħha huwa li ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kundanni u, fejn dawn huma imposti u rreġistrati fir-rekords kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna, dwar skwalifiki naxxenti minn kundanni kriminali ta' ċittadini tal-Unjoni.

(7)

L-applikazzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti permezz ta' din id-Deċiżjoni Qafas biss għat-trasmissjoni ta' informazzjoni meħudha minn rekords kriminali dwar persuni fiżiċi għandha tkun mingħajr ebda preġudizzju għat-twessigħ futur possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni rigward persuni ġuridiċi.

(8)

L-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra hija attwalment regolata mill-Artikoli 13 u 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Dawn id-dispożizzjonijiet m'humiex madanakollu suffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti preżenti tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'oqsma bħall-Unjoni Ewropea.

(9)

Bejn l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas għandha tissostitwixxi l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali. Minbarra l-obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna li jittrasmetti l-informazzjoni lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija kontra ċ-ċittadini tiegħu, li din id-Deċiżjoni Qafas tinkorpora u tiddefinixxi aktar, ġie introdott ukoll obbligu fuq l-Istati Membri taċ-ċittadinanza tal-persuna, li jaħżnu l-informazzjoni trasmessa, sabiex jiżguraw li jkunu kapaċi jwieġbu bis-sħiħ talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra.

(10)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbilità li l-awtoritajiet ġudizzjarji jitolbu direttament għal u jittrasmettu informazzjoni minn rekords kriminali skond l-Artikolu 13, flimkien tal-Artikolu 15(3), tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, stabbilita permezz tal-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (5).

(11)

It-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni ftit li xejn huwa utli jekk l-Istati Membri ma jkunux f'pożizzjoni li jieħdu kont tal-informazzjoni trasmessa. Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill adotta Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (6).

(12)

L-għan prinċipali tal-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju jinkiseb b'din id-deċiżjoni Qafas, peress li l-awtorità ċentrali ta' kull Stat Membru għandha tirrikjedi u tinkludi l-informazzjoni kollha provduta mir-rekords kriminali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna fl-estratt tagħha mir-rekords kriminali meta din twieġeb għat-talba mill-persuna konċernata. Il-konoxxenza tal-eżistenza ta' kundanna kif ukoll, fejn imposta u rreġistrata fir-rekord kriminali, ta' skwalifika naxxenti minnha, hija prerekwiżit biex tagħtihom effett skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-persuna tkun intenzjonata li twettaq attività professjonali relatata mas-superviżjoni tat-tfal. Il-mekkaniżmu stabbilit permezz ta' din id-deċizzjoni Qafas jimmira inter alia li jiġi żgurat li persuna kundannata b'reat sesswali kontra tfal, fejn ir-rekord kriminali ta' dik il-persuna fl-Istat Membru li jikkundanna jinkludi tali kundanna, u fejn imposta u rreġistrata fir-rekord kriminali, skwalifika naxxenti minnha, ma tkunx tista' taħbi din il-kundanna jew skwalifika bil-ħsieb li twettaq attività relatata mas-superviżjoni ta' tfal fi Stat Membru ieħor.

(13)

Din id-deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali trasmessa bejn l-Istati Membri bħala riżultat tal-implimentazzjoni tagħha. Regoli ġenerali eżistenti dwar il-protezzjoni ta' data personali proċessata fil-qafas ta' koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali huma kumplimentati bir-regoli stabbiliti f'din id-deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 tapplika għad-data personali ttrattata abbażi ta' din id-Deċiżjoni Qafas. Din id-Deċiżjoni Qafas tinkorpora wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/876/ĠAI tal-21 ta’ Novembru 2005 dwar l-iskambju tal-informazzjoni estratta mir-rekord kriminali (7), li jillimitaw l-użu li l-Istat Membru rikjedenti jista' jagħmel mill-informazzjoni mitluba. Din id-deċiżjoni Qafas tissupplementa tali dispożizzjonijiet b'regoli speċifiċi li japplikaw meta l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jibgħat informazzjoni dwar il-kundanni trasmessa lilu mill-Istat Membru li jikkundanna.

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas ma timmodifikax l-obbligi u l-prattika stabbilita f'relazzjoni ma' Pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, sakemm dak l-istrument jibqa' applikabbli.

(15)

Skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (84) 10 dwar ir-rekords kriminali u r-riabilitazzjoni ta' persuni kkundannati, l-għan prinċipali tal-istabbiliment ta' rekords kriminali huwa li jinforma lill-awtoritajiet responsabbli mis-sistema tal-ġustizzja kriminali dwar l-isfond ta' persuna soġġetta għal proċedimenti legali bil-ħsieb li tiġi adattata d-deċiżjoni li għandha tittieħed għas-sitwazzjoni partikolari. Peress li kull użu ieħor mir-rekords kriminali li jista' jikkomprometti l-possibbiltajiet ta' riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata għandu jkun limitat kemm jista' jkun, l-użu tal-informazzjoni trasmessa taħt din id-deċiżjoni Qafas għall-finijiet oħrajn li m'humiex proċedimenti kriminali jista' jiġi limitat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat mitlub l-informazzjoni u tal-Istat rikjedenti.

(16)

L-għan tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni lill-Istat Membru ta' ċittadinanza tal-persuna għall-iskop tal-ħażna u t-trasmissjoni mill-ġdid tagħha m'huwiex li jiġu armonizzati s-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali tal-Istati Membri. Din id-deċiżjoni Qafas ma tobbligax lill-Istat Membru li jikkundanna biex ibiddel is-sistema interna tiegħu ta' rekords kriminali rigward l-użu ta' informazzjoni għal skopijiet domestiċi.

(17)

It-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni ftit li xejn huwa utli jekk din l-informazzjoni ma tkunx tista' tinftiehem mill-Istat Membru li jirċeviha. Il-ftehim reċiproku jista' jikber permezz tal-ħolqien ta' “format Ewropew standardizzat” li jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni b'mod uniformi, elettroniku u li huwa faċilment tradott b'mezzi mekkaniċi. L-informazzjoni dwar kundanni trasmessa mill-Istat Membru li jikkundanna għandha tiġi hekk trasmessa fil-lingwi uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jikkundanna. Għandhom jittieħdu miżuri mill-Kunsill sabiex titwaqqaf is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni introdotta permezz ta' id-Deċiżjoni Qafas.

(18)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea minħabba li t-titjib fis-sistemi ta' trasmissjoni ta' informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri ma jistax jinkiseb b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri li jaġixxu b'mod unilaterali u jeħtieġ azzjoni koordinata fl-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa:

a)

li tiddefinixxi l-modi kif Stat Membru fejn tingħata kundanna kontra ċittadin ta' Stat Membru ieħor (l-“Istat Membru li jikkundanna”) jittrasmetti l-informazzjoni dwar tali kundanna lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata (l-“Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna”);

b)

li tiddefinixxi l-obbligi ta' ħżin għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u biex tispeċifika l-metodi li għandhom jiġu segwiti fit-tweġiba għal talba għal informazzjoni estratta mir-reġistri kriminali;

c)

li tistabbilixxi l-qafas għal sistema kompjuterizzata ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-kundanni bejn l-Istati Membri li għandha tinbena u tiġi żviluppata abbażi ta' din id-Deċiżjoni Qafas u d-deċiżjoni sussegwenti msemmija fl-Artikolu 11(4).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

a)

“kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali minn qorti kriminali kontra persuna fiżika rigward reat kriminali, sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet jiġu rreġistrati fir-rekords kriminali tal-Istat Membru li jikkundanna;

b)

“proċedimenti kriminali” tfisser l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess nnifsu u l-eżekuzzjoni tal-kundanna;

c)

“rekord kriminali” tfisser ir-reġistru jew ir-reġistri nazzjonali fejn jiġu rreġistrati l-kundanni skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Awtorità ċentrali

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċizjoni Qafas, kull Stat Membru għandu jindika awtorità ċentrali. Madankollu, għat-trasmissjoni tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 4 u għat-tweġibiet taħt l-Artikolu 7 għal talbiet imsemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jindika awtorità ċentrali waħda jew aktar.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni b'din l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali indikata skont il-paragrafu 1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Eurojust b'din l-informazzjoni.

Artikolu 4

Obbligi tal-Istat Membru li jikkundanna

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kundanni kollha mogħtija fit-territorju tiegħu jkunu akkumpanjati, meta provduti għar-rekord kriminali tiegħu, minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew iċ-ċittadinanzi tal-persuna kkundannata jekk din tkun ċittadin ta' Stat Membru ieħor.

2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha, kemm jista' jkun malajr, tinforma lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe kundanna mogħtija fit-territorju tiegħu kontra ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, kif reġistrati fir-rekord kriminali.

Jekk ikun magħruf li persuna kundannata tkun ċittadin ta' diversi Stati Membri, l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi trasmessa lil kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, anke jekk il-persuna kundannata tkun ċittadin tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ikkundannata.

3.   L-informazzjoni dwar tibdil jew tħassir sussegwenti ta' informazzjoni li tkun tinsab fir-rekords kriminali għandha tiġi trasmessa minnufih mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna.

4.   Kwalunkwe Stat Membru li jkun ipprovda informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 għandu jikkomunika lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, fuq it-talba ta' din tal-aħħar f'każijiet individwali, kopja tal-kundanni u l-miżuri sussigwenti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għalihom sabiex din tkun tista' tkkunsidra jekk dawn jirrikjedux xi miżura fuq livell nazzjonali.

Artikolu 5

Obbligi tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna

1.   L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha konformement mal-Artikolu 11 (1) u (2), taħżen l-informazzjoni kollha trasmessa taħt l-Artikolu 4(2) u (3), sabiex tkun tista' tittrasmettiha mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

2.   Kwalunkwe tibdil jew tħassir ta' informazzjoni trasmessa skont l-Artikolu 4 (3) għandha tinvolvi l-istess tibdil jew tħassir mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna fir-rigward tal-informazzjoni maħżuna skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7.

3.   Għall-fini ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7 l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' juża' biss l-informazzjoni li ġiet aġġornata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Talba għal informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta tintalab informazzjoni mir-rekord kriminali ta' Stat Membru bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali kontra persuna jew għal kwalunkwe għan ieħor minbarra proċedimenti kriminali, l-awtorità ċentrali ta' dak l-Istat Membru tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor biex l-informazzjoni u d-data relatata jiġu estratti mir-rekord kriminali.

2.   Meta persuna titlob informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn issir it-talba tista', konformement mal-liġi nazzjonali, tissottometti talba lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor għal informazzjoni u data relatata li għandhom jiġu estratti mir-rekord kriminali, sakemm li l-persuna kkonċernata hi jew kienet resident jew ċittadin tal-Istat Membru rikjedenti jew dak mitlub.

3.   Ġaladarba l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 11(7) tkun skadiet, kull meta persuna titlob lill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru li m'huwiex l-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna, informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn issir it-talba għandha tissottometti talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna biex tiġi estratta informazzjoni u data relatata mir-rekord kriminali sabiex hija tkun tista' tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li jiġi provdut lill-persuna kkonċernata.

4.   It-talbiet kollha mill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru għal informazzjoni estratta mir-rekord krminali għandhom jiġu sottomessi bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

Artikolu 7

Tweġiba għal talba għal informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna bil-għan li jittieħdu proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha tittrasmetti lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni, dwar:

(a)

kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u reġistrati fir-rekord kriminali;

(b)

il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha wara s-27 ta’ April 2012, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4, u maħżuna konformement mal-Artikolu 5(1) u (2);

(c)

il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra li ġew trasmessi lilha sas-27 ta’ April 2012, u reġistrati fir-rekords kriminali;

(d)

kwalunkwe kundanna mogħtija f'pajjiżi terzi u sussegwentament trasmessa lilha u reġistrata fir-rekord kriminali.

2.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għal kwalunkwe għan ieħor barra dak tal-proċedimenti kriminali, dik l-awtorità ċentrali għandha fir-rigward ta' kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u ta' kundanni mogħtija f'pajjiżi terzi, li ġew sussegwentement trasmessi lilha u reġistrati fir-rekords kriminali tagħha, twieġeb konformement mal-liġi nazzjonali tagħha.

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, li ġew trasmessi lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-aħħar għandha f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha tittrasmetti lill-Istat Membru rikjedenti l-informazzjoni li ġiet maħżuna konformement mal-Artikolu 5 (1) u (2) kif ukoll l-informazzjoni li ġiet trasmessa lil dik l-awtorità ċentrali sas-27 ta’ April 2012 u reġistati fir-rekord kriminali tagħha.

Meta tittrasmetti l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna tista' tinforma lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna li l-informazzjoni dwar il-kundanni mogħtija fl-Istat Membru li jissemma l-ewwel u trasmessa lill-awtorita' ċentrali tal-aħħar ma tistax tiġi trasmessa mill-ġdid għal ebda għan ħlief għal proċedimenti kriminali. F'dan il-każ, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha fir-rigward ta' tali kundanni tinforma, lill-Istat Membru rikjedenti liema Stat Membru ieħor kien ittrasmetta tali informazzjoni sabiex l-Istat Membru rikjedenti jkun jista' jissottometti talba direttament lill-Istat Membru li jikkundanna sabiex jikseb informazzjoni dwar dawk il-kundanni.

3.   Meta informazzjoni estratta mir-rekord kriminali tintalab mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna minn pajjiż terz, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna jista' jwieġeb rigward il-kundanni trasmessi minn Stat Membru ieħor iżda biss fil-limitazzjonijiet applikabbli għat-trasmissjoni tal-informazzjoni lil Stati Membri oħrajnkonformement mal-paragrafi 1 u 2.

4.   Meta informazzjoni estratta minn rekord kriminali tkun mitluba taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali ta' Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-Istat Membru mitlub għandu jittrasmetti informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna u dwar kundanni mogħtija kontra ċittadini ta' pajjiż terz u kontra persuni bla stat li tinsab fir-rekord kriminali tiegħu sa l-istess punt kif previst fl-Artikolu 13 tal-Konvezjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali.

5.   Ir-risposta għandha ssir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness. Din għandha tkun akkumpanjata b'lista ta' kundanni, kif previst fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 8

Skadenzi għal tweġibiet

1.   It-tweġibiet għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom jiġu trasmessi immedjatament mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru mitlub lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti u fi kwalunkwe każ f'mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tat-talba, kif previst mil-liġi nazzjonali, ir-regoli jew il-prattika, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness.

Meta l-Istat Membru mitlub ikun jeħtieġ aktar informazzjoni biex jidentifika l-persuna involuta fit-talba, dan għandu jikkonsulta immedjatament lill-Istat Membru rikjedenti bil-għan li jipprovdi risposta fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mid-data tal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali.

2.   It-tweġiba għat-talba msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tiġi trasmessa fi żmien għoxrin jum tax-xogħol mid-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 9

Kondizzjonijiet għall-użu ta’ data personali

1.   Data personali prevista fl-Artikolu 7(1) u (4) għall-għan ta' proċedimenti kriminali tista' tintuża biss mill-Istat Membru rikjedenti għall-għanijiet tal-proċedimenti kriminali għal liema din kienet mitluba kif speċifikat fil-formola stabbilita fl-Anness.

2.   Data personali taħt l-Artikolu 7(2) u (4) għal kwalunkwe għanijiet għajr dak tal-proċedimenti kriminali, tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti skond il-liġi nazzjonali tiegħu, biss għall-għanijiet għal liema din kienet mitluba u fil-limitazzjonijiet speċifikati mill-Istat mill-Istat Membru mitlub fil-forma stabbilita fl-Anness.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, data personali provduta taħt l-Artikolu 7(1), (2) u (4) tista' tintuża mill-Istat Membru rikjedenti biex tiġi evitata theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li data personali rċevuta minn Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 4, jekk trasmessa lil pajjiż terz skont l-Artikolu 7(3), tkun soġġetta għall-istess limitazzjonijiet ta' użu bħal dawk applikabbli fi Stat Membru rikjedenti konformement mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li data personali, jekk trasmessa lil pajjiż terz għall-għanijiet ta' proċediment kriminali, tista' tintuża ulterjorment minn dak il-pajjiż terz biss għall-għanijiet ta' proċedimenti kriminali.

5.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal data personali miksuba minn Stat Membru taħt din id-Deċiżjoni Qafas u li toriġina minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 10

Lingwi

Meta tiġi preżentata t-talba imsemmija fl-Artikolu 6(1), l-Istat Membru rikjedenti għandu jittrasmetti lill-Istat mitlub il-formola stabbilita fl-Anness fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru mitlub.

L-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata miż-żewġ Stati Membri.

Kull Stat Membru jista', fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deciżjoni Qafas jew f'data aktar tard, jindika, f'dikjarazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, liema huma l-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huwa jaċċetta. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri b'din l-informazzjoni.

Artikolu 11

Format u modi oħra ta' organizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iskambji ta' informazzjoni dwar kundanni

1.   Meta tiġi trasmessa informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3), l-awtorità ċentrali tal-Istat li jikkundanna għandha tittrasmetti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa dejjem, sakemm, f'każijiet individwali, tali informazzjoni mhix magħrufa mill-awtorità ċentrali (informazzjoni obbligatorja):

(i)

informazzjoni dwar il-persuna kkundannata (isem sħiħ, data tat-twelid, post tat-twelid (belt jew Stat), sess, ċittadinanza u – jekk applikabbli – isem/ismijiet preċedenti),

(ii)

informazzjoni dwar in-natura tal-kundanna (data tal-kundanna, isem tal-qorti, data li fiha d-deċiżjoni saret finali)

(iii)

informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għall-kundanna (data tar-reat li jwassal għall-kundanna u l-isem jew il-klassifikazzjoni legali tar-reat kif ukoll bħala referenza għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli), u

(iv)

informazzjoni dwar il-kontenuti tal-kundanna, (b'mod partikolari s-sentenza kif ukoll kwalunkwe pieni supplimentari, miżuri ta' sigurtà u deċiżjonijiet sussegwenti li jimmodifikaw l-infurzar tas-sentenza);

(b)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa jekk reġistrata fir-rekord kriminali (informazzjoni fakultattiva):

(i)

isem il-ġenituri tal-persuna kundannata,

(ii)

in-numru ta' referenza tal-kundanna,

(iii)

il-post tar-reat, u

(iv)

l-iskwalifiki li jirriżultaw mill-kundanna;

(ċ)

informazzjoni li għandha tiġi trasmessa, jekk disponibbli lill-awtorità ċentrali (informazzjoni addizzjonali):

(i)

in-numru tal-identità tal-persuna kundannata jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna,

(ii)

il-marki tas-swaba', li ttieħdu minn dik il-persuna, u

(iii)

jekk applikabbli, psewdonimu u/jew isem(ismijiet) xort'oħra.

Barra minn dan, l-awtorità ċentrali tista' tittrasmetti kwalunkwe informazzjoni oħra dwar kundanni jekk reġistrati fir-rekord kriminali.

2.   L-awtorità ċentrali tal-Istat taċ-ċittadinanza tal-persuna għandha taħżen l-informazzjoni kollha tat-tipi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, li hija rċeviet konformement mal-Artikolu 5(1) għall-iskop ta' trasmissjoni mill-ġdid konformement mal-Artikolu 7. Għall-istess skop hija tista' taħżen l-informazzjoni tat-tipi elenkati fil-paragrafu (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   Sakemm ma tkunx skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri li ma jkunux wettqu n-notifika msemmija fil-paragrafu 6 għandhom jittrasmettu l-informazzjoni kollha skont l-Artikolu 4, talbiet skont l-Artikolu 6, tweġibiet skont l-Artikolu 7 u informazzjoni rilevanti oħra bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub taħt il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru riċeventi biex jistabbilixxi l-awtentiċità tagħha.

Ladarba tkun skadiet l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jittramettu tali informazzjoni elettronikament bl-użu ta' format standardizzat.

4.   Il-format imsemmi fil-paragrafu 3 u kwalunkwe mezz ieħor ta' organizzazzjoni u faċilitazzjoni ta' skambji ta' informazzjoni dwar kundanni bejn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill konformement mal-proċeduri rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sas-27 ta’ April 2012.

Tali mezzi oħrajn jinkludu:

(a)

id-definizzjoni ta' kull mezz li bis-saħħa tiegħu jiġu ffaċilitati l-fehim tal-informazzjoni trasmessa u t-traduzzjoni awtomatika tagħha;

(b)

id-definizzjoni tal-mezzi bis-saħħa ta' liema l-informazzjoni tista' tiġi skambjata b'mod elettroniku, partikolarment fir-rigward ta' speċifikazzjoni teknika li għandha tintuża u, jekk meħtieġ, kwalunkwe proċedura ta' skambju applikabbli;

(ċ)

il-bidliet li jistgħu jsiru fil-formola stabbilita fl-Anness.

5.   F'każ ta' indisponibbiltà tal-mezz ta' trasmissjoni msemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jibqa' applikabbli għall-perijodu sħiħ ta' dan in-nuqqas ta' disponibbiltà.

6.   Kull Stat Membru għandu jwettaq il-bidliet tekniċi meħtieġa biex jippermettu l-użu tal-format standardizzat u għat-trasmissjoni tiegħu b'mezz elettroniku lil Stati Membri oħrajn. Dan għandu jinnotifika lill-Kunsill bid-data li minnha jkun jista' jwettaq tali trasmissjonijiet.

7.   L-Istati Membri għandhom jwettqu l-bidliet tekniċi msemmija fil-paragrafu 6 f'perijodu massimu ta' tliet snin mid-data tal-adozzjoni tal-format u tal-mezzi li bihom l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali tista' tiġi skambjata b'mod elettroniku.

Artikolu 12

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.   Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni Qafas tissupplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, il-Protokolli addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978 u tat-8 ta’ Novembru 2001, il-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001 (8).

2.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għad-dritt li jinvokaw bejniethom ir-riżervi tagħhom għall-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li wettqu l-miżuri neċessarji sabiex jkunu konformi ma' din id-Deċiżjoni Qafas u finalment b'effett mis-27 ta’ April 2012, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali, kif supplimentati bl-Artikolu 4 tal-Protokoll addizzjonali għal din il-Konvenzjoni tas-17 ta’ Marzu 1978.

4.   Id-Deċiżjoni 2005/876/ĠAI hija b'din imħassra.

5.   Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar favorevoli fi ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Istati Membri.

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas sas-27 ta’ April 2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Abbażi ta' dik l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha, sas-27 ta’ April 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas, akkumpanjat jekk ikun neċessarju minn proposti leġislattivi.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il–President

I. LANGER


(1)  L-Opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(3)  ĠU C 216, 1.8.2001, p. 14.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

(6)  ĠU L 220, 15.8.2008, p. 32.

(7)  ĠU L 322, 9.12.2005, p. 33.

(8)  ĠU C 326, 21.11.2001, p. 1.


ANNESS

Formola msemmija fl-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju ta' informazzjoni estratta mir-rekord kriminali bejn l-Istati Membri

Talba għal informazzjoni estratta mir-rekord kriminali

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw il-Manwal ta' Proċeduri għal assistenza sabiex ikunu jistgħu jimlew din il-formola korrettament

(a)

Informazzjoni dwar l-Istat Membru rikjedenti:

Stat Membru:

Awtorità(jiet) Ċentrali:

Persuna għall-kuntatt:

Telefon (inkluż il-kodiċi STD):

Faks (inkluż il-kodiċi STD):

Posta elettronika:

Indirizz għall-korrispondenza:

Referenza tal-fajl, jekk magħrufa:

(b)

Informazzjoni dwar l-identità tal-persuna kkonċernata mit-talba (*):

Isem sħiħ (ismijiet u l-kunjomijiet kollha):

Ismijiet preċedenti:

Psewdonimu u/jew alias, jekk ikun hemm:

Sess: R  M 

Ċittadinanza:

Data tat-twelid (f’ċifri: jj/xx/ssss):

Post tat-twelid (belt u stat):

Isem il-missier:

Isem l-omm:

Residenza jew indirizz magħruf:

In-numru tal-identità tal-persuna jew it-tip u n-numru tad-dokument ta' identifikazzjoni tal-persuna:

Marki tas-swaba':

Informazzjoni oħra għall-identifikazzjoni disponibbli:

(c)

L-għan tat-talba:

Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

(1)

proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ)…

(2)

talba barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali (jekk jogħġbok identifika l-awtorità li quddiema huma pendenti l-proċedimenti u, jekk disponibbli, in-numru ta' referenza tal-każ meta timmarka l-kaxxa rilevanti)

(i)

minn awtorità ġudizzjarja…

(ii)

minn awtorità amministrattiva kompetenti…

(iii)

minn persuna kkonċernata għal informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tagħha stess…

L-għan li għalih qed tintalab l-informazzjoni:

L-Awtorità rikjedenti:

Il-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha biex din l-informazzjoni tkun żvelata (jekk il-persuna kkonċernata tiġi mitluba l-kunsens tagħha skond il-liġi ta' dak l-Istat Membru rikjedenti).

Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Informazzjoni oħra (per eżempju: l-urġenza tat-talba):

Tweġiba għat-talba

Informazzjoni relatata mal-persuna kkonċernata

Jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta

L-awtorità sottoskritta tikkonferma:

m'hemm l-ebda informazzjoni dwar kundanni fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata

hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; lista ta' kundanni hija mehmuża

hemm informazzjoni oħra reġistrata fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata; tali informazzjoni hija mehmuża (fakultattiva)

hemm informazzjoni dwar kundanni reġistrati fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata iżda l-Istat Membru li jikkundanna informa li l-informazzjoni dwar dawn il-kundanni ma jistgħux jiġu trasmessi mill-ġdid għal kwalunkwe għan ieħor ħlief dak ta' proċedimenti kriminali. It-talba għal aktar informazzjoni tista' tintbagħat direttament lil … (jekk jogħġbok indika l-Istat Membru li jikkundanna);

skond il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, talbiet li jsiru għal kwalunkwe għanijiet oħra barra minn dik ta' proċedimenti kriminali ma jistgħux jiġu trattati.

Il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata jekk tkun meħtieġa aktar informazzjoni:

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Informazzjoni oħra (limitazzjonijiet tal-użu tad-data dwar talbiet barra l-kuntest tal-proċedimenti kriminali):

Jekk jogħġbok indika n-numru tal-paġni mehmuża mal-formola ta' risposta:

Magħmul fi,

fi

Firma u timbru uffiċjali (jekk ikun il-każ):

Isem u pożizzjoni/ organizzazzjoni:

Fejn adatt, jekk jogħġbok ehmeż lista ta' kundanni u ibgħat il-pakkett sħiħ lill-Istat Membru rikjedenti. M'huwiex meħtieġ li l-formola jew il-lista jiġu tradotti fil-lingwa tal-Istat Membru rikjedenti.


(*)  Biex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-persuna għandha tingħata kemm jista' jkun informazzjoni.


7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/316/ĠAI

tas-6 ta’ April 2009

dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-għan tal-Unjoni hu li jipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurezza fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Dan l-għan jippresupponi l-iskambju sistematiku tal-informazzjoni estratta minn rekords kriminali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’mod li jiggarantixxi l-għarfien komuni tagħhom u l-effikaċja ta’ tali skambju.

(2)

L-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali deċiżi kontra ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra ma tiċċirkolax b’mod effikaċi fuq il-bażi kurrenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assitenza Reċiproka f’Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċeduri aktar effiċjenti u aċċessibbli ta’ skambju għal tali informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali ngħatat prijorità fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2004 u sussegwentement riaffermata fil-Programm tal-Aja (3) u fil-Pjan ta’ Azzjoni (4) dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali fil-livell tal-Unjoni Ewropea ġiet rikonoxxuta bħala prijorità politika mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007.

(4)

L-interkonnessjoni kompjuterizzata tar-rekords kriminali hija parti mill-proġett E-Ġustizzja, li kien rikonoxxut diversi drabi bħala prijorità mill-Kunsill Ewropew fl-2007.

(5)

Attwalment, qed jiġi żviluppat proġett sperimentali bil-għan li r-rekords kriminali jiġu interkonnessi. Il-kisbiet tiegħu jikkostitwixxu bażi valida għal aktar ħidma fuq l-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI sabiex toħloq u tiżviluppa sistema kompjuterizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri. Tali sistema għandha tkun tista’ tikkomunika informazzjoni dwar kundanni kriminali f’forma li tkun faċilment intelliġibbli. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti kemm format standardizzat li jippermetti li l-informazzjoni tkun skambjata b’mod uniformi u elettroniku u i jippermetti t-traduzzjoni kompjuterizzata tagħha kif ukoll kwalunkwe mezz ieħor li jorganizza u jiffaċilita l-iskambji elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u tapplika u tissupplimenta dawk il-prinċipji mil-lat tekniku.

(8)

Il-kategoriji tad-data li jridu jiddaħħlu fis-sistema, l-iskopijiet li għalihom id-data għandha tiddaħħal, il-kriterji għad-dħul tagħha, l-awtoritajiet permessi li jaċċessaw id-data, u xi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali huma definiti fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

(9)

La din id-Deċiżjoni u lanqas id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI ma jistabbilixxu xi obbligu sabiex tiġi skambjata informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux kriminali.

(10)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni mhuwiex li jkunu armonizzati s-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali, m’hemm l-ebda obbligu li Stat Membru tal-kundanna jbiddel is-sistema interna tiegħu tar-rekords kriminali fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni għall-finijiet domestiċi.

(11)

Is-Sistema Ewropea ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Rekords System, ECRIS) hija sistema informatika deċentralizzata. Id-data tar-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri, u m’għandu jkun hemm ebda aċċess dirett online għad-databases ta’ rekords kriminali ta’ Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-operazzjoni tad-databases nazzjonali tar-rekords kriminali u għal skambji effikaċi ta’ informazzjoni bejniethom. L-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni tal-ECRIS inizjalment għandha tkun in-network ta’ Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (S-TESTA). L-ispiża kollha li tikkonċerna l-infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni għandha tkun koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji ta’ reati u l-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u għandhom jippermettu l-għarfien reċiproku tal-informazzjoni trasmessa bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi. Il-kontenut tat-tabelli hu riżultat tal-analiżi tal-ħtiġijiet tas-27 Stat Membru kollha. Dik l-analiżi kkunsidrat il-kategorizzazzjoni tal-proġett sperimentali u r-riżultati tal-eżerċizzju ta’ ġabra tad-diversi reati u pieni u miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, fil-każ tat-tabella ta’ reati, ikkunsidrat ukoll id-definizzjonijiet komuni armonizzati eżistenti fil-livell Ewropew u f’dak internazzjonali kif ukoll il-mudelli tad-data tal-Eurojust u tal-Europol.

(13)

Sabiex jiġu żgurati l-għarfien reċiproku u t-trasparenza tal-kategorizzazzjoni komuni, kull Stat Membru għandu jippreżenta l-lista ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali li jaqgħu f’kull kategorija msemmija fit-tabella rispettiva. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu deskrizzjoni ta’ reati u pieni u miżuri u, fid-dawl tal-utilità ta’ tali deskrizzjoni, huma għandhom ikunu inkoraġġiti jagħmlu dan. Tali informazzjoni għandha ssir aċċessibbli għall-Istati Membri.

(14)

It-tabelli ta’ referenza tal-kategoriji tar-reati u tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni mhumiex imfassla sabiex jistabbilixxu ekwivalenzi ġuridiċi bejn reati u bejn pieni u miżuri li jeżistu fil-livelli nazzjonali. Huma għodda li tgħin lir-riċevitur jifhem aħjar il-fatt jew fatti u t-tip ta’ piena jew pieni, jew ta’ miżura jew miżuri, li jkunu jinsabu fl-informazzjoni trasmessa. Il-preċiżjoni tal-kodiċijiet imsemmija ma tistax tiġi kompletament garantita mill-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni u din m’għandhiex tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru riċevent milli jinterpretaw l-informazzjoni.

(15)

It-tabelli ta’ referenza ta’ kategoriji ta’ reati u ta’ kategoriji ta’ pieni u miżuri għandhom jiġu riveduti u aġġornati konformement mal-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri implimentattivi għal deċiżjonijiet previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(16)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill abbażi tal-modalitajiet stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jfasslu manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti, li għandu jindirizza l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni, partikolarment il-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri, u spjegazzjoni ta’ reati u pieni u miżuri nazzjonali problematiċi, u bil-ħsieb li jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS.

(17)

Sabiex jiġi aċċelerat l-iżvilupp tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tieħu numru ta’ miżuri tekniċi sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tal-infrastruttura teknika għall-interkonnessjoni tad-databases tagħhom tar-rekords kriminali. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi software implimentattiv ta’ referenza, jiġifieri software adatt li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu din l-interkonnessjoni, li huma jistgħu jagħżlu li japplikaw minflok is-software tagħhom stess ta’ interkonnessjoni għall-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn databases ta’ rekords kriminali.

(18)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (5) għandha tapplika fil-kuntest tal-iskambju kompjuterizzat ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali tal-Istati Membri, u tipprevedi livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data meta tiġi skambjata informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tippermetti li l-Istati Membri jesiġu standards ogħla fil-proċessar ta’ data nazzjonali.

(19)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iżvilupp ta’ sistema għat-trasmisssjoni kompjuterizzata ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali bejn l-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri unilateralment, u għalhekk jista’, minħabba n-neċessità ta’ azzjoni kkoordinata fl-Unjoni Ewropea, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(20)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll l-elementi ta’ format standard għall-iskambju elettroniku, bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jkun wassal għall-kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna, kif ukoll mezzi implimentattivi oħra kemm ġenerali kif ukoll tekniċi relatati mal-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

Artikolu 3

Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

1.   L-ECRIS hija sistema deċentralizzata tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ibbażata fuq id-databases tar-rekords kriminali f’kull Stat Membru. Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

software ta’ interkonnessjoni strutturat konformement ma’ sett komuni ta’ protokolli li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri:

(b)

infrastruttura komuni ta’ komunikazzjoni li tipprovdi network kriptat;

2.   Din id-Deċiżjoni m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi xi database ċentralizzata ta’ rekords kriminali. Id-data kollha dwar ir-rekords kriminali għandha tiġi preżervata unikament f’databases operati mill-Istati Membri.

3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI m’għandhomx ikollhom aċċess dirett online għad-databases tar-rekords kriminali tal-Istati Membri l-oħra. Għandha tintuża l-aqwa teknika disponibbli identifikata mill-Istati Membri flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni, minn rekords kriminali, li tiġi trasmessa lil Stati Membri oħra.

4.   Is-software tal-interkonnessjoni u d-databases li jippreżervaw, jittrasmettu u jirċievu l-informazzjoni estratta mir-rekords kriminali għandhom joperaw taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tkun in-network ta’ komunikazzjoni S-TESTA. Kwalunkwe żvilupp ieħor tiegħu jew kwalunkwe network sigur alternattiv għandu jiżgura li l-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni stabbilita tkompli tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6.

6.   L-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni għandha tiġi operata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, u għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà u tissodisfa kompletament il-ħtiġijiet tal-ECRIS.

7.   Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni effikaċi tal-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ ġenerali u assistenza teknika, inklużi l-ġbir u t-tħejjija ta’ statistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i) u s-software implimentattiv ta’ referenza.

8.   Minkejja l-possibbiltà li jsir użu mill-programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea taħt ir-regoli applikabbli, kull Stat Membru għandu jassumi l-ispejjeż tiegħu stess għall-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tad-database tiegħu ta’ rekords kriminali u tas-software ta’ interkonnessjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha tassumi l-ispejjeż mill-implimentazzjoni, mill-amministrazzjoni, mill-użu, mill-manutenzjoni u mill-iżvilupp futur tal-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni tal-ECRIS, kif ukoll mill-iżvilupp implimentattiv u futur tas-software implimentattiv ta’ referenza.

Artikolu 4

Il-format tat-trasmissjoni tal-informazzjoni

1.   Meta tiġi trasmessa l-informazzjoni konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, relattivament għall-isem jew klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull wieħed mir-reati indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella tar-reati fl-Anness A. Bħala eċċezzjoni, fejn ir-reat ma jikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jissemma l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti tar-reati jew ta’ dik l-eqreb jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “reati oħrajn” għandu jintuża għal dak ir-reat partikolari.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ kompletezza u l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-reat u, fejn applikabbli, dwar l-eżistenza ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mir-responsabbiltà kriminali jew dwar reċidiva.

2.   Meta jittrasmettu informazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI relattivament għall-kontenut tal-kundanna kriminali, partikolarment is-sentenza kif ukoll kwalunkwe piena supplimentari, kwalunkwe miżura ta’ sigurtà u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-Istati Membri għandhom jirriferu għall-kodiċi korrispondenti għal kull waħda mill-pieni u miżuri indikati fit-trasmissjoni, kif previst fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Bħala eċċezzjoni, fejn il-piena jew miżura ma tikkorrispondi għal ebda kodiċi speċifiku ta’ subkategorija, għandu jintuża l-kodiċi “kategorija miftuħa” tal-kategorija relevanti jew tal-eqreb kategorija ta’ pieni u miżuri jew, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar, il-kodiċi “pieni u miżuri oħrajn” għandu jintuża għal dik il-piena jew miżura partikolari.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn applikabbli, informazzjoni disponibbli relatata man-natura u/jew il-kondizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena jew miżura imposta kif previst fil-parametri tal-Anness B. Il-parametru “deċiżjoni mhux kriminali” għandu jiġi indikat biss f’każijiet fejn l-informazzjoni dwar tali deċiżjoni tingħata fuq bażi volontarja mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, meta jwieġeb talba għall-informazzjoni dwar kundanni kriminali.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar reati, pieni u miżuri nazzjonali

1.   L-informazzjoni li ġejja għandha tingħata mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, partikolarment bil-ħsieb li jitfassal manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti msemmi fl-Artikolu 6(2)(a):

(a)

il-lista ta’ reati nazzjonali f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ reati fl-Anness A. Il-lista għandha tinkludi l-isem jew il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat u referenza għad-dispożizzjoni ġuridika applikabbli. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-elementi kostituttivi r-reat;

(b)

il-lista tat-tipi ta’ sentenzi, possibbilment ta’ pieni supplimentari u miżuri ta’ sigurtà u ta’ deċiżjonijiet sussegwentement possibbli li jimmodifikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza kif definita fil-liġi nazzjonali, f’kull kategorija msemmija fit-tabella ta’ pieni u miżuri fl-Anness B. Hija tista’ tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira tal-piena jew miżura speċifika.

2.   Il-listi u d-deskrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati regolarment mill-Istati Membri. L-informazzjoni aġġornata għandha tiġi trasmessa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta kwalunkwe modifika tal-Annessi A u B kif ikun meħtieġ.

2.   Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill bil-ħsieb ta’:

(a)

tfassil ta’ manwal mhux vinkolanti għall-prattikanti li jistabbilixxi l-proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-ECRIS, li jindirizza b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, kif ukoll jirreġistra l-għarfien komuni tal-kategoriji ta’ reati u pieni u miżuri elenkati rispettivament fl-Annessi A u B;

(b)

koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-ECRIS, b’mod partikolari dwar:

(i)

l-istabbiliment ta’ sistemi u proċeduri ta’ reġistrazzjoni kronoloġika (logging) li jippermettu l-monitoraġġ tal-funzjonament tal-ECRIS u l-istabbiliment ta’ statistika mhux personali relatata mal-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali;

(ii)

l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi tal-iskambju, inklużi r-rekwiżiti ta’ siġurtà, b’mod partikolari s-sett komuni ta’ protokolli;

(iii)

l-istabbiliment ta’ proċeduri li jivverifikaw il-konformità tal-applikazzjonijiet tas-software nazzjonali mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Artikolu 7

Rapport

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippublikaw regolarment rapport li jikkonċerna l-iskambju, permezz tal-ECRIS, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali bbażata partikolarment fuq l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(2)(b)(i). Dan ir-rapport għandu jiġi ppublikat, għall-ewwel darba, sena wara li jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u skadenzi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni sas-7 ta’ April 2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-format speċifikat fl-Artikolu 4 u jikkonformaw mal-metodi ta’ organizzazzjoni u faċilitazzjoni, ta’ skambji ta’ informazzjoni, stipulati f’din id-Deċiżjoni mid-data notifikata konformement mal-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

Artikolu 9

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Luxembourg, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. POSPÍŠIL


(1)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Opinjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(4)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.


ANNESS A

Tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati msemmija fl-Artikolu 4

Parametri

Livell ta’ kompletezza:

Att komplet

C

Tentattiv jew preparazzjoni

A

Element mhux trasmess

Ø

Livell ta’ parteċipazzjoni

Awtur tar-reat

M

Kompliċi jew instigatur/organizzatur, kospiratur jew assoċjat

H

Element mhux trasmess

Ø

Eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali:

Insanità jew responsabbiltà mitigata

S

Reċidiva

R


Kodiċi

Kategoriji u subkategoriji ta’ reati

0100 00

kategorija miftuħa

Delitti li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kriminali internazzjonali

0101 00

Ġenoċidju

0102 00

Delitti kontra l-umanità

0103 00

Delitti tal-gwerra

0200 00

kategorija miftuħa

Parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali

0201 00

Tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali

0202 00

Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali

0203 00

Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet mhux kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali

0300 00

kategorija miftuħa

Terroriżmu

0301 00

It-tmexxija ta’ grupp terroristiku

0302 00

Parteċipazzjoni volontarja fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku

0303 00

Il-finanzjament tat-terroriżmu

0304 00

Tixwix pubbliku sabiex jitwettaq reat terroristiku

0305 00

Reklutaġġ jew taħriġ għat-terroriżmu

0400 00

kategorija miftuħa

Traffikar ta’ persuni

0401 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi

0402 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali

0403 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman

0404 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, ta’ xi prattika simili għat-tjassir jew servitù

0405 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol jew servizzi ta’ persuna minorenni

0406 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ sfruttament tal-prostituzzjoni ta’ minorenni jew ta’ forom oħra ta’ sfruttament sesswali tagħhom

0407 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet tat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut uman ta’ minorenni

0408 00

Traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ tjassir, prattiki simili għat-tjassir jew is-servitù ta’ minorenni

0500 00

kategorija miftuħa

Traffikar illeċitu (1) u reati oħrajn relatati mal-armi, l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

0501 00

Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

0502 00

Manifattura illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi fil-livell nazzjonali (2)

0503 00

L-esportazzjoni jew importazzjoni illeċita ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

0504 00

Il-pussess mhux awtorizzat jew l-użu ta’ armi, armi tan-nar, il-partijiet u komponenti tagħhom, munizzjon u splussivi

0600 00

kategorija miftuħa

Reat ambjentali

0601 00

Il-qerda jew il-ħsara ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna

0602 00

Rimi illegali ta’ sustanzi li jniġġżu jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma

0603 00

Reati relatati mal-iskart, inkluż l-iskart tossiku

0604 00

Reati relatati mat-traffikar illeċitu (1) ta’ speċi protetti ta’ flora u fawna jew partijiet minnhom

0605 00

Reati involontarji kontra l-ambjent

0700 00

kategorija miftuħa

REATI relatati mad-drogi jew prekursuri, u REATI oħra kontra s-saħħa pubblika

0701 00

Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) ta’ drogi narkotiċi, sustanzi psikotropiċi jew prekursuri li ma jkunux esklussivament għall-konsum personali

0702 00

Konsum illeċitu ta’ drogi u l-akkwist tagħhom, il-manifattura jew il-produzzjoni esklussivament għall-konsum personali

0703 00

L-għajnuna jew it-tixwix ta’ oħrajn sabiex jużaw drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi illeċitament

0704 00

Il-manifattura jew il-produzzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jkunux esklussivament għall-użu personali

0800 00

kategorija miftuħa

Reati fuq il-persuna

0801 00

Omiċidju volontarju

0802 00

Każijiet aggravati ta’ omiċidju volontarju (4)

0803 00

Omiċidju involontarju

0804 00

Omiċidju volontarju kommess fuq tarbija tat-twelid minn ommha

0805 00

Abort illegali

0806 00

Ewtanasja illegali

0807 00

Reati relatati mat-twettiq ta’ suwiċidju

0808 00

Vjolenza li tikkawża l-mewt

0809 00

Offiża gravi fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti

0810 00

Offiża gravi involontarja fuq il-persuna, sfreġju jew diżabbiltà permanenti

0811 00

Offiża ħafifa fuq il-persuna

0812 00

Offiża ħafifa involontarja fuq il-persuna

0813 00

It-tqegħid fil-periklu tal-mewt jew ta’ offiża gravi fuq il-persuna

0814 00

Tortura

0815 00

In-nuqqas ta’ offerta ta’ għajnuna jew assistenza

0816 00

Reati relatati mat-tneħħija ta’ organi jew ta’ tessut mingħajr l-awtorizzazzjoni jew il-kunsens

0817 00

Reati relatati mat-traffikar illeċitu (3) tal-organi jew tat-tessut uman

0818 00

Vjolenza domestika jew theddid domestiku

0900 00

kategorija miftuħa

Reati kontra l-libertà personali, id-dinjità jew interessi protetti oħra, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija

0901 00

Ħtif ta’ persuna, ħtif ta’ persuna għal skopijiet ta’ estorsjoni, arrest illegali

0902 00

Arrest illegali jew ċaħda tal-libertà minn awtorità pubblika

0903 00

Teħid ta’ ostaġġi

0904 00

Ħtif illegali ta’ ajruplan jew vapur

0905 00

Insulti, inġurji, malafama, disprezz

0906 00

Theddid

0907 00

Forza, pressjoni, insegwiment malizzjuż, fastidju jew aggressjoni ta’ natura psikoloġika jew emozzjonali

0908 00

Estorsjoni

0909 00

Estorsjoni aggravata

0910 00

Dħul illegali fi proprjetà privata

0911 00

Invażjoni tal-privatezza minbarra d-dħul illegali fi proprjetà privata

0912 00

Reati kontra l-protezzjoni ta’ data personali

0913 00

Interċettazzjoni illegali ta’ data jew komunikazzjoni

0914 00

Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew oriġini etnika

0915 00

Tixwix pubbliku għal diskriminazzjoni razzjali

0916 00

Tixwix pubbliku għal mibegħda razzjali

0917 00

Rikatt

1000 00

kategorija miftuħa

Reati sesswali

1001 00

Stupru

1002 00

Stupru aggravat (5) minbarra stupru ta’ minorenni

1003 00

Aggressjoni sesswali

1004 00

Tlaqqigħ għall-prostituzzjoni jew għal att sesswali

1005 00

Espożizzjoni indeċenti

1006 00

Fastidju sesswali

1007 00

Solleċitazzjoni minn prostituta

1008 00

Sfruttament sesswali tat-tfal

1009 00

Reati relatati mal-pornografija tat-tfal jew immaġini indeċenti ta’ minorenni

1010 00

Stupru ta’ minorenni

1011 00

Aggressjoni sesswali ta’ minorenni

1100 00

kategorija miftuħa

Reati kontra dispożizzjoniet dwar il-familja

1101 00

Relazzjonijiet sesswali illeċiti bejn membri familjari stretti

1102 00

Poligamija

1103 00

Evażjoni tal-obbligu ta’ manteniment

1104 00

Traskuraġni jew l-abbandun ta’ persuna minorenni jew b’diżabbiltà

1105 00

Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni dwar il-kustodja ta’ minorenni

1200 00

kategorija miftuħa

Reati kontra l-istat, l-ordni pubbliku, il-kors tal-ġustizzja jew uffiċjali pubbliċi

1201 00

Spjunaġġ

1202 00

Tradiment Għoli

1203 00

Reati relatati ma’ elezzjonijiet jew referendum

1204 00

Attentat fuq il-ħajja jew is-saħħa ta’ kap ta’ Stat

1205 00

Insult kontra l-Istat, in-Nazzjon jew simboli tal-Istat

1206 00

Insult jew reżistenza lil rappreżentant tal-awtorità pubblika

1207 00

Estorsjoni, forza, pressjoni fuq rappreżentant tal-awtorità pubblika

1208 00

Aggressjoni jew theddid lil rappreżentant ta’ awtorità pubblika

1209 00

Reati kontra l-ordni pubbliku, ksur tal-paċi pubblika

1210 00

Vjolenza waqt avvenimenti sportivi

1211 00

Serq ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi

1212 00

Tfixkil jew tgħawwiġ tal-kors tal-ġustizzja, allegazzjonijiet foloz waqt proċedimenti kriminali jew ġudizzjarji, sperġur

1213 00

Impersonizzazzjoni illegali ta’ persuna jew awtorità

1214 00

Evażjoni minn kustodja legali

1300 00

kategorija miftuħa

Reati kontra proprjetà pubblika jew interessi pubbliċi

1301 00

Frodi pubblika, ta’ sigurtà soċjali jew ta’ benifiċċju tal-familja

1302 00

Frodi li tolqot il-benefiċċji jew l-allowances Ewropej

1303 00

Reati relatati ma’ logħob tal-azzard illegali

1304 00

Tfixkil fil-proċeduri għal sejħiet għal offerti pubbliċi

1305 00

Korruzzjoni attiva jew passiva ta’ impjegat fis-servizz pubbliku, persuna li għandha kariga pubblika jew awtorità pubblika

1306 00

Serq, appropjazzjoni indebita jew forom oħra ta’ abbuż ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku

1307 00

Abbuż ta’ funzjoni minn uffiċjal pubbliku

1400 00

kategorija miftuħa

Reati fiskali u doganali

1401 00

Reati fiskali

1402 00

Reati doganali

1500 00

kategorija miftuħa

Reati ekonomiċi jew relatati mal-kummerċ

1501 00

Falliment jew insolvenza frodulenti

1502 00

Ksur ta’ regolament tal-kontabbiltà, serq, ħabi ta’ assi jew żieda illegali fil-passiv ta’ kumpannija

1503 00

Ksur ta’ regoli ta’ kompetizzjoni

1504 00

Laundering ta’ rikavat minn reati

1505 00

Korruzzjoni passiva jew attiva fis-settur privat

1506 00

Żvelar ta’ sigriet jew il-ksur tal-obbligu ta’ segretezza

1507 00

“Insider trading”

1600 00

kategorija miftuħa

Reati kontra l-proprjetà jew l-ikkawżar ta’ ħsara lil oġġetti

1601 00

Approprjazzjoni illegali

1602 00

Approprjazzjoni illegali jew devjazzjoni ta’ enerġija

1603 00

Frodi inklużi imbrolji

1604 00

Riċettazzjoni/negozju f’oġġetti misruqa

1605 00

Traffikar illeċitu (6) ta’ oġġetti tal-kultura, inklużi antikitajiet u opri tal-arti

1606 00

Ħsara jew distruzzjoni volontarja ta’ proprjetà

1607 00

Ħsara jew distruzzjoni involontarja ta’ proprjetà

1608 00

Sabutaġġ

1609 00

Reati kontra l-proprjetà industrijali jew intellettwali

1610 00

Ħruq volontarju

1611 00

Ħruq volontarju li jikkawża l-mewt jew dannu ta’ persuni

1612 00

Ħruq volontarju fil-foresti

1700 00

kategorija miftuħa

Reati ta’ Serq

1701 00

Serq

1702 00

Serq wara dħul illegali fi proprjetà

1703 00

Serq, bl-użu ta’ vjolenza jew armi, jew b’theddid ta’ vjolenza jew armi kontra persuna

1704 00

Forom ta’ serq aggravat li ma jinvolvux l-użu tal-vjolenza jew armi, jew l-użu tat-theddid ta’ vjolenza jew armi, kontra persuni.

1800 00

kategorija miftuħa

Reati kontra sistemi ta’ informazzjoni u reati oħrajn relatati mal-informatika

1801 00

Aċċess illegali għal sistemi ta’ informazzjoni

1802 00

Interferenza illegali f’sistem

1803 00

Interferenza illegali f’data

1804 00

Produzzjoni, pussess, disseminazzjoni jew traffikar ta’ tagħmir informatiku jew data li jippermettu t-twettiq ta’ reati relatati mal-informatika

1900 00

kategorija miftuħa

Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas

1901 00

Falsifikazzjoni ta’ flus inkluż l-Euro

1902 00

Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas mhux bi flus

1903 00

Falsifikazzjoni ta’ dokumenti fiduċjarji pubbliċi

1904 00

Tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni/użu ta’ flus foloz, mezzi ta’ ħlas mhux bi flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi

1905 00

Pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni tal-flus jew dokumenti fiduċjarji pubbliċi

2000 00

kategorija miftuħa

Falsifikazzjoni ta’ dokumenti

2001 00

Falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi minn individwu privat

2002 00

Falsifikazzjoni ta’ dokument minn impjegat fis-servizz pubbliku jew awtorità pubblika

2003 00

Il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument pubbliku jew amministrattiv falsifikat; il-provvista jew l-akkwist ta’ dokument falsifikat minn impjegat tas-servizz pubbliku jew awtorità pubblika

2004 00

L-użu ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi ffalsifikati

2005 00

Il-pussess ta’ apparat għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi jew amministrattivi

2006 00

Falsifikazzjoni ta’ dokumenti privati minn individwu privat

2100 00

kategorija miftuħa

Reati kontra regolamenti tat-traffiku

2101 00

Sewqan perikoluż

2102 00

Sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol jew tad-drogi narkotiċi

2103 00

Sewqan mingħajr liċenzja jew waqt l-iskawalifika tal-liċenzja

2104 00

Nuqqas ta’ waqfien wara inċident fit-triq

2105 00

Evitar ta’ ispezzjoni fit-triq

2106 00

Reati relatati mat-trasport fit-toroq

2200 00

kategorija miftuħa

Reati kontra l-liġi dwar ix-xogħol

2201 00

Impjieg illegali

2202 00

Reati relatati mar-remunerazzjoni inklużi l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali

2203 00

Reati relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol

2204 00

Reati relatati mal-aċċess għall-attività professjonali jew mal-eżerċizju tagħha

2205 00

Reati relatati mal-ħinijiet tax-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ

2300 00

kategorija miftuħa

Reati kontra dispożizzjonijiet dwar il-migrazzjoni

2301 00

Dħul jew residenza mhux awtorizzati fil-pajjiż

2302 00

Faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati

2400 00

kategorija miftuħa

Reati kontra l-obbligi militari

2500 00

kategorija miftuħa

Reati relatati mat-traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi ta’ tkabbir oħrajn

2501 00

L-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-forniment illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi ta’ tkabbir oħrajn

2600 00

kategorija miftuħa

Reati relatati ma’ materjal nukleari jew sustanzi radjoattivi perikolużi oħrajn

2601 00

L-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-forniment jew l-akkwist illeċitu ta’ materjal nukleari jew radjuattiv

2700 00

kategorija miftuħa

Reati oħrajn

2701 00

Reati volontarji oħrajn

2702 00

Reati volontarji oħrajn


(1)  Jekk mhux speċifikat mod ieħor f’din il-kategorija, “traffikar” tfisser l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

(2)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

(3)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.

(4)  Pereżempju: ċirkostanzi partikolarment gravi.

(5)  Pereżempju stupru bi krudeltà partikolari.

(6)  Għall-finijiet ta’ din is-subkategorija, it-traffikar jinkludi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment.


ANNESS B

Tabella komuni tal-kategoriji ta’ pieni u miżuri msemmija fl-Artikolu 4

Kodiċi

Kategoriji u subkategoriji ta’ pieni u miżuri

1000

kategorija miftuħa

Deprivazzjoni tal-libertà

1001

Priġunerija

1002

Sentenza ta’ għomor il-ħabs

2000

kategorija miftuħa

Restrizzjoni tal-libertà personali

2001

Projbizzjoni li jkunu frekwentati xi postijiet

2002

Restrizzjoni ta’ safar

2003

Projbizzjoni sabiex toqgħod f’xi postijiet

2004

Projbizzjoni ta’ dħul f’attivitajiet tal-massa

2005

Projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ ċerti persuni bi kwalunkwe mezz

2006

Tqegħid taħt sorveljanza elettronika (1)

2007

Obbligu li tirrapporta f’ħinijiet speċifiċi lil awtorità speċifika

2008

Obbligu ta’ waqfa/residenza f’ċertu post

2009

Obbligu li tkun fil-post tar-residenza fil-ħin stabbilit

2010

Obbligu ta’ konformità mal-miżuri ta’ probation ordnati mill-qorti inkluż l-obbligu li jibqa’ taħt superviżjoni.

3000

kategorija miftuħa

Projbizzjoni ta’ dritt jew kapaċità speċifika

3001

Skwalifika minn funzjoni

3002

Telf/sospensjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tokkupa jew tinħatar f’kariga pubblika

3003

Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ persuna li tivvota jew tiġi elett

3004

It-tnaqqis tal-kapaċità li persuna tagħmel kuntratt ma’ amministrazzjoni pubblika

3005

It-tnaqqis tal-eliġibbiltà għall-għoti ta’ sussidji pubbliċi

3006

Revoka tal-liċenzja tas-sewqan (2)

3007

Sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan

3008

Projbizzjoni li ssuq ċerti vetturi

3009

Telf/sospensjoni tal-awtorità tal-ġenituri

3010

Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna tkun perit fi proċedimenti tal-qorti/xhud taħt ġurament/ġurat

3011

Telf/sospensjoni tad-dritt li persuna jkollha kustodja legali (3)

3012

Telf/sospensjoni tad-dritt ta’ onorifiċenza jew titolu

3013

Projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali, kummerċjali jew soċjali

3014

Projbizzjoni ta’ xogħol jew attività ma’ minorenni

3015

Impożizzjoni tal-obbligu li jingħalaq stabbiliment

3016

Projbizzjoni ta’ pussess jew ġarr ta’ armi

3017

Irtirar ta’ permess għal-liċenzja tal-kaċċa/tas-sajd

3018

Projbizzjoni tal-ħruġ ta’ ċekkijiet jew l-użu ta’ karti ta’ ħlas/ta’ kreditu

3019

Projbizzjoni taż-żamma ta’ annimali

3020

Projbizzjoni ta’ pussess jew użu ta’ ċerti oġġetti minbarra armi

3021

Projbizzjoni ta’ ċerti logħob/sports

4000

kategorija miftuħa

Projbizzjoni jew tkeċċija minn territorju

4001

Projbizzjoni minn territorju nazzjonali

4002

Tkeċċija minn territorju nazzjonali

5000

kategorija miftuħa

Obbligu personali

5001

Assuġġettar għal trattament mediku jew forom oħra ta’ terapija

5002

Assuġġettar għal programm soċjo-edukattiv

5003

Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tkun taħt il-kura/kontroll tal-familja

5004

Miżuri edukattivi

5005

Probation soċjoġudizzjali

5006

Impożizzjoni tal-obbligu għat-taħriġ/xogħol

5007

Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tipprovdi informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet ġuridiċi

5008

Impożizzjoni tal-obbligu li tiġi pubblikata s-sentenza

5009

Impożizzjoni tal-obbligu li persuna tikkumpensa għall-preġudizzju kkawżat mir-reat

6000

kategorija miftuħa

Piena fuq proprjetà privata

6001

Konfiska

6002

Demolizzjoni

6003

Restawr

7000

kategorija miftuħa

Tqegħid f’istituzzjoni

7001

Tqegħid f’istituzzjoni psikjatrika

7002

Tqegħid f’istituzzjoni ta’ diżintossikazzjoni

7003

Tqegħid f’istituzzjoni edukattiva

8000

kategorija miftuħa

Piena finanzjarja

8001

Multa

8002

Multa għal kull ġurnata (4)

8003

Multa għall-benefiċċju ta’ riċevent speċjali (5)

9000

kategorija miftuħa

Piena ta’ xogħol

9001

Xogħol jew servizz komunitarju

9002

Servizz komunitarju jew xogħol akkumpanjat minn miżuri restrittivi oħrajn

10000

kategorija miftuħa

Piena militari

10001

Telf ta’ grad militari (6)

10002

Tkeċċija minn servizz militari professjonali

10003

Priġunerija militari

11000

kategorija miftuħa

Eżenzjoni/differiment ta’ sentenza/piena, twissija

12000

kategorija miftuħa

Pieni u miżuri oħra


Parametri (li għandhom jiġu speċifikati fejn applikabbli)

ø

Piena

m

Miżura

a

Piena/miżura sospiża

b

Piena/miżura sospiża parzjalment

c

Piena/miżura sospiża bi probation/superviżjoni

d

Piena/miżura sospiża parżjalment bi probation/superviżjoni

e

Konverżjoni tal-piena/miżura

f

Piena/miżura alternattiva imposta bħala piena prinċipali

g

Piena alternattiva/miżura imposta inizjalment f’każ li ma tiġix rispettata l-piena prinċipali

h

Revoka tal-piena/miżura sospiża

i

Formazzjoni sussegwenti ta’ piena ġenerali

j

Interruzzjoni tal-eżekuzzjoni/posponiment tal-piena/miżura (7)

k

Maħfra tal-piena

l

Maħfra tal-piena sospiża

n

Tmiem tal-piena

o

Grazzja

p

Amnestija

q

Liberazzjoni taħt kondizzjoni (liberazzjoni ta’ persuna qabel tmiem is-sentenza tagħha taħt ċerti ċirkostanzi)

r

Riabilitazzjoni (bit-tneħħija jew le tal-piena mir-rekords kriminali)

s

Piena jew miżura speċifika għall-minorenni

t

Deċiżjoni mhux kriminali (8)


(1)  Tqegħid fiss jew mobbli.

(2)  Tkun meħtieġa applikazzjoni mill-ġdid sabiex tinkiseb liċenzja ġdida tas-sewqan.

(3)  Gwardjan legali għal persuna li tkun legalment inkompetenti jew għal persuna minorenni.

(4)  Multa kkwotata f’unitajiet ta’ kuljum.

(5)  Pereżempju: għal istituzzjoni, assoċjazzjoni, fondazzjoni jew vittma.

(6)  Demozzjoni militari.

(7)  Ma jwassalx għall-eżoneru tal-eżekuzzjoni tal-piena.

(8)  Dan il-parametru ser jiġi indikat biss meta tali informazzjoni tiġi mogħtija fir-risposta għat-talba riċevuta mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.