ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 77

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
24 ta' Marzu 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004 ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 206/2009

tal-5 ta' Marzu 2009

dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3(5), 16(3) u (4) u l-Artikolu 17(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(2)(c) u (d) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 97/78/KE tistipula l-verifiki veterinarji fuq kunsinni ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fil-Komunità minn pajjiżi terzi.

(2)

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda kunsinna minn pajjiż terz ma għandha tiġi introdotta fil-Komunità mingħajr ma tkun ġiet suġġetta għall-kontrolli veterinarji xierqa (kontrolli sistematiċi), u li l-kunsinni jkunu ġew introdotti fil-Komunità permezz ta' stabbilimenti ta' spezzjoni fil-fruntieri.

(3)

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 97/78/KE, dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għal prodotti li jagħmlu parti mill-bagalja ta' min jivvjaġġa u huma maħsuba għall-konsum personali tagħhom, dment li l-kwantità tagħhom ma taqbiżx kwantità li għandha tiġi ddefinita skont il-proċedura deskritta fid-Direttiva. Barra minn hekk, dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għal prodotti mibgħuta f'kunsinni żgħar lil persuni privati, dment li l-prodotti mhumiex qed jiġu impurtati għal kummerċ, sakemm il-kwantità tagħhom ma taqbiżx kwantità li għandha tiġi ddefinita skont il-proċedura deskritta f'dik id-Direttiva.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta' April 2007 rigward listi ta' annimali u prodotti soġġetti għal kontrolli f'postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera skont id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE (4) tniżżel il-prodotti li joriġinaw mill-annimali li huma suġġetti għal kontrolli veterinarji fi stabbilimenti ta' spezzjoni fil-fruntieri.

(5)

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (5) jistipula limitu ta' piż ta' 1 kg għall-eżenzjoni mill-kontrolli veterinarji sistematiċi għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi approvati jew partijiet tagħhom. Dak l-Artikolu jistipula wkoll limiti fuq il-piż għal prodotti speċifiċi oħra li joriġinaw minn annimali introdotti fid-Danimarka, inter alia, minn Greenland u mill-Gżejjer Faeroe, u fir-rigward ta' ċerti ħut introdotti fil-Finlandja u l-Iżvezja mir-Russja.

(6)

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/25/KE iniżżel prodotti komposti li huma eżenti mill-kontrolli veterinarji. Għalhekk, dawn il-prodotti għandhom jiġu eżenti wkoll mill-kontrolli veterinarji sistematiċi meta jagħmlu parti mill-bagalji ta' min jivvjaġġa u huma maħsuba għall-konsum personali tagħhom jew meta jintbagħtu f'kunsinni żgħar lil persuni privati.

(7)

Ir-rekwiżiti u b'mod partikolari l-limitu tal-piż għall-introduzzjoni tal-kunsinni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum personali huma għalhekk stipulati f'bosta testi leġiżlattivi. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jeħtieġu li jinftiehmu faċilment mill-awtoritajiet tal-infurzar, minn dawk li jivvjaġġaw u mill-pubbliku ġenerali. Għalhekk jeħtieġ li t-tipi u l-kwantitajiet ta' prodotti, li joriġinaw mill-annimali li għalihom tista' tingħata eżenzjoni mill-verifiki veterinarji stipulati għall-importazzjonijiet kummerċjali, jiġu simplifikati u jinġabru f'Regolament wieħed.

(8)

Ir-riskju possibbli tal-introduzzjoni ta' mard tal-annimali fil-Komunità permezz tal-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom dejjem jitqiesu meta jiġu stipulati miżuri li jirregolaw tali introduzzjonijiet. Il-livell ta' riskju għas-saħħa tal-annimali jvarja skont fatturi differenti, bħat-tip tal-prodott, l-ispeċi tal-annimal li minnu joriġinaw il-prodotti, u l-possibbiltà li jkun hemm aġent pateġeniku preżenti.

(9)

Waħda mill-aktar mard perikolużi li tista' potenzjalment tiġi introdotta fil-Komunità hi l-marda tal-ilsien u d-dwiefer (MLD). L-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) ivvalutat ir-riskju tal-introduzzjoni tal-MLD fil-Komunità. Il-valutazzjoni turi b'mod ċar li l-introduzzjoni tal-laħam u l-prodotti tal-laħam u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma mezzi potenzjali kif il-vajrus MLD jidħol fil-Komunità.

(10)

Sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni ta' tali mard, il-Komunità stabbiliet, għal bosta snin, sensiela sħiħa ta' regoli li jirregolaw l-importazzjonijiet ta' annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-użu kummerċjali.

(11)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 (6) jistipula miżuri marbuta mal-importazzjoni tal-laħam u prodotti tal-laħam u tal-ħalib u ta' prodotti tal-ħalib għall-konsum personali. Skont dak ir-Regolament, laħam u prodotti tal-laħam u tal-ħalib u ta' prodotti tal-ħalib ma jistgħux jiġu introdotti fil-Komunità minn dawk li jivvjaġġaw sakemm dawn il-prodotti ma jikkonformawx bis-sħiħ mar-regoli ta' importazzjoni kummerċjali tal-Komunità.

(12)

Dak il-prinċipju għandu jinżamm fil-ġejjieni sabiex jiżgura li l-Komunità żżomm l-istat mingħajr MLD tagħha. Għalhekk, il-kwantità tal-laħam u prodotti tal-laħam u tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li tinġarr mill-passiġġieri li għandha tiġi eżentata mill-kontrolli veterinarji sistematiċi fil-fruntieri stipulata mid-Direttiva 97/78/KE għandha tiġi ffissata għal żero.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja li għandha bħala għan il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali, jew li tikkonċerna ċerti miżuri ta' ħarsien.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora slavaġ billi jkun regolat il-kummerċ fihom (7).

(15)

Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li t-tagħrif dwar il-kontrolli veterinarji u r-regoli applikabbli għall-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali jiġu pprovduti lil min jivvjaġġa u lill-pubbliku ġenerali.

(16)

Ċerti pajjiżi terzi, minħabba l-qrubija ġeografika u l-istatus ta' saħħet l-annimali tagħhom, jistgħu jitqiesu bħala ta' riskju minimali għal saħħet l-annimali fl-UE. Kwantitajiet limitati ta' laħam u prodotti tal-laħam u ta' ħalib u prodotti tal-ħalib minn dawn il-pajjiżi għandhom għaldaqstant jissoktaw ikunu eżenti minn kontrolli veterinarji.

(17)

Barra minn dan, ċerti pajjiżi terzi ġirien għandhom ftehim speċifiċi mal-Komunità fir-rigward ta' aspetti relevanti tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità.

(18)

L-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fuq il-prodotti agrikoli (8) ġie emendat rigward il-kummerċ tal-prodotti agrikoli. Minħabba dawn l-emendi, il-verifiki veterinarji fuq il-kunsinni rilevanti li ġejjin mill-Iżvizzera waqfu mill-1 ta' Jannar 2009.

(19)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/658/KE tas-26 ta' Settembru 2007 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim addizzjonali bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein li jestendi għall-Prinċipat ta' Liechtenstein il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ ta' prodotti agrikoli (9), il-verifiki veterinarji dwar il-kunsinni rilevanti li ġejjin mil-Liechtenstein waqfu huma wkoll mill-1 ta' Jannar 2009.

(20)

Il-kunsinni personali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali fi kwantitajiet inqas minn ċertu limitu minn dawk tal-pajjiżi terzi bi ftehimiet speċifiċi mal-Komunita, inkluż l-Andorra, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino u l-Iżvizzera għandhom għalhekk jibqgħu barra l-ambitu tal-kontrolli veterinarji sistematiċi stipulati mid-Direttiva 97/78/KE. Madankollu, għall-informazzjoni xierqa tal-passiġġieri, dawn il-pajjiżi terzi għandhom jiġu indikati bħala pajjiżi eżenti fuq il-materjal pubbliċitarju relevanti kollu.

(21)

B'mod ġenerali, l-istat ta' saħħet l-annimali tal-Kroazja jista' jitqies li jippreżenta riskju ta' saħħet l-annimal minimu għall-Komunità. Prodotti li joriġinaw mill-annimali fi kwantitajiet inqas minn ċertu limitu li jagħmlu parti mill-bagalja tal-passiġġier jew mibgħuta f'kunsinni żgħar lil konsumaturi mill-Kroazja għandhom jibqgħu barra mill-ambitu tal-kontrolli veterinarji sistematiċi stipulati mid-Direttiva 97/78/KE. Biex jiġi żgurat li jingħata tagħrif eżatt lill-passiġġieri, il-Kroazja għandha tiġi indikata bħala pajjiż eżenti fuq il-materjal pubbliċitarju relevanti kollu stipulat minn dan ir-Regolament.

(22)

Minħabba l-qagħda attwali tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Kroazja, il-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal jista' jkun ta' riskju possibbli ta' saħħet l-annimali għall-UE. Biex tindirizza din il-kwistjoni, il-Kroazja qablet li tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li tali prodotti maħsuba għall-Komunità u li jinġarru minn dawk li jivvjaġġaw jew mibgħuta bil-posta lill-individwi privati ma jitilqux mit-territorju tagħhom, fil-każ ta' tifqigħa tad-deni klassiku tal-ħnieżer.

(23)

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet li japplikaw għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom japplikaw ukoll għal prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-għalf tal-annimali domestiċi, sabiex jiġi evitat li min jivvjaġġa jew il-konsumaturi jduru mar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament.

(24)

Għandu jibqa' jkun hemm diżinċentiva li tipprevjeni l-introduzzjoni ta' kunsinni, ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, li mhumiex kummerċjali u li mhumiex f'konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa Komunitarji, fil-Komunità mingħajr ma jkollhom l-awtorizzazzjoni veterinarja meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jimponu tali spejjeż u pieni kif meħtieġ, kif ukoll spejjeż għat-tneħħija tal-prodotti, fuq persuni responsabbli mill-ksur tar-regoli fuq l-introduzzjoni fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(25)

L-Istati Membri se jissoktaw jipprovdu tagħrif xieraq lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi li waqqfu għall-infurzar tar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, it-tagħrif ipprovdut jista' wara jintuża biex jiġu riveduti r-regoli stipulati f'dan ir-Regolament.

(26)

Biex jiġi żgurat li t-tagħrif dwar ir-rekwiżiti rigward l-introduzzjoni fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali qiegħed jingħadda b'mod effettiv lil min jivvjaġġa u lill-pubbliku ġenerali, l-Istati Membri u l-operaturi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri għandhom iressqu r-rekwiżiti quddiem għajnejn il-pubbliku ġenerali u l-passiġġieri li jittieħdu fil-Komunità.

(27)

Fid-dawl tad-diffikultajiet fil-ġbir tat-tagħrif rigward l-imħażen tal-posta, għandu jingħata aktar ħin lill-Istati Membri biex iressqu dan it-tagħrif.

(28)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jeħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 745/2004.

(29)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistipula r-regoli rigward l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali, ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, li mhumiex kummerċjali li jagħmlu parti mill-bagalja ta' min jivvjaġġa, jew li jintbagħtu f'kunsinni żgħar lil persuni privat, jew li huma ordnati mill-bogħod (pereżempju, bil-posta, bit-telefown jew permezz tal-Internet) u mwassla lill-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kunsinni personali mill-Andorra, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino u l-Iżvizzera. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma għandux japplikaw għall-kunsinni personali tal-prodotti tas-sajd mill-Gżejjer Faeroe u l-Iżlanda. Biex jiġi żgurat li tingħata informazzjoni eżatta lill-passiġġieri, dawn il-pajjiżi terzi għandhom jiġu indikati bħala pajjiżi eżenti fil-materjal pubbliċitarju relevanti kollu.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja li għandha bħala għan tagħha l-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali, jew li tikkonċerna ċerti miżuri ta' ħarsien.

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għar-regoli rilevanti dwar l-iċċertifikar li jinsabu fi ħdan il-leġiżlazzjoni li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni tal-ispeċi ta' fawna u flora slavaġġ billi jirregolaw il-kummerċ fiha.

Artikolu 2

Regoli rigward l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali

1.   Il-kunsinni personali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, għall-konsum personali mill-bniedem, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(a), (b), u (d), u fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 97/78/KE, ma għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli stipulati fil-Kapitolu I ta' dik id-Direttiva, dment li huma jagħmlu parti minn waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

Il-prodotti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I u mhumiex koperti mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE, u li l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 0 kilogrammi;

(b)

Il-Prodotti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II u l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi;

(c)

Prodotti tas-sajd imnaddfa mill-ġewwieni u friski jew ippreparati, jew prodotti tas-sajd ipproċessati, skont it-tifsira tal-punti 3.5, 3.6 jew 7.4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 20 kilogramma jew il-piż ta' ħuta waħda, ikun liema jkun l-itqal piż;

(d)

Prodotti għajr dawk imsemmija fil-Paragrafi (a), (b), (c) jew fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE, u li l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi.

2.   Il-kunsinni personali ta' prodotti tal-annimali għall-għalf tal-annimali domestiċi, ma għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli stipulati fil-Kapitolu I tad-Direttiva 97/78/KE, dment li huma jagħmlu parti minn waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji:

(a)

Prodotti elenkati fil-Parti 2 tal-Anness I u l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 0 kilogrammi;

(b)

Prodotti elenkati fil-Parti 2 tal-Anness II u l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi.

3.   Bħala deroga mill-Paragrafi 1(a), 1(b), 1(d) u 2, il-kunsinni personali tal-prodotti tal-annimali, li ġejjin mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda, ma għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli stipulati fil-Kapitolu I ta' dik id-Direttiva, dment li huma jagħmlu parti minn waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji:

(a)

Prodotti elenkati fl-Anness I u mhumiex koperti mill-Artikolu 6 (1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE, u li l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi;

(b)

Prodotti elenkati fl-Anness II u l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi;

(c)

Prodotti mhux imsemmija fil-Paragrafi 1 (c), 3(a), 3(b) ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE, u li l-kwantità konġunta tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi.

Artikolu 3

Tagħrif li għandu jingħata mill-Istati Membri lil min jivvjaġġa u lill-pubbliku ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-punti relevanti kollha ta' dħul fil-Komunità, il-kundizzjonijiet veterinarji applikabbli għall-kunsinni personali introdotti fil-Komunità jiġi ppreżentati quddiem dawk li jivvjaġġaw li jaslu minn pajjiżi terzi.

2.   It-tagħrif mogħti lil min jivvjaġġa skont il-paragrafu 1 għandu jinkludi mill-inqas it-tagħrif f'wieħed mill-posters stipulati fl-Anness III muri minn avviżi prominenti mqiegħda f'postijiet fejn jidhru faċilment.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkomplimentaw dak it-tagħrif b'tagħrif supplimentari, inkluż:

(a)

it-tagħrif imniżżel fl-Anness IV;

(b)

tagħrif xieraq għall-kundizzjonijiet lokali, u bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom adottati skont id-Direttiva 97/78/KE.

4.   It-tagħrif stipulat fil-paragrafi 2 u 3 għandu jitfassal:

(a)

f'mill-inqas lingwa uffiċjali tal-Istat Membri ta' introduzzjoni fil-Komunità;

(b)

it-tieni lingwa meqjusa xierqa mill-awtorità kompetenti; li t-tieni lingwa tista' tkun il-lingwa użata fil-pajjiż ġar jew, fil-każ tal-ajruporti jew il-portijiet, il-lingwa l-aktar probabbli li tintuża minn passiġġieri li jaslu hemm.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku ġenerali hu konxju mir-rekwiżiti rigward l-introduzzjoni fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li jintbagħtu f'kunsinni żgħar lil persuni privati jew li huma ordnati mill-bogħod mill-konsumaturi finali.

Artikolu 4

Tagħrif li għandu jintbagħat mill-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri internazzjonali u mis-servizzi postali lill-klijenti tagħhom

L-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri internazzjonali, kif ukoll l-operaturi tal-ajruport u tal-port u l-aġenziji tal-ivvjaġġar, kif ukoll servizzi postali se jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti tagħhom għar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jipprovdulhom it-tagħrif stipulat fl-Annessi III u IV, kif stipulat fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

Kontrolli

1.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, u dawk li jagħmlu kontrolli uffiċjali, f'kooperazzjoni mal-operaturi tal-port u tal-ajruport u l-operaturi responsabbli għal punti ta' dħul oħra għall-kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, se jorganizzaw kontrolli effettivi f'punti ta' dħul fil-Komunità.

2.   Il-kontroli stipulat fil-paragrafu 1 se jimmiraw li jiskopru l-preżenza ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u biex jivverifikaw li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 huma ssodisfati.

3.   Il-kontrolli stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu organizzati permezz ta' strateġija bbażata fuq ir-riskju, inkluż, jekk jitqies meħtieġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-użu ta' għajnuniet ta' skoperta effettivi, bħal tagħmir tal-iskanjar u klieb imħarrġa, biex jeżaminaw volumi kbar ta' bagalji personali għall-preżenza ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali.

Artikolu 6

Il-pieni

1.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, li jagħmlu kontrolli uffiċjali se:

(a)

jidentifikaw il-kunsinni personali li qegħdin jiksru r-regoli stipulati f'dan ir-Regolament;

(b)

jaħtfu u jeqirdu tali kunsinni skont il-liġi nazzjonali.

2.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, li jagħmlu kontrolli uffiċjali, jistgħu jimponu spejjeż jew pieni għall-persuni responsabbli għal kwalunkwe kunsinna personali li tinstab fi vjolazzjoni tar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri se jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-qbid u l-qerda tal-kunsinni personali tidentifika l-persuna naturali jew legali responsabbli għall-ispejjeż tal-qerda ta' kull kunsinna personali bħal din li tinqabad.

Artikolu 7

Obbligi ta' rappurtar

1.   Kull sena, l-Istati Membri se jippreżentaw lill-Kummissjoni, rapport li jagħti taqsira tat-tagħrif rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jirriklamaw u jinfurzaw ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament, u fuq ir-riżultati tagħhom.

2.   Ir-rapport se jkun fis-sura ta' tabella mimlija kif stipulat fl-Anness V, u għandu jitressaq sal-ewwel jum ta' Mejju fis-sena eżatt wara tmien kull perjodu ta' rappurtar annwali. Il-perjodu ta' rappurtar jibda mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 8

Emendi

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Regoli speċifiċi għal prodotti li jkunu fil-bagalji ta' min jivvjaġġa jew li jintbagħtu bħala kunsinni lil persuni privati

Prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu fil-bagalja ta' min jivvjaġġa jew li jintbagħtu bħala kunsinni żgħar lil persuni privati għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1285/2008 (*).

Artikolu 9

Ir-revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 745/2004 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jiġu kkorrelati skont it-tabella li tinsab fl-Anness VII.

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni

L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni tabella mimlija kif stipulata fl-Anness VI minflok l-Anness V kif meħtieġ fl-Artikolu 7, għall-perjodu ta' rappurtar qabel l-1 ta' Jannar 2011, mill-ewwel jum ta' Marzu fis-sena eżatt wara tmiem kull perjodu ta' rappurtar annwali, Il-perjodu ta' rappurtar jibda mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.

(5)  ĠU L 21, 26.4.2004, p. 11.

(6)  ĠU L 122, 26.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(8)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(9)  ĠU L 270, 13.10.2007, p. 5.


ANNESS I

IL-PARTI 1

Lista ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a)

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Kwalifika u spjega

ex Kapitolu 2

(0201 -0210 )

Laħam u ġewwieni li jittiekel

Jeskludi s-saqajn taż-żrinġijiet (kodiċi NM 0208 90 70 )

0401 -0406

Prodotti tal-ħalib

Kollha

0504 00 00

Imsaren, bżieżeq tal-urina u stonkijiet tal-annimali (għajr tal-ħut), sħaħ u biċċiet minnhom, friski, imkessħa, iffriżati, immellħa, fis-salmura, imqadda jew iffumugati.

Kollha, għajr l-imsaren

1501 00

Xaħam tal-majjal (inkluż il-lardu) u xaħam tat-tjur, għajr dak tat-titolu 0209 jew 1503 .

Kollha

1502 00

Xaħmijiet ta' annimali tal-ifrat (bovini), tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, għajr dawk tal-intestatura 1503 .

Kollha

1503 00

Xaħam stearina, żejt tax-xaħam, oleostearin, żejt oleo, żejt tax-xaħam ta' dam, li mhux emulsifikat jew imħallat jew imħejji b'xi mod ieħor.

Kollha

1506 00 00

Xaħmijiet u żjut oħra mill-annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, irfinuti jew le, iżda mhux modifikati kimikament:

Kollha

1601 00

Zlazet u prodotti simili, tal-laħam, tal-ġewwieni tal-annimali jew tad-demm; preparazzjonijiet tal-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti.

Kollha

1602

Laħam ieħor, fdalijiet oħra tal-laħam jew demm ippreparati jew ippriservati.

Kollha

1702 11 00

1702 19 00

Lattożju u xropp tal-lattożju

Kollha

ex 1901

Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet ta' ikel tad-dqiq, ħafur, pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir, li jkunx fihomx kawkaw jew li fihom anqas minn 40 %, bil-piż, kawkaw ikkalkulat fuq bażi kompletament bla xaħam, mhux speċifikati jew inklużi band'oħra; preparazzjonijiet tal-ikel minn prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404 , mingħajr kawkaw jew li fihom anqas minn 5 % bħala piż ta' kawkaw ikkalkolat kompletament bla xaħam, mhux speċifikati jew inklużi band'oħra.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 1902

Għaġin, kemm jekk imsajjar u kemm jekk le jew mimli (bil-laħam jew xi sustanzi oħra) jew ippreparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljatelli, lażanja, injokki, ravjul, kannelloni; kuskus, ippreparat jew le.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 1905 90

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, li fihom il-kakaw jew le ostji għat-tqarbin, siġilli vojta ta' tip xieraq għall-użu farmaċewtiku, ostji għas-siġilli u prodotti simili.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2004

Ħxejjex oħrajn ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, iffriżati, ħlief prodotti taħt l-intestatura 2006 .

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2005

Ħxejjex oħra ppreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, mhux iffriżati, għajr il-prodotti tal-intestatura 2006 .

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2103

Zlazi u preparazzjonijiet għal dan l-iskop; kondimenti mħallta u taħwir imħallat; dqiq u trab mitħun tal-mustarda u mustarda ppreparata.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2104

Sopop u brodi u preparazzjonijiet għalihom; preparazzjonijiet tal-ikel komposti omoġenizzati.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.

ex 2105 00

Ġelat u silġ ieħor li jittiekel, sew jekk ikun fih il-kawkaw jew le.

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-ħalib.

ex 2106

Preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew inklużi band'oħra

Dawk il-preparazzjonijiet biss li fihom il-laħam jew il-ħalib.


IL-PARTI 2

Lista ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a)

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Kwalifika u spjega

0511

Prodotti tal-annimali li mhumiex imsemmija jew inklużi band'oħra; annimali mejtin tal-Kapitoli 1 jew 3, li mhumiex tajba għall-konsum mill-bniedem:

 

ex 2309

Preparazzjonijiet ta' tip użati fl-għalf tal-annimali

Ikel tal-annimali domestiċi, ikel li jomgħod il-kelb, u ikliet imħallta biss li fihom il-laħam jew il-ħalib

Noti:

1.

Kolonna 1: F'każ li huma biss ċerti prodotti taħt kwalunkwe kodiċi li hemm bżonn jiġu eżaminati taħt sorveljanza veterinarja, u ma teżisti ebda subdiviżjoni speċifika taħt din il-kodiċi fin-nomenklatura tal-oġġetti, il-kodiċi hi mmarkata “ex” (pereżempju ex 1901: huma biss dawk il-preparazzjonijiet li fihom laħam jew ħalib li jridu jiġu inklużi).

2.

Kolonna 2: Id-deskrizzjoni tal-oġġetti hi dik kif imniżżla fil-kolonna ta' deskrizzjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1). Għal aktar spjegazzjoni ta' xi tkopri eżatt it-Tariffa Komuni Doganali, jekk jogħġbok irreferi għall-aktar emenda riċenti ta' dak l-Anness.

3.

Kolonna 3: Din il-kolonna tagħti d-dettalji tal-prodotti koperti.


ANNESS II

IL-PARTI 1

Kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b)

Ħalib trab tat-trabi, ikel tat-trabi u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi, taħt il-kundizzjonijiet li dawn il-prodotti:

(i)

ma jeħtiġux tkessiħ qabel il-ftuħ,

(ii)

huma prodotti tad-ditta ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur finali, u

(iii)

li l-imballaġġ ma tqattax sakemm mhux użat attwalment.

IL-PARTI 2

Kunsnni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(b)

Għalf tal-annimali domestiċi speċjali għal raġunijiet mediċi, taħt il-kundizzjonijiet li dawn il-prodotti:

(i)

ma jeħtieġx tkessiħ qabel il-ftuħ,

(ii)

huma prodotti tad-ditta ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur finali, u

(iii)

li l-imballaġġ ma tqattax sakemm mhux użat attwalment.


ANNESS III

(L-avviżi jistgħu jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/food/fs/ah_pcad/ah_pcad_importposters_en.html).

Image Image

ANNESS IV

Tagħrif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4

Il-Parti 1 — Il-fuljett

Image

Żomm mard tal-annimali li jittieħed barra mill-UE!

Prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jkollhom patoġeni li jikkaġunaw mard li jittieħed

Minħabba r-riskju tal-introduzzjoni ta' mard fl-Unjoni Ewropea (UE), hemm proċeduri stretti għad-dħul ta' ċerti prodotti tal-annimali fl-UE. Dawn il-proċeduri ma japplikaw għall-movimenti tal-prodotti tal-annimali bejn is-27 Stat Membru tal-UE, jew għal prodotti tal-annimali li ġejjin minn Andorra, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino, u l-Iżvizzera.

Kull prodott tal-annimali li ma jikkonformax ma' dawn ir-regoli għandu jingħata malli jidħol fl-UE sabiex jintrema uffiċjalment. Nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' tali oġġetti jista' jirriżulta f'ċitazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali.

1.   Kwantitajiet żgħar ta' laħam u ħalib u l-prodotti tagħhom (għajr il-ħalib trab tat-trabi, l-ikel tat-trabi u ikel speċjali jew għalf tal-annimali domestiċi speċjali meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi)

Tista' biss iġġib jew tibgħat lill-UE kunsinni personali ta' laħam u ħalib u l-prodotti tagħhom (għajr ħalib trab tat-trabi, ikel tat-trabi u ikel speċjali jew għalf tal-annimali domestiċi speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi) dment li ġejjin mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda u li l-piż tagħhom ma jaqbiżx l-10 kilogrammi għal kull persuna.

2.   Ħalib trab tat-trabi, ikel tat-trabi u ikel speċjali meħtieġ minħabba raġunijiet mediċi

Tista' biss iġġib jew tibgħat lill-UE kunsinni personali tat-ħalib trab tat-trabi, ikel tat-trabi, u ikel speċjali meħtieġ minħabba raġunijiet mediċi, dment li:

ġejjin mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi għal kull persuna u li:

il-prodott ma jeħtieġx tkessiħ qabel il-konsum;

hu prodotti tad-ditta ppakkjati; kif ukoll

l-imballaġġ għadu sħiħ sakemm mhux qiegħed jintuża attwalment.

ġejjin minn pajjiżi oħra (għajr il-Kroazja, il-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda) u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi għal kull persuna u li:

il-prodott ma jeħtieġx tkessiħ qabel il-konsum;

hu prodotti tad-ditta ppakkjati; kif ukoll

l-imballaġġ għadu sħiħ sakemm mhux qiegħed jintuża attwalment.

3.   Għalf tal-annimali domestiċi meħtieġ minħabba raġunijiet mediċi

Tista' biss iġġib jew tibgħat lill-UE kunsinni personali ta' għalf tal-annimali domestiċi meħtieġ minħabba raġunijiet mediċi, dment li:

ġejjin mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi għal kull persuna u li:

il-prodott ma jeħtieġx tkessiħ qabel il-konsum;

hu prodotti tad-ditta ppakkjati; kif ukoll

l-imballaġġ għadu sħiħ sakemm mhux qiegħed jintuża attwalment

ġejjin minn pajjiżi oħra (għajr il-Kroazja, il-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda) u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi għal kull persuna u li:

il-prodott ma jeħtieġx tkessiħ qabel il-konsum;

hu prodotti tad-ditta ppakkjati; kif ukoll

l-imballaġġ għadu sħiħ sakemm mhux qiegħed jintuża attwalment

4.   Kwantitajiet żgħar ta' prodotti tas-sajd għall-konsum personali mill-bniedem

Tista' biss ġġib jew tibgħat lill-UE kunsinni personali ta' prodotti tas-sajd (inkluż ħut frisk, imnixxef, imsajjar, ippreservat jew affumigat, u xi frott tal-baħar bħall-gambli kbar, awwisti, molluski mejtin u gajdriet mejtin) dment li:

l-ħut jitnaddaf mill-imsaren;

il-piż tal-prodotti tal-ħut ma jaqbiżx, għal kull persuna, l-20 kilogramma jew il-piż ta' ħuta waħda, ikun xi jkun l-ogħla piż.

Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti tas-sajd li ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew l-Iżlanda.

5.   Kwantitajiet żgħar ta' prodotti tal-annimali għall-konsum personali tal-bniedem

Tista' biss ġġib jew tibgħat lill-UE prodotti tal-annimali oħrajn, bħall-għasel, gajdriet ħajjin, molluski ħajjin u bebbux pereżempju, dment li:

ġejjin mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 10 kilogrammi għal kull persuna.

ġejjin minn pajjiżi oħra (għajr il-Kroazja, il-Gżejjer Faeroe, Greenland jew l-Iżlanda) u li l-piż konġunt tagħhom ma jaqbiżx il-limitu fil-piż ta' 2 kilogrammi għal kull persuna.

Jekk jogħġbok innota li tista' ġġib kwantitajiet żgħar ta' prodotti tal-annimali minn bosta minn dawn il-ħames kategoriji ta' hawn fuq (il-paragrafi 1-5) dment li huma jikkonformaw mar-regoli spjegati f'kull wieħed mill-paragrafi rilevanti.

6.   Kwantitajiet akbar tal-prodotti tal-annimali

Tista' biss ġġib jew tibgħat lill-UE kwantitajiet ikbar ta' prodotti tal-annimali jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-kunsinni kummerċjali, li jinkludu:

rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni, kif stipulat fiċ-ċertifikat xieraq veterinarju uffiċjali tal-KE;

il-preżentazzjoni tal-oġġetti, bid-dokumentazzjoni ġusta, għal stabbiliment ta' spezzjoni fuq il-fruntiera awtorizzat tal-UE għal kontroll veterinarju, malli jaslu fl-UE.

7.   Prodotti tal-annimali eżenti

Il-prodotti li ġejjin huma eżenti mir-regoli spjegati qabel:

Ħobż, kejkijiet, biskuttini, ċikkulata u ħlewwiet (inkluż il-ħelu) mhux imħallta jew mimlija bi prodotti tal-laħam;

Supplimenti tal-ikel ippakkjati għall-konsumatur finali;

Estratti tal-laħam u konċentrati tal-laħam;

Żebbuġ mimli bil-ħut;

Għaġin u taljarini mhux imħallta jew mimlija bi prodotti tal-laħam.

Stokkijiet u ħwawar tas-sopop ippakkjati għall-konsumatur finali.

Kwalunkwe prodotti tal-ikel ieħor li ma fih l-ebda laħam frisk jew ipproċessat jew b'inqas minn 50 % ta' bajd ipproċessat jew prodotti tas-sajd.

8.   Prodotti tal-annimali minn speċi protetta

Jista' jkun hemm restrizzjonijiet oħra għal ċerti speċi protetti. Pereżempju għall-kavjar tal-ispeċi tal-isturjun, il-limitu fil-piż hu massimu ta' 125 gramma għal kull persuna.

Il-Parti 2 — Vidjow

It-tagħrif stipulat fil-Parti 1 tista' tingħadda permezz ta' vidjow, bħal dak ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f'din il-webpejġ.

http://ec.europa.eu/food/animal/animalproducts/personal_imports/index_en.htm


ANNESS V

Ċifri dwar ir-riżultati tal-infurzar tar-regoli dwar l-introduzzjoni tal-kunsinni personali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Din l-informazzjoni trid titressaq lill-Kummissjoni Ewropea mhux aktar tard mill-ewwel jum ta' Mejju tas-sena minnufih wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' rappurtar annwali.

Il-perjodu ta' rappurtar għandu jibda mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

It-tagħrif fil-qosor u t-tagħrif rranġat u miġbur flimkien jista' jinstab fil-websajt tal-Kummissjoni Ewropea fuq:

http://ec.europa.eu/food/animal/animalproducts/personal_imports/index_en.htm.


ANNESS VI

Ċifri mir-riżultati tal-infurzar tar-regoli dwar l-importazzjoni personali ta' laħam u ħalib

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Din l-informazzjoni trid titressaq lill-Kummissjoni Ewropea mhux aktar tard mill-ewwel jum ta' Marzu tas-sena minnufih wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' rappurtar annwali.

Il-perjodu ta' rappurtar għandu jibda mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.


ANNESS VII

Tabella ta' korrispondenza

Ir-Regolament (KE) Nru 745/2004

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 2(1)(a)

L-Artikolu 1(4)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2(1)(b)

L-Artikolu 2(3)(a)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 3(1) u 3(2)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4(1)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 4(2)

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 4(3)

L-Artikolu 6(2) u 6(3)

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 5(2)

L-Annessi IV, V u VI

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7(1)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 7(2)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 7(3)

L-Anness I

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III

L-Anness III

L-Anness IV

L-Anness IV

L-Annessi V u VI

L-Anness V

L-Anness I