ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
31 ta' Diċembru 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel ( 1 )

1

 

*

Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 ( 1 )

7

 

*

Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel ( 1 )

16

 

*

Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE ( 1 )

34

 

*

Regolament (KE) Nru 1335/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji ( 1 )

51

 

*

Regolament (KE) Nru 1336/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 biex jadattah għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ( 6 )

60

 

*

Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

62

 

*

Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol ( 7 )

70

 

*

Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Tfassil mill-ġdid)

82

 

 

 

*

Nota lill-qarrej (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

 

(6)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

 

(7)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1331/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u wtiq jikkostitwixxi aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll għall-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom.

(2)

Jaqbel li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem waqt l-eżekuzzjoni tal-linji ta’ politika Komunitarja.

(3)

Sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem, l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel, ta’ enżimi ta’ l-ikel u ta’ aromatizzanti ta’ l-ikel għall konsum mill-bniedem għandu jiġi vvalutat qabel ma dawn jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 war l-addittivi ta’ l-ikel (3), ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel (4) u r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti ta’ l-ikel u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel li għandhom kwalitajiet ta’ aromatizzanti għall-użu fl-ikel (5) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“liġijiet settorjali ta’ l-ikel”) jistabbilixxu l-kriterji u l-esiġenzi armonizzati relattivi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi.

(5)

Huwa maħsub, b’mod partikolari, li l-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel, sal-punt illi s-sikurezza tal-aromatizzanti ta’ l-ikel għandha tkun soġġetta għal evalwazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq u jiġu utilizzati fl-ikel tal-bniedem, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti għal kull liġi settorjali ta’ l-ikel, jekk dawn ma jkunux inklużi fil-lista tal-Komunità li telenka sustanzi awtorizzati.

(6)

L-assigurazzjoni tat- trasparenza fil-produzzjoni u fl-immaniġġjar ta’ l-ikel hija assolutament kruċjali sabiex tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur.

(7)

F’dan il-kuntest, jidher li jaqbel li tiġi stabbilita proċedura Komunitarja uniformi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għal dawn it-tliet kategoriji ta’ sustanzi li tkun effikaċi, limitata fiż-żmien u trasparenti sabiex tiffaċilita l-moviment liberu tagħhom fis-suq tal-Komunità.

(8)

Din il-proċedura komuni trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ l-amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza ġuridika u trid tiġi implimentata skond dawk il-prinċipji.

(9)

Għalhekk, dan ir-Regolament ser jikkompleta l-qafas regolatorju ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi billi jistabbilixxi l-istadji differenti tal-proċedura, taż-żminijiet relattivi għalihom, tar-rwol tal-partijiet kollha implikati u tal-prinċipji applikabbli. Madankollu, għal ċerti aspetti tal-proċedura, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel.

(10)

L-iskadenzi stabbiliti fil-proċedura jieħdu kont tal-ħin meħtieġ għall-konsiderazzjoni tad-diversi kriterji stabbiliti f’kull liġi settorjali ta’ l-ikel, kif ukoll biex jitħalla ħin biżżejjed għall-konsultazzjoni waqt it-tħejjija ta’ abbozz ta’ miżuri. B’mod partikolari, l-iskadenza ta’ disa’ xhur sabiex il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta’ regolament li jaġġorna l-lista Komunitarja ma għandux jipprekludi l-possibilita’ li dan isir f’perijodu iqsar.

(11)

Meta tkun irċevuta applikazzjoni l-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura u meta jkun meħtieġ tfittex l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn issa ‘l quddiem “l-Awtorità”) stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (6) mill-iktar fis wara li jiġu eżaminati l-validità u l-applikabilità ta’ l-applikazzjoni.

(12)

Skond il-qafas ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sikurezza ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi għandha tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni xjentifika indipendenti, fl-għola livell possibbli, tar-riskji li dawn jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem. Din l-evalwazzjoni, li trid titwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Awtorità, trid tiġi segwita minn deċiżjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji li tittieħed mill-Kummissjoni, fil-qafas ta’ proċedura regolatorja li tiżgura kooperazzjoni stretta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(13)

L-awtorizzazzjoni sabiex jitpoġġew sustanzi fis-suq għandha tingħata skond dan ir-Regolament kemm-il darba l-kriterji għall-awtorizzazzjoni stabbiliti taħt il-liġijiet settorjali ta’ l-ikel ikun ssodisfati.

(14)

Huwa rikonoxxut li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji ma tistax, f’ċerti każi, tipprovdi waħedha l-informazzjoni kollha li fuqha trid tiġi bbażata deċiżjoni ta’ ġestjoni tar-riskji, u li fatturi oħra leġittimi u pertinenti għall-kwistjoni li qed tiġi eżaminata jistgħu jiġu kkunsidrati, inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali u l-fattibilità tal-kontrolli.

(15)

Sabiex jiġi żgurat li dawk l-operaturi ta’ negozju fis-setturi kkonċernati u l-pubbliku jinżammu infurmati bl-awtorizzazzjonijiet fis-seħħ, jaqbel li s-sustanzi awtorizzati jidhru fuq lista tal-Komunità stabbilita, miżmuma u ppubblikata mill-Kummissjoni.

(16)

Fejn xieraq u skond ċerta ċirkostanzi l-liġi settorjali ta’ l-ikel speċifika tista’ tipprovdi għall-ħarsien ta’ data xjentifika u tagħrif ieħor imressaq mill-applikant għal ċertu perjodu ta’ żmien. F’dan il-każ, il-liġi settorjali ta’ l-ikel għandha tistabbilixxi kundizzjonijiet skond liema din id-data tista’ ma tintużax għall-benefiċċju ta’ applikant ieħor.

(17)

In-netwerking bejn l-Awtorità u l-entitajiet ta’ l-Istati Membri li jaħdmu fl-oqsma li jaqgħu taħt il-missjoni ta’ l-Awtorità huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-funzjonament ta’ din ta’ l-aħħar. Għalhekk, biex telabora l-parir tagħha, l-Awtorità tista’ tirrikorri għan-network li huwa disponibbli għaliha permezz ta’ l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2230/2004 (7).

(18)

Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni uniformi tas-sustanzi trid tissodisfa l-esiġenzi ta’ trasparenza u ta’ l-informazzjoni tal-pubbliku filwaqt li tiggarantixxi d-dritt ta’ l-applikanti għall-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni.

(19)

Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ ċerti aspetti ta’ applikazzjoni għandha dejjem tibqa’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġi protetta l-pożizzjoni kompetittiva ta’ applikant. Madanakollu, informazzjoni rigward is-sikurezza ta’ xi sostanza, inkluż imma mhux biss studji tossikoloġiċi, studji oħra tas-sikurezza u data mhux ipproċessata per se, ma għandha taħt l-ebda ċirkustanzi, tkun kunfidenzjali.

(20)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (8) japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità.

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-proċeduri ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti ta’ l-ikel ta’ oriġini Komunitarji jew impurtati minn pajjiż terz. Dan jawtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri bħal dawn meta l-oġġetti ta’ l-ikel ikunu suxxettibbli li jikkostitwixxu riskju gravi għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew għall-ambjent u li dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri kkonċernati.

(22)

Fl-interess ta’ l-effiċjenza u s-simplifikazzjoni leġislattiva, jaqbel li fi żmien medju tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ opportunità li jinfirex il-kamp ta’ l-applikazzjoni tal-proċedura komuni għal regolamenti eżistenti oħra fil-qasam ta’ l-ikel.

(23)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità hekk kif iddikjarat fl-imsemmi Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(24)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9).

(25)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taġġorna l-listi Komunitarji. Ladarba dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, inter alia, billi jissupplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(26)

Minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza, il-limiti ta’ żmien normali applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom jitqassru għaż-żieda ta’ sustanzi fil-listi Komunitarji u għaż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil tal-kondizzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet relatati mal-preżenza ta’ sustanza fil-listi Komunitarji.

(27)

Meta, minħabba imperattiva raġunijiet ta’ urġenza, ma jistax ikun hemm konformità mal-limiti ta’ żmien normali applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tapplika l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE dwar it-tneħħija ta’ sustanza mil-listi Komunitarji u għaż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil ta’ kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet assoċjati mal-preżenza ta’ sustanza fil-listi Komunitarji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni (minn issa ‘l quddiem il-“proċedura komuni”) ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, ta’ l-enzimi ta’ l-ikel, tal-aromatizzanti ta’ l-ikel u ta’ materjali sorsi ta’ aromatizzanti ta’ l-ikel u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel li għandhom il-kwalitajiet ta’ aromatizzanti utilizzati jew maħsuba biex jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel (minn issa ‘l quddiem is-“sustanzi”), li tikkontribwixxi għall-moviment liberu ta’ l-ikel fil-Komunità u għal livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u għal livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, inkluż il-ħarsien ta’ l-interessi tal-konsumatur. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal aromatizzanti ta’ l-affumikazzjoni li jidħlu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (10).

2.   Il-proċedura komuni għandha tistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali għall-aġġornament tal-listi tas-sustanzi li t-tqegħid tagħhom fis-suq huwa awtorizzat mill-Komunità taħt ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 [dwar l-addittivi ta’ l-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar l-enżimi ta’ l-ikel] u r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 [dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ aromatizzanti għall-użu fi jew fuq l-ikel] (minn issa ‘l quddiem il- “liġijiet settorjali ta’ l-ikel”).

3.   Il-kriterji li taħthom jistgħu jiġu inklużi s-sustanzi fil-lista Komunitarja stipulata fl-Artikolu 2, il-kontenut tar-Regolament msemmi fl-Artikolu 7 u, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet transitorji dwar proċeduri li jkunu għaddejjin huma ddeterminati f’kull liġi settorjali ta’ l-ikel.

Artikolu 2

Lista Komunitarja tas-sustanzi

1.   Fil-qafas ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, is-sustanzi li jkunu ġew awtorizzati biex jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità għandhom ikunu inklużi fuq lista li l-kontenut tagħha ikun iddeterminat mil-leġiżlazzjoni msemmija (minn issa ‘l quddiem imsejħa il-“lista Komunitarja”). Il-lista Komunitarja għandha tiġi aġġornata mill-Kummissjoni. Hija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   L-“Aġġornament tal-lista Komunitarja”, tfisser:

(a)

iż-żieda ta’ sustanza fuq il-lista Komunitarja;

(b)

it-tneħħija ta’ sustanza mil-lista Komunitarja;

(ċ)

iż-żieda, it-tneħħija jew il-modifika tal-kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet li huma marbuta mal-preżenza ta’ sustanza fuq il-lista Komunitarja.

KAPITOLU II

IL-PROĊEDURA KOMUNI

Artikolu 3

Stadji ewlenin tal-proċedura komuni

1.   Il-proċedura komuni li twassal għall-aġġornament tal-lista Komunitarja tista’ tinbeda kemm fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u kemm fuq talba. Din it-talba tista’ tiġi introdotta minn Stat Membru jew minn persuna interessata, fejn din il-persuna tkun tista’ tirrappreżenta diversi persuni interessati, skond il-kondizzjonijiet previsti mill-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) (minn issa ‘l quddiem, “applikant”). L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummisjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn issa ‘l quddiem l-“Awtorità”), li għandha tingħata skond l-Artikolu 5.

Madankollu, għall-aġġornamenti msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) u (c), il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata tfittex il-parir ta’ l-Awtorità jekk l-aġġornamenti in kwistjoni ma jkunux suxxettibbli li jkollhom effett fuq saħħet il-bniedem.

3.   Il-proċedura komuni tintlaħaq permezz ta’ l-adozzjoni ta’ Regolament mill-Kummissjoni li jwassal għall-aġġornament, skond l-Artikolu 7.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ ttemm il-proċedura komuni u tiddeċiedi li ma tkomplix b’aġġornament ippjanat, f’kull stadju tal-proċedura, jekk din tqis li aġġornament bħal dak mhux ġustifikat. Hija għandha tqis, jekk ikun il-każ, l-opinjoni ta’ l-Awtorità, il-fehmiet ta’ l-Istati Membri, kwalunkwe dispożizzjoni pertinenti tal-liġi Komunitarja u fatturi oħra leġittimi rilevanti għall-kwistjoni eżaminata.

Fit-tali każijiet, fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant u lill-Istati Membri direttament, filwaqt li fl-ittra tagħha tindika r-raġunijiet għaliex hi kkunsidrat l-aġġornament bħala wieħed mhux ġustifikat.

Artikolu 4

Il-ftuħ tal-proċedura

1.   Meta jkollha talba li l-għan tagħha huwa l-aġġornament tal-lista Komunitarja, il- Kummissjoni:

(a)

għandha tagħti dikjarazzjoni bil-miktub lill-applikant li t-talba ġiet irċevuta fi żmien erbatax-il jum tax-xogħol wara li tirċeviha;

(b)

jekk ikun il-każ, għandha tikkomunika mill-aktar fis possibbli t-talba lill-Awtorità u tressaq quddiemha talba għal opinjoni skond l-Artikolu 3(2).

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed it-talba għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri.

2.   Meta tibda l-proċedura fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tinforma b’dan lill-Istati Membri u jekk ikun il-każ, tressaq talba għal opinjoni quddiem l-Awtorità.

Artikolu 5

L-opinjoni ta’ l-Awtorità

1.   L-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien disa’ xhur wara li tkun ġiet irċevuta talba valida.

2.   L-Awtorità għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u, jekk applikabbli, lill-applikant.

Artikolu 6

Tagħrif addizzjonali rigward il-ġestjoni tar-riskju

1.   Meta jkun hemm raġuni xierqa biex l-Awtorità titlob informazzjoni komplementari mingħand l-applikant, iż-żmien imsemmi fl-Artikolu 5(1) jista’ jiġi estiż. Wara konsultazzjoni ma’ l-applikant, l-Awtorità għandha tiffissa żmien li fih din l-informazzjoni tista’ tingħata u għandha tinforma lill-Kummissjoni biż-żmien supplementari neċessarju. Jekk il-Kummissjoni ma toġġezzjonax fi żmien tmint ijiem ta’ xogħol wara l-għoti ta’ l-informazzjoni mill-Awtorità, iż-żmien imsemmi fl-Artikolu 5(1) għandu jiżdied awtomatikament biż-żmien supplementari. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’din l-estensjoni.

2.   Jekk l-informazzjoni komplementari ma tintbgħatx lill-Awtorità fiż-żmien supplementari msemmi fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tiffinalizza l-opinjoni tagħha fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li tkun diġa ingħatat.

3.   Meta l-applikant jippreżenta informazzjoni komplementari fuq inizjattiva tiegħu stess, dan għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-Awtorità u lill-Kummissjoni. F’dan il-każ, l-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha fiż-żmien oriġinali mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10.

4.   L-Awtorità għandha tagħmel tagħti aċċess l-informazzjoni komplementari disponibbli għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

Artikolu 7

Aġġornament tal-lista Komunitarja

1.   Fi żmien disa’ xhur wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14(1), abbozz ta’ Regolament li jaġġorna l-lista Komunitarja, filwaqt li tikkunsidra l-opinjoni ta’ l-Awtorità, id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tal-liġi Komunitarja u fatturi oħra leġittimi rilevanti għall-kwistjoni eżaminata.

F’dawk il-każijiet fejn l-opinjoni ta’ l-Awtorità ma kenitx mitluba, il-perijodu ta’ disa’ xhur għandu jibda mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni valida.

2.   Fir-Regolament li jaġġorna l-lista Komunitarja, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata għandhom ikunu spjegati.

3.   Meta l-abbozz tar-regolament ma jkunx konformi ma’ l-opinjoni ta’ l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tispjega r-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha.

4.   Il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, relatati mat-tneħħija ta’ sustanza mil-lista Komunitarja, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).

5.   Minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza, il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, inter alia billi jissuplimentawha, rigward iż-żieda ta’ sustanza fil-lista Komunitarja u ż-żieda, it-tneħħija jew il-modifika tal-kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet li huma marbuta mal-preżenza ta’ sustanza fuq il-lista Komunitarja, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(4).

6.   Minħabba raġunijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 14 (5) għat-tneħħija ta’ sustanza mil-lista Komunitarja u għaż-żieda, it-tneħħija jew it-tibdil ta’ kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet marbuta mal-preżenza ta’ sustanza fil-lista Komunitarja.

Artikolu 8

Tagħrif addizzjonali rigward il-ġestjoni tar-riskju

1.   Meta l-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali lill-applikant dwar aspetti rigward il-ġestjoni tar-riskji, din għandha tistabilixxi, f’konsultazzjoni ma’ l-applikant, żmien li fih tista’ tingħata dik l-informazzjoni. F’dan il-każ, iż-żmien imsemmi fl-Artikolu 7 jista’ jiġi estiż skond il-każ. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-estensjoni u għandha tagħti aċċess għall-informazzjoni komplementari disponibbli lill-Istati Membri ladarba din tkun ipprovduta.

2.   Jekk l-informazzjoni addizzjonali ma tiġix mogħtija fiż-żmien supplementari msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi abbażi ta’ l-informazzjoni li diġà ngħatat.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET VARJI

Artikolu 9

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(2), fi żmien massimu ta’ 24 xahar wara l-adozzjoni ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, il-miżuri implimentattivi ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, u għanhom jikkonċernaw b’mod partikolari:

(a)

il-kontenut, l-abbozzar u l-preżentazzjoni tat-talba msemmija fl-Artikolu 4(1);

(b)

il-modalitajiet għall-kontroll tal-validità tat-talba;

(ċ)

in-natura ta’ l-informazzjoni li trid tidher fl-opinjoni ta’ l-Awtorità msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Sabiex jiġu adottati l-miżuri implimentattivi msemmija fil-paragrafu 1(a), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Awtorità li għandha tippreżentalha, fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, proposta dwar l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kkonċernati.

Artikolu 10

L-estensjoni tal-perjodi ta’ żmien

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, iż-żminijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7 jistgħu jiġu estiżi mill-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha jew, jekk ikun il-każ, fuq it-talba ta’ l-Awtorità, jekk ix-xorta tal-kwistjoni jiġġustifika dan, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 8(1). F’dan il-każ, jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant u lill-Istati Membri b’din l-estensjoni, kif ukoll bir-raġunijiet li jiġġustifikawha.

Artikolu 11

It-trasparenza

L-Awtorità għandha tiżgura t-trasparenza ta’ l-attivitajiet tagħha skond l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. B’mod partikolari, hija għandha tagħmel pubbliċi l-opinjonijiet tagħha mingħajr dewmien. Hija għandha wkoll tagħmel pubblika kwalunkwe talba għall-opinjoni tagħha kif ukoll kwalunkwe estensjoni tal-perjodu skond l-Artikolu 6(1).

Artikolu 12

Il-kunfidenzjalità

1.   Mill-informazzjoni ipprovduta mill-applikanti, tista’ tiġi trattata bħala kunfidenzjali dik l-informazzjoni li t-tixrid tagħha jista’ jkun ta’ detriment għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

Fl-ebda ċirkustanzi m’hi meqjusa bħala kunfidenzjali l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant;

(b)

l-isem u deskrizzjoni ċara tas-sustanza;

(ċ)

il-ġustifikazzjoni għall-użu tas-sustanza fi jew fuq oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi jew kategoriji ta’ l-ikel;

(d)

l-informazzjoni li hija ta’ interess għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tas-sustanza;

(e)

jekk ikun il-każ, il-metodu jew metodi ta’ l-analiżi.

2.   Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, l-applikant għandu jindika liema parti mill-informazzjoni kkomunikata jixtieq li tkun trattata bħala kunfidenzjali. F’każijiet bħal dawn, trid tingħata ġustifikazzjoni li tista’ tiġi verifikata.

3.   Wara konsultazzjoni ma’ l-applikanti, il-Kummissjoni għandha tiddetermina x’inhi l-informazzjoni li tista’ tibqa’ kunfidenzjali u għandha tinforma lill-applikanti u lill-Istati Membri b’dan.

4.   Wara li jkunu ġew mgħarrfa bil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, l-applikanti għandhom żmien ta’ tliet ġimgħat biex jirtiraw it-talba taghom, sabiex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kkomunikata. Il-kunfidenzjalità għandha tinżamm sakemm jgħaddi dan iż-żmien.

5.   Il-Kummissjoni, l-Awtorità u l-Istati Membri, skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adegwata ta’ l-informazzjoni li huma jirċievu taħt dan ir-Regolament, ħlief għall-informazzjoni li trid issir pubblika jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, sabiex iħarsu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent.

6.   Jekk l-applikant jirtira jew ikun irtira t-talba tiegħu, il-Kummissjoni, l-Awtorità, u l-Istati Membri m’għandhomx jikxfu informazzjoni kunfidenzjali, inkluż l-informazzjoni li n-natura tagħha tkun soġġetta għal diverġenza fl-opinjoni bejn il-Kummissjoni u l-applikant.

7.   L-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 6 ma tippreġudikax iċ-ċirkulazzjoni ta’ l-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Awtorità u l-Istati Membri.

Artikolu 13

Emerġenzi

F’każ ta’ emerġenza li tikkonċerna sustanza li tidher fuq il-lista Komunitarja, partikolament fid-dawl ta’ xi opinjoni ta’ l-Awtorità, għandhom jiġu stabbiliti miżuri skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Artikolu 14

Il-Kumitat

1.   Il-Kummisjoni hija assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a(3)(c) u (4)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu xahrejn, xahrejn u erba’ xhur rispettivament.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 15

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri

Sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni u lill-Awtorità, fir-rigward ta’ kull liġi settorjali ta’ l-ikel, l-isem u l-indirizz, kif ukoll punt ta’ kuntatt, ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti għall-iskopijiet tal-proċedura komuni.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 16

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan japplika, għal kull liġi settorjali ta’ l-ikel, mid-data ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1).

L-Artikolu 9 jibda japplika mill-20 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 134), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 1), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008. (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(3)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Ara paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(7)  Regolament (KE) Nru 2230/2004 tat-23 ta’ Diċembru 2004 li jindika termini ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 f’dak li għandu x’jaqsam max-xibka ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 64).

(8)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)  ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1.


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/7


REGOLAMENT (KE) Nru 1332/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar l-enżimi ta’ l-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu ta’ ikel mhux perikoluż u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(2)

Livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat biex titwettaq il-politika tal-Komunità.

(3)

Enżimi ta' l-ikel oħra apparti dawk użati bħala additivi ta' l-ikel mhumiex attwalment regolati jew huma regolati bħala għajnuniet għall-ipproċessar taħt il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri. Differenzi bejn liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' enżimi ta' l-ikel jistgħu jtellfu l-moviment liberu, waqt li joħolqu kondizzjonijiet għal kompetizzjoni inugwali u inġusta. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu adottati regoli Komunitarji li jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati ma' l-użu ta' enżimi fl-ikel.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jkopri biss enżimi li huma miżjuda ma' l-ikel biex iwettqu funzjoni teknoloġika fil-manifatturar, l-ipproċessar, it-tħejjija, it-trattament, l-imballaġġ, it-trasport jew il-ħażna ta' tali ikel, inkluż enżimi użati bħala għajnuniet għall-ipproċessar (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'enżimi ta' l-ikel'). Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament m'għandux għalhekk jiġi estiż għal enżimi li mhumiex miżjuda ma' l-ikel biex iwettqu funzjoni teknoloġika imma li huma intiżi għal konsum tal-bniedem, bħal enżimi għal skopijiet ta' nutrizzjoni jew ta’ diġestjoni. Kulturi mikrobjali tradizzjonalment użati fil-produzzjoni ta' l-ikel, bħal ġobon u nbid, u li jistgħu jipproduċu inċidentalment enżimi imma mhumiex speċifikatament użati biex jipproduċuhom, m'għandhomx ikunu kkunsidrati bħala enżimi ta' l-ikel.

(5)

Enżimi ta' l-ikel użati esklussivament fil-produzzjoni ta' additivi ta' l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar additivi ta' l-ikel (3) għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għaliex is-sigurtà ta' dan l-ikel diġà hi vvalutata u rregolata. Madankollu, meta dawn l-enżimi ta' l-ikel huma użati bħala tali fl-ikel, huma koperti b'dan ir-Regolament.

(6)

Enżimi ta' l-ikel għandhom jiġu approvati u użati biss jekk huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament. Enżimi ta' l-ikel għandhom ikunu sikuri meta użati, għandu jkun hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu tagħhom u l-użu tagħhom m'għandux iqarraq lill-konsumatur. Modi kif il-konsumatur jista' jiġi żgwidat jinkludu, imma m'humiex limitati għal, kwistjonijiet relatati man-natura, il-freskezza, il-kwalità ta' l-ingredjenti użati, in-naturalezza tal-prodott jew tal-proċess ta' produzzjoni, jew il-kwalità nutrittiva tal-prodott. L-approvazzjoni ta' enżimi ta' l-ikel għandha tieħu wkoll f'kont fatturi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni, inkluż fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali, il-prinċipju prekawzjonarju u l-fattibbiltà ta' kontrolli.

(7)

Xi enżimi ta' l-ikel huma permissibbli għal użi speċifiċi, bħal f'meraq tal-frott u ċerti prodotti simili u ċerti laktoproteini maħsuba għal konsum tal-bniedem, u għal ċerti prattiċi u proċessi enoloġiċi awtorizzati. L-użu ta' dawn l-enżimi ta' l-ikel għandujikkonforma ma' dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità. Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (4), id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE tal-25 ta' Lulju 1983 dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem (5) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (6) għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq. Peress li l-enżimi ta' l-ikel kollha għandhom ikunu koperti b'dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid (7) għandu jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Enżimi ta' l-ikel li l-użu tagħhom huwa permissibbli fil-Komunità għandhom jidhru f'lista tal-Komunità li għandha tiddeskrivi b'mod ċar l-enżimi, u tispeċifika kwalunkwe kondizzjoni li tirregola l-użu tagħhom, inkluż fejn meħtieġ informazzjoni dwar il-funzjoni tagħhom fl-ikel finali. Din il-lista għandha tiġi ssupplimentata bi speċifikazzjonijiet, b'mod partikolari dwar l-oriġini tagħhom, inkluż fejn rilevanti informazzjoni dwar proprjetajiet allerġeniċi, u kriterji ta' purità.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju ta' enżimi ta' l-ikel u l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Komunità għandhom jitwettqu skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-additivi ta' l-ikel, l-enżimi ta' l-ikel u l-aromatizzanti ta' l-ikel (8).

(10)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (9), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa l“Awtorità”) trid tiġi kkonsultata dwar kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa pubblika.

(11)

Enżima ta' l-ikel li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (10) għandha tkun awtorizzata skond dak ir-Regolament kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

(12)

Enżima ta' l-ikel diġà inkluża fil-lista tal-Komunità taħt dan ir-Regolament li hija mħejjija b'metodi ta' produzzjoni jew bl-użu ta' materjali tal-bidu differenti b'mod sinifikanti minn dawk inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta' l-Awtorità, jew differenti minn dawk koperti bl-awtorizzazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandha tiġi sottomessa għall-valutazzjoni mill-Awtorità. “Differenti b’mod sinifikanti” tista' tfisser inter alia bidla fil-metodu tal-produzzjoni mill-estrazzjoni minn pjanta sal-produzzjoni bil-fermentazzjoni bl-użu ta' mikroorganiżmu jew modifika ġenetika tal-mikroorganiżmu oriġinali, bidla fil-materjali tal-bidu, jew bidla fid-daqs tal-partiċella.

(13)

Peress li ħafna enżimi ta' l-ikel diġà huma fis-suq tal-Komunità, għandha ssir dispożizzjoni biex tiżgura li l-bidla għal lista tal-Komunità ta' enżimi ta' l-ikel issir bla xkiel u ma tiddisturbax is-suq eżistenti ta' enżimi ta' l-ikel. Għandu jingħata ħin biżżejjed għall-applikanti biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni neċessarja għall-valutazzjoni tar-riskju ta' dawn il-prodotti. Perijodu inizjali ta' sentejn għandu għalhekk jiġi permess wara d-data ta' applikazzjoni tal-miżuri implimentattivi li trid tiġi stabbilita skond ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 biex l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex jissottomettu l-informazzjoni dwar l-enżimi eżistenti li jistgħu jiġu inklużi fil-lista Komunitarja li għandha tkun ikkompilata taħt dan ir-Regolament. Għandu jkun ukoll possibbli li jiġu sottomessi applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' enżimi ġodda matul il-perijodu inizjali ta' sentejn. L-Awtorità għandha tivvaluta mingħajr dewmien l-applikazzjonijiet kollha għal enżimi ta' l-ikel li għalihom ġiet sottomessa biżżejjed informazzjoni matul dak il-perijodu.

(14)

Sabiex tiżgura kondizzjonijiet ġusti u ugwali għall-applikanti kollha, il-lista tal-Komunità għandha titfassal fi stadju wieħed. Dik il-lista għandha tiġi stabbilita wara li tkun ġiet kompletata l-valutazzjoni tar-riskju ta' l-enżimi ta' l-ikel kollha li għalihom ġiet sottomessa biżżejjed informazzjoni matul il-perijodu inizjali ta' sentejn. Madankollu, il-valutazzjonijiet tar-riskju ta' l-Awtorità għal enżimi individwali għandhom ikunu ppubblikati hekk kif jitlestew.

(15)

Numru sinifikanti ta' applikazzjonijiet huwa mistenni li jiġi sottomess matul il-perijodu inizjali ta' sentejn. Għalhekk jista' jkun meħtieġ perijodu twil qabel ma tkun ġiet kompletata l-valutazzjoni tar-riskju ta' dawn l-enżimi ta' l-ikel u qabel ma tkun tfasslet il-lista tal-Komunità. Sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għas-suq għal enżimi ta' l-ikel ġodda wara l-perijodu inizjali ta' sentejn, għandu jiġi previst perijodu transitorju li matulu enżimi ta' l-ikel u ikel li juża enżimi ta' l-ikel ikun jista' jitpoġġa fis-suq u jiġi użat, skond ir-regoli nazzjonali eżistenti fl-Istati Membri, sakemm titfassal il-lista tal-Komunità.

(16)

L-enżimi ta' l-ikel E 1103 Invertase u E 1105 Lysozyme, li ġew awtorizzati bħala additivi ta' l-ikel taħt id-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Frar 1995 dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (11), u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħhom għandhom jgħaddu mid-Direttiva 95/2/KE għal-lista tal-Komunità meta titfassal b'dan ir-Regolament. Flimkien ma’ dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 jawtorizza l-użu ta’ urease, beta-glucanase u lysozyme fl-inbid, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 423/2008 tat-8 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid u li jistabbilixxi kodiċi tal-Komunità ta’ prattiċi u proċessi oenoloġiċi (12). Dawk is-sustanzi huma enżimi ta' l-ikel u huma għandhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom għalhekk jiżdiedu wkoll mal-lista tal-Komunità meta titfassal għall-użu tagħhom fl-inbid skond ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u r-Regolament (KE) Nru 423/2008.

(17)

Enżimi ta' l-ikel jibqgħu soġġetti għall-obbligi ġenerali ta' tikkettar previsti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (13) u, skond il-każ, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament (14). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-ittikkettar ta' l-enżimi ta’ l-ikel mibjugħa bħala tali lill-manifattur jew lill-konsumatur għandhom jinsabu f’dan ir-Regolament.

(18)

Enżimi ta' l-ikel huma koperti bid-definizzjoni ta' ikel fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u huma għalhekk, meta użati f'ikel, meħtieġa li jiġu indikati bħala ingredjenti fit-tikkettar ta' l-ikel f'konformità mad-Direttiva 2000/13/KE. Enżimi ta' l-ikel għandhom jiġu magħżula mill-funzjoni teknoloġika tagħhom fl-ikel, segwit mill-isem speċifiku ta' l-enżima ta' l-ikel. Madankollu, għandha ssir dispożizzjoni għal deroga mid-dispożizzjonijiet dwar tikkettar f'każijiet fejn l-enżima ma twettaq l-ebda funzjoni teknoloġika fil-prodott finali imma hija preżenti fl-oġġett ta' l-ikel biss bħala riżultat ta' trasferiment permezz ta' ingredjent wieħed jew iżjed ta' l-oġġett ta' l-ikel jew fejn hija użata bħala għajnuna għall-ipproċessar. Id-Direttiva 2000/13/KE għandha tiġi emendata skond dan.

(19)

Enżimi ta' l-ikel għandhom jinżammu taħt osservazzjoni kontinwa u għandhom jiġu evalwati mill-ġdid kull meta jkun meħtieġ fid-dawl ta' kondizzjonijiet li dejjem jinbidlu li jirregolaw l-użu tagħhom u informazzjoni xjentifika ġdida.

(20)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (15).

(21)

B'mod partikolari il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta miżuri transitorji xierqa. Billi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b' elementi mhux-essenzjali ġodda, dawn għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Sabiex tiġi żviluppata u aġġornata l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar enżimi ta' l-ikel b'mod proporzjonat u effettiv, huwa neċessarju li tinġabar data, tiġi kondiviża informazzjoni u tiġi kkoordinata ħidma bejn l-Istati Membri. Għal dak il-fini, jista' jkun utli li jitwettqu studji biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Ikun xieraq li bħala parti mill-proċedura baġitarja tagħha l-Komunità tiffinanzja studji bħal dawn. Il-finanzjament ta' tali miżuri huwa kopert bir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta' l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta' l-annimali (16).

(23)

L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali sabiex jinfurzaw il-konformità ma' dan ir-Regolament skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(24)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti r-regoli tal-Komunità dwar enżimi ta' l-ikel, ma jistax jintlaħaq kif xieraq mill-Istati Membri u jista' għalhekk, fl-interess ta' l-unità tas-suq u l-livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur jintlaħaq aħjar f'livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar enżimi ta' l-ikel użati fi prodotti ta' l-ikel, inkluż tali enżimi użati bħala għajnuniet għall-ipproċessar, bl-għan li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħa tal-bniedem u livell għoli tas-saħħa tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur u prattiki ġusti fil-kummerċ ta' l-ikel, filwaqt li titqies, fejn xieraq, il-protezzjoni ta' l-ambjent.

Għal dawn l-iskopijiet, dan ir-Regolament jipprovdi għal:

(a)

lista tal-Komunità ta' enżimi ta' l-ikel approvati;

(b)

kondizzjonijiet ta' l-użu ta' enżimi ta' l-ikel f'oġġetti ta' l-ikel;

(c)

regoli dwar it-tikkettar ta' enżimi ta' l-ikel mibjugħa bħala tali.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal enżimi ta' l-ikel kif definiti fl-Artikolu 3.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal enżimi ta' l-ikel meta u sakemm huma użati fil-produzzjoni ta':

(a)

additivi ta' l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 [dwar additivi ta' l-ikel];

(b)

għajnuniet għall-ipproċessar.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regoli Komunitarji li jikkonċernaw l-użu ta' enżimi ta' l-ikel:

(a)

f'ikel speċifiku;

(b)

għal skopijiet oħra għajr dawk li huma koperti b’dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal kulturi mikrobjali li huma tradizzjonalment użati fil-produzzjoni ta' l-ikel u li jistgħu b'mod inċidentali jipproduċu enżimi, imma li mhumiex speċifikatament użati biex jipproduċuhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin huma validi ukoll:

(a)

“enżima ta' l-ikel” tfisser prodott miksub minn pjanti, annimali jew mikro-organiżmi jew prodotti tagħhom inkluż prodott miksub permezz ta' proċess ta' fermentazzjoni bl-użu ta' mikro-organiżmi:

(i)

li jkun fihom enżima waħda jew aktar li kapaċi li tikkatalizza reazzjoni bijokimika speċifika; kif ukoll

(ii)

miżjud ma' l-ikel għal skop teknoloġiku fi kwalunkwe stadju tal-manifatturar, ipproċessar, tħejjija, trattament, imballaġġ, trasport jew ħażna ta' l-oġġetti l-ikel;

(b)

“tħejjija ta' enżimi ta' l-ikel” tfisser formulazzjoni li tikkonsisti minn enżima ta' l-ikel waħda jew aktar li fiha hemm inkorporati sustanzi bħal addittivi ta' l-ikel u/jew ingredjenti oħra ta' l-ikel għall-faċilitar tal-ħażna, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew il-ħall tagħhom.

KAPITOLU II

LISTA KOMUNITARJA TA' ENŻIMI TA' L-IKEL APPROVATI

Artikolu 4

Listi Komunitarji ta’ addittivi ta’ l-ikel

Enżimi ta' l-ikel inklużi fil-lista Komunitarja biss jistgħu jitqegħdu fis-suq bħala tali u jiġu użati fl-ikel, f'konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet u l-kondizzjonijiet ta' l-użu previsti fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 5

Projbizzjoni ta' enżimi ta' l-ikel mhux konformi u/jew ikel mhux konformi

L-ebda persuna m'għandha tqiegħed fis-suq enżima ta' l-ikel jew kwalunkwe ikel li fih intuża tali enżima ta' l-ikel jekk l-użu ta' l-enżima ta' l-ikel ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni ta’ l-enżimi ta’ l-ikel fil-lista Komunitarja

Enżima ta' l-ikel tista' tiġi inkluża fil-lista Komunitarja biss jekk hija tissodisfa l-kondizzjonijet li ġejjin u fejn hemm fatturi leġittimi rilevanti oħra:

(a)

fuq il-bażi ta’ l-evidenza xjentifika disponibbli, ma toħloqx inkwiet għas-sigurtà tas-saħħa tal-konsumatur fuq il-livell ta’ l-użu propost;

(b)

hemm ħtieġa teknoloġika raġonevoli u

(c)

l-użu tagħha ma jkunx ta' diżgwid għall-konsumatur. Il-każijiet fejn il-konsumatur jista’ jkun żgwidat jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kwistjonijiet relatati ma' kemm hu frisk il-prodott, mal-kwalità ta' l-ingredjenti użati, ma' kemm hu naturali l-prodott jew il-proċess tal-produzzjoni jew mal-kwalità nutrittiva tal-prodott.

Artikolu 7

Il-kontenut tal-lista Komunitarja ta' l-enżimi ta' l-ikel

1.   Enżima ta' l-ikel li tikkonforma mal-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 6 tista', skond il-proċedura imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, tiġi inkluża fil-lista Komunitarja.

2.   L-inklużjoni ta' enżima ta' l-ikel fil-lista Komunitarja għandha tispeċifika:

(a)

l-isem ta' l-enżima ta' l-ikel;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-enżima ta' l-ikel, inkluż l-oriġini tagħha, il-kriterju ta' purità u kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa;

(c)

l-ikel li miegħu tista’ tiġi miżjuda l-enżima ta’ l-ikel;

(d)

il-kondizzjonijiet li fihom tista’ tintuża l-enżima ta’ l-ikel; fejn xieraq, ma għandu jiġi ffissat l-ebda livell massimu għal enżima ta' l-ikel. F'dak il-każ, l-enżima ta' l-ikel għandha tintuża skond il-prinċipju ta' quantum satis;

(e)

jekk xieraq, jekk hemmx kwalunkwe restrizzjoni dwar il-bejgħ ta' l-enżima ta' l-ikel direttament lill-konsumaturi finali;

(f)

fejn meħtieġ, ħtiġiet speċifiċi fir-rigward tat-tikkettar ta' l-ikel li fihom intużaw enżimi ta' l-ikel sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur finali jkun informat dwar il-kondizzjoni fiżika ta' l-ikel jew tat-trattament speċifiku li dan kellu.

3.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Artikolu 8

Enżimi ta' l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Enżima ta' l-ikel li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tista' tiġi inkluża fil-lista Komunitarja skond dan ir-Regolament biss meta hija koperta minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

2.   Meta enżima ta’ l-ikel li hija diġà inkluża fil-lista Komunitarja hija prodotta minn sors differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, din ma teħtieġx awtorizzazzjoni ġdida skond dan ir-Regolament, sakemm is-sors il-ġdid ikun kopert minn awtorizzazzjoni bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-enżima ta’ l-ikel tkun konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet ta’ interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, jista' jiġi deċiż skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 15(2) jekk:

(a)

sustanza partikolari tissodisfax id-definizzjoni ta' l-enżima ta' l-ikel fl-Artikolu 3;

(b)

oġġett ta' l-ikel partikolari jkunx jappartjeni għal kategorija ta' l-ikel fil-lista Komunitarja ta' l-enżimi ta' l-ikel.

KAPITOLU III

TIKKETTAR

Artikolu 10

Tikkettar ta' enżimi ta' l-ikel u tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel li mhux maħsubin għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Enżimi ta' l-ikel u tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel li mhux maħsubin għall-bejgħ lill-konsumatur finali, kemm jekk mibjugħin waħedhom jew jekk imħalltin ma' xulxin u/jew ma' ingredjenti oħra ta' l-ikel, kif definiti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13/KE, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss bit-tikkettar previst fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, li għandu jkun viżibbli faċilment, li jista' jinqara b'mod ċar u li ma jistax jitħassar. L-informazzjoni provduta fl-Artikolu 11 għandha tkun f’lingwa li tiftiehem faċilment mix-xerrejja.

2.   Fit-territorju tiegħu stess, l-Istat Membru li fih jiġi kkummerċjalizzat il-prodott, jista', skond it-Trattat, jistipola li l-informazzjoni prevista f' Artikolu 11 għandha tingħata b'waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, li għandha tiġi deċiża minn dak l-Istat Membru. Dan m'għandux jipprekludi tali informazzjoni milli tiġi indikata f'diversi lingwi.

Artikolu 11

Ħtiġiet ġenerali ta' l-ittikkettar għall-enżimi ta' l-ikel u tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel mhux maħsubin għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Fejn enżimi ta' l-ikel jew tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel mhux maħsubin għall-bejgħ lill-konsumatur finali jinbiegħu waħedhom jew imħalltin ma' xulxin u/jew ingredjenti oħra ta' l-ikel, l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem stabbilit skond dan ir-Regolament fir-rigward ta' kull enżima ta' l-ikel jew deskrizzjoni kummerċjali li tinkludi l-isem ta' kull enżima ta' l-ikel jew, fin-nuqqas ta' dan l-isem, l-isem aċċettat stabbilit fin-nomenklatura ta' l-Unjoni Internazzjonali tal-Bijokimika u l-Bijoloġija Molekolari (IUBMB);

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika għall-użu ta' l-ikel maħsub tagħha;

(c)

jekk ikun meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċjali tal-ħżin u/jew ta’ l-użu;

(d)

marka li tidentifika l-lott;

(e)

istruzzjonijiet għall-użu, jekk in-nuqqas ta' dawn jipprekludi l-użu xieraq ta' l-enżima ta' l-ikel;

(f)

l-isem jew l-isem u l-indirizz kummerċjali tal-manifattur, ta’ min jippakkja jew tal-bejjiegħ;

(g)

indikazzjoni tal-kwantità massima ta' kull komponent jew grupp ta' komponenti soġġetta għal limitu kwantitattiv fl-ikel u/jew informazzjoni xierqa f'termini ċari u li jinftiehmu faċilment biex ikun possibbli li x-xerrej jikkonforma ma' dan ir-Regolament jew ma' leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti oħra; fejn l-istess limitu fuq il-kwantità japplika għal grupp ta’ komponenti li jintużaw wieħed wieħed jew f’taħlita, il-perċentwal ikkombinat jista’ jingħata bħala ċifra waħda; il-limitu fuq il-kwantità għandu jkun espress jew numerikament jew skond il-prinċipju tal-quantum satis;

(h)

il-kwantità netta;

(i)

l-attività ta' l-enżima/l-enżimi ta' l-ikel;

(j)

id-data ta' durabilità minima jew id-data sa meta jista' jintuża;

(k)

fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar enżima ta' l-ikel jew sustanzi oħra kif imsemmija f'dan l-Artikolu u kif elenkati fl-Anness IIIa għad-Direttiva 2000/13/KE.

2.   Fejn enżimi ta' l-ikel u/jew tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel jinbiegħu mħalltin ma' xulxin u/jew ma' ingredjenti oħra ta' l-ikel, l-imballaġġ u l-kontenituri tagħhom għandu jkollhom lista ta' l-ingredjenti kollha f'ordni dixxendenti tal-perċentwal tagħhom f'piż tat-total.

3.   L-imballaġġ jew il-kontenituri ta' tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel għandu jkollhom lista tal-komponenti kollha f'ordni dixxendenti tal-perċentwal tagħhom f'piż tat-total.

4.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 1, punti (e) sa (g), u fil-paragrafi 2 u 3 tista’ tidher sempliċement fuq id-dokumenti relatati mal-kunsinna li għandhom jiġu pprovduti ma’ jew qabel il-kunsinna, sakemm l-indikazzjoni “mhux għall-bejgħ bl-imnut” tidher fuq parti li tkun tidher sew ta' l-imballaġġ jew tal-kontenitur tal-prodott ikkonċernat.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, fejn l-enżimi ta' l-ikel u tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel jiġu fornuti f'tankers, l-informazzjoni kollha tista' tidher biss fuq id-dokumenti li jakkumpanjawhom relatati ma' l-oġġetti kkonsenjati li għandhom jintbagħtu mal-kunsinna.

Artikolu 12

L-ittikkettar ta' l-enżimi ta' l-ikel u t-tħejjijiet ta' enżimi ta' l-ikel maħsubin għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett ta’ l-ikel (17) u għar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-enżimi ta' l-ikel u t-tħejjijiet ta' l-enżimi ta' l-ikel li jinbiegħu wieħed wieħed jew imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta' l-ikel oħrajn li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk l-imballaġġ tagħhom ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem stabbilit skond dan ir-Regolament fir-rigward ta' kull enżima ta' l-ikel jew deskrizzjoni kummerċjali li tinkludi l-isem ta' kull enżima ta' l-ikel jew, fin-nuqqas ta' dan l-isem, l-isem aċċettat stabbilit fin-nomenklatura ta' l-IUBMB;

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika għall-użu ta' l-ikel maħsub tagħha.

2.   L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2000/13/KE għandu japplika għall-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif meħtieġ.

Artikolu 13

Ħtiġiet ta' tikkettar oħrajn

L-Artikoli 10 sa 12 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar dettaljati jew aktar estensivi dwar il-piżijiet u l-qisien jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, għall-klassifikazzjoni, għall-ippakkjar u għall-ittikkettar ta’ sustanzi u tħejjijiet perikolużi, jew li japplikaw għat-trasport ta’ sustanzi u tħejjijiet bħal dawn.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI U L-IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 14

Obbligu ta’ l-informazzjoni

1.   Produttur jew utent ta' enżima ta' l-ikel għandu jinforma lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika li tista' taffettwa l-valutazzjoni tas-sigurezza ta' l-enżima ta' l-ikel.

2.   Għal enżima ta' l-ikel li tkun diġà approvata taħt dan ir-Regolament li titħejja b'metodi ta' produzzjoni jew bl-użu ta' materjali tal-bidu li jkunu sinifikattivament differenti minn dawk inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta' l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà Alimentari (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Awtorità”), qabel il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-enżima ta' l-ikel il-produttur jew l-utent għandu jippreżenta lill-Kummissjoni d-data meħtieġa biex tkun possibbli evalwazzjoni ta' l-enżima ta' l-ikel fir-rigward tal-metodu ta' produzzjoni jew il-karatteristiċi modifikati li għandha titwettaq mill-Awtorità.

3.   Produttur jew utent ta' enżima ta' l-ikel għandu, fuq it-talba tal-Kummissjoni, jinformaha dwar l-użu veru ta' l-enżima ta' l-ikel. Informazzjoni bħal din għandha tkun magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'konsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Finanzjament Komunitarju ta' linji politiċi armonizzati

Il-bażi legali għall-finanzjament tal-miżuri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għandu jkun l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 17

Stabbiliment tal-lista Komunitarja ta' enżimi ta' l-ikel

1.   Il-lista Komunitarja ta' enżimi ta' l-ikel għandha titfassal abbażi ta' l-applikazzjonijiet li jsiru skond il-paragrafu 2.

2.   Partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-inklużjoni ta' enżima ta' l-ikel fil-lista Komunitarja.

Id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet bħal dawn għandha tkun 24 xahar wara d-data ta' applikazzjoni tal-miżuri implimentattivi li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Reġistru għall-enżimi ta' l-ikel kollha li għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-lista Komunitarja, li fir-rigward tagħhom, applikazzjoni li tikkonforma mal-kriterji ta' validità għandha tiġi stabbilita skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 ġiet ippreżentata skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu (minn hawn 'il quddiem “ir-Reġistru”). Ir-Reġistru għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-applikazzjonijiet lill-Awtorità għall-opinjoni tagħha.

4.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, ladarba l-Awtorità tkun tat opinjoni dwar kull enżima ta' l-ikel inkluża fir-Reġistru.

Madankollu, b'deroga minn dik il-proċedura:

(a)

l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 m'għandux japplika għall-adozzjoni ta' l-opinjoni tagħha mill-Awtorità;

(b)

il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista Komunitarja għall-ewwel darba wara li l-Awtorità tkun tat l-opinjoni tagħha dwar l-enżimi kollha ta' l-ikel elenkati fir-Reġistru.

5.   Jekk meħtieġ, kwalunkwe miżura transitorja xierqa għall-finijiet ta' dan l-Artikolu li hija mfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi tissupplimentah, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 18

Miżuri tranżitorji

1.   Minkejja l-Artikoli 7 u 17 ta' dan ir-Regolament, il-lista Komunitarja għandha, meta titfassal, tinkludi l-enżimi ta' l-ikel li ġejjin:

(a)

E 1103 Invertase u E 1105 Lysozyme, li jiddikjaraw il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħhom kif speċifikat fl-Anness I u Parti Ċ ta' l-Anness III għad-Direttiva 95/2/KE;

(b)

Urease, beta-glucanase u lysozyme għall-użu f'inbejjed skond ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u r-regoli implimentattivi għal dak ir-Regolament.

2.   L-enżimi ta' l-ikel, it-tħejjijiet ta' l-enżimi ta' l-ikel u ikel li fih enżimi ta' l-ikel li tqiegħdu fis-suq jew ġew tikkettati qabel l-20 ta' Jannar 2010 u li ma jikkonformawx ma' l-Artikoli 10 sa 12 jistgħu jiġu kkumerċjalizzati sad-data ta' durabbiltà minima tagħhom jew sad-data sa meta jkunu jistgħu jintużaw l-aħħar.

Artikolu 19

Emendi għad-Direttiva 83/417/KEE

Fid-Direttiva 83/417/KEE, fl-Anness I, Taqsima III(d), l-inċiżi għandhom jiġu sostitwiti b'li ġej:

“—

tames li jilħaq ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel (*);

enżimi oħra li jikkoagulaw il-ħalib li jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008

Artikolu 20

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999:

“3.   Enżimi u tħejjijiet enżimatiċi użati fil-prattiki u l-proċessi oenoloġiċi awtorizzati elenkati fl-Anness IV għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar enżimi ta' l-ikel (**).

Artikolu 21

Emendi għad-Direttiva 2000/13/KE

Id-Direttiva 2000/13/KE hija emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 6(4) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

‘Ingredjent’ għandu jfisser kwalunkwe sustanza, inklużi addittivi u enżimi, użata fil-manifattura u t-tħejjija ta' oġġett ta' l-ikel u li tkun għadha preżenti fil-prodott lest, anke jekk f'forma mibdula.”;

(b)

fil-punt (c)(ii), il-kelma introduttiva “addittivi” għandha tinbidel b'“addittivi u enżimi”;

(c)

fil-punt (c)(iii) il-kelmiet “addittivi jew aromatizzanti” għandhom jinbidlu bi “addittivi jew enżimi jew aromatizzanti”;

2)

Fl-Artikolu 6(6), għandu jinżdied l-inċiż li ġej:

“—

enżimi oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 4(c)(ii) għandhom jiġu indikati bl-isem ta' waħda mill-kategoriji ta' ingredjenti elenkati fl-Anness II, segwiti mill-isem speċifiku tagħhom,”.

Artikolu 22

Emendi għad-Direttiva 2001/112/KE

Fid-Direttiva 2001/112/KE, fl-Anness I, Taqsima II (2), ir-raba', il-ħames u s-sitt inċiżi għandhom jiġu sostitwiti b'li ġej:

“—

Enżimi pektolitiċi li jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar enżimi ta' l-ikel (***);

Enżimi proteolitiċi li jissodisfaw l-ħtiġiet tar-Regolament 1332/2008;

Enżimi ta' amylol li jissodisfaw il-ħtiġiet tar-Regolament 1332/2008.

Artikolu 23

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 258/97

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97:

“(d)

enżimi ta' l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel (****).

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4 għandu japplika mid-data ta' l-applikazzjoni tal-lista Komunitarja. Sa dik id-data, id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' l-enżimi ta' l-ikel u ikel prodott b'enżimi ta' l-ikel għandhom ikomplu japplikaw fl-Istati Membri.

L-Artikoli 10 sa 13 għandhom japplikaw mill-20 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta' Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 162), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta' Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 32) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(3)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58.

(5)  ĠU L 237, 26.8.1983, p. 25.

(6)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(8)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1.

(12)  ĠU L 127, 15.5.2008, p. 13.

(13)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(17)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21.


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/16


REGOLAMENT (KE) Nru 1333/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar l-addittivi ta’ l-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu ta’ ikel mhux perikoluż u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(2)

Livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat biex titwettaq il-politika tal-Komunità.

(3)

Dan ir-Regolament jieħu post id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw l-addittivi ta’ l-ikel permessi għall-użu fl-ikel, bil-ħsieb li jkunu żgurati l-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi, permezz ta’ proċeduri komprensivi u semplifikati.

(4)

Dan ir-Regolament jarmonizza l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel f’ikel fil-Komunità. Dan jinkludi l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel f’ikel kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (3) u l-użu ta’ ċerti kuluri ta’ l-ikel għall-immarkar tas-saħħa tal-laħam u għat-tiżjin u għall-istampar tal-bajd. Dan jarmonizza wkoll l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-addittivi ta’ l-ikel u fl-enzimi ta’ l-ikel, biex b’hekk ikunu żgurati s-sigurtà u l-kwalità tagħhom u jiġu ffaċilitati l-ħażna u l-użu tagħhom. Dan ma kienx regolat fuq livell Komunitarju preċedentement.

(5)

L-addittivi ta’ l-ikel huma sustanzi li normalment ma jkunux ikkonsmati bħala ikel innifsu iżda jiġu miżjuda intenzjonalment ma’ l-ikel għal skop teknoloġiku deskritt f’dan ir-Regolament, bħall-preservazzjoni ta’ l-ikel. L-addittivi kollha ta’ l-ikel għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament, u għalhekk fid-dawl ta’ progress xjentifiku u żvilupp teknoloġiku l-lista ta’ klassijiet funzjonali għandha tiġi aġġornata. Madankollu, sustanzi m’għandhomx jitqiesu bħala addittivi ta’ l-ikel meta dawn jintużaw għall-iskop li jaromatizzaw u/jew jagħtu togħma jew għal finijiet nutrittivi, bħas-sostituti tal-melħ, il-vitamini u l-minerali. Barra minn hekk, sustanzi meqjusa bħala ikel li jista’ jintuża għal funzjoni teknoloġika, bħall-klorur tas-sodju jew iż-żagħfran għall-kulur u l-enzimi ta’ l-ikel, ukoll m’għandhomx jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-preparati li jinkisbu mill-ikel u minn materjali oħrajn li ġejjin minn sorsi naturali, li huma intiżi li jkollhom effett teknoloġiku fl-ikel finali u li jinkisbu mill-estrazzjoni selettiva tal-kostitwenti (eż. pigmenti) relattiva għall-kostitwenti nutrittivi jew aromatiċi għandhom jiġu kkunsidrati addittivi fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament. Fl-aħħarnett, l-enżimi ta’ l-ikel huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel (4), li jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Is-sustanzi li ma jiġux ikkonsmati bħala ikel fihom infushom iżda jintużaw apposta fl-ipproċessar ta’ l-ikel, li jibqgħu biss bħala residwi fl-ikel finali u li ma jkollhomx effett teknoloġiku fil-prodott finali (għajnuniet għall-ipproċessar), m’għandhomx ikunu koperti b’dan ir-Regolament.

(7)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jiġu approvati u użati biss jekk dawn jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx ikunu perikolużi meta jintużaw, għandu jkun hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu tagħhom, u l-użu tagħhom m’għandux jiżgwida lill-konsumatur u l-użu tagħhom għandu jkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur. L-iżgwidar tal-konsumatur jinkludi, iżda mhux limitat għal, kwistjonijiet relatati man-natura, il-freskezza, il-kwalità ta’ l-ingredjenti użati, kemm huwa naturali prodott jew il-proċess ta’ produzzjoni, jew il-kwalità nutrittiva tal-prodott, inkluż il-kontenut ta’ ħaxix jew frott tiegħu. L-approvazzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel għandha tieħu kont ukoll ta’ fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali u l-fattibbiltà tal-kontrolli. L-użu u l-livelli massimi ta’ addittiv ta’ l-ikel għandhom jieħdu kont tal-konsum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel minn sorsi oħrajn u l-esponiment għall-addittiv ta’ l-ikel minn gruppi speċjali ta’ konsumaturi (per eżempju konsumaturi allerġiċi).

(8)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati, li għandhom jinkludu informazzjoni biex ikun identifikat b’mod adegwat l-addittiv ta’ l-ikel, inkluża l-oriġini u biex ikunu deskritti l-kriterji aċċettabbli ta’ purità. L-ispeċifikazzjonijiet żviluppati qabel għall-addittivi ta’ l-ikel inklużi fid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/31/KE tal-5 ta’ Lulju 1995 li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi tal-purità ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel (5), id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/45/KE tas-26 ta’ Lulju 1995 li tippreskrivi l-kriterji speċifiċi tal-purità ta’ sustanzi ta’ taħlil għall-użu fl-ikel (6) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/77/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996 li tispeċifika l-kriterja tal-purità rigward l-addittivi ta’ l-ikel apparti mill-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (7) għandhom jinżammu sakemm l-addittivi korrispondenti jiġu inklużi fl-Annessi għal dan ir-Regolament. Meta jsir dan, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ tali addittivi għandhom jitniżżlu f’Regolament. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jirrelataw direttament ma’ l-addittivi inklużi fil-listi Komunitarji fl-Annessi għal dan ir-Regolament. Madankollu, meta jitqiesu n-natura u s-sustanza komplessi ta’ tali speċifikazzjonijiet, għall-iskop ta’ ċarezza, dawn m’għandhomx jiġu integrati bħala tali fil-listi Komunitarji iżda għandhom jitniżżlu f’Regolament separat wieħed jew aktar.

(9)

Uħud mill-addittivi ta’ l-ikel huma permessi għal użi speċifiċi għal ċerta prattika u ċerti proċessi enoloġiċi. L-użu ta’ tali addittivi ta’ l-ikel għandu jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

(10)

Sabiex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-approvazzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel għandhom jitwettqu skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel (8).

(11)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (9) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità”) għandha tiġi kkonsultata dwar kwistjonijiet li probabbilment jaffettwaw is-saħħa pubblika.

(12)

Addittiv ta’ l-ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (10), għandu jkun awtorizzat skond dak ir-Regolament kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

(13)

Addittiv ta’ l-ikel li kien diġà approvat taħt dan ir-Regolament li jitħejja b’metodi ta’ produzzjoni jew bl-użu ta’ materjali tal-bidu li huma differenti b’mod sinifikanti minn dawk li huma inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ l-Awtorità, jew differenti minn dawk koperti mill-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti, għandu jiġu sottomess għall-evalwazzjoni mill-Awtorità. “Differenti b’mod sinifikanti” tista’ tfisser inter alia bidla fil-metodu tal-produzzjoni mill-estrazzjoni minn pjanta sal-produzzjoni bil-fermentazzjoni bl-użu ta’ mikroorganiżmu jew modifika ġenetika tal-mikroorganiżmu oriġinali, bidla fil-materjali tal-bidu, jew bidla fid-daqs tal-partiċella, inkluż l-użu tan-nanoteknoloġija.

(14)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jinżammu taħt osservazzjoni kontinwa u għandhom ikunu evalwati mill-ġdid kull meta jkun meħtieġ fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ l-użu li jinbidlu u fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika ġdida. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri għandha tikkunsidra azzjoni xierqa.

(15)

L-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 1992 żammew il-projbizzjonijiet dwar l-użu ta’ ċerti addittivi f’ċerti ikel speċifiċi li jitqiesu tradizzjonali u li jiġu prodotti fit-territorju tagħhom għandhom jingħataw il-permess li jkomplu japplikaw dawk il-projbizzjonijiet. Madankollu, fir-rigward ta’ prodotti bħall-“Feta” jew is-“Salame cacciatore”, ir-Regolament preżenti għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi li huma marbuta ma’ l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (11) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (12).

(16)

Sakemm mhux soġġett għal aktar restrizzjonijiet, addittiv jista’ jkun preżenti fl-ikel, b’mod ieħor li m’huwiex b’żieda diretta, bħala riżultat ta’ riportar minn ingredjent li fih kien permess l-addittiv, sakemm il-livell ta’ l-addittiv fl-ikel finali m’huwiex akbar minn dak li kien jiġi introdott bl-użu ta’ l-ingredjent taħt kondizzjonijiet teknoloġiċi korretti u prattika tajba ta’ manifatturar.

(17)

L-addittivi ta’ l-ikel jibqgħu soġġetti għall-obbligi ġenerali tat-tikkettjar kif previst fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta’ prodotti ta’ l-ikel (13) u, kif jista’ jkun il-każ, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament (14). Barra minn hekk, f’dan ir-Regolament għandhom jinstabu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mibjugħa bħala tali lill-manifattur jew lill-konsumatur finali.

(18)

Sustanzi li jagħtu l-ħlewwa taħt dan ir-Regolament jistgħu jintużaw f’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda mibjugħa direttament lill-konsumaturi. Il-manifatturi ta’ tali prodotti għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-konsumatur b’mezzi adegwati sabiex dawn ikunu jistgħu jużaw il-prodotti b’mod sigur. Tali informazzjoni tista’ ssir disponibbli b’numru ta’ modi inklużi fuq it-tikketti tal-prodotti, siti ta’ l-Internet, linji telefoniċi ta’ informazzjoni għall-konsumatur jew fil-post tal-bejgħ. Sabiex ikun hemm approċċ uniformi rigward l-implimentazzjoni ta’ din il-ħtieġa, tista’ tkun meħtieġa gwida mfassla fil-livell Komunitarju.

(19)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (15).

(20)

B’mod partikolari il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-Annessi ta’ dan ir-Regolament u biex tadotta miżuri transitorji xierqa. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissuplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(21)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom ikunu mqassra għall-adozzjoni ta’ ċerti emendi għall-Annessi II u III relatati ma’ sustanzi diġà awtorizzati taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra kif ukoll kwalunkwe miżura transitorja xierqa relatata ma’ dawn is-sustanzi.

(22)

Sabiex tkun żviluppata u aġġornata l-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-addittivi ta’ l-ikel b’mod proporzjonat u effettiv, huwa neċessarju li tinġabar id-data, tiġi kondiviża l-informazzjoni u tkun ikkoordinata l-ħidma bejn l-Istati Membri. Għal dak l-iskop, jista’ jkun utli li jsiru studji li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa xieraq li bħala parti mill-proċedura baġitarja tagħha l-Komunità tkun tista’ tiffinanzja tali studji. Il-finanzjament ta’ tali miżuri huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (16).

(23)

L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali biex jinfurzaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(24)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jkunu stabbiliti r-regoli Komunitarji dwar l-addittivi ta’ l-ikel, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, fl-interessi ta’ l-unità tas-suq u minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, jista’ jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(25)

Wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għandha tirrevedi l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kollha għal kriterji, għajr is-sikurezza, bħall-konsum, il-ħtieġa teknoloġika u l-potenzjal li jiġi żgwidat il-konsumatur. L-addittivi kollha ta’ l-ikel li ser ikomplu jiġu awtorizzati fil-Komunità għandhom jiġu trasferiti għal-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għal dan ir-Regolament. L-Anness III għal dan ir-Regolament għandu jkun ikkompletat bl-addittivi ta’ l-ikel l-oħrajn li jintużaw fl-addittivi ta’ l-ikel u l-enżimi ta’ l-ikel kif ukoll l-aġenti veikoli għan-nutrijenti u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel]. Biex jippermettu perijodu transitorju xieraq, id-dispożizzjonijiet fl-Anness III, għajr id-dispożizzjonijiet dwar l-aġenti veikoli għall-addittivi ta’ l-ikel u l-additivi ta’ l-ikel fis-sustanzi aromatizzanti, m’għandhomx japplikaw sa l-1 ta’ Jannar 2011.

(26)

Sakemm jiġu stabbiliti l-listi Komunitarji futuri ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta proċedura simplifikata li tippermetti l-aġġornament tal-listi attwali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li jinstabu fid-Direttivi eżistenti.

(27)

Mingħajr preġudizzju għar-riżultat tar-reviżjoni imsemmija fil-premessa 25, fi żmien sena wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ evalwazzjoni għall-Awtorità biex tkun ivvalutata mill-ġdid is-sikurezza ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li kienu diġà approvati fil-Komunità. Dak il-programm għandu jiddefinixxi l-ħtiġiet u l-ordni tal-prijoritajiet li skond dawn l-addittivi ta’ l-ikel approvati għandhom jiġu eżaminati.

(28)

Dan ir-Regolament jirrevoka u jissostitwixxi l-atti li ġejjin: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tar-regoli ta’ l-Istati Membri dwar materja koloranti awtorizzata għall-użu ta’ affarijiet ta’ l-ikel maħsuba għal konsum mill-bniedem (17), id-Direttiva tal-Kunsill 65/66/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 li tistabbilixxi kriterji speċifiċi dwar il-purità tal-konservanti awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (18), id-Direttiva tal-Kunsill 78/663/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta’ purità għall-emulsjonanti, stabilizzaturi, aġenti li jħaxxnu u ta’ gelling għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel (19), id-Direttiva tal-Kunsill 78/664/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 li tistabbilixxi kriterji speċifiċi ta’ purità għall-antiossidanti li jistgħu jintużaw fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (20), l-Ewwel Direttiva tal-Kummissjoni 81/712/KEE tat-28 ta’ Lulju 1981 li tistabbilixxi metodi fil-Komunità ta’ analiżi biex jiġi verifikat li ċerti additivi użati fl-ikel jissodisfaw kriterji ta’ purità (21), id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (22), id-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel (23), id-Direttiva 94/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar il-kuluri għall-użu fl-ikel (24), id-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 1995 dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu ħlewwa (25), id-Deċiżjoni 292/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar iż-żamma tal-liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti addittivi fil-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi (26) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/247/KE tas-27 ta’ Marzu 2002 li tissospendi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-ħelu tal-jelly li jkun fih l-additiv E 425 konjac (27). Madankollu, huwa xieraq li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti jibqgħu fis-seħħ matul perijodu transitorju biex iħallu żmien għat-tħejjija tal-listi Komunitarji fl-Annessi għar-Regolament preżenti.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-addittivi ta’ l-ikel użati fl-ikel biex jiżguraw il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi u prattika ġusta fil-kummerċ ta’ l-ikel, b’kont meħud ta’, fejn xieraq, il-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Għal dawk il-finijiet, dan ir-Regolament jipprovdi għal:

(a)

listi Komunitarji ta’ addittivi ta’ l-ikel approvati kif imniżżel fl-Annessi II u III;

(b)

kondizzjonijiet ta’ l-użu ta’ additivi fl-ikel, inkluż f’addittivi ta’ l-ikel u f’enżimi ta’ l-ikel kif kopert mir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel], u ta’ aromatizzanti ta’ l-ikel kif koperti mir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel b’karatteristiċi aromatizzanti għall-użu fl-ikel (28);

(ċ)

ir-regoli dwar l-ittikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mibjugħa bħala tali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-addittivi ta’ l-ikel.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għas-sustanzi li ġejjin sakemm ma jintużawx bħala addittivi ta’ l-ikel:

(a)

għajnuniet ta’ pproċessar;

(b)

sustanzi li jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti tal-pjanti skond ir-regoli Komunitarji li jirrelataw mas-saħħa tal-pjanti;

(ċ)

sustanzi miżjuda ma’ l-ikel bħala nutrijenti;

(d)

sustanzi użati għat-trattament ta’ l-ilma għall-konsum mill-bniedem li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalita’ ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (29);

(e)

aromatizzanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 [dwar aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet ta’ aromatizzanti għall-użu fl-ikel].

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-enżimi ta’ l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel] b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni tal-lista Komunitarja ta’ enżimi ta’ l-ikel skond l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola Komunitarja speċifika li tikkonċerna l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel:

(a)

f’ikel speċifiku;

(b)

għal finijiet li m’humiex dawk koperti b’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġew stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nri 178/2002 u 1829/2003 għandhom japplikaw.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“addittiv ta’ l-ikel” għandha tfisser kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan;

Dawn li ġejjin ma jitqiesux bħala addittivi ta’ l-ikel:

(i)

il-monosakkaridi, id-disakkaridi jew l-oligosakkaridi u l-ikel li fih dawn is-sustanzi użati għall-karatteristiċi tagħhom li jagħtu l-ħlewwa;

(ii)

l-ikel, kemm jekk niexef jew f’forma kkonċentrata, inklużi s-sustanzi aromatizzanti inkorporati waqt il-manifattura ta’ ikel kompost, minħabba fil-karatteristiċi aromatiċi, bnien jew nutrittivi tagħhom flimkien ma’ l-effett sekondarju li jagħtu l-kulur;

(iii)

is-sustanzi li jintużaw biex jgħattu jew jiksu materjali, li ma jifformawx parti mill-ikel u mhumiex maħsuba biex ikunu kkonsmati ma’ dak l-ikel;

(iv)

il-prodotti li fihom il-pektin u li huma derivati mill-ilbieba niexfa tat-tuffieħ jew mill-qoxra tal-frott taċ-ċitru jew l-isfraġel, jew minn taħlita tagħhom, permezz ta’ l-azzjoni ta’ aċidu dilwit segwit min-newtralizzazzjoni parzjali b’melħ tas-sodju jew tal-potassju (“pektin likwidu”);

(v)

il-bażijiet taċ-ċjuwing-gamm;

(vi)

id-destrina bajda jew safra, il-lamtu inkaljat jew destrinat, il-lamtu modifikat bi trattament bl-aċidu jew bl-alkali, il-lamtu bbliċjat, il-lamtu fiżikament modifikat u l-lamtu ttrattat b’enzimi amilolitiċi;

(vii)

il-klorur ta’ l-ammonja;

(viii)

il-plasma tad-demm, il-ġelatina li tittiekel, il-proteini idrolisati u l-melħ tagħhom, il-proteina u l-glutina tal-ħalib;

(ix)

l-aċidi amminiċi u l-melħ tagħhom għajr għall-aċidu glutamiku, għall-gliċina, għas-cysteine u għaċ-ċistin u l-melħ tagħhom li m’għandhom l-ebda funzjoni teknoloġika;

(x)

kaseinati u kaseina;

(xi)

l-inulina;

(b)

“għajnuna għall-ipproċessar” tfisser kwalunkwe sustanza li:

(i)

ma tiġix ikkonsmata bħala ikel waħidha;

(ii)

tintuża intenzjonalment fl-ipproċessar ta’ materja prima, ta’ ikel jew ta’ l-ingredjenti tagħhom li mhumiex ipproċessati, biex jiġi sodisfatt ċertu skop teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar; u

(iii)

tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux maħsuba, iżda li teknikament ma tistax tkun evitata fil-prodott finali, ta’ residwi tas-sustanza jew tad-derivati tagħha, sakemm ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għas-saħħa u ma jkollhom l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali;

(ċ)

“klassi funzjonali” għandha tfisser waħda mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li hija bbażata fuq il-funzjoni teknoloġika li jeżerċita addittiv ta’ l-ikel fl-oġġett ta’ l-ikel;

(d)

“ikel mhux ipproċessat” għandha tfisser ikel li ma jkunx għadda minn kwalunkwe trattament li jirriżulta f’bidla sostanzjali fl-istat oriġinali ta’ l-ikel, għal liema skop, dawn li ġejjin b’mod partikolari ma jitqisux bħala li jirriżultaw f’bidla sostanzjali: il-qsim, il-ferqien, il-qtugħ, it-tneħħija ta’ l-għadam, l-ikkapuljar, it-tqaxxir tal-ġilda, il-qtugħ tat-truf, it-tqaxxir tal-qoxra, it-titħin, il-qtugħ, it-tindif, it-tirqim, id-deep-freezing, l-iffriżar, it-tkessiħ, it-titħin f’mitħna, it-tneħħija tal-ħliefa, l-ippakkjar jew l-ispakkjar;

(e)

“ikel bla zokkor miżjud” għandha tfisser ikel mingħajr dawn li ġejjin:

(i)

kwalunkwe monosakkaridi jew disakkaridi miżjudin;

(ii)

kwalunkwe ikel li fih monosakkaridi, jew disakkaridi li jintuża għall-karatteristiċi tiegħu li jagħti l-ħlewwa;

(f)

“ikel b’valur enerġetiku mnaqqas” għandha tfisser ikel b’valur enerġetiku mnaqqas b’mill-inqas 30 % meta mqabbel ma’ l-ikel oriġinali jew ma’ prodotti simili.;

(g)

“sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda” għandha tfisser preparati ta’ sustanzi li jagħtu ħlewwa permessi, li jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali bħala sostitut għaz-zokkor.

(h)

“quantum satis” għandha tfisser li l-ebda livell numeriku massimu m’hu speċifikat u s-sustanzi għandhom ikunu użati skond il-prattika ta’ manifattura tajba, f’livell li ma jkunx ogħla minn dak meħtieġ biex jinkiseb l-iskop maħsub u sakemm il-konsumatur ma jiġix żgwidat.

KAPITOLU II

LISTI KOMUNITARJI TA’ ADDITTIVI TA’ L-IKEL APPROVATI

Artikolu 4

Listi Komunitarji ta’ addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness II biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u jintużaw fl-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ użu speċifikati hemmhekk.

2.   L-addittivi ta’ l-ikel inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness III biss jistgħu jintużaw fl-addittivi ta’ l-ikel u, fl-enżimi ta’ l-ikel u fl-aromatizzanti ta’ l-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ użu speċifikati hemmhekk.

3.   L-addittivi ta’ l-ikel fl-Anness II għandhom jiġu elenkati fuq il-bażi tal-kategoriji ta’ l-ikel li magħhom jistgħu jiġu miżjuda.

4.   L-addittivi ta’ l-ikel fl-Anness III għandhom jiġu elenkati fuq il-bażi ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel, l-aromatizzanti ta’ l-ikel u n-nutrijenti jew il-kategoriji tagħhom li magħhom jistgħu jiġu miżjuda.

5.   L-addittivi ta’ l-ikel għandhom ikunu konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 5

Projbizzjoni ta’ addittivi ta’ l-ikel mhux konformi u/jew ikel mhux konformi

L-ebda persuna ma għandha tqiegħed fis-suq addittiv ta’ l-ikel jew kwalunkwe ikel li fih huwa preżenti tali addittiv ta’ l-ikel jekk l-użu ta’ l-addittiv ta’ l-ikel ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni u l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fil-listi Komunitarji

1.   Addittiv ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III biss jekk dan jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin u fejn rilevanti fatturi leġittimi oħrajn, inkluż fatturi ambjentali:

(a)

fuq il-bażi ta’ l-evidenza xjentifika disponibbli, dan ma joħloqx tħassib għas-sikurezza tas-saħħa tal-konsumatur fil-livell ta’ l-użu propost;

(b)

hemm ħtieġa teknoloġika raġonevoli li ma tistax tinkiseb permezz ta’ mezzi oħrajn li huma ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli, u

(ċ)

l-użu tiegħu ma jiżgwidax lill-konsumatur.

2.   Biex jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III, addittiv ta’ l-ikel irid ikollu vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur, u għalhekk jaqdi wieħed jew aktar mill-iskopijiet li ġejjin:

(a)

jippreserva l-kwalità nutrizzjonali ta’ l-ikel;

(b)

jipprovdi l-ingredjenti jew il-kostitwenti meħtieġa għall-ikel li jkun manifatturat għal gruppi ta’ konsumaturi bi bżonnijiet ta’ dieta speċjali;

(ċ)

ikabbar il-kwalità jew l-istabbiltà taż-żamma ta’ ikel jew itejjeb il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, sakemm in-natura, is-sustanza jew il-kwalità ta’ l-ikel ma tinbidilx b’tali mod li tiżgwida lill-konsumatur;

(d)

jgħin fil-manifattura, l-ipproċessar, il-preparazzjoni, it-trattament, l-ippakkjar, it-trasport jew il-ħżin ta’ l-ikel, inklużi l-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel, sakemm l-addittiv ta’ l-ikel ma jintużax biex jaħbi l-effetti ta’ l-użu ta’ materji primi difettużi jew ta’ xi prattika jew teknika mhux mixtieqa, inkluża prattika jew teknika mhux iġjenika, matul kwalunkwe tali attività.

3.   Bħala deroga mill-paragrafu 2(a), addittiv ta’ l-ikel li jnaqqas il-kwalità nutrizzjonali ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II sakemm:

(a)

l-ikel ma jikkostitwixxix komponent sinifikanti ta’ dieta normali; jew

(b)

l-addittiv ta’ l-ikel huwa meħtieġ għall-produzzjoni ta’ l-ikel għal gruppi ta’ konsumaturi bi bżonnijiet ta’ dieta speċjali.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet speċifiċi għas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa

Addittiv ta’ l-ikel jista’ jkun inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II għall-klassi funzjonali ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa biss jekk, barra milli jaqdi waħda jew aktar mill-finijiet imniżżla fl-Artikolu 6(2), huwa jaqdi wkoll waħda jew aktar mill-finijiet li ġejjin:

(a)

jissostitwixxi z-zokkor għall-produzzjoni ta’ ikel b’valur enerġetiku mnaqqas, ta’ ikel mhux karjoġeniku jew ta’ ikel bla zokkor miżjud, jew

(b)

jissostitwixxi z-zokkor fejn dan jippermetti żieda fit-tul ta’ żmien qabel jiskadi l-ikel, jew

(ċ)

jipproduċi ikel maħsub għal użi nutrizzjonali partikolari kif iddefinit fl-Artikolu 1 (2)(a) tad-Direttiva 89/398/KEE.

Artikolu 8

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-kuluri

Addittiv ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II għall-klassi funzjonali ta’ kulur biss jekk, barra milli jaqdi waħda jew aktar mill-finijiet imniżżla fl-Artikolu 6(2), huwa jaqdi waħda mill-finijiet li ġejjin:

(a)

jerġa’ jagħti d-dehra oriġinali ta’ l-ikel li l-kulur tiegħu ġie affettwat bl-ipproċessar, bil-ħażna, bl-ippakkjar u bid-distribuzzjoni, li fejn setgħet tgħarrqet l-aċċettabilità viżwali;

(b)

jagħmel l-ikel aktar attraenti viżwalment,

(ċ)

jagħti l-kulur lill-ikel li kieku jkun bla kulur.

Artikolu 9

Klassijiet funzjonali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel jistgħu jiġu assenjati fl-Annessi II u III lil waħda mill-klassijiet funzjonali fl-Anness I abbażi tal-funzjoni teknoloġika prinċipali ta’ l-addittiv ta’ l-ikel.

L-allokazzjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fi klassi funzjonali m’għandhiex tipprekludih milli jintuża għal diversi funzjonijiet.

2.   Fejn meħtieġ, bħala riżultat ta’ progress xjentifiku jew żvilupp teknoloġiku, il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, relatati ma’ klassijiet funzjonali addizzjonali li jistgħu jiżdiedu ma’ l-Anness I għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 10

Il-kontenut tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   Addittiv ta’ l-ikel li jikkonforma mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8, jista skond il-proċedura li ġiet imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel], jiġi inkluż fi:

(a)

il-lista Komunitarja fl-Anness II għar-Regolament preżenti; u/jew

(b)

il-lista Komunitarja fl-Anness III għar-Regolament preżenti.

2.   L-inklużjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għandha tispeċifika:

(a)

l-isem ta’ l-addittiv ta’ l-ikel u n-numru E tiegħu;

(b)

l-ikel li miegħu jista’ jiġi miżjud l-addittiv ta’ l-ikel;

(ċ)

il-kondizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-addittiv ta’ l-ikel;

(d)

jekk xieraq, jekk ikunx hemm xi restrizzjonijiet dwar il-bejgħ ta’ l-addittiv ta’ l-ikel direttament lill-konsumatur finali.

3.   Il-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għandhom jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel].

Artikolu 11

Livelli ta’ l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   Meta jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta’ l-użu li jissemmew fl-Artikolu 10(2)(c):

(a)

il-livell ta’ l-użu għandu jiġi ffissat fl-iktar livell baxx meħtieġ biex jinkiseb l-effett mixtieq;

(b)

il-livelli għandhom jieħdu kont ta’:

(i)

kwalunkwe konsum aċċettabbli ta’ kuljum, jew valutazzjoni ekwivalenti, li ġiet stabbilita għall-addittiv ta’ l-ikel u l-konsum probabbli ta’ kuljum tiegħu mis-sorsi kollha;

(ii)

fejn l-addittiv ta’ l-ikel ser jintuża fl-ikel li jittiekel minn gruppi speċjali ta’ konsumaturi, il-konsum possibbli ta’ kuljum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel mill-konsumaturi f’dawk il-gruppi.

2.   Fejn xieraq, m’għandu jiġi ffissat l-ebda livell numeriku massimu għal addittiv ta’ l-ikel (quantum satis). F’dak il-każ, l-addittiv ta’ l-ikel għandu jintuża skond il-prinċipju ta’ quantum satis.

3.   Il-livelli massimi ta’ addittivi ta’ l-ikel imniżżla fl-Anness II għandhom japplikaw għall-ikel kif ikkummerċjalizzat, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor. B’deroga minn dan il-prinċipju, għall-ikel niexef u/jew ikkonċentrat li jeħtieġ jiġi rikostitwit għandhom japplikaw il-livelli massimi għall-ikel kif rikostitwit skond l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta, b’kont meħud tal-fattur ta’ dilwizzjoni minima.

4.   Il-livelli massimi għall-kuluri stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw għall-kwantitajiet ta’ kostitwenti koloranti li hemm fil-preparazzjoni tas-sustanza koloranti, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.

Artikolu 12

Tibdil fil-proċess ta’ produzzjoni jew fil-materjali tal-bidu ta’ addittiv ta’ l-ikel diġà inkluż f’lista Komunitarja

Meta addittiv ta’ l-ikel diġà jkun inkluż f’lista Komunitarja u jkun hemm bidla sinifikanti fil-metodi tal-produzzjoni tiegħu jew fil-materjali tal-bidu użati jew ikun hemm bidla fid-daqs tal-partiċella, eżempju permezz tan-nanoteknoloġija, l-addittiv ta’ l-ikel imħejji b’dawn il-metodi jew materjali ġodda għandu jitqies bħala addittiv differenti, u bħala żieda ġdida fil-listi Komunitarji jew inkella tkun meħtieġa bidla fl-ispeċifikazzjonijiet qabel ma jkun jista’ jitqiegħed fis-suq.

Artikolu 13

Addittivi ta’ l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Addittiv ta’ l-ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jista’ jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III skond ir-Regolament preżenti biss meta jkun kopert minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

2.   Meta addittiv ta’ l-ikel diġà inkluż fil-lista Komunitarja jiġi prodott minn sors differenti li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma jkunx jeħtieġ awtorizzazzjoni ġdida skond dan ir-Regolament, sakemm is-sors il-ġdid ikun kopert minn awtorizzazzjoni bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-addittiv ta’ l-ikel ikun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skond dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Speċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li jirrelataw, b’mod partikolari, ma’ l-oriġini, il-kriterji tal-purità u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa oħra, għandhom jiġu adottati meta l-addittiv ta’ l-ikel ikun inkluż għall-ewwel darba fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III, skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel].

KAPITOLU III

UŻU TA’ ADDITTIVI TA’ L-IKEL FL-IKEL

Artikolu 15

Użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel mhux ipproċessat

L-addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx jintużaw fl-ikel mhux ipproċessat, ħlief fejn tali użu jkun speċifikament previst fl-Anness II.

Artikolu 16

Użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

Addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx jintużaw f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar kif imsemmi fid-Direttiva 89/398/KEE, inkluż ikel tad-dieta għat-trabi u għat-tfal żgħar għal finijiet mediċi speċjali, ħlief fejn speċifikament previst fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Użu ta’ kuluri għall-immarkar

Il-kuluri ta’ l-ikel li huma elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw għall-iskop ta’ l-immarkar tas-saħħa kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 li temenda u tikkonsolida d-Direttiva 64/433/KEE dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’laħam frisk (30) sabiex tiġi estiża għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam frisk u għal immarkar ieħor meħtieġ fuq il-prodotti tal-laħam, għall-kuluri li jintużaw għad-dekorazzjoni tal-qxur tal-bajd u għall-istampar tal-qxur tal-bajd kif previst fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (31).

Artikolu 18

Prinċipju ta’ trasferiment

1.   Il-preżenza ta’ addittiv ta’ l-ikel għandha tkun permessa:

(a)

f’ikel kompost għajr minn kif jissemma fl-Anness II, fejn l-addittiv ta’ l-ikel ikun permess f’wieħed mill-ingredjenti ta’ l-ikel kompost;

(b)

f’ikel li miegħu jkun ġie miżjud addittiv ta’ l-ikel, enżima ta’ l-ikel jew sustanza aromatizzanti, fejn l-addittiv ta’ l-ikel:

(i)

huwa permess fl-addittiv ta’ l-ikel, fl-enżima ta’ l-ikel jew fl-aromatizzanti ta’ l-ikel skond dan ir-Regolament u

(ii)

ġie trasferit fl-ikel permezz ta’ l-addittiv ta’ l-ikel, l-enżima ta’ l-ikel jew l-aromatizzanti ta’ l-ikel u

(iii)

m’għandu l-ebda funzjoni teknoloġika fl-ikel finali;

(ċ)

f’ikel li se jintuża biss fil-preparazzjoni ta’ ikel kompost u sakemm l-ikel kompost ikun konformi ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-formulae tat-trabi, għal formulae tal-prosegwiment, għal ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għal ikel għat-trabi u għal ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar kif jissemma fid-Direttiva 89/398/KEE, ħlief fejn ikun provdut speċifikament.

3.   Fejn addittiv ta’ l-ikel f’aromatizzanti ta’ l-ikel, f’addittiv ta’ l-ikel jew f’enżima ta’ l-ikel jiġi miżjud ma’ l-ikel u jkollu funzjoni teknoloġika f’dak l-ikel, dan għandu jitqies bħala addittiv ta’ l-ikel ta’ dak l-ikel u mhux addittiv ta’ l-ikel ta’ l-aromatizzanti, l-addittiv ta’ l-ikel jew l-enżima ta’ l-ikel miżjuda, u għandu għalhekk ikun konformi mal-kondizzjonijiet ta’ l-użu għal dak l-ikel kif previst.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-preżenza ta’ addittiv ta’ l-ikel użat bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa għandha tkun permessa f’ikel kompost bla zokkor miżjud, f’ikel kompost b’valur enerġetiku mnaqqas, f’ikel kompost tad-dieta maħsub għal dieti b’ammont baxx ta’ kaloriji, f’ikel kompost mhux karjoġeniku, u f’ikel kompost li għandu tul iżjed ta’ żmien qabel jiskadi, sakemm dik is-sustanza li tagħti l-ħlewwa tkun permessa f’wieħed mill-ingredjenti ta’ l-ikel kompost.

Artikolu 19

Deċiżjonijiet għall-interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2) jista’ jiġi deċiż jekk:

(a)

ikel partikolari jappartjenix lil kategorija ta’ ikel li tissemma fl-Anness II jew le; jew

(b)

addittiv ta’ l-ikel elenkat fl-Annessi II u III u permess fi “quantum satis” jintużax skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 11(2); jew

(ċ)

sustanza partikolari tissodisfax id-definizzjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fl-Artikolu 3.

Artikolu 20

Ikel tradizzjonali

L-Istati Membri elenkati fl-Anness IV jistgħu jkomplu jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel tradizzjonali li jiġi prodott fit-territorju tagħhom kif elenkat f’dak l-Anness.

KAPITOLU IV

TIKKETTAR

Artikolu 21

Tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mhux maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, kemm jekk jinbiegħu wieħed wieħed jew jekk imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel, kif iddefinit fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13/KE, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss bit-tikkettar previst fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, li trid tkun tidher faċilment, tinqara b’mod ċar u ma titħassarx. L-informazzjoni għandha tkun f’lingwa li tiftiehem faċilment mix-xerrejja.

2.   Fit-territorju tiegħu stess, l-Istat Membru li fih il-prodott jiġi kummerċjalizzat jista’, skond it-Trattat, jistipula li din l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 22 għandha tingħata f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, li għandha tiġi ddeterminata minn dak l-Istat Membru. Dan m’għandux jipprekludi li tali informazzjoni tiġi indikata f’diversi lingwi.

Artikolu 22

Ħtiġiet ġenerali tat-tikkettar għall-addittivi ta’ l-ikel li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Fejn l-addittivi ta’ l-ikel m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, jinbiegħu wieħed wieħed jew imħalltin flimkien u/jew ma ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew ma’ sustanzi oħrajn miżjuda magħhom, l-imballaġġ jew kontenitur għandu jkollu fuqu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u/jew in-numru E stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull addittiv ta’ l-ikel jew deskrizzjoni tal-bejgħ li tinkludi l-isem u/jew in-numru E ta’ kull addittiv ta’ l-ikel;

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika dwar l-użu maħsub tagħhom fl-ikel;

(ċ)

jekk meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċjali tal-ħżin u/jew ta’ l-użu;

(d)

marka li tidentifika l-lott;

(e)

l-istruzzjonijiet għall-użu, jekk l-ommissjoni tagħhom għandha tipprekludi l-użu xieraq ta’ l-addittiv ta’ l-ikel;

(f)

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-manifattur, ta’ min jippakkja jew tal-bejjiegħ;

(g)

indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ kull komponent jew grupp ta’ komponenti soġġetti għal-limitu kwantitattiv fl-ikel u/jew informazzjoni xierqa f’termini ċari u li jiftiehmu faċilment li jippermettu lix-xerrej jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew ma’ liġi Komunitarja rilevanti oħra; fejn l-istess limitu fuq il-kwantità japplika għal grupp ta’ komponenti li jintużaw wieħed wieħed jew f’taħlita, il-persentaġġ kombinat jista’ jingħata bħala ċifra waħda; il-limitu tal-kwantità għandu jkun espress jew numerikament jew skond il-prinċipju quantum satis;

(h)

il-kwantità netta;

(i)

id-data ta’ durabbiltà minima jew id-data sa meta tista’ tintuża l-aħħar;

(j)

fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar l-addittiv ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn imsemmija f’dan l-Artikolu u elenkati fl-Anness IIIa għad-Direttiva 2000/13/KE fir-rigward ta’ l-indikazzjoni ta’ l-ingredjenti preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel.

2.   Fejn l-addittivi ta’ l-ikel jinbiegħu mħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn, l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom għandu jkollhom fuqhom lista ta’ l-ingredjenti kollha f’ordni mill-kbir saż-żgħir tal-persentaġġ tagħhom bil-piż mit-total.

3.   Fejn sustanzi (inklużi addittivi ta’ l-ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn) jiġu miżjuda ma’ l-addittivi ta’ l-ikel biex jiffaċilitaw il-ħżin, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil tagħhom, l-imballaġġ jew il-kontenituri għandu jkollhom fuqhom lista ta’ tali sustanzi kollha f’ordni mill-kbir saż-żgħir tal-persentaġġ tagħhom bil-piż mit-total.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 1 il-punti (e) sa (g) u fil-paragrafi 2 u 3 tista’ tidher sempliċiment fuq id-dokumenti relatati mal-kunsinna li għandhom jiġu pprovduti ma’ jew qabel il-kunsinna, sakemm l-indikazzjoni “mhux għall-bejgħ bl-imnut” tidher fuq parti li tidher faċilment ta’ l-imballaġġ jew tal-kontenitur tal-prodott ikkonċernat.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, fejn l-addittivi ta’ l-ikel huma pprovduti f’tankers, l-informazzjoni kollha tista’ tidher sempliċiment fuq id-dokumenti mehmuża relatati mal-kunsinna li għandhom jiġu pprovduti mal-kunsinna.

Artikolu 23

Tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett ta’ l-ikel (32) u għar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-addittivi ta’ l-ikel li jinbiegħu wieħed wieħed jew imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk l-imballaġġ taghhom ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru E stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull addittiv ta’ l-ikel jew deskrizzjoni tal-bejgħ li tinkludi l-isem u n-numru E ta’ kull addittiv ta’ l-ikel

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika dwar l-użu maħsub tagħhom fl-ikel.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 (a), id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda għandha tinkludi t-terminu “… sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda bbażata fuq …”, bl-użu ta’ l-isem(ismijiet) tas-sustanza(i) li tagħti(jagħtu) l-ħlewwa użata(i) fil-kompozizzjoni tagħha.

3.   It-tikkettar ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda li jkun fiha polijoli u/jew aspartame u/jew il-melħ ta’ l-aspartame-acesulfame għandu jkollu fuqu t-twissijiet li ġejjin:

(a)

polioli: “konsum żejjed jista’ jikkaġuna effetti lassattivi”;

(b)

aspartame/melħ ta’ l-aspartame-acesulfame: “fih sors ta’ fenilalanin”.

4.   Il-manifatturi ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda għandhom jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli lill-konsumatur b’mezzi adegwati sabiex dawn ikunu jistgħu jużaw il-prodotti b’mod sigur. Il-gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu tista’ tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

5.   Għall-informazzjoni prevista fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika kif meħtieġ l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2000/13/KE.

Artikolu 24

L-ittikkettar mitlub fuq ikel li fih ċerti kuluri ta’ l-ikel

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, l-ittikkettar ta’ ikel li fih kuluri ta’ l-ikel imniżżla fl-Anness V għal dan ir-Regolament għandu jinkludi l-informazzjoni addizzjonali stabbilita f’dak l-Anness.

2.   F’relazzjoni ma’ l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2000/13/KE għandu japplika kif meħtieġ.

3.   Fejn meħtieġ, bħala riżultat tal-progress xjentifiku jew ta’ żvilupp tekniku l-Anness V għandu jkun emendat b’miżuri li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4).

Artikolu 25

Ħtiġiet oħrajn tat-tikkettar

L-Artikoli 21, 22, 23 u 24 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi aktar dettaljati jew aktar estensivi rigward il-piżijiet u l-miżuri jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi u preparati perikolużi jew li japplikaw għat-trasport ta’ tali sustanzi u preparazzjonijiet.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 26

Obbligu ta’ l-informazzjoni

1.   Produttur jew utent ta’ addittiv ta’ l-ikel għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tista’ taffettwa l-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ l-addittiv ta’ l-ikel.

2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, produttur jew utent ta’ addittiv ta’ l-ikel għandu jinformaha dwar l-użu effettiv ta’ l-addittiv ta’ l-ikel. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni.

Artikolu 27

Monitoraġġ tal-konsum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu sistemi għall-monitoraġġ tal-konsum u l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju u għandhom jirrapportaw is-sejbiet tagħhom bi frekwenza adatta lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

2.   Skond il-proċedura regolatorja imsemmija fl-Artikolu 28(2), wara li l-Awtorità tkun ġiet ikkonsultata, tista’ tiġi adottata metodoloġija komuni biex tinġabar informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-konsum fid-dieta ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fil-Komunità.

Artikolu 28

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a(3)(c) u (4)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu xahrejn, xahrejn u 4 xhur rispettivament.

Artikolu 29

Finanzjament Komunitarju tal-politika armonizzata

Il-bażi legali għall-finanzjament tal-miżuri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament hija l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 30

Stabbiliment tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma permessi għall-użu fl-ikel taħt id-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE, kif emendati abbażi ta’ l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fl-Anness II għar-Regolament preżenti wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikoli 6, 7 u 8 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness II, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta' Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness II.

2.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma awtorizzati għall-użu fl-addittivi ta’ l-ikel fid-Direttiva 95/2/KE u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-Parti I ta’ l-Anness III, ta’ dan ir-Regolament wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 6 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness III, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta’ Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness III.

3.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma awtorizzati għall-użu fl-aromatizzanti ta’ l-ikel fid-Direttiva 95/2/KE u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-Parti 4 ta’ l-Anness III, ta’ dan ir-Regolament wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 6 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness III, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta’ Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness III.

4.   L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li huma koperti taħt il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel], fil-mument li dawk l-addittivi ta’ l-ikel jiġu inklużi fl-Annessi skond dawk il-paragrafi.

5.   Il-miżuri relatati ma’ kwalunkwe miżura transitorja xierqa, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 31

Miżuri tranżitorji

Sakemm jitlesta l-istabbiliment tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel kif previst fl-Artikolu 30, l-Annessi għad-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE għandhom jiġu emendati fejn meħtieġ, b’miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dawk id-Direttivi, adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4).

L-ikel li tqiegħed fis-suq jew ġie ttikkettat qabel l-20 ta' Jannar 2010 li ma jikkonformax ma’ l-Artikolu 22(1)(i) (4) jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar.

L-ikel li tqiegħed fis-suq jew ġie ttikkettat qabel l-20 ta' Lulju 2010 li ma jikkonformax ma’ l-Artikolu 24 jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data ta’ durabilità minima tiegħu jew sad-data li fiha jista’ jintuża l-aħħar.

Artikolu 32

Evalwazzjoni mill-ġdid ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li kienu permessi qabel l-20 ta' Jannar 2009 għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni ta’ riskju ġdida li titwettaq mill-Awtorità.

2.   Wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorità, għandu jiġi adottat programm ta’ evalwazzjoni għal dawk l-addittivi sa l-20 ta' Jannar 2010, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2). Il-programm ta’ evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 33

Revoki

1.   L-atti li ġejjin għandhom jiġu revokati:

(a)

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-materjal tal-kulur awtorizzat għall-użu fl-ikel u maħsub għall-użu mill-bniedem;

(b)

Id-Direttiva 65/66/KEE.

(ċ)

Id-Direttiva 78/663/KEE;

(d)

Id-Direttiva 78/664/KEE;

(e)

Id-Direttiva 81/712/KEE;

(f)

Id-Direttiva 89/107/KEE;

(g)

Id-Direttiva 94/35/KE;

(h)

Id-Direttiva 94/36/KE;

(i)

Id-Direttiva 95/2/KE;

(j)

Id-Deċiżjoni Nru 292/97/KE;

(k)

Id-Decizjoni 2002/247/KE.

2.   Ir-referenzi għall-atti rrevokati għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet transitorji

B’deroga mill-Artikolu 33, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikomplu japplikaw sa meta jitlesta t-trasferiment taħt l-Artikolu 30 (1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament ta’ l-addittivi ta’ l-ikel diġà permessi fid-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE:

(a)

L-Artikolu 2 (1), (2) u (4) tad-Direttiva 94/35/KE u l-Anness għaliha;

(b)

L-Artikolu 2(1) sa (6), (8), (9) u (10) tad-Direttiva 94/36/KE u l-Annessi I sa V għaliha;

(ċ)

L-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 95/2/KE u l-Annessi I sa VI għaliha.

Minkejja l-punt (c), l-awtorizzazzjonijiet għall-E 1103 Invertase u l-E 1105 Lysozyme stabbiliti fid-Direttiva 95/2/KE huma revokati b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tal-lista Komunitarja dwar l-enżimi ta’ l-ikel skond l-Artikolu 17 ta’Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel]

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2010.

Madankollu, l-Artikolu 4(2) għandu japplika għall-Partijiet 2, 3 u 5 ta’ l-Anness III mill-1 ta’ Jannar 2011 u l-Artikolu 23(4) għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2011. L-Artikolu 24 għandu japplika mill-20 ta' Lulju 2010. L-Artikolu 31 għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 142), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 10), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008. (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008

(3)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.

(4)  Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 178, 28.7.1995, p. 1.

(6)  ĠU L 226, 22.9.1995, p. 1.

(7)  ĠU L 339, 30.12.1996, p. 1.

(8)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Ufficiali.

(9)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(12)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(17)  ĠU 115, 11.11.1962, p. 2645/62.

(18)  ĠU 22, 9.2.1965, p. 373.

(19)  ĠU L 223, 14.8.1978, p. 7.

(20)  ĠU L 223, 14.8.1978, p. 30.

(21)  ĠU L 257, 10.9.1981, p. 1.

(22)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27.

(23)  ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3.

(24)  ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13.

(25)  ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1.

(26)  ĠU L 48, 19.2.1997, p. 13.

(27)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 69.

(28)  Ara paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(29)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(30)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 69.

(31)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

(32)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21.


ANNESS I

Il-klassijiet funzjonali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fl-ikel u ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fl-addittivi ta’ l-ikel u fl-enżimi ta’ l-ikel

1.

“sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” huma sustanzi użati biex jagħtu togħma ħelwa lill-ikel jew f’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda.

2.

“kuluri” huma sustanzi li jżidu jew jerġgħu jagħtu l-kulur fl-ikel, u jinkludu kostitwenti naturali ta’ l-ikel u sorsi naturali li normalment ma jkunux ikkonsmati bħala ikel u li normalment ma jintużawx bħala ingredjenti karatteristiċi ta’ l-ikel. Il-preparati li jinkisbu mill-ikel u minn materjali oħrajn li jittieklu ġejjin minn sorsi naturali li jinkisbu mill-estrazzjoni fiżika u/jew kimika li tirriżulta f’estrazzjoni selettiva tal-pigmenti relattiva għall-kostitwenti nutrittivi jew aromatiċi, huma kuluri fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

3.

“preservattivi” huma sustanzi li jżidu t-tul ta’ zmien qabel jiskadi l-ikel billi jipproteġuh kontra d-deterjorazzjoni kkawżata mill-mikro-organiżmi u/jew li jipproteġu kontra l-iżvilupp ta’ mikro-organiżmi patoġeniċi;

4.

“antiossidanti” huma sustanzi li jtawlu l-perjodu ta’ qabel l-iskadenza ta’ l-ikel billi jipproteġuh mid-deterjorazzjoni kkawżata mill-ossidazzjoni, bħal snuħija tax-xaħam u tibdiliet fil-kulur;

5.

“aġenti veikoli” huma sustanzi li jintużaw għat-taħlil, id-dilwizzjoni, it-tixrid jew il-modifikazzjoni fiżika b’xi mod ieħor ta’ addittiv ta’ l-ikel jew aromatizzanti, enzima ta’ l-ikel, nutrijent u/jew sustanzi oħra miżjuda għal finijiet nutrittivi jew fisjoloġiċi għal ikel mingħajr ma jbiddlu l-funzjoni tiegħu (u mingħajr ma jeżerċitaw l-ebda effett teknoloġiku huma nfushom) sabiex jiffaċilitaw l-immaniġġjar, l-applikazzjoni jew l-użu tiegħu;

6.

“aċidi” huma sustanzi li jżidu l-aċidità ta’ oġġett ta’ l-ikel u/jew jagħtuh togħma qarsa;

7.

“regolaturi ta’ l-aċidità” huma sustanzi li jbiddlu jew jikkontrollaw l-aċidità jew l-alkalinità ta’ oġġett ta’ l-ikel;

8.

“aġenti ta’ kontra t-tagħqid” huma sustanzi li jnaqqsu t-tendenza tal-partiċelli individwali ta’ oġġett ta’ l-ikel milli jeħlu ma’ xulxin;

9.

“aġenti għal kontra r-ragħwa” huma sustanzi li jipprevjenu jew inaqqsu r-ragħwa;

10.

“aġenti li jagħtu l-massa” huma sustanzi li jikkontribwixxu għall-volum ta’ oġġett ta’ l-ikel mingħajr ma jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-valur ta’ l-enerġija disponibbli tiegħu;

11.

“emulsjonanti” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li tkun ifformata jew li tinżamm taħlita omoġenja ta’ żewġ fażijiet jew iktar li ma jitħalltux bħaż-żejt u l-ilma f’oġġett ta’ l-ikel;

12.

“melħ emulsifikat” huma sustanzi li jaqilbu l-proteini fil-ġobon f’forma mxerrda, u b’hekk ikun hemm distribuzzjoni omoġenja ta’ xaħam u komponenti oħra;

13.

“aġenti li jissodaw” huma sustanzi li jagħmlu jew iżommu t-tessuti tal-frott jew tal-ħaxix sodi jew iqarmċu, jew jinteraġixxu ma’ aġenti li jgħaqqdu biex jipproduċu jew isaħħu ġel;

14.

“sustanzi li jtejbu l-aroma” huma sustanzi li jtejbu t-togħma u/jew ir-riħa eżistenti ta’ oġġett ta’ l-ikel;

15.

“aġenti li jagħmlu r-ragħwa” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li jkun ifformat tixrid omoġenju ta’ fażi gassuża f’oġġett ta’ l-ikel likwidu jew solidu;

16.

“aġenti li jgħaqqdu” huma sustanzi li jagħtu lill-oġġett ta’ l-ikel konsistenza bil-formazzjoni ta’ ġel;

17.

“aġenti għall-igglejżjar” (inklużi lubrikanti) huma sustanzi li, meta jkunu applikati lill-uċuħ esterni ta’ oġġett ta’ l-ikel, jagħtu dehra tleqq jew jipprovdu kisja protettiva;

18.

“humectants” huma sustanzi li ma jħallux l-ikel jinxef billi jopponu l-effett ta’ atmosfera li għandha grad baxx ta’ umdità, jew jippromwovu t-taħlil ta’ trab f’mezz milwiem;

19.

“lamti modifikati” huma sustanzi miksuba permezz ta’ trattament kimiku wieħed jew aktar ta’ lamti li jittieklu, li setgħu għaddew minn trattament fiżiku jew enzimatiku, u li jistgħu jkunu mraqqa jew ibbliċjati b’aċidu jew b’alkali;

20.

“gassijiet ta’ l-ippakkjar” huma gassijiet għajr l-arja, li jiġu introdotti f’kontenitur qabel, matul jew wara t-tqegħid ta’ oġġett ta’ l-ikel f’dak il-kontenitur;

21.

“propellanti” huma gassijiet għajr l-arja li jixħtu ‘il barra oġġett ta’ l-ikel minn kontenitur;

22.

“aġenti li jgħollu” huma sustanzi jew taħlit ta’ sustanzi li jilliberaw gass u b’hekk iżidu l-volum ta’ għaġina jew ta’ taħlita ta’ dqiq, bajd ecc.;

23.

“sekwestranti” huma sustanzi li jifformaw komplessi kimiċi b’jonji metalliċi;

24.

“stabilizzaturi” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li jinżamm l-istat fiżiku-kimiku ta’ oġġett ta’ l-ikel; l-istabbilizzaturi jinkludu sustanzi li jippermettu li jinżamm tixrid omoġenju ta’ żewġ sustanzi jew aktar li ma jitħalltux f’oġġett ta’ l-ikel, sustanzi li jistabbilizzaw, iżommu jew jintensifikaw kulur eżistenti ta’ oġġett ta’ l-ikel, u sustanzi li jżidu l-kapaċità ta’ taqħqid ta’ l-ikel, inkluża l-formazzjoni ta’ rabtiet bejn il-proteini li jippermettu t-tagħqid ta’ biċċiet ta’ l-ikel f’ikel rikostitwit.

25.

“sustanzi li jħaxxnu” huma sustanzi li jkabbru l-viskożità ta’ oġġett ta’ l-ikel;

26.

“sustanzi li jittrattaw id-dqiq” huma sustanzi, għajr għall-emulsjonanti, li jiġu miżjuda mad-dqiq jew ma’ l-għaġina sabiex itejbu l-kwalità tal-ħami tiegħu.


ANNESS II

Il-lista Komunitarja ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu.


ANNESS III

Il-lista Komunitarja ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati għall-użu fl-addittivi ta’ l-ikel, fl-enżimi ta’ l-ikel u fl-aromatizzanti ta’ l-ikel, u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom.

Lista Komunitarja ta’ aġenti veikoli u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom.

Parti 1

L-aġenti veikoli fl-addittivi ta’ l-ikel

Parti 2

L-addittivi ta’ l-ikel għajr għall-aġenti veikoli fl-addittivi ta’ l-ikel

Parti 3

Addittivi ta’ l-ikel inklużi aġenti veikoli fl-enżimi ta’ l-ikel

Parti 4

Addittivi ta’ l-ikel inklużi aġenti veikoli fl-aromatizzanti ta’ l-ikel

Parti 5

Aġenti veikoli f’nutrijenti u sustanzi oħra miżjuda għal finijiet nutrittivi u/jew għal finijiet fisjoloġiċi oħra


ANNESS IV

Ikel tradizzjonali li għalih ċerti Stati Membri jistgħu jkomplu jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi ta’ l-ikel

Stat Membru

L-ikel

Il-kategoriji ta’ l-addittivi li jistgħu jkomplu jiġu pprojbiti b’mod uffiċjali

Ġermanja

Il-birra tradizzjonali Ġermaniża (“Bier nach deutschem Reinheitsgebot gebraut”)

Kollha għajr il-gassijiet propellanti

Franza

Il-ħobż tradizzjonali Franċiż

Kollha

Franza

It-tartuf tradizzjonali Franċiż ippreservat

Kollha

Franza

Il-bebbux tradizzjonali Franċiż ippreservat

Kollha

Franza

Il-priservijiet tradizzjonali Franċiżi tal-wiżż u tal-papri (“confit”)

Kollha

Awstrija

Il-“Bergkäse” tradizzjonali Awstrijak

Kollha ħlief il-preservattivi

Finlandja

Il-“Mämmi” tradizzjonali Finlandiż

Kollha ħlief il-preservattivi

Svezja

Finlandja

Il-ġuleppijiet tal-frott tradizzjonali Svediżi u Finlandiżi

Il-kuluri

Danimarka

Il-“Kødboller” tradizzjonali Daniż

Il-preservattivi u l-kuluri

Danimarka

Il-“Leverpostej” tradizzjonali Daniż

Il-preservattivi (għajr l-aċidu żorbiku) u l-kuluri

Spanja

Il-“Lomo embuchado” tradizzjonali Spanjol

Kollha ħlief il-preservattivi u l-antiossidanti

Italja

Il-“Mortadella” tradizzjonali Taljana

Kollha ħlief il-preservattivi, l-antiossidanti, l-aġenti li jaġġustaw il-pH, is-sustanzi li jtejbu l-aroma, l-istabilizzaturi u l-gass ta’ l-ippakkjar

Italja

Il-“Cotechino e zampone” tradizzjonali Taljan

Kollha ħlief il-preservattivi, l-antiossidanti, l-aġenti li jaġġustaw il-pH, is-sustanzi li jtejbu l-aroma, l-istabilizzaturi u l-gass ta’ l-ippakkjar


ANNESS V

Lista ta’ kuluri ta’ l-ikel imsemmija fl-Artikolu 24 li għaliha l-ittikkettar ta’ l-ikel għandu jinkludi informazzjoni addizzjonali

Ikel li fih wieħed jew aktar mill-kuluri ta’ l-ikel li ġejjin

Tagħrif

Sunset yellow (E 110) (*)

“isem jew in-numru E tal-kulur(i): jista’ jkollu effett negattiv fuq l-attività u l-attenzjoni tat-tfal”.

Quinoline yellow (E 104) (*)

Carmoisine (E 122) (*)

Allura red (E 129) (*)

Tartrazine (E 102) (*)

Ponceau 4R (E 124) (*)


(*)  bl-eċċezzjoni ta’ l-ikel fejn il-kulur(i) ġew użati għall-finijiet ta’ saħħa jew biex jimmarkaw il-prodotti tal-laħam jew biex jistampaw jew jiddekoraw bil-kulur il-qoxra tal-bajd.


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/34


REGOLAMENT (KE) Nru 1334/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fid-dawl ta’ l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, jeħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ aromatizzanti għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u mal-materjali ta’ sors għall-produzzjoni tagħhom (3) tiġi aġġornata. Fl-interessi taċ-ċarezza u ta’ l-effiċjenza d-Direttiva 88/388/KEE għandha tiġi sostitwita bir-Regolament preżenti.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/389/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, ta’ inventarju tal-materjali u s-sustanzi ta’ sors użati fil-preparazzjoni ta’ aromatizzanti (4) tipprevedi l-istabbiliment ta’ dak l-inventarju fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni tagħha. Dik id-Deċiżjoni issa għadda żmienha u għandha tiġi revokata.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/71/KEE tas-16 ta’ Jannar 1991 li tikkompleta d-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ aromatizzanti għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u mal-materjali ta’ sors għall-produzzjoni tagħhom (5) tistabbilixxi r-regoli dwar l-ittikkettar tal-aromatizzanti. Dawk ir-regoli ġew sostitwiti bir-Regolament preżenti u d-Direttiva issa għandha titħassar.

(4)

Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(5)

Sabiex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, dan ir-Regolament għandu jkopri l-aromatizzanti, il-materjali mis-sors għall-aromatizzanti u l-ikel li fih l-aromatizzanti. Għandu jkopri wkoll ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li jiġu miżjuda ma’ l-ikel bl-għan prinċipali li tiżdied l-aroma u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-preżenza fl-ikel ta’ ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti”), il-materjal mis-sors tagħhom u l-ikel li jinstabu fih.

(6)

Oġġetti ta’ l-ikel fi stat naturali li m’għaddew mill-ebda trattament ta’ pproċessar u oġġetti ta’ l-ikel mhux komposti bħal ħwawar, ħxejjex aromatiċi, tejiet u infużjonijiet (per eżempju tè tal-frott jew tal-ħxejjex aromatiċi) kif ukoll taħlitiet ta’ ħwawar u/jew ħxejjex aromatiċi, taħlitiet ta’ tè u taħlitiet għall-infużjoni, sakemm dawn jiġu kkunsmati kif inhuma u/jew m’humiex miżjuda ma’ l-ikel, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

L-aromatizzanti għandhom jintużaw biex jimmodifikaw ir-riħa u/jew it-togħma għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għandhom jintużaw biss jekk jissodisfaw il-kriterji li ġew stabbiliti f’dan ir-Regolament. Iridu jkunu mingħajr periklu meta jiġu użati, u għalhekk ċerti aromatizzanti għandha ssirilhom valutazzjoni tar-riskju qabel ma jistgħu jkunu permessi fl-ikel. Fejn ikun possibbli l-attenzjoni għandha tiġi ffukata fuq jekk l-użu ta’ ċerti aromatizzanti jistgħax ikollu xi konsegwenzi negattivi fuq il-gruppi vulnerabbli. L-użu ta’ aromantizzanti m’għandux jiżgwida lill-konsumatur, u għalhekk il-preżenza tagħhom fl-ikel għandha dejjem tkun indikata permezz ta’ ttikkettar xieraq. L-aromatizzanti, m’għandhomx, b’mod partikolari, jintużaw b’mod li jiżgwidaw il-konsumatur rigward kwistjonijiet relatati, fost affarijiet oħrajn, man-natura, ma’ kemm huwa frisk, mal-kwalità ta’ l-ingredjenti wżati u man-naturalezza tal-prodott jew tal-proċess ta’ produzzjoni, jew il-kwalità nutrittiva tal-prodott. L-approvazzjoni ta’ aromatizzanti għandha tieħu wkoll kont ta’ fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni, inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-fattibbiltà tal-kontrolli.

(8)

Sa mill-1999, il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, u sussegwentement l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-ikel (6), esprimew opinjonijiet dwar numru ta’ sustanzi li jseħħu b’mod naturali f’materjali ta’ sors għall-aromatizzanti u għall-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li, skond il-Kumitat ta’ l-Esperti tas-Sustanzi ta’ Aromatizzanti tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, iqajmu tħassib tossikoloġiku. Sustanzi li għalihom kien ikkonfermat it-tħassib tossikoloġiku mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel għandhom jitqiesu bħala sustanzi mhux mixtieqa li bħala tali m’għandhomx jiġu miżjuda ma’ l-ikel.

(9)

Minħabba li jseħħu b’mod naturali fil-pjanti, is-sustanzi mhux mixtieqa jistgħu jkunu preżenti fi preparazzjonijiet ta’ aromatizzanti u f’ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Tradizzjonalment, il-pjanti jintużaw bħala ikel jew bħala ingredjenti ta’ l-ikel. Għandhom jiġu stabbiliti livelli massimi xierqa għall-preżenza ta’ dawn is-sustanzi mhux mixtieqa fl-ikel li l-iktar li jikkontribwixxi għall-konsum mill-bniedem ta’ dawn is-sustanzi, fejn jitqiesu kemm il-ħtieġa li tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem kif ukoll il-preżenza inevitabbli tagħhom fl-ikel tradizzjonali.

(10)

Livelli massimi għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali għandhom jiffukaw fuq l-ikel jew il-kategoriji ta’ l-ikel li jikkontribwixxu l-aktar għall-konsum ta’ l-ikel. Jekk sustanzi oħra naturali joħolqu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi, il-livelli massimi għandhom ikunu ffissati wara li tingħata l-opinjoni ta’ l-Awtorità. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli abbażi ta’ riskju f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (7). Il-produtturi ta’ l-ikel huma obbligati li jieħdu kont tal-preżenza ta’ dawn is-sustanzi meta jużaw ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti u/jew aromatizzanti għall-preparazzjoni ta’ l-ikel kollu sabiex jiġi żgurat li l-ikel li mhux sikur ma jitqegħidx fis-suq.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq livell Komunitarju biex ikun ipprojbit jew ristrett l-użu ta’ ċerti materjali ta’ pjanti, ta’ annimali, mikrobijoloġiċi jew minerali li jqajmu tħassib għas-saħħa tal-bniedem fil-produzzjoni ta’ aromatizzanti u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti u fl-applikazzjoni tagħhom fil-produzzjoni ta’ l-ikel.

(12)

Għandhom isiru valutazzjonijiet tar-riskju mill-Awtorità.

(13)

Biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-approvazzjoni ta’ l-aromatizzanti u tal-materjali ta’ sors li jeħtieġ li ssirilhom evalwazzjoni, għandhom jitwettqu skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008. li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, għall-enzimi ta’ l-ikel u għall-aromatizzanti ta’ l-ikel (8).

(14)

Is-sustanzi aromatizzanti huma sustanzi kimiċi definiti, li jinkludu sustanzi aromatizzanti miksuba minn sintesi kimika jew iżolati permezz ta’ proċessi kimiċi, u sustanzi aromatizzanti naturali. Għaddej programm ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti skond ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 1996 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja għas-sustanzi aromatizzanti użati jew maħsuba għall-użu fi jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel (9). Skond dak ir-Regolament għandha tiġi adottata lista ta’ sustanzi aromatizzanti fi żmien ħames snin mill-adozzjoni ta’ dak il-programm. Għandha tiġi ffissata skadenza ġdida għall-adozzjoni ta’ dik il-lista. Se jkun propost biex dik il-lista tiġi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(15)

Il-preparazzjonijiet aromatizzanti huma aromatizzanti minbarra sustanzi definiti kimikament miksuba minn materjali b’oriġini veġetali, annimali u mikrobijoloġika, permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi adatti, jew fl-istat naturali tal-materjal jew wara li jkun ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem. Il-preparazzjonijiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-ikel mhemmx għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza tal-preparazzjonijiet aromatizzanti prodotti minn materjal li mhux ikel għandha tiġi evalwata u approvata.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jiddefinixxi l-ikel bħala kwalunkwe sustanza, jew prodott, kemm jekk ipproċessat, ipproċessat b’mod parzjali jew mhux ipproċessat, li huwa maħsub, jew raġonevolment mistenni li jkun, għall-inġestjoni mill-bniedem jew le. Il-materjali b’oriġini veġetali, annimali jew mikrobijoloġika, li jista’ jiġi muri suffiċjentament li intużaw s’issa għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti, għal dan l-għan jitqiesu bħala materjali ta’ l-ikel, anki jekk uħud minn dawn il-materjali ta’ sors, bħalma huma r-rose wood u l-weraq tal-frawli, jistgħu ma jkunux intużaw għall-ikel bħala tali. M’hemmx għalfejn jiġu evalwati.

(17)

Bl-istess mod, l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali prodotti minn ikel taħt kondizzjonijiet speċifikati m’hemmx għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza ta’ l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali prodotti minn materjal li mhux ikel jew li m’humiex konformi ma’ ċerti kondizzjonijiet ta’ produzzjoni għandha tiġi evalwata u approvata.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Novembru 2003 dwar l-aromatizzanti bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (10) jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni tas-sikurezza u l-approvazzjoni ta’ aromatizzanti bl-affumikazzjoni u għandu l-għan li jistabbilixxi lista ta’ kondensati primarji tad-duħħan u frazzjonijiet primarji tal-qatran li l-użu tagħhom huwa awtorizzat bl-esklużjoni ta’ l-oħrajn kollha.

(19)

Il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti bħall-karboidrati, l-oligo-peptidi u l-aċidi amini jagħtu l-aroma lill-ikel permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi li jseħħu waqt l-ipproċessar ta’ l-ikel. Il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li ġew prodotti mill-ikel mhemmx bżonn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza tal-prekursuri ta’ l-aromatizzanti prodotti minn materjal li mhux ikel għandha tiġi evalwata u approvata.

(20)

Aromatizzanti oħrajn li ma jaqgħux taħt id-definizzjonijiet ta’ l-aromatizzanti li ssemmew qabel jistgħu jintużaw fl-ikel u fuq l-ikel wara li jkunu għaddew minn proċedura ta’ evalwazzjoni u approvazzjoni. Eżempju jista’ jkun ta’ aromatizzanti li jiġu miksuba permezz tat-tisħin ta’ żejt jew xaħam sa temperaturi għoljin ħafna, għall-perijodu qasir ħafna li jirriżultaw f’aroma ta’ xiwi.

(21)

Il-materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali, li n-natura tiegħu hija mikrobijoloġika jew minerali li mhux ikel jista’ jiġi awtorizzat biss għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti wara li s-sikurezza tiegħu ġiet evalwata b’mod xjentifiku. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jkun awtorizzat l-użu ta’ ċerti partijiet biss tal-materjal jew li jiġu ffissati kondizzjonijiet għall-użu.

(22)

L-aromatizzanti jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel kif permess mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (11) u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn għal finijiet teknoloġiċi bħall-ħażna, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil u l-istabbilizzazzjoni tagħhom.

(23)

Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat (12) ġenetikament għandhom ikunu awtorizzati skond dak ir-Regolament kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

(24)

L-aromatizzanti jibqgħu soġġetti għall-obbligi ġenerali ta’ l-ittikkettar kif previst fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwa l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (13) u, skond il-każ, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament (14). Barra minn hekk, f’dan ir-Regolament għandhom ikunu inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ittikkettar ta’ aromatizzanti mibjugħa bħala tali lill-manifattur jew lill-konsumatur finali.

(25)

Is-sustanzi aromatizzanti jew il-preparazzjonijiet aromatizzanti għandhom jiġu ttikkettati bħala “naturali” jekk jikkonformaw ma’ ċerti kriterji li jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati.

(26)

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-informazzjoni għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati dwar il-materjal mis-sors użat għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti naturali. B’mod partikolari, jekk it-terminu naturali jintuża biex jiddeskrivi aroma, il-komponenti ta’ l-aromatizzanti użati għandhom ikunu kollha ta’ oriġini naturali. Barra minn hekk, is-sors ta’ l-aromatizzanti għandhom ikunu ttikkettati, ħlief meta l-materjali ta’ sors imsemmijin ma jiġux rikonoxxuti fl-aroma jew fit-togħma ta’ l-ikel. Jekk jiġi msemmi sors, ta’ l-inqas 95 % tal-komponent aromatizzanti għandu jkun miksub mill-materjal imsemmi. Peress li l-użu ta’ aromatizzanti m’għandux jiżgwida l-konsumaturi, il-massimu l-ieħor ta’ 5 % jista’ jintuża biss għall-istandardizzazzjoni jew biex jagħti ftit togħma aktar friska, qawwija, matura, naturali eċċ lill-aromatizzanti. Meta jintuża anqas minn 95 % tal-komponent aromatizzanti miksub mis-sors imsemmi u l-aroma tas-sors xorta tista’ tkun rikonoxxuta, is-sors għandu jintwera flimkien ma’ dikjarazzjoni li ġew miżjuda aromatizzanti naturali oħrajn. Eżempju estratt tal-kakaw li fih ġew miżjuda aromatizzanti naturali oħrajn biex jagħtu ftit togħma ta’ banana.

(27)

Il-konsumaturi għandhom ikunu informati jekk it-togħma ta’ affumikat ta’ ikel partikolari hiex minħabba ż-żieda ta’ aromatizzanti bl-affumikazzjoni. Skond id-Direttiva 2000/13/KE, it-tikkettar m’għandux iħawwad lill-konsumatur dwar jekk il-prodott huwiex affumikat b’mod konvenzjonali b’duħħan frisk jew jekk huwiex ittrattat b’aromatizzanti bl-affumikazzjoni. Id-Direttiva2000/13/KE jeħtieġ li tiġi adattata għad-definizzjonijiet ta’ l-aromatizzanti, ta’ l-aromatizzanti bl-affumikazzjoni u tat-terminu “naturali” għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti li ġew stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(28)

Għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tas-sustanzi aromatizzanti minħabba s-saħħa tal-bniedem, l-informazzjoni dwar il-konsum u l-użu tas-sustanzi aromatizzanti hija kruċjali. L-ammonti ta’ sustanzi aromatizzanti miżjuda ma’ l-ikel għandhom għalhekk jiġu kkontrollati fuq bażi regolari.

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (15).

(30)

B’mod partikolari għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi għal dan ir-Regolament u biex tadotta miżuri transitorji xierqa rigward l-istabbiliment tal-lista Komunitarja. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissuplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(31)

Meta minħabba raġunijiet ta’ urġenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunux jistgħu jiġu rispettati, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tapplika l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ miżuri deskritti fl-Artikolu 8(2) u l-emendi għall-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament.

(32)

L-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament għandhom jiġu adattati kif meħtieġ għall-progress xjentifiku u tekniku, b’kont meħud ta’ l-informazzjoni provduta minn produtturi u utenti ta’ aromatizzanti u/jew li tirriżulta mill-monitoraġġ u l-kontrolli mill-Istati Membri.

(33)

Sabiex tkun żviluppata u aġġornata l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-aromatizzanti b’mod proporzjonat u effettiv, huwa meħtieġ li tinġabar id-data, ikun hemm qsim ta’ l-informazzjoni u tiġi kkoordinata l-ħidma bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, jista’ jkun utli li jitwettqu studji biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa xieraq li l-Komunità tiffinanzja studji bħal dawn bħala parti mill-proċedura baġitarja tagħha. Il-finanzjament ta’ tali miżuri huwa kopert bir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(34)

Sakemm titwaqqaf il-lista Komunitarja, għandu jsir provvediment għall-evalwazzjoni u għall-approvazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti li mhumiex koperti mill-programm ta’ evalwazzjoni previst fir-Regolament (KE) Nru. 2232/96. Għalhekk għandu jiġi stabbilit reġim tranżitorju. Taħt dak ir-reġim tali sustanzi aromatizzanti għandhom jiġu evalwati u approvati skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008. Madankollu m’għandhomx japplikaw il-perijodi ta’ żmien previsti f’dak ir-Regolament biex l-Awtorità tadotta l-opinjoni tagħha u biex il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta’ Regolament li jaġġorna l-lista Komunitarja lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għaliex il-prijorità għandha tingħata lill-programm ta’ evalwazzjoni li jkun għaddej.

(35)

Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji dwar l-użu ta’ l-aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti fl-ikel u fuq l-ikel, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk fl-interess ta’ l-unità tas-suq u livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, jista’ jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(36)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta’ l-inbid (16) u r-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (17) jeħtieġ li jiġu adattati għal ċerti definizzjonijiet ġodda li ġew stabbiliti fir-Regolament preżenti.

(37)

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1601/91, (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar aromatizzanti u ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel bil-għan li jkun żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluża l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi u l-prattiċi ġusti fil-kummerċ ta’ l-ikel, bit-teħid f’konsiderazzjoni, fejn xieraq, tal-ħarsien ta’ l-ambjent.

Għal dawn l-iskopijiet, dan ir-Regolament jipprovdi għal:

(a)

lista Komunitarja ta’ aromatizzanti u materjali ta’ sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, imniżżla fl-Anness I (minn hawn ‘il quddiem il-“lista Komunitarja”);

(b)

kondizzjonijiet ta’ l-użu ta’ aromatizzanti u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti fl-ikel u fuq l-ikel;

(ċ)

regoli dwar l-ittikkettar ta’ aromatizzanti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

aromatizzanti li jintużaw jew li huma maħsuba għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2065/2003;

(b)

l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti;

(ċ)

ikel li fih aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti;

(d)

materjali ta’ sors għal aromatizzanti u/jew materjali ta’ sors għal ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

sustanzi li għandhom esklużivament togħma ħelwa, qarsa jew mielħa;

(b)

ikel fi stat naturali;

(ċ)

ikel mhux kompost u taħlitiet bħal, imma mhux esklużivament, ta’ ħwawar u/jew ta’ ħxejjex aromatiċi, taħlitiet ta’ tè u taħlitiet għall-infużjoni bħala tali friski, imnixxfa jew friżati, sakemm ma jkunux intużaw bħala ingredjenti ta’ l-ikel.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġew stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nri 178/2002 u 1829/2003 għandhom japplikaw.

2.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

“aromatizzanti” għandha tfisser prodotti:

(i)

li m’humiex maħsuba biex jiġu kkunsmati bħala tali, li jiġu miżjuda ma’ l-ikel sabiex jagħtu jew jimmodifikaw ir-riħa u/jew togħma;

(ii)

li huma magħmulin jew li jikkonsistu mill-kategoriji li ġejjin: sustanzi ta’ taħwir, preparazzjonijiet ta’ taħwir, ħwawar li għaddew minn proċess termali, ħwawar bl-affumikazzjoni, prekursuri tal-benna jew ħwawar oħra jew taħlitiet tagħhom;

(b)

“sustanza ta’ taħwir” għandha tfisser sustanza ddefinita kimikament bi proprjetajiet ta’ taħwir;

(ċ)

“sustanza ta’ taħwir naturali” għandha tfisser sustanza ta’ taħwir li tinkiseb permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi xierqa minn materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali jew li għandu oriġini mikrobijoloġika jew fl-istat nej jew wara li ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II;

(d)

“preparazzjoni ta’ taħwir” għandha tfisser prodott, għajr għal sustanza ta’ taħwir, li nkiseb minn:

(i)

ikel permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiaċi jew mikrobijoloġiċi xierqa jew fl-istat nej tal-materjal jew wara li ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II u/jew mill-proċessi fiżiċi xierqa;

u/jew

(ii)

materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali jew li għandu oriġini mikrobijoloġika, li mhux ikel, li nkiseb permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II u/jew mill-proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi xierqa;

(e)

“ħwawar li għaddew minn proċess termali” għandha tfisser prodott li nkiseb wara trattament bis-sħana minn taħlita ta’ ingredjenti li mhux bilfors għandhom proprjetajiet ta’ taħwir huma stess, li minnhom għall-inqas wieħed fih in-nitroġenu (amminiku) u ieħor huwa zokkor li jnaqqas aġent ossidanti mhux qawwi (reducing sugar); l-ingredjenti għall-produzzjoni tal-ħwawar li għaddew minn proċess termali jistgħu jkunu:

(i)

ikel;

u/jew

(ii)

materjal mis-sors li mhux ikel;

(f)

“ħwawar bl-affumikazzjoni” għandha tfisser prodott li jinkiseb permezz tal-frazzjonament u tal-purifikazzjoni ta’ affumikazzjoni kondensata li tagħti kondensati primarji ta’ l-affumikazzjoni u frazzjonijiet primarji tad-duħħan tat-tabakk u/jew ħwawar bl-affumikazzjoni derivat kif ġie ddefinit fil-punti (1), (2) u (4) ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 2065/2003;

(g)

“prekursur ta’ l-aromatizzanti” għandha tfisser prodott, li mhux bilfors li huwa stess ikollu proprjetajiet aromatizzanti, li jinżdied intenzjonalment ma’ l-ikel għall-fini waħdieni li jaromatizza billi jitkissru jew ikun hemm reazzjoni ma’ komponenti oħrajn waqt l-ipproċessar ta’ l-ikel; jista’ jinkiseb minn:

(i)

ikel;

u/jew

(ii)

materjal ta’ sors li mhux ikel;

(h)

“aromatizzanti oħrajn” għandha tfisser aromatizzanti miżjuda jew maħsuba biex jinżdiedu ma’ l-ikel sabiex jagħtu riħa u/jew togħma u li ma jaqgħux taħt definizzjonijiet (b) sa (g);

(i)

“ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti” għandha tfisser ingredjent ta’ l-ikel għajr għall-aromatizzanti li jistgħu jiżdiedu ma’ l-ikel bil-fini prinċipali li tiżdied l-aroma jew tiġi mmodifikata l-aroma ta’ l-ikel u li jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-preżenza fl-ikel ta’ ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali;

(j)

“materjal ta’ sors” għandha tfisser materjal b’oriġini veġetali, annimali, mikrobijoloġika jew minerali li minnu jiġu prodotti aromatizzanti jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti; dan jista’ jkun:

(i)

ikel;

jew

(ii)

materjal ta’ sors li mhux ikel;

(k)

“proċess fiżiku xieraq” għandha tfisser proċess fiżiku li ma jimmodifikax intenzjonalment in-natura kimika tal-komponenti aromatizzanti, bla ħsara għall-elenkar tal-proċessi għall-preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali fl-Anness II, u ma jinvolvix, inter alia, l-użu ta’ ossiġnu ta’ enerġija ogħla (singlet oxygen), ożonu, katalizzaturi inorganiċi, katalizzaturi metalliċi, reaġenti organometalliċi u/jew radjazzjoni UV.

3.   Għall-fini tad-definizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 (d), (e), (g) u (j), il-materjali ta’ sors li sa issa hemm evidenza sinifikanti li ntużaw għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti, għandhom jitqiesu bħala ikel għal fini ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-aromatizzanti jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel kif permess mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn inkorporati għall-finijiet teknoloġiċi.

KAPITOLU II

IL-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAL-ĦWAWAR, TA’ L-INGREDJENTI TA’ L-IKEL BI PROPRJETAJIET TA’ TAĦWIR U TAL-MATERJALI MIS-SORS

Artikolu 4

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-ħwawar jew ta’ l- ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir

L-aromatizzanti jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel:

(a)

abbażi ta’ l-evidenza xjentifika disponibbli, m’humiex ta’ perikolu għas-saħħa tal-konsumatur u

(b)

l-użu tagħhom ma’ jqarraqx bil-konsumatur.

Artikolu 5

Projbizzjoni ta’ ħwawar mhux konformi u/jew ta’ oġġetti ta’ l-ikel mhux konformi

L-ebda persuna m’għandha tqiegħed fis-suq aromatizzanti, jew kwalunkwe ikel li fih hemm tali aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti jekk l-użu tagħhom mhux konformi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Il-preżenza ta’ ċerti sustanzi

1.   Is-sustanzi li ġew elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness III m’għandhomx jiġu miżjuda bħala tali ma’ l-ikel.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi, li huma preżenti b’mod naturali fl-aromatizzanti u/jew fl-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, fl-ikel kompost elenkat fil-Parti B ta’ l-Anness III m’għandhomx jinqabżu minħabba l-użu ta’ aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti f’dak l-ikel u fuq dak l-ikel. Il-livelli massimi tas-sustanzi mniżżlin fl-Anness III għandhom japplikaw għall-ikel kif ikkummerċjalizzat, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor. B’deroga minn dan il-prinċipju, għal ikel niexef u/jew ikkonċentrat li jeħtieġ li jiġi rikostitwit għandhom japplikaw il-livelli massimi għall-ikel kif rikostitwit skond l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta, b’kont meħud tal-fattur ta’ dilwizzjoni minimu.

3.   Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2), wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità Europea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità”), fejn meħtieġ.

Artikolu 7

Użu ta’ ċerti materjali ta’ sors

1.   Il-materjali ta’ sors elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness IV m’għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   L-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti prodotti mill-materjali ta’ sors elenkati fil-Parti B ta’ l-Anness IV jistgħu jintużaw biss taħt il-kondizzjonijiet indikati f’dak l-Anness.

Artikolu 8

Aromatizzanti u ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzant li għalihom m’humiex meħtieġa evalwazzjoni u approvazzjoni

1.   L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġejjin jistgħu jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel mingħajr evalwazzjoni u approvazzjoni taħt dan ir-Regolament, sakemm ikunu konformi ma’ l-Artikolu 4:

(a)

il-preparazzjonijiet aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(d)(i);

(b)

l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(e)(i) li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti li għaddew minn proċess termali u mal-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi fl-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali li ġew stabbiliti fl-Anness V;

(c)

il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(g)(i);

(d)

l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, jekk il-Kummissjoni, Stat Membru jew l-Awtorità tesprimi dubji dwar is-sikurezza ta’ aromatizzanti jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti imsemmi fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tagħmel valutazzjoni tar-riskju ta’ tali aromatizzanti jew ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Għandhom imbagħad japplikaw mutatis mutandis l-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri, wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità, li huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3). Tali miżuri għandhom jiġu stabbiliti fl-Annessi III, IV u/jew V fejn adatt. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 21(4).

KAPITOLU III

IL-LISTA KOMUNITARJA TAL-ĦWAWAR U TAL-MATERJALI MIS-SORS LI ĠEW APPROVATI GĦALL-UŻU FL-IKEL U FUQ L-IKEL

Artikolu 9

Il-ħwawar u l-materjali mis-sors li għalihom huma meħtieġa evalwazzjoni u approvazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika:

(a)

għas-sustanzi aromatizzanti;

(b)

għall-preparazzjonijiet aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(d)(ii);

(ċ)

aromatizzanti li għaddew minn proċess termali miksuba billi jissaħħnu l-ingredjenti li jaqgħu, b’mod parzjali jew sħiħ, taħt l-Artikolu 3(2)(e)(ii) u/jew li għalihom ma ntlaħqux il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti li għaddew minn proċess termali u/jew il-livelli massimi għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa stabbiliti fl-Anness V;

(d)

għall-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(g)(ii);

(e)

għal aromatizzanti oħrajn li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(h);

(f)

għall-materjali mis-sors, li mhumiex ikel, li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(j)(ii).

Artikolu 10

Il-lista Komunitarja ta’ l-aromatizzanti u tal-materjali mis-sors

Mill-aromatizzanti u l-materjali ta’ sors imsemmija fl-Artikolu 9, dawk biss li huma inklużi fil-lista Komunitarja jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u użati fl-ikel jew fuq l-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-użu speċifikati hemmhekk, fejn applikabbli.

Artikolu 11

Inklużjoni ta’ aromatizzanti u materjali ta’ sors fil-lista Komunitarja

1.   L-aromatizzanti jew il-materjal mis-sors jistgħu jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, skond il-proċedura li ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, biss jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġew stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-annotazzjoni għall-aromatizzanti jew għal materjal mis-sors fil-lista Komunitarja għandha tispeċifika:

(a)

l-identifikazzjoni ta’ l-aromatizzanti jew tal-materjal mis-sors approvat;

(b)

fejn ikun meħtieġ, il-kondizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu użati l-aromatizzanti.

3.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Artikolu 12

Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jistgħu jiġu inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness I skond dan ir-Regolament biss meta huma koperti minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

2.   Meta aromatizzant li jkun diġà inkluż fil-lista Komunitarja ikun prodott minn għejun li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nr 1829/2003, ma jkunx hemm bżonn li jiġi awtorizzat mill-ġdid skond dan ir-Regolament, u dan sakemm l-għajn il-ġdida tkun koperata minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-aromatizzant jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skond dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Deċiżjonijiet ta’ interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, jista’ jiġi deċiż skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2):

(a)

jekk sustanza jew taħlita ta’ sustanzi, materjal jew tip ta’ ikel partikolari jaqgħux fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 2(1);

(b)

għal liema kategorija speċifika definita fl-Artikolu 3(2)(b) sa (j) tappartjeni sustanza partikolari;

(ċ)

jekk prodott partikolari jappartjenix għal kategorija ta’ ikel jew huwa ikel imsemmi fl-Anness I jew Anness III, Parti B.

KAPITOLU IV

IT-TIKKETTAR

Artikolu 14

L-ittikkettar tal-ħwawar li mhumiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   L-aromatizzanti li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss bit-tikketti previsti fl-Artikoli 15 u 16, li jridu jkunu viżibbli faċilment, jinqraw b’mod ċar u indelibbli. L-informazzjoni provduta fl-Artikolu 15 għandha tkun f’lingwa li tiftiehem faċilment mix-xerrejja.

2.   Skond it-Trattat, l-Istat Membru fejn il-prodott jiġi kummerċjalizzat jista’, fit-territorju tiegħu stess, jistipula li din l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tiġi pprovduta b’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, li għandha tiġi ddeterminata minn dak l-Istat Membru. Dan m’għandux jipprekludi li tali informazzjoni tiġi indikata f’diversi lingwi.

Artikolu 15

Ħtiġijiet ġenerali tat-tikkettar għal ħwawar li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Fejn aromatizzanti li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, jinbiegħu waħedhom jew imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew li magħhom huma miżjuda sustanzi oħrajn skond l-Artikolu 3(4), l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom għandu jkollhom fuqhom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-deskrizzjoni tal-bejgħ: jew it-terminu “aromatizzanti” jew isem jew deskrizzjoni iktar speċifiku ta’ l-aromatizzanti;

(b)

id-dikjarazzjoni jew “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika għall-użu ta’ l-ikel maħsub tagħhom;

(ċ)

jekk meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċjali għall-ħażna u/jew l-użu;

(d)

marka li tidentifika l-lott;

(e)

fl-ordni mill-kbir għaż-żgħir tal-piż, lista ta’:

(i)

il-kategoriji ta’ l-aromatizzanti preżenti; kif ukoll

(ii)

l-ismijiet ta’ kull waħda mis-sustanzi l-oħra jew ta’ kull wieħed mill-materjali l-oħrajn fil-prodott jew, fejn ikun xieraq, in-numru E tagħhom;

(f)

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indrizz tal-manifattur jew tal-persuna li tippakkja, jew ta’ bejjiegħ;

(g)

indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ kull komponent jew grupp ta’ komponenti soġġett għal limitu kwantitattiv fl-ikel u/jew informazzjoni xierqa f’termini ċari u li jinftiehmu faċilment biex ikun possibbli li x-xerrej jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew ma’ leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra;

(h)

il-kwantità netta;

(i)

data ta’ durabbiltà minima jew data sa meta jridu jintużaw;

(j)

fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar aromatizzanti jew sustanzi oħrajn imsemmijin f’dan l-Artikolu u elenkati fl-Anness III a għad-Direttiva 2000/13/KE fir-rigward ta’ l-indikazzjoni ta’ l-ingredjenti preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-informazzjoni meħtieġa fil-punti (e) u (g) ta’ dak il-paragrafu tista’ tidher biss fuq id-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-konsenja li għandhom ikunu pprovduti ma’ jew qabel il-konsenja, sakemm l-indikazzjoni “mhux għall-bejgħ bl-imnut” tidher fuq parti viżibbli faċilment ta’ l-imballaġġ jew tal-kontenitur tal-prodott ikkonċernat.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, fejn l-aromatizzanti jiġu fornuti f’tankers, l-informazzjoni kollha tista’ tidher biss fuq id-dokumenti li jakkumpanjawhom relatati mal-konsenja li għandhom jiġu pprovduti mal-konsenja.

Artikolu 16

Ħtiġiet speċifiċi għall-użu tat-terminu “naturali”

1.   Jekk it-terminu “naturali” jintuża biex jiġu deskritti l-aromatizzanti fid-deskrizzjoni tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a) għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   It-terminu “naturali” għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti jista’ tintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti jinkludi biss preparazzjonijiet aromatizzanti u/jew sustanzi aromatizzanti naturali.

3.   It-terminu “sustanza(i) aromatizzanti naturali” jista’ jintuża biss għall-aromatizzanti fejn il-komponent aromatizzanti fih esklużivament sustanzi aromatizzanti naturali.

4.   It-terminu “naturali” jista’ jintuża biss flimkien ma’ referenza għal ikel, kategorija ta’ ikel jew sors aromatizzanti veġetali jew mill-annimali jekk il-komponent aromatizzanti inkiseb esklussivament jew b’ta’ l-inqas 95 % ta’ w/w mill-materjal ta’ sors imsemmi.

Id-deskrizzjoni għandha taqra “aromatizzanti ‘ikel jew kategorija ta’ ikel jew sors/i’ naturali”.

5.   It-terminu “aromatizzanti ‘ikel jew kategorija ta’ ikel jew sors/i’ naturali b’aromatizzanti naturali oħrajn” jista’ tintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti ġej parzjalment mill-materjal ta’ sors imsemmi, li l-aroma tiegħu tista’ tingħaraf faċilment.

6.   It-terminu “sustanza aromatizzanti naturali” jista’ jintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti ġej minn materjali mis-sors differenti u fejn referenza għall-materjali mis-sors m’għandiex tirrifletti l-aroma jew it-togħma tagħhom.

Artikolu 17

L-ittikkettar tal-ħwawar maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (18) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, aromatizzanti mibjugħa waħedhom jew imħalltin ma’ xulxin u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew li magħhom huma miżjuda sustanzi oħrajn u li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk l-imballaġġ tagħhom fih id-dikjarazzjoni jew “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza speċifika aktar għall-użu ta’ l-ikel maħsub tagħhom, li trid tkun viżibbli faċilment, tinqara b’mod ċar u indelibbli.

2.   Jekk it-terminu “naturali” jintuża biex jiġu deskritti l-aromatizzanti fid-deskrizzjoni tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a), għandu japplika l-Artikolu 16.

Artikolu 18

Ħtiġiet ta’ tikkettar oħrajn

L-Artikoli 14 sa 17 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar dettaljati jew aktar estensivi fir-rigward ta’ toqol u daqs jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, il-klassifika, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi jew li japplikaw għat-trasport ta’ tali sustanzi u preparazzjonijiet.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 19

Rappurtaġġ mill-operaturi tal-kummerċ fl-ikel

1.   Produttur jew utent ta’ sustanza ta’ aromatizzanti, jew ir-rappreżentant ta’ dan il-produttur jew utent, għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, jinfurmaha dwar l-ammont tas-sustanza miżjud ma’ l-ikel fil-Komunità f’perijodu ta’ 12-il xahar. L-informazzjoni provduta f’dan il-kuntest għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali sakemm din l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ sikurezza.

Informazzjoni dwar l-użu tal-livelli għal kategoriji speċifiċi ta’ l-ikel fil-Komunità għandha titpoġġja għad-disponibbli ta’ l-Istati Membri mill-Kummissjoni.

2.   Fejn applikabbli, għal aromatizzanti li huma diġà approvati taħt dan ir-Regolament li huma ppreparati b’metodi ta’ produzzjoni jew materjali tal-bidu li jkunu sinifikattivament differenti minn dawk inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ l-Awtorità, il-produttur jew l-utent għandu, qabel il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-aromatizzanti, jippreżenta lill-Kummissjoni d-data meħtieġa biex tkun possibbli evalwazzjoni ta’ l-aromatizzanti li għandha titwettaq mill-Awtorità, fir-rigward tal-metodu ta’ produzzjoni jew il-karatteristiċi modifikati.

3.   Produttur jew utent ta’ aromatizzanti u/jew materjali ta’ sors għandu jinforma lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li hija magħrufa u aċċessibbli għalih u li tista’ taffettwa l-valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanza aromatizzanti.

4.   Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 20

Monitoraġġ u rappurtaġġ mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi biex jimmonitorjaw il-konsum u l-użu ta’ l-aromatizzanti stabbiliti fil-lista Komunitarja u l-konsum tas-sustanzi elenkati fl-Anness III b’approċċ ibbażat fuq ir-riskju u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom bi frekwenza xierqa lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

2.   Wara li l-Awtorità tkun ġiet ikkonsultata, għandha tiġi adottata metodoloġija komuni għall-ġbir mill-Istati Membri ta’ l-informazzjoni dwar il-konsum u l-użu ta’ l-aromatizzanti stabbiliti fil-lista Komunitarja u tas-sustanzi elenkati fl-Anness III, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2) sa l-20 ta' Jannar 2011.

Artikolu 21

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 22

Emendi għall-Annessi II sa V

Emendi għall-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament biex jirriflettu l-progress xjentifiku u tekniku li huma mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3), wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità, fejn meħtieġ.

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 21(4).

Artikolu 23

Finanzjament Komunitarju ta’ linji politiċi armonizzati

Il-bażi legali għall-iffinanzjar ta’ miżuri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament huwa l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 24

Revoki

1.   Id-Direttiva 88/388/KEE, id-Deċiżjoni 88/389/KEE u d-Direttiva 91/71/KEE għandhom jitħassru mill-20 ta' Jannar 2011.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru. 2232/96 għandu jitħassar mid-data ta’ l-applikazzjoni tal-lista li tissemma fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Introduzzjoni tal-lista ta’ sustanzi ta’ taħwir fil-lista Komunitarja ta’ ħwawar u materjali ta’ sors u reġim transitorju

1.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi stabbilita billi tiġi introdotta l-lista tas-sustanzi aromatizzanti imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 fl-Anness I għal dan ir-Regolament waqt l-adozzjoni tiegħu.

2.   Sakemm tiġi stabbilita l-lista Komunitarja, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti li m’humiex koperti mill-programm ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2232/96.

B’deroga minn dik il-proċedura, il-perjodu ta’ disa’ xhur imsemmi fl-Artikolu 5(1) u 7 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 m’għandux japplika għal evalwazzjoni u approvazzjoni bħal din.

3.   Kwalunkwe miżura transitorja adatta li hija mfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi tissupplimentah għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3).

Artikolu 26

Emenda għar-Regolament (KEE) Nru 1601/91

L-Artikolu 2(1) huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1.

Fil-punt (a), l-ewwel subinċiż tat-tielet inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti għall-użu fi u fuq l-ikel (*), u/jew

(*)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34”;"

2.

Fil-punt b), l-ewwel subinċiż tat-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, u/jew”;

3.

Fil-punt (c), l-ewwel subinċiż tat-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, u/jew”.

Artikolu 27

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2232/96

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96, għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandha tiġi adottata l-lista ta’ sustanzi aromatizzanti imsemmija fl-Artikolu 2(2) skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.”.

Artikolu 28

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 110/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

ikun fihom sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru. 1334/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fi jew fuq l-ikel (**) u preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament;

(**)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34”;"

2.

Fl-Artikolu 5(3), il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

ikun fihom aromatizzant wieħed jew aktar kif definiti fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008”;

3.

Fl-Anness I, il-punt 9(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(9)

Żieda ta’ sustanzi tat-taħwir

Aromtaizzant tfisser li fil-preparazzjoni ta’ xarba alkoħolika jintużaw aromatizzant wieħed jew aktar definiti fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008”;

4.

L-Anness II għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 19(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti oħra kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament, u/jew pjanti aromatiċi jew partijiet minn pjanti aromatiċi jistgħu jintużaw bħala żieda, imma l-karatteristiċi organolettiċi tal-ġnibru jridu jkunu dixxernibbli, anki jekk xi kultant ikunu mdgħajfa.”

(b)

Il-Paragrafu 20(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament biss għandhom jintużaw għall-produzzjoni tal-ġinn sabiex it-togħma predominanti tkun tal-ġnibru.”

(c)

Il-Paragrafu 21(a) (ii) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

it-taħlita tal-prodott ta’ distillazzjoni bħal din u ta’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola bl-istess kompożizzjoni, purità u qawwa alkoħolika; is-sustanzi li jagħtu t-togħma u/jew il-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif speċifikati fil-kategorija 20(c), jistgħu jintużaw ukoll sabiex jaromatizzaw il-ġinn iddistillat.”;

(d)

Il-Paragrafu 23(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti oħrajn kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw addizzjonalment, imma jrid ikun hemm togħma predominanti ta’ anisi.”;

(e)

Il-Paragrafu 24(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi naturali oħrajn li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw addizzjonalment, iżda t-togħma ta’ dan ix-xorb trid tkun ġejja l-aktar minn distillati ta’ l-anisi (Carum carvi L.) u/jew miż-żerriegħa tax-xibt (Anethum graveolens L.), peress li l-użu taż-żjut essenzjali (essential oils) huwa projbit.”;

(f)

Il-Paragrafu 30(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Ix-xorb alkoħoliku b’togħma morra jew il-bitter huma xarbiet alkoħoliċi li t-togħma predominanti tkun morra magħmula biż-żieda ta’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola mħawwar b’sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament.”;

(g)

Fil-paragrafu 32(c), l-ewwel subparagrafu u l-parti introduttorja tat-tieni subparagrafu għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru. 1334/2008 u l-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni tal-likuri. Madankollu, huma biss is-sustanzi naturali li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u l-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament li għandhom jintużaw fil-preparazzjoni tal-likuri li ġejjin:”;

(h)

Il-Paragrafu 41(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u preparazzjonijiet aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni tal-liqueur tal-bajd jew l-advocaat jew l-avocat jew l-advokat.”;

(i)

Il-Paragrafu 44(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Väkevä glögi jew spritglögg huwa xarba alkoħolika prodotta biż-żieda ta’ aromatizzanti tal-qronfol u/jew tal-kannella ma’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola bl-użu ta’ wieħed mill-proċessi li ġejjin: maċerazzjoni u/jew distillazzjoni, ridistillazzjoni ta’ l-alkoħol fil-preżenza tal-partijiet tal-pjanti speċifikati hawn fuq, żieda ta’ sustanzi aromatizzanti naturali kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru1334/2008 ta’ l-imsiemer tal-qronfol jew tal-kannella jew taħlita ta’ dawn il-metodi.”;

(j)

Il-Paragrafu 44(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Aromatizzanti, sustanzi li jagħtu t-togħma u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma oħrajn kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b), (d) u (h) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistgħu jintużaw ukoll, imma jrid ikun hemm togħma predominanti tal-ħwawar speċifikati.”;

(k)

Fil-paragrafu (c) tal-paragrafi 25, 26, 27, 28, 29, 33, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40, 42, 43, 45 u 46, il-kelma “preparazzjonijiet” għandha tkun sostitwita bi “preparazzjonijiet aromatizzanti”.

Artikolu 29

Emenda għad-Direttiva 2000/13/KE

Fid-Direttiva 2000/13/KE, l-Anness III għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ANNESS III

L-GĦAŻLA TA’ L-AROMATIZZANTI FIL-LISTA TA’ INGREDJENTI

1.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-ħwawar għandhom ikunu indikati bit-termini

‘ħwawar’ jew isem jew deskrizzjoni iktar speċifiku tal-ħwawar, jekk il-komponent ta’ taħwir fih il-ħwawar kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 3(2)(b), (c), (d), (e), (f), (g) u (h) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti għall-użu fi u fuq l-ikel (***);

‘taħwir bl-affumikazzjoni’, jew taħwir bl-affumikazzjoni prodotti minn ikel jew kategoriji jew għejun ta’ ikel (i.e. taħwir bl-affumikazzjoni prodott mill-fagu), jekk il-komponent ta’ l-aroma jkun fih aromi definiti fl-Artikolu 3(2)(f) tar-Regolament KE Nru 1334/2008 u jagħti biss togħma ta’ xiwi lill-ikel.

2.

It-terminu ‘naturali’ għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti għandu jintuża f’konformità ma’ l-Artikolu 164 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2011.

L-Artikolu 10 għandu japplika minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-lista Komunitarja.

L-Artikoli 26 u 28 għandhom japplikaw mid-data ta’ applikazzjoni tal-lista Komunitarja.

L-Artikolu 22 għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2009. Ikel imqiegħed fuq is-suq jew ittikkettat legalment qabel l-20 ta' Jannar 2011 li mhux konformi ma’ dan ir-Regolament jista’ jiġi kummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jista’ jintuża.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta' Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 176), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 46) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008. (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(3)  ĠU L 184, 15.7.1988, p. 61.

(4)  ĠU L 184, 15.7.1988, p. 67.

(5)  ĠU L 42, 15.2.1991, p. 25.

(6)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(8)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 299, 23.11.1996, p. 1.

(10)  ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1.

(11)  Ara paġna16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(13)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1.

(17)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(18)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21.


ANNESS I

Il-lista Komunitarja tal-ħwawar u tal-materjali mis-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel


ANNESS II

Lista ta’ proċessi ta’ preparazzjoni ta’ ikel tradizzjonali

Qtugħ fi bċejjeċ

Kisi

Tisħin, tisjir, ħami, qali (sa 240 °C fi pressjoni atmosferika) u tisjir bi pressa (pressure cooking) (sa 120 °C)

Tibrid

Qtugħ

Distillazzjoni/rettifikazzjoni

Tnixxif

Emulsifikazzjoni

Evaporazzjoni

Estrazzjoni, inkluża l-estrazzjoni permezz ta’ solvent skond id-Direttiva 88/344/KEE

Fermentazzjoni

Filtrazzjoni

Tħin

 

Infużjoni

Maċerazzjoni

Proċessi Mikrobijoloġiċi

Taħlit

Tqaxxir

Perkolazzjoni

Għafis

Tkessiħ/Iffriżar

Inkaljar/Xiwi

Tgħasir

Tgħaddis

 


ANNESS III

Il-preżenza ta’ ċerti sustanzi

Parti A:   Sustanzi li ma jistgħux jiġu miżjuda bħala tali ma’ l-ikel

L-Aċidu agariku

Aloina

Il-Kapsajkin

1,2-Benzopyrone, coumarin

L-Iperiċin

Il-Beta-asarone

1-Allyl-4-methoxybenzene, estragole

L-Aċidu idroċijaniku

Il-Menthofuran

4-Allyl-1,2-dimethoxybenzene, methyleugenol

Il-Pulegone

Il-Kassin

L-1-Allyl-3,4-methylene dioxy benzene, safrole

Teucrin A

It-Tujone (alfa u beta)

Il-Parti B:   Il-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi, li jkunu preżenti b’mod naturali fl-aromatizzanti u fl-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, f’ċertu ikel kompost kif ikkunsmat li miegħu ġew miżjuda l-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

L-isem tas-sustanza

L-ikel kompost li l-preżenza tas-sustanza fih hija ristretta

Il-livell massimu mg/kg

Il-Beta-asarone

Ix-xorb alkoħoliku

1,0

1-Allyl-4-methoxybenzene,

Estragol (*)

Il-prodotti tal-ħalib

50

Il-frott, il-veġetali (inklużi l-faqqiegħ, il-fungi, l-għeruq, it-tuberi, il-pjanti tal-miżwed u tal-legumi), il-ġewż u ż-żrieragħ

50

Il-prodotti tal-ħut

50

Ix-xorb mhux alkoħoliku

10

L-Aċidu idroċijaniku

Il-qubbajt, il-marżipan jew is-sostituti tiegħu jew prodotti simili

50

Il-frott ta’ l-għadma fil-landi

5

Ix-xorb alkoħoliku

35

Il-Menthofuran

Il-ħelu li fih il-menta/pepermint, ħlief il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

500

Il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

3 000

Iċ-ċjuwing gamm

1 000

Ix-xorb alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

200

4-Allyl-1,2-dimethoxy-benzene,

Methyleugenol (*)

Il-prodotti tal-ħalib

20

Preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam, inklużi t-tjur u s-selvaġġina

15

Preparazzjonijiet tal-ħut u prodotti tal-ħut

10

Is-sopop u z-zlazi

60

L-ikel mhux ħelu lest biex jittiekel.

20

Ix-xorb mhux alkoħoliku

1

Il-Pulegone

Il-ħelu li fih il-menta/pepermint, ħlief il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

250

Il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

2 000

Iċ-ċjuwing gamm

350

Ix-xorb mhux alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

20

Ix-xorb alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

100

Il-Kassin

Ix-xorb mhux alkoħoliku

0,5

L-oġġetti tal-bejgħ tal-furnara

1

Ix-xorb alkoħoliku

1,5

1-Allyl-3,4-methylene dioxy benzene, safrole (*)

Preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam, inklużi t-tjur u s-selvaġġina

15

Preparazzjonijiet tal-ħut u prodotti tal-ħut

15

Is-sopop u z-zlazi

25

Ix-xorb mhux alkoħoliku

1

Teucrin A

Xarbiet spiritużi b’togħma morra jew bitter (1)

5

Likuri (2) b’togħma morra

5

Xorb alkoħoliku ieħor

2

It-Tujone (alfa u beta)

Ix-xorb alkoħoliku, ħlief dak prodott mill-ispeċi Artemisia

10

Ix-xorb alkoħoliku, prodott mill-ispeċi Artemisia

35

Xorb mhux alkoħoliku prodott mill-ispeċi Artemisia

0,5

Coumarin

Prodotti tal-forn tradizzjonali u/jew staġonali li fihom referenza ghall-kannella fl-ittikkettar

50

Ċereali tal-kolazzjon inkluż il-meusli

20

Prodotti tal-forn fini, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti tal-forn tradizzjonali u/jew staġonali li fihom referenza għall-kannella fl-ittikkettar

15

Ħelu

5


(*)  Il-livelli massimi m’għandhomx japplikaw meta l-kompost ta’ l-ikel ma jkunx fih aromatizzanti miżjuda u l-uniċi ingredjenti ta’ l-ikel miżjuda jkunu ħwawar u aromatizzanti friski, imnixxfa jew friżati. Wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-Awtorità, ibbażata fuq id-data mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri, dwar l-informazzjoni xjentifika l-aktar ġdida, u billi tqis l-użu ta’ ħwawar u aromatizzanti u preparazzjonijiet naturali ta’ aromatizzanti, il-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi għal din id-deroga.

(1)  Kif definiti fl-Anness II, il-paragrafu 30 tar-Regolament (KE) 110/2008.

(2)  Kif definiti fl-Anness II, il-paragrafu 32 tar-Regolament (KE) 110/2008.


ANNESS IV

Il-lista tal-materjali mis-sors li għalihom japplikaw ir-restrizzjonijiet dwar l-użu tagħhom fil-produzzjoni tal-ħwawar u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir

Parti A:   Il-materjali mis-sors li m’għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti

Il-materjal mis-sors

L-isem bil-Latin

L-isem komuni

Il-forma tetraplojda ta’ Acorus calamus L

Il-forma tetraplojda ta’ Calamus

Il-Parti B:   Il-kondizzjonijiet ta’ l-użu għall-aromatizzanti u għall-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti minn ċerti materjali mis-sors

Il-materjal mis-sors

Kondizzjonijiet għal-użu

L-isem bil-Latin

L-isem komuni

Quassia amara L. u

Picrasma excelsa (Sw)

Kwassja

L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-materjal mis-sors jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni tax-xorb u ta’ l-oġġetti tal-bejgħ tal-furnara.

Laricifomes officinalis (Vill.: Fr) Kotl.

jew

Fomes officinalis

Fomes officinales

L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-materjal mis-sors jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni tax-xorb alkoħoliku

Hypericum perforatum L

St Johns wort (xorta ta’ fexfiex)

Teucrium chamaedrys L

Il-ġermandrija


ANNESS V

Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħwawar li għaddew minn proċess termali u l-livelli massimi għal ċerti sustanzi fil-ħwawar li għaddew minn proċess termali

Parti A:   Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni:

(a)

It-temperatura tal-prodotti waqt l-ipproċessar m’għandhiex taqbeż l-180 °C.

(b)

It-tul taż-żmien ta’ l-ipproċessar termali m’għandux jaqbeż il-15-il minuta f’temperatura ta’ 180 °C b’ħinijiet itwal li jikkorrispondu għal temperaturi iktar baxxi, jiġifieri rduppjar tal-ħin tat-tisħin għal kull tnaqqis fit-temperatura b’10 °C, sa massimu ta’ 12-il siegħa.

(ċ)

Matul l-ipproċessar il-pH m’għandux jaqbeż l-valur ta’ 8,0.

Il-Parti B:   Il-livelli massimi għal ċerti sustanzi

L-Oġġetti ta’

Livelli massimi µg/kg

2-amino-3,4,8-trimethylimidazo [4,5-f] quinoxaline (4,8-DiMeIQx)

50

2-amino-1-methyl-6-phenylimidazol [4,5-b]pyridine (PhIP)

50


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/51


REGOLAMENT (KE) Nru 1335/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 (3) stabbilixxa Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, hawn aktar 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, biex jitwettaq kontribut tekniku għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja Ewropea mingħajr fruntieri. Wara l-iżviluppi fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà ferrovjarja u l-iżvilupp tas-suq u abbażi ta' l-esperjenza miksuba mill-operazzjoni ta' l-Aġenzija u r-rabta bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni, jeħtieġ li jsiru ċerti emendi għal dak ir-Regolament, u, b'mod partikolari, jeħtieġ li jiżdiedu ċerti kompiti.

(2)

Ir-Regoli nazzjonali għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni kemm skond id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (4), (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja), u d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Direttiva tas-Sigurta' tal-Linji tal-Ferrovija) (5). Iż-żewġ settijiet ta' regoli għandhom għalhekk jiġu eżaminati sabiex jiġi valutat, b'mod partikolari, jekk humiex kompatibbli mal-metodi komuni ta' sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' l-interoperabilita' (TSI) fis-seħħ, kif ukoll jekk jippermettux li jintlaħqu l-miri komuni ta' sigurtà fis-seħħ.

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi li ma jikkonformawx mat-TSIs, ir-regoli kollha tekniċi u ta' sigurtà fis-seħħ f'kull Stat Membru għandhom jiġu kklassifikati fi tliet gruppi u r-riżultati ta' din il-klassifikazzjoni għandhom jiġu ppreżentati f'dokument ta' referenza. Għaldaqstant l-Aġenzija hi meħtieġa tfassal abbozz biex jinħoloq u jiġi aġġornat dan id-dokument billi ssir referenza reċiproka għar-regoli nazzjonali għal kull wieħed mill-parametri tekniċi rilevanti u billi jiġu provduti opinjonijiet tekniċi ad hoc dwar aspetti speċifiċi ta' aċċettazzjoni reċiproka ta' proġetti. L-Aġenzija, wara li tirrivedi l-lista tal-parametri, tista' tirrakkomanda li din tkun modifikata.

(4)

Minħabba l-kompetenzi legali tagħha u l-livell għoli ta' kompetenza teknika, l-Aġenzija hi l-entità li għandha tipprovdi kjarifika dwar materji kumplessi li jfeġġu mill-attività fis-settur. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri li jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' vetturi, għandu jkun possibbli li l-Aġenzija tintalab li toħroġ opinjonijiet tekniċi fil-każ ta' deċiżjoni negattiva minn awtorità ta' sigurtà nazzjonali jew dwar l-ekwivalenza tar-regoli nazzjonali għall-parametri tekniċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

(5)

Għandu jkun possibbli li tintalab l-opinjoni ta' l-Aġenzija dwar modifiki urġenti għat-TSIs.

(6)

Taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, l-Aġenzija tista' tissorvelja l-kwalità tal-ħidma tal-korpi nnotifikati mill-Istati Membri. Studju mwettaq mill-Kummissjoni wera li hemm lok sew għall-interpretazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu applikati għan-notifika ta' dawn il-korpi. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-korpi li huma jagħżlu li jinnotifikaw u l-kontrolli li huma jistgħu jwettqu biex ikun żgurat li dawn il-kriterji jkunu ntlaħqu, huwa importanti li jiġi valutat l-impatt ta' tali differenzi fl-interpretazzjoni, u li jiġi vverifikat li huma ma jikkawżawx diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' konformità u d-dikjarazzjoni ta' verifika KE. Għalhekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tkun tista' tissorvelja l-attività tal-korpi notifikati u, jekk ikun ġustifikat, twettaq kontrolli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kriterji msemmijin fid-Direttiva dwar Interoperabbiltà Ferrovjarja jintlaħqu mill-korp notifikat rilevanti.

(7)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 jawtorizza l-Aġenzija biex tivvaluta, fuq talba tal-Kummissjoni u mill-lat ta' interoperabbiltà, applikazzjonijiet għal finanzjament Komunitarju għal proġetti ta' infrastruttura ferrovjarja. Id-definizzjoni ta' dawn il-proġetti għandha tiġi estiża biex il-koerenza tas-sistema tkun tista' wkoll tiġi valutata, bħal fil-każ ta' proġetti li jimplimentaw is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), per eżempju.

(8)

Wara żviluppi ta' dimensjoni internazzjonali, u b'mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) fl-1999, l-Aġenżija għandha tintalab li tivvaluta r-relazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u d-detenturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-manutenzjoni, bħala estensjoni tal-ħidma tagħha fil-qasam ta' ċertifikazzjoni tal-workshops tal-manutenzjoni. F'dan il-kuntest, għandu jkun possibbli għall-Aġenzija li tindirizza rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni ta' manutenzjoni skond l-Artikolu 14a tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

(9)

Meta tkun qed tiżviluppa l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-workshops ta' manutenzjoni, l-Aġenzija għandha tiżgura li dawn l-iskemi jkunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji u r-rwol futur ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. Dawn l-iskemi għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta' ċertifikazzjoni ta' sigurtà ta' impriżi ferrovjarji u jevitaw piż amministrattiv bla bżonn u d-duplikazzjoni ta' kontrolli, spezzjonijiet u/jew verifiki.

(10)

Wara l-adozzjoni tat-tielet pakkett ferrovjarju, għandha ssir referenza għad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja fil-Komunità (6) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija”), li tistabbilixxi diversi kompiti li għandhom jitwettqu mill-Aġenżija u tagħti l-possibbiltà li jkunu indirizzati rakkomandazzjonijiet ukoll.

(11)

Safejn hu kkonċernat il-persunal ferrovjarju, l-Aġenzija għandha wkoll tidentifika għażliet possibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà u jivvalutaw l-impatt ta' dawn l-għażliet differenti. Hu maħsub li, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji u membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu dmirijiet kritiċi għas-sigurtà, l-Aġenzija tirrifletti dwar l-ispeċifikar ta' kriterji biex jiġu definiti kompetenzi vokazzjonali ta' persunal ieħor involut fl-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja.

(12)

Id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija jipprevedu diversi tipi ta' dokumenti, jiġifieri, dikjarazzjonijiet ta' verifika tal-KE, liċenzji u ċertifikati ta' sigurtà u regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni. Għalhekk, għandu jkun il-kompitu ta' l-Aġenzija li jiġi żgurat aċċess pubbliku għal dawk id-dokumenti kif ukoll għar-reġistri nazzjonali dwar vetturi u infrastruttura u għar-reġistri miżmumin mill-Aġenzija.

(13)

L-Aġenzija għandha teżamina d-dħul xieraq għall-kompiti relatati ma' l-aċċessibbiltà ta' dokumenti u reġistri skond l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004.

(14)

Mill-adozzjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju, ittieħdu diversi inizjattivi marbutin ma' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-ERTMS. Dawn jinkludu l-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u d-diversi partijiet interessati fis-settur, l-istabbiliment ta' kumitat ta' tmexxija għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-insedjament tas-Sistema Ewropea ta' Sinjalazzjoni tal-Ferroviji ERTMS/ECTS, il-ħatra, mill-Kummissjoni ta' koordinatur Ewropew għall-proġett ERTMS bħala proġett prijoritarju ta' interess Komunitarju, id-definizzjoni tar-rwol ta' l-Aġenzija bħala awtorità tas-sistema fil-kuntest tad-diversi programmi ta' ħidma annwali, u l-adozzjoni tat-TSI “kontroll-kmand u s-sinjalar” għal ferroviji konvenzjonali (7). Minħabba l-importanza dejjem tikber ta' l-input mill-Aġenzija f'dan il-qasam, il-kompiti tagħha għandhom jiġu speċifikati.

(15)

L-Aġenzija għandha rwol ewlieni fl-użu fil-ġejjieni ta’ l-ERTMS fis-sistema sħiħa tal-ferroviji. Għal dak l-għan għandha tiġi żgurata l-koerenza taż-żmien fost il-pjani migratorji nazzjonali.

(16)

Il-verżjoni ta' l-ERTMS adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 għandha tħalli l-impriżi ferrovjarji li nvestew f'vetturi ferrovjarji interoperabbli jiżguraw dħul adegwat fuq l-investiment tagħhom. Din il-verżjoni għandha tiġi kompluta bi speċifikazzjonijiet ta' ttestjar armonizzati. Kull speċifikazzjoni addizzjonali mitluba minn awtorità nazzjonali tas-sigurtà m’għandhiex iżżomm bla bżonn iċ-ċaqliq ta’ vetturi ferrovjarji installati b’verżjonijiet ġejjienija ta’ ERTMS jew bil-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-23 ta' April 2008, fuq linji li jkunu diġà mgħammra skond l-aħħar verżjoni.

(17)

Sabiex tiġi promossa l-interoperabilità, l-Aġenzija għandha tevalwa l-impatt ta’ l-adattament ta’ kwalunkwe verżjoni ta’ tagħmir ta’ l-ERTMS installat qabel il-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 lejn din il-verżjoni.

(18)

L-Aġenzija issa għandha numru kbir ta' esperti li jispeċjalizzaw fl-interoperabbiltà u s-sigurtà tas-sistema ferrovjarja Ewropea. L-Aġenzija għandha tkun awtorizzata twettaq kompiti ad hoc fuq talba tal-Kummissjoni, soġġetti għall-kompatibbiltà ta' dawk il-kompiti mal-missjoni ta' l-Aġenzija u konformità mal-prijoritajiet l-oħrajn ta' l-Aġenzija. F'dak id-dawl, id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jevalwa l-amissibbiltà ta' din l-assistenza u jirrapporta mill-anqas darba fis-sena lill-Bord Amministrattiv dwar l-għoti tagħha. Il-Bord jista' jivvaluta dan ir-rapport skond is-setgħat mogħtija lilu bir-Regolament (KE) Nru 881/2004.

(19)

Ir-reklutaġġ ta' uffiċjali tal-proġetti b'kuntratt għal massimu ta' 5 snin kien intensiv matul l-ewwel sena meta ġiet stabbilita l-Aġenzija, li jfisser li ħafna mill-persunal tekniku għandu jħalli l-Aġenzija fi żmien qasir. Biex tiġi żgurata kwantità u kwalità adegwata ta' kompetenza u biex jiġu antiċipati diffikultajiet possibbli fil-proċeduri ta' reklutaġġ, l-Aġenzija għandha titħalla testendi l-kuntratti ta' ħidma ta' persunal bi kwalifiki speċjali għal tliet snin oħra.

(20)

Id-data li fiha għandu jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi emendata biex tippermetti sinkronizzazzjoni aħjar mal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet baġitarji.

(21)

Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettiv ta' kull attività u lil min għandha tiġi indirizzata. Il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar ir-riżultati tekniċi ta' kull attività peress li din l-informazzjoni tmur ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport ġenerali, li hu indirizzat lill-istituzzjonijiet kollha.

(22)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tal-missjoni ta' l-Aġenzija biex tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tagħha fis-simplifikazzjoni tal-proċedura Komunitarja għaċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, ma jistax jintlaħaq b' mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jista' għalhekk, minħabba l-iskala ta' dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN ir-Regolament:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

It-tip ta' azzjonijiet ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija tista':

(a)

tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6,7, 9b, 12, 14, 16, 16a, 16b, 16c, 17 u 18; u

(b)

tagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 9a, 10, 13 u 15, u lill-awtoritajiet konċernati fl-Istati Membri skond l-Artikolu 10.”;

2)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“1.   Għat-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 7, 9b, 12, 14, 16, 17 u 18 l-Aġenzija għandha tistabbilixxi numru limitat ta' gruppi ta' ħidma.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà definiti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija, jew, skond is-suġġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom għall-gruppi ta' ħidma li jixtiequ jieħdu sehem fihom.”;

3)

L-Artikolu 8 għandu jitħassar;

4)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 9:

“KAPITOLU 2a

REGOLI NAZZJONALI, AĊĊETTAZZJONI REĊIPROKA U OPINJONIJIET TEKNIĊI”;

5)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Regoli nazzjonali

1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha twettaq eżami tekniku tar-regoli nazzjonali ġodda mibgħuta lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija jew l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (*), (minn hawn 'il quddiem imsejjħa ‘id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja’).

2.   L-Aġenzija għandha teżamina l-kompatibbiltà tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mas-CSMs u mat-TSIs fis-seħħ. L-Aġenzija għandha wkoll teżamina jekk dawk ir-regoli jippermettux li jintlaħqu s-CSTs fis-seħħ.

3.   Jekk, wara li tkun ħadet kont tar-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri, l-Aġenzija tikkunsidra li kwalunkwe minn dawn ir-regoli tkun jew inkompatibbli mat-TSIs jew is-CMSs jew ma tippermettix li jintlaħqu s-CSTs, hija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni xahrejn wara t-trasmissjoni tar-regoli lill-Aġenzija mill-Kummissjoni.

Artikolu 9b

Il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali

1.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-aċċettazzjoni tal-vetturi mqegħda fis-servizz fi Stat Membru ieħor skond il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4.

2.   L-Aġenzija għandha, sad-19 ta' Jannar 2009 tirrevedi l-lista ta' parametri fit-taqsima 1 ta' l-Anness VII għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet li hi tikkunsidra addati lill-Kummissjoni.

3.   L-Aġenżija għandha tfassal abbozz għal dokument ta' referenza li jagħmel korrelazzjoni għar-regoli nazzjonali kollha applikati mill-Istati Membri għat-tqegħid ta' vetturi fis-servizz. Dan id-dokument għandu jkun fih ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru għal kull parametru elenkat fl-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u jispeċifika wkoll il-grupp imsemmi fit-Taqsima 2 ta' dak l-Anness li taħtu jaqgħu dawn ir-regoli. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dawk notifikati taħt l-Artikolu 17(3) tad- Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi dawk notifikati wara l-adozzjoni tat-TSIs (każijiet speċifiċi, kwistjonijiet pendenti, derogi), u dawk notifikati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

4.   Bil-ħsieb li gradwalment jitnaqqsu r-regoli nazzjonali fil-Grupp B msemmi fit-Taqsima 2 ta' l-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, l-Aġenzija għandha regolarment tfassal abbozz biex jiġi aġġornat id-dokument ta' referenza u tibagħtu lill-Kummissjoni. L-ewwel verżjoni tad-dokument għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 1 ta’ Jannar 2010.

5.   Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà stabbiliti taħt l-Artikolu 6(5) u tistabbilixxi grupp ta' ħidma skond il-prinċipji ta' l-Artikolu 3.

(*)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.”;"

6)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħlu fl-Artikolu 10:

“2a.   L-Aġenzija tista' tintalab li tipprovdi opinjonijiet tekniċi:

(a)

minn awtorità tas-sigurtà nazzjonali jew mill-Kummissjoni, dwar l-ekwivalenza ta' regoli nazzjonali għal parametru wieħed jew aktar elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness VII għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

(b)

mill-korp ta' appell kompetenti imsemmi fl-Artikolu 21(7) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fil-każ ta' deċiżjoni minn awtorità tas-sigurtà nazzjonali kompetenti li tirrifjuta t-tqegħid fis-servizz ta' vettura ferrovjarja.

2b.   L-Aġenzija tista' tintalab mill-Kummissjoni li tipprovdi opinjonijiet tekniċi dwar modifiki urġenti għat-TSIs, skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.”;

7)

L-Artikolu 11 għandu jitħassar;

8)

L-Artikolu 13 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Korpi notifikati

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-korpi notifikati li huma jaħtru, l-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni, tissorvelja l-kwalità tal-ħidma ta' dawk il-korpi. L-Aġenzija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni fejn xieraq.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni meta hija, skond l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, tikkunsidra li korp notifikat ma jilħaqx l-kriterji msemmijin fl-Anness VIII għal dik id-Direttiva, tivverifika biex tiżgura li dawk il-kriterji jintlaħqu. L-Aġenzija għandha toħroġ opinjoni lill-Kummissjoni.”;

9)

L-Artikolu 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Komunitarja

Mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha teżamina, mill-perspettiva ta' l-interoperabbiltà, kwalunkwe proġett li jinvolvi t-tfassil u/jew il-bini jew it-tiġdid jew it-titjib tas-sottosistema li għalih tkun saret applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja Komunitarja. F'perijodu li għandu jkun miftiehem mal-Kummissjoni skond l-importanza tal-proġett u r-riżorsi disponibbli u li ma jistax jestendi aktar minn xahrejn, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar jekk il-proġett huwiex konformi mat-TSIs rilevanti.”;

10)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih qabel l-Artikolu 16:

“KAPITOLU 3a

MANUTENZJONI TA' VETTURI”;

11)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej ma’ l-Artikolu 16:

“Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u l-entità responsabbli mill-manutenzjoni kif previst fl-Artikolu 14a ta' dik id-Direttiva, u għandhom jieħdu kont sħiħ tal-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' impriżi ferrovjarji u entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni.”;

12)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni

1.   Sa 1 ta’ Lulju 2010, l-Aġenzija għandha tibgħat lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ċertifikazzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni skond l-Artikolu 14a(5) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni ta' l-Aġenzija għandhom b'mod partikolari jkopru l-aspetti li ġejjin b'kont debitu meħud tar-rabtiet li entità responsabbli mill-manutenzjoni jista' jkollha ma' partijiet oħrajn bħal sidien ta' vetturi, impriżi ferrovjarji u amministraturi ta' l-infrastruttura:

(a)

jekk l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandhiex fis-seħħ is-sistemi adegwati, inklużi l-proċessi operattivi u ta' ġestjoni, biex tkun żgurata l-manutenzjoni effettiva u sikura tal-vetturi;

(b)

il-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet ta' sistema ta' ċertifikazzjoni adattata għall-manutenzjoni tal-vaguni;

(c)

it-tip ta' korpi kompetenti għaċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti fuq entitajiet bħal dawn;

(d)

il-format u l-validità taċ-ċertifikati li għandhom jitqassmu lill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni;

(e)

l-ispezzjonijiet u l-kontrolli tekniċi u operattivi.

2.   Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni mill-Kummissjoni tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ manutenzjoni msemmija fl-Artikolu 14a(5) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ sistema bħal din. Sa l-istess data, l-Aġenzija għandha tibgħat ukoll rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni bl-għan li tiddefinixxi l-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet ta' sistema ta' ċertifikazzjoni simili fil-każ ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni ta’ vetturi oħra, bħal-lokomotivi, karozzi tal-passiġġieri, unitajiet multipli elettriċi u unitajiet multipli tad-diesel.

3.   L-Aġenzija għandha teżamina miżuri alternattivi li ġew deċiżi skond l-Artikolu 14a(8) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji Ferrovjarji fil-kuntest tar-rapport tagħha dwar il-prestazzjoni ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

13)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 16a:

“KAPITOLU 3b

PERSUNAL FERROVJARJU”;

14)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu16b

Sewwieqa tal-ferroviji

1.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunita' (**) (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘d-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija’) l-Aġenzija għandha:

(a)

tipprepara abbozz ta' mudell Komunitarju għal-liċenzja, iċ-ċertifikat u l-kopja awtentika taċ-ċertifikat, il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, waqt li tieħu kont fihom tal-miżuri kontra l-falsifikazzjoni;

(b)

tikkoopera ma' l-awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tar-reġistri għal-liċenzji u ċ-ċertifikati ta' sewwieqa tal-ferroviji. Għal dan il-għan l-Aġenzija għandha tipprepara abbozz dwar il-paramentri bażiċi tar-reġistri li għandhom jiġu stabbiliti, bħad-data li għandha tiġi rreġistrata, il-format tagħhom u l-protokoll dwar skambju tad-data, id-drittijiet ta' aċċess, it-tul ta' żmien għaż-żamma tad-data u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'każijiet ta' falliment;

(c)

tipprepara abbozz ta' kriterji Komunitarji dwar l-għażla ta' eżaminaturi u eżamijiet;

(d)

tevalwa l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji billi tippreżenta lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mimm erba' snin wara l-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri, kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, rapport li jkun fih, fejn xieraq, titjib li għandu jsir fis-sistema u l-miżuri rigward l-eżami teoretiku u prattiku ta' l-għarfien professjonali ta' l-applikanti għaċ-ċertifikat armonizzat għal materjal bir-roti u l-infrastruttura rilevanti;

(e)

sa' l-4 ta' Diċembru 2012, teżamina l-possibbiltà ta' l-użu ta' smartcard li tikkombina l-liċenzja u ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, u għandha tipprepara analiżi ta' spejjeż/benefiċċji tagħha. L-Aġenzija għandha tipprepara abbozz għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi għal tali smartcard;

(f)

tassisti l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija u torganizza laqgħat xierqa ma' rappreżentanti ta' l-awtoritajiet kompetenti;

(g)

jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' spejjeż/benefiċċji ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija għal sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba. L-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tkopri perijodu ta' għaxar snin. Din l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mill-istabbiliment tar-reġistri skont il-punt 1 ta' l-Artikolu 37 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

(h)

jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' l-ispejjeż/benefiċċji li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel jiskadi l-perijodu ta' l-eżenzjoni temporanja li possibilment ikun ingħata mill-Kummissjoni;

(i)

tiżgura li s-sistema stabbilita taħt il-paragrafu 2(a) u (b) ta' l-Artikolu 22 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (***).

2.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar:

(a)

modifika tal-Kodiċijiet Komunitarji għat-tipi differenti fil-kategoriji A u B kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

(b)

il-kodiċijiet jirriflettu informazzjoni addizzjonali, jew restrizzjonijiet mediċi għall-użu imposti minn awtoritajiet kompetenti skond l-Anness II tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.

3.   L-Aġenzija tista' tagħmel talba motivata lill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni dwar l-istatus ta' liċenżji tas-sewwieqa tal-ferroviji.

(**)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51."

(***)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”;"

15)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16c

Persunal ieħor abbord

Skond l-Artikolu 28 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha, f'rapport li għandu jiġi ppreżentat sa' l-4 ta' Ġunju 2009, u b'kont meħud tat-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operar u t-traffiku żviluppata taħt id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, tidentifika l-profil u l-kompiti ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi ta' sigurtà li l-kwalifiki professjonali tagħhom jikkontribwixxu skond il-każ għas-sigurtà ferrovjarja li għandha tkun regolata fil-livell Komunitarju permezz ta' sistema ta' liċenzji u/jew ċertifikati li tista' tkun simili għas-sistema stabbilita bid-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.”;

16)

Fl-Artikolu 17, it-titolu u l-paragrafu 1 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Kompetenzi u taħriġ professjonali

1.   L-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-ispeċifikar ta' kriterji komuni biex jiġu definiti l-kompetenzi professjonali u għall-valutazzjoni tal-persunal involut fl-operar u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja iżda mhux koperti mill-Artikoli 16b u 16c.”;

17)

It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 17:

“KAPITOLU 3c

REĠISTRI U ĠABRA TA' DATA PUBBLIKA TA' L-AĠENZIJA”;

18)

L-Artikolu 18 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Reġistri

1.   L-Aġenzija għandha tfassal u tirrakkomanda lill-Kummissjoni speċifikazzjonijiet komuni għal:

(a)

ir-reġistri nazzjonali dwar il-vetturi skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data u formula standard ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b)

ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta' vetturi awtorizzati skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data ma' l-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà;

(c)

ir-reġistru ta' infrastruttura skond l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta' tipi ta' vetturi ferrovjarji awtorizzati mill-Istati Membri għat-tqegħid fis-servizz fin-netwerk ferrovjarju fil-Komunità, skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja. L-Aġenzija għandha wkoll tipprepara abbozz għall-mudell ta' dikjarazzjoni ta' konformità għat-tip, skond l-Artikolu 26(4) ta' dik id-Direttiva.”;

19)

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Aċċessibbiltà għal dokumenti u reġistri

1.   L-Aġenzija għandha pubblikament tagħmel aċċessibbli d-dokumenti u r-reġistri li ġejjin previsti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija:

(a)

id-dikjarazzjonijiet KE ta' verifika tas-sottosistemi;

(b)

id-dikjarazzjonijiet KE ta' konformità tal-kostitwenti disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà;

(c)

il-liċenzji maħruġa skond id-Direttiva 95/18/KE;

(d)

iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija;

(e)

ir-rapporti ta' investigazzjoni mibgħuta lill-Aġenzija skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija;

(f)

ir-regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u l-Artikoli 5(6) u 17(3) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

(g)

kollegament għar-reġistri nazzjonali dwar il-vetturi;

(h)

kollegament għar-reġistri ta' infrastruttura;

(i)

ir-reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi awtorizzati;

(j)

ir-reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-ERTMS;

(k)

ir-reġistru ta' marki tas-sidien tal-vetturi miżmuma mill-Aġenzija skond it-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operat u t-traffiku.

2.   L-arranġamenti prattiċi biex jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu diskussi u maqbula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni abbażi ta' abbozz imħejji mill-Aġenzija.

3.   Meta jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, il-korpi konċernati jistgħu jindikaw liema dokumenti m'għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku għal raġunijiet ta' sigurtà.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ħruġ tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1(c) u (d) għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija fi żmien xahar minn kull deċiżjoni individwali biex dawn jinħarġu, jiġġeddu, jiġu emendati jew revokati.

5.   L-Aġenzija tista' żżid ma' din il-ġabra ta' data pubblika kwalunkwe dokument pubbliku jew kollegament rilevanti għall-objettivi ta' dan ir-Regolament.”;

20)

It-titolu tal-Kapitolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“KOMPITI SPEĊJALI”;

21)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 21a

ERTMS

1.   L-Aġenzija flimkien mal-Kummissjoni, għandha tassumi l-kompiti mniżżlin fil-paragrafi 2 sa 5 bil-ħsieb li.

(a)

tiżgura żvilupp koerenti ta' l-ERTMS;

(b)

tikkontribwixxi għall-konformità tat-tagħmir ta’ l-ERTMS kif implimentat fl-Istati Membri bl-ispeċifikazzjonijiet li jkunu fis-seħħ.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċedura għall-ġestjoni tat-talbiet għal bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS. Għal dan il-għan, reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet ERTMS għandu jiġi stabbilit u miżmum mill-Aġenzija.

L-Aġenzija għandha tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ verżjoni ġdida biss meta l-verżjoni preċedenti tkun intużat b’rata suffiċjenti. L-iżvilupp ta’ verżjonijiet ġodda ma għandux ikun ta’ detriment għar-rata ta’ użu ta’ l-ERTMS, għall-istabilità ta’ l-ispeċifikazzjonijiet li hija meħtieġa għall-ottimizzazzjoni tal-produzzjoni tat-tagħmir ta' l-ERTMS, għad-dħul mill-investiment għall-impriżi ferrovjarji u għall-ippjanar effiċjenti ta' l-użu ta' l-ERTMS.

3.   L-Aġenzija għandha tappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ pjan ta’ l-UE għall-użu ta’ l-ERTMS kif ukoll fil-koordinazzjoni ta' l-installazzjoni ta' l-ERTMS matul il-kurituri tat-trasport trans-Ewropej.

4.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa strateġija għall-ġestjoni tal-verżjonijiet differenti ta' l-ERTMS, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà teknika u operattiva bejn netwerks u vetturi mgħammra b'verżjonijiet differenti u li jiġu provduti inċentivi għall-implimentazzjoni mgħaġġla tal-verżjoni li tkun fis-seħħ u ta’ verżjonijiet iktar ġodda possibbli.

Skond l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja, l-Aġenzija għandha tiżgura li verżjonijiet suċċessivi tat-tagħmir ta’ l-ERTMS jkunu kompatibbli b'mod retrospettiv, mill-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 'il quddiem.

Rigward it-tagħmir ta’ l-ERTMS li kien introdott qabel it-23 ta’ April 2008 jew li l-installazzjoni jew l-aġġornar tiegħu kien fi stadju avvanzat f’dik id-data, l-Aġenzija għandha tħejji rapport ta’ evalwazzjoni li għandu jidentifika:

(a)

l-ispejjeż addizzjonali li għandhom jitħallsu minn implimentaturi bikrija bħala konsegwenza ta’ l-introduzzjoni tal-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008;

(b)

il-mekkaniżmi possibbli kollha, inklużi dawk finanzjarji, li jappoġġjaw il-migrazzjoni mill-verżjonijiet preċedenti għall-verżjoni li hemm referenza għaliha fil-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa fi żmien sena mid-data li fiha tkun irċeviet ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ l-Aġenzija.

5.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippresiedi grupp ta’ ħidma ad hoc ta’ entitajiet notifikati bl-għan li jkun ivverifikat li l-proċeduri KE ta’ verifikazzjoni mwettqa mill-entitajiet notifikati fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi ta’ l-ERTMS ikunu applikati b’mod konsistenti. L-Aġenzija għandha tikkopera wkoll ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà bl-għan li tivverifika li l-proċeduri għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ikunu applikati b’mod konsistenti. Meta l-Aġenzija ssib li hemm sogru ta’ nuqqas ta’ kompatibilità teknika u operazzjonali bejn in-netwerks u l-vetturi mgħammra b’tagħmir li jkun suġġett għal dawn il-proċeduri, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa.

6.   F'każ li joħorġu inkompatibilitajiet tekniċi bejn netwerks u vetturi fil-kuntest ta' proġetti ERTMS speċifiċi, korpi notifikati u awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà għandhom jiżguraw li l-Aġenżija tkun tista' tikseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri applikati għal verifika ‘KE’ u t-tqegħid fis-servizz kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet operattivi. Jekk meħtieġ, l-Aġenzija għandha tirrikkomanda lill-Kummissjoni miżuri xierqa.

7.   L-Aġenzija għandha tevalwa l-proċess ta’ ċertifikazzjoni tat-tagħmir ta’ l-ERTMS billi tressaq quddiem il-Kummissjoni sa 1 ta’ Jannar 2011 rapport li jkun fih, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet għal titjib li jrid isir.

8.   Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-użu ta’ tip wieħed ta' tagħmir tal-laboratorju, ta' linja ta’ referenza waħda u/jew ta' korp ta’ ċertifikazzjoni wieħed f’livell Komunitarju. Entità ta’ ċertifikazzjoni bħal din għandha tkun konformi mal-kriterji ta’ l-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rapport u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva li ttejjeb is-sistema ta' ċertifikazzjoni ta' l-ERTMS.

Artikolu 21b

Assistenza lill-Kummissjoni

1.   Fil-limiti ta' l-Artikolu 30(2)(b), l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja mmirata lejn it-titjib tal-livell ta' interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji u lejn l-iżvilupp ta' approċċ komuni għas-sigurtà fuq is-sistema ferrovjarja Ewropea.

2.   Din l-assistenza għandha tkun limitata fiż-żmien u l-ambitu, u mwettqa mingħajr preġudizzju għall-kompiti l-oħrajn kollha assenjati lill-Aġenzija f'dan ir-Regolament u tista' tinkludi:

(a)

komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar kif aspetti speċifiċi tal-leġislazzjoni Komunitarja jkunu implimentati;

(b)

provvediment ta' parir tekniku f'affarijiet li jeħtieġu know-how speċifiku;

(c)

ġbir ta' informazzjoni permezz tal-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà u l-korpi investigattivi previsti fl-Artikolu 6(5).

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta ta' l-anqas darba fis-sena lill-Bord dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inkluż l-impatt tiegħu fuq ir-riżorsi.”;

22)

L-Artikolu 24(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(1), il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn:

impjegati temporanji reklutati mill-Aġenzija għal massimu ta' ħames snin minn fost professjonisti mis-settur abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u interoperabbiltà ferrovjarja;

uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri għal massimu ta' ħames snin; u

ħaddiema oħrajn, kif definit fil-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' ħaddiema oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, biex iwettqu kompiti implimentattivi jew segretarjali.

Matul l-ewwel 10 snin ta' operat ta' l-Aġenzija, il-perijodu ta' 5 snin imsemmi fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu jista' jiġi estiż għal perijodu ieħor sa massimu ta' 3 snin meta meħtieġ biex tiġi garantita l-kontinwità tas-servizzi ta' l-Aġenzija.”

23)

L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“c)

taddotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, u b'kont meħud ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li jkun jmiss u tgħaddih lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura Komunitarja baġitarja annwali. Jekk, fi żmien 15-il jum mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni tesprimi in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-programm, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina il-programm mill-ġdid u jadottah, jekk meħtieġ emendat, fi żmien xahrejn, fit-tieni qari b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri;”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3   Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettivi ta' kull attività. B'mod ġenerali, kull attività u/jew kull eżitu huwa soġġett għal rapport lill-Kummissjoni.”;

24)

L-Artikolu 26(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun fih rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru u erba' rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll sitt rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot, dawn ta' l-aħħar jirrappreżentaw fil-livell Ewropew, il-gruppi li ġejjin:

(a)

l-impriżi ferrovjarji;

(b)

l-amministraturi ta' l-infrastruttura;

(c)

l-industrija ferrovjarja;

(d)

l-unions tal-ħaddiema;

(e)

il-passiġġieri;

(f)

il-klijenti tas-servizzi tat-trasport ta' merkanzija.

Għal kull wieħed minn dawn il-gruppi, il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant u sostitut, minn lista ta' preselezzjoni ta' erba' ismijiet ippreżentata mill-organizzazzjonijiet Ewropej rispettivi tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni xierqa ta' l-interessi kollha.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru abbażi ta' l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom.”;

25)

L-Artikolu 33(1) għandu jinbidel b' dan li ġej:

“1.   Sabiex twettaq il-kompitit fdati lilha mill-Artikoli 9, 9a, 10, 13 u 15, l-Aġenzija tista' twettaq mawriet fl-Istati Membri skond il-politika definita mill-Bord Amministrattiv. L-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ix-xogħol tal-persunal ta' l-Aġenzija.”;

26)

L-Artikolu 36(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għal parteċipazzjoni mill-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li kkonkludew ftehim mal-Komunità Ewropea li taħtu il-pajjiżi konċernati ikunu adottaw u qed japplikaw il-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 (ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 140), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2008 (ĠU C 93 E, 15.4.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2008.

(3)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

(4)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.

(6)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta' Marzu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilita relatata mas-subsistema tal-kmand ta' kontroll u ta' senjalar tas-sistema trans-Ewropea ta' ferrovija konvenzjonali (ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1).


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/60


REGOLAMENT (KE) Nru 1336/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 biex jadattah għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (3) jipprovdi għall–armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u it-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet fi ħdan il-Komunità. Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta' sustanzi perikolużi (4) kif ukoll id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (5).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jibni fuq l-esperjenza mad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE u jinkorpora l-kriterji għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet previsti mis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar ta' Sustanzi Kimiċi (GHS) li ġiet adottata fil-livell internazzjonali, fi ħdan l-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Ċerti dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar stabbiliti fid-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE iservu wkoll għall-għan ta' l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni Komunitarja oħra, bħar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar id-deterġenti (6).

(4)

Analiżi ta' l-effetti potenzjali tas-sostituzzjoni tad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE u l-introduzzjoni tal-kriterji GHS wasslu għall-konklużjoni li billi jiġu adattati r-referenzi għal dawk id-Direttivi fir-Regolament (KE) Nru 648/2004, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-att għandu jinżamm.

(5)

It-tranżizzjoni mill-kriterji għall-klassifikazzjoni li jinsabu fid-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE għandha titlesta għal kollox fl-1 ta' Ġunju 2015. Il-manifatturi tad-deterġenti huma manifatturi, importaturi jew utenti “downstream” fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għandhom għalhekk jingħataw il-possibbiltà taħt dan ir-Regolament biex jadattaw ruħhom għal dik it-tranżizzjoni f'perijodu ta' żmien simili għal dak previst fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (KE) Nru 648/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

il-kelma “preparazzjoni” jew “preparazzjonijiet” fit-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fil-verżjoni tiegħu tat-30 ta' Diċembru 2006, għandha tiġi sostitwita bi “taħlita” jew “taħlitiet” rispettivament tul it-test kollu;

(2)

fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 9, il-frażi introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Bla ħsara għall-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (*), il-manifatturi li jqiegħdu fis-suq is-sustanzi u/jew it-taħlitiet koperti b'dan ir-Regolament għandhom iżommu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri:

(*)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.”"

(3)

l-Artikolu 11(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-paragrafi 2 sa 6 huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet fir-Regolament (KE) Nru 1272.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Punti (2) u (3) ta' l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 50.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008.

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(5)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 104, 30. 12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Verżjoni kkorreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/62


REGOLAMENT (KE) Nru 1337/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel poġġiet lil bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-popolazzjonijiet tagħhom f’qagħda drammatika. Din il-kriżi tal-ikel, akkumpanjata minn kriżi finanzjarja u tal-enerġija, u deterjorazzjoni ambjentali, tirriskja li tpoġġi lil mijiet ta' miljuni ta' nies oħra f'faqar estrem, u f'ċirkostanzi ta' ġuħ u malnutrizzjoni u għalhekk jeħtieġ li tiżdied is-solidarjetà ma' dawn il-popolazzjonijiet. Id-data kollha dwar il-prospetti għas-swieq tal-ikel wasslet għall-konkużjoni li l-volatilità għolja tal-prezzijiet tal-ikel tista' tkompli fis-snin li ġejjin.

(2)

Għaldaqstant, biex ikunu ikkumplimentati l-istrumenti attwali tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi faċilità ta’ finanzjament għal rispons rapidu għall-kriżi kkawżata mill-prezzijiet volatili tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

(3)

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (2), adottat mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2005, jiddikjara li l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Komunità”) ser tibqa’ taħdem biex ittejjeb is-sigurtà tal-ikel fuq il-livelli internazzjonali, reġjonali u nazzjonali, għan li għalih dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi.

(4)

Fit-22 ta’ Mejju 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew fl-UE u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u ħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura l-koerenza tal-linji ta’ politika nazzjonali u internazzjonali marbuta mal-ikel li għandhom l-għan li jiġi implimentat id-dritt għall-ikel.

(5)

Matul il-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill Ewropew tenna bil-qawwa l-impenn tiegħu li jikseb mira ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) kollettiva ta' 0,56 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) sal-2010 u 0,7 % tad-DGN sal-2015, kif imniżżel fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Mejju 2005, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2005 u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp.

(6)

Filwaqt li jirrikonoxxi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2008, li l-prezzijiet għolja tal-ikel kienu qed jolqtu l-qagħda tal-popolazzjonijiet l-aktar foqra fid-dinja u kienu qed ipoġġu f'riskju l-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet kollha ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), il-Kunsill Ewropew adotta Aġenda għall-Azzjoni tal-UE dwar l-MDGs li tiddikjara li l-Unjoni Ewropea hija impenjata, skont id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) adottata mill-Konferenza ta' Livell Għoli tal-FAO dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel fil-5 ta' Ġunju 2008 (id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-FAO), li tippromwovi sħubija globali għall-ikel u l-agrikoltura u jesprimi x-xewqa li jkollu rwol sostanzjali billi jgħin sabiex jitnaqqas parti mid-defiċit finanzjarju sal-2010 fl-oqsma tal-agrikoltura, tas-sigurtà tal-ikel u tal-iżvilupp rurali.

(7)

Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda wkoll li f'din il-ħidma l-Unjoni Ewropea tippromwovi tweġiba internazzjonali iktar ikkoordinata u fuq medda itwal ta’ żmien għall-kriżi attwali tal-ikel, b’mod partikolari fin-NU u fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tilqa' l-ħolqien tat-Taskforce ta’ Livell Għoli għall-Kriżi Globali tas-Sigurtà tal-Ikel (HLTF) mwaqqfa mis-Segretarjat Ġenerali tan-NU u tinsab determinata li jkollha sehem sħiħ fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-FAO. F'dan ir-rigward ġie adottat Qafas ta’ Azzjoni Komprensiv (CFA) mill-HLTF, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali niedu l-inizjattivi tagħhom stess. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda wkoll li l-Unjoni Ewropea ser tappoġġja rispons qawwi ta' forniment agrikolu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, waqt li b'mod partikolari jiġi pprovdut il-finanzjament meħtieġ għad-dħul agrikolu u l-assistenza fl-użu ta' strumenti ta' ġestjoni tar-riskju bbażati fuq is-suq, li l-Unjoni Ewropea ser issaħħaħ b'mod sinifikanti l-appoġġ tagħha għal investimenti pubbliċi u privati fl-agrikoltura u b'mod ġenerali tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiżviluppaw politika aħjar tal-agrikoltura, speċjalment għas-sostenn tas-sigurtà tal-ikel u r-rinforz tal-integrazzjoni reġjonali u li l-Unjoni Ewropea ser timmobilizza wkoll riżorsi sabiex tiffinanzja, lil hinn mill-għajnuna għall-ikel, xbieki ta' sikurezza għall-gruppi ta' popolazzjoni foqra u vulnerabbli.

(8)

Il-ħtiġijiet finanzjarji u materjali biex jiġu indirizzati b’mod sħiħ il-konsegwenzi u l-kawżi tal-prezzijiet għoljin tal-ikel huma għoljin ħafna. It-tweġiba għandha tiġi mill-komunità internazzjonali fit-totalità tagħha u l-Komunità għamlet ħilitha biex tikkontribwixxi s-sehem xieraq tagħha fil-finanzjament. Il-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2008 laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal fond ġdid biex jappoġġa l-agrikoltura fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji attwali.

(9)

L-istrateġija tal-Komunità għar-rispons għandha b'mod partikolari timmira biex tinkoraġġixxi bil-qawwa lis-settur agrikolu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iwettaq rispons ta’ forniment fuq medda qasira għal medda medja ta’ żmien filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu wkoll b’mod sinifikanti l-effetti negattivi tal-volatilità fil-prezzijiet tal-ikel fuq l-ifqar nies f’dawn il-pajjiżi. Tweġiba min-naħa ta’ forniment hija wkoll fl-interess tal-Komunità sabiex tittaffa l-pressjoni attwali fuq il-prezzijiet agrikoli.

(10)

Il-Komunità għandha għad-dispożizzjoni tagħha diversi strumenti ffukati fuq l-għajnuna għall-iżvilupp b'perspettiva għat-tul, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (3), u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li jipprovdi ODA lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) u lill-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej (OCTs) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-EDF”), li dan l-aħħar ġew ipprogrammati b’konformità mal-prijoritajiet tal-iżvilupp fuq medda medja ta’ żmien u għat-tul fil-pajjiżi eliġibbli. Il-programmazzjoni mill-ġdid fuq skala kbira ta’ dawn l-istrumenti maħsuba bħala tweġiba għal kriżi fuq medda qasira ta’ żmien tqiegħed fil-periklu l-bilanċ u l-koerenza tal-istrateġiji ta’ kooperazzjoni eżistenti ma’ dawk il-pajjiżi. Il-Komunità għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (4) għall-għoti ta’ għajnuna f’każi ta’ emerġenza u r-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (5).

(11)

Madankollu, dawn l-istrumenti diġà ġew mobilizzati jew ipprogrammati mill-ġdid fl-2008 sa l-ibgħad limitu possibbli biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tas-sitwazzjoni fil-prezzijiet volatili tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Sa limitu ristrett ħafna, l-istess jista’ jsir fl-2009; madankollu, dan ikun ferm 'il bogħod mil-livell ta’ rispons meħtieġ biex jissodisfa l-ħtiġijiet.

(12)

Konsegwentement, huwa meħtieġ li tiġi adottata faċilità ta’ finanzjament speċifika, kumplimentari għall-istrumenti esterni ta' finanzjament eżistenti biex jiġu adottati miżuri urġenti u supplimentari li jindirizzaw b’mod rapidu l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni tal-prezzijiet volatili tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

(13)

L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tkun ġestita b'mod li jiżdied il-forniment tal-oġġetti tal-ikel lill-popolazzjonijiet lokali.

(14)

Il-miżuri adottati b’din il-faċilità ta' finanzjament għandhom jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħtu spinta lill-produttività agrikola fl-istaġuni li ġejjin, jagħtu rispons rapidu għall-ħtiġiet immedjati tal-pajjiżi u l-popolazzjonijiet tagħhom u jgħinuhom ukoll imiddu l-ewwel passi meħtieġa biex kemm jista’ jkun jipprevjenu kontra aktar sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta' sigurtà tal-ikel li jistgħu jinqalgħu, u kif ukoll biex jikkontribwixxu biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet volatili tal-ikel fuq livell globali, għall-benefiċċju tal-ifqar nies, ta' bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u wkoll tal-konsumaturi u l-bdiewa Ewropej.

(15)

L-istess natura tal-miżuri previsti skont dan ir-Regolament teżiġi l-istabbiliment ta’ proċeduri għal teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti, flessibbli, trasparenti u rapidi għall-finanzjament tagħhom, b’kooperazzjoni qawwija bejn l-Istituzzjonijiet kollha kkonċernati.

(16)

Il-koerenza u l-kontinwità għandhom ikunu żgurati bejn miżuri għal perijodu ta' żmien qasir li għandhom l-għan li jipprovdu serħan għall-popolazzjonijiet milquta bl-aktar mod dirett u serju miż-żieda u/jew mill-volatilità fil-prezzijiet tal-ikel, u miżuri aktar strutturali li għandhom l-għan li jkun evitat li l-kriżi attwali tal-ikel tirrepeti ruħha.

(17)

Huwa meħtieġ li tiġi prevista l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (6), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (7) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (8).

(18)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawn l-objettivi.

(19)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9).

(20)

L-strumenti ta’ żvilupp differenti u din il-faċilità ta' finanzjament għandhom jiġu applikati sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-kooperazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżitu minn tweġiba ta’ emerġenza għal tweġiba fuq perijodu ta' żmien medju u twil. Dan ir-Regolament għandu jkun parti minn strateġija għal perijodu twil għall-kontribut tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, abbażi tal-ħtiġijiet u l-pjani tagħhom stess.

(21)

Biex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi u minħabba l-urġenza tan-natura tagħhom, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-Komunità għandha tiffinanzja miżuri li l-mira tagħhom hi s-sostenn għal tweġiba rapida u diretta għall-prezzijiet volatili tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li jiġi indirizzat primarjament il-perijodu bejn l-għajnuna ta’ emerġenza u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq medda medja sa medda twila ta’ żmien.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definit mill-Kumitat għall-Għajnuna tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC), u għall-popolazzjonijiet tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2). Huma għandhom jiffinanzjaw inizjattivi li jappoġġaw l-iskop u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn ikun fattibbli, il-programmi ta' azzjoni implimentati minn entitajiet eliġibbli għal finanzjament skont l-Artikolu 4(1) għandhom jitfasslu f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati permezz ta' din il-faċilità ta' finanzjament għandha tinvolvi tali organizzazzjonijiet.

4.   Biex jiġu ottimizzati l-utilità u l-impatt ta' dan ir-Regolament, ir-riżorsi għandhom ikunu kkonċentrati fuq lista limitata ta’ pajjiżi ta' mira ta' prijorità għolja, identifikati abbażi ta' ġabra ta’ kriterji stabbiliti fl-Anness, u f'koordinazzjoni ma' donaturi oħrajn u msieħba oħrajn tal-iżvilupp permezz ta' valutazzjonijiet rilevanti tal-ħtiġijiet li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni minn organizzazzjonijiet speċjalizzati u internazzjonali bħal dawk tas-sistema tan-NU, f'konsultazzjoni mal-pajjiżi msieħba.

5.   Biex tiġi żgurata l-koerenza u l-effikaċja tal-għajnuna Komunitarja, meta l-programm jew il-proġett għall-implimentazzjoni jkunu ta’ natura reġjonali jew transkonfinali, jista’ jiġi deċiż, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2), li l-popolazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw li ma jkunux jappartjenu għal dak ir-reġjun ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programm ikkonċernat.

6.   Fejn għandu jiġi pprovdut appoġġ għal miżuri implimentati mill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, inklużi l-Organizzazzjonijiet Reġjonali, (minn hawn 'il quddiem “Organizzazzjonijiet Internazzjonali”), tali organizzazzjonijiet għandhom jintgħażlu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2) u fuq il-bażi tal-valur miżjud tagħhom, il-vantaġġ komparattiv tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw programmi b'mod rapidu u effiċjenti bi tweġiba għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkunu pajjiżi ta' mira f'dak li għandu x'jaqsam mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Objettivi u prinċipji

1.   L-objettivi primarji tal-assistenza u l-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom ikunu:

(a)

li jiġi inkoraġġit rispons pożittiv ta’ forniment mis-settur tal-agrikoltura f'pajjiżi u reġjuni ta' mira;

(b)

li jiġu appoġġati attivitajiet ta’ rispons rapidu u dirett biex jittaffew l-effetti negattivi tal-prezzijiet volatili tal-ikel fuq il-popolazzjonijiet lokali b’konformità mal-objettivi globali għas-sigurtà tal-ikel, inklużi l-istandards tan-NU għal ħtiġijiet nutrittivi;

(c)

li jissaħħu l-kapaċitajiet produttivi u l-governanza tas-settur agrikolu biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-interventi.

2.   Għandu jiġi segwit approċċ differenzjali li jkun jiddependi mill-kuntesti tal-iżvilupp u l-impatt tal-prezzijiet volatili tal-ikel sabiex il-pajjiżi jew ir-reġjuni ta' mira u l-popolazzjonijiet tagħhom jibbenefikaw minn sostenn immirat, speċifiku u adattat kif jixraq għalihom, ibbażat fuq il-ħtiġijiet, l-istrateġiji, il-prijoritajiet u l-kapaċitajiet ta' rispons proprji tagħhom.

3.   Il-miżuri appoġġati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk appoġġati taħt strumenti oħra, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1717/2006 u l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-KE (10), sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-kooperazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni minn rispons ta’ emerġenza għal rispons fuq perijodu ta' żmien medju u fit-tul.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament ikunu konsistenti mal-qafas politiku strateġiku globali tal-Komunità għall-pajjiż jew pajjiżi eliġibbli kkonċernati.

Artikolu 3

Implimentazzjoni

1.   L-għajnuna u l-kooperazzjoni Komunitarja għandha tiġi implimentata permezz ta’ ġabra ta’ deċiżjonijiet biex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta’ appoġġ kif imfisser fl-Artikolu 1, il-paragrafi (1), (2) u (3), li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, u għandu jiġi adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2), pjan ġenerali għall-użu ta' din il-faċiltà ta' finanzjament, inkluża l-lista ta' pajjiżi ta' mira msemmija fl-Artikolu 1(4) u l-bilanċ bejn entitajiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4(2). Dan il-pjan ġenerali għandu jirċievi l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) qabel l-1 ta' Mejju 2009.

2.   B'kont meħud tal-kondizzjonijiet speċifiċi li jeżistu fuq il-livell tal-pajjiż, il-miżuri ta’ appoġġ li għandhom ikunu eliġibbli għall-implimentazzjoni huma:

(a)

miżuri li jtejbu l-aċċess għad-dħul u s-servizzi agrikoli, inklużi fertilizzanti u żrieragħ, b'attenzjoni speċjali mogħtija għall-faċilitajiet lokali u d-disponibbiltà;

(b)

miżuri ta' xbieki ta' sigurtà li jimmiraw għaż-żamma jew it-titjib tal-kapaċità produttiva agrikola, u għall-indirizzar tal-ħtiġijiet bażiċi tal-ikel fil-każ tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal;

(c)

miżuri oħrajn fuq skala żgħira li għandhom l-għan li jżidu l-produzzjoni abbażi tal-ħtiġijiet tal-pajjiż: mikrokreditu, investiment, tagħmir, infrastruttura u ħażna; kif ukoll taħriġ vokazzjonali u appoġġ għal gruppi ta' professjonisti fis-settur agrikolu.

3.   L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ għandha tkun konformi mad-Dikjarazzjoni dwar l-Effettività tal-Għajnuna adottata mill-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna, li seħħ f'Pariġi fit-2 ta' Marzu 2005 (“id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna”) u l-Aġenda ta' Azzjoni adottata mill-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna, li seħħ f'Akkra fl-4 ta' Settembru 2008 (“id-Dikjarazzjoni ta' Akkra dwar l-Effettività tal-Għajnuna”). Hija għandha tkun iffokata fuq irziezet żgħar u ta' daqs medju għall-agrikoltura tal-familja u għall-produzzjoni tal-ikel, partikolarment dawk mmexxija min-nisa, u popolazzjonijiet fqar l-aktar milquta mill-kriżi tal-ikel, waqt li jiġi evitat kull tip ta' tgħawwiġ ta' swieq u produzzjoni lokali; dħul u servizzi agrikoli għandhom sa fejn ikun possibbli jinxtraw lokalment.

4.   Il-miżuri amministrattivi li jagħtu appoġġ li jissodisfaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ffinanzjati sa massimu ta’ 2 % tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 12.

Artikolu 4

Eliġibbiltà

1.   L-entitajiet eliġibbli għall-finanzjament għandhom ikunu, sa fejn il-programmi tagħhom jikkontribwixxu għall-objettivi ta' dan ir-Regolament:

(a)

pajjiżi u reġjuni msieħba, u l-istituzzjonijiet tagħhom;

(b)

korpi deċentralizzati fil-pajjiżi msieħba, bħal muniċipalitajiet, provinċji, dipartimenti u reġjuni;

(c)

korpi konġunti stabbiliti mill-pajjiżi u reġjuni msieħba mal-Komunità;

(d)

organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali, korpi tan-NU, dipartimenti u missjonijiet, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u reġjonali u banek tal-iżvilupp;

(e)

istituzzjonijiet u korpi Komunitarji, iżda biss għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' appoġġ imsemmija fl-Artikolu 3(4);

(f)

aġenziji tal-UE;

(g)

l-entitajiet u l-korpi tal-Istati Membri, tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba u ta' kwalunkwe pajjiż terz ieħor li jikkonforma mar-regoli dwar l-aċċess għall-assistenza esterna tal-Komunità kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li ġejjin, sa fejn dawn jgħinu sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament:

(i)

korpi pubbliċi jew parastatali, awtoritajiet lokali u konsorzji jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom;

(ii)

kumpaniji, ditti u organizzazzjonijiet u negozji privati oħrajn;

(iii)

istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu, jippromwovu u jiffinanzjaw investiment privat f’pajjiżi u reġjuni msieħba;

(iv)

atturi mhux tal-Istat li joperaw fuq bażi indipendenti u affidabbli;

(v)

persuni fiżiċi.

2.   Għandu jiġi applikat bilanċ adatt fl-allokazzjoni ta' riżorsi bejn il-korpi elenkati fil-paragrafu 1(d) ta' dan l-Artikolu u entitajiet eliġibbli oħrajn.

Artikolu 5

Tipi ta’ finanzjament

Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom li ġejjin:

(a)

proġetti u programmi;

(b)

appoġġ baġitarju, speċjalment appoġġ baġitarju settorjali, jekk il-ġestjoni tan-nefqa pubblika tal-pajjiż imsieħeb tkun trasparenti, affidabbli u effettiva biżżejjed, u jekk il-kondizzjonijiet għall-appoġġ baġitarju stabbiliti fl-istrument finanzjarju ġeografiku rilevanti jkunu ġew issodisfati;

(c)

kontribuzzjonijiet lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali u fondi internazzjonali ġestiti minn organizzazzjonijiet bħal dawn;

(d)

kontribuzzjonijiet għal fondi nazzjonali stabbiliti minn pajjiżi u reġjuni msieħba sabiex jattiraw finanzjament konġunt minn għadd ta' donaturi, jew kontribuzzjonijiet għal fondi stabbiliti minn donatur wieħed jew aktar għall-fini tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti;

(e)

il-kofinanzjament flimkien ma' entitajiet eliġibbli għall-fondi kif definit fl-Artikolu 4.

(f)

fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) jew ta’ intermedjarji finanzjarji oħra abbażi ta' programmi tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi pprovdut self (b’mod partikolari bħala appoġġ għall-investiment u għall-iżvilupp tas-settur privat), kapital ta' riskju (fil-forma ta’ self subordinat jew kondizzjonali) jew investimenti minuri u temporanji oħrajn fil-kapital tan-negozju, u kontribuzzjonijiet għall-fondi ta’ garanzija skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, sal-punt li r-riskju finanzjarju tal-Komunità jkun limitat għal dawn il-fondi.

Artikolu 6

Proċeduri għall-Finanzjament u l-Ġestjoni

1.   Il-miżuri ffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (11), b'kont meħud fejn adatt tan-natura tagħhom ta' miżuri marbuta ma' kriżi tal-miżuri li għandhom jiġu adottati.

2.   Fil-każ ta' kofinanzjament u f'każijiet oħrajn debitament iġġusitifkati, il-Kummissjoni tista' tafda kompiti ta' awtorità pubblika, u b'mod partikolari kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit, f'idejn il-korpi msemmija fl-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

3.   Fil-każ ta' ġestjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tuża l-proċeduri ta' akkwist jew ta' għotja tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb benefiċjarju wara li jkun ivverifikat li huma jirrispettaw il-kriterji rilevanti stipulati fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kemm-il darba jintlaħqu il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006.

4.   L-assistenza Komunitarja ma għandhiex fil-prinċipju tintuża biex jitħallsu taxxi, dazji jew ħlasijiet f'pajjiżi eliġibbli.

5.   Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali adatti għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skont l-istrument ta’ żvilupp ġeografiku applikabbli għall-pajjiż li fih l-azzjoni titwettaq, u kif ukoll għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skont ir-regoli tal-organizzazzjoni internazzjonali implimentattiva, filwaqt li jittieħed ħsieb li jiġi żgurat trattament ugwali għad-donaturi kollha. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' fornimenti u materjali. L-esperti jistgħu ikunu ta’ kwalunkwe nazzjonalità.

Artikolu 7

Impenji baġitarji

L-impenji baġitarji għandhom isiru fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Kwalunkwe ftehim finanzjarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.   Il-ftehimiet għandhom espressament jintitolaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sabiex iwettqu verifiki, inklużi verifiki tad-dokumenti jew verifiki fuq il-post ta' kwalunkwe kuntrattur jew sub-kuntrattur li jkun irċieva fondi Komunitarji. Huma għandhom ukoll espressament jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex twettaq kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet skont ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

3.   Il-kuntratti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-assistenza għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu matul u wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratti.

Artikolu 9

Viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea

Il-kuntratti konklużi bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw il-viżibbiltà xierqa tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet kollha li tkun impenjata fihom fuq il-bażi ta' dawk il-kuntratti.

Artikolu 10

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja u tirrevedi attivitajiet implimentati taħt dan ir-Regolament, fejn hu xieraq permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti, biex taċċerta jekk l-objettivi ġewx milħuqa u biex tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu operazzjonijet futuri relevanti dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Proposti mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti għandhom jiġu kkunsidrati kif jistħoqq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13 għall-informazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li jiddiskutu evalwazzjonijiet speċifiċi f'dak il-Kumitat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi atturi mhux Statali u awtoritajiet lokali, fil-fażi ta' evalwazzjoni tal-assistenza tal-Komunità provduta taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri, inkluż safejn ikun possibbli, dwar ir-riżultati u l-impatti prinċipali tal-assistenza pprovduta taħt dan ir-Regolament, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012. F'Diċembru 2009 l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport interim inizjali dwar il-miżuri meħudin. Ir-rapporti msemmijin f'dan l-Artikolu għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġiet tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettivià tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet finanzjarji

L-ammont finanzjarju totali ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal matul il-perjodu 2008-2010 għandu jkun ta’ EUR 1 biljun.

Artikolu 13

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal 10 ijiem ta' xogħol għal miżuri adottati sat-30 ta' April 2009 u 30 jum għal miżuri adottati sussegwentement.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  . Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas 16 ta’Diċembru 2008.

(2)  Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew” (ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(4)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(5)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(8)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)  Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda u l-Komunita' Ewropew u l-Istati Membri min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

Kriterji indikattivi għall-għażla ta' pajjiżi ta' mira u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji:

Livelli ta' faqar u ħtiġijiet reali tal-popolazzjonijiet

Żviluppi fil-prezzijiet tal-ikel u l-impatt soċjali u ekonomiku potenzjali:

Dipendenza fuq importazzjonijiet tal-ikel

Vulnerabbiltà soċjali u stabbiltà politika

Effetti makroekonomiċi tal-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel

Kapaċità tal-pajjiż biex jipprovdi rispons u jimplimenta miżuri ta' rispons xierqa:

Kapaċità ta' produzzjoni agrikola

Reżistenza għal xokkijiet esterni

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi lill-pajjiżi għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji tal-għażla ta' pajjiżi ta' mira u jqisu d-daqs tal-popolazzjoni tal-pajjiż ta' mira.

Jitqiesu wkoll sorsi oħra ta' finanzjament disponibbli għall-pajjiż ta' mira, fi żmien qasir, mill-komunità ta’ donaturi, biex iwieġbu għall-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel.


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/70


REGOLAMENT (KE) Nru 1338/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tadotta programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (3), tenniet li l-element statistiku tas-sistema ta’ l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika ġie żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri bl-użu kif meħtieġ, tal-Programm Statistiku tal-Komunità sabiex tiġi promossa s-sinerġija u tiġi evitata d-duplikazzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (4) indikat li l-għan tagħha li tiġġenera u tiddisemina l-informazzjoni u l-għarfien dwar is-saħħa jiġi mwettaq permezz ta' azzjonijiet li jiżviluppaw ulterjorment sistema sostenibbli ta' monitoraġġ tas-saħħa b'mekkaniżmi għall-ġbir ta' data u informazzjoni komparabbli, b'indikaturi adatti, u li jiżviluppaw, bil-Programm Statistiku Komunitarju, l-element statistiku ta' din is-sistema.

(2)

L-informazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa pubblika ġiet żviluppata sistematikament permezz tal-programmi Komunitarji għas-saħħa pubblika. Ħarġet issa lista ta’ Indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropea (ECHI — European Community Health Indicators) li tibni fuq din il-ħidma u li tipprovdi perspettiva ġenerali ta’ l-istatus tas-saħħa, il-fatturi determinanti tas-saħħa u tas-sistemi tas-saħħa. Sabiex ikun disponibbli s-sett tad-data statistika minima meħtieġa għall-kalkolu ta’ l-ECHI, l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pibblika għandha tkun konsistenti, meta jkun rilevanti u possibbli, ma’ l-iżviluppi u l-kisbiet li jirriżultaw mill-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2002 dwar Strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2002-2006) (5) talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex titħaffef il-ħidma attwali ta’ armonizzazzjoni ta’ l-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard relatat max-xogħol, sabiex ikun hemm data komparabbli disponibbli li minnha tkun tista’ ssir valutazzjoni oġġettiva ta’ l-impatt u l-effettività tal-miżuri li jittieħdu taħt l-istrateġija Komunitarja l-ġdida, kif ukoll enfasizzat, f'taqsima speċifika, fuq il-bżonn li jittieħed kont taż-żieda fil-proporzjon ta' nisa fis-suq tax-xogħol u li jiġu ttrattati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-linji politiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2007 dwar it-tieni strateġija Komunitarja dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2007-2012) (6) il-Kunsill talab lill-Kummissjoni sabiex tikkopera ma' l-awtoritajiet leġislattivi sabiex tiġi stabbilita sistema adatta ta' statistika Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, li tieħu kont tas-sistemi nazzjonali differenti u tevita l-impożizzjoni ta' aktar piżijiet amministrattivi. Fl-aħħarnett, fir-Rakkomandazzjoni tagħha tad-19 ta’ Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard relatat max-xogħol (7), il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri progressivament jagħmlu l-istatistika tagħhom dwar il-mard relatat max-xogħol waħda kompatibbli ma’ l-iskeda Ewropea, b’konformità mal-ħidma li qed titwettaq fuq is-sistema ta' armonizzazzjoni ta’ l-istatistika Ewropea dwar il-mard relatat max-xogħol.

(4)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 irrikonoxxa tliet prinċipji ta’ gwida għar-riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa: aċċessibbiltà għal kulħadd, kura ta’ kwalità għolja u sostenibbiltà finanzjarja għal perijodu ta’ żmien twil. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ April 2004 intitolata “L-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa u kura fit-tul ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw il-‘metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni’”, ipproponiet li tinbeda ħidma sabiex jiġu identifikati indikaturi possibbli għal għanijiet konġunti sabiex jiġu żviluppati sistemi ta’ kura abbażi ta' attivitajiet li jitwettqu fil-kuntest tal-programm ta’ azzjoni Komunitarju għas-saħħa, ta' l-istatistika ta’ l-Eurostat dwar is-saħħa u ta' koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-istabbiliment ta' dawn l-indikaturi, għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-użu u l-komparabbiltà ta' l-awtovalutazzjoni tas-saħħa kif rappurtata fl-istħarriġ.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (8) tinkludi azzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja bħala prijorità ambjentali ċentrali, filwaqt li sejħet għad-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ indikaturi tas-saħħa u l-ambjent. Barra minn dan, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indikaturi Strutturali tat-8 ta’ Diċembru 2003 talbu l-inklużjoni ta’ indikaturi dwar il-bijodiversità u s-saħħa, taħt it-titolu “ambjent”, fid-database ta’ l-indikaturi strutturali użati fir-Rapport tar-Rebbiegħa annwali lill-Kunsill Ewropew; l-indikaturi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol huma inklużi wkoll f’din id-database, taħt it-titolu “impjiegi”. Is-sett ta’ l-indikaturi ta’ l-iżvilupp sostenibbli adottat mill-Kummissjoni fl-2005 jinkludi wkoll tema dwar l-indikaturi tas-saħħa pubblika.

(6)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010 jirrikonoxxi l-bżonn li titjieb il-kwalità, il-komparabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-istatus tas-saħħa fir-rigward ta’ mard u disturbi relatati ma’ l-ambjent, bl-użu tal-Programm Statistiku Komunitarju.

(7)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-promozzjoni ta' l-impjieg u l-integrazzjoni soċjali ta’ persuni b’diżabilità (9), talbet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiġbru materjal statistiku dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, inkluż dwar l-iżvilupp tas-servizzi u l-benefiċċji għal dan il-grupp. Barra minn dan, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta’ Ottubru 2003 intitolata “Opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità: Pjan ta’ Azzjoni Ewropew”, iddeċidiet li tiżviluppa indikaturi tal-kuntest, li huma komparabbli fl-Istati Membri kollha, sabiex tivvaluta l-effettività tal-linji politiċi dwar id-diżabilità. Din indikat li għandu jsir użu massimu mis-sorsi u l-istrutturi tas-Sistema Statistika Ewropea, partikolarment permezz ta’ l-iżvilupp tal-moduli armonizzati tas-surveys, sabiex tinkiseb l-informazzjoni statistika komparabbli internazzjonalment għall-monitoraġġ tal-progress.

(8)

Sabiex tiġi żgurata r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data u tkun evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, l-attivitajiet tal-Kummissjoni (Eurostat) fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandhom jitwettqu b’koperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet speċjali tagħha, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), fejn ikun rilevanti u possibbli.

(9)

Il-Kummissjoni (l-Eurostat) diġà tiġbor fuq bażi regolari, data statistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol mill-Istati Membri, li jipprovdu din id-data fuq bażi volontarja. Din tiġbor ukoll data dwar dawk l-oqsma minn sorsi oħra. Dawk l-attivitajiet huma żviluppati b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri. Fil-qasam ta’ l-istatistika tas-saħħa pubblika b’mod partikolari, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni huma mmexxija u organizzati skond l-istruttura ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri. Madankollu, għad hemm il-bżonn ta’ akbar preċiżjoni, affidabbiltà, koerenza u komparabbilta', kopertura, azzjonijiet f’waqthom u puntwalità fir-rigward tal-ġbir tad-data statistika eżistenti u huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat li ġbir ulterjuri li jkun maqbul u żviluppat ma’ l-Istati Membri jiġi implimentat sabiex jinkiseb is-sett tad-data statistika minima neċessarja fil-livell Komunitarju fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

(10)

Il-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja speċifika hija regolata permezz tar-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (10).

(11)

Dan ir-Regolament jiżgura rispett sħiħ lejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif previst fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (11).

(12)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (12) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (13) japplikaw fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Ir-rekwiżiti statistiċi li jinqalgħu fl-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, mill-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli, u mill-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, kif ukoll ir-rekwiżiti li jinqalgħu b’rabta ma’ l-indikaturi strutturali, l-indikaturi ta’ l-iżvilupp sostenibbli u l-ECHI u settijiet oħra ta’ indikaturi meħtieġa li jiġu żviluppati għal skopijiet ta’ monitoraġġ ta’ l-azzjonijiet politiċi u l-istrateġiji Komunitarji u nazzjonali fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, jikkostitwixxu interess pubbliku sostanzjali.

(13)

It-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika hija regolata mis-sett ta’ regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (14). Il-miżuri meħuda skond dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali u jiżguraw li l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal skop statistiku ma jsir meta tiġi proċessata u disseminata l-istatistika Komunitarja.

(14)

Fil-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Komunitarja taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji għandhom jieħdu kont tal-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew għall-Istatistika, adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta’ Frar 2005.

(15)

Ġaladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta’ qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ma jista'x jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(16)

Waqt li jirrikonoxxi li l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi ta' kura tas-saħħa huma materji ta' kompetenza nazzjonali u li l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar il-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol hija primarjament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, dan ir-Regolament jiżgura rispett sħiħ għall-kompetenza ta' l-Istati Membri għas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

(17)

Huwa importanti li s-sess u l-età jiġu inklużi fil-varjabbli tas-suddiviżjoni peress li dan jippermetti li jittieħed kont ta' l-impatt tad-differenzi bejn is-sessi u l-etajiet fis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

(18)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (15).

(19)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri implimentattivi li jkopru il-karatteristiċi ta' ċerti suġġetti u s-suddiviżjoni, il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien applikabbli għalihom għall-forniment tad-data kif ukoll għall-forniment tal-metadata. Peress li dawk huma miżuri b’ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b’ elementi ġodda li mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(20)

Il-finanzjament komplimentarju għall-ġbir tad-data fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandhom jiġu provduti rispettivament fi ħdan il-oqsfa tat-tieni programm ta' Azzjoni komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) u tal-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u s-Solidarjetà soċjali — Progress (16). Fi ħdan dawk l-oqfsa, ir-riżorsi finanzjarji għandhom jintużaw sabiex jgħinu lill-Istati Membri jkomplu jibnu l-kapaċitajiet nazzjonali sabiex jimplimentaw titjib u għodod ġodda għall-ġbir ta' data statistika fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

(21)

Il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat.

(22)

Il-Kumitat tal-Programm Statistiku ġie kkonsultat konformement ma' l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom (17),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. L-istatistika għandha tiġi prodotta konformement ma' standards ta' imparzjalità, affidabilità, oġġettività, kost-effettività u konfidenzjalità statistika.

2.   L-istatistika għandha tinkludi, fil-forma ta’ sett ta' data armonizzat u komuni, l-informazzjoni meħtieġa għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika, għas-sostenn ta’ l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, universalment aċċessibbli u sostenibbli kif ukoll għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

3.   L-istatistika għandha tipprovdi d-data għal indikaturi strutturali, indikaturi ta’ żvilupp sostenibbli u Indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropea (ECHI), kif ukoll settijiet ta’ indikaturi oħra li jeħtieġu li jiġu żviluppati għal skopijiet ta’ azzjonijiet Komunitarji ta’ monitoraġġ fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Artikolu 2

Ambitu

L-Istati Membri għandhom jissuplixxu statistika lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dwar id-dominji li ġejjin:

l-istatus tas-saħħa u l-fatturi determinanti għas-saħħa, kif definiti fl-Anness I,

il-kura tas-saħħa, kif definita fl-Anness II,

il-kaġunijiet tal-mewt, kif definiti fl-Anness III,

l-inċidenti fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Anness IV,

il-mard relatat max-xogħol u problemi ta’ saħħa u mard ieħor relatati max-xogħol, kif definiti fl-Anness V.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“statistika Komunitarja” għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(b)

“produzzjoni ta’ statistika” għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(c)

“saħħa pubblika” għandha tfisser l-elementi kollha relatati mas-saħħa, jiġifieri l-istatus tas-saħħa, inklużi l-morbożità u d-diżabilità, il-fatturi determinanti li jaffettwaw dak l-istatus tas-saħħa, il-bżonnijiet ta’ kura tas-saħħa, ir-riżorsi allokati għall-kura tas-saħħa, l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-aċċess universali għaliha kif ukoll in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-finanzjament tagħha, u l-kaġunijiet tal-mortalità;

(d)

“saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol” għandha tfisser l-elementi kollha relatati mal-prevenzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol fl-attivitajiet tagħhom fil-preżent jew fl-imgħoddi, b’mod partikolari inċidenti fuq ix-xogħol, mard relatat max-xogħol u problemi ta’ saħħa u mard ieħor relatat max-xogħol.

(e)

“mikro-data” għandha tfisser rekords statistiċi individwali;

(f)

“trażmissjoni ta' data kunfidenzjali” għandha tfisser it-trażmissjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità Komunitarja ta' data kunfidenzjali li ma tħallix identifikazzjoni diretta, f'konformità ma' l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 322/97 u mar-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90.

(g)

“data personali” għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, skond l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 4

Sorsi

L-Istati Membri għandhom jiġbru id-data dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol minn sorsi li, skond is-setturi u s-suġġetti u skond il-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali, għandhom jikkonsistu f'surveys fid-djar jew simili jew moduli ta' surveys, jew inkella sorsi nazzjonali amministrattivi jew ta' rappurtar.

Artikolu 5

Metodoloġija

1.   Fil-metodi użati għall-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data għandhom jieħdu kont ta', inkluż fil-każ ta’ attivitajiet ta' tħejjija, l-esperjenza u l-ħiliet esperti nazzjonali, u l-ispeċifiċitajiet, il-kapaċitajiet u l-ġbir tad-data eżistenti nazzjonali, fil-qafas tan-netwerks kollaborattivi u strutturi oħrajn tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) ma’ l-Istati Membri stabbiliti mill-Kummissjoni (l-Eurostat). Il-metodoloġiji għall-ġbir tad-data regolari li jirriżulta minn proġetti b’dimensjoni statistika mwettqa taħt programmi Komunitarji oħrajn bħall-programmi tas-saħħa pubblika jew ta’ riċerka għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

2.   Il-metodoloġiji statistiċi u l-ġbir tad-data li għandhom jiġu żviluppati għall-ġbir ta’ l-istatistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fil-livell Komunitarju għandhom jieħdu kont tal-bżonn ta' koordinazzjoni, kull meta jkun rilevanti, ma’ l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-komparabbiltà internazzjonali ta’ l-istatistika u l-konsistenza tal-ġbir tad-data kif ukoll li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforz u tal-kunsinni tad-data mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Studji pilota u analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża

1.   Kull meta tkun meħtieġa aktar data ma' dik diġà miġbura u ma' dik li diġà jeżistu metodoloġiji għaliha, jew meta tkun identifikata insuffiċjenza fil-kwalita' tad-data fid-dominji msemmija fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha twettaq studji pilota li jitlestew mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. L-għan ta’ dawn l-istudji-pilota għandu jkun dak li jittestjaw il-kunċetti u l-metodi u jivvalutaw il-vijabbiltà tal-ġbir tad-data relatata, inklużi l-kwalità statistika, il-komparabbiltà u l-kost-effettivita', skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istatistika Ewropea.

2.   Kull meta tkun prevista l-preparazzjoni ta' miżura implimentattiva skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2), għandha titwettaq analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża, li tieħu kont tal-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-data mqabbla ma' l-ispiża tal-ġbir tad-data u l-piż fuq l-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tħejji rapport li jevalwa s-sejbiet ta' l-istudji pilota u/jew l-analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża, inkluż l-effetti u l-implikazzjonijiet ta' l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, fil-qafas tan-netwerks kollaborattivi u strutturi oħrajn ta' l-SSE.

Artikolu 7

Trażmissjoni, trattament u disseminazzjoni tad-data

1.   Meta dan ikun meħtieġ għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-mikrodata kunfidenzjali jew, skond is-settur jew is-suġġett konċernat, id-data kumulattiva, skond id-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tad-data soġġetta għal kunfidenzjalità stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għat-trattament tad-data mill-Kummissjoni (Eurostat), safejn id-data tkun kunsidrata kunfidenzjali fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 322/97. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data trażmessa ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta ta' l-unitajiet statistiċi (l-individwi) u li d-data personali tkun protetta f'konformità mal-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data u l-metadata meħtieġa skond dan ir-Regolament f’forma elettronika skond standard ta’ skambju maqbul bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri. Id-data għandha tiġi provduta konformement mal-limiti ta’ żmien stabbiliti, fl-intervalli previsti, u b'rispett tal-perijodi ta’ referenza indikati, fl-Annessi jew fil-miżuri implimentattivi adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 10(2).

3.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex ittejjeb id-disseminazzjoni, l-aċċessibbiltà u d-dokumentazzjoni ta’ l-informazzjoni statistika, konformement mal-prinċipji ta' komparabbiltà, affidabbiltà u kunfidenzjalità statistika stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 8

Evalwazzjoni ta’ kwalità

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-dimensjonijiet li ġejjin ta’ evalwazzjoni ta’ kwalità għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa:

(a)

“ir-rilevanza” għandha tirreferi għall-grad ta’ kemm l-istatistika tilħaq il-bżonnijiet kurrenti u potenzjali ta’ l-utenti;

(b)

“il-preċizjoni” għandha tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(c)

“il-wasla fil-ħin” għandha tirreferi għad-dewmien ta’ żmien bejn id-disponibilità ta' l-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d)

“il-puntwalità” għandha tirreferi għad-dewmien ta’ żmien bejn id-data ta’ rilaxx tad-data u d-data mmirata meta suppost kellha tintbagħat;

(e)

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” għandha jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f)

“il-kumparabilità” għandha tirreferi għall-kejl ta' l-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

(g)

“il-koerenza” għandha tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b’mod affidabbli b’modi differenti u għal użu varju.

2.   Kull ħames snin kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni (l-Eurostat) rapport dwar il-kwalità tad-data trażmessa. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità ta' data trażmessa u tippubblika rapporti.

Artikolu 9

Miżuri implimentattivi

1.   Il-miżuri implimentattivi għandhom ikopru:

(a)

il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas- suġġetti koperti fl-Annessi I sa V;

(b)

is-suddiviżjoni tal-karatteristiċi;

(c)

il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien għal-forniment tad-data;

(d)

il-forniment ta' metadata.

Dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont, b'mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2) u (3) u l-Artikolu 7(1), kif ukoll tad-disponibbiltà, kemm huma adatti, u l-kuntest legali tas-sorsi tad-data Komunitarji eżistenti wara eżami tas-sorsi kollha relatati mad-dominji u s-suġġetti rispettivi.

Dawn il-miżuri maħsuba sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, għandom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

2.   Jekk ikunu meħtieġa, derogi u perijodi ta’ transizzjoni għal xi Stati Membri, ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3).

Artikolu 10

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta' Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 103.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2007 (ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 109), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 2 ta' Ottubru 2008 (ĠU C 280 E, 4.11.2008, p. 1), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-19 ta' Novembru 2008 (għadha m'hijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

(5)  ĠU C 161, 5.7.2002, p. 1.

(6)  ĠU C 145, 30.6.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28.

(8)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU C 175, 24.7.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(11)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(12)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(14)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — Progress (ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1).

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat għall-Programmi Statistiċi tal-Komunita' (ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47).


ANNESS I

Dominju: Status tas-saħħa u l-fatturi determinanti tas-saħħa

(a)

Għanijiet

L-għan ta’ dan is-settur huwa l-forniment ta’ statistika dwar l-istatus u d-determinanti tas-saħħa.

(b)

Ambitu

Dan id-dominju jkopri l-istatistika dwar l-istatus tas-saħħa u d-determinanti tas-saħħa li huma bbażati fuq awto-valutazzjoni u miġbura minn surveys tal-popolazzjoni bħas-Survey ta' Saħħa Ewropea permezz ta' Intervista (EHIS) kif ukoll statistika oħra miġbura minn sorsiamministrattivi bħal dawkdwar il-morbidità jew l-inċidenti jew il-korrimenti. Persuni li jgħixu f'istituzzjonijiet kif ukoll it-tfal mill-età 0-14-il sena għandhom jiġu inklużi, fejn adatt u f'intervalli ad hoc rilevanti, suġġetti għal studji pilota preċedenti li jkunu irnexxew.

(c)

Perijodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-forniment tad-data

Mill-EHIS għandha tiġi provduta statistika kull ħames snin; tista' tkun meħtieġa frekwenza differenti għal ġbir ieħor tad-data bħal dawk dwar il-morbidità jew l-inċidenti jew il-korrimenti, kif ukoll għal xi moduli ta' surveys speċifiċi; il-miżuri relatati ma' l-ewwel sena ta' referenza, l-interval u l-limitu ta' żmien għall-forniment tad-data għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

(d)

Suġġetti koperti

Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

l-istatus tas-saħħa, inklużi perċezzjonijiet dwar is-saħħa u l-funzjonament, limitazzjonijiet u diżabilitjiet fiżiċi u mentali,

morbożità speċifika għad-dijanjosi,

protezzjoni kontra l-eventwalità ta' pandemiji u mard li jittieħed,

inċidenti u korrimenti, inklużi dawk relatati mas-sigurtà tal-konsumatur, u, kull meta possibbli, ħsara relatata ma' l-alkoħol u mad-drogi,

stil ta' ħajja, bħall-attività fiżika, id-dieta, it-tipjip, il-konsum ta' alkoħol u l-użu ta' drogi, u fatturi ambjentali, soċjali u relatati max-xogħol,

aċċess u użu ta' faċilitajiet ta' kura tas-saħħa preventivi u kurattivi, kif ukoll servizzi ta' kura fit-tul (survey tal-popolazzjoni),

informazzjoni demografika u soċjo-ekonomika ta’ l-isfond dwar l-individwi.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data. Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

L-implimentazzjoni tas-Survey ta' l-Eżami tas-Saħħa għandha tkun fakultattiva fil-qafas ta' dan ir-Regolament. Il-ħin medju ta' l-intervista għal kull dar m'għandux ikun aktar minn siegħa għall-EHIS u 20 minuta għall-moduli ta' surveys l-oħrajn.

(e)

Metadata

Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar karatteristiċi ta' stħarriġ u sorsi oħrajn użati, il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


ANNESS II

Dominju: Kura tas-saħħa

(a)

Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-forniment ta’ statistika dwar il-kura tas-saħħa.

(b)

Ambitu

Dan id-dominju ikopri l-attivitajiet mwettqa minn istituzzjonijiet jew minn individwi li jkunu qed jaħdmu sabiex, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-għarfien u t-teknoloġija mediċi, paramediċi u ta’ l-infermiera, jilħqu l-mira tas-saħħa, inkluż il-kura għal żmien twil, kif ukoll l-attivitajiet amministrattivi u maniġerjali relatati.

Id-data għandha tiġi miġbura prinċipalment minn sorsi amministrattivi.

(c)

Perijodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-forniment tad-data

L-istatistika għandha tiġi pprovduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza, l-intervall u l-limitu ta' żmien għall-forniment tad-data għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

(d)

Suġġetti koperti

Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

faċilitajiet ta' kura tas-saħħa,

riżorsi umani għall-kura tas-saħħa,

utilizzazzjoni u servizzi individwali u kollettivi tal-kura tas-saħħa,

infiq u finanzjament għall-kura tas-saħħa.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data. Is-sett ta' data għandu jiġi stabbilit wara l-klassifikazzjonijiet internazzjonali rilevanti u wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

Il-mobbiltà tal-pazjenti, jiġifieri l-użu minnhom ta' faċilitajiet għall-kura tas-saħħa f'pajjiż li mhux dak tar-residenza tagħhom, u tal-professjonisti tas-saħħa, bħal dawk li jipprattikaw il-professjoni tagħhom barra mill-pajjiż fejn kisbu l-ewwel liċenzja tagħhom, għandha titqies fil-ġbir tad-data. Fil-ġbir tad-data għandha titqies ukoll il-kwalità tal-kura tas-saħħa.

Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u s-suddiviżjoni tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

(e)

Metadata

Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar karatteristiċi tas-sorsi u l-ġabriet użati, il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


ANNESS III

Dominju: Kaġunijiet tal-mewt

a)

Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-forniment ta’ statistika dwar il-kaġunijiet tal-mewt.

b)

Ambitu

Dan id-dominju jkopri l-istatistika tal-kaġunijiet tal-mewt kif derivati miċ-ċertifikati mediċi tal-mewt b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. L-istatistika li għandha tiġi miġbura tirreferi għall-kaġun prinċipali li huwa definit mid-WHO bħala “l-marda jew il-korriment li tkun tat bidu għas-sensiela ta’ okkorrenzi morbużi li jkunu wasslu direttament għall-mewt, jew għaċ-ċirkostanzi ta’ l-inċident jew vjolenza li pproduċew il-korriment fatali”. L-istatistika għandha tinġabar għall-imwiet kollha u għat-trabi kollha li jitwieldu mejta f'kull Stat Membru, b'distinzjoni bejn residenti u non-residenti. Kull meta jkun possibbli, id-data dwar il-kaġun tal-mewt għar-residenti li jmutu barra minn pajjiżhom għandha tkun inkluża fl-istatistika tal-pajjiż tar-residenza tagħhom.

c)

Perijodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-forniment tad-data

L-istatistika għandha tiġi provduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2). Id-data għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn 24-il xahar wara tmiem is-sena ta’ referenza. Data provviżorja jew li tkun ġiet kalkulata tista’ tiġi provduta qabel. Fil-każ ta’ inċidenti tas-saħħa pubblika, jista’ jiġi stabbilit ġbir ta' data speċjali addizzjonali, dwar l-imwiet kollha jew dwar kaġunijiet speċifiċi ta’ mewt.

d)

Suġġetti koperti

Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

il-karatteristiċi tal-mejjet/mejta,

ir-reġjun,

il-karatteristiċi tal-mewt, inkluż il-kaġun prinċipali tal-mewt.

Id-data dwar il-kaġunijiet tal-mewt għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard tal-WHO u għandha ssegwi r-regoli ta’ l-Eurostat u r-rakkomandazzjonijiet tan-NU u l-WHO għall-istatistika tal-popolazzjoni. Il-forniment ta' data dwar il-karatteristiċi ta' trabi ta' jitwieldu mejta għandu jkun fuq bażi volontarja. Il-forniment ta' data dwar imwiet ta' trabi tat-twelid (imwiet sa età ta' 28 jum) għandu jirrikonoxxi d-differenzi nazzjonali fil-prattika tar-reġistrazzjoni ta' kaġunijiet multipli tal-mewt.

Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

e)

Metadata

Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


ANNESS IV

Dominju: Inċidenti fuq ix-xogħol

a)

Għanijiet

L-għan ta’ dan is-settur huwa l-forniment ta’ statistika dwar inċidenti fuq ix-xogħol.

b)

Ambitu

Inċident fuq il-post tax-xogħol huwa definit bħala “okkorrenza diskreta matul ix-xogħol li twassal għal ħsara fiżika jew mentali”. Id-data għandha tinġabar, għall-forza tax-xogħol kollha, għal inċidenti fatali fuq ix-xogħol u inċidenti fuq ix-xogħol li jirriżultaw f’aktar minn tlett ijiem ta’ assenza minn fuq ix-xogħol, bl-użu ta’ sorsi amministrattivi komplementati b’sorsi addizzjonali rilevanti kull meta jkun meħtieġ u fattibbli għal gruppi speċifiċi ta' ħaddiema jew sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi. Subsett limitat tad-data bażika dwar l-inċidenti li jirriżultaw f’inqas minn erbat ijiem ta’ assenza minn fuq ix-xogħol tista’ tinġabar, meta tkun disponibbli u fuq bażi fakultattiva, fil-qafas tal-kollaborazzjoni ma’ l-ILO.

c)

Perijodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-forniment tad-data

L-istatistika għandha tiġi provduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2). Id-data għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn 18-il xahar wara tmiem is-sena ta’ referenza.

d)

Suġġetti koperti

Is-sett ta' mikrodata armonizzat u komuni li jingħata għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

karatteristiċi tal-persuna korruta,

karatteristiċi tal-korriment, inkluż il-gravità (numru ta' ġranet mitlufin),

karatteristiċi ta' l-intrapriża inkluż l-attività ekonomika,

karatteristiċi tal-post tax-xogħol,

karatteristiċi ta’ l-inċident, inkluża s-sekwenza ta’ l-okkorrenzi li kkaratterizzaw il-kaġunijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ l-inċident.

Is-sett tad-data dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija ta' l-Istatistika Ewropea dwar l-Inċidenti fuq ix-Xogħol (ESAW), b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

Il-forniment ta' data dwar in-nazzjonalità tal-persuna korruta, id-daqs ta' l-intrapriża u l-ħin ta' l-inċident għandhom ikunu fuq bażi volontarja. Dwar is-suġġetti tal-Fażi III tal-metodoloġija ta' l-ESAW, jiġifieri l-post tax-xogħol u s-sekwenza ta' okkorrenzi li kkaratterizzaw il-kawżi u ċ-ċirkostanzi ta' l-inċident, għandhom jiġu provduti ta' l-inqas tliet varjabbli. L-Istati Membri għandhom fuq bażi volontarja jipprovdu wkoll aktar data li tikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-Fażi III ta' l-ESAW.

Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

e)

Metadata

Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta, ir-rati ta' dikjarazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol u, meta jkun rilevanti, il-karatteristiċi tat-teħid tal-kampjuni, kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


ANNESS V

Dominju: Mard relatat max-xogħol u problemi ta’ saħħa u mard ieħor relatati max-xogħol

a)

Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-forniment ta’ l-istatistika dwar każijiet rikonoxxuti ta’ mard relatat max-xogħol u problemi ta’ saħħa u mard ieħor relatati max-xogħol.

b)

Ambitu

Każ ta’ mard relatat max-xogħol huwa definit bħala każ magħruf mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mir-rikonoxximent ta’ mard relatat max-xogħol. Għandha tinġabar id-data dwar il-mard fuq il-post tax-xogħol u l-imwiet minn inċidenti dovuti għal mard relatat max-xogħol.

Problemi tas-saħħa u mard relatati max-xogħol huma dawk il-problemi tas-saħħa u l-mard li jistgħu jkunu kkawżati, aggravati jew ikkawżati konġuntivament mill-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan jinkludi problemi tas-saħħa fiżiċi u psikosoċjali. Każ ta’ problema tas-saħħa u mard relatat max-xogħol mhux neċessarjament jirreferi għal rikonoxximent minn awtorità u d-data relatata tista’ tinġabar minn surveys eżistenti tal-popolazzjoni bħas-Survey Ewropew ta' Intervisti dwar is-Saħħa (EHIS) jew survey soċjali ieħor.

c)

Perijodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-forniment tad-data

Għall-mard relatat max-xogħol, l-istatistika għandha tiġi provduta kull sena u tiġi preżentata mhux aktar tard minn 15-il xahar wara tmiem is-sena ta' referenza. Il-miżuri li jirrigwardaw il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien għall-forniment ta' ġabriet ta' data oħrajn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

d)

Suġġetti koperti

Is-sett ta' data armonizzat u komuni li jiġi provdut għall-mard relatat max-xogħol għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

karatteristiċi tal-persuna marida, inkluż is-sess u l-età,

karatteristiċi tal-marda, inkluż il-gravità,

karatteristiċi ta' l-intrapriża u l-post tax-xogħol, inkluż l-attività ekonomika,

il-karatteristiċi ta’ l-aġent jew fattur kawżattiv.

Is-sett tad-data dwar il-mard relatat max-xogħol għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta' l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fil-metodoloġija ta' l-Istatistika Ewropea dwar il-Mard Relatat max-Xogħol (ESAW), b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

Is-sett ta' data armonizzat u komuni li jiġi provdut għall-problemi tas-saħħa relatati max-xogħol għandu jkopri l-lista ta’ suġġetti li ġejja:

karatteristiċi tal-persuna li ssofri mill-problema tas-saħħa, inkluż is-sess, l-età u l-istatus ta' l-impjieg,

karatteristiċi tal-problema tas-saħħa relatata max-xogħol, inkluż il-gravità,

karatteristiċi ta' l-intrapriża u l-post tax-xogħol, inkluż id-daqs u l-attività ekonomika,

karatteristiċi ta' l-aġent jew il-fattur li kkawża l-problema tas-saħħa jew iggravaha.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data.

Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

e)

Metadata

Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/82


REGOLAMENT (KE) Nru 1339/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ

(Tfassil mill-ġdid)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Strasburgu fit-8 u d-9 ta' Diċembru 1989, talab lill-Kunsill sabiex fil-bidu ta' l-1990, jaddotta id-deċiżjonijiet neċessarji għall-istabbiliment ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, fis-7 ta' Mejju 1990, il-Kunsill addotta il-Regolament (KEE) Nru 1360/90.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3) ġie emendat sostanzjalment kemm-il darba. Ladarba għandhom isiru aktar emendi, għandu jiġi mfassal mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza.

(3)

Fit-18 ta' Diċembru 1989 il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 dwar għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk (4) li pprovda għal għajnuna f'oqsma li jinkludu t-taħriġ sabiex jissaħħaħ il-proċess ta' riforma ekonomika u soċjali fl-Ungerija u l-Polonja.

(4)

Il-Kunsill sussegwentement estenda din l-għajnuna lil pajjiżi oħra fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant taħt atti legali rilevanti.

(5)

Fis-27 ta’ Lulju 1994, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2063/94 (5) li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil-għan li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ l-Istati li jirċievu assistenza taħt ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2053/93 tad-19 ta' Lulju 1993 dwar l-għoti ta' assistenza teknika għar-riforma u r-risanament ta' l-ekonomiji ta' l-Istati indipendenti ta' l-ex Unjoni Sovjetika u tal-Mongolja (6) (il-Programm TACIS).

(6)

Fis-17 ta’ Lulju 1998, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1572/98 (7) li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil- ħsieb li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ il-pajjiżi u t-territorji Mediterranji extra-Komunitarji li huma benefiċjarji tal-miżuri finanzjarji u tekniċi sabiex dawn jakkumpanjaw ir-riforma ta' l- ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96 tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-miżuri finanzjarji u tekniċi sabiex dawn jakkumpanjaw (MEDA) ir-riforma ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja (8).

(7)

Fil-5 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2666/2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, għall-Bożnja u Ħerzegovina, għall-Kroazja, għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (9) li emenda r-Regolament (KEE) Nru 1360/90 bil-għan li jinkludi fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ l-Istati Balkani tal-Punent koperti mir-Regolament (KE) Nru 2666/2000.

(8)

Il-programmi ta’ assistenza esterna relatati mal-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandhom jiġu sostitwiti mill-istrumenti l-ġodda tal-politika tar-relazzjonijiet esterni, primarjament l-istrument stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (10) u l-istrument stabbilit mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (11).

(9)

Permezz ta’ l-appoġġ ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni, l-Unjoni Ewropea tagħti kontribut għall-iżvilupp f’dawn il-pajjiżi billi tipprovdi l-ħiliet meħtieġa għat-tkattir tal-produttività u l-impjiegi u tappoġġa l-koeżjoni soċjali billi tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika.

(10)

Fil-kuntest ta' l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi sabiex jirriformaw l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom, l-iżvilupp tal-kapital uman huwa essenzjali għall-kisba ta' stabbiltà u prosperità għall-perijodu fit-tul u b'mod partikolari għall-kisba ta' ekwilibriju soċjoekonomiku.

(11)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tista’ tagħti kontribut importanti fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, lejn żvilupp aħjar tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva ta’ tagħlim matul il-ħajja.

(12)

Sabiex tagħti l-kontribut tagħha, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ikollha tirrikorri għall-esperjenza li akkwistat fl-UE fir-rigward ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja u għal dawk l-istituzzjonijiet tagħha li huma nvoluti f’din l-attività.

(13)

Fil-Komunità u f'pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, jeżistu faċilitajiet reġjonali u/jew nazzjonali, pubbliċi u/jew privati li jistgħu jintalbu jikkollaboraw fl-għoti effettiv ta' għajnuna fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja.

(14)

L-istat u l-istruttura tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tiffaċilita rispons flessibbli għar-rekwiżiti speċifiċi u varjati tal-pajjiżi individwali li għandhom ikunu assistiti, u jippermettulha li taqdi l-funzjonijiet tagħha f'koperazzjoni mill-qrib ma’ l-entitajiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti.

(15)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha jkollha personalità ġuridika, u fl-istess waqt iżżomm fil-kompożizzjoni tagħha relazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u tirrispetta r-responsabbilitajiet politiċi u operattivi ġenerali tal-Komunità u ta' l-istituzzjonijiet tagħha.

(16)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha jkollha rabtiet mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), ma’ l-Iskema ta' Mobbiltà Trans-Ewropea għall-Istudji Universitarji (Tempus) u kwalunkwe skema oħra stabbilita mill-Kunsill sabiex tipprovdi għajnuna fil-qasam tat-taħriġ lill-pajjiżi koperti mill-attivitajiet tagħha.

(17)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Komunità u li jħaddnu l-impenn tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-għoti ta' għajnuna lill- pajjiżi koperti mill-attivitjiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman, partikolarment l-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja, taħt arranġamenti li għandhom isiru fi ftehim bejn il-Komunità u dawn l-istess pajjiżi.

(18)

L-Istati Membri kollha, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jiġu rrappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija sabiex jissorveljaw effettivament il-funzjonijiet tal-Fondazzjoni.

(19)

Sabiex ikunu garantiti l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-Fondazzjoni, din għandha tingħata baġit awtonomu li d-dħul tiegħu jiġi primarjament minn kontribuzzjoni Komunitarja. Il-proċedura Komunitarja tal-baġit għandha tkun applikabbli safejn għandhom x’jaqsmu l-kontribuzzjoni Komunitarja u kull sussidju ieħor li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti ta' l-Awdituri.

(20)

Il-Fondazzjoni hija entità mwaqqfa mill-Komunitajiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 185 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”) u għandha tadotta r-regoli finanzjarji tagħha kif meħtieġ.

(21)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (13) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju Qafas”) għandu japplika għall-Fondazzjoni.

(22)

Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14), għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni għall-Fondazzjoni.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (15) għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (16) għandu japplika għall-ipproċessar tad-data mill-Fondazzjoni.

(25)

Skond id-Deċiżjoni tad-29 ta' Ottubru 1993, meħuda bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-livelli ta' Kap ta' Stat u ta' Gvern, dwar il-post tas-sede ta' ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Europol (17), il-Fondazzjoni għandu jkollha s-sede tagħha f'Turin ġewwa l-Italja.

(26)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l- assistenza lil pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(27)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni”) hija b'dan stabbilita. L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi, fil-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, sabiex ittejjeb l-iżvilupp tal-kapital uman, fil-pajjiżi li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi eliġibbli għall-appoġġ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 u taħt atti ġuridiċi relatati sussegwenti;

(b)

il-pajjiżi eliġibbli għall-appoġġ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/2006 u taħt atti ġuridiċi relatati sussegwenti;

(c)

pajjiżi oħra nominati mid-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi ta' proposta appoġġata minn żewġ terzi tal-membri tiegħu u opinjoni tal-Kummissjoni, u koperti minn strument Komunitarju jew ftehim internazzjonali li jinkludi element ta' żvilupp tal-kapital uman, u safejn jippermettu r-riżorsi disponibbli.

Il-pajjiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) huma b'dan nominati bħala “pajjiżi msieħba”.

2.   Għall-fini ta' dan ir-Regolament, “l-iżvilupp tal-kapital uman” għandu jkun definit bħala “ħidma li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwu permezz tat-titjib tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.”

3.   Sabiex jinkiseb l-għan tagħha, il-Fondazzjoni tista' tipprovdi assistenza lill-pajjiżi msieħba

(a)

fir-rigward ta': il-faċilitazzjoni ta' l-adattament għat-tibdil industrijali, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ vokazzjonali mill-ġdid;

(b)

it-titjib tat-taħriġ vokazzjonali inizjali u dak kontinwu sabiex ikunu faċilitati l-integrazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

(c)

il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u l-inkoraġġiment tal-mobbiltà ta' dawk li jħarrġu u ta' dawk imħarrġa u b'mod partikolari taż-żgħażagħ;

(d)

l-istimolu tal-koperazzjoni fir-rigward tat-taħriġ bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-intrapriżi;

(e)

l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi tat-taħriġ ta' l-Istati Membri;

(f)

iż-żieda fl-adattabbiltà tal-ħaddiema, b'mod partikolari permezz ta' parteċipazzjoni akbar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja;

(g)

it-tfassil, l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' l-impjegabbiltà u tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol.

Artikolu 2

Funzjonijiet

Bil-għan li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(1), il-Fondazzjoni, fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Bord tat-Tmexxija, u filwaqt li ssegwi l-linji gwida ġenerali stabbiliti fil-livell Komunitarju, għandha jkollha l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta' informazzjoni, ta' analiżi tal-politika u ta' pariri dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

(b)

il-promozzjoni tal-konoxxenza u l-analiżi tal-ħtiġijiet ta' kompetenzi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u lokali;

(c)

appoġġ lill-partijiet interessati rilevanti fil-pajjiżi msieħba fil-bini tal-kapaċità fl-iżvilupp tal-kapital uman;

(d)

faċilitazzjoni ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-esperjenza fost id-donaturi involuti fir-riforma ta' l-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

(e)

appoġġ fit-twassil ta' l-assistenza Komunitarja lil pajjiżi msieħba fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman;

(f)

disseminazzjoni ta' informazzjoni u tħeġġig tan-netwerking u tal-iskambji ta' esperjenza u prassi tajba bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba u fost il-pajjiżi msieħba dwar kwistjonijiet ta' l-iżvilupp tal-kapital uman;

(g)

kontribut, fuq talba tal-Kummissjoni, lejn l-analiżi ta’ l-effikaċja globali ta’ l-assistenza f'taħriġ lill-pajjiżi msieħba;

(h)

it-twettiq ta' kompiti oħra skond kif jiġi miftiehem bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ġenerali ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha personalità ġuridika u għandha tgawdi f'kull wieħed mill-Istati Membri l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tista' tingħata lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħha. Il-Fondazzjoni tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali. Il-Fondazzjoni ma għandhiex taħdem għall-profitt.

2.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha s-sede tagħha f’Turin, l-Italja.

3.   Il-Fondazzjoni għandha tikkopera mal-korpi l-oħra rilevanti tal-Komunità bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Il-Fondazzjoni għandha tikkopera, b’mod partikolari, maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma annwali konġunt anness mal-programm ta’ ħidma annwali ta’ kull waħda miż-żewġ aġenziji bil-għan li tkun promossa s-sinerġija u l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet tagħhom.

4.   Ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew li huma diġà attivi fil-ħidma ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tat-taħriġ, jistgħu, fejn ikun il-każ, jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Fondazzjoni.

5.   Il-Fondazzjoni għandha tkun suġġetta għall-kontroll amministrattiv ta’ l-Ombudsman Ewropew, skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 195 tat-Trattat.

6.   Il-Fondazzjoni tista’ tistabbilixxi strumenti ta' ftehim ta’ koperazzjoni ma’ entitajiet rilevanti oħra attivi fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman fl-UE u madwar d-dinja. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dawn l-istrumenti ta' ftehim fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha. L-arranġamenti ta’ ħidma inklużi fihom għandhom ikunu konformi mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 4

Trasparenza

1.   Il-Fondazzjoni għandha taġixxi b’livell għoli ta’ trasparenza u tikkonforma, b' mod partikolari, ma l-paragrafi 2 sa 4.

2.   Il-Fondazzjoni għandha tippubblika fi żmien sitt xhur mill-istabbiliment tal-Bord tat-Tmexxija tagħha:

(a)

ir-regoli ta’ proċedura tal-Fondazzjoni u dawk tal-Bord tat-Tmexxija;

(b)

ir-rapport annwali ta' l-attività tal-Fondazzjoni.

3.   Fejn ikun il-każ, il-Bord tat-Tmexxija jista' jawtorizza rappreżentanti tal-partijiet interessati sabiex jattendu laqgħat ta' l-entitajiet tal-Fondazzjoni fil-kapaċità ta' osservaturi.

4.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Fondazzjoni.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4), il-Fondazzjoni ma għandhiex tiżvela lil partijiet terzi informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali li tkun irċeviet, li għaliha jkun intalab u ġie ġġustifikat trattament kunfidenzjali.

2.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tas-sigriet professjonali msemmi fl-Artikolu 287 tat-Trattat.

3.   L-informazzjoni miġbura mill-Fondazzjoni skond l-att bażilari tagħha għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 6

Rimedji

Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Fondazzjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' ilment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 7

Il-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Fondazzjoni għandha jkollha Bord tat-Tmexxija li jkun jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll tliet esperti li ma jivvutawx maħtura mill-Parlament Ewropew.

Addizzjonalment, tliet rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi.

Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu sostitwiti minn supplenti, maħtura fl-istess waqt.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom kull wieħed jaħtru r-rappreżentant tagħhom u s-supplenti tagħhom għall-Bord tat-Tmexxija.

Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati proposti minn dawk il-pajjiżi abbażi ta’ l-esperjenza u l-konoxxenza esperta tagħhom fl-oqsma ta' ħidma tal-Fondazzjoni.

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu sabiex jiksbu rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa fuq il-Bord tat-Tmexxija.

3.   It-terminu tal-mandat tar-rappreżentanti għandu jkun ta' ħames snin. Għandu jkun jista' jiġġedded darba.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi presedut minn wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. It-terminu tal-mandat tal-President għandu jiskadi meta tintemm is-sħubija tiegħu jew tagħha fil-Bord tat-Tmexxija.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 8

Regoli ta' votazzjoni u dmirijiet tal-President

1.   Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fuq il-Bord tat-Tmexxija għandhom ikollhom vot wieħed kull wieħed. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikollhom vot wieħed kondiviż bejniethom.

Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jeħtieġu maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkollhom dritt jivvutaw, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi, b'deċiżjoni unanima tal-membri tiegħu li jkollhom dritt jivvutaw, ir-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Fondazzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċess u l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha interessati fil-ħidma tal-Fondazzjoni.

3.   Il-President għandu jlaqqa’ lill-Bord tat-Tmexxija mill-inqas darba fis-sena. Aktar laqgħat jistgħu jissejħu fuq talba ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija li jkollhom jivvutaw.

Il-President għandu jkun responsabbli sabiex jinforma lill-Bord tat-Tmexxija b'attivitajiet oħra tal-Komunità rilevanti għax-xogħol tal-Bord u bl-aspettattivi tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni fis-sena li tkun ġejja.

Artikolu 9

Setgħat tal-Bord tat-Tmexxija

Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu l-funzjonijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jaħtar u, fejn ikun meħtieġ, ineħħi lid-Direttur skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(5);

(b)

li jeżerċita awtortità dixxiplinarja fuq id-Direttur;

(c)

li jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha, skond l-Artikolu 12;

(d)

li jfassal stima annwali ta’ nefqa u dħul għall-Fondazzjoni u jgħaddiha lill-Kummissjoni;

(e)

li jadotta l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment u l-baġit definittiv tal-Fondazzjoni wara t-tlestija tal-proċedura annwali tal-baġit, skond l-Artikolu 16;

(f)

li jadotta r-rapport annwali tal-Fondazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 u jibgħatu lill-istituzzjonijiet tal-Kommunita' u lill-Istati Membri;

(g)

li jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha;

(h)

li jadotta r-regoli finanzjarji tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta’ abbozz preżentat mid-Direttur tal-Fondazzjoni wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha, skond l-Artikolu 19;

(i)

li jadotta l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Direttur

1.   Id-Direttur tal-Fondazzjoni għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija għal perijodu ta' ħames snin minn lista ta’mill-inqas tliet kandidati ppreżentata mill-Kummissjoni. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu/tagħhom.

Matul l-aħħar disa' xhur ta’ dak il-perijodu ta' ħames snin, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni minn qabel minn esperti esterni, għandha tagħmel evalwazzjoni, b’mod partikolari, ta' dawn li ġejjin:

il-prestazzjoni tad-Direttur;

id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Fondazzjoni fis-snin li jkunu ġejjin.

Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, u filwaqt li jqis ir-rapport ta' evalwazzjoni u f'dawk il-każijiet biss fejn ikun ġustifikabbli mid-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Fondazzjoni, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux iktar minn tliet snin.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fix-xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tagħhom.

Jekk il-mandat tiegħu ma jiġix estiż, id-Direttur għandu jibqa’ fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar abbażi tal-mertu, tal-ħiliet amministrattivi u maniġerjali u tal-konoxxenza esperta u esperjenza fil-qasam tal-ħidma tal-Fondazzjoni.

3.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.

4.   Id-Direttur għandu jkollu l-funzjonijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jħejji, abbażi tal-linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Kummissjoni, l-abozz tal-programm ta’ ħidma annwali, l-abbozz ta' l-istima għall-infiq u d-dħul tal-Fondazzjoni, l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura tagħha u dawk tal-Bord tat-Tmexxija, l-abbozz tar-regoli finanzjarji tagħha u l-ħidma tal-Bord tat-Tmexxija, u ta' kwalunkwe grupp ta' ħidma ad hoc imlaqqa' mill-Bord tat-Tmexxija;

(b)

li jieħu sehem, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija;

(c)

li jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija;

(d)

li jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Fondazzjoni u jirrispondi għar-rikjesti ta’ assistenza mill-Kummissjoni;

(e)

li jwettaq id-dmirijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti, skond l-Artikoli 33 sa 42 tar-Regolament Finanzjarju Qafas;

(f)

li jimplimenta l-baġit tal-Fondazzjoni;

(g)

li jistabbilixxi sistema effikaċi ta’ monitoraġġ sabiex ikunu jistgħu jsiru l-evalwazzjonijiet regolari msemmija fl-Artikolu 24 u, fuq din il-bażi, iħejji abbozz ta’ rapport t'attivita' annwali;

(h)

li jippreżenta r-rapport annwali ta' l-attivitajiet lill-Parlament Ewropew;

(i)

li jieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-persunal, u partikolarment, jeżerċita s-setgħat previsti fl-Artikolu 21;

(j)

li jiddefinixxi l-istruttura organizzattiva tal-Fondazzjoni u jippreżentaha lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(k)

li jirrappreżenta lill-Fondazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill skond l-Artikolu 18.

5.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu quddiem il-Bord tat-Tmexxija, li jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jneħħi lid-Direttur mill-kariga tiegħu qabel ma jkun skadielu l-mandat.

Artikolu 11

Interess pubbliku u indipendenza

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur għandhom jaġixxu fl-interess tal-pubbliku u indipendentement minn kwalunkwe influwenza esterna. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub ta' l-impenn tagħhom u dikjarazzjoni bil-miktub ta' l-interessi tagħhom kull sena.

Artikolu 12

Programm ta' ħidma annwali

1.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti ma' l-għan, l-ambitu u l-funzjonijiet tal-Fondazzjoni kif definiti fl-Artikoli 1 u 2.

2.   Il-programm tal-ħidma annwali għandu jiġi abbozzat fi ħdan il-qafas ta’programm ta' ħidma pluriennali ta' erba' snin f’koperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-prijoritajiet tar-relazzjonijiet esterni mal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati u abbażi ta' l-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni u t-taħriġ ġewwa l-Komunità.

3.   Il-proġetti u attivitajiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali għandhom ikunu akkumpanjati minn stima tan-nefqa meħtieġa u minn allokazzjonijiet ta' persunal u ta' riżorsi baġitarji.

4.   Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali lill-Bord tat-Tmexxija wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha dwaru.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru tas-sena preċedenti. L-adozzjoni finali tal-programm ta’ ħidma annwali għandha ssir fil-bidu tas-sena finanzjarja konċernata.

6.   Meta jkun meħtieġ, il-programm ta’ ħidma annwali jista’ jiġi adattat matul is-sena billi tiġi użata l-istess proċedura sabiex tiġi żgurata effikaċja akbar tal-politika Komunitarja.

Artikolu 13

Rapport ta' attività annwali

1.   Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-qadi ta' dmirijietu permezz ta' rapport ta' attività annwali.

2.   Ir-rapport ta' attivita' annwali għandu jkun fih informazzjoni finanzjarja u maniġerjali li tindika r-riżultati ta’ l-operazzjonijiet b’referenza għall-programm ta' ħidma annwali u l-għanijiet stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawk l-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u l-mod kif ħadmet is-sistema interna tal-kontroll.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jabozza analiżi u evalwazzjoni tar-rapport ta' attività annwali tas-sena finanzjarja preċedenti.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-rapport ta' attività annwali tad-Direttur u jgħaddih flimkien ma’ l-analiżi u l-evalwazzjoni tiegħu lill-korpi kompetenti fil-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju tas-sena sussegwenti. Ir-rapport għandu jintbagħat ukoll lill-Istati Membri u, għall-informazzjoni, lill-pajjiżi msieħba.

5.   Id-Direttur għandu jippreżenta r-rapport ta' attività annwali tal-Fondazzjoni quddiem il-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u l-korpi preparatorji tal-Kunsill.

Artikolu 14

Rabtiet ma' azzjonijiet Komunitarji oħra

Il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija għandha tiżgura konsistenza u komplementarjetà bejn il-ħidma tal-Fondazzjoni u azzjonijiet oħra fil-livell Komunitarju, kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll fl-għoti ta' assistenza lill-pajjiżi msieħba

Artikolu 15

Baġit

1.   Għandha tiġi mħejjija stima tad-dħul u l-infiq kollu tal-Fondazzjoni għal kull sena finanzjarja u għandha tiġi murija fil-baġit tal-Fondazzjoni, li għandu jinkludi pjan ta' stabbiliment. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

2.   Id-dħul u l-infiq murija fil-baġit tal-Fondazzjoni għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   Id-dħul tal-Fondazzjoni għandu jinkludi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' dħul, sussidju mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, pagamenti magħmula bħala remunerazzjoni għal servizzi mwettqa kif ukoll finanzjament minn sorsi oħra.

4.   Il-baġit għandu jinkludi wkoll dettalji ta' kwalunkwe tip ta' fondi li jkunu saru disponibbli mill-pajjiżi msieħba stess għal proġetti li jgawdu minn assistenza finanzjarja mill-Fondazzjoni.

Artikolu 16

Proċedura baġitarja

1.   Kull sena, il-Bord tat-Tmexxija, abbażi ta' l-abbozz imħejji mid-Direttur, għandu jipproduċi stima tad-dħul u ta’ nfiq tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja sussegwenti. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tkun mgħoddija mill-Bord tat-Tmexxija lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-istima, filwaqt li tqis il-limiti proposti ta’ l-ammont globali disponibbli għall-azzjonijiet esterni, u ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea r-riżorsi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejħa flimkien “l-awtorità baġitarja”) flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju li jingħata lill-Fondazzjoni.

L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment tal-Fondazzjoni.

5.   Il-baġit tal-Fondazzjoni għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Dan il-baġit għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk ikun meħtieġ, il-baġit tal-Fondazzjoni għandu jiġi aġġustat skond il-ħtieġa.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, mill-aktar fis possibli, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tal-Fondazzjoni, partikolarment kwalunkwe proġett relatat mal-proprjetà bħal kiri jew xiri ta' bini. Għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni.

Fejn fergħa ta’ l-awtorità baġitarja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, din għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord tat-Tmexxija fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 17

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Fondazzjoni għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandhom jintbagħtu wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit tal-Fondazzjoni.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Fondazzjoni li jaqgħu taħt ir-responsibbiltà tiegħu u jgħaddihom lill-Bord tat-Tmexxija għall-opinjoni tiegħu.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Fondazzjoni.

6.   Id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jgħaddi dawn il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu pubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri risposta għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru ta' wara kull sena finanzjarja. Għandu wkoll jibgħat dik ir-risposta lill-Bord tat-Tmexxija.

9.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

11.   Id-Direttur għandu jieħu l-passi adatti kollha li jkunu mitluba, mill-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza.

Artikolu 18

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 17 u, partikolarment il-proċeduri baġitarji u ta' kwittanza, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu fi kwalunkwe waqt li ssir seduta mad-Direttur dwar kwalunkwe suġġett marbut ma’ l-attivitajiet tal-Fondazzjoni.

Artikolu 19

Regoli Finanzjarji

1.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Finanzjarju Qafas sakemm dan ma jkunx rikjest speċifikament għall-operat tal-Fondazzjoni u mhux qabel jingħata l-kunsens mill-Kummissjoni.

2.   Skond l-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju, il-Fondazzjoni għandha tapplika r-regoli tagħha tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni sabiex il-kontijiet tagħha jkunu jistgħu jiġu kkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni.

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandu japplika għall-Fondazzjoni fl-intier tiegħu.

4.   Il-Fondazzjoni għandha tirrispetta l-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (18). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jgħin lill-OLAF iwettaq dawn l-investigazzjonijiet interni.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandu japplikagħall-Fondazzjoni.

Artikolu 21

Ir-Regolamenti tal-Persunal

1.   Il-persunal tal-Fondazzjoni għandu jkun regolat mir-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Il-Fondazzjoni għandha teżerċita fuq il-persunal tagħha s-setgħat devoluti lill-Awtorità responsabbli mill-Ħatriet.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli adegwati ta' implimentazzjoni skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jadotta dispożizzjonijiet oħra għall-impjieg ta' esperti nazzjonali minn Stati Membri jew pajjiżi msieħba billi jiġu sekondati mal-Fondazzjoni.

Artikolu 22

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Fondazzjoni għandha tiġi regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt imsemmi.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Fondazzjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Fondazzjoni jew mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ kumpens għal kwalunkwe dannu bħal dan.

3.   Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn il-Fondazzjoni għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni.

Artikolu 23

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   Il-Fondazzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-Komunità u li jikkondividu l-impenn tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-għoti ta’ għajnuna fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba msemmija fl-Artikolu 1(1), taħt arranġamenti li għandhom isiru bi ftehim bejnhom u l-Komunità, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 300 tat-Trattat.

Kull ftehim għandu, inter alia, jispeċifika n-natura, il-firxa u r-regoli dettaljatital-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-Fondazzjoni inklużi dispożizzjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u persunal. Dawn l-istrumenti ta' ftehim ma jistgħux jipprevedu li pajjiżi terzi jiġu rappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija bi dritt għall-vot jew ikunu jinkludu dispożizzjonijiet mhux konformi mar-regolamenti tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi gruppi ta' ħidma ad hoc tista' tkun deċiża bħala meħtieġa mill-Bord tat-Tmexxija mingħajr il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

1.   Skond l-Artikolu 25(4) tat-Regolament Finanzjarju, il-Fondazzoni għandha twettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post regolarment ta’ l-attivitajiet tagħha fejn dawn jinneċessitaw nefqa sinifikanti. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiġi nnotifikat bir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq kull erba’ snin, f'konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija, evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ir-riżultati miksuba mill-Fondazzjoni u l-metodi operattivi tagħha fid-dawl ta'l-għanijiet, mandat u funzjonijiet definiti f'dan ir-Regolament. L-evalwazzjoni għandha titwettaq minn esperti esterni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

3.   Il-Fondazzjoni għandha tieħu l-passi adatti kollha sabiex tirrimedja kwalunkwe problema li tista’ tirriżulta waqt il-proċess ta’ l-evalwazzjoni.

Artikolu 25

Reviżjoni

Wara l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn ikun meħtieġ, proposta għar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżistenza tal-Fondazzjoni ma għadhiex ġustifikata fir-rigward ta’ l-għanijiet assenjati lilha, tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jitħassar.

Artikolu 26

Tħassir

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1360/90, Nru 2063/94, Nru 1572/98, Nru 1648/2003 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2666/2000, elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, huma b'dan imħassra.

Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall- Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tat-22 ta' Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komunitat-18 ta' Novembru 2008 (ĠU C 310 E, 5.12.2008, p. 1.) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(4)  ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11.

(5)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 9.

(6)  ĠU L 187, 29.7.1993, p. 1.

(7)  ĠU L 206, 23.7.1998, p. 1.

(8)  ĠU L 189, 30.7.1996, p. 1. Regolament imħassar mir-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

(9)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(11)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(12)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(14)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1

(15)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43

(16)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1

(17)  ĠU C 323, 30.11.1993, p. 1.

(18)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.


ANNESS I

Ir-Regolament imħassar u l-emendi suċċessivi

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) No 1360/90

(ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2063/94

(ĠU L 216, 20.8.1994, p. 9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1572/98

(ĠU L 206, 23.7.1998, p. 1)

L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000

(ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) No 1648/2003

(ĠU L 245, 29.9.2003, p. 22)


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 1360/90

Dan ir-Regolament

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu

Artikolu 1(1), il-kliem introduttiv

Artikolu 1, mill-ewwel sar-raba' inċiż

Artikolu 1, it-tieni sentenza

Artikolu 1(1) punti (a) sa (c)

Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 1(2) u (3)

Artikolu 2

Artikolu 3, l-ewwel paragrafu

Artikolu 2, l-ewwel paragrafu

Artikolu 3 punti (a) sa (g)

Artikolu 2 punti (a) sa (f)

Artikolu 3 punt (h)

Artikolu 2 punt (g)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 3(3) l-ewwel sentenza

Artikolu 3(3) it-tieni sentenza

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(4) u (5)

Artikolu 4(1) sa (3)

Artikolu 4a(1)

Artikolu 4(4) l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 4a(2)

Artikolu 4(4), it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 5

Artikolu 4a(3)

Artikolu 6

Artikolu 5(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 7(2), l-ewwel u t-tieni sub-paragrafi

Artikolu 7(2), it-tielet u r-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 5(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 5(4), l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 7(4) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(4), it-tieni sentenza

Artikolu 5(4) it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(5)

Artikolu 5(4), it-tielet u r-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 8(1), l-ewwel sub-paragrafu

Artikolu 8(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(4), l-aħħar sub-paragrafu

Artikolu 8(1), l-aħħar sub-paragrafu

Artikolu 5(5) u (6)

Artikolu 8(2) u (3)

Artikolu 5(7) sa (10)

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 7(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 10(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(1), tmiem ta' L-ewwel sentenza u tieni sentenza

Artikolu 10(1), it-tieni sentenza u t-tieni sar-raba’ sub-paragrafi

Artikolu 10(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 10(5) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4), il-punti a) sa k)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 8

Artikolu 14

Artikolu 9

Artikolu 15

Artikolu 10(1)

Artikolu 16(1)

Artikolu 16(2)

Artikolu 10(2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4) sa (6)

Artikolu 16(4) sa (6)

Artikolu 11(1)

Artikolu 17(3)

Artikolu 11(2) u (3)

Artikolu 17(1) u (2)

Artikolu 11(4) sa (10)

Artikolu 17(4) sa (10)

Artikolu 17(11)

Artikolu 18

Artikolu 12

Artikolu 19(1)

Artikolu 19(2) sa (4)

Artikolu 13

Artikolu 20

Artikolu 14

Artikolu 21(1)

Artikolu 21(2) sa (4)

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 16(1)

Artikolu 23(1) l-ewwel subparagrafu u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu

Artikolu 23(1), l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu

Artikolu 16(2)

Artikolu 23(2)

Artikolu 24(1)

Artikolu 17

Artikolu 24(2)

Artikolu 24(3)

Artikolu 18

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 19

Artikolu 27

Anness


31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/s3


NOTA LILL-QARREJ

L-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta’ l-atti kkwotati.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.