ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
21 ta' Mejju 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 432/2008 ta’ l-20 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 433/2008 ta' l-20 ta' Mejju 2008 li jintroduċi denominazzjoni fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Český kmín (DPO))

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 434/2008 ta' l-20 ta’ Mejju 2008 li jintroduċi denominazzjoni fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Cordero de Navarra jew Nafarroako Arkumea (IĠP)

4

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kunsill

 

 

2008/380/KE, Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Mejju 2008 dwar il-ħatra ta’ membru ġdid tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

6

 

 

2008/381/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

7

 

 

2008/382/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta' Mejju 2008 li taħtar żewġ membri Taljani u membru supplenti Taljan tal-Kumitat tar-Reġjuni

13

 

 

Corrigendum

 

*

Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti miżuri protettivi li għandhom x'jaqsmu mad-deni klassiku tal-ħnieżer fis-Slovakkja ( ĠU L 130, 20.5.2008 )

14

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 432/2008

ta’ l-20 ta’ Mejju 2008

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness tiegħu.

(2)

Fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għandhom ikunu ffissati fil-livelli msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stabbiliti kif inhu indikat fit-tabella ta' l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Mejju 2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

tar-Regolament ta' l-Kummissjoni ta' l-20 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

MA

52,8

TN

105,3

TR

99,0

ZZ

85,7

0707 00 05

EG

167,2

JO

162,5

TR

135,5

ZZ

155,1

0709 90 70

EG

216,7

TR

121,9

ZZ

169,3

0805 10 20

EG

39,6

IL

67,5

MA

48,5

TN

53,1

TR

62,3

US

55,3

ZZ

54,4

0805 50 10

AR

137,9

BR

156,0

TR

158,6

US

135,5

ZA

142,6

ZZ

146,1

0808 10 80

AR

94,1

BR

79,9

CA

75,2

CL

89,4

CN

83,4

MK

60,4

NZ

109,9

US

119,4

UY

75,9

ZA

78,5

ZZ

86,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 433/2008

ta' l-20 ta' Mejju 2008

li jintroduċi denominazzjoni fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Český kmín (DPO))

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u ta' l-oġġetti ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 17(2) tar-Regolament imsemmi, it-talba li ressqet ir-Repubblika Ċeka għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Český kmín” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Ġaladarba lill-Kummisjsoni ma ġiet innotifikata l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, din id-denominazzjoni għaldaqstant għandha tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 184, 7.8.2007, p. 15.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat tal-KE

Klassi 1.8

Prodotti oħrajn ta' l-Anness I għat-Trattat (ħwawar; eċċ.)

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

Český kmín (DPO).


21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 434/2008

ta' l-20 ta’ Mejju 2008

li jintroduċi denominazzjoni fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Cordero de Navarra jew Nafarroako Arkumea (IĠP)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmi Regolament, l-applikazzjoni mressqa minn Spanja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Cordero de Navarra” jew “Nafarroako Arkumea” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

F'konformità ma' l-Artikolu 7(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, Franza ddikjarat li hija kontra din ir-reġistrazzjoni. B'mod partikolari, fid-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni tagħha, Franza indikat li rreġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Cordero de Navarra” jew “Nafarroako Arkumea” tkun ta' preġudizzju għall-eżistenza ta' prodotti li jinsabu fis-suq legalment u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala indikazjoni ġeografika protetta, bħala “Agneau de lait des Pyrénées” ilha tiġi pproċessata mill-awtoritajiet nazzjonali mis-sena 2000. Iż-żona ġeografika delimitata ta' din it-talba għar-reġistrazzjoni tinkludi r-reġjun tan-Navarra t'Isfel ta' dari, magħruf ukoll bl-isem tan-“Navarra Franċiża”.

(3)

B'ittra tat-22 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati biex jibdew il-konsultazzjoni rilevanti bejniethom.

(4)

Ġaladarba ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn Spanja u Franza fi żmien sitt xhur, il-Kummissjoni jeħtiġilha tadotta deċiżjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Fid-dawl tat-tagħrif mogħti minn Franza, il-Kummissjoni mhijiex fil-qagħda li tikkonkludi li r-reġistrazzjoni ta' l-isem “Cordero de Navarra” jew “Nafarroako Arkumea” tista' tkun ta' ħsara għad-drittijiet tal-produtturi ta' l-“Agneau de lait des Pyrénées”. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni ma tippermettix li jkun konkluż li l-produzzjoni tal-ħaruf fiż-żona ta' dari tan-Navarra t'Isfel tinbiegħ bl-użu tat-terminu “Navarra”.

(5)

Fid-dawl ta' dawn il-fatti, id-denominazzjoni “Cordero de Navarra” jew “Nafarroako Arkumea” għandha tkun irreġistrata skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini protetti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 158, 7.7.2006, p. 5.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat

Klassifikazzjoni 1.1

Laħam (u ġewwieni) frisk

SPANJA

Cordero de Navarra jew Nafarroako Arkumea (IĠP)


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kunsill

21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Mejju 2008

dwar il-ħatra ta’ membru ġdid tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(2008/380/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 128 tiegħu,

Billi:

Permezz ta’ l-ittra tas-7 ta’ Mejju 2008, ippreċiżata mill-ittra tat-8 ta’ Mejju 2008, is-Sur Franco FRATTINI rriżenja mill-kariga tiegħu bħala membru tal-Kummissjoni. Għandu jinstab sostitut għall-bqija tal-mandat tiegħu,

IDDEĊIEDA:

Artikolu 1

Is-Sur Antonio TAJANI huwa maħtur membru tal-Kummissjoni għall-perijodu mid-9 ta’ Mejju 2008 sal-31 ta’ Ottubru 2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Mejju 2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Mejju 2008

li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

(2008/381/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fl-2003 l-Kummissjoni waqqfet azzjoni preparatorja ta’ tlett snin għall-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (“EMN”), bil-għan li jipprovdi lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha data dwar il-migrazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli u aġġornata.

(2)

Fil-laqgħa tiegħu f’Tessaloniki f’Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew, b’kunsiderazzjoni ta’ l-importanza tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-fenomenu tal-migrazzjoni multidimensjonali, laqa’ fil-Konklużjonijiet tiegħu l-istabbiliment ta’ l-EMN u ddikjara li kien ser jeżamina l-possibbiltà li titwaqqaf struttura permanenti fil-futur.

(3)

Fl-4 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew endorsja programm pluriennali għat-tisħiħ taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, magħruf bħala l-Programm ta’ l-Aja, li jappella għall-iżvilupp tat-tieni fażi ta’ politika komuni fil-qasam ta’ l-asil, il-migrazzjoni, il-viżi u l-fruntieri, mill-1 ta’ Mejju 2004, ibbażat, inter alia, fuq kooperazzjoni prattika iktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u skambju ta’ informazzjoni mtejjeb. Il-Programm ta’ l-Aja jirrikonoxxi li “L-iżvilupp li għaddej tal-politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq analiżi komuni tal-fenomeni migratorji fl-aspetti kollha tagħhom. It-tisħiħ tal-ġbir, il-provvediment, l-iskambju u l-użu effiċjenti ta’ informazzjoni u data aġġornata dwar l-iżviluppi migratorji rilevanti kollha hija ta’ importanza ċentrali.”

(4)

Sabiex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati rilevanti dwar il-futur ta’ l-EMN, il-Kummissjoni adottat fit-28 ta’ Novembru 2005“Green Paper dwar il-futur tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni” li, b’żieda mal-valutazzjoni tal-funzjonament ta’ l-EMN matul l-ewwel snin tal-perijodu preparatorju, ittrattat ukoll kwistjonijiet bħall-mandat u l-istruttura futura ta’ l-EMN.

(5)

Il-konsultazzjoni pubblika wriet li ħafna mill-partijiet interessati huma favur il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN u li jinżamm l-objettiv inizjali ta’ l-EMN, li huwa, il-forniment ta’ informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u asil. Deher ukoll li l-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati xtaqu li l-EMN jinżamm marbut mal-Kummissjoni.

(6)

L-EMN għandu jevita li jiddupplika x-xogħol ta’ strumenti jew strutturi eżistenti tal-Komunità li għandhom l-għan li jiġbru u jiskambjaw informazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil u għandu jipprovdi valur miżjud meta mqabbel magħhom, b’mod partikolari permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-kompiti tiegħu, attenzjoni qawwija fuq l-analiżi, rabtiet mal-komunità akkademika u d-disponibbiltà pubblika ta’ l-eżiti tiegħu.

(7)

Fost strumenti u strutturi attwali oħrajn, ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (2) jikkostitwixxi qafas importanti ta’ referenza għall-funzjonament tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-ħidma siewja mwettqa miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Diskussjoni u Skambju dwar il-Qsim ta’ Fruntieri u l-Immigrazzjoni (CIREFI) u lid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2005/267/KE tas-16 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi Netwerk sigur ibbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Koordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni ta’ l-Istati Membri (3).

(8)

Biex jilħaq l-objettivi tiegħu, l-EMN għandu jkun appoġġat minn “Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali” f’kull Stat Membru. L-attivitajiet tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom ikunu kkoordinati f’livell Komunitarju mill-Kummissjoni, assistita minn fornitur tas-servizz b’kompetenza esperta suffiċjenti biex jorganizza x-xogħol ta’ rutina ta’ l-EMN, inkluża s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tiegħu.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkollhom il-kompetenza esperta meħtieġa biex jittrattaw l-aspetti multipli tal-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u asil, għandhom ikunu ffurmati minn ta’ l-inqas tliet esperti li, individwalment jew flimkien, għandhom kompetenzi fit-tfassil ta’ politika, il-liġi, ir-riċerka u l-istatistika. Dawn l-esperti jistgħu jkunu mill-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri jew minn kwalunkwe organizzazzjoni oħra. Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkollu wkoll b’mod kollettiv kompetenza esperta adegwata fit-Teknoloġija ta’ l-Informatika, fit-twaqqif ta’ skemi ta’ kollaborazzjoni u ta’ netwerking ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet nazzjonali oħrajn, u li jikkollabora f’ambjent multilingwistiku f’livell Ewropew.

(10)

Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jwaqqaf netwerk ta’ migrazzjoni nazzjonali, magħmul minn organizzazzjonijiet u individwi attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil, u li jinkludi, per eżempju, universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u riċerkaturi, organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex jinstemgħu l-partijiet interessati kollha.

(11)

“Bord ta’ Tmexxija” għandu jipprovdi gwida politika lill-EMN, inkluż il-kontribut għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN.

(12)

Sabiex tkun żgurata d-disseminazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta’ l-informazzjoni prodotta mill-EMN fil-forma ta’ studji u rapporti, tali informazzjoni għandha tkun disponibbli permezz tal-mezzi teknoloġiċi l-iktar avvanzati, inkluż websajt apposta.

(13)

Fejn meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, l-EMN għandu jkun jista’ jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet oħrajn attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil. Meta jkunu stabbiliti tali relazzjonijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat grad tajjeb ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet fid-Danimarka, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera, fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, fil-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u fir-Russja.

(14)

L-EMN għandu jkun ikkofinanzjat permezz ta’ għotjiet mill-Kummissjoni, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002; ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(15)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6) għandha titqies fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni ta’ l-EMN.

(16)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit nnotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-addozzjoni u applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

(17)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, l-Irlanda mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(18)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Qiegħed b’dan jiġi stabbilit netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (“EMN”).

2.   L-objettiv ta’ l-EMN għandu jkun li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-migrazzjoni u l-asil, billi jipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, bil-għan li jappoġġa t-tfassil ta’ politika fl-Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

3.   L-EMN għandu jservi wkoll biex jipprovdi informazzjoni dwar dawn is-suġġetti lill-pubbliku in ġenerali.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1, l-EMN għandu:

(a)

jiġbor u jiskambja data u informazzjoni aġġornata u affidabbli minn firxa wiesgħa ta’ sorsi;

(b)

janalizza d-data u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u jipprovdiha f’format faċilment aċċessibbli;

(ċ)

f’kollaborazzjoni ma’ korpi rilevanti oħrajn ta’ l-UE, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ indikaturi u kriterji li ser itejbu l-konsistenza ta’ l-informazzjoni u jgħinu fl-iżvilupp ta’ attivitajiet Komunitarji relatati ma’ l-istatistika migratorja;

(d)

jipproduċi u jippubblika rapporti perjodiċi dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fil-Komunità u l-Istati Membri;

(e)

joħloq u jmexxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet li tipprovdi aċċess għad-dokumenti u pubblikazzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil;

(f)

iżid l-għarfien dwar l-EMN, billi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li jiġbor u jiddissemina l-ħidma ta’ l-EMN, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx ta’ natura kunfidenzjali;

(g)

jikoordina l-informazzjoni u jikkoopera ma’ korpi Ewropej u internazzjonali oħra rilevanti.

2.   L-EMN għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu huma konsistenti u kkoordinati ma’ l-istrumenti u l-istrutturi Komunitarji rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

L-EMN għandu jkun magħmul minn:

“Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali” magħżula mill-Istati Membri;

Il-Kummissjoni.

Artikolu 4

Bord ta’ Tmexxija

1.   L-EMN għandu jkun immexxi minn Bord ta’ Tmexxija magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentat wieħed tal-Kummissjoni assistit minn żewġ esperti xjentifiċi.

2.   Ir-rappreżentat tal-Kummissjoni għandu jagħmilha ta’ President tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu vot wieħed, inkluż il-President. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħin.

4.   Rappreżentant tal-Parlament Ewropew jista’ jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu b’mod partikolari:

(a)

jikkontribwixxi għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN, inkluż ammont indikattiv tal-baġit minimu u massimu għal kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali, li jiżgura li l-ispejjeż bażiċi li joħorġu mill-funzjonament xieraq tan-Netwerk, f’konformità ma’ l-Artikolu 5, huma koperti, abbażi ta’ abbozz mill-Presidenza;

(b)

jirrevedi l-progress li jkun sar mill-EMN, filwaqt li jirrakkomanda azzjonijiet meħtieġa fejn jingħata l-każ;

(ċ)

jipprovdi rapport ta’ status konċiż lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-attivitajiet għaddejjin ta’ l-EMN u r-riżultati ewlenin ta’ l-istudji tiegħu, ta’ l-inqas darba fis-sena;

(d)

jidentifika r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni strateġika l-aktar xierqa ma’ entitajiet oħrajn kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u japprova, fejn meħtieġ, l-arranġamenti amministrativi għal tali kooperazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(e)

jagħti pariri lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar kif jistgħu jtejbu l-operazzjonijiet tagħhom, u jgħinhom biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa, meta jiġu identifikati nuqqasijiet persistenti fil-ħidma ta’ Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-ħidma ta’ l-EMN.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess u jiltaqa’, meta msejjaħ mill-President tiegħu, mill-inqas darbtejn fis-sena.

Artikolu 5

Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jagħżel entità waħda li taġixxi bħala Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħu. Sabiex titħaffef il-ħidma ta’ l-EMN u tkun żgurata l-kisba ta’ l-objettivi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, fejn meħtieġ, tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn ir-rappreżentant tal-Bord ta’ Tmexxija u l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tagħhom.

2.   Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jikkonsisti minn ta’ l-inqas tliet esperti. Wieħed minn dawn l-esperti, li għandu jagħmilha ta’ koordinatur nazzjonali, għandu jkun uffiċjal jew impjegat ta’ l-entità hekk magħżula. L-esperti l-oħra jistgħu jiġu minn din l-entità stess jew minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali u internazzjonali oħra ibbażati fl-Istat Membru.

3.   L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom kollettivament ikollhom kompetenza esperta fil-qasam ta’ l-asil u l-migrazzjoni, li tkopri l-aspetti ta’ tfassil ta’ politika, liġi, riċerka u statistika.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dwar liema esperti jiffurmaw parti mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali, filwaqt li jispeċifikaw kif dawn ta’ l-aħħar iwieġbu għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom iwettqu l-kompiti ta’ l-EMN f’livell nazzjonali u b’mod partikolari:

(a)

jipprovdu rapporti nazzjonali, inklużi r-rapporti msemmijin fl-Artikolu 9;

(b)

jikkontribwixxu permezz ta’ informazzjoni nazzjonali għas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ)

jiżviluppaw il-kapaċità li joħorġu rikjesti ad hoc u li jwieġbu malajr tali rikjesti minn Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali oħrajn;

(d)

jistabbilixxu netwerk ta’ migrazzjoni nazzjonali, magħmul minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u individwi attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Membri tan-netwerk nazzjonali ta’ migrazzjoni jistgħu jiġu mitluba jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ l-EMN, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 8 u 9.

6.   L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu x-xogħol tiegħu, inkluż, kif xieraq, mal-membri rispettivi tan-netwerks nazzjonali għall-migrazzjoni tiegħu msemmi fil-paragrafu 5(d), u biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet attwali u futuri.

Artikolu 6

Koordinazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma ta’ l-EMN, f’konformità wkoll ma’ l-Artikolu 2 (2), u għandha tiżgura li din tirrifletti b’mod xieraq il-prijoritajiet politiċi tal-Komunità fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.   Għall-organizzazzjoni tal-ħidma ta’ l-EMN, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn fornitur tas-servizz selezzjonat abbażi ta’ proċedura ta’ akkwist. Il-fornitur tas-servizz għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3), u kull rekwiżit rilevanti ieħor definit mill-Kummissjoni.

3.   Taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, il-fornitur tas-servizz għandu, inter alia:

(a)

jorganizza l-ħidma ta’ kuljum ta’ l-EMN;

(b)

jistabbilixxi u jmexxi s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ)

jikkordina l-kontributi mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali;

(d)

jħejji l-laqgħat imsemmijin fl-Artikolu 7;

(e)

jħejji l-kumpilazzjonijiet u s-sinteżi tar-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9.

4.   Wara konsultazzjoni mal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta’ l-objettiv ġenerali u l-kompiti definiti fl-Artikoli 1 u 2, tadotta l-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN. Il-programm għandu jispeċifika l-objettivi u l-prijoritajiet tematiċi. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-programm annwali ta’ attivitajiet u tirrapporta regolarment dwar l-eżekuzzjoni tiegħu u l-iżvilupp ta’ l-EMN lill-Bord ta’ Tmexxija.

5.   B’segwitu tal-parir mogħti mill-Bord ta’ Tmexxija msemmi fl-Artikolu 4 (5) (e), il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa abbażi tal-ftehim ta’ għotjiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN, tiddetermina l-ammonti indikattivi disponibbli għal għotjiet u kuntratti fil-qafas ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament skond l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħti għotjiet ta’ ħidma lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikolu 5 (2) u (3) abbażi ta’ l-applikazzjonijiet individwali ta’ għotjiet ppreżentati mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. Il-kofinanzjament Komunitarju massimu huwa stabbilit għal 80 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli.

8.   L-għotjiet, f’konformità ma’ l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 (KE, Euratom) ma għandhomx ikunu soġġetti għall-prinċipju ta’ tnaqqis gradwali meta jiġġeddu.

Artikolu 7

Laqgħat

1.   Normalment, l-EMN għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

2.   Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkunu rrappreżentat fil-laqgħat ta’ l-EMN mill-inqas minn espert wieħed tagħhom. Mhux iktar minn tliet esperti minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jattendu l-laqgħat.

3.   Il-laqgħat ta’ l-EMN għandhom jissejħu u jiġu ppresjeduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

4.   L-għan tal-laqgħat perjodiċi ta’ l-EMN għandu jkun:

(a)

li jippermettu lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jiskambjaw tagħrif u esperjenza, b’mod partikolari rigward it-tħaddim ta’ l-EMN;

(b)

li jirrevedu l-progress fil-ħidma ta’ l-EMN, u b’mod partikolari fit-tħejjija tar-rapporti u studji msemmija fl-Artikolu 9;

(ċ)

jiskambjaw informazzjoni u fehmiet, b’mod partikolari dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni, il-kontenut ta’ u l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli msemmija fl-Artikolu 8;

(d)

li jipprovdu bażi soda għad-diskussjoni ta’ problemi prattiċi u legali li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoi u l-asil, b’mod partikolari d-diskussjoni tar-rikjesti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(e)

li jikkonsultaw il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali rigward l-iżvilupp tal-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN imsemmi fl-Artikolu 6(4).

5.   Esperti u entitajiet li mhumiex membri ta’ l-EMN jistgħu jkunu mistiedna għal-laqgħat tiegħu jekk il-preżenza tagħhom tkun ikkunsidrata li hija mixtieqa. Jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat konġunti ma’ netwerks jew organizzazzjonijiet oħrajn.

6.   L-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 5, jekk ma jkunux ippjanati fil-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN, għandhom ikunu kkomunikati lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fi żmien debitu.

Artikolu 8

Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet, li tkun aċċessibbli permezz ta’ websajt apposta.

2.   Il-kontenut ta’ din is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandu jkun normalment pubbliku.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (7), l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali għandu jkun ristrett għall-membri ta’ l-EMN biss.

3.   Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandha tikkonsisti ta’ l-inqas mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-aċċess għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali, il-ġurisprudenza u l-iżviluppi ta’ politika fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil;

(b)

funzjonalità għal rikjesti ad hoc, kif imsemmi fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(ċ)

Glossarju u teżawru tal-migrazzjoni u l-asil;

(d)

aċċess dirett għall-pubblikazzjonijiet kollha ta’ l-EMN, inklużi r-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9, kif ukoll ċirkolari regolari;

(e)

direttorju ta’ riċerkaturi u istituzzjonijiet ta’ riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

4.   Għal raġunijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni imsemmi fil-paragrafu 3, l-EMN jista’, fejn meħtieġ, iżid il-kollegamenti għal siti oħra fejn tkun tinsab l-informazzjoni oriġinali.

5.   Il-websajt apposta għandu jiffaċilita l-aċċess għal inizjattivi kumparabbli ta’ informazzjoni pubblika fi kwistjonijiet relatati u għal siti li fihom informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Rapporti u studji

1.   Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu ta’ kull sena joħroġ rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istat Membru, li għandu jinkludi żviluppi dwar linji politiċi u data dwar statistika.

2.   Il-programm annwali ta’ attivitajiet għandu jinkludi t-tħejjija minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ studji oħrajn, skond speċifikazzjonijiet komuni, li jkopru kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-migrazzjoni u l-asil meħtieġa għall-appoġġ tat-tfassil ta’ politika.

Artikolu 10

Kooperazzjoni ma’ entitajiet oħrajn

1.   L-EMN għandu jikkoopera ma’ l-entitajiet fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi, inklużi aġenziji ta’ l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.   L-arranġamenti amministrattivi għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li jistgħu ikunu jinkludu fejn meħtieġ il-konklużjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehim f’isem il-Komunità, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 11

Riżorsi Baġitarji

Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-baġit

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 13

Reviżjoni

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport, ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u indipendenti, dwar l-iżvilupp ta’ l-EMN. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti għal emendi.

Artikolu 14

Pubblikazzjoni u Data ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  Opinjoni ta’ l-10 ta’ April 2008, għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

(3)  ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolment (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta' Mejju 2008

li taħtar żewġ membri Taljani u membru supplenti Taljan tal-Kumitat tar-Reġjuni

(2008/382/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Taljan,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Żewġ postijiet ta’ membru tal-Kumitat tar-Reġjuni tbattlu b’riżultat tar-riżenji tas-Sur Bruno MARZIANO u tas-Sur Paolo FONTANELLI. Post ta’ membru supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni tbattal b’riżultat tar-riżenja tas-Sur CARRAZZA,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Graziano MILIA, President tal-Provinċja ta’ Cagliari (bidla fil-mandat)

Is-Sur Leonardo DOMENICI, Sindku tal-Komun ta’ Firenze,

u

(b)

bħala membru supplenti:

Is-Sur Giuseppe VARACALLI, Kunsillier Komunali għall-Komun ta’ Gerace.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


Corrigendum

21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/14


Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti miżuri protettivi li għandhom x'jaqsmu mad-deni klassiku tal-ħnieżer fis-Slovakkja

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 130, ta' l-20 ta' Mejju 2008 )

F'paġna 20, fl-Artikolu 5, punt (a), it-tieni inċiż, punt (b), it-tieni inċiż u punt (ċ), it-tieni inċiż, in-numru tad-Deċiżjoni:

minflok:

“C(2008) 1765”,

aqra:

“2008/377/KE”.