ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
14 ta' Frar 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 125/2008 tat-12 ta’ Frar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 126/2008 tat-13 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 127/2088 tat-13 ta’ Frar 2008 li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta’ l-oriġini u ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Oscypek (DPO)

5

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kummissjoni

 

 

2008/111/KE, Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2007 li tistabbilixxi l-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

7

 

 

III   Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

 

*

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/112/PESK tat-12 ta’ Frar 2008 dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw (EU SSR GINEA BISSAW)

11

 

*

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK tat-12 ta’ Frar 2008 li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b’mod f’waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom

16

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 125/2008

tat-12 ta’ Frar 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 (1) jipprovdi mezzi proċedurali lil kull impriża Komunitarja sabiex titlob li l-Kummissjoni tinvestiga ostakoli għall-kummerċ adottati jew miżmuma minn pajjiż terz, meta dawn l-ostakoli jkollhom effett fuq is-suq ta’ dan il-pajjiż terz u effetti kummerċjali kontrarji fuq l-impriża Komunitarja.

(2)

Madankollu, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 3286/94, ilment minn impriża Komunitarja huwa ammissibbli biss jekk l-allegat ostakolu għall-kummerċ ikun is-suġġett ta’ dritt ta’ azzjoni stabbilit skond ir-regoli kummerċjali internazzjonali stipulati fi ftehim kummerċjali multilaterali jew plurilaterali. Dan ifisser li lmenti li jallegaw ksur ta’ obbligi bilaterali minn pajjiż terz iridu jirriferu wkoll għall-ksur ta’ regoli multilaterali jew plurilaterali sabiex ikunu ammissibbli.

(3)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3286/94, il-Komunità kkonkludiet numru ta’ ftehim bilaterali li fihom regoli sostantivi dwar il-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi li jmorru lil hinn sew mir-regoli ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Barra minn hekk dawn il-ftehim jinkludu mekkaniżmi effiċjenti u obbligatorji għar-riżoluzzjoni ta’ disputi sabiex jiġu aġġudikati disputi dwar dawk l-obbligi “WTO plus”.

(4)

Id-dipendenza ta’ l-impriżi Komunitarji fuq il-ftehim bilaterali sabiex iressqu lmenti taħt ir-Regolament (KE) Nru 3286/94 jikkontribwixxi għas-sorveljanza tar-rispett ta’ l-obbligi li jinsabu f’dawn il-ftehim u għat-trattament ta’ l-ostakoli fil-kummerċ, sabiex b’hekk jitjiebu l-aċċess għas-suq għall-esportaturi u t-tkabbir u l-impjiegi fil-Komunità.

(5)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, u sabiex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-impriżi Komunitarji, id-dritt ta’ dawn l-impriżi li jressqu lmenti dwar ostakoli għall-kummerċ għandu jiġi estiż sabiex jinkludi l-allegati ostakoli għall-kummerċ, li jkunu biss is-suġġett ta’ dritt ta’ azzjoni stabbilit skond regoli kummerċjali internazzjonali stipulati fi ftehim bilaterali kummerċjali

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 3286/94 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 3286/94 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull intrapriża tal-Komunità, jew kull assoċjazzjoni li għandha jew li ma għandhiex personalità legali, li taġixxi f’isem intrapriża waħda jew aktar tal-Komunità, li tikkonsidra li intrapriżi tal-Komunità bħal dawn ġarrbu effetti kummerċjali kontra bħala riżultat ta’ ostakoli għall-kummerċ li għandhom effett fuq is-suq ta’ pajjiż terz, tista’ tagħmel ilment bil-miktub.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 356/95 (ĠU L 41, 23.2.1995, p. 3).


14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 126/2008

tat-13 ta’ Frar 2008

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness tiegħu.

(2)

Fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għandhom ikunu ffissati fil-livelli msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stabbiliti kif inhu indikat fit-tabella ta' l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

tar-Regolament ta' l-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

IL

137,4

JO

74,3

MA

49,4

MK

36,8

TN

129,8

TR

104,6

ZZ

88,7

0707 00 05

EG

267,4

JO

202,1

MA

175,9

TR

149,2

ZZ

198,7

0709 90 70

MA

49,0

TR

149,6

ZA

71,0

ZZ

89,9

0709 90 80

EG

349,4

ZZ

349,4

0805 10 20

EG

44,2

IL

50,3

MA

58,9

TN

47,9

TR

69,7

ZZ

54,2

0805 20 10

IL

120,6

MA

108,5

TR

72,2

ZZ

100,4

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

41,9

EG

88,5

IL

60,1

JM

40,8

MA

122,9

PK

79,8

TR

70,1

ZZ

72,0

0805 50 10

EG

84,6

IL

106,4

MA

77,5

TR

109,4

ZZ

94,5

0808 10 80

AR

83,0

CA

87,7

CN

84,9

MK

39,4

US

114,9

ZZ

82,0

0808 20 50

CN

44,1

US

120,5

ZA

103,7

ZZ

89,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 127/2088

tat-13 ta’ Frar 2008

li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta’ l-oriġini u ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “Oscypek” (DPO)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2), u b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba tal-Polonja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Oscypek” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Is-Slovakkja esprimiet oġġezzjoni għal din ir-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, b'referenza għar-raġunijiet ta’ oġġezzjoni msemmija fil-punti a), b) u c) ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament imsemmi. Fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tagħha, is-Slovakkja indikat speċifikament li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Oscypek” tkun ta’ ħsara għad-denominazzjoni “Slovenský oštiepok”, li r-reġistrazzjoni tagħha bħala indikazzjoni ġeografika protetta ntalbet mis-Slovakkja mingħand il-Kummissjoni (3).

(3)

B'ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jibdew proċedura ta’ konsultazzjoni bejniethom.

(4)

Intlaħaq ftehim bejn il-Polonja u s-Slovakkja, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni b'ittra tat-28 ta’ Ġunju 2007.

(5)

Skond dan il-ftehim, il-Polonja u s-Slovakkja jirrikonoxxu speċifikament li d-denominazzjonijiet “Oscypek” u “Slovenský oštiepok”, minkejja oriġini storika u tradizzjoni komuni, illum jirreferu għal ġobnijiet prodotti b'metodi differenti. Skond il-Polonja u s-Slovakkja, id-differenzi sostanzjali bejn iż-żewġ ġobnijiet f'dak li jirrigwarda l-materja prima użata, il-metodu ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi rispettivi tagħhom, ma għandhomx iqajmu konfużjoni fost il-konsumaturi. Il-Polonja u s-Slovakkja jaqblu li d-denominazzjonijiet “Oscypek” u “Slovenský oštiepok” huma leġittimi t-tnejn, bil-Polonja tisħaq li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Oscypek” bħala denominazzjoni protetta ta’ l-oriġini ma tkunx ta’ ħsara għad-dritt tal-produtturi Slovakki li jużaw id-denominazzjoni “Oštiepok”, waħedha jew flimkien ma’ termini oħra.

(6)

Il-ftehim milħuq bejn il-partijiet involuti ma jeħtieġx emenda tat-tagħrif ippubblikat skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Għaldaqstant, id-denominazzjoni “Oscypek” għandha tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 180, 2.8.2006, p. 94.

(3)  L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet irċevuta fit-30 ta’ Marzu 2006, u s-sinteżi tagħha ġiet ippubblikata fil-ĠU C 308, 19.12.2007, p. 28.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Klassi 1.3.-

Ġobon

IL-POLONJA

Oscypek (DPO)


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kummissjoni

14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Diċembru 2007

li tistabbilixxi l-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

(2008/111/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika,

Billi:

(1)

Sabiex jeżamina kwistjonijiet ġenerali tal-politika ta’ riċerka, twaqqaf il-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/531/KE, Euratom (1)

(2)

Minħabba l-isfidi l-ġodda f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka, il-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda” (2), ħasbet għal bidla fil-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka sabiex jitjieb ir-rwol tagħha fil-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka u sabiex l-operat ta’ dak il-grupp isir iktar flessibbli u effiċjenti.

(3)

Għalhekk hu neċessarju li jitwaqqaf grupp ġdid ta’ esperti fil-qasam tal-politiki Ewropej tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp teknoloġiku u li jkunu definiti dmirijietu u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-grupp għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li jqis l-għanijiet imniżżla fil-Green Paper tal-Kummissjoni msejħa “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”.

(5)

Il-grupp għandu jagħti appoġġ lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tilħaq l-għanijiet imniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2007-2011) (3) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (4).

(6)

Il-grupp irid ikun magħmul minn esperti mill-komunità xjentifika, mill-industrija, mis-settur tas-servizzi u minn parteċipanti soċjali.

(7)

Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta’ tagħrif minn membri tal-grupp il-ġdid, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5).

(8)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data  (6).

(9)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabilità ta’ estensjoni.

(10)

Id-Deċiżjoni 2001/531/KE, Euratom għandha għalhekk tinbidel b’din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Bord”, qiegħed hawn jitwaqqaf b’effett mill-1 ta’ Marzu 2008.

Artikolu 2

Id-dmirijiet

1.   Id-dmirijiet tal-Bord għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka;

(b)

li, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, jagħti opinjonijiet dwar il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka;

(ċ)

li jipprovdi rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-istat attwali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

2.   Il-Bord għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar żviluppi u azzjonijiet relevanti.

3.   Meta mitluba formalment mill-Bord, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu lill-Bord kummenti bil-miktub dwar l-opinjonijiet jew il-pariri tiegħu. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu wkoll tagħrif regolari dwar l-azzjonijiet ta’ segwiment possibbli li jittieħdu.

4.   L-opinjoni tal-Bord għandha tingħata fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-Bord dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam mal-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

2.   Il-President tal-Bord jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li huwa mixtieq li l-grupp jiġi kkonsultat dwar kwistjoni speċifika.

Artikolu 4

Kompożizzjoni - Ħatra

1.   Il-Bord għandu jinkludi 22 membru li jirrappreżentaw lill-komunità xjentifika, lill-industrija, u lis-soċjetà ċivili.

2.   Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Is-sett ta’ kriterji li jrid jiġi applikat matul il-proċess ta’ l-għażla u tan-nomina huwa dan li ġej:

esperjenza fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ riċerka,

eċċellenza fir-riċerka u/jew fit-tmexxija ta’ riċerka,

esperjenza konsultattiva fuq livell Ewropew jew internazzjonali,

bilanċ fost id-dixxiplini tax-Xjenza u t-Teknoloġija, inkluż persuni b’esperjenza speċifika universitarja ta’ l-industrija,

bilanċ ġeografiku, billi jitqiesu l-pajjiżi assoċjati mal-programmi ta’ qafas,

bilanċ ta’ sess xieraq.

3.   L-applikanti li jitqiesu xierqa għas-sħubija iżda li ma jinħatrux jistgħu jitniżżlu fuq lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet.

4.   Il-membri jinħatru mill-Kummissjoni fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

5.   Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b’kull kunflitt ta’ interessi li jista’ jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

6.   Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ ħatra ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu skond il-paragrafu 7 jew sakemm jispiċċa l-perjodu ta’ ħatra tagħhom.

7.   Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:

(a)

meta l-membru jirriżenja;

(b)

meta l-membru ma jkollux aktar il-ħila li jikkontribwixxi b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(ċ)

meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat;

(d)

meta, għall-kuntrarju ta’ paragrafu 4, il-membru ma jkunx indipendenti minn kull influwenza esterna;

(e)

meta, għall-kuntrarju ta’ paragrafu 5, il-membru jkun naqas milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interessi.

8.   L-ismijiet tal-membri għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka.

L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat

1.   Il-Bord għandu jaħtar President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

Il-President u ż-żewġ Viċi-Presidenti se jiffurmaw il-Bureau tal-Bord. Il-Bureau għandu jorganizza x-xogħol tal-Bord.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-Bord jista’ jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. It-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord jew fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma ta’ sottogrupp meta, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ikun neċessarju jew utli.

4.   It-tagħrif miksub mis-sehem fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma tal-Bord jew ta’ sottogrupp għandu jinżamm mistur, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dak it-tagħrif jittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-Bord u s-sottogruppi tiegħu ġeneralment jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord u tas-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura fuq il-bażi ta’ abbozz imressaq mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika jew turi fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe taqsira, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-Bord.

Artikolu 6

Rimborż ta’ l-ispejjeż

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta’ l-għajxien tal-membri, l-esperti u l-osservaturi li jsiru fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-Bord għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni skond ir-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ l-ispejjeż għal esperti esterni.

Il-membri tal-Bord, tas-sottogruppi, l-esperti u l-osservaturi m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż għal-laqgħat għandhom jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2001/531/KE, Euratom hija mħassra.

Artikolu 8

Skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-29 ta’ Frar 2012.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Diċembru 2007

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 192, 14.7.2001, p. 21.

(2)  COM(2007) 161 finali, 4.4.2007.

(3)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60. Verżjoni korretta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 21.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86. Verżjoni korretta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 30.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


III Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/11


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/112/PESK

tat-12 ta’ Frar 2008

dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw (EU SSR GINEA BISSAW)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 25,

Billi:

(1)

Il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afrika u fl-Ewropa hija prijorità strateġika ewlenija ta’ l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE adottata mis-Summit UE-Afrika fid-9 ta’ Diċembru 2007.

(2)

Ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) fil-Ginea Bissaw hija essenzjali għall-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż.

(3)

F'Novembru 2006, il-Gvern tal-Ginea Bissaw ippreżenta Strateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà li tissottolinja l-impenn tiegħu biex jimplimenta l-SSR.

(4)

F'dan il-kuntest, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea wettqu missjoni inizjali konġunta ta’ ġbir ta’ informazzjoni f'Mejju 2007 fil-Ginea Bissaw, f'kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet Bissawani, biex jiġi żviluppat approċċ ġenerali ta’ l-UE b'appoġġ għall-proċess ta’ riforma nazzjonali tas-settur tas-sigurtà.

(5)

Biex tiġi implimentata b'mod effettiv l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà, Pjan ta’ Azzjoni għar-Ristrutturar u l-Immodernizzar tas-Setturi tas-Sigurtà u d-Difiża ġie ppreżentat mill-Gvern tal-Ginea Bissaw f'Settembru 2007, u ġie stabbilit il-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

(6)

Biex jikkumbatti t-theddida li qed tiżdied ikkawżata minn netwerks kriminali organizzati li joperaw fil-pajjiż, il-Gvern tal-Ginea Bissaw, bl-għajnuna ta’ l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC), ħabbar ukoll f'Settembru 2007 Pjan ta’ Emerġenza biex Jikkumbatti t-Traffikar tad-Drogi.

(7)

Rapport tat-28 ta’ Settembru 2007 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, waqt li faħħar lill-Gvern tal-Ginea Bissaw għall-miżuri pożittivi meħudin sa issa biex jimplimenta l-programm ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà, issottolinja wkoll li l-pajjiż m'hux kapaċi jikkumbatti t-traffikar tad-drogi waħdu u appella għal appoġġ tekniku u finanzjarju minn sħab reġjonali u internazzjonali.

(8)

Fid-19 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill ikkunsidra li azzjoni tal-PESD fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw tkun xierqa, f'koerenza ma’ u komplimentari għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u attività oħra Komunitarja.

(9)

Wara t-tieni missjoni ta’ l-UE għall-istabbiliment tal-fatti mibgħuta f'Ottubru 2007, fl-10 ta’ Diċembru 2007 l-Kunsill approva l-Kunċett Ġenerali għal azzjoni potenzjali tal-PESD b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw.

(10)

F'ittra ddatata l-10 ta’ Jannar 2008, il-Gvern tal-Ginea Bissaw stieden lill-UE biex tibgħat Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Ginea Bissaw.

(11)

Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Operazzjonijiet rigward missjoni mwettqa fil-qafas tal-Politika Ewropea dwar is-Sigurtà u d-Difiża b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-Ginea Bissaw, li tkun magħrufa bħala “EU SSR GUINEA BISSAU”.

(12)

Fil-konklużjonijiet tal-21 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill ikkonkluda li r-RSS fil-pajjiżi sħab hija wieħed mill-oqsma ċentrali għall-azzjoni ta’ l-UE kif hemm identifikat fl-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà.

(13)

Kwalunkwe parteċipazzjoni fil-missjoni minn Stati Terzi għandha tkun konformi mal-linji gwida ġenerali ddefiniti mill-Kunsill Ewropew.

(14)

L-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll tal-Missjoni hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(15)

Għal din il-Missjoni għandha tiġi attivata l-Kapaċità ta’ Għassa stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill.

(16)

Il-missjoni tal-PESD ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tmur għall-agħar u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) b'dan tistabbilixxi Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw, (“EU SSR GUINEA BISSAU” jew il-“Missjoni”), li tinkludi fażi ta’ tħejjija li tibda fis-26 ta’ Frar 2008 u b'fażi ta’ implimentazzjoni li tibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2008. It-tul ta’ żmien tal-Missjoni ser ikun ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mid-dikjarazzjoni tal-kapaċità operattiva inizjali.

2.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha topera skond il-mandat tal-missjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat tal-Missjoni

1.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha tipprovdi pariri u għajnuna dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw lill-awtoritajiet lokali, sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ atturi oħrajn ta’ l-UE, internazzjonali u bilaterali, u bl-għan li tiffaċilita l-involviment sussegwenti ta’ donaturi.

2.   L-objettivi partikolari tal-missjoni huma:

L-operalizzazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà permezz ta’ l-iżvilupp ta’ pjanijiet għal implimentazzjoni dettaljati għat-tnaqqis/ristrutturar tal-Forzi Armati u l-forzi tas-sigurtà.

Tassisti fl-iżvilupp u l-artikulazzjoni tal-ħtiġiet tal-bini tal-kapaċità, inkluż taħriġ u tagħmir, waqt li tiffaċilità mobilizzazzjoni sussegwenti ta’ u l-involviment ta’ donaturi.

Valutazzjoni tal-potenzjal u r-riskju għal impenn kontinwu tal-PESD għal perijodu medju b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-SSR.

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni

Il-missjoni għandha tkun tinsab fil-belt kapitali tal-Bissaw u għandha tinkludi:

(a)

il-Kap tal-Missjoni u Deputat Kap tal-Missjoni, appoġġati minn Ċellula ta’ Appoġġ tal-Missjoni u Konsulent Politiku/Uffiċjal Pubbliku u ta’ l-Informazzjoni ta’ l-Istampa (POLAD/PPIO);

(b)

konsulenti assenjati biex jaħdmu ma':

l-Armata,

il-Forza Navali,

il-Forza ta’ l-Ajru,

u fil-livell tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati

(c)

konsulenti assenjati biex jaħdmu ma':

il-Pulizija Ġudizzjarja,

l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Interpol,

is-Servizzi tal-Prosekuzzjoni u

il-Pulizija ta’ l-Ordni Pubbliku;

inkluż dwar l-istabbiliment ta’ Gwardja Nazzjonali;

u

(d)

konsulent għas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni Teknika (CTC).

Artikolu 4

Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għall-EU SSR GUINEA BISSAU.

2.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni tajba u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE li j/tissekonda. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza ta’ l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita Kontoll Operattiv (OPCON) fuq il-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet mill-Istati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u jkollu responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ struzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, għat-tmexxija effettiva ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-post ta’ l-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-UE konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EU SSR GUINEA BISSAU Rafah fiż-żona ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni, assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) tal-Missjoni biex jiġi approvat mill-Kunsill.

Artikolu 6

Persunal

1.   L-EU SSR GUINEA BISSAU għandha tikkonsisti l-aktar f'persunal issekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandu jerfa' l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal issekondat minnu, inkluż l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ l-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra per diems applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa mhumiex previsti mill-Istati Membri.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi ta’ sigurtà minimi speċifiċi għall-missjoni u l-Pjan ta’ Sigurtà tal-Missjoni li tappoġġa l-Politika ta’ l-UE ta’ Sigurtà fuq il-Post. Rigward il-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata ta’ l-UE li huma fdati biha waqt li jkunu qed iwettqu d-dmirijiet tagħhom, huma għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 201/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (1) (hawn aktar 'il quddiem “ir-Regolamenti tas-Sigurta' tal-Kunsill”).

Artikolu 7

Linja ta’ kmand

1.   L-EU SSR BISSAU għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu pariri u appoġġ tekniku. Il-Persunal Militari taċ-ċellula Civ-Mil ta’ l-UE għandu jkun involut fl-aspetti kollha fit-termini ta’ referenza tiegħu.

4.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU fil-post ta’ l-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jaħtar Kap tal-Missjoni, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u li jemenda l-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni għandu jkun ta’ EUR 5 650 000.

2.   L-infiq kollu għandu jkun amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta’ stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għall-kuntratti.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw l-esiġenzi operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

5.   In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha tkun eliġibbli mid-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali waħdani tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi biex jikkontribwixxu għall-Missjoni, dment li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni tar-riskji kollha, l-allowances ta’ kuljum u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mir-Repubblika tal-Ginea Bissaw, u li huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni, kif meħtieġ.

2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill jawtorizza lill-PKS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex joħloq Kumitat ta’ Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta’ l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istat terz f'operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżi, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-missjoni.

Artikolu 11

Koordinazzjoni

1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza ta’ l-Azzjoni Konġunta attwali ma’ l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan. Arranġamenti għall-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-Repubblika tal-Ginea Bissaw għandhom ikunu stabbiliti f'Bissaw kif ukoll fi Brussell.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni biex jiżgura l-koerenza ta’ l-azzjoni ta’ l-UE b'appoġġ għar-RSS fil-Ginea Bissaw.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mar-rappreżentanza lokali tal-Presidenza ta’ l-UE u ma’ Kapijiet ta’ Missjonijiet ta’ l-UE oħrajn partikolarment dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-UE fil-Kumitat ta’ Tmexxija għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sigurtà.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera ma’ l-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti fil-pajjiż, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti u l-ECOWAS, u mal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Ginea Bissaw.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-ECOWAS, skond il-bżonnijiet operattivi ta’ l-operazzjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitħejjew għal dan il-għan.

3.   F'każ ta’ bżonn operattiv speċifiku u immedjat, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każi l-oħra kollham dawn l-informazzjoni u dokumenti għandhom jingħataw lill-Istat li jkun qed jospita skond proċeduri xierqa mal-livell ta’ koperazzjoni ta’ l-Istat jkun qed jospita ma’ l-Unjoni Ewropea.

4.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta’ l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-operazzjoni u koperti bl-obbligu tas-sigriet professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).

Artikolu 13

L-istatus ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU u l-persunal tagħha

1.   L-istatus ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU u l-persunal tagħha, inkluż fejn hu adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni, għandu jiġi miftiehem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta’ l-aħħar.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni ta’ l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 14

Is-sigurtà

1.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni tajba u effettiva tagħhom għall-EU SSR GUINEA BISSAU skond l-Artikoli 4 u 7, f'koordinazzjoni ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta’ l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, f'konformità mal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva skond it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti li jakkumpanjawh.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma’ l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal ta’ l-EU SSR GUINEA BISSAU għandu jagħmel taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma’ l-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament organizzat mill-MSO fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata ta’ l-UE f'konformità mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 15

Kapaċità ta’ Għassa

Il-Kapaċità ta’ Għassa għandha tiġi attivata għall-EU SSR GUINEA BISSAU.

Artikolu 16

Reviżjoni tal-Missjoni

Sitt xhur wara l-bidu tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Missjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà reviżjoni tal-Missjoni, abbażi ta’ rapport mill-Kap tal-Missjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Għandha tkun applikabbli sal-31 Mejju 2009.

Artikolu 18

Pubblikazzjoni

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Id-Deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 8(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24)

(2)  Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/881/KE, Euratom (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 17).


14.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 40/16


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/113/PESK

tat-12 ta’ Frar 2008

li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b’mod f’waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Strument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Strument Internazzjonali tat-Traċċar”).

(2)

Fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta’ l-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (“Strateġija SALW ta’ l-UE”) li tappella għal appoġġ għall-adozzjoni ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-traċċar u l-immarkar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.

(3)

Bl-adozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, l-Istati kkommettew lilhom infushom li jwettqu għadd ta’ miżuri sabiex jiżguraw immarkar u żamma ta’ rekords adegwati għas-SALW u sabiex isaħħu l-koperazzjoni fit-traċċar tas-SALW illeċiti. B’mod partikolari, l-Istati għandhom jiżguraw li huma kapaċi jittraċċaw u jirrispondu għal talbiet ta’ traċċar skond il-ħtiġiet ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar. L-istrument jiddikjara li l-Istati ser jikkoperaw, kif xieraq, man-Nazzjonijiet Uniti sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu.

(4)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-riżoluzzjoni 61/66 dwar “Il-kummerċ illeċitu f’armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu” li appellat lill-Istati sabiex jimplimentaw l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar li l-implimentazzjoni tiegħu jiġi kunsidrat matul il-Laqgħa Biennali ta’ l-Istati fl-2008.

(5)

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi implimentata skond il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv konkluż bejn il-Komunità Ewropea u n-NU.

(6)

Konformement mal-paragrafi 27, 29 u 30 ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, l-Uffiċċju tan-NU (Uffiċċju għall-Affarijiet tad-Diżarm) qed ifittex assistenza finanzjarja sabiex jappoġġa attivitajiet li huma mmirati lejn il-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar.

2.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa proġett ta’ l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (minn hawn ‘il quddiem, l-Uffiċċju jissejjaħ “NU-ODA”) għall-promozzjoni ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar fl-2008, li jinkludi tliet workshops reġjonali sabiex l-uffiċjali governattivi rilevanti u oħrajn (inklużi l-punti ta’ kuntatt tas-SALW, l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi, il-membri ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, u membri parlamentari) isiru jafu aħjar id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar.

Id-deskrizzjoni tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “SĠ/RGħ”), għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ.

2.   L-implimentazzjoni teknika ta’ l-attivitajiet li jirriżultaw mill-kontribut ta’ l-UE għandha titwettaq min-NU-ODA, li għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza. Għal dan il-fini, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa man-NU-ODA.

3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom iżommu lil xulxin regolarment infurmati dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta għandu jkun EUR 299 825, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2, li għandha tieħu l-forma ta’ għotja. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament man-NU-ODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li n-NU-ODA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ l-UE, b’mod xieraq għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak li tista’ sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tad-diversi ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta’ rapporti imħejjijin min-NU-ODA. Dawn ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ. Hija għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 12-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew 6 xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


ANNESS

KONTRIBUZZJONI TA’ L-UE GĦALL-PROĠETT TAN-NU B’APPOĠĠ GĦALL-ISTRUMENT INTERNAZZJONALI TAT-TRAĊĊAR

1.   Introduzzjoni

Is-Segretarjat tan-NU (l-Uffiċċju għall-Affarijiet tad-Diżarm) (minn hawn ‘il quddiem “NU-ODA”), għandu l-ħsieb jorganizza, fl-2008, serje ta’ workshops reġjonali u subreġjonali sabiex l-uffiċjali governattivi rilevanti u oħrajn (inklużi l-punti ta’ kuntatt tas-SALW, l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi, il-membri ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, u l-parlamentari) ikunu jistgħu jsiru jafu aħjar id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Diċembru 2005 ((minn hawn ‘il quddiem “Strument Internazzjonali tat-Traċċar”).

2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-workshops ser ikollhom punt fokali prattiku u jdumu jumejn u ser jipprovdu lill-parteċipanti b’informazzjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-fehim tagħhom ta’ l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, ir-rilevanza tiegħu u l-kapaċitajiet, il-ħiliet u r-riżorsi li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-workshops ser jimmiraw li jagħtu bidu għal valutazzjonijiet ta’ ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Il-Fergħa ta’ l-Armi Konvenzjonali (CAB) tan-NU-ODA bi ħsiebha torganizza u timplimenta l-workshops f’kollaborazzjoni mal-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali ta’ l-Uffiċċju, li tinkludi t-tliet Ċentri għad-Diżarm Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, in-NU-ODA ser jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu fi sħubija mal-Gvernijiet interessati, l-organizzazzjonijiet reġjonali u/jew sub-reġjonali rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’kompetenza fil-qasam ta’ l-immarkar u t-traċċar tas-SALW, inkluż iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Bonn għall-Konverżjoni (BICC), il-Groupe de Recherche et d’Information sur la Paix et la Securité (GRIP) u l-Istħarriġ dwar l-Armi Żgħar (SAS). F’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-Interpol, ser jiġu pprovduti wkoll preżentazzjonijiet tekniċi bil-ħsieb li l-parteċipanti jiffamiljarizzaw lilhom infushom ma’ l-għodod tekniċi disponibbli u sabiex l-uffiċjali ta’ l-infurzar tal-liġi jiġu assistiti fl-identifikar u t-traċċar tas-SALW illeċiti.

2.1.   L-Afrika tal-Punent

Lokalitajiet possibbli għall-workshop fl-Afrika tal-Punent huma Bamako (Mali), Abuja (in-Niġerja), Libreville (il-Gabon), jew iċ-Ċentru Reġjonali tan-NU għall-Paċi u d-Diżarm f’Lomé (Togo). Deċiżjoni finali dwar il-lok tal-workshop ser tittieħed min-NU-ODA, f’koordinazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ.

L-Istati Membri ta’ l-organizzazzjonijiet subreġjonali, il-“Komunità Ekonomika ta’ l-Istati Afrikani tal-Punent” (ECOWAS) u l-“Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika Ċentrali” (ECCAS) ser ikunu eliġibbli li jipparteċipaw (1) fil-workshop:

ECOWAS: Benin, Burkina Faso, Kap Verde, Côte d’Ivoire, Gambja, Gana, Ginea-Bissaw, il-Liberja, Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone, Togo. ECCAS: Angola, Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Rwanda, il-Kamerun, ir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, iċ-Ċad, il-Kongo, il-Gabon, il-Ginea Ekwatorjali, is-Sao Tom u Prinċipe.

2.2.   L-Asja

Il-workshop fl-Asja għandu jsir f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea.

Il-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-workshop:

l-Afganistan, l-Awstralja (2), il-Bangladexx, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indonesja, il-Ġappun (2), il-Kazakstan, il-Malasja, il-Mjanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Papwa-Ginea Ġdida, il-Filippini, il-Gżejjer Solomon, is-Sri Lanka, it-Taġikstan, it-Tajlandja, it-Timor-Leste, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan, il-Vjetnam.

2.3.   L-Amerika Latina u l-Karibew

Il-workshop fl-Amerika Latina u fil-Karibew għandu jsir fil-Brażil. Deċiżjoni finali dwar il-lok tal-workshop ser tittieħed min-NU-ODA, f’koordinazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ.

Il-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw fil-workshop:

l-Arġentina, il-Bahamas, il-Barbados, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolumbja, Kuba, il-Kosta Rika, ir-Repubblika Domenikana, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Guyana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, it-Trinidad u Tobago, l-Urugwaj, il-Venezwela.

3.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 12-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tas-seminars huma l-Istati fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina, kif indikat hawn fuq, li skond in-NU-ODA jeħtieġu jsaħħu l-fehim tagħhom tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, kif ukoll jidentifikaw il-kapaċitajiet, il-ħiliet u r-riżorsi li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali.

Id-donaturi potenzjali ta’ assistenza reġjonali u assistenza teknika oħra, kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali rilevanti ser jiġu mistiedna jattendu wkoll.

5.   Entità ta’ implementazzjoni

Fil-kuntest tar-responsabbiltà globali tiegħu, in-NU-ODA ser jimplimenta l-attivitajiet tekniċi li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni ta’ l-UE, kif stipulat f’din l-Azzjoni Konġunta, taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza.

6.   Spiża totali stmata tal-proġett u l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-UE

Il-proġetti huma ko-finanzjati mill-UE u donaturi oħrajn. Il-kontribuzzjoni ta’ l-UE ser tkopri l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mill-Istati benefiċjarji u ta’ l-esperti fil-workshops, bl-esklużjoni tal-persunal tan-NU, kif ukoll l-ispejjeż tal-konferenzi. Il-kontribuzzjoni ta’ l-UE ser tiffinanzja l-attivitajiet eliġibbli għall-workshop fl-Afrika bħala prijorità. L-infiq li jsir mill-organizzazzjonijiet rilevanti reġjonali u sub-reġjonali jista’ wkoll ikun kopert, sa fejn dan ikun relatat direttament mal-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet taħt il-proġetti. In-NU-ODA ser ikun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-kontribuzzjonijiet minn donaturi oħrajn, li ser jiffinanzjaw l-ispejjeż li jifdal tal-proġett.

L-ispiża totali stmata tal-proġett hi $ 798 800 li għaliha l-UE ser tikkontribwixxi EUR 299 825.


(1)  In-NU-ODA ser jorganizza workshop fit-Tramuntana, fil-Lvant u fin-Nofsinhar ta’ l-Afrika f’Diċembru 2007.

(2)  Il-Gvernijiet ta’ l-Awstralja u l-Ġappun ser iħallsu l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar tal-parteċipanti tagħhom.