ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
27 ta' Diċembru 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar ir-regolament ta' l-operazzjoni ta' l-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (verżjoni kodifikata) ( 3 )

1

 

*

Direttiva 2006/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq (verżjoni kodifikata) ( 3 )

5

 

*

Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (verżjoni kodifikata) ( 3 )

10

 

 

Rettifiki

 

*

lid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza ( ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 185)

20

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 374.

 

(3)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DIRETTIVA 2006/93/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar ir-regolament ta' l-operazzjoni ta' l-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988)

(verżjoni kodifikata)

(test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l- l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/14/KEE tat-2 ta' Marzu 1992 dwar il-limitazzjoni ta' l-operazzjoni ta' l-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 2, il-Volum 1 ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (3) ġiet emendata kemm-il darba b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

L-applikazzjoni ta' standards tal-ħoss għal ajruplani jet subsoniċi għandha konsegwenzi sinifikanti għall-provvista ta' servizzi tat-trasport bl-ajru, b'mod partikolari meta dawn l-istandards jillimitaw l-użu utli ta' l-ajruplani operati minn linji ta' l-ajru.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE ta' l-4 ta' Diċembru 1989 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjoni ta' ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi (5) tillimita ż-żieda mar-reġistri ċivili ta' l-arju ta' Stati Membri ta' ajruplani li jikkonformaw biss ma' l-istandards speċifikati fil-Parti II, il-Kapitolu 2, il-Volum 1 ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988). Dik id-Direttiva tispeċifika li l-limitazzjoni dwar iż-żieda hija biss l-ewwel stadju.

(4)

Minħabba l-problema tal-konġestjoni li dejjem qed tikber fl-ajruporti Komunitarji, huwa essenzjali li jiġi assigurat li jsir l-aħjar użu mill-faċilitajiet eżistenti. Dan ikun possibbli biss jekk jintużaw ajruplani li huma aċċettabbli għall-ambjent.

(5)

Ix-xogħol magħmul mill-Komunità f'kooperazzjoni ma' korpi oħrajn internazzjonali jindika li l-miżuri biex tiġi llimitata l-operazzjoni ta' ajruplani li ma jikkonformawx ma' l-istandards tal-Kapitolu 3 ta' l-Anness 16 għandu jsegwi kull regola nonaddizzjonali sabiex dan ikun ta' benefiċċju ambjentali.

(6)

Għandhom jiġu introdotti regoli komuni għal dan l-iskop fuq skala ta' żmien raġonevoli sabiex jiġi assigurat approċċ armonizzat fil-Komunità kollha, li jissupplimenta regoli eżistenti. Dan huwa partikolarment importanti minħabba x-xejra riċenti lejn liberalizzazzjoni progressiva tat-traffiku ta' l-ajru Ewropew.

(7)

Il-ħoss ta' l-ajruplani għandu jitnaqqas, billi jittieħed kont ta' fatturi ambjentali, vjabbilità teknika u konsegwenzi ekonomiċi.

(8)

Huwa approprjat li l-operazzjoni ta' ajruplani jet subsoniċi ċivili li jidhru f'reġistri ta' Stati Membri u li jikkonformaw ma' l-istandards tal-Kapitolu 3 ta' l-Anness 16 tiġi regolata.

(9)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(10)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiġi regolata l-operazzjoni ta' ajruplani jet subsoniċi ċivili kif speċifikat fl-Artikolu 2.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal ajruplani b'massa massima għat-tlugħ ta' 34 000 kg jew aktar jew b'akkomodazzjoni interna ċertifikata massima għat-tip ta' ajruplan inkwistjoni li tikkonsisti minn aktar minn dsatax-il sedil għall-passiġġieri, esklużi sedili għall-ekwipaġġ biss.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, l-ajruplani kollha ċivili jet subsoniċi li joperaw minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom jikkonformaw ma' l-istandards speċifikati fil-Parti II, Kapitolu 3, Volum 1 ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988).

2.   It-territorju msemmi fil- paragrafu 1 m'għandux jinkludi d-dipartimenti extra-Ewropej imsemmija fl-Artikolu 299 (2) tat-Trattat.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill Artikolu 2 għal ajruplani ta' interess storiku.

2.   Kull Stat Membru li jagħti eżenzjonijiet taħt paragrafu 1 għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bil-fatt u bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

3.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi l-eżenzjonijiet mogħtija minn Stat Membru ieħor fir-rigward ta' ajruplani fir-reġistri ta' dan ta' l-aħħar.

4.   F'każijiet individwali, Stati Membri jistgħu jippermettu l-użu temporanju, f'ajruporti fit-territorju tagħhom, ta' ajruplani li ma jistgħux jiġu operati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' din id-Direttiva. Din l-eżenzjoni għandha tkun limitata għal:

(a)

ajruplani li l-operazzjonijiet tagħhom huma ta' natura tant rari li ma kienx ikun raġonevoli li ma tingħatax eżenzjoni temporanja;

(b)

ajruplani jew titjiriet li ma jħallux qligħ għall-iskopijiet ta' alterazzjonijiet, tiswija jew manutenzjoni.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jassiguraw li dawk ir-regoli jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 6

1.   Id-Direttiva 92/14/KEE hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B.

2.   Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELL

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 55.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Frar 2004 (ĠU C 97 E, 22.4.2004, p. 67) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006

(3)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 21. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 991/2001 (ĠU L 138, 22.5.2001, p. 12).

(4)  Ara l-Anness I, Parti A.

(5)  ĠU L 363, 13.12.1989, p. 27.


ANNESS I

Parti A

Direttiva mħassra flimkien ma' l-emendi suċċessivi tagħha

Direttiva tal-Kunsill 92/14/KEE

(ĠU L 76, 23.3.1992, p. 21)

Direttiva tal-Kunsill 98/20/KE

(ĠU L 107, 7.4.1998, p. 4)

Direttiva tal-Kummissjoni 1999/28/KE

(ĠU L 118, 6.5.1999, p. 53)

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 991/2001

(ĠU L 138, 22.5.2001, p. 12)

Parti B

Lista ta' limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 6)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

92/14/KEE

L-1 ta' Lulju 1992

98/20/KE

L-1 ta' Marzu 1999

1999/28/KE

L-1 ta' Settembru 1999


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 92/14/KEE

Din id-Direttiva

Artikou 1(1) u (2)

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(4)

Artikoli 3 u 4

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 3(1)

Artikoli 6 u 7

Artikolu 8

Artikolu 3(4)

Artikolu 9(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 3(3)

Artikoli 9a u 9b

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 4

Artikolu 5 (1)

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 8

Anness

Anness I

Anness II


(1)  Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/20/KE.


27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

5


DIRETTIVA 2006/94/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq

(verżjoni kodifikata)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' ċerti regoli komuni għat-trasport internazzjonali (it-trasport ta' merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens) (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Politika ta' trasport komuni tinvolvi inter alia l-istabbiliment ta' regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru, jew li jgħaddi mit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar. Dawk ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti b'mod li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tas-trasport.

(3)

Huwa neċessarju li tiġi assigurata espansjoni progressiva fit-trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq, waqt li wieħed iżomm f'moħħu l-iżviluppi fil-kummerċ u l-moviment ta' merkanzija fil-Komunità.

(4)

Ċertu numru ta' tipi ta' trasport kienu eżentati minn kull sistema ta' kwota u ta' awtorizzazzjoni għat-trasport. Fi ħdan il-qafas ta' l-organizzazzjoni tas-suq introdotta mir-Regolament (KEE) Nru 881/92 tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta' merkanizija bit-triq fil-Komunita' lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri (5), sistema ta' eżenzjoni mill-awtorizzazzjoni Komunitarja u minn kull awtorizzazzjoni oħra għat-trasport għandha tinżamm għal xi uħud minn dawn it-tipi ta' trasport, minħabba n-natura speċjali tagħhom.

(5)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbilita fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jilliberalizzaw it-tipi ta' trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens u għal rashom elenkati fl-Anness I meta dan it-trasport isir lejn jew minn, jew jgħaddi mit-territorju tagħhom.

2.   It-tipi ta' trasport jew ta' vjaġġ bla tagħbija magħmula b'konnessjoni mat-trasport elenkat fl-Anness I għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni tal-Komunità jew minn kwalunkwe awtorizzazzjoni tat-trasport.

Artikolu 2

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-kondizzjonijiet li taħthom kull Stat Membru jawtorizza liċ-ċittadini tiegħu biex jingaġġaw fl-attivitajiet imsemmija f'din id-Direttiva.

Artikolu 3

L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 241, 28.9.2004, p. 19.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 545) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006.

(3)  ĠU L 70, 6.8.1962, p. 2005/62. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 881/92 (ĠU L 95, 9.4.1992, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 95, 9.4.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.


ANNESS I

It-tipi ta' trasport li għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni tal-Komunità jew minn kwalunkwe awtorizzazzjoni għal trasport

1.

It-trasport tal-posta bħala servizz pubbliku.

2.

It-trasport ta' vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li m'għadhomx jaħdmu.

3.

It-trasport ta' merkanzija fuq vetturi bil-mutur li l-piż mgħobbi permissibbli tagħhom, li jinkludi anke t-toqol tat-trejlers, ma jeċċedix is-sitt tunnellati jew il-piż tat-tagħbija permissibbli tagħhom, li jinkludi dak tat-trejlers, ma jkunx jeċċedi it-3,5 tunnellati.

4.

It-trasport ta' merkanzija fuq vetturi bil-mutur sakemm jibqgħu jitwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-merkanzija li tinġarr tkun il-proprjetà ta' l-impriża jew kienet mibjugħa, mixtrija, mikrija lill- jew mikrija mill-, prodotta, estratta, ipproċessata jew imsewwija mill-impriża;

(b)

l-għan tal-vjaġġ għandu jkun il-ġarr tal-merkanzija lejn jew mill-impriża jew biex jiġu mċaqalqa, kemm jekk ġewwa l-impriża kif ukoll 'il barra minnha, għall-ħtiġijiet tagħha;

(ċ)

il-vetturi bil-mutur li jintużaw għal dan it-trasport għandhom ikunu misjuqa mill-impjegati ta' l-impriża;

(d)

il-vetturi li jġorru l-merkanzija għandhom ikunu jappartienu lill-impriża jew ikunu ġew mixtrija minnha bi ħlas bin-nifs jew mikrijin, sakemm fil-każ ta' l-aħħar dawn ikunu jilħqu l-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-użu tal-vetturi mikrijin bla sewwieqa għat-trasport ta' merkanzija bit-triq (1).

Din id-dispożizzjoni ma għandiex tapplika għall-użu ta' vettura li tintuża minflok vettura oħra li normalment tintuża u li għal żmien qasir tkun bil-ħsara;

(e)

it-trasport ma jridx ikun aktar milli anċillari għall-attivitajiet ġenerali ta' l-impriża.

5.

It-trasport ta' prodotti mediċinali, appliances, tagħmir u artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika f'każijiet ta' emergenza, partikolarment fil-każi ta' diżastri naturali.


(1)  ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tagħha

L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' ċerti regoli komuni għat-trasport internazzjonali (it-trasport ta' merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens)

(ĠU 70, 6.8.1962, p. 2005/62)

 

Direttiva 72/426/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 291, 28.12.1972, p. 155)

 

Direttiva 74/149/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 84, 28.3.1974, p. 8)

 

Direttiva 77/158/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 48, 19.2.1977, p. 30)

 

Direttiva 78/175/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 54, 25.2.1978, p. 18)

 

Direttiva 80/49/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 18, 24.1.1980, p. 23)

 

Direttiva 82/50/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 27, 4.2.1982, p. 22)

 

Direttiva 83/572/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 332, 28.11.1983, p. 33)

Artikolu 2 biss

Direttiva 84/647/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 335, 22.12.1984, p. 72)

Artikolu 6 biss

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92

(ĠU L 95, 9.4.1992, p. 1)

Artikolu 13 biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni (imsemmija fl-Artikolu 3)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' ċerti regoli komuni għat-trasport internazzjonali (it-trasport ta' merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens)

31 ta’ Diċembru 1962

 

72/426/KEE

 

74/149/KEE

1 ta’ Lulju 1974

77/158/KEE

1 ta’ Lulju 1977

 

78/175/KEE

1 ta’ Lulju 1978

 

80/49/KEE

1 ta’ Lulju 1980

82/50/KEE

1 ta’ Jannar 1983

 

83/572/KEE

1 ta’ Jannar 1984

 

84/647/KEE

30 ta’ Ġunju 1986

 


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Anness

Anness I

Anness II

Anness III


27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

10


DIRETTIVA 2006/95/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ

(verżjoni kodifikata)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Id-Direttiva 73/23/KEE tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 1973 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri ddisinjati sabiex jiżguraw is-sigurtà fl-użu tat-tagħmir elettriku wżat ma' certi limiti tal-voltaġġ jistgħu ivarjaw, u għaldaqstant ixekklu l-kummerċ.

(3)

F'ċerti Stati Membri fir-rigward ta' ċertu tagħmir elettriku, il-leġislazzjoni għas-sigurtà tieħu l-għamla ta' miżuri preventivi u miżuri ripressivi permezz ta' dispożizzjonijiet li jorbtu.

(4)

Fl-Istati Membri l-oħra, sabiex jinkiseb l-istess għan, il-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tippreskrivi referenza għall-istandards tekniċi stabbiliti mill-Korpi ta' l-Istandards. Din is-sistema toffri l-vantaġġ ta' aġġustament rapidu għall-progress tekniku mingħajr ma jiġu ttraskurati l-ħtiġiet tas-sigurtà.

(5)

Ċerti Stati Membri jwettqu ħidmiet amministrattivi sabiex japprovaw l-istandards. Din l-approvazzjoni la taffettwa b'xi mod il-kontenut tekniku ta' l-istandards u lanqas tillimita l-kondizzjonijiet ta' l-użu tagħhom. Din l-approvazzjoni ma tistax għalhekk tibdel l-effetti, mill-perspettiva Komunitarja, ta' l-istandards armonizzati u ppubblikati.

(6)

Fil-Komunità, il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku għandu jirriżulta meta dan it-tagħmir iħares ċerti rekwiżiti tas-sigurtà rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha. Mingħajr ħsara għal kull għamla ta' prova oħra, il-prova tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti tista' ssir b'referenza għall-istandards armonizzati li jinkorporaw dawn il-kondizzjonijiet. Dawn l-istandards armonizzati għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' ftehima komuni bejn korpi li jridu jiġu nnotifikati minn kull Stat Membru lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u li għandhom ikunu ppubbliċizzati kemm jista' jkun. Din l-armonizzazzjoni għandha, għall-għanijiet tal-kummerċ, tneħħi l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mid-differenzi bejn l-istandards nazzjonali.

(7)

Mingħajr ħsara għal kull għamla oħra ta' prova, il-konformità tat-tagħmir elettriku ma' l-istandards armonizzati tista' tkun meqjusa mit-twaħħil jew mill-ħruġ tal-marki jew tac-ċertifikati mill-organizzazzjonijiet kompetenti jew, fin-nuqqas ta' dawn, mid-dikjarazzjoni tal-fabbrikant dwar il-konformità. Sabiex tigi ffaċilitata t-tneħħija ta' l-ostakoli għall-kummerċ, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu dawn il-marki jew ċertifikati jew dawn id-dikjarazzjonijiet bħala l-elementi tal-prova. Bil-ħsieb ta' dan il-għan, il-marki jew ċertifikati msemmija għandhom ikunu ppubbliċizzati b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(8)

Bħala miżura transitorja, il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku li għalih għadhom ma jeżistux l-istandards armonizzati jista' jinkiseb billi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà jew l-istandards diġà stabbiliti mill-korpi l-oħra internazzjonali jew minn wieħed mill-korpi li jistabbilixxu l-istandards armonizzati.

(9)

Huwa possibbli illi t-tagħmir elettriku jista' jitqiegħed f'ċirkolazzjoni ħielsa saħansitra jekk ma jikkonformax mar-rekwiżiti tas-sigurtà, u hu għaldaqstant mixtieq li jkun hemm dispożizzjonijiet adattati sabiex jimminimizzaw dan il-periklu.

(10)

Id-Deċiżjoni 93/465/KEE (5) tal-Kunsill tistabbilixxi l-moduli għall-fażijiet varji tal-proċeduri ta' stima ta' konformità li huma maħsubin li jintużaw fid-Direttivi ta' armonizzazzjoni teknika.

(11)

L-għażla ta' proċeduri m'għandhiex twassal għal tnaqqis fl-istandards tas-sigurtà ta' tagħmir ta' l-elettriku, li diġà ġew stabbiliti fil-Komunità kollha.

(12)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness V, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva “tagħmir elettriku” ifisser kull tagħmir iddisinjat għall-użu ma' skala tal-voltaġġ ta' bejn il-50 u l-1 000 v għall-kurrent alternant u bejn il-75 u l-1 500 v għall-kurrent dirett, għajr għat-tagħmir u l-fenomeni elenkati fl-Anness II.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi t-tagħmir elettriku jista' jitpoġġa fuq is-suq biss jekk ikun mibni skond il-prattika tajba ta' l-inġinerija f'dik li hi sigurtà li tkun fis-seħħ fil-Komunità, u għaldaqstant ma jipperikulax is-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta jkun installat u miżmum sewwa u użat għal skopijiet li għalihom kien magħmul.

2.   L-elementi prinċipali ta' l-għanijiet tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 huma elenkati fl-Anness I.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi jekk it-tagħmir elettriku jkun ta' natura li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 7 jew 8, il-moviment liberu ta' dan it-tagħmir ġewwa l-Komunità ma għandux jiġi mfixkel għar-raġunijiet tas-sigurtà.

Artikolu 4

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħmir elettriku l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rekwiżiti tas-sigurtà aktar stretti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 ma jiġux imposti mill-korpi tal-provvista ta' l-elettriku sabiex titqabbad mal-grilja, jew għall-provvista ta' l-elettriku lill-utenti tat-tagħmir elettriku.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi, b'mod partikolari dak it-tagħmir elettriku li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà ta' l-istandards armonizzati, jitqies mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, għall-finijiet tat- tpoġġija fuq is-suq u l-moviment liberu kif imsemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament.

L-istandards għandhom jitqiesu bħala armonizzati ġaladarba jitfasslu bi ftehima komuni bejn il-korpi nnotifikati mill-Istati Membri skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (a) , u ppubblikati skond il-proċeduri nazzjonali. L-istandards għandhom jigu aġġornati fid-dawl tal-progress teknoloġiku u ta' l-iżviluppi fil-prattika oġġettiva ta' l-inġinerija f'materji ta'sigurtà.

Għall-finijiet ta' informazzjoni l-lista ta' l-istandards armonizzati u r-referenzi tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

1.   F'każ li l-istandards armonizzati kif definiti fl-Artikolu 5 għadhom ma ġewx imfassla u ppubblikati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw, għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq jew il-moviment liberu msemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament, li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll, bħala li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, dak it-tagħmir elettriku li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar ir-Regoli għall-Approvazzjoni tat-Tagħmir Elettriku (CEE) jew tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) li rigward tagħhom il-proċedura tal-pubblikazzjoni stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 tkun giet applikata.

2.   Id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jigu nnotifikati lill-Istati Membri mill-Kummissjoni mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, u wara dan, kif u meta jiġu ppubblikati. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, għandha tiddikjara d-dispożizzjonijiet u, b'mod partikolari, il-varjazzjonijiet li hija tirrakkomanda li jiġu ppubblikati.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data li tkun ġiet ikkomunikata l-informazzjoni b'kull oġġezzjoni li jista' jkollhom għad-dispożizzjonijiet hekk innotifikati, filwaqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tas-sigurtà li dwarhom dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx jiġu rrikonoxxuti.

Għall-finijiet ta' informazzjoni dawk id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà li għalihom ma tkun ġiet imqajma l-ebda oġġezzjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

F'każ li għadhom ma jeżistux l-istandards armonizzati skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5 jew id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà ppubblikati skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li, għall-għan tat- tpoġġija fuq is-suq jew il-moviment liberu msemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll bħala li jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, dak it-tagħmir elettriku fabbrikat skond id-dispożizzjonijiet għas-sigurtà ta' l-istandards fis-seħħ fl-Istat Membru tal-fabbrikant, jekk jiġi żgurat livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak mitlub fit-territorju tagħhom stess.

Artikolu 8

1.   Qabel jitpoġġa fuq is-suq, it-tagħmir ta' l-elettriku għandu jkollu mwħall miegħu l-immarkar CE msemmi fl-Artikolu 10 li jafferma l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li jinkludi l-proċedura ta' stima ta' konformità deskritta fl-Anness IV.

2.   Fil-każ ta' rikuża l-fabbrikant jew importatur jista' jippreżenta rapport, imfassal minn korp li hu nnotifikat skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (b), dwar il-konformità tat-tagħmir elettriku mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

3.   Fejn it-tagħmir ta' l-elettriku huwa soġġett għal Direttivi oħra li jkopru aspetti oħra li jipprovdu wkoll għat-twaħħil ta' l-immarkar CE, dan ta' l-aħħar għandu jindika li t-tagħmir huwa preżunt ukoll li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Direttivi l-oħra.

Iżda, fejn waħda jew aktar minn dawn id-Direttivi jippermettu lill-manifattur, waqt perjodu ta' transizzjoni, li jagħżel liema arranġamenti japplika, l-immarkar CE għandu jindika konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi applikati mill-fabbrikant biss. F'dan il-każ, id-dettalji tad-Direttivi applikati, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom jingħataw fid-dokumenti, notifiki jew struzzjonijiet meħtieġa mid-Direttivi u li jakkumpanjaw it-tagħmir ta' l-elettriku.

Artikolu 9

1.   Jekk, għar-raġunijiet tas-sigurtà, Stat Membru jiprojbixxi it-tpoġġija fuq is-suq ta' xi tagħmir elettriku jew ifixkel il-moviment liberu tiegħu, dan għandu jinforma l-Istati Membri l-oħra kkonċernati u lill-Kummissjoni minnufih, filwaqt li jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u, b'mod partikolari, jiddikjara:

(a)

jekk in-nuqqas ta' konformita' tiegħu ma' l-Artikolu 2 jirriżultax minħabba xi nuqqas fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 5, fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 7;

(b)

jekk in-nuqqas ta' konformita' ma' l-Artikolu 2 jirriżultax mill-applikazzjoni żbaljata ta' dawn l-istandards jew pubblikazzjonijiet jew min-nuqqas ta' konformita' mal-prattika oġġettiva ta' l-inġinerija msemmija f'dak l-Artikolu .

2.   Jekk l-Istati Membri l-oħra jqajmu oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri kkonċernati minnufih.

3.   Jekk ma jintlaħaqx ftehim fi żmien tliet xhur mid-data meta ġiet ikkomunikata l-informazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni ta' wieħed mill-korpi nnotifikati skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (b), li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu barra mit-territorju ta' l-Istati Membri kkonċernati u li ma jkunx involut fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. L-opinjoni għandha tistqarr sa liema punt ma ġewx imħarsa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal- korp imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Istati Membri kollha, li jistgħu fi żmien xahar jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tinnota kull osservazzjoni mill-partijiet kkonċernati dwar dik l-opinjoni.

5.   Wara li tkun ikkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tifformula r-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet xierqa.

L-Artikolu 10

1.   L-immarkar ta' konformità CE msemmija fl-Anness III għandu jitwaħħal mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità mat-tagħmir ta' l-elettriku jew, jekk dan ma jistax iseħħ, ma' l-ippakkjar, il-folja ta' introduzzjoni jew iċ-ċertifikat ta' garanzija, sabiex ikun viżibbli, jinqara faċilment u ma jitħassarx.

2.   It-twaħħil ta' kull immarkar fuq tagħmir elettriku li jaf iqarraq lil terzi persuni fejn tidħol it-tifsira u l-forma ta' l-immarkar CE għandu jiġi projbit. Madankollu, kull immarkar ieħor jista' jitwaħħal mat-tagħmir elettriku, ma' l- ippakkjar tiegħu, mal-folja ta' struzzjonijiet jew maċ-ċertifikat ta' garanzija sakemm il-visibilità u l-leġibilità ta' l-immarkar CE ma jkunux b'hekk imnaqqsa.

3.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9:

(a)

fejn Stat Membru jistabbilixxi li l-immarkar CE ġie imwaħħal bla raġuni, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jkun obbligat li jagħmel it-tagħmir ta' l-elettriku konformi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immarkar CE u li jwaqqaf il-ksur tar-regolament taħt il-kondizzjonijiet imposti mill-Istat Membru;

(b)

fejn in-nuqqas ta' konformità jissokta, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex inaqqas jew jipprojbixxi – t-tpoġġija fuq is-suq tat-tagħmir ta' l-elettriku in kwistjoni jew li jiżgura li jitneħħa mis-suq b'mod konformi ma' l-Artikolu 9.

Artikolu 11

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar:

(a)

il-korpi msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5;

(b)

il-korpi li jistgħu jagħmlu rapport skond l-Artikolu 8 (2) jew jagħtu opinjoni skond l-Artikolu 9;

(ċ)

ir-referenza ta' pubblikazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5.

Kull emenda li ssir għal dan ta' hawn fuq għandha tigi nnotifikata minn kull Stat Membru lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Artikolu 12

Din id-Direttiva ma tapplikax għat-tagħmir elettriku maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Id-Direttiva 73/23/KEE hi permezz ta' dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B ta' l-Anness V.

Referenzi li jsiru għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VI.

Artikolu 15

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 10, 14.1.2004, p. 6.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 68) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006.

(3)  ĠU L 77, 26.3.1973, p. 29. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1).

(4)  Ara l-Parti A ta' l-Anness V.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta' konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta' armonizzazzjoni teknika. (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23).


ANNESS I

L-elementi prinċipali ta' l-Objettivi ta' Sigurtà maħsuba għal tagħmir Elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti ta’ Voltaġġ

1.

Il-kondizzjonijiet Ġenerali

(a)

Il-karatteristiċi essenzjali, li l-għarfien u l-ħarsien tagħhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku jintuża bla ma jkun ta’ periklu u f’dawk l-applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom, għandhom jiġu mmarkati fuq it-tagħmir, jew, jekk dan mhux possibbli, fuq avviż li mehmuż miegħu.

(b)

L-isem tal-prodott jew il-marka tal-fabbrika għandu jkun stampat ċar fuq it-tagħmir elettriku jew, fejn dan mhux possibbli, fuq l- ippakkjar.

(ċ)

It-tagħmir elettriku, flimkien mal-partijiet komponenti tiegħu, għandu jkun magħmul hekk illi jkun żgurat li jista’ jiġi mmuntat u kkonnettjat sewwa u b’ mod li ma jkunx ta’ periklu.

(d)

It-tagħmir elettriku għandu jkun ddisinjat u ffabbrikat hekk illi jiżgura l-protezzjoni kontra r-riskji elenkati fil-punti 2 u 3 ta’ dan l-Anness, sakemm it-tagħmir jintuża f’applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom u jkun mantenut kif mistenni.

2.

Protezzjoni kontra r-riskji li jinħolqu mit-tagħmir elettriku

Miżuri ta’ natura teknika għandhom jiġu stabbiliti skond il-punt 1, sabiex ikun żgurat:

(a)

li l-persuni u l-annimali domestiċi jkunu protetti b’mod adegwat mill-periklu tal-ħsara fiżika jew ta’dannu ieħor li jista’ jkun ikkawżat minn kuntatt dirett jew indirett;

(b)

li ma jinħolqux temperaturi, skariki jew radjazzjoni li jistgħu jikkawżaw il-periklu;

(ċ)

li l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà jkunu protetti b’mod adegwat minn perikli li mhumiex elettriċi kkawżati mit-tagħmir elettriku u li jinkixfu bl-esperjenza;

(d)

li l- “insulation” għandha tkun xierqa għall-kondizzjonijiet prevedibbli.

3.

Protezzjoni kontra r-riskji li jistgħu jiġu kkawżati minn influwenzi esterni fuq it-tagħmir elettriku

Miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti skond il-punt 1, sabiex jiġi żgurat:

(a)

li t-tagħmir elettriku jilħaq ir-rekwiżiti mekkaniċi mistennija hekk illi l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqegħdux fil-periklu;

(b)

li t-tagħmir elettriku jkun reżistenti għal influwenzi mhux mekkaniċi fil-kondizzjonijiet ambjentali mistennija, hekk illi l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqiegħdux fil-periklu;

(ċ)

li t-tagħmir elettriku m’għandux iqiegħed fil-periklu l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà fil-każ ta’ kondizzjonijiet prevedibbli ta’ “overload”.


ANNESS II

Tagħmir u fenomeni 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva

Tagħmir elettriku għall-użu f’atmosfera splussiva

Tagħmir elettriku għar-radjoloġija u skopijiet mediċi

Partijiet ta’ l-elettriku għall-lifts tal-merkanzija u tal-passiġġieri

Meters ta’ l-elettriku

Il-plakek u s-soket owtlets għall-użu domestiku

Il-kontrulluri tal-ħitan ta’ l-elettriku

L-interferenza radju-elettrika

Tagħmir elettriku speċjalizzat, għall-użu fuq il-bastimenti, il-vetturi ta’ l-ajru u l-ferroviji, li jħares id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà stabbiliti mill-korpi internazzjonali li fihom l-Istati Membri jieħdu sehem.


ANNESS III

Immarkar ta’ Konformità CE u Dikjarazzjoni ta’ Konformità Tal-ke

A.   Immarkar ta’ konformità CE

L-immarkar ta’ konformità CE għandu jkun magħmul mill-inizjali “CE” li jieħdu l-forma segwenti:

Image

Jekk il-marka CE tiġi mnaqqsa jew imkabbra, il-proporzjonijiet mogħtija fid-disinn gradwat ta’ hawn fuq għandhom jiġu rispettati.

Il-komponenti varji ta’ l-immarkar CE għandu jkollhom sostanzjalment l-istess dimensjoni vertikali li ma tistax tkun anqas minn 5 mm.

B.   Dikjarazzjoni ta’ konformità tas-CE

Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tas-CE għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità,

deskrizzjoni tat-tagħmir ta’ l-elettriku,

referenza għall-istandards armonizzati,

fejn xieraq, referenza għall-ispeċifikazzjonijiet li magħhom hija ddikjarata l-konformità,

identifikazzjoni tal-firmatarju li ġie awtorizzat sabiex jidħol f’impennji f'isem il-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità,

l-aħħar żewġ figuri tas-sena li fiha twaħħal l-immarkar CE.


ANNESS IV

Kontroll tal-Produzzjoni Interna

1.

Il-kontroll tal-produzzjoni interna hija l-proċedura li biha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità, li jwettaq l-obbligi stabbiliti fil-punt 2, jiżgura u jiddikkjara li t-tagħmir ta' l-elettriku jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jwaħħal l-immarkar CE fuq kull prodott u għandu jifformola dikjarazzjoni ta' konformità bil-miktub.

2.

Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 3 u hu jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jżommu fit-territorju tal-Komunità għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali relevanti għall-skopijiet ta' spezzjoni għal perjodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li ġie fabbrikat l-aħħar prodott.

Meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti fi ħdan il-Komunità, dan l-obbligu huwa r-responsabbilità tal-persuna li jqiegħed it-tagħmir ta' l-elettriku fis-suq tal-Komunità.

3.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-istima tal-konformità tat-tagħmir ta' l-elettriku mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Għandu, sakemm ikun relevanti għal din l-istima, ikopri d-disinn, manifattura u operazzjoni tat-tagħmir ta' l-elettriku. Għandu jinkludi:

deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir ta' l-elettriku,

disinn konċettwali u tpinġiji tal-manifattura u skemi ta' komponenti, subassemblaġġi, ċirkwiti, eċċ.,

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim ta' l-imsemmija tpinġijiet u skemi u l-operazzjoni tat-tagħmir ta' l-elettriku,

lista ta' l-istandards applikati fil-milja tagħhom jew f'parti, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati sabiex jissodisfaw l-aspetti ta' sigurtà ta' din id-Direttiva fejn ma ġewx applikati l-istandards,

riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, eżaminazzjonijiet imwettqa, eċċ.

rapporti tat-testijiet.

4.

Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità mad-dokumentazzjoni teknika.

5.

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta' manifattura jiżgura konformità mal-prodotti mmanifatturati mad-dokumentazzjoni teknika li hemm referenza għaliha fil-punt 2 u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalihom.


ANNESS V

Parti A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emenda suċċessiva tagħha

Direttiva 73/23/KEE tal-Kunsill

Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE Artikolu 1

punt 12 u Artikolu 13 biss

(ĠU L 77, 26.3.1973, p. 29)

(ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1)

Parti B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 14)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

73/23/KEE

93/68/KEE

21 ta’ Awissu 1974 (1)

1 ta’ Lulju 1994

___

1 ta’ Jannar 1995 (2)


(1)  Fil-każ tad-Danimarka, il-limitu ta’ żmien għandu jiġi mtawwal ghal ħames snin, iġifieri 21 ta’ Frar 1978. Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 73/23/KEE.

(2)  Sa l-1 ta’ Jannar 1997 l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ l-arranġamenti ta’ mmarkar fis-seħħ qabel fl-1 ta’ Jannar 1995. Ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 93/68/KEE.


ANNESS VI

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Directive 73/23/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1 sa 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3)(a)

Artikolu 8(3)(b)

Artikolu 9(1) l-ewwel inċiż

Artikolu 9(1) it-tieni inċiż

Artikolu 9(2) sa (5)

Artikolu 10

Artikolu 11 l-ewwel inċiż

Artikolu 11 it-tieni inċiż

Artikolu 11 it-tielet inċiż

Artikolu 12

Artikolu 13(1)

Artikolu 13(2)

Artikolu 14

Annessi I sa IV

Artikoli 1 sa 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(3) it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(1)(a)

Artikolu 9(1)(b)

Artikolu 9(2) sa (5)

Artikolu 10

Artikolu 11(a)

Artikolu 11(b)

Artikolu 11(ċ)

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Annessi I sa IV

Anness V

Anness VI


Rettifiki

27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

20


lid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza

( ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 185)

Paġna 46 (Edizzjoni Speċjali paġna 186), Artikolu 2 “Id-definizzjonijiet”, punt (ċ)

Flok:

“(ċ)

‘mandat għall-iffriżar’ tirreferi għall-proprjetà li tkun suġġetta għall-konfiska jew għall-evidenza;”,

Aqra:

“(ċ)

‘mandat għall-iffriżar’ għandha tfisser kwalunkwe miżura meħuda minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat tal-ħruġ sabiex, provviżorjament, jimpedixxi d-distruzzjoni, trasformazzjoni, moviment, trasferiment jew dispożizzjoni ta' proprjetà li tista' tkun suġġetta għal konfiska jew tista' tkun evidenza;”.