ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
31 ta' Lulju 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

1

 

*

Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999

12

 

*

Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

19

 

*

Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999

25

 

*

Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

79

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)

82

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 210.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) NRU 1080/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 162 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi,

(1)

L-Artikolu 160 tat-Trattat jipprovdi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fil-Komunità. Il-FEŻR għalhekk jikkontribwixxi sabiex inaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-miżura li fiha qegħdin jaqgħu lura r-reġjuni l-anqas żvantaġġati, inklużi żoni rurali u urbani, reġjuni industrijali fi stat ta' deklin, żoni bi żvantaġġ ġeografiku jew naturali, bħal gżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni fil-fruntieri,.

(2)

Id-dispożizzjonijiet li huma komuni għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond ta' Koeżjoni (4). Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEŻR taħt l-objettivi definiti f'dak ir-Regolament.

(3)

Il-FEŻR għandu jipprovdi għajnuna fi ħdan il-qafas ta' strateġija globali għall-politika ta' koeżjoni li tiżgura konċentrazzjoni akbar ta' għajnuna fuq il-prijoritajiet tal-Komunità.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi li regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-FEŻR.

(5)

Fi ħdan il-qafas ta' operazzjoni integrata ta' żvilupp urban, huwa meqjus meħtieġ li jiġu sostnuti azzjonijiet limitati għar-rinnovament ta' l-akkomodazzjoni f'żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali fl-Istati Membri li aderixxu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

(6)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-ispiża ta' akkomodazzjoni għandha tikkonċerna l-provvista ta' akkomodazzjoni ta' kwalità tajba għal gruppi bi dħul aktar baxx, inkluż stokk ta' akkomodazzjoni reċentement privatizzat, kif ukoll akkomodazzjoni għal gruppi soċjali vulnerabbli.

(7)

L-implementazzjoni effiċjenti u effikaċi ta' l-azzjoni sostnuta mill-FEŻR tiddependi fuq tmexxija tajba u sħubija fost l-imsieħba territorjali u soċjo-ekonomiċi relevanti, u b'mod partikolari awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll kwalunkwe korp adatt ieħor matul l-istadji varji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(8)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(9)

Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza u s-saħħiet ta' l-inizjattiva tal-Komunità URBAN prevista fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (5), l-iżvilupp urban sostenibbli għandu jissaħħaħ billi jiġu integrati b'mod sħiħ miżuri f'dak il-qasam fi programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp lokali u lil inizjattivi ta' impjieg u l-potenzjal tagħhom għal innovazzjoni.

(10)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-konsistenza ma' linji politiċi Komunitarji oħrajn, u b'mod partikolari mas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u għal attivitajiet ta' dimostrazzjoni u l-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm sinerġija bejn is-sostenn mogħti mill-FEŻR, minn naħa waħda, u dak mogħti mill-Fond Soċjali Ewropew skond ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (6), il-Fond ta' Koeżjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (7), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEIR) (8) u Fond Ewropew għas-Sajd, min-naħa l-oħra.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-azzjonijiet sostnuti mill-FEŻR favur impriżi żgħar u ta' daqs medju jieħdu kont u jsostnu l-implementazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Santa Maria da Feira fid-19 u 20 ta' Ġunju 2000.

(12)

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar estremi, bl-estensjoni, fuq bażi eċċezzjonali, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEŻR għall-finanzjament ta' l-għajnuna operattiva marbuta mal-kumpens ta' spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika tagħhom, milquta min-natura remota, insulari, ċkejkna, topografikament u klimatikament diffiċli tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, fatturi li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jostakolaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni. Tali miżuri speċifiċi jeħtieġu l-użu ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat bħala bażi legali.

(13)

Il-FEŻR għandu jindirizza l-problemi ta' aċċessibbiltà u tad-distanza kbira minn swieq kbar li qed jiffaċċaw dawk l-inħawi li għandhom densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonjiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Isvezja ma' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. Il-FEŻR għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw ċerti gżejjer, żoni muntanjużi, reġjuni fil-fruntieri u żoni b'popolazzjoni baxxa li s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom tnaqqas il-pass ta' l-iżvilupp tagħhom bil-ħsieb li jiġi sostnut l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-programmazzjoni, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-programmi operattivi taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

(15)

Huwa meħtieġ li tiġi sostnuta koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali effettiva ma' pajjiżi ġirien tal-Komunità fejn din tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni ta' l-Istati Membri li jmissu ma' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu assistiti b'mod effettiv fl-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat fuq bażi eċċezzjonali l-finanzjament ta' għajnuna mill-FEŻR għal proġetti li jinsabu fit-territorju ta' pajjiżi terzi fejn dawn ikunu ta' ġid għar-reġjuni tal-Komunità.

(16)

Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (9) għandu għalhekk jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu ta' l-għajnuna tiegħu rigward l-objettivi tal-Konverġenza, tal-“Kompetittività reġjonali u l-impjiegi”, u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u r-regoli dwar l-eliġibbiltà għall-għajnuna.

2.   Il-FEŻR huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għan

Skond l-Artikolu 160 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-għajnuna li timmira għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta' sostenn għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta' l-ekonomiji reġjonali, inklużi l-konversjoni ta' reġjuni industrijali fi stat ta' deklin u reġjuni li baqgħu lura, u sostenn għall-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali.

Waqt li jagħmel dan, il-FEŻR għandu jagħti effett lill-prijoritajiet tal-Komunità, u b'mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni, li jinħolqu u jiġu salvagwardjati impjiegi sostenibbli, u li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

Artikolu 3

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.   Il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq prijoritajiet tematiċi. It-tip u l-firxa ta' azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'kull prijorità għandhom jirriflettu n-natura differenti ta' l-objettivi tal-Konverġenza, tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

2.   Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta':

(a)

investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, primarjament permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment primarjament f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

(b)

investiment fl-infrastruttura;

(ċ)

żvilupp ta' potenzjal endoġenu b'miżuri li jsostnu l-iżvilupp reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri jinkludu sostenn għall-impriżi u l-għoti ta' servizzi lill-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, il-ħolqien u l-iżvilupp ta' strumenti ta' finanzjament bħal kapital ta' riskju, fondi ta' self u ta' garanzija, fondi għall-żvilupp lokali, sussidji fuq l-interess, networking, koperazzjoni u skambju ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni, l-ibliet, u l-atturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali relevanti;

(d)

għajnuna teknika kif imsemmija fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-firxa ta' investimenti u miżuri elenkati hawn fuq taħt (a) sa (d) għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu implementati l-prijoritajiet tematiċi skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Konverġenza

Taħt l-objettiv tal-“Konverġenza”, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq is-sostenn ta' l-iżvilupp ekonomiku, reġjonali u lokali, sostenibbli u integrat u ta' l-impjiegi billi jimmobilizza u jsaħħaħ il-kapaċità endoġenika bi programmi operattivi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' strutturi ekonomiċi, u l-ħolqien u s-salvgawardja ta' impjiegi sostenibbli. Dan għandu jintlaħaq primarjament permezz tal-prijoritajiet li ġejjin, bit-taħlita preċiża tal-linji politiċi tiddependi mill-elementi speċifiċi ta' kull Stat Membru:

1)

ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (R&ŻT), l-innovazzjoni u l-imprenditorija, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, u l-integrazzjoni tagħhom fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea, inkluż l-infrastrutturi; l-għajnuna lir-R&ŻT b'mod partikolari fl-SMEs u t-trasferiment ta' teknoloġija; it-titjib ta' rabtiet bejn l-SMEs, l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni terzjarja, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u ċ-ċentri ta' riċerka u teknoloġija, l-iżvilupp ta' networks kummerċjali; is-sħubiji u gruppi magħmulin mis-settur pubbliku u dak privat; is-sostenn għall-provvista ta' servizzi kummerċjali u teknoloġiċi lil gruppi ta' SMEs; it-tkattir ta' l-imprenditorija u l-finanzjament ta' innovazzjoni għall-SMEs permezz ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja;

2)

is-soċjetà ta' l-informazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kontenut lokali, servizzi u applikazzjonijiet, titjib fl-aċċess protett għal servizzi pubbliċi on-line u fl-iżvilupp tagħhom, għajnuna u servizzi lill-SMEs sabiex jadottaw u jużaw b'mod effettiv it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) jew sabiex jisfruttaw ideat ġodda;

3)

inizjattivi ta' żvilupp lokali u għajnuna għal strutturi li jipprovdu servizzi ta' viċinat sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, fejn tali azzjonijiet ikunu barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4)

l-ambjent, inklużi investimenti marbutin mal-provvisti ta' l-ilma, l-immaniġġar ta' l-ilma u l-iskart; it-trattament ta' l-ilma maħmuġ u l-kwalità ta' l-arja; il-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni; il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż; għajnuna sabiex jiġu mmitigati l-effetti tal-bidla fil-klima; ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku inkluż siti u art kontaminati u l-iżvilupp mill-ġdid ta' l-art abbandunata; il-promozzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tan-natura, inklużi investimenti fis-siti ta' NATURA 2000; għajnuna lill-SMEs sabiex jippromwovu mudelli ta' produzzjoni sostenibbli bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' maniġġar ambjentali li jkunu effikaċi vis-à-vis l-ispiża tagħhom u l-adozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ta' prevenzjoni tat-tniġġiż;

5)

il-prevenzjoni ta' riskji, inkluż l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' pjanijiet sabiex jiġu prevenuti u kontrollati riskji naturali u teknoloġiċi;

6)

it-turiżmu, inkluża il-promozzjoni ta' assi naturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli; il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp soċjo-ekonomiku; għajnuna sabiex titjieb il-provvista tas-servizzi tat-turiżmu b'servizzi ta' valur miżjud ogħla u sabiex jiġu sostnuti xejriet ġodda u aktar sostenibbli ta' turiżmu;

7)

investimenti fil-kultura, inklużi l-protezzjoni, il-promozzjoni u l-preżervazzjoni tal-wirt kulturali; l-iżvilupp ta' l-infrastruttura kulturali bħala sostenn għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku, għat-turiżmu sostenibbli u għat-titjib ta' l-attrazzjoni reġjonali; u għajnuna għat-titjib tal-provvista ta' servizzi kulturali permezz ta' servizzi ġodda ta' valur miżjud ogħla;

8)

investimenti fit-trasport, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej u konnessjonijiet mar-retikolat RTE-T (Retikolat trans-Ewropew tat-trasport); strateġiji integrati għal trasport nadif li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-aċċess għal u l-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex tintlaħaq qasma modali aktar bilanċjata sabiex jiġu promossi sistemi intermodali u jitnaqqsu l-impatti ambjentali;

9)

investimenti fl-enerġija, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej, li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali, it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġiji rinovabbli;

10)

investimenti fl-edukazzjoni, inklużi dawk fit-taħriġ vokazzjonali, li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-attrazzjoni u l-kwalità tal-ħajja;

11)

l-investimenti fl-infrastruttura tas-saħħa u dik soċjali li jikkontribwixxu għal żvilupp reġjonali u lokali u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

Artikolu 5

Kompetittività reġjonali u impjiegi

Taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu, fil-kuntest ta' strateġiji ta' żvilupp sostenibbli, filwaqt li jippromwovi l-impjieg, primarjament fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

1)

l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza, anke permezz tal-ħolqien u t-tisħiħ ta' ekonomiji ta' innovazzjoni reġjonali effiċjenti, relazzjonijiet sistemiċi bejn is-setturi privat u pubbliku, l-universitajiet u ċ-ċentri tat-teknoloġija li jieħdu kont tal-ħtiġijiet lokali, u b'mod partikolari:

(a)

it-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni marbutin direttament ma' l-objettivi ta' żvilupp ekonomiku reġjonali billi jiġu sostnuti ċentri ta' kompetenza speċifikament ta' l-oqsma ta' l-industrija jew tat-teknoloġika, billi jiġu promossi r-R&ŻT industrijali, l-SMEs u t-trasferiment tat-teknoloġija, u billi jiġu żviluppati l-previżjonijiet teknoloġiċi u l-benchmarking internazzjonali ta' linji politiċi għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u billi jiġu sostnuti l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-linji politiċi konġunti dwar ir-R&ŻT u l-innovazzjoni;

(b)

l-istimulazzjoni ta' l-innovazzjoni u ta' l-intraprenditorija fis-setturi kollha ta' l-ekonomija reġjonali u lokali billi tiġi sostnuta l-introduzzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi, ġodda jew imtejba, fis-suq, billi jiġu sostnuti networks u gruppi tal-kummerċ, billi jittejjeb għall-SMEs l-aċċess għall-finanzjament; billi jiġu promossi ta' koperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni terzjarja u l-istituti ta' riċerka, billi jiġi faċilitat għall-SMEs l-aċċess għal servizzi ta' sostenn għall-kummerċ, u billi tiġi sostnuta l-integrazzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u innovattivi fl-SMEs;

(ċ)

il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija b'mod partikolari billi jiġi faċilitat l-isfruttament ekonomiku ta' ideat ġodda, u billi jitkattar il-ħolqien ta' impriżi ġodda mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka adatti u impriżi eżistenti;

(d)

il-ħolqien ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja u faċilitajiet ta' inkubazzjoni li jwasslu għall-kapaċità ta' l-iżvilupp ta' riċerka u teknoloġika ta' l-SMEs u għall-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija u l-formazzjoni ta' ditti ġodda, speċjalment SMEs ta' konoxxenza intensiva;

2)

l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju, u b'mod partikolari:

(a)

l-istimolu ta' investiment għar-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, inklużi siti u artijiet kontaminati, deżertifikati u siti u art abbandunati;

(b)

il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-infrastruttura marbut mal-bijodiversità u investimenti f'siti tan-NATURA 2000, fejn dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u/jew għad-diversifikazzjoni ta' żoni rurali;

(ċ)

l-istimolu ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ta' sistemi effiċjenti ta' maniġġar ta' enerġija;

(d)

il-promozzjoni ta' trasport pubbliku nadif u sostenibbli, b'mod partikolari f'żoni urbani;

(e)

l-iżvilupp ta' pjanijiet u miżuri li jipprevjenu u jikkontrollaw riskji naturali (p.e. deżertifikazzjoni, nixfa, nirien u għargħar) u riskji teknoloġiċi;

(f)

il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali u kulturali b'sostenn ta' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-promozzjoni ta' assi naturali u kulturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli;

3)

l-aċċess għal servizzi tat-trasport u tat-telekommunikazzjoni ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari:

(a)

it-tisħiħ ta' retikolati sekondarji billi jittejbu l-kollegamenti mar-retikolati RTE-T, maċ-ċentri tal-ferroviji, l-ajruporti u l-portijiet jew ma' pjattaformi multimodali reġjonali li jipprovdu kollegamenti radjali mal-linji tal-ferroviji ewlenin u jippromwovu l-passaġġi ta' l-ilma interni reġjonali u lokali, u l-attività merkantili fuq distanzi qosra;

(b)

il-promozzjoni ta' l-aċċess għal, l-adozzjoni, u l-użu effiċjenti tat-TIK mill-SMEs billi jkun sostnut l-aċċess għar-retikolati, it-twaqqif ta' punti pubbliċi ta' aċċess għall-Internet, it-tagħmir, u l-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet, inkluż, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-intrapriżi żgħar ħafna u għal dawk tas-snajja'.

Addizzjonalment, għal programmi operattivi sostnuti mill-FEŻR fir-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament speċifiku u transizzjonali msemmi fl-artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li jestendu s-sostenn għall-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament .

Artikolu 6

Koperazzjoni territorjali Ewropea

Taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

1)

l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta' strateġiji konġunti għal żvilupp territorjali sostenibbli, u primarjament:

(a)

bl-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' l-SMEs, it-turiżmu, il-kultura, u l-kummerċ trans-konfinali;

(b)

bl-inkoraġġiment u t-titjib tal-protezzjoni u l-ġestjoni konġunti ta' riżorsi naturali u kulturali, kif ukoll bil-prevenzjoni ta' riskji ambjentali u teknoloġiċi;

(ċ)

bis-sostenn ta' kollegamenti bejn żoni urbani u rurali;

(d)

billi jitnaqqas l-iżolament permezz ta' aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-networks u għas-servizzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni, għall-ilma trans-konfinali, u għal sistemi u faċilitajiet ta' skart u enerġija;

(e)

bl-iżvilupp tal-kollaborazzjoni, tal-kapaċità u ta' l-użu konġunt ta' infrastrutturi b'mod partikolari f'setturi bħal dawk tas-saħħa, tal-kultura, tat-turiżmu u ta' l-edukazzjoni.

Addizzjonalment, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi fil-promozzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva, ta' l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol trans-konfinali, ta' l-inizjattivi lokali għall-impjiegi, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, tat-taħriġ u ta' l-inklużjoni soċjali, u tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u tal-faċilitajiet għar-R&ŻT.

Fir-rigward tal-Programm PEACE bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontej fuq il-fruntieri ta' l-Irlanda kif previst taħt il-paragrafu 22 ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu, addizzjonalment għall-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq, jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-istabbiltà soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, partikolarment permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni bejn il-komunitajiet;

2)

l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' koperazzjoni transnazzjonali, inkluża koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi mhux koperti taħt il-punt (1), permezz ta' finanzjament ta' networks u ta' azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat, b'konċentrazzjoni primarjament fuq l-oqsma prijoritarji li ġejjin:

(a)

innovazzjoni: il-ħolqien u l-iżvilupp ta' networks xjentifiċi u teknoloġiċi, u t-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni, fejn dawn jagħtu kontribut dirett għall-iżvilupp ekonomiku bilanċjat ta' żoni transnazzjonali. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: l-istabbiliment ta' networks bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka u SMEs; kollegamenti sabiex jitjiebu l-aċċess għall-konoxxenza teknoloġika u t-trasferiment ta' teknoloġiji bejn faċilitajiet tar-R&ŻT u ċentri internazzjonali ta' eċċellenza fir-R&ŻT; il-ġemellaġġ ta' istituzzjonijiet ta' trasferiment ta' teknoloġija; u żvilupp ta' strumenti konġunti ta' inġinerija finanzjarja diretti lejn is-sostenn għar-R&ŻT fl-SMEs;

(b)

ambjent: maniġġar ta' l-ilma, effiċjenza ta' l-enerġija, attivitajiet ta' prevenzjoni ta' riskju u ta' protezzjoni ambjentali b'dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-protezzjoni u l-ġestjoni ta' baċini ta' xmajjar, żoni kostali, riżorsi marini, servizzi ta' l-ilma u oqsma taħt l-ilma; il-prevenzjoni ta' nirien, nixfat u għargħar; il-promozzjoni tas-sigurtà marittima u l-protezzjoni kontra riskji naturali u teknoloġiċi; u protezzjoni u tisħiħ tal-wirt naturali b'sostenn għal żvilupp soċjo-ekonomiku u turiżmu sostenibbli;

(ċ)

aċċessibbiltà: attivitajiet li jtejbu l-aċċess għas-servizzi ta' trasport u telekomunikazzjoni, u l-kwalità tagħhom, fejn dawn ikollhom dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: investimenti f'sezzjonijiet trans-konfinali tan-networks trans-Ewropej; titjib fl-aċċess lokali u reġjonali għal networks nazzjonali u transnazzjonali; tisħiħ ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali u reġjonali; u l-promozzjoni ta' tekonoloġiji avvanzati tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni;

(d)

żvilupp urban sostenibbli: tisħiħ ta' l-iżvilupp poliċentriku fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali u reġjonali, b'impatt transnazzjonali ċar. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-ħolqien u t-titjib ta' networks urbani u kollegamenti urbani-rurali; strateġiji sabiex jiġu trattati kwistjonijiet komuni urbani-rurali; il-preżervazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, u l-integrazzjoni strateġika ta' żoni ta' żvilupp fuq bażi transnazzjonali.

L-għajnuna għall-koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi tista' tiġi estiża għall-prijoritajiet imsemmijin fil-punt (1);

3)

tisħiħ ta' l-effikaċja tal-politika reġjonali bil-promozzjoni ta':

(a)

koperazzjoni inter-reġjonali li tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza u l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju fis-sens tal-punti (1) u (2) ta' l-Artikolu 5;

(b)

skambji ta' esperjenza dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u d-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika inkluża dik fl-iżvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8; u

(ċ)

azzjonijiet li jinvovlu studji, ġbir ta' data, u l-osservazzjoni u l-analiżi ta' xejriet ta' żvilupp fil-Komunità.

Artikolu 7

L-eliġibbiltà ta' l-infiq

1.   L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:

(a)

l-interess fuq id-dejn;

(b)

ix-xiri ta' art għal ammont ogħla minn 10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-azzjoni konċernata. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, tista' tiġi permessa perċentwali ogħla mill-awtorità ta' ġestjoni għal operazzjonijiet relatati mal-konservazzjoni ta' l-ambjent;

(ċ)

id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari;

(d)

it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rikuperabbli.

2.   L-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li jaderixxu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara u fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

l-infiq għandu jiġi pprogrammat fil-qafas ta' operazzjoni ta' żvilupp urban integrata jew ta' assi prijoritarju għal żoni li jkunu jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorament fiżiku u esklużjoni soċjali;

(b)

l-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun massimu ta' 3 % ta' l-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi konċernati jew 2 % ta' l-allokazzjoni totali tal-FEŻR;

(ċ)

l-infiq għandu jkun limitat għal:

akkomodazzjoni għal aktar minn familja waħda, jew

bini li jkun il-proprjetà ta' awtoritajiet pubbliċi jew ta' operaturi li joperaw mingħajr skop ta' profitt għal użu bħala akkomodazzjoni maħsub għal familji bi dħul baxx jew għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta' kriterji meħtieġa sabiex jiġu determinati l-oqsma msemmijin taħt il-punt (a) u l-lista ta' interventi eliġibbli skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

3.   Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 għandhom japplikaw għal azzjonijiet ko-finanzjata mill-FEŻR li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IT-TRATTAMENT TA' KARATTERISTIĊI TERRITORJALI PARTIKOLARI

Artikolu 8

Żvilupp urban sostenibbli

Addizzjonalment għall-attivitajiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, fil-każ ta' azzjoni li tkun tinvolvi żvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 37(4) a) tar-Regolament (KE) (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR jista', fejn ikun il-każ, isostni l-iżvilupp ta' strateġiji parteċipattivi, integrati u sostenibbli sabiex tiġi trattata l-konċentrazzjoni għolja ta' problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li tkun qed tolqot iż-żoni urbani.

Dawn l-istrateġiji għandhom jippromwovu żvilupp urban sostenibbli permezz ta' attivitajiet bħal: it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, l-iżvilupp mill-ġdid ta' art abbandunata, il-preżervazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt naturali u kulturali, il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija, l-impjiegi lokali u l-iżvilupp komunitarju, u l-provvista ta' servizzi lill-popolazzjoni waqt li jittieħed kont ta' l-istrutturi demografiċi li jinbidlu.

B'deroga mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u fejn dawn l-attivitajiet ikunu implementati permezz ta' programm operattiv speċifiku jew ta' assi prijoritarju fi ħdan programm operattiv, il-finanzjament mill-FEŻR ta' miżuri taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 jista' jittella' għal 15 % tal-programm jew ta' l-assi prijoritarju konċernati.

Artikolu 9

Koordinazzjoni mal-FAEŻR u l-FES

Fejn programm operattiv sostnut mill-FEŻR jimmira lejn operazzjonijiet li jkunu eliġibbli wkoll taħt strument ta' sostenn ieħor Komunitarju, inklużi l-Assi 3 tal-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd kostali taħt il-FES (Fond Ewropew għas-Sajd), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f'kull programm operattiv il-kriterji tad-demarkazzjoni għall-operazzjonijiet sostnuti mill-FEŻR u dawk sostnuti mill-istrumenti Komunitarji l-oħra ta' sostenn.

Artikolu 10

Żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali

Il-programmi reġjonali ko-finanzjati mill-FEŻR li jkopru żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali kif imsemmi fil-punt (f) ta' l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandhom jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta' dawk iż-żoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi b'mod partikolari lejn il-finanzjament ta' investimenti maħsubin sabiex itejbu l-aċċessibbiltà, jippromwovu u jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-wirt kulturali u naturali, jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, u jinkoraġġixxu turiżmu sostenibbli.

Artikolu 11

Ir-reġjuni l-aktar estremi

1.   L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 20 ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, għandha tiġi użata sabiex tpatti għall-ispejjeż addizzjonali marbutin ma' l-iżvantaġġi definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE magħmulin fir-reġjuni l-aktar estremi fis-sostenn ta':

(a)

il-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikoli 4 u/jew 5 skond il-każ;

(b)

is-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport;

(ċ)

l-operazzjonijiet marbutin ma' restrizzjonijiet ta' ħażna, ta' daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta' għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas tal-kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

2.   L-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista', fil-limiti ta' l-ambitu ta' l-Artikolu 3, tiffinanzja spejjeż ta' investimenti. Addizzjonalment, l-allokazzjoni addizzjonali speċifika għandha tintuża sa minimu ta 50 % sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar estremi.

3.   L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' ko-finanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 magħmula mill-benefiċjarju fil-każ ta' l-għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti biss, u tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.

4.   Il-finanzjament taħt dan l-Artikolu ma jistax jintuża sabiex isostni:

(a)

operazzjonijiet li jinvolvu prodotti li jaqgħu fl-Anness I mat-Trattat;

(b)

għajnuniet għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat;

(ċ)

eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR L-OBJETTIV TAL-KOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA

TAQSIMA 1

Programmi operattivi

Artikolu 12

Kontenut

Kull programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

1)

analiżi tas-sitwazzjoni tal-qasam ta' koperazzjoni f'termini ta' punti ta' forza u ta' dgħjufija u l-istrateġija magħżula bħala reazzjoni;

2)

lista taż-żoni eliġibbli fi ħdan il-qasam tal-programm inklużi, fir-rigward tal-programmi għall-koperazzjoni trans-konfinali, l-oqsma ta' flessibbiltà kif imsemmija fl-Artikolu 21(1);

3)

ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet magħżulin b'rigward għal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, għall-qafas strateġiku nazzjonali ta' referenza fejn l-Istati Membri għażlu li jinkludu fiha azzjonijiet finanzjati taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni territorjali Ewropea, u għar-riżultati mill-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4)

informazzjoni dwar l-assi prijoritarju u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi għall-output u għar-riżultati, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress imqabbel mas-sitwazzjoni bażilari u mal-kisba tal-miri ta' l-assi prijoritarju;

5)

għall-finijiet ta' informazzjoni biss, tqassim indikattiv skond il-kategorija ta' l-użu programmat tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programm operattiv skond ir-regoli ta' implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

6)

pjan finanzjarju singolu, bla ebda tqassim skond l-Istati Membri, li jkun fih żewġ tabelli:

(a)

tabella li tqassam għal kull sena, skond l-Artikoli 52, 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali maħsuba għall-kontribuzzjoni mill-FEŻR. Il-kontribuzzjoni totali tal-FEŻR mogħtija għal kull sena għandha tkun kompatibbli mal-qafas finanzjarju applikabbli;

(b)

tabella li tispeċifika, għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni, għall-programm operattiv u għal kull assi prijoritarju, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-kontribuzzjoni Komunitarja u l-kontropartijiet nazzjonali, u r-rata tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR. Fejn, skond l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika u privata, it-tabella għandha tagħti t-tqassim indikattiv bejn il-komponent pubbliku tan-nefqa u dak privat. Fejn skond dak l-Artikolu, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika, it-tabella għandha tindika l-ammont tal-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali;

7)

informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' miżuri finanzjati mill-FAEŻR u dawk finanzjati mill-FES, fejn relevanti;

8)

id-dispożizzjonijiet implementattivi għall-programm operattiv, inklużi:

(a)

in-nomina mill-Istati Membri ta' l-awtoritajiet kollha msemmija fl-Artikolu 14;

(b)

deskrizzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni;

(ċ)

informazzjoni dwar il-korp kompetenti sabiex jirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u l-korp jew il-korpi responsabbli sabiex jagħmlu ħlasijiet lill-benefiċjarji;

(d)

definizzjoni tal-proċeduri għall-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' flussi ta' fondi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom;

(e)

l-elementi mmirati sabiex jiġu żgurati l-pubbliċità u l-informazzjoni tal-programm operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

(f)

deskrizzjoni tal-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-iskambju ta' data kompjuterizzata sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' ħlas, ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

9)

lista indikattiva ta' proġetti maġġuri fis-sens ta' l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 mistennija li tiġi preżentata matul il-perjodu ta' programmazzjoni għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

Eliġibbiltà

Artikolu 13

Regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa

Ir-regoli nazzjonali relevanti miftehmin mill-Istati Membri parteċipanti fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandhom japplikaw sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta' l-infiq ħlief fejn ikunu stabbiliti regoli Komunitarji.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, regoli komuni dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fejn l-Artikolu 7 jipprevedi regoli differenti għall-eliġibbiltà ta' l-infiq fi Stati Membri differenti li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, għandhom japplikaw ir-regoli ta' eliġibbiltà l-aktar estensivi fil-qasam tal-programm kollu.

TAQSIMA 3

Ġestjoni, monitoraġġ u kontroll

Artikolu 14

In-nomina ta' l-awtoritajiet

1.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm operattiv għandhom jaħtru awtorità ta' ġestjoni waħda, awtorità ta' ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta' verifika waħda, b'dan ta' l-aħħar ikun jinsab fl-Istat Membru ta' l-awtorità ta' ġestjoni. L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u, bħala regola ġenerali, għandha tagħmel il-ħlasijiet lill-benefiċjarju ewlieni.

L-awtorità ta' ġestjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri rappreżentati fil-qasam tal-programm, għandha tistabbilixxi segretarjat tekniku konġunt. Dan ta' l-aħħar għandu jgħin lill-awtorità ta' ġestjoni u lill-kumitat ta' monitoraġġ, u, fejn ikun il-każ, lill-awtorità ta' verifika, fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom.

2.   L-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv għandha tkun assistita minn grupp ta' awdituri li jkun jikkonsisti minn rappreżentant ta' kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv u li jwettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Il-grupp ta' awdituri għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard minn tliet xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv. Dan għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Dan għandu jkun presedut mill-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv.

L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu b'unanimità li l-awtorità ta' verifika tkun awtorizzata li twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 b'mod dirett fit-territorju kollu kopert mill-programm mingħajr il-ħtieġa ta' grupp ta' awdituri kif definit fl-ewwel subparagrafu.

L-awdituri għandhom ikunu indipendenti mis-sistema ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 16(1).

3.   Kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv għandu jinnomina rappreżentanti fil-kumitat ta' monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Artikolu 15

Funzjoni ta' l-awtorità ta' ġestjoni

1.   L-awtorità ta' ġestjoni għandha twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, ħlief għal dawk li jikkonċernaw ir-regolarità ta' l-operazzjonijiet u l-infiq relattivament għar-regoli nazzjonali u Komunitarji, kif stabbilit taħt il-punt (b) ta' dak Artikolu. F'dan ir-rigward, hija għandha tara li n-nefqa ta' kull benefiċjarju li jipparteċipa f'operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 16(1) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità ta' ġestjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti implementattivi għal kull operazzjoni, fejn ikun il-każ bi qbil mal-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 16

Sistema ta' kontroll

1.   Sabiex l-infiq jiġi validat, kull Stat Membru għandu joħloq sistema ta' kontroll li tagħmilha possibbli li jiġu verifikati l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati, il-korrettezza tan-nefqa dikjarata għall-operazzjonijiet jew partijiet mill-operazzjonijiet li jkunu ġew implementati fit-territorju tiegħu, u l-konformità ta' tali nefqa u ta' operazzjonijiet relatati, jew ta' partijiet minn dawk l-operazzjonijiet, mar-regoli Komunitarji u dawk nazzjonali tiegħu.

Għal din il-fini kull Stat Membru għandu jinnomina l-kontrolluri responsabbli għall-verifika tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa dikjarata minn kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinnominaw kontrollur wieħed għall-qasam tal-programm kollu.

Fejn il-kunsinna ta' prodotti u servizzi ko-finanzjati tkun tista' tiġi verifikata biss fir-rigward ta' l-operazzjoni sħiħa, il-verifika għandha titwettaq mill-kontrollur ta' l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-benefiċjarju ewlieni, jew mill-awtorità ta' ġestjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li n-nefqa tkun tista' tiġi validata mill-kontrolluri fi żmien ta' tliet xhur.

Artikolu 17

Amministrazzjoni finanzjarja

1.   L-għajnuna tal-FEŻR għandha titħallas f'kont wieħed mingħajr sub-kontijiet nazzjonali.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri sabiex dawn jiskopru u jikkorreġu irregolaritajiet u sabiex jirkupraw dawk l-ammonti ta' flus li tħallsu b'mod indebitu, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tiżgura li kull ammont imħallas bħala riżultat ta' irregolarità jiġi rkuprat mill-benefiċjarju ewlieni. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni kull ammont imħallas b'mod indebitu skond il-ftehim li jeżisti bejniethom.

3.   Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxilux jikseb il-ħlas lura minn benefiċjarju, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-benefiċjarju konċernat għandu jirrimborsa lill-awtorità ta' ċertifikazzjoni għall-ammont ta' flus li jkun tħallas b'mod indebitu lil dak il-benefiċjarju.

Artikolu 18

Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali

L-Istati Membri li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea jistgħu jagħmlu użu minn raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) (10) bil-ħsieb li jagħmlu dak ir-raggruppament responsabbli għall-amministrazzjoni tal-programm operattiv billi jiġi konferit lilu r-responsabbiltajiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni u tas-segretarjat tekniku konġunt. F'dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jkompli jassumi responsabbiltà finanzjarja.

TAQSIMA 4

Operazzjonijiet

Artikolu 19

Għażla ta' operazzjonijiet

1.   L-operazzjonijiet magħżulin għall-programmi operattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali kif imsemmi fil-punt (1) ta' l-Artikolu 6 u maħsubin sabiex jistabbilixxu u jiżviluppaw koperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fil-punt (2) ta' l-Artikolu 6 għandhom jinkludu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru, li għandhom jikkoperaw f'mill-inqas tnejn mill-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

L-operazzjonijiet magħżulin li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq jistgħu jiġu implementati f'pajjiż wieħed sakemm dawn ikunu ġew preżentati minn entitajiet li jkunu jappartjenu għal mill-inqas żewġ pajjiżi.

Il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq ma għandhomx japplikaw għal dawk l-azzjonijiet taħt il-Programm PEACE imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-punt (1) ta' l-Artikolu 6.

2.   L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi li jinvolvu l-koperazzjoni inter-reġjonali, kif imsemmi fil-punt (3)(a) ta' l-Artikolu 6, għandhom jinkludu benefiċjarji, fuq livell reġjonali jew lokali, minn mill-inqas:

(a)

tliet Stati Membri, jew

(b)

tliet pajjiżi, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu Stati Membri, fejn benefiċjarju ta' pajjiż terz ikun involut.

L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi kif imsemmi fil-punt (3)(b) ta' l-Artikolu 6 għandhom, meta jkun possibbli skond it-tip ta' l-operazzjoni, japplikaw il-kondizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-benefiċjarji għandhom jikkoperaw bil-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

3.   Addizzjonalment għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kumitat ta' monitoraġġ, jew kumitat ta' tmexxija li jirrapporta lilu, għandu jkun responsabbli mill-għażla ta' l-operazzjonijiet.

Artikolu 20

Responsabbilitajiet tal-benefiċjarju ewlieni u l-benefiċjarji l-oħra

1.   Għal kull operazzjoni għandu jinħatar benefiċjarju ewlieni mill-benefiċjarji minn fosthom stess. Il-benefiċjarju ewlieni għandu jassumi r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni fi ftehim li jkun jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti ta' flus mħallsa indebitament;

(b)

għandu jkun responsabbli milli jiżgura l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni kollha;

(ċ)

għandu jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni jkunu tħallsu bil-għan li jimplementaw l-operazzjoni u li din tkun tikkorrispondi ma' l-attivitajiet miftiehma bejn dawk il-benefiċjarji;

(d)

għandu jivverifika li n-nefqa preżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrolluri;

(e)

għandu jkun responsabbli sabiex jittrasferixxi l-kontribuzzjoni tal-FEŻR lill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni.

2.   Kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni għandu:

(a)

jassumi responsabbiltà fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità fin-nefqa li huwa jkun iddikjara;

(b)

jinforma lill-Istat Membru li fih ikun jinsab dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni fil-każ li dan l-Istat Membru nnifsu ma jkunx qiegħed jipparteċipa fil-programm operattiv konċernat.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-lokalità ta' l-operazzjonijiet

1.   Fil-kuntest tal-koperazzjoni trans-konfinali, u f'każijiet li jkunu ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet jew ta' partijiet ta' l-operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat f'żoni tal-livell NUTS 3 li jkunu kontigwi għaż-żoni eliġibbli għall-programm imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jew li jkunu mdawra b'tali żoni kontigwi. F'każijiet eċċezzjonali kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, din il-flessibbiltà għandha tkun estiża għaż-żoni li huma tal-livell NUTS 2 li fihom jinsabu ż-żoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fil-livell ta' proġettazzjoni, tista' tkun eliġibbli nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona tal-programm kif definit fl-ewwel subparagrafu, jekk il-proġett ikun tali li jkollu diffikultà sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu mingħajr il-parteċipazzjoni ta' dak l-imsieħeb.

2.   Fil-kuntest ta' koperazzjoni transnazzjonali, u f'każijiet ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona parteċipanti f'operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn tali nefqa tkun maħsuba għall-benefiċċju tar-reġjuni fil-qasam ta' l-objettiv ta' koperazzjoni.

3.   Fil-kuntest ta' koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa li tkun saret sabiex jiġu implementati operazzjonijiet jew partijiet minn operazzjonijiet fit-territorju tal-pajjiżi barra mill-Komunità Ewropea sa limitu ta' 10 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn dan ikun maħsub għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Komunità.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-legalità u r-regolarità ta' dan l-infiq. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tikkonferma l-għażla ta' l-operazzjonijiet barra miż-żoni eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1783/1999, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2006, li għandhom konsegwentement japplikaw minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew il-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

2.   L-applikazzjonijiet magħmulin taħt ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 23

Taħsir

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 162 tat-Trattat.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il-5 ta’ Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMAKI


(1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 91.

(2)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 19.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2006(għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

(6)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1

(9)  ĠU L 213, 13.8.1999, p. 1.

(10)  Ara paġna 19 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

12


REGOLAMENT (KE) NRU 1081/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond ta' Koeżjoni (4), jistabbilixxi l-qafas għal azzjoni mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni u jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli li jikkonċernaw is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u t-tmexxija. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi definita l-missjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fir-rigward tal-kompiti preskritti taħt l-Artikolu 146 tat-Trattat u fil-kuntest tal-ħidma ta' l-Istati Membri u tal-Komunità lejn l-iżvilupp ta' strateġija koordinata għall-impjiegi taħt l-Artikolu 125 tat-Trattat.

(2)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu finanzjati mill-FSE taħt l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(3)

Il-FSE għandha ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi ttejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg fil-qafas tal-kompiti fdati lill-FSE mill-Artikolu 146 tat-Trattat u tal-kompiti fdati lill-Fondi Strutturali mill-Artikolu 159 tat-Trattat, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(4)

Dan huwa aktar u aktar importanti fid-dawl ta' l-isfidi li ġejjin mit-tkabbir ta' l-Unjoni u mill-fenomenu tal-globalizzazzjoni ekonomika. F'dan ir-rigward, l-importanza tal-mudell soċjali Ewropew u l-modernizzazzjoni tiegħu għandhom jiġu rikonoxxuti.

(5)

Skond l-Artikoli 99 u 128 tat-Trattat, u bil-ħsieb li tiġi ffokata mill-ġdid l-istrateġija ta' Lisbona dwar it-tkabbir ekonomiku u x-xogħol, il-Kunsill adotta pakkett integrat li jinkludi l-Linji Gwida Wesgħin dwar il-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, dawn ta' l-aħħar jesponu objettivi dwar impjiegi, prioritajiet u miri. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 għamel sejħa għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u Komunitarji adatti kollha, inkluża l-politika ta' koeżjoni.

(6)

Ittieħdu lezzjonijiet ġodda mill-inizjattiva Komunitarja EQUAL, speċjalment dwar kif tista' tiġi kombinata l-azzjoni lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea. Dawn il-lezzjonijiet għandhom ikunu integrati f'sostenn lill-FSE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-gruppi mmirati, lill-integrazzjoni ta' migranti, inklużi dawk li jfittxu asil, lill-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet dwar politika u l-integrazzjoni sussegwenti tagħhom, lit-teknika ta' innovazzjoni u sperimentazzjoni, lil metodoloġiji għall-koperazzjoni transnazzjonali, lill-kuntatti ma' gruppi emarġinati fir-rigward tas-suq tax-xogħol, lill-impatt ta' kwistjonijiet soċjali fuq is-suq intern, u lill-aċċess għal u l-ġestjoni ta' proġetti li jidħlu għalihom organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(7)

Il-FSE għandu jsostni l-linji politiċi ta' l-Istati Membri li jsegwu mill-qrib il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet taħt l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u l-objettivi relevanti tal-Komunità dwar l-inklużjoni soċjali, in-non-diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza, l-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jikkontribwixxi aktar fl-implementazzjoni ta' l-objettivi u l-miri li dwarhom kien hemm ftehim fil-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 u fil-Kunsill Ewropew ta' Goteburgu tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001.

(8)

Il-FSE għandu jaġixxi wkoll sabiex jittratta d-dimensjonijiet u l-konsegwenzi relevanti tal-bidliet demografiċi fil-popolazzjoni attiva tal-Komunità, partikolarment permezz tat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja.

(9)

Bil-ħsieb li tkun antiċipata u mmexxija aħjar il-bidla u jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet għall-impjieg kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u l-objettivi tal-Konverġenza, l-għajnuna mill-FSE għandha tiffoka, b'mod partikolari, fuq it-titjib ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi, it-tisħiħ tal-kapital uman u ta' l-aċċess għall-impjieg u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-tisħiħ ta' l-inklużjoni soċjali ta' persuni żvantaġġati, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-inkoraġġiment ta' persuni li mhumiex ekonomikament attivi sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta' sħubiji għar-riforma.

(10)

Addizzjonalment għal dawn il-prijoritajiet, fir-reġjuni u fl-Istati Membri l-anqas żviluppati, taħt l-objettiv tal-Konverġenza u bil-ħsieb li jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet għall-impjieg kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, huwa meħtieġ li jitwessa' u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman u li titjieb ukoll il-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva u ġudizzjarja, l-aktar sabiex jitħejjew u jkunu implementati r-riformi, u sabiex ikun infurzat ukoll l-acquis.

(11)

Fil-firxa ta' dawn il-prijoritajiet, l-għażla ta' interventi tal-FSE għandha tkun flessibbli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi f'kull Stat Membru u t-tipi ta' azzjoni prijoritarja finanzjati mill-FSE għandhom jippermettu marġni ta' flessibbiltà sabiex jirrispondi għal dawn l-isfidi.

(12)

Il-promozzjoni ta' attivitajiet innovattivi transnazzjonali u inter-reġjonali hija dimensjoni importanti li għandha tiġi integrata fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE. Sabiex titrawwem il-koperazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprogrammaw azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali billi jużaw approċċ orizzontali jew permess ta' assi prijoritarju dedikat.

(13)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata l-koerenza ta' l-azzjoni tal-FSE mal-linji politiċi previsti taħt l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u li s-sostenn tal-FSE jkun konċentrat fuq l-implementazzjoni tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet taħt dik l-Istrateġija.

(14)

L-implementazzjoni effiċjenti u effettiva ta' l-azzjonijiet sostnuti mill-FSE tiddipendi fuq it-tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjo-ekonomiċi relevanti kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati oħrajn, inklużi dawk fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ċentrali fis-sħubija wiesgħa għal bidla, u huwa essenzjali l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitjiebu l-opportunitajiet ta' l-impjiegi u tax-xogħol. F'dan il-kuntest, fejn kemm min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema jikkontribwixxu b'mod kollettiv sabiex isostnu finanzjarjament l-azzjonijiet tal-FSE, din il-kontribuzzjoni finanzjarja, għalkemm nefqa privata, tiġi inkluża għall-iskopijiet li jiġi kkalkolat il-kofinanzjament tal-FSE.

(15)

Il-FSE għandu jsostni azzjoni konformi mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet relevanti taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi. Madankollu, il-bidliet fil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet ikunu jeħtieġu r-reviżjoni ta' programm operattiv biss fejn Stat Membru, jew il-Kummissjoni bi ftehim ma' Stat Membru, tikkunsidra li l-programm operattiv għandu jieħu kont ta' bidliet soċjo-ekonomiċi sinifikattivi jew jieħu kont akbar jew differenti tal-bidliet prinċipali fil-prijoritajiet tal-komunità, nazzjonali jew reġjonali, jew fid-dawl ta' valutazzjonijiet, jew wara diffikultajiet fl-implementazzjoni.

(16)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implementazzjoni tal-prijoritajiet finanzjati mill-FSE taħt l-objettivi tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi tikkontribwixxi fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza u fit-tneħħija ta' l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel. Approċċ ta' integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi għandu jkun kombinat ma' azzjoni speċifika sabiex jiżdiedu l-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa li jaħdmu.

(17)

Il-FSE għandu jsostni wkoll l-għajnuna teknika, b'attenzjoni speċjali sabiex jitħeġġeġ it-tagħlim reċiproku permezz ta' skambji ta' esperjenzi u tad-disseminazzjoni ta' prattika tajba u sabiex ikun enfasizzat il-kontribut tal-FSE lejn l-objettivi tal-politika u tal-prijoritajiet tal-Komunità, fir-rigward ta' l-impjiegi u ta' l-inklużjoni soċjali.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi li r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet dwar il-FSE.

(19)

Fl-interess taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (5) għandu għalhekk jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-għajnuna tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' infiq eliġibbli għall-għajnuna.

2.   Il-FSE huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-FSE għandu jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Komunità fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta' impjieg, filwaqt li jħeġġeġ livell għoli ta' impjieg u aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Għandu jagħmel dan billi jsostni l-linji politiċi ta' l-Istati Membri sabiex ikun hemm xogħol għal kulħadd u kwalità u produttività fix-xogħol, sabiex tkun promossa l-inklużjoni soċjali, inkluż l-aċċess għal impjieg ta' nies żvantaġġati, u sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-impjiegi.

B'mod partikolari, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet b'mod konformi mal-miżuri meħudin mill-Istati Membri abbażi tal-linji gwida adottati taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, kif inkorporati fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u għall-Impjiegi, u r-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawhom.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1, il-FSE għandu jsostni l-prijoritajiet tal-Komunità dwar il-ħtieġa li tiġi rinfurzata l-koeżjoni soċjali, tissaħħaħ il-produttività u l-kompettitività, u jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli. Meta jagħmel dan, il-FSE għandu jieħu kont tal-prijoritajiet u l-objettivi relevanti tal-Komunità fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, waqt li jżid il-parteċipazzjoni ta' persuni ekonomikament inattivi fis-suq tax-xogħol, jiġġieled l-esklużjoni soċjali – speċjalment dik ta' gruppi żvantaġġati bħal persuni b'diżabbiltajiet – jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-non-diskriminazzjoni.

Artikolu 3

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.   Fil-qafas ta' l-objettivi tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet fl-Istati Membri taħt il-prijoritajiet elenkati hawn taħt:

(a)

żieda fl-adattabbiltà tal-ħaddiema, ta' l-impriżi u ta' l-imprendituri, bil-ħsieb li jiġu mtejba l-antiċipazzjoni u t-tmexxija pożittiva tal-bidla ekonomika, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

tagħlim tul il-ħajja u investiment miżjud fir-riżorsi umani mill-impriżi, l-aktar l-impriżi mill-SMEs, u fil-ħaddiema, bl-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' sistemi u strateġiji, inkluż l-apprendistat, li jiżguraw l-aċċess imtejjeb għat-taħriġ minn, b'mod partikolari, ħaddiema ta' abbiltajiet baxxi u dawk ta' età avvanzata, fl-iżvilupp tal-kwalifiki u tal-kompetenzi, fit-tixrid tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, fl-e-learning, fit-teknoloġiji favur l-ambjent u fl-abbiltajiet tat-tmexxija, u fil-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u fl-innovazzjoni u fil-varar ta' negozji;

(ii)

it-tfassil u t-tixrid ta' forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol li jkunu innovattivi u produttivi aktar, inklużi dawk relatati ma' saħħa u sigurtà aħjar fuq ix-xogħol, ma' l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet futuri okkupazzjonali u ta' abbiltajiet, u l-iżvilupp ta' servizzi speċifiċi ta' xogħol, taħriġ u sostenn, inkluż l-outplacement, għall-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta' kumpanniji u ta' setturi;

(b)

it-tisħiħ ta' aċċess għax-xogħol u l-inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jfittxu impjieg u ta' persuni inattivi, il-prevenzjoni tal-qgħad, b'mod partikolari tal-qgħad għall-perjodu fit-tul u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inkoraġġiment ta' xjuħija attiva u ta' parti itwal mill-ħajja dedikata għax-xogħol, u ż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari s-servizzi ta' l-impjieg u inizjattivi relevanti oħra fil-kuntest ta' l-istrateġiji ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri għall-impjieg għal kulħadd;

(ii)

l-implementazzjoni ta' miżuri attivi u preventivi li jiżguraw l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni individwali u ta' sostenn personalizzat, bħal taħriġ speċifikament indirizzat, it-tiftix tax-xogħol, l-outplacement u l-mobbiltà, ix-xogħol fuq bażi indipendenti u l-ħolqien ta' negozji – inkluzi impriżi koperattivi, inċentivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, miżuri flessibbli sabiex ħaddiema avvanzati fl-età jinżammu aktar fl-impjieg u miżuri sabiex jiġu rikonċiljati x-xogħol u l-ħajja privata, bħall-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għall-kura tat-tfal u l-kura għall-persuni dipendenti;

(iii)

integrazzjoni u azzjoni speċifika sabiex jittejjeb l-aċċess għall-impjieg, żieda fil-parteċipazzjoni u l-progress sostenibbli tan-nisa fl-impjiegi u t-tnaqqis tas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq is-sessi, anki billi jiġu indirizzati l-kawżi radikali, diretti u indiretti, tad-diverġenzi salarjali bejn in-nisa u l-irġiel;

(iv)

azzjoni speċifika sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' migranti fl-impjieg u b'hekk tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali tagħhom; l-aġevolazzjoni tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali ta' ħaddiema u ta' l-integrazzjoni ta' swieq tax-xogħol trans-konfinali, anke permezz ta' gwida, ta' taħriġ fil-lingwi u tal-validazzjoni ta' kompetenzi u ta' abbiltaijiet miksubin;

(ċ)

it-tisħiħ ta' l-inklużjoni soċjali ta' persuni żvantaġġati bil-ħsieb ta' l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fl-impjieg u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

toroq għall-integrazzjoni u d-dħul mill-ġdid fl-impjieg għal persuni żvantaġġati, bħal persuni li jkunu qegħdin ibatu minn esklużjoni soċjali, persuni li jħallu l-iskola kmieni, minoranzi, persuni b'diżabbiltà u persuni li jipprovdu kura għal persuni dipendenti, permezz ta' miżuri favur l-impjegabbiltà, anke fil-qasam ta' l-ekonomija soċjali, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u azzjonijiet akkumpanjatriċi u servizzi relevanti ta' sostenn, komunitarji u ta' kura li jtejbu l-opportunitajiet ta' impjieg;

(ii)

L-aċċettazzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess u fil-progress fis-suq tax-xogħol anke permezz tas-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika, ta' l-involviment ta' komunitajiet u impriżi lokali u tal-promozzjoni ta' inizjattivi ta' impjieg lokali;

(d)

it-tisħiħ tal-kapital uman, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

it-tfassil u l-introduzzjoni ta' riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tiġi żviluppata l-impjegabbiltà, sabiex tiġi mtejba r-relevanza tas-suq tax-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u vokazzjonali u sabiex jiġu aġġornati kontinwament l-abbiltajiet ta' persunal li jħarreġ bil-ħsieb ta' ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni u fuq il-konoxxenza;

(ii)

attivitajiet ta' networking bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, bejn ċentri ta' riċerka u ta' teknoloġija u bejn impriżi;

(e)

il-promozzjoni ta' sħubiji, patti u inizjattivi permezz tan-networking tal-partijiet interessati relevanti, bħal imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex issir mobilizzazzjoni għal riformi fil-qasam ta' l-impjiegi u ta' l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

2.   Fil-qafas ta' l-objettiv tal-Konverġenza, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet fi Stati Membri taħt il-prijoritajiet elenkati hawn taħt:

(a)

it-tkabbir u t-tisħiħ ta' l-investiment fil-kapital uman, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

l-implementazzjoni tar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, partikolarment sabiex jitkabbar ir-rispons tan-nies għall-ħtiġijiet ta' soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza u fuq it-tagħlim tul il-ħajja;

(ii)

żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, anke b'azzjoni li timmira li tnaqqas in-numru ta' tfal li jħallu l-iskola kmieni u s-segregazzjoni ta' suġġetti bejn nisa u irġiel u aktar aċċessibbiltà u kwalità ta' l-edukazzjoni inizjali, vokazzjonali u terzjarja u tat-taħriġ;

(iii)

l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem fir-riċerka u fl-innovazzjoni, partikolarment permezz ta' studji post-universitarji u tat-taħriġ ta' riċerkaturi;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u ta' l-effiċjenza ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u, fejn ikun relevanti, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet non-governattivi, bil-ħsieb ta' riformi, ta' regolamentazzjoni aħjar u ta' tmexxija tajba l-aktar fil-qasam ekonomiku, ta' l-impjiegi, ta' l-edukazzjoni, dak soċjali, ambjentali u ġuridiku, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

mekkaniżmi għat-titjib tat-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tajba ta' politika u programmi, anke permezz ta' studji, statistika u parir espert, sostenn għall-koordinazzjoni interdipartimentali u d-djalogu bejn l-entitajiet pubbliċi u privati relevanti;

(ii)

l-iżvilupp tal-kapaċità fit-twettiq ta' linji politiċi u programmi fl-oqsma relevanti, inkluż fir-rigward tal-leġislazzjoni, l-aktar permezz tat-taħriġ kontinwu fil-ġestjoni u tal-persunal u b'sostenn speċifiku għal servizzi ewlenin, ispettorati u atturi soċjo-ekonomiċi, inklużi l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet non-governattivi relevanti u organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi.

3.   Fi ħdan dawn il-prijoritajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jikkonċentraw fuq dawk li huma l-aktar xierqa sabiex jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tagħhom.

4.   Il-FSE jista' jsostni azzjonijiet esposti fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament fit-territorju kollu ta' l-Istati Membri eliġibbli għas-sostenn jew għas-sostenn transizzjonali taħt il-Fond ta' Koeżjoni, kif determinat rispettivament fl-Artikoli 5(2) u 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

5.   Fl-implementazzjoni ta' l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-FSE għandu jsostni l-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' attivitajiet innovattivi fl-Istati Membri.

6.   Il-FSE għandu jsostni wkoll azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali b'mod partikolari permezz ta' skambju ta' informazzjoni, esperjenzi, riżultati u l-aħjar prattika, u bl-iżvilupp ta' approċċi komplementari u ta' azzjoni koordinata jew konġunta.

7.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 il-finanzjament tal-miżuri taħt il-prijorità ta' inklużjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 1(ċ)(i) ta' dan l-Artikolu u fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (6) jista' jiġi miżjud għal 15 % ta' l-assi prijoritarju konċernat.

Artikolu 4

Koerenza u konċentrazzjoni ta' sostenn

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet sostnuti mill-FSE ikunu konsistenti ma' u jikkontribwixxu għal azzjonijiet imwettqa skond l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi. B'mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-istrateġija stabbilita fil-qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali u l-azzjonijiet stabbiliti fil-programmi operattivi tkun tippromwovi l-objettivi, il-prijoritajiet u l-miri ta' l-Istrateġija f'kull Stat Membru fil-qafas ta' programmi ta' riforma nazzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-inklużjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jikkonċentraw ukoll is-sostenn, fejn il-FSE jista' jikkontribwixxi għal-linji politiċi dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relevanti dwar l-impjieg magħmula taħt l-Artikolu 128(4) tat-Trattat u ta' l-objettivi relevanti relatati ma' l-impjieg tal-Komunità fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dan f'ambjent stabbli ta' programmazzjoni.

2.   Fi ħdan programmi operattivi, ir-riżorsi għandhom ikunu diretti lejn il-ħtiġijiet l-aktar importanti u jiffukaw fuq dawk l-oqsma ta' politika fejn is-sostenn tal-FSE jista' jkollu effett sostanzjali lejn il-ksib ta' l-objettivi tal-programm. Sabiex tkun massimizzata l-effiċjenza tas-sostenn tal-FSE, il-programmi ta' l-operat għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu b'mod partikolari ir-reġjuni u l-postijiet li jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-problemi l-aktar serji, bħal reġjuni urbani deprivati u r-reġjuni l-aktar estremi, żoni rurali u żoni dipendenti fuq is-sajd li jkunu f'deklin, u żoni partikolarment milquta ħażin minn traspostamenti ta' ditti.

3.   Fejn ikun il-każ, għandha tkun inkluża taqsima konċiża dwar il-kontribuzzjoni tal-FSE fil-promozzoni ta' l-aspetti relevanti tas-suq tax-xogħol dwar l-inklużjoni soċjali fir-rapporti nazzjonali ta' l-Istati Membri taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali.

4.   L-indikaturi inklużi fil-programmi operattivi kofinanzjati mill-FSE għandhom ikunu strateġiċi fin-natura tagħhom, limitati fin-numru u għandhom jirriflettu dawk użati fl-implementazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u fil-kuntest ta' l-objettivi Komunitarji relevanti fl-oqsma ta' l-inklużjoni soċjali u ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

5.   Il-valutazzjonijiet li jsiru b'rabta ma' l-azzjoni tal-FSE għandhom jivvalutaw ukoll il-kontribut ta' l-azzjoni sostnuta mill-FSE għall-implementazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u għall-objettivi Komunitarji fl-oqsma ta' l-inklużjoni soċjali, tan-non-diskriminazzjoni u ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Istat Membru konċernat.

Artikolu 5

Tmexxija u sħubija tajbin

1.   Il-FSE għandu jippromwovi t-tmexxija u s-sħubija tajbin. Is-sostenn tiegħu għandu jitfassal u jiġi implementat fuq livell territorjali adegwat wara li jittieħed kont tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali skond l-arranġamenti istituzzjonali li jkunu speċifiċi għal kull Stat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni adegwata ta' partijiet interessati oħra, fil-livell territorjali xieraq, fit-tħejjija, fl-implementazzjoni u fil-monitoraġġ tas-sostenn tal-FSE.

3.   L-awtorità ta' ġestjoni ta' kull programm operattiv għandha tħeġġeġ il-parteċipazzjoni adegwata ta' l-imsieħba soċjali fl-azzjonijiet finanzjati taħt l-Artikolu 3.

Taħt l-objettiv tal-Konverġenza, għandhom jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-iżvilupp tal-kapaċità, li għandu jinkludi taħriġ, miżuri ta' networking, tisħiħ ta' djalogu soċjali u attivitajiet imwettqin b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi msemmijin fl-Artikolu 3(1)(a).

4.   L-awtorità ta' ġestjoni ta' kull programm operattiv għandha tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni u l-aċċess adegwati minn organizzazzjonijiet non-governattivi fl-attivitajiet finanzjati, l-aktar fl-isfera ta' l-inklużjoni soċjali, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u ta' opportunitajiet indaqs.

Artikolu 6

Ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi operattivi jinkludu deskrizzjoni dwar kif l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs huma promossi fit-tħejjija, fl-implementazzjoni, fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni ta' programmi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu parteċipazzjoni bilanċjata ta' nisa u irġiel fit-ġestjoni u fit-twettiq ta' programmi operattivi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif xieraq.

Artikolu 7

Innovazzjoni

Fil-qafas ta' kull programm operattiv, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' attivitajiet innovattivi. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tagħżel it-temi għall-finanzjament ta' l-innovazzjoni fil-kuntest ta' sħubija u għandha tiddefinixxi l-arranġamenti xierqa ta' implementazzjoni. Għandha tinforma lill-Kumitat ta' Monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar it-temi magħżula.

Artikolu 8

Azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali

1.   Fejn Stati Membri jsostnu azzjonijiet favur azzjonijiet transnazzjonali u/jew inter-reġjonali kif stabbilit fl-Artikolu 3(6) ta' dan ir-Regolament, bħala assi prijoritarju speċifiku fi ħdan programm operattiv, il-kontribuzzjoni mill-FSE tista' tiġi miżjuda b'10 % fil-livell ta' l-assi prijoritarju. Din il-kontribuzzjoni miżjuda m'għandhiex tkun inkluża fil-kalkolu tal-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.   L-Istati Membru għandhom, bl-għajnuna tal-Kummissjoni fejn xieraq, jiżguraw li l-FSE ma jsostnix operazzjonijiet speċifiċi li kontemporanjament ikunu sostnuti permezz ta' programmi transnazzjonali Komunitarji oħra, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 9

Għajnuna teknika

Il-Kummissjoni għandha tippromwovi b'mod partikolari l-iskambji ta' esperjenzi, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika, seminars, networking u reviżjonijiet bejn pari li jservu sabiex tiġi identifikata u mxerrda prattika tajba u sabiex jiġu mħeġġa t-tagħlim reċiproku u l-koperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali bl-għan li jissaħħu d-dimensjoni tal-politika u l-kontribuzzjoni tal-FSE lejn l-objettivi Komunitarji relattivament għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali.

Artikolu 10

Rapporti

Ir-rapporti ta' l-implementazzjoni annwali u finali msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, sinteżi ta' l-implementazzjoni ta':

(a)

l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi kif ukoll kull azzjoni speċifika relatata ma' diverġenzi bejn is-sessi;

(b)

azzjoni sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' migranti fl-impjieg u b'hekk tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali tagħhom;

(ċ)

azzjoni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-impjieg u b'hekk titjib l-inklużjoni soċjali ta' minoranzi;

(d)

azzjoni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-impjieg u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġati oħrajn;

(e)

attivitajiet innovattivi, inkluża preżentazzjoni tat-temi, u r-riżultati, it-tixrid u l-integrazzjoni tagħhom;

(f)

azzjonijiet transnazzjonali u/jew inter-reġjonali.

Artikolu 11

Eliġibbiltà ta' l-infiq

1.   Il-FSE għandu jipprovdi sostenn lejn infiq eliġibbli li, minkejja l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jista' jinkludi kwalunkwe riżorsi finanzjarji kollettivament kontribwiti minn min iħaddem u minn ħaddiema. L-għajnuna għandha tieħu l-forma ta' għotjiet mhux rimborżabbli individwali jew globali, għotjiet rimborżabbli, tnaqqis fl-interessi tas-self, mikro-krediti, fondi ta' garanzija u x-xiri ta' merkanzija u servizzi skond ir-regoli ta' akkwist pubbliku.

2.   L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE:

(a)

it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rikuperabbli;

(b)

l-imgħax fuq id-dejn;

(ċ)

ix-xiri ta' għamara, tagħmir, vetturi, infrastruttura, proprjetà u art.

3.   L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu infiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE kif definit fil-paragrafu 1 sakemm ikunu magħmulin skond ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli ta' kontabbiltà, u taħt il-kondizzjonijiet speċifiċi previsti hawn taħt:

(a)

l-allowances jew is-salarji mħallsin minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f'operazzjoni u ċertifikati fir-rigward tal-benefiċjarju;

(b)

fil-każ ta' għotjiet, l-ispejjeż indiretti dikjarati abbażi ta' rata fissa sa 20 % ta' l-ispejjeż diretti ta' operazzjoni;

(ċ)

l-ispejjeż ta' deprezzament ta' assi deprezzabbli elenkati taħt il-paragrafu 2(ċ), allokati esklussivament għat-tul ta' operazzjoni, safejn l-għotjiet pubbliċi ma kkontribwixxewx lejn l-akkwist ta' dawk l-assi.

4.   Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet ko-finanzjati mill-FSE li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew fuq il-modifika, inkluża il-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1784/1999, jew ta' kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2006, li għandha konsegwentement tapplika minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

2.   L-applikazzjonijiet magħmula taħt ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 13

Tħassir

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.   Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 148 tat-Trattat.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 27.

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 48.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ara p. 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 213, 13.8.1999, p. 5.

(6)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

19


REGOLAMENT (KE) NRU 1082/2006 tal-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat jipprevedi li jiġu deċiżi azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi li huma s-suġġett ta' l-ewwel subparagrafu ta' dak l-Artikolu, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u ekonomika previst mit-Trattat. L-iżvilupp armonjuż tat-territorju Komunitarju kollu u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar jimplikaw it-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali. Għal dan il-għan huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta' implementazzjoni għal azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali.

(2)

Huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet sinifikattivi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri, u b'mod partikolari, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, fl-implementazzjoni u l-amministrazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali fi ħdan il-qafas tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali differenti.

(3)

Waqt li jittieħed kont b'mod partikolari taż-żieda fin-numru ta' fruntieri terrestri u marittimi fil-Komunità wara t-tkabbir tagħha, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat ir-rinforz ta' koperazzjoni territorjali fil-Komunità.

(4)

L-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppament Ewropew ta' interess ekonomiku, urew li m'humiex adatti biżżejjed sabiex tiġi organizzata koperazzjoni strutturata taħt l-inizjattiva INTERREG matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

(5)

L-acquis tal-Kunsill ta' l-Ewropa jipprovdi opportunitajiet u oqfsa differenti li fi ħdanhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkoperaw minn-naħa għal oħra tal-fruntieri. Dan l-istrument mhuwiex maħsub sabiex jaħrab dawk l-oqfsa jew sabiex jipprovdi sett ta' regoli speċifiċi komuni li jirregolaw b'mod uniformi l-arranġamenti kollha bħal dawn fil-Komunità kollha.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (4) jżid il-mezzi li jsostnu l-koperazzjoni territorjali Ewropea.

(7)

Bl-istess mod huwa meħtieġ li tiġi ffaċilitata u segwita l-implementazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali mingħajr kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

(8)

Sabiex jingħelbu l-ostakoli li jfixklu l-koperazzjoni territorjali, jeħtieġ li jinħoloq strument ta' koperazzjoni fil-livell Komunitarju għall-ħolqien ta' raggruppamenti koperattivi fit-territorju Komunitarju, li jkollhom personalità ġuridika, imsejħin “raggruppamenti Ewropej ta' koperazzjoni territorjali” (REKT). Ir-rikors għal REKT m'għandux ikun obbligatorju.

(9)

Huwa xieraq li REKT jingħata l-kapaċità li jaġixxi f'isem il-membri tiegħu, u b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali li minnhom ikun iffurmat.

(10)

Il-kompiti u l-kompetenzi ta' REKT għandhom jiġu stabbiliti f'konvenzjoni.

(11)

REKT għandu jkun jista' jaġixxi, jew bl-iskop ta' l-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ko-finanzjati mill-Komunità, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali konformement mar- Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (5) jew bl-iskop tat-twettiq ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali li jkunu biss l-inizjattiva ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom kemm b'kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif ukoll mingħajrha.

(12)

Għandu jiġi speċifikat li r-responsabbiltà finanzjarja ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll dik ta' l-Istati Membri, fir-rigward ta' l-amministrazzjoni kemm tal-fondi Komunitarji kif ukoll tal-fondi nazzjonali, ma tkunx milquta mill-formazzjoni ta' REKT.

(13)

Għandu jiġi speċifikat li s-setgħat eżerċitati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari s-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' konvenzjoni.

(14)

Huwa meħtieġ li REKT jistabbilixxi l-istatuti tiegħu u jgħammar lilu nnifsu bl-organi tiegħu stess, kif ukoll b'regoli għall-budget tiegħu u għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

(15)

Il-kondizzjonijiet għall-koperazzjoni territorjali għandhom jinħolqu skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà proklamat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, billi mhuwiex obbligatorju r-rikors għal REKT, skond is-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru.

(16)

It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat ma jippermettix l-inklużjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi fil-leġislazzjoni bbażata fuq dik id-dispożizzjoni. L-adozzjoni ta' miżura Komunitarja li tippermetti l-ħolqien ta' REKT m'għandhiex, madanakollu, teskludi l-possibbiltà li entitajiet minn pajjiżi terzi jipparteċipaw f'REKT iffurmat skond dan ir-Regolament fejn dan ikun permess mil-liġi ta' xi pajjiż terz jew minn xi ftehim bejn Stati Membri u pajjiżi terzi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-natura ta' REKT

1.   Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “REKT”, jista' jiġi stabbilit fuq territorju Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet u suġġett għall-arranġamenti previsti minn dan ir-Regolament.

2.   L-objettiv ta' REKT għandu jkun li jiffaċilita u jippromwovi koperazzjoni transkonfinali, trans-nazzjonali u/jew inter-reġjonali, minn hawn 'l quddiem imsejħa “koperazzjoni territorjali” bejn il-membri tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 3(1), bil-għan esklussiv li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

3.   REKT għandu jkollu personalità ġuridika.

4.   F'kull wieħed mill-Istati Membri REKT għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Huwa jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jimpjega persunal u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

Artikolu 2

Liġi applikabbli

1.   REKT għandu jkun regolat minn dawn li ġejjin:

(a)

dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun espressament awtorizzat minn dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni u l-istatuti msemmija fl-Artikoli 8 u 9;

(ċ)

fil-każ ta' materji li ma jkunux, jew li jkunu biss parzjalment, regolati minn dan ir-Regolament, il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fejn ikun meħtieġ taħt id-dritt Komunitarju jew taħt dak internazzjonali privat li tiġi stabbilita l-għażla tal-liġi li tirregola l-atti ta' REKT, REKT għandu jiġi ttrattat bħala entità ta' l-Istat Membru fejn huwa ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

2.   Fejn Stat Membru jkun fih diversi entitajiet territorjali li jkollhom applikabbli r-regoli tal-liġi tagħhom stess, ir-referenza għal-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 1(ċ) għandha tinkludi l-liġi ta' dawk l-entitajiet, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.

Artikolu 3

Il-kompożizzjoni ta' REKT

1.   REKT għandu jkun magħmul minn membri, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, li jappartjenu lil waħda jew iżjed mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

Stati Membri;

(b)

awtoritajiet reġjonali;

(ċ)

awtoritajiet lokali;

(d)

korpi regolati mil-liġi pubblika fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (6).

Jistgħu jkunu membri wkoll assoċjazzjonijiet li jikkonsistu minn korpi li jappartjenu lil waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji.

2.   REKT għandu jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri.

Artikolu 4

L-istabbiliment ta' REKT

1.   Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit REKT għandha tittieħed fuq l-inizjattiva tal-membri prospettivi tiegħu.

2.   Kull membru prospettiv għandu:

(a)

jinnotifika lill-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu huwa jkun ġie ffurmat dwar l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa f'REKT; u

(b)

jibgħat lil dak l-Istat Membru kopja tal-konvenzjoni u l-istatuti proposti msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

3.   Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru konċernat għandu, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT, sakemm huwa ma jqisx li tali parteċipazzjoni mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, jew mal-liġi nazzjonali, inklużi s-setgħat u d-dmirijiet tal-membru prospettiv jew li tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta' interess pubbliku jew ta' politika pubblika ta' dak l-Istat Membru. F'tali każ, l-Istat Membru għandu jagħti dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu għar-rifjut ta' l-approvazzjoni.

Bħala regola ġenerali, l-Istat Membru għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu fi żmien terminu perentorju ta' tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni ta' applikazzjoni ammissibbli skond il-paragrafu 2.

Fid-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni fir-REKT tal-membru prospettiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu n-notifiki u d-dokumenti kif stabbilit fil-paragrafu 2.

5.   Il-membri għandhom jaqblu dwar il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8 u dwar l-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u jiżguraw konsistenza ma' l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

6.   Kwalunkwe emenda magħmula lill-konvenzjoni u kwalunkwe emenda sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri skond il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. L-emendi sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom ikunu dawk li jinvolvu, direttament jew indirettament, emenda lill-konvenzjoni.

Artikolu 5

Il-ksib ta' personalità ġuridika u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   L-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u kwalunkwe emenda sussegwenti magħmula lilhom għandhom jiġu reġistrati u/jew pubblikati skond il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-REKT konċernat ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fil-jum tar-reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni, skond liema ssir l-ewwel. Il-membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri konċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-konvenzjoni u r-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti.

2.   Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mir-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti, tiġi mibgħuta talba lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għall-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jħabbar l-istabbiliment tar-REKT b'dettalji dwar l-isem, l-objettivi, il-membri u l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Artikolu 6

Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi

1.   Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi minn REKT għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. L-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinnomina l-awtorità kompetenti għal dan il-kompitu qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni fir-REKT taħt l-Artikolu 4.

2.   Fejn ikun meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri konċernati oħrajn, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri konċernati oħrajn iwettqu kontrolli fit-territorju tagħhom fir-rigward ta' dawk l-atti tar-REKT li jitwettqu f'dawk l-Istati Membri u jiskambjaw l-informazzjoni xierqa kollha.

3.   Il-kontrolli kollha għandhom jitwettqu skond standards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

4.   Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3, fejn il-kompiti ta' REKT msemmija taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) jinkludu azzjonijiet li huma ko-finanzjati mill-Komunità, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni relevanti relattiva għall-kontroll ta' fondi provduti mill-Komunità.

5.   L-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri konċernati oħrajn dwar kwalunkwe diffikultà li jkun iltaqa' magħha waqt il-kontrolli.

Artikolu 7

Kompiti

1.   REKT għandu jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-membri tiegħu skond dan ir-Regolament. Il-kompiti tiegħu għandhom ikunu definiti mill-konvenzjoni miftiehma mill-membri tiegħu, konformement ma' l-Artikoli 4 u 8.

2.   REKT għandu jaġixxi fil-konfini tal-kompiti mogħtija lilu, li għandhom ikunu limitati għall-faċilitazzjoni u għall-promozzjoni tal-koperazzjoni territorjali sabiex tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali u għandhom jiġu determinati mill-membri tiegħu abbażi li kollha jkunu jaqgħu fil-limiti tal-kompetenza ta' kull membru taħt il-liġi nazzjonali tiegħu.

3.   Speċifikament, il-kompiti ta' REKT għandhom ikunu limitati primarjament għall-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ta' koperazzjoni territorjali ko-finanzjati mill-Komunità, permezz tal- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal- Fond Soċjali Ewropew u/jew tal-Fond ta' Koeżjoni.

Ir-REKT jistgħu jwettqu azzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' koperazzjoni territorjali bejn il-membri tagħhom sabiex jilħqu l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), kemm jekk ikollhom kontribut finanzjarju mill-Komunità u kemm jekk le.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kompiti li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr kontribut finanzjarju mill-Komunità. Madankollu, dawk il-kompiti għandhom jinkludu mill-inqas l-azzjonijiet ta' koperazzjoni elenkati taħt l-Artikolu 6 tar- Regolament (KE) Nru 1080/2006.

4.   Il-kompiti mogħtija lil REKT mill-membri tiegħu ma għandhomx jikkonċernaw l-eżerċizzju ta' setgħat mogħtija mil-liġi pubblika jew ta' dmirijiet li l-objettiv tagħhom ikun li jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali ta' l-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn, bħas-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, il-ġustizzja u l-politika barranija.

5.   Il-membri ta' REKT jistgħu jiddeċiedu b'mod unanimu li jagħtu s-setgħa lil wieħed mill-membri sabiex jesegwixxi l-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Konvenzjoni

1.   REKT għandu jkun iggvernat minn konvenzjoni konkluża unanimament mill-membri tiegħu skond l-Artikolu 4.

2.   Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:

(a)

l-isem tar-REKT u l-uffiċċju reġistrat tiegħu, li għandu jkun fi Stat Membru li taħt il-liġijiet tiegħu mill-inqas wieħed mill-membri jkun iffurmat;

(b)

il-medda tat-territorju li fih ir-REKT jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu;

(ċ)

l-objettiv speċifiku u l-kompiti tar-REKT, it-terminu ta' żmien tiegħu u l-kondizzjonijiet li jiggvernaw ix-xoljiment tiegħu;

(d)

il-lista tal-membri tar-REKT;

(e)

il-liġi applikabbli għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni, li għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;

(f)

l-arranġamenti xierqa għal rikonoxximent reċiproku, inklużi dawk għall-kontroll finanzjarju; u

(g)

il-proċeduri għall-emendament tal-konvenzjoni, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 9

Statuti

1.   L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni magħmula mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament.

2.   L-istatuti ta' REKT għandhom jikkontjenu, bħala minimu, id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni flimkien ma' dawn li ġejjin:

(a)

id-dispożizzjonijiet operattivi ta' l-organi tar-REKT u l-kompetenzi tagħhom, kif ukoll in-numru ta' rappreżentanti tal-membri fl-organi relevanti;

(b)

il-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet tar-REKT;

(ċ)

il-lingwa jew lingwi operattivi;

(d)

l-arranġamenti għall-funzjonament tiegħu, b'mod partikolari rigward l-amministrazzjoni tal-persunal, il-proċeduri ta' reklutaġġ u n-natura tal-kuntratti tal-persunal;

(e)

l-arranġamenti għall-kontributi finanzjarji tal-membri u r-regoli applikabbli tal-kontabbiltà u tal-baġit, inklużi dawk dwar kwistjonijiet finanzjarji, ta' kull wieħed mill-membri tar-REKT fir-rigward tiegħu;

(f)

l-arranġamenti għar-responsabbiltà tal-membri skond l-Artikolu 12(2);

(g)

l-awtoritajiet responsabbli għan-nomina ta' awdituri esterni indipendenti; u

(h)

il-proċeduri għall-emendament ta' l-istatuti, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 10

L-organizzazzjoni ta' REKT

1.   REKT għandu jkollu mill-inqas l-organi li ġejjin:

(a)

assemblea, li tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri tiegħu;

(b)

direttur, li jirrapreżenta lir-REKT u li jaġixxi f'ismu.

2.   L-istatuti jistgħu jipprovdu għal organi addizzjonali b'setgħat definiti b'mod ċar.

3.   REKT għandu jkun responsabbli għall-atti ta' l-organi tiegħu fir-rigward ta' terzi, anke fejn tali atti ma jaqgħux fil-limiti tal-kompiti tar-REKT.

Artikolu 11

Baġit

1.   REKT għandu jistabbilixxi baġit annwali li ġhandu jiġi adottat mill-assemblea, li jikkontjeni, b'mod partikolari, komponent dwar spejjeż ta' kuljum u, jekk meħtieġ, komponent operattiv.

2.   Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inkluż, fejn meħtieġ, ir-rapport annwali li jakkumpanjah u l-verifika u l-pubblikazzjoni ta' dawk il-kontijiet, għandhom ikunu regolati skond l-Artikolu 2(1)(ċ).

Artikolu 12

Likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u responsabbiltà

1.   Fir-rigward ta' likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u proċeduri simili, REKT għandu jkun regolat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3.

2.   REKT għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu rrispettivament min-natura tagħhom.

Sa fejn l-assi ta' REKT ikunu insuffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-membri tiegħu għandhom ikunu responsabbli għad-djun tar-REKT irrispettivament min-natura tagħhom, bis-sehem ta' kull membru ffissat proporzjonalment għall-kontibuzzjoni tiegħu, sakemm il-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat membru ma teskludix jew ma tillimitax ir-responsabbiltà ta' dak il-membru. L-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ffissati fl-istatuti.

Jekk ir-responsabbiltà ta' mill-inqas membru wieħed ta' REKT tkun limitata bħala riżultat tal-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fl-istatuti.

Il-membri jistgħu jipprovdu fl-istatuti li huma jkunu responsabbli, wara li jkunu waqfu li jkunu membri ta' REKT, għall-obbligi li jirriżultaw minn attivitajiet tar-REKT matul l-isħubija tagħhom.

L-isem ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma ’limitat’.

Il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, ta' l-istatuti u tal-kontijiet ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandha tkun mill-inqas ugwali għal dik meħtieġa għal tipi oħra ta' entità ġuridika li l-membri tagħhom ikollhom responsabbiltà limitata iffurmati taħt il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn dak ir-REKT ikollu l-uffiċju reġistrat tiegħu.

Stat Membru jista' jipprojbixxi r-reġistrazzjoni fit-territorju tiegħu ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe finanzjament mill-Fondi Strutturali u/jew ta' Koeżjoni provduti lil REKT, l-ebda responsabbiltà finanzjarja ma għandha tirriżulta għall-Istati Membri taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta' REKT li tiegħu huma ma jkunux membri.

Artikolu 13

Interess pubbliku

Fejn REKT iwettaq kwalunkwe attività bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru dwar il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika, jew bi ksur ta' l-interess pubbliku ta' Stat Membru, korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru jista' jipprojbixxi dik l-attività fuq it-territorju tiegħu jew jeżiġi li dawk il-membri li jkunu ġew iffurmati taħt il-liġi tiegħu jirtiraw mir-REKT sakemm ir-REKT ma jieqafx mill-attività msemmija.

Tali projbizzjonijiet ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' restrizzjoni arbitrarja jew moħbija fuq il-koperazzjoni territorjali bejn il-membri tar-REKT. Għandha tkun possibbli r-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' dak il-korp kompetenti minn awtorità ġudizzjarja.

Artikolu 14

Xoljiment

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment li jinsabu fil-konvenzjoni, fejn issir applikazzjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti b'interess leġittimu, il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandha tordna l-istralċ tar-REKT jekk issib li r-REKT ma jkunx għadu jikkonforma aktar mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(2) jew 7 jew, b'mod partikolari, fejn ir-REKT ikun qiegħed jaġixxi barra mil-limiti tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istati Membri kollha li taħt il-liġi tagħhom ġew iffurmati l-membri dwar kwalunkwe applikazzjoni għax-xoljiment ta' REKT.

2.   Il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tippermetti lir-REKT żmien sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk ir-REKT jonqos milli jagħmel dan fiż-żmien permess, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tordna l-istralċ tiegħu.

Artikolu 15

Ġurisdizzjoni

1.   It-terzi li jikkunsidraw ruħhom danneġġati mill-atti jew ommissjonijiet ta' REKT għandhom ikollhom id-dritt li jfittxu jinfurzaw ir-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju.

2.   Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal disputi li involvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali leġislazzjoni Komunitarja, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi taħt l-Artikolu 4(3) jew (6), jew taħt l-Artikolu 13 għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru li d-deċiżjoni tiegħu tkun kontestata.

3.   Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jiċħad liċ-ċittadini mill-eżerċizzju tad-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom ta' appell kontra korpi pubbliċi li jkunu membri ta' REKT fir-rigward ta':

(a)

deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu minn REKT;

(b)

aċċess għal servizzi fil-lingwa tagħhom stess; u

(ċ)

aċċess għal informazzjoni.

F'dawn il-każijiet il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru li taħt il-kostituzzjoni tiegħu jirriżultaw id-drittijiet ta' appell.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk id-dispożizzjonijiet li jkunu adegwati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun meħtieġ taħt it-termini tal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, Stat Membru jista' jistabbilixxi lista komprensiva tal-kompiti li l-membri ta' REKT, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1), iffurmati taħt il-liġijiet tiegħu diġà jkollhom, sa fejn tkun konċernata l-koperazzjoni territorjali f'dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kif meħtieġ dwar kwalunkwe dispożizzjoni adottata taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-ħlas ta' onorarji in konnessjoni mar-reġistrazzjoni tal-konvenzjoni u ta' l-istatuti. Dawk l-onorarji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu l-ispiża amministrattiva tagħhom.

Artikolu 17

Rapport u klawsola ta' reviżjoni

Sa l-1 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-proposti għal emendi, fejn ikun xieraq.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2007, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 16, li għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il-5 ta' Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMAKI


(1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 76.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 46.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).


31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

25


REGOLAMENT (KE) NRU 1083/2006 TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 161 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (4),

Billi:

(1)

L-Artikolu 158 tat-Trattat jipprovdi li, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha, il-Komunità għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma anqas vantaġġati, inklużi ż-żoni rurali. L-Artikolu 159 tat-Trattat jeħtieġ li din l-azzjoni tkun sostnuta mill-Fondi Strutturali, mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) u mill-Istrumenti Finanzjarji oħra eżistenti.

(2)

Il-politika ta' koeżjoni għandha tgħin sabiex iżżid it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi billi tinkorpora l-prijoritajiet Komunitarji għal żvilupp sostenibbli kif definiti fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u ta' l-24 ta' Marzu 2000 u fil-Kunsill Ewropew ta' Goteburgu fil-15 u fis-16 ta' Ġunju 2001.

(3)

Id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali kemm fil-livell kemm reġjonali kif ukoll fil-livell nazzjonali żdiedu fl-Unjoni Ewropea mkabbra. L-azzjonijiet għall-konverġenza, il-kompetittività u l-impjiegi għandhom għalhekk jiżdiedu madwar il-Komunità.

(4)

Iż-żieda fin-numru ta' fruntieri ta' l-art u tal-baħar tal-Komunità u t-twessigħ tat-territorju tagħha jfissru li għandu jiżdied il-valur miżjud tal-koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali fil-Komunità.

(5)

Il-Fond ta' Koeżjoni għandu jiġi integrat fil-programmazzjoni ta' l-għajnuna strutturali fl-interessi ta' koerenza akbar fl-intervent tad-diversi Fondi.

(6)

Għandu jiġi speċifikat ir-rwol ta' l-istrumenti li jipprovdu għajnuna għall-iżvilupp rurali, jiġifieri tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (5), u għas-settur tas-sajd, jiġifieri ta' Fond Ewropew għas-Sajd (FES). Dawk l-istrumenti għandhom jiġu integrati fl-istrumenti taħt il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd u għandhom jiġu koordinati ma' dawk taħt il-politika ta' koeżjoni.

(7)

Il-Fondi li jipprovdu għajnuna taħt il-politika ta' koeżjoni huma għalhekk limitati għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FES) u l-Fond ta' Koeżjoni. Ir-regoli applikabbli għal kull Fond għandhom jiġu speċifikati fir-regoli implementattivi adottati taħt l-Artikoli 148, 161 u 162 tat-Trattat.

(8)

Taħt l-Artikolu 55 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (6), il-Kunsill ser jirrivedi dak ir-Regolament abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006. Sabiex tiġi implementata r-riforma tal-Fondi proposta b'dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1260/99 għandu jiġi mħassar.

(9)

Biex jiġi mkabbar il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni tal-Komunità, il-ħidma tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni għandha tiġi konċentrata u ssimplifikata u l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 definiti mill-ġdid kif meħtieġ sabiex jimmiraw lejn il-konverġenza ta' l-Istati Membri u r-reġjuni, il-kompetittività reġjonali u l-impjiegi, u l-Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

(10)

F'dawk it-tliet objettivi, għandhom jitqiesu b'mod xieraq kemm il-karatterisitiċi ekonomiċi u soċjali kif ukoll dawk territorjali.

(11)

Ir-reġjuni l-aktar estremi għandhom igawdu minn miżuri speċifiċi u minn fondi addizzjonali sabiex jittaffew l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat.

(12)

Il-problemi ta' aċċessibbiltà u distanza minn swieq kbar li jħabbtu wiċċhom magħhom żoni b'densità baxxa ħafna ta' popolazzjoni, kif imsemmija fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonijiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Iżvezja, ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2004, jeħtieġu trattament finanzjarju xieraq sabiex jittaffa l-effett ta' dawn l-iżvantaġġi.

(13)

Minħabba l-importanza ta' l-iżvilupp sostenibbli urban u l-kontribut ta' l-ibliet, speċjalment dawk ta' daqs medju, għall-iżvilupp reġjonali, dawn għandhom jiġu kunsidrati aktar billi jiġi żviluppat ir-rwol tagħhom fil-programmazzjoni sabiex titmexxa 'l quddiem ir-riġenerazzjoni urbana.

(14)

Il-Fondi għandhom jieħdu azzjoni speċjali u komplementarja apparti dik tal-FAEŻR u tal-FES sabiex jippromwovu d-diversifikazzjoni ekonomika ta' żoni rurali u ta' żoni li jiddependu fuq is-sajd.

(15)

L-azzjoni għal żoni bi żvantaġġ naturali, jiġifieri ċerti gżejjer, żoni muntanjużi u żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa, kif ukoll għal ċerti żoni ta' fruntiera tal-Komunità wara t-tkabbir tagħha, għandhom jiġu msaħħa sabiex jaffrontaw id-diffikultajiet partikolari tagħhom fit-triq ta' l-iżvilupp.

(16)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji objettivi sabiex jintgħażlu reġjuni u żoni eliġibbli. Għal dan il-għan, l-identifikazzjoni ta' reġjuni u żoni ta' prijorità fil-livell Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq is-sistema komuni ta' klassifikazzjoni tar-reġjuni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (7).

(17)

Għandu jkun hemm objettiv ta' Konverġenza li jkopri l-Istati Membri u r-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura; ir-reġjuni mmirati bl-objettiv ta' Konverġenza huma dawk li l-prodott gross domestiku (PGD) per capita tagħhom, imkejjel f'paritajiet ta' qawwa ta' xiri, huwa anqas minn 75 % tal-medja Komunitarja. Ir-reġjuni li jbatu mill-effett statistiku marbut mat-tnaqqis fil-medja Komunitarja wara t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea għandhom għal dik ir-raġuni jibbenefikaw minn għajnuna transizzjonali sostanzjali sabiex dawn jikkompletaw il-proċess tagħhom ta' konverġenza. Din l-għajnuna għandha tintemm fl-2013 u ma għandhiex tkun segwita b'perjodu transizzjonali ulterjuri. L-Istati Membri fil-mira ta' l-objettiv ta' Konverġenza li d-dħul gross nazzjonali (GNI) per capita tagħhom huwa inqas minn 90 % tal-medja Komunitarja għandhom jibbenefikaw taħt il-Fond ta' Koeżjoni.

(18)

Għandu jkun hemm objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li jkun wieħed li jkopri t-territorju tal-Komunità barra l-objettiv ta' Konverġenza. Ir-reġjuni eliġibbli huma dawk taħt l-Objettiv 1 fil-perjodu ta' programmazzjoni 2000-06 li m'għadhomx jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà reġjonali ta' l-objettiv ta' Konverġenza u li għalhekk igawdu minn għajnuna transizzjonali, kif ukoll ir-reġjuni l-oħra kollha tal-Komunità.

(19)

Għandu jkun hemm objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea li jkun wieħed li jkopri reġjuni li jkollhom fruntieri ta' l-art jew tal-baħar, biż-żoni għal koperazzjoni transnazzjonali definiti fir-rigward ta' azzjonijiet li jippromwovu żvilupp territorjali integrat u sostenn għall-koperazzjoni interreġjonali u skambju ta' esperjenzi.

(20)

It-titjib u s-simplifikazzjoni tal-koperazzjoni mal-fruntieri esterni tal-Komunità jġibu magħhom l-użu ta' strumenti ta' l-għajnuna esterna Komunitarja, b'mod partikolari l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija Ewropej u l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (8).

(21)

Il-kontribuzzjoni mill-FEŻR għal tali koperazzjoni mal-fruntieri esterni tal-Komunità tgħin sabiex jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali ewlenin fil-Komunità u b'hekk fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u ekonomika tagħha.

(22)

L-attivitajiet tal-Fondi u l-operazzjonijiet li huma jgħinu jiffinanzjaw għandhom ikunu koerenti mal-linji politiċi l-oħra tal-Komunità u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(23)

L-azzjoni mwettqa mill-Komunità għandha tkun komplementari għal dik imwettqa mill-Istati Membri jew tfittex li tikkontribwixxi għaliha. Is-sħubija għandha tiġi msaħħa permezz ta' arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' diversi tipi ta' msieħba, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali, waqt li jitqiesu b'mod sħiħ l-arranġamenti istituzzjonali ta' l-Istati Membri.

(24)

Il-programmazzjoni pluriennali għandha tkun diretta lejn il-kisba ta' l-objettivi tal-Fondi billi jiġu żgurati d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa u l-konsistenza u l-kontinwità ta' l-azzjoni konġunta mill-Komunità u l-Istati Membri.

(25)

Ladarba l-objettivi ta' Konverġenza, Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, u Koperazzjoni Territorjali Ewropea ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-firxa tad-disparitajiet u l-limitu tar-riżorsi finanzjarji ta' l-Istati Membri u tar-reġjuni li huma eliġibbli taħt l-objettiv ta' Konverġenza, u jistgħu, għalhekk, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju permezz ta' garanzija pluriennali ta' finanzjament mill-Komunità li tkun tippermetti li l-politika tal-koeżjoni tkun konċentrata fuq il-prijoritajiet Komunitarji, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(26)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti miri li jistgħu jitkejlu għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwiti qabel l-1 ta' Mejju 2004 sabiex dawn jimmiraw għalihom permezz ta' l-infiq taħt l-objettivi tal-kompetittività ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi bil-ħsieb li jiġu promossi l-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol. Huwa neċessarju li jiġu identifikati modi xierqa sabiex titkejjel u tiġi rappurtata l-kisba ta' dawn il-miri.

(27)

Huwa xieraq li jiġu msaħħa s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità ta' l-intervent tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni.

(28)

Taħt l-Artikolu 274 tat-Trattat, fil-kuntest ta' tmexxija kondiviża, il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu speċifikati u r-responsabbiltajiet ta' koperazzjoni mill-Istati Membri jiġu ċċarati. Bl-applikazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet il-Kummissjoni għandha tkun tista' tiżgura li l-Istati Membri jużaw il-Fondi b'mod legali u regolari u skond il-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

(29)

Biex ikun żgurat impatt ekonomiku ġenwin, il-kontribuzzjonijiet mill-Fondi Strutturali ma għandhomx jissostitwixxu n-nefqa pubblika mill-Istati Membri taħt it-termini ta' dan ir-Regolament. Il-verifika, permezz ta' sħubija, tal-prinċipju ta' l-addizzjonalità għandha tikkonċentra fuq ir-reġjuni taħt l-objettiv ta' Konverġenza minħabba l-livell tar-riżorsi finanzjarji allokati lilhom. Jekk l-addizzjonalità ma tiġix osservata dan jista' jwassal għal korrezzjoni finanzjarja.

(30)

Fil-kuntest ta' l-isforz tagħha favur koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Komunità, fl-istadji kollha ta' l-implementazzjoni tal-Fondi, għandha bħala l-għanijiet tagħha t-tneħħija ta' l-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif proklamat fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat kif ukoll il-prevenzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, ta' oriġini razzjali jew etnika, ta' reliġjon jew twemmin, ta' diżabbiltà, ta' età jew ta' orjentazzjoni sesswali.

(31)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi t-tqassim annwali indikattiv ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli bl-użu ta' metodu oġġettiv u trasparenti, waqt li tieħu kont tal-proposta tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Diċembru 2005 u l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba (9) bil-ħsieb li tintlaħaq konċentrazzjoni sinifikattiva fuq ir-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura, inkluż dawk li qed jirċievu sostenn transizzjonali minħabba l-effett statistiku.

(32)

Il-konċentrazzjoni finanzjarja fuq l-objettiv ta' Konverġenza għandha tiżdied minħabba d-disparità akbar fl-Unjoni Ewropea mkabbra, l-isforz favur l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi sabiex titjieb il-kompetittività u l-impjiegi fil-kumplament tal-Komunità għandu jinżamm u r-riżorsi għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandhom jiżdiedu minħabba l-valur miżjud tiegħu.

(33)

L-approprjazzjonijiet ta' kull sena allokati lil Stat Membru taħt il-Fondi għandhom ikunu limitati għal massimu li jiġi ffissat skond il-kapaċità tiegħu li jassorbi.

(34)

It-3 % ta' l-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali allokati lill-Istati Membri taħt l-objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi jistgħu jitqiegħdu f'riżerva nazzjonali sabiex tiġi ppremjata l-prestazzjoni.

(35)

L-approprjazzjonijiet disponibbli taħt il-Fondi għandhom ikunu indiċizzati fuq bażi ta' rata fissa għal użu fil-programmazzjoni.

(36)

Sabiex jiżdied il-kontenut strateġiku u tiġi promossa t-trasparenza tal-politika ta' koeżjoni bl-integrazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji, il-Kunsill għandu jadotta linji gwidi strateġiċi fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jistħarreġ l-implementazzjoni ta' dawk il-linji gwidi mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' rappurtar strateġiku mill-Kummissjoni.

(37)

Abbażi tal-linji gwida strateġiċi adottati mill-Kunsill, huwa xieraq li kull Stat Membru jipprepara, fi djalogu mal-Kummissjoni, dokument ta' referenza nazzjonali dwar l-istrateġija ta' żvilupp tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-qafas sabiex jiġu mħejjija programmi operattivi. Abbażi ta' l-istrateġija nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tieħu nota tal-qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali u tieħu deċiżjoni dwar xi elementi tiegħu.

(38)

Il-programmazzjoni u l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali għandhom jiġu ssimplifikati waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom billi jiġi pprovdut li programmi operattivi jiġu finanzjati mill-FEŻR jew mill-FES, b'kull wieħed minnhom ikun jista' jiffinanzja b'mod komplementari u limitat l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond l-ieħor.

(39)

Bil-ħsieb li jitjiebu l-komplementarjetajiet tagħhom u tiġi ssimplifikata l-esekuzzjoni tagħhom, l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-FEŻR għandhom jiġu pprogrammati b'mod konġunt fil-każ ta' programmi operattivi dwar it-trasport u l-ambjent u għandhom ikollhom kopertura ġeografika nazzjonali.

(40)

Il-programmazzjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni tal-Fondi bejniethom u ma' l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra, mal-BEI u mal-Fond Ewropew ta' l-Investment (FEI). Din il-koordinazzjoni għandha tkopri wkoll it-tħejjija ta' skemi finanzjarji kumplessi u sħubiji pubbliċi privati.

(41)

Huwa xieraq li jiġi żgurat li jkunu disponibbli l-aċċess imtejjeb għal finanzi u l-inġinerija finanzjarja innovattiva primarjament għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u għal investiment fi sħubiji pubbliċi-privati u proġetti oħra inklużi fi pjan integrat għal żvilupp urban sostenibbli. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu fond tat-tip holding permezz ta' l-għoti ta' kuntratti skond il-liġi dwar l-ingaġġ pubbliku, inkluż kwalunkwe deroga fil-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi Komunitarja. F'każi oħra, fejn l-Istati Membri jkunu sodisfatti li l-liġi dwar l-ingaġġ pubbliku ma tkunx applikabbli, id-definizzjoni tal-kompiti tal-FEI u tal-BEI tiġġustifika li l-Istati Membri jagħtuhom għotja li tkun kontribuzzjoni finanzjarja diretta minn programmi operattivi permezz ta' donazzjoni. Taħt l-istess kondizzjonijiet, il-liġi nazzjonali tista' tipprovdi għall-possibbiltà li tingħata għotja lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra mingħajr sejħa għal proposti.

(42)

Fil-valutazzjoni ta' proġetti kbar ta' investiment produttiv, il-Kummissjoni għandha jkollha l-informazzjoni meħtieġa kollha sabiex tikkunsidra jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi tirriżultax f'telf sostanzjali ta' impjiegi f'postijiet eżistenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sabiex tiżgura li l-finanzjament Komunitarju ma jsostnix spostament fl-Unjoni Ewropea.

(43)

Il-perjodu ta' programmazzjoni għandu jdum għal perjodu wieħed ta' seba' snin sabiex tinżamm is-simplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni definita fir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

(44)

Fi ħdan il-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR, l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' ġestjoni jistgħu jorganizzaw l-arranġamenti għal koperazzjoni interreġjonali u jistgħu jieħdu kont tal-karatteristiċi speċjali ta' dawk iż-żoni bi żvantaġġi naturali.

(45)

Sabiex tiġi trattata l-ħtieġa għal simplikazzjoni u deċentralizzazzjoni, il-programmazzjoni u l-amministrazzjoni finanzjarja għandhom jitwettqu biss fil-livell tal-programmi operattivi u assi prijoritarji; il-qafas ta' sostenn Komunitarju u dak li jikkomplementa l-programm kif previsti bir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom jieqfu.

(46)

Fi ħdan il-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR taħt l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet ta' ġestjoni jistgħu jorganizzaw is-subdelegazzjoni lill-awtoritajiet urbani fir-rigward tal-prijoritajiet li jikkonċernaw ir-riġenerazzjoni ta' l-ibliet.

(47)

L-allokazzjoni addizzjonali li tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali li r-reġjuni l-aktar estremi jkollhom jiffaċċjaw għandha tiġi integrata fil-programmi operattivi finanzjati mill-FEŻR f'dawk ir-reġjuni.

(48)

Għandu jkun hemm arranġamenti separati għall-implementazzjoni ta' l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea finanzjat mill-FEŻR.

(49)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tapprova proġetti kbar imdaħħla fi programmi operattivi, jekk meħtieġ f'konsultazzjoni mal-BEI, sabiex issir valutazzjoni ta' l-għan u l-impatt tagħhom, kif ukoll ta' l-arranġamenti għall-użu ppjanat ta' riżorsi Komunitarji.

(50)

Huwa utli li jiġu speċifikati t-tipi ta' azzjoni li lilhom għandu jingħata sostenn mill-Fondi bħala għajnuna teknika.

(51)

Hemm bżonn jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi allokati sabiex jassistu lill-Istati Membri fit-tħejjija u l-istima tal-proġetti. Il-BEI għandu rwol x'jilgħab fil-provvediment ta' tali għajnuna u jista' jingħata għotja mill-Kummissjoni għal dan il-għan.

(52)

B'mod simili huwa xieraq li jiġi provdut li l-FEI ikun jista' jingħata għotja mill-Kummissjoni sabiex iwettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja innovattiva disponibbli għal intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju.

(53)

Għall-istess raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-BEI u l-FEI għandhom jingħataw għotja mill-Kummissjoni sabiex iwettqu azzjonijiet ta' għajnuna teknika fil-qasam ta' l-iżvilupp sostenibbli urban jew sabiex isostnu miżuri ta' ristrutturazzjoni għal attività ekonomika sostenibbli f'reġjuni milquta b'mod sinifikattiv minn kriżi ekonomika.

(54)

L-effikaċja ta' l-għajnuna tal-Fondi tiddipendi wkoll fuq l-inkorporazzjoni ta' valutazzjoni ta' min joqgħod fuqha fil-programmazzjoni u fil-monitoraġġ. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest għandhom jiġu speċifikati.

(55)

Fi ħdan il-pakkett nazzjonali tagħhom taħt l-objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal riżerva żgħira sabiex jirreaġixxu fil-pront għal impatti negattivi settorjali jew lokali mhux mistennija li jirriżultaw mir-ristrutturazzjoni soċjo-ekonomika jew mill-effetti ta' ftehim kummerċjali.

(56)

Huwa xieraq li jiġi definit x'nefqa fi Stat Membru tista' tiġi assimilata għal nefqa pubblika għall-fini li jiġi kalkolat l-kontribut pubbliku nazzjonali totali għal programm operattiv; għal dan il-għan huwa xieraq li wieħed jirriferi għall-kontribuzzjoni tal-“korpi regolati mil-liġi pubblika” kif definiti fid-direttivi dwar l-ingaġġ pubbliku tal-Komunità ladarba tali korpi jinkludu bosta tipi ta' korpi pubbliċi jew privati stabbiliti bl-għan speċifiku li jissodisfaw ħtiġijiet fl-interess ġenerali li m'għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali u li jkunu kontrollati mill-Istat jew minn awtoritajiet reġjonali jew lokali.

(57)

Huwa neċessarju li jiġu determinati l-elementi għall-modulazzjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-programmi operattivi, b'mod partikolari, sabiex jiżdied l-effett multiplikatur tar-riżorsi Komunitarji. Huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit l-limitu massimu li l-kontribuzzjonijiet mill-Fondi ma jkunux jistgħu jaqbżu abbażi tat-tip ta' Fond u objettiv.

(58)

Huwa neċessarju wkoll li jiġi definit il-kunċett ta' proġett li jiġġenera dħul u li jiġu identifikati l-prinċipji u regoli Komunitarji għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni mill-Fondi; għal xi investimenti huwa oġġettivament impossibbli li jiġi vvalutat id-dħul minn qabel u huwa għalhekk neċessarju li tiġi definita l-metodoloġija sabiex jiġi żgurat li dan id-dħul ikun eskluż mill-fondi pubbliċi.

(59)

Id-dati tal-bidu u tat-tmiem ta' perjodi ta' l-eliġġibbiltà ta' l-infiq għandhom jiġu definiti sabiex jipprovdu regola uniformi u ekwa li tapplika għall-implementazzjoni tal-Fondi madwar il-Komunità. Sabiex tiġi faċilitata l-eżekuzzjoni ta' programmi operattivi, huwa xieraq li jiġi stabbilit li d-data tal-bidu għall-eliġġibbiltà ta' l-infiq tista' tkun qabel l-1 ta' Jannar 2007 jekk l-Istat Membru konċernat jippreżenta programm operattiv qabel dik id-data.

(60)

Skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà u suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (10), fir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (11), u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond ta' Koeżjoni (12), għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq.

(61)

Sabiex ikunu żgurati l-effikaċja, il-ġustizzja u l-impatt sostenibbli ta' l-intervent tal-Fondi, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li l-investmenti fin-negozji jdumu fit-tul u li jimpedixxu l-użu ta' dawn il-Fondi għal skopijiet ta' vantaġġ mhux dovut. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-investmenti li jgawdu minn għajnuna mogħtija taħt il-Fondi jistgħu jitħassru matul perjodu twil biżżejjed.

(62)

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri adegwati sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-sistema tagħhom ta' ġestjoni u kontroll. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet meħtieġa li s-sistemi ta' kontroll tal-programmi operattivi kollha għandhom iwettqu abbażi tal-corpus ta' liġijiet Komunitarji li hemm fis-seħħ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

(63)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi nominata awtorità ta' ġestjoni waħda għal kull programm operattiv u li jiġu ċċarati r-responsabbiltà kif ukoll il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' verifika. Huwa meħtieġ ukoll li jkunu garantiti standards uniformi ta' kwalità għaċ-ċertifikazzjoni ta' l-infiq u tat-talbiet għall-ħlas qabel ma dawn jiġu komunikati lill-Kummissjoni. Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati n-natura u l-kwalità tat-tagħrif li fuqu dawn it-talbiet jiġu bbażati u, għal dak il-għan, li jiġu stabbiliti l-funzjonijiet ta' l-awtorità li tiċċertifika.

(64)

Is-sorveljanza tal-programmi operattivi hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta' l-implementazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti kumitati ta' sorveljanza u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom ikunu definiti, flimkien ma' l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni u l-qafas li jservi sabiex tiġi eżaminata din l-informazzjoni. Sabiex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-implementazzjoni ta' programmi operattivi għandu jiġi stabbilit il-prinċipju ta' skambju ta' data b'mezzi elettroniċi.

(65)

Skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom ikollhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-implementazzjoni u l-kontroll ta' l-interventi.

(66)

L-obbligi ta' l-Istati Membri dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, iċ-ċertifikazzjoni ta' l-infiq, u l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet u ksur tal-liġi Komunitarja għandhom jiġu speċifikati sabiex tiġi ggarantita l-implementazzjoni effiċjenti u korretta tal-programmi operattivi. B'mod partikolari, rigward il-ġestjoni u l-kontroll, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li bihom l-Istati Membri jagħtu l-assigurazzjoni li s-sistemi huma fil-post u jaħdmu b'mod sodisfaċenti.

(67)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward ta' kontroll finanzjarju, il-koperazzjoni f'dan il-qasam bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiżdied u għandhom jiġu stabbiliti kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni li tiddetermina, fil-kuntest ta' l-istrateġija tagħha ta' kontroll tas-sistemi nazzjonali, il-livell ta' assigurazzjoni li tista' tikseb mill-korpi nazzjonali ta' verifika.

(68)

Il-livell u l-intensità tal-kontrolli tal-Komunità għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs tal-kontribuzzjoni tal-Komunità. Fejn Stat Membru jkun dak li qed jipprovdi l-aktar għall-finanzjament ta' programm, huwa xieraq li dak l-Istat Membru jkun jista' jagħżel li jorganizza ċerti elementi ta' l-arranġamenti ta' kontroll skond regoli nazzjonali. F'dawn l-istess ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni tiddistingwi l-mezzi li bihom l-Istati Membri għandhom iwettqu l-funzjonijiet ta' ċertifikazzjoni ta' l-infiq u ta' verifika tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tillimita l-verifika tagħha stess u toqgħod fuq l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-korpi nazzjonali.

(69)

Il-ħlas akkont fil-bidu tal-programmi operattivi jiżgura likwidità regolari li tħaffef il-ħlasijiet lill-benefiċjarji waqt l-implementazzjoni tal-programm operattiv. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-ħlas akkont għall-Fondi Strutturali ta' 5 % (għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwita qabel l-1 ta' Mejju 2004) u ta' 7 % (għall-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew qabel l-2004), u għall-Fond ta' Koeżjoni ta' 7,5 % (għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwita qabel l-1 ta' Mejju 2004) u ta' 10,5 % (għall-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew qabel l-2004), sabiex titħaffef l-implementazzjoni ta' programmi operattivi.

(70)

Flimkien mas-sospensjoni tal-ħlasijiet fejn tiġi individwata defiċjenza gravi fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, għandu jkun hemm miżuri li permezz ta' delega jippermettu l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni jinterrompi l-ħlasijiet fejn ikun hemm provi li jissuġġerixxu nuqqas sinifikattiv fl-operazzjoni tajba ta' dawn is-sistemi.

(71)

Ir-regola dwar diżimpenn awtomatiku se tħaffef l-implementazzjoni tal-programmi. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu definiti arranġamenti għall-applikazzjoni tagħhom u l-partijiet ta' l-impenn tal-baġit li jistgħu jitħallew barra minnhom, partikolarment meta d-dewmien fl-implementazzjoni jirriżulta minn ċirkostanzi li jkunu indipendenti mill-parti konċernata, li jkunu abnormali jew imprevedibbli u li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu evitati minkejja d-diliġenza murija.

(72)

Il-proċeduri ta' l-għeluq għandhom ikunu simplifikati billi tiġi offerta l-possibbiltà lil dawk l-Istati Membri li jkunu jridu hekk, skond l-iskeda li huma jagħżlu, li jagħlqu parzjalment programm operattiv fir-rigward ta' l-operazzjonijiet li jkunu tlestew; il-qafas xieraq sabiex isir dan għandu jingħata wkoll.

(73)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (13). Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li jimplementaw dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni tal-programmi operattivi fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tan-nefqa, l-inġinerija finanzjarja, il-ġestjoni u l-kontroll, l-iskambju elettroniku ta' data u l-pubbliċità wara li tingħata l-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi li jaġixxi bħala kumitat ta' ġestjoni. Huwa xieraq li l-Kummissjoni tippubblika lista ta' żoni eliġibbli għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea fl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-linji gwida indikattivi dwar l-analiżi spejjeż-benefiċċju meħtieġa għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni ta' proġetti maġġuri u għal proġetti li jiġġeneraw id-dħul, il-linji gwida indikattivi dwar il-valutazzjoni u l-lista ta' azzjonijiet eliġibbli taħt l-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi li jaġixxi bħala kumitat konsultattiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

WERREJ

TITOLU 1

OBJETTIVI U REGOLI ĠENERALI DWAR L-GĦAJNUNA 36

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET 36

Artikolu 1

Suġġett 36

Artikolu 2

Definizzjonijiet 36

KAPITOLU II

OBJETTIVI U MISSJONIJIET 36

Artikolu 3

Objettivi 36

Artikolu 4

Strumenti u missjonijiet 37

KAPITOLU III

ELIĠIBBILTÀ ĠEOGRAFIKA 37

Artikolu 5

Konverġenza 37

Artikolu 6

Kompetittività Reġjonali u Impjiegi 38

Artikolu 7

Koperazzjoni Territorjali Ewropea 38

Artikolu 8

Sostenn transizzjonali 38

KAPITOLU IV

PRINĊIPJI TA' GĦAJNUNA 38

Artikolu 9

Komplementarjetà, konsistenza, koordinazzjoni u konformità 38

Artikolu 10

Programmazzjoni 39

Artikolu 11

Sħubija 39

Artikolu 12

Livell territorjali ta' intervent 39

Artikolu 13

Intervent proporzjonali 39

Artikolu 14

Ġestjoni kondiviża 39

Artikolu 15

Addizzjonalità 40

Artikolu 16

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u non-diskriminazzjoni 40

Artikolu 17

Żvilupp sostenibbli 40

KAPITOLU V

QAFAS FINANZJARJU 40

Artikolu 18

Riżorsi globali 40

Artikolu 19

Riżorsi għall-Objettiv ta' Konverġenza 41

Artikolu 20

Riżorsi għall-Objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi 41

Artikolu 21

Riżorsi għall-Objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea 41

Artikolu 22

Non-trasferibbiltà tar-riżorsi 42

Artikolu 23

Riżorsi għar-riżerva ta' prestazzjoni 42

Artikolu 24

Riżorsi għal għajnuna teknika 42

TITOLU II

APPROĊĊ STRATEĠIKU GĦAL KOEŻJONI 42

KAPITOLU I

LINJI GWIDA STRATEĠIĊI KOMUNITARJI DWAR IL-KOEŻJONI 42

Artikolu 25

Kontenut 42

Artikolu 26

Adozzjoni u reviżjoni 42

KAPITOLU II

QAFAS TA' REFERENZA STRATEĠIKU NAZZJONALI 43

Artikolu 27

Kontenut 43

Artikolu 28

Tħejjija u adozzjoni 43

KAPITOLU III

SEGWITU STRATEĠIKU 44

Artikolu 29

Rappurtar strateġiku mill-Istati Membri 44

Artikolu 30

Rappurtar strateġiku mill-Kummissjoni u dibattitu dwar il-politika ta' koeżjoni 44

Artikolu 31

Rapport ta' koeżjoni 44

TITOLU III

PROGRAMMAZZJONI 45

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-FONDI STRUTTURALI U L-FOND TA' KOEŻJONI 45

Artikolu 32

Tħejjija u approvazzjoni ta' programmi operattivi 45

Artikolu 33

Reviżjoni ta' programmi operattivi 45

Artikolu 34

Karattru speċifiku tal-Fondi 45

Artikolu 35

Ambitu ġeografiku 45

Artikolu 36

Parteċipazzjoni mill-Bank Ewropew ta' l-Investment u l-Fond Ewropew ta' l-Investment 46

KAPITOLU II

IL-KONTENUT TAL-PROGRAMMAZZJONI 46

TAQSIMA 1

PROGRAMMI OPERATTIVI 46

Artikolu 37

Programmi operattivi għall-objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi 46

Artikolu 38

Programmi operattivi għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea 47

TAQSIMA 2

PROĠETTI MAĠĠURI 47

Artikolu 39

Kontenut 47

Artikolu 40

Informazzjoni preżentata lill-Kummissjoni 47

Artikolu 41

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 48

TAQSIMA 3

GĦOTJIET GLOBALI 48

Artikolu 42

Dispożizzjonijiet ġenerali 48

Artikolu 43

Regoli implementattivi 48

TAQSIMA 4

INĠINERIJA FINANZJARJA 48

Artikolu 44

Azzjonijiet ta' inġinerija finanzjarja 48

TAQSIMA 5

GĦAJNUNA TEKNIKA 49

Artikolu 45

Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni 49

Artikolu 46

Għajnuna teknika ta' l-Istati Membri 49

TITOLU IV

EFFIKAĊJA 50

KAPITOLU I

VALUTAZZJONI 50

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet ġenerali 50

Artikolu 48

Responsabbiltà ta' Stati Membri 50

Artikolu 49

Responsabbiltà tal-Kummissjoni 50

KAPITOLU II

RIŻERVI 51

Artikolu 50

Riżerva ta' prestazzjoni nazzjonali 51

Artikolu 51

Riżerva ta' kontinġenza nazzjonali 51

TITOLU V

KONTRIBUT FINANZJARJU MILL-FONDI 51

KAPITOLU I

KONTRIBUT TAL-FONDI 51

Artikolu 52

Modulazzjoni tar-rati ta' kontribut 51

Artikolu 53

Kontribut mill-Fondi 51

Artikolu 54

Dispożizzjonijiet oħra 52

KAPITOLU II

PROĠETTI LI JIĠĠENERAW DĦUL 52

Artikolu 55

Proġetti li jiġġeneraw dħul 52

KAPITOLU III

ELIĠIBBILTÀ TAN-NEFQA 53

Artikolu 56

Eliġġibbiltà tan-nefqa 53

KAPITOLU IV

IT-TUL TA' ŻMIEN TA' L-OPERAZZJONIJIET 53

Artikolu 57

It-tul ta' żmien ta' l-operazzjonijiet 53

TITOLU VI

ĠESTJONI, MONITORAĠĠ U KONTROLLI 53

KAPITOLU I

SISTEMI TA' ĠESTJONI U KONTROLL 53

Artikolu 58

Prinċipji ġenerali tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll 53

Artikolu 59

In-nomina ta' l-awtoritajiet 54

Artikolu 60

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni 54

Artikolu 61

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ċertifikazzjoni 55

Artikolu 62

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' verifika 55

KAPITOLU II

MONITORAĠĠ 56

Artikolu 63

Kumitat ta' monitoraġġ 56

Artikolu 64

Kompożizzjoni 56

Artikolu 65

Kompiti 56

Artikolu 66

Arranġamenti għall-monitoraġġ 56

Artikolu 67

Rapport annwali u rapport finali dwar l-implementazzjoni 56

Artikolu 68

Eżami annwali tal-programmi 57

KAPITOLU III

INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ 58

Artikolu 69

Informazzjoni u pubbliċità 58

KAPITOLU IV

RESPONSABBILTAJIET TA' L-ISTATI MEMBRI U TAL-KUMMISSJONI 58

TAQSIMA 1

RESPONSABBILTAJIET TA' L-ISTATI MEMBRI 58

Artikolu 70

Ġestjoni u kontroll 58

Artikolu 71

It-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll 58

TAQSIMA 2

RESPONSABBILTÀ TAL-KUMMISSJONI 59

Artikolu 72

Responsabbiltà tal-Kummissjoni 59

Artikolu 73

Koperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' verifika ta' l-Istati Membri 59

TAQSIMA 3

PROPORZJONALITÀ FIL-KONTROLL TA' PROGRAMMI OPERATTIVI 59

Artikolu 74

Arranġamenti ta' kontroll proporzjonali 59

TITOLU VII

AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA 60

KAPITOLU I

AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA 60

TAQSIMA 1

IMPENJI TAL-BAĠIT 60

Artikolu 75

Impenji tal-baġit 60

TAQSIMA 2

REGOLI KOMUNI GĦALL-ĦLASIJIET 60

Artikolu 76

Regoli komuni għall-ħlasijiet 60

Artikolu 77

Regoli komuni sabiex jiġu kalkolati l-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet tal-bilanċ finali 60

Artikolu 78

Dikjarazzjoni ta' nfiq 61

Artikolu 79

Akkumulazzjoni ta' pre-finanzjament u ta' ħlasijiet interim 61

Artikolu 80

L-interezza tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji 62

Artikolu 81

L-użu ta' l-euro 62

TAQSIMA 3

PRE-FINANZJAMENT 62

Artikolu 82

Ħlas 62

Artikolu 83

Mgħax 62

Artikolu 84

Tneħħija 62

TAQSIMA 4

ĦLASIJIET INTERIM 63

Artikolu 85

Ħlasijiet interim 63

Artikolu 86

Aċċettabbiltà ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas 63

Artikolu 87

Data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas u d-dewmien fil-ħlas 63

TAQSIMA 5

GĦELUQ TAL-PROGRAMM U ĦLAS TAL-BILANĊI FINALI 63

Artikolu 88

Għeluq parzjali 63

Artikolu 89

Kondizzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ finali 63

Artikolu 90

Disponibbiltà ta' dokumenti 64

TAQSIMA 6

INTERRUZZJONI TAT-TERMINU PERENTORJU GĦALL-ĦLAS U SOSPENSJONI TA' ĦLASIJIET 64

Artikolu 91

Interruzzjoni tat-terminu perentorju għall-ħlas 64

Artikolu 92

Sospensjoni ta' ħlasijiet 64

TAQSIMA 7

DIŻIMPENN AWTOMATIKU 65

Artikolu 93

Prinċipji 65

Artikolu 94

Perjodu ta' interruzzjoni għal proġetti kbar u skemi ta' għajnuna 65

Artikolu 95

Perjodu ta' interruzzjoni għal proċedimenti legali u appelli amministrattivi 65

Artikolu 96

Eċċezzjonijiet għad-diżimpenn awtomatiku 65

Artikolu 97

Proċedura 65

KAPITOLU II

KORREZZJONIJIET FINANZJARJI 66

TAQSIMA 1

KORREZZJONI FINANZJARJA MILL-ISTATI MEMBRI 66

Artikolu 98

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri 66

TAQSIMA 2

KORREZZJONIJIET FINANZJARJI MILL-KUMMISSJONI 66

Artikolu 99

Kriterji għall-korrezzjonijiet 66

Artikolu 100

Proċedura 66

Artikolu 101

Obbligi ta' Stati Membri 67

Artikolu 102

Rimbors 67

TITOLU VIII

KUMITATI 67

KAPITOLU I

KUMITAT TA' KOORDINAZZJONI TAL-FONDI 67

Artikolu 103

Kumitat u proċeduri 67

KAPITOLU II

KUMITAT TAĦT L-ARTIKOLU 147 TAT-TRATTAT 67

Artikolu 104

Kumitat taħt l-Artikolu 147 tat-Trattat 67

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 68

Artikolu 105

Dispożizzjonijiet transizzjonali 68

Artikolu 106

Klawsola ta' reviżjoni 68

Artikolu 107

Taħsir 68

Artikolu 108

Dħul fis-seħħ 68

ANNESS I

Tqassim annwali ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2007 sa l-2013 70

ANNESS II

Qafas Finanzjarju 71

ANNESS III

Limiti massimi applikabbli għal rati ta' ko-finanzjament 75

ANNESS IV

Kategoriji ta' nfiq 76

TITOLU I

OBJETTIVI U REGOLI ĠENERALI DWAR L-GĦAJNUNA

KAPITOLU I

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FES) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Fondi Strutturali”) u l-Fond ta' Koeżjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1080/2006, (KE) Nru 1081/2006 u (KE) Nru 1084/2006.

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-objettivi li għalihom għandhom jikkontribwixxu l-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Fondi”), il-kriterji sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu eliġibbli taħt dawk il-Fondi, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħhom.

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kuntest għall-politika ta' koeżjoni, inkluż il-metodu għat-twaqqif tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali u l-proċess għall-eżami fil-livell Komunitarju.

Għal din il-fini, ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni, l-amministrazzjoni, inklużi l-amministrazzjoni finanzjarja, il-monitoraġġ u l-kontroll abbażi tar-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

1)

'programm operattiv': dokument preżentat mill-Istat Membru u adottat mill-Kummissjoni li jistabbilixxi strateġija ta' żvilupp b'sett koerenti ta' prijoritajiet li għandha titwettaq bl-għajnuna ta' Fond, jew, fil-każ ta' l-objettiv ta' Konverġenza, bl-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-FEŻR;

2)

'assi prijoritarju': waħda mill-prijoritajiet ta' l-istrateġija fi programm operattiv li tinkludi grupp ta' operazzjonijiet li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu;

3)

'operazzjoni': proġett jew grupp ta' proġetti magħżula mill-awtorità ta' ġestjoni tal-programm operattiv konċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha skond kriterji stabbiliti mill-kumitat ta' monitoraġġ u implementati minn benefiċjarju wieħed jew aktar sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta' l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x'jaqsam;

4)

'benefiċjarju': operatur, korp jew kumpannija, kemm jekk pubbliċi jew privati, responsabbli sabiex jinbdew jew jinbdew u jiġu implementati operazzjonijiet. Fil-kuntest ta' l-iskemi ta' għajnuna taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, il-benefiċjarji jkunu kumpanniji pubbliċi jew privati li jwettqu azzjoni individwali u jirċievu għajnuna pubblika;

5)

'infiq pubbliku': kull kontribuzzjoni pubblika għall-finanzjament ta' operazzjonijiet li l-oriġini tagħhom ikun il-baġit ta' l-Istat, ta' awtoritajiet reġjonali u lokali, tal-Komunitajiet Ewropej li tkun relatata mal-Fondi Strutturali u mal-Fond ta' Koeżjoni u kwalunkwe nfiq simili ieħor. Kull kontibuzzjoni għall-finanzjament ta' operazzjonijiet li joriġinaw mill-baġit ta' korpi regolati mid-dritt pubbliku jew ta' assoċjazżonijiet ta' waħda jew iżjed mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew ta' korpi regolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu konformement mad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' forniment pubbliku u kuntratti ta' servizz pubbliku (14) għandhom jiġu meqjusa bħala nfiq simili;

6)

'korp intermedju': kwalunkwe korp pubbliku jew privat jew servizz li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità ta' ġestjoni jew ta' ċertifikazzjoni, jew li jwettaq dmirijiet f'isem tali awtorità vis-à-vis benefiċjarji li jimplementaw l-operazzjonijiet;

7)

'irregolarità': kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali.

KAPITOLU II

Objettivi u missjonijiet

Artikolu 3

Objettivi

1.   L-azzjoni meħuda mill-Komunità taħt l-Artikolu 158 tat-Trattat għandha tkun imfassla sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta' l-Unjoni Ewropea mkabbra sabiex jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli tal-Komunità. Din l-azzjoni għandha tittieħed bl-għajnuna tal-Fondi, tal-Bank Ewropew ta' l-Investment (BEI) u strumenti finanzjarji oħra eżistenti. Hija għandha tkun immirata sabiex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li żviluppaw b'mod partikolari f'pajjiżi u reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u b'rabta mar-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali u max-xjuħija tal-popolazzjoni.

L-azzjoni meħuda taħt il-Fondi għandha tinkorpora, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, il-prijoritajiet Komunitarji favur żvilupp sostenibbli billi jissaħħu t-tkabbir, il-kompetittività, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll bil-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent.

2.   Għal dak il-għan, il-FEŻR, l-FES, il-Fond ta' Koeżjoni, il-BEI u l-istrumenti finanzjarji Komunitarji eżistenti l-oħra għandhom kull wieħed jikkontribwixxu bil-mod dovut lejn il-kisba tat-tliet objettivi li ġejjin:

(a)

l-objettiv ta' Konverġenza, li għandu jkun immirat li jħaffef il-konverġenza ta' l-Istati Membri u r-reġjuni l-inqas żviluppati billi jiġu mtejba l-kondizzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' żieda u titjib fil-kwalità ta' l-investment f'kapital fiżiku u uman, ta' l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni u tas-soċjetà tat-tagħrif, ta' l-adattabbiltà għal bidliet ekonomiċi u soċjali, tal-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent, u ta' l-effiċjenza amministrattiva. Dan l-objettiv għandu jikkostitwixxi l-prijorità tal-Fondi;

(b)

l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li għandu, barra r-reġjuni l-anqas żviluppati, ikun immirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u ta' l-attrazzjoni tar-reġjuni kif ukoll ta' l-impjiegi billi jantiċipa l-bidliet ekonomiċi u soċjali, inklużi dawk marbuta mal-ftuħ tal-kummerċ, billi jżid u jtejjeb il-kwalità ta' l-investiment fil-kapital uman, permezz ta' l-innovazzjoni u l-promozzjoni tas-soċjetà tat-tagħrif, ta' l-imprenditorjat, tal-protezzjoni u tat-titjib ta' l-ambjent, u t-titjib ta' l-aċċessibbiltà, ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u tan-negozji kif ukoll l-iżvilupp ta' swieq inklużivi ta' impjiegi; u

(ċ)

l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea li għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni transkonfinali permezz ta' inizjattivi lokali u reġjonali konġunti, it-tisħiħ tal-koperazzjoni transnazzjonali permezz ta' azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat marbut mal-prijoritajiet Komunitarji, u t-tisħiħ tal-koperazzjoni interreġjonali u l-iskambju ta' esperjenzi fil-livell territorjali xieraq.

3.   Taħt it-tliet objettivi msemmija fil-paragrafu 2, l-għajnuna mill-Fondi għandha, skond in-natura tagħhom, tqis il-karatteristiċi ekonomiċi u soċjali speċifiċi, min-naħa waħda, u l-karatteristiċi territorjali speċifiċi, min-naħa l-oħra. L-għajnuna għandha, b'mod dovut, issostni l-iżvilupp urban sostenibbli b'mod partikolari bħala parti mill-iżvilupp reġjonali u t-tiġdid taż-żoni rurali u taż-żoni li jiddependu fuq is-sajd permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika. L-għajnuna għandha ssostni wkoll dawk iż-żoni milqutin minn żvantaġġi ġeografiċi jew naturali li jkomplu jkabbru l-problemi ta' żvilupp, b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar estremi kif imsemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat kif ukoll l-inħawi tat-Tramuntana li għandhom densità baxxa ħafna ta' popolazzjoni, ċerti gżejjer u Stati Membri gżejjer, u żoni muntanjużi.

Artikolu 4

Strumenti u missjonijiet

1.   Il-Fondi għandhom jikkontribwixxu, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolawh, lejn il-kisba tat-tliet objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2) kif ġej:

(a)

l-objettiv ta' Konverġenza: il-FEŻR, il-FES u l-Fond ta' Koeżjoni;

(b)

l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi: il-FEŻR u l-FES;

(ċ)

l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea: il-FEŻR.

2.   Il-Fond ta' Koeżjoni għandu wkoll jintervjeni f'dawk ir-reġjuni mhux eliġibbli għal sostenn mill-objettiv ta' Konverġenza taħt il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 (1) li jappartjenu lil:

(a)

Stat Membru eliġibbli għal sostenn mill-Fond ta' Koeżjoni taħt il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u

(b)

Stat Membru eliġibbli għal sostenn mill-Fond ta' Koeżjoni taħt il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(3).

3.   Il-Fondi għandhom jikkontribwixxu lejn il-finanzjament ta' għajnuna teknika fuq l-inizjattiva ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

KAPITOLU III

Eliġibbiltà ġeografika

Artikolu 5

Konverġenza

1.   Ir-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt l-objettiv ta' Konverġenza għandhom ikunu r-reġjuni li jikkorrispondu għal-livell 2 tal-klassifikazzjoni komuni ta' l-unitajiet territorjali għall-finijiet statistiċi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “livell NUTS 2”) fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 li l-prodott gross domestiku (PGD) per capita tagħhom, imkejjel f'paritajiet ta' saħħa ta' akkwisti u kalkolat abbażi tal-figuri tal-Komunità għall-perjodu 2000-2002, huwa anqas minn 75 % tal-medja PGD ta' l-UE 25 għall-istess perjodu ta' referenza.

2.   L-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond tal-Koeżjoni għandhom ikunu dawk li d-dħul gross nazzjonali (GNI) per capita tagħhom, imkejjel f'paritajiet ta' saħħa ta' akkwisti u kalkolat abbażi taċ-ċifri tal-Komunità għall-perjodu 2001-2003, ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-GNI ta' l-UE 25 u li jkollhom programm sabiex jilħqu l-kondizzjonijiet tal-konverġenza ekonomika msemmija fl-Artikolu 104 tat-Trattat.

3.   Immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta lista ta' reġjuni li jissodisfaw il-kriterji taħt il-paragrafu 1 u ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kriterji taħt il-paragrafu 2. Din il-lista għandha tkun valida mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

L-eliġibbiltà ta' Stati Membri għall-Fond ta' Koeżjoni għandha tkun riveduta fl-2010 abbażi tal-figuri Komunitarji tal-GNI għall-UE 25.

Artikolu 6

Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

Ir-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandhom ikunu dawk li mhumiex koperti bl-Artikolu 5(1) u 8(1) u (2).

Meta jippreżenta l-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali msemmi fl-Artikolu 27, kull Stat Membru konċernat għandu jindika r-reġjuni tal-livell NUTS 1 jew tal-livell NUTS 2 li għalihom sejjer jippreżenta programm għall-finanzjament mill-FEŻR.

Artikolu 7

Koperazzjomi Territorjali Ewropea

1.   Għall-fini tal-koperazzjoni transkonfinali, ir-reġjuni tal-Komunità tal-livell NUTS 3 tul il-fruntieri interni kollha u ċerti fruntieri esterni fuq l-art u r-reġjuni kollha tal-Komunità tal-livell NUTS 3 tul il-fruntieri marittimi separati, bħala regola ġenerali, b'massimu ta' 150 kilometru għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament, b'kont meħud ta' aġġustamenti potenzjali meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-kontinwità ta' l-azzjoni ta' koperazzjoni.

Immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(2), il-lista tar-reġjuni eliġibbli. Din il-lista għandha tkun valida mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

2.   Għall-finijiet tal-koperazzjoni transnazzjonali, il-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(2), għandha tadotta l-lista taż-żoni transnazzjonali eliġibbli mqassma skond il-programm. Din il-lista għandha tkun valida mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

3.   Għall-finijiet tal-koperazzjoni interreġjonali, tan-networks ta' koperazzjoni u ta' l-iskambju ta' esperjenza, għandu jkun eliġibbli t-territorju kollu tal-Komunità.

Artikolu 8

Sostenn transizzjonali

1.   Ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li kienu jkunu eliġibbli għall-istatus ta' l-objettiv ta' Konverġenza taħt l-Artikolu 5(1) li kieku l-limitu ta' eliġibbiltà baqa' 75 % tal-medja PGD ta' l-UE 15, iżda li jitilfu l-eliġibbiltà minħabba li l-livell tal-PGD nominali per capita jaqbeż il-75 % tal-PGD medju ta' l-UE 25, meqjus u kalkolat skond l-Artikolu 5(1), għandhom ikunu eliġibbli, fuq bażi transizzjonali u speċifika, għal finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt l-objettiv ta' Konverġenza.

2.   Ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 koperti totalment bl-Objettiv 1 fl-2006 taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li l-livell tal-PGD nominali per capita tagħhom, meqjus u kalkolat skond l-Artikolu 5(1), ser jaqbeż il-75 % tal-PGD medju ta' l-UE 15 għandhom ikunu eliġibbli, fuq bażi transizzjonali u speċifika, għal finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi.

Fir-rikonoxximent li abbażi taċ-ċifri riveduti għall-perjodu 1997-1999 Ċipru kellu jkun eliġibbli għall-Objettiv 1 fl-2004-2006, Ċipru għandu jibbenifika fl-2007–2013 mill-finanzjament transizzjonali applikabbli għar-reġjuni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   L-Istati Membri għal finanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni fl-2006 li kienu jibqgħu jkunu eliġibbli li kieku l-limitu ta' eliġibbiltà baqa' 90 % tal-GNI medju ta' l-UE 15, iżda li jitilfu l-eliġibbiltà minħabba li l-GNI per capita nominali ser jaqbeż id-90 % tal-GNI medju ta' l-UE 25, meqjus u kalkolat skond l-Artikolu 5(2), għandhom ikunu eliġibbli, fuq bażi transizzjonali u speċifika, għal finanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni taħt l-objettiv ta' Konverġenza.

4.   Immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta' reġjuni li jissodisfaw il-kriterji taħt il-paragrafi 1 u 2 u ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kriterji taħt il-paragrafu 3. Din il-lista għandha tkun valida mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

KAPITOLU IV

Prinċipji ta' għajnuna

Artikolu 9

Komplementarjetà, konsistenza, koordinazzjoni u konformità

1.   Il-Fondi għandhom jipprovdu għajnuna li tikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali, inklużi azzjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali, u jintegraw fihom il-prijoritajiet Komunitarji.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna mill-Fondi tkun konsistenti ma' l-attivitajiet, il-linji politiċi u l-prijoritajiet Komunitarji u komplementari għal strumenti finanzjarji oħrajn tal-Komunità. Din il-konsistenza u din il-komplementarjetà għandhom jiġu indikati b'mod partikolari fil-linji gwida Komunitarji dwar il-koeżjoni, fil-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali u fil-programmi operattivi.

3.   L-għajnuna ko-finanzjata mill-Fondi għandha timmira lejn il-prijoritajiet ta' l-Unjoni Ewropea li jiġu promossi l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi, inkluż li jintlaħqu l-objettivi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005 sa 2008) kif stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE (15). Għal dan il-għan, skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li 60 % ta' l-infiq għall-objettiv ta' Konverġenza u 75 % ta' l-infiq għall-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għall-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwiti qabel l-1 ta' Mejju 2004 jiġu stabbiliti għall-prijoritajiet imsemmija hawn fuq. Dawn il-miri, ibbażati fuq il-kategoriji ta' nfiq fl-Anness IV għandhom japplikaw bħala medja tul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni.

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, inkluż il-prijoritajiet identifikati fil-programm ta' riforma nazzjonali ta' kull Stat Membru konċernat, il-Kummissjoni u dak l-Istat Membru jistgħu jiddeċiedu li jikkomplementaw b'mod xieraq il-lista ta' kategoriji ta' l-Anness IV.

Kull Stat Membru konċernat għandu jikkontribwixxi għal dawn il-miri.

Fuq l-inizjattiva tagħhom stess, l-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew wara l-2004 jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet.

4.   Skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-għajnuna mill-Fondi, mill-FAEŻR, mill-FES, u l-interventi tal-BEI u ta' strumenti finanzjarji eżistenti oħra.

5.   L-operazzjonijiet finanzjati mill-Fondi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta' atti adottati taħtu.

Artikolu 10

Programmazzjoni

L-objettivi tal-Fondi għandhom jitwettqu fil-qafas ta' sistema ta' programmazzjoni pluriennali organizzata f'diversi stadji li jinkludu l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet, il-finanzjament, u sistema ta' ġestjoni u kontroll.

Artikolu 11

Sħubija

1.   L-objettivi tal-Fondi għandhom jitwettqu fil-qafas ta' koperazzjoni mill-qrib (minn hawn 'il quddiem imsejħa “sħubija”), bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru. Kull Stat Membru għandu jorganizza, fejn dan ikun xieraq u skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, sħubija ma' awtoritajiet u korpi bħal:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra;

(b)

l-imsieħba ekonomiċi u soċjali;

(ċ)

kwalunkwe korp ieħor kompetenti li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi responsabbli għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Kull Stat Membru għandu jinnomina l-imsieħba l-aktar rappreżentattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fis-setturi ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew oħrajn (minn hawn 'il quddiem imsejħa “imsieħba”), skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali, b'kont meħud tal-ħtieġa tal-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli permezz ta' l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent.

2.   Is-sħubija għandha titwettaq f'konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta' kull kategorija ta' msieħba kif definiti fil-paragrafu 1.

Is-sħubija għandha tkopri t-tħejjija, l-implementazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' programmi operattivi. L-Istati Membri għandhom jinvolvu, fejn xieraq, lil kull wieħed mill-imsieħba relevanti, u b'mod partikolari r-reġjuni, fl-istadji differenti ta' programmazzjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit għal kull stadju.

3.   Kull sena l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew dwar l-għajnuna mill-Fondi.

Artikolu 12

Livell territorjali ta' l-implementazzjoni

L-implementazzjoni tal-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 32 għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-livell territorjali xieraq, skond is-sistema istituzzjonali speċifika għal kull Stat Membru. Dik ir-responsabbiltà għandha tiġi eżerċitata skond dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Intervent proporzjonali

1.   Ir-riżorsi finanzjarji u amministrattivi użati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-fondi fir-rigward ta':

(a)

l-għażla ta' indikaturi previsti fl-Artikolu 37(1)(ċ);

(b)

il-valutazzjoni taħt l-Artikoli 47 u 48;

(ċ)

il-prinċipji ġenerali ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll imsemmija fl-Artikolu 58(e) u (f).

(d)

ir-rappurtar kif imsemmi fl-Artikolu 67,

għandhom ikunu proporzjonali għall-ammont totali tan-nefqa pubblika allokata għal programm operattiv.

2.   Addizzjonalment, huma stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-proporzjonalità fir-rigward ta' kontrolli fl-Artikolu 74 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Ġestjoni kondiviża

1.   Il-budget ta' l-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implementat fil-qafas ta' ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (16), ħlief għall-għajnuna teknika msemmija fl-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament.

Il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu jiġi applikat skond l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

2.   Il-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltà tagħha għall-implementazzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bil-modi li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni għandha tivverifika l-eżistenza u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri skond il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 71, 72 u 73;

(b)

il-Kummissjoni għandha tinterrompi l-perjodu ta' skadenza għall-ħlas jew tissospendi l-ħlasijiet kollha jew parti minnhom skond l-Artikoli 91 u 92 jekk is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll nazzjonali ma jiffunzjonawx, u għandha tapplika kull korrezzjoni finanzjarja oħra meħtieġa, skond il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 100 u 101;

(ċ)

il-Kummissjoni għandha tivverifika r-rimborżi ta' ħlasijiet akkont u tiddiżimpenja awtomatikament impenji tal-budget skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(2) u fl-Artikoli 93 sa 97.

Artikolu 15

Addizzjonalità

1.   Kontribuzzjonijiet mill-Fondi Strutturali m'għandhomx jissostitwixxu l-infiq strutturali pubblika jew ekwivalenti minn xi Stat Membru.

2.   Għar-reġjuni koperti bl-objettiv ta' Konverġenza, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom jiddeterminaw il-livell ta' nfiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti li l-Istat Membru għandu jżomm fir-reġjuni kollha konċernati matul il-perjodu ta' programmazzjoni.

Il-livell ta' nfiq minn Stat Membru għandu jkun wieħed mill-elementi kopert fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali msemmi fl-Artikolu 28(3). Il-karta metodoloġika tal-Kummissjoni, adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3), għandha tipprovdi gwida.

3.   Bħala regola ġenerali, il-livell ta' l-infiq msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun mill-inqas ugwali għall-ammont tan-nefqa medja ta' kull sena f'termini reali li jkun intlaħaq matul il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti.

Barra minn hekk, il-livell ta' l-infiq għandu jkun stabbilit b'referenza għall-kondizzjonijiet makroekonomiċi ġenerali li fihom ikun sar il-finanzjament u b'kont meħud ta' ċerti sitwazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi jew eċċezzjonali, bħall-privatizzazzjonijiet kif ukoll livell eċċezzjonali ta' nfiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti li jkunu saru mill-Istat Membru matul il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti.

4.   Għall-objettiv ta' Konverġenza, il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma' kull Stat Membru, tivverifika l-addizzjonalità f'nofs it-term fl-2011. Bħala parti mill-verifika ta' nofs it-term, il-Kummissjoni, f'konsultazzjoni ma' l-Istat Membru tista' tiddeċiedi li timmodifika l-livell meħtieġ ta' l-infiq strutturali jekk is-sitwazzjoni ekonomika fl-Istat Membru konċernat tkun inbidlet b'mod sinifikattiv minn dik eżistenti fil-mument tad-determinazzjoni tal-livell ta' l-infiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti msemmi fil-paragrafu 2. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) għandha tiġi emendata sabiex tirrifletti dan l-aġġustament.

Għall-objettiv ta' Konverġenza l-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma' kull Stat Membru, tivverifika l-addizzjonalità ex-post fil-31 ta' Diċembru 2016.

L-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex jippermetti l-verifika tal-konformità mal-livell ta' l-infiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti determinat ex-ante. Fejn meħtieġ, għandhom jintużaw metodi ta' stima statistika.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati skond l-Istat Membru tal-verifika ta' l-addizzjonalità, inkluż il-metodoloġija u s-sorsi ta' informazzjoni wara l-konklużjoni ta' kull wieħed mit-tliet stadji ta' verifika.

Artikolu 16

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u non-diskriminazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jingħataw promozzjoni l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-perspettiva ta' l-integrazzjoni bejn is-sessi matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni tal-Fondi.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, fuq diżabbiltà, fuq l-età jew l-orjentazzjoni sesswali matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni tal-Fondi u, b'mod partikolari, fl-aċċess għalihom. B'mod partikolari, l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà għandha tkun waħda mill-kriterji li għandhom jiġu osservati fid-definizzjoni ta' operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi u li tagħhom għandu jittieħed kont matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni.

Artikolu 17

L-iżvilupp sostenibbli

L-objettivi tal-Fondi għandhom jiġu segwiti fil-qafas ta' żvilupp sostenibbli u l-promozzjoni Komunitarja tal-mira li jiġi mħares u mtejjeb l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat.

KAPITOLU V

Qafas finanzjarju

Artikolu 18

Riżorsi globali

1.   Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji mill-Fond għall-perjodu 2007 sa 2013 għandhom ikunu EUR 308 041 000 000 miljun bil-prezzijiet ta' l-2004 skond it-tqassim annwali muri fl-Anness I.

Għall-finijiet ta' programmazzjoni u ta' l-inklużjoni sussegwenti fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun indiċizzat għal 2 % kull sena.

Ir-rendikont tar-riżorsi tal-baġit skond l-objettivi definiti fl-Artikolu 3(2) għandu jkun tali li jilħaq konċentrazzjoni sinifikattiva fuq ir-reġjuni ta' l-objettiv ta' Konverġenza.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel tqassim indikattiv annwali skond l-Istati Membri skond il-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fl-Anness II mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 24.

3.   L-ammonti msemmija fil-paragrafi 12 sa 30 fl-Anness II għandhom jiġu inklużi fl-ammonti msemmija fl-Artikoli 19, 20 u 21 u għandhom jiġu identifikati b'mod ċar fid-dokumenti ta' programmazzjoni.

Artikolu 19

Riżorsi għall-objettiv ta' Konverġenza

Ir-riżorsi globali għall-objettiv ta' Konverġenza għandhom jammontaw għal 81,54 % tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 15(1) (jiġifieri total ta' EUR 251 163 134 221) u għandhom jitqassmu bejn il-komponenti differenti kif ġej:

(a)

70,51 % (jiġifieri total ta' EUR 177 083 601 004) għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 5(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, il-prosperità reġjonali, il-prosperità nazzjonali u r-rata ta' qgħad bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru;

(b)

4,99 % (jiġifieri total ta' EUR 12 521 289 405) għas-sostenn transizzjonali u speċifiku msemmi fl-Artikolu 8(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, tal-prosperità reġjonali, tal-prosperità nazzjonali u tar-rata ta' qgħad bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru;

(ċ)

23,22 % (jiġifieri total ta' EUR 58 308 243 811) għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 5(2), bl-użu tal-popolazzjoni, tal-prosperità nazzjonali, u ta' l-êrja superfiċjali bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru;

(d)

1,29 % (jiġifieri total ta' EUR 3 250 000 000) għas-sostenn transizzjonali u speċifiku msemmi fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 20

Riżorsi għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

Ir-riżorsi globali għall-objettiv ta' “Kompetittività Reġjonali u Impjiegi” għandhom jammontaw għal 15,95 % tar-riżorsi msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 15 (jiġifieri total ta' EUR 49 127 784 318) u għandhom jitqassmu bejn il-komponenti differenti kif ġej:

(a)

78,86 % (jiġifieri total ta' EUR 38 742 477 688) għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 6, bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, tal-prosperità reġjonali, tar-rata tal-qgħad, tar-rata ta' impjiegi u tad-densità tal-popolazzjoni bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru; u

(b)

21,14 % (jiġifieri total ta' EUR 10 385 306 630) għas-sostenn transizzjonali u speċifiku msemmi fl-Artikolu 8(2), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, tal-prosperità reġjonali, tal-prosperità nazzjonali u tar-rata tal-qgħad bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru.

Artikolu 21

Riżorsi għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea

1.   Ir-riżorsi globali għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandhom jammontaw għal 2,52 % tar-riżorsi msemmija taħt l-Artikolu 15(1) (jiġifieri totali ta' EUR 7 750 081 461) u, eskluż l-ammont imsemmi fil-paragrafu 22 ta' l-Anness II, għandhom jiġu distribwiti bejn il-komponenti differenti kif ġej:

(a)

73,86 % (jiġifieri totali ta' EUR 5 576 358 149) għall-finanzjament tal-koperazzjoni transkonfinali kif imsemmija fl-Artikolu 7(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli bħala l-kriterju għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru;

(b)

20,95 % (jiġifieri totali ta' EUR 1 581 720 322) għall-finanzjament tal-koperazzjoni transnazzjonali kif msemmija fl-Artikolu 7(2), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli bħala l-kriterju għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skond l-Istat Membru;

(ċ)

5,19 % (jiġifieri totali ta' EUR 392 002 991) għall-finanzjament tal-koperazzjoni interreġjonali, tan-networks ta' koperazzjoni u ta' l-iskambju ta' esperjenza msemmija fl-Artikolu 7(3).

2.   Il-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programmi transkonfinali u tal-baċini marini taħt l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija Ewropej u għall-programmi transkonfinali taħt l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni skond bir-Regolament (KE) Nru 1085/2006għandha tkun EUR 813 966 000, bħala riżultat ta' l-indikazzjoni ta' kull Stat Membru konċernat, imnaqqsa mill-allokazzjonijiet tagħhom taħt il-paragrafu 1(a). Dawn il-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR m'għandhomx ikunu suġġetti għal allokazzjoni mill-ġdid bejn l-Istati Membri konċernati.

3.   Il-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall kull programm transkonfinali u tal-baċini marini taħt l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata sakemm il-kontribuzzjoni minn tali strumenti għal kull tali programm tkun mill-inqas ekwivalenti għall-kontribuzzjoni mill-FEŻR. Madankollu, din l-ekwivalenza għandha tkun suġġetta għal ammont massimu ta' EUR 465 690 000 taħt l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija Ewropej u ta' EUR 243 782 000 taħt l-Istrument ta' Għajnuna għall-Qabel l-Adeżjoni.

4.   L-approprjazzjonijiet annwali li jikkorrispondu għall-kontribut mill-FEŻR imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu mdaħħla fil-linji relevanti tal-budget għat-taqsima transkonfinali ta' l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2 ma' l-eżerċizzju tal-budget ta' l-2007.

5.   Fl-2008 u fl-2009, il-kontribuzzjoni annwali mill-FEŻR imsemmija fil-paragrafu 2 li għaliha ma jkun ġie preżentat, sa mhux aktar tard mitt-30 ta' Ġunju, lill-Kummissjoni l-ebda programm operattiv taħt it-taqsimiet transkonfinali u tal-baċini marini ta' l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2, għandha konsegwentement issir disponibbli lill-Istati Membri konċernati għall-finanzjament tal-koperazzjoni transkonfinali taħt il-paragrafu 1(a), inkluża l-koperazzjoni fuq il-fruntieri esterni.

Jekk sat-30 ta' Ġunju 2010 u mhux aktar tard minn din id-data, ikun fadal programmi operattivi taħt it-taqsimiet transkonfinali u tal-baċini marini msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu għadhom ma ġewx preżentati lill-Kummissjoni, il-kontribuzzjoni sħiħa mill-FEŻR imsemmija fil-paragrafu 2 għas-snin li jifdal sa l-2013 għandha konsegwentement issir disponibbli lill-Istati Membri konċernati għall-finanzjament tal-koperazzjoni transkonfinali taħt il-paragrafu 1(a), inkluża l-koperazzjoni fuq il-fruntieri esterni.

6.   Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-programmi transkonfinali u tal-baċini ta' l-ibħra msemmija fil-paragrafu 2, ikun meħtieġ il-waqfien ta' tali programmi minħabba li:

(a)

il-pajjiż imsieħeb ma jiffirmax il-ftehim ta' finanzjament sa tmiem is-sena wara l-adozzjoni tal-programm; jew

(b)

il-programm ma jistax jiġi implementat minħabba problemi li jiżviluppaw fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti;

il-kontribuzzjoni mill-FEŻR imsemmija fil-paragrafu 2 li tikkorrispondi għal pagamenti annwali li għadhom ma ġewx assenjati, għandha ssir disponibbli lill-Istati Membri konċernati, fuq talba tagħhom, għall-finanzjament tal-koperazzjoni transkonfinali taħt il-paragrafu 1(a), inkluża l-koperazzjoni fuq il-fruntieri esterni.

Artikolu 22

Non-trasferibbiltà tar-riżorsi

L-approprjazzjonijiet totali allokati mill-Istat Membru taħt kull wieħed mill-objettivi tal-Fondi u l-komponenti tagħhom m'għandhomx ikunu trasferibbli bejniethom.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea jista' jitrasferixxi sa 15 % ta' l-allokazzjoni finanzjarja ta' wieħed mill-komponenti msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u (b) lill-ieħor.

Artikolu 23

Riżorsi għar-riżerva ta' prestazzjoni

It-3 % tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 19(a) u (b) u fl-Artikolu 20 jistgħu jiġu allokati skond l-Artikolu 50.

Artikolu 24

Riżorsi għal għajnuna teknika

Iż-0,25 % tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 18(1) għandhom jiġu dedikati għal għajnuna teknika għall-Kummissjoni kif definit fl-Artikolu 45.

TITOLU II

APPROĊĊ STRATEĠIKU GĦALL-KOEŻJONI

KAPITOLU I

Linji gwida strateġiċi komunitarji dwar il-koeżjoni

Artikolu 25

Kontenut

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fil-livell Komunitarju linji gwida strateġiċi konċiżi dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali li jiddefinixxu qafas indikattiv għall-intervent tal-Fondi, b'kont meħud ta' linji politiċi Komunitarji relevanti oħra.

Għal kull wieħed mill-objettivi tal-Fondi, dawk il-linji gwida għandhom b'mod partikolari jagħtu effett lill-prijoritajiet Komunitarji bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli tal-Komunità imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Dawk il-linji gwida għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud tal-linji gwida integrati, li jikkonsistu minn linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika u linji gwida dwar l-impjiegi, adottati mill-Kunsill skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 99 u 128 tat-Trattat.

Artikolu 26

Adozzjoni u reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tipproponi, wara koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni msemmija fl-Artikolu 25 ta' dan ir-Regolament. Sa l-1 ta' Frar 2007, il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 161 tat-Trattat. Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni jistgħu jkunu suġġetti, wara koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għal reviżjoni ta' nofs it-term skond il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu jekk dan ikun meħtieġ sabiex jittieħed kont ta' kwalunkwe bidla maġġuri fil-prijoritajiet Komunitarji.

Ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni m'għandhomx jimponu obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jirrivedu l-programmi operattivi jew l-oqfsa ta' referenza strateġiċi nazzjonali tagħhom.

KAPITOLU II

Qafas ta' referenza strateġika nazzjonali

Artikolu 27

Kontenut

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw qafas ta' referenza strateġika nazzjonali li jiżgura li l-għajnuna mill-fondi tkun konsistenti mal-linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni u li jidentifika l-konnessjoni bejn il-prijoritajiet Komunitarji min-naħa waħda u l-programm nazzjonali ta' riforma, min-naħa l-oħra.

2.   Kull qafas ta' referenza strateġika nazzjonali għandu jikkostitwixxi strument ta' referenza għat-tħejjija tal-programmazzjoni tal-Fondi.

3.   Il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali għandu japplika għall-objettiv ta' Konverġenza u għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi. Jista' japplika wkoll, jekk Stat Membru hekk jiddeċiedi, għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-għażliet futuri ta' Stati Membri oħra konċernati.

4.   Il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

analiżi tad-disparitajiet, id-dgħjufijiet u l-potenzjal ta' żvilupp, b'kont meħud tax-xejriet fl-ekonomija Ewropea u dinjija;

(b)

l-istrateġija magħżula abbażi ta' dik l-analiżi, inklużi l-prijoritajiet tematiċi u territorjali. Fejn xieraq dawn il-prjioritajiet għandhom jinkludu azzjonijiet relatati ma' l-iżvilupp urban sostenibbli, id-diversifikazzjoni ta' ekonomiji rurali u żoni dipendenti fuq is-sajd;

(ċ)

il-lista ta' programmi operattivi għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi;

(d)

deskrizzjoni ta' kif l-infiq għall-objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi sejjer tikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta' l-Unjoni Ewropea li jiġu promossi l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi, inkluż li jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005 sa 2008) kif stabbiliti fl-Artikolu 9(3).

(e)

l-allokazzjoni annwali indikattiva minn kull Fond skond il-programm;

(f)

għar-reġjuni ta' l-objettiv ta' Konverġenza biss:

(i)

l-azzjoni prevista għat-tisħiħ ta' l-effiċjenza amministrattiva ta' l-Istat Membru;

(ii)

l-ammont ta' l-approprjazzjoni annwali totali previst taħt l-EAFRD u l-EFF;

(iii)

l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika ex-ante dwar il-konformità mal-prinċipju ta' addizzjonalità msemmi fl-Artikolu 15;

(g)

għall-Istati Membri eliġibbli għall-Fond ta' Koeżjoni taħt l-Artikoli 5(2) u 8(3), l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi sabiex tiġi żgurata koperazzjoni bejn il-programmi operattivi nfushom u bejn dawn u l-FEŻR, il-FES, u fejn xieraq, l-interventi tal-BEI u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti.

(5)   Barra minn hekk, il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali jista' jkun fih ukoll, fejn relevanti, l-elementi li ġejjin:

(a)

il-proċedura għall-koordinazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni tal-Komunità u l-linji politiċi nazzjonali, settorjali u reġjonali relevanti ta' l-Istat Membru konċernat;

(b)

għall-Istati Membri diversi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 4(g), l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi għall-iżgurar tal-koordinazzjoni bejn il-programmi operattivi stess u bejn dawn u l-FAEŻR, il-FES, u l-interventi tal-BEI u ta' strumenti finanzjarji eżistenti oħrajn.

6.   L-informazzjoni li tinsab fil-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali għandha tieħu kont ta' l-arranġamenti istituzzjonali speċifiċi ta' kull Stat Membru.

Artikolu 28

Tħejjija u adozzjoni

1.   Il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali għandu jitħejja mill-Istat Membru, wara li jiġu konsultati l-imsieħba relevanti kif imsemmi fl-Artikolu 10, skond il-proċedura li huwa jikkonsidra l-aktar xierqa u skond l-istruttura istituzzjonali tiegħu. Huwa għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

L-Istat Membru għandu jħejji l-qafas ta' referenza strateġika fi djalogu mal-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ komuni.

2.   Kull Stat Membru għandu jibgħat il-qafas ta' referenza strateġika lill-Kummissjoni fi żmien ħames xhur mill-adozzjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu nota ta' l-istrateġija nazzjonali u t-temi prijoritarji magħżula għall-għajnuna mill-Fondi, u tagħmel dawk l-osservazzjonijiet kif tikkonsidra xieraq fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tal-qafas.

L-Istat Membru jista' jippreżenta fl-istess ħin il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali u l-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 32.

3.   Qabel jew fl-istess waqt ta' l-adozzjoni tal-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 32(5), il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istat Membru, għandha tieħu deċiżjoni li tkopri:

(a)

il-lista tal-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 27(4)(ċ);

(b)

l-allokazzjoni annwali indikattiva minn kull Fond skond kull programm imsemmi fl-Artikolu 27(4)(e)

(ċ)

għall-objettiv ta' Konverġenza biss, il-livell tan-nefqa li jiggarantixxi l-konformità mal-prinċipju ta' addizzjonalità msemmi fl-Artikolu 15 u l-azzjoni prevista għat-tisħiħ ta' l-effiċjenza amministrattiva kif imsemmi fl-Artikolu 27(4)(f)(i).

KAPITOLU III

Segwitu strateġiku

Artikolu 29

Rappurtar strateġiku mill-Istati Membri

1.   Għall-ewwel darba fl-2007, kull Stat Membru għandu jinkludi fir-rapport ta' implementazzjoni tal-programm nazzjonali tiegħu ta' riforma taqsima konċiża dwar il-kontribuzzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-Fondi lejn l-implementazzjoni tal- programm nazzjonali ta' riforma.

2.   Mhux aktar tard minn tmiem l-2009 u l-2012, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport konċiż li jkun fih informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-programmi ko-finanzjati mill-Fondi

(a)

lejn l-implementazzjoni ta' l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni kif stabbilita bit-Trattat;

(b)

lejn it-twettiq tal-kompiti tal-Fondi kif stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(ċ)

lejn l-implementazzjoni tal-prijoritajiet dettaljati fil-linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni msemmija fl-Artikolu 25 u speċifikati fil-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali msemmija fl-Artikolu 27; u

(d)

lejn il-kisba ta' l-objettiv li tiġi promossa l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi u li jkun hemm ħidma sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005 sa 2008) kif stabbiliti fl-Artikolu 9(3).

3.   Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi l-kontenut tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2, bil-ħsieb li jiġu identifikati:

(a)

is-sitwazzjoni u x-xejriet soċjo-ekonomiċi;

(b)

il-kisbiet, l-isfidi u l-prospetti futuri rigward l-implementazzjoni ta' l-istrateġija miftiehma; u

(ċ)

eżempji ta' prattika tajba.

4.   Ir-referenzi għall-programm nazzjonali ta' riforma f'dan l-Artikolu għandhom jirrelataw għal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005 sa 2008) u għandhom japplikaw ugwalment għal kwalunkwe linji gwida ekwivalenti definiti mill-Kunsill Ewropew.

Artikolu 30

Rappurtar strateġiku mill-Kummissjoni u dibattitu dwar il-politika ta' koeżjoni

1.   Għall-ewwel darba fl-2008, u minn hemm 'il quddiem kull sena, il-Kummissjoni, fir-Rapport ta' Progress Annwali għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għandha tinkludi taqsima li tagħti deskrizzjoni qasira tar-rapporti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 29(1), b'mod partikolari dwar progress lejn il-kisba tal-prijoritajiet ta' l-Unjoni Ewropea li tiġi promossa l-kompetittività u li jinħolqu l-impjiegi, inkluż li jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005 sa 2008) kif stabbilit fl-Artikolu 9(3).

2.   Fis-snin 2010 u 2013 u mhux aktar tard mill-1 ta' April, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport strateġiku li jagħti deskrizzjoni qasira tar-rapporti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 29(2). Fejn ikun xieraq, dan ir-rapport għandu jiġi inkorporat bħala taqsima speċifika fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 159 tat-Trattat.

3.   Il-Kunsill għandu jeżamina r-rapport strateġiku msemmi fil-paragrafu 2 malajr kemm jista' jkun wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għandu jiġi preżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, u dawn l-istituzzjonijiet għandhom jiġu mistiedna li jżommu dibattitu dwaru.

Artikolu 31

Rapport dwar il-koeżjoni

1.   Ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 159 tat-Trattat għandu jinkludi b'mod partikolari:

(a)

rekord tal-progress magħmul fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, inklużi s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u l-iżvilupp tar-reġjuni, kif ukoll l-integrazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji;

(b)

rekord tar-rwol tal-Fondi, tal-BEI u ta' l-istrumenti finanzjarji l-oħra, kif ukoll l-effett tal-linji politiċi Komunitarji u nazzjonali l-oħra dwar il-progress magħmul.

2.   Ir-rapport għandu jkun fih ukoll, jekk meħtieġ:

(a)

kwalunkwe proposta dwar miżuri u linji politiċi Komunitarji li għandhom jiġu adottati sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

(b)

kwalunkwe aġġustament propost għal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni meħtieġ sabiex jirrifletti bdil fil-politika Komunitarja.

TITOLU III

PROGRAMMAZZJONI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fondi strutturali u l-fond ta' koeżjoni

Artikolu 32

Tħejjija u approvazzjoni ta' programmi operattivi

1.   L-attivitajiet tal-Fondi fl-Istati Membri għandhom jieħdu l-forma ta' programmi operattivi fil-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali. Kull programm operattiv għandu jkopri perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2013. Programm operattiv għandu jkopri wieħed mit-tliet objettivi msemmija fl-Artikolu 3 biss, ħlief fejn ikun miftiehem mod ieħor bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru.

2.   Kull programm operattiv għandu jitfassal mill-Istat Membru jew minn kull awtorità maħtura mill-Istat Membru, f'koperazzjoni ma' l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 11.

3.   L-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni proposta għal programm operattiv li jkun fih il-komponenti kollha msemmija fl-Artikolu 37 kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur wara l-adozzjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 26.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-programm operattiv propost sabiex tiddetermina jekk huwa jagħtix kontribut għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali u għal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni. Fejn il-Kummissjoni, fi zmien xahrejn minn meta tkun irċeviet il-programm operattiv, tikkonsidra li programm operattiv ma jagħtix kontribut għall-kisba ta' l-objettivi tal-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali u l-linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni, hija tista' tistieden lill-Istat Membru sabiex jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa u, fejn xieraq, sabiex jirrivedi l-programm propost għaldaqstant.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta kull programm operattiv kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn erba' xhur wara l-preżentazzjoni formali tiegħu mill-Istat Membru, u mhux qabel l-ewwel ta' Jannar 2007.

Artikolu 33

Reviżjoni ta' programmi operattivi

1.   Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru jew tal-Kummissjoni bi ftehim ma' l-Istat Membru konċernat, il-programmi operattivi jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut il-bqija tal-programm, f'wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

(a)

wara bidliet soċjo-ekonomiċi sinifikattivi;

(b)

sabiex jittieħed kont akbar jew differenti ta' bidliet maġġuri fi prijoritajiet Komunitarji nazzjonali jew reġjonali;

(ċ)

fid-dawl tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(3); jew

(d)

wara diffikultajiet fl-implementazzjoni.

Jekk meħtieġ, programmi operattivi għandhom jiġu riveduti wara l-allokazzjoni tar-riżervi msemmija fl-Artikoli 50 u 51.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar talba ħal reviżjoni ta' programmi operattivi mill-aktar fis iżda mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni formali tagħha mill-Istat Membru.

3.   Ir-reviżjoni ta' programmi operattivi m'għandhiex teħtieġ reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 283).

Artikolu 34

Karattru speċifiku tal-Fondi

1.   Programmi operattivi għandhom jirċievu finanzjament minn Fond wieħed biss, ħlief kif ipprovdut mod ieħor fil-paragrafu 3.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-derogi stabbiliti fir-regolamenti speċifiċi tal-Fondi, il-FEŻR u l-FES jistgħu jiffinanzjaw, b'mod komplementari u suġġett għal limitu ta' 10 % ta' finanzjament Komunitarju għal kull assi prijoritarju ta' programm operattiv, miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' għajnuna mill-Fond l-ieħor, sakemm dawn huma meħtieġa għall-implementazzjoni sodisfaċenti ta' l-operazzjoni u huma marbuta direttament miegħu.

3.   L-Istati Membri li jirċievu sostenn mill-Fond ta' Koeżjoni, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni għandhom jipprovdu b'mod konġunt għajnuna għal programmi operattivi fuq l-infrastruttura tat-trasport u l-ambjent, inklużi proġetti kbar.

Artikolu 35

Ambitu ġeografiku

1.   Programmi operattivi preżentati taħt l-objettiv ta' Konverġenza għandhom jitfasslu fil-livell ġeografiku xieraq u mill-inqas fil-livell NUTS 2.

Programmi operattivi preżentati taħt l-objettiv ta' Konverġenza b'kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jitfasslu fil-livell nazzjonali,

2.   Programmi operattivi preżentati taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandhom jitfasslu fil-livell NUTS 1 jew fil-livell NUTS 2, skond is-sistema istituzzjonali speċifika għall-Istat Membru, għar-reġjuni li jgawdu minn finanzjament mill-FEŻR, ħlief fejn jiġi miftiehem mod ieħor bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Huma għandhom jitfasslu mill-Istat Membru fil-livell xieraq jekk dawn huma finanzjati mill-FES.

3.   Programmi operattivi preżentati taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea għal koperazzjoni transkonfinali għandhom jitfasslu għal kull fruntiera jew grupp ta' fruntieri permezz ta' raggruppament adatt fil-livell NUTS 3, inklużi l-enklavi. Programmi operattivi preżentati taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea għal koperazzjoni transnazzjonali għandhom jitfasslu fil-livell ta' kull żona ta' koperazzjoni transnazzjonali. Programmi ta' koperazzjoni inter-reġjonali u ta' skambju ta' esperjenza għandhom ikollhom x'jaqsmu mat-territorju kollu tal-Komunità.

Artikolu 36

Parteċipazzjoni mill-Bank Ewropew ta' l-Investment u l-Fond Ewropew ta' l-Investment

1.   Il-BEI u l-FEI jistgħu jipparteċipaw, skond il-modalitajiet stabbiliti fl-istatuti tagħhom, fil-programmazzjoni ta' l-għajnuna mill-Fondi.

2.   Il-BEI u l-FEI jistgħu, fuq talba ta' l-Istati Membri, jipparteċipaw fit-tħejjija ta' qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali u fi programmi operattivi, kif ukoll f'attivitajiet relatati mat-tħejjija ta' proġetti, b'mod partikolari proġetti kbar, l-arranġament tal-finanzjament, u sħubiji bejn is-settur pubbliku u privat. L-Istat Membru, bi qbil mal-BEI u l-FEI, jista' jikkonċentra s-self mogħti fuq prijorità waħda jew aktar ta' programm operattiv, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-innovazzjoni u l-ekonomija tat-tagħrif, il-kapital uman, l-ambjent u proġetti ta' infrastruttura bażika.

3.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-BEI u lill-FEI qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) u tal-programmi operattivi. Dik il-konsultazzjoni għandha tirrigwarda b'mod partikolari programmi operattivi li jkollhom lista indikattiva ta' proġetti kbar jew programmi li, minħabba n-natura tal-prijoritajiet tagħhom, huma adatti sabiex jimmobilizzaw self jew tipi oħra ta' finanzjament ibbażat fuq is-suq.

4.   Il-Kummissjoni tista', jekk tqis li huwa meħtieġ għall-valutazzjoni ta' proġetti kbar, titlob lill-BEI sabiex jeżamina l-kwalità teknika u l-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-proġetti konċernati, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-azzjonijiet ta' inġinerija finanzjarja li ser jiġu implementati jew żviluppati.

5.   Il-Kummissjoni, fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, tista' tagħti għotja lill-BEI jew lill-FEI.

KAPITOLU II

Il-kontenut tal-programmazzjoni

Taqsima 1

Programmi operattivi

Artikolu 37

Programmi operattivi għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

1.   Il-programmi operattivi relatati ma' l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandhom jinkludu:

(a)

analiżi tas-sitwazzjoni tal-qasam jew is-settur eliġibbli f'termini ta' punti ta' forza u ta' dgħufija u l-istrateġija magħżula bħala rispons;

(b)

ġustifikazzjoni tal-prijoritjiet magħżula waqt li jittieħed kont tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar koeżjoni, il-qafas ta' referenza strateġika nazzjonali, kif ukoll ir-riżultati tal-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 48;

(ċ)

tagħrif dwar l-assi prijoritarji u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi għall-output u r-riżultati, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress f'relazzjoni mas-sitwazzjoni bażilari u l-kisba tal-miri ta' l-assi prijoritarju;

(d)

għal finijiet ta' informazzjoni, tqassim indikattiv skond il-kategorija ta' l-użu programmat tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-programm operattiv skond ir-regoli li jimplementaw ta' dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3)

(e)

pjan finanzjarju li jkollu fih żewġ tabelli:

(i)

tabella b'rendikont għal kull sena, skond l-Artikoli 52, 53 u 54, ta' l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali prevista għall-kontribuzzjoni minn kull Fond. Il-pjan ta' finanzjament għandu juri b'mod separat fi ħdan il-kontribuzzjoni annwali totali mill-Fondi Strutturali l-approprjazzjonijiet ipprovduti għar-reġjuni li jirċievu sostenn transizzjonali. Il-kontribuzzjoni totali mill-Fondi previsti kull sena għandhom ikunu kompatibbli mal-qafas finanzjarju applikabbli b'kont meħud tat-tnaqqis gradwali stabbilit fil-paragrafu 6 ta' l-Anness II;

(ii)

tabella li tkun tispeċifika, għall-perjodu kollu ta' programmazzjoni, għall-programm operattiv u għal kull assi prijoritarju, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-kontribuzzjoni tal-Komunità u r-rata ta' kontribuzzjoni mill-Fondi. Fejn b'konformità ma' l-Artikolu 53, il-kontraparti nazzjonali hija magħmula min-nefqa pubblika jew privata, it-tabella għandha tagħti t-tqassim indikattiv bejn il-komponenti pubbliċi u privati. Fejn skond l-Artikolu 53, il-kontraparti nazzjonali hija magħmula min-nefqa pubblika, it-tabella għandha tindika l-ammont tal-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali. Din għandha turi, għall-informazzjoni, il-kontibuzzjoni tal-BEI u ta' l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra;

(f)

informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' miżuri finanzjati mill-FAEŻR u dawk finanzjati mill-FES, fejn relevanti;

(g)

id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni għall-programm operattiv, inklużi:

(i)

l-għażla mill-Istat Membru ta' l-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 59 jew, jekk l-Istat Membru jeżerċita l-għażla prevista fl-Artikolu 74, l-għażla ta' korpi oħra u proċeduri skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 74;

(ii)

deskrizzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u valutazzjoni;

(iii)

informazzjoni dwar il-korp kompetenti sabiex jirċievi l-ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni u l-korp jew il-korpi responsabbli sabiex jagħmlu ħlasijiet lill-benefiċjarji;

(iv)

definizzjoni tal-proċeduri għall-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkulazzjoni ta' movimenti ta' fondi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom;

(v)

l-elementi mmirati sabiex jiġu żgurati l-pubbliċità u l-informazzjoni tal-programm operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 69;

(vi)

deskrizzjoni tal-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru għall-iskambju ta' data kompjuterizzata sabiex ikunu sodisfatti l-kriterji ta' ħlas, sorveljanza u valutazzjoni stabbiliti b'dan ir-Regolament;

(h)

lista indikattiva ta' proġetti kbar fis-sens ta' l-Artikolu 39, li huma mistennija li jiġu preżentati matul il-perjodu ta' programmazzjoni għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

2.   Il-programmi operattivi finanzjati b'mod konġunt mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni dwar it-trasport u l-ambjent għandu jkollhom assi prijoritarju speċifiku għal kull Fond u impenn speċifiku skond kull Fond.

3.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, kull programm operattiv taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandu jinkludi ġustifikazzjoni għall-konċentrazzjoni tematika, ġeografika u finanzjarja dwar il-prijoritajiet kif stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament u fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006.

4.   Programmi operattivi finanzjati mill-FEŻR għandu jkun fihom minbarra l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi:

(a)

informazzjoni dwar l-approċċ għall-iżvilupp urban sostenibbli fejn ikun xieraq;

(b)

assi prijoritarji speċifiċi għall-miżuri finanzjati taħt l-allokazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 20 ta' l-Anness II fi programmi operattivi li jipprovdu għajnuna fl-iżjed reġjuni mbiegħda.

5.   Programmi operazzjonali affettwati minn waħda jew iżjed mill-allokazzjonijiet speċifiċi msemmija fid-dispożizzjoni addizzjonali fl-Anness II għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri previsti sabiex jallokaw u jiżguraw il-monitoraġġ ta' dawn l-allokazzjonijiet speċifiċi.

6.   Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru, il-programmi operattivi finanzjati mill-FEŻR jista' jkun fihom ukoll għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi:

(a)

il-lista tal-bliet magħżula sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet urbani u l-proċeduri għas-subdelegazzjoni lil awtoritajiet urbani, possibbilment permezz ta' għotja globali;

(b)

azzjonijiet għall-koperazzjoni interreġjonali ma', mill-inqas, awtorità reġjonali jew lokali waħda ta' Stat Membru ieħor.

7.   Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru konċernat, il-programmi operattivi għall-FES jistgħu wkoll jinkludu, għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, approċċ orizzontali jew assi prijoritarju dedikat għal azzjonijiet interreġjonali u transnazzjonali li jinvolvu l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ta' minn ta' l-inqas Stat Membru ieħor.

Artikolu 38

Programmi operattivi għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea

Regoli speċifiċi dwar programmi operattivi huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006, fir-rigward ta' programmi operattivi taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

Taqsima 2

Proġetti kbar

Artikolu 39

Kontenut

Bħala parti minn programm operattiv, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni jistgħu jiffinanzjaw infiq fir-rigward ta' operazzjoni li jkun fiha sensiela ta' xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi maħsuba fiha nfisha sabiex twettaq kompitu indiviżibbli ta' natura ekonomika jew teknika preċiża, li jkollha għanijiet identifikati b'mod ċar u li l-kost totali tagħha huwa aktar minn EUR 25 miljun fil-każ ta' l-ambjent u EUR 50 miljun f'oqsma oħra (minn hawn 'il quddiem imsejħa “proġetti kbar”).

Artikolu 40

Informazzjoni preżentata lill-Kummissjoni

L-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja dwar proġetti kbar:

(a)

informazzjoni dwar il-korp li se jkun responsabbli għall-implementazzjoni;

(b)

informazzjoni dwar in-natura ta' l-investiment u deskrizzjoni tiegħu, il-volum finanzjarju u l-lokalità tiegħu;

(ċ)

ir-riżultati ta' l-istudji tal-fattibbiltà;

(d)

skeda ta' żmien għall-implementazzjoni tal-proġett u, fejn il-perjodu ta' implementazzjoni għall-operazzjoni konċernata mistenni jkun itwal mill-perjodu ta' programmazzjoni, il-fażijiet li għalihom jintalab ko-finanzjament Komunitarju matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013;

(e)

analiżi tal-kost u l-benefiċċju, inkluża valutazzjoni tar-riskju u l-impatt prevedibbli fuq is-settur konċernat u fuq is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ta' l-Istat Membru u/jew ir-reġjun u, meta jkun possibbli u fejn xieraq, tar-reġjuni l-oħra tal-Komunità;

(f)

analiżi ta' l-impatt ambjentali;

(g)

ġustifikazzjoni għall-kontribuzzjoni pubblika;

(h)

il-pjan ta' finanzjament li juri r-riżorsi finanzjarji ppjanati kollha u l-kontribuzzjoni ppjanata mill-Fondi, mill-BEI, mill-FEI u mis-sorsi l-oħra kollha ta' finanzjament Komunitarju, inkluż il-pjan annwali indikattiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEŻR jew il-Fond ta' Koeżjoni għall-proġett kbir.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida indikattiva dwar il-metodoloġija li għandha tintuża sabiex titwettaq l-analiżi prezz-benefiċċju imsemmija fil-punt (e) skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(2).

Artikolu 41

Deċiżjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-proġett kbir, jekk meħtieġ billi tikkonsulta esperti barranin, inkluż il-BEI, fid-dawl tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 40, tal-konsistenza tiegħu mal-prijoritajiet tal-programm operattiv, tal-kontribut tiegħu sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' dawk il-prijoritajiet u tal-koerenza tiegħu ma' linji politiċi oħra Komunitarji.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni kemm jista' jkun malajr iżda mhux aktar tard minn 3 xhur wara l-preżentazzjoni mill-Istat Membru jew mill-awtorità ta' ġestjoni ta' proġett kbir, bil-kondizzjoni li l-preżentazzjoni ssir skond l-Artikolu 40. Dik id-deċiżjoni għandha tiddefinixxi s-suġġett fiżiku, l-ammont li għalih tapplika r-rata ta' ko-finanzjament għall-assi prijoritarju, u l-pjan annwali ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EDRF jew il-Fond ta' Koeżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi għal proġett kbir, hija għandha tinnotifika lill-Istat Membru dwar ir-raġunijiet tagħha fi żmien il-perjodu u l-kondizzjonijiet relatati stabbiliti fil-paragrafu 2.

Taqsima 3

Għotjiet globali

Artikolu 42

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni jistgħu jafdaw l-amministrazzjoni u l-implementazzjoni ta' parti minn programm operattiv lil korp intermedju wieħed jew aktar, maħtura mill-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni, inklużi awtoritajiet lokali, korpi għall-iżvilupp reġjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi, li għandhom jiżguraw l-implementazzjoni ta' operazzjoni waħda jew iktar skond id-dispożizzjonijiet ta' ftehim konkluż bejn l-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni u dak il-korp.

Tali delegazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-awtorità ta' ġestjoni u ta' l-Istati Membri.

2.   Il-korp intermedju responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-għotja globali għandu jipprovdi garanziji dwar is-solvenza u l-ħila tiegħu fil-qasam konċernat kif ukoll fl-amministrazzjoni amministrattiva u finanzjarja. Fil-mument ta' l-għażla tiegħu huwa għandu, bħala regola ġenerali, ikun stabbilit jew rappreżentat fir-reġjun jew reġjuni koperti bil-programm operattiv.

Artikolu 43

Regoli implementattivi

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 42(1) għandu jagħti dettalji b'mod partikolari dwar:

(a)

it-tipi ta' operazzjoni li għandhom jiġu koperti mill-għotja globali;

(b)

il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji;

(ċ)

ir-rati ta' għajnuna mill-Fondi u r-regoli li jikkontrollaw dik l-għajnuna, inkluż dwar l-użu ta' l-imgħax dovut;

(d)

l-arranġamenti għas-sorveljanza, il-valutazzjoni u sabiex jiġi żgurat il-kontroll finanzjarju ta' l-għotja globali msemmija fl-Artikolu 59(1) rigward l-awtorità ta' ġestjoni, inklużi l-arranġamenti sabiex jiġu rkuprati ammonti mħallsa b'mod mhux dovut u l-preżentazzjoni tal-kontijiet;

(e)

fejn applikabbli, kull użu ta' garanzija finanzjarja jew faċilità ekwivalenti, sakemm l-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni jipprovdu tali garanzija skond l-arranġamenti istituzzjonali ta' kull Stat Membru.

Taqsima 4

Inġinerija finanzjarja

Artikolu 44

Strumenti ta' inġinerija finanzjarja

Bħala parti minn programm operattiv, il-Fondi Strutturali jistgħu jiffinanzjaw nefqa fir-rigward ta' operazzjoni li tinkludi kontribuzzjonijiet sabiex isostnu strumenti ta' inġinerija finanzjarja għal intrapriżi primarjament għal dawk żgħar u dawk ta' daqs medju bħal fondi ta' kapital ta' riskju, fondi ta' garanzija u fondi ta' self u fondi għall-iżvilupp urban, jiġifieri, fondi li jinvestu fi sħubiji pubbliċi privati u proġetti oħra inklużi fi pjan integrat għal żvilupp urban sostenibbli.

Meta tali operazzjonijiet jiġu organizzati permezz ta' fondi ta' investiment, jiġifieri, fondi stabbiliti sabiex jinvestu f'diversi fondi kapitali ta' impriżi, fondi ta' garanzija, fondi ta' self u fondi ta' żvilupp urban, l-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jimplementawhom permezz ta' waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

(a)

l-għoti ta' kuntratt pubbliku skond il-liġi dwar l-ingaġġ pubbliku applikabbli

(b)

f'każi oħra, fejn il-ftehim mhuwiex kuntratt ta' servizz pubbliku fis-sens tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku, l-għoti ta' għotja, definit għal dan il-għan bħala kontribut finanzjarju dirett permezz ta' donazzjoni:

(i)

lill-BEI jew lill-FEI; jew

(ii)

lil istituzzjoni finanzjarja mingħajr talba għal proposta, jekk dan hu skond il-liġi nazzjonali kompatibbli mat-Trattat.

Ir-regoli li jimplementaw ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Taqsima 5

Għajnuna teknika

Artikolu 45

Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

1.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f'isimha, suġġett għal limitu ta' 0,25 % ta' l-allokazzjoni annwali rispettiva tagħhom, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw il-miżuri ta' tħejjija, sorveljanza, sostenn amministrattiv u tekniku, valutazzjoni, verifika u spezzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament.

B'mod partikolari dawk l-azzjonijiet għandhom jinkludu:

(a)

għajnuna għal proġetti ta' tħejjija u stima, inkluż mal-BEI permezz ta' għotja u forom oħra ta' koperazzjoni, kif xieraq;

(b)

studji marbuta mat-tfassil tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rapport ta' koeżjoni ta' kull tliet snin;

(ċ)

valutazzjonijiet, rapporti ta' esperti, statistika u studji, inklużi dawk ta' natura ġenerali dwar il-funzjonament tal-Fondi, li jistgħu jitwettqu fejn xieraq mill-BEI jew mill-FEI permezz ta' għotja jew forom oħra ta' koperazzjoni;

(d)

miżuri mmirati lejn l-imsieħba, il-benefiċjarji ta' l-għajnuna mill-Fondi u l-pubbliku ġenerali, inklużi miżuri informattivi;

(e)

miżuri sabiex ixerrdu informazzjoni, networking, iqajmu kuxjenza, jippromwovu l-koperazzjoni u jiskambjaw esperjenzi madwar il-Komunità;

(f)

l-installazzjoni, il-funzjonament u l-interkonnessjoni ta' sistemi kompjuterizzati għall-amministrazzjoni, is-sorveljanza, l-ispezzjoni u l-valutazzjoni;

(g)

titjib fil-metodi ta' valutazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar prattika f'dan il-qasam.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar it-tipi ta' azzjoni elenkati taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(2), meta tkun prevista kontribuzzjoni mill-FEŻR jew mill-Fond ta' Koeżjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar it-tip ta' azzjonijiet elenkati taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 104, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(2), meta tkun prevista kontribuzzjoni mill-FES.

Artikolu 46

Għajnuna teknika ta' l-Istati Membri

1.   Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw l-attivitajiet ta' tħejjija, ta' amministrazzjoni, ta' monitoraġġ, ta' valutazzjoni, ta' informazzjoni u kontroll ta' programmi operattivi flimkien ma' attivitajiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċita amministrattiva għall-implementazzjoni tal-Fondi fil-limiti li ġejjin:

(a)

4 % ta' l-ammont totali allokat taħt l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi;

(b)

6 % ta' l-ammont totali allokati taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

2.   Għal kull wieħed mit-tliet objettivi, azzjonijiet ta' għajnuna teknika, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom, fil-prinċipju, jiġu mwettqa fil-qafas ta' kull programm operattiv. Fuq bażi komplementarja, madankollu, tali azzjonijiet jistgħu jitwettqu parzjalment u suġġett għal-limiti ġenerali għall-għajnuna teknika stabbiliti fil-paragrafu 1, fil-forma ta' programm operattiv speċifiku.

3.   Jekk l-Istati Membru jiddeċiedi li jwettaq azzjonijiet ta' għajnuna teknika fil-qafas ta' kull programm operattiv, il-proporzjon ta' l-ammont totali ta' nfiq għal għajnuna teknika fir-rigward ta' kull programm operattiv m'għandux jeċċedi l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

F'dan il-każ, fejn jitwettqu wkoll azzjonijiet ta' għajnuna teknika fil-forma ta' programm operattiv speċifiku, l-ammont totali ta' nfiq għal għajnuna teknika f'tali programm speċifiku ma għandux jikkawża li l-proporzjon totali tal-Fondi allokati għal għajnuna teknika jeċċedi l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

TITOLU IV

EFFIKAĊJA

KAPITOLU I

Valutazzjoni

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-valutazzjonijiet għandhom jimmiraw sabiex itejbu l-kwalità, l-effikaċja u l-konsistenza ta' l-għajnuna mill-Fondi u l-istrateġija u l-implementazzjoni ta' programmi operattivi fir-rigward tal-problemi strutturali speċifiċi li jaffetwaw l-Istati Membri u r-reġjuni konċernati, filwaqt li jittieħed kont ta' l-objettiv ta' żvilupp sostenibbli u tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti li tikkonċerna l-impatt ambjentali u l-valutazzjoni ambjentali strateġika.

2.   Il-valutazzjonijiet jistgħu jkunu ta' natura strateġika sabiex jeżaminaw l-evoluzzjoni ta' programm jew grupp ta' programmi fir-rigward tal-prijoritajiet Komunitarji u nazzjonali, jew jistgħu ukunu wkoll ta' natura operattiva sabiex issostni s-sorveljanza ta' programm operattiv. Il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu qabel, waqt jew wara l-perjodu ta' programmazzjoni.

3.   Il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istat Membru jew il-Kummissjoni, kif xieraq, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 13.

Il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu minn esperti jew korpi, interni jew esterni, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 59(b) u (ċ). Ir-riżultati għandhom jiġu ppubblikati skond ir-regoli applikabbli dwar l-aċċess għad-dokumenti.

4.   Il-valutazzjonijiet għandhom jiġu finanzjati mill-baġit għall-għajnuna teknika.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida indikattiva dwar metodi ta' valutazzjoni, inklużi standards ta' kwalità, skond il-proċedura stabblitia fl-Artikolu 103(2).

Artikolu 48

Responsabbiltà ta' l-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjonijiet, jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tad-data meħtieġa u jużaw id-diversi tipi ta' informazzjoni provduti mis-sistema ta' monitoraġġ.

L-Istati Membri jistgħu wkoll ifasslu, fejn ikun xieraq, taħt l-objettiv ta' Konverġenza, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 13, pjan ta' valutazzjoni li jippreżenta l-attivitajiet ta' valutazzjoni indikattivi li l-Istat Membru jkollu l-ħsieb li jwettaq fil-fażijiet differenti ta' l-implementazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni ex-ante għal kull programm operattiv separatament taħt l-objettiv ta' Konverġenza. Fil-każijiet debitament ġustifikati, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 13, u kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, l-Istati Membri jistgħu jwettqu valutazzjoni ex-ante waħda li tkopri iktar minn programm operattiv wieħed.

Għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, l-Istati Membri għandhom iwettqu jew valutazzjoni ex-ante li tkopri l-programmi operattivi kollha jew valutazzjoni għal kull Fond jew valutazzjoni għal kull prijorità jew valutazzjoni għal kull programm operattiv.

Għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea, l-Istati Membri għandhom flimkien iwettqu valutazzjoni ex-ante li tkopri jew kull programm operattiv jew diversi programmi operattivi.

Il-valutazzjonijiet ex-ante għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità responsabbli għat-tħejjija tad-dokumenti ta' programmazzjoni.

Il-valutazzjonijiet ex-ante għandhom jimmiraw lejn l-ottimizzazzjoni ta' l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-baġit taħt il-programmi operattivi u lejn it-titjib tal-kwalità tal-programmazzjoni. Għandhom jidentifikaw u jeżaminaw id-disparitajiet, id-distakki u l-potenzjal għall-iżvilupp, l-għanijiet li għandhom jinkisbu, ir-riżultati mistennija, il-miri kwantifikati, il-koerenza, jekk meħtieġ, ta' l-istrateġija proposta għar-reġjun, il-valur miżjud għall-Komunità, il-livell safejn il-prijoritajiet Komunitarji ġew meqjusa, il-lezzjonijiet meħuda minn programmazzjoni preċedenti u l-kwalità tal-proċeduri għall-implementazzjoni, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-amministrazzjoni finanzjarja.

3.   Matul il-perjodu ta' programmazzjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet marbuta mal-monitoraġġ ta' programmi operattivi b'mod partikolari fejn dak il-monitoraġġ juri tluq sinifikattiv mill-għanijiet stabbiliti inizjalment jew fejn il-proposti huma magħmula għar-reviżjoni ta' programmi operattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 33. Ir-riżultati għandhom jintbagħtu lill-kumitat ta' monitoraġġ għall-programm operattiv u lill-Kummissjoni.

Artikolu 49

Responsabbiltà tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' twettaq valutazzjonijiet strateġiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq, fuq l-inizjattiva tagħha u fi sħubija ma' l-Istat Membru konċernat, valutazzjonijiet marbuta mal-monitoraġġ ta' programmi operattivi fejn il-monitoraġġ ta' programmi juri tluq sinifikattiv mill-għanijiet stabbiliti inizjalment. Ir-riżultati għandhom jiġu trasmessi lill-kumitat ta' monitoraġġ għall-programm operattiv.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ex-post għal kull objettiv f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istat Membru u l-awtoritajiet ta' amministrazzjoni.

Il-valutazzjoni ex-post għandha tkopri l-programmi operattivi kollha taħt kull objettiv u teżamina safejn ir-riżorsi ġew użati, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-programmazzjoni tal-Fond u l-impatt soċjo-ekonomiku.

Hija għandha titwettaq għal kull wieħed mill-objettivi u għandha timmira sabiex jinġabru konklużjonijiet għall-politika dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Hija għandha tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għas-suċċess jew in-nuqqas ta' suċċess ta' l-implementazzjoni ta' programmi operattivi u tidentifika prattika tajba.

Il-valutazzjoni ex-post għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2015.

KAPITOLU II

Riżervi

Artikolu 50

Riżerva ta' prestazzjoni nazzjonali

1.   Fuq l-inizjattiva tiegħu stess, Stat Membru jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi riżerva ta' prestazzjoni nazzjonali għall-objettiv ta' Konverġenza u/jew għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, li tikkonsisti fi 3 % ta' l-allokazzjoni totali tiegħu għal kull wieħed.

2.   Fejn Stat Membru ddeċieda li jistabbilixxi tali riżerva, hu għandu jivvaluta taħt kull wieħed mill-objettivi sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011 il-prestazzjoni tal-programmi operattivi tiegħu.

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2001, abbażi ta' proposti minn u f'konsultazzjoni mill-qrib ma' kull Stat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha talloka r-riżerva ta' prestazzjoni nazzjonali.

Artikolu 51

Riżerva ta' kontinġenza nazzjonali

Fuq l-inizjattiva tiegħu stess, Stat Membru jista' jirriżerva ammont ta' 1 % tal-kontribuzzjoni annwali tal-Fond Strutturali għall-objettiv ta' Konverġenza u 3 % tal-kontribuzzjoni annwali tal-Fond Strutturali għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi sabiex jiġu koperti kriżijiet lokali jew settorjali mhux previsti marbuta mar-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali jew mal-konsegwenzi tal-ftuħ tal-kummerċ.

L-Istat Membru jista' jalloka r-riżerva għal kull objettiv għal programm nazzjonali speċifiku jew fi ħdan programmi operattivi.

TITOLU V

KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MILL-FONDI

KAPITOLU I

Kontribuzzjoni mill-fondi

Artikolu 52

Modulazzjoni tar-rati ta' kontribuzzjoni

Il-kontribuzzjoni mill-Fondi tista' tiġi modulata fid-dawl ta' dan li ġej:

(a)

il-gravità tal-problemi speċifiċi, b'mod partikolari ta' natura ekonomika, soċjali jew territorjali;

(b)

l-importanza ta' kull assi prijoritarju għall-prijoritajiet Komunitarji kif stabbiliti fil-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, kif ukoll għall-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali;

(ċ)

il-protezzjoni u t-tijib ta' l-ambjent, l-aktar bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju ta' azzjoni preventiva, u l-prinċipju li min iniġġeż iħallas;

(d)

ir-rata ta' mobilizzazzjoni ta' finanzjament mill-privat, b'mod partikolari taħt sħubiji bejn is-settur pubbliku u l-privat, fl-oqsma konċernati;

(e)

l-inklużjoni ta' koperazzjoni interreġjonali kif imsemmi fl-Artikolu 37(6)(b) taħt l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi;

(f)

taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-kopertura ta' żoni bi żvantaġġ ġeografiku jew naturali, definiti kif ġej:

(i)

Stati Membri gżejjer eliġibbli taħt il-Fond ta' Koeżjoni, u gżejjer oħra ħlief dawk fejn tkun tinsab il-belt kapitali ta' Stat Membru jew li jkollhom kollegament fiss mal-kontinent.

(ii)

żoni muntanjużi kif definiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru;

(iii)

żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa (inqas minn 50 abitant kull kilometru kwadru) u baxxa ħafna (inqas minn 8 abitanti kull kilometru kwadru);

(iv)

iż-żoni li kienu l-fruntieri esterni tal-Komunità fit-30 ta' April 2004 u li f'dik id-data waqfu milli jkunu hekk.

Artikolu 53

Kontribuzzjoni mill-Fondi

1.   Il-kontribuzzjoni mill-Fondi, fil-livell ta' programmi operattivi, għandha tkun kalkolata b'referenza għal:

(a)

jew in-nefqa totali eliġibbli inkluż nefqa pubblika u privata;

(b)

jew in-nefqa pubblika eliġibbli.

2.   Il-kontribuzzjoni mill-Fondi fil-livell ta' programmi operattivi taħt l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandha tkun suġġetta għal-limiti massimi stabbiliti fl-Anness III.

3.   Għal programmi operattivi taħt l-objettiv Koperazzjoni Territorjali Ewropea li fih mill-inqas parteċipant wieħed jappartjeni lil Stat Membru li l-PGD medju tiegħu per capita, għall-perjodu 2001-2003 kien anqas minn 85 % tal-medja ta' l-UE 25 matul l-istess perjodu, il-kontribuzzjoni mill-FEŻR m'għandhiex tkun aktar minn 85 % tan-nefqa eliġibbli. Għall-programmi operattivi l-oħra kollha, il-kontribuzzjoni mill-FEŻR m'għandhiex tkun ogħla minn 75 % tan-nefqa eliġibbli ko-finanzjata mill-FEŻR.

4.   Il-kontribuzzjoni mill-Fondi fil-livell ta' assi prijoritarju m'għandhiex tkun suġġetta għal-livelli stabbiliti fil-paragrafu 3 u fl-Anness III. Madankollu, hija għandha tkun iffissata sabiex tiżgura l-konformità ma' l-ammont massimu ta' kontribuzzjoni mill-Fondi u r-rata ta' kontribuzzjoni massima għal kull Fond ffissat fil-livell tal-programm operattiv.

5.   Għall-programmi operattivi ko-finanzjati b'mod konġunt:

(a)

mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni jew

(b)

mill-allokazzjoni addizzjonali għar-reġjuni l-iktar estremi prevista fl-Anness II, il-FEŻR u/jew il-Fond ta' Koeżjoni,

id-deċiżjoni li tadotta l-programm operattiv għandha tiffissa r-rata massima u l-ammontmassimu tal-kontribuzzjoni għal kull Fond u allokazzjoni separatament.

6.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv għandha tiffissa r-rata massima u l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni mill-Fond għal kull programm operattiv u skond kull assi prijoritarju. Id-deċiżjoni għandha turi b'mod separat l-approprjazzjonijiet għar-reġjuni li jirċievu sostenn transizzjonali.

Artikolu 54

Dispożizzjonijiet oħra

1.   Il-kontibuzzjoni mill-Fondi għal kull assi prijoritarju m'għandhiex tkun inqas minn 20 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

2.   Il-miżuri ta' għajnuna teknika implementati fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew f'isimha jistgħu jiġu finanzjati bir-rata ta' 100 %.

3.   Matul il-perjodu ta' eliġibbiltà msemmi fl-Artikolu 56(1):

(a)

assi prijoritarju jista' jirċievi għajnuna minn Fond wieħed u objettiv wieħed biss f'mument speċifiku;

(b)

operazzjoni tista' tirċievi għajnuna minn Fond taħt programm operattiv wieħed biss kull darba.

(ċ)

operazzjoni m'għandhiex tirċievi għajnuna minn Fond ogħla min-nefqa pubblika totali allokata.

4.   Fir-rigward ta' għajnuna Statali lil intrapriżi fis-sens ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-għajnuna pubblika mogħtija taħt il-programmi operattivi għandha tosserva l-limiti massimi fuq l-għajnuna Statali.

5.   Infiq ko-finanzjat mill-Fondi m'għandux jirċievi għajnuna minn strument finanzjarju Komunitarju ieħor.

KAPITOLU II

Proġetti li jiġġeneraw dħul

Artikolu 55

Proġetti li jiġġeneraw introjtu

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, proġett li jiġġenera dħul ifisser kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi investiment fl-infrastruttura li l-użu tagħha hija suġġetta għal ħlasijiet magħmula direttament minn utenti jew kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi l-bejgħ jew il-kiri ta' art jew bini jew kwalunkwe fornitura ta' servizz kontra ħlas.

2.   In-nefqa eliġibbli fuq proġetti li jiġġeneraw dħul m'għandhiex teċċedi l-valur attwali tal-prezz ta' l-investiment mnaqqas minnu l-valur attwali tad-dħul net mill-investiment tul perjodu ta' referenza speċifiku għal

(a)

investimenti fl-infrastruttura, jew

(b)

proġetti oħra fejn huwa possibbli li jiġi stmat oġġettivament id-dħul minn quddiem.

Fejn mhux il-prezz kollu ta' l-investiment huwa eliġibbli għal ko-finanzjament id-dħul nett għandu jiġi allokat pro rata għall-partijiet eliġibbli u mhux eliġibbli tal-prezz ta' l-investiment.

Fil-kalkolu, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tieħu kont tal-perjodu ta' referenza xieraq għall-kategorija ta' investiment konċernata, il-kategorija tal-proġett, il-profitt normalment mistenni mill-kategorija ta' investiment konċernata, l-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, u, jekk ikun xieraq, ta' konsiderazzjonijiet ta' ekwità marbuta mal-prosperità relattiva ta' l-Istat Membru konċernat.

3.   Fejn mhux oġġettivament possibbli li jiġi stmat dħul minn quddiem, id-dħul iġġenerat f'ħames snin mit-tlestija ta' operazzjoni għandu jiġi mnaqqas min-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni. It-tnaqqis għandu jsir mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni mill-iktar tard fl-għeluq parzjali jew finali tal-programm operattiv. L-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali għandha tiġi korretta kif meħtieġ.

4.   Fejn, matul l-aħħar tliet snin wara l-għeluq tal-programm operattiv, jiġi stabbilit li operazzjoni iġġenerat dħul li ma ġiex meħud kont tiegħu taħt is-subparagrafi 2 u 3, tali dħul għandu jiġi mħallas lura lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea fi proporzjon tal-kontribuzzjoni mill-Fondi.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 70(1), Stati Membri jistgħu jadottaw proċeduri li jkunu proporzjonati għall-ammonti konċernati sabiex jimmonitorjaw introjti ġenerati minn operazzjonijiet li l-ispiża totali tagħhom tkun inqas minn EUR 200 000.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal proġetti li huma suġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna ta' l-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat.

KAPITOLU III

Eliġibbiltà tan-nefqa

Artikolu 56

Eliġibbiltà tan-nefqa

1.   Infiq, inkluż għal proġetti kbar, għandu jkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk ġie verament imħallas bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programmi operattivi lill-Kummissjoni jew mill-1 ta' Jannar 2007, skond liema data tiġi l-ewwel, u l-31 ta' Diċembru 2015 . L-operazzjonijiet m'għandhomx ikunu tlestew qabel id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet in natura, l-ispejjeż ta' depprezzament u l-ispejjeż ġenerali jistgħu jiġu trattati bħala nfiq imħallas minn benefiċjarji fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti taħt il-paragrafu 3 jipprovdu għall-eliġibbiltà ta' tali nefqa;

(b)

l-ammont tan-nefqa jkun ġustifikat b'dokumenti ta' verifika li jkollhom valur ta' prova ekwivalenti għal riċevuti;

(ċ)

fil-każ ta' kontribuzzjonijiet in natura, il-ko-finanzjament mill-Fondi ma jaqbiżx in-nefqa eliġibbli totali eskluż il-valur ta' tali kontribuzzjonijiet.

3.   Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi fil-każ biss fejn kellha titħallas għal operazzjonijiet deċiżi mill-awtorità ta' ġestjoni tal-programm operattiv konċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, skond il-kriterji stabbiliti mill-kumitat ta' sorveljanza.

In-nefqa ġdida, miżjuda fil-mument tal-modifika ta' programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 33, għandha tkun eliġibbli mid-data tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tat-talba għall-modifika tal-programm operattiv.

4.   Ir-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq għandhom ikunu stabbiliti fil-livell nazzjonali suġġett għall-eċċezzjoni prevista fir-Regolamenti speċifiċi għal kull Fond. Huma għandhom ikopru n-nefqa pubblika kollha ddikjarata taħt il-programm operattiv.

5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-infiq msemmi fl-Artikolu 45.

KAPITOLU IV

It-tul ta' żmien ta' l-operazzjonijiet

Artikolu 57

It-tul ta' żmien ta' l-operazzjonijiet

1.   L-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjoni tibqa' tgawdi l-kontribuzzjoni mill-Fondi biss jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-data tat-tlestija ta' l-operazzjoni jew tliet snin mit-tkomplija ta' l-operazzjoni fi Stati Membri li eżerċitaw l-għażla li jnaqqsu dak il-limitu ta' żmien għall-manteniment ta' investiment jew impjiegi maħluqa minn SMEs, ma tgħaddix minn modifiki sostanzjali.

(a)

li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' l-implementazzjoni tagħha jew tagħti lil kumpannija jew korp pubbliku xi vantaġġ mhux dovut; u

(b)

li jirriżultaw minn bidla fin-natura ta' l-appartenenza ta' xi infrastruttura jew mill-waqfien ta' xi attività produttiva.

2.   L-Istat Membru u l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jinformaw lill-Kummissjoni fir-rapport annwali ta' implementazzjoni msemmi fl-Artikolu 67 bi kwalunkwe modifika msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri l-oħra.

3.   Somom ta' flus imħallsa b'mod mhux debitu għandhom jiġu rkuprati skond l-Artikoli 98 sa 102.

4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-intrapriżi li huma jew kienu suġġetti għal proċedura ta' rkupru skond il-paragrafu 3 wara t-trasferiment ta' attività produttiva fi Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor ma jgawdux minn kontribuzzjoni mill-Fondi.

TITOLU VI

ĠESTJONI, MONITORAĠĠ U KONTROLLI

KAPITOLU I

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

Artikolu 58

Prinċipji ġenerali dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll

Is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll ta' programmi operazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jipprovdu għal:

(a)

id-definizzjoni tal-funzjonijiet tal-korpi konċernati fil-ġestjoni u l-kontroll u l-allokazzjoni tal-funzjonijiet fi ħdan kull korp;

(b)

il-konformità mal-prinċipju ta' separazzjoni tal-funzjonijiet bejn u fi ħdan tali korpi;

(ċ)

proċeduri sabiex tiġi żgurata l-korrettezza u r-regolarità tan-nefqa ddikjarata taħt il-programm operattiv;

(d)

sistemi affidabbli ta' kontabbiltà, monitoraġġ u rappurtar finanzjarju f'għamla kompjuterizzata;

(e)

sistema ta' rappurtar u monitoraġġ fejn il-korp responsabbli jafda l-esekuzzjoni tal-kompiti f'idejn korp ieħor;

(f)

arranġamenti għall-verifika tal-funzjonament tas-sistemi;

(g)

sistemi u proċeduri sabiex jiġi żgurat rekord ta' transazzjonijiet adegwat;

(h)

proċeduri ta' rappurtar u monitoraġġ għal irregolaritajiet u għall-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament.

Artikolu 59

In-nomina ta' l-awtoritajiet

1.   Għal kull programm operazzjonali l-Istat Membru għandu jagħżel dawn li ġejjin:

(a)

awtorità amministrattiva: awtorità pubblika, nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew korp pubbliku jew privat magħżulin mill-Istat Membru sabiex jamministraw il-programm operattiv;

(b)

awtorità ta' ċertifikazzjoni: awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali magħżulin mill-Istat Membru sabiex jiċċertifikaw id-dikjarazzjoni ta' nfiq u l-applikazzjonijiet għall-ħlas qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni;

(ċ)

awtorità ta' verifika: awtorità jew korp pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jkunu funzjonalment indipendenti mill-awtorità ta' ġestjoni u mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni, magħżulin mill-Istat Membru għal kull programm operattiv u responsabbli għall-aċċertament tal-funzjonament effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll.

L-istess awtorità tista' tiġi magħżula għal aktar minn programm operattiv wieħed.

2.   L-Istat Membru jista' jagħżel korp intermedjarju wieħed jew aktar sabiex iwettaq ċertu kompiti, jew il-kompiti kollha ta' l-awtorità ta' ġestjoni jew ta' ċertifikazzjoni taħt ir-responsabbiltà ta' dik l-awtorità.

3.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet tiegħu ma' l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi r-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, li għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'konformità sħiħa mas-sistemi istituzzjonali, legali u finanzjarji ta' l-Istat Membru konċernat.

4.   Suġġett għall-Artikolu 58(b), uħud mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew kollha kemm huma jistgħu jifformaw parti mill-istess korp.

5.   Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi taħt l-objettiv Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli implementattivi dettaljati ta' l-Artikoli 60, 61 u 62 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Artikolu 60

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni

L-awtorità ta' ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba u b'mod partikolari sabiex:

(a)

tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta' l-implementazzjoni tagħhom;

(b)

tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji għall-operazzjonijiet tkunu saret tassew u tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; verifiki fuq il-post ta' operazzjonijiet individwali jistgħu jsiru fuq bażi ta' kampjun skond ir-regoli dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3);

(ċ)

tiżgura li hemm sistema għar-reġistrazzjoni u l-ħażna f'għamla kompjuterizzata ta' rekords ta' kontabbiltà għal kull operazzjoni taħt il-programm operattiv u li tinġabar id-data dwar l-implementazzjoni meħtieġa għall-amministrazzjoni finanzjarja, il-monitoraġġ, l-aċċertamenti, il-verifiki u l-valutazzjoni;

(d)

tiżgura li l-benefiċjarji u l-korpi l-oħra involuti fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet iżommu sistema ta' kontabbiltà separata jew kodiċi adegwat ta' kontabbiltà għat-transazzjonijiet kollha relatati ma' l-operazzjoni mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-kontabbiltà;

(e)

tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 48(3) jitwettqu skond l-Artikolu 47;

(f)

tistabbilixxi proċeduri sabiex tiżgura li d-dokumenti kollha dwar in-nefqa u l-verifiki meħtieġa sabiex jiġi żgurat rekord ta' transazzjonijiet adegwat isiru skond il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 90;

(g)

tiżgura li l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċeduri u l-aċċertamenti li twettqu fir-rigward tan-nefqa għall-fini ta' ċertifikazzjoni;

(h)

tiggwida l-ħidma tal-kumitat ta' monitoraġġ u tipprovdih bid-dokumenti meħtieġa sabiex ikun possibbli l-monitoraġġ tal-kwalità ta' l-implementazzjoni tal-programm operattiv fid-dawl ta' l-għanijiet speċifiċi tiegħu;

(i)

tfassal u, wara l-approvazzjoni mill-kumitat ta' monitoraġġ, tippreżenta lill-Kummissjoni r-rapporti annwali u finali dwar l-implementazzjoni;

(j)

tiżgura l-konformità mal-ħtiġijiet ta' informazzjoni u pubbliċità stabbiliti fl-Artikolu 69;

(k)

tipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni li tippermettilha tagħmel valutazzjoni ta' proġetti kbar.

Artikolu 61

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ċertifikazzjoni

L-awtorità ta' ċertifikazzjoni ta' programm operattiv għandha tkun responsabbli b'mod partikolari sabiex:

(a)

tfassal u tippreżenta lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet ċertifikati tan-nefqa u applikazzjonijiet għall-ħlas

(b)

tiċċertifika li:

(i)

id-dikjarazzjoni tan-nefqa tkun preċiża, tirriżulta minn sistemi affidabbli ta' kontabbiltà u tkun ibbażata fuq dokumenti verikabbli ta' appoġġ,

(ii)

in-nefqa ddikjarata tikkonforma mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli u tkun saret fir-rigward ta' operazzjonijiet magħżula għal finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm f'konformità mar-regoli Komunitarji u nazzjonali;

(ċ)

tiżgura għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni li tkun irċeviet informazzjoni adegwata mill-awtorità ta' ġestjoni dwar il-proċeduri u l-aċċertamenti mwettqa fir-rigward ta' nefqa inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta' nfiq;

(d)

tieħu kont għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki kollha mwettqa minn jew taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità ta' verifika;

(e)

iżżomm rekords ta' kontabbiltà f'għamla kompjuterizzata tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni;

(f)

iżżomm kont ta' l-ammonti rekuperabbli u ta' l-ammonti rtirati wara l-kanċellazzjoni kollha ta' jew parti mill-kontribuzzjoni għal operazzjoni. Ammonti rkuprati għandhom jiġu mħallsa lura lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, qabel l-għeluq tal-programm operattiv billi jitnaqqsu mid-dikjarazzjoni ta' nfiq li jmiss.

Artikolu 62

Il-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' verifika

1.   L-awtorità ta' verifika ta' programm operattiv għandha tkun reponsabbli b'mod partikolari sabiex:

(a)

tiżgura li l-verifiki jitwettqu sabiex jiġi vverifikat il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm operattiv;

(b)

tiżgura li l-verifiki jitwettqu abbażi ta' kampjun xieraq ta' operazzjonijiet sabiex tiġi vverifikata n-nefqa ddikjarata;

(ċ)

tippreżenta lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mill-approvazzjoni tal-programm operattiv strateġija ta' verifika li tkopri l-korpi li ser iwettqu l-verifiki msemmija taħt il-punti (a) u (b), il-metodu li għandu jintuża, il-metodu ta' teħid ta' kampjuni għall-verifiki fuq l-operazzjonijiet u l-ippjanar indikattiv tal-verifiki sabiex jiġi żgurat li ssir verifika fuq il-korpi ewlenin u li l-verifiki huma mifruxa b'mod indaqs tul il-perjodu kollu ta' programmazzjoni.

Fejn sistema komuni tapplika għal bosta programmi operattivi, tista' tiġi preżentata strateġija ta' verifika waħda;

(d)

sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena mill-2008 sa l-2015:

(i)

tippreżenta lill-Kummissjoni rapport ta' kontroll annwali li jagħti r-riżultati tal-verifiki mwettqa matul il-perjodu tat-12-il xahar preċedenti li jagħlaq fit-30 ta' Ġunju tas-sena konċernata skond l-istrateġija ta' verifika tal-programm operattiv u tirrapporta kwalunkwe nuqqas li jinstab fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-programm. L-ewwel rapport li għandu jiġi preżentat sal-31 ta' Diċembru 2008 għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' Ġunju 2008. L-informazzjoni li tikkonċerna l-verifiki mwettqa wara l-1 ta' Lulju 2015 għandha tiġi inkluża fir-rapport finali ta' kontroll b'appoġġ tad-dikjarazzjoni ta' għeluq imsemmija fil-punt (e);

(ii)

toħroġ opinjoni, abbażi tal-kontrolli u l-verifiki li diġà saru taħt ir-responsabbiltà tagħha, dwar jekk is-sistema ta' ġestjoni u kontroll taħdimx b'mod effettiv, sabiex tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli li d-dikjarazzjonijiet ta' nfiq preżentati lill-Kummissjoni huma korretti u bħala konsegwenza ta' dan assigurazzjoni raġonevoli li t-transazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari;

(iii)

tippreżenta, fejn applikabbli taħt l-Artikolu 88, dikjarazzjoni għall-għeluq parzjali li tivvaluta l-legalità u r-regolarità tan-nefqa konċernata.

Fejn tapplika sistema komuni għal bosta programmi operattivi, l-informazzjoni msemmija fil-punt (i) tista' tingħaqad f'rapport wieħed, u l-opinjoni u d-dikjarazzjoni maħruġa taħt il-punti (ii) u (iii) jistgħu jkopru l-programmi operattivi kollha konċernati;

(e)

tippreżenta lill-Kummissjoni l-akar tard sal-31 ta' Marzu 2017 dikjarazzjoni ta' għeluq li tivvaluta l-validità ta' l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u tal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti koperti bid-dikjarazzjoni finali ta' nfiq, li għandha tkun appoġġata minn rapport finali ta' kontroll.

2.   L-awtorità ta' verifika għandha tiżgura li l-ħidma ta' verifika tqis l-istandards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

3.   Fejn il-verifiki u l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1(a) u (b) jitwettqu minn korp divers mill-awtorità ta' verifika, l-awtorità ta' verifika għandha tiżgura li tali korpi għandhom l-indipendenza funzjonali meħtieġa.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-kummenti tagħha dwar l-istrateġija ta' verifika preżentata taħt il-paragrafi 1(ċ) u (d) mhux aktar tard minn tliet xhur mir-riċezzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta' kummenti matul dan il-perjodu din għandha tiġi kunsidrata bħala aċċettata.

KAPITOLU II

Monitoraġġ

Artikolu 63

Kumitat ta' monitoraġġ

1.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi kumitat ta' monitoraġġ għal kull programm operattiv, bi qbil ma' l-awtorità ta' ġestjoni fi żmien tliet xhur mid-data ta' notifika lill-Istat Membru tad-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv. Jista' jiġi stabbilit kumtat ta' monitoraġġ wieħed għal diversi programmi operattivi.

2.   Kull kumitat ta' monitoraġġ għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu fi ħdan il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju ta' l-Istat Membru konċernat u jadottahom bi qbil ma' l-awtorità ta' ġestjoni sabiex jeżerċita l-missjonijiet tiegħu skond dan ir-Regolament.

Artikolu 64

Kompożizzjoni

1.   Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jkun presedut minn rappreżentant ta' l-Istat Membru jew ta' l-awtorità ta' ġestjoni .

Il-kompożizzjoni tiegħu għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru bi qbil ma' l-awtorità ta' ġestjoni .

2.   Fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba tal-kumitat ta' monitoraġġ, rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-ħidma tal-kumitat ta' monitoraġġ f'kapaċità konsultattiva. Rappreżentant tal-BEI u tal-FEI jistgħu jipparteċipaw f'kapaċità konsultattiva għal dawk il-programmi operattivi li għalihom il-BEI jew il-FEI jagħtu kontribut.

Artikolu 65

Kompiti

Il-kumitat ta' monitoraġġ għandu jiżgura ruħu dwar l-effikaċja u l-kwalità ta' l-implementazzjoni tal-programm operattiv, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huwa għandu jikkunsidra u japprova l-kriterji għall-għażla ta' l-operazzjonijiet finanzjati fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-programm operattiv u japprova kwalunkwe reviżjoni ta' dawk il-kriterji skond il-ħtiġijiet tal-programmazzjoni;

(b)

għandu jirrivedi perjodikament il-progress li jkun sar sabiex jintlaħqu l-miri speċifiċi tal-programm operattiv abbażi tad-dokumenti preżentati mill-awtorità ta' ġestjoni ;

(ċ)

għandu jeżamina r-riżultati ta' l-implementazzjoni, b'mod partikolari l-kisba tal-miri stabbiliti għal kull assi prijoritarju u l-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 48(3);

(d)

għandu jikkunsidra u japprova r-rapporti annwali u finali dwar l-implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 67;

(e)

għandu jiġi infurmat dwar ir-rapport annwali ta' kontroll, jew il-parti tar-rapport li tirriferi għall-programm operattiv konċernat, u dwar kwalunkwe kumment relevanti li l-Kummissjoni tista' tagħmel wara li teżamina dak ir-rapport jew relatat ma' dik il-parti tar-rapport;

(f)

jista' jipproponi lill-awtorità ta' ġestjoni kwalunkwe reviżjoni jew eżami tal-programm operattiv li x'aktarx jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-objettivi tal-Fondi msemmija fl-Artikolu 3 jew itejbu l-ġestjoni tagħhom, inkluż l-amministrazzjoni finanzjarja tiegħu;

(g)

għandu jikkunsidra u japprova kull proposta sabiex jiġi emendat il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi.

Artikolu 66

Arranġamenti għal monitoraġġ

1.   L-awtorità ta' ġestjoni u l-kumitat ta' monitoraġġ għandhom jiżguraw il-kwalità ta' l-implementazzjoni tal-programm operattiv.

2.   L-awtorità ta' ġestjoni u l-kumitat ta' monitoraġġ għandhom iwettqu monitoraġġ b'referenza għall-indikaturi finanzjarji u l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 37(1)(ċ) speċifikati fil-programm operattiv.

Fejn in-natura ta' l-għajnuna tippermetti, l-istatistika għandha tinqasam skond is-sess u skond id-daqs ta' l-intrapriżi destinatarji.

3.   L-iskambju ta' data bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għal dan il-għan għandu jitwettaq b'mod elettroniku, skond ir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Artikolu 67

Rapport annwali u rapport finali dwar l-implementazzjoni

1.   Għall-ewwel darba fl-2008 u sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport annwali u sal-31 ta' Marzu 2017 rapport finali dwar l-implementazzjoni tal-programm operattiv.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja sabiex tinkiseb stampa ċara ta' l-implementazzjoni tal-program operattiv:

(a)

il-progress magħmul fl-implementazzjoni tal-programm operattiv u l-assi prijoritarji relatati mal-miri speċifiċi u verifikabbli tagħhom, bi kwantifikazzjoni, kulmeta u kulfejn dawn ikunu jistgħu jiġu kwantifikati, bl-użu ta' l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 37(1)(ċ) fil-livell ta' l-assi prijoritarju;

(b)

l-implementazzjoni finanzjarja tal-programm operattiv, li tagħti d-dettalji għal kull assi prijoritarju:

(i)

in-nefqa mħallsa mill-benifiċjarji inkluża f'talbiet għall-ħlas mibgħuta lill-awtorità ta' ġestjoni u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti;

(ii)

il-ħlasijiet totali li jaslu mill-Kummissjoni, u l-kwantifikazzjoni ta' l-indikaturi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 66(2); u

(iii)

in-nefqa mħallsa mill-korp responsabbli sabiex isiru l-ħlasijiet lill-benifiċjarji;

fejn xieraq, l-implementazzjoni finanzjarja f'oqsma li jirċievu sostenn transizzjonali għandha tiġi ppreżentata separatament fi ħdan kull programm operattiv;

(ċ)

għall-finijiet ta' informazzjoni biss, it-tqassim indikattiv ta' l-allokazzjoni ta' Fondi skond il-kategoriji, b'konformità mar-regoli implementattivi adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3);

(d)

il-miżuri meħuda mill-awtorità ta' ġestjoni jew il-kumitat ta' monitoraġġ sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-effikaċja ta' l-implementazzjoni, b'mod partikolari:

(i)

miżuri ta' monitoraġġ u valutazzjoni, li jinkludu arranġamenti għall-ġbir tad-data;

(ii)

sommarju ta' kwalunkwe problema sinifikattiva li nqalgħet waqt l-implementazzjoni tal-programm operattiv u kwalunkwe miżura li ttieħdet, inkluż ir-rispons għall-kummenti magħmula taħt l-Artikolu 68(2) fejn xieraq;

(iii)

l-użu li sar mill-għajnuna teknika;

(e)

il-miżuri meħuda sabiex tingħata informazzjoni dwar u jiġi pubbliċizzat il-programm operattiv;

(f)

informazzjoni dwar problemi sinifikattivi relatati mal-konformità mal-liġi komunitarja li nqalgħu fl-implementazzjoni tal-programm operattiv u l-miżuri meħuda sabiex dawn jiġu trattati;

(g)

fejn xieraq, il-progress u l-finanzjament ta' proġetti kbar;

(h)

l-użu li sar mill-għajnuna rilaxxata wara l-kanċellazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 98(2) lill-awtorità ta' ġestjoni jew lil xi awtorità pubblika oħra matul il-perjodu ta' implementazzjoni tal-programm operattiv;

(i)

il-każijiet fejn tkun ġiet skoperta xi modifika sostanzjali taħt l-Artikolu 57.

Il-firxa ta' informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għandha tkun proporzjonali għall-ammont totali tan-nefqa tal-programm operattiv konċernat. Fejn ikun xieraq, tali informazzjoni tista' tiġi provduta f'forma sommarja.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (d), (g), (h) u (i) m'għandhiex tiġi inkluża jekk ma tkun saret l-ebda modifika sinifikattiva sa mir-rapport preċedenti.

3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu meqjusa ammissibbli fejn ikun fihom l-informazzjoni xierqa kollha elenkata fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar l-ammissibbiltà tar-rapport annwali fi żmien 10 ijiem ta' xogħol mid-data tar-riċezzjoni tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru bl-opinjoni tagħha dwar il-kontenut ta' rapport annwali ammissibbli dwar l-implementazzjoni preżentat mill-awtorità ta' ġestjoni fi żmien xahrejn mid-data meta dan jiġi riċevut. Fir-rigward tar-rapport finali dwar programm operattiv, il-limitu ta' żmien għandu jkun ta' massimu ta' ħames xhur mid-data meta jiġi riċevut rapport ammissibbli. Jekk il-Kummissjoni ma tirrispondix fit-terminu ta' żmien stabbilit, ir-rapport għandu jitqies li ġie aċċettat.

Artikolu 68

Eżami annwali tal-programmi

1.   Kull sena, meta r-rapport annwali dwar l-implementazzjoni msemmi fl-Artikolu 67 jiġi preżentat, il-Kummissjoni u l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jeżaminaw il-progress magħmul fl-implementazzjoni tal-programm operattiv, ir-riżultati prinċipali miksuba matul is-sena preċedenti, l-implementazzjoni finanzjarja u fatturi oħra bil-ħsieb li titjieb l-implementazzjoni.

Kwalunkwe Aspett tal-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll li jitqajmu fir-rapport ta' kontroll annwali ta' l-aħħar, imsemmi fl-Artikolu 62(1)(d)(i), jista' wkoll jiġi eżaminat.

2.   Wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tagħmel xi kummenti lill-Istat Membru u lill-awtorità ta' ġestjoni, li għandhom jinformaw lill-kumitat ta' monitoraġġ dwarhom. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għal dawk il-kummenti.

3.   Meta l-valutazzjonijiet ex-post ta' l-għajnuna mogħtija matul il-perjodu ta' programmazzjoni bejn l-2000 u l-2006, fejn ikun il-każ, ikunu disponibbli, ir-riżultati ġenerali jistgħu jiġu eżaminati fl-eżami annwali li jkun imiss.

KAPITOLU III

Informazzjoni u pubbliċità

Artikolu 69

Informazzjoni u pubbliċità

1.   L-Istati Membri u l-awtorità ta' ġestjoni għall-programm operattiv għandhom jipprovdu informazzjoni dwar u jippubbliċizzaw l-operazzjonijiet u l-programmi ko-finanzjati. L-informazzjoni għandha tkun indirizzata liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u lill-benefiċjarji bil-ħsieb li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-Komunità u sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Fondi tkun trasparenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli implementattivi ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 103(3).

2.   L-awtorità ta' ġestjoni għall-programm operattiv għandha tkun responsabbli għall-pubbliċità skond ir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

KAPITOLU IV

Responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni

Taqsima 1

Responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri

Artikolu 70

Ġestjoni u kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b'mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b'mod effettiv;

(b)

li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma' l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.   Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.

3.   Ir-regoli implementattivi għall-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Artikolu 71

It-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

1.   Qabel il-preżentazzjoni ta' l-ewwel applikazzjoni għall-ħlas interim jew mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-approvazzjoni ta' kull programm operattiv l-Istati Membri għandhom jippreżentaw deskrizzjoni tas-sistemi lill-Kummissjoni, li tkopri b'mod partikolari l-organizzazzjoni u l-proċeduri ta':

(a)

l-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni u korpi intermedji,

(b)

l-awtorità ta' verifika u kwalunkwe korp ieħor li jwettaq verifiki taħt ir-responsabbiltà tagħha.

2.   Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jagħti r-riżultati ta' valutazzjoni tas-sistemi stabbiliti u li jagħti opinjoni dwar il-konformità tagħhom ma' l-Artikoli 58 sa 62. Jekk l-opinjoni jkun fiha riżervi, ir-rapport għandu jindika s-serjetà tan-nuqqasijiet, u, fejn in-nuqqasijiet ma jikkonċernawx il-programm kollu, l-assi prijoritarju jew prijoritarji konċernati. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u l-iskeda ta' żmien għall-implementazzjoni tagħhom, u sussegwentement jipprovdi konferma ta' l-implementazzjoni tal-miżuri u l-irtirar tar-riżervi korrispondenti.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitqies aċċettat, u l-ewwel ħlas interim għandu jsir, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tar-rapport meta l-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun mingħajr riżervi u fin-nuqqas ta' osservazzjonijiet mill-Kummissjoni;

(b)

jekk l-opinjoni fiha riżervi, fuq konferma tal-Kummissjoni li miżuri korrettivi dwar l-elementi ċentrali tas-sistemi ġew implementati, u r-riżervi korrispondenti ġew irtirati, u fin-nuqqas ta' osservazzjonijiet mill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-konferma.

Meta r-riżervi jikkonċernaw biss assi prijoritarju wieħed, l-ewwel ħlas interim għandu jsir fir-rigward ta' l-assi prijoritarji l-oħrajn tal-programm operattiv li għalihom m'hemm l-ebda riżerva.

3.   Ir-rapport u l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu mfassla mill-awtorità ta' verifika jew minn korp pubbliku jew privat indipendenti f'termini ta' tħaddim mill-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni li għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b'kont meħud ta' l-istandards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

4.   Fejn sistema komuni tapplika għal bosta programmi operattivi, deskrizzjoni tas-sistemi komuni tista' tiġi notifikata taħt il-paragrafu 1 akkumpanjata minn rapport uniku u opinjoni taħt il-paragrafu 2.

5.   Ir-regoli implementattivi tal-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Taqsima 2

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

Artikolu 72

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 71 li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew sistemi ta' ġestjoni u kontroll li jkunu konformi ma' l-Artikoli 58 sa 62 u abbażi tar-rapporti annwali ta' kontroll u l-opinjoni annwali ta' l-awtorità ta' verifika u l-verifiki tagħha stess li s-sistemi jaħdmu b'mod effettiv matul il-perjodi ta' l-implementazzjoni ta' programmi operattivi.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fuq il-post sabiex jivverifikaw il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, li jistgħu jinkludu verifiki fuq operazzjonijiet inklużi fil-programm operattiv, b'notifika ta' mill-inqas għaxart ijiem ta' xogħol, ħlief f'każijiet urġenti. Uffiċjali jew rappreżentanti awtorizzati ta' l-Istat Membru jistgħu jieħdu sehem f'tali verifiki. Ir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament rigward l-użu ta' data miġbura matul verifiki għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

L-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni, debitament mogħtija s-setgħa li jwettqu kontrolli fuq il-post, għandhom ikollhom aċċess għall-kotba u d-dokumenti kollha l-oħra, inkluż dokumenti u metadata mfassla jew riċevuti u reġistrati fuq mezz elettroniku, relatati man-nefqa finanzjata mill-Fondi.

Is-setgħat ta' verifika msemmija qabel m'għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċertu atti għal aġenti magħżula b'mod speċifiku mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni m'għandhomx jieħdu sehem, inter alia, fi żjajjar fid-djar jew fl-interrogazzjoni formali ta' persuni fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru konċernat. Madankollu, għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni miksuba b'dan il-mod.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru sabiex iwettaq kontroll fil-post sabiex jivverifika l-funzjonament effettiv ta' sistemi jew il-korrettezza ta' transazzjoni waħda jew aktar. Uffiċjali tal-Kummissjoni jew rappreżentanti awtorizzati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'tali verifiki.

Artikolu 73

Koperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' verifika ta' l-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkopera ma' l-awtoritajiet ta' verifika ta' programmi operattivi sabiex tikkoordina l-pjanijiet u l-metodi rispettivi tagħhom ta' verifika u għandha minnufih tagħmel skambju tar-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi u sabiex jiġi evitat xogħol doppju mhux ġustifikat.

Sabiex tiġi faċilitata din il-koperazzjoni fil-każijiet fejn Stat Membru jagħżel diversi awtoritajiet ta' verifika, l-Istat Membru jista' jinnomina korp ta' koordinazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' verifika, u l-korp ta' koordinazzjoni, fejn ikun intgħażel tali korp, għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena sakemm ma jkunx ġie miftiehem b'mod ieħor bejniethom, sabiex flimkien jeżaminaw ir-rapport annwali ta' kontroll u l-opinjoni ppreżentati taħt l-Artikolu 62 u sabiex jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet oħra relatati mat-titjib tal-ġestjoni u l-kontroll ta' programmi operattivi.

2.   Meta tiddetermina l-istrateġija ta' verifika tagħha, il-Kummissjoni għandha tidentifika dawk il-programmi operattivi li għalihom l-opinjoni dwar il-konformità ta' sistemi taħt l-Artikolu 71(2) hija mingħajr riżervi, jew fejn ir-riżervi jkunu ġew irtirati wara miżuri korrettivi, fejn l-istrateġija ta' verifika ta' l-awtorità ta' verifika tkun sodisfaċenti u fejn ġie żġurat b'mod raġonevoli li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll jaħdmu b'mod effettiv abbażi tar-riżultati ta' verifiki mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru.

3.   Għal dawk il-programmi, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li ser toqgħod prinċipalment fuq l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 62(1)(d)(ii) rigward il-funzjonament effettiv tas-sistemi u li ser twettaq il-verifiki tagħha fuq il-post biss jekk hemm provi li jissuġġerixxu nuqqasijiet fis-sistema li jaffetwaw in-nefqa ċertifikata lill-Kummissjoni f'sena li għaliha opinjoni taħt l-Artikolu 62(1)(d)(ii) tkun ġiet provduta u din ma fiha l-ebda riżerva fir-rigward ta' tali nuqqasijiet.

Fejn il-Kummissjoni tilħaq tali konklużjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat għaldaqstant. Fejn ikun hemm provi li jindikaw nuqqasijiet, hija tista' teħtieġ lill-Istat Membru jwettaq verifiki skond l-Artikolu 72(3) jew tista' twettaq il-verifiki tagħha stess taħt l-Artikolu 72(2).

Taqsima 3

Proporzjonalità fil-kontroll tal-programmi operattivi

Artikolu 74

Arranġamenti ta' kontroll proporzjonali

1.   Għall-programmi operattivi li għalihom in-nefqa pubblika eliġibbli totali ma teċċedix l-EUR 750 miljun u li għaliha l-livell ta' ko-finanzjament Komunitarju ma jaqbiżx l-40 % tan-nefqa pubblika totali:

(a)

l-awtorità ta' verifika mhix mitluba tippreżenta strateġija ta' verifika lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 62(1)(ċ);

(b)

meta l-opinjoni dwar il-konformità tas-sistema taħt l-Artikolu 71(2) tkun mingħajr riżervi, jew meta r-riżervi ġew irtirati wara miżuri korrettivi, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li tista' toqgħod prinċipalment fuq l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 62(1)(d)(ii) rigward il-funzjonament effettiv tas-sistemi, u li twettaq il-verifiki tagħha fuq il-post biss jekk hemm provi li jissuġġerixxu nuqqasijiet fis-sistema li jaffetwaw in-nefqa ċertifikata lill-Kummissjoni f'sena li għaliha opinjoni taħt l-Artikolu 62(1)(d)(ii) ġiet provduta u din ma fiha l-ebda riżerva fir-rigward ta' tali nuqqasijiet.

Fejn il-Kummissjoni tilħaq tali konklużjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat għaldaqstant. Fejn ikun hemm provi li jissuġġerixxu nuqqasijiet, hija tista' teħtieġ lill-Istat Membru jwettaq verifiki skond l-Artikolu 72(3) jew tista' twettaq il-verifiki tagħha stess taħt l-Artikolu 72(2).

2.   Għall-programmi operattivi msemmija fil-paragrafu 1, Stat Membru jista' barra minn hekk jeżerċita l-għażla li jistabbilixxi skond ir-regoli nazzjonali l-korpi u l-proċeduri għat-twettiq:

(a)

tal-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni fir-rigward ta' l-aċċertament tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u n-nefqa ddikjarata taħt l-Artikolu 60(b);

(b)

tal-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 61; u

(ċ)

tal-funzjonijiet ta' l-awtorità ta' verifika taħt l-Artikolu 62.

Fejn Stat Membru jeżerċita din l-għażla, huwa mhuwiex meħtieġ jaħtar awtorità ta' ċertifikazzjoni u awtorità ta' verifika taħt l-Artikolu 59(1)(b) u (ċ).

L-Artikolu 70 għandu japplika mutatis mutandis.

Meta l-Kummissjoni tadotta r-regoli implementattivi għall-Artikoli 60, 61u 62, hija għandha tispeċifika d-dispożizzjonijiet li m'għandhomx japplikaw għal programmi operattivi li għalihom l-għażla f'dan il-paragrafu ġiet eżerċitata mill-Istat Membru konċernat.

TITOLU VII

AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA

KAPITOLU I

Amministrazzjoni finanzjarja

Taqsima 1

Impenji tal-baġit

Artikolu 75

Impenji tal-baġit

1.   L-impenji tal-baġit tal-Komunità fir-rigward tal-programmi operattivi (minn hawn 'il quddiem imsejħa ''impenni tal-baġit'') għandhom isiru ta' kull sena għal kull Fond u objettiv matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2013. L-ewwel impenn tal-baġit għandu jsir qabel ma' l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv. Kull impenn sussegwenti għandu jsir, bħala regola ġenerali sat-30 ta' April kull sena, mill-Kummissjoni abbażi tad-deċiżjoni li tingħata kontribuzzjoni mill-Fondi msemmija fl-Artikolu 32.

2.   Fejn ma jkun sar l-ebda ħlas, l-Istat Membru jista' jitlob, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena n, sabiex isir it-trasferiment ta' kwalunkwe impenn fir-rigward ta' programmi operattivi relatati mar-riżerva nazzjonali ta' kontinġenza msemmija fl-Artikolu 51 lejn programmi operattivi oħra. Fit-talba tiegħu l-Istat Membru għandu jispeċifika l-programmi operattivi li ser igawdu minn dak it-trasferiment.

Taqsima 2

Regoli komuni għall-ħlasijiet

Artikolu 76

Regoli komuni għall-ħlasijiet

1.   Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għandhom isiru skond l-approprjazzjonijiet tal-baġit. Kull ħlas għandu jkun assenjat lill-impenji tal-baġit miftuħ tal-Fond konċernat li jmur l-aktar lura fiż-żmien.

2.   Il-ħlasijiet għandhom jieħdu l-forma ta' pre-finanzjament, ħlasijiet interim u ħlas tal-bilanċ finali. Għandhom isiru lill-korp nominat mill-Istat Membru.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni previżjoni provviżorja ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas probabbli tagħhom għas-sena finanzjarja attwali u għas-sena finanzjarja sussegwenti.

4.   L-iskambji kollha li jikkonċernaw transazzjonijiet finanzjarji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet u l-korpi magħżula mill-Istati Membri għandhom isiru b'mezzi elettroniċi, skond ir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3). F'każijiet ta' forza maġġuri, u b'mod partikolari ta' funzjonament ħażin tas-sistema kompjuterizzata komuni jew nuqqas ta' konnessjoni dejjiema, l-Istati Membri jistgħau jikkomunikaw id-dikjarazzjonijiet ta' nfiq u l-applikazzjonijiet għall-ħlas f'kopja stampata.

Artikolu 77

Regoli komuni sabiex jiġu kalkolati l-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet tal-bilanċ finali

Il-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet tal-bilanċ finali għandhom jiġu kalkolati bl-applikazzjoni tar-rata ta' ko-finanzjament stabbilita fid-deċiżjoni dwar il-programm operattiv konċernat għal kull assi prijoritarju għan-nefqa eliġibbli msemmija taħt dak l-assi prijoritarju f'kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni.

Madankollu l-kontribuzzjoni Komunitarja permezz ta' ħlasijiet interim u ħlasijiet ta' l-aħħar bilanċ m'għandhiex tkun ogħla mill-kontribuzzjoni pubblika u l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Fondi għal kull assi prijoritarju kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv.

Artikolu 78

Dikjarazzjoni ta' nfiq

1.   Id-dikjarazzjonijiet kollha ta' nfiq għandhom jinkludu, għal kull assi prijoritarju, l-ammont totali tan-nefqa eliġibbli, skond l-Artikolu 56, imħallas mill-benefiċjarji fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti mħallsa jew li trid titħallas mill-benefiċjarji skond il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kontribuzzjoni pubblika. In-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji għandha tiġi appoġġata minn fatturi kwittanzati jew dokumenti ta' kontabbiltà ta' valur probatorju ekwivalenti.

Madankollu, fir-rigward ta' l-iskemi ta' għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat biss, minbarra l-kondizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafu preċedenti, il-kontribuzzjoni pubblika li tikkorrispondi għan-nefqa inkluża f'dikjarazzjoni ta' nfiq għandha tkun tħallset lill-benefiċjarji mill-korp li jagħti l-għajnuna.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward ta' l-għajnuna Statali fis-sens ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat, id-dikjarazzjoni tan-nefqa tista' tinkludi avvanzi mħallsa lill-benefiċjarji mill-korp li jagħti l-għajnuna, taħt il-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

huma għandhom ikunu suġġetti għal garanzija bankarja jew faċilità ta' finanzjament pubbliku li jkollha effett ekwivalenti;

(b)

huma m'għandhomx jaqbżu l-35 % ta' l-ammont totali ta' l-għajnuna li għandha tingħata lil benefiċjarju għal proġett partikolari;

(ċ)

huma għandhom ikunu koperti min-nefqa mħallsa minn benefiċjarji fl-implementazzjoni tal-proġett u jkunu appoġġati minn fatturi kwittanzati jew dokumenti ta' kontabbiltà ta' valur probatorju ekwivalenti sa mhux aktar tard minn tliet snin wara sena li jkun sar il-ħlas ta' l-avvanz jew fil-31 ta' Diċembru ta' l-2015, skond liema data tiġi l-ewwel; jekk ma jkunux, id-dikjarazzjoni ta' nfiq li jmiss għandha tiġi korretta għaldaqstant.

3.   Id-dikjarazzjonijiet ta' nfiq għandhom jidentifikaw, għal kull programm operattiv, l-elementi msemmija fil-paragrafu 1 rigward ir-reġjuni li jirċievu għajnuna transizzjonali.

4.   Fil-każ ta' proġetti kbar kif definiti fl-Artikolu 39, in-nefqa relatata ma' proġetti kbar diġà adottati mill-Kummissjoni biss tista' tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta' nfiq.

5.   Meta l-kontribuzzjoni mill-Fondi tiġi kalkolata b'referenza għan-nefqa pubblika prevista fl-Artikolu 53(1), kwalunkwe informazzjoni dwar infiq diversa min-nefqa pubblika m'għandhiex tinċidi fuq l-ammont dovut kif kalkolat abbażi tat-talba ta' ħlas.

6.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja kif definiti fl-Artikolu 44, id-dikjarazzjoni ta' nfiq għandha tinkludi n-nefqa totali mħallsa fl-istabbiliment jew fil-kontribuzzjoni għal tali fondi jew fondi ta' investiment.

Madankollu fl-għeluq parzjali jew finali tal-programm operattiv, in-nefqa eliġibbli għandha tkun it-totali ta':

(a)

kwalunkwe ħlas mill-fondi għall-żvilupp urban għal investiment fi sħubiji pubbliċi privati jew proġetti oħra inklużi fi pjan integrat għall-iżvilupp urban; jew

(b)

kwalunkwe ħlas għal investiment f'intrapriżi minn kull wieħed mill-fondi msemmija hawn fuq; jew

(ċ)

kwalunkwe garanzija provduta inklużi ammonti impenjati bħala garanziji minn fondi ta' garanzija; u

(d)

spejjeż eliġibbli ta' ġestjoni.

Ir-rata ta' ko-finanzjament għandha tkun applikata għan-nefqa eliġibbli mħallsa mill-benefiċjarju.

Id-dikjarazzjoni korrispondenti ta' nfiq għandha tiġi korretta kif meħtieġ.

7.   L-imgħax ġenerat mill-ħlasijiet minn programmi operattivi lil fondi kif definiti fl-Artikolu 44 għandu jintuża sabiex jiġu finanzjati proġetti ta' żvilupp urban fil-każ ta' fondi għall-iżvilupp urban jew strumenti ta' inġinerija finanzjarja għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'każijiet oħra.

Ir-riżorsi li jitqiegħdu mill-ġdid fl-operazzjoni minn investimenti mwettqa permezz ta' fondi kif definit fl-Artikolu 44 jew li ma jiġux użati wara li l-garanziji kollha jkunu ġew onorati għandhom jerġgħu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati għall-benefiċċju ta' proġetti ta' żvilupp urban jew intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Artikolu 79

Akkumulazzjoni ta' pre-finanzjament u ta' ħlasijiet interim

1.   It-total kumulattiv ta' ħlasijiet ta' pre-finanzjament u ħlasijiet interim m'għandux ikun aktar minn 95 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi lill-programm operattiv.

2.   Meta jintlaħaq dan il-limitu massimu, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tkompli tibgħat lill-Kummissjoni kull dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa fil-31 ta' Diċembru tas-sena “n”, kif ukoll l-ammonti rkuprati matul is-sena għal kull Fond, sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Frar tas-sena “n+1”.

Artikolu 80

L-interezza tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m'għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b'effett ekwivalenti m'għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.

Artikolu 81

Użu ta' l-euro

1.   L-ammonti stabbiliti fil-programmi operattivi preżentati mill-Istati Membri, id-dikjarazzjonijiet ċertifikati ta' nfiq, l-applikazzjonijiet għall-ħlas u l-infiq imsemmija fir-rapport annwali u finali ta' implementazzjoni għandhom jingħataw f'euro.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-programmi operattivi u l-impenji tal-Kummissjoni u l-ħlasijiet għandhom jingħataw u jitwettqu f'euro.

3.   L-Istati Membri li m'adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom fid-data ta' applikazzjoni għall-ħlas għandhom jikkonvertu f'euro l-ammonti tan-nefqa magħmula fil-munita nazzjonali. Dan l-ammont għandu jiġi konvertit f'euro bl-użu tar-rata mensili ta' skambju tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu n-nefqa ġiet irreġistrata fil-kontijiet ta' l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tal-programm operattiv konċernat. Din ir-rata għandha tiġi pubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.

4.   Meta l-euro ssir il-munita ta' Stat Membru, il-proċedura ta' konverżjoni stabbilita fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika għan-nefqa kollha reġistrata fil-kontijiet mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata fissa ta' konverżjoni bejn il-munita nazzjonali u l-euro.

Taqsima 3

Pre-finanzjament

Artikolu 82

Ħlas

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova kontribuzzjoni mill-Fondi għal programm operattiv, il-Kummissjoni għandha tħallas ammont wieħed ta' pre-finanzjament għall-perjodu 2007-2013 lill-korp nominat mill-Istat Membru.

L-ammont ta' pre-finanzjament għandu jitħallas f'pagamenti differenti kif ġej:

(a)

għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwita qabel l-1 ta' Mejju 2004, fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali lill-programm operattiv, u fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali lill-programm operattiv;

(b)

għall-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew wara l-1 ta' Mejju 2004, fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali lill-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali lill-programm operattiv u fl-2009 2 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali lill-programm operattiv;

(ċ)

jekk il-programm operattiv jaqgħa taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea u mill-inqas wieħed mill-parteċipanti jkun Stat Membru li sar Membru ta' l-Unjoni Ewropea fi jew wara l-1 ta' Mejju 2004, fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR lill-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR lill-programm operattiv u fl-2009 2 % tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR lill-programm operattiv;

(d)

għall-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif kostitwita qabel l-1 ta' Mejju 2004, fl-2007 2 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv, fl-2008 3 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv u fl-2009 2,5 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv;

(e)

għall-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew wara l-1 ta' Mejju 2004, fl-2007 2,5 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv, fl-2008 4 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv u fl-2009 4 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni lill-programm operattiv.

2.   L-ammont totali mħallas bħala pre-finanzjament għandu jingħata lura lill-Kummissjoni mill-korp magħżul mill-Istat Membru jekk l-ebda applikazzjoni għall-ħlas taħt il-programm operattiv ma tintbagħat fi żmien erbgħa u għoxrin xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tħallas l-ewwel pagament mill-ammont ta' pre-finanzjament.

Il-kontribuzzjoni totali mill-Fond għall-programm operattiv m'għandhiex ssir b'tali rimborż.

Artikolu 83

Mgħax

Kwalunkwe mgħax ġenerat mill-pre-finanzjament għandu jiġi assenjat lill-programm operattiv konċernat, u kunsidrat bħala riżorsa għall-Istat Membru fil-forma ta' kontribuzzjoni pubblika nazzjonali u għandu jiġi ddikjarat lill-Kummissjoni fiż-żmien ta' l-għeluq finali tal-programm operattiv.

Artikolu 84

Kwittanza

L-ammont imħallas bħala pre-finanzjament għandu jitneħħa kompletament mill-kontijiet tal-Kummissjoni meta jingħalaq il-programm operattiv skond l-Artikolu 89.

Taqsima 4

Ħlasijiet interim

Artikolu 85

Ħlasijiet interim

Il-ħlasijiet interim għandhom isiru għal kull programm operattiv. L-ewwel ħlas interim għandu jsir skond l-Artikolu 71(2).

Artikolu 86

Aċċettabbiltà ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas

1.   Kull ħlas interim magħmul mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni għandha tkun irċeviet applikazzjoni għall-ħlas u dikjarazzjoni ta' nfiq skond l-Artikolu 78;

(b)

għal kull assi prijoritarju matul il-perjodu sħiħ il-Kummissjoni ma tkunx ħallset aktar mill-ammont massimu ta' għajnuna kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv;

(ċ)

l-awtorità ta' ġestjoni trid tkun bagħtet lill-Kummissjoni l-aktar rapport ta' implementazzjoni annwali reċenti skond l-Artikolu 67(1) u (3);

(d)

ma tkunx ingħatat opinjoni motivata mill-Kummissjoni dwar ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat fir-rigward ta' l-operazzjoni jew operazzjonijiet li għalihom tkun dikjarata n-nefqa fl-applikazzjoni għall-ħlas in kwistjoni.

2.   Jekk waħda minn dawn il-kondizzjonijiet jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew sodisfatti, l-Istat Membru u l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandhom jiġu infurmati mill-Kummissjoni f'perjodu ta' xahar sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

Artikolu 87

Data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas u d-dewmien fil-ħlas

1.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tiżgura lilha nnfisha li t-talbiet għall-ħlasijiet interim għal kull programm operattiv jinġabru flimkien u jintbagħtu lill-Kummissjoni, sa fejn possibbli, fi tliet okkażjonijiet separati kull sena. Għal ħlas li għandu jsir mill-Kummissjoni fis-sena attwali, l-aktar data tard li fiha tista' tiġi ppreżentata talba għall-ħlas hija l-31 ta' Ottubru.

2.   Suġġett għad-disponibbiltà tal-fondi, u n-nuqqas ta' sospensjoni ta' ħlasijiet skond l-Artikolu 92, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-ħlas interim sa mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data li fiha tkun ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni l-applikazzjoni għall-ħlas li tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 86.

Taqsima 5

Għeluq tal-programm u ħlas tal-bilanċ finali

Artikolu 88

Għeluq parzjali

1.   L-għeluq parzjali tal-programmi operattivi jista' jsir f'perjodi li għandhom jiġu determinati mill-Istat Membru.

L-għeluq parzjali għandu jirrelata ma' operazzjonijiet li tlestew matul il-perjodu sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, operazzjoni tkun meqjusa lesta fejn l-attivitajiet li jaqgħu taħtha jkunu saru tassew u li l-infiq kollu mill-benefiċjarji u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti jkunu tħallsu.

2.   L-għeluq parzjali għandu jsir fuq kondizzjoni li l-Istat Membru jibgħat dawn li ġejjin lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru ta' sena speċifika:

(a)

dikjarazzjoni ta' nfiq relatata ma' l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

dikjarazzjoni għal għeluq parzjali skond l-Artikolu 62(1)(d)(iii).

3.   Kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja li ssir skond l-Artikoli 98 u 99 li tikkonċerna operazzjonijiet suġġetti għal għeluq parzjali għandhom ikunu korrezzjonijiet finanzjarji netti.

Artikolu 89

Kondizzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ finali

1.   Il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ finali sakemm:

(a)

l-Istat Membru jkun bagħat applikazzjoni għall-ħlas li tinkludi d-dokumenti li ġejjin sal-31 ta' Marzu 2017:

(i)

applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u dikjarazzjoni ta' nfiq skond l-Artikolu 78;

(ii)

ir-rapport ta' l-implementazzjoni finali għall-programm operattiv, inkluż l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 67;

(iii)

dikjarazzjoni ta' għeluq imsemmija fl-Artikolu 62(1)(e); u

(b)

ma tkunx ingħatat opinjoni motivata mill-Kummissjoni rigward ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat fir-rigward ta' l-operazzjoni jew operazzjonijiet li għalihom tkun dikjarata n-nefqa fl-applikazzjoni għall-ħlas in kwistjoni.

2.   Fejn ma jintbagħatx kwalunkwe wieħed mid-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni, dan għandu jwassal awtomatikament għad-diżimpenn tal-bilanċ finali, skond l-Artikolu 93.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru bl-opinjoni tagħha dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' għeluq imsemmija fil-paragrafu 1(a)(iii) fi żmien ħames xhur mid-data tar-riċezzjon tagħha. Id-dikjarazzjoni ta' għeluq għandha titqies bħala aċċettata fin-nuqqas ta' osservazzjonijiet mill-Kummissjoni matul dak il-perjodu ta' ħames xhur.

4.   Suġġett għad-disponibbiltà ta' fondi, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ finali mhux aktar tard minn ħamsa u erbgħin jum wara l-aħħar waħda minn dawn id-dati:

(a)

id-data meta taċċetta r-rapport finali skond l-Artikolu 67(4); u

(b)

id-data meta taċċetta d-dikjarazzjoni ta' għeluq imsemmija fil-paragrafu 1(a)(iii) ta' dan l-Artikolu.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, il-bilanċ ta' l-impenn tal-baġit għandu jiġi diżimpenjat tnax-il xahar wara l-ħlas. L-għeluq tal-programm operattiv għandu jkun fid-data ta' l-iktar wieħed kmieni mit-tliet avvenimenti li ġejjin:

(a)

il-ħlas tal-bilanċ finali determinat mill-Kummissjoni abbażi tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

it-trasmissjoni ta' nota ta' debitu għas-somom imħallsa indebitament mill-Kummissjoni lill-Istat Membru fir-rigward tal-programm operattiv;

(ċ)

id-diżimpenn tal-bilanċ finali ta' l-impenn tal-baġit.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar id-data ta' l-għeluq tal-programm operattiv f'terminu perentorju ta' xahrejn.

6.   Minkejja r-riżultati ta' kull verifika mwettqa mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, il-bilanċ finali mħallas mill-Kummissjoni għall-programm operattiv jista' jiġi emendat fi żmien disa' xhur mid-data li fiha ġie mħallas jew, fejn hemm bilanċ negattiv li għandu jingħata lura mill-Istat Membru, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha tinħareġ in-nota ta' debitu. Tali emenda tal-bilanċ m'għandhiex taffettwa d-data ta' l-għeluq tal-programm operattiv kif stabbilit fil-paragrafu 5.

Artikolu 90

Disponibbiltà tad-dokumenti

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw l-għajnuna Statali taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tiżgura li d-dokumenti ta' appoġġ kollha dwar in-nefqa u l-verifiki fuq il-programm operattiv konċernat għandhom jibqgħu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri għal:

(a)

perjodu ta' tliet snin wara l-għeluq ta' programm operattiv kif definit fl-Artikolu 89(3);

(b)

perjodu ta' tliet snin wara s-sena li fiha sar għeluq parzjali, fil-każ ta' dokumenti rigward nefqa u verifiki fuq operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

Dawn il-perjodi għandhom jiġu interrotti fil-każ ta' proċedimenti legali jew fuq talba debitament motivata mill-Kummissjoni.

2.   L-awtorità ta' ġestjoni, fuq talba, għandha tagħmel disponibbli għall-Kummissjoni lista ta' operazzjonijiet kompluti li kienu suġġetti għal għeluq parzjali taħt l-Artikolu 88.

3.   Id-dokumenti għandhom jinżammu fil-forma ta' l-oriġinali jew f'verżjonijiet ċertifikati li huma konformi ma' l-oriġinali fuq data carriers komunement aċċettati.

Taqsima 6

Interruzzjoni tat-terminu perentorju għall-ħlas u sospensjoni ta' ħlasijiet

Artikolu 91

Interruzzjoni tat-terminu perentorju għall-ħlas

1.   It-terminu perentorju għall-ħlas jista' jiġi interrott mill-uffiċjal li jawtorizza b'delega fis-sens tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għal perjodu massimu ta' sitt xhur jekk:

(a)

f'rapport ta' korp ta' verifika nazzjonali jew Komunitarju hemm provi li jissuġġerixxu nuqqas sinifikattiv fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll;

(b)

l-uffiċjal li jawtorizza b'delega għandu jwettaq verifiki addizzjonali wara li jkun ġie mgħarraf b'informazzjoni li tiżvelalu nefqa, f'dikjarazzjoni ċertifikata ta' nfiq, li tkun marbuta ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet korretta.

2.   L-Istat Membru u l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandhom jiġu informati minnufih dwar ir-raġunijiet għall-interruzzjoni. L-interruzzjoni għandha titwaqqaf hekk kif l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa.

Artikolu 92

Sospensjoni tal-ħlasijiet

1.   Il-ħlasijiet interim kollha jew parti minnhom fil-livell ta' assi prijoritarji jew ta' programmi jistgħu jiġu sospiżi mill-Kummissjoni fejn:

(a)

ikun hemm nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm li jaffettwa l-affidabbiltà tal-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħlas u li għalih ma jkunux ittieħdu miżuri ta' korrezzjoni; jew

(b)

in-nefqa f'dikjarazzjoni ċertifikata ta' nfiq hija marbuta ma' irregolarità gravi li ma ġietx korretta; jew

(ċ)

ikun sar ksur gravi minn Stat Membru ta' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 70(1) u (2).

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tissospendi l-ħlasijiet interim kollha jew parti minnhom wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perjodu ta' xahrejn.

3.   Il-Kummissjoni għandha ttemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet interim kollha jew parti minnhom fejn l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri meħtieġa li jippermettu t-tneħħija tas-sospensjoni. Fejn l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni sabiex tikkanċella l-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha għall-programm operattiv, skond l-Artikolu 99.

Taqsima 7

Diżimpenn awtomatiku

Artikolu 93

Prinċipji

1.   Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe parti ta' impenn tal-baġit fi programm operattiv li ma ntużatx għall-ħlasijiet ta' pre-finanzjament jew għall-ħlasijiet interim, jew li għaliha applikazzjoni għall-ħlas ma ntbagħtetx konformement ma' l-Artikolu 86 sal-31 ta' Diċembru tat-tieni sena wara s-sena ta' l-impenn tal-baġit taħt il-programm, bl-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

2.   Għall-Istati Membri li l-PGD tagħhom mill-2001 sa l-2003 kien taħt il-85 % tal-medja ta' l-UE 25 fl-istess perjodu, kif elenkat fl-Anness II, id-data ta' skadenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun il-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara s-sena ta' l-impenn tal-baġit annwali mill-2007 sa l-2010 taħt il-programmi operattivi tagħhom.

Din id-data ta' skadenza għandha tapplika wkoll għall-impenn tal-baġit annwali mill-2007 sa l-2010 fi programm operattiv li jaqa' taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea jekk mill-inqas wieħed mill-parteċipanti jkun Stat Membru msemmi fl-ewwel subparagrafu.

3.   Dik il-parti ta' l-impenji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta' Diċembru 2015 għandha tiġi diżimpenjata awtomatikament mill-impenji jekk il-Kummissjoni ma tkunx irċeviet applikazzjoni aċċettabli għall-ħlas tagħha sal-31 ta' Marzu 2017.

4.   Jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara l-1 ta' Jannar 2007, il-perjodu li warajh jista' jsir l-ewwel diżimpenn awtomatiku kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi estiż, għall-ewwel impenn, bin-numru ta' xhur bejn l-1 ta' Jannar 2007 u d-data ta' l-ewwel impenn tal-baġit.

Artikolu 94

Perjodu ta' interruzzjoni għal proġetti kbar u skemi ta' għajnuna

Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni sabiex tawtorizza proġett kbir jew skema ta' għajnuna, l-ammonti potenzjalment konċernati mid-diżimpenn awtomatiku għandhom jiġu mnaqqsa mill-ammonti annwali konċernati minn tali proġetti kbar jew skemi ta' għajnuna.

Għal dawn l-ammonti annwali d-data ta' inizjazzjoni għall-kalkolu tat-termini perentorji ta' diżimpenn awtomatiku msemmija fl-Artikolu 93 għandha tkun id-data tad-deċiżjoni sussegwenti meħtieġa sabiex tawtorizza tali proġetti kbar jew skemi ta' għajnuna.

Artikolu 95

Perjodu ta' interruzzjoni għal proċedimenti legali u appelli amministrattivi

L-ammont potenzjalment konċernat mid-diżimpenn awtomatiku għandu jitnaqqas bl-ammonti li l-awtorità ta' ċertifikazzjoni ma setgħetx tiddikjara lill-Kummissjoni minħabba s-sospensjoni ta' operazzjonijiet bi proċediment legali jew appell amministrattiv li għandu effett ta' sospensjoni, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru jibgħat informazzjoni lill-Kummissjoni li tiddikjara r-raġunijiet sal-31 ta' Diċembru tat-tieni jew it-tielet sena wara s-sena ta' l-impenn tal-baġit skond l-Artikolu 93.

Għal dik il-parti ta' impenji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta' Diċembru 2015, il-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 93(2) għandu jiġi interrott taħt l-istess kondizzjonijiet fir-rigward ta' l-ammont relatat ma' l-operazzjonijiet konċernati.

It-tnaqqis imsemmi hawn fuq jista' jintalab darba jekk is-suspensjoni tkun damet sa sena jew diversi drabi korrispondenti għan-numru ta' snin bejn id-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li tissospendi l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni u d-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva finali.

Artikolu 96

Eċċezzjonijiet għad-diżimpenn awtomatiku

Dawn li ġejjin m'għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tad-diżimpenn awtomatiku:

(a)

dik il-parti ta' l-impenn tal-baġit li għaliha tkun saret applikazzjoni għall-ħlas iżda li r-rimborż tagħha jkun ġie interrott jew sospiż mill-Kummissjoni fil-31 ta' Diċembru tat-tieni jew it-tielet sena wara s-sena ta' l-impenn tal-baġit skond l-Artikolu 93 u skond l-Artikoli 91 u 92. Meta l-problema li tirriżulta fl-interruzzjoni jew is-suspensjoni tkun ġiet riżolta, ir-regola tad-diżimpenn awtomatiku għandha tiġi applikata għal dik il-parti ta' l-impenn tal-baġit konċernata;

(b)

dik il-parti ta' l-impenn tal-baġit li għaliha saret applikazzjoni għall-ħlas iżda li r-rimborż tagħha ġie limitat b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' riżorsi tal-baġit;

(ċ)

dik il-parti ta' l-impenn tal-baġit li għaliha ma kienx possibbli li ssir applikazzjoni għall-ħlas aċċettabbli minħabba raġunijiet ta' forza maġġuri li jaffettwaw serjament l-implementazzjoni tal-programm operattiv. L-awtoritajiet nazzjonali li jiddikjaraw forza maġġuri għandhom juru l-konsegwenzi diretti tagħha fuq l-implementazzjoni tal-programm operattiv kollu jew ta' parti minnu.

Artikolu 97

Proċedura

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma fi żmien debitu lill-Istat Membru u lill-awtoritajiet konċernati kull meta jkun hemm riskju li jiġi applikat id-diżimpenn awtomatiku taħt l-Artikolu 93. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru u lill-awtoritajiet konċernati dwar l-ammont tad-diżimpenn awtomatiku li jirriżulta mill-informazzjoni li hija jkollha fil-pussess tagħha.

2.   L-Istat Membru għandu jkollu xahrejn mid-data meta jirċievi dik l-informazzjoni sabiex jaqbel ma' l-ammont jew jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha twettaq id-diżimpenn awtomatiku sa mhux aktar minn disa' xhur wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 93.

3.   Il-kontribut mill-Fond għall-programm operattiv għandu jitnaqqas, għas-sena konċernata, bl-ammont tad-diżimpenn awtomatiku. L-Istat Membru għandu jipproduċi pjan rivedut ta' finanzjament li jirrifletti l-ammont imnaqqas ta' għajnuna fuq wieħed jew uħud mill-assi prijoritarji tal-programm operattiv fi żmien xahrejn mid-data tad-diżimpenn. Fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammonti allokati għal kull assi prijoritarju b'mod proporzjonali.

KAPITOLU II

Korrezzjonijiet finanzjarji

Taqsima 1

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

Artikolu 98

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta' kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta' jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta' operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.   L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f'kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv.. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta' l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

Ir-riżorsi mill-fondi rilaxxati b'dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru sal-31 ta' Diċembru 2015 għall-programm operattiv konċernat skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-kontribuzzjoni li tkun tħassret skond il-paragrafu 2 ma tistax terġa' tintuża għall-operazzjoni jew l-operazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-korrezzjoni, lanqas, fejn tkun saret korrezzjoni finanzjarja għal irregolarità sistematika, għal operazzjonijiet eżistenti li jaqgħu taħt l-assi prijoritarju fl-intier tagħhom jew parti minnhom fejn ikun saret l-irregolarità sistematiku.

4.   Fil-każ ta' irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-inkjesti tiegħu sabiex ikopru l-operazzjonijiet li probabbilment jiġu milquta.

Taqsima 2

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

Artikolu 99

Kriterji għall-korrezzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji billi tħassar il-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha għal programm operattiv fejn, wara li jkun twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

(a)

hemm nuqqas gravi fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm li jpoġġi f'riskju l-kontribuzzjoni Komunitarja li tkun diġà tħallset għall-programm;

(b)

in-nefqa msemmija f'dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa tkun irregolari u ma tkunx ġiet korretta mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni taħt dan il-paragrafu;

(ċ)

Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma' l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 99 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni taħt dan il-paragrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta' irregolaritajiet identifikati, filwaqt li tieħu kont tan-natura sistemika ta' l-irregolarità sabiex jiġi determinat jekk għandhiex tiġi applikata korrezzjoni b'rata fissa jew korrezzjoni estrapolata.

3.   Il-Kummissjoni għandha, meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont ta' korrezzjoni, tieħu kont tan-natura u l-gravità ta' l-irregolarità u l-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-programm operattiv konċernat.

4.   Fejn il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-fatti stabbiliti minn awdituri li m'humiex dawk tas-servizzi tagħha stess, hija għandha tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji, wara li teżamina l-miżuri meħuda mill-Istat Membru konċernat taħt l-Artikolu 98(2), ir-rapporti pprovduti taħt l-Artikolu 70(1)(b), u kwalunkwe tweġiba mill-Istat Membru.

5.   Meta Stat Membru ma jikkonformax ma' l-obbligi tiegħu kif imsemmija fl-Artikolu 15(4), il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjoni finanzjarja, skond il-grad ta' nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi, billi tħassar il-kontribuzzjoni kollha mill-Fondi Strutturali, jew parti minnha, għall-Istat Membru konċernat.

Ir-rata applikabbli għall-korrezzjoni finanzjarja msemmija f'dan il-paragrafu għandha tiġi stabbilita fir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).

Artikolu 100

Proċedura

1.   Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tagħha u titlob lill-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja abbażi ta' estrapolazzjoni jew b'rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta' eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-miżura reali ta' l-irregolarità kienet inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista' jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni konċernata. Ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, iż-żmien mogħti għal dan l-eżami m'għandux ikun aktar minn perjodu ieħor ta' xahrejn wara l-perjodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' kwalunkwe prova provduta mill-Istat Membru fil-limiti ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fejn l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden mill-Kummissjoni għal smigħ, li fih iż-żewġ naħat f'koperazzjoni bbażata fuq is-sħubija għandhom jagħmlu sforz sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minnhom.

4.   F'każ ta' ftehim, l-Istat Membru jista' jerġa' juża l-fondi Komunitarji konċernati konformement mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 98(2).

5.   Fin-nuqqas ta' ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b'kont meħud ta' l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta' sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta' l-ittra ta' stedina mibgħuta mill-Kummissjoni.

Artikolu 101

Obbligi ta' l-Istati Membri

Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m'għandhiex tippreġudika l-obbligu ta' l-Istat Membru li jfittex l-irkupri taħt l-Artikolu 98(2) ta' dan ir-Regolament u li jirkupra l-għajnuna Statali taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat u taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 tat-Trattat KE (17).

Artikolu 102

Rimbors

1.   Kwalunkwe rimbors dovut li għandu jsir lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandu jsir qabel id-data ta' skadenza indikata fl-ordni għall-irkupru mfassla skond l-Artikolu 72 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Id-data ta' skadenza għandha tkun l-aħħar jum tat-tieni xahar wara l-ħruġ ta' l-ordni.

2.   Kwalunkwe dewmien tar-rimbors għandu jwassal għall-applikazzjoni ta' mgħax minħabba ħlas tard, li jibdew fid-data dovuta u jintemmu fid-data meta fil-fatt isir il-ħlas. Ir-rata ta' tali mgħax għandha tkun punt wieħed u nofs perċentwali aktar mir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament tiegħu fl-ewwel jum ta' xogħol tax-xahar li fih taqa' d-data dovuta.

TITOLU VIII

KUMITATI

KAPITOLU I

Kumitat tal-koordinazzjoni tal-fondi

Artikolu 103

Kumitat u proċeduri

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta' koordinazzjoni tal-Fondi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżoni 1999/468/KE.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżoni 1999/468/KE.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

4.   Il-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi għandu jfassal ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

5.   Il-BEI u l-FEI għandhom, kull wieħed minnhom, jaħtru rappreżentant mingħajr dritt ta' vot.

KAPITOLU II

Kumitat taħt l-artikolu 147 tat-trattat

Artikolu 104

Kumitat taħt l-Artikolu 147 tat-Trattat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 147 tat-Trattat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”). Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentant tal-gvern, rappreżentant ta' l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u minn rappreżentant ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem minn kull Stat Membru. Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli sabiex jippresjedi l-Kumitat jista' jiddelega dik ir-responsabbiltà lil uffiċjal għoli tal-Kummissjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant u supplent għal kull rappreżentant ta' kull kategorija msemmija fil-paragrafu 1. Fin-nuqqas ta' membru wieħed, is-supplent għandu jkun intitolat awtomatikament li jieħu sehem fil-proċedimenti.

3.   Il-membri u s-supplenti għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu ta' tliet snin. Huma jistgħu jerġgħu jinħatru mill-ġdid. Il-Kunsill għandu, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Kumitat, jagħmel ħiltu sabiex jiżgura li jkun hemm rappreżentanza ġusta tal-kategoriji differenti konċernati. Għall-punti fuq l-aġenda li jaffettwawhom, il-BEI u l-FEI jistgħu jaħtru rappreżentant mingħajr dritt ta' vot.

4.   Il-Kumitat għandu:

(a)

jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-regoli implementattivi ta' dan ir-Regolament;

(b)

jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-programmazzjoni, fil-każ ta' sostenn mill-FES;

(ċ)

jiġi konsultat meta jkun qed jittratta l-kategoriji tal-miżuri ta' għajnuna teknika msemmija fl-Artikolu 45 fil-każ ta' sostenn mill-FES u kwistjonijiet oħra relevanti li jkollhom impatt fuq l-implementazzjoni ta' l-istrateġiji ta' l-impjieg, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali fuq il-livell ta' l-UE relevanti għall-FES.

5.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Kumitat dwar kwistjonijiet li m'humiex dawk imsemmija fil-paragrafu 4.

6.   Għall-adozzjoni tagħhom, l-opinjonijiet tal-kumitat għandhom jeħtieġu maġġoranza assoluta tal-voti li jkunu ntefgħu b'mod validu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar kif tkun ħadet kont ta' l-opinjonijiet tiegħu.

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 105

Dispożizzjonijiet Transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament sħiħ jew parzjali, ta' l-għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta' proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta' Koeżjoni approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88 (18), (KEE) Nru 4253/88 (19), (KE) Nru 1164/94 (20) u (KE) Nru 1260/1999 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2006, li konsegwentement għandha tapplika minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew proġetti konċernati sakemm jingħalqu.

2.   Fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar programmi operattivi, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' kwalunkwe għajnuna ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta' kwalunkwe proġett ko-finanzjat mill-Fond ta' Koeżjoni approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li jkollha riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dawk il-programmi operattivi.

3.   B'deroga mill-Artikoli 31(2), 32(4) u 37(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, is-somom parzjali impenjati għal għajnuna ko-finanzjata mill-FEŻR jew l-FES approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta' Jannar 2000 u l-31 ta' Diċembru 2006 li għalihom id-dikjarazzjoni ċertifikata ta' nfiq li fil-fatt tkun tħallset, ir-rapport finali dwar l-implementazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(f) ta' dak ir-Regolament ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 15-il xhar mid-data finali ta' l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjoni ta' l-għoti ta' kontribuzzjoni mill-Fondi, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara dik l-iskadenza, u jwasslu għar-rimbors ta' l-ammonti mħallsa mingħajr ma kienu dovuti.

L-ammonti relatati ma' operazzjonijiet jew programmi li ġew sospiżi minħabba proċedimenti ġuridiċi jew appelli amministrattivi li għandhom effett ta' sospensjoni m'għandhomx jitqiesu fil-kalkolu ta' l-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.

Artikolu 106

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament sa mhux aktar mill-31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 107

Taħsir

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 105(1) ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 huwa b'dan imħassar mill-1 ta' Jannar 2007.

Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi magħmula għal dan ir-Regolament.

Artikolu 108

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 16, 25 sa 28, 32 sa 40, 47 sa 49, 52 sa 54, 56, 58 sa 62, 69 sa 74, 103 sa 105, u 108 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biss għal programmi għall-perjodu 2007-2013. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-11 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINALUOMA


(1)  Kunsens ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 79.

(3)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 1.

(4)  ĠU C 121, 20.5.2005, p. 14.

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

(7)  ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1888/2005 (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 1).

(8)  Ara paġna 82 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(10)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(11)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(13)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(14)  ĠU L 134, 30.04.2004, p. 114.

(15)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(16)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(17)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003. Nota Editorjali: It-titolu tar-regolament (KE) Nru 659/1999 inbidel b'tali mod li jkun jista' jikkonsidra n-numerazzjoni ta' l-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bi qbil ma' Artikolu 12 tat-Trattat ta' amsterdam; ir-riferenza oriġinali kienet Artikolu 93 tat-Trattat.

(18)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effikaċja tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom bejniethom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħrajn (ĠU L 185, 15.7.1988, p. 9). Regolament imħassar mir-Regolament (KE) 1260/1999.

(19)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, bejniethom stess, u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħrajn (ĠU L 374, 31.12.1988, p. 1). Regolament imħassar mir-Regolament (KE) 1260/1999.

(20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.


ANNESS I

Tqassim annwali ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2007 sa l-2013

(imsemmi fl-Artikolu 18)

(Euros, prezzijiet ta' l-2004)

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

42 863 000 000

43 318 000 000

43 862 000 000

43 860 000 000

44 073 000 000

44 723 000 000

45 342 000 000


ANNESS II

Qafas finanzjarju

Kriterji u metodoloġija msemmija fl-Artikolu 18

Metodu ta' allokazzjoni għar-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv ta' Konverġenza msemmi fl-Artikolu 5(1)

1.

L-allokazzjoni ta' kull Stat Membru hija s-somma ta' l-allokazzjonijiet għal kull reġjun eliġibbli individwali tiegħu, li huma kalkolati abbażi ta' prosperità reġjonali u nazzjonali u r-rata ta' qgħad skond il-passi li ġejjin:

(a)

determinazzjoni ta' ammont assolut (f'euro) miksub bil-multiplikazzjoni tal-popolazzjoni tar-reġjun konċernat bid-differenza bejn il-PGD per capita ta' dak ir-reġjun, imkejjel f'paritajiet ta' qawwa ta' xiri u l-medja tal-PGD per capita ta' l-UE 25;

(b)

applikazzjoni ta' perċentwali ta' l-ammont assolut ta' hawn fuq sabiex tiġi determinata d-dotazzjoni finanzjarja ta' dak ir-reġjun; din il-perċentwali hija gradwata sabiex tirrifletti l-prosperità relattiva, meta mqabbla mal-medja ta' l-UE 25, ta' l-Istat Membru li fih jinsab ir-reġjun eliġibbli, jiġifieri:

għal reġjuni fl-Istati Membri li l-livell ta' GNI per capita tagħhom ikun inqas minn 82 % tal-medju Komunitarju: 4,25 %

għal reġjuni fl-Istati Membri li l-livell ta' GNI per capita tagħhom huwa bejn 82 % u 99 % tal-medju Komunitarju: 3,36 %

għal reġjuni fl-Istati Membri li l-livell ta' GNI per capita tagħhom huwa iżjed minn 99 % tal-medju Komunitarju: 2,67 %

(ċ)

għall-ammont miksub taħt il-punt (b) jiġi miżjud, jekk ikun applikabbli, ammont li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' primjum ta' EUR 700 għal kull persuna qiegħda, applikat għan-numru ta' persuni qiegħda f'dak ir-reġjun li jaqbeż in-numru li jkunu qiegħda kieku kienet tapplika r-rata medja tal-qgħad tar-reġjuni ta' konverġenza kollha ta' l-Unjoni Ewropea.

Metodu ta' allokazzjoni għall-Istati Membri eliġibbli għall-Fond ta' Koeżjoni taħt l-Artikolu 5(2)

2.

Id-dotazzjoni finanzjarja teoretika totali għall-Fond ta' Koeżjoni tinkiseb billi l-intensità medja ta' għajnuna per capita ta' EUR 44,7 tiġi mmultiplikata bil-populazzjoni eliġibbli. L-allokazzjoni a priori ta' din id-dotazzjoni finanzjarja teoretika ta' kull Stat Membru eliġibbli tikkorrispondi għal perċentwali bbażat fuq il-popolazzjoni, is-superfiċje ta' l-art u l-prosperità nazzjonali tiegħu u tinkiseb billi jiġu applikati l-passi li ġejjin:

(a)

kalkolu tal-medja aritmetika tal-popolazzjoni u s-sehem tas-superfiċje ta' l-art tal-popolazzjoni totali ta' dak l-Istat Membru u s-superfiċje ta' l-art ta' l-Istati Membri eliġibbli kollha; jekk, madankollu, is-sehem tal-popolazzjoni totali ta' Stat Membru jaqbeż is-sehem tiegħu tas-superfiċje ta' l-art totali b'fattur ta' 5 jew aktar, li jirrifletti densità ta' popolazzjoni għolja ħafna, għal dan il-pass jintuża biss is-sehem tal-popolazzjoni totali;

(b)

aġġustament taċ-ċifri perċentwali miksuba hekk b'koeffiċjenti li jirrappreżenta terz tal-perċentawali li bih il-GNI per capita ta' l-Istat Membru, imkejjel f'paritajiet ta' qawwa ta' xiri jaqbeż jew jaqa' taħt il-medja tal-GNI per capita ta' l-Istati Membri eliġibbli kollha (medja espressa bħala 100 %).

3.

Sabiex jiġu riflessi l-ħtiġijiet sinifikattivi f'termini ta' trasport u l-infrastruttura ambjentali ta' l-Istati Membri li saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea fi jew wara l-2004, is-sehem tal-Fond ta' Koeżjoni jiġi stabbilit bħala terz ta' l-allokazzjoni finanzjarja totali tagħhom (Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni) bħala medja tul il-perjodu. Għall-Istati Membri l-oħra, id-dotazzjoni finanzjarja tirriżulta direttament mill-metodu ta' allokazzjoni deskritt fil-paragrafu 2.

Metodu ta' allokazzjoni għall-Istati Membri u r-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi msemmi fl-Artikolu 6

4.

Is-sehem ta' kull Stat Membru konċernat huwa s-somma ta' l-ishma tar-reġjuni eliġibbli tiegħu, li jiġu determinati abbażi tal-kriterji li ġejjin, peżati kif indikat: popolazzjoni totali (piż 0,5), numru ta' persuni qiegħda f'reġjuni tal-livell NUTS 3 b'rata ta' qgħad ogħla mill-medja tal-grupp (piż 0,2), numru ta' impjiegi meħtieġa sabiex tintlaħaq ir-rata ta' mpjieġi ta' 70 % (piż 0,15), numru ta' persuni b' livell baxx ta' edukazzjoni li jaħdmu (piż 0,10), u densità baxxa tal-popolazzjoni (piż 0,05). Imbagħad l-ishma jiġu aġġustati skond il-prosperità reġjonali relattiva (għal kull reġjun, żieda jew tnaqqis mis-sehem totali tiegħu b' + 5 %/-5 % skond jekk il-PGD per capita tiegħu huwiex aktar baxx jew ogħla mill-medja tal-PGD per capita għall-grupp). Madankollu s-sehem ta' kull Stat Membru ma jkunx anqas minn tliet-kwarti tas-sehem tiegħu fl-2006 ta' fondi kombinati taħt l-Objettivi 2 u 3.

Metodu ta' allokazzjoni għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea msemmi fl-Artikolu 7

5.

L-allokazzjoni ta' riżorsi fost l-Istati Membri benefiċjarji (inkluża l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-Istrument tal-Viċinat u Sħubija Ewropej u l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni msemmija fl-Artikolu 21(2)) hija determinata kif ġej:

(a)

għall-komponent transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), abbażi tal-popolazzjoni tar-reġjuni tal-livell NUTS 3 f'żoni b'konfini ta' art u marittimi, bħala sehem tal-popolazzjoni totali tar-reġjuni eliġibbli kollha;

(b)

għall-komponent transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), abbażi tal-popolazzjoni totali ta' l-Istat Membru, bħala sehem tal-popolazzjoni totali ta' l-Istati Membri konċernati kollha.

Metodu ta' allokazzjoni għall-Istati Membri u r-reġjuni eliġibbli għas-sostenji transizzjonali msemmija fl-Artikolu 8

6.

L-allokazzjonijiet taħt is-sostenji transizzjonali msemmija fl-Artikolu 8 jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-parametri li ġejjin:

(a)

għar-reġjuni definiti fl-Artikolu 8(1), 80 % tal-livell ta' intensità ta' għajnuna per capita individwali tagħhom ta' l-2006 fl-2007 u wara dan tnaqqis lineari sabiex jintlaħaq il-livell ta' intensità ta' għajnuna per capita tal-medja nazzjonali għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi fl-2013. Ma' l-allokazzjoni hekk miksuba jiżdied, jekk ikun applikabbli, ammont li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' primjum ta' EUR 600 għal kull persuna qiegħda, applikat għan-numru ta' persuni qiegħda f'dak ir-reġjun li jaqbeż in-numru li jkunu qiegħda kieku kienet tapplika r-rata medja ta' qgħad tar-reġjuni ta' konverġenza kollha ta' l-Unjoni Ewropea.

(b)

għar-reġjuni definiti fl-Artikolu 8(2), 75 % tal-livell ta' intensità ta' għajnuna per capita individwali tagħhom ta' l-2006 fl-2007 u wara dan tnaqqis lineari sabiex jintlaħaq il-livell ta' intensità ta' għajnuna per capita tal-medja nazzjonali għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi sa l-2011. Ma' l-allokazzjoni hekk miksuba jiżdied, jekk ikun applikabbli, ammont li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' primjum ta' EUR 600 għal kull persuna qiegħda, applikat għan-numru ta' persuni qiegħda f'dak ir-reġjun li jaqbeż in-numru li jkunu qiegħda kieku kienet tapplika r-rata medja ta' qgħad tar-reġjuni ta' konverġenza kollha ta' l-Unjoni Ewropea;

(ċ)

għall-Istati Membri definiti fl-Artikolu 8(3), l-allokazzjoni għandha tkun digressiva tul 7 snin, bl-ammont fl-2007 ikun EUR 1,2 biljun, fl-2008 EUR 850 miljun, fl-2009 EUR 500 miljun, fl-2010 EUR 250 miljun, fl-2011 EUR 200 miljun, fl-2012 EUR 150 miljun u fl-2013 EUR 100 miljun.

Livell massimu ta' trasferimenti minn fondi li jsostnu l-koeżjoni

7.

Sabiex issir kontribuzzjoni għall-objettivi ta' konċentrazzjoni adatta ta' fondi ta' koeżjoni fir-reġjuni u l-Istati Membri l-inqas żviluppati u jitnaqqsu d-distakki fil-medja ta' intensitajiet ta' għajnuna per capita li jirriżultaw mill-istabbiliment ta' limitu massimu, il-livell massimu ta' trasferiment mill-Fondi għal kull Stat Membru individwali skond dan ir-Regolament ikun kif ġej:

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija inqas minn 40 %: tal-medja ta' l-UE 25: 3,7893 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 40 % u inqas minn 50 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,7135 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 50 % u inqas minn 55 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,6188 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 55 % u inqas minn 60 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,5240 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 60 % u inqas minn 65 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,4293 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 65 % u inqas minn 70 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,3346 % tal-PGD tagħhom

għal Stati Membri li l-medja tagħhom ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 hija daqs jew 'il fuq minn 70 % u inqas minn 75 % tal-medja ta' l-UE 25: 3,2398 % tal-PGD tagħhom

minn hemm 'il quddiem, il-livell massimu ta' trasferiment jitnaqqas b'punt perċentwali ta' 0,09 tal- PGD għal kull żieda ta' 5 punti perċentwali tal-medja ta' GNI per capita (PPS) għall-perjodu 2001-2003 meta mqabbla mal-medja ta' l-UE 25.

8.

Il-limiti msemmija fil-paragrafu 7 ta' hawn fuq jinkludu l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-finanzjament tal-parti transkonfinali ta' l-Istrument tal-Viċinat u Sħubija Ewropej u ta' l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni, u mill-parti tal-FAEŻR li toriġina mit-Taqsima ta' Gwida tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija, u mill-FES.

9.

Kalkoli tal-PGD mill-Kummissjoni ser ikunu bbażati fuq l-istatistika ppubblikata f'April 2005. Rati ta' tkabbir nazzjonali individwali tal-PGD għall-2007-2013, kif previsti mill-Kummissjoni f'April 2005, ser ikunu applikati għal kull Stat Membru b'mod separat.

10.

Jekk fl-2010 jiġi stabbilit li l-PGD kumulattiv ta' kwalunkwe Stat Membru għas-snin 2007-2009 tbiegħed b'aktar minn ±5 % mill-PGD kumulattiv stmat skond il-paragrafu 9 ta' hawn fuq, inkluż bħala konsegwenza ta' bidliet fir-rati ta' skambju, l-ammonti allokati għal dak il-perjodu għal dak l-Istat Membru skond il-paragrafu 7 jiġu aġġustati għaldaqstant. L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv jew negattiv, ta' dawn l-aġġustamenti m'għandux jaqbeż l-EUR 3 biljun. Fi kwalunkwe każ, jekk l-effett nett huwa pożittiv, ir-riżorsi addizzjonali totali jkunu limitati għal-livell ta' under-spending kontra l-ogħla limitu għall-kategorija 1B stabbilit għas-snin 2007 – 2010 fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba. L-aġġustamenti finali jkunu mifruxa fi proporzjonijiet ugwali tul is-snin 2011-2013.

11.

Sabiex jirrifletti l-valur taż-zloty Pollakka fil-perjodu ta' referenza, ir-riżultat ta' l-applikazzjoni tal-livell massimu ta' trasferiment kif definit fil-paragrafu 7 għall-Polonja ser jiġi mmultiplikat b'ko-effiċjent ta' 1.04 għall-perjodu sar-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 10 (2007-2009).

Dispożizzjonijiet addizzjonali

12.

Meta fi Stat Membru partikolari r-reġjuni ta' waqfien gradwali definiti fl-Artikolu 8(1)) jirrappreżentaw mill-anqas terz tal-popolazzjoni sħiħa tar-reġjuni eliġibbli bi sħiħ għall-għajnuna ta' l-objettiv 1 fl-2006, ir-rati ta' għajnuna jkunu 80 % tal-livell ta' intensità ta' għajnuna per capita fl-2007, 75 % fl-2008, 70 % fl-2009, 65 % fl-2010, 60 % fl-2011, 55 % fl-2012 u 50 % fl-2013.

13.

Għal dak li jikkonċerna l-arranġamenti transizzjonali taħt il-paragrafi 6(a) u (b), il-punt ta' tluq fl-2007 għal dawk ir-reġjuni li ma kenux eliġibbli għall-istatus ta' l-objettiv 1 fil-perjodu 2000-2006, jew li l-eliġibbiltà tagħhom bdiet fl-2004, ser ikun 90 % tal-livell teoretiku ta' intensità ta' għajnuna per capita ta' l-2006 kalkolat abbażi tal-metodu ta' allokazzjoni ta' Berlin ta' l-1999 bil-livell tal-PGD per capita reġjonali jkun assimilat għal 75 % tal-medja ta' l-UE 15.

14.

Minkejja l-paragrafu 7, ir-reġjuni Pollakki tal-livell NUTS 2 ta' Lubelskie, Podkarpackie, Warmínsko-Mazurskie, Podlaskie u Świętokrzyskie, li l-livelli ta' PGD per capita (PPS) tagħhom huma l-iżjed ħamsa baxxi fl-UE 25, jibbenefikaw minn fondi mill-FEŻR apparti l-fondi li għalihom huma eliġibbli b'mod ieħor. Dan il-finanzjament addizzjonali ser jammonta għal EUR 107 għal kull abitant tul il-perjodu 2007-2013 taħt l-objettiv ta' Konverġenza. Kwalunkwe aġġustament 'il fuq mill-ammonti allokati għall-Polonja skond il-paragrafu 10 għandu jkun nett ta' dan il-finanzjament addizzjonali.

15.

Minkejja l-paragrafu 7, ir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Közép-Magyarország jirċievi allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 140 miljun fuq il-perjodu 2007-2013. Għal dan ir-reġjun l-istess dispożizzjonijiet regolatorji jkunu japplikaw l-istess bħar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 8(1)

16.

Minkejja l-paragrafu 7, ir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Praga għandu jirċievi allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 200 miljun tul il-perjodu 2007-2013 taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi.

17.

Ċipru fl-2007–2013 ser jibbenifika mill-arranġamenti transizzjonali applikabbli għar-reġjuni definiti fil-paragrafu 6(b), il-punt ta' tluq tagħhom fl-2007 jiġi stabbilit skond il-paragrafu 14.

18.

Ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Itä-Suomi u Madeira, waqt li jżommu l-istatus ta' reġjuni ta' dħul gradwali, ser jibbenefikaw mill-arranġamenti finanzjarji transizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 6(a).

19.

Ir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Kanarji ser jibbenifika minn dotazzjoni addizzjonali ta' EUR 100 miljun tul il-perjodu 2007-2013 taħt is-sostenn transizzjonali msemmi taħt l-Artikolu 8(2).

20.

Ir-reġjuni l-aktar estremi identifikati fl-Artikolu 299 tat-Trattat u r-reġjuni tal-livell NUTS 2 li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 6 għat-Trattat ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja, minħabba r-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom, jibbenifikaw minn finanzjament addizzjonali mill-FEŻR. Dan il-finanzjament ser jammonta għal EUR 35 għal kull abitant fis-sena u ser ikun miżjud ma' kwalunkwe finanzjament ieħor li għalih dawn ir-reġjuni jkunu diversament eliġibbli.

21.

Safejn huma konċernati l-allokazzjonijiet taħt il-komponent transkonfinali ta' l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea msemmi fl-Artikolu 7(1), l-intensità ta' għajnuna għal reġjuni tul dawk li kienu l-fruntieri terrestri esterni ta' bejn l-UE 15 u l-UE 12 u ta' bejn l-UE 25 u l-UE 12 tkun 50 % ogħla minn dik għar-reġjuni l-oħra konċernati.

22.

B'rikonoxximent għall-isforz speċjali għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, ser jiġi allokat total ta' EUR 200 miljun għall-Programm PEACE għall-perjodu 2007-2013. Il-programm PEACE jiġi implementat bħala programm transkonfinali fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(ċ) u, sabiex jippromwovi l-istabbiltà soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, jinkludi, b'mod partikolari, azzjonijiet sabiex jippromwovu l-koeżjoni bejn il-komunitajiet. Iż-żona eliġibbli tkun l-Irlanda ta' Fuq kollha u l-pajjiżi fil-fruntieri ta' l-Irlanda. Dan il-programm ser jiġi implementat taħt l-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea b'konformità sħiħa ma' l-addizzjonalità ta' l-interventi ta' fondi strutturali.

23.

Ir-reġjuni Żvediżi li jaqgħu taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi għandhom jiġu allokati pakkett addizzjonali tal-FEŻR ta' EUR 150 miljun.

24.

Minkejja l-paragrafu 7, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, li jirrappreżentaw reġjuni waħidhom tal-livell NUTS 2, jiġu allokati kull wieħed finanzjament addizzjonali ta' EUR 35 kull abitant tul il-perjodu 2007-2013.

25.

Ir-reġjuni Awstrijaċi li jaqgħu taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u li jinsabu fuq il-fruntieri esterni preċedenti ta' l-Unjoni Ewropea jiġu allokati pakkett addizzjonali tal-FEŻR ta' EUR 150 miljun. Il-Bavarja tiġi allokata pakkett addizzjonali simili ta' EUR 75 miljun taħt l-objettiv Kompetittività Reġjonali u Impjiegi.

26.

Spanja tibbenefika minn allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 2,0 biljun taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għat-tisħiħ tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni minn u għall-benefiċċju ta' l-intrapriżi kif stabbilit fl-Artikoli 4(1) u 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006. Il-tqassim indikattiv ikun ta' 70 % għar-reġjuni taħt l-objettiv ta' Konverġenza msemmija fl-Artikolu 5, 5 % għar-reġjuni eliġibbli għas-sostenn transizzjonali msemmi fl-Artikolu 8(1), 10 % għar-reġjuni ta' l-objettiv ta' kompetittività msemmija fl-Artikolu 6, u 15 % għal reġjuni eliġibbli għas-sostenn transizzjonali msemmi fl-Artikolu 8(2).

27.

Ceuta u Melilla jirċievu pakkett addizzjonali mill-FEŻR ta' EUR 50 miljun tul il-perjodu 2007-2013 taħt is-sostenn transizzjonali msemmi taħt l-Artikolu 8(1).

28.

L-Italja tiġi allokata pakkett addizzjonali ta' EUR 1,4 biljun taħt il-Fondi Strutturali kif ġej: EUR 828 miljun għar-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv ta' Konverġenza msemmi fl-Artikolu 5(1), EUR 111miljun għar-reġjun eliġibbli għas-sostenn transizzjonali msemmi fl-Artikolu 8(1), EUR 251 miljun għar-reġjun eliġibbli għas-sostenn transizzjonali msemmi fl-Artikolu 8(2) u EUR 210 miljun għar-reġjuni eliġibbli għall-objettiv Kompetittività Reġjonali u Impjiegi msemmi fl-Artikolu 6.

29.

Franza tirċievi allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 100 miljun tul il-perjodu 2007-13 taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi b'rikonoxximent taċ-ċirkostanzi partikolari ta' Korsika (EUR 30 miljun) u tal-Hainaut Franċiża (EUR 70 miljun).

30.

Tingħata allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 167 miljun lil-Länder tal-Lvant tal-Ġermanja li jkunu eliġibbli għal sostenn taħt l-objettiv ta' Konverġenza msemmi fl-Artikolu 5(1). Tingħata allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 58 miljun għal-Länder tal-Lvant tal-Ġermanja eliġibbli għas-sostenn transizzjonali msemmi fl-Artikolu 8(1).

31.

Minkejja l-paragrafu 7, jiġi allokat pakkett addizzjonali mill-FEŻR ta' EUR 300 miljun għall-objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea kif ġej: EUR 200 miljun għal koperazzjoni transnazzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 7(2) u EUR 100 miljun għall-koperazzjoni interreġjonali fis-sens ta' l-Artikolu 7(3).


ANNESS III

Limiti massimi applikabbli għal rati ta' ko-finanzjament

(imsemmija fl-Artikolu 53)

Kriterji

Stati Membri

FEŻR u FES -

Perċentwali tan-nefqa eliġibbli

Fond ta' Koeżjoni —

Perċentwali tan-nefqa eliġibbli

(1)

L-Istati Membri li l-PGD medju per capita tagħhom għall-perjodu 2001-2003 kien inqas minn 85 % tal-medja ta' l-UE 25 tul l-istess perjodu.

Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja.

85 % għall-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

85 %

(2)

L-Istati Membri għajr dawk taħt (1) eliġibbli għar-reġim transizzjonali tal-Fond ta' Koeżjoni fl-1 ta' Jannar 2007.

Spanja

80 % għall-objettiv ta' Konverġenza u r-reġjuni ta' “dħul gradwali” taħt l-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

50 % għall-objettivi ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi barra r-reġjuni ta' “dħul gradwali”

85 %

(3)

Stati Membri għajr dawk imsemmija taħt (1) u (2).

Il-Belġju, id-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

75 % għall-objettiv ta' Konverġenza

(4)

Stati Membri għajr dawk imsemmija taħt (1) u (2).

Il-Belġju, id-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

50 % għall-objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

(5)

Ir-reġjuni l-aktar estremi msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat li jibbenifikaw mill-allokazzjoni addizzjonali għal dawn ir-reġjuni prevista fil-paragrafu 20 ta' l-Anness II.

Spanja, Franza u Portugal

50 %

(6)

Ir-reġjuni l-aktar estremi msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat

Spanja, Franza u Portugal

85 % taħt l-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi


ANNESS IV

Kategoriji ta' nfiq

(imsemmija fl-Artikolu 9(3))

 

Objettivi: Konverġenza u Kompettitività Reġjonali u Impjiegi

 

Objettiv: Konverġenza u r-reġjuni msemmija fl-Artikolu 8(2) mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni meħuda skond l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006.

Kodiċi

Temi prijoritarji

 

Riċerka u żvilupp teknoloġiku (R&TD), innovazzjoni u intraprenditorija

01

Attivitajiet ta' R&TD f'ċentri ta' riċerka

02

Infrastruttura R&TD (inkluż impjanti fiżiċi, strumentazzjoni u networks tal-komputers ta' veloċoità għolja li jikkollegaw ċentri ta' riċerka) u ċentri ta' kompetenza f'teknoloġija speċifika

03

Trasferiment ta' teknoloġija u titjib f'networks ta' koperazzjoni bejn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), bejn dawn u negozji u universitajiet oħrajn, kull tip ta' stabbiliment ta' l-edukazzjoni post-sekondarja, awtoritajiet reġjonali, ċentri ta' riċerka u ċentri xjentifiċi u teknoloġiċi (parks xjentifiċi u teknoloġiċi, technopoles, eċċ)

04

Għajnuna għal R&TD, b'mod partikolari fl-SMEs (inkluż aċċess għal servizzi R&TD f'ċentri ta' riċerka)

05

Servizzi ta' sostenn avvanzat għal kumpanniji u gruppi ta' kumpanniji

06

Għajnuna għal SMEs għall-promozzjoni ta' prodotti u proċessi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (introduzzjoni ta' sistema effettiva għall-maniġġar ta' l-ambjent, adozzjoni u użu ta' teknoloġiji li jipprevjenu t-tniġġis, integrazzjoni ta' teknoloġiji nodfa fil-produzzjoni tal-kumpanniji)

07

Investiment f'kumpanniji konnessi direttament mar-riċerka u l-innovazzjoni (teknoloġiji innovattivi, stabbiliment ta' kumpanniji ġodda minn universitajiet, ċentri u kumpanniji eżistenti ta' l-R&TD, eċċ)

08

Investimenti oħrajn f'kumpanniji

09

Miżuri oħra sabiex jistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-SMEs

 

Is-soċjetà ta' l-informazzjoni

10

Infrastrutturi tat-telefon (inkluż networks broadband)

11

Teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (aċċess, sigurtà, interoperabbiltà, prevenzjoni tar-riskju, riċerka, innovazzjoni, e-content, eċċ.)

12

Teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TEN-ICT)

13

Servizzi u applikazjonijiet għaċ-ċittadin (e-health, e-government, e-learning, e-inclusion eċċ)

14

Servizzi u applikazjonijiet għal SMEs (e-commerce, edukazzjoni u taħriġ, networking, eċċ)

15

Miżuri oħra sabiex jittejjeb l-aċċess għal u l-użu effiċjenti ta' l-ICT minn SMEs

 

Trasport

16

Ferroviji

17

Ferroviji (TEN-T)

20

Awtostradi

21

Awtostradi (TEN-T)

26

Trasport multimodali

27

Trasport multimodali (TEN-T)

28

Sistemi intelliġenti tat-trasport

29

Ajruporti

30

Portijiet

32

Passaġġi fuq l-ilma interni (TEN-T)

 

Enerġija

34

Elettriċità (TEN-E)

36

Gass naturali (TEN-E)

38

Prodotti petroliferi (TEN-E)

39

Enerġija li tiġġedded: riħ

40

Enerġija li tiġġedded: mix-xemx

41

Enerġija li tiġġedded: bijomassa

42

Enerġija li tiġġedded: idroelettriċità, ġeotermali u oħrajn

43

Effiċjenza ta' l-enerġija, ko-ġenerazzjoni, ġestjoni ta' l-enerġija

 

Ħarsien ta' l-ambjent u prevenzjoni tar-riskju

52

Promozzjoni ta' trasport urban nadif

 

Żieda fl-adattabbiltà ta' ħaddiema u kumpanniji, intrapriżi u intraprendituri

62

Żvilupp ta' sistemi u strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja f'kumpanniji; taħriġ u servizzi għal impjegati sabiex itejbu l-adattabbiltà tagħhom għall-bidla; promozzjoni ta' l-intraprenditorija u l-innovazzjoni

63

Tfassil u disseminazzjoni ta' metodi innovattivi u aktar produttivi għall-organizzazzjoni tax-xogħol

64

Żvilupp ta' servizzi speċifiċi għall-impjieg, taħriġ u sostenn in konnessjoni mar-ristrutturazzjoni ta' setturi u kumpanniji, u l-iżvilupp ta' sistemi sabiex jiġu antiċipati bidliet ekonomiċi u ħtiġijiet futuri f'termini ta' impjiegi u ħiliet

 

Titjib ta' l-aċċess għall-impjiegi u sostenibbiltà

65

Modernizzar u tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet tas-suq tx-xogħol

66

Implementazzjoni ta' miżuri attivi u ta' prevenzjoni fis-suq tax-xogħol

67

Miżuri li jinkoraġġixxu xjuħija attiva u li jtawlu l-ħajja tax-xogħol

68

Sostenn għall-impjieg indipendenti u għall-ftuħ ta' negozji

69

Miżuri li jtejbu l-aċċess għall-impjiegi u jżidu l-parteċipazzjoni u l-progress sostenibbli tan-nisa fl-impjiegi sabiex titnaqqas is-segregazzjoni abbażi tas-sessi fis-suq tax-xogħol u sabiex ix-xogħol u l-ħajja privata jiġu rikonċiljati, bħall-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għall-kura tat-tfal u l-kura għal persuni dipendenti

70

Azzjoni speċifika sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' migranti fl-impjiegi u b'hekk tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali tagħhom

 

Titjib ta' l-inklużjoni soċjali għal persuni aktar żvantaġġati

71

Trejqiet għall-integrazjoni u d-dħul mill-ġdid fl-impjieg għal persuni żvantaġġati; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għal u l-progress fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta' l-aċċettazzjoni tad-diversità fuq il-post tax-xogħol

 

Titjib tal-kapital uman

72

It-tfassil, l-introduzzjoni u l-implementazzjoni ta' riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tiġi żviluppata l-possibiltà ta' impjieg, tiġi mtejba r-rilevanza tas-suq tax-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-bidu u jiġu aġġornati l-ħiliet tal-persunal li jħarreġ bil-ħsieb ta' innovazzjoni u ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

73

Miżuri sabiex iżidu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, inkluż b'azzjoni sabiex jinkisbu tnaqqis fin-numru ta' tfal li jħallu l-iskola kmieni, is-segregazzjoni ta' suġġetti bbażata fuq is-sess u aktar aċċess għal u kwalità akbar ta' l-edukazzjoni tal-bidu, vokazzjonali u terzjarja u t-taħriġ

74

L-iżvilupp tal-potenzjal uman fl-ambitu tar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studju post-graduate u t-taħriġ ta' riċerkaturi, u attivitajiet ta' networking bejn universitajiet, ċentri ta' riċerka u negozji


31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

79


REGOLAMENT (KE) NRU 1084/2006 TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 161(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (4) jistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-missjoni tal-Fond ta' Koeżjoni fir-rigward tal-qafas ġdid għall-azzjoni tiegħu u fir-rigward ta' l-għan mogħti lilu fit-Trattat u li jiġi mħassar, għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni (5).

(2)

Il-proġetti tar-retikolati tat-trasport trans-Ewropew finanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jikkonformaw mal-linji gwida għal retikolati tat-trasport trans-Ewropej adottati mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Sabiex jiġu konċentrati l-isforzi, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess Ewropew kif definiti fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (6).

(3)

Il-Komunità tista', permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, tikkontribwixxi għal azzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali Komunitarji kif speċifikati fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

(4)

Ir-Regolament (KE)) Nru 1083/2006jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tkun stabbilita fil-livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-Fond ta' Koeżjoni.

(5)

Għandhom ikomplu japplikaw dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja tkompli tapplika b'mod konġunt mat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu 99 tat-Trattat u tal-ħtieġa ta' finanzi governattivi sodi. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' stabbiltà u l-Istati Membri li m'adottawx l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' konverġenza, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġitu s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (7), li jwassal sabiex jiġu evitati d-defiċit governattivi eċċessivi msemmija fl-Artikolu 104 tat-Trattat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità m'għandhomx japplikaw għall-impenji diġà magħmula fiż-żmien tas-sospensjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-twaqqif u l-għan tal-Fond ta' Koeżjoni

1.   Huwa b'dan stabbilit Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Fond) bil-għan li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità fl-interessi tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

2.   Il-Fond għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.   L-għajnuna mill-Fond għandha tingħata lil azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin waqt li tiżgura bilanċ adegwat u skond il-ħtiġijiet ta' investiment u ta' infrastruttura speċifiċi għal kull Stat Membru li jirċievi l-għajnuna:

(a)

ir-retikolati tat-trasport trans-Ewropej, b'mod partikolari proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew kif identifikati mid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

(b)

l-ambjent, fil-limiti tal-prijoritajiet assenjati lill-politika ta' protezzjoni ambjentali Komunitarja taħt il-programm ta' politika u ta' azzjoni dwar l-ambjent. F'dan il-kuntest, il-Fond jista' jintervjeni wkoll f'oqsma relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli li b'mod ċar joffru benefiċċji ambjentali, jiġifieri effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u enerġija rinnovabbli u, fis-settur tat-trasport barra r-retikolati trans-Ewropej, trasport bil-ferrovija, fuq xmajjar, bil-baħar, sistemi ta' trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq, bil-baħar u bl-ajru, trasport urban nadif u trasport pubbliku.

2.   Għandu jkun hemm qbil abbażi ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-bilanċ adegwat ta' l-għajnuna.

Artikolu 3

Eliġibbiltà tan-nefqa

L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni:

(a)

mgħax fuq id-dejn;

(b)

ix-xiri ta' art għal ammont li jeċċedi l-10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-operazzjoni konċernata;

(ċ)

djar;

(d)

id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari; u

(e)

it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet li japplikaw għal aċċess għal għajnuna mill-Fond

1.   L-għajnuna mill-Fond għandha tkun kondizzjonata mir-regoli li ġejjin:

(a)

jekk il-Kunsill ikun iddeċieda skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit governattiv eċċessiv fi Stat Membru benefiċjarju, u

(b)

jkun stabbilixxa skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat li l-Istat Membru konċernat ma ħax azzjoni effettiva b'risposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat,

il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jissospendi t-totalità ta' l-impenji mill-Fond jew parti minnhom għall-Istat Membru konċernat b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

2.   Jekk il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru konċernat ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa, huwa għandu jiddeċiedi, mingħajr dewmien, li jneħħi s-sospensjoni ta' l-impenji konċernati. Fl-istess waqt, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, li l-impenn sospiż jerġa' jiddaħħal fil-baġit skond il-proċedura stabbilita fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba (8).

3.   Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandu jinċidi la fuq it-tkomplija u lanqas fuq il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' proġett jew ta' forom oħrajn ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament KE Nru 1164/94, li sussegwentement għandu japplika għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sa l-għeluq tagħhom.

2.   L-applikazzjonijiet għal proġetti kbar fis-sens ta' l-Artikoli 39, 40 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 magħmula lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 għandhom jibqgħu validi sakemm tali applikazzjonijiet jiġu supplimentati, fejn meħtieġ, sabiex jiġu konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ma' l-Artikoli msemmija hawn fuq tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 fi żmien mhux aktar minn xahrejn mill-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 6

Taħsir

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013 skond l-Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-11 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  Kunsens ta' l-4 ta’ Lulju 2006 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 88.

(3)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 35.

(4)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(6)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE (ĠU L 167, 30.04.2004, p. 1).

(7)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1).

(8)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

82


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1085/2006

tas-17 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 181a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Billi:

(1)

Sabiex ttjieb l-effiċjenza ta' l-Għajnuna Esterna tal-Komunità, ġie previst qafas ġdid għall-ipprogrammar u l-għoti ta' assistenza. L-istrument preżenti jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti ġenerali li jappoġġja direttament l-oqsma ta' politika ta' l-Għajnuna Esterna Ewropea;

(2)

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kwalunke Stat Ewropew li jirrispetta l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt jista' japplika biex isir membru ta' l-Unjoni,

(3)

L-applikazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet ġiet aċċettata mill-Kunsill Ewropew ta' Ħelsinki fl-1999. Assistenza ta' qabel l-adeżjoni kienet disponibbli lir-Repubblika tat-Turkija sa mill-2002. Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel fis-16-17 ta' Diċembru 2004 rrakkomanda li negozjati għall-adeżjoni għandhom jinfetħu mat-Turkija,

(4)

Fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Santa Maria da Feira fl-20 ta' Ġunju, 2000, il-Kunsill Ewropew kien saħaq li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kienu kandidati potenzjali għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

(5)

Fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Tessaloniki, fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew kien fakkar il-konklużjonijiet tal-laqgħat tiegħu li kienu saru f'Kopenħagen f'Diċembru ta' l-2002 u fi Brussel f'Marzu ta' l-2003, u tenna d-determinazzjoni tiegħu li jappoġġja bis-sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, waqt li wera li dawn jistgħu jsiru parti integrali mill-Unjoni Ewropea ladarba dawn jilħqu l-kriterji stabbiliti,

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki ta' l-2003 wera wkoll li l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ser jikkostitwixxi l-qafas ġenerali għar-rotta Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li dawn iridu jsegwu għall-adeżjoni tagħhom tal-ġejjieni,

(7)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki, il-Parlament Ewropew għaraf li kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent huwa fi triqtu lejn l-adeżjoni, iżda fl-istess waqt insista li kull pajjiż għandu jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess,

(8)

Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jistgħu għalhekk jitqiesu bħala pajjiżi kandidati potenzjali; madankollu, għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali,

(9)

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tas-17-18 ta' Ġunju 2004 rrakkomanda li negozjati ta' l-adeżjoni għandhom jinfetħu mal-Kroazja,

(10)

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tal-15-16 ta' Diċembru 2005 ddeċieda li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

(11)

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tas-16-17 ta' Diċembru 2004 rrakkomanda li b'mod parallel għan-negozjati ta' l-adeżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tidħol fi djalogu politiku u kulturali intensiv ma' kull pajjiż kandidat,

(12)

Fl-interess tal-koerenza u l-konsistenza ta' l-assistenza tal-Komunità, l-assistenza għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-pajjiżi kandidati potenzjali għandha tingħata fil-kuntest ta' qafas koerenti, li jieħu vantaġġ mit-tagħlim li nkiseb minn strumenti ta' qabel l-adeżjoni tal-passat kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (3). L-assistenza għandha tkun ukoll konsistenti ma' l-iżvilupp ta' politika tal-Komunità skond l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

(13)

L-assistenza għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-Pajjiżi kandidati potenzjali għandha titkompla tappoġġahom fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, jirriformaw l-amministrazzjoni pubblika, iwettqu riformi ekonomiċi, jirrispettaw id-drittjiet tal-bniedem kif ukoll tal-minoranzi, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, jappoġġaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni, u tikontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar f'dawn il-pajjiżi, u għandha għaldaqstant tkun immirata li tappoġġa sensiela wiesgħa ta' miżuri għall-bini ta' l-istituzzjonijiet,

(14)

L-assistenza għall-Pajjiżi kandidati għandha tiffoka wkoll fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire kollu, u b'mod speċjali tħejji lill-Pajjiżi kandidati biex jimplimentaw il-politika agrikola u ta' koeżjoni tal-Komunità,

(15)

L-assistenza għall-Pajjiżi kandidati potenzjali tista' tinkludi xi allinjament ma' l-acquis communautaire, kif ukoll bħala appoġġ għal proġetti ta' investiment, li jimmiraw b'mod partikolari biex jibnu l-kapaċita' ta' ġestjoni fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali, tar-riżorsi umani u dak rurali,

(16)

L-assistenza għandha tiġi pprovduta abbażi ta' strateġija komprensiva pluriennali li tirrifletti l-prijoritajiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kif ukoll il-prijoritajiet strateġiċi tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni,

(17)

Sabiex tassisti bil-parti finanzjarja ta' din l-istrateġija, u bla ħsara għall-prerogattivi ta' l-Awtorità tal-Baġit, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-intenzjonijiet tagħha għall-allokazzjonijiet finanzjarji li ser jiġu proposti għat-tliet snin li ġejjin permezz ta' qafas finanzjarju pluriennali indikattiv, bħala parti integrali mill-pakkett annwali ta' Tkabbir tagħha,

(18)

L-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet, u l-Komponenti tal-Kooperazzjoni Transkonfini għandhom ikunu aċċessibbli għall-pajjiżi benefiċjarji kollha, sabiex jgħinuhom fil-proċess ta' transizzjoni u ta' avviċinament lejn l-UE, kif ukoll biex tiġi inkoraġġuta kooperazzjoni reġjonali bejntiehom,

(19)

Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' Żvilupp tar-Riżorsi Umani, u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandhom ikunu aċċessibbli biss għal Pajjiżi kandidati akkreditati biex jamministraw fondi b'mod deċentralizzat, sabiex jgħinuhom iħejju ruħhom għaż-żmien ta' wara l-adeżjoni, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-linji ta' politika ta' koeżjoni u ta' l-iżvilupp rurali tal-Komunità,

(20)

Pajjiżi kandidati potenzjali u Pajjiżi kandidati li ma ġewx akkredidati biex jamministraw fondi b'mod deċentralizzat madankollu għandhom ikunu eliġibbli, taħt l-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Komponent tal-Bini ta' l-Istituzzjonijiet, għal miżuri u azzjonijiet ta' natura simili għal dawk li ser ikunu disponibbli taħt il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali,

(21)

L-assistenza għandha titmexxa skond ir-regoli għall-Għajnuna Esterna li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), bl-użu ta' l-istrutturi li ġew ipprovati tajbin fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni, bħalma huma t-tmexxija deċentralizzata, il-ġemellaġġ u t-TAIEX(Technical Assistance Information Exchange Instrument), iżda għandha tippermetti wkoll għall-approċċi innovattivi bħall-implimentazzjoni tul l-Istati Membri permezz ta' tmexxija mqassma fil-każ ta' programmi transkonfini fuq il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea. It-trasferiment ta' għarfien u kompetenzi rigward l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire, mill-Istati Membri b'kompetenzi rilevanti għall-benefiċjarji ta' dan ir-Regolament, għandu jkun ta' benefiċċju partikolari f'dan il-kuntest,

(22)

L-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament huma miżuri ta' tmexxija dwar l-implimentazzjoni tal-programmi b' implikazzjonijiet buġetarji sostanzjali. Dawn għandhom għalhekk jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5), billi jiġu sottomessi d-dokumenti indikattivi ta' ppjanar pluriennali lill-Kumitat ta' Tmexxija.

(23)

Il-programmi annwali jew pluriennali fuq bażi orizzontali u skond kull pajjiż għall-implimentazzjoni ta' assistenza taħt l-Assistenza tat-Transizzjoni u l-Komponent tal-Bini ta' l-Istituzzjonijiet u l-Komponent ta' Kooperazzjoni Transkonfini għandhom ukoll jiġu sottomessi lil Kumitat ta' Tmexxija, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(24)

Il-programmi pluriennali għall-implimentazzjoni tal-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Komponent ta' Żvilupp tar-Riżorsi Umani, u l-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandhom ukoll jiġu sottomessi lil Kumitat ta' Tmexxija, skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE. Peress li dawn il-miżuri ser ikunu allinjati mill-qrib mal-prattiċi tal-Fondi Strutturali u ta' l-Iżvilupp Rurali, dawn għandhom kemm jista' jkun jagħmlu użu mill-Kumitati eżistenti stabbiliti għall-Fondi Strutturali u l-Iżvilupp Rurali,

(25)

Fejn il-Kummissjoni timplimenta dan ir-Regolament permezz ta' tmexxija ċentralizzata, din għandha tħares mill-aħjar li tipproteġi l-interess finanzjarju tal-Komunità, b'mod partikolari billi tapplika r-regoli u l-istandards ta' l-acquis communautaire f'dak ir-rigward, u fejn il-Kummissjoni timplimenta dan ir-Regolament permezz ta' forom oħrajn ta' tmexxija, l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom ikunu salvagwardjati permezz tal-konklużjoni ta' ftehim xieraq li fihom biżżejjed garanziji f'dak ir-rigward,

(26)

Ir-regoli li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-parteċipazzjoni f'offerti u kuntratti ta' għotja, kif ukoll ir-regoli li jikkonċernaw l-oriġini tal-provvisti għandhom ikunu stabbiliti skond żviluppi reċenti fl-Unjoni Ewropea dwar it-taħlil ta' l-assistenza, iżda għandhom iżommu l-flessibilita' għal reazzjoni għal żviluppi ġodda f'dan il-qasam,

(27)

Fejn pajjiż benefiċjarju jikser il-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, jew ma jagħmilx biżżejjed progress fir-rigward tal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prijoritajiet stabbiliti fis-Sħubija Ewropea jew ta' l-Adeżjoni, il-Kunsill għandu, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, jkun f'pożizzjoni li jieħu l-miżuri meħtieġa. Għandha tiġi żgurata informazzjoni sħiħa u immedjata lill-Parlament Ewropew,

(28)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet biex il-Kunsill ikun jista' jemenda dan ir-Regolament permezz ta' proċedura simplifikata fir-rigward ta' l-istatus ta' pajjiż benefiċjarju kif definit fir-Regolament.

(29)

Il-pajjiżi li jkunu benefiċjarji taħt l-Istrumenti l-oħra ta' Għajnuna Esterna reġjonali għandhom, fuq il-bażi tar-reċiproċità, jieħdu sehem f'azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, fejn dan joffri valur miżjud minħabba n-natura reġjonali, transkonfini, transnazzjonali jew globali ta' l-azzjoni in kwistjoni,

(30)

Peress illi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-allinjament progressiv tal-pajjiżi benefiċjarji ma' l-istandards u l-politika ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż fejn ikun xieraq l-acquis communautaire, bil-ħsieb li jwasslu għas-sħubija, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, u jista' għaldaqstant jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE. Skond il-prinċipju tal-propozjonalita kif stabbilit f' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(31)

Meta jitqies li l-Artikolu 181 (a) tat-Trattat KE jistipula li miżuri fiż-żona ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi għandhom ikunu komplementari għal dawk imwettqa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma impenjati li jiżguraw koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà ta' l-assistenza tagħhom, skond il-linji gwida stabbiliti ta' l-UE ta' l-2001 għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operattiva bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-qasam ta' l-assistenza esterna, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni rilevanti matul il-fażijiiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza,

(32)

Ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u t-tmexxija finanzjarja tajba (6) hu inkluż f'din id-Deċiżjoni għaż-żmien kollu ta' l-istrument, mingħajr ma dan jaffettwa s-setgħat ta' l-awtorità tal-baġit kif imfissra mit-Trattat KE,

(33)

L-istituzzjoni ta' sistema ġdida ta' assistenza Komunitarja ta' qabel l-adeżjoni teħtieġ li jitħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk (7), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2760/98 tat-18 ta' Diċembru 1998 dwar l-implimentazzjoni ta' programm għal kooperazzjoni bejn il-fruntieri fil-qafas tal-programm PHARE (8), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1266/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-koordinazzjoni ta' l-għajnuna lill-pajjiżi applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (10), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar l-għajnuna mill-Komunità għal miżuri ta' qabel l-Adeżjoni għal żvilupp agrikolu u rurali fil-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa ċentrali u ta' lvant fil-perjodu ta' qabel l-Adeżjoni (11), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 555/2000 tat-13 ta' Marzu 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għar-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta (12), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas-17 ta' Diċembru 2001 li jikkonċerna għajnuna finanzjarja ta' qabel is-sħubija għat-Turkija (13) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2112/2005 tal-21 ta' Novembru 2005 dwar l-aċċess għall-għajnuna esterna tal-Komunità. Dan ir-Regolament għandu wkoll jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnia u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (14), li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I:

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Benefiċjarji u għan ġenerali

Il-Komunità għandha tgħin lill-pajjiżi elenkati fl-Anness I u II fl-allinjament progressiv tagħhom ma' l-istandards u l-politika ta' l-Unjoni Ewropea, inkluż fejn xieraq l-acquis communautaire, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għas-sħubija.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   L-assistenza għandha, fejn xieraq, tintuża fil-pajjiżi benefiċjarji elenkati fl-Annessi I u II biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll l-istat tad-dritt, inkluż l-infurzar tiegħu,

(b)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett imsaħħaħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u non-diskriminazzjoni,

(ċ)

ir-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-istabbiliment ta' sistema li tippermetti d-deċentralizzazzjoni tat-tmexxija ta' l-assistenza lill-pajjiż benefiċjarju skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (15),

(d)

ir-riforma ekonomika,

(e)

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili,

(f)

l-inklużjoni soċjali,

(g)

ir-rikonċiljazzjoni, il-miżuri ta' bini ta' kunfidenza u r-rikostruzzjoni,

(h)

il-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali.

2.   Fil-każ ta' pajjiżi elenkati fl-Anness 1, l-assistenza għandha tintuża wkoll biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire,

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika kif ukoll it-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika komuni tal-Komunità dwar l-agrikoltura u l-koeżjoni.

3.   Fil-każ ta' pajjiżi elenkati fl-Anness II, l-assistenza għandha tintuża wkoll biex jiġu appoġġati l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-allinjament progressiv ma' l-acquis communautaire,

(b)

żvilupp soċjali, ekonomiku u teritorjali inkluż, inter alia, attivitajiet relatati ma' l-infrastruttura u l-investiment, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-iżvilupp reġjonali, tar-riżorsi umani u rurali.

Artikolu 3

Komponenti

1.   L-assistenza għandha tkun ipprogrammata u implimentata skond il-komponenti li ġejjin:

(a)

Assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet

(b)

Kooperazzjoni Transkonfini

(ċ)

Żvilupp Reġjonali

(d)

Żvilupp tar-Riżorsi Umani

(e)

Żvilupp Rurali

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u koerenza bejn l-assistenza li tingħata taħt il-komponenti differenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' l-IPA imsemmi fl-Artikolu 14(1).

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

Artikolu 4

Qafas politiku għall-assistenza

L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta skond il-qafas ġenerali tal-politika għal qabel l-adeżjoni, definit mis-Sħubiji Ewropej u ta' l-Adeżjoni, u billi jittieħdu in konsiderazzjoni b'mod xieraq ir-Rapporti u d-Dokument Strateġiku inkluż fil-pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar allokamenti finanzjarji indikattivi proposti

1.   Bil-ħsieb li jiġi appoġġat l-ippjanar strateġiku kif provdut fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni ser tippreżenta annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-intenzjonijet tagħha għall-allokamenti finanzjarji li ser jiġu proposti għat-tliet snin li ġejjin, fil-forma ta' qafas finanzjarju indikattiv pluriennali, meta jitqies il-qafas finanzjarju, kif ukoll is-Sħubiji Ewropej, is-Sħubiji ta' Adeżjoni, ir-Rapporti u d-Dokument Strateġiku.

2.   Dan il-qafas finanzjarju pluriennali indikattiv għandu jippreżenta l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni għall-allokazzjon ta' fondi, mqassmin skond il-komponent, il-pajjiż u l-azzjoni multi-nazzjonali. Huwa għandu jiġi elaborat abbażi ta' sett ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, incluż valutazzjoni ta' ħtiġijiet, kapaċità ta' assorbiment, rispett ta' kondizzjonalitajiet u kapaċità ta' tmexxija. Għandu jittieħed ukoll kont xieraq ta' kwalunkwe miżuri eċċezzjonali ta' assistenza jew programmi ta' rispons interim adottati taħt Regolament li jistabbilixxi l-Istrument ta' Stabbiltà.

3.   Il-qafas finanzjarju indikattiv pluriennali għandu jiġi inkluż fil-pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni, filwaqt li jżomm orizzont ta' ppjanar ta' tliet snin.

Artikolu 6

Ippjanar ta' l-Assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta abbażi ta' dokumenti indikattivi ta' ppjanar pluriennali stabbiliti skond il-pajjiż f'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tappoġġa strateġiji nazzjonali u tiżgura l-impenn u l-involviment tal-pajjiż ikkonċernat. Is-soċjeta Ċivili u l-partijiet interessati l-oħrajn se jiġu assoċjati fejn xieraq. Programmi oħrajn ta' assistenza ser jiġu wkoll ikkunsidrati.

2.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I, l-assistenza ser tkun ibbażata b'mod partikolari fuq is-Sħubiji ta' Adeżjoni. L-assistenza għandha tkopri l-prijoritajiet u l-istrateġija ġenerali li jirriżultaw minn analiżi regolari tas-sitwazzjoni f'kull pajjiż u li fuqhom għandhom jikkonċentraw it-tħejjijiet għall-adeżjoni. L-assistenza għandha tiġi ppjanata bil-ħsieb tal-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' Ġunju 1993 u tal-progress li sar fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire, kif ukoll tal-kooperazzjoni reġjonali.

3.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness II, l-assistenza għandha tkun ibbażata b'mod partikolari fuq is-Sħubiji Ewropej. L-assistenza għandha tkopri l-prijoritajiet u l-istrateġija ġenerali li jirriżultaw minn analiżi regolari tas-sitwazzjoni f'kull pajjiż u li fuqhom għandha tikkonċentra t-tħejjija għal integrazzjoni ulterjuri fl-Unjoni Ewropea. L-assistenza għandha tiġi ppjanata bil-ħsieb tal-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' Ġunju 1993 u tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni reġjonali.

4.   Dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali għandhom jippreżentaw allokamenti indikattivi għall-prijoritajiet ewlenin f'kull komponent, b'kont meħud ta' l-istatistika indikattiva skond kull pajjiż u kull komponent propost fil-qafas finanzjarju indikattiv pluriennali. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll, kif xieraq, kwalunkwe finanzjament provdut għall-programmi multi-nazzjonali u inizjattivi orizzontali.

5.   Dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali għandhom jiġu stabbiliti wara perspettiva ta' tliet snin. Huma għandhom jiġu riveduti kull sena.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali u reviżjonijiet annwali tagħhom skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2)(a).

Artikolu 7

Programmazzjoni

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta permezz ta' programmi pluriennali jew annwali, stabbiliti skond il-pajjiż u l-komponent, jew, kif xieraq, skond il-grupp ta' pajjiżi jew it-tema skond il-prijoritajiet definiti fid-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali.

2.   Programmi għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' intervenzjoni, ir-riżultati mistennija, il-proċeduri ta' tmexxija u l-ammont totali ta' finanzjament ippjanat. Huma għandu jkun fihom deskrizzjoni mqassra tat-tip ta' operati li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull tip ta' operat u skeda indikattiva ta' implimentazzjoni. Fejn rilevanti, huma għandhom jinkludu r-riżultati ta' kwalunkwe tagħlim li nkiseb mill-assistenza ta' qabel. L-objettivi għandhom ikunu speċifiċi, rilevanti u li jistgħu jiġu mkejla u jkollhom punti ta' referenza marbuta maż-żmien.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi pluriennali u annwali, u kwalunkwe reviżjonijiet tagħhom, skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 14(2).

TITOLU II:

REGOLI DWAR IL-KOMPONENTI SPEĊIFIĊI

Artikolu 8

Komponenti ta' Assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet

1.   Il-Komponent ta' l-assistenza għat-Transizzjoni u l-Bini ta' l-Istituzzjonijiet għandu jgħin lill-pajjiżi li huma mniżżla fl-Annessi I u II biex jilħqu l-objettivi ta' l-Artikolu 2.

2.   Dan jista' jintuża inter alia biex jiffinanzja l-kapaċità u l-bini ta' l-istituzzjonijiet kif ukoll l-investiment, sakemm dan ta' l-aħħar ma jkunx kopert bl-Artikoli 9 sa 12.

3.   L-assistenza taħt dan il-komponent tista' wkoll tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi elenkati fl-Annessi I u II fi programmi u aġenziji tal-Komunità. Barra minn hekk, l-assistenza tista' tiġi provduta għal programmi reġjonali u orizzontali.

Artikolu 9

Komponent tal-Kooperazzjoni Transkonfini

1.   Il-Komponent tal-Kooperazzjoni Transkonfini jista' jappoġġa lill-pajjiżi elenkati fl-Annessi I u II f'kooperazzjoni transkonfini, u, fejn xieraq, transnazzjonali u inter-reġjonali bejniethom u bejn dawn u l-Istati Membri ta' l-UE.

2.   Tali kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tippromwovi relazzjonijiet tal-viċinat tajbin, tkattar l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-interess reċiproku tal-pajjiżi kollha kkonċernati, u li tinkoraġġixxi l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tagħhom.

3.   Fil-każ ta' kooperazzjoni transkonfini ma' Stati Membri, ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-ERDF u f' dan ir-Regolament għandhom ikunu d-dispożizzjonijet rilevanti ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni. (16)

4.   Il-kooperazzjoni għandha tiġi koordinata ma' strumenti Komunitarji oħrajn għal kooperazzjoni transkonfini, transnazzjonali u interreġjonali. Fil-każ ta' kooperazzjoni transkonfini ma' l-Istati Membri, dan il-komponent għandu jkopri r-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera jew fruntieri rispettivi, kemm terrestri jew marittimi.

5.   Fl-objettivi ta' dan l-artikolu, dan il-komponent jista' jintuża inter alia biex jiffinanzja l-kapaċità u l-bini ta' l-istituzzjonijiet kif ukoll l-investiment.

Artikolu 10

Komponent ta' l-Iżvilupp Reġjonali

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Reġonali għandu jappoġġa lill-pajjżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni Komunitarja, b'mod partikolari fit-tħejjija tagħhom għall-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni.

2.   Dan jista' b'mod partikolari jikkontribwixxi għall-iffinanzjar tat-tip ta' azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (17) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni (18).

Artikolu 11

Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani għandu jappoġġa l-pajjiżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni Komunitarja, b'mod partikolari fit-tħejjija tagħhom għall-Fond Soċjali Ewropew.

2.   Dan jista' jgħin l-aktar fl-iffinanzjar ta' dawk l-azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (19).

Artikolu 12

Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali

1.   Il-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali għandu jappoġġa lill-pajjiżi elenkati fl-Anness I fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-tħejjija għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-politika agrikola komuni tal-Komunità. Dan għandu jgħin l-aktar fl-adattament sostenibbli tas-settur agrikolu u l-inħawi rurali u biex il-Pajjiżi kandidati jħejju ruħhom għall-implimentazzjoni ta' l-acquis communautaire b'rabta mal-Politika Agrikola Komuni u politika oħra relatata.

2.   Dan jista' jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-finanzjament ta' dawk l-azzjonijiet ipprovduti taħt ir-Regolament (KE) 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (20).

TITOLU III:

TMEXXIJA U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 13

Tmexxija ta' l-Assistenza, Rappurtar

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 u r-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3).

2.   Azzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu mmexxija, monitorjati, valutati u rapportati skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. B'mod partikolari, l-iffinanzjar tal-Komunità jista' jieħu l-għamla ta' ftehim ta' ffinanzjar bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju, kuntratti ta' akkwist jew ftehim ta' għajnuna ma' korpi settorjali nazzjonali jew internazzjonali jew inkella ma' persuni fiżiċi jew legali li jkunu responsabbli li jwettqu dik l-azzjoni, jew inkella kuntratti ta' xogħol. Għal programmi transkonfini ma' Stati Membri skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, il-ħidmiet ta' implimentazzjoni jistgħu jiġu ddelegati lill-Istati Membri, f'liema każ għandhom jiġu implimentati permezz ta' tmexxija komuni skond id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) 1605/2002. Fil-każ ta' tmexxija komuni, l-awtorità tat-tmexxija għandha taġixxi skond il-prinċipji u r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1083/2006.

3.   Il-Kummissjoni tista' wkoll tirċievi u tmexxi fondi minn donaturi oħrajn, bħala dħul assenjat skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, sabiex timplimenta l-azzjonijiet ma' dawn id-donaturi.

4.   F'każijiet debitament ġustifikati, i-Kummissjoni tista', skond l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tiddeċiedi li tafda ħidmiet ta' awtorità pubblika, u b'mod partikolari ħidmiet ta' implimentazzjoni tal-baġit, lill-korpi elenkati fl-Artikolu 54 (2) ta' dak ir-Regolament. Il-korpi definiti fl-Artikolu 54 (2) (ċ) ta' l dak ir-Regolament jistgħu jkunu fdati b'ħidmiet ta' awtorità pubblika jekk dawn ikunu ta' reputazzjoni internazzjonali magħrufa, jikkonformaw ma' sistemi ta' tmexxija u kontroll rikonoxxuti internazzjonalment, u jkunu kkontrollati minn awtorità pubblika.

5.   L-impenji tal-baġit għal azzjonijiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

6.   Kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja taħt dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati matul is-sena u dwar ir-riżultati tax-xogħol ta' monitoraġġ, u għandu jagħti valutazzjoni tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni ta' l-assistenza.

Artikolu 14

Kumitati

1.   Kumitat ta' l-IPA għandu jiġi stabbilit, iffurmat mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Huwa għandu jassisti lill-Kummissjoni b'mod partikolari fil-ħidma tagħha biex tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn l-assistenza mogħtija taħt il-komponenti differenti kif meħtieġ bl-Artikolu 3(2).

Il-Kumitat ta' l-IPA għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

2.

(a)

Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali u r-reviżjonijiet annwali tagħhom msemmija fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, u l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta' l-IPA.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

(b)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi dwar l-assistenza li sre tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kordinazzjoni tal-Fondi msemmi fl-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) 1083/1999.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

(ċ)

Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat ipprovdut fl-Artikolu 147 tat-Trattat KE, tadotta l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kordinazzjoni tal-Fondi msemmi fl-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

(d)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi dwar l-assistenza li ser tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. għal dak l-effett, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Iżvilupp Rurali stabbilit mill-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

3.   Deċiżjonijiet ta' finanzjament mhux koperti minn programm pluriennali jew annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skond il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 2(a) ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-emendi għall-programmi pluriennali u annwali u d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 fejn huma ma jinkludux tibdiliet sostanzjali fin-natura tal-programmi u l-azzjonijiet oriġinali u, fir-rigward ta' l-element finanzjarju, fejn ma jeċċedux 20 % ta' l-ammont totali allokat għall-programm jew l-azzjoni in kwistjoni, soġġett għal-limitu ta' EUR 4 miljuni. Il-Kumitat li ta opinjoni dwar il-programm jew l-azzjoni oriġinali għandu jkun infurmat bid-deċiżjonijiet emendatorji kollha.

5.   Osservatur mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitati dwar dawk il-kwistjonijiet li jkunu jikkonċernaw il-Bank.

Artikolu 15

Tipi ta' Assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament tista', inter alia, tiffinanzja investimenti, kuntratti ta' akkwist, għotjiet, inklużi sussidji fuq ir-rati ta' l-interessi, self speċjali, garanziji ta' self u assistenza finanzjarja, appoġġ għall-baġit, u għamliet speċifiċi oħrajn ta' assistenza tal-baġit, u l-kontribuzzjoni għall-kapital ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew il-banek ta' l-iżvilupp reġjonali sakemm ir-riskju finanzjarju tal-Komunità huwa limitat għall-ammont ta' dawn il-fondi. L-appoġġ għall-baġit għandu jkun eċċezzjonali, b'objettivi preċiżi u punti ta' referenza relatati, u dipendenti fuq l-amministrazzjoni ta' finanzi pubbliċi tal-pajjiż benefiċjarju li tkun suffiċjentement trasparenti, kredibbli u effiċjenti, u fuq linji ta' politika settorjali jew makro-ekonomiċi definiti tajjeb u approvati fil-prinċipju minn istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament li jkunu ġew stabbiliti. Il-ħruġ ta' appoġġ tal-baġit għandu jkun kondizzjonali fuq il-progress sodisfaċenti lejn il-kisba ta' għanijiet f'termini ta' impatt u riżultati.

2.   L-assistenza tista' tiġi implimentata permezz ta' miżuri ta' kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri. Tali proġetti għandhom ikunu implimentati skond ir-regoli ta' implimentazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.   L-assistenza tista' wkoll tintuża biex tkopri l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni Komunitarja f'missjonijiet internazzjonali, inizjattivi jew organizzazzjonijiet attivi fl-interess tal-pajjiż benefiċjarju, inklużi l-ispejjeż amministrattivi.

4.   Il-finanzjament Komunitarju fil-prinċipju m'għandux ikun użat għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew spejjeż f'pajjiżi benefiċjarji elenkati fl-Annessi I u II.

Artikolu 16

Miżuri ta' Appoġġ

L-assistenza tista' tintuża wkoll biex tkopri l-ispejjeż ta' azzjonijiet li jkunu marbuta mat-tħejjija, is-segwitu, il-kontroll, il-verifika u l-valutazzjoni li jkunu meħtieġa direttament għall-amministrazzjoni tal-programm u biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, l-aktar studji, laqgħat, tagħrif u pubbliċità, spejjeż marbuta ma' networks ta' l-informatika li jkunu mmirati lejn l-iskambju ta' tagħrif, kif ukoll dawk l-ispejjeż l-oħra għall-għajnuna amministrattiva u teknika li l-Kummissjoni tista' tuża għall-amministrazzjoni tal-programm. F'każ ta' tmexxija devoluta ta' programm, din tkopri wkoll l-ispiża ta' l-appoġġ amministrattiv fid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi.

Artikolu 17

Implementazzjoni ta' l- Assistenza

1.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jikkonkludu ftehim kwadru dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza.

2.   Għandhom jiġu konklużi ftehim sussidjarji dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju jew l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni tiegħu, skond kif ikun meħtieġ.

Artikolu 18

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Kull ftehim li jkun ġej minn dan ir-Regolament għandu jkollu dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, l-aktar dwar frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (21), Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (22) u Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (23).

2.   Il-ftehim għandhom jipprovdu espressament li l-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jingħataw is-setgħa ta' verifika, abbażi tad-dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-kuntratturi u s-sub-kuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi Komunitarji. Dawn għandhom espressament jawtorizzaw ukoll lill-Kummissjoni biex din twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96.

3.   Il-kuntratti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' assistenza għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti ta' l-Awdituri kif previsti fil-paragrafu 2, waqt u kif ukoll wara l-implimentazzjoni ta' kuntratti.

Artikolu 19

Regoli tal-parteċipazzjoni u oriġini, eliġibbiltà għal għotjiet

1.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' u għall-persuni ġuridiċi kollha li huma stabbiliti fi Stat Membru, pajjiż li hu benefiċjarju ta' dan ir-Regolament, pajjiż li hu benefiċjarju ta' l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija, jew Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.

2.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa wkoll għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' u għall-persuni ġuridiċi kollha li huma stabbiliti fi kwalunkwe pajjiż minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn ġie stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tagħhom.

Għandu jkun stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tal-Komunità permezz ta' deċiżjoni speċifika dwar pajjiż partikolari jew grupp reġjonali ta' pajjiżi partikolari. Tali deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14(2)(a) u għandha tkun fis-seħħ għal perjodu minimu ta' sena.

L-għoti ta' aċċess reċiproku għall-assistenza esterna tal-Komunità għandu jkunu bbażat fuq tqabbil bejn il-Komunità u donaturi oħrajn u għandu jipproċedi fuq livell settorjali jew ta' pajjiż sħiħ, kemm jekk hu pajjiż donatur jew destinatarju. Id-deċiżjonijiet li tingħata din ir-reċiproċità lil pajjiż donatur għandha tkun ibbażati fuq it-trasparenza, il-konsistenza u l-proporzjonalità ta' l-għajnuna pprovduta minn dak id-donatur, inkluża n-natura kwalitativa u kwantitattiva tagħha. Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jiġu kkonsultati fil-proċess deskritt f'dan il-paragrafu.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotja ffinanzjata taħt dan ir-Regolament għandha tkun miftuħa lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

4.   L-esperti proposti fil-kuntest ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti mhumiex meħtieġa li jkunu konformi mal-kondizzjoni ta' nazzjonalità tal-paragrafi 1 u 2.

5.   Il-fornimenti u l-materjali kollha mixtrija taħt kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament għandhom joriġinaw mill-Komunità jew minn pajjiż eliġibbli skond il-paragrafi 1 u 2. It-terminu “oriġini” għall-iskop ta' dan ir-Regolament hu definit fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar regoli ta' oriġini għal skopijiet ta' dwana.

6.   Il-Kummissjoni tista', f'każijiet eċċezzjonali ssostanzjati b'mod debitu, tawtorizza l-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi li huma ċittadini ta' u persuni ġuridiċi li huma stabbiliti f'pajjiżi oħrajn barra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew ix-xiri ta' provvisti u materjali ta' oriġini differenti minn dak stabbilit fil-paragrafu 5. Derogi jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi ta' nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, għal raġunijiet ta' urġenza estrema, jew jekk ir-regoli eliġibbli jagħmlu r-realizzazzjoni ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew diffiċli żżejjed.

7.   B'konformità ma' l-Artikolu 114 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 persuni fiżiċi jistgħu jirċievu għotjiet.

8.   Kull meta finanzjament Komunitarju jkopri operazzjoni implimentata permezz ta' organizzazzjoni internazzjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali xierqa għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond il-paragrafi 1 u 2 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond ir-regoli ta' dik l-organizzazzjoni, waqt li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li jingħata trattament ugwali lid-donaturi kollha. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' provvisti, materjali u esperti.

Kull meta finanzjament tal-Komunità jkopri operazzjoni ko-finanzjata ma' Stat Membru, ma' pajjiż terz, soġġett għar-reċiproċità kif definit f'paragrafu 2, jew ma' organizzazzjoni reġjonali, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri kuntrattwali xierqa għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi jew legali kollha li huma eliġibbli skond il-paragrafi 1, 2 u 3 kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma eliġibbli skond ir-regoli ta' tali Stat Membru, pajjiż terz jew organizzazzjoni reġjonali. L-istess regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' provvisti, materjali u esperti.

Artikolu 20

Koerenza, kompatibbiltà u koordinazzjoni

1.   Programmi u proġetti ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mal-linji politiċi ta' l-UE. Huma għandhom jikkonformaw mal-ftehim konklużi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji u jirrispettaw l-impenji taħt ftehim multilaterali li tagħhom jagħmlu parti.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koerenza bejn assistenza Komunitarja provduta skond dan ir-Regolament u assistenza finanzjarja provduta mill-Komunità u l-Istati Membri permezz ta' strumenti finanzjarji interni u esterni oħrajn u mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni tal-programmi ta' assistenza rispettivi tagħhom bil-mira li jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza fit-twassil ta' l-assistenza skond il-linji gwida stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operattiva fil-qasam ta' l-assistenza esterna, u għall-armonizzazzjoni ta' linji politiċi u proċeduri. Il-koordinazzjoni għandha tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni rilevanti matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza, b'mod partikolari fuq livell nazzjonali u għandha tikkostitwixxi pass ewlieni fil-proċess ta' programmazzjoni ta' l-Istati Membru u l-Komunità.

4.   Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, ser tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura koordinazzjoni u armonizzazzjoni u kooperazzjoni xierqa ma' organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, fondi u programmi, u donaturi mhux mill-UE.

Artikolu 21

Sospensjoni ta' l-assistenza

1.   Ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u l-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-għoti ta' l-assistenza prevista taħtu. L-assistenza Komunitarja għall-Albanija, il-Bosnia u Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Montenegro u s-Serbja, inkluż il-Kosovo, għandha tkun soġġetta wkoll għall-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, l-aktar fejn għandu x'jaqsam l-impenn ta' min ikun qed jirċievi l-assistenza biex iwettaq riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

2.   Fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli jirrispetta dawn il-prinċipji jew l-impenji li hemm fis-Sħubija rilevanti ma' l-UE jew fejn il-progress biex jintlaħqu l-kriterji tas-sħubija ma jkunx biżżejjed, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jieħu l-miżuri xierqa dwar kull assistenza li tkun ingħatat taħt dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bis-sħiħ u immedjatament b'kwalunkwe deċiżjoni meħuda f'dan il-kuntest.

Artikolu 22

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha regolarment tagħmel valutazzjoni tar-riżultati u l-effiċjenza ta' linji politiċi u programmi u l-effettività ta' l-ipprogrammar sabiex taċċerta jekk l-objettivi ntlaħqux u tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-għan li jittejbu operazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapporti ta' valutazzjoni rilevanti lill-Kumitati msemmija fl-Artikolu 14 għal diskussjoni. Dawn ir-riżultati għandhom iwasslu lura għall-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

TITOLU IV:

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 23

Status ta' Pajjiż Benefiċjarju

Jekk pajjiż benefiċjarju mniżżel fl-Anness II jingħata status ta' kandidat għal adeżjoni ma' l-UE, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni għandu jittrasferixxi dak il-pajjiż mill-Anness II għall-Anness I.

Artikolu 24

Dispożizzjoni Inter-Strumentali

Biex ikunu żgurati l-konsistenza u l-effiċjenza ta' l-assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2)(a), li pajjiżi terzi, territorji u reġjuni oħrajn jistgħu jgawdu minn azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, jekk il-proġett jew il-programm in kwistjoni jkollu karattru reġjonali, transkonfini, transnazzjonali jew globali. Waqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tevita d-duplikazzjoni fir-rigward ta' strumenti oħrajn ta' assistenza finanzjarja esterna.

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet Transitorji

1.   Ir-Regolament (KEE) Nru 3906/89, Regolament (KE) Nru 2760/98, Regolament (KE) Nru 1266/1999, Regolament (KE) Nru 1267/1999, Regolament (KE) Nru 1268/1999, Regolament (KE) Nru 555/2000, Regolament (KE) Nru 2500/2001, Regolament (KE) Nru 2112/2005, għandhom jitħassru b' effett mill-1 ta' Jannar, 2007.

Dawn ir-Regolamenti, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000, għandhom ikomplu japplikaw għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007, u għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 31 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea (24).

2.   Jekk ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi biex titħaffef it-transizzjoni mis-sistema stabbilita bir-Regolamenti (KEE) Nru 3906/1989, (KE) Nru 2760/1998, (KE) Nru 1266/1999, (KE) Nru 1267/1999, (KE) Nru 1268/1999, (KE) Nru 555/2000, (KE) Nru 2666/2000 jew (KE) Nru 2500/2001 għal dik stabbilita b'dan ir-Regolament, dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Ammont ta' referenza finanzjarja

L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-perjodu 2007-2013 għandu jkun ta' EUR 11 468 miljun. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 27

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2010, rapport li jevalwa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-ewwel tliet snin, jekk ikun il-każ bi proposta leġislattiva li tintroduċi l-modifiki neċessarji għal dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara li jkun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar is-17 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-6 ta' Lulju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 67.

(3)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2257/2004 (ĠU L 389, 31.12.2004, p. 1).

(8)  ĠU L 345, 19.12.1998, p. 49. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1045/2005 (ĠU L 172, 5.7.2005, p. 78).

(9)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 68.

(10)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 73.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.(ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(11)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 87.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.

(12)  ĠU L 68, 16.3.2000, p. 3.Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 769/2004 (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 1).

(13)  ĠU L 342, tas-27.12.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005.

(14)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 2112/2005.

(15)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(16)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(17)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(18)  Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(19)  Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(20)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1

(21)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(22)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(23)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(24)  ĠU L 157, 21.6.2005


ANNESS I

Kroazja

Turkija

Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja


ANNESS II

Albanija

Bosnja u Ħerzegovina

Montenegro

Serbja, inkluż il-Kosovo (1)


(1)  Kif definit fil-UNSCR 1244.