ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 48
15 ta' Novembru 2005


Werrej

 

Qorti tal-Ġustizzja

Paġna

 

*

Modifika tar-regoli ta' proċedura Tal-qorti tal-prim'istanza

1

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 298.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


Qorti tal-Ġustizzja

15.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


MODIFIKA TAR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari, il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 224 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 140(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 63 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li kkunsidrat il-kunsens tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li kkunsidrat l-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija fit-18 ta' Lulju 2005 u t-3 t' Ottubru 2005,

Billi

(1)

Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, hemm bżonn li jiġu emendati xi disposizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi ċċarat l-iskop tagħhom jew sabiex jiġu addattati għall-esiġenzi ta' organizzazzjoni effikaċi tat-tmexxija tal-proċeduri;

(2)

Hemm bżonn li jiġu addattati d-disposizzjonjiet dwar l-għajnuna legali fid-dawl ta' dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet transfruntiera billi tistabbilixxi regoli komuni minimi rigward l-għajnuna legali mogħtija fil-kwadru ta' tali kwistjonijiet (1).

(3)

Hemm bżonn li jiġi regolat l-appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea stabbilit bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2004/752/KE, Euratom tal-Kunsill tat-2 ta' Novembru 2004 (2),

ADOTTAT L-EMENDI LI ĠEJJIN GĦAR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAGĦHA:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta' Mejju 1991 (3), emendati fil-15 ta' Settembru 1994 (4), fis-17 ta' Frar 1995 (5), fis-6 ta' Lulju 1995 (6), fit-12 ta' Marzu 1997 (7), b'rettifika fil-ĠU L 351 tat-23 ta' Diċembru 1997, p. 72, fis-17 ta' Mejju 1999 (8), fis-6 ta' Diċembru 2000 (9), fil-21 ta' Mejju 2003 (10), fid-19 ta' April 2004 (11) u fil-21 ta' April 2004 (12) huma emendati kif ġej:

1)

L-Artikolu 7(1) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 1   Minnufih wara s-sostituzzjoni parzjali prevista mill-Artikoli 224 tat-Trattat KE u 140 tat-Trattat KEEA, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza għal terminu ta' tliet snin.”;

2)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“F'każ ta' assenza jew ta' impediment, kemm tal-President tal-Qorti u kif ukoll tal-Presidenti ta' l-Awli, jew f'każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6.”;

3)

L-Artikolu 24(1) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 1   Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru li fih jiġu mniżżla, skond l-ordni tal-presentata, l-atti kollha ta' proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.”;

4)

Fl-Artikolu 32(3), għandu jiżdied is- sub-paragrafu li ġej:

“Jekk, fl-Awla Manja, jew f'waħda mill-Awli b'ħames Imħallfin, minħabba assenza jew impediment ta' Imħallef li sseħħ qabel id-data tal-ftuħ tal-proċedura orali, ma jintlaħaqx in-numru ta' Imħallfin previst mill-Artikolu 10(1), din l-Awla għandha tiġi kompletata minn IImħallef maħtur mill-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jerġa' jintlaħaq in-numru previst ta' mħallfin.”;

5)

L-Artikolu 41(1), għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 1   Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tħoss li l-imġieba ta' konsulent jew avukat quddiemha, quddiem il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur, hija inkompatibbli mad-dekor tal-Qorti tal-Prim'Istanza jew ma' l-esiġenzi ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew li dan il-konsulent jew avukat juża xi drittijiet li huwa għandu b'riżultat tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatawlu, hija għandha tinforma lill-parti interessata b'dan. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tinforma lill-awtoritajiet kompetenti li għalihom hija soġġetta l-parti interessata b'dan; kopja ta' l-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lil din ta' l-aħħar.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', għall-istess raġunijiet, f'kull ħin u wara li tisma' lill-parti interessata, teskludi lill-parti interessata mill-proċedura permezz ta' digriet. Dan id-digriet jkollu effett immedjat.”;

6.

L-Artikolu 43 għandu jinbidel kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (6), għandha tiżdied il-frażi li ġejja:

“L-Artikolu 102, il-paragrafu (2) ma japplikax għal dan it-terminu ta' għaxart ijiem.”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu ġdid 7 li ġej:

“§ 7   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 u 5, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista, b'deċiżjoni, tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li fihom att ta' proċedura trasmess lir-Reġistru b'mezz elettroniku jitqies bħala l-oriġinal ta' dak l-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.”;

7)

L-Artikolu 46 għandu jinbidel kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza għandha tinbidel bit-test li ġej:

“Fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tad-difiża tiegħu.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 3   It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.”;

(8)

L-Artikolu 50 għandu jinbidel kif ġej:

(a)

L-uniku subparagrafu isir il-paragrafu 1;

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“§ 2   L-avukati, il-konsulenti u l-aġenti tal-partijiet kollha fil-kawżi magħquda, inklużi l- partijiet intervenjenti, jistgħu jikkonsultaw l-atti ta' proċedura notifikati lill-partijiet fil-kawżi l-oħra kkonċernati fir-Reġistru. Madanakollu, il-President jista', fuq it-talba ta' parti, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67(3), jeskludi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-konsultazzjoni.”;

9)

L-Artikolu 55(1) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 1   Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina l-kawżi li għandha quddiemha skond l-ordni li fih titlesta l-istruttorja tagħhom. Fil-każ li l-istruttorja ta' numru ta' kawżi titlesta kontemporanjament, l-ordni għandu jiġi stabbilit skond id-data tar-reġistrazzjoni ta' l-att introduttiv tal-kawżi fir-reġistru.”;

10)

L-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 64(5) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 5   Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza f'Seduta Plenarja jew bħala Awla Manja tiddeċiedi li tordna miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Awla li lilha tkun ġiet inizjalment assenjata l-kawża jew lill-Imħallef Relatur.”;

11)

L-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 67(1) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 1   Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza, f'Seduta Plenarja jew bħala Awla Manja, tiddeċiedi li tordna miżuri istruttorji u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Awla li lilha tkun ġiet inizjalment assenjata l-kawża jew lill-Imħallef Relatur.”;

12)

L-Artikolu 76(a) għandu jinbidel kif ġej:

(a)

fit-tieni subparagrafu ta' l-ewwel paragrafu għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“F'din it-talba jista' jiġi indikat li ċerti raġunijiet jew argumenti jew ċerti siltiet tar- rikors jew tas-sottomissjonijiet tad-difiża huma ppreżentati biss għall-każ fejn il-kawża ma tinqatax skond proċedura mħaffa, b'mod partikolari billi tiġi mehmuża mat-talba verżjoni mqassra tar-rikors kif ukoll lista ta' l-annessi li għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-każ jiġi deċiż skond il-proċedura mħaffa.”;

(b)

it-tieni paragrafu għandha tinbidel kif ġej:

(i)

l-uniku subparagrafu isir is-subparagrafu 2,

(ii)

jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga għall-Artikolu 46(1), meta r-rikorrent jitlob, skond il-paragrafu (1), li tittieħed deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa, it-terminu għall-preżentazzjoni tas-sottomissjonijiet tad-difiża huwa ta' xahar. Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li ma tilqax din it-talba, terminu supplementari ta' xahar għall-preżentazzjoni jew, skond il-każ, sabiex jiġu kkompletati s-sottomissjonijiet tad-difiża, għandu jingħata lill-konvenut. It-termini previsti minn dan is-subparagrafu jistgħu jiġu estiżi skond l-Artikolu 46(3).”;

(ċ)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“§ 4   Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi skond proċedura mħaffa tista' tkun soġġetta għal kundizzjonijiet dwar il-volum u l-preżentazzjoni ta' sottomissjonijiet tal-partijiet, dwar l-iżvulupp ulterjuri tal-proċedura jew dwar ir-raġunijiet u l-argumenti li dwarhom l-Qorti tal-Prim'Istanza tintalab tiddeċiedi.

Jekk waħda mill-partijiet ma tirrispettax xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni li l-kawża tinqata' bil-proċedura mħaffa tista' tinqaleb. Il-proċedura mbagħad titkompla skond il-proċedura ordinarja.”,

13)

L-Artikolu 93 għandu jinbidel b'li ġej:

“Artikolu 93

§ 1   Il-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza u d-debituri tagħha għandhom jeffettwaw il-pagamenti tagħhom f'euro.

§ 2   Meta l-ispejjeż li huma rimborsabbli saru f'valuta li mhijiex l-euro jew meta l-atti li jwasslu għall-kumpens twettqu f'pajjiż li m'għandux l-euro bħala l-valuta tiegħu, il-konverzjoni tal-flus għandha ssir skond ir-rata tal-kambju ta' referenza tal-Bank Centrali Ewropew fil-jum tal-pagament.”;

14)

Is-Seba' Kapitolu tat-Tieni Titolu għandu jinbidel bit-test li ġej:

“Kapitolu 7

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 94

§ 1   Sabiex ikun assigurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-għajnuna legali tingħata għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond ir-regoli segwenti.

L-għajnuna legali tkopri l-ammont totali ta' l-ispejjeż marbuta ma' l-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jew parti minnhom. Il-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa responsabbli għal dawn l-ispejjeż.

§ 2   Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż msemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jiġu kkunsidrati elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

§ 3   L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hi mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

Artikolu 95

§ 1   L-għajnuna legali tista' tintalab qabel jew wara l-preżentazzjoni tar-rikors.

Mhuwiex meħtieġ li t-talba issir permezz ta' avukat.

§ 2   Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jiġġustifikawha, li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova tas-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba.

Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ma jitressaq ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, l-għan tar-rikors li huwa jrid iressaq, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li jsostnu r-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm id-dokumentazzjoni li ssostniha.

§ 3   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi, skond l-Artikolu 150, li l-użu ta' formola sabiex titressaq talba għal għajnuna legali jkun obbligatorju.

Artikolu 96

§ 1   Qabel ma tiddeċiedi fuq it-talba għal għajnuna legali, il-Qorti tal-Prim'Istanza tistieden lill-parti l-oħra sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub sakemm mill-elementi ppreżentati ma jkunx jidher diġà li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 94(2) mhumiex sodisfatti jew li dawk tal-paragrafu 3 huma sodisfatti.

§ 2   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali tittieħed mill-President permezz ta' digriet. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

Digriet li jiċħad l-għajnuna legali għandha tingħata bir-raġuni.

§ 3   Fid-digriet li jagħti l-għajnuna legali għandu jinħatar avukat sabiex jirrappreżenta l-parti interessata.

Jekk il-parti interessata ma pproponietx avukat hija stess jew jekk m'hemmx lok li l-għażla tagħha tkun ikkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat li jkun inkarigat jirrappreżenta l-parti li tagħmel it-talba huwa maħtur fid-dawl tal-proposti trasmessi minn dik l-awtorità.

Id-digriet li jagħti l-għajnuna legali tista' tistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti interessata jew tistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista' jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju ta' l-avukat. Id-digriet jista' jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti interessata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 94(1), filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika ta' tali parti.

§ 4   Il-preżentazzjoni ta' talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentazzjoni tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 3, taf digriet li jaħtar l-avukat li jkun inkarigat li jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.

§ 5   Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista' jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, wara li tinstema' l-parti interessata. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

Id-digriet li jirrevoka l-għajnuna legali għandu jingħata bir-raġuni.

§ 6   Mid-digrieti mogħtija bis-saħħa ta' dan l-Artikolu ma hemmx appell.

Artikolu 97

§ 1   F'każ ta' l-ammissjoni għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali, il-President jista', fuq talba ta' l-avukat tal-parti interessata, jiddeċiedi li jsir pagament bil-quddiem lill-avukat.

§ 2   Meta, bis-saħħa ta' deċiżjoni li taqta' l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji ta' l-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' digriet bir-raġuni li minnu ma hemmx appell. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

§ 3   Meta' fid-deċiżjoni li taqta' l-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkundannat parti oħra tbati l-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-benefiċċju ta' l-għajnuna legali, din il-parti l-oħra hija marbuta li tħallas lura lill-Kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza dawk l-ammonti li ġew mħallsa bħala l-għajnuna.

Fil-każ ta' kontestazzjoni jew jekk il-parti ma twettaqx talba tar-Reġistratur sabiex tħallas lura dawn l-ammonti, il-President għandu jiddeċiedi permezz ta' digriet bir-raġuni li minnu ma hemmx appell. Il-President jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

§ 4   Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', jekk dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż meta taqta' l-kawża, tordna li waħda jew aktar mill-partijiet l-oħra ibatu l-ispejjeż tagħhom jew li l- ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-Kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza bħala għajnuna legali.”.

15)

L-Artikolu 113 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“Artikolu 113

Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', f'kull waqt u ex officio, wara li tisma' lill-partijiet, tiddeċiedi fuq l-inammissibbilità tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, jew tikkonstata, li r-rikors m'għadx għandu skop u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 114(3) u (4).”;

16)

L-Artikolu 114(2) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“§ 2   Mal-preżentata ta' l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub it-talbiet u l-argumenti ta' fatt u ta' dritt.”.

17)

Għandu jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU 5

FUQ L-APPELLI KONTRA D-DEĊIŻJONIJIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKUTA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 137

§ 1   L-appell għandu jsir permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

§ 2   Ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibgħat immedjatament il-proċess tal-kawża fl-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, ir-rikors ta' l-appell, lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Artikolu 138

§ 1   Ir-rikors ta' l-appell għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, imsejjħa l-parti rikorrenti;

(b)

l-ismijiet tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(ċ)

il-motivi u l-argumenti ta' dritt invokati;

(d)

it-talbiet tal-parti rikorrenti.

L-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(2) u (3) japplikaw għall-appell.

§ 2   Id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija s-suġġett ta' l-appell għandha tiġi annessa mar-rikors ta' l-appell. Għandha ssir referenza għad-data li fiha d-deċiżjoni appellata ġiet notifikata lill-parti rikorrenti.

§ 3   Jekk l-appell ma jsirx skond l-Artikolu 44(3) jew skond it-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 44(6).

Artikolu 139

§ 1   It-talbiet ta' l-appell għandhom ikunu intiżi:

(a)

għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(b)

li jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fil-prim'istanza, bl-esklużjoni ta' kull talba ġdida.

§ 2   L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kontestazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 140

L-appell huwa nnotifikat lill-partijiet kollha fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-Artikolu 45 huwa applikabbli.

Artikolu 141

§ 1   Kull parti fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tista' tippreżenta risposta fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' l-appell. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni għal dan it-terminu għal risposta.

§ 2   Ir-risposta għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

(b)

id-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lil din il-parti;

(ċ)

il-motivi u l-argumenti ta' dritt invokati;

(d)

it-talbiet.

L-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(2) u (3) huma applikabbli.

Artikolu 142

§ 1   It-talbiet fir-risposta għandhom ikunu diretti lejn:

(a)

iċ-ċaħda, totali jew parzjali, ta' l-appell, jew l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(b)

li jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fil-prim'istanza, bl-esklużjoni ta' kull talba ġdida.

§ 2   Ir-risposta ta' l-appell ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kontestazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 143

§ 1   L-appell u r-risposta ta' l-appell jistgħu jiġu kompletati b'replika u b'kontro-replika meta l-President, wara li tiġi ppreżentata talba f'dan is-sens mir-rikorrent fi żmien sebat ijiem mid-data tan-notifika tar-risposta, jidhirlu li dan huwa neċessarju u jawtorizza espressament il-preżentazzjoni tar-replika sabiex jippermetti lir-rikorrent jiddefendi l-perspettiva tiegħu jew sabiex huwa jkun jista' jipprepara d-deċiżjoni dwar l-appell. Il-President għandu jiffissa d-data li fiha r-replika għandha tiġi ppreżentata u, man-notifika ta' tali replika, d-data li fiha l-kontro-replika għandha tiġi ppreżentata.

§ 2   Meta l-għan tat-talbiet f'risposta ta' l-appell ikun l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq punt li ma tqajjimx fl-appell, ir-rikorrent jew kull parti oħra jistgħu jippreżentaw replika fuq dan il-punt biss, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tar-risposta kkonċernata. Il-paragrafu 1 għandu japplika għas-sottomissjonijiet komplementari kollha li jiġu ppreżentati wara din ir-replika.

Artikolu 144

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet li ġejjin, l-Artikolu 48(2), l-Artikoli 49, 50 u 51(1), l-Artikoli 52, 55 sa 64, 76a sa 110, l-Artikolu 115(2) u (3) u l-Artikoli 116, 123 sa 127 u 129 japplikaw għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-każ ta' appell mid-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 145

Meta l-appell, kollu jew parti minnu, ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', f'kull waqt, fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur u wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell kollu jew parti minnu permezz ta' digriet bir-raġuni.

Artikolu 146

Wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 141(1) u, jekk ikun il-każ, mill-Artikolu 143(1) u (2), il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur u wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-appell mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, għajr jekk waħda mill-partijiet tippreżenta talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema'. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Dan it-terminu jista' jiġi estiż mill-President.

Artikolu 147

Ir-rapport preliminari previst mill-Artikolu 52 huwa ppreżentat lill-Qorti tal-Prim'Istanza wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 141(1) u, jekk ikun il-każ, mill-Artikolu 143(1) u (2). Meta dawn id-dokumenti ma jiġux preżentati, għandha tapplika l-istess proċedura hekk kif jiskadi t-terminu previst għall-preżentazzjoni tagħhom.

Artikolu 148

Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u hija stess taqta' l-kontestazzjoni.

L-Artikolu 88 japplika biss għall-appelli magħmula mill-istituzzjonijiet.

B'deroga għall-Artikolu 87(2), fl-appelli magħmula mill-uffiċjali jew minn aġenti oħra ta' xi istituzzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet, fl-interess ta' l-ekwità.

Fil-każ li l-appell jiġi rtirat għandu japplika l-Artikolu 87(5).

Artikolu 149

Rikors għall-intervent ippreżentat lill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-każ ta' appell għandu jiġi ppreżentat qabel l-iskadenza ta' terminu ta' xahar mill-pubblikazzjoni prevista mill-Artikolu 24(6).”;

18)

L-Artikolu 136a isir l-Artikolu 150 u l-Artikolu 137 isir l-Artikolu 151.

Artikolu 2

Dawn l-emendi tar-Regoli ta' Proċedura, li huma awtentiċi fil-lingwi kollha msemmija fl-Artikolu 35(1) ta' l-imsemmija Regoli, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-punti 17 u 18 ta' l- Artikolu 1.

Il-punti 17 u 18 ta' l-Artikolu 1 jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-Artikolu 1 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom.

Il-Lussemburgu, 12 ta' Ottubru 2005.

Ir-Reġistratur

E. COULON

Il-President

B. VESTERDORF


(1)  ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41.

(2)  ĠU 2004, L 333, 9.11.2004, p. 7.

(3)  ĠU L 136, 30.5.1991, p. 1.

(4)  ĠU L 249, 24.9.1994, p. 17.

(5)  ĠU L 44, 28.2.1995, p. 64.

(6)  ĠU L 172, 22.7.1995, p. 3.

(7)  ĠU L 103, 19.4.1997, p. 6.

(8)  ĠU L 135, 29.5.1999, p. 92.

(9)  ĠU L 322, 19.12.2000, p. 4.

(10)  ĠU L 147, 14.6.2003, p. 22.

(11)  ĠU L 132 29.4. 2004, p. 3.

(12)  ĠU L 127, 29.4.2004, p. 108.