ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 364

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 47
9 ta' Diċembru 2004


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

tal-Parlament Ewropew

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) ( 1 )

1

 


 

(1)   test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

tal-Parlament Ewropew

9.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 364/1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2006/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Ottubru 2004

dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)

(test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 1996 dwar il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet għall-infurzar ta’ leġislazzjoni dwar is-suq intern (3) irrikonoxxiet li hu meħtieġ sforz kontinwu biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u stiednet lill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jeżaminaw bi prijorità l-possibiltà li jsaħħu l-kooperazzjoni amministrattiva fl-infurzar tal-leġislazzjoni.

(2)

L-arranġamenti nazzjonali attwali għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi m’humiex addattati għall-isfidi ta’ infurzar fis-suq intern għaldaqstant kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fl-infurzar f’dawn il-każijiet bħalissa mhix possibbli. Dawn id-diffikultajiet joħolqu xkiel għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ l-infurzar biex jaqbdu, jinvestigaw u jwaqqfu jew jipprojbixxu l-ksur intra-Komunitarju tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. In-nuqqas ta’ infurzar effettiv li jirriżulta f’każijiet trans-konfinali jgħin lill-bejjiegħa u l-fornituri biex jevadu tentattivi ta’ infurzar billi jmorru f’xi post ieħor fil-Komunità. Dan joħnoq il-kompetizzjoni għall-bejjiegħa u l-fornituri li jirrispettaw il-liġi u li joperaw fil-lokal jew b’mod trans-konfinali. Id-diffikultajiet fl-infurzar ta’ każijiet trans-konfinali idgħajjfu wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi milli jaċċettaw offerti trans-konfinali u b’hekk ukoll il-fiduċja tagħhom fis-suq intern.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi meta jittrattaw ksur intra-Komunitarju tkun eħfef, u jiġi megħjun it-tħaddim bla ntoppi tas-suq intern, il-kwalità u l-konsistenza ta’ l-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi u l-monitoraġġ tal-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

(4)

Ir-rettikolati għall-kooperazzjoni msaħħa jeżistu fil-leġislazzjoni Komunitarja sabiex jipproteġu lill-konsumaturi f’iżjed u lil hinn mill-interessi ekonomiċi tagħhom, mhux l-inqas fejn hija involuta s-saħħa. L-aħjar prattiċi għandhom ikunu bejn ir-rettikolati stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(5)

Il-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar assistenza reċiproka f’dan ir-Regolament għandha tkun limitata għal ksur intra-Komunitarju tal-leġislazzjoni li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi. L-effettività li biha jiġi segwit il-ksur fuq livell nazzjonali għandha tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn transazzjonijiet nazzjonali u dawk intra-komunitarji. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità mill-Istati Membri u lanqas ma jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat biex twaqqaf il-ksur intra-Komunitarju mfisser f’dan ir-Regolament.

(6)

Il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-ksur intra-Komunitarju jeħtieġ l-istabbiliment ta’ rettikolat ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ infurzar fil-Komunità kollha u dawn jeħtieġu minimu ta’ setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar komuni biex japplikaw dan ir-Regolament b’mod effettiv u jżommu lill-bejjiegħa u lill-fornituri milli jikkommettu ksur intra-Komunitarju.

(7)

Il-kapaċità ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw liberament fuq bażi reċiproka fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u t-teħid ta’ azzjoni biex iwaqqfu jew jipprojbixxu dan, hija essenzjali biex it-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi jkunu garantiti.

(8)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ukoll is-setgħat jew miżuri oħra mogħtija lilhom fuq livell nazzjonali, inkluż is-setgħa li jirreferu kawżi għall-prosekuzzjoni kriminali biex jaslu għall-waqfien jew għall-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju mingħajr dewmien fuq talba għall-assistenza reċiproka, fejn dan hu xieraq.

(9)

L-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun suġġetta għal garanziji mill-aktar stretti ta’ konfidenzjalità u segretezza professjonali sabiex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet ma jiġux kompromessi, jew ir-reputazzjoni tal-bejjiegħa jew tal-fornituri ma ssofrix ħsara inġusta. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (4) u r-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (5) għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(10)

L-isfidi ta’ infurzar li jeżistu jmorru lil hinn mill-fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea, u l-interessi tal-konsumaturi Ewropej jeħtieġu li jiġu protetti min-negozjanti diżonestibbażati f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu negozjati numru ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar l-assistenza reċiproka fl-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dawn il-ftehimiet internazzjonali għandhom jiġunnegozjati fil-livell tal-Komunità fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament biex tiġi żgurata l-aqwa protezzjoni tal-konsumaturi Komunitarji u t-tħaddim bla intoppi tal-kooperazzjoni dwar l-infurzar ma’ pajjiżi terzi.

(11)

Jixraq li l-attivitajiet ta’ infurzar ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ksur intra-Komunitarju jiġu koordinati fil-livell tal-Komunità sabiex titjieb l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jsir kontribut biex jogħlew il-livelli u l-konsistenza ta’ l-infurzar.

(12)

Jixraq li l-attivitajiet tal-kooperazzjoni amministrattiva ta’ l-Istati Membri, fir-rigward tad-dimensjoni intrakomunitarja tagħhom, jiġu koordinati fil-livell tal-Komunità sabiex titjieb l-applikazzjoni tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Dan l-irwol intwera digà fl-istabbiliment tar-rettikolat ekstra-ġudizzjarju Ewropew.

(13)

Fejn il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri taħt dan ir-Regolament iġib miegħu għajnuna finanzjarja mill-Komunità, id-deċiżjoni biex tingħata tali għajnuna għandha tittieħed skond il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru. 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-iffinanzjar ta’ azzjonijiet tal-Komunità li jsostnu l-politika tal-konsumatur għas-snin 2004-2007 (6), b’mod partikolari l-Azzjonijiet 5 u 10 stabbiliti fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni u Deċiżjonijiet fil-ġejjieni.

(14)

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhomrwol importanti fir-rigward ta’ l-informazzjoni, l-edukazzjoni, fil-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi, inkluż ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim u għandhom jiġu mħeġġa biex jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex tittejjeb l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(16)

Il-monitoraġġ effettiv ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-effikaċja tal-protezzjoni tal-konsumaturi jeħtieġu rapporti regolari mill-Istati Membri.

(17)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (8). Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett għal dawk id-drittijiet u prinċipji.

(18)

Peress li l-għanijiet ta’ l-azzjoni, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi għall-protezzjoni tal-konsumaturi, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għax ma jistgħux jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni meta jaġixxu waħedhom, u li għaldaqstant jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

L-Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri nominati bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma’ dawk il-liġijiet, u t-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u biex isaħħu l-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Artikolu 2

Il-Firxa

1.   Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbilita fil-Kapitoli II u III għandhom ikopru ksur intra-Komunitarju.

2.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-liġi privata internazzjonali, b’mod partikolari għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-liġi applikabbli.

3.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ċivili, b’mod partikolari l-operat tar-Rettikolat Ġudizzjarju Ewropew.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għat-twettiq mill-Istati Membri ta’ kwalunkwe obbligi addizzjonali fir-rigward ta’ assistenza reċiproka fil-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’materji kriminali, li joħorġu minn atti legali oħra, inklużi ftehim bilaterali jew multilaterali.

5.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (9).

6.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar is-suq intern, b’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi.

7.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għal-liġi tal-Komunità dwar iservizzi tax-xandir bit-televiżjoni.

Artikolu 3

Id-Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” tfisser id-Direttivi kif trasposti fl-ordni legali intern ta’ l-Istati Membri u r-Regolamenti elenkati fl-Anness;

(b)

“ksur intra-Komunitarju” tfisser kwalunkwe att jew omissjoni kontra l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, kif imfisser f’(a), u li jagħmel, jew jista’ jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li jirrisjedu fi Stat Membru jew Stati Membri barra mill-Istat Membru fejn ikun oriġina jew sar l-att jew l-omissjoni; jew fejn ikun stabbilit il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli; jew fejn jinsabu l-provi jew l-assi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-att jew l-omissjoni;

(ċ)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet speċifiċi sabiex tinforza l-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(d)

“uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni” tfisser l-awtorità pubblika f’kull Stat Membru maħtura biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru;

(e)

“uffiċjal kompetenti” tfisser uffiċjal wieħed ta’ awtorità kompetenti maħtura bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(f)

“awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għall-assistenza reċiproka;

(g)

“awtorità mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti li tirċievi talba għall-assistenza reċiproka;

(h)

“bejjiegħ jew fornitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, taġixxi għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(i)

“attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq” tfisser l-azzjonijiet ta’ awtorità kompetenti intiżi biex jiskopru jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju fit-territorju tagħha;

(j)

“ilment ta’ konsumatur” tfisser dikjarazzjoni sostnuta minn provi raġonevoli, li bejjiegħ jew fornitur ikkommetta, jew x’aktarx se jikkommetti, ksur tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(k)

“interessi kollettivi tal-konsumaturi” tfisser l-interessi ta’ għadd ta’ konsumaturi li sofrew ħsara jew li jistgħu jsofru ħsara minn ksur ta’ Regolament.

Artikolu 4

L-Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti u uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru jista’, fejn meħtieġ biex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament, jinnomina awtoritajiet pubbliċi oħra. Jista’ jinnomina wkoll korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju skond l-Artikolu 8(3).

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, bla preġudizzju għall-paragrafu 4, is-setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jeżerċitawhom skond il-liġi nazzjonali.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 skond il-liġi nazzjonali jew:

(a)

b’mod dirett taħt l-awtorità tagħhom jew taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji; jew

(b)

b’applikazzjoni lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell jekk l-applikazzjoni biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa ma tirnexxix.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’applikazzjoni lill-qrati skond il-paragrafu 4(b), dawk il-qrati għandhom ikunu kompetenti biex jagħtu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

6.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati biss fejn hemm suspett raġonevoli ta’ ksur intra-Komunitarju u għandhom jinkludu, għall-inqas, id-dritt:

(a)

li jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument rilevanti fi kwalunkwe forma li għandu x’jaqsam mal-ksur intra-Komunitarju;

(b)

jingħataw minn kwalunkwe persuna l-informazzjoni rilevanti li għandha x’taqsam mal-ksur intra-Komunitarju;

(ċ)

li jagħmlu spezzjonijiet meħtieġa fuq il-post;

(d)

li jitolbu bil-miktub li l-bejjiegħ jew il-fornitur konċernat iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju;

(e)

li jiksbu migħand il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli minn ksur intra-Komunitarju impenn biex iwaqqaf il-ksur intra-Komunitarju; u, fejn xieraq, li jippubblikaw l-impenn li jirriżulta;

(f)

li jesiġu li jieqaf jew jitrażżan kwalunkwe ksur intra-Komunitarju u, fejn xieraq, jippubblikaw id-deċiżjonijiet li jirriżultaw;

(g)

li jeħtieġu li l-konvenut tellief jagħmel ħlasijiet favur fondi pubbliċi jew kwalunkwe benefiċjarju nominat fi jew taħt il-liġi nazzjonali, jekk dan ma jikkonformax mad-deċiżjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi xierqa meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-uffiċjali kompetenti għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għal proċeduri interni jew regoli ta’mġieba xierqa li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, imparzjalità proċedurali u l-osservanza tajba tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.

8.   Kull awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku ġenerali bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet li tkun ingħatat taħt dan ir-Regolament u għandha tinnomina uffiċjali kompetenti.

Artikolu 5

Il-Listi

1.   Kull Stat membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-identitajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra u korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-lista ta’ l-uffiċċji ewlenija ta’ kooperazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU II

L-ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 6

L-Iskambju ta’ informazzjoni fuq talba

1.   Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha, skond l-Artikolu 4, tagħti, bla dewmien, kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ikunx sar ksur intra-Komunitarju jew jekk hemmx suspett raġonevoli li dan jista’ jsir.

2.   L-Awtorità mitluba għandha tagħmel, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, l-investigazzjonijiet xierqa jew tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa jew xierqa skond l-Artikolu 4, biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa.

3.   Fuq talba ta’ l-awtorità applikanti, l-Awtorità mitluba tista’ tippermetti lil xi uffiċjal kompetenti ta’ l-awtorità applikanti li jakkumpanja l-uffiċjali ta’ l-Awtorità mitluba waqt l-investigazzjonijiet tagħhom.

4.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 7

L-Iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba

1.   Meta awtorità kompetenti ssir taf dwar ksur intra-Komunitarju, jew ikollha suspett raġonevoli li tali ksur jista’ jseħħ, għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra rilevanti u lill-Kummissjoni, u tagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa, bla dewmien.

2.   Meta awtorità kompetenti tieħu miżuri oħra ta’ infurzar jew tirċievi talbiet għall-assistenza reċiproka fir-rigward ta’ ksur intra-Komunitarju, għandha tgħarraf l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

3.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 (2).

Artikolu 8

It-Talbiet għal miżuri ta’ infurzar

1.   Awtorità mitluba għandha, fuq talba minn awtorità applikanti, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twaqqaf jew tipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien.

2.   Biex twettaq l-obbligi tagħha skond il-paragrafu 1, l-Awtorità mitluba għandha teżerċita s-setgħat stabbiliti skond l-Artikolu 4 (6) u kwalunkwe setgħat addizzjonali mogħtija lilha skond il-liġi nazzjonali. L-Awtorità mitluba għandha tiddetermina, jekk meħtieġ bl-għajnuna ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex iseħħ il-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

3.   L-Awtorità mitluba tista’ twettaq ukol l-obbligi tagħha taħt il-paragrafi 1 u 2 billi tordna lil korp nominat skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4 (2) bħala li għandu interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex jieħu l-miżuri meħtieġa kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu taħt il-liġi nazzjonali biex iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju għan-nom ta’ l-Awtorità mitluba. Jekk il-korp ma jirnexxilux iwaqqaf jew jipprojbixxi l-ksur intra-Komunitarju bla dewmien, l-obbligi ta’ l-Awtorità mitluba taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jibqgħu.

4.   L-Awtorità mitluba tista’ tieħu biss il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 3 jekk, wara li tikkonsulta l-awtorità applikanti dwar l-użu ta’ dawn il-miżuri, kemm l-applikant u kemm l-Awtorità mitluba jaqblu li:

l-użu tal-miżuri f’paragrafu 3 x’aktarx iwassal għall-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur intra-Komunitarju b’mod effiċjenti u effettiv għall-inqas daqs azzjoni mill-Awtorità mitluba;

u

l-ordni lill-korp deskritt taħt il-liġi nazzjonali ma tikkawża ebda kxif lil dak il-korp ta’ informazzjoni protetta taħt l-Artikolu 13.

5.   Jekk l-awtorità applikanti hija ta’ l-opinjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-paragrafu 4 mhumiex imwettqa, għandha tgħarraf bil-miktub lill-Awtorità mitluba, u tagħti r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha. Jekk l-awtorità applikanti u l-Awtorità mitluba ma jaqblux, l-Awtorità mitluba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

6.   L-Awtorità mitluba tista’ tikkonsulta ma’ l-awtorità applikanti waqt it-teħid ta’ miżuri ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità mitluba għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtorità applikanti, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u l-effetti tagħhom fuq il-ksur intra-Komunitarju, inkluż jekk dan ikunx waqaf.

7.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 9

Il-Koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar. Għandhom ipartu kull informazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan.

2.   Meta awtoritajiet kompetenti jsiru jafu li xi ksur intra-Komunitarju jagħmel ħsara lill-konsumaturi f’iżjed minn żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti konċernati għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ l-infurzar u t-talbiet għall-assistenza reċiproka tagħhom permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni. B’mod partikolari għandhom ifittxu li jwettqu investigazzjonijiet u jieħdu miżuri ta’ infurzar simultanji.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-quddiem dwar din il-koordinazzjoni u jistgħu jistiednu lill-uffiċċjali u lil persuni oħra li jakkumpanjawhom u li jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni biex jieħdu sehem.

4.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 10

Id-Database

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm database elettronika li fiha għandha taħżen u tipproċessa l-informazzjoni li tirċievi skond l-Artikoli 7, 8 u 9. Id-database għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom biex jgħarrfu informazzjoni sabiex tinħażen fid-database u l-ipproċessar ta’ data personali involuta f’dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitqiesu bħala kontrolluri skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha taħt dan l-Artikolu u l-ipproċessar ta’ data personali involut fih, il-Kummissjoni għandha tkun meqjusa bħala kontrollur skond l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001.

2.   Meta awtorità kompetenti tistabbilixxi li notifika ta’ ksur intra-Komunitarju li hi għamlet skond l-Artikolu 7 kienet sussegwentement ippruvata li kienet bla bażi, għandha tirtira n-notifika u l-Kummissjoni għandha bla dewmien tneħħi l-informazzjoni minn fuq id-database. Meta Awtorità mitluba tgħarraf lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(6) li ksur intra-Komunitarju jkun waqaf, id-data miżmuma dwar il-ksur intra-Komunitarju għandha titħassar ħames snin wara n-notifika.

3.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

KAPITOLU III

IL-KONDIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 11

Ir-Responsabbiltajiet ġenerali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament bħallikieku qed jaġixxu għan-nom tal-konsumaturi f’pajjiżhom u għan-nom tagħhom stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti oħra f’pajjiżhom stess.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi li jkollhom interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju maħtura minnhom, u l-qrati kompetenti, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe korp ieħor li jkollu interess leġittimu taħt il-liġi nazzjonali fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju biex ikun żgurat li ksur intra-Komunitarju potenzjali jiġi notifikat lill-awtoritajiet kompetenti bla dewmien.

Artikolu 12

Il-Proċeduri ta’ talba għall-assistenza reċiproka u ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtorità applikanti għandha tiżgura li t-talbiet kollha għall-assistenza reċiproka jkun fihom biżżejjed informazzjoni biex jgħinu lill-Awtorità mitluba biex twettaq it-talba, inkluż kull prova meħtieġa li tista’ tinkiseb biss fit-territorju ta’ l-awtorità applikanti.

2.   Talbiet għandhom jintbagħtu mill-awtorità applikanti lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba, permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti. It-talbiet għandhom jintbagħtu mill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni ta’ l-Awtorità mitluba lill-awtorità kompetenti xierqa bla dewmien.

3.   Talbiet għall-assistenza u l-komunikazzjoni kollha ta’ informazzjoni għandhom isiru bil-miktub, bl-użu ta’ formola standard u jiġu komunikati b’mezz elettroniku permezz tad-database stabbilit fl-Artikolu 10.

4.   Il-lingwi użati għat-talbiet u għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni għandhom jiġu miftehma mill-awtoritajiet kompetenti in kwistjoni qabel ma jsiru t-talbiet. Jekk ma jista’ jintlaħaq ebda ftehim, it-talbiet għandhom jiġu komunikati fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti u risposti fil-lingwa(i) uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba.

5.   Informazzjoni komunikata wara talba għandha tiġi komunikata direttament lill-awtorità applikanti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtorità applikanti u dik mitluba fl-istess ħin.

6.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 13

L-Użu ta’ informazzjoni u protezzjoni ta’ data personali, is-segretezza professjonali u kummerċjali

1.   Informazzjoni mogħtija tista’ tintuża biss biex il-konformità mal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi tkun żgurata.

2.   Awtoritajiet kompetenti jistgħu jinvokaw bħala prova kwalunkwe informazzjoni, dokumenti, sejbiet, stqarrijiet, kopji veri, awtentikati jew informazzjoni sigrieta komunikata, fuq l-istess bażi bħal ngħidu aħna dokumenti simili miksuba f’pajjiżhom stess.

3.   Informazzjoni komunikata fi kwalunkwe forma lil persuni li jaħdmu għall-awtoritajiet kompetenti, il-qrati, awtoritajiet pubbliċi oħra u l-Kummissjoni, inkluża informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni u maħżuna fuq id-database imsemmi fl-Artikolu 10a, li jekk tiġi żvelata timmina:

il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali;

proċedimenti fil-qorti u pariri legali;

jew

l-għan ta’ l-ispezzjonijiet jew l-investigazzjonijiet,

għandha tkun konfidenzjali u koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali, ħlief jekk l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ biex iwaqqaf jew jipprojbixxi ksur intra-Komunitarju u l-awtorità li tikkomunika l-informazzjoni taqbel li jiġi żvelat.

4.   Għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri leġislattivi meħtieġa biex jirrestrinġu d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 10, 11 u 12 tad-Direttiva 95/46/KE kif meħtieġ biex jipproteġu l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (f) ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tirrestringi d-drittijiet u l-obbligi taħt l-Artikoli 4(1), 11, 12(1), 13 sa 17 u 37(1) tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001 fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex tipproteġi l-interessi msemmija fl-Artikolu 20(1)(a) u (e) ta’ dak ir-Regolament.

5.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 14

L-Iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   Meta awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz, għandha tagħti l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ Stati Membri oħra, sakemm dan hu permess minn ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali.

2.   Informazzjoni komunikata taħt dan ir-Regolament tista’ tkun komunikata wkoll lil awtorità ta’ pajjiż terz minn awtorità kompetenti taħt ftehim ta’ assistenza bilaterali mal-pajjiż terz, kemm-il darba jkun inkiseb il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti li kienet oriġinarjament forniet l-informazzjoni u skond il-leġislazzjoni tal-Komunità fir-rigward tal-protezzjoni ta’ individwi dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

Artikolu 15

Il-Kondizzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għal kull talba għar-rimborż ta’ spejjeż minfuqa fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lejn l-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba għal kwalunkwe spejjeż u kwalunkwe telf li jsofri minħabba miżuri li jinstab li kienu bla bażi minn qorti f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostanza tal-ksur intra-Komunitarju.

2.   L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 8, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, jekk:

(a)

proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew dik applikanti;

(b)

fl-opinjoni tagħha wara investigazzjoni xierqa mill-Awtorità mitluba, ma jkun sar ebda ksur intra-Komunitarju;

jew

(ċ)

fl-opinjoni tagħha l-awtorità applikanti ma tatx biżżejjed informazzjoni skond l-Artikolu 12(1) ħlief meta l-Awtorità mitluba tkun digà rrifjutat li tikkonforma ma’ talba taħt il-paragrafu (3)(ċ) fir-rigward ta’ l-istess ksur intra-Komunitarju.

3.   L-Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 6 jekk:

(a)

fl-opinjoni tagħha, wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità applikanti, l-informazzjoni mitluba mhix meħtieġa mill-Awtorità applikanti biex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur intra-Komunitarju jew biex ikun stabbilit jekk hemmx suspett raġjonevoli li dan jista’ jiġri; jew

(b)

l-awtorità applikanti ma taqbilx li l-informazzjoni hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13(3);

jew

(ċ)

investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.

4.   Awtorità mitluba tista’ tiddeċiedi li ma tikkonformax ma’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 7 jekk investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat dwar l-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ l-Awtorità mitluba jew applikanti.

5.   L-Awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom tkun qed tirrifjuta talba għall-assistenza. L-awtorità applikanti tista’ tirreferi l-każ lill-Kummissjoni li għandha tagħti opinjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

6.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

KAPITOLU IV

L-ATTIVITAJIET TAL-KOMUNITÀ

Artikolu 16

Il-Koordinazzjoni ta’ l-infurzar

1.   Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:

(a)

it-taħriġ ta’ l-uffiċjali tagħhom għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi taħriġ fil-lingwa u l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ taħriġ;

(b)

il-ġbir u klassifikazzjoni ta’ ilmenti tal-konsumaturi:

(ċ)

l-iżvilupp ta’ rettikolati skond is-settur ta’ uffiċjali kompetenti;

(d)

l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

(e)

l-iżvilupp ta’ standards, metodoloġiji u linji gwida għall-uffiċjali għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi;

(f)

l-iskambju ta’ l-uffiċjali tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (f). L-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-klassifikazzjoni ta’ l-ilmenti minn konsumaturi.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiskambjaw uffiċjali kompetenti biex itejbu l-kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jgħinu lill-uffiċjali kompetenti li jkunu ġew skambjati biex jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet ta’ l-awtorità kompetenti. Għal dan il-għan tali uffiċjali kompetenti għandhom jiġu awtorizzati biex iwettqu d-doveri li jkunu ngħataw mill-awtorità kompetenti li tkun stednithom skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru tagħha.

3.   Waqt l-iskambju r-responsabbiltà ċivili u kriminali ta’ l-uffiċjal kompetenti għandha tiġi trattata bl-istess mod bħal dik ta’ l-uffiċjali ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom. L-uffiċjali kompetenti skambjati għandhom josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għar-regoli interni xierqa ta’ mġieba ta’ l-awtorità kompetenti li tkun stednithom, li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, l-imparzjalità fil-proċedura u l-osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 13.

4.   Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 17

Il-Kooperazzjoni amministrattiva

1.   Safejn meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ interess għall-Komunità f’oqsma bħal:

(a)

l-informazzjoni lill-konsumaturi u pariri lilhom;

(b)

l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ rappreżentanti tal-konsumaturi;

(ċ)

l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ korpi responsabbli għal ftehim ekstra-ġudizzjarju ta’ tilwim li jinvolvi konsumaturi;

(d)

l-appoġġ għall-aċċess għall-ġustizzja mill-konsumaturi; u

(e)

l-ġbir ta’ stastistika, r-riżultati ta’ riċerka u informazzjoni oħra dwar l-imġieba, l-attitudni u r-riżultati tal-konsumaturi.

L-Istati Membri jistgħu, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jwettqu attivitajiet komuni fl-oqsma msemmija minn (a) sa (e). L-Istati Membri għandhom ukoll, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw qafas komuni għall-attivitajiet imsemmija f’(e).

2.   Il-miżuri tal-Komunità meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet komuni, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 18

Il-Ftehim internazzjonali

Il-Komunità għandha tikkopera ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex ittejjeb il-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. L-arranġamenti għall-kooperazzjoni, inklużi arranġamenti għall-istabbiliment ta’ assistenza reċiproka, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-partijiet terzi kkonċernati.

KAPITOLU V

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Il-Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat.

2.   Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 20

Id-Dmirijiet tal-Kumitat

1.   Il-Kumitat jista’ jeżamina l-materji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imqajjma mill-president tiegħu, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2.   B’mod partikolari, għandu jeżamina u jevalwa kif qed jaħdmu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni previsti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Ir-Rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li jadottaw, jew ta’ ftehim, ħlief biex jittrattaw każijiet individwali, li huma jikkonkludu dwar materji koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Kull sentejn mid-data meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-rapporti disponibbli għall-pubbliku.

3.   Ir-rapporti nazzjonali għandhom jindirizzaw:

(a)

kwalunkwe informazzjoni ġdida dwar l-organizzazzjoni, s-setgħat, ir-riżorsi jew ir-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

kwalunkwe informazzjoni dwar xejriet, mezzi jew metodi ta’ ksur intra-Komunitarju, b’mod partikolari dawk li jkunu wrew nuqqasijiet jew lacunae f’dan ir-Regolament jew fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(ċ)

kwalunkwe informazzjoni dwar tekniċi ta’ infurzar li wrew li kienu effettivi;

(d)

statistiċi fil-qosor dwar attivitajiet ta’ awtoritajiet kompetenti, bħal azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, ilmenti li jkunu rċevew, azzjonijiet ta’ infurzar u sentenzi;

(e)

taqsiriet ta’ sentenzi interpretattivi nazzjonali sinifikanti fil-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi; u

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 22

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-29 ta’ Diċembru 2005.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka stabbiliti fil-Kapitoli II u III għandhom japplikaw mit-29 ta’ Diċembru 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 27 ta’ Ottubru 2004

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J.P.BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A.NICOLAI


(1)  ĠU Ċ 108, tat-30.4.2004, p. 86.

(2)  opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta’ April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2004.

(3)  ĠU Ċ 224, ta’ l-01.08.1996, p. 3

(4)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU L tal-5.1.2004, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(7)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU C 364, tat-18.2.2000, p. 1.

(9)  ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).


ANNESS

Direttivi u regolamenti koperti bl-artikolu 3(a) (1)

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tat-23.10.1997 p. 18).

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tipproteġi lill-konsumatur rigward kuntratti innegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 31).

3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU L 42, tat-12.2.1987, p. 48). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 98/7/KE (ĠU L 101, ta’ l-1.4.1998, p. 17).

4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, Regolament jew azzjoni amministrattiva fi Stati Membri fir-rigward ta l-eżerċitar ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni: L-Artikoli 10 sa 21 (ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż (package travel), il-vaganzi inklużi u t-tours kollox inklużi (ĠU L 158, tat-23. 6.1990, p. 59).

6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/995/KEE (ĠU L 353, tat-30.12.2002, p. 1).

7)

Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83).

8)

Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod(ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).

9)

Id-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997 li temenda d-Direttiva 84/450/KEE rigward reklamar qarrieqi sabiex tinkludi riklamar komparattiv.

10)

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80 tat-18.3.1998, p. 27).

11)

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12).

12)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar certi aspetti legali tas-servizzi minn socjetà ta’ l-informatika, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, tas-17.7.2000 p. 1).

13)

Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li ghandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem: l-Artikoli 86 sa 100 (ĠU L 311, tat-28.11.2001 p. 67). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004 p. 34).

14)

Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumaturi.

15)

Ir-Regolament (KE) Nru. 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar kumpens u assistenza lill-passiġġieri ta’ l-ajru meta jitħallew l-art jew f’każ ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet (ĠU L 46, tas-17.2.2004, p. 1).


(1)  Id-Direttivi Nri. 1, 6, 8 u 13 fihom dispożizzjonijiet speċifiċi.