20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/89


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010

(2012/804/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (2) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010, ir-Riżoluzzjoni li takkumpanjaha u t-tweġibiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija,

wara li kkunsidra t-Trattat FUE, u b’mod partikulari l-Artikolu 319 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar l-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-qafas Ewropew għall-informazzjoni u osservazzjoni ambjentali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (5), u b’mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni anness magħha, miftehma f’Ġunju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala riżultat tax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati maħluq f’Marzu 2009, u b’mod partikulari t-taqsimiet dwar il-governanza, l-operat, l-ipprogrammar, ir-responsabilità u t-trasparenza tal-Approċċ Komuni,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0300/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura/tiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 57.

(2)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 356.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1.

(5)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2012

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (2) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2010, ir-Riżoluzzjoni li takkumpanjaha u t-tweġibiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija,

wara li kkunsidra t-Trattat FUE, u b’mod partikulari l-Artikolu 319 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar l-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-qafas Ewropew għall-informazzjoni u osservazzjoni ambjentali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (5), u b’mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni anness magħha, miftehma f’Ġunju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala riżultat tax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati maħluq f’Marzu 2009, u b’mod partikulari t-taqsimiet dwar il-governanza, l-operat, l-ipprogrammar, ir-responsabilità u t-trasparenza tal-Approċċ Komuni,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0300/2012),

A.

billi fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Parlament Ewropew ippospona d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza u l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2010,

B.

billi l-Aġenzija pprovdiet ir-risposti lill-awtorità ta’ kwittanza permezz ta’ ittri bid-dati tal-24 ta’ Mejju, il-15 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju 2012; billi l-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija pprovda lill-awtorità ta’ kwittanza b’informazzjoni dwar il-miżuri meħuda wara li ġiet posposta l-kwittanza permezz ta’ ittra bid-data tas-6 ta’ Ġunju 2012,

C.

billi l-kwittanza hija strument validu tal-Parlament Ewropew biex jivvaluta kif għandhom jintefqu s-sussidji tal-Unjoni abbażi ta’ argumenti fattwali u sostantivi; ifakkar, f’dan il-kuntest, ir-regoli eżistenti, jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ewropea, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-regolament ta’ bażi tal-Aġenzija u l-politiki u l-proċeduri speċifiċi rispettivi stabbiliti mill-Aġenzija,

D.

billi l-baġit tal-Aġenzija għas-sena 2010 kien ta’ EUR 50 600 000, li huwa 26 % aktar minn dak tal-2009; billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kienet EUR 35 258 000, meta mqabbla ma’ EUR 34 560 000 fl-2009, jiġifieri żieda ta’ 2 %,

1.

Minn dejjem laqa’ tajjeb il-forniment professjonali, affidabbli u indipendenti ta’ informazzjoni mill-Aġenzija lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-korpi kollha tal-Unjoni għat-tfassil tal-politika, u jistenna li dan it-tip ta’ professjonalità jkompli fil-futur;

2.

Jinnota li l-livelli ta’ eżekuzzjoni tal-baġit min-naħa tal-Aġenzija, f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu 100 % u 90,75 % rispettivament;

3.

Jindika l-paragrafu 16 tal-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati; jistenna, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-aġenzija, proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti fir-rigward tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv f’Ġunju 2013, li tiggarantixxi evalwazzjoni akkurata tal-kandidati u livell għoli ta’ indipendenza; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li jsir smigħ tal-kandidati fil-kumitati kompetenti fil-Parlament bħala parti mill-proċedura għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Ifakkar li għal ħames xhur, mit-22 ta’ Mejju 2010 sa Ottubru 2010, l-Aġenzija ksiet il-bini tagħha b’Faċċata Ħadra li swiet EUR 294 641, u ma nħarġet l-ebda sejħa għall-offerti;

5.

Ifakkar li sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-Faċċata Ħadra, il-linja tal-baġit “2140 — Sistemazzjoni tal-uffiċċji” issaħħet permezz ta’ trasferiment tal-baġit ta’ EUR 180 872, meħuda mil-linja tal-baġit “2100 — Kera” fid-9 ta’ April 2010;

6.

Jitlob għaldaqstant lill-Aġenzija tistabbilixxi regoli interni ċari għall-użu tal-Artikolu 126(1)(b) tar-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju; jinnota li l-Bord ta’ Tmexxija ddeċieda li jimplimenta kontrolli ex ante fuq infiq eċċezzjonali;

7.

Huwa konvint bis-sħiħ li għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa jekk ikun hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli eżistenti; jemmen li, f’tali każijiet, l-Aġenzija jeħtiġilha tfassal pjan ta’ azzjoni flimkien ma’ skeda ta’ żmien preċiża, bil-għan li tirrimedja l-problemi, li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tkun sorveljata mill-Parlament Ewropew, u li dawk il-problemi għandhom ikunu indirizzati billi jinbidlu r-regoli u r-regolamenti eżistenti ħalli jeliminaw il-lakuni possibbli;

Riżorsi umani

8.

Jinnota li l-Aġenzija ospitat tnax-il xjentist sabiex jaħdmu fil-bini tagħha mingħajr ma ppubblikat il-curriculum vitae għal 11 minnhom - inkluż tal-anqas l-isfond edukattiv u professjonali; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Bord Amministrattiv li r-regoli dwar l-għażla u l-kondotta tax-xjenzati mistiedna se jissaħħu sabiex jiġu żgurati ċarezza u trasparenza akbar u li l-politika attwali tal-Aġenzija dwar l-ospitalità ta’ xjenzati qed tiġi riveduta;

9.

Ifakkar li minn Ġunju 2010 sa April 2011, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija kienet trustee u membru tal-Bord Konsultattiv Internazzjonali tal-NGO Earthwatch, karità ambjentali internazzjonali, u kien ġie rrapurtat ħażin li kienet membru tal-Bord Konsultattiv Ewropew ta’ Worldwatch Europe; jagħraf li rriżenjat mill-kariga tagħha f’Earthwatch wara parir mill-President tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ possibbiltà ta’ kunflitt tal-interessi;

10.

Jinnota li fi Frar 2010, qabel ma li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija kienet direttament involuta mal-Earthwatch, ġie kkuntrattat taħriġ għal 29 membru tal-istaff tal-Aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, li marru jwettqu sa 10 ijiem ta’ riċerka fi proġetti differenti ta’ bijodiversità fil-Karibew jew fil-Mediterran immaniġġjati mill-Earthwatch u li l-Aġenzija ħallset lill-NGO it-total ta’ EUR 33 791,28, kif ġie ddikjarat mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija; jinnota wkoll li r-rapport finali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2010 ma kellu l-ebda sejba dwar kwalunkwe kunflitt ta’ interess f’dan ir-rigward;

11.

Jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija li jiġu implimentati kontrolli ex ante fuq is-sħubija tad-Direttur Eżekuttiv f’bordijiet esterni u fuq il-politika tat-taħriġ tal-Aġenzija;

12.

Jinnota l-garanzija tal-Aġenzija li f’Novembru 2010 il-Worldwatch Institute Europe rreġistra l-indirizz tal-Aġenzija bħala l-indirizz ta’ kuntatt mingħajr il-kunsens tal-Aġenzija; jinnota wkoll li d-Direttur Eżekuttiv tal-Worldwatch Institute Europe kien xjenzat mistieden tal-Aġenzija; jitlob lill-Aġenzija tiżgura ċarezza assoluta f’kull arranġament futur għal xjenzat mistieden; jinnota wkoll li:

fl-ittra tal-11 ta’ April 2012, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija iddikjarat li meta l-EEA nġibditilha l-attenzjoni li Worldwatch Institute Europe kien ippubblika fil-websajt tiegħu li kien ġie stabbilit uffiċċju Ewropew fil-bini tal-Aġenzija, ittieħdet azzjoni immedjata;

l-att kostituttiv tal-Worldwatch Institute Europe juri li dan ġie stabbilit fil-5 ta’ Novembru 2010 fil-bini tal-Aġenzija;

barra minn hekk it-tnedija ta’ Worldwatch Institute Europe seħħet fil-bini tal-Aġenzija fil-25 ta’ Frar 2011 u d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija kienet kelliem mistieden kif jidher mill-websajt ta’ Worldwatch Institute Europe;

13.

Jinnota li l-Aġenzija ħejjiet politika dwar il-kunflitti ta’ nteress u pjan ta’ azzjoni aġġornati, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-Aġenzija tagħmel pubbliku l-abbozz u tippromwovi dibattitu dwar il-politika u l-pjan ta’ azzjoni qabel ma jitressqu lill-Bord ta’ Tmexxija;

14.

Jinnota li l-curriculum vitae tal-persunal maniġerjali u tal-membri tal-kumitat xjentifiku saru disponibbli fuq il-websajt tal-Aġenzija; jinnota barra minn hekk li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-kumitat xjentifiku wkoll saru disponibbli; jenfasizza li għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Aġenzija b’ittra tal-15 ta’ Ġunju 2012, l-ebda curriculum vitae tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ma hu attwalment disponibbli fuq il-websajt tagħha u josserva li huwa pprovdut biss link għall-organizzazzjoni tagħhom; jistieden lill-Aġenzija, fi sforz sabiex tiġi promossa trasparenza akbar fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kunflitti ta’ interess, sabiex jiġu ppubblikati fuq il-websajt tagħha, id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi u l-curriculum vitae tal-esperti, ix-xjentisti mistiedna futuri u l-membri tal-Bord ta’ Tmexxija; huwa tal-opinjoni li miżuri bħal dawn jippermettu lill-awtorità ta’ kwittanza u lill-pubbliku josservaw il-kwalifiki tagħhom u jipprevjenu kunflitt ta’ interessi potenzjali;

15.

Jistenna li jirċievi informazzjoni dwar investigazzjonijiet amministrattivi kontinwi relatati mal-Aġenzija;

16.

Jenfasizza li l-kumitat responsabbli huwa f’kuntatt mill-qrib mal-Aġenzija billi stieden id-Direttur Eżekuttiv għal skambju ta’ fehmiet minn tal-anqas darba fis-sena, billi jinħatar persuna ta’ kuntatt minn fost il-membri tiegħu u billi l-Aġenzija tinżar fuq bażi regolari; jinnota li l-aħħar żjara saret f’Settembru 2011;

17.

Jenfasizza li l-Aġenzija hija meħtieġa tistabbilixxi kuntatti xierqa mal-partijiet interessati u tikkoopera mal-partijiet interessati bħalma huma organizzazzjonijiet esterni; jinnota li dawk l-attivitajiet ma ġewx akkompanjati minn miżuri u regoli rispettivi sabiex jiġi eskluż ir-riskju possibbli fir-rigward tar-reputazzjoni; jilqa’, għalhekk, l-impenn mill-Bord ta’ Ġestjoni u d-Direttur Eżekuttiv li jieħdu passi xierqa sabiex dawk ir-riskji jiġu eliminati immedjatament;

18.

Jilqa’, b’mod ġenerali, id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati fuq imsemmija li tindirizza u timplimenta ċerti elementi ta’ importanza għall-proċedura ta’ kwittanza u jemmen li l-pjan direzzjonali dwar is-segwitu tal-Approċċ Komuni, li għandu jkun ippreżentat mill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2012, iqis kif jistħoqq dawn il-kwestjonijiet;;

Prestazzjoni

19.

Huwa konxju li l-Aġenzija attwalment suġġetta għal evalwazzjoni perjodika esterna li għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ta’ kwittanza fl-2013; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, li l-proċessi interni tal-Aġenzija se jiġu inklużi fl-evalwazzjoni;

20.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il- kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-Aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 57.

(2)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 356.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1.

(5)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 388.