20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/82


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010

(2012/802/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (2) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010, ir-Riżoluzzjoni li takkumpanjaha kif ukoll it-tweġibiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija,

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni anness magħha, miftehma f’Ġunju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala riżultat tax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati maħluq f’Marzu 2009, u b’mod partikulari t-taqsimiet dwar il-governanza, l-operat, l-ipprogrammar, ir-responsabilità u t-trasparenza tal-Approċċ Komuni,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0298/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 27.

(2)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 377.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ Ottubru 2012

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (2) li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2010, kif ukoll it-tweġibiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija,

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b’mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni anness magħha, miftehma f’Ġunju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala riżultat tax-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati maħluq f’Marzu 2009, u b’mod partikulari t-taqsimiet dwar il-governanza, l-operat, l-ipprogrammar, ir-responsabilità u t-trasparenza tal-Approċċ Komuni,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0298/2012),

A.

billi fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Parlament Ewropew ippospona d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza u l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2010,

B.

billi l-Aġenzija indirizzat il-biċċa l-kbira tad-dgħufijiet enfasizzati fir-rapport tal-10 ta’ Mejju 2012, u pprovdiet lill-awtorità ta’ kwittanza b’informazzjoni sostanzjali permezz ta’ ittri tat-2 u s-6 ta’ Lulju 2012 u tat-2, is-7 u l-24 ta’ Awwissu 2012,

C.

Billi l-kwittanza hija strument validu tal-Parlament Ewropew, li titlob it-teħid ta’deċiżjoni msejsa fuq argumenti ta’ fatti u sostantivi; ifakkar, f’dan il-kuntest, ir-regoli eżistenti, jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali oħra tal-Komunità Ewropea, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-regolament ta’ bażi u l-politiki u l-proċeduri speċifiċi rispettivi stabbiliti mill-Aġenzija;

1.

Ifakkar fl-importanza tax-xogħol tal-Aġenzija li tipprovdi l-aħjar konsulenza xjentifika possibbli lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kwalunkwe kwestjoni relatata mal-evalwazzjoni tal-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja ta’ prodotti mediċinali għal użu fil-bniedem u veterinarju;

Is-segwitu tal-kwittanza tal-2009

2.

Jinnota li nhar is-7 ta’ Ġunju 2012, il-Bord Amministrattiv approva l-istruttura u l-ambitu ġodda tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Proċeduri ta’ Akkwist u l-Kuntratti; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija implimentat pjan pluriennali dwar il-proċeduri ta’ akkwist għall-2012–2014 kif mitlub mill-awtorità ta’ kwittanza fir-rapport tagħha dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2009;

Riporti ta’ approprjazzjonijiet u kanċellazzjonijiet

3.

Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li, fis-sena finanzjarja 2010, ġie riportat livell għoli ta’ fondi, li kien hemm nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija saħħet il-proċeduri tagħha għat-tbassir tad-dħul mill-miżati billi ħolqot tim li janalizza, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija farmaċewtika, l-istatus ta’ riċerka dwar prodott farmaċewtiku qabel ma’ jippreżentaha lill-Aġenzija; jinnota l-impenn sod tal-Aġenzija li taħdem mad-Direttorat Ġenerali tal-Baġit tal-Kummissjoni sabiex tikseb qafas stabbli bir-reviżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju Qafas;

4.

Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi kollha fil-livell eżekuttiv u ammistrattiv tal-Aġenzija biex tirriforma s-sistema ta’ ħlasijiet għas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li għandha tkun espressament ibbażata fuq spejjeż reali; jilqa’ għaldaqstant l-inizjattiva tal-Aġenzija li tħejjija proposta ġdida xi tressaq lill-Bord Amministrattiv; iħeġġeġ u jistenna lill-Bord Amministrattiv jiddiskuti u jiddeċiedi dwar din is-sistema ta’ ħlasijiet bla dewmien;

Trasparenza u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess

5.

Jieħu nota li l-Aġenzija qed torganizza għal Novembru 2012, workshop li jiġbor flimkien firxa estensiva ta’ partijiet interessati bil-ħsieb li jiġu żviluppati l-modalitajiet biex jingħata aċċess pubbliku għad-data dwar il-provi kliniċi u li l-għażla u t-taħriġ tal-persunal xjentifiku tal-Aġenzija mmirati lejn it-tisħiħ tal-analiżi tad-data mhux ipproċessati qegħdin fi stadju avvanzat sew;

6.

Josserva li l-Aġenzija tejbet l-ambitu u l-metodoloġija tal-kontrolli ex ante u ex post sistematiċi relatati mal-kontroll tad-dikjarazzjoni tal-interessi, kif ukoll jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li twettaq valutazzjoni kull sena dwar il-politika riveduta tagħha dwar id-Dikjarazzjoni tal-Interessi; jistieden għaldaqstant lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità tal-kwittanza informata dwar l-implimentazzjoni tal-politika riveduta tagħha u b’mod partikulari dwar il-kontrolli ex ante u ex post sistematiċi tagħha kull sitt shur;

7.

Jinnota b’sodisfazzjoni li l-Aġenzija bdiet tippubblika l-minuti ta’ xi laqgħat tal-kumitati xjentifiċi, mil-laqgħa tal-Kumitat Pedjatriku f’Ġunju 2012; jieħu nota li l-proċess għall-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat kollha tal-kumitati xjentifiċi se jitlesta biss fi tmiem l-2013.

8.

Jinnota li t-tħassib li tqajjem fir-rigward taċ-ċirkwiti finanzjarji u l-kunflitti ta’ interessi potenzjali fl-ipproċessar tal-ħlasijiet minħabba li m’hemmx biżżejjed segregazzjoni tad-dmirijiet ġie indirizzat mill-Aġenzija bl-introduzzjoni tas-SAP, softwer għall-kontabilità, bħala s-sistema finanzjarja ċentrali tagħha;

9.

Jenfasizza li, f’Ġunju 2012, fl-Aġenzija seħħ każ ta’ “revolving door” (uffiċjali ta’ livell għoli li jiċċaqalqu mis-settur pubbliku għal dak privat f’qasam relatat), meta l-Kap preċedenti tas-Servizz Legali ġie impjegat bħala avukat ta’ livell għoli minn uffiċċju legali bbażat fl-Istati Uniti u li l-klijenti tiegħu jinkludu għadd ta’ kumpaniji farmaċewtiċi; jieħu nota li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija nieda eżami mill-ġdid tal-ħidma mwettqa mill-Kap preċedenti tas-Servizzi Legali; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżiti ta’ dan l-eżami sa tmiem l-2012;

10.

Jieħu nota li l-Aġenzija kompliet bi proċess ta’ kontroll tad-dikarazzjonijiet tal-interessi tal-esperti u l-membri tal-kumitat tagħha li kellhom involviment attiv fl-attivitajiet tal-Aġenzija bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju 2012 imqabbla mal-curricula vitae tagħhom; jinnota li madwar 54 % tal-esperti u l-membri tal-kumitat ipprovdew curriculum vitae aġġornat lill-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-kalendarju u l-eziti tal-proċess ta’ kontroll għas-46 % li fadal sa ma tibda l-proċedura ta’ kwittanza li jmiss;

11.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Aġenzija li tippubblika fil-websajt tagħha d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tal-membri tal-persunal tagħha li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali u tal-esperti involuti fil-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali; jinnota b’interess li l-lista ta’ esperti wkoll tindika l-livell ta’ riskju tagħhom f’termini ta’ kunflitt ta’ interess; jilqa’ l-impenn tal-Aġenzija li, fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, tippubblika l-profili professjonali u edukattivi tal-esperti xjentifiċi inklużi fid-Database ta’ Esperti tagħha mill-ewwel trimestru tal-2013 u se jsegwi mill-qrib il-proċess ta’ pubblikazzjoni matul il-proċeduri ta’ kwittanza fil-ġejjieni;

12.

Jilqa’ l-avviż tal-Aġenzija dwar l-intenzjoni tagħha li tintroduċi sistema ex ante u ex post tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess, b’mod partikolari permezz tat-tqabbil każwali mas-CV u l-informazzjoni mogħtija mill-esperti fil-livell nazzjonali; jitlob lill-Aġenzija biex tibgħat lill-awtorità għall-kontroll baġitarju kalendarju preċiż dwar l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida;

13.

Huwa tal-istess opinjoni tal-Aġenzija skont liema ma jistax jintlaħaq livell għoli ta’ affidabilità u sinċerità tal-interessi ddikjarati jekk il-kumpaniji farmaċewtiċi ma jiżvelawx huma stess il-lista tal-esperti u taċ-ċentri ta’ riċerka li jaħdmu magħhom, kif ukoll l-ammont tar-rabtiet finanzjarji tagħhom ma’ dawn; huwa tal-istess opinjoni tal-Aġenzija skont liema jaqbel li tiġi studjata r-relevanza ta’ inizjattiva leġiżlattiva f’dan il-qasam;

14.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Aġenzija li tindirizza t-tħassib tal-awtorità ta’ kwittanza fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota, b’mod partikulari, ir-rapporti tad-29 ta’ Ġunju 2012 u s-7 ta’ Awwissu 2012 li rċiviet l-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżami mill-ġdid tal-każi ta’ kunflitti ta’ interess ġestjonali identifikati mill-IAS u dwar l-eżami mill-ġdid tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti involuti fil-valutazzjoni tal-prodott mediċinali Pandemrix;

15.

Huwa konvint bis-sħiħ li għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa jekk ikun hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli eżistenti; jemmen li, f’tali każijiet, l-Aġenzija għandha tfassal pjan ta’ azzjoni akkumpanjat minn kalendarju preċiż bil-għan li tirrimedja l-problemi, li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi sorveljata mill-Parlament Ewropew, u li dawn il-problemi għandhom ikunu indirizzati billi jinbidlu r-regoli u r-regolamenti eżistenti sabiex jeliminaw il-lakuni possibbli;

16.

Jistieden lill-Aġenzija tintroduċi f’kull rapport ta’ attività annwali tagħha taqsima speċjali li tiddeskrivi l-azzjonijiet li ħadet għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, li inter alia għandhom jinkludu:

in-numru ta’ każi allegati ta’ kunflitti ta’ interess ivverifikati,

in-numru ta’ każi ta’ “revolving door”,

il-miżuri li ttieħdu f’kull kategorija ta’ każi,

in-numru ta’ proċeduri ta’ ksur ta’ fiduċja mnieda u l-eżiti tagħhom,

il-pieni applikati;

jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri dettaljati meħuda;

17.

Iqis li jkun notevoli li l-kumitat responsabbli jkun f’kuntatt mill-qrib mal-Aġenzija billi jistieden lid-Direttur Eżekuttiv għal skambju ta’ opinjonijiet tal-anqas darba fis-sena, billi jkun ħatar persuna ta’ kuntatt minn fost il-membri tiegħu u billi jżur l-Aġenzija kull sentejn; ifakkar li l-aħħar żjara kienet saret f’Ġunju 2011;

18.

Jilqa’, b’mod ġenerali, id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati fuq imsemmija li tindirizza u timplimenta ċerti elementi ta’ importanza għall-proċedura ta’ kwittanza u jemmen li l-pjan direzzjonali dwar is-segwitu tal-Approċċ Komuni, li għandu jkun ippreżentat mill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2012, iqis kif jistħoqq dawn il-kwestjonijiet;

19.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li qed jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-Aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 27.

(2)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 377.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 388.