21.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 46/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ Jannar 2008
dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar it-trasport marittimu bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, min-naħa l-oħra
(2008/143/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (3) tiegħu,
Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Frar 1998 il-Kunsill awtorizza lill-Kummisjoni tiftaħ in-negozjati għal Ftehim dwar it-trasport marittimu bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, min-naħa l-oħra (min hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), u stabbilixxa direttivi ta’ negozjar għal dan il-għan. |
(2) |
Dawn in-negozjati kellhom suċċess u l-Ftehim kien inizjalat mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2001. |
(3) |
Il-Ftehim ġie ffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Diċembru 2002, suġġett għall-konklużjoni sussegwenti tiegħu. |
(4) |
Ġie ffirmat, f’Beijing fil-5 ta’ Settembru 2005, Protokoll li jemenda l-Ftehim sabiex jittieħed kont ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea. |
(5) |
Skond l-Artikolu 6(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jaċċedu għall-Ftehim permezz ta’ Protokoll bejn il-Kunsill u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina. |
(6) |
Il-proċeduri kostituzzjonali u istituzzjonali meħtieġa tlestew u għaldaqstant il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim dwar it-trasport marittimu bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.
It-test tal-Ftehim (2) huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(2) tal-Ftehim.
Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL
(1) Opinjoni mogħtija fit-2 ta’ Settembru 2003 (ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 102).
(2) Ara paġna 25 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
TRADUZZJONI
FTEHIM
dwar trasport marittimu bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina, min-naħa l-oħra
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
IR-RENJU TA’ L-OLANDA,
IR-REPUBBLIKA TA’ L-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TA’ L-IŻVEZJA,
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,
Partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Stati Membri tal-Komunità”, u
L-KOMUNITÀ EWROPEA,
minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”,
min-naħa l-waħda, u
IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPLARI TAĊ-ĊINA,
minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “iċ-Ċina”,
min-naħa l-oħra,
B’KONT MEĦUD tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Pupolari taċ-Ċina ta’ Mejju 1985;
B’KONT MEĦUD ta’ l-importanza tar-relazzjonijiet marittimi eżistenti bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u ċ-Ċina;
JEMMNU li l-koperazzjoni fil-qasam marittimu internazzjonali bejn il-Partijiet ser ikun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iċ-Ċina u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha;
LESTI li jsaħħu u jikkonsolidaw iżjed ir-relazzjonijiet, abbażi ta’ l-ugwaljanza u l-benefiċċju reċiproku, fil-qasam tat-trasport marittimu internazzjonali;
JIRRIKONOXXU l-importanza tas-servizzi ta’ trasport marittimu u jixtiequ jippromovu iktar it-trasport multimodali li jinvolvi parti bil-baħar sabiex tiżdied l-efikaċja fil-katina tat-trasport;
JIRRIKONOXXU l-importanza ta’ żvilupp ulterjuri ta’ approċċ flessibbli u orjentat fuq is-suq u l-benefiċċji għal operaturi ekonomiċi taż-żewġ Partijiet dwar il-kontroll u l-operat tas-servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija fil-kuntest ta’ sistema effiċjenti ta’ trasport marittimu internazzjonali;
B’KONT MEĦUD tal-ftehim marittimi bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Komunità u ċ-Ċina;
JAPPOĠĠAW in-negozjati multilaterali dwar is-servizzi tat-trasport marittimu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
IR-RENJU TAL-BELĠJU:
Isabelle DURANT
Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Mobbiltà u t-Trasport
IR-RENJU TAD-DANIMARKA:
Bendt BENDTSEN
Ministru għall-Affarjiet Ekonomiċi, il-Finanzi u l-Industrija
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA:
Manfred STOLPE
Ministru Federali għat-Trasport, il-Bini u d-Djar
Wilhelm SCHÖNFELDER
Ambaxxatur, Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA:
Georgios ANOMERITIS
Ministru għall-Merkanzija Marittima
IR-RENJU TA’ SPANJA:
Francisco ÁLVAREZ-CASCOS FERNÁNDEZ
Ministru għall-Iżvilupp Intern
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA:
Pierre SELLAL
Ambaxxatur, Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika Franċiża
L-IRLANDA:
Peter GUNNING
Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ l-Irlanda
IR-REPUBBLIKA TALJANA:
Pietro LUNARDI
Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU:
Henri GRETHEN
Ministru għall-Affarjiet Ekonomiċi, Ministru għat-Trasport
IR-RENJU TA’ L-OLANDA:
Roelf Hendrik de BOER
Ministru għat-Trasport, il-Komunikazzjoni u x-Xogħolijiet Pubbliċi
IR-REPUBBLIKA TA’ L-AWSTRIJA:
Mathias REICHHOLD
Ministru Federali għat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA:
Luís Francisco VALENTE DE OLIVEIRA
Ministru għax-Xogħolijiet Pubbliċi, it-Trasport u d-Djar
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA:
Kimmo SASI
Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet
IR-RENJU TA’ L-IŻVEZJA:
Ulrica MESSING
Ministru għall-Komunikazzjoni
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ:
David JAMIESON
Sotto-Segretarju tal-Parlament ta’ l-Istat għat-Trasport
IL-KOMUNITÀ EWROPEA:
Bendt BENDTSEN
Ministru għall-Affarjiet Ekonomiċi, il-Kummerċ u l-Industrija tar-Renju tad-Danimarka
President Attwali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
Loyola de PALACIO
Viċi-President tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPLARI TAĊ-ĊINA:
Chunxian ZHANG
Ministru għall-Komunikazzjoni tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina
QABLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
Dan il-Ftehim jimmira biex itejjeb il-kondizzjonijiet li taħthom operazzjonijiet ta’ trasport marittimu ta’ merkanzija jitwettqu għal jew miċ-Ċina, għal jew mill-Komunità, kif ukoll għal jew mill-Komunità u ċ-Ċina min-naħa l-waħda u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għall-benefiċċju ta’ operaturi ekonomiċi tal-Partijiet. Hu bbażat fuq il-prinċipji ta’ libertà li jiġu provduti s-servizzi tat-trasport marittimu, l-aċċess liberu għall-merkanzija u l-kummerċ min-naħa għall-oħra, l-aċċess illimitat għal, u t-trattament mhux diskriminatorju fi, l-użu ta’ portijiet u servizzi awżiljari kif ukoll fir-rigward ta’ preżenza kummerċjali. Ikopri l-aspetti kollha tas-servizzi minn bieb sa bieb.
Artikolu 2
Firxa
1. Dan il-Ftehim japplika għat-trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija u s-servizzi loġistiċi, inklużi operazzjonijiet multimodali li jinvolvu parti bil-baħar, bejn il-portijiet taċ-Ċina u ta’ l-Istati Membri tal-Komunità kif ukoll it-trasport marittimu internazzjonali tal-merkanzija bejn il-portijiet ta’ l-Istati Membri tal-Komunità. Japplika wkoll għal kummerċ minn post għall-ieħor u għall-moviment ta’ tagħmir bħal kontenituri vojta, li mhumiex qed jinġarru bħala merkanzija kontra ħlas, bejn il-portijiet taċ-Ċina jew bejn il-portijiet ta’ Stat Membru tal-Komunità.
Jekk bastimenti ta’ Parti waħda jbaħħru minn port wieħed tal-Parti l-oħra għal ieħor jew minn port wieħed ta’ Stat Membru tal-Komunità għal ieħor biex jgħabbu merkanzija għal pajjiżi barranin jew jiskargaw merkanzija minn barra l-pajjiż, dan għandu jitqies bħala li jagħmel parti mit-trasport marittimu internazzjonali.
Dan il-Ftehim m’għandhux japplika għal trasport domestiku purament bejn il-portijiet taċ-Ċina jew bejn il-portijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru partikolari tal-Komunità.
2. Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-ftehim marittimi bilaterali konklużi bejn iċ-Ċina u l-Istati Membri tal-Komunità għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa d-dritt ta’ bastimenti ta’ partijiet terzi milli jimpenjaw ruħhom f’trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bejn il-portijiet tal-Partijiet jew bejn il-portijiet ta’ waħda mill-partijiet u parti terza.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:
(a) |
“trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija u servizzi loġistiċi” jkopri l-proviżjoni ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija, u s-servizzi ta’ maniġġar, ħażna, u ħżin tal-merkanzija, is-servizzi ta’ clearance ta’ dazji, is-servizzi ta’ l-istazzjon tal-kontenitur u tad-depost, dawk li jinsabu fil-port u dawk fl-intern tal-pajjiż, is-servizzi ta’ aġenziji ta’ attivitajiet marittimi u s-servizzi ta’ l-ispedituri tal-merkanzija relatati; |
(b) |
“operazzjonijiet ta’ trasport multimodali” huwa l-ġarr ta’ merkanzija bl-użu ta’ iżjed minn mezz wieħed ta’ trasport inkluża parti bil-baħar taħt dokument wieħed; |
(ċ) |
“servizzi ta’ aġenziji ta’ attivitajiet marittimi” jfisser attivitajiet li jikkonsistu fir-rappreżentazzjoni, bħala aġent, f’żona ġeografika speċifika, ta’ l-interessi tan-negozju ta’ linja waħda jew iktar ta’ trasport marittimu jew kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi, għall-finijiet li ġejjin:
|
(d) |
“servizzi ta’ l-ispedituri tal-merkanzija” jfisser l-attività li tikkonsisti fl-organizzazzjoni u l-monitoraġġ ta’ operazzjonijiet ta’ kunsinna ta’ merkanzija f’isem l-ispedituri, permezz tas- servizzi ta’ kuntrattar relatati, it-tħejjija ta’ dokumentazzjoni u l-proviżjon ta’ informazzjoni dwar in-negozju; |
(e) |
“kumpanija ta’ attivitajiet marittimi” jfisser kumpannija li tilħaq il-kondizzjonijiet li ġejjin:
Kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi stabbiliti barra l-Komunità jew iċ-Ċina u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità jew taċ-Ċina rispettivament, għandhom ikunu benifiċċjarji wkoll tad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, jekk il-bastimenti tagħhom huma reġistrati f’dak l-Istat Membru jew fiċ-Ċina skond il-leġislazzjoni tagħhom; |
(f) |
“sussidjarju” tfisser kumpannija li hi proprjetà ta’ kumpannija ta’ attivitajiet marittimi u li għandha personalità legali; |
(g) |
“uffiċċju tal-fergħa” jfisser post ta’ negozju li hu proprjetà ta’ kumpannija ta’ attivitajiet marittimi u m’għandhiex personalità legali; |
(h) |
“uffiċċju ta’ rappreżentazzjoni” jfisser uffiċċju rappreżentattiv ta’ kumpannija ta’ l-attivitajiet marittimi ta’ Parti waħda stabbilita fil-Parti l-oħra; |
(i) |
“bastiment” ifisser kwalunkwe bastiment merkantili reġistrat skond il-liġijiet taċ-Ċina, jew tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri tagħha fl-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment ta’ kwalunkwe Parti taħt il-bandiera nazzjonali ta’ dik il-Parti u impenjat fi trasport marittimu internazzjonali, inklużi l-bastimenti bil-bandiera ta’ pajjiż terz iżda li huma proprjetà jew operati minn kumpannija ta’ attivitajiet marittimi taċ-Ċina jew ta’ Stat Membru tal-Komunità. Iżda, dan it-terminu ma jinkludix bastimenti tal-gwerra u kwalunkwe bastiment li mhuwiex kummerċjali. |
Artikolu 4
Proviżjon ta’ servizzi
1. Kull Parti għandha tkompli tagħti trattament mhux diskriminatorju lil bastimenti bil-bandiera tal-Parti l-oħra jew operati minn ċittadini jew kumpanniji tal-Parti l-oħra, b’paragun mat-trattament mogħti lil bastimenti tagħha, fir-rigward ta’ l-aċċess għal portijiet, l-użu ta’ infrastruttura u s-servizzi marittimi awżiljari ta’ dawn il-portijiet, kif ukoll il-ħlasijiet u l-piżijiet relatati, il-formalitajiet tad-dwana u l-assenjazzjoni ta’ rmiġġ u l-faċilitajiet ta’ tagħbija u ħatt.
2. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li japplikaw b’mod effettiv il-prinċipju ta’ aċċess illimitat għas-suq u t-traffiku marittimu internazzjonali fuq bażi mhux diskriminatorja u kummerċjali.
3. Fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-paragrafi 1 u 2, il-Partijiet għandhom:
(a) |
ma jintroduċux klawżoli għall-qsim ta’ merkanzija fi ftehim futuri ma’ pajjiżi terzi dwar servizzi ta’ trasport marittimu u jtemmu tali disposizzjonijiet fil-każ li jeżistu fi ftehim bilaterali preċedenti f’perijodu ta’ żmien raġjonevoli; |
(b) |
jeliminaw, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull miżura unilaterali amministrattiva, teknika jew oħra, li tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni indiretta u jkollha effetti diskriminatorji fuq il-proviżjon liberu ta’ servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali; |
(ċ) |
jastjenu milli jimplimentaw mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim miżuri amministrattivi, tekniċi jew leġislattivi li jista’ jkollhom l-effett li jiddiskriminaw kontra ċittadini jew kumpanniji tal-Parti l-oħra fil-proviżjon ta’ servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali. |
4. Kull Parti għandha tippermetti lill-kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi tal-Parti l-oħra li jkollhom, fuq bażi mhux diskriminatorja u fuq termini miftiehma bejn il-kumpanniji konċernati, aċċess għal u użu ta’ servizzi distributuri provduti minn kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi reġistrati fil-Parti ta’ l-ewwel għall-merkanzija internazzjonali bejn il-portijiet taċ-Ċina jew bejn il-portijiet ta’ Stat Membru tal-Komunità.
Artikolu 5
Presenza kummerċjali
Fir-rigward ta’ attivitajiet għall-proviżjon ta’ trasport marittimu internazzjonali ta’ merkanzija u servizzi loġistiċi, inklużi operazzjonijiet ta’ trasport multimodali minn bieb sa bieb, kull Parti għandha tippermetti li kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi tal-Parti l-oħra, jistabbilixxu sussidjarji ta’ propjetarju wieħed jew ta’ investimenti konġunti, uffiċċji tal-fergħat jew rappreżentattivi u, fir-rigward ta’ sussidjarji jew uffiċċji tal-fergħat biex jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ekonomiċi, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom. Tali attivitajiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:
(1) |
is-solleċitazzjoni tal-merkanzija u r-riserva ta’ l-ispazju; |
(2) |
it-tfassil, il-konferma, it-trattament u l-ħruġ ta’ polza tat-tagħbija, inkluż dak li hu aċċettat b’mod komuni permezz ta’ polza ta’ tagħbija fit-trasport marittimu internazzjonali; it-tħejjija ta’ dokumentazzjoni dwar dokumenti tat-trasport u dokumenti tad-dwana; |
(3) |
l-iffissar, il-ġbir u t-tneħħija ta’ piżijiet ta’ merkanzija u oħrajn li jirriżultaw abbażi ta’ kuntratti ta’ servizz u rati tariffarji; |
(4) |
in-negozjar u l-iffirmar ta’ kuntratti ta’ servizz; |
(5) |
l-iffirmar ta’ kuntratti għal ġarr bit-trakkijiet, trasport bil-ferrovija, trattament ta’ merkanzija u servizzi awżiljari relatati oħra; |
(6) |
rati tariffarji ta’ kwotazzjoni u pubblikazzjoni; |
(7) |
l-involviment f’attivitajiet ta’ marketing relatati mas-servizz tagħhom; |
(8) |
il-proprjetà ta’ tagħmir meħtieġ għall-attivitajiet ekonomiċi; |
(9) |
il-proviżjon ta’ informazzjoni dwar in-negozju b’kwalunkwe mezz, inklużi sistemi ta’ informazzjoni kompjuterizzati u skambju intern ta’ data elettronika, bla ħsara għal kwalunkwe restrizzjoni mhux diskriminatorja dwar it-telekomunikazzjonijiet; |
(10) |
l-istabbiliment ta’ intrapriżi konġunti ma’ kwalunkwe aġenzija stabbilita lokalment ta’ attivitajiet marittimi biex jimpenjaw ruħhom f’negozji relatati ma’ agenzija, bħall-organizzazzjoni tal-waqfa tal-bastimenti jew it-twassila ta’ merkanzija għal kunsinna. |
Artikolu 6
Trasparenza
1. Kull Parti għandha, wara konsultazzjoni minn qabel u notifika xierqa minn qabel, tippubblika minnufih kull miżura rilevanti ta’ applikazzjoni ġenerali, li hi rilevanti għal jew taffettwa t-tħaddim ta’ dan il-Ftehim.
2. Fejn il-pubblikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 mhix prattikabbli, tali informazzjoni għandha tiġi magħmula pubblika xort’oħra.
3. Kull Parti għandha twieġeb minnufih għat-talbiet kollha mill-Parti l-oħra għal informazzjoni speċifika dwar kwalunkwe miżura tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tat-tifsira tal-paragrafu 1.
Artikolu 7
Regolament domestiku
1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaffettwaw il-kummerċ f’servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali huma amministrati b’mod raġjonevoli, objettiv u imparzjali.
2. F’dawk il-każi fejn hi meħtieġa awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti għandhom, f’perijodu raġjonevoli ta’ żmien wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kkunsidrata kompleta taħt il-liġijiet u r-regolamenti domestiċi, jinfurmaw lill-applikant tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Fuq talba ta’ l-applikant, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar l-istatus ta’ l-applikazzjoni.
3. Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri relatati ma’ standards tekniċi u l-ħtiġiet u l-proċeduri għall-liċenzja ma jikkostitwux ostakli għall-kummerċ mhux meħtieġa, il-ħtiġiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji objettivi, mhux diskriminatorji, pre-stabbiliti u trasparenti, bħall-kapaċità li jiġi provdut is-servizz; u fil-każ ta’ proċeduri għall-liċenzja, ma jkunux fihom infushom restrizzjoni fuq jew ostaklu għall-proviżjon tas-servizz.
Artikolu 8
Persunal EWLIENI
Is-sussidjarji ta’ proprjetarju wieħed jew ta’ investimenti konġunti, uffiċċji tal-fergħa jew rappreżentattivi tal-kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi ta’ Parti waħda stabbiliti fil-Parti l-oħra għandhom ikunu ntitolati jimpjegaw persunal ewlieni, skond il-leġislazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Kull Parti għandha tiffaċilita l-kisba ta’ permessi ta’ xogħol u viżi għal impjegati barranin.
Artikolu 9
Ħlasijiet u movimenti ta’ kapital
1. Dħul ta’ ċittadini jew kumpanniji ta’ Parti waħda li ġej minn trasport marittimu internazzjonali u operazzjonijiet multimodali fil-Parti l-oħra jista’ jiġi miftiehem f’muniti konvertibbli liberament.
2. Id-dħul u l-infiq ta’ attivitajiet ekonomiċi tas-sussidjarji u l-uffiċċji tal-fergħa u rappreżentattivi tal-kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi ta’ Parti stabbilita fil-Parti l-oħra jistgħu jiġu miftiehma fil-munita tal-pajjiż ospitanti. Il-bilanċ wara l-ħlas ta’ ħlasijiet lokali mill-kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi, sussidjarji, uffiċċji tal-fergħa u rappreżentanti msemmija hawn fuq jistgħu jiġu mibgħuta barra l-pajjiż b’mod liberu skond ir-rata ta’ skambju tal-bank fid-data li jkunu ntbagħtu.
Artikolu 10
Koperazzjoni marittima
Il-Partijiet għandhom, għall-fini tal-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ l-industrija marittima tagħhom, jinkoraġġixxu lill-awtoritjiet kompetenti, il-kumpanniji ta’ attivitajiet marittimi, il-portijiet, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka rilevanti, l-universitajiet u l-kulleġġi tagħhom biex jikkoperaw, inklużi, iżda mhux limitati, fl oqsma li ġejjin:
(1) |
l-iskambju ta’ fehmiet relatati ma’ l-attivitajiet tagħhom fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali; |
(2) |
il-formulazzjoni u l-perfezzjoni tal-leġislazzjoni relatata mat-trasport marittimu u l-amministrazzjoni tas-suq; |
(3) |
il-promozzjoni ta’ servizz ta’ trasport marittimu effiċjenti għall-kummerċ internazzjonali bil-baħar permezz ta’ l-esplojtazzjoni effettiva ta’ portijiet u flotot tal-Partijiet; |
(4) |
il-garanzija ta’ sigurtà ta’ l-attivitajiet marittimi u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar; |
(5) |
il-promozzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ marittimu, speċjalment it-taħriġ ta’ baħrin; |
(6) |
l-iskambju ta’ persunal, informazzjoni u teknoloġija xjentifika; |
(7) |
it-tisħiħ ta’ l-isforzi tagħhom biex jiġu miġġielda l-piraterija u t-terroriżmu. |
Artikolu 11
Konsultazzjonijiet u soluzzjoni ta’ disputi
1. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-proċeduri xierqa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif suppost ta’ dan il-Ftehim.
2. Jekk tinqala’ xi kwistjoni bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom ifittxu li jsolvu l-kwistjoni permezz ta’ konsultazzjoni amikevoli. Fil-każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim, għandha tiġi solvuta permezz ta’ mezzi diplomatiċi.
Artikolu 12
Emenda
Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet u l-emenda tidħol fis-seħħ skond il-proċeduri speċifikati fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 13
Applikazzjoni territorjali
Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-wahda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, għat-territorju taċ-Ċina.
Artikolu 14
Test Awtentiku
Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji bid-Daniż,bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Olandiż, bil-Portugiż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u biċ-Ċiniż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.
Artikolu 15
Dewmien u dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim hu konkluż għal perijodu ta’ ħames snin. Għandu jiġi mġedded b’mod taċitu kull sena sakemm waħda mill-Partijiet tiddenunzjah bil-miktub sitt xhur qabel id-data ta’ l-iskadenza.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri tagħhom stess.
Dan il-Ftehim għandu jidhol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu ġew kompletati.
3. Jekk dan il-Ftehim hu inqas favorevoli dwar ċerti kwistjonijiet minn xi ftehim bilaterali eżistenti bejn Stati Membri individwali tal-Komunità u ċ-Ċina, id-disposizzjonijiet iktar favorevoli għandhom jieħdu prevalenza mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Komunità u wara li jittieħed kont tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jissostitwixxu dawk tal-ftehim bilaterali preċedenti konkluż bejn l-Istati Membri tal-Komunità u ċ-Ċina, jekk id-disposizzjonijiet ta’ l-aħħar huma jew inkonsistenti ma’ ta’ l-ewwel, ħlief għas-sitwazzjoni msemmija fis-sentenza preċedenti, jew identiċi għalihom. Id-disposizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali eżistenti li mhumiex koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikomplu japplikaw.
EN FE DE LO CUAL, los plenipotenciarios abajo firmantes suscriben el presente Acuerdo.
TIL BEKRÆFTELSE HERAF har undertegnede befuldmægtigede underskrevet denne aftale.
ZU URKUND DESSEN haben die unterzeichneten Bevollmächtigten dieses Abkommen unterzeichnet.
ΣΕ ΠΙΣΤΩΣΗ ΤΩΝ ΑΝΩΤΕΡΩ, οι υπογράφοντες πληρεξούσιοι έθεσαν την υπογραφή τους κάτω από την παρούσα συμφωνία.
IN WITNESS WHEREOF the undersigned Plenipotentiaries have signed this Agreement.
EN FOI DE QUOI, les plénipotentiaires soussignés ont apposé leur signature sur le présent accord.
IN FEDE DI CHE i Plenipotenziari sottoscritti hanno apposto le loro firme in calce al presente accordo.
TEN BLIJKE WAARVAN de, hiertoe naar behoren gemachtigde, ondergetekenden hun handtekening onder deze overeenkomst hebben gesteld.
EM FÉ DO QUE, os abaixo-assinados apuseram as suas assinaturas no presente Acordo.
TÄMÄN VAKUUDEKSI alla mainitut täysivaltaiset edustajat ovat allekirjoittaneet tämän sopimuksen.
TILL BEVIS HÄRPÅ har undertecknade befullmäktigade undertecknat detta avtal.
Hecho en Bruselas, el seis de diciembre del dos mil dos.
Udfærdiget i Bruxelles den sjette december to tusind og to.
Geschehen zu Brüssel am sechsten Dezember zweitausendzwei.
'Εγινε στις Βρυξέλλες, στις έξι Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες δύο.
Done at Brussels on the sixth day of December in the year two thousand and two.
Fait à Bruxelles, le six décembre deux mille deux.
Fatto a Bruxelles, addì sei dicembre duemiladue.
Gedaan te Brussel, de zesde december tweeduizendtwee.
Feito em Bruxelas, em seis de Dezembro de dois mil e dois.
Tehty Brysselissä kuudentena päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakaksi.
Som skedde i Bryssel den sjätte december tjugohundratvå.
Pour le Royaume de Belgique
Voor het Koninkrijk België
Für das Königreich Belgien
Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.
Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.
Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.
På Kongeriget Danmarks vegne
Für die Bundesrepublik Deutschland
Για την Ελληνική Δημοκρατία
Por el Reino de España
Pour la Republique française
Thar cheann Na hÉireann
For Ireland
Per la Repubblica italiana
Pour le Grand-Duché de Luxembourg
Voor het Koninkrijk der Nederlanden
Für die Republik Österreich
Pela República Portuguesa
Suomen tasavallan puolesta
För Konungariket Sverige
For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland
Por la Comunidad Europea
For Det Europæiske Fællesskab
Für die Europäische Gemeinschaft
Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα
For the European Community
Pour la Communauté européenne
Per la Comunità europea
Voor de Europese Gemeenschap
Pela Comunidade Europeia
Euroopan yhteisön puolesta
På Europeiska gemenskapens vägnar