8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

381


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Marzu 2007

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea

(2007/241/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 170 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea ġie ffirmat f’isem il-Komunità fit-22 ta' Novembru 2006 soġġett għall-possibbiltà tal-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsilldwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea (2);

(2)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea huwa b'dan qed jiġi approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni (*).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi f'isem il-Komunità, joħroġ in-notifika prevista fl-Artikolu 12(1) tal-Ftehim (3).

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  Opinjoni ta' 1 ta' Frar 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ara paġna 44 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali..

(*)  Ara paġna 44 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

ta' Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

(minn hawn 'il quddiem “il-Komunità”) u

L-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

(minn hawn 'il quddiem “il-Korea”),

(minn hawn 'il quddiem imsemmija flimkien “il-Partijiet”);

JIKKUNSIDRAW li l-Komunità u l-Korea qed jaħdmu fuq attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni f'għadd ta' oqsma ta' interess komuni, u konxji ta' l-espansjoni rapida tal-konoxxenza xjentifika u l-kontribut pożittiv ta' din ta' l-aħħar fil-promozzjoni tal-koperazzjoni bilaterali u internazzjonali;

XEWQANA li jwessgħu l-ambitu tal-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika f'għadd ta' oqsma ta' interess komuni permezz tal-ħolqien ta' sħubija produttiva għal finijiet paċifiċi u benefiċċji reċiproċi;

JINNUTAW li koperazzjoni bħal din u l-applikazzjoni tar-riżultati tagħha sejrin jagħtu kontribut għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Partijiet; kif ukoll

XEWQANA li jistabbilixxu qafas formali sabiex jimplimentaw l-attivitajiet globali ta' koperazzjoni li sejrin isaħħu l-koperazzjoni bejn il-Partijiet fix-“xjenza u teknoloġija”;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u Prinċipji

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija għal finijiet paċifiċi, konformement ma' dan il-Ftehim u l-liġijiet u r-regolamenti taż-żewġ Partijiet.

2.   L-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom isiru abbżi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

Kontributi u benefiċċji reċiproċi u ekwi;

(b)

Aċċess reċiproku għall-programmi, proġetti u faċilitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' kull Parti min-naħa ta' riċerkaturi viżitanti tal-Parti l-oħra;

(ċ)

Skambju f'waqtu ta' informazzjoni li tista' tikkonċerna attivitajiet ta' koperazzjoni;

(d)

Il-promozzjoni ta' soċjetà msejsa fuq il-konoxxenza għall-benefiċċju ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Partijiet; u

(e)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond l-Anness II ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-espressjoni

1)

“attivitajiet diretti ta' koperazzjoni” tfisser attivitajiet diretti ta' koperazzjoni bejn il-Partijiet

2)

“attivitajiet indiretti ta' koperazzjoni” tfisser attivitajiet bejn entitajiet legali stabbiliti fil-Korea u fil-Komunità permezz tal-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali Koreani fil-Programm Kwadru tal-Komunità skond l-Artikolu 166 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Programm Kwadru”) u l-parteċipazzjoni reċiproka ta' l-entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità fi programmi jew proġetti Koreani ta' riċerka f'oqsma ta' xjenza u ta' teknoloġija simili għal dawk koperti mill-Programm Kwadru;

3)

“attivitajiet ta' koperazzjoni” tinkludi kemm attivitajiet diretti kif ukoll attivitajiet indiretti;

4)

“entità legali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika maħluqa skond il-liġi nazzjonali tal-post ta' l-istabbiliment tagħha jew skond il-liġi Komunitarja, li jkollha personalità ġuridika u li jkollha d-drittijiet u tkun suġġetta għal obbligi ta' kwalunkwe tip f'isimha stess.

Artikolu 3

Attivitajiet ta' koperazzjoni

1.   L-attivitajiet diretti ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim jistgħu jinkludu:

(a)

Laqgħat ta' diversi forom, inklużi dawk bejn esperti, għad-diskussjoni u l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi ta' natura ġenerali jew speċifika, u għall-identifikazzjoni ta' proġetti u programmi ta' riċerka u żvilupp li jistgħu jsiru abbażi ta' koperazzjoni;

(b)

L-iskambju ta' informazzjoni dwar attivitajiet, linji politiċi, prattika, liġijiet u regolamenti dwar ir-riċerka u l-iżvilupp;

(ċ)

Żjajjar u skambji ta' xjenzati, staff tekniku u esperti oħra dwar suġġetti ġenerali jew speċifiċi;

(d)

L-implimentazzjoni ta' proġetti u programmi ta' koperazzjoni li jista' jiddeċiedi dwarhom il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 6, skond il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet; u

(e)

Forom oħra ta' attivitajiet fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, li jista' jiddeċiedi dwarhom il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 6, skond il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

2.   Għall-fini ta' l-iżvilupp ta' attivitajiet indiretti ta' koperazzjoni, u suġġett għall-Annessi ma' dan il-Ftehim, kwalunkwe entità legali stabbilita fil-Korea jew fil-Komunità tista' tieħu sehem fi programmi jew proġetti ta' riċerka li toperahom il-Parti l-oħra u li jkunu miftuħa għall-entitajiet legali tagħha, skond il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu 4

Proċeduri ta' Implimentazzjoni

1.   Il-Partijiet jistgħu jikkonkludu bejniethom arranġamenti għall-implimentazzjoni li jistipulaw id-dettalji u l-proċeduri ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim.

2.   Kull Parti tista' tiddelega l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' koperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-Partijiet lil istituzzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni diretta jew għall-appoġġ ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Partijiet.

3.   L-attivitajiet ta' koperazzjoni xjentifika u teknoloġika li ma jkunux imsejsa fuq ftehim speċifiċi li jkunu ġew inkoraġġiti, żviluppati u ffaċilitati mill-Partijiet, u li jkunu nbdew iżda ma ntemmux sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, għandhom jiġu inkorporati f'dan il-Ftehim minn dik id-data.

Artikolu 5

Titjib tal-Koperazzjoni

1.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tagħti lill-entitajiet legali li jwettqu attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim il-faċilitajiet potenzjali kollha bil-għan li jiffaċilitaw ix-xogħol u ż-żjajjar tar-riċerkaturi li jieħdu sehem f'dawn l-attivitajiet ta' koperazzjoni, flimkien mad-dħul fit-territorju tagħha u l-ħruġ minnu ta' materjali, data u tagħmir maħsub għall-użu f'dawn l-attivitajiet ta' koperazzjoni.

2.   Fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jippermettu, jekk ikun il-każ u għal finijiet paċifiċi, il-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi u organizzazzjonijiet mis-setturi kollha tar-riċerka, inkluż is-settur privat.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt

1.   Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom isiru, f'isem il-Korea, mill-Ministeri tal-Korea responsabbli għax-Xjenza u t-Teknoloġija, u f'isem il-Komunità, mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (id-Direttorat Ġenerali għax-Xjenza, ir-Riċerka u l-Iżvilupp), li għandhom jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dan il-Ftehim, l-aġenti eżekuttivi għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika (minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat Konġunt”). Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti uffiċjali ta' kull Parti, u jkun taħt il-presidenza konġunta ta' rappreżentanti taż-żewġ Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu bi qbil komuni.

3.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu:

1)

L-iskambju ta' fehmiet u tagħrif dwar kwistjonijiet tal-politika xjentifika u teknoloġika;

2)

Ir-reviżjoni u d-diskussjoni ta' l-attivitajiet u l-kisbiet tal-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

3)

Il-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet rigward l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, li jistgħu jinkludu l-identifikazzjoni u l-proposta ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim u l-inkoraġġiment ta' l-implimentazzjoni tagħhom;

4)

It-tħejjija, għall-Partijiet, ta' rapport dwar l-istatus, il-kisbiet u l-effikaċja ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Korea taħt il-Ftehim Kwadru għall-Kummerċ u l-Koperazzjoni.

4.   Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jintlaħqu bi qbil komuni.

5.   L-ispejjeż tal-parteċipanti fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, bħall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġ, għandhom jitħallsu mill-Partijiet rispettivi. Kwalunkwe spiża oħra assoċjata ma' dawn il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti ospitanti.

6.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' b'alternanza fil-Korea u fil-Komunità, fi żminijiet miftiehma bi qbil komuni, preferibbilment kull sena.

Artikolu 7

Finanzjament

1.   L-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tkun suġġetta għad-disponibbiltà ta fondi approprjati u għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli ta' kull Parti.

2.   L-ispejjeż ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jitħallsu skond deċiżjonijiet bi qbil komuni.

3.   Meta skemi speċifiċi ta' koperazzjoni ta' Parti waħda jagħtu appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti mill-Parti l-oħra, kwalunkwe għotja u kwalunkwe kontribut finanzjajru jew divers minn Parti waħda lill-parteċipanti tal-Parti l-oħra b'appoġġ għal dawk l-attivitajiet għandu jingħata eżenzjoni mit-taxxa u mid-dwana skond il-liġijiet u r-regolamenti relevanti fis-seħħ fit-territorji ta' kull Parti, fiż-żmien li jsiru tali għotjiet u kontributi finanzjajri jew diversi.

Artikolu 8

Id-Drittijiet ta' l-Informazzjoni u tal-Proprjetà Intellettwali

1.   L-informazzjoni xjentifika u teknoloġika li ma tkun proprjetà ta' ħadd u li toħroġ minn attivitajiet ta' koooperazzjoni diretta tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku min-naħa ta' kwalunkwe Parti, permezz tal-kanali abitwali u skond il-proċeduri ġenerali tagħha.

2.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet oħra tal-proprjetà li jinħalqu jew jiġu introdotti matul l-attivitajiet ta' koooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, fit-Territorju tal-Korea. Dan ma għandux iżomm milli jsiru attivitajiet ta' koperazzjoni fl-ibħra internazzjonali, fl-ispazju, jew fit-territorju ta' pajjiżi terzi, skond il-liġi internazzjonali.

Artikolu 10

Riżoluzzjoni ta' Disputi

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu bla ħsara għad-drittijiet u l-obbligi ta' ftehim eżistenti u/jew futuri dwar il-koperazzjoni bejn il-Partijiet jew bejn il-Gvernijiet ta' kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità u l-Gvern tal-Korea.

2.   Il-kwistjonijiet jew disputi kollha dwar l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti permezz ta' konsultazzjoni bejn il-Partijiet.

Artikolu 11

Annessi

L-Anness I (dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni) u II (dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) jikkostitwixxu parti integranti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 12

Dħul fis-Seħħ u Terminazzjoni

1.   Dan il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li permezz tagħhom jgħarrfu lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom li jkunu meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal ħames snin, u jibqa' fis-seħħ wara dik id-data sakemm ma jiġix terminat minn Parti jew l-oħra.

3.   Fi tmiem il-perjodu inizjali ta' ħames snin, jew fi kwalunkwe waqt ieħor warajh, dan il-Ftehim jista' jiġi terminat permezz ta' l-għoti lill-Parti l-oħra ta' notifika bil-miktub, talanqas sitt xhur minn qabel.

4.   Kull Parti tista' tevalwa l-impatt u l-attivitajiet ta' dan il-Ftehim kull ħames snin. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha kollha sabiex tiffaċilita l-evalwazzjoni li tkun qed issir mill-Parti l-oħra, u l-Parti li tagħmel l-evalwazzjoni għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra bir-riżultati ta' l-evalwazzjoni.

5.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bil-qbil komuni tal-Partijiet, permezz ta' l-iskambju ta' noti diplomatiċi. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ bl-użu ta' l-istess proċedura msemmija fil-paragrafu 1, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

6.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara la għall-attivitajiet ta' koperazzjoni li jkunu nbdew taħt dan il-Ftehim u li ma jkunux waslu għal tmiemhom fil-waqt tat-terminazzjoni ta' dan il-ftehim, u lanqas għal kwalunkwe dritt jew obbligu speċifiċi maħluqa konformement ma' l-Annessi tal-Ftehim.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, bl-awtorizzazzjoni dovuta tal-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL fi Brussel, duplikatament fit-tnejn u għoxrin jum ta' Novembru tas-sena elfejn u sitta, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Eston, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Polakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż, bl-Iżvediż u bil-Korean, b'kull test ugwalment awtentiku.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Communidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image

Image

Image

Por el Gobierno de la República de Corea

Za vládu Korejské republiky

For Republikken Koreas regering

Für die Regierung der Republik Korea

Korea Vabariigi Valitsuse nimel

Για την Κυβέρνηση της Δημοκρατίας της Κορέας

For the Government of the Republic of Korea

Pour le gouvernement de la République de Corée

Per il governo della Repubblica di Corea

Korejas Republikas vārdā

Korėjos Respublikos Vyriausybės vardu

A Koreai Köztársaság kormánya részéről

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Korea

Voor de Regering van de Republiek Korea

W imieniu Rządu Republiki Korei

Pelo Governo da República da Coreia

Za vládu Kórejskej republiky

Za Vlado Republike Koreje

Korean tasavallan hallituksen puolesta

På Republiken Koreas regerings vägnar

Image

Image

ANNESS I

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' l-entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità Ewropea u l-Korea

Fil-qafas ta' dan il-Ftehim, fil-każ li Parti waħda tikkonkludi kuntratt ma' entità legali tal-Parti l-oħra għal attività indiretta ta' koperazzjoni, il-Parti l-oħra, fuq talba, għandha tagħmel ħilitha sabiex tipprovdi kwalunkwe assistenza raġonevoli u fattibbli skond ma jkun meħtieġ jew ta' għajnuna lill-Parti ta' l-ewwel għall-implimentazzjoni mingħajr xkiel ta' tali kuntratt.

1.   IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA' ENTITAJIET LEGALI STABBILITI FIL-KOREA F'ATTVITAJIET INDIRETTI TA' KOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMM KWADRU GĦAR-RIĊERKA TAL-KOMUNITÀ (MINN HAWN 'IL QUDDIEM “IL-PROGRAMM KWADRU”)

(a)

Entitajiet legali stabbiliti fil-Korea jistgħu jieħdu sehem f'attivitajiet indiretti ta' koperazzjoni taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni, suġġetti għall-kundizzjonjiet u l-limitazzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka għall-implimentazzjoni tal-programm ta' qafas tal-Komunità Ewropea.

(b)

Mingħajr ħsara għall-paragrafu (a), il-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali stabbiliti fil-Korea f'attivitajiet indiretti ta' koperazzjoni taħt il-Programmi ta' Qafas għandha sseħħ konformement mar-Regoli.

2.   IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA' ENTITAJIET LEGALI STABBILITI FIL-KOMUNITÀ EWROPEA FI PROGRAMMI U PROĠETTI TAL-KOREA

(a)

Entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità jistgħu jieħdu sehem fil-proġetti jew programmi ta' riċerka u żvilupp finanzjati mill-Gvern tal-Korea.

(b)

Entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità għandhom jieħdu sehem fil-proġetti jew programmi Koreani ta' riċerka u żvilupp skond il-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-Korea, u skond ir-regoli relevanti dwar il-parteċipazzjoni fi proġetti u programmi bħal dawn.

ANNESS II

Il-prinċipji dwar l-allokazzjoni ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali

1.   DEFINIZZJONI

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “proprjetà intellettwali” għandha jkollha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967.

2.   ID-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI TAL-PARTIJIET FL-ATTIVITAJIET DIRETTI TA' KOPERAZZJONI

(a)

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux speċifikament mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ħlief għad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati, ġenerati mill-Partijiet waqt attivitajiet diretti ta' koperazzjoni li jsiru taħt l-Artikolu 3.1 ta' dan il-Ftehim:

1)

Il-Parti li tkun iġġenerat il-proprjetà intellettwali għandha jkollha d-dritt sħiħ ta' proprjetà. Jekk il-proprjetà intellettwali tkun ġiet ġenerata mill-Partijiet flimkien, u s-sehem rispettiv ta' xogħol iż-żewġ Partijiet ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, il-Partijiet għandhom ikunu ko-proprjetarji tal-proprjetà intellettwali;

2)

Il-Parti li tkun il-proprjetarja tal-proprjetà intellettwali għandha tagħti lill-Parti l-oħra d-drittijiet ta' l-aċċess għat-twettiq ta' kwalunkwe attività diretta ta' koperazzjoni. Dawn id-drittijiet ta' l-aċċess għandhom jingħataw mingħajr l-obbligu tal-ħlas ta' royalties.

(b)

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux speċifikament mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għad-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati tal-Partijiet

1)

Meta Parti tippubblika data, informazzjoni jew riżultati xjentifiċi u tekniċi permezz ta' rivisti, artikoli, rapporti, kotba jew f'forom oħra, inklużi vidjo u software, li jkunu maħluqa minn jew relatati ma' attivitajiet ta' koperazzjoni taħt dan il-Ftehim, il-Parti kkonċernata għandha tagħmel ħilitha kollha sabiex, għall-Parti l-oħra, tikseb liċenzji mhux esklussivi, irrevokabbli u ħielsa mill-ħlas ta' royalties fil-pajjiżi kollha fejn tkun disponibbli l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur, sabiex xogħlijiet bħal dawn ikunu jistgħu jiġu tradotti, riprodotti, adattati, trażmessi u mxerrda fost il-pubbliku;

2)

Kull kopja ta' xogħlijiet taħt id-dritt ta' l-awtur li jkunu xxerrdu fost il-pubbliku skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (b)-1) għandha tindika l-isem jew l-ismijiet ta' l-awtur jew awturi tax-xogħol, sakemm l-awturi espressament jirrifjutaw li jissemmew. Għandha wkoll tillustra rikonoxximent viżibbli b'mod ċar ta' l-appoġġ koperattiv taż-żewġ Partijiet.

(ċ)

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux speċifikament mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni tal-Partijiet li ma tkunx żvelata:

1)

Meta tikkomunika lill-Parti l-oħra dwar l-informazzjoni meħtieġa sabiex isiru attivitajiet diretti ta' koperazzjoni, kull Parti għandha tidentifika l-informazzjoni li tkun tixtieq li tibqa' mhux żvelata;

2)

Il-Parti li tirċievi l-informazzjoni tista', fuq ir-responsabbiltà tagħha, tikkomunika informazzjoni mhux żvelata lill-aġenziji tagħha jew lil persuni impjegati permezz ta' dawn l-aġenziji għall-għan speċifiku ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3)

Bil-qbil minn qabel u bil-miktub tal-Parti li tkun qed tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata, il-Parti l-oħra tista' xxerred tali informazzjoni mhux żvelata b'mod usa' minn kif jippermetti l-paragrafu (ċ2). Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ma' xulxin fl-iżvilupp ta' proċeduri sabiex jintalab u jinkiseb il-qbil bil-quddiem u bil-miktub għal tixrid usa' ta' dan it-tip, u kull Parti għandha tagħti din l-approvazzjoni safejn jippermettu l-liġijiet u r-regolamenti tagħha;

4)

L-informazzjoni li toħroġ minn seminars, laqgħat, assenjazzjonjiet ta' persunal u ta' l-użu ta' faċilitajiet li dwarhom isir arranġament taħt dan il-Ftehim għandha tibqa' kunfidenzjali meta r-reċipjent ta' l-informazzjoni jintalab mill-fornitur tagħha sabiex jipproteġi l-karattru kunfidenzjali jew privileġġat tagħha fil-waqt li fih issir tali komunikazzjoni, skond il-paragrafu (c)-1);

5)

Jekk Parti ssir konxja li sejra, jew li tista' raġonevolment tistenna, li ssib ruħha f'qagħda li fiha ma tkunx tista' tissodisfa r-restrizzjonjiet u l-kundizzjonijiet tat-tixrid mogħtija fl-Artikolu 2 (c), għandha minnufih tgħarraf b'dan lill-Parti l-oħra. Sussegwentement, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jiddefinixxu l-passi li għandhom jieħdu.

3.   ID-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI TA' ENTITAJIET LEGALI TAL-PARTIJIET F'ATTIVITAJIET INDIRETTI TA' KOPERAZZJONI

(a)

Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' entitajiet legali ta' Parti li tkun qed tieħu sehem fil-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp operati mill-Parti l-oħra, u d-drittijiet u l-obbligi relatati li joħorġu minn din il-parteċipazzjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti, inkluż il-Ftehim dwar l-Aspetti, relatati mal-Kummerċ, tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, l-Anness 1C tal-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll l-Att ta' Pariġi ta' l-24 ta' Lulju 1971 tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u l-Att ta' Stokkolma ta' l-14 ta' Lulju 1967 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

(b)

Kull Parti għandha tiżgura li, skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha, l-entitajiet legali ta' Parti li tkun qed tieħu sehem fil-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp operati mill-Parti l-oħra jkollhom l-istess drittijiet u obbligi rigward il-proprjetà intellettwali bħal dawk li jkollhom l-entitajiet legali tal-Parti l-oħra, fl-istess attività indiretta ta' koperazzjoni.