29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

239


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Novembru 2005

dwar il-konklużjoni ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, dwar kwota tariffarja għall-importazzjonijiet taz-zokkor u tal-prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja lejn il-Komunità

(2005/914/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Nhar it-28 ta' Frar 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tidħol f'negozjati mar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja sabiex jiġu emendati l-arranġamenti preferenzjali fir-rigward ta' l-importazzjonijiet taz-zokkor u tal-prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja lejn il-Komunità skond il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-“FSA”).

(2)

Dawn in-negozjati ġew konklużi b'suċċess u l-Protokoll li jemenda l-FSA għandu jiġu konkluż mill-Komunità.

(3)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dan il-Protokoll għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond l-istess proċedura bħal dik prevista fir-rigward ta' l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (2),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej, minn naħa waħda, u r-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, dwar kwota tariffarja għall-importazzjonijiet taz-zokkor u tal-prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja lejn il-Komunità huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Protokoll huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Protokoll sabiex tintrabat il-Komunità.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-Protokoll skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001.

Magħmula fi Brussell, nhar il-21 ta' Novembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

(2)  ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 39/2004 (ĠU L 6, 10.1.2004, p. 16).


PROTOKOLL

li jemenda l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, dwar kwota tariffarja għall-importazzjonijiet taz-zokkor u tal-prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja lejn il-Komunità

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Komunità”,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA EX-JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA,

min-naħa l-oħra,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-FSA”) kien iffirmat fil-Lussemburgu fid-9 ta' April 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2004.

(2)

Saru negozjati sabiex jinbidlu l-arranġamenti preferenzjali fl-FSA fir-rigward ta' l-importazzjonijiet taz-zokkor u tal-prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja lejn il-Komunità.

(3)

Għandhom jiġu adottati l-emendi xierqa għall-FSA,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-FSA huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 27 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Komunità għandha tabolixxi d-dazji u l-ħlasijiet tad-dwana li għandhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, għajr dawk bl-intestaturi Nri 0102, 0201, 0202, 1701, 1702 u 2204 tan-Nomenklatura Magħquda.”

;

(b)

is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud mal-paragrafu 2:

“Il-Komunità għandha tapplika aċċess liberu mid-dazju fuq l-importazzjoni lejn il-Komunità ta' prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja bl-intestaturi 1701 u 1702 tan-Nomenklatura Magħquda, fil-limitu ta' kwota tariffarja annwali ta' 7 000 tunnellati metriċi (piż nett).”

2)

Fit-Tabella fl-Anness I mal-Protokoll 3, ir-referenzi għall-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 1702 tan-Nomenklatura Magħquda għandhom jiġu mħassra.

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-FSA.

Artikolu 3

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara d-data tal-firma.

Artikolu 4

Dan il-Protokoll għandu jiġi mfassal duplikatament f'kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti, u kull wieħed minn dawn it-testi għandu jkun ugwalment awtentiku.

Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta' Novembru 2005.

Għall-Komunità Ewropea

Għar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja