21.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

369


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2004/680/PESK

tat-12 ta' Awissu 2005

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni ta’ Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL KINSHASA)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni ta' Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, EUPOL KINSHASA (1).

(2)

L-Artikolu 13 ta’ din l-Azzjoni Konġunta jipprovdi li l-istatus tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji l-oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament tajjeb ta’ l-EUPOL KINSHASA, għandu jiġi miftiehem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat.

(3)

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill, fl-24 ta’ Jannar 2005, lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, li jassisti lill-Presidenza, sabiex jiftaħ negozjati f’isem din ta’ l-aħħar, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni nnegozja Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet ta’ l-EUPOL KINSHASA.

(4)

Minkejja l-Artikolu 11(4) tal-Ftehim, il-proċeduri ta’ akkwist ta’ beni u servizzi għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u non-diskriminazzjoni.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni ta’ Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL KINSHASA), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex dan jorbot lill-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2).

Artikolu 4

Din id- Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, nhar it-12 ta' Awissu 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-missjoni tal-pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL Kinshasa)

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO, minn hawn `il quddiem imsejħa l-“Parti Ospitanti”,

minn naħa waħda, u

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn `il quddiem imsejħa l-“UE”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn `il quddiem konġuntement imsejħa l-“Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

a)

l-ittra mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Parti Ospitanti, ta’ l-20 ta’ Ottubru 2003, lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni (SĠ/RGħ), li titlob lill-UE sabiex tassisti fl-istabbiliment ta’ l-Unità ta’ Pulizija Integrata (IPU), li għandha tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat u tirrinforza l-apparat ta’ sigurtà interna tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

b)

l-ittra tal-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo lis-SĠ/RGħ tas-16 ta' Frar 2004 li tistieden lill-UE tibgħat Missjoni tal-Pulizija f’Kinshasa sabiex tissorvelja, tiggwida u tagħti kunsilli lill-IPU taħt ċerti kondizzjonijiet, u r-risposta tas-SĠ/RGħ ta’ l-4 ta' April 2004 li taċċetta l-istedina taħt il-kondizzjonijiet imsemmija;

ċ)

l-adozzjoni mill-Kunsill fid-9 ta’ Diċembru 2004 ta’ l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (RDC) fir-rigward ta' l-Unità ta’ Pulizija Integrata (EUPOL KINSHASA) (1);

d)

it-tul ta’ żmien ta’ l-EUPOL KINSHASA, li mistenni jestendi sa l-aħħar ta’ l-2005;

f)

l-għan tal-privileġġi u l-immunitajiet previsti f’dan il-Ftehim mhumiex għall-benefiċċju ta’ individwi iżda sabiex jiżguraw it-twettiq effiċjenti tal-Missjoni ta' l-UE; u

e)

jixtiequ, permezz ta' dan il-Ftehim, jistabbilixxu l-istatus tal-Missjoni ta' Pulizija ta' l-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u konsegwentement jiddefinixxu l-privileġġi u l-immunitajiet tagħha,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Id-disposizzjonijiet tal-Ftehim preżenti u kwalunkwe obbligu assunt mill-Parti Ospitanti jew kwalunkwe privileġġ, immunità, faċilità jew konċessjoni mogħtija lill-EUPOL KINSHASA jew lill-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom japplikaw biss fit-territorju tal-Parti Ospitanti.

2.   Għall-finijiet tal-Ftehim preżenti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

“EUPOL KINSHASA” tfisser il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-UE fit-territorju tal-Parti Ospitanti stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK, inklużi l-komponenti, il-forzi, l-unitajiet, il-kwartieri ġenerali u l-persunal tagħha insedjati fit-territorju tal-Parti Ospitanti u assenjati lill-EUPOL KINSHASA;

b)

“Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija” tfisser il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija ta’ l-EUPOL KINSHASA, maħtur mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea;

ċ)

“persunal ta' l-EUPOL KINSHASA” tfisser il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija, il-persunal sekondat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE u minn pajjiżi terzi mistiedna mill-UE sabiex jipparteċipaw fil-EUPOL KINSHASA, u persunal internazzjonali reklutat mill-EUPOL KINSHASA fuq bażi kontrattwali, inkarigat sabiex jipprepara, jsostni u jimplementa l-Missjoni, esklużi l-kuntratturi kummerċjali u l-persunal lokali;

d)

“kwartieri ġenerali” tfisser il-kwartieri ġenerali prinċipali ta’ l-EUPOL KINSHASA f’Kinshasa u ċ-ċentru ta’ taħriġ f’Kasangulu;

e)

“Stat ta' l-oriġini” tfisser kwalunkwe Stat Membru ta’ l-UE jew pajjiż terz li ssekonda persunal lill-EUPOL KINSHASA;

f)

“stabbilimenti” tfisser kull bini, struttura u art meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta’ l-EUPOL KINSHASA, kif ukoll għall-akkomodazzjoni tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet ġenerali

1.   L-EUPOL KINSHASA u l-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Ospitanti u għandhom jastjenu minn kwalunkwe azzjoni jew attività li ma tkunx kompatibbli man-natura imparzjali u internazzjonali tad-dmirijiet tagħhom jew li ma tkunx konsistenti mad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

2.   L-EUPOL KINSHASA għandha tkun awtonoma fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha taħt dan il-Ftehim. Il-Parti Ospitanti għandha tirrispetta n-natura unitarja u internazzjonali ta’ l-EUPOL KINSHASA.

3.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jinnotifika lill-Gvern tal-Parti Ospitanti bil-post fejn jiġu sitwati l-Kwartieri Ġenerali tiegħu.

4.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jinforma regolarment u tempestivament lill-Gvern tal-Parti Ospitanti dwar in-numru, l-ismijiet, u n-nazzjonalitajiet tal-membri tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA stazzjonat fit-territorju tal-Parti Ospitanti billi jittrasmetti lista apposita lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Parti Ospitanti.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

1.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jiġi pprovdut bi u jiġi indentifikat permezz ta’ karta ta' identità ta’ l-EUPOL KINSHASA, li għandu jġorr fuqu b'mod obbligatorju l-ħin kollu. L-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Ospitanti għandhom jingħataw mudell tal-karta ta' identità ta’ l-EUPOL KINSHASA.

2.   Il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Parti Ospitanti għandu jipprovdi karti ta’ l-identità lill-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA skond l-istatus tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 6.

3.   Il-vetturi u l-mezzi oħra ta’ trasport ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom ikollhom marki distintivi ta’ identifikazzjoni ta’ l-EUPOL KINSHASA, li mudell tagħhom għandu jiġi provdut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Ospitanti.

4.   L-EUPOL KINSHASA hija awtorizzata tesponi l-bandiera ta’ l-UE fil-kwartieri ġenerali prinċipali tagħha u fi bnadi oħra, waħedha jew flimkien mal-bandiera tal-Parti Ospitanti, skond kif jiġi deċiż mill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija. Il-bandieri jew insinji nazzjonali ta’ l-elementi nazzjonali kostitwenti ta’ l-EUPOL KINSHASA jistgħu jintwerew fl-istabbilimenti, il-vetturi u l-uniformijiet ta’ l-EUPOL KINSHASA, skond kif jiġi deċiż mill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija.

Artikolu 4

Qsim ta' fruntieri, movimenti, u preżenza fit-territorju tal-Parti Ospitanti

1.   Għall-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA u l-assi u l-mezzi ta’ trasport ta’ l-EUPOL KINSHASA il-qsim tal-fruntieri tal-Parti Ospitanti għandu jsir f’postijiet uffiċjali ta’ qsim tal-fruntiera, f'portijiet marittimi u minn rotot internazzjoniali ta’ l-ajru.

2.   Il-Parti Ospitanti għandha tiffaċilita d-dħul fit-territorju tal-Parti Ospitanti u l-ħruġ minnu ta' l-EUPOL KINSHASA u tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA. Ħlief għall-kontroll ta' passaporti mad-dħul fit-territorju tal-Parti Ospitanti u mal-ħruġ minnu, il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA, munit bi prova ta’ l-appartenenza tiegħu għall-Missjoni, għandu jkun eżenti mir-regolamenti dwar passaporti, viżi u immigrazzjoni, u minn kwalunkwe forma ta’ kontroll minn servizzi ta’ l-immigrazzjoni.

3.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jkun eżenti mir-regolamenti tal-Parti Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma jikseb l-ebda dritt ta' residenza jew ta' domiċilju permanenti fit-territorju tal-Parti Ospitanti.

4.   L-EUPOL KINSHASA għandha tipprovdi ċertifikat ta’ eżenzjoni akkumpanjat b'inventarju għall-assi tagħha, inklużi l-armi ta’ l-idejn għall-persunal tagħha, u l-mezzi ta’ trasport bħala appoġġ għall-Missjoni, li jidħlu fit-territorju tal-Parti Ospitanti, jew jittransitaw f'dan it-territorju jew joħorġu minnu. Dawn l-assi u mezzi għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe dokumentazzjoni oħra tad-dwana. Kopja taċ-ċertifikat għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti mad-dħul fit-territorju tal-Parti Ospitanti u mal-ħruġ minnu. L-EUPOL KINSHASA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Ospitanti għandhom jiftehmu dwar il-format taċ-ċertifikat.

5.   Il-vetturi u l-inġenji ta’ l-ajru użati bħala appoġġ għall-Missjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal rekwiżiti lokali ta' liċenzji jew ta’ reġistrazzjoni. Għandhom jibqgħu japplikaw ir-regoli u r-regolamenti internazzjonali rilevanti.

6.   Il-membri tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA jistgħu jsuq vetturi b’mutur fit-territorju tal-Parti Ospitanti sakemm ikollhom liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan. Il-Parti Ospitanti għandha taċċetta bħala validi, mingħajr taxxa jew ħlas, liċenzji tas-sewqan maħruġa lill-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA.

7.   L-EUPOL KINSHASA u l-persunal tagħha, flimkien mal-vetturi, inġenji ta’ l-ajru jew kwalunkwe mezz ta’ trasport ieħor, tagħmir u provvisti tagħhom għandhom ikollhom id-dritt tal-moviment liberu u bla restrizzjonijiet fit-territorju kollu tal-Parti Ospitanti, inkluż l-ispazju ta’ l-ajru tagħha. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu konklużi arranġamenti tekniċi skond l-Artikolu 17.

8.   Għall-finijiet tal-Missjoni, il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA, u persunal lokali impjegat mill-EUPOL KINSHASA meta jivvjaġġaw fuq dmirijiet uffiċjali, jistgħu jużaw toroq, pontijiet u ajruporti mingħajr ma jħallsu dazji, pedaġġi, taxxi u drittijiet oħra.

Artikolu 5

Immunitajiet u privileġġi ta’ l-EUPOL KINSHASA

1.   L-EUPOL KINSHASA għandha jkollha l-istatus ekwivalenti għal dak ta’ missjoni diplomatika taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961, minn hawn 'il quddiem imsemmija “l-Konvenzjoni ta' Vjenna”.

2.   L-EUPOL KINSHASA, il-proprjetà, il-fondi u l-assi tagħha għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Parti Ospitanti, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

3.   L-istabbilimenti ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Parti Ospitanti ma għandhom fl-ebda waqt jidħlu fihom, ħlief bil-kunsens tal-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija.

4.   L-istabbilimenti ta’ l-EUPOL KINSHASA, it-tagħmir tagħhom u l-assi oħra ta' ġo fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe tfittxija, rekwiżizzjoni, qbid jew eżekuzzjoni.

5.   L-arkivji u d-dokumenti ta’ l-EUPOL KINSHASA għandhom ikunu invjolabbli f’kull waqt.

6.   Il-korrispondenza ta’ l-EUPOL KINSHASA għandha jkollha status ekwivalenti għal dak ta’ korrispondenza uffiċjali mogħti taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

7.   L-EUPOL KINSHASA għandha tkun eżenti minn kull imposta u taxxa kemm nazzjonali kif ukoll komunali u minn kull tribut ta’ natura simili fir-rigward ta' beni u servizzi importati u fir-rigward ta’ l-istabbilimenti tagħha, sakemm dawn ikunu maħsuba għall-għanijiet tal-Missjoni.

8.   Għall-beni u s-servizzi akkwistati fis-suq domestiku, sakemm dawn ikunu maħsuba għall-għanijiet tal-Missjoni, l-EUPOL KINSHASA għandha tkun esonerata jew rimborsata mill-Parti Ospitanti fir-rigward ta' kull imposta u taxxa nazzjonali kif ukoll komunali, inkluża l-VAT, u fir-rigward ta' kull tribut ta’ natura simili, konformement mal-liġijiet tal-Parti Ospitanti.

9.   Il-Parti Ospitanti għandha tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-Missjoni u tagħti eżenzjoni mid-dazji doganali, taxxi u tributi relatati kollha ħlief minn drittijiet għal servizzi ta' magazzinaġġ, ġarr u servizzi simili.

Artikolu 6

Immunitajiet u privileġġi tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA

1.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jgawdi l-privileġġi u l-immunitajiet kollha ekwivalenti għal dawk akkordati lill-aġenti diplomatiċi taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li abbażi tagħha l-Istati Membri ta’ l-UE u Stati oħra, ta' l-oriġini, għandhom ikollhom il-prijorità ta’ ġurisdizzjoni. Dawn il-privileġġi u immunitajiet huma akkordati lill-membri tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA matul il-missjoni tagħhom, u ulterjorment, għall-atti uffiċjali esegwiti fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom.

2.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu, bil-kunsens espliċitu ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta' l-oriġini jew l-istituzzjoni ta' l-oriġini ta’ l-UE, ineħħi l-immunità li jgawdi minnha membru tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA fejn tali immunità tkun tali li tostakola l-kors tal-ġustizzja u fejn tkun tista’ titneħħa mingħajr preġudizzju għall-interessi ta’ l-UE.

3.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jkollu d-dritt li jimporta mingħajr dazju u mingħajr kwalunkwe restrizzjoni oħra affarijiet meħtieġa għall-użu personali tiegħu, u li jesporta tali affarijiet. Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jkollu d-dritt jixtri mingħajr dazju u mingħajr kwalunkwe restrizzjoni oħra affarijiet meħtieġa għall-użu personali tiegħu, u jesporta tali affarijiet; għall-beni u s-servizzi akkwistati fis-suq domestiku, il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jkun eżenti mill-VAT u mit-taxxi konformement mal-liġijiet tal-Parti Ospitanti.

4.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jkun eżenti, fit-territorju tal-Parti Ospitanti, minn imposti u taxxi fuq l-emolumenti u s-salarji li jirċievi mill-impjieg tiegħu. Fejn jintlaqat minn xi forma ta’ tassazzjoni abbażi tar-residenza, il-perjodi li matulhom il-membri tal-persunal sekondati lill-EUPOL KINSHASA u li matulhom il-membri tal-persunal internazzjonali reklutati kontrattwalment mill-EUPOL KINSHASA ikunu preżenti fit-territorju tal-Parti Ospitanti għall-qadi ta’ dmirijiethom ma għandhomx jitqiesu bħala perjodi ta’ residenza.

Artikolu 7

Persunal lokali impjegat mill-EUPOL KINSHASA

Il-persunal lokali impjegat mill-EUPOL KINSHASA li jkun ċittadin tal-Parti Ospitanti jew li jkun residenti permanenti fit-territorju tal-Parti Ospitanti għandu jgawdi status ekwivalenti għal dak li jgawdu, skond il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-persunal impjegat lokalment f'missjonijiet diplomatiċi fit-territorju tal-Parti Ospitanti.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Parti Ospitanti, bil-mezzi tagħha stess, għandha tassumi responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA.

2.   Għal dak il-għan, il-Parti Ospitanti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni u għas-sigurtà ta’ l-EUPOL KINSHASA u tal-persunal tagħha. Kwalunkwe disposizzjoni speċifika, proposta mill-Parti Ospitanti, għandha tiġi miftiehma mal-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija qabel ma tiġi implementata. Il-Parti Ospitanti għandha tippermetti u tappoġġa mingħajr kwalunkwe ħlas attivitajiet relatati ma’ l-evakwazzjoni medika tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu konklużi arranġamenti supplementari skond fl-Artikolu 17.

3.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu d-dritt iġorr fuqu armi għad-difiża personali, soġġett għal deċiżjoni mill-Kap tal-Pulizija/Kummissarju tal-Pulizija.

4.   L-EUPOL KINSHASA ma għandhiex ikollha rwol eżekuttiv tal-pulizija.

Artikolu 9

Uniformi u armi

1.   Il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għandu jilbes uniformi nazzjonali u lbies ċivili b’identifikazzjoni distintiva ta’ l-EUPOL KINSHASA.

2.   L-ilbies ta’ l-uniformi għandu jkun soġġett għal regoli maħruġa mill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija.

3.   Konformement ma' l-Artikolu 8(3), il-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA jista’ iġorr armi ta’ l-idejn u munizzjoni.

Artikolu 10

Koperazzjoni u Aċċess għal Informazzjoni

1.   Il-Parti Ospitanti għandha tippresta koperazzjoni sħiħa u sostenn għall-EU KINSHASA u għall-persunal ta’ l-EU KINSHASA.

2.   Jekk jiġu mitluba u jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni ta’ l-EUPOL KINSHASA, il-Parti Ospitanti għandha tipprovdi:

a)

aċċess effettiv lill-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għal bini, strutturi, postijiet u vetturi uffiċjali taħt il-kontroll tal-Parti Ospitanti;

b)

aċċess effettiv lill-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA għal dokumenti, materjal u informazzjoni taħt il-kontroll tagħha, fejn dawn ikunu rilevanti għall-mandat ta’ l-EUPOL KINSHASA.

3.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u l-Parti Ospitanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment u jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw kollegament strett u reċiproku fuq kull livell xieraq. Il-Parti Ospitanti tista’ taħtar uffiċjal ta’ kollegament ma’ l-EUPOL KINSHASA.

Artikolu 11

Appoġġ mill-Parti Ospitanti u Kuntratti

1.   Il-Parti Ospitanti taċċetta li, jekk mitluba mill-EUPOL KINSHASA, tgħinha sabiex issib stabbilimenti adegwati.

2.   Jekk ikunu meħtieġa u disponibbli, il-Parti Ospitanti għandha tipprovdi mingħajr ħlas stabbilimenti li jkunu proprjetà tagħha.

3.   Skond il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, l-Parti Ospitanti għandha tgħin fil-preparazzjoni, il-kostituzzjoni, it-twettiq u s-sostenn ta’ l-EUPOL KINSHASA. L-assistenza u s-sostenn mill-Parti Ospitanti lill-EUPOL KINSHASA għandhom jiġu provduti taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk provduti lill-IPU.

4.   L-EUPOL KINSHASA għandha, kemm jista' jkun possibbli, tagħmel l-akkwisti ta' servizzi u ta' prodotti, kif ukoll ir-reklutaġġi, meħtieġa minnha fuq il-post, soġġett għall-esiġenzi tal-Missjoni.

Artikolu 12

Membri deċeduti tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA

1.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh ir-rimpatrju ta' kwalunkwe membru deċedut tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu, u li jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għal dan l-iskop.

2.   Ma għandha issir l-ebda awtopsja fuq il-membri deċeduti tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat ta' l-oriġini jew, fil-kas ta’ membru tal-persunal internazzjonali, ta’ l-Istat taċ-ċittadinanza tiegħu, u mingħajr il-preżenza ta’ rappreżentant ta’ l-EUPOL KINSHASA u/jew ta' l-Istat konċernat.

Artikolu 13

Komunikazzjonijiet

1.   L-EUPOL KINSHASA għandha jkollha d-dritt tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju trasmittenti u riċeventi, kif ukoll sistemi satellitari, bl-użu ta’ frekwenzi xierqa, soġġett għal arranġamenti li għandhom jiġu konklużi skond l-Artikolu 17.

2.   L-EUPOL KINSHASA għandha jkollha d-dritt li tikkomunika, mingħajr restrizzjonijiet, bir-radju (inklużi radju satellitari, radju mobbli jew radju ta’ l-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b'mezzi oħra. L-EUPOL KINSHASA għandha jkollha wkoll id-dritt li tinstalla, għall-finijiet tal-Missjoni, il-mezzi meħtieġa sabiex tali komunikazzjonijiet ikunu żgurati fi ħdan il-faċilitajiet ta’ l-EUPOL KINSHASA u bejniethom, inkluża l-installazzjoni ta’ cables u ta' linji fl-art, skond ir-regolamenti tal-Parti Ospitanti.

Artikolu 14

Indennizzi għal mewt, korriment, ħsara jew telf

1.   La l-Istati Membri, la Stati oħra li jipparteċipaw fil-EUPOL KINSHASA, u lanqas l-istituzzjonijiet ta' l-UE ma għandhom ikunu obbligati jagħtu xi indennizz għal pretensjonijiet ibbażati fuq attivitajiet konnessi ma’ disturbi ċivili, mal-protezzjoni ta’ l-EUPOL KINSHASA jew tal-persunal tagħha jew li huma marbutin mal-ħtiġijiet operattivi.

2.   Kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ karattru ċivili, inklużi pretensjonijiet minn membri tal-persunal lokali impjegat mill-EUPOL KINSHASA, li tirrigwarda l-EUPOL KINSHASA jew kwalunkwe membru tagħha u li fuqha l-qrati tal-Parti Ospitanti ma jkollhomx ġurisdizzjoni minħabba kwalunkwe disposizzjoni tal-Ftehim preżenti, għandha tiġi preżentata mill-awtoritajiet tal-Parti Ospitanti lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u għandha tiġi trattata permezz ta' arranġamenti separati, previsti fl-Artikolu 17, li bihom għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għat-trattament u d-deċiżjoni ta’ pretensjonijiet għal indennizzi. Id-deċiżjonijiet dwar pretensjonijiet għandhom jingħataw effett wara l-kunsens preċedenti ta’ l-Istat konċernat.

Artikolu 15

Tilwim

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jinħolqu in konnessjoni ma’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu diskussi minn Grupp Konġunt ta’ Koordinament. Dan il-Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-EUPOL KINSHASA u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Ospitanti.

2.   Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni preċedenti, il-kontroversji dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu deċiżi b’mezzi diplomatiċi bejn il-Parti Ospitanti u r-rappreżentanti ta’ l-UE.

Artikolu 16

Disposizzjonijiet oħra

1.   Kull fejn dan il-Ftehim jirriferi għall-privileġġi, l-immunitajiet, u d-drittijiet ta’ l-EUPOL KINSHASA u tal-persunal tagħha, il-Gvern tal-Parti Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implementazzjoni u t-twettiq ta’ tali privileġġi, immunitajiet u drittijiet permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti lokali tal-Parti Ospitanti.

2.   Xejn f'dan il-Ftehim ma huwa intiż li jidderoga, u xejn fih ma għandu jiġi interpretat li jidderoga, minn kwalunkwe dritt akkordat, taħt ftehim ieħor, lil xi Stat Membru ta’ l-UE jew lil xi Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUPOL KINSHASA jew għall-persunal tagħha.

Artikolu 17

Arranġamenti supplementari

Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Parti Ospitanti għandhom jikkonkludu dawk l-arranġamenti supplementari li jkunu meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jiġi ffirmat miż-żewġ Partijiet.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sat-tluq definittiv ta’ l-EUPOL KINSHASA jew tal-persunal kollu tagħha.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat b’notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Id-denunzja għandha jkollha effett 60 jum wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika tad-denunzja.

5.   It-terminazzjoni jew id-denunzja ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw kwalunkwe dritt jew obbligu li jinħoloq mit-twettiq tal-Ftehim preżenti qabel it-terminazzjoni jew id-denunzja tiegħu.

Magħmul f’Kinshasa, fi-1 ta’ Settembru 2005 f’żewġ oriġinali bil-Franċiż.

Għall-Unjoni Ewropea

Image

Għall-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Image


(1)  ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30.