European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3221

2.7.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-inklużjoni soċjali u l-għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ servizzi soċjali speċjalizzati u ta’ kwalità għolja

(opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Ċiprijotta)

(C/2026/3221)

Relatur:

Pietro Vittorio BARBIERI

Konsulent

Carlo GIACOBINI (għar-relatur)

Konsultazzjoni mitluba mill-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE

Ittra tal-14.10.2025

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Opinjoni esploratorja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

24.2.2026

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.3.2026

Sessjoni plenarja Nru

604

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea biex tfassal pjan ta’ għaxar snin (1), tilħaq l-istadji importanti u tadotta strumenti f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Jirrikonoxxi l-forza legali tad-dispożizzjonijiet tagħha, ibda mill-Artikolu 19 u l-Artikolu 12, li l-applikazzjoni kkombinata tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat id-dritt għal għajxien indipendenti.

1.2.

Il-KESE jinnota li d-data eżistenti madankollu turi tendenza lejn l-istituzzjonalizzazzjoni. Dan huwa dovut għal nuqqas ta’ finanzjament għal servizzi soċjali ta’ kwalità u bbażati fil-komunità, nuqqas ta’ persunal kwalifikat u approċċ kulturali li għadu marbut ma’ suppożizzjonijiet li l-UNCRPD beħsiebha tikkontesta u tegħleb.

1.3.

Sabiex tingħeleb id-dgħufija attwali tal-istrumenti tal-liġi mhux vinkolanti, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li tiġi adottata direttiva vinkolanti li ssarraf l-Artikolu 19 tal-UNCRPD f’rekwiżiti speċifiċi, li jiddefinixxu b’mod ċar “istituzzjoni” u “servizz ibbażat fil-komunità”, u tindirizza l-kwistjoni tat-transistituzzjonalizzazzjoni. B’mod parallel, hemm bżonn ta’ strateġiji nazzjonali obbligatorji ta’ deistituzzjonalizzazzjoni b’baġits imfassla apposta, skadenzi u indikaturi li jistgħu jitkejlu, imfassla b’mod konġunt mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà.

1.4.

Il-KESE jappella għall-inklużjoni ta’ referenza għad-deistituzzjonalizzazzjoni fil-Pjan għal Akkomodazzjoni Affordabbli, l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fl-investimenti kollha fl-akkomodazzjoni ffinanzjati mill-UE, l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali għal akkomodazzjoni aċċessibbli, u sinerġiji akbar bejn l-FSE+, il-FEŻR u InvestEU biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni assistita bbażati fil-komunità.

1.5.

Fl-Opinjoni tiegħu (2), il-KESE kien diġà appella għal reviżjoni sostanzjali tal-Proposta tal-KE għal Regolament dwar il-protezzjoni internazzjonali tal-adulti, abbażi tal-prinċipju tal-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni, li skontu s-CRPD, b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 19 tagħha, hija l-bażi legali prinċipali ta’ referenza, u mhux il-Konvenzjoni ta’ The Hague. Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal reviżjoni bħal din.

1.6.

Il-KESE jinnota l-ħtieġa li titreġġa’ lura x-xejra lejn forom ġodda u antiki ta’ segregazzjoni u li jiġi appoġġjat l-għajxien indipendenti permezz ta’ finanzjament proporzjonat. L-għoti tal-fondi Ewropej għandha tkun soġġetta għal kundizzjonalitajiet sabiex jiġi żgurat li dawn il-fondi ma jispiċċawx jiffinanzjaw ambjenti ta’ segregazzjoni. Dan ir-rekwiżit, kif ukoll referenzi diretti għall-UNCRPD, għandhom ikunu ċentrali fil-prinċipji orizzontali tal-QFP 2028-2034 li jmiss. Il-fondi tal-UE huma għodda b’saħħitha biex tiġi promossa l-inklużjoni u jitnaqqsu l-inugwaljanzi madwar l-Ewropa. Huwa kruċjali li jinżammu l-klawżoli ta’ salvagwardja u jkun hemm finanzjament apposta għall-inklużjoni soċjali fil-baġit tal-QFP futur, biex jiġi żgurat progress kontinwu lejn kura inklużiva u bbażata fil-komunità.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Din l-Opinjoni tibni fuq il-qafas legali internazzjonali tal-UNCRPD, li ġiet ratifikata mill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha (3). L-Opinjoni hija konformi b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 19, li jistabbilixxi d-dritt għal għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità, u l-Artikolu 12, li jiggarantixxi rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi. Il-KESE jqis li l-Artikolu 12 huwa l-prerekwiżit legali u l-“muftieħ” għat-tgawdija effettiva tad-dritt tal-għażla stabbilit fl-Artikolu 19 (4) (5) (6) (7).

2.2.

Fil-livell Ewropew, l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 hija l-istrument ewlieni biex tiġi implimentata l-UNCRPD. Din tidentifika l-għajxien indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni bħala prijoritajiet ewlenin, f’konformità mal-viżjoni ta’ “Unjoni tal-Ugwaljanza”.

2.3.

Madankollu, il-KESE jinnota distakk sinifikanti bejn l-impenji li saru u r-realtà esperjenzata minn miljuni ta’ ċittadini b’diżabilità. Id-diskrepanza fl-implimentazzjoni hija ċara u allarmanti. Servizzi soċjali ta’ kwalità għolja, li huma essenzjali biex jitnaqqas dan id-distakk, jiddgħajfu minn sfidi strutturali u minn użu tal-fondi Ewropej b’mod li spiss huwa kontroproduttiv.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-qafas regolatorju u l-impenn tal-UE

3.1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-impenn tal-UE għal għajxien indipendenti huwa minqux f’qafas legali u ta’ politika b’saħħtu. L-Artikolu 19 tal-UNCRPD jistabbilixxi obbligi ċari u indiviżibbli biex jiġu żgurati l-libertà tal-għażla tal-post ta’ residenza, l-aċċess għal firxa ta’ servizzi ta’ appoġġ u l-aċċessibbiltà tas-servizzi komunitarji. Il-Kumment Ġenerali Nru 5 tal-Kumitat tan-NU jagħmilha ċara li “ħajja indipendenti” tfisser li wieħed jeżerċita l-għażla u l-kontroll fuq il-ħajja tiegħu bl-appoġġ meħtieġ. L-Istrateġija Ewropea 2021-2030 issarraf dawn l-obbligi fi pjan ta’ azzjoni appoġġjat minn inizjattivi ewlenin (8) diġà mnedija jew li għaddejjin bħalissa, fosthom il-Pjattaforma tad-Diżabilità, iċ-Ċentru tar-Riżorsi AccessibleEU (9) (10), il-Pakkett dwar l-Impjiegi (11) u l-Karta Ewropea tad-Diżabilità (12) proposta. Ta’ rilevanza partikolari għal din l-Opinjoni huma l-“Linji Gwida dwar l-Għajxien Indipendenti” (2023) (13) , (14) , (15) u l-“Qafas għas-Servizzi Soċjali ta’ Eċċellenza” (2024) (16), li għandhom l-għan li jtejbu l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ.

3.1.2.

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni ta’ obbligu legalment vinkolanti hija fil-biċċa l-kbira fdata lil strumenti ta’ liġi mhux vinkolanti, bħal strateġiji u linji gwida (17). In-natura mhux vinkolanti ta’ dawn l-istrumenti toħloq vulnerabbiltà sistemika, li tippermetti lill-Istati Membri jdewmu l-implimentazzjoni tal-impenji mingħajr ma jeħlu penali.

3.2.   Ir-realtà tal-istatistika: diskrepanza sistemika fl-esklużjoni u l-faqar

3.2.1.

Il-KESE jinnota li d-data uffiċjali tal-UE tikkwantifika dewmien mifrux fl-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs. L-inugwaljanzi sistemiċi u persistenti li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità huma enfasizzati minn ħafna data sinifikanti f’oqsma differenti. Id-data tal-UE (2023/2024) tenfasizza l-inugwaljanzi sistemiċi: ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għal persuni b’diżabbiltà huwa stmat li jilħaq 28,8 % (+10,8 punti perċentwali meta mqabbel mal-popolazzjoni ġenerali), waqt li l-privazzjoni materjali u soċjali gravi hija 2,2 darbiet aktar (18).

3.2.2.

Waqt li jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tat-trasferimenti soċjali (kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi) fil-mitigazzjoni tal-agħar effetti tal-faqar, il-KESE jenfasizza l-korrelazzjoni qawwija bejn id-diżabbiltà, il-faqar u l-livelli baxxi ta’ edukazzjoni. Din id-data ma tiddeskrivix problemi iżolati, iżda ċirku vizzjuż: id-diżabbiltà żżid ir-riskju tal-faqar, li min-naħa tiegħu jillimita l-aċċess għal dak kollu li huwa meħtieġ għall-parteċipazzjoni soċjali u tax-xogħol (akkomodazzjoni, trasport, servizzi (19)(20).

3.3.   L-Artikolu 12 tal-UNCRPD: kapaċità legali bħala l-“muftieħ” tal-għajxien indipendenti

3.3.1.

Il-KESE jinnota li d-dritt għal għajxien indipendenti (Artikolu 19) huwa marbut b’mod inseparabbli mar-rikonoxximent ugwali tal-kapaċità legali (Artikolu 12). Kif iċċarat mill-Kumitat tan-NU fil-Kumment Ġenerali Nru 1 (21) tiegħu, l-Artikolu 12 huwa l-“muftieħ” tal-Konvenzjoni, essenzjali biex jiġu eżerċitati d-drittijiet l-oħra kollha, inkluż id-dritt li wieħed jagħżel fejn u ma’ min jgħix (22). Għalkemm il-Konvenzjoni titlob bidla mis-“sostituzzjoni tar-rieda” għall-“appoġġ tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet”, għad hemm skemi ta’ skwalifika u ta’ kustodja sħiħa madwar l-Ewropa. L-ebda Stat Membru tal-UE ma jikkonforma bis-sħiħ mal-Artikolu 12 tal-UNCRPD, li jiggarantixxi kapaċità ġuridika permezz ta’ rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi. Kollha kemm huma għadhom jipprevedu modi kif persuna b’diżabbiltà tiġi mċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħha, kompletament jew parzjalment: 12-il pajjiż tal-UE jippermettu ċ-ċaħda sħiħa tal-kapaċità ġuridika, disa’ pajjiżi tal-UE jippermettu t-tneħħija parzjali tal-kapaċità ġuridika u sitt pajjiżi tal-UE kważi abolixxew kwalunkwe tip ta’ ċaħda tal-kapaċità ġuridika iżda xorta jippermettu eċċezzjonijiet (23). Billi jċaħħdu lill-individwu mill-kapaċità li jaġixxi (jiffirma l-kuntratti, jimmaniġġja l-fondi), dawn l-istituzzjonijiet de facto jagħmlu l-Artikolu 19 u d-dritt għal għajxien indipendenti inapplikabbli.

3.3.2.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea nnifisha, fl-Istrateġija tagħha dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030, tirrikonoxxi li għad hemm “ostakli ġuridiċi” u li l-persuni b’diżabbiltà intellettwali jew psikosoċjali “spiss ikunu ristretti jew imċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom” (24). L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiġu aboliti l-iskemi ta’ sostituzzjoni u li jsir investiment f’alternattivi ta’ appoġġ. Organizzazzjonijiet bħal Mental Health Europe (MHE), Inclusion Europe u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà (EASPD) ilhom li żviluppaw linji gwida u identifikaw prattiki tajbin għall-implimentazzjoni tal-appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda dawn għadhom frammentati u mhux integrati f’qafas ta’ politika u finanzjament koerenti tal-UE (25).

3.4.   Id-deistituzzjonalizzazzjoni: proċess wieqaf, jekk mhux f’rigressjoni

3.4.1.

Il-KESE jwissi li mill-inqas 1,4 miljun persuna b’diżabbiltà fl-UE għadhom jgħixu f’istituzzjonijiet, b’xejra ta’ rigressjoni (+29 % f’istituzzjonijiet residenzjali f’dawn l-aħħar għaxar snin), ċifra li hija wkoll sottovalutata minħabba n-nuqqas serju ta’ data (26) (27). L-inerzja politika u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli u affordabbli jwaqqfu r-ritmu tad-deistituzzjonalizzazzjoni.

3.4.2.

Il-KESE jinnota l-fenomenu tat-“transistituzzjonalizzazzjoni”, li jseħħ ukoll meta persuna tiġi ttrasferita f’akkomodazzjoni komunitarja iżda tibqa’ soġġetta għal reġim ta’ sostituzzjoni tar-rieda, li jċaħħadha minn kontroll legali fuq l-għażliet tagħha ta’ kuljum, inklużi dawk finanzjarji u tas-saħħa, jew meta persuni jiġu ttrasferiti minn istituzzjonijiet kbar għal faċilitajiet residenzjali iżgħar, li, madankollu, jirreplikaw l-istess “kultura istituzzjonali” bbażata fuq is-segregazzjoni u n-nuqqas ta’ kontroll tal-individwi fuq ħajjithom stess.

3.4.3.

Il-KESE jfakkar li, minħabba li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni skont l-UNCRPD, ħafna persuni b’diżabbiltà jiffaċċjaw negliġenza, abbuż u vjolenza meta jgħixu f’istituzzjonijiet bħal dawn (28).

3.4.4.

Il-KESE jwissi ukoll dwar in-nuqqas sinifikanti ta’ data dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, diskrepanza statistika li hija saħansitra aktar profonda fir-rigward tal-Artikolu 12. Bħalissa ma hemm l-ebda ġbir armonizzat ta’ data dwar l-għadd ta’ ċittadini adulti mċaħħda, kompletament jew parzjalment, mill-kapaċità legali u soġġetti għal skemi ta’ kustodja jew amministrattivi. Din l-inviżibbiltà statistika xxekkel il-monitoraġġ tal-progress (jew ir-rigress) fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tagħmilha impossibbli għall-Kummissjoni u l-Kunsill li jivvalutaw l-impatt reali tal-politiki ta’ inklużjoni f’dan il-qasam.

3.4.5.

Il-KESE jiddispjaċih li f’ħafna pajjiżi, speċjalment dawk li jimplimentaw il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni, huma preċiżament il-persuni b’diżabbiltà intellettwali li għadhom f’ambjenti istituzzjonali u huma l-inqas probabbli li jibbenefikaw mill-kura.

3.4.6.

Il-KESE jiddispjaċih ukoll li s-servizzi ġestiti mill-utenti (29) b’mod ġenerali għadhom rari meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ servizzi, minkejja li wrew li huma ta’ suċċess kbir f’termini ta’ għajxien indipendenti.

3.5.   L-użu tal-fondi strutturali tal-UE

3.5.1.

Il-KESE jinnota kontradizzjoni serja fl-użu tal-fondi strutturali. Għalkemm ir-regolamenti jipprojbixxu l-appoġġ għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għas-segregazzjoni, il-fondi Ewropej għadhom jintużaw għar-rinnovazzjoni jew il-bini ta’ faċilitajiet ġodda ta’ segregazzjoni.

3.5.2.

Il-Kumitat jattribwixxi din id-distorsjoni għar-reżistenza ta’ ħafna Stati Membri biex jintroduċu regoli aktar stretti, bħal allokazzjoni delimitata tal-fondi, u għan-nuqqas ta’ monitoraġġ effettiv li jinvolvi lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà fl-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-fondi (30).

3.5.3.

Din is-sitwazzjoni tenfasizzat-tensjoni bejn l-objettiv ta’ “koeżjoni” u l-obbligu li jiġu rispettati d-“drittijiet tal-bniedem”. Fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet li jiżguraw li dawn il-fondi ma jiffinanzjawx ambjenti segregati, tipprevali l-loġika tal-koeżjoni, li twassal lill-UE biex tiffinanzja prattiki li jiksru d-drittijiet tal-bniedem li impenjat ruħha li tipproteġi.

3.6.   Il-kwalità tas-servizzi soċjali: sfidi strutturali u l-ħtieġa għal riformi

3.6.1.

Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp ta’ qafas għas-servizzi soċjali ta’ eċċellenza għall-persuni b’diżabbiltà, inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija 2021-2030. Jaqbel li dawn is-servizzi għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji allinjati mal-UNCRPD, bħall-approċċ iċċentrat fuq il-persuna, il-koproduzzjoni, l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-inklużjoni fil-komunità. Is-servizzi ta’ kwalità għal għajxien indipendenti huma bbażati fuq mudelli ġestiti mill-utenti, baġits personali, ċentri ta’ għajxien indipendenti, prattiki ta’ konsulenza bejn il-pari u li jiggarantixxu l-awtonomizzazzjoni. Madankollu, f’dan il-kuntest, il-qafas għall-eċċellenza jirriskja li jibqa’ eżerċizzju teoretiku jekk ma jkunx akkumpanjat minn riformi sistemiċi.

3.6.2.

Il-prerekwiżiti li jirfdu dawn is-servizzi huma: ir-riforma tal-valutazzjonijiet antikwati tad-diżabbiltà, li għadhom ibbażati fuq approċċ mediku; ir-replikabbiltà tal-mudell; il-monitoraġġ tal-eżiti għan-nies u għall-kwalità tal-ħajja tagħhom; il-possibilità tal-għażla, il-kontroll u l-involviment sinifikanti tal-persuni b’diżabbiltà. Il-KESE jinsisti li l-appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jitqies bħala komponent essenzjali, trasversali u mhux negozjabbli ta’ servizz iċċentrat fuq il-persuna u eċċellenti.

3.6.3.

Il-KESE jwissi li s-settur tas-servizzi soċjali madwar l-Ewropa qed jiffaċċja sfidi sistemiċi li jimminaw l-effettività tiegħu: nuqqas kroniku ta’ finanzjament, nuqqas ta’ persunal b’ħiliet u kwalifiki, kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli u infrastruttura antikwata (31). Il-KESE jirrimarka li l-kwalità tas-servizzi teħtieġ finanzjament adegwat.

4.   Kunsiderazzjonijiet

4.1.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jwettqu riformi leġiżlattivi mmirati li jegħlbu l-iskemi ta’ sostituzzjoni tar-rieda li jċaħħdu lill-persuni b’diżabbiltà mill-kapaċità legali, u jissostitwixxuhom b’soluzzjonijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 12, ibbażati fuq l-appoġġ tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan il-proċess irid jiġi żviluppat f’konsultazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tad-diżabbiltà u tal-awtopromozzjoni.

4.2.

Il-KESE jemmen li riforma strutturali tal-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ma tistax tiġi posposta bl-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet biex jiġi pprojbit kwalunkwe finanzjament ta’ istituzzjonijiet residenzjali, li tagħmel l-approvazzjoni tal-programmi kundizzjonali fuq il-konformità mal-linji gwida dwar l-għajxien indipendenti. B’dan il-ħsieb, trid tiġi stabbilita l-allokazzjoni tal-FEŻR u l-FSE+ biex jiġu żviluppati servizzi tal-komunità u akkomodazzjoni aċċessibbli, u l-FSE+ għandu jkun immirat lejn it-tranżizzjoni lejn appoġġ għad-deċiżjonijiet (taħriġ u awtopromozzjoni), li kollha huma soġġetti għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti — li jinvolvi lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà — bis-setgħa li jirrakkomandaw is-sospensjoni tal-pagamenti f’każ ta’ użu ħażin.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp tal-qafas għas-servizzi soċjali ta’ eċċellenza, iżda jenfasizza l-ħtieġa li dan jintrabat ma’ flussi speċifiċi ta’ finanzjament tal-FSE+ biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni sistemika tas-servizzi, it-taħriġ tal-persunal u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur soċjali.

4.4.

Il-KESE jqis li huwa urġenti li tiġi estiża r-rakkomandazzjoni dwar il-ġbir tad-data. Minbarra l-monitoraġġ tal-persuni fl-istituzzjonijiet, jidher utli għall-Eurostat u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li jiżviluppaw, f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà, indikaturi armonizzati għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar l-għadd ta’ persuni (adulti u tfal) soġġetti għal miżuri li jirrestrinġu l-kapaċità legali. Il-Kumitat jitlob li l-monitoraġġ tal-progress (id-deistituzzjonalizzazzjoni, proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġjati, l-aċċess għall-akkomodazzjoni, it-titjib tal-forza tax-xogħol) jiġi integrat fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, fl-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar, fil-Garanzija għat-Tfal u fil-Pjan għal Akkomodazzjoni Affordabbli, b’rapportar ibbażat fuq data diżaggregata u l-involviment tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u tal-fornituri tas-servizzi.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


(1)   https://www.un.org/development/desa/disabilities/wp-content/uploads/sites/15/2021/04/European-Strategy-2021-2030_EN.pdf.

(2)   ĠU C, C/2024/1581, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1581/oj.

(3)   https://www.un.org/development/desa/disabilities/wp-content/uploads/sites/15/2021/04/European-Strategy-2021-2030_EN.pdf.

(4)   https://www.ohchr.org/en/documents/general-comments-and-recommendations/general-comment-no5-article-19-right-live.

(5)   https://www.ncbi.nlm.nih.gov/books/NBK539188/.

(6)   https://www.ohchr.org/en/documents/general-comments-and-recommendations/general-comment-no5-article-19-right-live.

(7)   https://www.disability-europe.net/theme/independent-living?country=european-union.

(8)   https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/disability/union-equality-strategy-rights-persons-disabilities-2021-2030_en.

(9)   https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/291558/QA-01-24-084-EN-N.pdf.

(10)   https://knowledge.epr.equass.be/article/607-european-framework-for-social-services-of-excellence-for-persons-with-disabilities.

(11)   https://www.disability-europe.net/theme/independent-living?country=european-union.

(12)   https://www.edf-feph.org/disability-rights-strategy/.

(13)   https://www.inclusion-europe.eu/european-disability-strategy/.

(14)   https://www.edf-feph.org/disability-rights-strategy/.

(15)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Disability_statistics_-_poverty_and_income_inequalities&oldid=455407.

(16)   https://www.edf-feph.org/disability-rights-strategy/.

(17)   https://fra.europa.eu/sites/default/files/legal-capacity-intellectual-disabilities-mental-health-problems-factsheet-it_0.pdf.

(18)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Disability_statistics_-_poverty_and_income_inequalities&oldid=455407.

(19)   https://www.edf-feph.org/publications/the-transition-from-institutions-to-community-based-services-and-independent-living-for-persons-with-disabilities/.

(20)   https://www.eurofound.europa.eu/en/publications/all/paths-towards-independent-living-and-social-inclusion-europe.

(21)   https://www.ohchr.org/en/documents/general-comments-and-recommendations/general-comment-no-1-article-12-equal-recognition-1.

(22)   https://fra.europa.eu/sites/default/files/legal-capacity-intellectual-disabilities-mental-health-problems-factsheet-it_0.pdf.

(23)  Rapport dwar id-Drittijiet Ewropej tal-Bniedem 2024 — Il-Kapaċità Legali: Għażla u kontroll personali. https://www.edf-feph.org/content/uploads/2004/08/Human-Rights-Report-2024-Legal-Capacity-Final.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)   https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/291558/QA-01-24-084-EN-N.pdf.

(25)   https://www.mentalhealtheurope.org/what-we-do/human-rights/promising-practices/.

(26)   https://www.ncbi.nlm.nih.gov/books/NBK539188/.

(27)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202590005.

(28)  Rapport tal-FRA 2025 “Places of Care = Places of Safety? Violence against persons with disabilities in Institutions” — https://fra.europa.eu/en/publication/2025/institutions-places-care-and-places-safety (mhux disponibbli bil-Malti).

(29)   https://www.independentliving.org/links/links-independent-living-centers.html.

(30)   https://enil.eu/wp-content/uploads/2024/03/ENIL-Proposal_SoSe-of-Excellence_FINAL-Version.pdf.

(31)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202590005.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3221/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)