![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2025/2285 |
15.4.2025 |
avviż ta’ reklutaġġ pe/330/2025/s
direttur
(grupp ta’ funzjonijiet ad, grad 14)
direttorat ġenerali għall-persunal — direttorat għall-iżvilupp tar-riżorsi umani (direttorat a)
(C/2025/2285)
1. Pożizzjoni vakanti
Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal, id-Direttorat għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani (Direttorat A), skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.
Ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-impjieg huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Mas-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.
Il-kandidati għandhom jieħdu nota li, b’obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri l-ġodda kollha tal-persunal jeħtiġilhom itemmu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur u li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regoli dwar il-politika tal-mobbiltà li ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.
Dan l-impjieg jirrikjedi disponibbiltà kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.
2. Post tax-xogħol
Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.
3. Opportunitajiet indaqs
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jagħti l-akbar attenzjoni lill-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
4. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-direttur ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):
— |
tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni, |
— |
tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-direttorat filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu, |
— |
tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom, |
— |
tagħti pariri lid-direttur ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat, |
— |
tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat, |
— |
tmexxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabbiltajiet finanzjarji, |
— |
twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega. |
5. Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà
Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:
— |
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4), |
— |
igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom, |
— |
ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari, |
— |
joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti. |
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i) Kwalifiki u diplomi meħtieġa
— |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew |
— |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar. |
Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.
Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/.
(ii) Esperjenza professjonali meħtieġa
Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:
— |
tnax-il sena, eżerċitati mill-anqas parzjalment fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat u li jinkludu:
|
(iii) Għarfien lingwistiku
Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.
Dan l-għarfien huwa definit fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi. Tista’ tikkonsultah fuq dan is-sit: https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills.
Il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
6. Testijiet
Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista tal-kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.
L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:
— |
sens ta’ strateġija, |
— |
kapaċità maniġerjali, |
— |
kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem, |
— |
kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti, |
— |
approċċ metikoluż, |
— |
kapaċità ta’ komunikazzjoni. |
7. Tressiq tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:
il-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.
Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf u b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8), ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/330/2025/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (9), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/330/2025/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:
PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu
u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.
Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.
Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (10) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.
Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.
(1) Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).
(2) Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.
(3) Għad-dmirijiet prinċipali, ara l-Anness.
(4) L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.
(5) Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.
(6) Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31/12/2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, huwa meħtieġ rikonoxximent NARIC. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż li jkun Stat Membru tal-UE.
(7) Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.
(8) Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.
(9) https://europa.eu/europass/
(10) Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
DIRETTORAT ĠENERAL GĦALL-PERSUNAL
DIRETTORAT GĦALL-IŻVILUPP TAR-RIŻORSI UMANI
DMIRIJIET PRINĊIPALI
— |
Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u l-motivazzjoni tal-unitajiet u tas-servizzi tad-direttorat, kif ukoll il-ġestjoni tal-persunal u l-organizzazzjoni ġenerali tad-direttorat; |
— |
Jiżgura t-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-politiki dwar ir-riżorsi umani fl-oqsma ta’ responsabbiltà tad-direttorat u l-unitajiet; |
— |
Janalizza, jippjana u jevalwa l-ħtiġijiet tar-riżorsi umani tal-Parlament Ewropew, jagħżel u jfittex it-talent, jirrekluta l-persunal, iħarreġ, jiżviluppa l-karriera u l-etika tal-persunal; |
— |
Jiġġestixxi l-oqsma tat-tagħlim u tal-iżvilupp għall-Membri u l-persunal; |
— |
Jiġġestixxi proġetti fil-qasam tal-iżvilupp tar-riżorsi umani; |
— |
Jipparteċipa f’kumitati u f’gruppi ta’ ħidma bejn u fi ħdan id-DĠs, f’forums internazzjonali, eċċ., u jirrappreżenta lid-direttorat u, meta jkun applikabbli, lid-direttorat ġenerali; |
— |
Jikkoordina l-elementi ta’ rispons tad-Direttorat u/jew l-unitajiet tiegħu fir-rigward ta’ lmenti relatati mal-oqsma ta’ responsabbiltà tad-Direttorat. |
— |
Jeżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega; |
UNITÀ TAL-IPPJANAR STRATEĠIKU TAR-RIŻORSI UMANI
— |
Tiżviluppa u tipproduċi miżuri u studji dwar ir-riżorsi umani u tifformula rakkomandazzjonijiet għall-ippjanar tagħhom bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-istituzzjoni; |
— |
Tikkoordina l-kuntatti bejn id-DĠ għall-Persunal u d-direttorati għar-riżorsi rigward l-istrateġija tar-riżorsi umani u l-kwistjonijiet ta’ ppjanar, inkluża l-promozzjoni ta’ prattiki tajbin f’dawn l-oqsma għall-istituzzjoni kollha; |
— |
Tiżviluppa, tikkoordina u timplimenta l-politika dwar il-mobbiltà tal-persunal tal-Parlament Ewropew u tiżgura l-monitoraġġ tal-miżuri ta’ akkumpanjament; |
— |
Toffri gwida għall-karriera permezz tas-Servizz Ċentrali ta’ Gwida għall-Karriera (SCOP) u tikkoordina n-Network Lokali ta’ Gwida għall-Karriera (RELOP); |
— |
Tiġġestixxi d-deskrizzjonijiet tal-impjiegi fil-Parlament Ewropew; |
— |
Tiżviluppa għodod ta’ ġestjoni għall-Kapijiet ta’ Unità, b’mod partikolari permezz tal-“Programm ta’ Azzjoni għall-Maniġment Intermedju” (MM-AP); |
— |
Tikkoordina l-parteċipazzjoni tad-DĠ għall-Persunal fil-proċeduri ta’ selezzjoni għall-Kapijiet tal-Unità u tipprovdi appoġġ proċedurali u amministrattiv lid-Direttorati Ġenerali. |
UNITÀ TAS-SELEZZJONI U T-TFITTXIJA TA’ TALENTI
— |
Tfassal u torganizza kompetizzjonijiet u proċeduri ta’ selezzjoni speċifiċi għall-Parlament Ewropew (għall-uffiċjali/persunal temporanju/persunal kuntrattwali). Tiġġestixxi l-istadji kollha ta’ dawn, inkluż it-tfassil ta’ listi ta’ kandidati li jirnexxu tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-kompetizzjonijiet tal-EPSO li huma biss ta’ interess għall-Parlament Ewropew; |
— |
Tiġġestixxi l-listi ta’ riżerva tal-Parlament Ewropew u l-kwoti tiegħu fil-listi tal-EPSO; tassisti u tagħti pariri lid-Direttorati Ġenerali li jirreklutaw minn dawn il-listi; |
— |
Tiżviluppa u twettaq attivitajiet ta’ tfittxija ta’ talenti (“outreach”) biex tippromwovi s-Segretarjat tal-Parlament Ewropew bħala impjegatur tal-għażla u biex tattira kandidati kwalifikati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-istituzzjoni; |
— |
Tiżgura l-kuntatt mal-EPSO: tistabbilixxi l-ħtiġijiet tal-kompetizzjoni tal-Parlament Ewropew u teżamina l-avviżi ta’ kompetizzjonijiet proposti mill-EPSO; |
— |
Tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-EPSO membri tal-bordijiet tal-għażla, markaturi u superviżuri għall-kompetizzjonijiet li fihom jipparteċipa l-Parlament Ewropew; tikkoordina mal-istituzzjonijiet l-oħra f’dan il-kuntest; |
— |
Tiġġestixxi l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni u t-testijiet għall-Programm ta’ Reklutaġġ u Żvilupp tat-Trainees Schuman u proċeduri ta’ selezzjoni speċifiċi oħra; |
— |
Tiġġestixxi l-baġit tal-linja baġitarja 1610: ħlas lura tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar (żjarat mediċi, intervisti, testijiet bil-miktub u orali) u tiġġestixxi l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet oħra tal-unità, b’mod partikolari fil-qasam tat-tfittxija ta’ talenti (“outreach”). |
UNITÀ TAL-IŻVILUPP TAL-KARRIERA U L-ETIKA
— |
Tiġġestixxi l-istadji tal-karriera u tal-ħajja amministrattiva tal-persunal tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari d-diversi proċeduri relatati mal-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali u ta’ persunal ieħor (trasferiment, bidla fil-pożizzjoni amministrattiva, tmiem tas-servizz, estensjoni tas-servizz, liv għal raġunijiet personali u riintegrazzjoni); |
— |
Tiġġestixxi l-proċeduri relatati mal-evalwazzjoni tal-persunal, l-għoti ta’ punti ta’ mertu, il-kapaċità li wieħed jaħdem bit-tielet lingwa u l-promozzjoni; |
— |
Tiġġestixxi l-proċeduri relatati mal-etika, b’mod partikolari talbiet li jikkonċernaw l-aċċettazzjoni ta’ titli u donazzjonijiet, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet esterni mħallsa jew mhux imħallsa, l-attività tal-konjuġi, l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet elettivi, il-pubblikazzjoni ta’ testi; |
— |
Tinforma lill-persunal dwar il-proċeduri amministrattivi u twieġeb it-talbiet għal informazzjoni tal-klijenti; |
— |
Tiżgura l-aġġornament kif ukoll il-ħolqien ta’ proċeduri, direttivi u regolamenti interni relatati mal-karrieri, l-etika u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-unità. |
UNITÀ TAT-TAGĦLIM U L-IŻVILUPP
+ SERVIZZ TAT-TAĦRIĠ PROFESSJONALI TAL-MEMBRI
— |
Tfassal, tiżviluppa u/jew toffri programmi ta’ taħriġ, korsijiet dwar suġġetti interni għall-Parlament Ewropew, toffri korsijiet tal-katalgu u korsijiet imfassla apposta, attivitajiet ta’ teambuilding, Away Days, għall-benefiċċju tal-Membri tal-Parlament Ewropew, il-persunal tas-Segretarjat Ġenerali u l-APAs; |
— |
Tiżgura li l-offerta ta’ taħriġ li ġejja tiġi aġġornata skont il-ħtiġijiet tal-istituzzjoni; takkumpanja u tagħti pariri lid-Direttorati Ġenerali biex janalizzaw il-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-persunal tagħhom; |
— |
Torganizza, tagħżel u timplimenta attivitajiet ta’ taħriġ professjonali għall-Membri tal-Parlament Ewropew, il-persunal tas-Segretarjat Ġenerali u l-APAs fl-oqsma lingwistiċi, tal-IT u tal-iżvilupp professjonali permezz ta’ korsijiet virtwali jew ta’ tagħlim elettroniku; tiġġestixxi l-aspetti loġistiċi u tivverifika l-kwalità tat-taħriġ; |
— |
Tfassal u twettaq avvenimenti ta’ tagħlim fl-Akkademja Jean Monnet f’Houjarray għat-taħriġ inizjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-avvenimenti f’tim; |
— |
Tiżgura l-ġestjoni tal-baġit tal-unità f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Unità tar-Riżorsi Finanzjarji tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal; torganizza u tissorvelja l-kuntratti pubbliċi meħtieġa għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ taħriġ; |
— |
Tikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra u tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ programmi ta’ taħriġ tal-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni (EUSA). |
UNITÀ TAR-REKLUTAĠĠ TAL-PERSUNAL
— |
Tiżgura l-operazzjonijiet ta’ reklutaġġ u d-dħul fis-servizz ta’ uffiċjali, uffiċjali bi prova, persunal temporanju u persunal kuntrattwali għall-entitajiet kollha tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u l-gruppi politiċi billi tapplika d-dispożizzjonijiet statutorji u regolamentari kif ukoll l-istruzzjonijiet ta’ reklutaġġ fis-seħħ, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-klijenti; |
— |
Tiżgura l-ġestjoni ta’ kuntratti għal persunal interim u deċiżjonijiet għall-esperti nazzjonali sekondati; |
— |
Timmonitorja l-kuntratti attwali tal-persunal temporanju u tal-persunal kuntrattwali u twettaq l-estensjonijiet/it-tiġdid eventwali skont it-talbiet tas-servizzi tal-klijenti; |
— |
Tiżgura l-ġestjoni amministrattiva tal-karriera tal-persunal kuntrattwali (it-tmiem tal-kuntratti, l-estensjonijiet tal-perjodi ta’ prova, l-awtorizzazzjonijiet biex wieħed jaħdem wara l-età tal-irtirar, il-karrieri fl-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċertifikati għall-eks persunal awżiljarju ta’ sessjoni); |
— |
Tiżviluppa għodod, inklużi soluzzjonijiet tal-IT, għall-operazzjonijiet tal-unità; |
— |
Tiżgura l-pubblikazzjoni tal-postijiet vakanti internament u fuq il-portal interistituzzjonali; tilqa’ l-applikazzjonijiet u tivverifika l-eleġibbiltà tagħhom; tiżgura li jintbagħtu l-applikazzjonijiet eliġibbli lid-Direttorati Ġenerali kkonċernati; |
— |
Tikkontribwixxi għall-kunsiderazzjonijiet strateġiċi fil-qasam tal-ħidma tal-unità; |
— |
Tiżgura l-ġestjoni tal-linji baġitarji li jikkonċernaw il-persunal kuntrattwali, il-persunal interim u l-esperti nazzjonali sekondati. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2285/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)