![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2025/1722 |
20.3.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
(C/2025/1722)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU
“Oliva Ascolana del Piceno”
Nru tal-UE: PDO-IT-0331-AM01 - 27 ta’ Diċembru 2024
DOP (X) IĠP ()
1. Isem il-prodott
“Oliva Ascolana del Piceno”
2. Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
3. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
MINISTERU TAL-AGRIKOLTURA, TAS-SOVRANITÀ TAL-IKEL U TAL-FORESTI – PQA 1
4. Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i
Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard mogħtija fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) Nru 2024/1143:
L-emendi li saru fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-emendi standard skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/2117, peress li:
a) |
ma jinkludux bidla fl-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem; |
b) |
ma jirriskjawx li jbiddlu r-rabta msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) għad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti jew ir-rabta msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti; |
c) |
ma jikkonċernawx Speċjalità Tradizzjonali Garantita; jew |
d) |
ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
1. Preambolu
Fiż-żmien li saret l-emenda, ma kien hemm l-ebda Dokument Uniku, iżda kien hemm biss skeda tas-sommarju mfassla għal skopijiet ta’ informazzjoni. L-informazzjoni fl-iskeda ntużat fejn meħtieġ fit-tfassil tad-Dokument Uniku.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
2. Tħassir tar-referenza għar-Regolament (KE) Nru 2081/92
Ir-referenza għar-Regolament (KE) Nru 2081/92 tħassret mill-Artikolu 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
3. Inklużjoni ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodott maħsub għall-ipproċessar biss
Fit-taqsima 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku, żdiedet din l-ispeċifikazzjoni:
— |
Prodott maħsub għall-ipproċessar: |
Għall-prodott maħsub għall-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi l-oħra stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jista’ jintuża wkoll:
— |
żebbuġ sħiħ fis-salmura b’difetti viżivi żgħar biss li ma jaffettwawx id-dehra organolettika; |
— |
żebbuġ fis-salmura li jkun tneħħietlu l-għadma b’mod mekkaniku permezz ta’ qtugħ lonġitudinali u li ma jibqax adattat għall-mili minħabba li jkun inqasam. |
Tali żebbuġ jista’ jkun kopert mid-DOP “Oliva Ascolana del Piceno” biss jekk jintuża għall-ipproċessar u ma jkunx jista’ jiġi kkumerċjalizzat tali kwali għall-konsumatur finali.
L-emenda se tippermetti, għall-ipproċessar biss, l-użu ta’ żebbuġ b’difetti żgħar li ma jaffettwax id-dehra organolettika jew ta’ żebbuġ li saritlu l-ħsara waqt il-proċess tat-tneħħija tal-għadma.
Dan iż-żebbuġ jista’, pereżempju, jintuża bħala ingredjent fi prodotti oħra tradizzjonali lokali, bħas-“sugo di magro”, għall-jiem ta’ qabel xi festa Kattolika, jew is-“sugo all’ascolana”, jiġifieri zalza tat-tadam imħallta bit-tonn u ż-żebbuġ tal-varjetà ratba “ascolana”, fis-salmura u mingħajr għadma.
Sal-lum, din il-produzzjoni taż-żebbuġ ma setgħetx tiġi ċċertifikata bħala DOP, li kienet ta’ ħsara serja għall-iżvilupp u r-rilanċ tad-denominazzjoni.
B’din l-emenda qed jiġu rikonoxxuti t-talbiet mill-produtturi biex jiżdiedu l-volumi ta’ produzzjoni ċċertifikati, mingħajr, madankollu, ma jinbidlu l-karatteristiċi tal-prodott maħsub għall-konsumatur finali.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
4. Stabbiliment tal-provinċja l-ġdida ta’ Fermo
It-taqsima 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 4 tad-Dokument Uniku qiesu l-istabbiliment tal-Provinċja ta’ Fermo fl-2009. Il-bidla hija ta’ natura amministrattiva biss u ma tbiddilx iż-żona tal-produzzjoni. Għalhekk, it-taqsima 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprovdi li l-muniċipalitajiet li huma diġà inklużi fiż-żona tal-produzzjoni għandhom jiġu attribwiti lill-provinċja l-ġdida u biex dan jissemma fil-punt 4 tad-Dokument Uniku.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
5. Tħassir tal-valur tal-pH mill-karatteristiċi tal-ħamrija
Is-sentenza li ġejja tħassret mit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:, b’livelli pH subalkalini medji.
Ir-referenza għall-valur tal-pH tal-ħamrija tħassret peress li ftit għandha influwenza fuq il-prodott finali u t-terminu “medju” huwa ġeneriku.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
6. Tħassir tal-limitu tal-altitudni
Is-sentenza li ġejja tħassret mit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott: — l-altitudni taż-żoni tal-produzzjoni tvarja minn 20 sa 500 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.
It-tibdil fil-klima jwassal għat-tneħħija tal-limitu tal-altitudni, filwaqt li l-perimetru taż-żona tal-produzzjoni jibqa’ l-istess.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
7. Tneħħija tal-ispeċifikazzjoni dwar l-ispazju bejn il-pjanti
Is-sentenza li ġejja tħassret mit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott: (spazju bejn il-pjanti ta’ 6 × 6);
L-għan tat-tneħħija tal-ispazju bejn il-pjanti (6 × 6m) huwa li jiġi evitat li r-riġidità tal-miżura tipprevjeni lill-imsaġar taż-żebbuġ milli jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’kundizzjonijiet speċjali jew irregolari li, madankollu, jikkonformaw mad-densità massima ta’ 300 pjanta/ha, u li din ma tiġix emendata.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
8. Emenda fil-perjodu ta’ twaqqif tal-irrigazzjoni qabel il-ħsad
Fit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-perjodu ta’ twaqqif tal-irrigazzjoni qabel il-ħsad ġie emendat minn 20 għal 10.
Din l-emenda hija essenzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fil-provvisti naturali tal-ilma (ix-xita) f’dawn l-aħħar snin. Dan l-aspett għandu impatt partikolari fl-istadju fenoloġiku tas-sajran taż-żebbuġa, b’konsegwenzi negattivi għat-tkabbir tal-polpa taż-żebbuġ.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
9. Emenda fid-data tal-bidu tal-ħsad
Fit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, id-data tal-bidu tal-ħsad tmexxiet mill-10 ta’ Settembru għall-1 ta’ Settembru, u żdiedet l-ispeċifikazzjoni “ta’ kull sena”;
L-emenda introdotta hija konsegwenza tat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa, li jwassal għas-sajran aktar malajr tal-frotta. Jekk il-bidu tal-perjodu tal-ħsad jitressaq għall-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, se jitnaqqas ukoll il-perjodu ta’ esponiment taż-żebbuġa għall-attakki patoġeniċi, b’benefiċċji għas-sostenibbiltà ambjentali minħabba t-tnaqqis tat-trattamenti.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
10. Tħassir tal-limitu minimu ta’ konċentrazzjoni għall-idrat tas-sodju (NaOH)
Fit-taqsima 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħa l-limitu minimu ta’ konċentrazzjoni għall-idrat tas-sodju (NaOH).
Għalhekk, is-sentenza ġiet emendata minn:
“il-proċess biex iż-żebbuġ ma jibqax morr permezz tal-immersjoni f’soluzzjoni tal-idrat tas-sodju (NaOH), li l-konċentrazzjoni tagħha tista’ tvarja minn 1,5 sa 3 %;”
għal
“il-proċess biex iż-żebbuġ ma jibqax morr permezz tal-immersjoni f’soluzzjoni tal-idrat tas-sodju (NaOH), li l-konċentrazzjoni tagħha ma tridx taqbeż it-3 %;”
Tqies xieraq li titħalla biss il-konċentrazzjoni massima tal-idrat tas-sodju (NaOH), mingħajr l-ispeċifikazzjoni tal-valur minimu. Dan jippermetti lill-manifatturi, anke abbażi tal-esperjenza tagħhom, jużaw konċentrazzjonijiet saħansitra aktar baxxi biex jipproteġu l-prodott finali. Barra minn hekk, il-proposta biex titneħħa l-kwantità minima ta’ melħ ma timplikax il-ħtieġa li jiżdiedu addittivi minħabba li l-proċess ta’ pastorizzazzjoni huwa aċċettat b’mod espliċitu (it-taqsima 8).
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
Bit-tneħħija tal-valur minimu, il-produtturi, anke abbażi tal-esperjenza tagħhom, għandhom il-possibbiltà li jużaw konċentrazzjonijiet aktar baxxi biex jipproteġu l-prodott finali.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
11. Emendi fis-speċifikazzjonijiet dwar il-ħasil għat-tnaqqis tar-residwu tal-alkali;
Fit-taqsima 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 3 tal-istadji tal-ipproċessar ġie emendat minn:
3. |
fermentazzjoni u preservazzjoni fis-salmura, f’konċentrazzjoni ta’ bejn it-8 u l-10 % tal-Klorur tas-Sodju (NaCl). Iż-żebbuġ “al Naturale” tista’ titneħħielu l-għadma billi jitqiegħed direttament fis-salmura, f’konċentrazzjoni ta’ bejn it-8 u l-10 % tal-Klorur tas-Sodju. It-tul ta’ żmien tal-proċess, marbut mas-sajran tal-varjetà, jeħtieġ perjodi ta’ fermentazzjoni u ħżin ta’ mhux inqas minn 10 xhur. |
għal
3. |
il-proċess ta’ fermentazzjoni għandu jibda biż-żieda tas-salmura “inizjali” f’konċentrazzjoni ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ klorur tas-sodju. Iż-żebbuġ “al Naturale” jista’ jitneħħielu l-għadma billi jitqiegħed direttament fis-salmura, f’konċentrazzjoni inizjali ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ klorur tas-sodju, filwaqt li jiġi integrat gradwalment matul il-proċess ta’ fermentazzjoni sakemm l-istadju ta’ preservazzjoni jilħaq konċentrazzjoni massima ta’ 8 % ta’ klorur tas-sodju. Jistgħu jiżdiedu starters ibbażati fuq batterji tal-aċidu lattiku. It-tul tal-proċess huwa marbut mas-sajran tal-varjetà u jeħtieġ żmien ta’ fermentazzjoni u ħżin ta’ mhux inqas minn 3 (tliet) xhur. |
Il-bidliet proposti fil-metodu ta’ produzzjoni bl-użu ta’ starters batteriċi tal-aċidu lattiku, il-konċentrazzjoni minima tal-Klorur tas-Sodju u t-tneħħija tal-ħin minimu ta’ fermentazzjoni u ħżin huma bbażati fuq l-esperjenza tal-produtturi tas-sistema ta’ kontroll tad-DOP, li, immexxija mill-konsulenti tal-Konsorzju tal-Protezzjoni, ilhom jesperimentaw b’dawn il-prattiki innovattivi għal diversi snin, u b’dan il-proċess huwa possibbli li jinkiseb prodott li jikkonforma mal-karatteristiċi stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Issir referenza għall-istudju mwettaq mill-Professur Leonardo Seghetti et al., ippubblikat fl-2005 fil-Journal of the Science of Food and Agriculture.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
12. Emenda tad-deskrizzjoni tal-ingredjenti addizzjonali
Fit-taqsima 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, id-deskrizzjoni tal-ingredjenti addizzjonali ġiet emendata minn:
“Ingredjenti addizzjonali: bajd (minn 2 sa 4, skont il-bżonn, għal kull kg ta’ għaġina);”
għal
I“ngredjenti addizzjonali: bajd frisk u pasturizzat. Il-kwantitajiet huma:
— |
għall-bajd frisk: minn 2 sa 4, skont il-bżonn, għal kull kg ta’ għaġina; |
— |
għall-bajd pasturizzat: bajda (1) = 50 g bajd pasturizzat” |
Huwa ċar li l-bajd frisk jiġi ttrattat bħala bajd pasturizzat, filwaqt li jiġi speċifikat kemm-il gramma ta’ prodott tal-bajd pasturizzat tikkorrispondi għal bajda waħda. L-użu tal-bajd pasturizzat jiżgura aktar sikurezza alimentari u jiffaċilita l-proċess tax-xogħol.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
13. Introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet dwar iż-żebbuġ li jista’ jintuża biex jinkiseb żebbuġ mimli
Fit-taqsima 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, żdiedu l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin mad-deskrizzjoni tal-metodu tal-ipproċessar użat biex jinkiseb żebbuġ mimli (il-punt b):
“Iż-żebbuġ jista’ jintuża sħiħ fis-salmura jew sħiħ u bl-għadma mneħħija permezz ta’ qata’ lonġitudinali, sħiħ fis-salmura naturali jew mingħajr l-għadma u sħiħ permezz ta’ qata’ lonġitudinali.
Iż-żebbuġ fis-salmura tista’ titneħħielu l-għadma kemm bl-idejn kif ukoll b’mezzi mekkaniċi.
Iż-żebbuġ mingħajr għadma jista’ jimtela kemm bl-idejn kif ukoll b’mezzi mekkaniċi.”
Dawn huma metodi ta’ pproċessar li diġà ilhom jintużaw għal ħafna snin, peress li diġà ġew permessi mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iżda għal raġunijiet ta’ ċarezza, huma maħsuba li jkunu konsistenti mal-istruttura tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Jekk il-produttur ma jużax mezzi mekkaniċi għat-tneħħija tal-għadma jew għall-mili, huwa jista’ jiddikjara fuq it-tikketta li l-prodott huwa magħmul kollu bl-idejn.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
14. Introduzzjoni ta’ speċifikazzjoni għall-karatteristiċi dwar il-konsum
Fit-taqsima 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku, żdiedet l-ispeċifikazzjoni “maħsub għall-konsumatur finali” u tħassret il-frażi “sad-data tal-iskadenza indikata”.
Din il-kjarifika hija dovuta għall-fatt li dan iż-żebbuġ huwa distint minn dak użat għall-ipproċessar, u sabiex titneħħa dispożizzjoni diġà obbligatorja mil-leġiżlazzjoni rilevanti.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
15. Emenda tal-parametri deskrittivi għaż-żebbuġ mimli
Fit-taqsima 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku, ġew emendati il-parametri li ġejjin:
minn
“Dehra viżiva: forma kemxejn tawwalija (ellittika) u irregolari; bi preżenza ta’ partijiet ħodor perċettibbli;”
għal
“Dehra viżiva: forma tonda jew kemxejn tawwalija”
Din id-deskrizzjoni hija aktar adattata għall-proċessi moderni tal-produzzjoni; iż-żebbuġ li ġie mimli b’mezzi mekkaniċi għandu t-tendenza li jkollu forma aktar tonda/tawwalija u għalhekk iż-żieda hija dovuta għall-fatt li ż-żebbuġ miksub b’dan il-mod jista’ jiġi ċċertifikat ukoll bħala DOP.
minn
Togħma: il-prodott iqarmeċ, minħabba l-preżenza tal-varjetà ratba taż-żebbuġ “ascolana”, b’togħma delikata li tħalli sensazzjoni morra fuq il-palat u tvarja minn waħda intensa għal waħda medja.
għal
“Togħma: il-prodott iqarmeċ, b’togħma delikata li tħalli sensazzjoni morra fuq il-palat u tvarja minn waħda ħafifa għal waħda intensa.”
Ir-referenza għall-varjetà tħassret minħabba li hija żejda u minħabba li l-indikazzjoni tal-varjetà diġà ġiet inkluża f’partijiet oħra tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Is-sensazzjoni morra fuq il-palat hija deskritta aħjar permezz tat-terminu “waħda ħafifa għal waħda intensa”, bis-saħħa ta’ tekniki moderni tal-proċess tat-tneħħija tal-imrar, li jagħmluha possibbli li titnaqqas b’mod sinifikanti l-intensità tal-“imrar” għal livell aktar aċċettabbli għall-konsumatur.
minn
“Dehra viżiva
1 kg żebbuġ mimli għandu jkun fih minimu ta’ 65 sa massimu ta’ 95 unità.”
għal
“1 kg żebbuġ mimli għandu jkun fih minimu ta’ 60 sa massimu ta’ 95 unità.”
Il-limitu minimu għaż-żebbuġ mimli għal kull 1 kg ta’ prodott tnaqqas għal 60. Dan il-valur huwa derivat mill-esperjenza tal-produtturi li kienu qed jirriskjaw li jispiċċaw barra mill-parametri bl-użu ta’ għażla ta’ żebbuġ ta’ daqs akbar (u għalhekk ta’ aktar valur).
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
16. Introduzzjoni tal-possibbiltà tal-użu tal-aċidu lattiku
Fl-ewwel paragrafu tat-taqsima 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, żdiedet is-sentenza li ġejja:
“u l-aċidu lattiku, bl-għan li jinżamm il-bilanċ tal-valuri tal-aċidità sabiex tiġi protetta s-sikurezza alimentari.”
Iż-żieda tal-aċidu lattiku tippermetti, mill-esperjenza tal-produtturi, li tiġi stabbilizzata l-aċidità u jogħlew l-istandards tas-sikurezza alimentari.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
17. Introduzzjoni ta’ prattiki ta’ preservazzjoni għaż-żebbuġ fis-salmura
Fit-taqsima 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott żdiedet is-sentenza li ġejja dwar il-preservazzjoni taż-żebbuġ fis-salmura:
“inkluż, b’mod fakultattiv, il-pastorizzazzjoni, l-isterilizzazzjoni, l-atmosfera modifikata.”
It-tħassir tal-kontenut minimu tal-melħ li jirriżulta mill-emendi preċedenti ma tfissirx li jeħtieġ li jiżdiedu addittivi minħabba li huwa fakultattiv li jiġu permessi ċerti proċessi għall-preservazzjoni tal-prodott, l-estensjoni tal-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, u l-possibbiltà li jiġi kkummerċjalizzat mingħajr ma jiġu affettwati l-karatteristiċi tal-prodott.
Fis-sentenza “Iż-żebbuġ fis-salmura jew mimli” żdiedet il-kelma “jew”, u ġiet speċifikata referenza għat-tekniki tal-ħżin taż-żebbuġ mimli f’paragrafu apparti.
L-emenda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
18. Emenda tal-ispeċifikazzjonijiet dwar it-tikkettar
Fit-taqsima 10 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku, tħassret is-sentenza li ġejja:
“u mill-inqas id-doppju tad-daqs tal-indikazzjonijiet tad-ditta, l-isem tal-kumpanija u oħrajn, sabiex tkun tista’ tiġi distinta b’mod ċar.”
L-obbligu tad-daqs “mill-inqas id-doppju” tal-isem tad-DOP tħassar, peress li r-rekwiżit huwa diffiċli li jiġi applikat fuq tikketti żgħar u minħabba li jrid jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għal indikazzjonijiet oħra fl-istess ħin.
Żdiedet ukoll is-sentenza li ġejja:
“Għaż-‘żebbuġ mimli’, l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiżdiedu mat-tikketta fuq bażi fakultattiva: ‘li tneħħielu l-għadma bl-idejn’ jew ‘li tneħħielu l-għadma b’mezzi mekkaniċi’, ‘mimli bl-idejn’ jew ‘mimli b’mezzi mekkaniċi’.”
Sabiex il-konsumaturi jkollhom aktar trasparenza, ġie ċċarat il-kliem li jista’ jingħata abbażi tal-proċess ta’ manifattura li jkun għadda minnu l-prodott.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
19. Introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet dwar l-imballaġġ għall-prodott maħsub għall-ipproċessar
Fit-taqsima 10 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku, żdiedet is-sentenza li ġejja:
“Iż-żebbuġ maħsub għall-ipproċessar jista’ jiġi kkonsenjat f’imballaġġi jew f’kontenituri li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u identifikati bit-tikketta xierqa bil-kliem ‘Oliva Ascolana del Piceno DOP maħsuba għall-ipproċessar’, sabiex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà korretti tal-prodott”.
L-għan ta’ din l-introduzzjoni huwa li jiżgura l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodott maħsub għall-ipproċessar u mhux għall-konsumatur finali.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Oliva Ascolana del Piceno”
Nru tal-UE: PDO-IT-0331-AM01 - 27 ta’ Diċembru 2024
DOP (X) IĠP ()
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Oliva Ascolana del Piceno”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
— |
07 – VEĠETALI U ĊERTI GĦERUQ U TUBERI TAJBIN GĦALL-IKEL |
— |
08 – FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW TAL-BETTIEĦ |
— |
10 – ĊEREALI |
— |
11 – PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; MALT; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ |
— |
20 – PREPARATI TA’ ĦAXIX, FROTT, ĠEWŻ JEW PARTIJIET OĦRAJN TAL-PJANTI |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-prodott lest, maħsub għall-konsumatur finali, għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:
a) |
Żebbuġ fis-Salmura
|
b) |
Żebbuġ Mimli
|
— |
Prodott maħsub għall-ipproċessar: Għall-prodott maħsub għall-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi l-oħra stabbiliti, jista’ jintuża wkoll dan li ġej: |
— |
·żebbuġ fis-salmura sħiħ b’difetti viżivi żgħar biss li ma jaffettwawx id-dehra organolettika; |
— |
·żebbuġ fis-salmura li jkun tneħħielu l-għadma b’mod mekkaniku permezz ta’ qtugħ lonġitudinali u li ma jibqax adattat għall-mili minħabba li jkun inqasam. |
tali żebbuġ jista’ jkun kopert mid-DOP “Oliva Ascolana del Piceno” biss jekk jintuża għall-ipproċessar u ma jkunx jista’ jiġi kkumerċjalizzat tali kwali għall-konsumatur finali.
3.3. Għalf (għall-prodotti mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Oliva Ascolana del Piceno” tindika żebbuġ fis-salmura jew mimli, prodott fiż-żona ddefinita, miksub mill-varjetà taż-żebbuġ “Ascolana Tenera”.
Fil-mili:
Laħam frisk: ċanga mmaturata miż-żona ddefinita, laħam tal-majjal immaturat miż-żona ddefinita. Iż-żieda ta’ laħam tat-tiġieġ u/jew tad-dundjan miż-żona ddefinita hija permessa.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-kultivazzjoni, l-ipproċessar u l-imballaġġ iridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni ddefinita sabiex jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-kontroll.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
L-isem “Oliva Ascolana del Piceno” fis-salmura jew mimli għandu jiġi mballat fiż-żona tal-produzzjoni b’kontenituri jew tgeżwir li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar l-iġjene tal-ikel.
L-imballaġġ irid isir fiż-żona tal-produzzjoni identifikata sabiex jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-kontroll.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Oliva Ascolana del Piceno” għandu jidher fuq it-tikketta b’karattri ċari u li ma jitħassrux.
It-tikketta għandu jkollha wkoll il-kliem “fis-salmura” jew “żebbuġ mimli”, skont it-tip ta’ prodott li tkun qed tirreferi għalih.
Għaż-“żebbuġ mimli”, l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiżdiedu mat-tikketta fuq bażi fakultattiva: “li tneħħielu l-għadma bl-idejn” jew “li tneħħielu l-għadma b’mezzi mekkaniċi”, “mimli bl-idejn” jew “mimli b’mezzi mekkaniċi”.
Iż-żebbuġ maħsub għall-ipproċessar jista’ jiġi kkonsenjat f’imballaġġi jew f’kontenituri li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u identifikati bit-tikketta xierqa bil-kliem “Oliva Ascolana del Piceno DOP maħsuba għall-ipproċessar”, sabiex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà korretti tal-prodott.
L-isem “Oliva Ascolana del Piceno” huwa mmarkat bil-logo li ġej:
Iż-żieda ta’ kwalunkwe deskrizzjoni mal-isem imsemmi fit-taqsima 1, li mhijiex prevista b’mod espliċitu f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, hija pprojbita. Din il-projbizzjoni hija estiża wkoll għal aġġettivi bħal: eċċellenti, fin, superjuri, magħżul, ġenwin, tradizzjonali, eċċ...
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tad-DOP tinkludi għadd ta’ muniċipalitajiet fil-Provinċja ta’ Ascoli Piceno, il-Provinċja ta’ Fermo u xi muniċipalitajiet fil-Provinċja ta’ Teramo, imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u li jinsabu fir-Reġjuni ta’ Marche u Abruzzo. Iż-żona tal-produzzjoni hija mmarkata fuq mappa speċifika.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Piceno huwa reġjun antik li jestendi mill-Provinċja ta’ Ancona sa Atri fl-Abruzzo. Fis-sistema amministrattiva attwali, iż-żona tinsab f’żewġ reġjuni differenti, Marche u Abruzzo, jiġifieri parti mill-muniċipalitajiet tal-Provinċji ta’ Ascoli Piceno, Fermo u Teramo. Iċ-ċentru ta’ referenza storiku, propju minn fejn bdiet it-tradizzjoni u l-kultivazzjoni, huwa magħmul mill-belt ta’ Ascoli Piceno u t-territorju kollu tagħha.
Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata mill-preżenza tal-Apennini fil-Punent, il-katina ta’ Sibillini Monti, li tagħti lejn il-Lvant u tibqa’ nieżla sal-kosta Adrijatika, b’terren kollu għoljiet. Il-klima hija kkundizzjonata mill-morfoloġija taż-żona u mit-tul tal-kosta li tirċievi l-irjieħ mix-Xlokk, li jkunu sħan u umdi. Ix-xita tiżdied gradwalment mill-kosta għaż-żoni interni tal-għoljiet, wara xejra irregolari ta’ xita kkaratterizzata mill-preċipitazzjoni kkonċentrata fil-ħarifa u bejn l-aħħar tax-xitwa u l-bidu tar-rebbiegħa. L-influwenza tal-baħar tikkaratterizza l-klima taż-żona kollha involuta fil-kultivazzjoni tal-“Oliva Ascolana”, li tippreferi xita medja annwali li ma taqax taħt id-900 mm u ambjent tal-ħamrija kkaratterizzat mill-preżenza tal-kalċju. Il-kombinazzjoni tal-fatturi tal-produzzjoni, fiż-żona limitata u ristretta msemmija hawn fuq, tinsab fl-aħjar pożizzjoni possibbli li toffri lill-prodott il-karatteristiċi magħrufa tal-irtubija tal-polpa, l-irwejjaħ u l-aromi tipiċi li jagħmlu din il-produzzjoni unika. L- oriġini tal-wiċċ tar-raba’ ġejja mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Ascoli Piceno u mit-territorji ġirien, fejn il-kultivazzjoni tal-varjetà Ascolana għadha tikkostitwixxi fatt kulturali u ekonomiku. Din il-varjetà hija kkaratterizzata mill-fatt li hija pjanta vigoruża, b’kuruna ta’ weraq densa ħafna, b’żebbuġa ta’ forma ellissojdali li għandha piż medju ta’ madwar 8 grammi u għadma ta’ inqas minn 1 g, jiġifieri madwar 1/9 mill-piż taż-żebbuġa. Il-karatteristiċi tal-kwalità taż-żebbuġa “ascolana” ġew rikonoxxuti u apprezzati minn diversi figuri storiċi, mill-Papa Sistu V, li introduċieha fil-kċejjen tal-Vatikan, sa Rossini, Garibaldi u Puccini. Ir-riċerka biblijografika tmur lura għas-seklu li għadda, fejn tesponi t-twelid tat-tradizzjoni tal-mili u tal-qali taż-żebbuġ tal-mejda skont il-metodu u r-riċetti li għadhom jintużaw. Skont it-tradizzjoni popolari, l-oriġini taż-żebbuġ mimli u moqli kienet ġejja mill-ħtieġa li jiġi rkuprat il-laħam imqassam waqt il-banketti u l-ikliet ta’ nofsinhar organizzati mill-familji sinjuri. Ir-riċetta oriġinali għall-mili tista’ tiġi ttraċċata lura għal perjodu ta’ żmien tal-Kostituzzjoni tar-Renju tal-Italja (1859/61). L-“Oliva Ascolana del Piceno” hija realtà ta’ produzzjoni li għandha rikkezza ta’ kwalità u fama naturali mogħtija lilha mill-istorja ta’ sekli sħaħ tagċħha u mit-tradizzjoni stabbilita.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1722/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)