![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2025/952 |
6.2.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/952)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Caralhotas de Almeirim”
Nru tal-UE: PGI-PT-02622 — 21.7.2020
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Caralhotas de Almeirim”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Portugall
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott (bħal fl-Anness XI)
Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.2. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
1905 |
Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara, kemm jekk fihom il-kawkaw jew kemm jekk le; |
3.3. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Caralhotas de Almeirim” huma bziezen, b’dijametru medju ta’ 15 cm, forma fit-tond, qoxra kannella li titfarrak malajr u tqarmeċ, bieba rustika u pokits tal-arja ta’ daqs żgħir għal medju, meta moħmija.
- Tul u wisa’: il-“Caralhotas de Almeirim” għandhom forma fit-tond, b’dijametru medju ta’ 15 cm.
- Dehra: huma għandhom qoxra li titfarrak malajr u tqarmeċ, b’kulur li jvarja minn kulur li qisu l-qoxra ta’ bajda għal kannella (skont kemm ikunu nħmew sew) u bieba rustika kompatta u ħafifa, li għandha pokits tal-arja ta’ daqs żgħir għal medju u kulur li jvarja minn abjad għal kulur li qisu l-qoxra ta’ bajda.
Kummerċjalment, il-“Caralhotas de Almeirim” jiġu ppreżentati sħaħ u moħmijin.
Ingredjenti:
— |
Dqiq tal-qamħ – tat-tip 55 jew tat-tip 65 jew simili; |
— |
Ħmira tal-furnara u/jew tinsila – għaġina mill-ġurnata ta’ qabel li tkun tħalliet togħla (madwar 1 % għal kull 100 kg dqiq); |
— |
Ilma (50–65 % għal kull 100 kg dqiq); |
— |
Melħ (1,5 % għal kull 100 kg dqiq). |
3.4. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-“Caralhotas de Almeirim” huma magħmula mid-dqiq tal-qamħ, il-ħmira tal-furnara, l-ilma u l-melħ. It-tinsila – għaġina mill-ġurnata ta’ qabel li tkun tħalliet togħla – tista’ tintuża wkoll.
3.5. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
It-taħlit tal-ingredjenti, l-għaġna, it-tlugħ u l-qtugħ tal-għaġina, u l-ħami.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-“Caralhotas de Almeirim” jinbiegħu sħaħ u individwalment, imballati preferibbilment f’boroż tal-karti, jew inkella f’imballaġġ xieraq ieħor. Il-materjali tal-imballaġġ użati jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Dawn li ġejjin iridu dejjem jidhru fuq it-tikkettar tal-“Caralhotas de Almeirim”:
“Caralhota de Almeirim IGP” [Caralhota de Almeirim IĠP] jew “Caralhota de Almeirim Indicação Geográfica Protegida” [Caralhota de Almeirim Indikazzjoni Ġeografika Protetta], flimkien mal-logo tal-IĠP tal-UE.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-muniċipalità ta’ Almeirim.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta bejn il-“Caralhotas de Almeirim” u ż-żona ġeografika hija bbażata essenzjalment fuq ir-reputazzjoni tal-isem.
Skont l-istudjużi tal-istorja, il-“Caralhotas de Almeirim” dehru għall-ewwel darba fis-seklu 19 jew fil-bidu tas-seklu 20: “Kellhom id-dqiq, kien hemm il-furnara u mis-seklu 16 ’l hemm kien hemm l-ifran” fil-muniċipalità. F’żona li kienet rurali u fqira, il-ħobż kien isir id-dar biex jitma’ lill-familja. “Deus te acrescente que és para muita gente” [jalla togħla għax trid titma’ ħafna nies] kien jgħid il-furnar meta kien itella’ l-għaġina bil-ħmira u jaħmi l-ħobż, sabiex iġib ir-risq u jiżgura li l-ħobża titla’.
It-tradizzjoni tal-“Caralhotas de Almeirim” tmur lura ħafna u hija marbuta mal-ħtiġijiet tan-nies, li, bi ftit riżorsi, kienu jagħmlu l-ħobż id-dar biex jitimgħu lill-familja. Dak iż-żmien, l-ifqar familji kellhom il-forn tagħhom id-dar u kienu jagħmlu l-ħobż, li kienu jżommu f’boroż taċ-ċarruta biex jiekluh matul il-ġimgħa.
Fl-2018, il-kunsillier muniċipali responsabbli għall-kultura, li huwa wkoll studjuż tal-istorja, qal: “Kien jifdal biċċiet tal-għaġina mwaħħlin mal-alguidar [skutella, magħmula tradizzjonalment mill-fuħħar] u xejn ma seta’ jinħela, għalhekk il-biċċiet tal-għaġina kienu jiġu fformati fi blalen u mbagħad jinħmew”. Il-“Caralhota de Almeirim” kien isir bħala mod biex jiġi żgurat li l-ebda għaġina ma kienet tinħela, u l-isem huwa marbut mal-boċċi żgħar li jifformaw fuq il-ġerżijiet tas-suf, li n-nies tal-lokal kienu jsejħulhom caralhotas, minħabba li kienu jixbhu lill-biċċiet tal-għaġina li kien jifdal fl-iskutelli. Fil-ktieb tiegħu Pão & Vinho: Mil e uma histórias de comer e beber, fil-kapitlu bit-titlu “Volta a Portugal Através do Pão”, Paulo Moreiras jagħmel ukoll rabta bejn il-caralhota u l-boċċi żgħar fuq il-ġerżijiet tas-suf, fir-reġjun ta’ Almeirim.
L-ispeċifiċità tal-“Caralhotas de Almeirim” hija wkoll marbuta mal-għarfien espert tan-nies tal-lokal dwar il-preparazzjoni tal-għaġina u l-ibbilanċjar korrett tal-ingredjenti: titfa’ d-dqiq fl-iskutella, tagħmel ħofra fin-nofs u żżid il-ħmira għall-ħami. Imbagħad iżżid il-melħ u l-ilma. Dawn jitħalltu flimkien bl-idejn jew bl-użu ta’ spatula, u tista’ tiżdied (jew le) it-tinsila mill-ġurnata ta’ qabel. Imbagħad, iżżid aktar ilma u tibda taħdem l-għaġina, “iġġebbed it-trufijiet”, sakemm ma l-għaġina tiġi elastika, jibdew jidhru l-bżieżaq u din ma tibqax imwaħħla mal-iskutella. Huma l-għażla u l-bilanċ korrett tal-ingredjenti, flimkien mal-fehma dwar kemm tkun għoliet l-għaġina – li tiddependi fuq jekk tkunx żdiedet it-tinsila – li jagħtu lill-ħobż il-qoxra u l-bieba karatteristiċi deskritti hawn fuq.
Il-“Caralhotas de Almeirim” huma bziezen solidi u b’togħma tajba ħafna. L-għaġina hija magħmula b’tali mod li tipproduċi ħobż tipikament tqil b’bieba ta’ togħma rikka u qoxra li tqarmeċ ħafna, bħala riżultat li tkun inħmiet ġo forn jaħraq ħafna. Dawn il-karatteristiċi jiddistingwuh minn prodotti simili oħrajn tal-ħami.
Il-“Caralhotas de Almeirim” kisbu l-fama u r-reputazzjoni tagħhom bl-iżvilupp tal-industrija tar-ristoranti f’Almeirim, żona bi tradizzjonijiet kulinarji b’saħħithom, li għadhom ħajjin sal-lum il-ġurnata. Dan il-ħobż mill-iżgħar huwa akkumpanjament li jikkumplimenta s-“Sopa da Pedra” ugwalment famuża, u kienu r-ristoranti li bdew jagħmlu l-ħobż tagħhom stess u jservuh bħala parti minn dak il-platt tradizzjonali.
Illum il-ġurnata, il-“Caralhotas de Almeirim” huma komponent ċentrali tal-menwijiet fil-muniċipalità ta’ Almeirim, u tista’ dejjem issibhom waqt fieri, wirjiet ta’ divertiment u avvenimenti muniċipali, bħall-“Festival Nacional de Gastronomia u l-festival “Sopa da Pedra”, li huwa l-akbar avveniment li jsir fil-muniċipalità ta’ Almeirim.
Kull sena, il-muniċipalità ta’ Almeirim tospita l-festival “Sopa da Pedra”, li huwa l-akbar avveniment pubbliku li jsir fil-muniċipalità biex jippromwovi lil Almeirim, id-drawwiet tagħha u l-ispeċjalitajiet kulinarji notevoli tagħha, inkluż is-“Sopa da Pedra”, il-“Caralhotas de Almeirim” u l-“Melão de Almeirim”. Għexieren ta’ eluf ta’ persuni jerħulha lejn Almeirim biex ixommu l-aromi u jduqu s-sawriet uniċi tal-platti tipiċi ta’ Almeirim, bħas-“Sopa da Pedra” u l-“Caralhotas de Almeirim”. Waqt il-festival, membru tal-gvern qasam l-opinjoni tiegħu dwar l-avveniment, li huwa ddeskriva bħala fużjoni tat-tliet elementi tal-agrikoltura, il-gastronomija u t-turiżmu, filwaqt li enfasizza l-importanza tiegħu għall-ekonomija reġjonali u għall-promozzjoni ta’ Almeirim. Barra minn hekk, waqt il-festival “Sopa da Pedra” tal-2023, is-Sindku ta’ Almeirim ikkonferma li l-“Caralhotas de Almeirim” huwa l-unika ħobż disponibbli fil-festival u enfasizza l-impenn biex jiġu ppreservati t-tradizzjonijiet lokali.
Il-“Caralhotas de Almeirim” minn dejjem kienu assoċjati mas-“Sopa da Pedra”, jew servuti bħala akkumpanjament ma’ dik is-soppa jew servuti ma’ ikla. Eluf ta’ persuni jieklu ikla li tkun tikkonsisti mis-“Sopa da Pedra” u minn “Caralhota de Almeirim” b’biċċa laħam tal-majjal irqiqa ġewwa fil-festival jew fir-ristoranti.
Għaldaqstant, minn perspettiva soċjoekonomika, huwa ta’ importanza partikolari li tinżamm il-produzzjoni tal-“Caralhotas de Almeirim”, mhux biss għax, direttament jew indirettament, din toħloq l-impjiegi u żżomm lill-persuni impjegati, iżda wkoll għax il-konsumaturi jistgħu jkunu ċerti li qed jixtru prodott tradizzjonali ta’ kwalità garantita. Fil-11 ta’ Ottubru 2018, is-sit tal-aħbarijiet Rede Regional irrapporta li nbiegħu 3 miljun caralhota fis-sena f’Almeirim.
Il-festival “Sopa da Pedra” jippromwovi l-prodotti lokali b’denominazzjonijiet li huma protetti jew li qegħdin fil-proċess biex jiġu protetti. Huwa għal din ir-raġuni li, flimkien mas-“Sopa da Pedra”, l-uniku ħobż li jista’ jittiekel huwa l-“Caralhotas de Almeirim” u l-unika bettieħa permessa hija l-“Melão de Almeirim”. Ir-rabta bejn il-“Caralhotas de Almeirim” u s-“Sopa da Pedra” ġiet irreklamata b’mod wiesa’ matul is-snin fuq il-pjattaformi kollha tal-komunikazzjoni, mit-televiżjoni sal-midja soċjali.
Il-“Caralhotas de Almeirim” huma parti essenzjali mill-identità u mill-promozzjoni ta’ Almeirim u jispikkaw fl-avvenimenti reġjonali, bħall-“Feira do Montado”, u l-festivals lokali f’Alpiarça u Santarém. Dawn għandhom preżenza b’saħħitha fl-avvenimenti bħall-Fiera Agrikola Nazzjonali, li inkludiet b’mod speċjali lil Almeirim, b’fokus partikolari fuq il-“Caralhotas de Almeirim”. Dawn dehru wkoll fuq it-televiżjoni, bħal fil-programm “Praça da Alegria”, imxandar mix-xandar nazzjonali RTP, u fuq ir-Rede Regional TV, fejn viżitaturi barranin ippruvaw jagħmlu l-famużi “Caralhotas de Almeirim” waqt il-Festival Internazzjonali tal-Folklor.
Waqt il-Fiera tat-Turiżmu ta’ Liżbona, il-muniċipalità ta’ Almeirim esibixxit il-“Caralhotas de Almeirim”, is-“Sopa da Pedra”, zalzett u nbejjed lokali, laqgħet żjarat minn personaġġi pubbliċi bħall-President tal-Portugall u l-Ministru għall-Ekonomija, li spikkaw bħala l-aktar parti memorabbli tal-preżenza ta’ Almeirim waqt l-avveniment tat-turiżmu nazzjonali.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://tradicional.dgadr.gov.pt/pt/cat/pao-e-produtos-de-panificacao/1076-caralhotas-de-almeirim
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/952/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)