Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/5252 |
23.8.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
(C/2024/5252)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU
(Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012)
“Agneau du Périgord”
Nru tal-UE: PGI-FR-0711-AM02 - 24.5.2024
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem il-prodott
“Agneau du Périgord”
2. Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
3. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel
4. Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i
Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard imsemmija fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1151/2012:
L-applikazzjoni għal emenda tal-IĠP “Agneau du Périgord” ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, jiġifieri:
a) |
ma tinkludix bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta; |
b) |
ma tirriskjax li tħassar ir-rabta mal-ambjent ġeografiku; |
c) |
ma tinvolvix aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.
1. DIPARTIMENT RESPONSABBLI FL-ISTAT MEMBRU
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de la qualité et de l’origine) ġew aġġornati.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
2. GRUPP APPLIKANT/KOMPOŻIZZJONI
Il-kompożizzjoni ġiet riformulata biex tispeċifika “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta b’mod effettiv fil-proċessi tal-produzzjoni jew tal-preparazzjoni stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-IĠP ‘Agneau du Périgord’ ”.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
3. DESKRIZZJONI TAL-PRODOTT
Il-piż massimu tal-ħrief żdied minn 21 kg għal 22 kg.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
4. DESKRIZZJONI TAL-METODU TAL-PRODUZZJONI TAL-PRODOTT AGRIKOLU/SKARNAR
Il-piż massimu tal-ħrief żdied minn 21 kg għal 22 kg.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
5. ELEMENTI LI JIĠĠUSTIFIKAW IR-RABTA MAL-AMBJENT ĠEOGRAFIKU/SPEĊIFIĊITÀ TAL-PRODOTT
Il-piż massimu tal-ħrief żdied minn 21 kg għal 22 kg.
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
6. KRITERJI NAZZJONALI / TABELLA BIL-PUNTI EWLENIN LI GĦANDHOM JIĠU VVERIFIKATI
Il-piż massimu tal-ħrief żdied minn 21 kg għal 22 kg.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Agneau du Périgord”
Nru tal-UE: PGI-FR-0711-AM02 - 24.5.2024
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Agneau du Périgord”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
— |
02 - LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM KOMMESTIBBLI |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
L-“Agneau du Périgord” huwa ħaruf li tredda’ għal mill-inqas 60 jum u li fil-fażi tal-finitura ngħata għalf ibbażat prinċipalment fuq ħbub sħaħ jew irrumblati.
L-“Agneau du Périgord” huwa ħaruf li jiġi skarnat bejn l-età ta’ 80 u 180 jum, b’piż tal-karkassa ta’ bejn 15 u 22 kg u b’konformazzjoni ta’ laħam tajba bis-saħħa tal-għażla tar-razez imrobbija għal-laħam fil-każ tal-imtaten u ta’ razez rustiċi jew semi-rustiċi fil-każ tan-nagħġiet femminili.
L-imtaten jintgħażlu minn fost ir-razez imrobbija għal-laħam li ġejjin: Berrichon, Charollais, Ile de France, Rouge de l’Ouest, Suffolk, u Texel.
In-nagħġiet femminili jkunu jew ta’ razza rustika pura: Lacaune viande, Blanche du Massif central, Causse du Lot, u Romane, jew tar-razza semi-rustika Charmoise, jew nagħġiet femminili minn inkroċjar tar-razez rustiċi u tar-razez imrobbija għal-laħam imsemmija hawn fuq.
L-“Agneau du Périgord” għandu konformazzjoni E-U-R b’muskoli żviluppati fuq skeletru rqiq u kontenut ta’ xaħam ta’ 2 u 3 fuq l-iskala EUROP.
Il-laħam tal-ħaruf huwa ta’ kulur ċar (dovut għat-tagħlif abbażi tal-ħalib għal mill-inqas 60 jum). Ix-xaħam tiegħu huwa abjad jew bi ftit li xejn kulur, b’konsistenza soda, magħqud b’mod uniformi u mhux żejtni.
Anke l-ġewwieni li ġej jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala IĠP: il-kliewi, l-animella, il-qalb, il-fwied, l-ilsien u s-saqajn.
Il-laħam u l-ġewwieni tal-“Agneau du Périgord” huma ppreżentati friski jew iffriżati.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
3.3.1.
— |
Mit-twelid sa meta jkollhom mill-inqas 60 jum, il-ħrief jitreddgħu kemm iridu minn ommijiethom. Dawn jgħixu ma’ ommijiethom sakemm jinfatmu. |
— |
Wara 60 jum u matul il-perjodu tal-finitura, il-proporzjon tat-tagħlif abbażi tal-ħalib jonqos sakemm jitlesta l-ftim, u minflok ħalib jibda jingħata foraġġ u għalf supplimentari. Dan l-għalf supplimentari huwa magħmul minn ħbub sħaħ jew irrumblati u minn suppliment li fih in-nitroġenu. |
3.3.2.
Il-ħaxix huwa d-dieta ewlenija tan-nagħġiet femminili. Ir-ragħa jsir fil-mergħat naturali jew temporanji u jdum mill-inqas 7 xhur fis-sena.
Il-foraġġ kollu li jinħasad jitkabbar fiż-żona ġeografika u fil-biċċa l-kbira fl-azjenda.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-“Agneau du Périgord” jitwieled u jitrabba fiż-żona ġeografika ddefinita.
Biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-laħam tal-ħaruf tiġi ppreservata, qabel l-iskarnar għandu jiġi evitat it-trasport fit-tul kif ukoll kwalunkwe stress fuq l-annimali. Għaldaqstant, il-ħin tal-vjaġġ bejn l-azjenda u l-biċċerija għandu jkun inqas minn 8 sigħat.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tfettit, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Meta l-laħam jew il-ġewwieni jiġi ffriżat malajr, id-data minima ta’ durabbiltà ma tkunx iktar minn 18-il xahar.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-laħam kollu IĠP irid ikun akkumpanjat minn ċertifikat ta’ garanzija tal-oriġini (CGO, Certificat de Garantie d’Origine) (karkassa) u kull biċċa laħam IĠP trid tiġi ttikkettata bħala unità imballata individwalment (UVC, unité de vente conditionnée).
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tal-IĠP “Agneau du Périgord” hija magħmula mid-départements, mill-cantons u mill-muniċipalitajiet li ġejjin, f’konformità mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2020 imfassal mill-Insee (l-Istitut Nazzjonali Franċiż tal-Istatistika u tal-Istudji Ekonomiċi):
— |
Id-département ta’ Dordogne kollu; |
— |
Id-département ta’ Corrèze: il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Saint-Pantaléon-de-Larche (ħlief il-muniċipalitajiet ta’ Estivals, Jugeals-Nazareth, Nespouls, Noailles u Turenne) u L’Yssandonnais, u l-muniċipalità ta’ Brive-la-Gaillarde; |
— |
Id-département ta’ Lot: il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Gourdon, Puy-l’Evêque (ħlief il-muniċipalitajiet ta’ Le Boulvé, Les Junies, Lherm, Saint-Matré u Saux) u Souillac, u l-muniċipalità ta’ Thédirac; |
— |
Id-département ta’ Lot-et-Garonne: il-muniċipalitajiet tal-cantons ta’ Les Coteaux de Guyenne (ħlief il-muniċipalità ta’ Jusix), Le Fumélois, Le Haut Agenais Périgord, Le Livradais, Le Pays de Serres, Le Val du Dropt u Villeneuve-sur-Lot-2, u l-muniċipalitajiet ta’ Brugnac, Coulx, Labretonie, Lédat, Sauvagnas, Sembas, Verteuil-d’Agenais u Villeneuve-sur-Lot. |
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ġeografikament, Périgord jinsab fil-Lbiċ ta’ Franza, huwa ċċentrat fuq id-département ta’ Dordogne u jmiss ma’ Gironde u ma’ Charente fil-Punent, ma’ Limousin u ma’ Quercy fil-Lvant, u ma’ Agenais fin-Nofsinhar. Bħal kull reġjun fqir ieħor, id-département ta’ Dordogne kien għal żmien twil sinonimu mat-trobbija tal-ovini. Dawk li jrabbu l-ovini f’Périgord żviluppaw għarfien espert speċifiku fit-tnissil tal-ovini marbut mar-restrizzjonijiet tat-territorju tagħhom u stabbilew sistema għat-trobbija tal-ovini li tiġbor ir-riżorsi kollha disponibbli. L-għażla ta’ nagħġiet femminili ta’ razez rustiċi jew semi-rustiċi kienet waħda naturali fil-kuntest ta’ biedja mħallta (li tinvolvi t-tkabbir tal-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem) fuq skala żgħira, fejn l-ovini kienu jitrabbew biex jużaw art mhux wisq fertili. Dan jippermetti lill-bidwi jagħlef lin-nagħġiet femminili u jġegħelhom jirriproduċu matul is-sena kollha permezz tar-riżorsi taż-żona ġeografika (foraġġ, mergħat u artijiet tal-merħliet), filwaqt li jżomm biżżejjed ċereali u l-aħjar ħuxlief għall-finitura tal-ħrief. L-ispeċifiċità tal-“Agneau du Périgord” hija prinċipalment attribwibbli għal din it-trobbija tradizzjonali tal-ħrief: perjodu ta’ treddigħ ma’ ommijiethom segwit minn perjodu ta’ finitura b’għalf abbażi ta’ foraġġ u ta’ ħbub sħaħ jew irrumblati, li huma s-sors tal-kwalità u tar-reputazzjoni tal-“Agneau du Périgord”.
Périgord huwa medda kbira ta’ għoljiet baxxi taħt il-muntanji, ġeneralment b’inklinazzjoni mill-Grigal għal-Lbiċ, li minnha jgħaddu erba’ xmajjar u l-ħafna tributarji tagħhom, li twassal b’mod gradwali mill-Plateau des Millevaches f’Limousin (altitudni ta’ 480 m) sal-wied tan-naħa ta’ isfel ta’ Dordogne (altitudni ta’ 8 m). Din it-topografija, li ssawret bil-formazzjoni tal-Alpi fl-era terzjarja, ċaqalqet, qasmet, għolliet u mermret iż-żona fejn il-katina antika ta’ muntanji Ersinjani tmiss mad-depożiti tal-franka u sedimentarji tal-pjanura. Fil-blat kristallin tat-Tramuntana ta’ Périgord, l-ilmijiet ħaffru widien fondi b’inklinazzjonijiet weqfin u widien fondi u dojoq. Fiċ-ċentru ta’ Périgord, l-erożjoni ffurmat widien wesgħin li kultant ikollhom skarpati bil-blat u xi drabi oħra inklinazzjonijiet miksija b’materjal tal-franka.
Dan ir-riżalt kollu plateaux, għoljiet, inklinazzjonijiet u widien żgħar jifforma pajsaġġ, li dejjem jinbidel, b’għelieqi żgħar u sisien tal-ħaxix li l-orizzont spiss qrib tiegħu dejjem jitgħatta minn boskijiet, imsaġar jew sempliċiment minn sisien tal-ħaxix jew sġajriet.
Il-widien, li huma l-uniċi żoni b’ħafna ħamrija alluvjali u tajbin għall-biedja, jikkuntrastaw mal-għoljiet u l-plateaux xotti u foqra.
Ġeneralment, il-klima ta’ Périgord hija moderata, oċeanika u kkaratterizzata minn xita medja (850 mm) imqassma fuq medja ta’ 130 jum u minn temperatura medja moderata (12 °C). B’differenzi notevoli bejn ix-xitwa u s-sajf bl-istaġuni tan-nofs varjabbli ħafna, Périgord huwa soġġett ukoll għal influwenzi kontinentali fix-xitwa u influwenzi kważi Mediterranji fis-sajf. Minħabba li jinsab f’żona ta’ tranżizzjoni, huwa kkaratterizzat minn varjabbiltà konsiderevoli.
Il-preżenza tal-ovini f’Périgord ilha tiġi ddokumentata għal dawn l-aħħar 6 000 sena u baqgħet kostanti u sinifikanti sas-seklu 19. Huwa stmat li fl-1809 il-popolazzjoni tal-ovini kienet erba’ jew ħames darbiet akbar mill-popolazzjoni tal-ifrat. Kienet tammonta għal aktar minn 667 400 u kienet mifruxa mad-département kollu.
Bħal f’kull post ieħor f’dak iż-żmien, l-ovini kienu jitrabbew qabelxejn għas-suf, li kien essenzjali ħafna għall-manifattura tal-ħwejjeġ, kif ukoll għad-demel li kienu jipproduċu. Il-laħam tagħhom kien prodott sekondarju maħsub prinċipalment għall-konsum mill-familja tan-nissiel stess, għalkemm diġà kien hemm evidenza li kien jiġi apprezzat b’mod partikolari fil-livell gastronomiku lokali. Fit-tieni nofs tas-seklu 19, diversi kitbiet konverġenti wrew xejra lejn it-trobbija tal-ovini għal-laħam tagħhom.
Fl-1938, Dordogne ikklassifika għal darba oħra fost l-ewwel ħames départements Franċiżi għall-għadd ta’ ovini. Din il-merħla, wara li naqset ħafna wara l-aħħar gwerra, reġgħet irkuprat b’mod sinifikanti.
Il-metodi tat-trobbija tal-ovini jużaw b’mod effettiv l-artijiet li ftit li xejn huma produttivi mil-lat agronomiku.
Dawn ir-restrizzjonijiet wasslu għall-għażla ta’ nagħġiet femminili ta’ razez magħrufa u magħżula għar-rustiċità u għar-reżistenza tagħhom, u għall-kapaċità tagħhom li jimmoderaw kemm jieklu u jixorbu, li jirgħu f’artijiet tal-merħliet fqar, li jnisslu barra mill-istaġun tat-tnissil u li jagħlfu lill-ħrief tagħhom mingħajr diffikultà. Il-merħliet tal-lum il-ġurnata huma msawra minn għadd ta’ razez, puri u inkroċjati, bħar-razez Lacaune viande, Blanche du Massif Central, Romane, Causse du Lot u Charmoise. Dawn ir-razez rustiċi jew semi-rustiċi jitrabbew billi jiġu inkroċjati ma’ imtaten tejjieba. Il-bdiewa li jrabbu l-ovini għandhom għarfien tajjeb ħafna dwar l-inkroċjar u l-għażla tar-razza tal-imtaten sabiex it-tgħammir itejjeb il-karkassa tal-ħrief jew inkella jippreserva l-kwalitajiet materni tal-ovini ommijiet futuri: ir-rustiċità, il-kapaċità tat-tnissil barra mill-istaġun tat-tnissil u t-tgħammir naturali.
Is-sistema tal-għalf implimentata mill-bdiewa hija msawra mill-istess restrizzjonijiet: l-isfida titlob li l-bdiewa jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tagħhom biex jiżguraw il-produzzjoni ta’ ħrief ta’ kwalità għolja tul is-sena kollha.
Il-bdiewa jintrabtu li jorganizzaw it-tagħlif tal-merħla u li jaraw li jaġġustaw il-provvisti tal-ikel għall-ħtiġijiet alimentari tan-nagħġiet femminili u tal-ħrief skont l-istadji fiżjoloġiċi rispettivi tagħhom.
Dan iwassal biex il-bdiewa jfasslu skeda tat-tagħlif kumplessa li tikkombina bl-aqwa mod l-artijiet tal-merħliet, il-mergħat u ż-żoni tal-foraġġ, filwaqt li għalihom kollha jqisu l-erja u r-rendiment potenzjali tagħhom, u possibbilment anke d-distanza tagħhom mill-azjenda agrikola.
Il-merħla, maqsuma f’merħliet omoġenji skont il-ħtiġijiet fiżjoloġiċi (nagħġiet femminili tqal jew li qed ireddgħu, nagħġiet femminili żgħar għat-tnissil), tinħareġ fil-mergħat skont skeda li tippermetti li jiġu sfruttati u mtejba kemm jista’ jkun ir-riżorsi veġetali kollha, filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet alimentari tal-kategoriji kollha tal-annimali.
Il-ħajja tal-“Agneau du Périgord” hija maqsuma f’żewġ stadji: il-perjodu tat-treddigħ, li matulu l-ħaruf jibqa’ ma’ ommu, u l-perjodu tal-finitura, li matulu jingħata l-attenzjoni kollha li jkollu bżonn (l-ispazju tiegħu u għalf tal-aqwa kwalità).
F’din iż-żona riżervata, il-bidwi jagħti lill-ħrief għalf speċjali li jikkonsisti f’taħlita bbilanċjata prinċipalment ibbażata fuq ħbub sħaħ jew irrumblati, issupplimentat b’ħuxlief tajjeb ta’ ħaxix u legumi.
Din is-supplimentazzjoni għat-treddigħ issir l-għalf ewlieni tal-ħrief żgħar meta jkunu qed jiġu miftuma.
Dan l-għalf huwa l-bażi għal żvilupp aktar armonjuż u malajr tal-“Agneau du Périgord”.
L-“Agneau du Périgord” huwa ħaruf żgħir (bejn 80 jum u 180 jum) u ħafif (bejn 15 u 22 kg). Għandu konformazzjoni tajba b’muskoli żviluppati fuq skeletru rqiq. Il-karkassa tiegħu ma fihiex tiċrit jew ematomi. Il-kulur tal-laħam huwa roża ċar. Ix-xaħam huwa abjad jew bi ftit li xejn kulur, b’konsistenza soda, magħqud b’mod uniformi u mhux żejtni.
Ir-rabta kawżali hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-“Agneau du Périgord”.
Il-kundizzjonijiet klimatiċi ferm irregolari taż-żona, flimkien mal-potenzjal agronomiku baxx tagħha, ikkontribwew għal adattament tas-sistemi tat-tnissil li llum jipproduċu l-“Agneau du Périgord”.
L-artijiet mistagħdra ta’ Périgord Vert u l-plateaux niexfa tal-franka ta’ Sarladais u l-artijiet ġurassiċi joffru artijiet tal-merħliet ideali għall-ovini, li spiss ikunu l-uniċi kapaċi li jisfruttaw dawn l-irqajja’ żgħar ħafna ta’ art fqira li jinsabu fuq inklinazzjonijiet weqfin u li huma diffiċli biex jiġu aċċessati, magħrufin bħala “picadies”.
Minħabba l-varjabbiltà kbira fl-ammont ta’ xita u fit-temperaturi, il-bdiewa ta’ Périgord, li qatt ma jistgħu jkunu ċerti li se jkun hemm ammont ta’ xita jew temperaturi xierqa għall-għelejjel tagħhom, draw jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jqassmu r-riskji fuq għadd ta’ għelejjel ewlenin.
Dan it-tip ta’ pajsaġġ u dawn il-kundizzjonijiet ambjentali ffavorew iż-żamma ta’ azjendi agrikoli żgħar u frammentati, li għal żmien twil kellhom ekonomija awtosuffiċjenti, b’hekk fittxew li jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi agronomiċi u umani tagħhom. Il-biedja mħallta (it-tkabbir tal-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem) hija predominanti hawnhekk.
Għalhekk, it-trobbija tal-ovini spiss tkun assoċjata mal-produzzjoni tal-ħbub, li parti minnha tintuża għat-tagħlif tal-merħliet tal-ovini, flimkien ma’ għalla oħra jew diversi għelejjel oħra.
Mill-bidu tas-seklu 20, il-produzzjoni tal-laħam issostitwiet il-produzzjoni tas-suf u l-bdiewa ta’ Périgord segwew ix-xejra ġenerali u bdew juru interess fil-progressi ġenetiċi.
Dak iż-żmien kienu jitrabbew tliet razez f’Périgord: ir-razez Charmoise, Berrichonne de l’Indre u Causse du Lot. Minn dak iż-żmien ’l hawn dawn ir-razez naqsu, filwaqt li tliet razez oħra — ir-razez Lacaune type viande, Blanche du Massif Central u Romane — żdiedu. Madankollu, ir-razez li jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra, b’mod partikolari r-razez Charmoise u Causse du Lot, esperjenzaw ċertu rkupru f’dawn l-aħħar 10 snin.
L-użu ta’ dawn ir-razez rustiċi wassal għal prattiki konsistenti mal-isfruttament tal-karatteristiċi distinti ta’ din iż-żona.
L-ispeċifiċità tal-“Agneau du Périgord” hija prinċipalment attribwibbli għal din it-trobbija tradizzjonali tal-ħrief: perjodu ta’ treddigħ imqabbda mal-beżżul ta’ ommijiethom segwit minn perjodu ta’ finitura b’għalf abbażi ta’ foraġġ u ħbub sħaħ jew irrumblati.
Il-kulur ċar tal-laħam tal-“Agneau du Périgord” huwa r-riżultat ta’ żewġ elementi komplementari tal-metodu li permezz tiegħu jinkiseb il-prodott: l-età tal-ħrief meta jiġu skarnati (massimu ta’ 180 jum) u l-perjodu tat-treddigħ ta’ mill-inqas 60 jum.
Ix-xaħam abjad (jew bi ftit li xejn kulur) u sod huwa attribwibbli għal dieta speċifika waqt il-perjodu tal-finitura. Din id-dieta hija bbażata fuq foraġġ u għalf supplimentari bi ħbub sħaħ jew irrumblati biss.
Dan is-suppliment dijetetiku speċifiku waqt il-perjodu tal-finitura jagħti lil-laħam tal-“Agneau du Périgord” kontenut ta’ xaħam intrinsiku bbilanċjat.
L-“Agneau du Périgord” huwa prodott b’mod tradizzjonali fiż-żona ta’ Périgord. Huwa delikatezza ta’ żmien il-festi li tiġi f’ħafna forom, iżda li dejjem ikollha post ewlieni fl-ikliet.
Huwa l-ingredjent prinċipali f’ħafna riċetti u xi drabi jissejjaħ “il-ġawhra l-oħra ta’ Périgord”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5252/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)