|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4492 |
12.7.2024 |
Pubblikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, f’konformità mal-Artikolu 6b, il-paragrafi 2 u 3, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
(C/2024/4492)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b, il-paragrafu 5, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
KOMUNIKAZZJONI MINN STAT MEMBRU TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
[ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012]
“Sel de Salies-de-Béarn”
Nru tal-UE: PGI-FR-01311-AM01 - 26.4.2024
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem il-prodott
“Sel de Salies-de-Béarn”
2. Stat Membru li tagħmel parti minnu ż-żona ġeografika
Franza
3. Awtorità tal-Istat Membru li qiegħda tikkomunika l-emenda standard
Il-Ministeru tal-Agrikolutra u tas-Sovranità Alimentari
—
4. Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i
Raġunijiet għalfejn l-emenda/i hija/huma skont id-definizzjoni ta’ emenda standard f’konformità mal-Artikolu 53, il-paragrafu 2, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012:
It-talba għal emenda tal-IĠP “Sel de Salies-de-Béarn” ma tikkonċerna l-ebda wieħed mit-tliet każijiet ta’ emenda hekk imsejħa tal-Unjoni, jiġifieri:
|
a) |
tinkludi bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta; |
|
b) |
tirriskja li tħassar ir-rabta maż-żona ġeografika; |
|
c) |
twassal għal restrizzjonijiet ġodda f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
B’konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li t-talba tikkwalifika għal emenda magħrufa bħala “standard”
1. DESKRIZZJONI TAL-PRODOTT
Il-karatteristiċi biex jiġi deskritt il-kulur bħal “dehra bħall-ħalib, jagħti fl-isfar u fir-roża, b’mod naturali” huma mħassra.
Jiżdied valur tad-densità għall-melħ oħxon: 0,800 kg/litru jew iktar
Il-valur fil-mira tal-granulometrija li inizjalment kien ta’ 0,5 mm għall-melħ oħxon u għall-melħ fin żdied għal 1 mm.
Il-perċentwal insolubbli ta’ inqas minn 1 % sar inqas minn 0,5 %
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
2. DESKRIZZJONI TAL-METODU TA’ KIF JINKISEB IL-PRODOTT
Tiżdied l-istaġjonalità tal-ġbir: “Il-perjodu tal-ġbir iseħħ biss mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena.”
Id-dispożizzjoni li tipprevedi li l-produttur tal-melħ jiġġudika skont il-kundizzjonijiet atmosferiċi l-mument opportun għall-ippakkjar hija mħassra, minħabba li l-kontroll tal-umdità u t-test tal-mess huma biżżejjed.
L-aġġettiv “teknoloġiċi”, li jikkonċerna l-addittivi, huwa mħassar. L-użu ta’ kull tip ta’ addittiv huwa pprojbit.
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
3. RABTA MAŻ-ŻONA ĠEOGRAFIKA
Din il-parti nkitbet mill-ġdid biex tkun konformi mal-esiġenzi tal-Kummissjoni Ewropea (il-parti dwar l-istorja mqassra, ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti partijiet għal iktar koerenza).
L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.
4. REKWIŻITI NAZZJONALI
Jiżdied kontroll tad-densità u tal-umdità permezz ta’ analiżijiet.
L-użu ta’ addittivi teknoloġiċi huwa pprojbit biex tinżamm konformità mal-metodu tal-kisba
L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
“ Sel de Salies-de-Béarn ”
Nru tal-UE: PGI-FR-01311-AM01 - 26.4.2024
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Sel de Salies-de-Béarn”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]
Klassi 2.6. Melħ
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” huwa prodott minn salmura naturali: l-ilma ġieri mielaħ meħud miż-żona korrispondenti għad-depożiti tal-melħ Trijassiċi tar-reġjun ta’ Salies-de-Béarn. L-ilma ġieri mielaħ jiġi mit-taħlil naturali tal-melħ tal-blat fl-ilma ta’ taħt l-art.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” jifforma permezz tal-kristallizzazzjoni fil-fażi ta’ evaporazzjoni tal-ilma ġieri mielaħ skont metodu qadim ta’ tisħin tas-salmura fis-salini, fl-apert.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” huwa melħ li jittiekel. La jiġi raffinat u lanqas jinħasel wara l-ġbir, u jiġi prodott mingħajr iż-żieda ta’ addittivi.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” jiġi fl-għamla ta’ melħ oħxon jew melħ fin.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-proċessi li jridu jsiru f’din iż-żona ġeografika huma:
|
— |
It-tħaffir |
|
— |
L-ippumpjar tal-ilma ġieri mielaħ |
|
— |
Il-produzzjoni tal-melħ |
|
— |
It-tnixxif – (it-tħin) – (it-tgħarbil) |
|
— |
Imballaġġ |
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
L-impjanti lokali għandhom għarfien prattiku speċjali. Minħabba li dawn għandhom għarfien eċċellenti tal-prodott, tal-fraġilità tiegħu u frijabbiltà tiegħu, dawn jagħtu attenzjoni speċjali għall-ħżin u għall-imballaġġ. Meta s-“Sel de Salies-de-Béarn” jilħaq il-livell ta’ umdità ddefinit f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-produttur tal-melħ jiddeċiedi, skont kif jinħass il-melħ, il-mument opportun li fih is-“Sel de Salies-de-Béarn” għandu jiġi ppakkjat. Fil-fatt, is-“Sel de Salies-de-Béarn” ma għandux jeħel mas-swaba’.
Il-produtturi tal-melħ jieħdu ħsieb li ma jikkompressawx il-prodott, u li jillimitaw kemm jintmess. L-għan huwa li jiġi ppreżervat il-kulur abjad, li tiġi pprevenuta l-aggregazzjoni tal-kristalli tas-“Sel de Salies-de-Béarn”, u li jiġi evitat it-tkissir tal-ħbub tal-melħ, li jeqred l-infiltrazzjonijiet tal-fluwidu.
L-imballaġġ tas-“Sel de Salies-de-Béarn” fiż-żona ġeografika jgħin ukoll biex titjieb it-traċċabilità tal-prodott u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm taħlit ma’ mluħa oħra.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikketta tal-prodott għandha tinkludi:
|
1. |
l-isem tal-IĠP: “Sel de Salies-de-Béarn” |
|
2. |
id-deskrizzjoni tal-bejgħ: |
|
3. |
Melħ oħxon |
|
4. |
Melħ fin |
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ddefinita tinkludi 13-il muniċipalità li jinsabu fir-Reġjun ta’ Nouvelle Aquitaine:
|
— |
Id-département tal-Landes : Saint-Cricq-du-Gave u Sorde-l’Abbaye. |
|
— |
Id-département tal-Pyrénées-Atlantiques: Auterrive, Came, Carresse-Cassaber, Castagnède, Escos, Labastide-Villefranche, Léren, Oraàs, Saint-Dos, Saint-Pé-de-Léren u Salies-de-Béarn. |
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-karatteristiċi tas-“Sel de Salies-de-Béarn” bħall-bjuda jew il-kompożizzjoni minerali tiegħu, kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħu, jirriżultaw mill-ġabra tal-fatturi naturali, b’mod partikolari dawk klimatiċi u tal-għarfien prattiku użat sa mis-seklu XI.
Fil-bidu tal-era Sekondarja u matul il-perjodu Trijassiku, l-evaporazzjoni tal-ilma baħar matul iż-żewġ episodji suċċessivi ta’ evaporazzjoni fi klima niexfa ħolqu depożiti tal-melħ fiż-żona ġeografika tas-“Sel de Salies-de-Béarn”: l-evaporiti, magħmulin mill-ġipsum (is-sulfat tal-kalċju) u l-alit (il-klorur tas-sodju), li jiffurmaw saffi sa 900 metru, li 600 metru minnhom huwa melħ. Lejn l-aħħar tal-era Kretaċea, il-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi ta’ Salies-de-Béarn kienet soġġetta għal pressjoni tettonika sinifikanti minħabba l-formazzjoni tal-Pyrénées.
Is-saffi fondi tal-melħ fiż-żona ġeografika huma inqas iebsin mill-blata li tgħattihom. In-natura flessibbli tagħhom wasslet għall-ħolqien ta’ għoljiet f’forma ta’ koppla jew ippuntata tal-melħ, imsejħin “diapirs”. Diapir jinstab kważi spuntat fil-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi taż-żona ġeografika.
Hekk kif jinflitraw fis-saffi fondi, l-ilmijiet isiru mineralizzati prinċipalment mill-kuntatt li jagħmlu mal-formazzjoni mielħa tat-Trijassiku. Dawn l-ilmijiet, li jinsabu fil-massa tal-melħ, jew li jiġu f’kuntatt magħha, jaħslu l-melħ u jimtlew bil-klorur tas-sodju. Hekk kif dawn l-ilmijiet jgħaddu mill-mogħdijiet dolomitiċi fis-saffi Trijassiċi, l-ilmijiet jimtlew b’kontenut għoli ta’ mluħa minerali u oligoelementi.
L-ilma jgħaddi minn kanali ffurmati hekk kif jitmermru l-ġebel Trijassiċi (melħ, ġebel tal-ġir u dolomiti).
Minħabba d-differenza fl-elevazzjoni, dawn l-ilmijiet jispuntaw fuq wiċċ l-art, u b’hekk joħolqu għoljiet mielħa naturali fiż-żona ġeografika.
F’dak li jirrigwarda l-fattur uman, ħafna fdalijiet ta’ fuħħar u fran jagħtu xhieda tal-produzzjoni tal-melħ sa minn Żmien il-Bronż, fil-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi ta’ Salies-de-Béarn. Fi żmien il-Bronż (2200 QK sa 800 QK) u matul żmien il-Qedem (600 QK sa 400 WK), l-ilma ġieri mielaħ kien jissaħħan u jitħalla jevapora f’kontenituri taċ-ċeramika, li mbagħad kienu jitkissru sabiex jiġi estratt il-melħ.
Fil-Medju Evu (mis-seklu V sas-seklu XV) seħħet bidla sinifikanti fil-proċess tal-produzzjoni tal-melħ: il-ħolqien tas-“salina”. L-ilma msaħħan fuq l-injam jitħalla jevapora, u jinġabar il-melħ li jaqa’ fil-qiegħ tal-kontenitur.
Fis-seklu XVI, l-abitanti ta’ Salies-de-Béarn, imdawrin b’din ir-rikkezza naturali, iddeċidew li jorganizzaw irwieħhom:
|
— |
billi joħolqu għaqda ta’ interess komuni: il-“Corporation des Part-Prenants” (“l-Għaqda tal-Partijiet Ikkonċernati”); |
|
— |
billi jfasslu regolament: ir-“Règlement de la Fontaine Salée” (“ir-Regolament ta’ Fontaine Salée”). |
Ħames sekli mindu nħolqot, din l-organizzazzjoni għadha teżisti sal-ġurnata tal-lum.
Illum, is-“Sel de Salies-de-Béarn” għadu jiġi prodott bl-użu tal-ilma ġieri mielaħ estratt miż-żona ġeografika. Huwa maħluq permezz tal-kristallizzazzjoni fil-fażi ta’ evaporazzjoni tal-ilma ġieri mielaħ, skont metodu qadim ta’ tisħin tas-salmura, fis-salini, fl-apert.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” għandu karatteristiċi fiżiċi speċifiċi:
|
— |
l-istruttura tiegħu: Il-melħ oħxon jiġi f’forma ta’ ħbub tal-melħ. Huwa magħmul minn grupp ta’ aggregati mill-hoppers li jakkumulaw fil-qiegħ tas-salina u li jiffurmaw b’agglomerazzjoni. Bil-proċess tal-ġbir, il-hoppers jippreżentaw differenzi morfoloġiċi kbar: piramidi sħaħ, xi ftit jew wisq imkissra. Dan jirriżulta f’morfoloġiji ferm irregolari għall-ħbub tas-“Sel de Salies-de-Béarn”. Il-kristalli tas-“Sel de Salies-de-Béarn” jiġu f’daqsijiet eteroġenji u f’firxa granulometrika wiesgħa. |
|
— |
il-preżenza ta’ infiltrazzjonijiet tal-fluwidu: Il-kristalli tas-“Sel de Salies-de-Béarn” jiffurmaw u jingħaqdu b’mod irregolari u għandhom toqob mikroskopiċi. Dawn it-toqob mikroskopiċi jimtlew bis-salmura li tinqabad fil-kristalli tas-“Sel de Salies-de-Béarn”. Dawn jissejħu infiltrazzjonijiet tal-fluwidu. |
|
— |
il-kulur tiegħu: Is-“Sel de Salies-de-Béarn” huwa kkaratterizzat mill-kulur abjad; u dan mingħajr trattament jew żieda ta’ addittivi. |
Minħabba l-karatteristiċi fiżiċi marbuta mal-metodu tal-produzzjoni tiegħu, is-“Sel de Salies-de-Béarn” huwa prodott fraġli u frijabbli.
Il-produtturi tal-melħ jissorveljaw il-kundizzjonijiet tal-ħżin, tat-trattament u tal-imballaġġ sabiex jillimitaw:
|
— |
L-ossidazzjoni tal-ħbub tal-melħ fil-wiċċ li tista’ tbiddlilhom il-kulur |
|
— |
It-trattament multiplu u mingħajr prekawzjoni li jista’ jagħmel ħsara lill-ħbub tas-“Sel de Salies-de-Béarn” u jeqred l-infiltrazzjonijiet tal-fluwidu preżenti fil-kristalli. |
Studju komparattiv ta’ D. CUSSEY-GEISLER u M.H. GRIMALDI (“Caractérisation du SEL utilisé pour la Salaison du Jambon de Bayonne”, UPPA, Lulju 1989) dwar bosta mluħa minn sorsi differenti kkonkluda li, minn perspettiva ġeokimika, is-“Sel de Salies-de-Béarn” għandu varjetà wiesgħa ta’ oligoelementi, b’mod partikolari l-kalċju, il-potassju, il-manjeżju, u sulfati differenti, li huma karatteristiċi tal-evaporiti tat-Trijassiku. Dawn l-oligoelementi huma preżenti fl-ilma ġieri li sar rikk fil-minerali bil-kuntatt mas-saffi ġeoloġiċi. Dawn jinsabu fl-infiltrazzjonijiet tal-fluwidu tal-kristalli tas-“Sel de Salies-de-Béarn”
Il-ġebel mielaħ tat-Trijassiku jifforma diapir fiż-żona ġeografika li jippermetti li tispunta l-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi ta’ Salies-de-Béarn. Il-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art li jaqsam dawn is-saffi jimtela b’imluħa minerali u oligoelementi u jiskula fil-livell tan-nixxigħat tal-ilma mielaħ. Minn żmien il-Bronż, il-popolazzjonijiet tal-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi ta’ Salies-de-Béarn għarfu r-rikkezzi tan-nixxigħat tal-ilma mielaħ tagħhom: is-sempliċi tisħin jippermetti l-evaporazzjoni tiegħu u l-formazzjoni tal-kristalli tal-melħ. Matul is-sekli, il-proċess tat-tisħin evolva iżda l-prinċipju tiegħu baqa’ ma nbidilx, mingħajr ma titgħalla s-salmura u mingħajr trattament kimiku. Dan l-għarfien prattiku qadim jirrispetta l-kwalitajiet intrinsiċi tal-ilma ġieri. Il-kristallizzazzjoni li tirriżulta, mingħajr intervent ieħor mill-bniedem għajr it-tisħin tal-ilma, tippermetti li tiġi kkonservata r-rikkezza kollha. Il-kristalli tal-melħ, minħabba l-forma partikolari tagħhom, huma rikki fl-infiltrazzjonijiet tal-fluwidu. B’dan il-mod, l-imluħa minerali u l-oligoelementi preżenti fl-ilma ġieri mielaħ u maqbuda f’dawn l-infiltrazzjonijiet tal-fluwidu, jidħlu fis-“Sel de Salies-de-Béarn”. Mis-seklu XIX, ir-rikkezza minerali tal-ilma ġieri u tas-“Sel de Salies-de-Béarn”, kif ukoll ir-rabta tagħhom kienu enfasizzati f’għadd ta’ xogħlijiet mediċi fil-qafas ta’ studji dwar il-benefiċċji tagħhom imwettqin b’mod partikolari mit-tobba R. Petit, B. De Larroque, J. Marsoo u C. Nogaret. Il-belt ta’ Salies-de-Béarn żviluppat abbażi tal-produzzjoni tal-melħ li jiġi mill-formazzjoni Trijassika tal-qċaċet muntanjużi. F’ċertu punt fis-seklu XVI inħolqot organizzazzjoni ta’ interess komuni bl-għan li tipproteġi din ir-rikkezza naturali. Din l-organizzazzjoni għadha teżisti sal-lum u r-regolament tagħha, “le Règlement de la Fontaine Salée” (“ir-Regolament ta’ Fontaine Salée”), għadu japplika.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn”, “id-deheb abjad” tar-reġjun, huwa prodott b’fama storika ta’ kummerċ sa mill-qedem u jokkupa rwol ekonomiku maġġuri. Għadd kbir ta’ rakkonti storiċi jagħtu xhieda ta’ dan l-isem u tal-fama tiegħu. Bl-istess mod, fl-1768, il-Markiż d’Orbessan, f’“Mélanges historiques critiques de physique, de littérature et de poésie”, jiddeskrivi l-produzzjoni tas-“Sel à Salies-de-Béarn”. Huwa kkonkluda r-rapport tiegħu b’din l-osservazzjoni: “Kulħadd jaf li bilfors trid timmaċina l-melħ ordinarju biex tneħħilu t-togħma tiegħu ta’ salmura u biex jiġi tajjeb biex jiġi servut fuq il-mejda. Il-melħ ta’ Salies m’għandux bżonn din il-preparazzjoni.”. Il-kwalitajiet tas-“Sel de Salies-de-Béarn” huma rikonoxxuti wkoll mill-professjonisti, kif ukoll mill-produtturi tal-melħ u mis-sidien tar-ristoranti. Bl-istess mod, fil-“Grand dictionnaire universel du XIXe siècle” (“id-Dizzjunarju Universali l-Kbir tas-seklu XIX”) (1866-1877) ta’ Pierre Larousse, hemm indikat li “L-aqwa prieżet aktarx li huma dawk ta’ Bayonne, li huma ppreparati bil-melħ ta’ Salies.”. B’mod aktar ġenerali, fil-kitba tiegħu bit-titlu “Les merveilles de l’industrie ou Description des principales industries modernes” (1873-1877), Louis Figuier jindika li “t-tul ta’ żmien ta’ kemm idum il-melħ fil-ħwienet jiddependi mill-istaġun. Matul ix-xitwa, ġewwa Villefranque u Salies kważi ma jkun hemm l-ebda melħ fil-ħwienet, jiġifieri fl-istaġun tat-tmelliħ. Spiss jiġri li l-melħ li jkun għadu kif ħareġ mill-bojler jintbagħat għall-bejgħ.”. Fil-fatt, is-“Sel de Salies-de-Béarn” storikament kien jintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ fama kbira bħall-IĠP “Jambon de Bayonne”, il-ġobon tan-nagħaġ b’DOP “Ossau-Iraty”, u l-IĠP “Canard à foie gras du Sud-Ouest” (Chalosse, Gascogne, Gers, Landes, Périgord, Quercy) (foies gras, confits, ...).
Għadd kbir ta’ koki għandhom fuq il-menù tagħhom platti mmelħa bis-“Sel de Salies-de-Béarn”, u xi wħud huma speċifikament famużi għall-ispeċjalitajiet tagħhom f’qoxra tal-melħ, bħal Yves Larrouture tal-Auberge du Relais ġewwa Bérenx bis-sidra tal-papra tiegħu f’qoxra tal-melħ, jew Christophe Canati tal-Hôtel du Parc Beaumont ġewwa Pau bit-tiġieġa tas-simna tiegħu f’qoxra tal-melħ.
Is-“Sel de Salies-de-Béarn” huwa wkoll sors ta’ ispirazzjoni għal ċerti dulċiera u produtturi speċjalisti taċ-ċikkulata. Minn kważi 30 sena ilu ’l hawn, huma kienu qegħdin jonorawh billi jdaħħluh f’ikliet delizzjużi oriġinali, bħal Franck Lavignasse bil-karamelli “Lou Saleys” jew bil-ġelati tiegħu.
Illum il-ġurnata, il-professjonisti kollha huma kburin li jinfurmaw dwar l-oriġini tal-melħ li jużaw, u jsemmuh b’mod partikolari fuq it-tikketti, fuq is-siti web u fir-reklami tagħhom.
Għadd kbir ta’ artikli, kemm nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali (Paris Match, Cheese Connoisseur – l-Istati Uniti, il-gazzetta Le Devoir – il-Kanada, …), kif ukoll rappurtaġġi awdjoviżivi (Journal de 13h, Télématin Emission “Sciences”, …) huma prova tar-reputazzjoni u tal-fama tas-“Sel de Salies-de-Béarn” li l-oriġinalità tiegħu hija dovuta għaż-żona ġeografika li timla l-ilma ġieri mielaħ bil-karatteristiċi ġeoloġiċi tagħha. L-użu sa mill-qedem u kontinwu tiegħu matul iż-żminijiet ippermetta li jiġi ppreżervat l-għarfien prattiku tradizzjonali.
Din l-attività qadima ppermettiet li tiġi stabbilita popolazzjoni lokali li tibqa’ tittrażmetti l-elementi kulturali marbuta ma’ din il-produzzjoni.
Illum il-ġurnata, il-melħ għad għandu rwol ċentrali fil-ħajja soċjali u kulturali tal-belt ta’ Salies-de-Béarn, li tippromwovih permezz ta’ għaqdiet dedikati, opri artistiċi, u avvenimenti kulturali. Wieħed jista’ jsemmi l-Għaqda “Jurade du sel”, li kull sena għal dawn l-aħħar 30 sena torganizza l-famuża “Hesta de la sau” (festa tal-melħ). Dan l-avveniment ilaqqa’ flimkien aktar minn 10 000 persuna kull sena.
Matul is-sena kollha, ħafna turisti jżuru “l-belt tal-melħ”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4492/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)