Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/4354 |
4.7.2024 |
Tħabbira min-Norveġja li tikkonċerna id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi
Tħabbira ta’ stedina għall-applikazzjoni għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża – Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2024
(C/2024/4354)
Il-Ministeru Norveġiż għall-Petroleum u l-Enerġija b’dan qiegħed iħabbar stedina għal applikazzjonijiet għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum f’konformità mad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (1), l-Artikolu 3, il-paragrafu 2(a).
Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw biss lil kumpaniji b’ishma konġunti rreġistrati fin-Norveġja jew fi stat ieħor parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE), jew lil persuni fiżiċi domiċiljati fi stat parti għall-Ftehim ŻEE.
Kumpaniji li mhumiex liċenzjatarji fil-Blata Kontinentali Norveġiża (NCS, Norwegian Continental Shelf) jistgħu jingħataw liċenzji għall-produzzjoni jekk ikunu prekwalifikati bħala liċenzjatarji fil-Blata Kontinentali Norveġiża.
Il-Ministeru se jittratta bl-istess mod lill-kumpaniji individwali u lill-kumpaniji li japplikaw bħala parti minn grupp. L-applikanti li jressqu applikazzjoni individwali, jew l-applikanti li jkunu parti minn grupp li jressqu applikazzjoni konġunta se jitqiesu kollha bħala applikant għal liċenzja għall-produzzjoni wieħed. Il-Ministeru jista’, fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet imressqa minn gruppi jew applikanti individwali, jifforma gruppi ta’ liċenzjatarji biex jingħataw liċenzja għall-produzzjoni ġdida, inkluż ineħħi applikanti f’applikazzjoni ta’ grupp u jżid applikanti individwali kif ukoll jaħtar l-operatur għal gruppi bħal dawn.
Biex jaġġudikaw parteċipazzjoni f’liċenzja għall-produzzjoni, il-liċenzjatarji jkollhom jidħlu fi Ftehim dwar Attivitajiet marbutin mal-Petroleum, li jinkludi Ftehim Operattiv Konġunt u Ftehim ta’ Kontabbiltà. Jekk il-liċenzja għall-produzzjoni tinqasam b’mod stratigrafiku, il-liċenzjatarji taż-żewġ liċenzji maqsuma b’mod stratigrafiku jintalbu wkoll jidħlu fi Ftehim Operattiv Konġunt speċifiku, li jirregola r-relazzjoni ta’ bejniethom f’dan ir-rigward.
Malli jiġu ffirmati l-ftehimiet imsemmija, il-liċenzjatarji jingħaqdu f’impriża konġunta fejn id-daqs tal-parteċipazzjoni tagħhom dejjem se jibqa’ l-istess bħall-parteċipazzjoni tagħhom fil-liċenzja għall-produzzjoni.
Id-dokumenti tal-liċenzja se jkunu bbażati prinċipalment fuq dokumenti rilevanti mill-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2023. L-għan hu li l-elementi prinċipali ta’ kwalunkwe aġġustament fil-qafas isiru disponibbli għall-applikanti potenzjali qabel iż-żmien tal-applikazzjoni.
Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni ta’ liċenzja għall-produzzjoni
Sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi u tfittix għall-petroleum kif ukoll il-produzzjoni tiegħu li jsiru b’mod rapidu u effiċjenti fil-Blata Kontinentali Norveġiża, inkluż l-iffurmar ta’ gruppi ta’ liċenzja biex dan jiġi aċċertat, għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin għall-aġġudikazzjoni tal-parteċipazzjonijiet fil-liċenzji għall-produzzjoni u għall-appuntar ta’ operatur:
a) |
L-għarfien ġeoloġiku tal-applikant dwar iż-żona ġeografika inkwistjoni, u kif il-liċenzjatarji jipproponu li jwettqu t-tfittix effiċjenti għall-petroleum għaż-żona ġeografika speċifika. |
b) |
L-applikant(i) jippjana/jippjanaw għall-produzzjoni ta’ riżorsi potenzjali taż-żejt mhux maħdum fiż-żona ġeografika speċifika, u kif dan jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet ta’ żona tajba. |
c) |
Il-kompetenza teknika rilevanti tal-applikant, u kif din il-kompetenza tista’ tikkontribwixxi b’mod attiv għal produzzjoni kosteffettiva u, skont kif ikun xieraq, għall-produzzjoni tal-petroleum miż-żona ġeografika inkwistjoni miż-żona ġeografika rilevanti. |
d) |
L-esperjenza tal-applikant fil-Blata Kontinentali Norveġiża jew esperjenza rilevanti ekwivalenti f’żoni oħra. |
e) |
Li l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti biex iwettaq it-tiftix għall-petroleum u, kif xieraq, il-produzzjoni tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni. |
f) |
Jekk l-applikant huwa, jew kien, liċenzjatarju ta’ liċenzja għall-produzzjoni, il-Ministeru jista’ jqis kwalunkwe forma ta’ nuqqas ta’ effiċjenza jew nuqqas ta’ rendikontabbiltà murija mill-applikant bħala liċenzjatarju. Fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, il-Ministeru jista’ jiċħad l-aċċess għall-attività tal-petroleum u d-dritt għall-eżerċitar tagħha jekk l-applikant jew il-liċenzjatarju jkun, fil-fatt, ikkontrollat minn stat barra miż-ŻEE, jew minn ċittadini ta’ tali stat. |
g) |
Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw prinċipalament lil impriża konġunta li fiha minn tal-inqas waħda mill-parteċipazzjonijiet tkun ħaffret minn tal-inqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollha esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra mill-NCS (il-Blata Kontinentali Norveġiża). |
h) |
Bħala regola prinċipali, ġeneralment se jingħataw liċenzji għall-produzzjoni lil żewġ interessi parteċipanti fil-każijiet li fihom minn tal-inqas wieħed minnhom ikollu esperjenza kif imsemmi taħt (g). |
i) |
L-operatur appuntat għal-liċenzji għall-produzzjoni fil-Baħar ta’ Barents għandu jħaffer minn tal-inqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti li ma tkunx fl-NCS. |
j) |
Għal-liċenzji ta’ produzzjoni f’baħar fond, kemm l-operatur appuntat kif ukoll minn tal-inqas parteċipazzjoni waħda għandhom ikunu ħaffru tal-anqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti li ma tkunx fl-NCS. Fil-liċenzja għall-produzzjoni, waħda mill-parteċipazzjonijiet għandha tkun ħaffret f’ibħra fondi bħala operatur. |
k) |
Għal-liċenzji għall-produzzjoni fejn ikun mistenni li jsir tħaffir ta’ bjar ta’ tiftix bi pressa għolja u/jew temperatura għolja (HTHP), kemm l-operatur appuntat kif ukoll minn tal-inqas parteċipazzjoni għandhom ikunu ħaffru minn tal-inqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operaturi, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti li ma tkunx fl-NCS. Fil-liċenzja għall-produzzjoni, wieħed mill-parteċipazzjonijiet għandu jkun ħaffer bir HTHP bħala operatur. |
Blokok li għalihom tista’ ssir applikazzjoni
L-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjonijiet f’liċenzji għall-produzzjoni jistgħu jitressqu għall-blokok li mhumiex liċenzjati fiż-żona predefinita, kif muri fuq il-mapep ippubblikati mid-Direttorat Norveġiż tal-Offshore (DNO, Norwegian Offshore Directorate.). Huwa wkoll possibbli li ssir applikazzjoni għal art abbandunata fiż-żona predefinita wara t-tħabbira skont il-mapep aġġornati fil-Mapep Fattwali (factmaps) interattivi tal-NPD tad-Direttorat Norveġiż tal-Offshore li jinsabu fil-paġna web tad-Direttorat tal-Offshore Norveġiż.
Kull liċenzja għall-produzzjoni tista’ tikkonsisti fi blokka jew aktar jew parti minn blokka/blokok. L-applikanti huma mitluba jillimitaw id-deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal żoni fejn ikunu mmappjaw l-ipprospettar.
It-test sħiħ tat-tħabbira, li tinkludi mapep iddettaljati taż-żoni disponibbli, jinsab fuq is-sit web tad-Direttorat tal-Offshore Norveġiż https://www.sodir.no/en/facts/production-licences/licensing-rounds/apa-2024/.
L-applikazzjonijiet għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum għandhom jiġu ppreżentati elettronikament, pereżempju permezz ta’ L2S, lil:
Ministru tal-Enerġija |
P.O. Box 8148 Dep. |
N-0033 OSLO |
IN-NORVEĠJA |
Għandha tintbagħat kopja b’mezz elettroniku, pereżempju permezz ta’ L2S, lil
Id-Direttorat tal-Offshore Norveġiż |
P.O. Box 600 |
4003 STAVANGER |
IN-NORVEĠJA |
Skadenza: 12.00 nofsinhar tat-3 ta’ Settembru 2024.
L-aġġudikazzjonijiet ta’ liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum fl-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti għall-2024 fil-Blata Kontinentali Norveġiża huma ppjanati li jsiru fl-ewwel trimestru tal-2025.
(1) GU L 164, 30.6.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/22/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4354/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)