European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4183

2.8.2024

P9_TA(2023)0482

Riċerkaturi żgħażagħ

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2023 dwar ir-riċerkaturi żgħażagħ (2023/2884(RSP))

(C/2024/4183)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020)0274),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” (COM(2020)0628),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2021 dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel (COM(2021)0252),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2022 dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet (COM(2022)0016),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2022 bit-titolu “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” (COM(2022)0657),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2023 bit-titolu “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa” (COM(2023)0032),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ ta’ Riċerkaturi (1),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas Ewropew biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u intraprenditorija fl-Ewropa (COM(2023)0436), li tistabbilixxi qafas Ewropew ġdid għall-karrieri fir-riċerka,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020 dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-Ġdida,

wara li kkunsidra l-Aġenda Politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-2022-2024,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: nagħtu lir-riċerkaturi karrieri u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sostenibbli u nagħmlu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ realtà”,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni aġġornata tal-UNESCO tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar ix-Xjenza u r-Riċerkaturi Xjentifiċi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2009 bit-titolu “Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi”  (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2021 dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar traineeships ta’ kwalità fl-UE (6),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-riċerkaturi żgħażagħ (O-000052/2023 – B9-0034/2023),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

A.

billi l-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jappoġġja ċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi madwar l-UE kollha bħala parti mit-tisħiħ tal-bażi xjentifika u teknoloġika tagħha;

B.

billi l-Artikolu 181 tat-TFUE jobbliga lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku biex jiżguraw li l-politiki nazzjonali u l-politika tal-UE jkunu konsistenti b’mod reċiproku, bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tieħu kwalunkwe inizjattiva utli li tippromwovi u tappoġġja tali koordinazzjoni;

C.

billi l-Artikolu 182 tat-TFUE jistabbilixxi programm qafas pluriennali għar-riċerka u l-innovazzjoni, li għandu jiġi kkomplementat mill-miżuri meħtieġa biex tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), inklużi azzjonijiet li jappoġġjaw it-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi;

D.

billi t-tlestija taż-ŻER se tippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija, bħala prijorità fit-tul għall-Unjoni Ewropea;

E.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2021 jinnotaw xejra dejjem akbar lejn il-prekarjetà tal-impjiegi fl-akkademja, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u umanistiċi, b’telf konsegwenti ta’ talent u tnaqqis fis-sigurtà tal-impjiegi, u impatt partikolarment negattiv fuq ir-riċerkaturi żgħażagħ; billi l-attirar u ż-żamma tat-talent fl-Ewropa jirrikjedu interoperabbiltà u komparabbiltà akbar bejn il-karrieri fir-riċerka, permezz tal-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għar-riċerkaturi u mobbiltà transsettorjali mtejba bejn in-negozju u l-akkademja; billi l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej jistgħu jintużaw biex imexxu proċeduri konġunti ta’ reklutaġġ u jwasslu l-aħjar prattiki fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-karriera;

F.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tidentifika serje ta’ problemi li jżommu lura l-karrieri tar-riċerkaturi żgħażagħ, inkluża l-prekarjetà tal-impjiegi; billi jeżisti żbilanċ sinifikanti bejn l-għadd dejjem jikber ta’ gradwati b’dottorat u l-għadd żgħir ta’ pożizzjonijiet ta’ traċċar taż-żamma fil-kariga fis-sistemi tax-xjenza pubblika, li jikkostitwixxi ostaklu għaż-żamma tat-talent;

G.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza tissottolinja li r-riċerkaturi jinsabu fuq quddiem nett fix-xjenza u l-innovazzjoni, u li jeħtieġu settijiet speċifiċi ta’ ħiliet biex ikollhom karrieri ta’ suċċess kemm fid-dinja akkademika kif ukoll lil hinn minnha;

H.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa” tenfasizza n-nassa tal-iżvilupp tat-talenti fir-reġjuni tal-UE li qed ibatu minn tnaqqis demografiku, is-sehem staġnat tal-popolazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja u t-tluq sinifikanti taż-żgħażagħ minn tali reġjuni;

I.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” tirrikonoxxi l-importanza u l-ħtieġa li l-UE ssir aktar attraenti għat-talent minn madwar id-dinja, inklużi r-riċerkaturi żgħażagħ li jkunu se jmorru fuq esperjenza ta’ mobbiltà;

J.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel u tissottolinja li l-UE għandha tħeġġeġ lir-riċerkaturi u lill-innovaturi tagħha jikkontribwixxu għall-ekosistemi globali tal-innovazzjoni u jibbenefikaw minnhom, u targumenta li l-UE għandha tippromwovi aktar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-kapital uman, speċjalment permezz tal-iskemi ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà tar-riċerkaturi, b’mod partikolari l-azzjonijiet Marie-Skłodowska Curie;

K.

billi r-riċerkaturi żgħażagħ huma ġeneralment mifhuma li huma fil-pussess ta’ dottorat jew kwalifika ekwivalenti fl-ewwel snin tar-riċerka ta’ wara d-dottorat, kwalunkwe definizzjoni ta’ riċerkaturi żgħażagħ għandha tkun ibbażata fuq il-livell ta’ esperjenza fir-riċerka aktar milli fuq l-età; billi d-definizzjoni ta’ riċerkaturi żgħażagħ abbażi tal-età tagħhom tista’ tikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u ma tirriflettix it-trajettorji tal-ħajja differenti li jistgħu jwasslu lin-nies biex jagħżlu karriera fir-riċerka; billi din tonqos ukoll milli tqis xi wħud mill-pawżi meħtieġa fil-karriera li r-riċerkaturi żgħażagħ jiffaċċjaw bħal-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri, is-servizz militari, ix-xogħol mhux ta’ riċerka u perjodi twal ta’ mard;

L.

billi t-tip ta’ finanzjament disponibbli spiss jiddetermina l-bilanċ bejn kuntratti temporanji u kuntratti mhux temporanji, b’mod partikolari fil-livell nazzjonali; billi jekk il-maġġoranza l-kbira tal-finanzjament li jista’ jiġi aċċessat mill-universitajiet ikun finanzjament ta’ proġetti għal żmien qasir, allura primarjament kuntratti għal żmien qasir biss ibbażati fuq proġetti jistgħu jiġu estiżi, peress li l-universitajiet se jitħabtu biex jagħmlu impenji finanzjarji fit-tul mingħajr finanzjament fit-tul biex jappoġġjawhom;

M.

billi l-kriżi tal-COVID-19 affettwat ħażin ħafna riċerkaturi żgħażagħ li esperjenzaw deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, problemi ta’ finanzjament u aċċess imnaqqas għal-laboratorji u faċilitajiet essenzjali oħra; billi b’riżultat ta’ dan, kellhom inqas opportunità biex ilestu l-proġetti tagħhom, jiżviluppaw il-pubblikazzjonijiet tagħhom u jiksbu l-kwalifiki meħtieġa għall-avvanz fil-karriera;

N.

billi n-nisa jokkupaw biss 24 % tal-ogħla pożizzjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea u għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fost l-istudenti li qed jagħmlu dottorat f’diversi suġġetti xjentifiċi, teknoloġiċi, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM), inklużi t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-inġinerija; billi ftit Stati Membri inkludew dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-progress biex il-ġeneru jiġi integrat fil-programmi nazzjonali ta’ riċerka mexa bil-mod;

O.

billi l-UE tibqa’ l-mexxejja dinjija għall-għadd totali ta’ riċerkaturi, b’sehem ta’ 23,5 % (meta mqabbel ma’ 21,1 % fiċ-Ċina u 16,2 % fl-Istati Uniti), l-Ewropa ma rat l-ebda żieda sinifikanti fl-għadd ta’ pożizzjonijiet akkademiċi permanenti; billi perċentwal żgħir biss ta’ gradwati b’dottorat se jsibu post permanenti fl-akkademja jew fir-riċerka pubblika, li jobbliga lir-riċerkaturi żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet trasferibbli u jiksbu t-taħriġ rilevanti meħtieġ biex ikollhom ċans jiżviluppaw karrieri ta’ suċċess barra mill-akkademja;

P.

billi l-inflazzjoni għolja fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi, flimkien ma’ kirjiet u rati ta’ self ipotekarju li qed jiżdiedu, qed jikkontribwixxu għal kriżi tal-għoli tal-ħajja li tħalli impatt kbir fuq ir-riċerkaturi żgħażagħ, b’mod partikolari dawk b’salarji baxxi li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet ta’ impjieg prekarji; billi r-riċerkaturi żgħażagħ jeħtieġ li jwettqu ammonti sinifikanti ta’ xogħol mhux imħallas biex jagħmlu progress fil-karrieri tagħhom, u dan jillimita l-opportunitajiet tagħhom biex isibu remunerazzjoni addizzjonali;

Q.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2009 bit-titolu “Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi” identifikat ħafna mill-problemi ewlenin li għadhom jiffaċċjaw ir-riċerkaturi żgħażagħ illum, li tindika progress limitat maż-żmien;

R.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2021 dwar ŻER ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni ppreżentat sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-karriera u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, b’mod partikolari għar-riċerkaturi żgħażagħ u għan-nisa f’suġġetti STEM;

S.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) saħqet fuq l-importanza ta’ aktar opportunitajiet ta’ riċerka u taħriġ għar-riċerkaturi żgħażagħ madwar l-Ewropa, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u kwalifiki li jistgħu jaġevolaw il-mobbiltà tal-karriera;

T.

billi l-objettiv tal-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni għadu ma ntlaħaqx, primarjament minħabba nuqqas ta’ investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp, li jwassal għal sottoinvestiment sostnut fix-xjenza, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, li jimmina l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jipprovdu prospetti eċċellenti għall-karriera;

U.

billi t-terminu riċerkaturi żgħażagħ għandu x’jaqsam mal-età tar-riċerkaturi iżda pjuttost għall-istadju tal-karriera tagħhom, li fiċ-ċirkostanzi attwali jfisser li ħafna mir-riċerkaturi kkonċernati ma setgħux jibqgħu jitqiesu bħala żgħażagħ;

Kundizzjonijiet tal-karriera u opportunitajiet ta’ networking

1.

Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni minn Lulju 2023 biex il-karrieri fir-riċerka tal-UE jsiru aktar attraenti, b’opportunitajiet akbar għall-mobbiltà; ifakkar li l-fatt li jittejbu l-karrieri fir-riċerka, b’mod partikolari għar-riċerkaturi żgħażagħ, huwa prijorità ewlenija tal-aġenda politika taż-ŻER għall-2022-2024, u jista’ jgħin biex jiġi ddeterminat jekk l-UE żżommx l-istatus tagħha bħala mexxejja globali fir-riċerka u l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda;

2.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jiġi stabbilit qafas Ewropew ġdid għall-karrieri fir-riċerka, inkluża Karta ġdida għar-Riċerkaturi u Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi għar-Riċerkaturi (ReserchComp) biex tiġi appoġġjata l-mobbiltà intersettorjali, li tinvolvi Pjattaforma tat-Talent taż-ŻER kif ukoll Osservatorju tal-Karrieri fir-Riċerka u l-Innovazzjoni; jissottolinja li r-riċerka reċenti turi li l-kwalità tad-data dwar il-karrieri fir-riċerka fl-Ewropa mhijiex biżżejjed biex jiġu żviluppati politiki effettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-livell ta’ ambizzjoni tagħha dwar il-ġbir tad-data, kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ veloċità;

3.

Jinnota li filwaqt li l-għadd ta’ riċerkaturi fl-Ewropa żdied b’mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin, il-kwalità tal-pożizzjonijiet naqset; jesprimi tħassib li n-nuqqas ta’ karigi permanenti, tendenza lejn kuntratti temporanji u prekarji, oqfsa legali u ta’ impjieg skaduti u nuqqas ta’ appoġġ fil-karriera istituzzjonali għar-riċerkaturi li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera jistgħu jipprevjenuhom milli jippjanaw il-futur tagħhom u jistgħu jwasslu lil ħafna biex jitilqu mill-Ewropa għal pajjiżi terzi li joffru kundizzjonijiet aktar attraenti u stabbli għat-talent internazzjonali; iqis li dan it-tip ta’ eżodu ta’ mħuħ joħloq riskju kbir għall-UE f’termini tal-ilħuq tal-objettiv tagħha li tibqa’ mutur globali fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari f’uħud mill-aktar teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli nadifa, profondi u diġitali; ifakkar li dan it-telf ta’ talent huwa wkoll ħela ta’ riżorsi pubbliċi li ġew investiti fl-istadji kollha tal-formazzjoni ta’ riċerkaturi żgħażagħ;

4.

Jemmen li l-politiki tal-UE kontra l-eżodu ta’ mħuħ tar-riċerkaturi żgħażagħ għandhom ikunu aktar komprensivi, mhux biss billi jirrikonoxxu l-valur ippruvat tal-mobbiltà iżda wkoll billi jikkunsidraw modi kif jinżamm u jiġi attirat it-talent fl-Istati Membri u fir-reġjuni li l-aktar li jbatu mill-eżodu ta’ riċerkaturi, filwaqt li jobbligaw lil dawk l-istess Stati Membri jagħmlu sforzi ħafna akbar biex jappoġġjaw il-karrieri tar-riċerkaturi żgħażagħ tagħhom;

5.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-finanzjament tar-riċerka tal-UE jintuża minn xi Stati Membri biex jikkumpensa għat-tnaqqis fil-finanzjament nazzjonali minħabba restrizzjonijiet fiskali usa’, aktar milli bħala mezz biex jiġi żviluppat livell addizzjonali u ogħla ta’ eċċellenza fis-sistemi akkademiċi tagħhom;

6.

Jirrikonoxxi li ħafna mill-istess kwistjonijiet u tħassib li jaffettwaw lir-riċerkaturi żgħażagħ wara d-dottorat huma ffaċċjati wkoll minn studenti li qed jagħmlu dottorat, inklużi l-iżolament, il-kuntratti prekarji u n-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja, kif ukoll sfidi konsiderevoli fil-mobbiltà u fil-progressjoni tal-karriera; jemmen li qafas komprensiv biex jiġu indirizzati l-problemi tar-riċerkaturi żgħażagħ għandu jinkorpora miżuri li jappoġġjaw kemm lir-riċerkaturi li qed jagħmlu dottorat kif ukoll lil dawk ta’ wara d-dottorat; jesprimi dispjaċir għall-fatt li wisq riċerkaturi li qed jagħmlu dottorat huma koperti minn għotjiet li jipprovdu sigurtà soċjali limitata minkejja n-natura kwalifikata ħafna ta’ dmirijiethom; jisħaq li filwaqt li l-mobbiltà hija ta’ benefiċċju għall-akkademiċi fl-iżvilupp professjonali tagħhom u tikkontribwixxi għall-kwalità tax-xjenza fuq livell globali, tista’ toħloq ukoll sfidi sinifikanti għar-riċerkaturi fil-ħajja privata tagħhom;

7.

Iħeġġeġ lill-universitajiet u lill-istituti tar-riċerka fl-Ewropa joffru pożizzjonijiet aktar attraenti ta’ dottorat u ta’ wara d-dottorat, u b’mod partikolari biex jikkunsidraw li jżidu l-livelli tas-salarju fejn dawn bħalissa huma baxxi wisq għar-riċerkaturi biex jiżguraw bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jżommu livell ta’ għajxien aċċettabbli, b’mod partikolari f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja u ta’ kirjiet dejjem jiżdiedu; jinnota li r-riċerkaturi żgħażagħ fl-Ewropa għandhom ikunu jistgħu jgħixu b’mod deċenti mis-salarju tagħhom biex jiġi żgurat li qed nippromwovu riċerka magħżula b’mod ħieles tal-ogħla kwalità; huwa mħasseb ħafna dwar suġġerimenti li xi aġenziji ta’ finanzjament tar-riċerka jistgħu jistennew li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jiddedikaw inqas minn ekwivalenti għall-full time għal kull xahar ta’ proġett sħiħ fi pjanijiet ta’ ħidma, li jistgħu jirriżultaw fil-fatt li r-riċerkaturi li qed jagħmlu dottorat effettivament jirċievu livelli ta’ introjtu inqas mill-paga minima;

8.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jissaħħaħ in-networking bejn l-assoċjazzjonijiet tar-riċerkaturi u l-universitajiet madwar l-UE, sabiex jiġu promossi aħjar l-interessi komuni tar-riċerkaturi żgħażagħ;

9.

Jilqa’ t-TalentOn tal-UE u inizjattivi oħra tal-UE biex jiġu promossi n-networking, il-viżibbiltà u l-kooperazzjoni fost ir-riċerkaturi żgħażagħ; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkonsolida inizjattivi bħal dawn u tiżviluppa linji ta’ finanzjament iddedikati biex tappoġġja l-objettivi ta’ networking fi grupp ferm usa’ ta’ riċerkaturi Ewropej, bil-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi żgħażagħ f’inizjattivi tal-UE bħal dawn issir in-norma aktar milli l-eċċezzjoni;

10.

Jappoġġja t-titjib ta’ programmi ta’ mentoraġġ biex jiggwidaw lir-riċerkaturi żgħażagħ fuq perkorsi professjonali differenti kif ukoll biex jippromwovu l-mobbiltà fost il-persunal tar-riċerka fis-setturi u bejniethom; jemmen li r-riċerkaturi żgħażagħ għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom fi traineeships imħallsa ta’ kwalità għolja f’setturi rilevanti għall-karriera li jistgħu jwessgħu u jtejbu l-prospetti professjonali tagħhom;

11.

Jappella għal sforz komprensiv biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakli li qed jimpedixxu lir-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija milli jiċċirkolaw liberament fl-Istati Membri, madwar l-Ewropa u lil hinn minnha; jappoġġja l-fatt li r-rimborż sħiħ tal-ispejjeż ta’ rilokazzjoni jsir prattika standard fl-Ewropa; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz partikolari favur kooperazzjoni aħjar u allinjament ulterjuri tal-proċeduri amministrattivi, li jagħmilha aktar faċli għar-riċerkaturi li jiċċaqilqu madwar l-Unjoni b’familja; jissottolinja li l-Istati Membri għandhom ifittxu li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi marbuta mar-reklutaġġ ta’ riċerkaturi żgħażagħ u mat-tiġdid tal-kuntratti tagħhom;

12.

Jikkonstata li l-karrieri akkademiċi għar-riċerkaturi żgħażagħ fix-xjenzi soċjali u umanistiċi (SSH) huma partikolarment ta’ sfida, minħabba salarji aktar baxxi u finanzjament tar-riċerka aktar limitat b’mod ġenerali; jemmen li għandha tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li karriera fir-riċerka fil-qasam SSH toffri sett simili ta’ opportunitajiet għar-riċerka f’suġġetti STEM; jirrikonoxxi li l-ekonomija Ewropea għandha nuqqas dejjem akbar ta’ ħaddiema mħarrġa ħafna fl-STEM, ifakkar, madankollu, li l-għarfien dwar l-SSH huwa indispensabbli wkoll għall-funzjonament ta’ ekonomija u soċjetà ħielsa u miftuħa;

13.

Iqis li l-avvanz tal-għarfien xjentifiku permezz ta’ riċerka rigoruża għandu jibqa’ għan validu fih innifsu; isostni li r-riċerkaturi żgħażagħ għandhom ikunu liberi li jiżviluppaw il-karrieri tagħhom b’mod li jagħti prijorità lir-riċerka bażika u mhux neċessarjament jirrikjedi l-iżvilupp immedjat ta’ soluzzjonijiet kummerċjali u teknoloġiċi; ifakkar li t-traineeships ta’ spiss ikunu l-ewwel esperjenza professjonali ta’ persuna u jistgħu jistabbilixxu perkors tal-karriera; jinsisti, b’riżultat ta’ dan, fuq l-importanza li ċ-ċentri tar-riċerka jipprovdu remunerazzjoni kompetittiva sabiex jattiraw riċerkaturi żgħażagħ b’talent;

Finanzjament

14.

Jissottolinja li r-responsabbiltà primarja li jiġi żgurat finanzjament pubbliku suffiċjenti u sostenibbli għax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni hija tal-Istati Membri; jinnota li kwalunkwe sforz imwettaq mill-Unjoni, inkluż permezz tal-programm qafas, huwa addizzjonali għall-isforzi nazzjonali u ma jistax isolvi l-isfidi maħluqa mill-istruttura imperfetta tas-sistemi nazzjonali; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom għal livelli aktar ambizzjużi ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), b’implimentazzjoni sħiħa tal-objettiv ta’ investiment ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020; iqis li biex tintlaħaq din il-mira, mill-inqas 1,25 % tal-PDG ta’ investiment għandu jiġi mill-finanzjament pubbliku; jappella għal impenji pubbliċi u privati akbar għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll għal kooperazzjoni u mekkaniżmi ta’ finanzjament imtejba bejn is-settur pubbliku u privat, kif meħtieġ biex l-UE żżomm il-pożizzjoni fuq quddiem fix-xena internazzjonali u jiġu indirizzati l-isfidi urġenti tas-soċjetà, bil-benefiċċju ulterjuri li jiġu offruti prospetti ta’ karriera fit-tul aktar promettenti għar-riċerkaturi żgħażagħ;

15.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata ta’ suċċess tal-iskemi ewlenin ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, inklużi l-iskemi orjentati lejn l-iżvilupp ta’ karriera fir-riċerka (b’mod partikolari l-Fellowships Marie Skłodowska-Curie u l-Għotjiet Inizjali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka), għadha baxxa wisq, bil-maġġoranza tal-proġetti kklassifikati bħala eċċellenti ma jiġux iffinanzjati;

16.

Isostni li sehem kbir ta’ proġetti eċċellenti u innovattivi li ma jiġux iffinanzjati se jdgħajjef il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa, u jista’ jdgħajjef bil-kbir riċerkaturi żgħażagħ b’talent, li ħafna minnhom se jieħdu l-ħiliet tagħhom xi mkien ieħor fid-dinja;

17.

Jargumenta li rata ta’ suċċess ogħla tista’ tkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-applikanti mill-Istati Membri tal-UE b’infrastrutturi ta’ riċerka aktar dgħajfa u b’anqas kapaċità ta’ appoġġ amministrattiv, li kellhom it-tendenza li jiġġieldu l-aktar biex jiżguraw finanzjament kompetittiv tal-UE;

18.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li la l-proposta tal-baġit tal-UE għall-2024 u lanqas ir-reviżjoni proposta tal-qafas finanzjarju pluriennali ma jipprevedu żieda fil-baġit ta’ Orizzont Ewropa, li hija meħtieġa biex tittejjeb ir-rata ta’ suċċess għall-finanzjament tal-UE u tiġi evitata l-ħela tat-talent hekk kif ir-riċerkaturi żgħażagħ ikomplu l-karrieri tagħhom barra mill-Ewropa; jappella għal baġit akbar għal Orizzont Ewropa, bl-objettiv li kull sottoprogramm jitħalla jiffinanzja mill-inqas 50 % tal-proposti kollha kklassifikati bħala eċċellenti;

Mobbiltà u portabbiltà

19.

Jappoġġja l-prinċipju tal-mobbiltà bejn l-Istati Membri u bejn is-setturi bħala wieħed mill-pedamenti tal-politika u l-finanzjament tar-riċerka tal-UE, u bħala għodda ewlenija biex jittejjeb u jiġi sostnut l-iżvilupp ta’ riċerkaturi żgħażagħ fl-Ewropa, li jwassal għal riċerka aħjar u għal prospetti ta’ karriera mtejba;

20.

Jinnota li wħud mill-aktar skemi ta’ finanzjament prestiġjużi tal-UE huma orjentati lejn l-iżvilupp tal-karrieri fir-riċerka, inklużi l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-Għotjiet Inizjali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka; jisħaq fuq l-importanza li jintużaw skemi ta’ finanzjament tal-UE biex ir-riċerkaturi jiġu inċentivati jirritornaw lejn l-Ewropa wara li jwettqu r-riċerka tagħhom għad-dottorat f’pajjiż terz, bħala mod kif jiġi miġġieled it-telf ta’ mħuħ li huwa ta’ ħsara għas-sistemi ta’ riċerka Ewropej;

21.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill ma jkunx ħa passi aktar konkreti biex jimpenja lill-Istati Membri kollha biex ineħħu l-ostakli li jistgħu jagħmlu l-mobbiltà diffiċli għar-riċerkaturi żgħażagħ; jirrikonoxxi li kien hemm xi sforzi volontarji favur armonizzazzjoni akbar, iżda jikkonstata li regoli nazzjonali skaduti u inflessibbli għadhom jagħmlu diffiċli ħafna li wieħed jibdel bejn sistema akkademika u oħra, li jvarjaw minn diffikultajiet u dewmien biex il-kwalifiki akkademiċi jiġu rikonoxxuti għar-riskju ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji u telf ta’ drittijiet tas-sigurtà soċjali għar-riċerkaturi li jagħżlu li jmorru fuq esperjenza ta’ mobbiltà tranżnazzjonali;

22.

Jilqa’ l-inizjattiva ERA4YOU u l-Pjattaforma proposta tat-Talent taż-ŻER bħala mezz biex titħeġġeġ il-mobbiltà transsettorjali u jittejbu l-prospetti tar-riċerkaturi żgħażagħ;

23.

Iwissi li s-sempliċi inkoraġġiment tar-riċerkaturi żgħażagħ biex jitilqu mill-akkademja lejn setturi oħra ma jagħmel xejn biex il-karrieri fir-riċerka jkunu aktar attraenti; iqis li t-titjib tal-perkorsi tal-karriera akkademika u t-tisħiħ tal-mobbiltà transsettorjali għandhom jitqiesu bħala għanijiet komplimentari doppji, bl-għan aħħari ta’ ċirkolazzjoni fid-direzzjonijiet kollha, inkluż min-negozju u mill-gvern lura fl-universitajiet u fl-istituti tar-riċerka pubblika; jisħaq li l-appoġġ għar-riċerkaturi żgħażagħ matul il-perkors tal-karriera tagħhom jaġevola ż-żamma b’suċċess tagħhom fis-sistema ta’ riċerka tal-UE;

24.

Jissottolinja l-varjazzjonijiet ġeografiċi b’saħħithom fl-attraenza u fis-sostenibbiltà tal-karrieri fir-riċerka, li l-finanzjament tal-UE s’issa għadu ma rnexxilux jindirizza b’mod komprensiv; jikkonstata li l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Ewropa hija fil-biċċa l-kbira proċess ta’ direzzjoni waħda (jiġifieri min-Nofsinhar u mil-Lvant lejn it-Tramuntana u l-Punent), filwaqt li l-UE għandha timmira għal moviment ċirkolari aktar ibbilanċjat tar-riċerkaturi bejn is-sistemi akkademiċi, li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni tat-talent u li jgħin biex jiġi miġġieled it-telf tal-imħuħ;

25.

Jenfasizza d-diffikultajiet li jeżistu fil-portabbiltà tad-drittijiet bejn il-pajjiżi, kif ukoll l-ostakli għall-portabbiltà bejn setturi differenti (pubbliku jew privat) fl-istess Stat Membru; isostni li l-portabbiltà mtejba tad-drittijiet taġevola bil-kbir il-mobbiltà tal-karriera u ttejjeb iż-żamma ta’ riċerkaturi żgħażagħ fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tesplora soluzzjonijiet għal din il-kwistjoni fil-qafas tal-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej;

26.

Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tibni fuq il-fond tal-pensjonijiet pan-Ewropew għar-riċerkaturi (RESAVER) u tiżviluppa qafas ta’ karrieri globali għar-riċerkaturi biex tkompli tippromwovi l-mobbiltà transfruntiera u transsettorjali, u li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-RESAVER ikun utli b’mod ġenwin għar-riċerkaturi;

27.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-proċeduri għall-istandardizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-lawrji u d-diplomi universitarji bejn pajjiżi differenti jistgħu jkunu wisq ikkumplikati u applikati b’mod inkonsistenti; iqis ir-rikonoxximent reċiproku bħala kundizzjoni meħtieġa għall-mobbiltà tar-riċerkaturi żgħażagħ, li ma għandhiex tinvolvi piż amministrattiv mhux raġonevoli jew tkun soġġetta għal dewmien twil li jista’ jxekkel il-mobbiltà u r-reklutaġġ;

28.

Jissottolinja li dawn l-isfidi kollha huma saħansitra akbar għar-riċerkaturi li ġejjin fl-Unjoni minn pajjiżi terzi; jinnota li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu aktar biex jiżguraw li r-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tal-viża u tas-saħħa meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni u rekwiżiti oħra tad-dħul ikunu aktar faċilment aċċessibbli u disponibbli għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi; jenfasizza li dan huwa assolutament essenzjali sabiex jiġi attirat aktar talent fl-Ewropa;

Miżuri ta’ bilanċ bejn il-ġeneri u ta’ benesseri

29.

Jirrikonoxxi li huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-karrieri tar-riċerka; jappella għat-tisħiħ tad-diversità fir-riċerka, b’mod partikolari billi tiġi żgurata u promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li wieħed jibbaża fuq il-ħidma tal-għodda għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Akkademja u fir-Riċerka (GEAR); jisħaq li huma meħtieġa sforzi partikolari biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fis-suġġetti STEM;

30.

Jikkonstata li n-nisa jirrappreżentaw biss terz tar-riċerkaturi u ftit aktar minn kwart tal-karigi akkademiċi ta’ livell għoli, filwaqt li jikkostitwixxu sehem sproporzjonat ta’ riċerkaturi fuq kuntratti part-time u prekarji fl-Ewropa;

31.

Jappella għal impenn ikkoordinat fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-proċessi ta’ reklutaġġ u ta’ għażla jkunu newtrali għall-ġeneru u ħielsa minn kwalunkwe preġudizzju; jinnota li Orizzont Ewropa bħalissa qed jesperimenta bil-possibbiltà ta’ anonimizzazzjoni għal xi proġetti biex jitnaqqsu l-preġudizzji fl-evalwazzjoni;

32.

Jinnota li r-riċerkaturi żgħażagħ spiss ikunu meħtieġa jwettqu ammont konsiderevoli ta’ xogħol mhux imħallas biex jiżguraw il-progressjoni tal-karriera tagħhom, li tillimita l-opportunitajiet tagħhom li jsibu sorsi alternattivi ta’ remunerazzjoni barra mill-akkademja; iqis li l-ispiża attwali tal-kriżi tal-għajxien toħloq riskju ulterjuri għall-vijabbiltà tal-karrieri fir-riċerka u tista’ tiskoraġġixxi lil xi wħud mir-riċerkaturi żgħażagħ l-aktar kapaċi fl-Ewropa milli jkomplu fit-triq tar-riċerka, b’mod partikolari dawk minn sfondi soċjali aktar foqra jew b’responsabbiltajiet ta’ kura;

33.

Jikkritika n-nuqqas ta’ trasparenza u mertu f’ħafna proċeduri akkademiċi magħluqa, kif ukoll il-proliferazzjoni ta’ kuntratti ta’ riċerka b’pagi baxxi, prekarji u part-time; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ħafna universitajiet pubbliċi għadhom pjuttost magħluqa għall-applikanti minn barra; jissottolinja l-ambizzjoni tal-EURAXESS li l-pożizzjonijiet miftuħa kollha fl-Ewropa jiġu ppubblikati f’post wieħed biex jitrawmu l-opportunitajiet u l-kompetizzjoni ġusta bejn ir-riċerkaturi;

34.

Jesprimi tħassib dwar il-bilanċ batut bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-istress u l-benesseri mentali ta’ ħafna riċerkaturi żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li kellhom jiġġieldu kontra l-iżolament u t-telf ta’ finanzjament matul il-pandemija tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pandemija kienet partikolarment diffiċli għar-riċerkaturi b’responsabbiltajiet ta’ kura, li għadhom magħmula b’mod sproporzjonat minn nisa;

35.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkollhom proċeduri ġusti u trasparenti biex jittrattaw tipi differenti ta’ fastidju u abbuż fis-sistemi akkademiċi, li jistgħu jaffettwaw b’mod partikolari l-karrieri ta’ riċerkaturi fi stadju bikri, li jibqgħu jibbażaw ħafna fuq ir-referenzi u r-riferimenti minn akkademiċi superjuri sabiex jirnexxu fil-karrieri akkademiċi tagħhom;

L-ostakli għall-finanzjament u għall-proċessi ta’ evalwazzjoni

36.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dwar modi kif tiżgura li l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE ma jimponux aspettattivi mhux realistiċi jew ostakli mhux raġonevoli għall-applikazzjonijiet minn riċerkaturi żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li japplikaw minn pajjiżi bi strutturi ta’ appoġġ amministrattiv aktar dgħajfa;

37.

Jappoġġja l-isforzi biex il-proċessi ta’ evalwazzjoni jiġu ssimplifikati b’mod li jitnaqqsu l-istress u x-xogħol żejjed għar-riċerkaturi żgħażagħ, u jiffokaw aktar fuq il-kwalità tal-applikazzjonijiet aktar milli fuq il-kwantità tagħhom;

38.

Jilqa’ s-Siġill ta’ Eċċellenza, li jippermetti lil riċerkaturi żgħażagħ b’talent ikollhom aktar minn opportunità waħda biex jiksbu finanzjament mill-UE għall-istess tip ta’ proġett; jemmen li s-Siġill ta’ Eċċellenza huwa partikolarment meħtieġ fid-dawl tar-rati baxxi ta’ suċċess għall-għotjiet individwali tal-UE fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, bħala riżultat tad-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ fondi għall-finanzjament tal-maġġoranza tal-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni li jirċievu punteġġ ta’ evalwazzjoni eċċellenti;

Il-passi li jmiss

39.

Jinnota li l-eks Kummissarju Mariya Gabriel iddikjarat kemm-il darba il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ impjieg għar-riċerkaturi żgħażagħ fl-Ewropa; jilqa’ l-impenn tal-Kummissarju Iliana Ivanova, espress matul is-seduta ta’ smigħ tagħha fil-Parlament, li tkompli l-ħidma tal-predeċessur tagħha f’din id-direzzjoni, tlaqqa’ flimkien il-konsorzji biex tgħin lir-riċerkaturi żgħażagħ u tappoġġja remunerazzjoni ġusta u opportunitajiet ta’ karriera;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta’ “Osservatorju tal-Karriera” fil-forma ta’ sistema miftuħa ta’ monitoraġġ u rapportar madwar l-Ewropa dwar il-progress annwali fil-qafas u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, inklużi r-remunerazzjoni, is-sigurtà soċjali, it-tip ta’ kuntratt u l-livelli tal-pensjoni; jinnota li dan jirrikjedi aktar ħidma, flimkien ma’ proġetti pilota, li għandha tiġi żviluppata direttament mal-entitajiet li bħalissa għandhom tali data;

41.

Jitlob lill-Kunsill jadotta u jimplimenta malajr l-inizjattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni biex jagħtu s-setgħa lill-karrieri fir-riċerka u biex isaħħu ż-ŻER, inkluża r-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill għal Karta riveduta għar-riċerkaturi u Qafas Ewropew ta’ kompetenza għar-riċerkaturi;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif il-programm qafas jista’ jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ diversità akbar ta’ karrieri fir-riċerka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni b’mod partikolari tiżviluppa xenarji u tivvaluta l-fattibbiltà tagħhom f’termini ta’ finanzjament ġdid u arranġamenti kuntrattwali għal proġetti ta’ programm qafas, bil-għan li trawwem il-bidla mixtieqa fil-prattiki ta’ reklutaġġ u żamma tal-benefiċjarji tal-programm; jemmen li xenarji bħal dawn jistgħu jivvalutaw ukoll il-fattibbiltà ta’ garanzija Ewropea offruta lill-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka li jirreklutaw persunal tar-riċerka għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ Orizzont Ewropa dwar kuntratt li jkun ferm itwal miż-żmien li fih idum għaddej il-proġett; jemmen li, meta possibbli, il-Kummissjoni għandha tħares lejn modi kif tħeġġeġ forom ġodda ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament istituzzjonali fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa;

43.

Jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ sforz aktar ikkoordinat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex jiġu indirizzati l-problemi sottostanti li ilhom jeżistu u li qed jiffaċċjaw ir-riċerkaturi żgħażagħ fl-Ewropa, peress li dan fl-aħħar mill-aħħar se jgħin lill-UE tilħaq l-objettiv tagħha li tibqa’ protagonist fuq livell internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni u fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda fl-aktar oqsma kritiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggwida dawn il-proċessi b’tali mod li ttejjeb b’mod effettiv l-aċċess għal karrieri ta’ riċerka ta’ kwalità għolja fiż-ŻER kollha, u b’hekk tiżgura ċirkolazzjoni tal-imħuħ multidirezzjonali u bbilanċjata; jemmen li huwa kruċjali li l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu mmobilizzati biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji ta’ finanzjament, il-fondazzjonijiet privati u s-settur privat ġenerali, bil-kooperazzjoni tal-Parlament;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi bis-sħiħ u b’mod proattiv lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tar-riċerkaturi żgħażagħ fl-iżvilupp ta’ politiki li għandhom l-għan li jtejbu s-sitwazzjoni tar-riċerkaturi żgħażagħ;

°

° °

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)   ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67.

(2)   ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1.

(3)   ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 116.

(4)   ĠU C 99, 1.3.2022, p. 167.

(5)   ĠU C 205, 20.5.2022, p. 17.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2023)0239.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4183/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)