European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3510

30.5.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Mejju 2024

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka

(C/2024/3510)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 182(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-ftuħ, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-libertà akkademika huma fil-qalba tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ klassi dinjija. Madankollu, b’tensjonijiet internazzjonali li qed jikbru u r-rilevanza ġeopolitika dejjem tikber tar-riċerka u l-innovazzjoni, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi tal-Unjoni qed ikunu esposti dejjem aktar għal riskji għas-sigurtà tar-riċerka meta jikkooperaw fuq livell internazzjonali, li qed iwassal biex ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jiġu kkonfrontati minn influwenza malizzjuża u jintużaw ħażin b’modi li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni jew jiksru l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni kif definit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Karta”). Għalhekk huwa vitali li s-settur tal-Unjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġi appoġġat u jingħata s-setgħa li jindirizza dawn ir-riskji. Huma meħtieġa miżuri ta’ salvagwardja preċiżi u proporzjonati sabiex il-kooperazzjoni internazzjonali tinżamm miftuħa u sikura.

(2)

Il-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel jeħtieġ b’mod urġenti rispons konġunt mill-Istati Membri kollha u mill-Kummissjoni biex jissaħħaħ u jiġi sfruttat il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni. Huma biss l-isforzi kollettivi li jistgħu jiżguraw it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka. Dan il-kuntest jirrikjedi wkoll ibbilanċjar mill-ġdid tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni fid-dawl tal-interessi, il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni biex tiġi żviluppata u ssalvagwardjata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, filwaqt li tiġi ppreservata ekonomija miftuħa (1), u li jiġu segwiti kundizzjonijiet ekwi u ftuħ reċiproku bbilanċjat.

(3)

Ix-xjenza miftuħa tiżgura li r-riċerka xjentifika ssir aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-benefiċċju tax-xjenza, tal-ekonomija u tas-soċjetà kollha kemm hi. Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija vitali biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi globali urġenti għall-benefiċċju tas-soċjetajiet tagħna u din tixpruna l-eċċellenza xjentifika, filwaqt li l-mobbiltà internazzjonali tat-talent fir-riċerka tarrikkixxi l-inkjesta xjentifika u hija essenzjali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-kisba ta’ skoperti xjentifiċi. Il-libertà akkademika timplika li r-riċerkaturi huma liberi li jwettqu r-riċerka tagħhom u jagħżlu l-metodi ta’ riċerka kif ukoll is-sħab tar-riċerka tagħhom minn madwar id-dinja, filwaqt li jqisu li l-libertà akkademika ġġib magħha r-responsabbiltà akkademika.

(4)

Il-kompetizzjoni strateġika dejjem tikber u r-ritorn għall-politika tal-poter qed iwasslu għal relazzjonijiet internazzjonali dejjem aktar tranżazzjonali. Din il-bidla rriżultat f’theddid li huwa divers, imprevedibbli u ħafna drabi ibridu (2). Minħabba r-rwol ċentrali tal-għarfien u t-teknoloġija kritiċi għall-preminenza politika, ekonomika, tal-intelligence u militari, xi wħud mill-kompetituri tal-Unjoni qed javvanzaw dejjem aktar il-kapaċitajiet tagħhom f’dan ir-rigward jew qed isegwu b’mod attiv strateġiji ta’ fużjoni ċivili-militari.

(5)

It-theddid ibridu jista’ jaffettwa s-setturi rilevanti kollha; madankollu, minħabba l-ftuħ, il-libertà akkademika, l-awtonomija istituzzjonali u l-kollaborazzjoni dinjija tiegħu, is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa partikolarment vulnerabbli. Ir-riċerkaturi u l-innovaturi bbażati fl-Unjoni jistgħu jkunu fil-mira biex jinkisbu l-għarfien u t-teknoloġija l-aktar avvanzati, xi drabi billi jintużaw metodi li huma qarrieqa u moħbija, jew permezz ta’ serq sfaċċat jew koerċizzjoni, iżda aktar spiss bl-isfruttar tal-kooperazzjoni akkademika internazzjonali li tidher bona fide. Minbarra li jipperikola s-sigurtà u l-benesseri, it-theddid ibridu jista’ jaffettwa l-libertà akkademika u l-integrità tar-riċerka fl-Unjoni.

(6)

Is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni għalhekk qed jinnaviga kuntest internazzjonali dejjem aktar diffiċli għall-kollaborazzjonijiet, bir-riskju ta’ trasferiment mhux mixtieq ta’ għarfien u teknoloġija kritiċi lejn pajjiżi terzi li jistgħu jintużaw biex jissaħħu l-kapaċitajiet militari u s-servizzi ta’ intelligence ta’ dawn il-pajjiżi, li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jew għal finijiet li jiksru l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Filwaqt li mhux dejjem ikunu legalment ipprojbiti, dawk il-kollaborazzjonijiet jistgħu joħolqu tħassib sinifikanti dwar is-sigurtà u l-etika.

(7)

F’konformità mal-awtonomija istituzzjonali u l-libertà akkademika, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka huma primarjament responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha jenħtieġ li jikkunsidraw li jipprovdulhom assistenza u appoġġ, li jagħtuhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet infurmati u li jimmaniġġaw ir-riskji għas-sigurtà tar-riċerka involuti.

(8)

F’dawn l-aħħar snin, kienu għaddejjin diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka f’diversi Stati Membri u fil-livell tal-Unjoni, fejn ittieħdu diversi inizjattivi:

Mejju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar l-approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni, li tiddeskrivi strateġija Ewropea ġdida għall-politika internazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kunsill wieġeb f’Settembru 2021 permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li jenfasizzaw l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex isaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-indħil barrani;

ġew introdotti bosta salvagwardji fil-programm qafas tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni 2021-2027, Orizzont Ewropa, li jagħtu effett lir-responsabbiltà distintiva tal-Unjoni bħala waħda mill-akbar finanzjaturi tar-riċerka tal-Ewropa;

f’Novembru 2021, il-Kunsill adotta l-aġenda politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) 2022-2024 bħala parti mill-konklużjonijiet tiegħu dwar il-governanza futura taż-ŻER, fejn l-indirizzar tal-indħil barrani huwa inkluż f’waħda mill-azzjonijiet prijoritarji tiegħu;

f’Jannar 2022, b’segwitu għall-impenji tagħha li joħorġu kemm mill-approċċ globali kif ukoll mill-aġenda politika taż-ŻER, il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tagħha dwar l-indirizzar tal-indħil barrani fir-riċerka u innovazzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri, matul l-2023 sar eżerċizzju ta’ tagħlim reċiproku;

fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni, inkluża d-diżinformazzjoni li fiha jitlob li tissaħħaħ il-libertà akkademika, li tittejjeb it-trasparenza tal-finanzjament barrani kif ukoll li jiġi mmappjat u mmonitorjat l-indħil barrani fl-isferi kulturali, akkademiċi u reliġjużi;

f’April 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa li jenfasizzaw li kooperazzjoni aktar profonda fi ħdan l-Unjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju biex tappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tgħammar lir-riċerkaturi, lill-ħarrieġa, lill-istudenti u lill-persunal bl-għodod meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi għal kollaborazzjoni globali ġusta, bħall-inekwità, l-indħil barrani u l-ostakli għax-xjenza miftuħa. Il-Kunsill jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi promoss fehim infurmat u indipendenti tal-kontropartijiet f’pajjiżi terzi;

fl-10 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prinċipji u l-valuri għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, li jissottolinjaw l-importanza tal-ġestjoni tar-riskju u s-sigurtà, u jistiednu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar prattiki tajbin;

minn perspettiva usa’ ta’ sigurtà u ta’ difiża, għaddejja ħidma fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (3) kif ukoll il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża bil-għan li ssir valutazzjoni kondiviża tat-theddid u l-isfidi u koerenza akbar fl-azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, inkluż permezz ta’ Sett ta’ Għodod tal-Unjoni kontra Theddid Ibridu, li jgħaqqad flimkien strumenti differenti biex jidentifikaw u jirrispondu għal theddid ibridu;

fil-qasam tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa ta’ importanza sinifikanti għas-sigurtà tar-riċerka. Sabiex tgħin lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, f’Settembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar il-programmi ta’ konformità għar-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju (5).

(9)

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw komunikazzjoni konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika (6) li għandha l-għan li tiżgura li l-Unjoni tkompli tibbenefika minn ftuħ ekonomiku, filwaqt li timminimizza r-riskji għas-sigurtà ekonomika tagħha. L-Istrateġija tipproponi approċċ fuq tliet pilastri: il-promozzjoni tal-bażi ekonomika u tal-kompetittività tal-Unjoni; il-protezzjoni mir-riskji; u s-sħubija mal-usa’ firxa possibbli ta’ pajjiżi biex jiġu indirizzati t-tħassib u l-interessi kondiviżi. F’kull wieħed mill-pilastri, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu.

(10)

B’segwitu għal dik il-komunikazzjoni konġunta, l-oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri ġew identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113 (7). Diġà tnedew valutazzjonijiet tar-riskju bħala kwistjoni ta’ prijorità fuq erbgħa mill-10 oqsma teknoloġiċi kritiċi identifikati, jiġifieri semikondutturi avvanzati, intelliġenza artifiċjali, kwantum u bijoteknoloġiji. L-eżitu tal-valutazzjonijiet tar-riskju, meta jiġu ffinalizzati, jista’ jinforma miżuri potenzjali oħrajn biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika, inkluż miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka.

(11)

Barra minn hekk, il-komunikazzjoni konġunta dwar l-istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika ħabbret li l-Kummissjoni ser tipproponi miżuri biex issaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka billi tiżgura l-użu tal-għodod eżistenti u tidentifika u tindirizza kwalunkwe lakuna li fadal, filwaqt li tippreserva l-ftuħ tal-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni. Din ir-rakkomandazzjoni hija parti minn pakkett maħruġ mill-Kummissjoni f’Jannar 2024 bħala segwitu għall-komunikazzjoni konġunta.

(12)

F’termini tal-identifikazzjoni tal-lakuni msemmija fil-punt preċedenti, id-diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati juru ħtieġa urġenti fost dawk li jfasslu l-politika u l-atturi l-oħra kollha kkonċernati għal aktar ċarezza kunċettwali, fehim kondiviż tal-kwistjonijiet ikkonċernati, kif ukoll ta’ x’jikkostitwixxi rispons ta’ politika li huwa kemm proporzjonat kif ukoll effettiv.

(13)

Għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri żviluppaw jew jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw politiki mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka. Filwaqt li dawk l-isforzi ġeneralment jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza, biex ikunu verament effettivi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji jenħtieġ li jiġu applikati b’mod konsistenti fil-livelli kollha, inkluż fil-livell tal-Unjoni, dak nazzjonali, dak reġjonali kif ukoll fil-livell tal-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka. Il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ prattiki huma għalhekk meħtieġa biex jipproteġu l-integrità taż-ŻER, filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi tal-Istati Membri biex imorru lil hinn, pereżempju billi jiżviluppaw oqfsa regolatorji.

(14)

Huwa importanti li t-theddid ibridu li jaffettwa l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġi vvalutat strutturalment, filwaqt li jissaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika billi jiddependu fuq il-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence, b’mod partikolari ċ-Ċellola ta’ Fużjoni kontra t-Theddid Ibridu, u b’kont meħud tal-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu kif ukoll tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità stabbilit mill-EUROPOL fir-rigward tat-theddid taċ-ċibersigurtà.

(15)

Filwaqt li jitqies li sehem sinifikanti tar-riċerka u l-innovazzjoni jseħħ fis-settur privat, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li, filwaqt li r-riskji li l-kumpaniji huma esposti għalihom jistgħu jkunu simili, in-natura, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom huma differenti minn dawk tal-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka.

(16)

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-esperjenza politika tal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali ewlenin, filwaqt li jiġi enfasizzat li jenħtieġ li jiġi fformulat approċċ li jaqbel mal-kuntest Ewropew uniku. Prattiki tajbin huma, pereżempju, kondiviżi permezz tad-Djalogu Multilaterali dwar il-valuri u l-prinċipji għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħala parti min-negozjati ta’ assoċjazzjoni u l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tat-Tmexxija tax-Xjenza u t-Teknoloġija fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, kif ukoll f’fora multilaterali, bħall-G7, u arranġamenti multilaterali rilevanti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni.

(17)

Is-sigurtà tar-riċerka hija tħassib li qed jikseb aktar attenzjoni, u d-dibattitu li għaddej dwar ir-riskji involuti u kif l-aħjar jiġu ġestiti qed jintensifika. Konsegwentement, hemm bżonn li tkompli tiżdied is-sensibilizzazzjoni, jiġi promoss u ffaċilitat it-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet rilevanti tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll li jingħata kontribut għal approċċ ta’ apprendiment li jkun kemm flessibbli kif ukoll aġli.

(18)

Għall-fini ta’ din ir-rakkomandazzjoni:

(1)

“Sigurtà tar-riċerka” tirreferi għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji relatati ma’: (a) it-trasferiment mhux mixtieq ta’ għarfien kritiku u teknoloġija li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, pereżempju jekk jiġu indirizzati għal skopijiet militari jew ta’ intelligence f’pajjiżi terzi; (b) influwenza malizzjuża fuq ir-riċerka fejn ir-riċerka tista’ tiġi strumentalizzata permezz ta’ jew minn pajjiżi terzi sabiex fost l-oħrajn joħolqu diżinformazzjoni jew jinċitaw l-awtoċensura fost l-istudenti u r-riċerkaturi li jiksru l-libertà akkademika u l-integrità tar-riċerka fl-Unjoni; (c) ksur tal-etika jew tal-integrità, fejn l-għarfien u t-teknoloġiji jintużaw biex irażżnu, jiksru jew jimminaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, kif definiti fit-Trattati.

(2)

“Settur tar-riċerka u l-innovazzjoni” tirreferi għall-organizzazzjonijiet kollha li jwettqu r-riċerka, inkluż l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja sa fejn dawn iwettqu riċerka, organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u infrastrutturi tar-riċerka madwar l-Unjoni, kif ukoll l-atturi l-oħra kollha fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li l-elementi ta’ din ir-rakkomandazzjoni jistgħu jkunu ugwalment rilevanti għall-kumpaniji, huwa meħtieġ l-involviment mal-atturi tas-settur privat biex tiġi indirizzata s-sigurtà tar-riċerka tagħhom;

(3)

“Organizzazzjoni li twettaq riċerka” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li twettaq riċerka xjentifika.

(4)

“Kooperazzjoni internazzjonali” tirreferi għall-kooperazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka stabbiliti fl-Unjoni jew riċerkaturi individwali ffinanzjati minn dawk l-organizzazzjonijiet, minn naħa waħda, ma’ entitajiet, inkluż kumpaniji, stabbiliti barra mill-Unjoni jew riċerkaturi individwali ffinanzjati minn dawk l-entitajiet, min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni iżda li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn barra l-Unjoni tiġi kkunsidrata abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

(5)

“Valutazzjoni tar-riskju” tirreferi għal proċess b’rabta mal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni li fih titqies kombinazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju ewlenin. Il-kombinazzjoni ta’ dawk il-fatturi tiddetermina l-livell ta’ riskju. L-elementi ewlenin li għandhom jiġu vvalutati jistgħu jinġabru f’erba’ kategoriji: a) il-profil tar-riskju tal-organizzazzjoni bbażata fl-Unjoni li tidħol fil-kooperazzjoni internazzjonali: ikkunsidra l-punti b’saħħithom u l-vulnerabbiltajiet tal-organizzazzjoni, inkluż id-dipendenzi finanzjarji, rilevanti għall-proġett ta’ riċerka; b) il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li fih għandha sseħħ il-kooperazzjoni internazzjonali: ikkunsidra jekk il-proġett jiffokax fuq oqsma ta’ riċerka li jinvolvu għarfien u teknoloġija kritiċi, metodoloġiji, data jew infrastrutturi ta’ riċerka meqjusa partikolarment sensittivi minn perspettiva ta’ sigurtà jew valuri tal-Unjoni u drittijiet fundamentali; c) il-profil tar-riskju tal-pajjiż terz fejn is-sieħeb internazzjonali huwa bbażat jew minn fejn huwa proprjetà jew ikkontrollat (pereżempju, jekk il-pajjiż huwiex soġġett għal miżuri restrittivi jew jekk għandux rekord difettuż f’dak li għandu x’jaqsam mal-istat tad-dritt jew mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, strateġija ta’ fużjoni ċivili-militari aggressiva jew libertà akkademika limitata); d) il-profil tar-riskju tal-organizzazzjoni sieħba internazzjonali, jiġifieri li jwettaq diliġenza dovuta fl-organizzazzjoni li qiegħda tikkoopera magħha biex tiddetermina fost l-oħrajn jekk hijiex soġġetta għal miżuri restrittivi jew jekk għandhiex rabtiet mal-militar, l-affiljazzjonijiet tar-riċerkaturi jew tal-persunal involuti, kif ukoll l-intenzjonijiet tas-sieħeb fir-rigward tal-użu finali jew l-applikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka.

(6)

“Għarfien u teknoloġija kritiċi” tirreferi għall-għarfien u t-teknoloġija, inkluż l-għarfien espert, f’oqsma emerġenti u fixkiela u f’oqsma li huma kruċjali għall-kompetittività ekonomika, il-benesseri soċjali u s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u li fihom, konsegwentement, id-dipendenza żejda fuq pajjiżi terzi mhumiex mixtieqa, filwaqt li titqies in-natura dinamika tas-sigurtà tar-riċerka u r-riskji li qed jevolvu. Dak jinkludi iżda mhuwiex limitat għal riċerka u innovazzjoni b’potenzjal ta’ użu doppju.

(7)

“Pajjiżi terzi” tirreferi għall-pajjiżi kollha li mhumiex fl-Unjoni.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI EWROPEA:

1.

Iqisu l-prinċipji li ġejjin għal internazzjonalizzazzjoni responsabbli meta jfasslu u jimplimentaw azzjonijiet ta’ politika biex itejbu s-sigurtà tar-riċerka:

(a)

ikomplu jippromwovu u jiddefendu l-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali, filwaqt li jqisu li l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka huma primarjament responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni;

(b)

ikomplu jippromwovu u jinkoraġġixxu kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni li hija kemm miftuħa kif ukoll sigura, f’konformità mal-prinċipju “kemm jista’ jkun miftuħa, magħluqa kemm meħtieġ”, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati tar-riċerka jkunu traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (FAIR), b’kunsiderazzjoni xierqa għar-restrizzjonijiet applikabbli, inkluż it-tħassib dwar is-sigurtà;

(c)

jiżguraw il-proporzjonalità tal-miżuri: fejn jiġu introdotti salvagwardji, jenħtieġ li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jittaffew ir-riskji involuti u jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn. L-objettiv huwa l-ġestjoni aktar milli l-evitar tar-riskju;

(d)

jidderieġu miżuri ta’ sigurtà tar-riċerka lejn is-salvagwardja tas-sigurtà ekonomika, kif ukoll lejn is-sigurtà tal-Unjoni u dik nazzjonali, u jiddefendu u jippromwovu l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, il-libertà akkademika u l-integrità tar-riċerka, filwaqt li jevitaw il-protezzjoniżmu u l-istrumentalizzazzjoni politika tar-riċerka u l-innovazzjoni;

(e)

jippromwovu l-awtogovernanza fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, fi ħdan il-qafas regolatorju applikabbli, filwaqt li jagħtu s-setgħa lill-atturi tagħha biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati, jenfasizzaw ir-responsabbiltajiet soċjetali tal-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u jqisu li l-libertà akkademika ġġib magħha r-responsabbiltà akkademika;

(f)

jadottaw approċċ ta’ gvern sħiħ, li jlaqqa’ flimkien l-għarfien espert u l-ħiliet rilevanti, jiżgura approċċ komprensiv għas-sigurtà tar-riċerka u jrawwem il-koerenza tal-azzjonijiet governattivi u l-messaġġi lejn is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż passi neċessarji għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol rilevanti;

(g)

filwaqt li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jadottaw politiki li jkunu anjostiċi għall-pajjiż, li jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji għas-sigurtà tar-riċerka minn kull fejn joħorġu, minħabba li dik hija l-aħjar garanzija li jinżamm approċċ ibbilanċjat għall-opportunitajiet u r-riskji fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u li l-iżviluppi li qed jevolvu fix-xenarju tat-theddid, inkluż il-ħolqien ta’ atturi ġodda tat-theddid, ma jiġux injorati;

(h)

jiżguraw li jsir kull sforz biex tiġi evitata kull forma ta’ diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni kemm diretta kif ukoll indiretta ta’ gruppi jew individwi li jistgħu jseħħu bħala konsegwenza mhux intenzjonata ta’ miżuri ta’ salvagwardja u jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif imnaqqxa fil-Karta;

(i)

jirrikonoxxu n-natura dinamika tas-sigurtà tar-riċerka msawra minn għarfien ġdid, u riskji u kuntest ġeopolitiku li qed jevolvu, li tirrikjedi approċċ ta’ apprendiment b’rieżamijiet perjodiċi u aġġornamenti li jitwettqu biex jiġi żgurat li l-politiki dwar is-sigurtà tar-riċerka u l-isforzi relatati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet jibqgħu aġġornati, effettivi u proporzjonati, u f’konformità mal-prinċipji msemmija hawn fuq.

JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI, b’kunsiderazzjoni sħiħa għas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, l-awtonomija istituzzjonali u l-libertà akkademika, u f’konformità mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-Istati Membri, il-punti ta’ tluq differenti, u l-kompetenza esklużiva tagħhom fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jmorru lil hinn:

2.

Jaħdmu biex jiżviluppaw u jimplimentaw sett koerenti ta’ azzjonijiet ta’ politika biex isaħħu s-sigurtà tar-riċerka, billi jagħmlu l-aħjar użu mill-elementi elenkati f’din it-taqsima.

3.

Jinvolvu ruħhom fi djalogu mas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet u r-rwoli u jiżviluppaw approċċ nazzjonali, jekk mhux diġà fis-seħħ, pereżempju permezz ta’ linji gwida jew lista ta’ miżuri u inizjattivi rilevanti biex jagħtu spinta lis-sigurtà tar-riċerka bi proċess ċar għall-implimentazzjoni, filwaqt li jikkunsidraw il-gwida tal-Kummissjoni u l-għodod disponibbli bħala appoġġ.

4.

Fejn rilevanti, joħolqu struttura jew servizz ta’ appoġġ ġdid jew issaħħu dak eżistenti, biex jgħinu lill-atturi fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni jittrattaw ir-riskji relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Filwaqt li jlaqqgħu flimkien l-għarfien espert u l-ħiliet transsettorjali, tali struttura jew servizz ta’ appoġġ jista’ jipprovdi informazzjoni u pariri li l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u li jiffinanzjaw ir-riċerka jistgħu jużaw biex jieħdu deċiżjonijiet informati, jiżnu l-opportunitajiet u r-riskji ta’ kooperazzjoni internazzjonali prospettiva kif ukoll servizzi oħrajn li għalihom is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu ħtieġa ċara, inkluż attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u korsijiet ta’ taħriġ.

5.

Isaħħu l-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika dwar is-sigurtà tar-riċerka, permezz ta’ analiżi tax-xenarju tat-theddid, inkluż minn perspettiva taċ-ċibersigurtà.

6.

Jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka minn naħa waħda u l-aġenziji tal-intelligence min-naħa l-oħra, pereżempju permezz ta’ briefings klassifikati u mhux klassifikati jew uffiċjali ta’ kollegament dedikati.

7.

Jiżviluppaw jew isaħħu l-kooperazzjoni transsettorjali fi ħdan il-gvern, notevolment billi jlaqqgħu flimkien lil dawk li jfasslu l-politika responsabbli għall-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kummerċ, l-affarijiet barranin, l-intelligence u s-sigurtà.

8.

Jiksbu għarfien dwar ir-reżiljenza tas-settur kif ukoll l-effettività u l-proporzjonalità tal-politiki applikabbli dwar is-sigurtà tar-riċerka, inkluż permezz ta’ ttestjar regolari tar-reżiljenza u simulazzjonijiet tal-inċidenti, filwaqt li jikkunsidraw fejn xieraq l-appoġġ tal-Kummissjoni.

9.

Jagħtu attenzjoni speċifika lill-kooperazzjoni internazzjonali f’oqsma ta’ riċerka li jinvolvu għarfien u teknoloġija kritiċi, inkluż dawk identifikati mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113, u lill-eżiti ta’ tali valutazzjonijiet tar-riskju kollettivi.

10.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju u l-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 TUE u l-Artikoli 207 u 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jieħdu miżuri nazzjonali dwar it-trasferiment tat-teknoloġija intanġibbli, kif ukoll isaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ miżuri restrittiv li huma rilevanti għar-riċerka u l-innovazzjoni.

11.

Jikkontribwixxu b’mod proattiv għall-pjattaforma tal-Unjoni ta’ punt uniku ta’ servizz dwar l-indirizzar tal-indħil barrani fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jikkondividu għodod u riżorsi żviluppati permezz ta’ finanzjament pubbliku bil-għan li jiffaċilitaw l-użu transfruntier ta’ dawn l-għodod u r-riżorsi u li jwassluhom b’mod faċli għall-utent, aċċessibbli u sikur.

12.

Jimpenjaw ruħhom mas-settur privat biex jiżviluppaw gwida għall-kumpaniji involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż għal negozji ġodda intensivi fir-riċerka, spin-offs u kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. F’dan ir-rigward, hemm bżonn li tinġibed l-attenzjoni għar-regoli eżistenti, inkluż dawk dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju, l-iskrinjar tal-investimenti barranin, kif ukoll il-ħidma li għaddejja fuq il-monitoraġġ tal-investimenti ’l barra.

13.

Jikkunsidraw, fejn rilevanti, u abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, l-applikazzjoni tal-miżuri li jinsabu f’din ir-rakkomandazzjoni għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali relatati mal-mobbiltà tar-riċerkaturi.

Rwol tal-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka

14.

Jinvolvu ruħhom mal-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka biex jiġu inkoraġġuti jiżguraw li:

(a)

is-sigurtà tar-riċerka tkun parti integrali mill-proċess ta’ applikazzjoni li jqis il-fatturi differenti li jiddefinixxu b’mod konġunt il-profil tar-riskju tal-proġett. L-objettiv huwa li l-benefiċjarji jiġu mħeġġa biex jikkunsidraw il-kuntest li fih isseħħ il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u liema raġunijiet u aġendi (moħbija) jista’ jkollhom rwol, filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji u t-theddid potenzjali jiġu identifikati minn qabel.

(b)

il-proġetti ta’ riċerka magħżula għall-finanzjament li jqajmu tħassib jgħaddu minn valutazzjoni tar-riskju proporzjonata għall-profil tar-riskju tagħhom, li twassal biex jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni xierqa tar-riskju filwaqt li jiġi żgurat li ż-żmien għall-għotja ma jiddewwimx bla bżonn, u jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn.

(c)

kull meta jidħlu fi ftehimiet ta’ sħubija ta’ riċerka ma’ entitajiet barranin, inkluż permezz ta’ Memoranda ta’ Qbil, iqisu r-riskji possibbli relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali u jinkludu kundizzjonijiet ta’ qafas ewlenin, bħar-rispett għall-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali, il-libertà akkademika, ir-reċiproċità u l-arranġamenti dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali, inkluż it-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati, il-ħruġ ta’ liċenzji jew it-trasferiment tar-riżultati u l-ħolqien ta’ spin-off, u jipprevedu li jkun hemm strateġija ta’ ħruġ f’każ li l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ma jiġux irrispettati;

(d)

meta jiġu applikati miżuri ta’ salvagwardja fil-programmi ta’ finanzjament nazzjonali, jitqiesu dawk applikati fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni;

(e)

l-applikanti jfittxu assigurazzjoni minn sħab prospettivi, għal proġetti bi profil ta’ riskju għoli, pereżempju permezz ta’ ftehim ta’ sħubija, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet ta’ qafas ewlenin bħal dawk elenkati fil-punt 15(c);

(f)

l-għarfien espert u l-ħiliet adegwati huma disponibbli fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ finanzjament biex jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà tar-riċerka u li s-sigurtà tar-riċerka tiġi integrata fil-miżuri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni eżistenti, inkluż iż-żamma ta’ rendikont ta’ inċidenti, u t-teħid ta’ miżuri f’waqthom u kredibbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Appoġġ għall-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka

15.

Jinkoraġġixxu u jappoġġaw organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka biex:

(a)

jinvolvu ruħhom fl-iskambju ta’ informazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari, l-iżvilupp ta’ għodod u linji gwida u r-rappurtar tal-inċidenti fost il-pari, kif ukoll li jikkunsidraw l-ippuljar tar-riżorsi biex isir l-aħjar użu minn riżorsi u għarfien espert skarsi u mifruxa;

(b)

jimplimentaw proċeduri interni ta’ ġestjoni tar-riskju b’mod sistematiku, inkluż permezz ta’ valutazzjoni tar-riskju, iwettqu diliġenza dovuta għas-sħab prospettivi u eskalazzjoni għal livelli ogħla ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interni f’każ ta’ kwistjonijiet li jqajmu tħassib, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn;

(c)

meta jidħlu fi ftehimiet ta’ sħubija ta’ riċerka ma’ entitajiet barranin, inkluż permezz ta’ Memoranda ta’ Qbil, iqisu r-riskji possibbli relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali u jinkludu kundizzjonijiet ta’ qafas ewlenin, bħar-rispett għall-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali, il-libertà akkademika, ir-reċiproċità u l-arranġamenti dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali, inklużi t-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati, il-ħruġ ta’ liċenzji jew it-trasferiment tar-riżultati u l-ħolqien ta’ spin-off, u jipprevedu li jkun hemm strateġija ta’ ħruġ f’każ li l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ma jiġux irrispettati;

(d)

jivvalutaw ir-riskji relatati ma’ programmi ta’ talent sponsorjati minn gvern barrani fir-riċerka u l-innovazzjoni li jiffukaw b’mod partikolari fuq kwalunkwe obbligu mhux mixtieq impost fuq il-benefiċjarji tagħhom, u jiggarantixxu li l-fornituri ta’ korsijiet u taħriġ fuq il-kampus sponsorjati minn gvern barrani jirrispettaw il-missjoni u r-regoli tal-istituzzjoni ospitanti;

(e)

jinvestu f’għarfien espert u ħiliet iddedikati għas-sigurtà tar-riċerka interna, jassenjaw ir-responsabbiltà tas-sigurtà tar-riċerka fil-livelli organizzazzjonali xierqa u jinvestu fl-iġjene ċibernetika u fil-ħolqien ta’ kultura fejn il-ftuħ u s-sigurtà jkunu f’bilanċ;

(f)

jiffaċilitaw l-aċċess għal programmi ta’ taħriġ, inkluż korsijiet online, għal persunal ta’ riċerka ġdid u eżistenti, kif ukoll jiżviluppaw programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ immirati lejn it-taħriġ ta’ konsulenti tas-sigurtà u atturi rilevanti oħra u t-taħriġ ta’ persuni li jirreklutaw u l-persunal li jittratta l-internazzjonalizzazzjoni biex jivverifikaw u jiskopru, bħala parti minn proċess ta’ skrutinju strutturali, elementi li jqajmu tħassib fl-applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet ta’ riċerka, speċjalment dawk f’oqsma ta’ riċerka li jinvolvu għarfien u teknoloġija kritiċi;

(g)

jiżguraw fil-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u fil-forom l-oħrajn kollha ta’ tixrid tar-riżultati tar-riċerka trasparenza sħiħa tas-sorsi ta’ finanzjament u tal-affiljazzjonijiet tal-persunal tar-riċerka, filwaqt li jevitaw li d-dipendenzi barranin u l-kunflitti ta’ interess jew impenn jaffettwaw il-kwalità u l-kontenut tar-riċerka;

(h)

jintroduċu kompartimentalizzazzjoni, kemm fiżika kif ukoll virtwali, li tiggarantixxi li għal żoni, bħal laboratorji u infrastruttura tar-riċerka, data u sistemi li huma partikolarment sensittivi, l-aċċess jingħata fuq bażi stretta ta’ ħtieġa ta’ għarfien u li, għal sistemi online, ikun hemm fis-seħħ arranġamenti robusti ta’ ċibersigurtà;

(i)

jivvalutaw ir-riskji relatati mat-tagħmir, mal-laboratorji u mal-infrastruttura tar-riċerka sponsorjata minn jew akkwistata minn entitajiet ikkontrollati minn pajjiżi terzi jew stabbiliti fihom, b’enfasi partikolari fuq kwalunkwe obbligu mhux mixtieq impost fuq l-organizzazzjonijiet ospitanti;

(j)

jiżguraw li jiġu evitati kull forma ta’ diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni, kemm diretti kif ukoll indiretti, li tiġi protetta s-sikurezza individwali, b’attenzjoni partikolari għall-isfurzar tad-dijaspora mill-istat tal-oriġini u forom oħrajn ta’ influwenza malizzjuża, li jistgħu jwasslu għall-awtoċensura u jista’ jkollhom implikazzjonijiet ta’ sigurtà għal riċerkaturi barranin, għall-kandidati għal dottorat u għall-istudenti involuti, u li l-inċidenti jiġu rrapportati.

JIRRAKKOMANDA LILL-KUMMISSJONI BIEX:

16.

Tagħmel użu sħiħ mill-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, b’mod partikolari l-istrutturi ta’ governanza taż-ŻER, u tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni billi żżid is-sensibilizzazzjoni, tiffaċilita u tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari, tippermetti t-tisħiħ tal-kapaċitajiet kif ukoll tiffaċilita l-konsistenza tal-politiki; tinkorpora l-kontenut ta’ din ir-rakkomandazzjoni wkoll fl-aġendi tal-pjattaformi u l-bordijiet strateġiċi rilevanti.

17.

Tiżviluppa u żżomm pjattaforma ta’ punt uniku ta’ servizz tal-Unjoni dwar l-indirizzar tal-indħil barrani fir-riċerka u l-innovazzjoni, li għandha l-għan li tikkonsolida d-data, l-għodod, ir-rapporti u r-riżorsi l-oħra pertinenti kollha żviluppati fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali, organizzazzjonali jew barra mill-Unjoni, filwaqt li tiżgura li dawn jiġu ppreżentati b’mod li jkun faċli għall-utent, aċċessibbli kif ukoll sigur.

18.

Tappoġġa l-ġbir ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika dwar is-sigurtà tar-riċerka u tiġbor flimkien l-għarfien espert rilevanti mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, kif ukoll tesplora u tivvaluta l-għażliet għal aktar appoġġ strutturali f’dan ir-rigward, bħal permezz ta’ ċentru Ewropew ta’ għarfien espert dwar is-sigurtà tar-riċerka, filwaqt li tqis l-istrutturi eżistenti u tassoċjahom mal-pjattaforma ta’ punt uniku ta’ servizz, barra minn hekk, funzjonalitajiet addizzjonali biex jappoġġaw lill-Istati Membri u lis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jiżdiedu fi żmien debitu.

19.

F’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, issaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika billi tivvaluta strutturalment it-theddid ibridu li jaffettwa l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni.

20.

Tiżviluppa metodoloġija tal-ittestjar tar-reżiljenza għall-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka li tista’ tintuża fuq bażi volontarja mill-Istati Membri mal-organizzazzjonijiet tagħhom li jwettqu r-riċerka.

21.

Tkompli bil-ħidma tagħha, f’kokreazzjoni mal-Istati Membri u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati, dwar il-valutazzjoni tar-riskji tat-teknoloġiji kritiċi, kif ukoll tinvolvi ruħha fi djalogu biex jiġu żgurati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsistenza tal-approċċ fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u s-salvagwardji tas-sigurtà tar-riċerka fil-programmi ta’ finanzjament nazzjonali u dawk fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni.

22.

Tiżviluppa għodod u riżorsi, kemm dawk anjostiċi għall-pajjiż kif ukoll dawk speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu appoġġati organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka biex iwettqu diliġenza dovuta tal-pajjiżi terzi sħab prospettivi.

23.

Torganizza, flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-Unjoni, avveniment ewlieni biennali dwar is-sigurtà tar-riċerka, immirat lejn il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambji orjentati lejn is-soluzzjonijiet.

24.

Tħejji gwida interpretattiva, fejn meħtieġ, dwar l-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Dan japplika b’mod partikolari għar-regoli dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, b’mod partikolari t-trasferiment intanġibbli tat-teknoloġija, ir-rekwiżiti tal-viża għar-riċerkaturi barranin, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti tax-xjenza miftuħa u tal-ġestjoni tal-assi intellettwali minn perspettiva ta’ sigurtà tar-riċerka.

25.

Tinvolvi ruħha mas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-Istati Membri biex jiġi vvalutat kif l-aħjar tiżdied it-trasparenza tas-sorsi ta’ finanzjament tar-riċerka u l-affiljazzjonijiet tar-riċerkaturi.

26.

Issaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali dwar is-sigurtà tar-riċerka permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-tiftix ta’ modi biex jiġu allinjati l-miżuri ta’ salvagwardja kif ukoll biex titqies il-possibbiltà li jiġi żgurat li l-Unjoni tesprimi ruħha b’vuċi waħda dwar is-suġġett f’fora multilaterali.

Il-monitoraġġ tal-progress

27.

Il-Kummissjoni hija mistiedna timmonitorja l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni b’mod trasparenti u abbażi ta’ indikaturi ċari, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, bl-użu tal-pjattaforma ta’ politika taż-ŻER, u tirrapporta lill-Kunsill kull sentejn, bħala parti mir-rapportar biennali tagħha dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u r-rappurtar eżistenti tagħha dwar il-Programm Qafas ta’ Riċerka u Innovazzjoni.

28.

Fid-dawl tar-rispons konġunt meħtieġ b’mod urġenti, l-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni u jikkondividu mal-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-approċċ nazzjonali tagħhom (kif imsemmi fir-rakkomandazzjoni 3 lill-Istati Membri), bħala kontribut għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u rappurtar imsemmija hawn fuq mill-Kummissjoni.

29.

Wara valutazzjoni fil-fond u fid-dawl tal-evoluzzjoni futura tas-sitwazzjoni ġeopolitika, jistgħu jiġu proposti passi u miżuri ulterjuri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BROUNS


(1)  Laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew (1 u 2 ta’ Ottubru 2020) – Konklużjonijiet, 13/20, il-paragrafu 3.

(2)  Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu reazzjoni tal-Unjoni Ewropea, JOIN(2016)18.

(3)  COM(2020) 605.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1700 tal-15 ta’ Settembru 2021 dwar programmi interni ta’ konformità għall-kontrolli tar-riċerka li tirrigwarda oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 338, 23.9.2021, p. 1).

(6)  JOIN(2023) 20.

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113 tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri (ĠU L, 2023/2113, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2113/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3510/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)