European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3316

3.6.2024

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (l-Isvezja) fit-22 ta’ Marzu 2024 – Naturvårdsverket vs IC

(Kawża C-222/24, Naturvårdsverket)

(C/2024/3316)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Naturvårdsverket

Konvenut: IC

Domandi preliminari

1)

Teħid lura fis-sens tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (1) jinkludi l-obbligu jew id-dritt għall-awtorità tad-dispaċċ li tirkupra jew tarmi l-iskart meħud lura meta, għall-finijiet tat-trasport lura, ikunu ġew stabbiliti notifika u dokumenti ta’ moviment li jippreċiżaw il-mod kif l-iskart ikun ser jiġi ttrattat fil-pajjiż tad-destinazzjoni?

2)

Taħt liema kundizzjonijiet l-awtorità tad-dispaċċ tista’ tapplika l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) sabiex tirkupra jew tarmi fil-pajjiż tad-dispaċċ skart li kien fi vjeġġ illegali? Liema hija r-relazzjoni bejn id-dispożizzjoni tal-punt (d) u d-dispożizzjoni tal-punt (ċ), pereżempju t-teħid lura u l-irkupru/rimi jistgħu jseħħu abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet applikati flimkien, jew l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet teħtieġ li jkun impossibbli li tiġi adottata l-proċedura msemmija fid-dispożizzjoni li tippreċediha immedjatament?

3)

Fil-każ li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità tad-dispaċċ għandha dritt, wara t-teħid lura, tiddisponi b’mod definittiv mill-iskart minkejja li l-ispeditur inizjali jkun jixtieq jieħdu lura, din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-protezzjoni tal-proprjetà stabbilita fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali?


(1)   ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3316/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)