European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3208

21.5.2024

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Mejju 2024

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar u ż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari Emsland (KKE) fl-Istat Federali tas-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(C/2024/3208)

Il-valutazzjoni t’hawn taħt saret skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid issir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li jirriżultaw minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fis-26 ta’ Mejju 2023, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tal-Ġermanja, id-Data Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta mid-dekummissjonar u miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Emsland.

Abbażi ta’ din id-data u tat-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Settembru 2023 u pprovdut mill-awtoritajiet Ġermaniżi fit-8 ta’ Novembru 2023 u fil-11 ta’ Jannar 2024, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza mis-sit għall-eqreb fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ in-Netherlands, hija ta’ 20 km.

2.

Waqt operazzjonijiet ta’ dekummissjonar u żarmar normali tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Emsland (KKE) ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi ma għandhomx ikunu responsabbli li jirriżultaw f’esponiment li jkun sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, għall-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-limiti tad-dożi stabbiliti fid-Direttivi tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (3).

3.

L-iskart radjuattiv solidu huwa kkundizzjonat u maħżun temporanjament fuq is-sit (fil-Bini l-ġdid tat-Teknoloġija u l-Loġistika ta’ Emsland, TLE) qabel ma jintbagħat lejn faċilitajiet liċenzjati tat-trattament jew tar-rimi li jinsabu fil-Ġermanja.

4.

L-iskart solidu u l-fdalijiet materjali oħra li jkunu konformi mal-livelli ta’ approvazzjoni se jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir f’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

5.

F’każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jseħħu wara l-aċċidenti tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, ir-rilaxxi mhux mistennija jikkaġunaw kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, f’rispett tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li jirriżulta mid-dekummissjonar u miż-żarmar ta’ Emseland (KKE), li jinsab fl-Istat Federali tas-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta' aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, x'aktarx li ma tirriżultax f'kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lati tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati f’aktar dettall. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3208/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)