European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1981

18.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità”

(C/2024/1981)

Relatur:

Marko VEŠLIGAJ, Sindku, il-Belt ta’ Pregrada

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità

COM(2023) 512 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li testendi d-Direttiva [XXXX] għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru

COM(2023) 698 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Artikolu 2(2) (żid paragrafu ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Din id-Direttiva hija applikabbli għall-benefiċċji u l-assistenza soċjali deskritti fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) u (c) bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

detentur ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor għal impjieg jew għal raġuni edukattiva sakemm l-istatus ta’ diżabilità tiegħu jiġi vvalutat mill-ġdid u jingħata għarfien formali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti; u

- detentur ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità li jipparteċipa fi programm ta’ mobilità tal-UE, tul il-perjodu ta’ żmien tal-programm. F’sitwazzjonijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri jiżguraw li l-individwi li jkollhom Kard Ewropea tad-Diżabilità jkollhom aċċess għall-benefiċċji u l-assistenza soċjali kif deskritt fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) u (c).

Raġuni

Il-proposta hija li tinżamm applikazzjoni limitata għal gruppi definiti, u ssir b’hekk eċċezzjoni għal studenti, impjegati u parteċipanti b’diżabilità fil-Programm ta’ Mobilità tal-UE biss għal dawk msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) u (c), u mhux fil-każ ta’ (a) li x’aktarx ikopri l-biċċa l-kbira tal-benefiċċji soċjali għal persuni b’diżabilità. Dan l-approċċ joħloq bilanċ bejn is-salvagwardja tal-intenzjoni ewlenija tad-Direttiva u l-indirizzar tat-tħassib relatat mal-aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-pressjoni li dan jista’ joħloq fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali u b’hekk fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fl-istess waqt, hija tfittex li tindirizza t-talba tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jingħata aċċess temporanju għall-benefiċċji pprovduti mill-Kard Ewropea tad-Diżabilità u għall-Parkeġġ.

Emenda 2

Artikolu 5(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità, waqt li jivvjaġġaw lejn jew iżuru Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huma residenti, jingħataw aċċess fuq termini u kundizzjonijiet ugwali bħal dawk ipprovduti lil persuni b’diżabilità li huma detenturi ta’ ċertifikat tad-diżabilità, kard tad-diżabilità jew kwalunkwe dokument formali ieħor li jirrikonoxxi l-istatus ta’ diżabilità tagħhom f’dak l-Istat Membru, għal kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali offrut fir-rigward tas-servizzi, l-attivitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1).

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità, waqt li jivvjaġġaw lejn jew iżuru Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huma residenti, jingħataw aċċess fuq termini u kundizzjonijiet ugwali bħal dawk ipprovduti lil persuni b’diżabilità li huma detenturi ta’ ċertifikat tad-diżabilità, kard tad-diżabilità jew kwalunkwe dokument formali ieħor li jirrikonoxxi l-istatus ta’ diżabilità tagħhom f’dak l-Istat Membru, għal kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali offrut fir-rigward tas-servizzi, l-attivitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) jew is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(3) .

Raġuni

Marbuta mal-Emenda 1 għall-Artikolu 2.

Emenda 3

Artikolu 6(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità għandha tinħareġ jew tiġġedded mill-Istat Membru ta’ residenza direttament jew wara applikazzjoni mill-persuna b’diżabilità. Din għandha tinħareġ u tiġġedded fl-istess perjodu stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ diżabilità, kards ta’ diżabilità jew kwalunkwe dokument formali ieħor li jirrikonoxxi l-istatus ta’ diżabilità ta’ persuna b’diżabilità.

Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità għandha tinħareġ jew tiġġedded mill-Istat Membru ta’ residenza direttament jew wara applikazzjoni mill-persuna b’diżabilità. Din għandha tinħareġ u tiġġedded mingħajr ħlas għall-benefiċjarju u f’perjodu raġjonevoli mid-data tal-applikazzjoni li ma għandux jaqbeż is-60 jum, dment li d-diżabilità tkun diġà ġiet rikonoxxuta uffiċjalment skont il-liġi nazzjonali.

Raġuni

Sabiex jiġi implimentat it-titjib li ġabu l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u dik għall-Parkeġġ, irid ikun garantit li dawn iż-żewġ kards jinħarġu u jiġġeddu f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Barra minn hekk, id-detenturi tal-kards m’għandhomx jitgħabbew bi spejjeż addizzjonali. Madankollu, ta’ min jinnota li l-valutazzjoni tad-diżabilità skont ir-regoli nazzjonali hija fundamentali għall-perjodu mmirat ta’ 60 jum għall-ħruġ u t-tiġdid taż-żewġ kards, u għandhom jiġu kkunsidrati eċċezzjonijiet għall-perjodu ta’ valutazzjoni.

Emenda 4

Artikolu 6(4) (żid paragrafu ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabilità, jew ir-rappreżentanti maħtura li jaġixxu f’isimhom u bl-approvazzjoni tagħhom, ikunu jistgħu jappellaw deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-ħruġ, it-tiġdid jew l-irtirar ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità.

Raġuni

Referenza addizzjonali biex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabilità u biex jiġi enfasizzat li dawn għandhom aċċess għall-istess strumenti legali bħall-persuni mingħajr diżabilità.

Emenda 5

Artikolu 9

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kundizzjonijiet u r-regoli, il-prattiki u l-proċeduri għall-ħruġ, għat-tiġdid jew għall-irtirar ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità u ta’ Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli, inkluż f’formati diġitali, u  fuq talba f’formati ta’ assistenza mitluba minn persuni b’diżabilità.

1.

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jagħmlu l-kundizzjonijiet u r-regoli, il-prattiki u l-proċeduri għall-ħruġ, għat-tiġdid jew għall-irtirar ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità u ta’ Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli, inkluż f’formati diġitali, u f’formati ta’ assistenza għal persuni b’diżabilità , b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-persuni b’diżabilità ta’ smigħ, viżiva jew konjittiva permezz, pereżempju, ta’ informazzjoni aċċessibbli fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali u formati faċli biex jinqraw .

2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza fost il-pubbliku u jinfurmaw lill-persuni b’diżabilità, inkluż b’modi aċċessibbli, dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet biex jiksbu, jużaw, jew iġeddu l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.

2.

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza fost il-pubbliku u jinfurmaw lill-persuni b’diżabilità, inkluż b’modi aċċessibbli, dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet biex jiksbu, jużaw, jew iġeddu l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.

3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw ir-riskju ta’ falsifikazzjoni jew frodi u għandhom jiġġieldu b’mod attiv l-użu frawdolenti u l-falsifikazzjoni tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità u tal-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.

3.

L-Istati Membri, u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jissensibilizzaw lill-pubbliku u jinfurmaw lill-persuni b’diżabilità, inkluż b’modi aċċessibbli, dwar kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali billi jużaw il-kanali ta’ informazzjoni kollha, inkluż fil-livell muniċipali.

4 .

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità jew ta’ Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità jirritornaw il-kards tagħhom lill-awtorità kompetenti ladarba l-kundizzjonijiet li taħthom ikunu nħarġu ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

4 .

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw ir-riskju ta’ falsifikazzjoni jew frodi u għandhom jiġġieldu b’mod attiv l-użu frawdolenti u l-falsifikazzjoni tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità u tal-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.

5 .

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f’każ li jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ abbuż jew użu ħażin tal-kards maħruġa minn Stat Membru ieħor fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-Kard Ewropea tad-Diżabilità jew il-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità jiġu informati. L-Istat Membru tal-ħruġ għandu jiżgura segwitu xieraq f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali.

5 .

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi ta’ Kard Ewropea tad-Diżabilità jew ta’ Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità jirritornaw il-kards tagħhom lill-awtorità kompetenti ladarba l-kundizzjonijiet li taħthom ikunu nħarġu ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

6 .

L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli dwar il-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Kard Ewropea tad-Diżabilità jew mill-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità u mad-drittijiet korrispondenti tal-persuni b’diżabilità li jkollhom dawk il-kards u l-persuna/i li jakkumpanjawhom jew li jgħinuhom inklużi l-assistent(i) personali tagħhom.

6 .

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f’każ li jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ abbuż jew użu ħażin tal-kards maħruġa minn Stat Membru ieħor fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-Kard Ewropea tad-Diżabilità jew il-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità jiġu informati. L-Istat Membru tal-ħruġ għandu jiżgura segwitu xieraq f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali.

7 .

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas b’mod ċar, komprensiv, faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli, inkluż permezz tas-sit web uffiċjali tal-operaturi privati jew tal-awtoritajiet pubbliċi fejn disponibbli, jew b’mezzi xierqa oħra, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti għas-servizzi stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882.

7 .

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iwettqu kontrolli dwar il-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Kard Ewropea tad-Diżabilità jew mill-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità u mad-drittijiet korrispondenti tal-persuni b’diżabilità li jkollhom dawk il-kards u l-persuna/i li jakkumpanjawhom jew li jgħinuhom inklużi l-assistent(i) personali tagħhom.

 

8 .

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas b’mod ċar, komprensiv, faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli, inkluż permezz tas-sit web uffiċjali tal-operaturi privati jew tal-awtoritajiet pubbliċi fejn disponibbli, jew b’mezzi xierqa oħra, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti għas-servizzi stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882.

9.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm finanzjament adatt disponibbli għall-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom biex ikopru l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi, il-ħruġ fiżiku tal-Kard, l-għoti ta’ informazzjoni, u l-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni, u spejjeż relatati oħra.

Raġuni

F’din l-emenda, għandu jiġi ċċarat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità u dik għall-Parkeġġ u għalhekk għandhom jiġu kkonsultati aktar. Barra minn hekk, huma għandhom ir-rwol li jinfurmaw lill-gruppi fil-mira tagħhom dwar il-Kard tad-Diżabilità u dik għall-Parkeġġ b’mod aċċessibbli billi jittrattaw ma’ persuni b’diżabilità fuq bażi ta’ kuljum. Fl-aħħar nett, punt importanti f’dan ir-rigward huwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jridux jiffaċċjaw sfidi finanzjarji addizzjonali, iżda jridu jiġu appoġġjati f’dan ir-rigward mil-livell Ewropew.

Emenda 6

Artikolu 11(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet , il-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom kif ukoll l-awtoritajiet amministrattivi ta’ implimentazzjoni rilevanti fil-livell lokali u reġjonali .

Raġuni

L-idea wara din l-emenda hija li jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-monitoraġġ minn dawk li suppost jibbenefikaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva partikolari. Permezz ta’ parteċipazzjoni diretta, il-persuni b’diżabilità jistgħu jaqsmu direttament l-għarfien espert u l-esperjenzi tagħhom għall-finijiet ta’ leġiżlazzjoni aktar inklużiva. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ukoll esperjenza sinifikanti, peress li l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-persuni b’diżabilità jiġu indirizzati fil-livell politiku tagħhom.

Emenda 7

Artikolu 12(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat u għandha tinvolvi b’mod sinifikanti lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b’diżabilità . Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Raġuni

Din l-emenda tirrifletti domanda ta’ diversi partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità.

Emenda 8

Artikolu 15

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi privati jew l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu informazzjoni dwar kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali skont l-Artikolu 5 disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli.

1.

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jiżguraw li l-operaturi privati jew l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu informazzjoni dwar kwalunkwe kundizzjoni speċjali jew trattament preferenzjali skont l-Artikolu 5 disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli , inkluż permezz ta’ informazzjoni aċċessibbli li ssir disponibbli b’mod awdjoviżiv jew b’lingwaġġ sempliċi . Għal dan l-għan, il-finanzjament tal-UE għandu jiġi pprovdut kif imsemmi fl-Artikolu 9.

2.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-operaturi privati jew lill-awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu b’mod volontarju kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali għall-persuni b’diżabilità.

2.

L-Istati Membri , u fejn rilevanti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iħeġġu lill-operaturi privati jew lill-awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu b’mod volontarju kundizzjonijiet speċjali jew trattament preferenzjali għall-persuni b’diżabilità.

[…]

[…]

Emenda 9

Artikolu 16(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Ir-rapporti tal-Kummissjoni għandhom iqisu l-fehmiet tal-persuni b’diżabilità, tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b’diżabilità.

Ir-rapporti tal-Kummissjoni għandhom iqisu l-fehmiet tal-persuni b’diżabilità, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ implimentazzjoni, tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b’diżabilità.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi mudell standardizzat komuni għall-Kard Ewropea tad-Diżabilità (European Disability Card – EDC) u għall-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità (European Parking Card – EPC) bħala miżura effettiva biex tiġi żgurata l-libertà tal-moviment bl-akbar indipendenza possibbli għall-persuni b’diżabilità u d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku;

2.

iqis li l-objettivi ta’ din l-inizjattiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti fil-livell nazzjonali, peress li tistabbilixxi b’mod speċifiku kards tal-Unjoni Ewropea li jippermettu lill-persuni b’diżabilità jasserixxu d-drittijiet tagħhom għal kundizzjonijiet ta’ parkeġġ u spazji riżervati jew trattament preferenzjali ieħor meta jużaw servizzi, attivitajiet jew kontenut fi Stat Membru li mhuwiex l-istat ta’ residenza tagħhom, li, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE. L-inizjattiva hija għalhekk kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.

ifakkar fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar “Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità” (1), li tenfasizza l-importanza li d-Direttiva l-ġdida tiġi allinjata mal-prinċipji komprensivi stabbiliti fl-Opinjoni preċedenti; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ olistiku, li jiżgura li l-inizjattiva l-ġdida mhix biss hija prattika iżda tqis ukoll b’mod wiesa’ l-aċċessibbiltà, l-indipendenza, u l-opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità;

4.

jilqa’ wkoll il-Proposta separata tal-Kummissjoni COM(2023) 698 final li testendi d-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fi Stat Membru. Din hija estensjoni meħtieġa tad-Direttiva biex tipprevjeni mhux biss kwalunkwe diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea, iżda biex jiġi żgurat li dawk li jeħtieġu l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ ikollhom ukoll aċċess ugwali għalihom;

5.

jenfasizza l-fatt li din id-Direttiva ma tfittixx li tarmonizza l-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-kundizzjonijiet jew il-proċeduri ta’ valutazzjoni differenti għall-kisba tal-istatus ta’ persuni b’diżabilità iżda tħalli din il-kompetenza f’idejn l-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

6.

jilqa’ l-fatt li l-mudell jiżgura aċċess ugwali għal kundizzjonijiet speċifiċi jew trattament preferenzjali għall-persuni kollha b’diżabilità li għandhom EDC jew EPC u li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’formati aċċessibbli f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

7.

iqis li l-mudelli standardizzati komuni għall-EDC u għall-EPC f’din il-Proposta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jasserixxu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’termini ta’ libertà ta’ moviment u d-dritt għal trattament u opportunitajiet ugwali fir-rigward tal-aċċess għal servizzi u attivitajiet fl-UE;

8.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi definit b’mod preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba proċeduri differenti u arranġamenti differenti fl-Istati Membri fl-asserzjoni ta’ trattament preferenzjali, u li jiġu definiti b’mod ċar is-servizzi u l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva li għandhom ikunu divrenzjati minn servizzi u attivitajiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-protezzjoni soċjali jew l-assistenza soċjali mhux koperti minn din id-Direttiva;

9.

jirrakkomanda li l-EDC jiġi estiż biex ikopri s-servizzi tas-sigurtà soċjali matul il-perjodi ta’ tranżizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-istudju jew ir-reklutaġġ ta’ persuni b’diżabilità fi Stat Membru ieħor. Din l-estensjoni hija proposta mhux biss għall-perjodu sakemm jiġi stabbilit l-intitolament sħiħ fl-Istat Membru l-ġdid, iżda wkoll għal soġġorni qosra bħal skambji taż-żgħażagħ, skambji ta’ studenti, internships, taħriġ professjonali, eċċ. Dan huwa kruċjali, peress li individwi b’diżabilità li jirrilokaw lejn pajjiż ieħor spiss jiffaċċjaw lakuni fl-intitolamenti tas-sigurtà soċjali; b’hekk telimina d-diskriminazzjoni kontra, ittejjeb l-ekwità favur u tawtonomizza lill-persuni b’diżabilità biex jasserixxu bis-sħiħ id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment, waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE, li timplika l-prinċipju ta’ trattament ugwali;

10.

jenfasizza r-rilevanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, u b’mod partikolari tal-awtoritajiet pubbliċi fid-destinazzjonijiet turistiċi, f’konformità mal-kompetenzi tagħhom, li jistgħu jinkludu, pereżempju, l-iżgurar ta’ spazji ta’ parkeġġ adegwati, il-kontroll tal-aċċess għas-servizzi, l-attivitajiet u l-faċilitajiet għad-detenturi tal-kards, l-iżgurar ta’ kontrolli regolari għall-prevenzjoni tal-abbuż, eċċ.;

11.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu programmi ta’ taħriġ għaċ-ċittadini, speċjalment il-persuni b’diżabilità, dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom bħala detenturi tal-kard, iżda wkoll għall-uffiċjali, il-persunal u l-entitajiet privati. Dan huwa partikolarment rilevanti f’destinazzjonijiet turistiċi li joffru prodotti u servizzi relatati mat-turiżmu (eż. akkwirenti pubbliċi, professjonisti tas-saħħa, ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, gwidi turistiċi, operaturi turistiċi, operaturi tat-trasport, eċċ.);

12.

jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jitħarreġ il-persunal li jikkontrolla l-korrettezza taċ-ċertifikati ta’ parkeġġ fuq il-vetturi, kif ukoll li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi miġġieled l-użu ħażin tal-EPC minn sewwieqa mingħajr diżabilità; jilqa’ l-Proposta mill-perspettiva tal-prevenzjoni tal-kriminalità, peress li l-UE qed tiffaċċja problemi kbar, fost oħrajn l-abbuż, is-serq u l-falsifikazzjoni ta’ dawn il-kards. Is-sistema li jeħtieġ li tinħoloq għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tikkontrobatti dan;

13.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni b’saħħitha u kontinwa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mal-fornituri tas-servizzi u li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġbir tal-feedback, it-titjib tal-effettività u l-utilità tal-kards u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-kards;

14.

jenfasizza li l-EDC għandu jikkomplementa l-prova ta’ diżabilità maħruġa fil-livell nazzjonali u maħruġa separatament, u li l-ħruġ tal-kard, kemm f’forma fiżika kif ukoll f’forma elettronika, għandu jkun mingħajr ħlas għall-utenti kollha, fuq talba tagħhom, u li dan il-qafas se jindirizza l-prova tal-istatus ta’ diżabilità fl-Istati Membri kollha;

15.

jappoġġja r-rekwiżit li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji għall-ipproċessar ta’ data personali f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (3), b’enfasi fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar it-tip ta’ diżabilità;

16.

jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida tad-Direttiva u kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, kif ukoll l-integrazzjoni tas-sistemi u r-reġistri kollha disponibbli fil-livell tal-Istati Membri. Dan għandu l-għan li jrawwem l-utilità taż-żewġ kards f’sitwazzjonijiet li jorbtu d-diżabilità ma’ drittijiet speċifiċi, u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-korpi lokali u reġjonali, pereżempju f’termini ta’ inċertezzi legali marbuta man-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ diżabilità, fir-rigward tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet għall-aċċess ta’ oġġetti u servizzi matul l-ivvjaġġar;

17.

jenfasizza l-ħtieġa għall-introduzzjoni rapida tal-mudell komuni ġdid tal-EPC minħabba li għadd kbir ta’ persuni b’diżabilità jużaw it-trasport f’vettura privata, peress li dan huwa l-aktar mezz vantaġġuż jew saħansitra l-uniku mod kif jiċċaqalqu b’mod indipendenti;

18.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu għodod diġitali għall-implimentazzjoni tal-EDC fil-livell lokali u reġjonali, u jitqies il-fatt li mhux l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha tal-UE stabbilixxew reġistru diġitali ta’ persuni b’diżabilità u għodod diġitali;

19.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfittxu b’mod attiv fondi Ewropej u nazzjonali li jappoġġjaw investimenti sinifikanti fit-titjib tal-infrastruttura u fl-adattamenti tal-infrastruttura, bħal rampi u liftijiet aċċessibbli, biex jiżguraw u jiżviluppaw aktar proġetti li jżidu l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li jtejbu direttament l-użu u r-rilevanza tal-kard billi jrawmu l-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà għall-binjiet u s-servizzi pubbliċi għall-persuni b’diżabilità;

20.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti standards minimi ta’ aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, kif ukoll l-importanza tal-viżibbiltà ta’ kuljum tal-kards li hija influwenzata b’mod pożittiv minn attivitajiet differenti, fil-livell lokali u reġjonali, bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità bl-inklużjoni tal-kards fis-servizzi pubbliċi bħat-trasport u avvenimenti kulturali, it-taħriġ tal-uffiċjali lokali dwar l-importanza u l-użu tal-kards, eċċ.;

21.

jemmen li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-promozzjoni u ż-żieda tal-viżibbiltà tal-kards, li tista’ tinkiseb permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza tal-kards, immirati lejn il-pubbliku ġenerali, l-utenti potenzjali tal-badges u l-fornituri tas-servizzi, fil-lingwi kollha tal-UE u f’formati sempliċi għall-qari u l-lingwa tas-sinjali, disponibbli fl-ogħla livell ta’ konformità (AAA) tal-Linji Gwida għall-Aċċessibbiltà tal-Web, dwar l-eżistenza tal-kards u l-kundizzjonijiet għall-kisba, l-użu u t-tiġdid tagħhom.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2024.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)   ĠU C 300, 27.7.2021, p. 24.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1981/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)