European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1046

9.2.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-“Governanza f’diversi livelli tal-Patt Ekoloġiku. Lejn ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza”

(C/2024/1046)

Relatur:

Joško KLISOVIĆ (HR/PSE), President tal-Assemblea, il-Belt ta’ Zagreb

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Jeħtieġ li niżguraw li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jibqa’ validu fil-futur bħala qafas ta’ politika

1.

jenfasizza l-fatt li l-għanijiet ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikjedu bidliet bla preċedent b’veloċità bla preċedent fid-deċennju kritiku li ġej u dawn jenħtieġ li jseħħu fil-biċċa l-kbira fil-livell lokali u reġjonali. Dan jinvolvi li ssir enfasi qawwija fuq l-istrumenti u l-miżuri għal implimentazzjoni bla xkiel, billi jiġu appoġġjati r-reġjuni u t-territorji inqas żviluppati sabiex jiġu evitati disparitajiet territorjali li qed jikbru, u t-tranżizzjoni lejn qafas Ewropew għal benesseri sostenibbli;

2.

jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ li jkun “protett lokalment”, peress li l-implimentazzjoni tiegħu se sseħħ fil-biċċa l-kbira fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fi stadju bikri ħafna biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE bl-għarfien tagħhom tal-kuntest soċjali u ekonomiku li fih jiġu implimentati l-politiki tal-UE. Il-KtR jimpenja ruħu li jieħu rwol attiv u ewlieni f’dan l-eżerċizzju ta’ verifika lokali;

3.

jisħaq li, sa mit-tnedija tiegħu fl-2019, il-Patt Ekoloġiku Ewropew iffaċċja sfidi ripetuti maħluqa minn kriżijiet multipli, iżda wera li għandu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kapaċità tar-reġjuni u l-bliet tal-UE li jiffaċċjaw dawn il-kriżijiet u jkunu reżiljenti; sabiex tkompli tissaħħaħ din ir-reżiljenza, il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ li jkunu ambizzjużi u reżistenti għall-kriżijiet u jipprovdu viżjoni fit-tul għaż-żoni lokali tal-UE;

4.

jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-mandat li jmiss tal-UE biex tiżgura qafas stabbli li jmur lil hinn minn terminu wieħed, billi tippubblika komunikazzjoni ġdida dwar “Patt Ekoloġiku 2.0” u billi tikkunsidra – kif previst fil-klawżola ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) sal-2030 – il-preżentazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva biex jiżdied anness mal-EAP. Dan se jgħin lill-UE tikseb l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, inklużi n-newtralità klimatika u l-benesseri sostenibbli sal-2050, permezz tal-mitigazzjoni u l-adattament, kif ukoll jgħinha tiżgura r-reżiljenza tar-reġjuni u l-bliet tal-UE u l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali u tal-UE mal-objettivi klimatiċi (l-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima (1)), filwaqt li tindirizza b’mod sistematiku kriżijiet ambjentali interdipendenti oħrajn, bħat-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis;

5.

jappella lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, u lill-Kummissjoni Ewropea, biex iwettqu rieżami u reviżjoni ulterjuri fil-fond tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (Regolament dwar il-Governanza) (2) billi jieħdu bħala punt tat-tluq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tar-Regolament dwar il-Governanza, u biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Dan se jiżgura qafas leġiżlattiv stabbli u konsistenti, b’lok għal soluzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, essenzjali għall-kisba tal-objettivi msemmija hawn fuq; jenfasizza li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f’dan ir-rieżami;

6.

iqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jsir strateġija ġenerali, allinjata aktar mal-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), bil-ħsieb li jiġu inklużi l-aktar dimensjonijiet rilevanti tal-iżvilupp sostenibbli, u jiġu sfruttati l-kobenefiċċji tal-kisba tal-għanijiet ambjentali u soċjali, filwaqt li tinżamm il-mira tan-newtralità klimatika bħala boxxla. Dawn l-isforzi jkunu konformi mad-diskussjonijiet li qed iseħħu fil-livell globali, pereżempju fil-qafas tal-grupp ta’ esperti tan-NU dwar is-sinerġiji bejn il-klima u l-SDGs (3);

7.

jenfasizza l-importanza tal-programmi tal-edukazzjoni tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet biex iħejju lill-komunitajiet lokali għat-tranżizzjoni ekoloġika. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f’inizjattivi edukattivi li jippromovu s-sensibilizzazzjoni ambjentali u jgħammru liċ-ċittadini b’ħiliet rilevanti għall-ekonomija ekoloġika emerġenti. Jappella għal appoġġ immirat u inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni attiva u l-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;

8.

jinsisti li r-rieżami tal-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jindirizza l-aspetti kollha relatati mal-gruppi vulnerabbli, biex iwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet soċjali u territorjali, li se jirrikjedi allinjament aktar sistematiku mal-allokazzjoni tar-riżorsi tal-UE, li jibda mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-benesseri sostenibbli u inklużiv (4) bħala l-ewwel pass importanti biex il-governanza tal-Ewropa timxi lil hinn mill-użu tal-PDG bħala l-indikatur rilevanti uniku;

9.

jitlob li l-politiki dwar is-saħħa u l-ġeneru jkunu konnessi b’mod aktar strutturali fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jiġi sfruttat l-approċċ tal-UE għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru u l-prinċipju ta’ “saħħa waħda” (5);

10.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku, u jindika l-esperjenza pożittiva tal-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero, kopreseduta b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-KtR. Il-KtR jimpenja ruħu li jkompli bl-appoġġ tiegħu għall-Pjattaforma, u jipproponi l-inklużjoni tagħha fil-“Patt Ekoloġiku 2.0” sabiex tissokta bil-ħidma tagħha fit-tul biex tgħin tintlaħaq l-Ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero għal Ambjent ħieles mis-Sustanzi Tossiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

11.

jenfasizza l-fatt li hija meħtieġa sistema komprensiva ta’ monitoraġġ u prospettiva (6) tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tiġi żgurata gwida adatta għall-governanza u l-implimentazzjoni tal-Patt, b’attenzjoni partikolari għall-ispeċifiċitajiet territorjali – b’mod partikolari billi titqies il-fraġilità ta’ kull reġjun fir-rigward ta’ ċirkostanzi naturali bħar-riskji ta’ terremoti u għargħar – kif ukoll il-vulnerabbiltajiet ta’ ċerti territorji, inklużi żoni remoti u rurali, fid-dawl tal-promozzjoni ta’ benesseri sostenibbli u inklużiv għall-Ewropej kollha. L-UE għandha taħdem lejn sett armonizzat ta’ indikaturi, li jibnu fuq dawk eżistenti (7), li jippermettu granularità adegwata fil-livell sottonazzjonali għal aspetti ewlenin, kif diġà qed jiġri, pereżempju, fil-każ tat-tabella ta’ valutazzjoni urbana u reġjonali ta’ Tniġġis Żero (8). Jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-Osservatorju Ewropew dwar in-Newtralità Klimatika (ECNO) (9) bħala pass ewlieni ’l quddiem f’din id-direzzjoni; dan is-sett ta’ indikaturi jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ u l-aġġornament kontinwi tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali għall-Ftehim ta’ Pariġi;

12.

jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku f’kull Stat Membru għas-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u għall-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli fil-livell lokali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jespandu u jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku biex irawmu l-involviment fil-livell lokali u t-tixrid tal-għarfien u jgħaqqdu aħjar dawn l-attivitajiet mal-inizjattivi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, pereżempju, il-Patt Ewropew tas-Sindki;

13.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ sett affidabbli u konsistenti ta’ data miftuħa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-politiki ppjanati, jiġu evalwati l-oqfsa attwali, tiġi ppjanata l-infrastruttura, jiġu vvalutati l-pjani nazzjonali, reġjonali u lokali u jiġu identifikati l-prijoritajiet; sabiex jingħeleb dan l-ostaklu, jitlob li tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea tal-Enerġija li tipprovdi infrastruttura imparzjali ta’ data, monitoraġġ u għarfien għal deċiżjonijiet dwar il-politika tal-enerġija;

Lejn ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika

14.

iqis li r-Regolament dwar il-Governanza sar strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija u għandu l-potenzjal li jsir wieħed mis-sisien tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; fid-dawl ta’ dan l-għan, jappella lill-Istati Membri jiżguraw aħjar il-konsistenza u l-komplementarjetajiet fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħhom;

15.

jemmen li l-istrateġiji nazzjonali fit-tul stipulati fir-Regolament dwar il-Governanza jistgħu jissaħħu u jitwessgħu biex jinkludu aktar aspetti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jħaddnu t-tranżizzjoni ġusta bil-għan li jkun hemm benesseri sostenibbli, billi jsiru strateġiji fit-tul għall-Patt Ekoloġiku, u billi jibnu fuq il-ħidma żviluppata mill-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Isfida għal Bliet Intelliġenti fil-Patti Ekoloġiċi Lokali (10), filwaqt li l-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) u l-Istrateġiji Nazzjonali ta’ Adattament jibqgħu ffukati fuq il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tagħhom; l-istrateġija fit-tul għall-qafas tal-Patt Ekoloġiku għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-pjani nazzjonali eżistenti li huma komparabbli f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u ambizzjoni;

16.

jilqa’ l-ħidma li saret mill-OECD dwar Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp Sostenibbli; il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea tkompli timplimenta dan il-qafas, billi jiġi inkluż fir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza, abbażi tal-kontrolli tal-konsistenza previsti fil-Liġi dwar il-Klima fl-Artikoli 6 u 7 u l-aħjar prattiki ta’ diversi Stati Membri tal-UE (11);

17.

iqis il-kwalità fqira tad-djalogi u l-konsultazzjonijiet f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija f’ċerti Stati Membri (12) bħala theddida serja għall-implimentazzjoni b’suċċess tar-Regolament dwar il-Governanza (13), li tista’ tirnexxi biss bl-involviment ġenwin tal-bliet u r-reġjuni (14); jitlob għalhekk għat-tisħiħ tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Governanza u jissuġġerixxi li l-Artikolu 11 rivedut jesiġi li l-Istati Membri, f’konformità maċ-ċirkostanzi amministrattivi tagħhom stess, jistabbilixxu djalogu permanenti f’diversi livelli dwar l-enerġija u l-klima, li jiddiskuti l-NECPs u jista’ jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-diskussjoni għall-aspetti kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew meta jkun meħtieġ. Strutturi nazzjonali eżistenti b’kamp ta’ applikazzjoni u skop simili jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti;

18.

iqis, b’mod partikolari, li l-bliet, speċjalment dawk b’popolazzjoni densa, huma l-aktar fraġli u l-aktar milqutin mill-effetti negattivi taż-żieda fit-temperatura globali. Jinnota li l-istruttura tal-bliet u l-metropoli, u l-kundizzjonijiet tal-għajxien f’dawn iż-żoni, ivarjaw ħafna fil-livell nazzjonali; għalhekk, iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati regolarment matul il-fażi tal-ippjanar għall-miżuri taħt l-NECPs;

19.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ finanzjament u riżorsi ddedikati biex jappoġġjaw it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol fir-reġjuni milquta ħafna mit-tranżizzjoni ekoloġika. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkollaboraw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija biex jistabbilixxu ċentri u programmi ta’ taħriġ li jindirizzaw id-diskrepanzi speċifiċi fil-ħiliet f’dawn ir-reġjuni;

20.

iqis li n-nuqqas jew il-kwalità baxxa tad-djalogu f’diversi livelli għandhom ikunu raġunijiet sodi biex il-Kummissjoni Ewropea toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar l-NECP tal-Istati Membri, peress li, fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jostakola l-kredibbiltà tal-pjan kollu. Id-dipartimenti relatati tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jingħataw biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa, bħalma diġà huwa l-każ għal obbligi konsultattivi simili inklużi fil-leġiżlazzjoni ambjentali;

21.

jissuġġerixxi li d-djalogu ġdid u permanenti f’diversi livelli dwar l-enerġija u l-klima għandu jħeġġeġ proċeduri ta’ ppjanar konġunt mal-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti li għandhom kompetenzi diretti rigward kwistjonijiet relatati mal-klima, l-enerġija u l-ambjent, u li dawn jistgħu jiġu attivati fuq talba tal-awtorità nazzjonali jew ta’ grupp ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat;

22.

iqis li l-Artikolu 11 rivedut tar-Regolament dwar il-Governanza għandu jiżgura l-kwalità tad-djalogi f’diversi livelli maż-żmien, billi jibda min-negozjati dwar il-politika dwar il-klima u l-enerġija u jkompli matul il-fażi ta’ implimentazzjoni biex jiffaċilita l-iskambji dwar l-ostakli u l-lievi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jistabbilixxu d-djalogi permanenti f’diversi livelli dwar l-enerġija u l-klima, u b’hekk jibnu fuq il-prattiki tajbin ta’ ispirazzjoni bħal dawk identifikati fil-proġett LIFE NECPlatform (15);

23.

iqis li, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika fir-Regolament dwar il-Governanza (Artikolu 10) għandha tissaħħaħ u tiġi mmonitorjata aħjar biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jieħdu sehem aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent, li hija essenzjali biex jiġu żgurati bidliet strutturali fl-imġiba;

24.

jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku Ewropew fih għadd ta’ obbligi u miri ġodda ta’ ppjanar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Ir-Regolament rivedut dwar il-Governanza għandu għalhekk jagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jinkludu kapitolu ġdid fl-NECPs dwar “Appoġġ u riżorsi pprovduti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni”, li fih l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-appoġġ tekniku u finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza u b’mod partikolari jipprovdu dettalji dwar approċċ strutturali u sistemiku għall-finanzjament, is-semplifikazzjoni tal-fondi differenti tal-UE disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-allinjament tal-ipprogrammar mill-Istati Membri tal-finanzjament tal-UE biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali (eż. RePowerEU, il-fond soċjali għall-klima, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), eċċ.). Dan il-kapitolu għandu jiġi diskuss b’mod estensiv fid-djalogu permanenti f’diversi livelli dwar l-enerġija u l-klima;

25.

jitlob li jsir użu tajjeb mill-għodod ta’ diversi livelli eżistenti, bħall-inizjattivi tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien u tax-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki, is-sejbiet tar-riċerka u s-soluzzjonijiet innovattivi relatati mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-istituzzjonijiet edukattivi jipparteċipaw b’mod attiv f’dawn l-inizjattivi skont il-mudell tal-ispiral kwadruplu, sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tagħhom u jiġi promoss it-tagħlim kollaborattiv;

26.

jissuġġerixxi li r-Regolament dwar il-Governanza jappoġġja l-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ servizz tal-Patt Ekoloġiku fil-livell sottonazzjonali biex tissaħħaħ l-introduzzjoni ta’ politiki sostenibbli integrati fil-livell lokali u reġjonali, b’approċċ trasversali, billi jiġu offruti informazzjoni u gwida faċilment aċċessibbli dwar l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali l-ġdid, kif ukoll dwar fejn tista’ tinstab assistenza teknika u finanzjarja. Dawn il-punti uniċi ta’ servizz għandhom jibnu fuq l-esperjenzi attwali tal-istrutturi lokali li jgħinu lill-bliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima u jwessgħu l-appoġġ tagħhom għas-setturi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

27.

jenfasizza li l-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija u l-klima huma kruċjali biex jappoġġjaw l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jsaħħu l-kapaċitajiet u l-ħiliet lokali u jippermettu aċċess aħjar għall-fondi u d-distribuzzjoni tagħhom. Dawn għandhom jiġu appoġġjati aktar permezz ta’ finanzjament u strumenti finanzjarji ddedikati tal-UE, kif ukoll permezz ta’ aktar appoġġ minn programmi ta’ assistenza teknika bħall-Faċilità tal-Bliet Ewropej (EUCF), il-Fond għall-Iżvilupp tal-Proġetti, u l-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA) u l-programm ManagEnergy; Jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati wkoll permezz tal-programmi tal-UE msemmija hawn fuq u ta’ strumenti ta’ finanzjament u finanzjarji tal-UE ddedikati, biex jagħlqu d-distakk eżistenti f’termini ta’ ħiliet u riżorsi fil-livell lokali u reġjonali;

28.

jissuġġerixxi li r-Regolament dwar il-Governanza riformulat jirrikjedi li l-Istati Membri jintegraw u jirrapportaw dwar l-impenji, id-data u l-miżuri relatati mal-awtoritajiet lokali u reġjonali disponibbli fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima żviluppati mill-firmatarji tal-Patt Ewropew tas-Sindki, fil-Kuntratti tal-Bliet dwar il-Klima żviluppati mill-bliet taħt il-“Missjoni tal-UE: Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti” u fil-Patti Ekoloġiċi Lokali, biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ ambizzjoni u jiġi żgurat ukoll li l-NECPs jaqblu mal-kuntest lokali. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) jista’ jkollu rwol ewlieni (16) f’dan il-proċess u jipprovdi lill-Istati Membri, flimkien mal-koordinaturi nazzjonali tal-Patt tas-Sindki, informazzjoni rilevanti għal kull pajjiż f’format adatt għall-inklużjoni fl-NECPs sabiex tiġi sfruttata d-data eżistenti;

29.

iqis li r-rabta tal-miri nazzjonali stabbiliti fir-Regolament dwar il-Governanza u l-miri lokali u reġjonali hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-impenji tal-Istati Membri. Bl-istess mod, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu kont formali tal-azzjoni klimatika sottonazzjonali u tirrapporta dwarha fil-livell tan-NU, fil-qafas tar-reviżjoni tal-Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-UE;

30.

Jirrikonoxxi l-importanza li titrawwem kultura ta’ innovazzjoni u intraprenditorija fil-livelli lokali u reġjonali. Iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ għadd kbir ta’ Widien tal-Innovazzjoni Reġjonali kif ukoll ċentri ta’ innovazzjoni u inkubaturi f’reġjuni inqas żviluppati. Dawn l-istrutturi bbażati fuq il-post għandhom jiġu appoġġjati f’sinerġija minn sħubijiet pubbliċi-privati u flussi ta’ fondi differenti tal-UE, sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni ekoloġika, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala strateġija globali: lejn qafas Ewropew għal ekonomija tal-benesseri

31.

iqis li l-inklużjoni strutturali tal-kriterji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-istrumenti kollha ta’ governanza ekonomika u ta’ finanzjament tal-UE hija fundamentali għal qafas Ewropew ġdid għall-benesseri sostenibbli li jmur lil hinn mill-kunsiderazzjoni tal-PDG bħala indikatur uniku tal-benesseri għas-soċjetajiet tagħna;

32.

iqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jiġi implimentat b’suċċess biss jekk ikun inkorporat kif xieraq fil-governanza ekonomika tal-UE, billi jibda mill-QFP u ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, u għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, issaħħaħ l-isforzi tagħha f’din id-direzzjoni; jirrimarka li l-prijoritajiet ambjentali kollha deskritti fit-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jeħtieġ li jiġu riflessi biex jiġi żgurat li l-UE tibqa’ fil-limiti planetarji;

33.

jappoġġja riforma bir-reqqa tal-funzjonament tas-Semestru Ewropew biex jiġi allinjat aktar mal-objettivi settorjali kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għalhekk ma’ strumenti bħalma huma l-NECPs u t-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, billi jibni fuq l-esperjenza rilevanti tal-inizjattiva L-Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew u fuq l-integrazzjoni tal-SDGs fl-analiżi tas-Semestru Ewropew;

34.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi tal-impatt soċjali tal-politiki ta’ tranżizzjoni ekoloġika. Jitlob li fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-Patt Ekoloġiku jiġu integrati l-għodod ta’ monitoraġġ stabbiliti bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri ta’ inklużjoni soċjali, u jipproponi aġġustamenti tal-istrateġiji lokali għat-tranżizzjoni ekoloġika kif meħtieġ;

35.

iħeġġeġ integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u l-kunċetti ta’ tranżizzjonijiet ġusti, u ġustizzja ambjentali u soċjali bħala parti mill-indikaturi tal-evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew, u b’hekk jiġi żgurat li l-metodoloġiji għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jkunu konsistenti biżżejjed u adatti għall-implimentazzjoni fil-livell sottonazzjonali;

36.

jenfasizza l-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-Rapport speċjali tagħha dwar il-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija (17) tinnota li l-NECPs ma għandhomx biżżejjed preċiżjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment u s-sorsi ta’ finanzjament biex jiġi vvalutat jekk hux se jkun disponibbli finanzjament suffiċjenti biex jintlaħqu l-miri tal-2030. Il-KtR għalhekk jirrakkomanda li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet ta’ investiment mill-Istati Membri fl-NECPs tagħhom billi tiġi adottata metodoloġija komuni biex tiġi armonizzata l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment: din l-analiżi tista’ tkun marbuta aħjar mal-qafas tas-Semestru Ewropew u tkun allinjata mal-miżuri u l-objettivi tal-NECPs, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Governanza, u tal-istrateġiji fit-tul, kif stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Governanza;

37.

iqis li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ l-inklużjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f’din il-politika u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u l-kunċetti ta’ tranżizzjoni ġusta, u ġustizzja ambjentali u soċjali f’dan il-kuntest ukoll;

Id-dimensjoni soċjali tal-Patt Ekoloġiku

38.

itenni li kriżijiet reċenti dgħajfu l-komunitajiet tal-UE u l-koeżjoni soċjali, u kellhom impatt qawwi fuq dawk l-aktar vulnerabbli: għalhekk, il-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ li jiffoka aktar u aktar fuq id-dimensjoni soċjali u jisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni soċjali bħala skattatur għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta;

39.

jilqa’ r-rapport tal-JRC dwar Id-demografija u t-tibdil fil-klima (18) u jtenni l-appell tiegħu biex titqies id-differenza reġjonali fl-istruttura demografika u r-relazzjonijiet bejn id-dinamika tal-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni meta jiġu mfassla l-mogħdijiet reġjonali għat-tranżizzjoni ekoloġika: dan l-aspett isaħħaħ il-ħtieġa ta’ approċċ ibbażat fuq il-post għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

40.

jenfasizza l-fatt li ż-żgħażagħ huma l-aktar sezzjoni riċettiva tas-soċjetà u xpruni li jinfluwenzaw, jippromovu u jitolbu imġiba responsabbli għal tranżizzjoni sostenibbli; jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jieħdu vantaġġ mill-impenn tagħhom biex jipproteġu l-ambjent u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u biex jinvolvuhom aħjar fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

41.

jenfasizza l-ħtieġa għal żvilupp aktar b’saħħtu tal-ħiliet u l-kapaċitajiet fil-livell lokali u reġjonali, kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ, l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u politiki edukattivi mmirati li jippromovu “kultura sostenibbli”. Dan l-element għandu jiġi kkunsidrat aktar fl-iżvilupp tal-NECPs, b’enfasi partikolari fuq il-ħiliet fl-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali, u jibni fuq id-dispożizzjonijiet inklużi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (19) u fid-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar l-NECPs (20); iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw programmi edukattivi mfassla apposta li jispiraw sens ta’ responsabbiltà ambjentali u sensibilizzazzjoni klimatika fost l-istudenti;

42.

jenfasizza l-importanza li jiġu promossi d-diversità u l-inklużività fil-forza tax-xogħol ekoloġika. Iħeġġeġ favur inizjattivi mmirati lejn gruppi sottorappreżentati, inklużi n-nisa, il-minoranzi, u l-persuni b’diżabilità, biex jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg relatati mal-ekonomija ekoloġika. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkollaboraw mal-NGOs u mal-imsieħba tas-settur privat biex joħolqu perkorsi ta’ aċċess ugwali għall-individwi kollha fis-suq tal-impjiegi ekoloġiċi;

43.

jenfasizza l-fatt li l-amministrazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew identifikati li qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ kompetenza, kapaċità u finanzjament, li ġie aggravat mill-ammont ta’ xogħol addizzjonali li rriżulta mill-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Reżiljenza u Rkupru. Jemmen, għalhekk, li għandhom jiżdiedu l-isforzi, anke permezz ta’ finanzjament u/jew trasferimenti diretti għall-awtoritajiet lokali, sabiex il-forza tax-xogħol pubblika tissaħħaħ b’ħiliet relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija u mal-adattament għat-tibdil fil-klima; jirrakkomanda li jingħata appoġġ permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iskambji sabiex tinbena l-kapaċità tal-persunal tal-amministrazzjoni lokali. Inizjattivi bħan-Network tal-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward, billi jrawmu network deċentralizzat ta’ difensuri klimatiċi appassjonati, u b’hekk jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw minn involviment akbar fil-livell lokali, sensibilizzazzjoni pubblika usa’, u implimentazzjoni lokali msaħħa tal-azzjonijiet klimatiċi, li jamplifikaw b’mod effettiv l-impatt tal-inizjattivi ta’ sostenibbiltà tagħhom;

44.

jenfasizza l-importanza tat-tagħlim bejn il-pari u l-aħjar kondiviżjoni tal-prattiki biex titħaffef it-tranżizzjoni u jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-aġenziji eżekuttivi rilevanti jaħdmu mal-KtR biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien minn proġetti tal-UE u juru liċ-ċittadini l-benefiċċji tat-tranżizzjoni b’mod tanġibbli.

45.

itenni r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta, permezz tal-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali essenzjali, miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar tal-mobbiltà enerġetika u appoġġ immirat ieħor biex il-gruppi vulnerabbli jiġu protetti minn impatt negattiv relatat mal-għoli tal-ħajja; itenni għalhekk l-appell tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija upstream tal-Pjani Soċjali għall-Klima, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima, u jallinjaw dawk il-pjani mal-NECPs tagħhom biex jipprijoritizzaw il-miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u tal-mobbiltà.

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(3)  Harnessing Climate and SDGs Synergies (L-Isfruttar Għaqli tas-Sinerġiji bejn il-Klima u l-SDGs), Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali (un.org) (https://sdgs.un.org/climate-sdgs-synergies)

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2023 (mhux disponibbli bil-Malti) (COM(2023) 376 final).

(5)  https://www.who.int/health-topics/one-health#tab=tab_1.

(6)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58) (ENVE-VI/037).

(7)  Ir-rapport “Measuring Progress towards Climate Neutrality”, Ecologic Institute (mhux disponibbli bil-Malti) (https://www.ecologic.eu/18153).

(8)  https://environment.ec.europa.eu/events/zero-pollution-urban-and-regional-scoreboard-workshop-2023-04-25_en.

(9)  https://climateobservatory.eu/.

(10)  www.intelligentcitieschallenge.eu/news/local-green-deals-blueprint-action

(11)  https://www.oecd.org/gov/pcsd/pcsd-country-profiles.htm

(12)  Studju tal-KtR, L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza tal-unjoni tal-enerġija, 2023.

(13)  Ara Faber, Ricarda, D. Kocher u M. Duwe (2023) Progress on the implementation of national Multilevel Climate and Energy Dialogues: Assessing Member States’ own reporting. A preliminary assessment of the implementation of Article 11 of the EU’s Governance Regulation. 4i-TRACTION Procedural Governance Series. Ecologic Institute, Berlin.

(14)  https://unhabitat.org/urban-climate-action-the-urban-content-of-the-ndcs-global-review-2022

(15)  Dan il-proġett tal-UE għandu l-għan li jiffaċilita djalogi f’diversi livelli f’sitt Stati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Italja, Franza, il-Portugall, ir-Rumanija) billi jistabbilixxi pjattaformi ta’ djalogu f’diversi livell (https://energy-cities.eu/project/life-necplatform/).

(16)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “It-trawwim tal-potenzjal u s-sinerġiji tal-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE għar-reġjuni u l-bliet” (ĠU C, C/2023/249, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/249/oj) (CDR 229/2023).

(17)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport speċjali 18/2023: Il-miri tal-UE għall-klima u għall-enerġija – Il-miri għall-2020 inkisbu, iżda ftit hemm indikazzjoni li l-azzjonijiet biex jintlaħqu l-miri għall-2030 se jkunu suffiċjenti (https://www.eca.europa.eu/mt/publications/SR-2023-18).

(18)  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC133580 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)   ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35.

(20)  Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Gwida lill-Istati Membri għall-aġġornament tal-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima 2021-2030 (ĠU C 495, 29.12.2022, p. 24).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1046/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)